Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2021/2910(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0490/2021

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 07/10/2021 - 8
PV 07/10/2021 - 14

Testi adottati :

P9_TA(2021)0419

Testi adottati
PDF 234kWORD 53k
Il-Ħamis, 7 ta' Ottubru 2021 - Strasburgu
Il-liġi tal-istat ta' Texas (Stati Uniti tal-Amerka) dwar l-abort
P9_TA(2021)0419RC-B9-0490/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ottubru 2021 dwar il-liġi tal-istat ta' Texas (Stati Uniti tal-Amerka) dwar l-abort (2021/2910(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-25 ta' Novembru 2020 dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Ġeneru (Gender Action Plan, GAP) III – aġenda ambizzjuża għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-għoti tas-setgħa lin-nisa fl-azzjoni esterna tal-UE (JOIN(2020)0017),

–  wara li kkunsidra l-gwida tad-WHO bit-titlu "Safe abortion: technical and policy guidance for health systems",

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tal-1979,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika ("il-Konvenzjoni ta' Istanbul"),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra tal-1984,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità tal-2006,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-14 ta' Settembru 2021 bit-titlu "UN experts denounce further attacks against right to safe abortion and Supreme Court complicity",

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti maqbula fl-2015 u, b'mod partikolari, l-Għanijiet 3 u 5, dwar il-promozzjoni tas-saħħa u dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri rispettivament,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”),

–  wara li kkunsidra l-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD) tal-1994 fil-Kajr, il-Programm ta' Azzjoni tagħha, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-konferenzi ta' rieżami tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Nairobi tal-1 ta' Novembru 2019 fl-okkażjoni tal-25 anniversarju tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD25) bit-titlu "Accelerating the Promise" u l-impenji nazzjonali u tas-sħab u l-azzjonijiet kollaborattivi li tħabbru fis-Summit ta' Nairobi,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ġunju 2021 dwar is-sitwazzjoni tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fl-UE, fil-kuntest tas-saħħa tan-nisa(1), li tgħid li l-aċċess għall-kura tas-saħħa riproduttiva huwa pilastru fundamentali tad-drittijiet tan-nisa u ċ-ċaħda tagħha hija forma ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet,

–  wara li kkunsidra l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing u l-konklużjonijiet tal-konferenzi ta' rieżami tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerka,

–  wara li kkunsidra s-sentenza fil-kawża Roe vs Wade tal-1973, ikkonfermata bis-sentenzi fil-kawżi Planned Parenthood vs Casey u Whole Woman's Health v. Hellerstedt, li tistabbilixxi d-dritt kostituzzjonali tal-Istati Uniti li n-nisa tqal jiddeċiedu jekk ikomplux bit-tqala qabel ma l-fetu jsir vijabbli,

–  wara li kkunsidra l-Liġi Nru 8 tas-Senat ta' Texas (SB8) tal-2021 "Relating to abortion, including abortions after detection of an unborn child’s heartbeat; authorizing a private civil right of action",

–  wara li kkunsidra l-ordni tal-Qorti Suprema tal-Istati Uniti tal-1 ta' Settembru 2021 li biha rrifjutat l-imblukkar tal-liġi SB8 ta' Texas,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, fl-1 ta' Settembru 2021, l-Istat ta' Texas ippromulga l-SB8, li tipprojbixxi lin-nisa milli jiksbu aċċess għall-abort wara l-bidu tal-impulsi kardijaċi tal-fetu, de facto anke minn sitt ġimgħat biss mill-aħħar ċiklu mestrwali, tirrikjedi żewġ ultrasounds separati qabel il-proċedura, u ma tagħmilx eċċezzjoni jekk it-tqala tirriżulta minn stupru, inċest jew jekk il-kundizzjonijiet ta' saħħet il-fetu jkunu inkompatibbli ma' ħajja sostnuta wara t-twelid; billi l-SB8 tammonta għal projbizzjoni kważi totali tal-abort;

B.  billi kemm l-Istati Uniti kif ukoll l-UE jeħtiġilhom jirrispettaw il-prinċipju tad-drittijiet tal-bniedem bħala inaljenabbli u inerenti għall-bnedmin kollha;

C.  billi n-natura fundamentali tas-sħubija transatlantika timplika li għandha l-għeruq tagħha fil-valuri komuni tagħna, inkluż ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

