Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2021/2922(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0530/2021

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 21/10/2021 - 10
PV 21/10/2021 - 16

Testi adottati :

P9_TA(2021)0438

Testi adottati
PDF 206kWORD 68k
Il-Ħamis, 21 ta' Ottubru 2021 - Strasburgu
Pandora Papers: implikazzjonijiet għall-isforzi biex jiġu miġġielda l-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa
P9_TA(2021)0438RC-B9-0530/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Ottubru 2021 dwar il-Pandora Papers: implikazzjonijiet għall-isforzi biex jiġu miġġielda l-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa (2021/2922(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar soluzzjoni b'żewġ pilastri biex jiġu indirizzati l-isfidi tat-taxxa li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija tal-Qafas Inklużiv tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD)/G20 dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u Trasferiment tal-Profitti tat-8 ta' Ottubru 2021,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' April 2018 bit-titolu "Il-protezzjoni tal-ġurnalisti investigattivi fl-Ewropa: il-każ tal-ġurnalist Slovakk Ján Kuciak u ta' Martina Kušnírová"(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2015 dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili(2) (ir-riżoluzzjoni TAXE),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili(3) (ir-riżoluzzjoni TAX2),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 lill-Kunsill u lill-Kummissjoni wara l-inkjesta dwar il-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa (ir-rakomandazzjoni PANA)(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2019 dwar il-kriminalità finanzjarja, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa(5) (ir-riżoluzzjoni TAX3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2019 dwar l-istat tad-dritt f'Malta wara r-rivelazzjonijiet reċenti rigward il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia(6),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Mejju 2020 dwar Pjan ta' Azzjoni għal politika komprensiva tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (C(2020)2800),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju 2020 dwar politika komprensiva tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu – il-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni u żviluppi reċenti oħra(7),

–  wara li kkunsidra r-rapporti dwar il-Pjanijiet Iddettaljati għall-Ewwel Pilastru u t-Tieni Pilastru adottati mill-Qafas Inklużiv tal-OECD/G20 fl-14 ta' Ottubru 2020, kif ukoll ir-riżultati tal-analiżi ekonomika u l-valutazzjoni tal-impatt tal-proposti mwettqa mill-OECD,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2021 dwar ir-riforma tal-lista tal-UE ta' rifuġji fiskali(8),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 03/2021 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tas-26 ta' Jannar 2021 bit-titolu "L-iskambju ta' informazzjoni dwar it-taxxa fl-UE: sies sod, xquq fl-implimentazzjoni",

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 13/2021 tal-QEA tat-28 ta' Ġunju 2021 bit-titolu "L-isforzi tal-UE fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus fis-settur bankarju huma frammentati u l-implimentazzjoni mhijiex suffiċjenti",

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Mejju 2021 bit-titolu "It-Tassazzjoni tal-Intrapriżi għas-Seklu 21" (COM(2021)0251),

–  wara li kkunsidra l-pakkett leġiżlattiv ippreżentat mill-Kummissjoni fl-20 ta' Lulju 2021 biex jissaħħu r-regoli tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CFT),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 2021 dwar l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-UE għall-iskambju ta' informazzjoni dwar it-taxxa: il-progress, it-tagħlimiet miksuba u l-ostakli li jridu jingħelbu(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2021 dwar ir-riforma tal-politika tal-UE dwar il-prattiki dwar it-taxxa dannużi (inkluża r-riforma tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta)(10),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Pandora Papers huma żvelar massiv ta' data, mingħajr preċedent fid-daqs, li jiddokumentaw is-sidien benefiċjarji ta' entitajiet korporattivi stabbiliti f'ġurisdizzjonijiet ta' segretezza; billi l-Konsorzju Internazzjonali ta' Ġurnalisti Investigattivi (ICIJ) beda jippubblika l-Pandora Papers fit-3 ta' Ottubru 2021;

B.  billi 2,94 terabytes ta' data kienu żvelati lill-ICIJ u ġew kondiviżi mas-sħab tal-media madwar id-dinja; billi xi wħud mill-fajls imorru lura għas-snin 70, iżda l-biċċa l-kbira ta' dawk rieżaminati mill-ICIJ inħolqu bejn l-1996 u l-2020; billi l-iżvelar il-ġdid tad-data allegatament jikkonċerna aktar minn 330 politiku u uffiċjal pubbliku minn kważi 100 pajjiż, inklużi 35 kap ta' stat jew ta' gvern attwali jew preċedenti;

C.  billi l-Pandora Papers jiżvelaw kif individwi b'valur nett għoli, li jinkludu politiċi, kriminali, uffiċjali pubbliċi u personalitajiet, huma megħjuna minn intermedjarji, bħal banek, kontabilisti u ditti legali, fit-tfassil ta' strutturi korporattivi kumplessi rreġistrati f'ġurisdizzjonijiet ta' segretezza jew f'rifuġji fiskali f'kooperazzjoni mill-qrib mal-fornituri tas-servizzi professjonali offshore, sabiex jipproteġu l-introjtu u l-assi minn tassazzjoni u skrutinju ġusti;

D.  billi l-Pandora Papers huma l-aħħar żvelar kbir ta' data biex tiġi esposta l-ħidma interna tad-dinja finanzjarja offshore, wara l-Lux Leaks fl-2014, is-Swiss Leaks fl-2015, il-Panama Papers fl-2016, il-Paradise Papers fl-2017, il-Mauritius Leaks fl-2019, il-Luanda Leaks u l-FinCEN Files fl-2020, u l-Lux Letters fl-2021;

E.  billi l-Pandora Papers jenfasizzaw ir-rwol fundamentali ta' informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja fl-appoġġ tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u reati finanzjarji oħra u l-ħtieġa urġenti ta' aċċessibbiltà pubblika u informazzjoni aktar preċiża;

F.  billi l-attivitajiet irrapportati fil-Pandora Papers jinkludu l-ħolqien ta' kumpaniji, fondazzjonijiet u trusts fittizji għall-finijiet li ġejjin: ix-xiri ta' proprjetà immobbli, ta' jottijiet, ta' ġettijiet u ta' assigurazzjoni fuq il-ħajja b'mod anonimu, sabiex isiru investimenti u jċaqilqu flus bejn kontijiet bankarji, jiġu evitati t-taxxi u jitwettqu reati finanzjarji, inkluż il-ħasil tal-flus;

G.  billi l-attivitajiet irrapportati fil-Pandora Papers, anki jekk mhumiex kollha illegali b'mod inerenti, spiss iwasslu għal evitar tat-taxxa u għal abbuż tas-segretezza korporattiva;

H.  billi l-awtoritajiet tat-taxxa rrapportaw li rkupraw aktar minn EUR 1 biljun wara r-rivelazzjonijiet tal-Panama Papers(11);

I.  billi skont il-formula tat-tqassim l-aktar konservattiva, l-UE għandha l-ogħla telf fuq livell globali b'riżultat tat-trasferiment tal-profitt lejn rifuġji fiskali u hija stmata li titlef madwar 20 % tad-dħul tagħha mit-taxxa korporattiva kull sena;

J.  billi wara l-kriżi finanzjarja tal-2008-2009 u serje ta' rivelazzjonijiet dwar prattiki differenti ta' evażjoni tat-taxxa, ippjanar aggressiv tat-taxxa, evitar tat-taxxa u ħasil tal-flus, il-pajjiżi tal-G20 qablu li jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet fil-livell tal-OECD permezz tal-proġett Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u Trasferiment tal-Profitti (BEPS), li wassal għall-ħolqien tal-pjan ta' azzjoni dwar il-BEPS;

K.  billi liġijiet fiskali internazzjonali adegwati huma essenzjali għall-prevenzjoni tal-evażjoni tat-taxxa u tal-prattiki ta' evitar tat-taxxa, u biex titfassal sistema ta' tassazzjoni ġusta u effiċjenti li tindirizza l-inugwaljanza u tiżgura ċ-ċertezza u l-istabbiltà, li huma prerekwiżiti għall-kompetittività, kif ukoll għal kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni bejn il-kumpaniji, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs);

L.  billi, skont l-Osservatorju tat-Taxxa tal-UE, l-ammont ta' ġid finanzjarju miżmum f'rifuġji fiskali fl-2017 kien ta' EUR 7 900 biljun; billi dan l-ammont huwa ekwivalenti għal 8 % tal-prodott domestiku gross (PDG) tad-dinja; billi r-riżultat huwa telf ta' dħul mit-taxxa ta' madwar EUR 155 biljun fis-sena madwar id-dinja;

