Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Novembru 2021 dwar il-politika tal-UE dwar l-isport: valutazzjoni u toroq possibbli 'l quddiem (2021/2058(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 6 u 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jispeċifikaw il-kompetenzi u l-azzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-isport, u b'mod partikolari l-promozzjoni ta' kwistjonijiet sportivi Ewropej, filwaqt li jitqiesu n-natura speċifika tal-isport, l-istrutturi tiegħu bbażati fuq l-attività volontarja u l-funzjoni soċjali u edukattiva tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli u s-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tagħha, u b'mod partikolari r-rwol tal-isport bħala faċilitatur importanti tal-iżvilupp sostenibbli u l-kontributi tiegħu għall-paċi, għall-promozzjoni tat-tolleranza u r-rispett u għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u taż-żgħażagħ, tal-individwi u tal-komunitajiet, kif ukoll għall-objettivi tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tal-inklużjoni soċjali(1),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2021 li jistabbilixxi Erasmus+: il-Programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni u taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013(2), u b'mod partikolari l-kapitolu tiegħu dwar l-isport,
– wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tal-11 ta' Lulju 2007 dwar l-isport (COM(2007)0391),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Jannar 2011 bit-titolu "L-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport" (COM(2011)0012),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Lulju 2020 dwar l-implimentazzjoni u r-rilevanza tal-Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport għall-2017-2020 (COM(2020)0293), u b'mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet tagħha għall-futur,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2021 bit-titolu "Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità 2021-2030" (COM(2021)0101),
– wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE tas-16 ta' Novembru 2012 bit-titolu "Dual Careers of Athletes – Recommended Policy Actions in Support of Dual Careers in High-Performance Sport" (Il-Karrieri Doppji tal-Atleti – L-Azzjonijiet ta' Politika Rakkomandati b'Appoġġ għall-Karrieri Doppji fl-Isport Kompetittiv),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2012 dwar id-Dimensjoni Ewropea fl-Isport(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2013 dwar ix-xiri tal-logħob u l-korruzzjoni fl-isport(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2015 dwar ir-rivelazzjonijiet reċenti ta' każijiet ta' korruzzjoni fl-ogħla livelli tal-FIFA(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2017 dwar approċċ integrat għall-Politika tal-Isport: governanza tajba, accessibilità u integrità(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Settembru 2020 dwar miżuri effikaċi biex Erasmus+, Ewropa Kreattiva u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jsiru aktar "ħodor"(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Frar 2021 dwar l-impatt tal-COVID-19 fuq iż-żgħażagħ u fuq l-isport(8),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2021 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-isfidi għall-organizzaturi ta' avvenimenti sportivi fl-ambjent diġitali(9),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport (1 ta' Jannar 2021-30 ta' Ġunju 2024)(10), b'mod partikolari l-oqsma ta' prijorità tagħha,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-isport(11),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tar-rappreżentanti tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill dwar l-aċċess għall-isport għall-persuni b'diżabilità(12),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 u l-irkupru tas-settur tal-isport(13),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-kowċis biż-żieda ta' opportunitajiet għall-kisba ta' ħiliet u kompetenzi(14),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill dwar l-innovazzjoni fl-isport(15),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tas-16 ta' Novembru 1989 Kontra d-Doping,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tat-18 ta' Settembru 2014 dwar il-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tat-3 ta' Lulju 2016 dwar approċċ integrat għas-sikurezza, is-sigurtà u s-servizzi waqt partiti tal-futbol u avvenimenti sportivi oħra,