D.  billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-għoti tas-setgħa lin-nisa u l-bniet kollha, l-iżgurar ta' ħajja b'saħħitha, l-eliminazzjoni tal-faqar kullimkien u l-promozzjoni tal-benessri għal kulħadd f'kull età huma għanijiet fundamentali stabbiliti fl-SDGs 1, 3 u 5; billi l-Istati Membri kollha tan-Nazzjonijiet Uniti assumew dmirijiet u obbligi li jirrispettaw u jippromwovu dawn l-għanijiet stabbiliti fl-SDGs, inklużi l-miri 3,7 u 5,6 dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati (SRHR);

E.  billi l-SRHR huma bbażati fuq id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, huma protetti fid-dritt internazzjonali u Ewropew dwar id-drittijiet tal-bniedem bħal fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, is-CEDAW u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u jikkostitwixxu element essenzjali tal-għoti komprensiv tal-kura tas-saħħa;

F.  billi l-Kumitat għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa u l-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità f'Awwissu 2018 ħarġu dikjarazzjoni konġunta li fiha enfasizzaw li l-aċċess għal abort sikur u legali, kif ukoll għal servizzi u informazzjoni relatati, huwa aspett essenzjali tas-saħħa riproduttiva tan-nisa, u ħeġġew lill-pajjiżi jtemmu r-restrizzjonijiet rigward l-SRHR tan-nisa u l-bniet, billi dan jhedded is-saħħa u l-ħajja tagħhom; billi l-aċċess għall-abort huwa dritt tal-bniedem, filwaqt li d-dewmien jew iċ-ċaħda tiegħu jikkostitwixxu forom ta' vjolenza sessista u jistgħu jikkostitwixxu tortura u/jew trattamenti krudili, inuman jew degradanti; billi l-SRHR huma miri inkorporati fl-SDGs 3 u 5 tan-Nazzjonijiet Uniti, u billi l-vjolenza sessista u l-eliminazzjoni ta' kull prattika dannuża kontra n-nisa huma mira tal-SDG 5;

G.  billi l-aċċess għal edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità u r-relazzjonijiet u l-SRHR, inklużi l-ippjanar tal-familja, il-metodi ta' kontraċezzjoni u l-abort sikur u legali, kif ukoll l-awtonomija u l-kapaċità ta' kull persuna li tieħu deċiżjonijiet ħielsa u indipendenti dwar ġisimha u ħajjitha, huma prekundizzjoni għall-indipendenza tal-persuna u għalhekk huma essenzjali għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-oqsma kollha tal-ħajja privata u pubblika, inkluża l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u fil-politika, u l-eliminazzjoni tal-vjolenza sessista; billi japplika l-prinċipju ta' "ġisem il-persuna, l-għażla tagħha";

H.  billi l-involviment tal-irġiel u s-subien fl-SRHR huwa kemm objettiv kif ukoll prerekwiżit għal ugwaljanza sostenibbli;

I.  billi r-realizzazzjoni tal-SRHR hija element essenzjali tad-dinjità tal-bniedem u hija marbuta intrinsikament mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ġlieda kontra l-vjolenza sessista; billi l-parteċipazzjoni tan-nisa u l-bniet fil-formulazzjoni tal-liġijiet u l-politiki li jaffettwawhom u li jikkonċernaw id-drittijiet tagħhom bħala bnedmin, inklużi l-SRHR u l-abort, u l-iżgurar ta' aċċess għal ġustizzja u rimedju meta jinkisrulhom drittijiethom, huma kruċjali għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

J.  billi d-dritt għar-rispett tal-integrità fiżika u mentali ta' persuna huwa ċentrali għall-Karta;

K.  billi fil-kawża storika Roe vs Wade, il-Qorti Suprema llegalizzat l-abort fl-Istati Uniti kollha u stabbiliet id-dritt kostituzzjonali tal-Istati Uniti li n-nisa tqal jiddeċiedu jkomplux bit-tqala qabel ma l-fetu jsir vijabbli; billi dan ġie kkonfermat fil-kawżi Planned Parenthood vs Casey u Whole Woman's Health vs Hellerstedt;