M.  billi l-istimi tal-iskala tad-dħul mit-taxxa tal-UE mitluf minħabba l-evitar tat-taxxa korporattiva waħdu jvarja minn EUR 50 biljun sa EUR 70 biljun fis-sena, u billi ċ-ċifra tilħaq kważi EUR 190 biljun jekk jiġu inklużi fatturi oħra, bħal arranġamenti speċjali tat-taxxa u ineffiċjenzi fil-ġbir tat-taxxa; billi, skont l-Osservatorju tat-Taxxa tal-UE, madwar 11 % tal-ġid nett totali tal-UE, jew EUR 2 300 biljun, jinżamm offshore;

N.  billi l-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjonijiet u fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar TAXE, TAX2, PANA u TAX3, kif ukoll fir-riżoluzzjonijiet reċenti adottati abbażi ta' rapporti mis-Sottokumitat tiegħu għall-Kwistjonijiet Fiskali (FISC), ripetutament talab riforma tas-sistema internazzjonali tat-taxxa korporattiva bl-għan li jiġu indirizzati l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa;

O.  billi, skont il-Europol, 0,7-1,2 % tal-PDG tal-Unjoni "huwa identifikat li huwa involut f'attività finanzjarja suspettuża" bħall-ħasil tal-flus marbut mal-korruzzjoni, mat-traffikar tal-armi u tal-bnedmin, mat-traffikar tad-droga, mal-evażjoni u l-frodi tat-taxxa, mal-finanzjament tat-terroriżmu jew ma' attivitajiet illeċiti oħra li jaffettwaw liċ-ċittadini tal-UE fil-ħajja tagħhom ta' kuljum; billi skont iċ-ċifri mill-Europol, mill-1,1 miljun rapport ta' attività suspettuża fl-2019, 10 % biss ġew investigati aktar mill-awtoritajiet pubbliċi (b'differenzi kbar bejn il-pajjiżi);

P.  billi, filwaqt li huwa diffiċli li tiġi stmata l-iskala tal-ħasil tal-flus minħabba li min-natura tagħha stess l-attività ma tiġix żvelata sakemm ma tiġix identifikata, huwa ċar li qed tiżdied fuq livell globali;

Q.  billi, skont l-Uffiċċju tan-NU kontra d-Droga u l-Kriminalità, kull sena l-ħasil tal-flus jilħaq l-ekwivalenti ta' 2,7 % tal-PDG annwali tad-dinja;

R.  billi l-Kummissjoni bdiet proċeduri ta' ksur kontra l-maġġoranza tal-Istati Membri minħabba li naqsu milli jittrasponu b'mod xieraq ir-raba' u l-ħames Direttivi Kontra l-Ħasil tal-Flus(12) (AMLD) fil-liġi nazzjonali;

S.  billi l-qafas tal-Unjoni għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CFT) ibati minn nuqqasijiet fl-infurzar, flimkien ma' nuqqas ta' superviżjoni effiċjenti; billi riformi leġiżlattivi konsekuttivi ppruvaw isaħħu l-qafas fis-snin li għaddew sabiex jindirizzaw ir-riskji u n-nuqqasijiet emerġenti;

T.  billi f'dawn l-aħħar għaxar snin l-UE adottat sensiela ta' riformi leġiżlattivi biex tiġġieled l-evitar tat-taxxa u l-kriminalità finanzjarja; billi dawn ir-riformi kellhom effetti pożittivi fuq il-funzjonament tas-suq intern u fuq is-salvagwardja tal-bażi tat-taxxa u tad-dħul tal-Istati Membri, li huma prerekwiżiti għall-ħolqien tal-impjiegi, għat-tkabbir, u speċjalment għall-irkupru tal-ekonomija tal-UE wara l-pandemija tal-COVID-19; billi, madankollu, hemm ħtieġa dejjem akbar ta' kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet amministrattivi, ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi fi ħdan l-UE;

U.  billi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF), il-Europol, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) u l-unitajiet nazzjonali tal-intelligence finanzjarja qed jagħmlu xogħol imprezzabbli fl-identifikazzjoni tal-frodi, il-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa transfruntieri u fil-ġlieda kontrihom; billi dawk l-uffiċċji u l-aġenziji għandhom nuqqas kroniku ta' persunal u għandhom nuqqas ta' riżorsi finanzjarji minħabba n-nuqqas ta' rieda tal-Kunsill, bħala waħda mill-awtoritajiet baġitarji, li jawtorizza biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji matul il-proċedura baġitarja annwali; billi l-Kunsill, speċjalment fil-kuntest tal-pubblikazzjoni tal-Pandora Papers, għalhekk jeħtieġ li jeżamina mill-ġdid u jbiddel il-pożizzjoni tiegħu dwar il-proċedura baġitarja annwali għall-baġit 2022 u l-baġits futuri, bl-għan li jissaħħu r-riżorsi umani u finanzjarji tal-istituzzjonijiet imsemmija hawn fuq;

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.  Jieħu nota tal-pubblikazzjoni tal-hekk imsejħa "Pandora Papers" fit-3 ta' Ottubru 2021 mill-Konsorzju Internazzjonali ta' Ġurnalisti Investigattivi (ICIJ); ifaħħar il-ħidma investigattiva tal-ICIJ għall-kontribut imprezzabbli tiegħu fl-esponiment ta' prattiki offshore sigrieti u fis-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar kwistjonijiet li għandhom interess pubbliku ċar;

2.  Jenfasizza r-rwol tal-ġurnaliżmu investigattiv internazzjonali u tal-informaturi fl-esponiment tal-għemil ħażin, tal-korruzzjoni, tal-kriminalità organizzata, tal-ħasil tal-flus u tal-imġiba ħażina, b'mod partikolari minn persuni politikament esposti; jissottolinja l-kontribut importanti tal-ġurnaliżmu investigattiv għall-preservazzjoni tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt;

3.  Iqis li huwa neċessarju li tiġi protetta l-kunfidenzjalità tas-sorsi ta' ġurnaliżmu investigattiv, inklużi l-informaturi, u jafferma l-importanza ta' difiża ta' interess pubbliku għal sorsi li jiffaċċjaw azzjoni legali jew prosekuzzjoni għall-iżvelar b'interess pubbliku ċar; jisħaq fuq l-importanza tad-difiża tal-libertà tal-ġurnalisti li jirċievu dokumenti kunfidenzjali, sigrieti jew ristretti, settijiet ta' data jew materjali oħra, tkun xi tkun l-oriġini tagħhom, u li jirrapportaw dwar dawk il-kwistjonijiet ta' interess pubbliku mingħajr it-theddida ta' azzjoni legali li tiswa l-flus jew ta' prosekuzzjoni kriminali, sabiex jiġi ssalvagwardjat ir-rwol tal-ġurnaliżmu investigattiv bħala gwardjan fis-soċjetà demokratika;

4.  Itenni, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li l-ġurnaliżmu investigattiv jiġi protett minn kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPPs), kif ukoll il-fastidju personali, l-intimidazzjoni u t-theddid għall-ħajja; jemmen li r-regoli vinkolanti tal-UE li jipprovdu protezzjoni robusta u konsistenti għall-media indipendenti u għall-ġurnalisti minn kawżi vessatorji maħsuba biex isikktuhom jew jintimidawhom fl-UE huma ferm meħtieġa sabiex jgħinu fit-tmiem ta' din il-prattika abbużiva; jenfasizza l-ħidma kontinwa tiegħu fuq rapport fuq inizjattiva proprja dwar is-suġġett tal-kawżi SLAPP; jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni qed taħdem fuq inizjattiva kontra litigazzjoni abbużiva mmirata lejn il-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet;

5.  Jinnota l-adozzjoni tad-Direttiva tal-UE dwar il-Protezzjoni tal-Informaturi(13) fl-2019 u jenfasizza li l-Istati Membri jeħtiġilhom jittrasponu d-direttiva fil-liġi nazzjonali sa tmiem l-2021;

