Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2021 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (2021/2018(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u (10)4 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 224 u 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej(1) (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament"), kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom) 2018/673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Mejju 2018(2) u r-Regolament (UE, Euratom) 2019/493 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Marzu 2019(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 38(1) tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni(4) (ir-Regolament Finanzjarju),
– wara li kkonsulta lill-Awtorità għall-Partiti Politiċi Ewropej u l-Fondazzjonijiet Politiċi Ewropej (minn hawn 'il quddiem "l-Awtorità") u r-rapporti ta' attività annwali tagħha,
– wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew lill-Bureau tad-19 ta' April 2021 dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, fil-livell Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A9-0294/2021),
A. billi partiti u fondazzjonijiet politiċi b'saħħithom fil-livell tal-UE huma essenzjali għall-iżvilupp ta' sfera politika tassew tal-UE;
B. billi l-partiti politiċi Ewropej għandu jkollhom rwol aktar ċentrali fil-proċess tal-elezzjonijiet Ewropej u jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-għarfien politiku tal-UE u għall-espressjoni tar-rieda taċ-ċittadini tal-UE; billi d-diversità politika hija essenzjali għad-diskors pubbliku u għall-espressjoni tal-għażliet taċ-ċittadini;
C. billi l-partiti ma jistgħux jitqiesu bħala entitajiet mhux partiġġjani matul il-kompetizzjoni politika u billi l-finanzjament tagħhom ma jistax ikun limitat għal spejjeż apolitiċi;
D. billi l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom mandat li jinkludi s-sensibilizzazzjoni politika u l-kontribut għad-dibattitu dwar kwistjonijiet ta' politika tal-UE u l-proċess ta' integrazzjoni Ewropea, u fi ħdan dan il-qafas huma jiżviluppaw ukoll offerti li mhumiex esklussivament diretti lejn il-membri jew il-votanti ta' partit partikolari, iżda huma miftuħa għal kulħadd bl-istess termini;
E. billi l-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom jikkooperaw mal-partiti membri nazzjonali u mas-sħab tagħhom, sabiex jappoġġjawhom fit-tqarrib tal-Unjoni u l-politiki tagħha lejn iċ-ċittadini u biex iżidu l-leġittimità demokratika;
F. billi l-partiti politiċi Ewropej għandhom jikkooperaw mal-kontropartijiet nazzjonali korrispondenti tagħhom biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni interattiva fi kwistjonijiet tal-UE;
G. billi sabiex ikomplu jkunu konxji mir-rieda taċ-ċittadini tal-Unjoni u sabiex jesprimuha, huwa essenzjali li r-rwol u l-funzjonament tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej ma jkunux limitati għal kwistjonijiet ta' rilevanza esklussivament Ewropea fil-livell tal-Unjoni; billi dawk il-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom jitħallew jużaw il-fondi tagħhom sabiex jiffinanzjaw kwalunkwe attività li tikkontribwixxi biex tinforma liċ-ċittadini tal-UE u żżid l-għarfien dwar kwistjonijiet relatati mal-politiki tal-UE;
H. billi mezzi finanzjarji suffiċjenti huma prerekwiżit biex il-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej jassumu l-kompiti tagħhom, filwaqt li trasparenza u obbligu ta' rendikont sħaħ għandhom ikunu kundizzjoni biex jirċievu fondi pubbliċi mill-baġit tal-Unjoni;