L.  billi 12-il stat ieħor tal-Istati Uniti ppromulgaw projbizzjonijiet fuq l-abort kmieni fit-tqala, iżda lkoll ġew iddikjarati antikostituzzjonali mill-qrati federali u ġew imblukkati milli jidħlu fis-seħħ;

M.  billi l-SB8 tipprojbixxi l-abort wara madwar sitt ġimgħat tqala u billi peress li qabel l-SB8, madwar 85 sa 90 % tan-nisa li għamlu abort f'Texas kellhom tal-anqas sitt ġimgħat tqala, il-liġi se twassal għat-tmiem de facto tal-abort fl-istat;

N.  billi l-SB8 hija mfassla biex teżenta lill-uffiċjali tal-gvern milli jinfurzaw il-liġi, iżda minflok tinċentiva lil ċittadini privati jippruvaw jiksbu gwadann monetarju billi jfittxu lil kull min jipprovdi servizzi ta' abort jew jassisti lil xi ħadd biex jikseb tali kura fl-istat, li x'aktarx se jwassal għall-fastidju legalizzat tal-fornituri tal-kura tas-saħħa, tan-nisa li jkollhom bżonn abort u ta' kull min jgħinhom, inklużi l-maħbubin tagħhom; billi, fi kwalunkwe każ, l-SB8 se twassal għal effett dissważiv fuq il-fornituri tal-kura tas-saħħa;

O.  billi l-Kumitat għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa osserva li l-kriminalizzazzjoni tal-abort ma sservi ta' ebda deterrent; billi, kif innutat mill-Grupp ta' Ħidma dwar id-diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-bniet, fejn hemm restrizzjonijiet legali fuq l-abort, it-terminazzjoni sikura tat-tqala ssir privileġġ ta' nisa soċjoekonomikament vantaġġati, filwaqt li nisa b'riżorsi limitati jkollhom jirrikorru għal aborti perikolużi u klandestini, u b'hekk ipoġġu ħajjithom u saħħithom f'riskju; billi, kif diġà ġie osservat f'każijiet oħra ta' restrizzjonijiet fuq l-abort, l-SB8 se taffettwa sproporzjonatament lil persuni li diġà qed jiffaċċjaw diskriminazzjoni jew ostakli fl-aċċess għall-kura tas-saħħa, inklużi persuni razzjalizzati, minoranzi etniċi, nisa mingħajr dokumenti u persuni li għandhom introjtu baxx jew jgħixu f'żoni rurali u m'għandhomx il-mezzi biex jivvjaġġaw sabiex jiksbu aċċess għal dawn is-servizzi;

P.  billi l-projbizzjoni tal-abort u, għaldaqstant, il-fatt li n-nisa jiġu mġiegħla jfittxu aborti perikolużi, jirriżultaw f'mortalità materna akbar, imwiet li jistgħu jiġu evitati għalkollox;

Q.  billi l-istat ta' Texas diġà ppromulga 26 restrizzjoni fuq l-abort f'dawn l-aħħar għaxar snin, inkluża l-projbizzjoni ta' din is-sena fuq l-abort wara sitt ġimgħat u projbizzjoni fuq l-abort li tidħol fis-seħħ jekk is-sentenza f'Roe vs Wade tiġi revokata; billi, sadattant, l-għadd ta' kliniċi tal-abort fl-istat naqas minn 46 klinika fl-2011 għal 21 waħda biss fl-2017; billi dan ifisser li n-nisa ma jistgħux jiksbu aċċess għall-kura li jkollhom bżonn;

R.  billi l-aċċess għall-abort diġà kien diffiċli f'Texas u f'reġjuni oħra tal-Istati Uniti, u dawk li jiffaċċjaw ostakli biex jiksbu kura tas-saħħa, inklużi gruppi marġinalizzati u vulnerabbli, primarjament dawk b'introjtu aktar baxx, huma dawk li jħossu l-akbar impatt minn projbizzjoni bħall-SB8;

S.  billi bid-de facto projbizzjoni tal-abort f'Texas, il-pazjenti qed imorru fi kliniki tas-saħħa riproduttiva fi stati ġirien u b'hekk qed iżidu l-pressjoni fuq l-infrastruttura fraġli tal-abort tar-reġjun; billi kull sena jsiru aktar minn 56 000 abort fl-istat ta' Texas; billi ma jidhirx li hu realistiku li l-istati ġirien se jkunu jistgħu jakkomodaw lill-pazjenti kollha li tipikament kienu jagħmlu abort wara d-dħul fis-seħħ tal-SB8;