– wara li kkunsidra l-Kodiċi tal-Etika tal-Isport, kif rivedut fis-16 ta' Mejju 2001, u l-Karta Ewropea tal-Isport tal-Kunsill tal-Ewropa, kif riveduta fit-13 ta' Ottubru 2021,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali tal-UNESCO tad-19 ta' Ottubru 2005 kontra d-doping fl-isport,
– wara li kkunsidra l-istudju tiegħu ta' Ġunju 2021 bit-titolu "EU sports policy: assessment and possible ways forward"(16) (Il-politika tal-UE dwar l-isport: valutazzjoni u toroq possibbli 'l quddiem),
– wara li kkunsidra r-rapport finali ta' ECORYS, KEA u Sport and Citizenship lid-Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni u l-Kultura tal-Kummissjoni Ewropea ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Mapping and analysis of the specificity of sport" (Immappjar u analiżi tal-ispeċifiċità tal-isport),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-2020 ta' ECORYS u SportsEconAustria lill-Kummissjoni Ewropea bit-titolu "Mapping study on measuring the economic impact of COVID-19 on the sport sector in the EU" (Studju ta' mmappjar dwar il-kejl tal-impatt ekonomiku tal-COVID-19 fuq is-settur tal-isport fl-UE),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A9-0318/2021),
A. billi l-isport għandu rwol ewlieni fil-ħajja soċjali, kulturali u edukattiva taċ-ċittadini Ewropej u jippromwovi valuri bħad-demokrazija, ir-rispett, is-solidarjetà, id-diversità u l-ugwaljanza;
B. billi l-isport iservi ta' vettur għall-integrazzjoni, speċjalment għall-persuni li għandhom inqas opportunitajiet;
C. billi l-isport irid ikun inklużiv u miftuħ għal kulħadd irrispettivament mill-età, il-ġeneru, id-diżabbiltà jew il-kuntest kulturali u soċjoekonomiku;
D. billi l-isport huwa settur ekonomiku li qed jikber li jikkontribwixxi għat-tkabbir u l-impjiegi fl-UE u għalhekk għall-prosperità tagħha;
E. billi l-isport jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-integrazzjoni Ewropea u għall-pożizzjoni tal-UE fil-kooperazzjoni internazzjonali;
F. billi l-COVID-19 kellha impatt ekonomiku u soċjali negattiv fuq is-settur tal-isport;
G. billi l-UE għandu jkollha l-għan li tkompli tiżviluppa d-dimensjoni Ewropea tal-isport filwaqt li tirrispetta n-natura speċifika u l-awtonomija tiegħu;
H. billi l-politika tal-UE dwar l-isport trid tappoġġa kemm l-isport tal-ogħla livell kif ukoll l-isport rikreattiv, inklużi forom ta' divertiment attiv;
I. billi l-isport rikreattiv jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-ħiliet fost iż-żgħażagħ u jippromwovi l-parteċipazzjoni ċivika permezz tal-volontarjat;
J. billi l-atleti żgħażagħ jiffaċċjaw l-isfida li jirrikonċiljaw il-karrieri sportivi tagħhom, it-taħriġ u l-attivitajiet professjonali tagħhom;
K. billi l-isport għandu impatt pożittiv fuq is-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini;
L. billi l-iżvilupp tal-infrastruttura sportiva huwa element importanti fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja u l-opportunitajiet ekonomiċi fiż-żoni remoti u żvantaġġati;
M. billi l-isport qed jiffaċċja sensiela ta' sfidi bħal kwistjonijiet ta' governanza, korruzzjoni, xiri tal-logħob, doping, finanzjament, piraterija diġitali, mudelli bbażati purament fuq il-profitt, ksur tad-drittijiet tal-bniedem, diskriminazzjoni u vjolenza, u tħassib rigward l-impatti ambjentali u s-sostenibbiltà;
N. billi n-nisa għadhom sottorappreżentati fl-isport, kemm fil-korpi governattivi kif ukoll fil-qasam tal-media;
O. billi l-istreaming illegali ta' avvenimenti sportivi diretti jhedded l-istabbiltà finanzjarja kemm tal-isport professjonali kif ukoll tal-isport rikreattiv, li jiddependu mid-dħul mid-drittijiet ta' xandir tal-isport;
It-tisħiħ tal-viżibbiltà, il-kooperazzjoni u l-integrazzjoni tal-isport fil-politiki tal-UE
1. Jistieden lill-UE tadotta approċċ aktar olistiku għall-politika dwar l-isport u żżid l-isforzi biex tintegraha f'politiki oħra tal-UE;
2. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħu l-kooperazzjoni u l-kollaborazzjoni interistituzzjonali mal-partijiet ikkonċernati fil-qasam tal-isport;
3. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi kooperazzjoni strutturata regolari ta' livell għoli mal-partijiet ikkonċernati kollha fil-qasam tal-isport u ma' istituzzjonijiet oħra biex tfassal rakkomandazzjonijiet aktar speċifiċi u restrittivi għal azzjoni dwar l-isfidi attwali li qed jiffaċċja s-settur tal-isport;
5. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-viżibbiltà tal-isport u l-prospettiva tagħha dwar l-isport fl-oqsma politiċi kollha fil-livell tal-UE billi żżid l-isport fit-titlu tal-portafoll tal-Kummissarju fil-kariga;
6. Jitlob ukoll, f'dan ir-rigward, li jiġi stabbilit koordinatur tal-isport tal-UE li jkun il-kuntatt tal-Kummissjoni dwar il-kwistjoni u punt ta' referenza viżibbli;
7. Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiżdied l-involviment tal-Parlament sabiex jiġi pprovdut qafas għal dibattitu politiku regolari u azzjoni dwar l-isport, kif ukoll fuq il-ħtieġa ta' skrutinju u monitoraġġ parlamentari fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-għanijiet strateġiċi;
8. Jissottolinja r-rwol tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa fid-diskussjonijiet dwar it-triq 'il quddiem fir-rigward tal-politika tal-UE dwar l-isport u kwistjonijiet relatati mal-isport, u jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni attiva tal-partijiet ikkonċernati kollha fil-qasam tal-isport;
9. Jirrikonoxxi l-adozzjoni reċenti tal-Karta Ewropea tal-Isport riveduta fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa, li tenfasizza l-karatteristiċi komuni ta' qafas għall-isport Ewropew u l-organizzazzjoni tiegħu u jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jagħmlu ħilithom biex jiksbu l-konsistenza, il-kooperazzjoni u s-solidarjetà fil-livell kontinentali, filwaqt li jieħdu l-inizjattiva fil-qasam tal-politika dwar l-isport;
10. Jitlob li l-Parlament ikollu rwol aktar attiv fid-diplomazija bl-isport;
It-tisħiħ tal-prinċipji ta' mudell Ewropew tal-isport
11. Jirrikonoxxi l-importanza ta' mudell Ewropew tal-isport ibbażat fuq il-valuri, l-attivitajiet volontarji u s-solidarjetà, u jistenna bil-ħerqa li jkompli jiżviluppah fl-interess taċ-ċittadini u tal-partijiet ikkonċernati;
12. Jirrikonoxxi d-diversità tal-approċċi fl-isports u l-pajjiżi filwaqt li jqis li l-pedament komuni tal-isport Ewropew jeħtieġ li jkompli jissaħħaħ u jiġi protett, b'mod partikolari r-rabtiet bejn l-isport rikreattiv u l-isport tal-ogħla livell;
13. Jappella għal mudell Ewropew tal-isport li jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' impenn qawwi biex jiġu integrati l-prinċipji tas-solidarjetà, is-sostenibbiltà, l-inklużività għal kulħadd, il-kompetizzjoni miftuħa, il-mertu sportiv u l-ekwità, u għaldaqstant jopponi bil-qawwa kompetizzjonijiet dissidenti li jimminaw tali prinċipji u jipperikolaw l-istabbiltà tal-ekosistema ġenerali tal-isport; jisħaq li dawn il-prinċipji għandhom jiġu inkoraġġiti mill-partijiet ikkonċernati u l-awtoritajiet nazzjonali kollha fil-qasam tal-isport;
14. Jirrikonoxxi r-rwol tal-federazzjonijiet fil-ġestjoni tal-isport tagħhom u jinkoraġġixxi koordinazzjoni u kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-awtoritajiet u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha;
15. Jirrikonoxxi l-klabbs tal-isport bħala l-pedament ta' mudell Ewropew tal-isport li joffri lil kulħadd l-opportunità li jipparteċipa fl-isport lokalment, speċjalment iż-żgħażagħ, irrispettivament mill-isfond kulturali jew soċjoekonomiku tiegħu;
16. Jenfasizza l-ħtieġa ta' solidarjetà aktar immirata u akbar u ta' aktar ridistribuzzjoni finanzjarja, kif ukoll ta' skambji tal-ħiliet u l-għarfien espert, speċjalment bejn l-isport professjonali u l-isport rikreattiv; jistieden lill-federazzjonijiet sportivi jimplimentaw mekkaniżmu ta' solidarjetà bbażat fuq metodu ta' distribuzzjoni ekwu u vinkolanti li jiżgura l-finanzjament adegwat tal-isport rikreattiv;
17. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati l-istabbiltà finanzjarja sostenibbli u l-ġestjoni tajba tal-klabbs tal-isport u jistieden lill-korpi tal-isport jintroduċu mekkaniżmi għal dan il-għan, meta dawn ma jkunux diġà jeżistu, flimkien ma' sistema ta' infurzar xierqa;
