Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2021/2935(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0532/2021

Testi mressqa :

B9-0532/2021

Dibattiti :

PV 19/10/2021 - 4
CRE 19/10/2021 - 4

Votazzjonijiet :

PV 21/10/2021 - 10
PV 21/10/2021 - 16

Testi adottati :

P9_TA(2021)0439

Testi adottati
PDF 147kWORD 51k
Il-Ħamis, 21 ta' Ottubru 2021 - Strasburgu
Il-kriżi tal-istat tad-dritt fil-Polonja u l-preċedenza tad-dritt tal-UE
P9_TA(2021)0439B9-0532/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Ottubru 2021 dwar il-kriżi tal-istat tad-dritt fil-Polonja u l-preċedenza tad-dritt tal-UE (2021/2935(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem "il-Karta"),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 1, 2, 4 u 19 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-ġurisprudenza relatata tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE),

–  wara li kkunsidra l-proposta motivata tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2017 dwar id-determinazzjoni ta' riskju ċar ta' ksur gravi tal-istat tad-dritt mir-Repubblika tal-Polonja, maħruġa f'konformità mal-Artikolu 7(1) tat-TUE (COM(2017)0835),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni(1) ("ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt"),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2020 dwar l-istabbiliment ta' Mekkaniżmu tal-UE għad-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ġunju 2021 dwar ir-rapport tal-2020 tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-Dritt(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar id-determinazzjoni ta' riskju ċar ta' ksur gravi tal-istat tad-dritt mir-Repubblika tal-Polonja(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2021 dwar it-tfassil ta' linji gwida għall-applikazzjoni tar-reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 2021 dwar il-libertà tal-media u d-deterjorament ulterjuri tal-istat tad-dritt fil-Polonja(7),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2020 bit-titolu "Ir-Rapport tal-2020 dwar l-Istat tad-Dritt – Is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea" (COM(2020)0580),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Lulju 2021 bit-titolu "Ir-Rapport tal-2021 dwar l-Istat tad-Dritt – Is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea" (COM(2021)0700),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, kif minqux fl-Artikolu 2 tat-TUE, l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi;

B.  billi fid-29 ta' Marzu 2021, il-Prim Ministru tal-Polonja ppreżenta applikazzjoni lit-"Tribunal Kostituzzjonali", ikkontestat b'mod wiesa' u illeġittimu, biex jikkunsidra jekk id-dispożizzjonijiet tat-TUE relatati mal-preċedenza tad-dritt tal-UE u l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva humiex konsistenti mal-Kostituzzjoni Pollakka(8);

C.  billi permezz ta' digriet tal-14 ta' Lulju 2021, il-QĠUE tat miżuri interim mitluba mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 279 tat-TFUE u relatati mal-funzjonament tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema Pollakka u s-sospensjoni ta' dispożizzjonijiet ulterjuri tad-dritt Pollakk li jaffettwaw l-indipendenza ġudizzjarja(9);

D.  billi fl-14 ta' Lulju 2021 it-"Tribunal Kostituzzjonali" illeġittimu Pollakk iddeċieda li d-digrieti interim tal-QĠUE dwar l-istruttura tal-qrati fil-Polonja kienu inkonsistenti mal-Kostituzzjoni Pollakka(10);

E.  billi fil-15 ta' Lulju 2021 il-QĠUE ddeċidiet fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-791/19(11) li r-reġim dixxiplinari għall-imħallfin fil-Polonja ma kienx kompatibbli mad-dritt tal-UE;

F.  billi, fis-6 ta' Ottubru 2021, il-QĠUE ddeċidiet li t-trasferimenti mingħajr il-kunsens ta' mħallef minn qorti għal oħra jew bejn żewġ diviżjonijiet tal-istess qorti x'aktarx li jimminaw il-prinċipji tal-fatt li l-imħallfin ma jistgħux jitneħħew u tal-indipendenza ġudizzjarja(12);