T.  billi fost it-tfajliet adolexxenti ta' bejn 15 u 19-il sena, il-kumplikazzjonijiet fit-tqala u fit-twelid huma l-kawża ewlenija tal-mewt globalment; billi l-Kumitat għad-Drittijiet tat-Tfal iħeġġeġ lill-pajjiżi jiddekriminalizzaw l-abort u jiżguraw li t-tfajliet ikollhom aċċess għal servizzi ta' abort sikuri; billi t-tqala fost l-adolexxenti tintensifika ċ-ċiklu tal-faqar; billi l-istat ta' Texas għandu s-seba' l-ogħla rata ta' twelid fost l-adolexxenti fl-Istati Uniti u l-ogħla rata ta' twelid ripetut; billi t-tfajliet Ispaniċi u Afro-Amerikani għandhom rati partikolarment għoljin ta' tqala u huma fost l-aktar li għandhom livell baxx ta' edukazzjoni, jgħixu f'żoni rurali, f'foster care u fil-faqar; billi huwa ferm aktar probabbli li l-ommijiet adolexxenti jieqfu jistudjaw u jħabbtu wiċċhom mal-qgħad; billi 65 % tal-ulied ta' ġenituri żgħażagħ f'Texas jgħixu fil-faqar, u hemm probabbiltà akbar li jkunu f'saħħa ħażina u jkollhom livell baxx ta' edukazzjoni;

U.  billi l-SB8 hija waħda mill-aktar miżuri abortivi stretti fl-Istati Uniti, u tipprojbixxi l-aborti fl-istat ladarba tkun instabet attività kardijaka fil-fetu, bl-eċċezzjoni ta' emerġenza medika iżda mhux f'każ ta' stupru, inċest jew jekk il-kundizzjonijiet ta' saħħet il-fetu jkunu inkompatibbli ma' ħajja sostnuta wara t-twelid; billi dan jikkostitwixxi forma ta' vjolenza sessista li tista' tammonta għal tortura jew trattament krudili, inuman jew degradanti;

V.  billi, fit-30 ta' Awwissu 2021, iċ-Ċentru għad-Drittijiet Riproduttivi u s-sħab tiegħu ressqu talba b'emerġenza quddiem il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti biex jimblukkaw il-liġi milli tidħol fis-seħħ f'Texas;

W.  billi aktar minn 300 avukat minn Texas esprimew l-oppożizzjoni tagħhom u qalu li l-liġi ddgħajjef ir-regoli u l-prinċipji kkonsolidati tal-ordinament ġuridiku; billi aktar minn 200 tabib f'Texas esprimew tħassib profond dwar il-kapaċità tagħhom li jamministraw il-kura tas-saħħa, filwaqt li wissew li l-liġi toħloq effett dissważiv li jimpedixxi lit-tobba f'aktar minn 30 speċjalità, inklużi l-kura primarja, il-mediċina ta' emerġenza, l-ostetriċja u l-ġinekoloġija u l-mediċina interna, milli jagħtu informazzjoni dwar l-għażliet kollha tat-tqala lill-pazjenti minħabba biża' ta' kawżi frivoli;

X.  billi l-esperti tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU ddenunzjaw bħala allarmanti l-adozzjoni tal-SB8 kif ukoll il-ħsara li l-projbizzjoni se tikkawża lin-nisa tqal f'Texas u, b'mod partikolari, lin-nisa minn komunitajiet emarġinati, in-nisa bi dħul baxx, in-nisa li jgħixu f'żoni rurali u n-nisa minn minoranzi razzjali u etniċi, kif ukoll in-nisa migranti, li se jkunu affettwati b'mod sproporzjonat minn din il-projbizzjoni, u appellaw lill-Gvern tal-Istati Uniti biex jipprevjeni r-rigressjoni fl-aċċess għall-abort sikur u minflok jadotta miżuri pożittivi biex jiżgura l-aċċess għal abort sikur u legali;

Y.  billi l-Qorti Suprema tal-Istati Uniti ddeċidiet b'ħames voti kontra erbgħa li ma tissospendix il-liġi ta' Texas, u ddikjarat li min ressaq it-talba ma ġarrx il-piż tiegħu dwar il-"kwistjonijiet proċedurali preċedenti kumplessi u ġodda" fil-każ;

