Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2021 dwar l-ewwel anniversarju tal-projbizzjoni de facto tal-abort fil-Polonja (2021/2925(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 2 u 7(1) tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) tal-4 ta' Novembru 1950 u l-ġurisprudenza relatata tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u, b'mod partikolari, l-Artikoli 18 u 19 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ('il-Karta') u, b'mod partikolari, l-Artikoli 1, 2, 3, 6, 7, 10, 11, 21, 23, 35 u 45 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tas-16 ta' Diċembru 1966 u l-Patt Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa tat-18 ta' Diċembru 1979, u r-Rakkomandazzjonijiet Ġenerali Nru 21 (1994), Nru 24 (1999), Nru 28 (2010), Nru 33 (2015) u Nru 35 (2017) tagħha,
– wara li kkunsidra l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing u l-eżiti tal-konferenzi ta' reviżjoni tagħha,
– wara li kkunsidra l-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD) tal-1994 fil-Kajr, il-Programm ta' Azzjoni tagħha, u l-eżiti tal-konferenzi ta' reviżjoni tagħha, b'mod partikolari s-Summit ta' Nairobi dwar l-ICPD+25 u l-impenji tagħha biex tistinka għall-objettiv tat-"tliet żerijiet", l-ebda ħtieġa għal informazzjoni u servizzi dwar l-ippjanar tal-familja, l-ebda mewt materna li tista' tiġi evitata u l-ebda vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru u prattiki dannużi kontra n-nisa u l-bniet,
– wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU li ġew miftiehma fl-2015, b'mod partikolari l-għanijiet 3 u 5,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni għas-Saħħa Sesswali u Riproduttiva tal-Uffiċċju Reġjonali għall-Ewropa tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa: Lejn it-twettiq tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli fl-Ewropa — ħadd ma jitħalla jibqa' lura,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra tal-10 ta' Diċembru 1984,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika ("il-Konvenzjoni ta' Istanbul"), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Awwissu 2014,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul u l-miżuri l-oħra biex tiġi miġġielda l-vjolenza abbażi tal-ġeneru(1),
– wara li kkunsidra d-dokument tematiku tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa tal-4 ta' Diċembru 2017 bit-titolu "Women's sexual and reproductive health and rights in Europe" (Is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi tan-nisa fl-Ewropa),
– wara li kkunsidra l-Gwida Teknika Internazzjonali tal-UNESCO dwar l-Edukazzjoni Sesswali tal-2018,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Polonja, b'mod partikolari dawk tal-15 ta' Novembru 2017 dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt u d-demokrazija fil-Polonja(2) u tas-17 ta' Settembru 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar id-determinazzjoni ta' riskju ċar ta' ksur gravi tal-istat tad-dritt mir-Repubblika tal-Polonja(3),
– wara li kkunsidra l-erba' proċeduri ta' ksur imnedija mill-Kummissjoni kontra l-Polonja fir-rigward tar-riforma tas-sistema ġudizzjarja Pollakka u l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2017 dwar id-determinazzjoni ta' riskju ċar ta' ksur gravi tal-istat tad-dritt mir-Repubblika tal-Polonja (COM(2017)0835),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Marzu 2018 dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex jiġi attivat l-Artikolu 7(1) tat-TUE minħabba s-sitwazzjoni fil-Polonja(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2019 dwar il-kriminalizzazzjoni tal-edukazzjoni sesswali fil-Polonja(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2019 dwar ir-rigressjoni attwali tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-UE(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2020 dwar il-projbizzjoni de facto tad-dritt għall-abort fil-Polonja(7),
– wara li kkunsidra b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ġunju 2021 dwar is-sitwazzjoni tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fl-UE, fil-kuntest tas-saħħa tan-nisa(8),
– wara li kkunsidra l-Atlas Ewropew tal-Politiki dwar l-Abort tal-2021, li jikklassifika 52 pajjiż u territorju Ewropew billi jassenja punteġġi għall-oqfsa legali tagħhom biex jaċċessaw kura sikura f'każ ta' abort,