I. billi l-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej jista' jkollhom rwol fil-promozzjoni tal-politiki tal-UE dwar il-pajjiżi ġirien fl-ambitu tal-politika barranija u ta' sigurtà komuni u bħala parti mir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni; billi għandhom għalhekk ikunu miftuħa għas-sħubija minn partiti jew individwi minn dawn il-pajjiżi u jitħallew jirċievu kontribuzzjonijiet mingħandhom, dment li jiġu żgurati trasparenza sħiħa u konformità mal-Artikolu 325 tat-TFUE u r-regoli tal-Unjoni dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni;
J. billi għandu jkun possibbli għall-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej li jkollhom kategoriji addizzjonali ta' dħul għajr il-kontribuzzjonijiet u d-donazzjonijiet;
K. billi allinjament tar-rata ta' kofinanzjament għall-partiti politiċi Ewropej mal-livell impost fuq il-fondazzjonijiet politiċi jipprevjeni l-akkumulazzjoni tad-dejn;
L. billi s-sistema għall-kontroll amministrattiv tan-nefqa għandha tiġi ssimplifikata, b'rispett dovut għat-trasparenza u l-użu xieraq tal-fondi pubbliċi, u r-rekwiżit li jiġu ppreżentati kontijiet skont l-Istandards Internazzjonali ta' Rapportar Finanzjarju għandu jitneħħa minħabba li ma jikkorrispondix man-natura tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, u jirrappreżenta piż bla bżonn li jieħu ħafna ħin u li huwa għali;
M. billi allinjament tal-perjodu ta' trasferiment għall-fondazzjonijiet politiċi Ewropej mar-rekwiżiti imposti fuq il-partiti politiċi jevita awditjar tat-tieni livell u għalhekk inaqqas b'mod sinifikanti l-piż amministrattiv fuq il-fondazzjonijiet;
Evalwazzjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament
1. Ifakkar li r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej huwa l-qafas legali li jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi legali tagħhom; jenfasizza li l-finanzjament mogħti fl-ambitu tar-Regolament jagħmel parti mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea u għaldaqstant għandu jkun implimentat skont ir-Regolament Finanzjarju, b'enfażi fuq il-prinċipju ġenerali tal-ġestjoni finanzjarja tajba;
2. Jinnota li l-2018 kienet l-ewwel sena ta' implimentazzjoni tar-Regolament; jilqa' r-rapport annwali tal-attività tal-2019 ippreżentat mill-Awtorità; jieħu nota tal-attivitajiet u l-isfidi ewlenin iffaċċjati matul l-2019; jinnota li l-Awtorità wettqet l-ewwel rieżami tagħha tal-kontijiet tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej fil-kuntest tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2019, filwaqt li żgurat konformità mar-Regolament, filwaqt li d-Direttorat Ġenerali għall-Finanzi tal-Parlament Ewropew żgura konformità mar-Regolament Finanzjarju; jilqa' l-fatt li l-Awtorità ma kellhiex għalfejn timponi sanzjonijiet fuq xi partit jew fondazzjoni politiċi Ewropej fl-2019; jieħu nota, barra minn hekk, tal-fatt li l-Awtorità intervjeniet fil-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u kkollaborat mal-Istati Membri biex tistabbilixxi network ta' punti ta' kuntatt nazzjonali u awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data;
3. Ifakkar li l-Artikolu 38 tar-Regolament jirrikjedi li l-Parlament jadotta rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament sa tmiem l-2021, u li l-Kummissjoni tippreżenta rapport dwar l-istess suġġett sitt xhur wara, li jrid ikun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva biex jiġi emendat ir-Regolament; jinnota li l-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni jinkludi l-issikkar tar-regoli finanzjarji u ta' infurzar, it-tnaqqis tal-piż amministrattiv, it-tisħiħ tat-trasparenza, u t-tisħiħ tar-rappreżentanza elettorali ġenwina taċ-ċittadini tal-UE; jirrimarka, barra minn hekk, l-importanza li jiġi indirizzat ir-riskju ta' interferenza barranija u l-ksur tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data;