G.  billi fis-6 ta' Ottubru 2021, il-Viċi President tal-QĠUE ċaħad it-talba mill-Polonja biex tikkanċella d-digriet tal-Viċi President tal-QĠUE tal-14 ta' Lulju 2021 li tirrikjedi s-sospensjoni tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali relatati b'mod partikolari mas-setgħat tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema(13);

H.  billi, fis-7 ta' Ottubru 2021, it-"Tribunal Kostituzzjonali" illeġittimu ippreżenta d-deċiżjoni tiegħu fil-Kawża K 3/21, adottata b'żewġ opinjonijiet kuntrarji, dwar it-talba mibdija mill-Prim Ministru Pollakk fid-29 ta' Marzu 2021, li sabet li d-dispożizzjonijiet tat-TUE huma inkompatibbli mal-Kostituzzjoni Pollakka għal diversi raġunijiet;

I.  billi fl-10 ta' Ottubru 2021, aktar minn 100 000 ċittadin Pollakk ipprotestaw paċifikament madwar il-Polonja kollha sabiex juru l-appoġġ tagħhom għas-sħubija tal-Polonja fl-UE;

J.  billi fit-22 ta' Ottubru 2020, it-"Tribunal Kostituzzjonali" illeġittimu ntuża politikament ukoll biex jattakka d-drittijiet tan-nisa;

K.  billi fit-12 ta' Ottubru 2021 id-deċiżjoni fil-Kawża K 3/21 ġiet ippubblikata fil-gazzetta uffiċjali tal-Polonja(14), u b'hekk ingħatat saħħa legali fis-sistema legali Pollakka;

L.  billi l-Assoċjazzjoni tal-Imħallfin Amministrattivi Ewropej esprimiet ukoll il-fehma li s-sentenza tat-"Tribunal Kostituzzjonali" illeġittimu tmur b'mod ċar kontra l-prinċipju bażiku tas-supremazija tad-dritt tal-UE(15);

M.  billi fl-istħarriġ tal-Flash Eurobarometer ta' Awwissu 2021, il-maġġoranza vasta ta' dawk li wieġbu qablu li l-UE għandha tipprovdi fondi biss lill-Istati Membri bil-kundizzjoni li l-gvern tagħhom jirrispetta u jimplimenta l-istat tad-dritt u l-prinċipji demokratiċi; billi din iċ-ċifra kienet ukoll għolja ħafna fil-Polonja (72 %)(16);

N.  billi skont stħarriġ differenti li sar fil-Polonja f'Settembru 2021 u f'Ottubru 2021, 5 % biss ta' dawk li wieġbu qalu li jixtiequ li l-Polonja titlaq mill-UE(17), 90 % evalwaw pożittivament is-sħubija tal-Polonja fl-UE(18), u 95 % qalu wkoll li jaħsbu li l-appoġġ tal-UE kellu impatt pożittiv fuq l-iżvilupp tal-belt jew ir-reġjun tagħhom, li huwa ogħla mill-medja tal-UE(19);

1.  Jiddeplora bil-qawwa d-deċiżjoni tat-"Tribunal Kostituzzjonali" illeġittimu tas-7 ta' Ottubru 2021(20) bħala attakk fuq il-komunità Ewropea ta' valuri u liġijiet b'mod ġenerali, li jimmina l-preċedenza tad-dritt tal-UE bħala wieħed mill-prinċipji fundamentali tagħha f'konformità mal-ġurisprudenza stabbilita sew tal-QĠUE; jesprimi tħassib serju li din id-deċiżjoni tista' toħloq preċedent perikoluż; jenfasizza li t-"Tribunal Kostituzzjonali" illeġittimu mhux biss m'għandux validità legali u indipendenza(21), iżda huwa wkoll mhux kwalifikat biex jinterpreta l-Kostituzzjoni fil-Polonja;

2.  Jindika li skont l-Artikolu 47 tal-Karta, id-dritt fundamentali għal rimedju effettiv jirrikjedi aċċess għal tribunal "indipendenti"; jinnota l-isfidi dejjem ikbar ippreżentati mill-qrati kostituzzjonali nazzjonali u minn xi politiċi f'dan ir-rigward u jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw ir-rwol kruċjali tal-QĠUE u jikkonformaw mad-deċiżjonijiet tagħha;