6.  Jesprimi dispjaċir għall-fatt li, minkejja għaxar snin ta' skandli tat-taxxa u riformi leġiżlattivi fl-UE, il-Pandora Papers jiżvelaw li ma kienx hemm biżżejjed progress fil-livell globali biex jiġu kkontrollati s-segretezza korporattiva u l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa offshore; ifakkar li s-segretezza dwar is-sjieda korporattiva tintuża biex wieħed jaħbi interessi finanzjarji personali;

7.  Jirrimarka li l-Pandora Papers juru kif ir-rifuġji fiskali adattaw prattiki dannużi għal standards ġodda sabiex jibqgħu attraenti għal skopijiet ta' evitar tat-taxxa; huwa tal-fehma li dan l-adattament iwassal għal ġirja lejn l-iktar livell baxx u għall-ħolqien kostanti ta' rifuġji fiskali ġodda b'reġimi dejjem aktar attraenti għad-detriment tal-oħrajn, li jsiru inqas attraenti;

8.  Jiddeplora l-fatt li ċ-ċittadini u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet għadhom jiddependu mill-iżvelar tad-data biex jaċċessaw informazzjoni dwar prattiki sigrieti offshore; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu progress fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta' informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja u l-informazzjoni rilevanti kollha li jifdal disponibbli għall-parlamenti u għall-awtoritajiet kompetenti, inklużi l-amministrazzjonijiet tat-taxxa, fejn rilevanti;

9.  Jindika li s-sistema moħbija li ġiet żvelata fil-Pandora Papers ittebba' r-reputazzjoni ta' negozji leġittimi, iżżid l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali, tagħmel ħsara lill-forniment effettiv ta' servizzi pubbliċi u ta' assistenza lil dawk l-aktar vulnerabbli, timmina l-iżvilupp ekonomiku fejn ikun hemm telf ta' dħul, u tkisser bil-qawwa l-fiduċja taċ-ċittadini fl-istat tad-dritt u fis-sistema ekonomika u demokratika tagħna;

10.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti, inklużi l-amministrazzjonijiet tat-taxxa, tal-Istati Membri janalizzaw is-settijiet ta' data tal-ICIJ u jiftħu investigazzjonijiet bir-reqqa dwar kwalunkwe għemil ħażin żvelat fil-Pandora Papers li jinvolvi l-ġuriżdizzjonijiet tagħhom, inklużi awditi tal-individwi kollha msemmija fil-Pandora Papers;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa d-data esposta fil-Pandora Papers u tanalizza jekk huwiex xieraq li tittieħed azzjoni leġiżlattiva ulterjuri fil-livell tal-UE, kif ukoll jekk humiex meħtieġa proċeduri ta' infurzar fir-rigward tal-leġiżlazzjoni attwali, u tirrapporta lura lill-Parlament;

12.  Jistieden lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jivvaluta jekk id-data żvelata fil-Pandora Papers jistħoqqilhiex investigazzjonijiet speċifiċi fi ħdan il-mandat tiegħu;

13.  Jiddeplora l-fatt li numru ta' politiċi, inklużi dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet ta' livell għoli fl-UE, dehru wkoll fil-Pandora Papers, u jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Membri involuti jwettqu investigazzjonijiet xierqa dwar kwalunkwe għemil ħażin; jiddeplora b'mod partikolari l-fatt li politiċi bħal Andrej Babiš, il-Prim Ministru taċ-Ċekja, u Nicos Anastasiades, il-President ta' Ċipru, li t-tnejn li huma membri fil-Kunsill Ewropew, flimkien ma Wopke Hoekstra, il-Ministru tal-Finanzi Olandiż, kif ukoll Ilham Aliyev, il-President tal-Ażerbajġan, l-eks Prim Ministru Brittaniku Tony Blair, Milo Đukanović, il-President tal-Montenegro, u l-eks Ministru Malti u eks Kummissarju tal-UE John Dalli, ilkoll issemmew fil-Pandora Papers b'rabtiet irrapportati ma' negozji offshore;

14.  Jenfasizza l-importanza tas-salvagwardja ta' standards għoljin ta' integrità, ta' onestà u ta' responsabbiltà fost l-uffiċjali pubbliċi fl-UE; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li jkollhom miżuri u sistemi stabbiliti li jirrikjedu li l-uffiċjali pubbliċi jiddikjaraw l-attivitajiet esterni tagħhom, l-impjiegi, l-investimenti, l-assi u r-rigali jew il-benefiċċji sostanzjali li minnhom jista' jirriżulta kunflitt ta' interess fir-rigward tal-funzjonijiet tagħhom bħala uffiċjali pubbliċi, kif irrakkomandat mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni; itenni li l-Membri tal-Parlament Ewropew diġà jiżvelaw informazzjoni dwar l-interessi finanzjarji; jistieden lill-politiċi, b'mod partikolari, biex jiżvelaw b'mod volontarju kwalunkwe parteċipazzjoni f'kumpaniji fittizji fin-nuqqas ta' miżuri obbligatorji; itenni li dawn id-dikjarazzjonijiet huma ta' natura preventiva u għandhom l-għan li jrawmu t-trasparenza u l-integrità fl-isfera pubblika, u ma għandhomx jiġu interpretati li jistigmatizzaw lill-politiċi bħallikieku huma involuti f'attività kriminali;

15.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-mexxejja dinjija miġbura fil-forum intergovernattiv tal-G20, fil-Qafas Inklużiv u fin-Nazzjonijiet Uniti biex jieħdu miżuri effettivi bl-għan li jrażżnu r-rifuġji fiskali u l-mudell operattiv tagħhom, billi jipprojbixxu b'mod effettiv il-kumpaniji fittizji (korporazzjonijiet mingħajr ebda sustanza ekonomika li l-iskop uniku tagħhom huwa li jevitaw it-taxxi jew liġijiet oħra) permezz tal-introduzzjoni ta' kriterji obbligatorji speċifiċi għat-trasparenza u l-attività tan-negozju biex jipprevjenu l-użu tagħhom u jagħmlu illegali forom oħra ta' segretezza finanzjarja, u li jaqblu u jimplimentaw minnufih rata minima effettiva tat-taxxa korporattiva, filwaqt li jkomplu jestendu u jtejbu l-iskambju awtomatiku u obbligatorju globali ta' informazzjoni dwar kull tip ta' parteċipazzjoni privata;

16.  Jilqa' l-fatt li 136 ġuriżdizzjoni li jipparteċipaw fil-Qafas Inklużiv tal-OECD/G20 dwar il-BEPS iffirmaw id-dikjarazzjoni dwar is-soluzzjoni b'żewġ pilastri biex jindirizzaw l-isfidi tat-taxxa li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija, u b'hekk qablu dwar riforma fundamentali tar-regoli tat-taxxa internazzjonali;

17.  Jindika li l-ftehim, ladarba jiġi implimentat, se jiżgura distribuzzjoni aktar ġusta tal-profitti u tad-drittijiet tat-tassazzjoni fost il-pajjiżi fir-rigward tal-akbar kumpaniji multinazzjonali u l-aktar profittabbli u se jintroduċi rata tat-taxxa korporattiva effettiva minima globali ta' 15 % applikabbli għall-kumpaniji bi dħul annwali ta' aktar minn EUR 750 miljun;

18.  Itenni l-importanza ta' azzjoni multilaterali u ta' koordinazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa;

19.  Jistieden lill-mexxejja tal-G20 li se jiltaqgħu f'Ruma fit-30 u fil-31 ta' Ottubru 2021 jagħtu mandat lill-OECD biex tibda inizjattiva globali ġdida ħalli tirrevedi l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni u ssaħħaħ il-governanza globali tal-infurzar tal-istandards kontra l-ħasil tal-flus;

20.  Ifakkar fil-prinċipji universali ta' ekwità, trasparenza u kooperazzjoni fir-rigward tat-tassazzjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Istati Membri biex jissimplifikaw is-sistemi fiskali tagħhom sabiex jiżguraw tassazzjoni aktar ekwa, ċertezza tat-taxxa u investimenti fl-ekonomija reali u jtaffu l-pressjoni fuq l-awtoritajiet tat-taxxa li jużaw riżorsi estensivi fil-ġlieda tagħhom kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa;

Is-sitwazzjoni attwali tal-infurzar tal-AML/CFT fl-UE, it-trasparenza korporattiva u l-iskambju ta' informazzjoni