– wara li kkunsidra b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-16 ta' Settembru 2021 dwar il-libertà tal-mezzi tal-komunikazzjoni u d-deterjorament ulterjuri tal-istat tad-dritt fil-Polonja(9) u tal-21 ta' Ottubru 2021 dwar il-kriżi tal-istat tad-dritt fil-Polonja u l-preminenza tad-dritt tal-UE(10),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, il-ġustizzja, l-istat tad-dritt, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u n-nondiskriminazzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 2 tat-TUE; billi l-Istati Membri kollha impenjaw ruħhom li jonoraw l-obbligi u d-dmirijiet skont id-dritt internazzjonali u t-Trattati tal-UE li jirrispettaw, jiggarantixxu u jissodisfaw id-drittijiet fundamentali;
B. billi skont il-Karta, il-KEDB u l-ġurisprudenza tal-QEDB, u l-ġurisprudenza tal-korpi tat-trattati tan-NU, is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi (SRHR) huma relatati ma' diversi drittijiet tal-bniedem, bħad-dritt għall-ħajja, id-dritt għall-aċċess għall-kura tas-saħħa, il-libertà minn trattament inuman jew degradanti, u r-rispett għall-integrità fiżika, il-privatezza u l-awtonomija personali; billi dawn id-drittijiet tal-bniedem huma minquxa wkoll fil-Kostituzzjoni Pollakka; billi l-Istati Membri huma legalment obbligati li jirrispettaw u jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem skont il-kostituzzjonijiet tagħhom, it-Trattati tal-UE u l-Karta, kif ukoll id-dritt internazzjonali;
C. billi d-dewmien u ċ-ċaħda tal-aċċess għall-abort jikkostitwixxu forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru; billi l-aċċess għall-kura f'każ ta' abort huwa essenzjali għall-ugwaljanza soċjali u ekonomika; billi diversi korpi tad-drittijiet tal-bniedem(11) affermaw li ċ-ċaħda ta' abort sikur tista' tammonta għal tortura jew trattament krudili, inuman u degradanti, u aborti mhux sikuri li jwasslu għall-mewt fil-kuntest ta' projbizzjonijiet fuq l-abort għandhom jinftiehmu bħala "qtil arbitrarju fir-rigward tal-ġeneru, li jbatu minnu biss in-nisa, bħala riżultat tad-diskriminazzjoni minquxa fil-liġi";
D. billi sena ilu, fit-22 ta' Ottubru 2020, it-Tribunal Kostituzzjonali Pollakk illeġittimu ddikjara bħala mhux kostituzzjonali d-dispożizzjoni tal-Att tal-1993 dwar l-Ippjanar tal-Familja, il-Protezzjoni tal-Fetu Uman u l-Kundizzjonijiet għat-Terminazzjoni tat-Tqala li ppermetta l-abort f'każijiet fejn test ta' qabel it-twelid jew kunsiderazzjonijiet mediċi oħra indikaw probabbiltà għolja ta' difett tal-fetu sever u irriversibbli jew marda inkurabbli li thedded il-ħajja tal-fetu; billi dan kien jinvolvi projbizzjoni de facto tal-abort, peress li l-maġġoranza vasta tal-aborti legali mwettqa fil-Polonja kienu bbażati fuq ir-raġuni msemmija hawn fuq;
E. billi d-degradazzjoni tal-istat tad-dritt fil-Polonja wasslet għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-SRHR; billi l-projbizzjoni de facto tal-abort fil-Polonja hija attakk ċar fuq l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, u tillimita r-realizzazzjoni tal-SRHR fil-Polonja, wara l-ħafna attakki kontra l-istat tad-dritt f'dawn l-aħħar snin;
F. billi l-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa esprima tħassib ripetut dwar in-nuqqas tal-Polonja li timplimenta s-sentenzi tal-QEDB għal aktar minn 13-il sena f'diversi każijiet(12) fejn il-Qorti sabet li l-Polonja kienet kisret id-drittijiet tal-bniedem bħala riżultat tan-nuqqas tagħha li tiżgura l-aċċessibbiltà tal-abort legali fil-prattika;
G. billi t-tentattivi preċedenti biex jiġu ristretti l-SRHR inizjalment twaqqfu fl-2016, fl-2018 u fl-2020 bħala riżultat tal-oppożizzjoni bil-massa minn ċittadini Pollakki, kif espress fil-mixjiet ta' "Black Friday", li kienu appoġġjati bis-sħiħ minn Membri tal-Parlament Ewropew minn gruppi politiċi differenti;
H. billi bħala reazzjoni għad-deċiżjoni li rrestrinġiet aktar l-aċċess għall-abort, reġgħu saru protesti mingħajr preċedent madwar il-Polonja, inkluż fi bliet żgħar u rħula, u madwar id-dinja, u reġgħu ġew organizzati matul Ottubru 2021 f'aktar minn 20 belt madwar il-Polonja biex jitfakkar l-anniversarju tal-projbizzjoni de facto; billi l-protesti bdew bħala oppożizzjoni kontra r-restrizzjoni serja li timmina l-SRHR tan-nisa Pollakki iżda evolvew fi protesti li jopponu ksur ulterjuri tal-istat tad-dritt u kontra l-gvern responsabbli għal dan il-ksur; billi l-użu ta' forza eċċessiva u sproporzjonata kontra d-dimostranti mill-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi ġie ddokumentat sew;
