Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2021/2054(INL)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0311/2021

Testi mressqa :

A9-0311/2021

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 23/11/2021 - 6

Testi adottati :

P9_TA(2021)0464

Testi adottati
PDF 182kWORD 60k
It-Tlieta, 23 ta' Novembru 2021 - Strasburgu
Diġitalizzazzjoni tar-rappurtar, il-monitoraġġ u l-awditjar fil-livell Ewropew
P9_TA(2021)0464A9-0311/2021
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Novembru 2021 li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar id-diġitalizzazzjoni tar-rappurtar, il-monitoraġġ u l-awditjar fil-livell Ewropew (2021/2054(INL))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 322(1) u 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (Regolament Finanzjarju)(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (Direttiva PIF)(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, u li temenda d-Direttivi 2009/138/KE u 2013/36/UE (Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus)(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 22(4) tar-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza(5),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni dwar il-ġbir ta' data għal kontrolli u awditi effettivi(6),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020, bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Mejju 2020 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjonijiet dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima III – Il-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2021 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjonijiet dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019, Taqsima III – Il-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi(8),

–  wara li kkunsidra l-paragrafu 24 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 sal-21 ta' Lulju 2020 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi konġunti C-465/00, C-138/01 u C-139/01 Österreichischer Rundfunk(9) dwar "id-dritt, f'soċjetà demokratika, tal-persuni taxxabbli u l-opinjoni pubblika b'mod ġenerali, li jinżammu informati dwar l-użu tad-dħul pubbliku",

–  wara li kkunsidra l-istudju mwettaq mid-Dipartiment Tematiku għall-Affarijiet Baġitarji, kif mitlub mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bit-titolu "The Largest 50 Beneficiaries in each EU Member State of CAP and Cohesion Funds" (L-Akbar 50 Benefiċjarju f'kull Stat Membru tal-UE tal-PAK u l-Fondi ta' Koeżjoni),

–  wara li kkunsidra l-istudju dwar il-valutazzjoni tal-valur miżjud Ewropew imwettaq miss-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew, bit-titolu "Digitalisation of the European reporting, monitoring and audit" (Id-diġitalizzazzjoni tar-rapportar, il-monitoraġġ u l-awditjar fil-livell Ewropew),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri Nru 4/2020: L-użu ta' teknoloġiji ġodda ta' immaġni għall-monitoraġġ tal-Politika Agrikola Komuni: b'mod ġenerali sar progress kostanti, iżda għall-monitoraġġ tal-klima u tal-ambjent dan seħħ aktar bil-mod,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 47 u 54 tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0311/2021),

A.  billi, f'konformità mal-Artikolu 15 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom bl-aktar mod miftuħ possibbli;

B.  billi, fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit, l-applikazzjoni ta' dak il-prinċipju timplika li ċ-ċittadini Ewropej għandhom ikunu jafu fejn, u għal liema skop, ikunu qed jintefqu l-fondi mill-Unjoni; jinnota li l-għadd ta' strumenti barra mill-baġit qed ikompli jikber, iqis li l-istrumenti bħal Next Generation EU huma l-bażi tal-ġestjoni diretta tal-Kummissjoni; jenfasizza li l-Parlament jeħtieġ jissodisfa l-mandat tiegħu fil-funzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet, skrutinju u kwittanza; jitlob aġġornament tar-Regolament Finanzjarju, biex il-Parlament ikun jista' jwettaq il-mandat tiegħu fil-kontroll ta' dawn il-mekkaniżmi ġodda; jenfasizza li dan huwa partikolarment importanti fil-kuntest tad-diġitalizzazzjoni tar-rappurtar, il-monitoraġġ u l-awditjar fil-livell Ewropew;

C.  billi l-għarfien pubbliku u trasparenza sħiħa dwar l-infiq tal-fondi tal-Unjoni huma essenzjali għall-aċċettazzjoni ta' dan l-infiq u huma kruċjali wkoll sabiex jiġi żgurat l-obbligu ta' rendikont u jiġi żgurat kontroll aħjar tal-infiq inkluż l-evitar tal-użu ħażin, il-korruzzjoni, il-frodi u l-kunflitti ta' interess;

D.  billi l-Artikolu 38 tar-Regolament Finanzjarju jistabbilixxi r-regoli attwali għall-pubblikazzjoni ta' informazzjoni dwar ir-riċevituri u informazzjoni oħra;

E.  billi d-differenzi fl-implimentazzjoni ta' dawn ir-regoli wasslu għal sitwazzjoni fejn bħalissa hemm sistema ta' rapportar waħda għall-PAK f'kull Stat Membru u aktar minn 250 sistema ta' rapportar fl-ambitu tal-politiki strutturali u ta' koeżjoni fl-Istati Membri;

F.  billi bħalissa hemm differenzi kbar fil-mod kif jitfasslu dawn is-sistemi, kif jaħdmu u kif tiġi rkuprata u kondiviża l-informazzjoni minnhom;

G.  billi l-frammentazzjoni tad-data tagħmel l-identifikazzjoni tal-benefiċjarji finali estremament diffiċli, jekk mhux impossibbli, għal fondi tal-Unjoni b'ġestjoni diretta, indiretta jew kondiviża;