21.  Jinnota li l-UE diġà għandha xi wħud mill-ogħla standards leġiżlattivi ta' trasparenza korporattiva fid-dinja; jisħaq, madankollu, li dawn l-istandards għadhom insuffiċjenti, minħabba ż-żieda fil-mobbiltà tal-kapital, tal-persuni u tal-assi, l-iżvilupp rapidu tal-finanzi diġitali, u l-mezzi dejjem aktar sofistikati biex tiġi protetta s-sjieda tal-assi;

22.  Jisħaq li l-ħames AMLD, b'mod partikolari, tirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu reġistri tas-sidien benefiċjarji tal-entitajiet legali kollha stabbiliti fl-UE, inklużi t-trusts, u jagħtu aċċess pubbliku għal informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja dwar il-biċċa l-kbira tal-istrutturi korporattivi;

23.  Jieħu nota tar-rieżamijiet kontinwi tal-UE tar-regoli eżistenti fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa transfruntieri, li għandhom effetti pożittivi fuq il-funzjonament xieraq tas-suq uniku u fuq is-salvagwardja tal-bażijiet għat-taxxa u d-dħul mit-taxxa tal-Istati Membri, li huma prerekwiżiti għall-ħolqien tal-impjiegi, it-tkabbir, u speċjalment għall-irkupru tal-ekonomija tal-UE wara l-pandemija tal-COVID-19;

24.  Jissottolinja li l-Istati Membri jeħtiġilhom jirrikjedu skont id-dritt tal-UE li l-informazzjoni miżmuma fir-reġistri tkun adegwata, preċiża u attwali, u jeħtiġilhom, barra minn hekk, jistabbilixxu mekkaniżmi ta' verifika għal dan il-għan, inkluż l-obbligu li l-awtoritajiet kompetenti jirrapportaw id-diskrepanzi; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jkollhom riżorsi adegwati biex jivverifikaw l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja fir-reġistri, u li jiġu applikati miżuri jew sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi f'każijiet fejn l-entitajiet ġuridiċi, it-trusts u tipi oħra ta' arranġamenti legali ma jipprovdux informazzjoni adegwata, preċiża u attwali dwar is-sjieda benefiċjarja;

25.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tindirizza n-nuqqas ta' data suffiċjenti u preċiża fir-reġistri nazzjonali li jistgħu jintużaw ħalli jiġu identifikati s-sidien benefiċjarji, speċjalment f'sitwazzjonijiet fejn jintuża network ta' kumpaniji fittizji;

26.  Jindika li l-Pandora Papers jenfasizzaw il-ħtieġa u l-benefiċju kbir ta' reġistri tas-sidien benefiċjarji interkonnessi u aċċessibbli għall-pubbliku għat-trusts u l-arranġamenti simili bħall-kumpaniji, sabiex ikun hemm skrutinju aktar mill-qrib u kontroverifika aħjar tal-informazzjoni mill-ġurnalisti u mis-soċjetà ċivili; jissottolinja l-importanza ta' reġistri bħal dawn li jkun fihom data armonizzata u li tinqara mill-magni u li jipprevedu funzjonijiet ta' tiftix;

27.  Jinsab imħasseb li, kif dokumentat mis-soċjetà ċivili(14), sena wara l-iskadenza għall-implimentazzjoni tal-ħames AMLD, disa' pajjiżi ma kinux stabbilew reġistri pubbliċi, filwaqt li oħrajn kienu imponew restrizzjonijiet fuq l-aċċess ġeografiku, bi ksur tar-regoli tal-UE; jesprimi wkoll dispjaċir għall-fatt li l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE jidhru li introduċew xkiel bħall-paywalls u r-reġistrazzjoni li, għalkemm jidhru f'konformità mad-dritt tal-UE, jagħmluha diffiċli li jiġu kkonsultati r-reġistri; jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tkompli t-traspożizzjoni u l-infurzar sħaħ tal-ħames AMLD permezz tal-ftuħ ta' proċeduri ta' ksur;

28.  Jesprimi dispjaċir għad-dewmien fl-istabbiliment tas-Sistema ta' Interkonnessjoni tar-Reġistri tas-Sjieda Benefiċjarja (BORIS) minħabba diffikultajiet tekniċi; ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar il-fatt li dan huwa rekwiżit legali skont il-ħames AMLD u li huwa assolutament essenzjali li l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja tkun aċċessibbli għall-unitajiet tal-intelligence finanzjarja (UIF), għall-infurzar tal-liġi, għall-entitajiet marbuta b'obbligu u għall-pubbliku ġenerali; jiddeplora l-fatt li xi Stati Membri qed jimminaw l-effikaċja tal-BORIS meta lanqas biss għadha daħlet fis-seħħ billi jdewmu l-istabbiliment u l-funzjonament bla xkiel tar-reġistri nazzjonali tagħhom dwar is-sjieda benefiċjarja, u jistieden lill-atturi kollha jindirizzaw dan id-dewmien bħala kwistjoni urġenti;

29.  Jinnota li r-rivelazzjonijiet tal-OpenLux kienu diġà esponew il-limiti tal-miżuri ta' trasparenza u l-livell attwali ta' implimentazzjoni tar-reġistri pubbliċi dwar is-sidien benefiċjarji mill-Istati Membri; jinnota, barra minn hekk, li l-Pandora Papers identifikaw eżempji ta' individwi li jevitaw it-trasparenza tas-sjieda benefiċjarja fl-Istati Membri;

30.  Itenni li s-sidien benefiċjarji li jidhru fir-reġistru għandhom ikunu kull min fl-aħħar mill-aħħar jikkontrolla jew ikun is-sid ta' entità ġuridika permezz ta' sjieda diretta jew indiretta;

31.  Jenfasizza l-kumplessità tat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-AML/CFT, li s'issa kienet ibbażata fuq armonizzazzjoni minima; jesprimi dispjaċir għan-nuqqas ta' rieda politika f'xi Stati Membri biex jittrasponu u jimplimentaw b'mod xieraq il-leġiżlazzjoni tal-AML/CFT; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-iskadenza tal-10 ta' Jannar 2020 għat-traspożizzjoni tal-ħames AMLD, u l-iskadenzi tal-10 ta' Jannar 2020 għar-reġistri tas-sjieda benefiċjarja għall-entitajiet korporattivi u għal entitajiet legali oħra u tal-10 ta' Marzu 2020 għat-trusts u għall- arranġamenti legali simili, ma ġewx rispettati minn numru ta' Stati Membri;

32.  Jilqa', f'dan ir-rigward, il-pakkett il-ġdid dwar l-AML/CFT propost mill-Kummissjoni f'Lulju 2021, inkluża ġabra unika ta' regoli dwar l-AML/CFT u b'mod partikolari r-regoli l-ġodda dwar it-trasparenza tas-sjieda benefiċjarja; jistenna bil-ħerqa li jaħdem fuq il-proposti tal-Kummissjoni u jibqa' impenjat li jkompli jtejjeb l-istandards għat-trasparenza korporattiva fl-UE u li jiżgura qafas effettiv tal-AML/CFT;

33.  Jilqa', b'mod partikolari, il-fatt li l-Kummissjoni introduċiet obbligu għall-entitajiet legali mhux tal-UE li jew jidħlu f'relazzjoni kummerċjali ma' entità obbligata tal-UE jew jakkwistaw proprjetà immobbli fl-Unjoni biex jirreġistraw is-sid benefiċjarju tagħhom fir-reġistri tas-sjieda benefiċjarja tal-UE, f'konformità mas-sejħiet preċedenti tal-Parlament għal miżuri bħal dawn, bl-għan li tingħalaq lakuna sinifikanti fis-sistema;

34.  Jenfasizza l-proposta tal-Kummissjoni li titlob lill-Istati Membri jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti aċċess għar-reġistri eżistenti tal-proprjetà immobbli sabiex tiġi żgurata l-identifikazzjoni f'waqtha ta' kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun proprjetarja ta' proprjetà immobbli; jilqa' din il-proposta u jimpenja ruħu li jaħdem fil-proċeduri leġiżlattivi tal-AML/CFT li ġejjin biex jagħmel aktar progress fit-trasparenza tas-sjieda tal-proprjetà immobbli fl-UE, li għadha komodità attraenti għal individwi b'valur nett għoli biex jaħbu l-valur tal-assi, u biex il-kriminali jaħslu r-rikavat mill-attivitajiet illeċiti tagħhom;

35.  Jilqa' wkoll il-proposta tal-Kummissjoni li tintroduċi interkonnessjoni madwar l-UE ta' mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati li jkun fihom informazzjoni dwar il-kontijiet tal-ħlas u tal-bank permezz ta' punt ta' aċċess uniku, sabiex jiġi ffaċilitat aċċess aktar veloċi mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u mill-UIF, matul fażijiet differenti ta' investigazzjoni, għal informazzjoni finanzjarja, u li tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni transfruntiera, f'konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data;

36.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tistabbilixxi awtorità Ewropea ġdida dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus bħala superviżur uniku ta' entitajiet marbuta b'obbligu magħżula tas-settur finanzjarju u bħala mekkaniżmu uniku ta' koordinazzjoni u ta' appoġġ għall-UIF fl-UE; jisħaq li l-awtorità l-ġdida għandha tirċievi allokazzjoni baġitarja akbar u tkun mgħammra b'riżorsi adegwati biex teżegwixxi s-setgħat superviżorji fuq l-entitajiet finanzjarji u teżerċita sorveljanza effettiva tal-entitajiet marbuta b'obbligu mhux finanzjarji;

37.  Jieħu nota tal-fatt li l-awtorità l-ġdida se tingħata l-mandat li tistabbilixxi u timmaniġġja mekkaniżmu ta' koordinazzjoni fost l-UIF; jilqa’ dan l-iżvilupp u jittama li l-awtorità l-ġdida jkollha rwol importanti fit-titjib tal-iskambju ta' informazzjoni u tal-kooperazzjoni bejn l-UIF;

38.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li jiġi introdott sett aktar armonizzat ta' sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-livell tal-UE għal nuqqas ta' konformità mar-regolamenti dwar l-AML/CFT;

39.  Jistenna wkoll bil-ħerqa l-pubblikazzjoni rapida tal-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi indirizzat l-użu ħażin tal-kumpaniji fittizji għal skopijiet ta' taxxa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex ma tillimitax ruħha għar-rekwiżiti tas-sustanza kif attwalment inklużi fil-lista tal-UE tal-ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx (il-lista tal-UE), iżda tiżviluppa rekwiżiti robusti u progressivi ta' sustanza ekonomika reali; jenfasizza li dawn l-entitajiet spiss jintużaw biex isir it-trasferiment tal-flus f'ġuriżdizzjonijiet b'rata baxxa ta' taxxa permezz ta' pagamenti ta' dividendi, ta' royalties jew tal-imgħax mhux intaxxati;

40.  Jesprimi dispjaċir għall-fatt li minkejja l-iżviluppi pożittivi kollha u r-riformi pendenti, għadhom jippersistu l-lakuni legali attwali u d-diverġenzi u l-inkonsistenzi bejn il-prattiki ta' implimentazzjoni fl-Istati Membri; jenfasizza, barra minn hekk, li l-limitazzjonijiet tal-qafas Ewropew dwar l-iskambju ta' informazzjoni huma parzjalment ir-riżultat ta' nuqqas ta' riżorsi fl-amministrazzjonijiet tat-taxxa u fl-UIF; itenni l-ħtieġa ta' kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet amministrattivi, ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi fi ħdan l-UE;

41.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw riżorsi adegwati biex jipproċessaw u jiskambjaw l-informazzjoni permezz tal-UIF u l-qafas kollu tal-infurzar tal-liġi; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk l-UIF għandhomx biżżejjed riżorsi biex jittrattaw b'mod effettiv ir-riskji tal-AML/CFT;

42.  Iqis li għandha tingħata kunsiderazzjoni ulterjuri lill-inizjattivi li jistgħu jinfurzaw l-azzjonijiet tal-AML/CFT fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali, bħaż-żieda fil-kompetenzi tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għall-prosekuzzjoni ta' reati li mhumiex marbuta mal-baġit tal-UE, iż-żieda fil-kompetenzi tal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF), u t-tisħiħ ta' aġenziji eżistenti bħall-Europol u l-Eurojust;

43.  Jistieden lill-Europol iżżid il-kooperazzjoni tagħha mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri fil-kuntest tal-investigazzjonijiet dwar ir-reati fiskali;

44.  Jissottolinja s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport Speċjali Nru 13/2021 tal-QEA, li jgħid li "L-isforzi tal-UE fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus fis-settur bankarju huma frammentati u l-implimentazzjoni mhijiex suffiċjenti"; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-QEA sabet frammentazzjoni istituzzjonali u koordinazzjoni dgħajfa fil-livell tal-UE f'dak li għandu x'jaqsam ma' attivitajiet tal-AML/CFT u ħadet azzjoni fejn ġew identifikati r-riskji;

45.  Jinnota bi tħassib li l-Kummissjoni mxiet bil-mod fil-valutazzjoni tat-traspożizzjoni tad-direttivi mill-Istati Membri minħabba komunikazzjoni ta' kwalità baxxa minn xi Stati Membri u riżorsi limitati fil-Kummissjoni;

46.  Jilqa' l-fatt li l-persunal tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) wettaq investigazzjonijiet bir-reqqa ta' ksur potenzjali tad-dritt tal-UE, iżda jesprimi dispjaċir għad-dewmien eċċessiv f'dan il-proċess; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-EBA ma fetħet l-ebda investigazzjoni fuq inizjattiva tagħha stess; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Kummissjoni ma għandha l-ebda gwida interna biex tiskatta talba biex l-EBA twettaq investigazzjoni;

47.  Huwa ferm imħasseb bl-evidenza misjuba mill-QEA tat-tentattivi biex jiġi influwenzat il-Bord tas-Superviżuri li kien parti mill-proċess deliberattiv f'investigazzjoni minnhom dwar ksur tad-dritt tal-UE; jistieden lill-EBA tipprevjeni aktar tentattivi biex tinfluwenza l-membri tal-bord ta' investigazzjoni matul id-deliberazzjonijiet tagħhom;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-EBA u lill-Bank Ċentrali Ewropew jindirizzaw il-kwistjonijiet imqajma u r-rakkomandazzjonijiet tal-QEA fil-perjodu ta' żmien stabbilit mill-QEA;

49.  Itenni l-appell tiegħu lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-iskemi eżistenti kollha taċ-ċittadinanza b'investiment jew tar-residenza b'investiment ikunu trasparenti u bbażati fuq regoli ċari; jinsab imħasseb li dawn l-iskemi kollha setgħu żiedu t-theddida ta' ħasil tal-flus u ta' evażjoni tat-taxxa, filwaqt li mminaw il-fiduċja reċiproka u l-integrità taż-żona Schengen u taż-żona tal-euro u ħolqu riskji oħra politiċi, ekonomiċi u ta' sigurtà għall-Unjoni u għall-Istati Membri tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi proposti biex jiġu regolati l-iskemi taċ-ċittadinanza b'investiment jew tar-residenza b'investiment mill-aktar fis possibbli wara li l-Parlament ikun għamel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis id-data tal-Pandora Papers fil-proċess għall-kompilazzjoni tal-lista tal-UE ta' pajjiżi terzi b'riskju għoli, b'mod partikolari ġuriżdizzjonijiet li jservu bħala ċentri għall-formazzjoni tal-kumpaniji u li jiffaċilitaw il-kriminalità finanzjarja; itenni li l-pajjiżi terzi li jonqsu milli jikkooperaw mal-Istati Membri dwar investigazzjonijiet Ewropej ta' livell għoli dwar l-AML/CFT għandhom ikunu eliġibbli għall-inklużjoni fil-lista; jisħaq fuq l-importanza tal-valutazzjoni awtonoma ta' pajjiżi terzi fl-UE, li għandha tkun ħielsa minn interferenza ġeopolitika, u l-prominenza li għandha tingħata lit-trasparenza tas-sjieda benefiċjarja bħala kriterju għall-valutazzjoni ta' pajjiżi terzi;

51.  Jinnota bi tħassib li, skont ir-rivelazzjonijiet, id-dmir ta' diliġenza dovuta msaħħa fir-rigward ta' persuni politikament esposti, tal-membri tal-familja tagħhom u tal-kumpaniji assoċjati mill-qrib mhux dejjem jista' jiġi ssodisfat mill-entitajiet marbuta b'obbligu; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta sa liema punt l-identifikazzjoni ta' persuni politikament esposti u l-applikazzjoni ta' diliġenza dovuta msaħħa jitwettqu b'mod effettiv, u l-ostakli li jiffaċċjaw l-entitajiet marbuta b'obbligu f'dan ir-rigward; jenfasizza l-importanza tal-ġbir ta' data dwar il-livelli ta' konformità mill-entitajiet marbuta b'obbligu;