I. billi, minkejja d-dimostrazzjonijiet bla preċedent, id-deċiżjoni ġiet ippubblikata uffiċjalment fis-27 ta' Jannar 2021 u għalhekk il-projbizzjoni de facto tal-abort saret realtà għan-nisa fil-Polonja, li wasslet biex isiru aktar aborti mhux sikuri u ġiegħlet lin-nisa jivvjaġġaw biex ifittxu abort barra minn pajjiżhom, u b'hekk jiġu mminati s-saħħa u d-drittijiet tan-nisa, l-awtonomija u l-integrità sesswali u fiżika tagħhom, u ħajjithom titpoġġa f'riskju;
J. billi mara tqila ta' 30 sena bl-isem ta' Izabela mietet b'xokk septiku fit-22 ta' Settembru 2021 minħabba li t-tobba tagħha ma wettqux abort li jsalva ħajja, minflok stennew lill-fetu jmut minħabba r-restrizzjonijiet fuq l-aborti legali u l-effett dissważiv tagħhom fuq it-tobba fil-Polonja; billi l-mewt tagħha kkawżat protesti f'diversi bliet Pollakki u fuq il-midja soċjali taħt is-slogan "Ebda Waħda Oħra";
K. billi skont rapporti tal-midja, mara oħra bl-isem ta' Anna, li kienet fil-ħames xahar tagħha tat-tqala, mietet b'xokk settiku fl-14 ta' Ġunju 2021 wara li t-tobba ġegħluha tikkonsenja tarbija mwielda mejta minkejja s-suspett ta' sepsi;
L. billi minn mindu ngħatat id-deċiżjoni, ħafna nisa Pollakki kienu mġiegħla jitolbu għajnuna permezz ta' inizjattivi bħal Abort Mingħajr Fruntieri u organizzazzjonijiet ibbażati fi Stati Membri oħra sabiex ikollhom aċċess għall-SRHR tagħhom, speċjalment għas-servizzi relatati mal-abort; billi l-organizzazzjoni tal-proċeduri tal-abort tistrieħ fuq l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa u tal-gruppi informali, u tiddependi mill-flus li jinġabru mid-donazzjonijiet;
M. billi matul l-aħħar 12-il xahar, il-gruppi ta' Abort Mingħajr Fruntieri għenu lil 34 000 persuna(13) mill-Polonja biex jaċċessaw l-abort; billi dawn in-numri huma biss frazzjoni tal-għadd totali ta' nisa Pollakki li jeħtieġu appoġġ biex jaċċessaw il-kura f'każ ta' abort;
N. billi bħala riżultat tar-restrizzjonijiet legali u tal-istigmatizzazzjoni, hemm nuqqas ta' data affidabbli dwar l-inċidenza tal-abort f'ħafna Stati Membri, kif ukoll dwar il-kuntest li fih jitwettqu l-aborti; billi data preċiża, aġġornata regolarment u anonima dwar l-abort mill-Istati Membri kollha hija vitali biex wieħed jifhem il-ħtiġijiet tal-SRHR u biex jiġu żgurati d-drittijiet tan-nisa;
O. billi skont id-data miġbura mill-Federazzjoni għan-Nisa u l-Ippjanar tal-Familja (FEDERA), matul dawn l-aħħar 10 xhur 300 mara biss kellha aċċess għal servizzi relatati mal-abort fl-isptarijiet Pollakki fuq il-bażi ta' theddida għall-ħajja u għas-saħħa; billi d-deċiżjoni tkompli tistigmatizza l-SRHR u taffettwa b'mod sproporzjonat lin-nisa u lill-persuni tqal li ma għandhomx il-mezzi finanzjarji biex jiffinanzjaw abort mediku jew abort barra mill-pajjiż, kif ukoll lil dawk li ma għandhomx aċċess għat-teknoloġiji tal-informazzjoni;
P. billi huma ftit l-isptarijiet fil-Polonja li jwettqu aborti minħabba biża' ta' litigazzjoni; billi n-nisa spiss joqogħdu lura milli jużaw is-servizzi tagħhom minħabba l-biża' ta' proċeduri u riferimenti kkumplikati u ttardjati apposta; billi t-triq tal-aċċess għad-dritt għall-abort legali għal raġunijiet ta' saħħa mentali qed tiġi ppruvata dejjem aktar minn nisa li jesperjenzaw kundizzjonijiet tas-saħħa mentali severi bħala riżultat tal-fatt li ma jirċievu l-ebda assistenza istituzzjonali tal-Istat biex jaċċessaw servizzi ta' abort legali fil-Polonja; billi f'Lulju 2021 il-QEDB ħabbret l-intenzjoni tagħha li tindirizza l-ilmenti tan-nisa Pollakki dwar il-ksur tad-drittijiet tagħhom salvagwardjati mill-KEDB(14);
Q. billi skont l-Atlas Ewropew tal-Kontraċezzjoni tal-2020(15), anke qabel id-deċiżjoni, il-Polonja kellha waħda mill-aktar politiki restrittivi fir-rigward tal-aċċess għal provvisti kontraċettivi, l-ippjanar tal-familja, il-konsulenza u l-għoti ta' informazzjoni online; billi l-Polonja hija wieħed mill-ftit pajjiżi li jirrikjedu riċetta għal kontraċezzjoni ta' emerġenza, li ħafna drabi tiġi miċħuda mit-tobba fuq il-bażi ta' twemmin personali;
R. billi abbażi tal-kodiċi kriminali Pollakk, kull min itemm it-tqala ta' persuna oħra, jew jgħin jew jassisti persuna tqila fit-terminazzjoni tat-tqala tagħha bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi, jiffaċċja responsabbiltà kriminali, inkluża l-priġunerija; billi bħala riżultat tad-dispożizzjonijiet legali eżistenti, l-istigma soċjali, il-biża' u l-pressjoni mill-pari tagħhom u mill-awtoritajiet mediċi, it-tobba fil-Polonja jippreferu li ma jkunux assoċjati mal-proċeduri tal-abort, u dan diġà kien il-każ anke meta l-abort kien għadu legali; billi minbarra l-klawsola tal-kuxjenza użata b'mod wiesa', xi tobba joħolqu ostakli addizzjonali mhux statutorji, bħal eżamijiet mediċi mhux meħtieġa, konsultazzjonijiet psikoloġiċi jew konsultazzjonijiet addizzjonali ma' esperti, jew jillimitaw id-drittijiet tan-nisa għal testijiet u informazzjoni qabel it-twelid, li għandhom jiġu garantiti lil kulħadd fl-ambitu tal-iskema tas-saħħa pubblika; billi t-twemmin personali ta' individwu dwar l-abort mhuwiex permess li jinterferixxi mad-dritt ta' pazjent li jkollu aċċess sħiħ għall-kura tas-saħħa u s-servizzi pprovduti skont il-liġi;