H.  billi hemm ħafna sistemi li ma jinkludux numri uniċi ta' identifikazzjoni għall-persuni fiżiċi u l-kumpaniji;

I.  billi, għall-kumpaniji, is-sistemi attwali fil-biċċa l-kbira tal-każijiet ma fihomx informazzjoni dwar is-sid jew is-sidien tal-kumpaniji, u s-sidien benefiċjarji tagħhom; billi d-diġitalizzazzjoni tar-rappurtar, il-monitoraġġ u l-awditjar fil-livell Ewropew hija l-aktar strument utli biex tiġi evitata d-diżinformazzjoni jekk tkun disponibbli pubblikament informazzjoni mhux sensittiva;

J.  billi l-Parlament talab diversi drabi lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dwar l-akbar 50 benefiċjarju tal-PAK u tal-fondi strutturali f'kull Stat Membru iżda s'issa kien qed jirċievi tweġibiet mhux kompleti u mhux sodisfaċenti;

K.  billi l-Parlament ta bidu għal studju fl-2020 bil-għan li jiġu identifikati l-akbar 50 benefiċjarju tal-PAK u tal-fondi strutturali f'kull Stat Membru abbażi ta' informazzjoni pubblikament disponibbli, li pprovda sejbiet interessanti iżda wera wkoll kemm għadu diffiċli li jiġu identifikati b'mod ċar ħafna benefiċjarji finali;

L.  billi s-sitwazzjoni attwali tagħmilha de facto impossibbli li xi ħadd jikseb stampa ġenerali dwar kemm jiksbu flus il-benefiċjarji finali mill-PAK u mill-politiki strutturali u ta' koeżjoni;

M.  billi s-sejbiet tal-Qorti tal-Awdituri ppreżentati waqt is-seduta ta' smigħ pubbliku tat-2 ta' Settembru 2021 fil-Kumitat CONT urew ħtieġa ċara li tittejjeb it-trasparenza tas-sistema eżistenti ta' sorveljanza tal-fondi tal-Unjoni;

N.  billi xi kumpaniji u persuni fiżiċi joperaw f'aktar minn Stat Membru wieħed u, għalhekk, jirċievu sussidji tal-Unjoni f'diversi Stati Membri, u peress li l-istrutturi tal-kumpaniji jistgħu jkunu kumplessi u opaki ħafna, il-Kummissjoni ma tistax iżżomm rekord tal-ammont totali ta' flus akkumulati minn kull waħda minn dawn il-kumpaniji multinazzjonali;

O.  billi l-Kunsill Ewropew, b'rabta mal-ftehim fost il-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern dwar il-QFP 2021-2027, fid-data ta' 17-21 ta' Lulju 2020, fil-paragrafu 24 tal-konklużjonijiet tagħhom, irrikonoxxa l-ħtieġa ta' aktar informazzjoni dwar il-benefiċjarji finali tal-finanzjament tal-Unjoni għall-finijiet ta' kontroll u awditjar;

P.  billi dawn il-fatturi kollha juru li hemm ħtieġa urġenti li tinħoloq sistema diġitali interoperabbli standardizzata unika, trasparenti u faċli biex tintuża, u kemm jista' jkun ibbażata fuq prinċipji ta' sors miftuħ, madwar l-Unjoni kollha biex l-awtoritajiet ta' implimentazzjoni tal-Istati Membri jirrapportaw dwar il-benefiċjarji tal-PAK u tal-fondi tal-politiki strutturali u ta' koeżjoni u l-fondi l-oħra kollha sabiex l-awtoritajiet nazzjonali ta' kontroll u ta' awditjar, l-OLAF u l-UPPE u istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni, ikunu jistgħu jiksbu informazzjoni kompleta u affidabbli rigward l-identità tal-benefiċjarji finali, kemm jirċievu u minn liema fondi;

Q.  billi l-pubbliku għandu jkollu aċċess għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji diretti u finali tal-fondi tal-Unjoni sa fejn ikun possibbli f'konformità mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data u l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) dwar il-pubblikazzjoni ta' data dwar il-benefiċjarji tal-fondi tal-Unjoni;

R.  billi tali sistema għandha tiżgura l-armonizzazzjoni tal-format tad-data, għandha tkun tista' tinqara mill-magni, għandu jkun fiha numri uniċi ta' identifikazzjoni, għandha tinkludi funzjonijiet ta' tiftix u ta' għażla u għandha tkun interoperabbli sabiex id-data tkun tista' tiġi aggregata mhux biss fir-rigward ta' politika waħda jew fond wieħed iżda fil-politiki, fil-fondi u fl-Istati Membri kollha u għandha tikkonċerna l-ġestjoni diretta u indiretta kif ukoll dik kondiviża;

S.  billi tali sistema għandha tiġi żviluppata mill-Kummissjoni sabiex tiġi żgurata l-interoperabilità sħiħa, inkluża t-traduzzjoni awtomatika tal-elementi ewlenin tas-sistema u tiġi żgurata l-implimentazzjoni l-aktar mgħaġġla possibbli ta' tali sistema fl-Istati Membri, fil-politiki u fil-fondi kollha;

T.  billi tali sistema trid tiġi żviluppata flimkien mal-ogħla livell ta' ċibersigurtà sabiex jiġi evitat kwalunkwe attakk ċibernetiku jew attentat ta' attakk ċibernetiku fuq dik is-sistema użata fl-Istati Membri kollha;

U.  billi l-baġit tal-Unjoni għandu jiffinanzja l-iżvilupp ta' tali sistema, li għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali inkarigati mit-tħaddim u ż-żamma ta' tali sistemi ta' rapportar, kif ukoll għall-ġurnalisti, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u l-pubbliku ġenerali, flimkien ma' korsijiet ta' taħriġ għall-uffiċjali inkarigati mill-operat ta' kuljum tas-sistemi;