4. Jilqa' t-tħabbira mill-Kummissjoni ta' pjan ta' azzjoni ġdid għad-demokrazija Ewropea, inkluża proposta leġiżlattiva biex tiġi żgurata trasparenza akbar dwar ir-reklamar politiku mħallas u rieżami tal-leġiżlazzjoni dwar il-finanzjament tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej; itenni l-proposta tiegħu biex jiġi emendat ir-Regolament, kif espress fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2020 dwar analiżi tal-elezzjonijiet Ewropej(5), fir-rigward tal-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej, it-trasparenza tal-finanzjament u l-projbizzjoni ta' donazzjonijiet minn korpi privati u pubbliċi minn pajjiżi mhux tal-UE;
5. Jirrikonoxxi li r-Regolament tejjeb l-istatus tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej meta mqabbel mal-qafas legali preċedenti stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 2004/2003(6), b'mod partikolari billi jirrikonoxxi li dawk l-entitajiet għandhom personalità ġuridika tal-Unjoni u billi jistabbilixxi l-Awtorità indipendenti;
6. Jirrikonoxxi r-rwol tal-Awtorità, li assumiet il-kompiti fdati lilha skont ir-Regolament;
7. Jinnota, madankollu, li għadd ta' ostakoli amministrattivi u politiċi għadhom qed jipprevjenu lill-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej milli jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom bħala atturi attivi u viżibbli fid-demokrazija Ewropea kemm fil-livell Ewropew kif ukoll fl-Istati Membri tal-UE;
8. Jissottolinja l-importanza tar-reġistrazzjoni tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, peress li din tirrikjedi konformità mal-kundizzjonijiet kollha tar-Regolament, inkluż ir-rispett għall-valuri tal-Unjoni kif minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE, u tagħmel l-eliġibbiltà għall-finanzjament mill-baġit tal-Unjoni kondizzjonali fuq tali konformità, kif ukoll il-ħtieġa li tiġi żgurata trasparenza sħiħa;
9. Jemmen, f'dan ir-rigward, li r-Regolament għandu jiġi emendat biex jiċċara li r-rispett għall-valuri fundamentali tal-UE għandu japplika kemm għall-partit politiku Ewropew innifsu kif ukoll għall-partiti membri tiegħu;
10. Jilqa' t-tisħiħ tad-dispożizzjonijiet dwar il-monitoraġġ tar-rispett mill-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għall-valuri fundamentali tal-Unjoni u għall-proċedura għat-trattament tal-ksur, inklużi s-sanzjonijiet u l-irkupru tal-fondi;
11. Iqis li l-aħħar emenda tar-Regolament, li introduċiet sanzjonijiet għall-ksur tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data, kienet l-ewwel pass utli iżda għandha tissaħħaħ aktar;
12. Iqis li s-sistema attwali għall-verifika tar-rispett għar-regoli dwar l-użu tal-kontribuzzjonijiet u l-għotjiet jeħtiġilha tittejjeb f'termini ta' ċarezza, effiċjenza u ħeffa;
13. Iqis li l-fatt li l-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej isiru soġġetti għal regoli Ewropej u nazzjonali, li huma stabbiliti fi strumenti legali differenti, huwa sors ta' konfużjoni u inċertezza tad-dritt; jipproponi, għalhekk, li jiġu armonizzati aktar u jissaħħu r-regoli li jirregolaw il-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej biex jiġi żgurat qafas legali komprensiv tal-UE għall-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej li jindirizza, b'mod partikolari, il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni, l-istruttura u l-operazzjonijiet, il-viżibbiltà u t-trasparenza, u s-sanzjonijiet;