S. billi l-aċċess għall-kura ġinekoloġika fil-Polonja huwa ristrett ħafna u f'xi reġjuni huwa kważi impossibbli, u dan jirriżulta f'għadd kbir ta' każijiet ta' tqala mhux intenzjonata, saħħa riproduttiva ħażina, prevalenza għolja ta' kanċer ċervikali u aċċess insuffiċjenti għall-kontraċezzjoni; billi skont l-Uffiċċju Suprem tal-Awditjar, fl-2018 2 % biss tan-nisa tqal li jgħixu f'żoni rurali fil-Polonja għaddew mit-testijiet standard kollha li huma meħtieġa matul it-tqala; billi l-aċċess tal-persuni LGBTI+ għall-kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva huwa ristrett ħafna, kif huma wkoll id-drittijiet tagħhom; billi l-persuni transġeneru u mhux binarji li jirrikjedu kura ġinekoloġika jiffaċċjaw diskriminazzjoni f'ambjenti mediċi u ħafna drabi ma jingħatawx aċċess għall-kura; billi l-edukazzjoni adattata skont l-età dwar is-sesswalità u r-relazzjonijiet fl-iskejjel Pollakki la hi obbligatorja u lanqas mhi komprensiva u bbażata fuq l-evidenza, u qed isiru tentattivi biex tiġi pprojbita kompletament;
T. billi kien hemm żieda fl-għadd ta' theddid inkwetanti u kampanji ta' mibegħda mmirati lejn in-nisa difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (WHRDs) fil-Polonja minħabba li jappoġġjaw id-drittijiet tan-nisa, id-dritt għall-abort u l-moviment tal-Istrajk tan-Nisa li kien fuq quddiem nett tal-protesti tal-massa kontra r-restrizzjonijiet fuq l-aċċess għal abort legali; billi dan it-theddid huwa tfakkir inkwetanti tar-riskji li dejjem qed jiżdiedu għad-WHRDs fil-pajjiż;
U. billi d-WHRDs kienu qed jiġbru firem għal abbozz ta' liġi, bħala parti mill-inizjattiva ċivika mħejjija minn FEDERA bit-titolu "Abort Legali. L-ebda kompromess", li kieku jreġġa' lura l-projbizzjoni fuq l-abort u jippermetti t-terminazzjoni sikura ta' tqala sat-12-il ġimgħa mingħajr ma l-pazjenta tintalab tagħti raġuni, u f'każijiet eċċezzjonali wara t-12-il ġimgħa; billi f'Settembru 2021, il-Pro-Right to Life Foundation ressqet abbozz ta' liġi lill-Parlament Pollakk bit-titolu "Inwaqqfu l-Abort 2021" (Stop Aborcji), li jipprojbixxi kompletament l-aċċess għall-abort u jikkriminalizzah, b'pieni sa 25 sena ħabs;
V. billi l-atti tal-Parlament Pollakk dwar it-Tribunal Kostituzzjonali adottati fit-22 ta' Diċembru 2015 u fit-22 ta' Lulju 2016, kif ukoll il-pakkett ta' tliet atti adottat fi tmiem l-2016, dgħajfu serjament l-indipendenza u l-leġittimità tat-Tribunal Kostituzzjonali; billi l-atti tat-22 ta' Diċembru 2015 u tat-22 ta' Lulju 2016 ġew iddikjarati mhux kostituzzjonali mit-Tribunal Kostituzzjonali fid-9 ta' Marzu u fil-11 ta' Awwissu 2016, rispettivament; billi dawk is-sentenzi la ġew ippubblikati u lanqas implimentati f'dak iż-żmien mill-awtoritajiet Pollakki; billi l-kostituzzjonalità tal-liġijiet Pollakki ma tistax tibqa' tiġi garantita b'mod effettiv fil-Polonja mid-dħul fis-seħħ tal-bidliet leġiżlattivi msemmija hawn fuq(16) u b'hekk il-legalità tad-deċiżjoni tat-22 ta' Ottubru 2020 hija dubjuża;
W. billi fis-7 ta' Ottubru 2021, l-istess "Tribunal Kostituzzjonali" illeġittimu ppreżenta d-deċiżjoni tiegħu fil-kawża K 3/21, adottata b'żewġ opinjonijiet kuntrarji, dwar it-talba mibdija mill-Prim Ministru Pollakk fid-29 ta' Marzu 2021, li sabet li d-dispożizzjonijiet tat-TUE huma inkompatibbli mal-Kostituzzjoni Pollakka għal diversi raġunijiet; billi din id-deċiżjoni hijaattakk fuq il-komunità Ewropea ta' valuri u liġijiet b'mod ġenerali, li timmina l-preminenza tad-dritt tal-UE bħala wieħed mill-prinċipji fundamentali tagħha f'konformità mal-ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;
X. billi s-sentenza tat-22 ta' Ottubru 2020 treġġa' lura d-drittijiet miksuba tan-nisa Pollakki, bħal qabel l-implimentazzjoni tagħha, l-abort fil-Polonja kien legali fi tliet każijiet, li jfisser li n-nisa Pollakki issa jinsabu f'pożizzjoni legali agħar milli kienu meta l-Polonja ssieħbet fl-UE fl-2004; jisħaq li l-kostituzzjonalità tat-tliet eċċezzjonijiet eżistenti ma kinitx ġiet iddubitata mit-Tribunal Kostituzzjonali sakemm il-gvern immexxi mill-PiS ħa kontroll tat-tribunal u tas-sistema ġudizzjarja b'mod aktar wiesa';
Y. billi organizzazzjoni fundamentalista, Ordo Iuris, li hija marbuta mill-qrib mal-koalizzjoni fil-gvern, hija forza li tixpruna l-kampanji li qegħdin jimminaw id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-Polonja, inklużi tentattivi biex jiġi pprojbit l-abort, talbiet biex il-Polonja tirtira mill-Konvenzjoni ta' Istanbul u talbiet biex jinħolqu l-hekk imsejħa żoni mingħajr LGBTI; billi l-valuri kulturali u reliġjużi fil-Polonja qegħdin jiġu għalhekk abbużati bħala raġunijiet biex jiġi impedit it-twettiq sħiħ tad-drittijiet tan-nisa, l-ugwaljanza għan-nisa u d-dritt tagħhom li jieħdu deċiżjonijiet dwar ġisimhom stess;
Z. billi l-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa, il-QEDB, il-Parlament u l-Kummissjoni esprimew tħassib serju dwar l-istat tad-dritt, inklużi l-leġittimità, l-indipendenza u l-effettività tat-Tribunal Kostituzzjonali; billi l-Kummissjoni bdiet proċedura skont l-Artikolu 7(1) wara r-riformi tal-2015 tas-sistema ġudizzjarja fil-Polonja;
1. Itenni l-kundanna qawwija tiegħu tas-sentenza illeġittima tat-Tribunal Kostituzzjonali tat-22 ta' Ottubru 2020 li timponi projbizzjoni kważi totali fuq l-abort u ta' dan l-attakk sfaċċat fuq l-SRHR fil-Polonja; jistieden lill-Gvern Pollakk jiggarantixxi malajr u bis-sħiħ l-aċċess għal u l-forniment ta' servizzi ta' abort, jipprovdi servizzi ta' abort sikuri, legali, ħielsa u ta' kwalità għolja, u jagħmilhom aċċessibbli għan-nisa u l-bniet kollha; jistieden lill-awtoritajiet Pollakki jirrispettaw, jissodisfaw u jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa għall-ħajja, is-saħħa u l-ugwaljanza, kif ukoll il-libertà tagħhom mid-diskriminazzjoni, il-vjolenza u t-tortura jew trattament krudili, inuman u degradanti;
2. Jesprimi dispjaċir kbir għan-nuqqas matul is-sena li għaddiet ta' kwalunkwe inizjattiva jew proposta mmirata biex tneħħi l-projbizzjoni de facto tal-abort u d-diversi restrizzjonijiet fuq l-aċċess għall-SRHR fil-pajjiż; itenni li l-projbizzjoni de facto tal-abort qiegħda tpoġġi f'riskju s-saħħa u l-ħajja tan-nisa u diġà wasslet għall-mewt ta' mill-inqas mara waħda; ifakkar li l-aċċess universali għall-kura tas-saħħa u għall-SRHR huma drittijiet fundamentali tal-bniedem;
3. Jesprimi s-solidarjetà tiegħu man-nisa, l-attivisti u l-individwi u l-organizzazzjonijiet kuraġġużi Pollakki li jkomplu jgħinu lin-nisa jaċċessaw il-kura f'każ ta' abort meta jkollhom bżonn, għaliex huwa ġisimhom, u għalhekk hija l-għażla tagħhom; jesprimi dispjaċir kbir għad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni, minkejja d-dimostrazzjonijiet tal-massa favur l-aċċess legali għall-abort; jappoġġja lid-difensuri kollha tan-nisa u tad-drittijiet tal-bniedem li qegħdin ikomplu jipprotestaw mingħajr waqfien kontra dawn ir-restrizzjonijiet gravi fuq il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tagħhom; jinnota li d-dimostranti qegħdin jitolbu mhux biss l-annullament tas-sentenza illeġittima tat-Tribunal Kostituzzjonali, iżda wkoll id-dritt għal aċċess liberu, legali u sikur għall-abort u r-rispett għall-awtonomija u l-integrità fiżika; jenfasizza l-espressjonijiet ta' appoġġ għall-kawża tad-dimostranti Pollakki minn ħafna Stati Membri u madwar id-dinja, u l-interess fiha;
4. Jisħaq li r-restrizzjoni jew il-projbizzjoni tad-dritt għall-abort bl-ebda mod ma tnaqqas il-ħtieġa għall-abort, iżda twassal biex in-nisa jkollhom ifittxu aborti mhux sikuri, jivvjaġġaw barra mill-pajjiż sabiex jiksbu l-abort jew ikomplu t-tqala tagħhom kontra r-rieda tagħhom, inkluż f'każijiet ta' indeboliment fatali jew gravi tal-fetu; jisħaq ukoll li dan huwa ksur tad-drittijiet tal-bniedem u forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru li jaffettwa d-drittijiet tan-nisa u tal-bniet għall-ħajja, l-integrità fiżika u mentali, l-ugwaljanza, in-nondiskriminazzjoni u s-saħħa;
5. Huwa mħasseb ħafna dwar il-fatt li eluf ta' nisa jridu jivvjaġġaw biex ikollhom aċċess għal servizz tas-saħħa essenzjali bħall-abort; jenfasizza li s-servizzi ta' abort transfruntier mhumiex għażla vijabbli, speċjalment għal dawk li jgħixu fil-faqar, li jiffaċċjaw diskriminazzjoni intersezzjonali u li jinsabu f'sitwazzjonijiet vulnerabbli; huwa mħasseb dwar il-fatt li l-ivvjaġġar barra mill-pajjiż ipoġġi f'riskju s-saħħa, il-ħajja u l-benesseri tan-nisa; jisħaq fuq l-importanza tal-perjodu ta' wara l-kura f'każ ta' abort, b'mod speċjali għal nisa li jesperjenzaw kumplikazzjonijiet minn abort mhux komplut jew mhux sikur;
6. Jikkundanna bil-qawwa l-proposti jew restrizzjonijiet leġiżlattivi kollha li għandhom l-għan li jkomplu jipprojbixxu, jikkriminalizzaw u jillimitaw l-aċċess għal abort sikur u legali fil-Polonja; ifakkar lill-Parlament u lill-awtoritajiet Pollakki li l-miżuri għar-restrizzjoni tal-SRHR imorru kontra l-prinċipju ta' nuqqas ta' rigress skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u jħeġġiġhom jiżguraw ir-realizzazzjoni sħiħa tal-SRHR;
7. Jikkundanna l-ambjent dejjem aktar ostili u vjolenti għad-WHRDs fil-Polonja, u jistieden lill-awtoritajiet Pollakki jiggarantixxu d-dritt tad-WHRDs li jesprimu ruħhom pubblikament, inkluż meta jopponu l-politika tal-gvern, mingħajr biża' ta' riperkussjonijiet jew theddid; jistieden lill-awtoritajiet Pollakki jipproteġu b'mod urġenti d-WHRDs li kienu fil-mira, jinvestigaw it-theddid kontrihom u jżommu responsabbli lil dawk involuti; iħeġġeġ lill-Gvern Pollakk jiġġieled il-kampanji abbużivi ta' miżinformazzjoni mmirati lejn id-WHRDs; jisħaq li ħafna WHRDs fil-Polonja issa qegħdin jiffaċċjaw akkużi kriminali għar-rwol tagħhom fil-protesti kontra l-abbozz ta' liġi bħala riżultat tar-restrizzjonijiet tal-COVID-19 imposti f'dak iż-żmien; iħeġġeġ lill-Gvern Pollakk jżomm lura milli jressaq akkużi kriminali motivati politikament kontra d-WHRDs;
8. Jikkundanna bil-qawwa l-użu eċċessiv u sproporzjonat tal-forza u l-vjolenza kontra d-dimostranti, inklużi l-attivisti u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa, mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-atturi mhux statali bħal gruppi nazzjonalisti tal-lemin estrem; jistieden lill-awtoritajiet Pollakki jiżguraw li dawk li jattakkaw lid-dimostranti jinżammu responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom;
9. Jikkundanna r-retorika ostili użata mill-uffiċjali tal-gvern Pollakk kontra d-WHRDs u kritiċi oħra tal-politiki tal-gvern, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza dan u tappoġġja lill-attivisti kemm politikament kif ukoll finanzjarjament;
10. Jistieden lill-Gvern Pollakk jiżgura l-parteċipazzjoni tan-nisa u tal-bniet fl-abbozzar ta' liġijiet u politiki li jaffettwaw ħajjithom, inklużi l-SRHR u l-abort, u li jkunu jistgħu jaċċessaw il-ġustizzja u r-rimedji meta jinkisru d-drittijiet tagħhom;
11. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jipprovdu finanzjament adegwat għall-organizzazzjonijiet nazzjonali u lokali tas-soċjetà ċivili sabiex irawmu l-appoġġ fil-livell taċ-ċittadini għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri, inkluża l-Polonja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ immedjat u dirett għall-programmi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Pollakki li jaħdmu biex jiżguraw il-protezzjoni tal-SRHR; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw korsijiet ta' sensibilizzazzjoni u taħriġ dwar l-SRHR permezz ta' programmi ta' finanzjament; jilqa' l-appoġġ mogħti minn ċerti Stati Membri fl-assistenza lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jgħinu lin-nisa Pollakki jwettqu l-SRHR tagħhom u jħeġġeġ lil oħrajn jagħmlu l-istess; jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw b'mod aktar effettiv sabiex jiffaċilitaw l-aċċess transfruntier għall-abort, pereżempju billi jagħtu lin-nisa Pollakki aċċess għal abort liberu u sikur fi ħdan is-sistemi nazzjonali tal-kura tas-saħħa;
12. Jinsisti li t-twettiq ta' abort ma għandux jiġi inkluż fil-kodiċi kriminali bl-ebda mod, forma jew sura, peress li dan għandu effett dissważiv fuq it-tobba li, bħala konsegwenza, iżommu lura milli jipprovdu servizzi ta' SRH minħabba l-biża' ta' sanzjonijiet kriminali u b'hekk jillimitaw il-kura tas-saħħa disponibbli għan-nisa u l-bniet; jinsab allarmat li, bħala riżultat ta' din is-sitwazzjoni, it-tobba għandhom it-tendenza li jipprijoritizzaw il-ħajja tal-fetu aktar milli dik tal-mara; jistieden lill-Gvern Pollakk jiddekriminalizza kompletament l-abort u jneħħi kwalunkwe ħaġa relatata mal-abort mil-liġi kriminali, sabiex jiżgura li t-tobba jaqblu li jwettqu abort fil-prattika fi ħdan il-konfini legali tad-dritt nazzjonali, u jiżgura li l-informazzjoni li jipprovdi dwar l-aċċess għall-abort u drittijiet sesswali u riproduttivi oħra tkun imparzjali u bbażata fuq l-evidenza;
13. Ifakkar li l-eċċess mhux ġustifikat ta' restrizzjonijiet fuq l-aċċess għal abort sikur li rriżulta mis-sentenza msemmija qabel tat-Tribunal Kostituzzjonali illeġittimu jonqos milli jipproteġi d-drittijiet u d-dinjità inerenti u inaljenabbli tan-nisa, peress li jikser il-Karta, il-KEDB, il-ġurisprudenza tal-QEDB, diversi konvenzjonijiet internazzjonali li l-Polonja hija firmatarja tagħhom, kif ukoll il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja; itenni l-istedina tiegħu lill-awtoritajiet Pollakki jimplimentaw bis-sħiħ is-sentenzi mogħtija mill-QEDB fil-kawżi mressqa kontra l-Polonja, li fihom huwa ddeċieda li r-restrizzjoni tal-aċċess għal abort legali tikser id-drittijiet tal-bniedem tan-nisa;
14. Jisħaq li l-aċċess mingħajr xkiel u f'waqtu għas-servizzi tas-saħħa riproduttiva u r-rispett għall-awtonomija riproduttiva u t-teħid ta' deċiżjonijiet tan-nisa huma kruċjali sabiex jiġu protetti d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jissottolinja li l-esperti tan-NU(17) enfasizzaw li "d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa huma drittijiet fundamentali li ma jistgħux ikunu subordinati għal kunsiderazzjonijiet kulturali, reliġjużi jew politiċi", u li "l-influwenza tal-indħil b'motivazzjoni ideoloġika u reliġjuża fi kwistjonijiet ta' saħħa pubblika kienet partikolarment detrimentali għas-saħħa u l-benesseri tan-nisa u l-bniet";
15. Huwa mħasseb ħafna dwar l-użu tal-klawżola tal-kuxjenza, li hija ċaħda tal-kura medika bbażata fuq twemmin personali; jesprimi dispjaċir li, wara l-emenda għall-"Att dwar il-professjonijiet tat-tobba u d-dentisti", it-tobba u l-faċilitajiet tas-saħħa mhumiex obbligati jindikaw faċilità jew prattikant alternattiv fil-każ ta' ċaħda ta' abort u servizzi oħra tal-SRH minħabba twemmin personali; jinnota li wara s-sentenza tat-Tribunal Kostituzzjonali illeġittimu tat-22 ta' Ottubru 2020, l-użu prattiku tal-klawsola tal-kuxjenza fih innifsu huwa limitat bħala riżultat tan-nuqqas ta' aċċess għall-abort fuq il-bażi tal-kundizzjoni tal-fetu; jiddeplora li l-mod li bih din il-klawsola hija mfassla skont il-liġi Pollakka ma jipprevedi l-ebda proċedura ta' appell kontra l-użu abbużiv tal-klawsola tal-kuxjenza; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-ġinekologi spiss jinvokawha b'mod żbaljat meta jintalbu jippreskrivu l-kontraċettivi, u b'hekk jillimitaw ukoll l-aċċess għall-kontraċezzjoni fil-Polonja; jinnota li dan il-mekkaniżmu ta' tiċħid tal-kura medika abbażi ta' twemmin personali jxekkel ukoll l-aċċess għall-iskrinjar ta' qabel it-twelid, li mhuwiex biss ksur tad-dritt għall-informazzjoni dwar il-kundizzjoni ta' fetu, iżda wkoll ifixkel it-trattament b'suċċess jew matul it-tqala jew immedjatament wara; jistieden lill-Gvern Pollakk jirregola ċ-ċaħdiet għall-forniment ta' servizzi tal-SRH mill-fornituri tal-kura tas-saħħa b'mod li ma jċaħħadx l-aċċess għall-SRHR, u jħeġġeġ lill-Gvern Pollakk jadotta r-riformi meħtieġa biex jintroduċi l-obbligu li l-pazjent jiġi riferut għand prattikant alternattiv u proċedura ta' appell kontra l-użu abbużiv tal-klawsola tal-kuxjenza;
16. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Pollakki jirrevokaw il-liġi li tillimita l-aċċess għall-pillola kontraċettiva ta' emerġenza, u jiffinanzjaw, jiżviluppaw u jippromwovu l-firxa sħiħa ta' kontraċettivi, inkluża l-kontraċezzjoni maskili;
17. Jikkundanna l-abbuż tal-Gvern Pollakk tas-sistema ġudizzjarja u tas-setgħat leġiżlattivi tagħha sabiex jistrumentalizza u jippolitiċizza l-ħajja u s-saħħa tan-nisa u tal-persuni LGBTI+, li jwassal kemm għall-oppressjoni tagħhom kif ukoll għad-diskriminazzjoni kontrihom;
18. Itenni t-tħassib serju tiegħu espress fir-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar it-tentattivi biex jiġi kriminalizzat it-tixrid tal-edukazzjoni dwar is-sesswalità u r-relazzjonijiet fil-Polonja u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, inkluża l-Polonja, jiżguraw li l-istudenti ta' kull età u orjentazzjoni sesswali jirċievu edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità u r-relazzjonijiet li tkun adattata skont l-età u bbażata fuq l-evidenza, li hija essenzjali għall-bini tal-ħiliet taż-żgħażagħ sabiex jiffurmaw relazzjonijiet b'saħħithom, ta' ugwaljanza, fejn iħossuhom appoġġjati u sikuri, ħielsa mid-diskriminazzjoni, il-koerċizzjoni u l-vjolenza; jenfasizza li huma biss l-edukazzjoni, l-informazzjoni, l-aċċess universali għall-kontraċezzjoni, il-qerda tal-vjolenza sesswali u r-responsabbiltà kondiviża għall-kontraċezzjoni bejn in-nisa u l-irġiel li jistgħu jnaqqsu l-miżinformazzjoni u l-għadd ta' każijiet ta' tqala mhux intenzjonata;
19. Jikkundanna bil-qawwa d-deċiżjoni tal-Ministru tal-Ġustizzja Pollakk li jibda uffiċjalment l-irtirar tal-Polonja mill-Konvenzjoni ta' Istanbul, li fiha nnifisha diġà hija ostaklu serju fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, id-drittijiet tan-nisa u l-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u, jekk titwettaq, tkompli ssaħħaħ dan l-ostaklu; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Pollakki jreġġgħu lura din id-deċiżjoni u jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva u prattika tal-Konvenzjoni; jistieden lill-Kunsill jikkonkludi b'urġenza r-ratifika tal-UE tal-Konvenzjoni ta' Istanbul;
20. Ifakkar li d-drittijiet tan-nisa huma drittijiet fundamentali tal-bniedem u li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri huma legalment obbligati li jirrispettawhom u jipproteġuhom f'konformità mat-Trattati u mal-Karta, kif ukoll mad-dritt internazzjonali;
21. Jistieden lill-Kunsill jindirizza din il-kwistjoni u allegazzjonijiet oħra ta' ksur tad-drittijiet fundamentali fil-Polonja billi jespandi l-kamp ta' applikazzjoni tas-seduti ta' smigħ tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Polonja, f'konformità mal-Artikolu 7(1) tat-TUE;
22. Jistieden lill-Gvern Pollakk jikkonforma mas-sentenza tal-QEDB, li tiddikjara l-kompożizzjoni tal-Qorti Kostituzzjonali bħala illegali(18); itenni t-talbiet tiegħu lill-Kummissjoni biex twettaq valutazzjoni bir-reqqa tal-kompożizzjoni tat-Tribunal Kostituzzjonali illeġittimu; jissottolinja li d-deċiżjoni msemmija hawn fuq hija eżempju ieħor tat-teħid ta' kontroll politiku tal-ġudikatura u l-kollass sistemiku tal-istat tad-dritt fil-Polonja, u li l-istituzzjonijiet tal-UE huma obbligati jaġixxu kif xieraq;
23. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri fil-garanzija ta' aċċess universali għall-SRHR, inkluż l-aċċess għal abort sikur u legali għaċ-ċittadini kollha;
24. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jissalvagwardjaw id-dritt għas-saħħa u jiżguraw li n-nisa u l-bniet fil-Polonja ma jitħallewx barra, billi jieħdu azzjoni deċiżiva u jiġġieldu kwalunkwe proposta leġiżlattiva jew restrizzjoni fuq l-aċċess għas-servizzi tal-kura tas-saħħa li ġejjin mill-Polonja, inkluża l-kura f'każ ta' abort;
25. Jistieden lill-Kummissarji għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, għall-Ugwaljanza u għad-Demokrazija u d-Demografija jiffaċilitaw u jippromwovu l-protezzjoni tal-SRHR fil-Polonja bħala parti vitali mill-kisba tad-dritt għas-saħħa, għas-sikurezza u għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri;
26. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi konkreti biex tipproteġi l-SRHR fl-UE b'mod aktar ġenerali, billi tibda bl-istabbiliment ta' Mibgħut Speċjali tal-UE dwar l-SRHR u ż-żieda ta' kapitolu deżinjat dwar "Is-Sitwazzjoni attwali tal-SRHR" fir-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija;
27. Jistieden lill-Kummissjoni tadotta linji gwida għall-Istati Membri sabiex jiżguraw aċċess ugwali għal prodotti u servizzi SRHR f'konformità mad-dritt tal-UE u l-ġurisprudenza tal-QEDB;
28. Ifakkar lill-Kummissjoni li għandha tipproponi direttiva komprensiva dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru fil-forom kollha tagħha, inkluż il-ksur tal-SRHR;
29. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Polonja u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
Il-Kumitat dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, il-Kumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem, ir-Rapporteur Speċjali dwar it-tortura u forom oħra ta' trattament jew pieni krudili, inumani u degradanti, u r-Rapporteur Speċjali dwar l-eżekuzzjonijiet ekstraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji (Serje ta' Informazzjoni dwar is-Saħħa u d-Drittijiet Sesswali u Riproduttivi tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Abort, 2020).
L-Opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-14 u l-15 ta' Ottubru 2016 dwar l-Att dwar it-Tribunal Kostituzzjonali, paragrafu 128; Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, Osservazzjonijiet finali dwar is-seba' rapport perjodiku tal-Polonja, 23 ta' Novembru 2016, paragrafi 7 u 8; Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1520 tas-26 ta' Lulju 2017 dwar l-istat tad-dritt fil-Polonja (ĠU L 228, 2.9.2017, p. 19).
Grupp ta' Ħidma dwar id-diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-bniet, l-14 ta' Settembru 2021, disponibbli fuq: https://www.ohchr.org/FR/NewsEvents/Pages/DisplayNews.aspx?NewsID=27457&LangID=E