18. Jemmen li l-mudell Ġermaniż ta' sjieda tal-klabbs, ibbażat fuq ir-regola 50+1, ħadem tajjeb għall-futbol Ġermaniż u għandu jitqies bħala eżempju possibbli tal-aħjar prattika hekk kif pajjiżi oħra jippruvaw itejbu l-mudelli tagħhom;
19. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet pubbliċi, lill-federazzjonijiet u lill-organizzazzjonijiet sportivi jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi fl-azzjonijiet kollha tagħhom, speċjalment meta jagħtu status ta' ospitant għal avvenimenti sportivi ewlenin, kif ukoll fl-għażla tal-isponsors; jinsisti li l-avvenimenti sportivi ewlenin m'għandhomx jibqgħu jingħataw lil pajjiżi fejn dawn id-drittijiet u l-valuri fundamentali jinkisru ripetutament;
20. Jistieden lill-organizzazzjonijiet tal-isport jirrispettaw il-frekwenza stabbilita ta' tornej sportivi internazzjonali, speċjalment il-kampjonati Ewropej u tad-dinja, filwaqt li jqisu l-kompetizzjonijiet nazzjonali u s-saħħa tal-atleti u tal-plejers;
It-tiġdid tal-governanza tajba u tal-integrità
21. Iqis li jinħtieġ impenn imġedded favur il-governanza tajba biex jiġu bbilanċjati mill-ġdid l-element soċjali u dak ekonomiku fl-isport u biex jiġi żgurat li r-rappreżentanza tal-partijiet ikkonċernati fil-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tiġi rrispettata;
22. Jinnota li għandu jinstab bilanċ bejn l-enfasi fuq l-interessi kummerċjali mill-isport professjonali u l-funzjonijiet soċjali tant meħtieġa; jinkoraġġixxi lill-organizzazzjonijiet rilevanti jindirizzaw din il-kwistjoni bħala mezz biex iżommu l-pożizzjoni tagħhom bħala mudelli eżemplari fid-difiża tal-ideali li fuqhom inbena l-isport Ewropew;
23. Jistieden lill-organizzazzjonijiet sportivi internazzjonali, Ewropej u nazzjonali u lill-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-partijiet ikkonċernati jimplimentaw l-ogħla standards ta' governanza;
24. Jirrikonoxxi l-isforzi magħmula mill-organizzazzjonijiet u l-federazzjonijiet sportivi biex jiżguraw l-implimentazzjoni tal-prinċipji ta' governanza tajba fl-isport u jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Kummissjoni tiżviluppa rakkomandazzjonijiet għal linji gwida għall-organizzazzjoni tal-isport u l-korpi governattivi tiegħu fl-UE;
25. Iħeġġeġ lill-korpi ta' governanza u lill-partijiet ikkonċernati fil-qasam tal-isport fil-livell internazzjonali, Ewropew u nazzjonali biex jimplimentaw miżuri dwar id-diversità u l-inklużjoni, b'mod partikolari biex jindirizzaw l-għadd baxx ta' nisa u ta' minoranzi etniċi f'pożizzjonijiet ta' tmexxija u fuq bordijiet;
26. Jistieden lill-organizzazzjonijiet kollha tal-partijiet ikkonċernati fil-qasam tal-sport jiksbu l-livelli xierqa ta' rappreżentanza u professjonalizzazzjoni bħala prerekwiżit għall-involviment fil-proċessi kollettivi ta' teħid tad-deċiżjonijiet;
27. Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE jippromwovu u jipproteġu d-drittijiet fundamentali tal-atleti, inklużi r-rappreżentanza tal-atleti fit-teħid tad-deċiżjonijiet, il-libertà ta' assoċjazzjoni, in-negozjar kollettiv u n-nondiskriminazzjoni;
28. Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-awtoritajiet tal-isport iqisu l-protezzjoni tas-saħħa mentali tal-atleti bl-istess mod bħas-saħħa fiżika tagħhom;
29. Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-atleti professjonali kollha jkollhom aċċess ugwali għall-mekkaniżmi ta' protezzjoni soċjali u tax-xogħol;
30. Jistieden lill-Istati Membri, lill-korpi ta' governanza tal-isport u lill-klabbs jirrikonoxxu l-istatus tal-partitarji fl-isport billi jinvolvuhom fil-korpi tal-governanza u tat-teħid tad-deċiżjonijiet;
31. Jistieden lill-Kummissjoni tibni fuq il-ħidma eżistenti tagħha dwar id-djalogu soċjali u testendi l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu għall-isport professjonali kollu;
32. Jilqa' r-riformi u l-miżuri maħsuba biex itejbu t-trasparenza u r-responsabbiltà fis-suq tat-trasferiment tal-plejers fl-isport kollu u jħeġġeġ li jsiru aktar sforzi; jinnota li jinħtieġu oqfsa Ewropej biex jittejbu s-sistemi ta' trasferiment tal-plejers sabiex jintlaħqu l-istandards u l-objettivi Ewropej, b'mod partikolari fir-rigward tar-regolamenti tas-suq tax-xogħol u r-regolamenti finanzjarji;