V.  billi s-sistemi ta' rapportar għall-PAK u l-politiki strutturali u ta' koeżjoni ma jistgħux, realistikament, jiġu aġġornati b'mod kostanti bl-aktar informazzjoni reċenti dwar is-sjieda tal-kumpaniji u b'hekk dwar il-benefiċjarji finali, u għalhekk is-sistemi għandhom ikunu marbuta awtomatikament ma' bażijiet ta' data pubbliċi tal-kumpaniji u ma' bażijiet ta' data komuni dwar il-benefiċjarji finali;

W.  billi l-entitajiet pubbliċi spiss ikunu r-riċevituri diretti ta' fondi mill-PAK jew mill-fondi strutturali li mbagħad jitħallsu lil riċevituri oħra bħala parti mill-implimentazzjoni ta' programm speċifiku; billi f'sitwazzjonijiet bħal dawn, l-entità pubblika għandha tkun obbligata wkoll tirrapporta dwar min kienu r-riċevituri finali tal-flus; billi s-sistema diġitali għandha tinkludi l-interoperabilità, fost l-oħrajn, mas-sistemi interni tal-korpi u l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti, l-awtoritajiet ta' ġestjoni u ta' pagament, kif ukoll il-bażijiet ta' data nazzjonali dwar l-akkwist pubbliku u s-sejħiet għall-offerti;

X.  billi tali sistema interoperabbli għandha tirrispetta r-regoli tal-GDPR u "regoli de minimis" raġonevoli għall-pubblikazzjoni tad-data;

Y.  billi d-data dwar ir-riċevituri ta' fondi mill-PAK u mill-fondi strutturali u ta' koeżjoni għandha tkun disponibbli għall-pubbliku għal perjodu minimu ta' ħames snin;

Z.  billi r-regoli dwar il-pubblikazzjoni ta' data li tikkonċerna l-benefiċjarji ta' fondi minn politiki ta' ġestjoni kondiviża għandhom, kemm jista' jkun, jiġu armonizzati mar-regoli li jikkonċernaw il-benefiċjarji ta' fondi f'ġestjoni diretta; billi d-data satellitari għandha tintuża b'mod aktar frekwenti u għandu jsir użu aħjar minnha, filwaqt li jitneħħew l-ostakli li bħalissa qed ixekklu l-użu wiesa' ta' teknoloġiji ġodda mill-aġenziji tal-pagamenti(10);

1.  Jitlob li l-Kummissjoni, inkluż bħala parti mir-reviżjoni li jmiss tar-Regolament Finanzjarju, tippreżenta, qabel tmiem l-2021, proposti leġiżlattivi meħtieġa għall-emendi tar-Regolament Finanzjarju, skont ir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-Anness għal dan ir-Regolament;

2.  Iqis li l-implikazzjonijiet finanzjarji tal-proposta mitluba għandhom ikunu koperti mill-baġit tal-Unjoni;

3.  Iqis li l-iżgurar tal-fiduċja fil-ġestjoni finanzjarja tal-fondi tal-Unjoni huwa essenzjali għall-fiduċja ġenerali fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni u b'hekk tiġi żgurata l-kredibilità fil-proġett tal-integrazzjoni Ewropea ulterjuri;

4.  Billi s-servizzi tal-cloud huma faċilitaturi tal-innovazzjoni strateġiċi għat-trasformazzjoni diġitali u t-tnedija tal-Alleanza Ewropea għad-Data Industrijali, għall-Edge u għall-Cloud f'Lulju 2021 tirrappreżenta pass importanti f'dan ir-rigward;

5.  Jisħaq li regoli ċari, li jinftiehmu u ġusti dwar l-intitolamenti għar-riċeviment ta' appoġġ jew għall-parteċipazzjoni fi programmi ta' nfiq huma l-ewwel prekundizzjoni għall-appoġġ rigward il-ġestjoni finanzjarja tal-fondi tal-Unjoni;

6.  Huwa tal-opinjoni soda li l-aktar mod effiċjenti u effettiv biex tkompli tissaħħaħ il-protezzjoni tal-finanzi tal-Unjoni u jingħata lok għal skrutinju aktar mill-qrib huwa li tinħoloq sistema integrata, interoperabbli u armonizzata biex tinġabar u tiġi mmonitorjata u analizzata l-informazzjoni dwar il-benefiċjarji finali fl-Istati Membri kollha;

7.  Iqis li t-trasparenza rigward l-implimentazzjoni tar-regoli u għaldaqstant dwar l-identità tar-riċevituri tal-fondi minn fondi u programmi differenti u dwar l-ammonti li jirċievu u l-politiki ta' prevenzjoni tal-frodi huma parti essenzjali mill-iżgurar tal-fiduċja fil-ġestjoni finanzjarja tal-fondi tal-Unjoni; jirrikonoxxi li l-pubblikazzjoni tad-data dwar il-benefiċjarji għandha tinkludi limiti "de minimis" f'konformità mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data u l-ġurisprudenza stabilita tal-QĠUE;

8.  Iqis, barra minn hekk, li t-trasparenza żgurata permezz ta' programm ta' diġitalizzazzjoni li joħloq sistema integrata, interoperabbli u armonizzata tista' tkun l-aħjar strument għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni fl-Istati Membri kollha;

