Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2021 dwar strateġija Ewropea għall-materja prima kritika (2021/2011(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 9, 151, 152, 153(1) u (2), l-Artikolu 173, li jikkonċerna l-politika industrijali tal-UE u jirreferi, fost affarijiet oħra, għall-kompetittività tal-industrija tal-UE, u l-Artikolu 208, li jafferma mill-ġdid li l-UE trid tqis l-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp fil-politiki li timplimenta li x'aktarx jaffettwaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikolu 3(3), li jirreferi għas-suq intern, l-iżvilupp sostenibbli u l-ekonomija tas-suq soċjali, u l-Artikolu 5(3), li jirreferi għall-prinċipju tas-sussidjarjetà,
– wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità mehmuż mat-TUE u mat-TFUE,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta' qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli(1) (ir-Regolament dwar it-Tassonomija),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta' skart(2) (ir-Regolament dwar Vjeġġi ta' Skart);
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 li jistabbilixxi obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista għall-importaturi tal-Unjoni ta' landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli(3) (ir-Regolament dwar Minerali ta' Kunflitt),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea(4) (ir-Regolament tal-UE Kontra s-Sussidji),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE)(5),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart(6) (id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar l-immaniġġar ta' skart mill-industriji ta' estrazzjoni u d-Direttiva emendatorja 2004/35/KE(7) (id-Direttiva dwar l-Iskart mill-Minjieri),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali(8) (id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2011/92/UE dwar il-valutazzjoni tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent(9) (id-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi(10) (id-Direttiva dwar l-Għasafar),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa(11) (id-Direttiva dwar il-Ħabitats),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċerti impriżi u gruppi kbar(12) (id-Direttiva dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju),
– wara li kkunsidra l-ftehim adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP21) f'Pariġi fit-12 ta' Diċembru 2015 (il-Ftehim ta' Pariġi),
– wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti, inkluż l-SDG 12 dwar konsum u produzzjoni responsabbli u l-SDG 15 dwar il-ħajja fuq l-art,
– wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra l-prinċipji gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra l-gwida tal-OECD dwar id-diliġenza dovuta għal imġiba responsabbli fin-negozju,
– wara li kkunsidra l-linji gwida tal-2009 għall-valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja soċjali tal-prodotti tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent,
– wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE) ta' Mejju 2021 bit-titlu "The Role of Critical Minerals in Clean Energy Transitions",
– wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-AIE ta' Mejju 2021 bit-titlu "Net zero by 2050: A Roadmap for the Global Energy Sector",
– wara li kkunsidra l-briefing tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tat-13 ta' Jannar 2021 bit-titlu "Growth without economic growth",
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tat-30 ta' Awwissu 2021 bit-titlu "Improving the climate impact of raw material sourcing",
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) tal-25 ta' Marzu 2021 bit-titlu "Critical Raw Materials Resilience: Charting a Path towards greater Security and Sustainability",
– wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Kummissjoni ta' Settembru 2020 bit-titlu "Study on the EU's list of Critical Raw Materials (2020)" u l-iskedi informattivi dwar il-materja prima kritika li jakkumpanjawh,
– wara li kkunsidra l-istudju ta' prospettiva tal-Kummissjoni tat-3 ta' Settembru 2020 bit-titlu "Critical Raw Materials for Strategic Technologies and Sectors in the EU",
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-5 ta' Novembru 2018 bit-titlu "Report on critical raw materials and the circular economy",
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2021 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar diliġenza dovuta korporattiva u obbligu ta' rendikont korporattiv(13),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar strateġija ġdida għall-SMEs Ewropej(14),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2020 dwar Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa(15),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Frar 2021 dwar il-Pjan ta' Azzjoni ġdid għall-Ekonomija Ċirkolari(16),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha(17),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew(18),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2021 bit-titlu "Strateġija ġdida UE-Afrika – sħubija għal żvilupp sostenibbli u inklużiv"(19),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2017 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Iskart mill-Minjieri(20),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-10 ta' Diċembru 2020 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-batteriji u l-iskart ta' batteriji, li jħassar id-Direttiva 2006/66/KE u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1020 (COM(2020)0798),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Settembru 2020 bit-titlu "Ir-Reżiljenza tal-Materja Prima Kritika: It-Twittija tat-Triq lejn Sigurtà u Sostenibbiltà Akbar" (COM(2020)0474),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Mejju 2021 bit-titlu "Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020: Nibnu Suq Uniku aktar b'saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa" (COM(2021)0350),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ottubru 2020 bit-titlu "Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2021 – Unjoni ta' vitalità f'dinja ta' fraġilità" (COM(2020)0690),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2020 bit-titlu "Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss" (COM(2020)0456),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2020 bit-titlu "Pjan ta' Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari – Għal Ewropea aktar nadifa u kompetittiva" (COM(2020)0098), u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-11 ta' Marzu 2020 bit-titlu "Leading the way to a global circular economy: state of play and outlook" (SWD(2020)0100),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Diċembru 2015 bit-titlu "L-għeluq taċ-ċirku – Pjan ta' azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari" (COM(2015)0614),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Marzu 2020 bit-titlu "Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali" (COM(2020)0103),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Frar 2021 bit-titlu "Rieżami tal-Politika Kummerċjali – Politika Kummerċjali Miftuħa, Sostenibbli u Assertiva" (COM(2021)0066),
– wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-OECD tat-12 ta' Frar 2019 bit-titlu "Global Material Resources Outlook to 2060: Economic Drivers and Environmental Consequences",
– wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-Bank Dinji tal-2020 bit-titlu "Minerals for Climate Action: The Mineral Intensity of the Clean Energy Transition",
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2020 bit-titlu "Nagħmlu l-Irkupru Ċirkolari u Ekoloġiku",