14. Jenfasizza li l-finanzjament tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej irid ikun trasparenti, irid ikun soġġett għall-Artikolu 325 tat-TFUE, ma jrid jippermetti l-ebda abbuż u jrid isostni esklussivament il-programmi u l-attivitajiet politiċi konformi mal-prinċipji fundaturi tal-Unjoni espressi fl-Artikolu 2 tat-TUE;
Problemi identifikati
15. Ifakkar li r-Regolament jirrikjedi li l-partiti membri nazzjonali juru l-logo, il-programm politiku u l-link għas-sit web tal-partit tal-UE li miegħu huma affiljati, "b'mod viżibbli b'mod ċar u faċli għall-utent", bħala kundizzjoni biex partit politiku Ewropew ikun jista' jaċċedi għal fondi; jinsab imħasseb li skont il-proġett Logos ta' European Democracy Consulting, il-partiti membri nazzjonali fil-biċċa l-kbira naqsu milli jimplimentaw b'mod xieraq ir-rekwiżit tal-wiri tar-Regolament, peress li 15 % biss minnhom juru l-logo b'mod ċar u faċli għall-utent;
16. Jissottolinja l-ħtieġa li d-definizzjoni ta' finanzjament indirett mill-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għall-kontropartijiet u għall-membri nazzjonali ssir aktar preċiża u akta sempliċi sabiex jiġi evitat li tiġi mxekkla l-kooperazzjoni meħtieġa tagħhom fil-promozzjoni u fl-ispjegazzjoni tal-politiki Ewropej, kif ukoll l-impenn tagħhom maċ-ċittadini tal-UE;
17. Jisħaq li l-projbizzjoni fuq il-finanzjament ta' kampanji ta' referenda dwar kwistjonijiet tal-UE tmur kontra l-iskop tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej;
18. Jenfasizza li l-finanzjament tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej huwa marbut b'mod inerenti mal-kriterji ta' reġistrazzjoni elenkati fir-Regolament; jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-kriterji ta' reġistrazzjoni u sħubija jipprevedu rappreżentanza inklużiva u ġenwina tal-partiti politiċi li huma attivi fil-livell tal-UE, filwaqt li jiġi evitat li tiġi ostakolata r-rappreżentanza demokratika ta' partiti politiċi iżgħar fl-istess livell; ifakkar fid-dibattiti li saru fil-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali tal-Parlament rigward il-limitu għar-reġistrazzjoni u l-appoġġ taċ-ċittadini; jinnota li, wara l-Brexit, hemm ħtieġa akbar li jiġu riveduti l-kategoriji differenti ta' sħubija fil-partiti u l-ġbir ta' miżati tas-sħubija; jissuġġerixxi, għalhekk, reviżjoni tar-rekwiżiti ta' reġistrazzjoni u l-kriterji ta' rappreżentanza, inkluża riflessjoni dwar is-sħubija diretta taċ-ċittadini;
19. Jiddispjaċih dwar l-interpretazzjoni dejqa tal-kunċett tas-sħubija stabbilit mill-ġurisprudenza, in-nuqqas ta' definizzjonijiet ċari tal-modalitajiet tas-sħubija tal-partiti politiċi Ewropej u n-nuqqas ta' livelli differenzjati ta' affiljazzjoni mal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej fir-Regolament, li ma jippermettux flessibbiltà fl-organizzazzjoni interna tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, speċjalment fir-rigward tal-membri assoċjati u s-sħab tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, inklużi dawk minn eks Stati Membri u pajjiżi Ewropej oħra; huwa mħasseb li din l-interpretazzjoni limitata għandha l-effett li tipprevjeni, mingħajr raġuni tajba, lill-partiti politiċi Ewropej milli jirċievu kontribuzzjonijiet finanzjarji minn tali membri; iqis li l-modalitajiet tas-sħubija u l-affiljazzjoni mal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, kif ukoll is-sħubijiet ta' riċerka magħhom, għandhom bl-istess mod jiġu ċċarati;