9.  Iqis li t-trasparenza rigward il-benefiċjarji finali hija wkoll għodda effiċjenti ħafna fil-ġlieda kontra l-eventwali użu ħażin, kunflitti ta' interess, frodi u korruzzjoni marbuta mal-infiq u d-distribuzzjoni tal-fondi tal-Unjoni;

10.  Jemmen li t-trasparenza tal-fondi pubbliċi tiżgura responsabilità aħjar u fiduċja msaħħa min-naħa taċ-ċittadini fl-awtoritajiet pubbliċi;

11.  Jissottolinja li t-trasparenza rigward il-benefiċjarji aħħarin tiżgura li l-awtoritajiet tal-awditjar, tal-kontroll u tal-kwittanza fl-amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali, tal-Kummissjoni, tal-Kunsill u tal-Parlament ikollhom possibbiltajiet ħafna aħjar u aktar preċiżi biex jiżguraw li l-flus qed jintefqu b'mod effiċjenti jew biex iwettqu rkupri fil-każ ta' frodi jew kwalunkwe tip ieħor ta' nfiq ħażin skont ir-regoli u l-ambizzjonijiet ta' politika; jenfasizza li l-Qorti tal-Awdituri, l-OLAF u l-UPPE se jkunu jistgħu wkoll jissodisfaw ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom b'aktar effiċjenza u preċiżjoni jekk jingħataw aċċess sħiħ għal informazzjoni kompleta u affidabbli;

12.  Jissottolinja wkoll, li jekk ikun hemm pubblikazzjoni aktar koerenti u mifruxa mal-Unjoni kollha tad-data dwar il-benefiċjarji finali, dan jagħti lill-ġurnalisti, lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u lill-pubbliku ġenerali possibbiltajiet ferm aħjar biex iqajmu mistoqsijiet u tħassib leġittimi u b'hekk jiġu esposti każijiet potenzjali ta' użu ħażin jew frodi tal-fondi tal-Unjoni jew involviment suspettat minn Persuni Politikament Esposti;

13.  Iqis li s-sitwazzjoni attwali, fejn huwa impossibbli li tinkiseb stampa raġonevolment kompleta ta' min qed jirċievi l-fondi u kemm qed jirċievu, speċjalment minn fondi ta' ġestjoni kondiviża, inkluża, b'mod partikolari, l-inabbiltà li jiġu aggregati ammonti individwali meta jkun/u involut/i l-istess benefiċjarju dirett u/jew finali u/jew sid benefiċjarju, hija inaċċettabbli u jeħtieġ li tinbidel malajr kemm jista' jkun biex jiżdiedu t-trasparenza u l-effiċjenza tal-fondi tal-Unjoni;

14.  Huwa tal-konvinzjoni soda li l-aktar mod effiċjenti biex tiġi kkoreġuta s-sitwazzjoni huwa li jiġu riveduti l-partijiet rilevanti tar-Regolament Finanzjarju bl-objettiv li tiżdied it-trasparenza rigward min qed jirċievi l-fondi, kemm qed jirċievu u minn liema fondi u programmi tal-Unjoni;

15.  Jissottolinja li tali bidla fir-Regolament Finanzjarju tista' tinvolvi tibdil fil-leġiżlazzjoni settorjali dwar il-fondi u l-programmi rispettivament;

16.  Jisħaq li tali reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju attwali għandha titwettaq bħala parti mir-reviżjoni li jmiss tar-Regolament Finanzjarju li l-Kummissjoni ħabbret li se tiġi ppreżentata fir-raba' trimestru tal-2021;

17.  Jemmen li r-rieżami tar-Regolament Finanzjarju għandu jinkludi bażi ġuridika solida għall-użu obbligatorju ta' data miftuħa u standardizzata dwar l-akkwist pubbliku, kif ukoll biex is-sistemi tal-IT tal-kontroll baġitarju jsiru obbligatorji u interoperabbli mal-bażijiet ta' data nazzjonali u reġjonali;

18.  Jenfasizza li r-reviżjoni għandha tiżgura l-użu ta' settijiet tad-data standardizzati u l-possibbiltà li jiġu identifikati l-benefiċjarji finali tal-fondi; jikkunsidra li l-punti ta' informazzjoni obbligatorji miġbura għall-finijiet ta' awditjar u kontroll, jeħtieġ li jinkludu, bħala minimu, in-numru ta' reġistrazzjoni tal-entitajiet legali, in-numru ta' identifikazzjoni nazzjonali għall-persuni fiżiċi, indikazzjoni tat-tip ta' benefiċjarju, is-sottokuntratturi, is-sidien benefiċjarji, jekk il-benefiċjarju jirċevix ukoll għajnuna mill-istat u l-informazzjoni ta' kuntatt tal-benefiċjarju; jissottolinja li l-aċċess għal data sensittiva permezz tas-sistema diġitali interoperabbli ta' rappurtar u monitoraġġ għandu jkun limitat għal awtoritajiet, istituzzjonijiet u korpi nazzjonali u Ewropej responsabbli għal finijiet ta' awditjar, kontroll u kwittanza, u għandu jkun strettament konformi mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data;

19.  Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tiżgura li l-użu ta' għodod ta' rappurtar u monitoraġġ integrati u standardizzati jkun obbligatorju u implimentat bis-sħiħ fl-Istati Membri u għalhekk ma jsirx biss fuq bażi volontarja;