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2020 bit-titlu "Irkupru li javvanza t-tranżizzjoni lejn industrija Ewropea aktar dinamika, reżiljenti u kompetittiva",
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2019 bit-titlu "Ekonomija Ċirkolari fis-Settur tal-Kostruzzjoni",
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-4 ta' Ottubru 2019 bit-titlu "Aktar ċirkolarità – Transizzjoni lejn soċjetà sostenibbli",
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A9-0280/2021),
A. billi l-materja prima kritika hija l-oriġinatur tal-ħolqien tal-valur industrijali u għalhekk għandha effett sinifikanti fuq is-setturi downstream; billi huwa ta' importanza strateġika li l-UE tnaqqas id-dipendenzi li għandha, tissalvagwardja l-flussi, il-valur u l-ktajjen tal-provvista tagħha, u ssostni, trawwem u tiddiġitalizza l-ekosistemi ladarba din hi l-kapaċità ewlenija l-ġdida fil-kompetizzjoni (industrijali) internazzjonali; billi strateġija komprensiva dwar il-materja prima kritika għandha tinkorpora standards ambjentali u soċjetali għoljin;
B. billi l-popolazzjoni dejjem akbar u t-tranżizzjoni lejn ekonomiji diġitali, effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija u newtrali għall-klima jwasslu, f'kull xenarju, għal żieda sinifikanti fid-domanda għall-materja prima kritika(21);
C. billi t-teknoloġiji li jirrikjedu materja prima kritika se jkunu kruċjali biex jiġi żgurat li l-UE u d-dinja kollha kemm hi jilħqu l-għanijiet tagħhom skont il-Ftehim ta' Pariġi;
D. billi strateġija komprensiva tal-UE dwar il-materja prima kritika għandha tkun ibbażata fuq standards għoljin mil-lat ambjentali, soċjali u tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li titqies ukoll l-iskarsezza naturali tal-minerali;
E. billi bħalissa l-UE tipprovdi biss 1 % tal-materja prima għall-enerġija mir-riħ, inqas minn 1 % tal-batteriji tal-litju, inqas minn 1 % taċ-ċelloli tal-fjuwil, 2 % biss tal-materja prima rilevanti għar-robotika u 1 % biss tal-assemblaġġi fotovoltajċi bbażati fuq is-siliċju(22);
F. billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-aġġornament tal-istrateġija industrijali l-ġdida tal-2020 tidentifika 137 prodott u materja prima (li jirrappreżentaw 6 % tal-valur totali tal-prodotti importati fl-UE) użati f'ekosistemi sensittivi li l-UE tiddependi ħafna fuqhom – prinċipalment fl-industriji intensivi fl-enerġija u fl-ekosistemi tas-saħħa – kif ukoll prodotti oħra meħtieġa b'appoġġ għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali; billi 52 % ta' dawn il-prodotti huma importati mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina;
G. billi l-COVID-19 affettwat b'mod negattiv il-ktajjen tal-provvista globali u wasslet għal skarsezzi fil-materja prima kritika fl-Ewropa;
H. billi waħda mill-isfidi l-kbar tal-materja prima kritika fl-Ewropa hija r-riċiklaġġ; billi s-settur tar-riċiklaġġ tal-materja prima kritika għandu potenzjal sinifikanti f'termini ta' ħolqien ta' impjiegi; billi huwa stmat li, sal-2035, is-settur tar-riċiklaġġ tal-batteriji tat-trazzjoni waħdu se joħloq madwar 10 500 impjieg fl-UE;
I. billi r-riċiklaġġ, is-sostituzzjoni u l-bidliet fix-xejriet tal-imġiba u l-konsum għandhom il-potenzjal li jnaqqsu d-domanda għal materja prima kritika;
J. billi, skont l-Università tan-Nazzjonijiet Uniti, il-valur totali ta' materja prima sekondarja fl-iskart ta' tagħmir elettriku u elettroniku fl-2016 kien ta' madwar EUR 55 biljun(23); billi, skont l-istess studju, sa 90 % tal-iskart elettriku u elettroniku tad-dinja ġie nnegozjat jew mormi illegalment;
K. billi huwa evidenti li – anke fir-rigward tal-obbligi l-ġodda ta' diliġenza dovuta previsti – hemm bżonn ta' akkwisti sostenibbli ġodda u li l-potenzjal ta' akkwist ta' materjali bi standards ta' sostenibbiltà għoljin fl-UE u fil-viċinat tagħha għandu jiġi sfruttat, filwaqt li jitqiesu bis-sħiħ il-possibbiltajiet tal-ekonomija ċirkolari bħalma huma r-riċiklaġġ, id-disinn tal-prodott, is-sostituzzjoni u t-tnaqqis fl-użu ta' materjal;