20. Iqis li l-projbizzjoni tas-sħubija bejn il-partiti u bejn il-fondazzjonijiet għandha tiġi ċċarata u estiża;
21. Jissottolinja li l-kategoriji ta' dħul huma ddefiniti b'mod limitat wisq fir-Regolament u b'mod partikolari ma jqisux riżorsi proprji oħra possibbli miksuba b'mod legali;
22. Jisħaq li l-livell ta' kofinanzjament impost, b'mod partikolari fuq il-partiti politiċi Ewropej, wera li huwa diffiċli ħafna li jintlaħaq;
23. Iqis li r-rekwiżit biex il-kontijiet tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej jiġu stabbiliti kemm f'konformità mal-istandards nazzjonali tal-awditjar tal-Istat Membru li fih ikunu bbażati kif ukoll f'konformità mal-Istandards Internazzjonali ta' Rapportar Finanzjarju ma jżid l-ebda valur u jinvolvi spejjeż mhux meħtieġa u dewmien ta' żmien;
24. Jilmenta li disinn difettuż fir-Regolament jillimita lill-partiti politiċi Ewropej biex verament iwettqu r-rwol tagħhom bħala partiti politiċi moderni li jgħaqqdu liċ-ċittadini mas-sistema politika peress li mhumiex magħrufa miċ-ċittadini minħabba sħubija individwali limitata u r-rwol limitat tagħhom fl-influwenzar tat-tfassil tal-politika u t-tfassil tal-aġendi pubbliċi, u b'hekk il-livell ta' mobilizzazzjoni tal-attivisti ġġenerat mill-partiti Ewropej m'huwa bl-ebda mod paragunabbli ma dak tal-partiti nazzjonali u reġjonali;
25. Jirrimarka li l-Awtorità għandha setgħat limitati fir-rigward tal-verifika ta' jekk partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea humiex qed jiksru l-valuri komuni tal-UE u s'issa qatt ma skattat il-proċedura ta' konformità mal-valuri kumplessi; jitlob li l-istruttura tal-Awtorità tissaħħaħ sabiex tkun tista' timmonitorja aħjar il-kriterji kollha stabbiliti fir-Regolament, inkluż ir-rispett għall-valuri tal-Unjoni u l-governanza demokratika tal-partiti politiċi Ewropej u l-konformità mar-regoli rilevanti u l-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet, kif ukoll biex tiżgura l-awtonomija u n-newtralità sħiħa tagħha;
26. Jinnota bi tħassib li diversi partiti politiċi transnazzjonali eżistenti li huma attivi fil-politika tal-UE u rrappreżentati fil-Parlament Ewropew mhumiex permessi jirreġistraw uffiċjalment bħala partiti politiċi Ewropej minħabba r-rekwiżiti sproporzjonati stabbiliti fir-Regolament li jfixklu r-rappreżentanza demokratika ta' partiti politiċi iżgħar fil-livell tal-UE;
Proposti għal titjib
27. Iqis li għandu jiġi stabbilit sett ċar ta' regoli u kundizzjonijiet għall-organizzazzjoni konġunta u l-kofinanzjament ta' attivitajiet li jikkonċernaw kwistjonijiet tal-UE mill-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej u l-membri tagħhom; iqis li għal tali attivitajiet konġunti, għandu jkun meħtieġ il-wiri tal-logo tal-partit politiku Ewropew flimkien ma' dak tal-partit membru nazzjonali;
28. Jenfasizza li l-ebda regola m'għandha tipprevjeni l-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti u l-persunal tal-partiti politiċi f'avvenimenti tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, li hija ġġustifikata min-natura tagħhom stess;
29. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi rekwiżiti ċari u linji gwida dettaljati relatati mal-viżibilità tal-partit politiku Ewropew ta' affiljazzjoni sabiex jiġi żgurat l-infurzar tal-Artikolu 18(2)(a) tar-Regolament dwar il-wiri tal-logos tal-partiti politiċi Ewropej flimkien mal-logos tal-partiti nazzjonali jew reġjonali;