Z.  billi, fid-9 ta' Settembru 2021 id-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti fetaħ kawża kontra Texas, fejn argumenta li l-projbizzjoni tikser id-dritt kostituzzjonali ta' individwu għal abort qabel ma l-fetu jkun vijabbli, u billi l-qorti distrettwali federali stabbiliet smigħ dwar inġunzjoni preliminari għall-1 ta' Ottubru 2021;

AA.  billi l-President Biden iddikjara li l-abbozz ta' liġi jirrappreżenta "attakk bla preċedent fuq id-drittijiet kostituzzjonali ta' mara", filwaqt li wiegħed "sforz tal-gvern kollu" biex jiġġieled kontra l-liġi u talab li "n-nisa f'Texas ikollhom aċċess għal aborti sikuri u legali", u afferma fid-dikjarazzjoni tiegħu li l-Amministrazzjoni Biden-Harris dejjem se tiġġieled biex tipproteġi l-aċċess għall-kura tas-saħħa u tiddefendi d-dritt tal-mara li tieħu deċiżjonijiet dwar ġisimha u tiddetermina l-futur tagħha;

AB.  billi r-rapport tal-Istitut Guttmacher ta' Settembru 2019 bit-titolu "Abortion Incidence and Service Availability in the United States, 2017" innota xejra inkwetanti ta' żieda ta' tentattivi mhux mediċi potenzjalment perikolużi ta' abort awtoprokurat fl-istati Amerikani b'aċċess restrittiv għall-kura tas-saħħa riproduttiva;

1.  Jingħaqad mal-kundanni ċari u tondi fl-Istati Uniti kollha tal-adozzjoni mil-Leġiżlatura ta' Texas tal-SB8, li de facto jfisser projbizzjoni totali tal-abort mingħajr eċċezzjoni għall-istupru, l-inċest jew għal kundizzjonijiet tas-saħħa tal-fetu inkompatibbli ma' ħajja sostnuta wara t-twelid, bħala attakk qawwi fuq il-libertà tan-nisa u s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati (SRHR) li huma drittijiet fundamentali tal-bniedem, u bħala ksur tad-drittijiet kostituzzjonali tan-nisa fl-Istati Uniti; huwa mħasseb ferm dwar kemm din il-projbizzjoni se tikkontribwixxi għat-trawma esperjenzata mill-vittmi tal-istupru u tal-inċest;

2.  Jistieden lill-Gvern tal-Istat ta' Texas iħassar malajr l-SB8, jiżgura servizzi ta' abort sikuri, legali, liberi u ta' kwalità tajba fl-Istat u jagħmel dawn is-servizzi faċilment aċċessibbli għan-nisa u l-bniet kollha;

3.  Jesprimi s-solidarjetà u l-appoġġ qawwija tiegħu lin-nisa ta' Texas u lil dawk involuti kemm fl-għoti tal-kura tas-saħħa b'rabta mal-abort kif ukoll fil-promozzjoni tagħha f'ċirkostanzi daqstant diffiċli;

4.  Jilqa' l-isforzi tal-President Joe Biden biex jidderieġi lill-Kunsill u lill-Uffiċċju tal-Konsulent Ġuridiku tal-White House biex ivaraw sforz tal-gvern sħiħ biex jirreaġixxi għad-deċiżjoni, sabiex jiġi żgurat li n-nisa f'Texas ikollhom aċċess għal aborti sikuri u legali kif protetti mis-sentenza Roe vs Wade; jilqa' l-fatt li nhar il-Ġimgħa, 1 ta' Ottubru 2021, l-Amministrazzjoni tal-President Joe Biden ħeġġet imħallef biex jissospendi l-projbizzjoni tal-abort imposta minn Texas;

5.  Jesprimi l-appoġġ sħiħ u s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-professjonisti mediċi u ma' dawk involuti fl-isfidi legali kontra l-Abbozz ta' Liġi tas-Senat Nru 8, bit-tama li xogħolhom jirriżulta fir-restawr tad-dritt tan-nisa ta' Texas għall-kura tas-saħħa riproduttiva; jirrikonoxxi r-rwol tal-NGOs bħala fornituri ta' servizzi kif ukoll bħala promoturi tal-SRHR fl-Istati Uniti, u jħeġġiġhom ikomplu bil-ħidma tagħhom bħala promoturi ta' dawn id-drittijiet fundamentali; jafferma li dawn l-NGOs jeħtieġu livell xieraq ta' finanzjament sabiex joperaw;