20.  Jissottolinja li r-reviżjoni għandha tiżgura wkoll li meta r-riċevitur dirett tal-fondi tal-Unjoni jkun kumpanija, għandu jiġi żgurat li jkunu jistgħu jiġu identifikati s-sidien benefiċjarji ta' dik il-kumpanija;

21.  Jissottolinja li f'sitwazzjonijiet li fihom ir-riċevitur dirett ikun kumpanija li hija proprjetà ta' kumpanija oħra, għandha tiġi żgurata l-possibbiltà li jiġu identifikati s-sidien benefiċjarji tat-tieni kumpanija wkoll, u li dan l-obbligu għandu japplika għall-kumpaniji kollha involuti fl-istruttura tas-sjieda; iqis, għalhekk, li l-kumpaniji prinċipali jeħtieġ jistabbilixxu numri ta' identifikazzjoni uniċi għall-benefiċjarji, b'tali mod li kull sussidjarja jkollha numru sussegwenti u b'hekk ikunu jistgħu jiġu rintraċċati b'mod sħiħ il-benefiċjarji finali u s-sidien benefiċjarji tal-fondi;

22.  Jinnota li dan l-obbligu li jiġi identifikat is-sid benefiċjarju għandu, bħala minimu, japplika kull meta kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika jkollha fil-pussess tagħha aktar minn 15 % tal-kumpanija inkwistjoni; jenfasizza li l-ishma tal-kumpaniji li jappartjenu lill-qraba għandhom jiġu aggregati u magħduda bħala entità waħda;

23.  Jinnota li l-obbligu li wieħed ikun jista' jidentifika s-sidien benefiċjarji tal-kumpanija għandu japplika wkoll meta kumpanija tkun f'pajjiż terz;

24.  Jinnota li r-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju għandha tiżgura wkoll li, bħala riċevituri diretti tal-fondi tal-Unjoni, l-entitajiet pubbliċi jkunu obbligati jirrappurtaw dwar il-benefiċjarji finali tal-fondi, pereżempju f'każ li l-benefiċjarju jkun persuna fiżika jew ġuridika u mhux l-entità pubblika nfisha; jissottolinja l-ħtieġa li s-sistema diġitali tinkludi l-interoperabbiltà mas-sistemi interni tal-korpi u l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti, l-awtoritajiet ta' ġestjoni u ta' pagament, kif ukoll il-bażijiet ta' data nazzjonali dwar l-akkwist pubbliku u s-sejħiet għall-offerti;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa u tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-atturi u l-entitajiet finanzjarji responsabbli mill-implimentazzjoni tal-baġit, inklużi l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali kompetenti b'ġestjoni kondiviża, sistema li tiżgura d-diġitalizzazzjoni tar-rappurtar, il-monitoraġġ u l-awditjar fil-livell Ewropew għall-PAK, il-politiki strutturali u ta' koeżjoni u politiki oħra;

26.  Jenfasizza li tali sistema għandha tkun kemm jista' jkun ibbażata fuq prinċipji ta' sors miftuħ u tuża settijiet ta' data u miżuri standardizzati għall-ġbir, it-tqabbil u l-aggregazzjoni ta' informazzjoni u ċifri dwar ir-riċevituri u l-benefiċjarji diretti u finali tal-finanzjament tal-Unjoni, għal finijiet ta' kontroll, awditjar u kwittanza; jenfasizza l-importanza tal-identità elettronika bħala l-ewwel pass biex tiżdied il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet pubbliċi;

27.  Jissottolinja li tali sistema għandha tiġi żviluppata bil-għan li tiġi żgurata konformità sħiħa mal-prinċipji tat-trasparenza kif speċifikat fit-Titolu II, il-kapitolu 8, tar-Regolament Finanzjarju;

28.  Jenfasizza li sistema bħal din għandha tkun aċċessibbli għall-ġurnalisti, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u l-pubbliku ġenerali sabiex tiġi ffaċilitata r-riċerka dwar l-użu tal-fondi pubbliċi u possibbilment jinkixfu l-frodi, b'rispett sħiħ tar-regoli tal-GDPR;

29.  Jitlob li din is-sistema tiġi żviluppata fi żmien sentejn, titqiegħed għad-dispożizzjoni bla ħlas u tkun obbligatorja għall-awtoritajiet responsabbli mir-rappurtar fl-Istati Membri;

30.  Jissottolinja li l-iżvilupp ta' tali sistema għandu jkun akkumpanjat mill-possibbiltà li l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali u l-istituzzjonijiet rilevanti tal-Unjoni, inklużi l-Parlament, il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Awdituri, l-OLAF u l-UPPE, meta rilevanti, jiżguraw verifiki effiċjenti dwar kunflitti ta' interess, irregolaritajiet, kwistjonijiet ta' finanzjament doppju u kwalunkwe użu ħażin tal-fondi inkluż bl-użu ta' għodod moderni tal-IT bħal ARACHNE;

31.  Jindika l-fatt li tali sistema tippermetti identifikazzjoni rapida ħafna ta' benefiċjarji – inklużi rebbieħa ta' kuntratti – li jibbenefikaw mill-fondi tal-Unjoni b'mod rikorrenti u possibbilment sproporzjonat;

32.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li fil-baġit tal-Unjoni jitqiegħed għad-dispożizzjoni l-finanzjament meħtieġ għal tali sistema flimkien ma' approprjazzjonijiet għat-taħriġ u l-assistenza teknika għall-persunal tal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali li se jkunu qed jużaw din is-sistema;