30. Jenfasizza li l-ewwel rieżami tal-kontijiet identifika lok għal titjib, partikolarment fir-rigward tal-livell ta' dettall u tal-komparabbiltà tal-informazzjoni mitluba pprovduta mill-partiti u l-fondazzjonijiet Ewropej; jilqa' l-introduzzjoni ta' mudelli fl-2020 biex jiġi ffaċilitat il-proċess; jinnota li fl-2019, il-biċċa l-kbira tar-riżorsi finanzjarji tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej intefqu fuq il-persunal, il-laqgħat u l-ġbir ta' informazzjoni;
31. Huwa tal-fehma li l-ġestjoni finanzjarja tajba u t-trasparenza jeħtieġu regoli stretti li jiddefinixxu l-eliġibbiltà tan-nefqa; jitlob il-ħolqien ta' dispożizzjonijiet espliċiti għal attivitajiet imwettqa ma' organizzazzjonijiet internazzjonali akbar u sħab minn barra l-UE kif ukoll regoli dettaljati għall-persunal u l-ispejjeż tal-laqgħat, speċjalment f'termini ta' limiti massimi u proċeduri ta' offerti;
32. Jitlob li titneħħa l-projbizzjoni fuq il-finanzjament tal-kampanji ta' referendum biex il-partiti politiċi Ewropej ikunu jistgħu jiffinanzjaw kampanji ta' referendum li huma relatati mal-implimentazzjoni tat-TUE jew tat-TFUE;
33. Jinsisti li jiġu rikonoxxuti kategoriji differenti ta' sħubija għall-partiti, il-fondazzjonijiet u s-sħubijiet ta' riċerka mal-fondazzjonijiet, li tiġi permessa l-affiljazzjoni ta' membri mill-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa u pajjiżi Ewropej oħra, li tinħoloq kategorija ta' sħab tar-riċerka għall-fondazzjonijiet, u li l-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej ikunu awtorizzati jiġbru legalment il-miżati tas-sħubija abbażi ta' ordni ta' kontribuzzjoni ġenerali applikabbli bl-istess mod għall-membri kollha tagħhom;
34. Jenfasizza l-ħtieġa ta' definizzjoni tal-membri sabiex ikun hemm ċertezza legali dwar it-tipi differenti ta' sħubija, ir-relazzjoni tal-membri mal-partit politiku Ewropew li jaderixxu miegħu u r-rekwiżiti li jridu jissodisfaw;
35. Jipproponi li l-kamp ta' applikazzjoni tal-projbizzjoni fuq is-sħubija bejn il-partiti jiġi estiż għall-membri tal-parlamenti u l-assemblei nazzjonali u reġjonali;
36. Jappoġġja l-ħolqien ta' aktar kategoriji ta' dħul sabiex ikopru s-sorsi kollha ta' dħul tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi, aktar milli sempliċiment il-kontribuzzjonijiet u d-donazzjonijiet, bħall-ħolqien ta' kategorija ġdida ta' "riżorsi proprji oħra" li tinkludi kontribuzzjonijiet minn attivitajiet konġunti, bejgħ ta' pubblikazzjonijiet, miżati ta' parteċipazzjoni għal konferenzi jew workshops jew attivitajiet oħra marbuta direttament ma' azzjoni politika;
37. Huwa favur it-tnaqqis tar-rata ta' riżorsi proprji meħtieġa għall-partiti politiċi għal 5 % minflok 10 % biex tiġi allinjata mar-rata applikabbli għall-fondazzjonijiet;
38. Huwa favur l-estensjoni tal-perjodu ta' trasferiment għall-fondazzjonijiet għas-sena ta' wara kollha (N + 1), li tallinjah mal-perjodu applikabbli għall-partiti;
39. Jitlob li jitneħħa l-obbligu għall-partiti politiċi u l-fondazzjonijiet Ewropej li jippreżentaw ir-rapporti finanzjarji annwali tagħhom abbażi tal-Istandards Internazzjonali ta' Rapportar Finanzjarju, minbarra l-Prinċipji tal-Kontabilità Ġeneralment Aċċettati;
40. Ifakkar fir-rwol ta' aktar każijiet ta' kontroll finanzjarju fi ħdan il-mandati rispettivi tagħhom, jiġifieri l-Qorti Ewropea tal-Awdituri, l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew; jinnota, fil-kuntest tal-awditjar u l-kontroll, l-importanza li n-nefqa tal-partiti politiċi Ewropej tiġi sottomessa mhux biss għal sistema ta' awditjar intern u l-ġudizzju tal-membri tagħhom, iżda wkoll għal awditur estern, awtoritajiet pubbliċi u skrutinju pubbliku;