6.  Jissottolinja li fl-14 ta' Settembru 2021, l-esperti tan-NU saħqu li "d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa huma drittijiet fundamentali li ma jistgħux ikunu subordinati għal kunsiderazzjonijiet kulturali, reliġjużi jew politiċi", u żiedu jgħidu li "l-influwenza tal-indħil b'motivazzjoni ideoloġika u reliġjuża fi kwistjonijiet ta' saħħa pubblika kienet partikolarment detrimentali għas-saħħa u l-benessri tan-nisa u l-bniet";

7.  Jiddispjaċih ħafna dwar il-fatt li l-Qorti Suprema tal-Istati Uniti, b'deċiżjoni verament maqsuma (erbgħa kontra ħamsa), irrifjutat li tiddeċiedi favur is-sospensjoni tal-introduzzjoni tal-SB8 bla preċedent; ifakkar li din id-deċiżjoni ma tfissirx li l-liġi tqieset bħala kostituzzjonali;

8.  Jistieden lill-President Joe Biden ikompli bl-isforzi tiegħu biex jiżgura l-aċċess għal aborti sikuri u legali; jinkoraġġixxi li jsiru aktar sforzi sabiex jiġi żgurat li l-abort u l-kontraċezzjoni jiġu integrati fl-għoti ta' informazzjoni u servizzi komprensivi dwar l-SRHR, li jkunu universalment aċċessibbli, u sabiex jiġi żgurat aċċess kontinwu matul sitwazzjonijiet ta' emerġenza, bħall-pandemija tal-COVID-19;

9.  Jistieden lill-Gvern tal-Istati Uniti jiddekriminalizza l-abort kompletament, li jirrikjedi mhux biss li tintemm il-penalizzazzjoni tan-nisa u l-bniet tqal, tal-fornituri tal-kura tas-saħħa u ta' persuni oħra talli jagħmlu abort, jassistuh jew jipprovdu servizzi ta' abort, iżda anki li l-abort jitneħħa mill-istatuti tal-liġi kriminali u li jiġu aboliti l-liġijiet, il-politiki u l-prattiki punittivi l-oħra kollha;

10.  Jistieden lill-Gvern tal-Istati Uniti jistabbilixxi protezzjoni legali federali għall-aċċess universali għall-abort; jisħaq li s-saħħa hija dritt tal-bniedem, u li huwa l-obbligu tal-istat li jipprovdi kura tas-saħħa aċċessibbli għal kulħadd;

11.  Jistieden lill-Kungress tal-Istati Uniti japprova protezzjoni legali federali għall-aċċess għall-abort permezz tal-Att dwar il-Protezzjoni tas-Saħħa tan-Nisa (WHPA), li reċentement għadda mill-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti f'vot storiku u li jissalvagwardja l-abort mill-impożizzjoni ta' projbizzjonijiet u restrizzjonijiet fil-livell tal-istat;

12.  Jisħaq li liġijiet restrittivi ħafna li jipprojbixxu l-abort ma jnaqqsux il-ħtieġa ta' aborti, iżda jwasslu biex in-nisa jkollhom ifittxu aborti klandestini, jivvjaġġaw sabiex jiksbu aborti jew biex ikomplu bit-tqala tagħhom sat-tmiem kontra r-rieda tagħhom, li huwa ksur tad-drittijiet tal-bniedem u forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru li taffettwa d-drittijiet tan-nisa u l-bniet għall-ħajja, l-integrità fiżika u mentali, l-ugwaljanza, in-nondiskriminazzjoni u s-saħħa;