L. billi l-opinjoni tal-KESE tal-25 ta' Marzu 2021 tenfasizza "l-importanza li jitwessgħu d-definizzjoni u l-paradigma tal-materja prima kritika. Konvenzjonalment, il-materja prima kritika ġiet mifhuma bħala materja prima li ġejja prinċipalment mis-settur tal-minjieri. Dan huwa kamp ta' applikazzjoni dejjaq wisq u jillimita t-tkabbir tal-enerġiji ekoloġiċi. Illum, il-materjali bbażati fuq l-injam jistgħu jintużaw b'mod effiċjenti f'ħafna aktar applikazzjonijiet milli fl-imgħoddi. Mit-tessuti għal teknoloġiji ġodda tal-batteriji eħfef u aktar ekoloġiċi, dan huwa qasam li qed javvanza b'pass mgħaġġel ħafna. Il-bijoekonomija għandha l-possibbiltajiet uniċi li żżid ir-reżiljenza lill-ekonomija tal-UE u l-istabbiltà ġeopolitika għall-kontinent tagħna. L-użu ta' materjali rinnovabbli fl-istess ħin jgħin ukoll biex jittaffa t-tibdil fil-klima peress li jippermetti li l-emissjonijiet fossili jinżammu fl-art, u b'hekk tinħoloq reżiljenza ekoloġika għas-setturi fossili";
M. billi, kif irrimarkat fl-opinjoni, "ftit li xejn hemm eżempji ta' esportazzjonijiet ta' materja prima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jwasslu għal żvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli li minnu setgħu jibbenefikaw sezzjonijiet wesgħin tal-popolazzjoni. Pjuttost, is-sitwazzjoni spiss tinvolvi sfruttament soċjali u tniġġis ambjentali. Is-soltu huma biss ftit dawk li jibbenefikaw fuq in-naħa rebbieħa [...]";
N. billi l-provvista ta' ħafna materja prima kritika hija kkonċentrata b'mod qawwi barra l-UE, hekk kif iċ-Ċina tipprovdi 98 % tal-provvista ta' elementi tal-materjali tal-art rari (REE) tal-UE, it-Turkija tipprovdi 98 % tal-provvista ta' borat u l-Afrika t'Isfel tipprovdi 71 % tal-platinu, 92 % tal-iridju, 80 % tar-rodju u 93 % tar-rutenju tagħha(24);
O. billi xenarji futuri jindikaw li għall-batteriji tal-vetturi elettriċi u l-ħżin tal-enerġija, l-UE se jkollha bżonn sa 18-il darba aktar litju u ħames darbiet aktar kobalt fl-2030, u kważi 60 darba aktar litju u 15-il darba aktar kobalt fl-2050, meta mqabbla mal-provvista attwali għall-ekonomija kollha tal-UE(25);
P. billi fl-UE għaddejjin erba' proġetti ta' estrazzjoni sostenibbli tal-litju li jammontaw għal EUR 2 biljun u li għandhom ikunu operattivi bejn l-2022 u l-2024; billi dawn mistennija jkopru sa 80 % tal-ħtiġijiet tal-litju tal-UE fis-settur tal-batteriji sal-2025, u b'hekk jikkontribwixxu direttament għall-awtonomija strateġika tagħna;
Q. billi l-iskarsezzi f'termini ta' materja prima kritika qed iwasslu għal tħassib dejjem akbar għall-industrija u għas-sigurtà, speċjalment minħabba ż-żieda esponenzjali prevista fil-produzzjoni, speċjalment fil-produzzjoni ta' batteriji, li huma essenzjali għat-tranżizzjoni lejn il-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli;
R. billi l-UE jeħtiġilha ttejjeb l-awtonomija strateġika tagħha f'oqsma ewlenin bħall-provvista ta' materja prima kritika, li huwa kruċjali anke biex tiżdied il-kapaċità tagħha fi kwistjonijiet ta' difiża u spazju;
S. billi meta jitqies li l-UE se tkompli tiddependi fuq il-ktajjen tal-provvista internazzjonali biex tissodisfa l-ħtiġijiet tagħha f'termini ta' materja prima kritika, miżuri biex is-swieq kummerċjali globali jsiru aktar trasparenti, effettivi u prevedibbli se jkollhom rwol importanti wkoll;
T. billi s-settur tal-materja prima jipprovdi madwar 350 000 impjieg fl-UE, u aktar minn 30 miljun impjieg fl-industriji tal-manifattura downstream li jiddependu fuqu(26); billi t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ċirkolari tista' ġġib magħha żieda netta ta' 700 000 impjieg fl-UE sal-2030(27);
U. billi l-attivitajiet minerarji potenzjalment jesponu lill-ħaddiema għal kundizzjonijiet dannużi u perikolużi; billi d-drittijiet u l-protezzjoni tal-ħaddiema jvarjaw ħafna madwar id-dinja u f'siti minerarji differenti;