41. Jipproponi li n-nefqa tal-partiti u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej tkun soġġetta għal mekkaniżmu ta' awtokontroll, akkumpanjat minn sistema ta' awditjar intern, u soġġetta għal sorveljanza minn awditur estern u mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u għal sorveljanza pubblika;
42. Jirrakkomanda l-użu ta' skeda ta' żmien armonizzata għar-rappurtar u l-kontrolli mwettqa mill-partiti politiċi Ewropej, l-Awtorità u l-Parlament rispettivament, sabiex jiġi evitat li jkollhom jikkalkulaw mill-ġdid l-ammonti finali ta' finanzjament, filwaqt li jitqiesu l-iskadenzi imposti mir-regoli rilevanti;
43. Huwa favur iż-żieda fit-trasparenza tal-finanzjament tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej billi jinħoloq obbligu għall-Parlament li jippubblika r-rapporti finanzjarji annwali li jirċievi b'mod li jkun faċli għall-utent; jenfasizza li l-informazzjoni li tkopri r-reġistrazzjoni u s-sitwazzjoni finanzjarja tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandha, kemm jista' jkun, tkun disponibbli għall-pubbliku u tkun kompluta u aġġornata;
44. Huwa tal-fehma li l-informazzjoni ppubblikata mill-Parlament u mill-Awtorità għandha tiġi ppreżentata f'formati miftuħa u li jinqraw mill-magni b'mod li jkun faċli għall-utent;
45. Huwa tal-fehma li skrutinju msaħħaħ mill-Awtorità ta' donazzjonijiet aggregati rrappurtati li jammontaw għal aktar minn EUR 3 000 jagħmel influwenzi esterni sostanzjali/sinifikanti fuq il-partiti politiċi Ewropej aktar trasparenti; jemmen li l-Awtorità għandha tiffoka tali skrutinju fuq każijiet fejn hija tosserva żidiet sinifikanti u f'daqqa fl-għadd aggregat ta' donazzjonijiet żgħar;
46. Barra minn hekk, huwa tal-fehma li sabiex tissaħħaħ it-trasparenza tal-finanzjament, id-donazzjonijiet mill-istess donatur lil partit politiku Ewropew, il-partiti membri nazzjonali tiegħu u s-sottostrutturi reġjonali tagħhom għandhom ikunu soġġetti għall-pubblikazzjoni mill-Awtorità; barra minn hekk huwa tal-fehma li jridu jkunu fis-seħħ strumenti xierqa sa mhux aktar tard mis-sena finanzjarja 2027 biex jiġi żgurat li d-donazzjonijiet ma jsirux lil entitajiet legalment indipendenti li huma parti mill-istess partit politiku Ewropew sabiex jiġu evitati r-regoli ta' trasparenza, li flimkien jaqbżu l-limiti ta' trasparenza;
47. Huwa favur li jiġi żgurat li, sas-sena kalendarja 2027, kwalunkwe donazzjoni magħmula minn donatur lil partit politiku Ewropew tkun ugwali skont il-liġi tat-taxxa għad-donazzjonijiet magħmula lill-partiti politiċi nazzjonali fil-pajjiż ta' residenza rispettiv tad-donatur;
48. Jappoġġja l-idea li tiżdied l-importanza tar-riżorsi proprji tal-partiti politiċi Ewropej meta jiġi kkalkolat l-ammont iffinanzjat mill-Unjoni;
49. Jemmen, għall-finijiet taċ-ċertezza u ċ-ċarezza tad-dritt, li d-dispożizzjonijiet kollha applikabbli għall-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, inklużi dawk li bħalissa huma parti mir-Regolament Finanzjarju, għandhom jinġabru flimkien f'att legali wieħed tal-Unjoni, jiġifieri r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014;
50. Huwa tal-fehma li r-regoli dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa huma limitati wisq u li l-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom jitħallew jiffinanzjaw kwalunkwe attività li mhux biss hija organizzata bħala avveniment intern iżda hija wkoll miftuħa għall-pubbliku ġenerali u li tikkontribwixxi għaż-żieda tal-għarfien politiku Ewropew u għall-għoti tal-espressjoni tar-rieda taċ-ċittadini tal-Unjoni;