33.  Jinnota li, fiha nfisha, sistema bħal din ma tistax tinkludi data aġġornata dwar is-sjieda tal-kumpaniji; jinnota wkoll li tali obbligu jimplika li l-awtoritajiet maniġerjali jsiru responsabbli għad-data dwar il-kumpaniji, xi ħaġa li mhumiex responsabbli għaliha;

34.  Jitlob li s-sistema tkun iddisinjata b'tali mod li tkun kollegata awtomatikament ma' bażijiet tad-data li jkun fihom informazzjoni aġġornata dwar is-sjieda tal-kumpaniji u tkun interoperabbli mas-sistemi interni tal-korpi u l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti, l-awtoritajiet ta' ġestjoni u ta' pagament, kif ukoll ma' bażijiet tad-data nazzjonali dwar l-akkwist pubbliku u l-offerti;

35.  Jitlob li l-informazzjoni dwar ir-riċevituri tal-fondi tal-Unjoni titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku għal perjodu minimu ta' ħames snin;

36.  Jissottolinja li tali sistema għandha tirrispetta r-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u l-ġurisprudenza stabbilita tal-QĠUE; jinnota li hemm differenzi fil-livell ta' dettall fl-informazzjoni li jeħtieġ tinġabar, tiġi aggregata u maħżuna għal skopijiet ta' awditjar, kontroll u kwittanza u li tista' titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b'mod ġenerali; jenfasizza li l-awtoritajiet ta' awditjar, kontroll u kwittanza jrid ikollhom aċċess sħiħ għall-informazzjoni kollha disponibbli filwaqt li l-pubblikazzjoni tad-data tista' tkun ristretta mill-obbligi applikabbli f'termini ta' protezzjoni tad-data u minn limiti de minimis;

37.  Jenfasizza li tali sistema għandha tkun protetta b'mod effettiv minn kwalunkwe theddid ċibernetiku; jitlob lill-Kummissjoni tinvesti f'software taċ-ċibersigurtà ta' livell għoli u tagħmel testijiet perjodiċi biex tidentifika l-vulnerabbiltajiet li jista' jkun hemm anke fil-livell tal-Istati Membri;

38.  Jirrikonoxxi li s-sistema għandha tirrispetta r-regoli dwar l-ammonti minimi li mhux se jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku; jenfasizza li l-awtoritajiet responsabbli għandhom dejjem, madankollu, jaggregaw il-fondi kollha li jkunu qed jitħallsu lil benefiċjarju wieħed u jekk l-ammont totali li jitħallas lil kwalunkwe benefiċjarju wieħed jaqbeż l-ammont minimu, l-informazzjoni dwar il-pagamenti kollha magħmula lil dak il-benefiċjarju għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku;

39.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li din is-sistema tintuża wkoll, kemm jista' jkun, għall-fondi u l-politiki b'ġestjoni diretta bl-istess regoli dwar it-trasparenza bħal dawk għar-riċevituri ta' fondi mill-programmi tal-Unjoni;

40.  Jenfasizza li s-Sistema ta' Identifikazzjoni Bikrija u ta' Esklużjoni (EDES) ukoll għandha rwol importanti fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li s-sistema tapplika biss għal fondi b'ġestjoni diretta, li jirrappreżentaw biss madwar 20 % tal-fondi tal-Unjoni; jesprimi tħassib ukoll dwar il-fatt li l-operaturi ekonomiċi li l-OLAF jikkunsidra li jkunu abbużaw mill-fondi pubbliċi ma jiġux esklużi awtomatikament minn kuntratti ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni u lanqas ma jiġu soġġetti għal penali finanzjarji; iħeġġeġ lill-Kummissjoni testendi l-kamp ta' applikazzjoni tal-EDES fir-reviżjoni li jmiss tar-Regolament Finanzjarju sabiex tagħmilha aktar effettiva;

41.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fl-anness lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.

(1) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(2) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.
(3) ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29.
(4) ĠU L 156, 19.6.2018, p. 43.
(5) ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17.
(6) ĠU C 58 I, 18.2.2021, p. 2.
(7) ĠU L 417, 11.12.2020, p. 381.
(8) Testi adottati, P9_TA(2021)0164.
(9) ECLI:EU:C:2003:294, paragrafu 85.
(10) Rapport Speċjali tal-QEA Nru 4/2020: L-użu ta' teknoloġiji ġodda ta' immaġni għall-monitoraġġ tal-Politika Agrikola Komuni: b'mod ġenerali sar progress kostanti, iżda għall-monitoraġġ tal-klima u tal-ambjent dan seħħ aktar bil-mod.


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI

TEST TAL-PROPOSTA MITLUBA

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 322(1) tiegħu, flimkien mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz ta' att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)  F'konformità mat-talbiet tal-Parlament Ewropew u bħala reazzjoni għall-punt 24 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 sal-21 ta' Lulju 2020, sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni u tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru kontra l-frodi u l-irregolaritajiet, jenħtieġ li jiġu introdotti miżuri standardizzati biex jiġbru, iqabblu u jaggregaw l-informazzjoni u ċ-ċifri dwar ir-riċevituri u l-benefiċjarji finali tal-finanzjament tal-Unjoni, għall-finijiet ta' kontroll u awditjar.