3.  Jiddeplora l-fatt li l-inizjattiva biex tiġi ddubitata l-preċedenza tad-dritt tal-UE fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali ttieħdet mill-Prim Ministru Pollakk attwali, u l-ġudikatura kompliet tintuża ħażin bħala għodda biex tinkiseb l-aġenda politika tiegħu; jiddeplora din l-inizjattiva bħala deċiżjoni unilaterali li tqajjem dubji dwar il-qafas legali tal-UE u l-adeżjoni tal-Polonja magħha; ifakkar li l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja mal-UE seħħet bir-ratifika tat-Trattat tal-Adeżjoni, bil-kunsens tan-nazzjon Pollakk espress f'referendum; ifakkar ukoll li r-Repubblika tal-Polonja impenjat ruħha b'mod volontarju li tkun marbuta bid-dispożizzjonijiet tat-Trattati fundaturi u l-każistika tal-QĠUE; jikkundanna l-użu tas-sistema ġudizzjarja għal skopijiet politiċi u jistieden lill-awtoritajiet Pollakki biex jieqfu jagħmlu użu b'mod arbitrarju mis-setgħat eżekuttivi u leġiżlattivi tagħhom biex idgħajfu s-separazzjoni tas-setgħat u l-istat tad-dritt;

4.  Jafferma li sistema ġudizzjarja għandha tiġi eżaminata fl-intier tagħha biex jiġi ddeterminat jekk din isservix l-iskop ta' kontroll ġudizzjarju effettiv u indipendenti, u jirrifjuta bil-qawwa t-tentattivi ripetuti tal-Gvern attwali, il-Partit PiS, li jipprova jiġġustifika l-bidliet leġiżlattivi fil-qasam tal-ġudikatura fil-Polonja, speċjalment abbażi ta' eżempji individwali u iżolati fi Stati Membri differenti;

5.  Jiddeplora l-fatt li d-deċiżjoni fil-Kawża K 3/21 għandha impatt negattiv fuq iċ-ċittadini u n-negozji Pollakki u Ewropej, peress li d-dritt fundamentali bażiku tagħhom għal sistema ġudizzjarja indipendenti li tapplika bis-sħiħ l-acquis u l-leġiżlazzjoni tal-UE ma jistax jibqa' jiġi garantit; jinsab imħasseb dwar il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini Pollakki u Ewropej f'dan il-kuntest;

6.  Ifaħħar l-għexieren ta' eluf ta' ċittadini Pollakki li ħarġu fit-toroq fi protesti paċifiċi tal-massa, li qed jiġġieldu għad-drittijiet u l-libertajiet tagħhom bħala ċittadini Ewropej; jikkondividi x-xewqa tagħhom għal Polonja demokratika b'saħħitha fil-qalba tal-proġett Ewropew;

7.  Jissottolinja l-illeġittimità tas-sentenza tat-22 ta' Ottubru 2020 (K 1/20) u jirrikonoxxi li dawn ir-restrizzjonijiet severi fuq is-saħħa u d-drittijiet riproduttivi tan-nisa huma illegali;

8.  Jibża' li d-deċiżjoni fil-Kawża K 3/21 se jkollha effett dissważiv qawwi fuq l-imħallfin Pollakki, u li tiskoraġġihom milli jużaw il-prerogattivi tagħhom dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE; itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-imħallfin Pollakki li għadhom japplikaw il-preċedenza tad-dritt tal-UE u jirreferu l-kawżi quddiem il-QĠUE għal deċiżjoni preliminari, inkluż wara d-deċiżjoni fil-Kawża K 3/21, minkejja r-riskju għall-karrieri tagħhom, inkluża t-tneħħija dixxiplinarja mill-funzjonijiet ġuriżdizzjonali, it-tkeċċija jew ir-riżenja furzata;

