Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2021 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2021 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2021 – Appoġġ umanitarju għar-rifuġjati fit-Turkija (12444/2021 – C9-0380/2021 – 2021/0226(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2021, adottat b'mod definittiv fit-18 ta' Diċembru 2020(2),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021-2027(3),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020, bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda(4),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta' Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom(5),
– wara li kkunsidra l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2021, adottat mill-Kummissjoni fid-9 ta' Lulju 2021 (COM(2021)0460),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2021, adottata mill-Kunsill fil-5 ta' Ottubru 2021 u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew fl-14 ta' Ottubru 2021 (12444/2021 – C9-0380/2021),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 94 u 96 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0327/2021),
A. billi l-għan tal-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2021 huwa li jipprovdi appoġġ kontinwu lil dawk l-aktar vulnerabbli mir-rifuġjati fit-Turkija bħala konsegwenza tal-kriżi fis-Sirja, li jirrappreżenta l-ewwel komponent tal-proposti tal-Kummissjoni għall-kontinwazzjoni tal-finanzjament għar-rifuġjati Sirjani u l-komunitajiet ospitanti fit-Turkija, fil-Ġordan, fil-Libanu u f'partijiet oħra tar-reġjun;
B. billi l-Kummissjoni tistma li EUR 325 miljun huma meħtieġa biex tiġi estiża l-kopertura tal-programm emblematiku tax-Xibka ta' Sikurezza Soċjali ta' Emerġenza (ESSN), li jipprovdi trasferimenti ta' flus kontanti kull xahar għal aktar minn 1,8 miljun rifuġjat, minn Marzu 2022 sal-bidu tal-2023, meta l-programm għandu jiġi traspost f'assistenza għall-iżvilupp; billi l-Kummissjoni pproponiet li tiffinanzja din is-somma billi tuża l-marġni tal-Intestatura 6 li jifdal fl-2021, u l-bilanċ jiġi mill-pakkett tal-Għajnuna Umanitarja fl-2021 u l-2022;
C. billi, għalhekk, l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2021 għandu l-għan li jimmobilizza EUR 149,6 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn filwaqt li ma tintalab l-ebda approprjazzjoni ta' pagament addizzjonali fl-2021;
1. Jieħu nota tal-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2021, kif imressaq mill-Kummissjoni;
2. Jindika l-fatt li l-limitu massimu tal-Intestatura 6 jidher li huwa baxx wisq biex jirrispondi għal kriżijiet kbar fil-viċinat tal-Unjoni u fid-dinja mill-ewwel sena tal-QFP 2021-2027; jinsab imħasseb li l-appoġġ kontinwu għar-rifuġjati fit-Turkija ma ġiex inkluż fin-negozjati tal-QFP attwali u lanqas fl-istrument NDICI-Ewropa Globali; jissottolinja li fiċ-ċirkostanzi attwali il-baġit tal-Unjoni ma jistax ikun l-uniku sors ta' finanzjament għall-appoġġ kontinwu għar-rifuġjati;
3. Jemmen li ftehim komprensiv, li jkopri l-finanzjament tal-Unjoni għall-appoġġ kontinwu għar-rifuġjati fit-Turkija u r-reġjun usa' fl-2021 u s-snin ta' wara, jenħtieġ li jinstab fil-kuntest tal-konċiljazzjoni dwar il-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2022;
4. Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2021;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-Baġit emendatorju Nru 5/2021 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.