33. Ifakkar fil-ħtieġa li jiġu rregolati l-attivitajiet tal-aġenti u jirrikonoxxi li r-riformi reċenti fis-suq tat-trasferiment tal-futbol, inkluż l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' koordinament, rekwiżiti ta' liċenzjar għall-aġenti u limiti massimi fuq il-kummissjoni tal-aġenti huma passi fid-direzzjoni t-tajba; iħeġġeġ lill-awtoritajiet rilevanti tal-isport jiżguraw l-implimentazzjoni rapida ta' dawn ir-riformi u jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-progress;
34. Jinsisti li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-isport, li ħafna drabi tkun marbuta mal-ħasil tal-flus u l-kriminalità, tirrikjedi kooperazzjoni transnazzjonali bejn il-partijiet ikkonċernati u l-awtoritajiet kollha;
35. Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet rilevanti jiġġieldu bil-qawwa kontra l-abbużi fis-settur tal-logħob tal-azzard, inkluża l-proliferazzjoni ta' siti frawdolenti u prattiki predatorji, sabiex il-minorenni u l-persuni vulnerabbli jiġu protetti minn kwalunkwe riskju;
36. Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jsibu soluzzjoni għall-impass fir-rigward tal-iffirmar u r-ratifika tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi;
37. Jenfasizza l-ħtieġa tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet biex jissaħħu l-miżuri ta' prevenzjoni u kontra d-doping fl-isport permezz ta' strateġija Ewropea komuni li tinkludi kollaborazzjoni mill-qrib u kondiviżjoni ta' informazzjoni bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi fil-pajjiżi kollha tal-UE;
38. Jenfasizza l-ħtieġa li jsiru kampanji ta' informazzjoni u ta' edukazzjoni dwar il-prevenzjoni tad-doping, ix-xiri tal-logħob, il-korruzzjoni, il-vjolenza, l-abbuż fiżiku u psikoloġiku u kwistjonijiet oħra relatati mal-integrità b'enfasi fuq l-isport għad-dilettanti;
L-iżgurar ta' sport sikur, inklużiv u ugwali
39. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fl-iżgurar li l-politika u l-leġiżlazzjoni dwar l-isport jappoġġaw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, b'attenzjoni partikolari għall-indirizzar tal-forom kollha ta' vjolenza u fastidju, l-istereotipi marbuta mal-ġeneru, il-livell baxx ta' viżibbiltà u kopertura tal-media, u d-disparitajiet fil-pagi, il-kumpensi u l-premji;
40. Jistieden lill-federazzjonijiet nazzjonali tal-isport jimxu lejn l-ugwaljanza fil-kumpensi lill-atleti nisa u rġiel, billi jsegwu l-eżempju tal-Assoċjazzjoni tal-Futbol tal-Irlanda (FAI);
41. Jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-importanza tal-persuni b'inqas opportunitajiet, tar-rifuġjati, tal-minoranzi etniċi u tal-komunità LGBTIQ+ fl-isport, u tappoġġa l-inkluzjoni soċjali tagħhom, filwaqt li ma tħalli lil ħadd lura;
42. Jissottolinja l-ħtieġa li jiġi sfruttat il-piż soċjali sinifikanti tal-isport tal-ogħla livell biex titqajjem kuxjenza dwar kwistjonijiet li jiffaċċjaw il-persuni LGBTIQ+ fl-isport;
43. Iħeġġeġ lill-korpi tal-isport u lill-awtoritajiet pubbliċi jindirizzaw b'mod effettiv id-diskriminazzjoni, il-vjolenza u d-diskors ta' mibegħda u jiggarantixxu sport sikur u inklużiv għall-atleti, l-ispettaturi u l-persunal kollha fl-istabbilimenti sportivi u online;
44. Jinsisti fuq approċċ ta' tolleranza żero f'termini ta' razziżmu u vjolenza fl-isport u jħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-federazzjonijiet sportivi jiżviluppaw miżuri għall-prevenzjoni ta' inċidenti bħal dawn u jadottaw penali u miżuri effettivi biex jappoġġaw lill-vittmi;
45. Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi favur l-inklużjoni f'attivitajiet u programmi sportivi ta' persuni b'diżabbiltà mentali u fiżika, u jżidu l-viżibbiltà fil-media tal-kompetizzjonijiet li jinvolvu atleti b'diżabbiltà;
46. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiżdied il-finanzjament u li jitneħħew l-ostakli kollha għall-persuni b'diżabbiltà permezz ta' kampanji ta' edukazzjoni u sensibilizzazzjoni, taħriġ speċjalizzat għall-atturi rilevanti u infrastruttura sportiva aċċessibbli li tippermetti l-attendenza f'avvenimenti sportivi u l-parteċipazzjoni fl-isport;