13.  Jenfasizza li huma biss l-edukazzjoni, l-informazzjoni u l-aċċess universali għall-kontraċezzjoni, l-eradikazzjoni tal-vjolenza sesswali u r-responsabbiltà kondiviża għall-kontraċezzjoni li jistgħu jnaqqsu l-għadd ta' tqalat mhux intenzjonati; jisħaq li l-aċċess universali għal edukazzjoni dwar is-sesswalità u r-relazzjonijiet adatta għall-età u bbażata fuq l-evidenza, għal firxa ta' metodi u provvisti ta' kontraċezzjoni moderni ta' kwalità għolja u universalment aċċessibbli, għall-counselling dwar l-ippjanar tal-familja u għal informazzjoni dwar il-kontraċezzjoni, u għal garanziji ta' kura sikura u legali f'każ ta' abort għandhom jingħataw prijorità;

14.  Huwa mħasseb ferm dwar il-fatt li din il-liġi se taffettwa b'mod sproporzjonat lil persuni li jesperjenzaw tbatija soċjoekonomika, persuni li jgħixu f'żoni rurali, persuni razzjalizzati, persuni LGBTIQ+ u dawk li jesperjenzaw forom ta' diskriminazzjoni diversi u interkonnessi, l-aktar il-gruppi vulnerabbli ta' nisa li, minħabba ostakli finanzjarji jew loġistiċi, ma jistgħux jaffordjaw li jivvjaġġaw lejn kliniki tas-saħħa riproduttiva fi stati ġirien, u minħabba f'hekk isibu ruħhom f'riskju akbar li jgħaddu minn proċeduri mhux sikuri u ta' theddida għall-ħajja, u f'riskju akbar li jiġu mġiegħla jkomplu bit-tqala tagħhom sat-tmiem kontra r-rieda tagħhom;

15.  Jesprimi dubji serji dwar il-kuntest morali u, barra minn hekk, huwa mħasseb dwar it-tfassil ta' din il-liġi li tagħti s-setgħa u tagħti inċentivi monetarji liċ-ċittadini privati li jfittxu bil-qorti lil kull min seta' għen lin-nisa jiksbu abort, bħal min jipprovdi abort jew il-promoturi tal-kura f'każ ta' abort, u b'hekk iwittu t-triq għall-fastidju u kawżi frivoli minn viġilanti kontra l-abort u jitqiegħdu s-sisien għal "persekuzzjoni tas-sħaħar" tas-seklu 21;

16.  Jistieden lill-Gvern tal-Istati Uniti jtemm kwalunkwe sistema ta' infurzar statali jew individwali tal-projbizzjonijiet tal-abort ibbażata fuq kumpens li toħloq klima ta' biża' u intimidazzjoni;

17.  Huwa mħasseb ferm dwar l-effett tal-liġi ta' Texas fuq stati oħra tal-Istati Uniti, li se jieħdu kuraġġ min-nuqqas ta' azzjoni tal-Qorti Suprema tal-Istati Uniti, u jippruvaw idaħħlu projbizzjonijiet tal-abort fil-pajjiż kollu, kif diġà rajna fi Florida;

18.  Jiddikjara li din il-liġi, waħda mis-26 restrizzjoni fuq l-abort diġà adottati f'Texas f'dawn l-aħħar għaxar snin, tikkostitwixxi tentattiv ulterjuri biex jiġu mminati d-drittijiet tan-nisa u l-libertà riproduttiva tagħhom, kif ukoll id-dritt tagħhom għall-kura tas-saħħa, u ma tqis la d-drittijiet kostituzzjonali tan-nisa u lanqas ir-rieda tal-poplu;

19.  Huwa mħasseb li din il-liġi mhux biss twassal għal projbizzjoni de facto tal-abort, iżda tikser ukoll b'mod flagranti d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa, b'nuqqas ta' kunsiderazzjoni totali tal-istandards internazzjonali rigward id-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-prinċipju tan-nonrigressjoni, u li tillimita l-aċċess għall-kura tas-saħħa billi tnaqqas l-għadd ta' faċilitajiet tal-kura li jittrattaw in-nisa, u dan iwassal għal distakk fil-kura għan-nisa u jipperikola ħajjithom aktar;

20.  Jikkundanna bil-qawwa r-rigressjoni tad-drittijiet tan-nisa u l-SRHR li qed isseħħ fl-Istati Uniti u globalment, u jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha tal-UE jużaw l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex isaħħu l-azzjonijiet tagħhom biex jikkontrobattuha; ifakkar li l-SRHR huma drittijiet fundamentali tal-bniedem li għandhom jissaħħu u bl-ebda mod ma jistgħu jiddgħajfu jew jiġu rtirati;

