Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Novembru 2021 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli, (UE) Nru 1151/2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, (UE) Nru 251/2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat, (UE) Nru 228/2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u (UE) Nru 229/2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew (COM(2018)0394 – C8-0246/2018 – 2018/0218(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2018)0394),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 43(2), l-Artikolu 114, l-Artikolu 118, l-ewwel paragrafu, u l-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0246/2018),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta' Ottubru 2018(1),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-5 ta' Diċembru 2018(2),
– wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-23 ta’ Lulju 2021, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjonijiet u l-pożizzjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0198/2019),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt(3);
2. Japprova d-dikjarazzjonijiet konġunti tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni u d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament u tal-Kunsill annessi ma’ din ir-riżoluzzjoni, li se jiġu ppubblikati fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
3. Jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni annessi ma’ din ir-riżoluzzjoni, li se jiġu ppubblikati fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
4. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Din il-pożizzjoni tissostitwixxi l-emendi adottati fit-23 ta’ Ottubru 2020 (Testi adottati, P9_TA(2020)0289).
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-23 ta’ Novembru 2021 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2021/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli, (UE) Nru 1151/2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, (UE) Nru 251/2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u (UE) Nru 228/2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni
Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar impenn proattiv f'livell multilaterali dwar l-applikazzjoni ta' standards tal-UE dwar is-saħħa u l-ambjent għal prodotti agrikoli importati
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jirrikonoxxu l-ħtieġa li jfittxu koerenza akbar bejn l-istandards dwar is-saħħa u l-ambjent li japplikaw għall-prodotti agrikoli fl-Unjoni Ewropea u dawk li japplikaw għall-prodotti agrikoli importati, f'konformità mar-regoli kummerċjali internazzjonali. Sabiex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta' żvilupp sostenibbli, speċjalment it-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità, li huma kwistjonijiet ta' tħassib globali, u biex jintlaħqu l-aspettattivi taċ-Ċittadini għal ikel ta' kwalità ogħla u aktar sostenibbli, l-Unjoni Ewropea kontinwament għolliet dawn l-istandards għal ħafna snin. Fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u fl-istrateġiji settorjali tiegħu, inkluża l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ''Strateġija mill-Għalqa sal-Platt'', saru sforzi biex dan il-għan jintlaħaq, u dan se jirriżulta f'żieda ulterjuri ta' dawn l-istandards applikati fl-UE, inkluż, fejn rilevanti, għall-prodotti importati.
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jirrikonoxxu l-ħtieġa li jinvolvu ruħhom b'mod proattiv fil-livell multilaterali fiż-żieda tal-ambizzjoni dwar l-objettivi ambjentali internazzjonali meta jinfurzaw u jtejbu r-regoli tal-kummerċ internazzjonali. Kif iddikjarat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Reviżjoni tal-Politika Kummerċjali, huwa xieraq ukoll li l-Unjoni Ewropea, taħt ċerti ċirkostanzi kif definit mir-regoli tad-WTO, tirrikjedi li l-prodotti agrikoli importati jikkonformaw ma' ċerti rekwiżiti ta' produzzjoni sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-istandards tas-saħħa, tat-trattament xieraq tal-annimali u tal-ambjent li japplikaw għall-prodotti agrikoli fl-Unjoni Ewropea u tikkontribwixxi għat-twassil komprensiv tal-komunikazzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-Istrateġija ''Mill-Għalqa sal-Platt''. Minħabba l-importanza tas-suq tagħha fil-kummerċ internazzjonali, l-Unjoni Ewropea tista' tuża l-kapaċità ta' ingranaġġ tagħha biex tgħolli l-istandards tas-saħħa u tal-ambjent globalment u b'hekk tikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi ambjentali internazzjonali bħal dawk tal-Ftehim ta' Pariġi.
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jilqgħu l-approċċ usa' ppreżentat fir-Rieżami tal-Politika Kummerċjali rigward il-ħtieġa ta' aktar involviment fil-livell multilaterali biex jiġu indirizzati kwistjonijiet ewlenin, bħal stokkijiet strateġiċi, b'mod partikolari għaliex l-ikel huwa ġid essenzjali. It-titjib tas-sigurtà globali tal-ikel jimplika t-tnaqqis tal-instabbiltà fis-swieq agrikoli permezz ta' aktar kooperazzjoni f'livell multilaterali li tmur lil hinn mit-tnaqqis tad-distorsjonijiet tas-suq, li huwa fattur neċessarju iżda mhux suffiċjenti biex jiġu stabbilizzati s-swieq internazzjonali.
Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet CMO relatati mas-settur tal-UE taz-zokkor
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jirrikonoxxu d-diffikultajiet li jiffaċċja s-settur taz-zokkor wara l-abolizzjoni tal-kwoti taz-zokkor f'Ottubru 2017, ikkaratterizzati minn instabbiltà fis-swieq internazzjonali, staġnar fil-konsum u tnaqqis fil-produzzjoni tal-pitravi u taz-zokkor. Din is-sitwazzjoni hija sors ta' tħassib għas-settur tal-UE taz-zokkor.
L-Istat attwali tas-settur u l-istrateġiji ta' adattament tiegħu ser jiġu vvalutati bir-reqqa fi ħdan il-qafas ta' studju li għandu jiġi konkluż fil-ħarifa tal-2021. L-istudju ser janalizza l-istrumenti ta' politika Ewropej u nazzjonali li huma disponibbli għas-settur taz-zokkor, ir-rwoli rispettivi tas-settur privat u tal-istituzzjonijiet pubbliċi fir-rispons għar-riskji ewlenin li jaffettwaw is-settur u ser jidentifika strateġiji possibbli biex tittejjeb ir-reżiljenza tas-settur Ewropew taz-zokkor.