52.  Jieħu nota tal-istudju kontinwu tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-valutazzjoni tal-implimentazzjoni konkreta u tal-applikazzjoni effettiva tar-raba' Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus fl-Istati Membri, kif mitlub mill-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika r-rapporti ta' evalwazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Istati Membri u tiżgura li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jkunu involuti fil-proċess ta' valutazzjoni;

Azzjoni meħtieġa fix-xena globali

53.  Jikkundanna l-fatt li xi stati tal-Istati Uniti, bħas-South Dakota, l-Alaska, il-Wyoming, id-Delaware u n-Nevada, saru ċentri ta' segretezza finanzjarja u korporattiva, kif esposti mill-Pandora Papers, minbarra r-rifuġji fiskali magħrufa li kienu ġew esposti qabel; jistieden lill-Gvernijiet Federali u tal-Istati tal-Istati Uniti jieħdu azzjoni ulterjuri biex jiżguraw trasparenza korporattiva akbar u jissieħbu fl-Istandard Komuni ta' Rapportar (CRS), u b'hekk jiskambjaw bis-sħiħ l-informazzjoni ma' pajjiżi oħra; ifakkar li l-lista tal-UE tivvaluta jekk ġuriżdizzjoni għandhiex tal-anqas klassifikazzjoni "fil-biċċa l-kbira konformi" mas-CRS skont il-Forum Globali dwar it-Trasparenza u l-Iskambju ta' Informazzjoni għal Skopijiet ta' Taxxa; jistieden lill-Kunsill jivvaluta mill-ġdid lill-Istati Uniti fil-qafas tal-lista tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward tal-kriterji tat-trasparenza fiskali;

54.  Jisħaq li l-Istati Uniti bħalissa ma jiħdux sehem fis-CRS, li huwa standard ta' informazzjoni għall-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa rigward il-kontijiet finanzjarji fuq livell globali żviluppat mill-OECD fl-2014; jinnota, għalhekk, li l-Istati Uniti għadhom lura ħafna mill-bqija tad-dinja fl-istandards komuni għall-iskambju ta' informazzjoni; jirrikonoxxi li l-Istati Uniti kellhom rwol importanti fit-trawwim tat-trasparenza meta ppromulgaw l-Att dwar il-Konformità Fiskali tal-Kontijiet Barranin; jiddeplora, madankollu, il-limitazzjonijiet tal-att f'termini tar-reċiproċità u tal-effetti sekondarji tiegħu fuq l-hekk imsejħa "Amerikani aċċidentali"; jesprimi dispjaċir għall-fatt li għadha ma nstabet l-ebda soluzzjoni dejjiema fil-livell Ewropew; ifakkar li, bħala paragun, is-CRS jirrikjedi l-iskambju reċiproku bis-sħiħ tad-data dwar il-kontijiet finanzjarji bejn il-ġuriżdizzjonijiet li jieħdu sehem fil-ftehim tas-CRS; josserva, għalhekk, li l-Istati Uniti qed isiru faċilitatur sinifikanti tas-segretezza finanzjarja għaċ-ċittadini mhux tal-Istati Uniti permezz ta' żewġ lakuni ewlenin: tiġi kondiviża biss informazzjoni dwar l-assi fl-Istati Uniti, u ma tiġi kondiviża l-ebda informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja;

55.  Jilqa' l-Att dwar it-Trasparenza Korporattiva tal-Istati Uniti li ġie adottat reċentement, li jirrikjedi li xi korporazzjonijiet u kumpaniji b'responsabbiltà limitata jiżvelaw informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u lil oħrajn b'responsabbiltajiet tal-AML/CFT b'mandat legali; jinnota, madankollu, li l-leġiżlazzjoni l-ġdida ma tiżgurax it-trasparenza korporattiva sħiħa f'livell simili għall-istandard attwali fl-UE u, b'mod partikolari, ma tkoprix it-trusts u arranġamenti simili esposti fil-Pandora Papers;

56.  Jilqa', barra minn hekk, l-Att il-ġdid tal-Istati Uniti li Jistabbilixxi Awtoritajiet Ġodda Kontra l-Ħasil tan-Negozji u r-Riskji Abilitanti għas-Sigurtà (Abilitanti), imfassal fid-dawl tal-Pandora Papers, li jkun jirrikjedi li d-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti joħloq regoli ġodda ta' diliġenza dovuta għall-intermedjarji Amerikani li jiffaċilitaw il-fluss ta' assi barranin fl-Istati Uniti;

57.  Jinnota li l-Istati Uniti se jospitaw is-Summit għad-Demokrazija fid-9 u fl-10 ta' Diċembru 2021, li se jinkludi pilastru ddedikat għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jistieden lill-Gvern tal-Istati Uniti jieħu din l-opportunità biex iħabbar aktar riformi li ġejjin bil-għan li jiżgura li l-Istati Uniti ma jibqgħux jintużaw għall-ħasil ta' fondi illeċiti u għall-abilitazzjoni tal-evitar tat-taxxa;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jidħlu f'negozjati ġodda mal-Istati Uniti fi ħdan il-qafas tal-OECD sabiex tinkiseb reċiproċità sħiħa f'qafas ta' CRS maqbul u msaħħaħ b'mod komuni; jisħaq li dan iwassal għal progress sinifikanti u għal kostijiet ta' konformità aktar baxxi għall-istituzzjonijiet finanzjarji, u jnaqqas b'mod sinifikanti l-burokrazija oneruża;

59.  Jenfasizza, barra minn hekk, li l-Istati Membri kollha ffirmaw is-CRS; jinnota li t-tieni Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva (DAC2) serviet sabiex jiġi implimentat is-CRS għall-iskambju ta' informazzjoni fl-UE mill-2016; ittenni, f'dan il-kuntest, ir-rakkomandazzjonijiet mir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 2021 dwar l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-UE għall-iskambju ta' informazzjoni dwar it-taxxa: il-progress, it-tagħlimiet miksuba u l-ostakli li jridu jingħelbu; jesprimi dispjaċir kbir għall-fatt li l-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni tal-Finlandja u tal-Iżvezja, irrifjutaw li jagħtu aċċess lill-Parlament għad-data rilevanti biex jivvaluta l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-DAC; jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni ddeċidiet ma tagħtix aċċess lill-Parlament għad-data rispettiva fil-pussess tagħha; jinnota li dan ir-rifjut mhuwiex konsistenti mal-appelli għal trasparenza u għal kooperazzjoni akbar fi kwistjonijiet tat-taxxa;

60.  Iqis li l-proċess ta' rieżami bejn il-pari tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF) huwa strument komprensiv biex jiġi vvalutat sa liema punt ġew implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-FATF u l-prestazzjoni ġenerali ta' pajjiż fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus;

61.  Jistieden lill-FATF tagħmel ir-reġistri tas-sjieda benefiċjarja aċċessibbli għall-pubbliku rekwiżit għall-konformità mal-istandard fir-reviżjoni li għaddejja tar-Rakkomandazzjoni 24 dwar it-trasparenza u s-sjieda benefiċjarja ta' persuni ġuridiċi, u biex ittejjeb id-definizzjoni ta' sjieda benefiċjarja sabiex telimina kwalunkwe lakuna possibbli, tipprojbixxi l-parteċipazzjonijiet azzjonarji tal-portaturi, iżżid ir-rekwiżiti fuq l-azzjonisti mandatorji u, fl-aħħar nett, iġġiegħel lill-ġuriżdizzjonijiet konformi jirrikjedu li l-kumpaniji barranin b'rabtiet mal-pajjiż isegwu l-istess regoli dwar l-iżvelar tas-sjieda benefiċjarja li japplikaw għall-kumpaniji domestiċi;