V. billi l-materja prima kritika ma tkunx preżenti separatament, iżda tkun imħallta f'minerali ma' metalli komuni, u billi l-ipproċessar tagħha jirrikjedi ammont konsiderevoli ta' enerġija; billi, għaldaqstant, il-kompetittività u l-profittabbiltà tal-produzzjoni huma ddeterminati mid-disponibbiltà ta' enerġija stabbli u affordabbli, kif ukoll mill-identifikazzjoni u l-iżvilupp ta' metodi, proċeduri u teknoloġiji rilevanti;
W. billi fir-rapport tagħha bit-titlu "Growth without economic growth", l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tgħid li t-tkabbir ekonomiku huwa marbut mill-qrib ma' żieda fil-produzzjoni, fil-konsum u fl-użu tar-riżorsi, b'effetti negattivi fuq in-natura, il-klima u s-saħħa tal-bniedem u li r-riċerka attwali tissuġġerixxi li hu improbabbli li t-tkabbir ekonomiku u l-impatti ambjentali tiegħu jistgħu qatt jinqatgħu kompletament minn xulxin;
Sfidi u opportunitajiet
1. Iqis li approċċ integrat tul il-katina kollha tal-valur, mill-ġbir tal-iskart u d-disinn tal-prodotti għar-riċiklabbiltà sal-irkupru tal-materjal, jikkostitwixxi strateġija essenzjali biex tiżdied il-provvista ta' materja prima kritika; jiddispjaċih, madankollu, li l-ġbir tal-iskart u d-disinn tal-prodotti għandhom livell ta' tħejjija teknoloġika baxx; jisħaq li biex tiġi ssodisfata d-domanda dejjem akbar għal materja prima kritika l-enfasi ma tistax tkun biss fuq ir-riċiklaġġ; jinnota li għalkemm is-sostituzzjoni tal-materja prima kritika għandha limitazzjonijiet f'termini ta' effiċjenza tal-prodotti, tikkostitwixxi objettiv inerenti għall-industriji affettwati u l-proġetti ta' riċerka rispettivi minħabba l-prezzijiet għoljin u d-dipendenza, u tista' tgħin biex jiġu indirizzati l-isfidi relatati mas-suffiċjenza tal-materja prima kritika; jenfasizza l-bżonn ta' sforzi kontinwi u appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni fir-rigward tar-riċiklaġġ u s-sostituzzjoni tal-materja prima kritika u d-disinn tal-prodotti;
2. Jenfasizza li l-akkwist ta' materja prima kritika huwa marbut mal-pożizzjoni ġeografika – li sal-lum kien dipendenti ħafna fuq l-enerġija minn fjuwils fossili – u jiffaċċja riskji ta' rilokazzjoni indiretta u diretta tal-emissjonijiet tal-karbonju kif ukoll esponiment għal kompetizzjoni inġusta; jinnota li l-akkwist ta' materja prima kritika huwa sikwit assoċjat ma' impatti ambjentali potenzjalment sinifikanti bħat-telf tal-bijodiversità jew il-kontaminazzjoni tal-arja, il-ħamrija u l-ilma, kif ukoll mal-possibbiltà ta' kunflitti mal-komunitajiet lokali; jenfasizza l-bżonn ta' tranżizzjoni lejn enerġija rinnovabbli fis-settur minerarju u tar-raffinar; jinnota, għalhekk, il-bżonn ta' politika industrijali attiva li ssostni s-settur fit-trasformazzjoni tiegħu b'aċċess għal sorsi ta' enerġija nadifa affordabbli; jinnota wkoll iċ-ċirkustanzi favorevoli għal attivitajiet minerarji b'emissjonijiet baxxi u sostenibbli u jitlob li jkomplu jiġu esplorati l-possibbiltajiet ta' akkwist minn Stati Membri rikki f'materja prima kritika;
3. Iwissi li t-tranżizzjoni tal-UE lejn in-newtralità klimatika m'għandhiex tissostitwixxi d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili b'dipendenza fuq il-materja prima; jenfasizza li din it-tranżizzjoni għandha tnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq materja prima kritika importata; jenfasizza wkoll ir-rwol li l-innovazzjoni, it-teknoloġiji l-ġodda, il-minimizzazzjoni tal-konsum tar-riżorsi u ż-żamma u r-riutilizzazzjoni ta' materja prima prezzjuża fl-UE jista' jkollhom fit-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-materja prima kritika;