9.  Ifakkar li t-Trattati tal-UE ma jistgħux jiġu modifikati b'deċiżjoni ta' qorti nazzjonali u li l-Kostituzzjoni Pollakka fl-Artikolu 91 tagħha tfakkar li ftehim internazzjonali ratifikat jikkostitwixxi parti mill-ordinament ġuridiku domestiku, li jrid jiġi applikat direttament u li l-liġijiet tiegħu għandhom preċedenza f'każ ta' kunflitt ta' liġijiet; jinsab imħasseb ħafna li t- "Tribunal Kostituzzjonali" Pollakk ġie ttrasformat minn gwardjan effettiv tal-Kostituzzjoni f'għodda għal-legalizzazzjoni tal-attivitajiet illegali tal-awtoritajiet; ifakkar li d-deċiżjonijiet tal-QĠUE ma jdgħajfux id-drittijiet tal-Istati Membri li jagħmlu bidliet organizzattivi fi ħdan il-ġudikatura;

10.  Jilqa' l-inizjattivi ta' xi parlamenti nazzjonali li jiddibattu u jieħdu pożizzjonijiet ċari dwar l-azzjonijiet reċenti meħuda mill-Gvern tal-Partit PiS tal-Polonja u l-attakki tiegħu fuq il-preċedenza tad-dritt tal-UE;

11.  Itenni l-fehma tiegħu li l-ebda flus tal-kontribwenti tal-UE m'għandhom jingħataw lill-gvernijiet li jimminaw b'mod flagranti, intenzjonat u sistematiku l-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jieħdu azzjoni urġenti u kkoordinata billi:

   iniedu proċeduri ta' ksur fir-rigward tal-leġiżlazzjoni dwar it-"Tribunal Kostituzzjonali" illeġittimu, il-kompożizzjoni illegali tiegħu u r-rwol tiegħu fil-prevenzjoni tal-konformità mas-sentenzi tal-QĠUE, u t-talba tal-QĠUE biex timponi miżuri interim kif ukoll it-tnedija ta' proċedimenti ta' ksur fir-rigward tal-Awla Straordinarja tal-Kontroll u l-Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura u s-Servizzi tal-Prosekuzzjoni tal-Istat tal-Polonja;
   jibdew il-proċedura prevista fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt għall-Polonja, min-naħa tal-Kummissjoni, filwaqt li jfakkar li l-Artikolu 5 tar-regolament jipproteġi l-aċċess għall-finanzjament għar-riċevituri u l-benefiċjarji finali u jidderieġi lill-Kummissjoni tagħmel l-almu tagħha biex tiżgura li l-pagamenti jsiru;
   joqogħdu lura milli japprovaw l-abbozz tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Polonja sakemm il-Gvern tal-Polonja jimplimenta bis-sħiħ u kif xieraq is-sentenzi tal-QĠUE u tal-qrati internazzjonali, u jiżguraw li l-valutazzjoni tal-pjan tiggarantixxi konformità mar-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiż, b'mod partikolari dwar is-salvagwardja tal-indipendenza ġudizzjarja;
   jadottaw rakkomandazzjonijiet mhux ambigwi, li ma jeħtiġux unanimità, biex jindirizzaw il-ksur tal-istat tad-dritt mill-Polonja, bi skeda ta' żmien ċara, u jiddikjaraw li hemm riskju ċar ta' ksur serju tal-istat tad-dritt mill-Polonja, f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7(1) tat-TUE, min-naħa tal-Kunsill, u l-espansjoni tal-kamp ta' applikazzjoni ta' din il-proċedura biex tkopri d-drittijiet fundamentali u d-demokrazija;
   jagħmlu użu mis-setgħat tagħhom, inkluż l-interruzzjoni jew is-sospensjoni ta' pagamenti jew it-twettiq ta' korrezzjonijiet finanzjarji fejn meħtieġ, skont ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni applikabbli, minħabba r-riskju ta' nuqqasijiet serji fil-funzjonament effettiv tas-sistemi ta' kontroll fil-Polonja minħabba n-nuqqas ta' indipendenza ġudizzjarja li tpoġġi f'riskju l-legalità u r-regolarità tan-nefqa;
   jiddiskutu dwar il-kriżi tal-istat tad-dritt fil-Polonja fil-preżenza tal-President tal-Parlament Ewropew u jieħdu pożizzjoni ċara, joħorġu dikjarazzjoni konġunta fl-iktar termini qawwija possibbli dwar il-kwistjoni, iffirmata mill-kapijiet ta' stat u ta' gvern tal-UE fis-summit tagħhom li jmiss fil-21 u t-22 ta' Ottubru 2021, u jagħtu segwitu urġenti fil-Kunsill Affarijiet Ġenerali li jmiss;