62.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE fl-FATF u lill-Kummissjoni jiżguraw li l-UE titkellem b'vuċi waħda f'livell globali dwar il-qafas tal-AML/CFT u jinsistu għar-riformi msemmija hawn fuq sabiex jinkisbu kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fuq livell globali u tiġi pprojbita b'mod effettiv is-segretezza dwar is-sjieda korporattiva, filwaqt li jippromwovu qafas ta' governanza internazzjonali aktar responsabbli u trasparenti fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE fl-FATF jivvalutaw ukoll, bħala kwistjoni ta' prijorità, il-pajjiżi li huma ċentri ta' formazzjoni tal-kumpaniji u li ġew identifikati minn korpi internazzjonali bħala li għandhom għadd sinifikanti ta' nuqqasijiet fir-reġimi tagħhom tal-AML/CFT, iżda li għadhom ma ġewx evalwati mill-FATF minħabba li ma ssodisfawx il-kriterji ta' prijorità tal-Grupp Internazzjonali ta' Evalwazzjoni tal-Kooperazzjoni Internazzjonali (ICRG) tal-FATF;

64.  Jinnota li aktar minn 1 500 proprjetà fir-Renju Unit b'valur stmat ta' aktar minn GBP 4 biljun inxtraw bl-użu ta' ditti offshore minn sidien sigrieti; jirrikonoxxi li l-Gvern tar-Renju Unit impenja ruħu li jadotta abbozz ta' leġiżlazzjoni tal-2018 biex jintroduċi reġistru pubbliku tas-sidien benefiċjarji ta' entitajiet barranin ekstra-Ewropej li għandhom proprjetà immobbli fir-Renju Unit;

65.  Jenfasizza li l-Pandora Papers esponew kif ir-Renju Unit, permezz tad-Dipendenzi tal-Kuruna u t-Territorji Ekstra-Ewropej tiegħu, għadu jintuża bħala ċentru għall-evitar tat-taxxa u għat-tranżazzjonijiet offshore sigrieti; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika modi u kontromiżuri possibbli biex tiżgura l-kooperazzjoni u l-allinjament tal-istandards fil-qasam tat-tassazzjoni u tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, inkluż permezz tal-irbit tad-deċiżjonijiet ta' ekwivalenza fil-qasam tas-servizzi finanzjarji mal-adozzjoni ta' standards għat-trasparenza tat-taxxa u għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus ekwivalenti għal dawk fl-UE;

Regolamentazzjoni tal-intermedjarji

66.  Jiddeplora l-fatt li wara l-exposés preċedenti, il-Pandora Papers wrew li 14-il fornitur professjonali ta' servizzi korporattivi offshore, li jinkludu ditti legali, konsulenti tat-taxxa u maniġers tal-ġid, jgħinu lil individwi b'valur nett għoli fit-twaqqif ta' strutturi korporattivi biex jaħbu l-assi tagħhom filwaqt li jiżguraw li dawn l-attivitajiet jibqgħu fil-konfini tal-legalità;

67.  Jenfasizza li skont l-istandards internazzjonali tal-AML/CFT, is-settur mhux finanzjarju jeħtieġlu jikkonforma mal-obbligi tad-diliġenza dovuta tal-klijenti u jirrapporta attività suspettuża lill-awtoritajiet;

68.  Jiddeplora l-fatt li ħafna ġuriżdizzjonijiet, inkluż fl-UE, ilhom għal ħafna snin jonqsu milli jikkonformaw mar-rekwiżiti bażiċi tal-FATF biex jimponu obbligi tal-AML/CFT fuq is-settur mhux finanzjarju intermedjarju ħalli jiġi indirizzat il-ħolqien min-naħa tiegħu ta' strutturi sigrieti;

69.  Jindika li l-awtoregolamentazzjoni u s-superviżjoni ta' dawn il-professjonijiet ma kinux effettivi fl-iżgurar tal-konformità u tas-sanzjonar tal-ksur tal-liġi; jilqa', f'dan ir-rigward, il-proposta tal-Kummissjoni li l-awtorità l-ġdida kontra l-ħasil tal-flus tingħata s-setgħa li tikkoordina s-superviżjoni tas-settur mhux finanzjarju, tikkoordina l-evalwazzjonijiet bejn il-pari tal-istandards u l-prattiki superviżorji, u titlob li s-superviżuri mhux finanzjarji jinvestigaw ksur possibbli tar-rekwiżiti tal-AML/CFT;

70.  Jistieden lill-FATF twettaq, bħala kwistjoni ta' prijorità, evalwazzjoni orizzontali tal-implimentazzjoni mill-pajjiżi tal-istandards tal-FATF relatati ma' negozji u ma' professjonijiet mhux finanzjarji u tapplika proċess ta' segwitu dedikat, kif għamlet b'suċċess bl-Inizjattiva għat-Tiftix tal-Fatti dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu, sabiex tiżdied malajr il-konformità globali mar-rekwiżiti tal-FATF fis-settur mhux finanzjarju;

71.  Itenni t-tħassib tiegħu li dawn l-operaturi spiss jikkombinaw l-għoti ta' pariri legali, ta' pariri dwar it-taxxa u ta' servizzi tal-awditjar meta jagħtu pariri kemm lill-klijenti korporattivi kif ukoll lill-awtoritajiet pubbliċi; huwa mħasseb, għalhekk, li l-inċentivi ekonomiċi li jiffaċilitaw l-istrutturi tal-evitar tat-taxxa qed jikkontribwixxu għal industrija ta' fornituri ta' servizzi li tista' tiġi mmobilizzata wkoll biex taħsel ir-rikavat ta' attivitajiet kriminali; itenni t-talbiet tiegħu minn riżoluzzjonijiet u minn rakkomandazzjonijiet preċedenti(15) dwar din il-kwistjoni u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jevalwaw il-qafas regolatorju li japplika għal dawn l-operaturi, bl-għan li jiġi pprojbit l-aċċess għas-suq għall-faċilitaturi tal-evitar tat-taxxa, tal-evażjoni tat-taxxa u tal-ħasil tal-flus; jistenna titjib fil-qafas legali permezz tar-reviżjoni mill-Kummissjoni tad-Direttiva dwar l-Awditjar Statutorju;

72.  Ifakkar fl-obbligu fl-ambitu tad-DAC6 li l-intermedjarji għandhom jirrapportaw skemi lill-awtoritajiet tat-taxxa abbażi ta' karatteristiċi distintivi li huma indikazzjoni qawwija ta' evitar tat-taxxa, b'mod partikolari fid-dawl ta' lakuni strutturali fil-leġiżlazzjoni dwar it-taxxa;

73.  Jistieden lill-Kummissjoni testendi r-rekwiżiti ta' rapportar tad-DAC6 għal arranġamenti transfruntiera għall-ġestjoni tal-assi ta' klijenti li huma persuni fiżiċi;

74.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fil-proposta futura tagħha dwar id-DAC8 – fost rakkomandazzjonijiet preċedenti oħra relatati mad-DAC3 u deskritti fir-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-UE għall-iskambju ta' informazzjoni dwar it-taxxa – l-iskambju ta' deċiżjonijiet tat-taxxa li jikkonċernaw persuni fiżiċi, li spiss jiġu abbozzati minn intermedjarji, sabiex jiġi żgurat li l-arranġamenti ta' individwi b'valur nett għoli mal-awtoritajiet tat-taxxa ta' Stat Membru jkunu kondiviżi mal-Istati Membri kollha;

75.  Jisħaq li l-privileġġ professjonali legali ma jistax jintuża biex ikopri prattiki illegali; jinnota l-konstatazzjonijiet mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem(16) f'każ minnhom li l-kunfidenzjalità tar-relazzjonijiet bejn l-avukat u l-klijent u l-privileġġ professjonali legali ma jipprevalux fuq l-obbligu li jiġu rrapportati s-suspetti segwiti fl-għan leġittimu tal-prevenzjoni tal-attività kriminali, u li tali rapportar kien neċessarju sabiex jintlaħaq dak l-għan;

76.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex toħroġ gwida dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-privileġġ legali għal professjonisti u tistabbilixxi linja ta' demarkazzjoni ċara bejn parir ġudizzjarju tradizzjonali u avukati li jaġixxu bħala operaturi finanzjarji, f'konformità mal-ġurisprudenza tal-qrati Ewropej;

Riforma tal-lista u tal-politika tat-tassazzjoni tal-UE

77.  Itenni l-impatt negattiv tal-ippjanar aggressiv tat-taxxa, peress li dan iwassal għall-erożjoni tal-bażijiet għat-taxxa tal-Istati Membri u jċaqlaq piż tat-taxxa sproporzjonat fuq iċ-ċittadini u l-kumpaniji, speċjalment l-SMEs, li jirrispettaw il-liġijiet tat-taxxa;