51. Jipproponi li jiġi stabbilit status legali tal-UE ġenwin u personalità ġuridika tal-UE għall-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej billi jiġu stabbiliti kundizzjonijiet minimi għall-istruttura u l-funzjonament tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej filwaqt li fl-istess ħin isiru aktar indipendenti mil-liġi nazzjonali;
52. Jenfasizza, b'mod partikolari, il-ħtieġa li jiġu inklużi miżuri biex jiġi żgurat li l-partiti politiċi Ewropej ma jiġux ikklassifikati bħala entitajiet ġuridiċi barranin skont il-liġi nazzjonali fl-Istati Membri;
53. Jinsisti li l-partiti politiċi Ewropej u l-membri tagħhom jeħtiġilhom ikollhom struttura demokratika u jirrispettaw il-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni u jeħtiġilhom josservaw il-proċeduri demokratiċi u t-trasparenza meta jagħżlu l-mexxejja tal-partiti u l-kandidati tagħhom għall-elezzjonijiet u jkollhom ukoll vot demokratiku għall-adozzjoni tar-regoli interni u l-programm politiku tagħhom;
54. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrieżamina r-Regolament bil-ħsieb li taġġorna r-regoli dwar ir-reġistrazzjoni, il-finanzjament, il-kampanji politiċi u elettorali u s-sħubija sabiex il-partiti politiċi Ewropej isiru l-vuċi għaċ-ċittadini fil-politika u t-tfassil tal-politika tal-UE u biex iċ-ċittadini tal-UE jkunu eqreb tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE;
55. Jitlob, b'mod partikolari, li r-rieżami tar-Regolament jiffaċilita l-kundizzjonijiet ta' reġistrazzjoni skont l-Artikolu 3 tiegħu u jiftaħ is-sħubija għaċ-ċittadini kollha tal-UE sabiex jipprovdi rappreżentanza aktar inklużiva tal-partiti politiċi attivi fil-livell tal-UE;
56. Huwa tal-fehma li l-istatus ibridu tal-Awtorità għandu jiġi ċċarat u li l-istruttura tagħha tiġi definita mill-ġdid, u li għandha tiġi pprovduta wkoll il-possibbiltà ta' appell amministrattiv għad-deċiżjonijiet tal-Awtorità, peress li skont ir-Regolament attwali, l-ilmentaturi jistgħu biss jappellaw lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;
57. Jipproponi li tiġi stabbilita distinzjoni ċara bejn it-tħassir mir-reġistru bħala miżura tal-aħħar istanza u s-sanzjonijiet finanzjarji u li tissaħħaħ il-koerenza tar-reġim tas-sanzjonijiet finanzjarji;
58. Iqis li l-koerenza u ċ-ċertezza tad-dritt ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament jeħtieġ li jissaħħu, li r-raġunijiet għat-tħassir mir-reġistru jeħtieġ li jiġu żviluppati u kkjarifikati aktar, li sett komuni ta' regoli għall-pubblikazzjoni, id-dħul fis-seħħ u l-effett tad-deċiżjonijiet tat-tħassir mir-reġistru huma meħtieġa u li r-regoli dwar l-irkupru jeħtieġ li jiġu ċċarati;
59. Iqis li huwa meħtieġ li r-regoli ta' finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet tagħhom isiru kompatibbli ma' kampanja ta' kostitwenza pan-Ewropea fl-elezzjonijiet Ewropej;
60. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data billi tinkludi referenzi għar-reati definiti fl-Artikoli 3 sa 6 tad-Direttiva 2013/40/UE dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni(7); jilqa' l-fatt li l-Awtorità stabbiliet network ta' awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data biex il-proċedura l-ġdida ta' verifika ssir kompletament operattiva;
61. Jistieden lill-Kummissjoni tqis kif xieraq dawn il-proposti meta tabbozza u tressaq il-proposta tagħha għal regolament li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014;
o o o
62. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Ir-Regolament (KE) Nru 2004/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Novembru 2003 dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi f'livell Ewropew u r-regoli dwar il-finanzjament tagħhom (ĠU L 297, 15.11.2003, p. 1).