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ser jikkunsidraw kwalunkwe żviluppi ta' politika futuri xierqa fid-dawl tas-sejbiet u l-konklużjonijiet ewlenin li jsiru fil-kuntest ta' dan l-istudju. Tali żviluppi futuri ta' politika jistgħu jinkludu kwalunkwe inizjattiva regolatorja u mhux regolatorja rilevanti relatata ma' għodod ta' ġestjoni tas-suq u tal-kriżijiet, it-trasparenza tas-suq fil-katina ta' provvista taz-zokkor, ir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn dawk li jkabbru u l-produtturi taz-zokkor, il-kummerċ internazzjonali u l-evoluzzjoni tal-bijoekonomija.
Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' standards tal-UE dwar is-saħħa u l-ambjent għal prodotti agrikoli importati
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistiednu lill-Kummissjoni tippreżenta, sa mhux aktar tard minn Ġunju 2022, rapport li jkun fih valutazzjoni tar-raġunament u l-fattibbiltà legali tal-applikazzjoni ta' standards tal-UE dwar is-saħħa u l-ambjent (inklużi standards dwar it-trattament xieraq tal-annimali, kif ukoll proċessi u metodi ta' produzzjoni) għal prodotti agrikoli u agroalimentari importati, kif ukoll l-identifikazzjoni ta' inizjattivi konkreti biex tiġi żgurata konsistenza aħjar fl-applikazzjoni tagħhom, f'konformità mar-regoli tad-WTO. Dak ir-rapport għandu jkopri l-oqsma rilevanti kollha tal-ordni pubbliku, inklużi – iżda mhux biss – il-Politika Agrikola Komuni, il-Politika tas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, il-politika ambjentali u l-Politika Kummerċjali Komuni.
Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rieżami tat-tolleranzi għall-importazzjoni u l-Livelli Massimi ta’ Residwi tal-Codex (MRL)
Il-Kummissjoni se tkompli tiżgura li wara valutazzjoni bir-reqqa tal-informazzjoni xjentifika disponibbli għas-sustanzi attivi jew fil-kuntest tal-proċeduri skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 jew tal-proċeduri skont ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 u f’konformità mar-regoli tad-WTO, it-tolleranzi għall-importazzjoni u l-Limiti Massimi ta’ Residwi tal-Codex (CXLs) jiġu vvalutati u rieżaminati għas-sustanzi attivi li ma humiex jew li ma għadhomx approvati fl-UE, biex b’hekk kwalunkwe residwu fl-ikel jew fl-għalf ma jippreżenta l-ebda riskju għall-konsumaturi. Barra mill-aspetti fir-rigward tas-saħħa u tal-prattika agrikola tajba li qed jiġu kkunsidrati bħalissa, il-Kummissjoni se tqis ukoll it-tħassib ambjentali ta’ natura globali f’konformità mar-regoli tad-WTO meta tkun qed tivvaluta l-applikazzjonijiet tat-tolleranza għall-importazzjoni jew meta tkun qed tirrieżamina t-tolleranzi għall-importazzjoni għas-sustanzi attivi li ma għadhomx approvati fl-UE. Il-preżentazzjoni tal-proposta min-naħa tal-Kummissjoni għal qafas leġiżlattiv għal sistemi tal-ikel sostenibbli se tkun pass addizzjonali kruċjali lejn il-kisba sħiħa ta’ din l-ambizzjoni, f’koerenza mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku.
Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tikkettar tan-nutrizzjoni u tal-ingredjenti tal-inbid u tal-prodotti tal-inbid aromatizzati
Il-Kummissjoni tqis li l-prodotti li fihom 1,2 % u inqas bil-volum ta’ alkoħol jenħtieġ li jkomplu jiġu rregolati mir-Regolament dwar il-FIC u tirriżerva d-dritt tagħha li terġa’ lura għall-qafas legali għat-tikkettar tal-inbid fl-inizjattiva li jmiss għat-tikkettar tax-xorb alkoħoliku kollu fil-qafas tal-Pjan tal-UE biex Jingħeleb il-Kanċer.
Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-kompromess attwali dwar it-tikkettar tal-inbid u tal-prodotti tal-inbid aromatizzati fir-rigward tal-lista tal-ingredjenti u d-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni ma tistax titqies bħala waħda li toħloq preċedent għal proposti leġiżlattivi u negozjati futuri u tirriżerva d-drittijiet tagħha li tallinja r-rekwiżiti tat-tikkettar għall-inbejjed kollha mal-Pjan tal-UE biex Jingħeleb il-Kanċer.
Nota ta’ qiegħ il-paġna teknika: Id-dikjarazzjoni konġunta dwar l-involviment proattiv fil-livell multilaterali rigward l-applikazzjoni tal-istandards tal-UE dwar is-saħħa u l-ambjent għal prodotti agrikoli importati, kif inkluża fl-emenda 283, kien fiha t-tieni paragrafu addizzjonali (dwar it-tolleranzi tal-importazzjoni għall-pestiċidi). L-inserzjoni ta’ dak il-paragrafu fl-emenda rriżultat minn żball klerikali. Is-sustanza ta’ dak il-paragrafu diġà hija koperta mid-dikjarazzjoni unilaterali tal-Kummissjoni dwar ir-rieżami tat-tolleranzi tal-importazzjoni u l-Limiti Massimi ta’ Residwi (MRL) tal-Codex. Dak il-paragrafu għalhekk mhux ser jiġi inkluż fid-dikjarazzjoni konġunta li għandha tiġi ppubblikata fis-serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u ma jidhirx fit-test adottat mill-Parlament.