78.  Jenfasizza li l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa, flimkien ma' skemi ta' trasferiment tal-profitt, ċaħħdu lill-istati u lin-nies minn riżorsi li huma essenzjali biex ikun hemm aktar żvilupp u ġustizzja soċjali u biex l-istat jingħata d-dħul li jeħtieġ biex jiffunzjona kif suppost;

79.  Jinsisti li sabiex jitwettqu r-riformi leġiżlattivi futuri tal-politika tat-taxxa neċessarji biex jiġu indirizzati b'mod effettiv il-kwistjonijiet enfasizzati fil-Pandora Papers, il-Kummissjoni għandha tesplora l-possibbiltajiet kollha offruti mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, inkluż l-Artikolu 116, biex it-teħid ta' deċiżjonijiet isir aktar effiċjenti;

80.  Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-lista tal-UE, li tissejjaħ ukoll il-Lista s-Sewda tal-UE tar-Rifuġji Fiskali, baqgħet strument insuffiċjenti minkejja dejjem aktar skandli tat-taxxa u rapporti inkwetanti mill-ġurnalisti u mill-organizzazzjonijiet mhux governattivi; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-ministri tal-finanzi tal-Istati Membri għadhom ma assumewx ir-responsabbiltajiet individwali u konġunti tagħhom fil-ġlieda kontra r-rifuġi fiskali, il-kumpaniji offshore u t-trusts, u minflok kienu involuti fit-trażżin tal-lista s-sewda eżistenti;

81.  Jiddeplora, b'mod partikolari, il-fatt li wara r-rivelazzjonijiet tal-Pandora Papers, il-Kunsill tal-Ministri tal-Finanzi tal-UE ddeċieda li jqassar il-lista tal-UE tar-rifuġji fiskali fil-laqgħa tiegħu tal-5 ta' Ottubru 2021, billi jneħħi l-gżejjer tal-Karibew ta' Anguilla u Dominica, kif ukoll is-Seychelles, li ġew inklużi fir-rivelazzjonijiet u li għadhom jikkonformaw biss parzjalment mal-istandard internazzjonali dwar it-trasparenza u l-iskambju ta' informazzjoni fuq talba, minkejja t-tieni sessjoni ta' evalwazzjoni li ngħatat reċentement mill-Forum Globali;

82.  Jinnota li żewġ terzi tal-kumpaniji fittizji fil-Pandora Papers jinsabu fil-Gżejjer Verġni Brittaniċi, li qatt ma dehru fil-lista s-sewda tal-UE (l-Anness I tal-konklużjonijiet rilevanti tal-Kunsill) u ġew irtirati mil-lista l-griża (l-Anness II) fi Frar 2020;

83.  Itenni l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2021 dwar ir-riforma tal-lista tal-UE tar-rifuġji fiskali, jitlob aktar trasparenza dwar il-kriterji użati għall-proċess tal-elenkar; jemmen li din ir-riforma għandha titwettaq sa tmiem l-2021 biex l-UE tiġi protetta minn kwalunkwe telf ulterjuri ta' dħul fil-perjodu ta' rkupru ta' wara l-COVID-19;

84.  Jiddeplora n-nuqqas ta' rieda tal-Kunsill li jaqbel dwar il-kriterju ta' trasparenza li ġej fir-rigward tas-sjieda benefiċjarja aħħarija; jistieden lill-Kunsill jaqbel dwar dan il-kriterju bħala kwistjoni urġenti, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tad-DAC5;

85.  Itenni s-sejħa tiegħu biex jissaħħu l-kriterji u tiġi żgurata implimentazzjoni akbar tal-impenji fir-rigward mhux biss tal-lista tal-UE iżda wkoll tal-iskemi tat-taxxa fl-UE, b'mod partikolari l-kriterji dwar it-tassazzjoni ġusta li "l-ġurisdizzjoni jenħtieġ li ma tiffaċilitax strutturi jew arranġamenti offshore bl-għan li jattiraw profitti li ma jirriflettux attività ekonomika reali fil-ġurisdizzjoni"; ifakkar fit-talba tiegħu li jiġu vvalutati u mmonitorjati wkoll l-iskemi tat-taxxa fi ħdan l-UE, u b'hekk tiġi riformata, skont l-istess kriterji bħal-lista tal-UE, il-politika tal-UE dwar prattiki dwar it-taxxa dannużi u l-Kodiċi ta' Kondotta dwar it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi, li għandhom isiru vinkolanti; jitlob, b'mod partikolari, l-introduzzjoni ta' livell minimu ta' sustanza ekonomika bħala kriterju għal dak li jikkostitwixxi rifuġju fiskali, sanzjonijiet xierqa, tassazzjoni effettiva minima f'konformità mar-rata minima tat-taxxa effettiva miftiehma fuq livell internazzjonali fil-qafas tal-Pilastru II tal-Qafas Inklużiv, u li l-kamp ta' applikazzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta dwar it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi jiġi estiż biex jinkludi reġimi preferenzjali ta' taxxa fuq l-introjtu personali mfassla, biex ikopri skemi ta' ċittadinanza speċjali jew miżuri maħsuba biex jattiraw individwi għonja u nomadi diġitali mobbli ħafna, li jistgħu jwasslu għal distorsjonijiet sinifikanti fis-suq uniku;

86.  Jinnota li l-inklużjoni ta' pajjiżi terzi fil-lista tal-UE għandha ftit konsegwenzi immedjati u vinkolanti; iqis li l-inklużjoni fil-lista sewda tal-UE għandha tiġi b'sanzjonijiet li jservu ta' deterrent effettiv u li lista riveduta għandha tkun marbuta ma' reġim ta' sanzjonijiet;

87.  Ifakkar li l-Kummissjoni kkritikat lil xi Stati Membri matul il-proċess tas-Semestru għal nuqqasijiet fis-sistemi tat-taxxa tagħhom li jiffaċilitaw l-ippjanar aggressiv tat-taxxa;

88.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għal riforma tal-Kodiċi ta' Kondotta dwar it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi ispirata mill-proposti reċenti deskritti fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-7 ta' Ottubru 2021 dwar riforma tal-politika tal-UE dwar il-prattiki dwar it-taxxa dannużi (inkluża r-riforma tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta);

89.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi Direttiva dwar sistema komuni madwar l-UE kollha għat-taxxa minn ras il-għajn fuq il-pagamenti ta' dividendi jew tal-imgħax; jisħaq li sakemm ikun hemm sistema komuni, l-Istati Membri jistgħu jieħdu kontromiżuri leġittimi biex jipproteġu l-bażijiet għat-taxxa tagħhom;

o
o   o

90.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lit-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja.

(1) ĠU C 390, 18.11.2019, p. 111.
(2) ĠU C 366, 27.10.2017, p. 51.
(3) ĠU C 101, 16.3.2018, p. 79.
(4) ĠU C 369, 11.10.2018, p. 132.
(5) ĠU C 108, 26.3.2021, p. 8.
(6) ĠU C 255, 29.6.2021, p. 22.
(7) ĠU C 371, 15.9.2021, p. 92.
(8) Testi adottati, P9_TA(2021)0022.
(9) Testi adottati, P9_TA(2021)0392.
(10) Testi adottati, P9_TA(2021)0416.
(11) Il-Konsorzju Internazzjonali ta' Ġurnalisti Investigattivi, "Panama Papers revenue recovery reaches $1.36 billion as investigations continue" (L-irkupru tad-dħul mill-Panama Papers jilħaq l-USD 1,36 biljun hekk kif jissoktaw l-investigazzjonijiet), is-6 ta' April 2021.
(12) Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73); Id-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li jemenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 43).
(13) Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).
(14) Transparency International, "Access denied? Availability and accessibility of beneficial ownership data in the European Union" (Aċċess miċħud? Id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tad-data dwar is-sjieda benefiċjarja fl-Unjoni Ewropea), is-26 ta' Mejju 2021.
(15) Ara, pereżempju, ir-rakkomandazzjoni tat-13 ta' Diċembru 2017 lill-Kunsill u lill-Kummissjoni wara l-inkjesta dwar il-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa, paragrafu 143 (ĠU C 369, 11.10.2018, p. 132).
(16) Ara s-sentenza tagħha tas-6 ta' Diċembru 2012 f'Michaud vs Franza.

Aġġornata l-aħħar: 20 ta' Jannar 2022Avviż legali - Politika tal-privatezza