(2)  Sabiex jiġu żgurati kontrolli u awditjar effettivi, huwa meħtieġ li tinġabar data dwar dawk li fl-aħħar mill-aħħar jibbenefikaw, direttament jew indirettament, minn finanzjament tal-Unjoni b'ġestjoni kondiviża u minn proġetti u riformi appoġġati mir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza(1), inkluża d-data dwar is-sidien benefiċjarji tar-riċevituri tal-finanzjament. Ir-regoli relatati mal-ġbir u l-ipproċessar ta' tali data iridu jkunu konformi mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

(3)  Sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqiegħed għad-dispożizzjoni sistema integrata u interoperabbli ta' informazzjoni u monitoraġġ, li tinkludi għodda unika għall-estrazzjoni tad-data u għall-valutazzjoni tar-riskju, biex jinkiseb aċċess għad-data msemmija hawn fuq u biex din tiġi maħżuna, aggregata u analizzata bil-ħsieb li tiġi applikata obbligatorjament u b'mod ġeneralizzat mill-Istati Membri. Dik is-sistema jenħtieġ li tiżgura verifiki effiċjenti dwar kunflitti ta' interess, irregolaritajiet, kwistjonijiet ta' finanzjament doppju, u kwalunkwe użu ħażin tal-fondi. Il-Kummissjoni, l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) u korpi investigattivi u ta' kontroll oħra tal-Unjoni jenħtieġ li jkollhom l-aċċess meħtieġ għal dik id-data sabiex jeżerċitaw il-funzjonijiet superviżorji tagħhom b'rabta mal-kontrolli u l-awditjar li għandhom jitwettqu l-ewwel mill-Istati Membri biex jidentifikaw irregolaritajiet u jwettqu investigazzjonijiet amministrattivi dwar l-użu ħażin tal-finanzjament tal-Unjoni kkonċernat, u biex jiksbu stampa ġenerali preċiża tad-distribuzzjoni tiegħu.

(4)  Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 jiġi emendat skont dan.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 huwa emendat kif ġej:

(1)  L-Artikolu 36 huwa emendat kif ġej:

(a)  Fil-paragrafu 3, jiddaħħal il-punt li ġej:

"(ee) il-ġbir ta' data dwar dawk li fl-aħħar mill-aħħar jibbenefikaw, direttament jew indirettament, mill-finanzjament tal-Unjoni"

(b)  Fil-paragrafu 4, jiddaħħal il-punt li ġej:

"(cc) id-dipendenza minn sistema elettronika integrata u interoperabbli ta' informazzjoni u monitoraġġ, inkluża għodda unika għall-estrazzjoni tad-data u għall-valutazzjoni tar-riskju, biex jinkiseb aċċess għad-data dwar dawk li fl-aħħar mill-aħħar jibbenefikaw, direttament jew indirettament, mill-finanzjament tal-Unjoni u tiġi analizzata din id-data.";

(2)  L-Artikolu 38 huwa emendat kif ġej:

(a)  Il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"1.Il-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni, b'mod xieraq u f'waqtu, informazzjoni dwar dawk li finalment jibbenefikaw, direttament jew indirettament, mill-fondi tal-Unjoni, billi tuża d-data miġbura fis-sistema elettronika integrata u interoperabbli ta' informazzjoni u monitoraġġ stabbilita f'konformità mal-Artikolu 129a.

L-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandu japplika wkoll għal istituzzjonijiet oħrajn tal-Unjoni meta jimplimentaw il-baġit skont l-Artikolu 59(1). Meta r-riċevitur tal-fondi jkun persuna ġuridika, għandha tiġi ppubblikata informazzjoni dwar persuni u entitajiet li jkollhom is-sjieda ta' aktar minn 15 % ta' dik l-entità.";

(b)  Il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"2.L-informazzjoni mhux sensittiva li ġejja għandha tiġi ppubblikata, filwaqt li jitqiesu kif xieraq ir-rekwiżiti ta' kunfidenzjalità u sigurtà, b'mod partikolari l-protezzjoni tad-data personali:

(a)  l-isem tar-riċevitur;

(b)  in-natura ġuridika tar-riċevitur, jiġifieri:

(i)  persuna fiżika;

(ii)  persuna ġuridika;

(iii)  entità jew istituzzjoni pubblika;

(iv)  oħrajn.

(c)  il-post tar-riċevitur, jiġifieri:

(i)  l-indirizz tar-riċevitur meta r-riċevitur ikun persuna ġuridika;

(ii)  ir-reġjun fil-livell NUTS 2 meta r-riċevitur ikun persuna fiżika;

(d)  l-ammont impenjat legalment;

(e)  in-natura u l-iskop tal-miżura.";

(c)  Il-paragrafu 4 huwa mħassar;

(d)  Il-paragrafu 6 huwa mibdul b’dan li ġej:

"6.Meta tiġi ppubblikata data personali, l-informazzjoni għandha titneħħa ħames snin wara t-tmiem tas-sena finanzjarja li fiha l-fondi jkunu ġew impenjati legalment. Dan għandu japplika wkoll għad-data personali li tirreferi għal persuni ġuridiċi li l-isem uffiċjali tagħhom jidentifika persuna fiżika waħda jew aktar";

(3)  L-Artikolu 63 huwa emendat kif ġej:

(a)  jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

"1a. Meta jwettqu kompiti relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit, l-Istati Membri għandhom jiġbru data dwar dawk li fl-aħħar mill-aħħar jibbenefikaw, direttament jew indirettament, minn finanzjament tal-Unjoni f'konformità mar-rekwiżiti tas-sistema elettronika integrata u interoperabbli ta' informazzjoni u monitoraġġ stabbilita skont l-Artikolu 129a. Ir-rekwiżiti komplementari għall-użu tas-sistema f'settur partikolari jistgħu jiġu stabbiliti f'regoli speċifiċi għas-settur.";

(b)  Fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, jiddaħħal il-punt li ġej:

"(bb) jiġbru data dwar dawk li fl-aħħar mill-aħħar jibbenefikaw, direttament jew indirettament, mill-finanzjament tal-Unjoni, bl-użu tas-sistema elettronika integrata u interoperabbli ta' informazzjoni u monitoraġġ magħmula disponibbli mill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 129a.";

(c)  Fil-paragrafu 4, jiddaħħal il-punt li ġej:

"(bb) jużaw is-sistema elettronika integrata u interoperabbli ta' informazzjoni u monitoraġġ magħmula disponibbli mill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 129a.";

(4)  Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 129a

Sistema elettronika integrata u interoperabbli ta' informazzjoni u monitoraġġ

1.  Il-Kummissjoni għandha toħloq, topera u tqiegħed għad-dispożizzjoni ta' atturi finanzjarji, persuni u entitajiet oħra involuti fl-implimentazzjoni tal-baġit, inklużi l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti b'ġestjoni kondiviża, sistema elettronika integrata u interoperabbli ta' informazzjoni u monitoraġġ, inkluża għodda unika għall-estrazzjoni tad-data u għall-valutazzjoni tar-riskju, biex jiksbu aċċess għad-data dwar dawk li fl-aħħar mill-aħħar jibbenefikaw, direttament jew indirettament, mill-finanzjament tal-Unjoni u biex tiġi analizzata din id-data.

2.  Is-sistema msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun ibbażata fuq miżuri standardizzati għall-ġbir, it-tqabbil u l-aggregazzjoni ta' informazzjoni u ċifri dwar dawk li finalment jibbenefikaw, direttament jew indirettament, mil-fondi tal-Unjoni, għal finijiet ta' kontroll u awditjar. Is-sistema għandha tippermetti verifiki effiċjenti dwar kunflitti ta' interess, irregolaritajiet, kwistjonijiet ta' finanzjament doppju, u kwalunkwe użu ħażin tal-fondi.

3.  L-informazzjoni obbligatorja miġbura fis-sistema għandha tinkludi, fost l-oħrajn:

(a)  in-numru tal-VAT jew tar-reġistrazzjoni tal-entitajiet ġuridiċi;

(b)  in-numru ta' identifikazzjoni nazzjonali għal persuni fiżiċi;

(c)  in-natura ġuridika tar-riċevitur, jiġifieri:

(i)  persuna fiżika;

(ii)  persuna ġuridika;

(iii)  entità jew istituzzjoni pubblika;

(iv)  oħrajn;

(d)  il-kuntrattur(i) u s-sottokuntrattur(i);

(e)  is-sid(ien) benefiċjarju/i kull meta r-riċevitur, is-sid, il-kuntrattur jew is-sottokuntrattur ikun persuna ġuridika;

(f)  informazzjoni dwar jekk il-benefiċjarju jirċevix ukoll għajnuna mill-Istat;

(g)  informazzjoni dwar kif il-benefiċjarji u s-sidien benefiċjarji kollha jistgħu jiġu kkuntattjati;

4.  Il-Kummissjoni, l-OLAF, il-Qorti tal-Awdituri u, fir-rigward ta' dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw f'kooperazzjoni msaħħa skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939, l-UPPE, kif ukoll korpi investigattivi u ta' kontroll oħra tal-Unjoni, inkluża l-awtorità tal-kwittanza, għandhom jingħataw aċċess għall-informazzjoni miżmuma fis-sistema msemmija fil-paragrafu 1 meta dan ikun meħtieġ għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.

5.  Kwalunkwe pproċessar ta' data personali fl-operat tas-sistema għandu jikkonforma mar-Regolament (UE) 2016/679.

6.  Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 269 biex tistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-operat u l-funzjonament tas-sistema msemmija fil-paragrafu 1, inklużi regoli dwar il-ġbir tad-data u dwar l-aċċess għall-informazzjoni li tinsab fis-sistema.”;

(5)  fl-Artikolu 154(4), l-ewwel subparagrafu, jiddaħħal il-punt li ġej:

"(dd) jiżguraw il-ġbir ta' data dwar dawk li fl-aħħar mill-aħħar jibbenefikaw, direttament jew indirettament, minn finanzjament tal-Unjoni sa punt ekwivalenti għar-rekwiżiti tas-sistema msemmija fl-Artikolu 129a.";

(6)  L-Artikolu 269 huwa emendat kif ġej:

(a)  Fil-paragrafu 3, l-ewwel sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

"Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 70(1), it-tielet paragrafu tal-Artikolu 71, l-Artikolu 129a, l-Artikolu 161 u t-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 213(2) tista' tiġi revokata f'kull mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.";

(b)  Fil-paragrafu 6, l-ewwel sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

"Att delegat adottat skont l-Artikolu 70(1), it-tielet paragrafu tal-Artikolu 71, l-Artikolu 129a, l-Artikolu 161 u t-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 213(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw.".

Magħmul fi ...,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

(1) ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17.

Aġġornata l-aħħar: 2 ta' Marzu 2022Avviż legali - Politika tal-privatezza