Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2021 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Nils Ušakovs (2020/2239(IMM))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Nils Ušakovs, imressqa fit-23 ta' Ottubru 2020 mill-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Latvja b'rabta mal-proċedimenti kriminali mibdija fir-Repubblika tal-Latvja u mħabbra fis-seduta plenarja fit-13 ta' Novembru 2020,
– wara li sema' lil Nils Ušakovs, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,
– wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011, fis-17 ta' Jannar 2013 u fid-19 ta' Diċembru 2019(1),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 29 u 30 tal-Kostituzzjoni Latvjana,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2) u 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0304/2021),
A. billi l-Prosekutur tat-Taqsima tal-Investigazzjonijiet dwar Każijet Partikolarment Gravi tad-Dipartiment tal-Ġustizzja Kriminali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali ta' Riga talab li titneħħa l-immunità ta' Nils Ušakovs, Membru tal-Parlament Ewropew, bil-għan li jinbdew proċedimenti kriminali fil-konfront tiegħu għal ksur tal-projbizzjoni ta' ċirkolazzjoni ta' apparat modifikat għal finijiet ta' operazzjonijiet klandestini speċjali;
B. billi, fit-30 ta' Jannar 2019, matul perkwiżizzjoni awtorizzata tal-uffiċċju ta' Nils Ušakovs, President tal-Kunsill Muniċipali ta' Riga, b'rabta ma' proċedimenti kriminali oħrajn, instab apparat prinċipalment maħsub biex jirrekordja vidjos u awdjos klandestini, espressament maħsub u użat għal operazzjonijiet klandestini speċjali;
C. billi huwa u jżomm tali apparat fl-uffiċċju tiegħu fi ħdan il-bini tal-Kunsill Muniċipali ta' Riga, Nils Ušakovs allegatament kiser il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 51 paragrafu 1, tal-Liġi dwar iċ-ċirkolazzjoni tal-beni ta' importanza strateġika li tipprojbixxi lill-persuni fiżiċi milli jakkwistaw jew iżommu tagħmir, apparat jew strumenti, kif ukoll il-komponenti tagħhom, espressament maħsuba jew modifikati għal operazzjonijiet klandestini speċjali, imniżżla fil-lista nazzjonali tal-beni u servizzi ta' importanza strateġika tar-Repubblika tal-Latvja; billi bl-aġir tiegħu, Nils Ušakovs allegatament ikkommetta reat imsemmi fl-Artikolu 2371, paragrafu 2, tal-Kodiċi Kriminali Latvjan;
D. billi Nils Ušakovs ġie elett fil-Parlament Ewropew insegwitu tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta' Mejju 2019;
E. billi l-allegat reat ma jikkonċernax opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa minn Nils Ušakovs fil-qadi ta' dmirijietu fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;
F. billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Membri tal-Parlament Ewropew igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament ta' dak l-Istat;
G. billi l-Artikoli 29 u 30 tal-Kostituzzjoni Latvjana jgħidu:
"Artikolu 29
Il-Membri tas-Saeima la jistgħu jiġu arrestati, la sottoposti għal perkwiżizzjoni tad-domiċilju tagħhom u lanqas ma jkunu limitati, bl-ebda mod, fil-libertà tagħhom, mingħajr il-kunsens tas-Saeima. (...)
Artikolu 30
L-ebda prosekuzzjoni kriminali ma tista' tinbeda fil-konfront ta' membru tagħha mingħajr il-kunsens tas-Saeima.";
H. billi, minn naħa, il-Parlament ma jistax jitqies bħala qorti u, min-naħa l-oħra, il-Membru ma jistax, fil-kuntest ta' proċedura għat-tneħħija tal-immunità, jitqies bħala "akkużat"(2);
I. billi l-iskop tal-immunità parlamentari huwa li jipproteġi lill-Parlament u lill-Membri tiegħu minn proċedimenti ġudizzjarji fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari tagħhom u li ma jistgħux jiġu separati minn dawk id-dmirijiet;
J. billi f'dan il-każ, il-Parlament ma sab l-ebda prova ta' fumus persecutionis, jiġifieri elementi fattwali li jindikaw li l-intenzjoni wara l-proċediment ġudizzjarju tista' tkun li ssir ħsara lill-attività politika ta' Membru u b'hekk lill-Parlament Ewropew;
1. Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Nils Ušakovs;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika tal-Latvja u lil Nils Ušakovs.
Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio and Clemente, C 200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs Il-Parlament, T-42/06, ECLI:EU:T:2010:102; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C 163/10, ECLI: EU:C:2011:543; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23. is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Diċembru 2019, Junqueras Vies, C-502/19, ECLI:EU:C:2019:1115.