47. Jistieden lill-Istati Membri joffru benefiċċji finanzjarji ugwali liċ-champions Olimpiċi u Paralimpiċi tagħhom u jappoġġaw lill-atleti bi dħul baxx li jieħdu sehem fil-Logħob Olimpiku u Paralimpiku;
48. Ifakkar li l-UE tiffaċċja sfidi demografiċi bħal popolazzjoni li qed tixjieħ, u li għandha tingħata attenzjoni speċifika lit-tħeġġiġ tat-tixjiħ attiv permezz tal-attività fiżika;
49. Iħeġġeġ lill-media fl-Istati Membri tagħti kopertura akbar lil firxa usa' ta' sports u b'mod partikolari l-isports tan-nisa u taż-żgħażagħ;
50. Jistieden lill-Istati Membri jintroduċu miżuri speċjali li jippermettu lit-tfal minn kuntesti soċjalment żvantaġġati jkollhom aċċess għall-isports li jinvolvu spejjeż u tariffi għoljin għat-tagħmir, inklużi l-isports tax-xitwa;
51. Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-Istati Membri u lill-organizzazzjonijiet tal-isport jagħtu prijorità lill-politiki li jissalvagwardjaw lit-tfal mid-diskriminazzjoni, mill-fastidju u minn kwalunkwe forma ta' abbuż, iħejju kampanji ta' sensibilizzazzjoni u jipprovdu aċċess għal rimedji, inklużi pariri legali u protezzjoni f'waqtha;
52. Jilqa' l-istudju tal-Kummissjoni tal-2019 bit-titolu "Safeguarding children in sport" (Is-salvagwardja tat-tfal fl-isport), u jistieden lill-Kummissjoni tkompli taħdem f'dan il-qasam, inkluż billi tiġbor u taġġorna d-data regolarment;
53. Jinsisti li l-atleti żgħażagħ minn pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom ikunu protetti mill-frodi u t-traffikar, u għandhom jibbenefikaw minn status legali fl-Ewropa u jirċievu appoġġ bil-valutazzjoni u l-monitoraġġ tal-kuntratti tagħhom;
54. Jistieden lill-Istati Membri u lill-federazzjonijiet sportivi jipprovdu taħriġ tal-ewwel għajnuna għaż-żgħażagħ u l-atleti;
Il-promozzjoni ta' stili ta' ħajja attivi u tajbin għas-saħħa flimkien ma' opportunitajiet ta' edukazzjoni u żvilupp
55. Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet pubbliċi jiżviluppaw l-infrastruttura sportiva, speċjalment f'reġjuni remoti u żoni żvantaġġati, u jżidu l-ammont ta' edukazzjoni fiżika, inklużi attivitajiet fiżiċi ta' kuljum, pawżi attivi u attivitajiet fiżiċi ekstrakurrikulari fl-iskejjel, filwaqt li jistigaw bidla fil-mentalità fir-rikonoxximent tal-importanza tal-isport bħala dixxiplina skolastika;
56. Jisħaq fuq il-bżonn ta' approċċ integrat għal bliet attivi bil-promozzjoni tal-attività fiżika fil-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini Ewropej, inkluż fuq il-post tax-xogħol, u biż-żieda u l-iżvilupp ta' mobbiltà u mezzi tat-trasport attivi u sostenibbli;
57. Jilqa' inizjattivi u kampanji li jinkoraġġixxu l-attività fiżika, bħall-Ġimgħa Ewropea tal-Isport, #BeActive u HealthyLifestyle4All, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tintensifika l-komunikazzjoni dwar dawn l-avvenimenti fl-Istati Membri, partikolarment dik immirata lejn l-iskejjel; jissottolinja l-importanza ta' valutazzjonijiet regolari tas-sensibilizzazzjoni u l-impatt tagħhom;
58. Jitlob li l-linji gwida tal-UE dwar il-karrieri doppji tal-atleti jiġu implimentati u promossi f'kull Stat Membru, u li jiġu estiżi għall-persunal sportiv kollu involut fl-isport strutturat u għal inizjattivi speċifiċi ta' taħriġ mill-ġdid;
59. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-federazzjonijiet sportivi u lill-klabbs biex jippromwovu opportunitajiet ta' karrieri doppji għall-atleti u jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tinkludi l-mobbiltà transfruntiera tal-atleti fil-programm Erasmus+ li jmiss;
60. Itenni l-ħtieġa li tiġi żviluppata strateġija ta' appoġġ għall-eks atleti biex jiġi żgurat li jkollhom aċċess adegwat għall-impjiegi, it-taħriġ f'ħiliet jew it-taħriġ mill-ġdid;
61. Jenfasizza r-rwol tal-kowċis, il-persunal sportiv, l-għalliema u dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ fl-iżvilupp tal-ħiliet u fl-edukazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ u jenfasizza li taħriġ adegwat għandu rwol ewlieni biex titrawwem il-parteċipazzjoni fl-isport u jiġi żgurat ambjent sikur għal kulħadd;
62. Jilqa' l-inklużjoni tal-mobbiltà tal-persunal sportiv fil-programm Erasmus+ 2021-2027 u jistieden lill-Kummissjoni, lill-aġenziji nazzjonali u lill-federazzjonijiet sportivi jqajmu kuxjenza dwar din l-opportunità ġdida;
63. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw standards komuni fil-livell tal-UE biex jiġi żgurat li l-kowċis kollha jkollhom il-ħiliet u t-taħriġ xierqa biex jikkowċjaw it-tfal u ż-żgħażagħ;
64. Jistieden lill-Kummissjoni toħloq network ta' Ambaxxaturi għall-Isport biex tiġi sfruttata l-influwenza ta' mudelli sportivi eżemplari rispettati favur l-attività fiżika u stili ta' ħajja tajbin għas-saħħa;
65. Jirrikonoxxi l-kontribut siewi li l-voluntiera sportivi jagħtu lis-soċjetà u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu sistema għar-rikonoxximent tal-kwalifiki miksuba mill-voluntiera, inklużi kowċis li jaħdmu bħala voluntiera, li tkun allinjata mal-Aġenda għall-Ħiliet tal-UE u tibni fuq is-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta' Krediti (ECTS) u s-Sistema Ewropea ta' Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET);
Ngħinu lill-isport biex niżguraw li jirkupra b'suċċess
66. Jinsisti fuq il-bżonn ta' appoġġ u mekkaniżmi ta' finanzjament dedikati biex, wara l-COVID-19, is-settur sportiv u l-isport kollu jerġgħu jqumu fuq saqajhom, inkluż permezz ta' fondi ta' appoġġ nazzjonali, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-fondi strutturali tal-UE;
67. Jilqa' l-fatt li xi Stati Membri inkludew l-isport fil-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza tagħhom;
68. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi data dwar l-investimenti u r-riformi relatati mal-isport fir-rapport ta' rieżami tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament u l-Kunsill fl-2022;
69. Jilqa' ż-żieda fil-baġit għall-isport fl-ambitu tal-programm Erasmus+ attwali u jappoġġa sinerġiji ulterjuri bejn il-fondi u programmi bħall-programm l-UE għas-Saħħa u l-programm LIFE; jissottolinja li t-tneħħija tal-ostakli kollha fil-proċess ta' applikazzjoni fil-livell nazzjonali hija kruċjali sabiex isir użu aħjar minn dawn l-għodod b'appoġġ għall-irkupru fl-isport;
70. Jiddeplora n-nuqqas ta' referenza espliċita għall-isport fir-regolament tal-programm EU4Health;
71. Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jżidu b'mod konsiderevoli l-baġit iddedikat għall-isport rikreattiv fl-ambitu tal-programm Erasmus+ fil-perjodu ta' programmazzjoni finanzjarja li jmiss;
72. Jenfasizza l-bżonn li l-finanzjament għall-isport ikompli jiżdied, anke lil hinn mill-programm Erasmus+, b'mod immirat u b'enfasi fuq id-dimensjoni soċjali tiegħu, partikolarment fl-isport rikreattiv;
73. Jenfasizza l-importanza ta' azzjonijiet preparatorji u proġetti pilota fil-qasam tal-isport li jipprovdu finanzjament addizzjonali għall-isport rikreattiv u jagħtu riżultati promettenti;
74. Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-għadd ta' proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji aċċettati fil-qasam tal-isport;
75. Jenfasizza l-bżonn li t-turiżmu sportiv jingħata appoġġ bħala wieħed mill-mezzi biex tingħata spinta lill-irkupru u r-reżiljenza tas-settur tal-isport wara l-COVID-19;
76. Ifakkar fl-importanza tal-protezzjoni tad-dixxiplini sportivi tradizzjonali u l-promozzjoni tagħhom b'finanzjament adegwat bħala parti mill-wirt kulturali Ewropew u l-identità reġjonali;
77. Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jirrikonoxxu r-rwol ewlieni tal-isport u tal-attività fiżika f'oqsma bħar-riġenenerazzjoni urbana, it-turiżmu u l-koeżjoni territorjali u jħeġġu investimenti rilevanti fl-ambitu tal-politika ta' koeżjoni tal-UE, speċifikament fir-rigward tal-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza;
78. Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-użu tal-fondi REACT-EU għal proġetti relatati mal-infrastruttura sportiva, dment li din tkun sostenibbli, tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku fit-tul u tkun ta' appoġġ għat-turiżmu;
79. Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet responsabbli mill-ġestjoni dwar ir-rwol importanti ta' klabbs u assoċjazzjonijiet sportivi żgħar u jenfasizza n-nuqqas ta' riżorsi umani u materjali disponibbli għalihom biex jiksbu aċċess għall-fondi Ewropej u l-appoġġ immirat;
80. Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw li japplikaw l-aktar rata baxxa possibbli ta' VAT għas-settur tal-isport bħala waħda mill-għodod biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-servizzi tiegħu wara l-COVID-19;
81. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa metodoloġija għad-definizzjoni tal-kriterji għall-kejl u l-monitoraġġ tal-impatt soċjali ta' proġetti relatati mal-isport flimkien mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi s-soċjetà ċivili, is-sħab soċjali u l-awtoritajiet pubbliċi, u taġġorna u tippreżenta data dwar l-impatt soċjali tal-isport fuq bażi regolari;
82. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaġġornaw u jippreżentaw data dwar l-impatt ekonomiku tal-isport fuq bażi regolari;
Appoġġ għat-tranżizzjoni lejn futur sostenibbli u innovattiv
83. Jinnota l-isforzi magħmula mill-klabbs u l-federazzjonijiet biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà ambjentali; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-Istati Membri u lill-federazzjonijiet sportivi, madankollu, ikomplu jappoġġaw u jippromwovu l-iżvilupp tal-isport u l-organizzazzjoni ta' avvenimenti sportivi ambjentalment ambizzjużi;
84. Jinsisti fuq l-allinjament tal-isport mal-prinċipji tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-kontribut tiegħu għall-edukazzjoni ambjentali u l-bidla fl-imġiba;
85. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika tas-settur tal-isport, speċjalment fir-rigward tal-kostruzzjoni, l-estensjoni u r-rinnovazzjoni tal-infrastruttura sportiva, inklużi l-faċilitajiet tal-isport tax-xitwa;
86. Jenfasizza l-importanza tal-isport u l-attività fiżika fl-ambitu tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida u jirrikonoxxi l-potenzjal għall-iżvilupp ta' spazji attivi u l-promozzjoni ta' infrastruttura sportiva sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li proġetti relatati mal-isport, speċjalment dawk fi spazji pubbliċi, jingħataw prijorità f'din l-inizjattiva;
87. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu kriterji ta' aċċessibbiltà minimi armonizzati, parametri referenzjarji dwar is-sostenibbiltà u standards ta' sikurezza għall-infrastruttura sportiva, inklużi miżuri għall-prevenzjoni ta' kwalunkwe forma ta' fastidju, u jappoġġaw l-inklużjoni kif ukoll il-mobbiltà tal-atleti u l-ħaddiema relatati mal-isport;
88. Jitlob li tingħata attenzjoni partikolari għall-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-kostruzzjoni involuti fil-bini tal-infrastruttura sportiva;
89. Jenfasizza l-importanza tal-innovazzjoni u l-kooperazzjoni transsettorjali fl-isport, speċjalment fl-iżvilupp ta' għodod diġitali biex tiżdied il-parteċipazzjoni fl-attività fiżika, b'enfasi partikolari fuq iż-żgħażagħ;
90. Jissottolinja li, fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, għandhom jiġu esplorati modi ġodda ta' kif jiġu organizzati avvenimenti sportivi bl-użu tat-teknoloġiji diġitali disponibbli;
91. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istitut Ewropew għat-Teknoloġija joħolqu Komunità ta' Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI) fil-qasam tal-isport biex tingħata spinta lill-innovazzjoni, ir-reżiljenza u l-kollaborazzjoni transnazzjonali;
92. Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jvaraw dibattitu dwar il-futur u l-opportunitajiet tal-isport elettroniku u jiġbru data sabiex jivvalutaw dan is-settur u jippreżentaw studju dwar l-impatt soċjali u ekonomiku tiegħu;
93. Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza b'mod effettiv il-problema dejjem akbar tal-istreaming illegali ta' avvenimenti sportivi f'xandira diretta mingħajr dewmien;
o o o
94. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-federazzjonijiet u lill-organizzazzjonijiet sportivi Ewropej, internazzjonali u nazzjonali.
Riżoluzzjoni bit-titolu "Transforming our world: the 2030 Agenda for Sustainable Development" (Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli), adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-25 ta' Settembru 2015, A/RES/70/1.
Mittag, J. & Naul, R. (2021), EU sports policy: assessment and possible ways forward, Parlament Ewropew, Riċerka għall-Kumitat CULT – Dipartiment Tematiku għall-Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni, Brussell.