21.  Jissottolinja li, f'konformità mal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing u l-Programm ta' Azzjoni tal-ICPD, jeħtieġ li jitħares id-dritt tal-individwi kollha għall-integrità fiżika u l-awtonomija tal-ġisem u li jiġi żgurat l-aċċess għal servizzi essenzjali li jippermettu l-eżerċizzju konkret ta' dan id-dritt; jappella għal approċċ komprensiv fil-pakkett essenzjali tas-saħħa sesswali u riproduttiva, inklużi miżuri għall-prevenzjoni u l-evitar ta' aborti mhux sikuri, kif ukoll l-għoti ta' kura wara l-abort, li għandhom jiġu integrati fl-istrateġiji, il-politiki u l-programmi nazzjonali universali għall-kopertura tas-saħħa;

22.  Huwa mħasseb dwar il-valutazzjoni imminenti tal-Qorti Suprema rigward is-sentenza Roe vs Wade u li din id-deċiżjoni innovattiva, li tiggarantixxi d-drittijiet tan-nisa, tista' tiġi annullata fil-futur qarib; jibża' li dan ikollu impatt gravi u wiesa' fuq l-aċċess għall-kura tas-saħħa u l-għażla ħielsa tan-nisa fi stati oħra, minħabba l-fatt li 11-il stat ieħor għandhom hekk imsejħa liġijiet ta' attivazzjoni li jipprojbixxu d-dritt għall-abort attwalment fis-seħħ, li awtomatikament jidħlu fis-seħħ f'każ li s-sentenza Roe vs Wade tiġi annullata;

23.  Jilqa' t-tneħħija, min-naħa tal-Amministrazzjoni Biden, tal-"global gag rule" kontra l-abort u l-intenzjoni tagħha li treġġa' lura l-finanzjament tal-Istati Uniti lill-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Popolazzjoni (UNFPA), l-aġenzija tan-NU għas-saħħa sesswali u riproduttiva; iħeġġeġ biex dan it-treġġigħ lura tal-finanzjament jidħol fis-seħħ mingħajr dewmien;

24.  Ifakkar li wieħed mill-ħames pilastri tal-GAP III tas-SEAE huwa l-promozzjoni tal-SRHR; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw li l-klawżoli dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-dritt għal aborti liberi u sikuri, jiġu rispettati u promossi fir-relazzjonijiet internazzjonali kollha mal-Istati Uniti;

25.  Jistieden lid-delegazzjoni tal-UE fl-Istati Uniti timmonitorja s-sitwazzjoni tal-SRHR f'Texas u fi stati oħra, u tagħti prijorità lill-SRHR fl-involviment tagħha mal-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Uniti u fl-implimentazzjoni lokali tagħha tal-GAP III;

26.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri joffru l-appoġġ kollu possibbli, inkluż appoġġ finanzjarju, lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bbażati fl-Istati Uniti li jipproteġu u jippromwovu l-SRHR fil-pajjiż, bħala espressjoni tal-impenn universali tagħhom favur dawn id-drittijiet; jistieden ukoll lill-Istati Membri joffru kenn sikur għall-professjonisti mediċi kollha li jistgħu jkunu f'riskju ta' fastidju legali jew forom oħra ta' fastidju bħala riżultat tax-xogħol leġittimu tagħhom; ifakkar li projbizzjoni totali tal-kura f'każ ta' abort jew iċ-ċaħda tal-kura f'każ ta' abort huma forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru;

27.  Jistieden lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem jiddenunzja dan il-ksur tad-drittijiet sesswali u riproduttivi tan-nisa fl-iskambji tiegħu ma' uffiċjali tal-Istati Uniti;

28.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jikkundanna u jiddenunzja dan il-ksur tad-drittijiet sesswali u riproduttivi tan-nisa u d-dritt tagħhom għall-kura tas-saħħa fl-iskambji tiegħu ma' uffiċjali tal-Istati Uniti;

29.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-President tal-Istati Uniti tal-Amerka u lill-Amministrazzjoni tiegħu, lill-Kungress tal-Istati Uniti u lill-Gvernatur u l-Leġiżlatura tal-Istat ta' Texas.

(1) Testi adottati, P9_TA(2021)0314.

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Diċembru 2021Avviż legali - Politika tal-privatezza