13.  Jenfasizza li dawn it-talbiet mhumiex maħsuba li jkunu miżuri punittivi kontra l-poplu tal-Polonja, iżda mezzi li bihom jerġa' jiġi stabbilit l-istat tad-dritt fil-Polonja fid-dawl tad-deterjorament kontinwu tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni tuża l-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tistabbilixxi modi biex tiżgura li ċ-ċittadini u r-residenti Pollakki tal-Polonja ma jiġux imċaħħda mill-benefiċċji tal-fondi tal-UE minħabba l-azzjonijiet tal-gvern attwali, u tistabbilixxi mezzi biex dawn il-fondi jiġu amministrati direttament mill-Kummissjoni lill-benefiċjarji aħħarija tagħhom;

14.  Jieħu nota tal-vot tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tiegħu tal-14 ta' Ottubru 2021 b'appoġġ għal azzjoni miġjuba quddiem il-QĠUE kontra l-Kummissjoni minħabba li naqset milli tieħu azzjoni biex tattiva l-mekkaniżmu ta' kundizzjonalità tal-istat tad-dritt tal-UE;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill, lill-Kumissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kunsill tal-Ewropa.

(1) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 1.
(2) ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17.
(3) ĠU C 395, 29.9.2021, p. 2.
(4) Testi adottati, P9_TA(2021)0313.
(5) ĠU C 385, 22.9.2021, p. 317.
(6) Testi adottati, P9_TA(2021)0348.
(7) Testi adottati, P9_TA(2021)0395.
(8) Applikazzjoni fil-Kawża K 3/21.
(9) Id-Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Lulju 2021, C-204/21 R, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, ECLI:EU:C:2019:593.
(10) Is-Sentenza tat-Tribunal Kostituzzjonali tal-14 ta' Lulju 2021, il-Kawża P 7/20.
(11) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Lulju 2021, C-791/19, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, ECLI:EU:C:2019:596.
(12) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Ottubru 2021, il-Kawża C-487/19, W.Ż., EU:C:2021:798.
(13) Id-Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Ottubru 2021, C-204/21 R-RAP, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, ECLI:EU:C:2019:834.
(14) DZIENNIK USTAW 2021 R. POZ. 1852.
(15) https://twitter.com/AEAJ2000/status/1450008198375686145?t=AY2yz-vezln6Mlq6ZwSDJQ&s=19&fbclid=IwAR3JNygjzCo9QR1R6RghaCOeM8diOQuzRQRe48eAtEwPcmOQC1x5QWkFNrY
(16) Flash Eurobarometer – L-Istat tal-Unjoni Ewropea, IPSOS, Awwissu 2021.
(17) Ipsos għal OKO.press u Gazeta Wyborcza, 23-25 ta' Settembru 2021. Ċifri mogħtija forma ta' perċentwal.
(18) Kantar, 21 ta' Settembru 2021.
(19) Stħarriġ tal-Ewrobarometru ta' Ottubru 2021, https://europa.eu/eurobarometer/api/deliverable/download/file?deliverableId=77331
(20) Il-Kawża K 3/21
(21) Il-Kawża tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Xero Flor w Polsce sp. z o.o. vs il-Polonja.

Aġġornata l-aħħar: 23 ta' Awwissu 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza