Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/0217(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0199/2019

Testi mressqa :

A8-0199/2019

Dibattiti :

PV 20/10/2020 - 5
CRE 20/10/2020 - 5
PV 23/11/2021 - 2
CRE 23/11/2021 - 2

Votazzjonijiet :

PV 20/10/2020 - 21
PV 23/10/2020 - 3
PV 23/10/2020 - 11
PV 23/11/2021 - 6

Testi adottati :

P9_TA(2020)0288
P9_TA(2021)0457

Testi adottati
PDF 148kWORD 61k
It-Tlieta, 23 ta' Novembru 2021 - Strasburgu
Il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni ***I
P9_TA(2021)0457A8-0199/2019
Riżoluzzjoni
 Test
 Anness

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Novembru 2021 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (COM(2018)0393 – C8-0247/2018 – 2018/0217(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2018)0393),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 322(1), il-punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8‑0247/2018),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-bażi legali proposta,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri tal-25 ta’ Ottubru 2018(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-17 ta’ Ottubru 2018(2),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-5 ta’ Diċembru 2018(3),

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-23 ta’ Lulju 2021, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 40 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp, kif ukoll tal-Kumitat għall-Baġits, tal-Kumitat għall-Kontroll Baġitarju u tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali(A8-0199/2019),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt(4);

2.  Japprova d-dikjarazzjonijiet konġunti tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni u d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament u tal-Kunsill annessi ma’ din ir-riżoluzzjoni, li se jiġu ppubblikati fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

3.  Jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni annessi ma’ din ir-riżoluzzjoni, li se jiġu ppubblikati fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU C 41, 1.2.2019, p. 1.
(2) ĠU C 62, 15.2.2019, p. 214.
(3) ĠU C 86, 7.3.2019, p. 173.
(4) Din il-pożizzjoni tissostitwixxi l-emendi adottati fit-23 ta’ Ottubru 2020 (Testi adottati, P9_TA(2020)0288).


Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-23 ta’ Novembru 2021 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2021/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013
P9_TC1-COD(2018)0217

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) 2021/2116.)


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni u t-trasparenza tal-Politika Agrikola Komuni

Il-qafas legali l-ġdid tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) jinkludi flessibbiltà msaħħa għall-Istati Membri fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet strateġiċi nazzjonali (NSPs). Dan jippermetti adattament għall-ħtiġijiet lokali filwaqt li jkompli jiżgura li l-benefiċjarji finali jirrispettaw il-kundizzjonijiet ġenerali tal-eliġibbiltà. Il-mudell ta' implimentazzjoni ġdi (NDM), li jintroduċi approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni, jinkludi wkoll trasferiment sinifikanti tar-responsabbiltà mil-livell tal-Unjoni għall-amministrazzjonijiet nazzjonali rigward il-ġestjoni u l-kontroll tal-fondi agrikoli tal-Unjoni.

Il-Parlament Ewropew iqis li l-ftehim interistituzzjonali milħuq bejn il-koleġiżlaturi jinkludi s-salvagwardji meħtieġa biex jiġi evitati r-riskji identifikati għall-implimentazzjoni korretta tal-NSPs tal-Istati Membri, kif approvati mill-Kummissjoni.  Il-Parlament Ewropew ser jissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-NSPs mill-Istati Membri kif approvat mill-Kummissjoni u ser jeżerċita bis-sħiħ ir-rwol tiegħu ta' superviżur tal-ħidma tal-Kummissjoni mogħtija skont it-Trattati u kif definit fir-Regolamenti tal-PAK.

Il-Parlament Ewropew iqis li l-protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni hija żgurata mir-Regolament (UE) 2021/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni, inkluż il-ġbir u l-pubblikazzjoni ta' data dwar gruppi li jiżguraw kontrolli effiċjenti fuq kunflitti ta' interess, irregolaritajiet, kwistjonijiet ta' finanzjament doppju u użu ħażin kriminali tal-fondi. Bil-ħsieb tal-użu ta' għodda unika għall-estrazzjoni ta' data fl-Istati Membri, il-Parlament Ewropew jilqa' l-impenn li jeżamina proposta dwar l-użu obbligatorju tagħha fl-Istati Membri kollha, b'segwitu għar-rapport tal-Kummissjoni li għandu jitlesta sal-2025, filwaqt li jivvaluta l-użu u l-interoperabbiltà tagħha

Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni dwar il-monitoraġġ annwali tal-prestazzjoni fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni

Il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni jfakkru li, fid-dawl tal-mudell ta' implimentazzjoni ġdid u l-qafas ta' prestazzjoni li għandhom jiġu stabbiliti fil-Politika Agrikola Komuni (PAK) għall-perjodu 2023-2027, ir-rapporti annwali dwar il-prestazzjoni, il-monitoraġġ annwali u r-rieżami biennali tal-prestazzjoni huma ta' importanza sinifikanti biex jinżammu l-ambizzjonijiet stabbiliti fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK.

F'dak il-kuntest, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni jaqblu li huwa meħtieġ li kull sena l-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, fi ħdan il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, dwar il-progress li jkun sar fl-ambitu tal-monitoraġġ annwali tal-prestazzjoni.

Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar miżuri ulterjuri għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni kontra frodi u irregolaritajiet, permezz ta' obbligu ta' applikazzjoni ġeneralizzata ta' għodda unika għall-estrazzjoni ta' data fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jimpenjaw ruħhom li jeżaminaw proposta dwar l-użu obbligatorju ta' għodda għall-estrazzjoni ta' data fl-Istati Membri, b'segwitu għar-rapport tal-Kummissjoni sal-2025 li jivvaluta l-użu ta' għodda unika għall-estrazzjoni ta' data u l-interoperabbiltà tagħha bil-ħsieb tal-użu ġeneralizzat tagħha mill-Istati Membri.

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni

Il-Kummissjoni ħadet nota tal-inklużjoni ta’ premessa 13 il-ġdida fir-Regolament (UE) 2021/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni rigward il-komunikazzjoni tal-informazzjoni dwar il-Korpi taċ-Ċertifikazzjoni maħtura. Il-Kummissjoni tirċievi informazzjoni mill-Istati Membri dwar il-ħatra ta’ Korpi taċ-Ċertifikazzjoni pubbliċi u privati u żżomm reġistru aġġornat ta’ dawn il-korpi għal skopijiet ta’ monitoraġġ. Il-Kummissjoni tfakkar fl-impenn tagħha li kull sena tikkomunika l-lista tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni maħtura lill-Parlament.

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tad-diżimpenji tal-FAEŻR fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni

Il-Kummissjoni tikkonferma li jekk hemm riskju ta’ diżimpenn tal-finanzjament tal-FAEŻR, is-servizzi relevanti tal-Kummissjoni għandhom jibagħtu ittra lill-awtoritajiet tal-Istati Membri biex javżawhom f’biżżejjed żmien qabel l-iskadenza applikabbli tad-diżimpenn awtomatiku ta’ dak ir-riskju. L-iskop ta’ dik l-ittra hu li tħeġġeġ żieda fl-assorbiment tal-finanzjament tal-FAEŻR u li mal-Istati Membri tesplora x’jista’ jsir għal dan l-għan.

Il-Kummissjoni tagħmel ħilitha biex tevita d-diżimpenji anki meta japplikaw ċirkostanzi speċifiċi. Għal dan l-għan, se jiġu applikati bis-sħiħ ir-regoli relevanti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni biex jiġi interrott il-perjodu għad-diżimpenji fil-każ ta’ proċedimenti legali jew appelli amministrattivi li jkunu għaddejjin. Barra minn hekk, b’mod partikolari r-regola li ma tapplikax għad-diżimpenji f’każ li l-impenji baġitarji ma jkunux intużaw għal raġunijiet ta’ forza maġġuri li jaffettwaw serjament l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, se jkun hemm konformità sħiħa magħha.

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tar-raggruppament tal-għotjiet tas-setgħat fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni

Il-Kummissjoni tfakkar fl-impenn tagħha li tosserva l-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. Il-Punt 31 ta’ dak il-Ftehim jgħid li l-għotjiet tas-setgħat jistgħu jiġu raggruppati, bil-kundizzjoni li l-Kummissjoni tipprovdi ġustifikazzjonijiet oġġettivi bbażati fuq ir-rabta sostantiva bejn żewġ għotjiet tas-setgħat u aktar li jinsabu f’att leġiżlattiv wieħed. Il-konsultazzjonijiet fit-tħejjija ta’ atti delegati jservu wkoll biex jindikaw liema għotjiet tas-setgħat jitqiesu li huma marbuta sostanzjalment.

Aġġornata l-aħħar: 2 ta' Marzu 2022Avviż legali - Politika tal-privatezza