4. Jinnota li l-iżvilupp ta' teknoloġiji u l-użu tagħhom fuq skala kbira fil-futur, inklużi applikazzjonijiet diġitali emerġenti, ġenerazzjoni rinnovabbli tal-elettriku u batteriji għal vetturi elettriċi u mezzi ta' trasport ħfief, se jagħtu spinta lid-domanda għal ċerta materja prima kritika u materja prima oħra; jitlob li jiġi kkunsidrat il-fatt li ż-żieda fl-ambizzjonijiet klimatiċi u diġitali tal-pajjiżi żżid il-kompetizzjoni fis-swieq globali u tpoġġi pressjoni addizzjonali fuq is-sigurtà tal-provvista tagħhom fl-Ewropa;
5. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel rieżami bir-reqqa tal-metodoloġija tal-valutazzjoni tal-kritikalità qabel l-2023 – qabel il-pubblikazzjoni tal-lista li jmiss ta' materja prima kritika – sabiex tara jekk il-lista tridx titwessa', fid-dawl tal-iżviluppi fis-sitwazzjoni internazzjonali b'rabta mal-materja prima kritika, ix-xenarji tad-domanda għall-materja prima kritika u għal materja prima oħra fil-futur, kif ukoll il-kriterji soċjali u ekoloġiċi bbażati fuq il-prinċipji gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem u l-SDGs, biex tissawwar stampa usa' tal-kundizzjonijiet fil-qasam tal-estrazzjoni madwar id-dinja; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tikkunsidra debitament l-esternalitajiet ambjentali kollha relatati mal-estrazzjoni u l-ipproċessar fl-analiżi tar-riskju tal-provvista tagħha; jitlob ukoll dibattitu komprensiv li jinvolvi l-partijiet ikkonċernati kollha;
6. Jistieden lill-Kummissjoni tikkonċentra mhux biss fuq il-materja prima kritika iżda anke fuq il-kritikalità potenzjali ta' materja prima oħra meħtieġa għal ktajjen tal-provvista b'saħħithom, għall-kontinwità tal-produzzjoni u għat-tranżizzjoni doppja, kif ukoll fuq id-disponibbiltà ta' tali materja prima minn sorsi tal-UE, anke fid-dawl tal-iskarsezza naturali tal-minerali; jissottolinja li, minbarra l-minerali speċjalizzati, materja prima "prodotti komunement" bħar-ram, l-elju u n-nikil ukoll qed isiru kritiċi billi, f'soċjetà newtrali għall-klima, id-domanda għalihom qed tiżdied;
7. Jitlob lill-Kummissjoni tieħu approċċ olistiku meta tivvaluta l-implikazzjonijiet ta' diversi teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, rinnovabbli u diġitali li jikkompetu għall-istess materja prima kritika u teżamina ktajjen tal-provvista kritiċi, anke fid-dawl tal-ħtiġijiet tas-setturi individwali; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li jipprevalu l-prinċipju tal-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel, żero emissjonijiet u soluzzjonijiet effiċjenti fl-użu tar-riżorsi;
8. Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li r-reżiljenza nazzjonali u l-pjanijiet ta' rkupru fl-ambitu ta' Next Generation EU jindirizzaw l-isfidi marbuta mal-provvista tal-materja prima kritika ekonomikament, ambjentalment u soċjalment sostenibbli; jitlob lill-Istati Membri jinvestu aktar fir-riċiklaġġ ta' materja prima kritika u jinkludu r-rekwiżiti relatati mal-materja prima kritika, is-sorsi tal-provvista u l-ispejjeż fil-pjanijiet ta' rkupru strateġiċi tagħhom;
9. Jappella għal investiment fit-taħriġ tal-ħaddiema u fit-taħriġ mill-ġdid tal-ħiliet tagħhom, inkluż permezz tal-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta, peress li l-ħiliet marbuta mal-estrazzjoni minerarja jistgħu jiġu ttrasferiti għall-isfruttament, l-ipproċessar u r-riċiklaġġ tal-metall u tal-minerali, preferibbilment fl-istess reġjuni; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-finanzjament rispettiv jindirizza wkoll l-impatti soċjali, tal-impjiegi u ambjentali tat-tranżizzjoni f'dawk li qabel kienu żoni ta' estrazzjoni minerarja;
10. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu, malajr kemm jista' jkun, Proġett Importanti ta' Interess Ewropew Komuni (IPCEI) dwar il-materja prima kritika għat-tfassil ta' pjan strateġiku u sostenibbli tad-domanda tagħna għat-tranżizzjoni doppja, li jkopri r-rekwiżiti, is-sorsi tal-provvista u l-ispejjeż (soċjali, ambjentali u finanzjarji); jenfasizza li l-IPCEI għandu jkopri s-suġġetti rilevanti kollha sabiex titnaqqas il-kritikalità u d-dipendenza, bħar-riċiklaġġ, l-użu mill-ġdid, is-sostituzzjoni, it-tnaqqis tal-użu tal-materjali u l-estrazzjoni minerarja; jenfasizza li dawn il-proġetti għandhom jiżblukkaw il-potenzjal mhux sfruttat fil-pajjiżi tal-UE li huma rikki fil-materja prima kritika u li għandhom sorsi kbar mhux mittiefsa;
11. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi r-riċerka u l-iżvilupp dwar il-ħiliet u l-kompetenzi għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) fir-rigward tal-materja prima kritika bħala strateġija ta' tkabbir għal teknoloġiji avvanzati tal-UE bħal batteriji tal-joni tal-litju, ċelloli tal-fjuwil, turbini tar-riħ, muturi ta' trazzjoni elettrika, teknoloġija fotovoltajka, robotika, droni, stampar 3D u firxa wiesgħa ta' teknoloġiji diġitali u apparat mediku;
12. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt komprensiva, xjentifika u bbażata fuq l-evidenza biex tiddetermina l-volumi minimi ta' materja prima kritika ta' importanza strateġika meħtieġa għat-tranżizzjoni doppja;
13. Jinnota li, għall-UE, ktajjen tal-valur affidabbli u kompletament operattivi, inkluż il-prospettar u r-riċiklaġġ, għandhom rwol ewlieni u huma prerekwiżit biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-istrateġija industrijali tal-UE u t-tranżizzjoni doppja u biex jiġu żgurati l-kompetittività industrijali u l-kapaċità innovattiva tagħha fil-futur;
14. Jemmen li l-opportunitajiet ta' finanzjament għall-produzzjoni, l-ipproċessar jew ir-riċiklaġġ sostenibbli tal-materja prima kritika kollha elenkati fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reżiljenza kritika tal-materja prima huma indispensabbli;
15. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi kriterji ta' sostenibbiltà u bbażati fuq ix-xjenza għad-definizzjoni ta' x'jikkostitwixxi investiment sostenibbli fis-settur tal-estrazzjoni minerarja skont ir-Regolament dwar it-Tassonomija; jenfasizza l-ħtieġa li l-industrija tal-estrazzjoni minerarja tal-UE tkun tista' tikkontribwixxi għat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali;
16. Jitlob appoġġ u finanzjament tal-UE għall-iżvilupp teknoloġiku tal-materja prima kritika, biex jitjiebu l-proċessi ta' effiċjenza, sostituzzjoni u riċiklaġġ u ċ-ċikli ta' materjali magħluqa; jissottolinja, b'mod partikolari, il-ħtieġa ta' strumenti finanzjarji speċifiċi u fondi mmirati għar-riċerka u l-innovazzjoni għall-proċessi ta' riċiklaġġ u jilqa' l-proposta għall-promozzjoni, fl-2021, tar-riċerka u l-innovazzjoni dwar il-materja prima kritika fir-rigward tal-ipproċessar tal-iskart, il-materjali avvanzati u s-sostituzzjoni fl-ambitu ta' Orizzont Ewropa, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-programmi nazzjonali tar-riċerka u l-innovazzjoni; jenfasizza wkoll l-importanza tar-riċerka u l-innovazzjoni biex tiżdied il-fattibbiltà tal-proċessi tar-raffinar, speċjalment fiż-żwiel tal-minjieri u fil-minjieri fuq skala żgħira; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi skemi ta' appoġġ li jinkoraġġixxu l-innovazzjoni f'tekniki ġodda tal-estrazzjoni minerarja u proġetti ġodda tal-estrazzjoni minerarja fuq skala żgħira; jitlob l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda u innovattivi fil-qasam tal-estrazzjoni minerarja ta' materja prima kritika sostenibbli fl-UE;
17. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Bank Ewropew tal-Investiment u lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE, f'kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali, jipprovdu appoġġ finanzjarju tekniku u strateġiku għal proġetti strateġiċi fit-tul ta' investiment fil-materja prima kritika, inkluż biex jinstabu għodod ġodda għall-kondiviżjoni tar-riskji fis-settur tal-estrazzjoni minerarja, u għall-promozzjoni u l-appoġġ ta' investimenti fir-riċerka dwar l-akkwist u l-ipproċessar sostenibbli ta' materja prima kritika u dwar siti ta' raffinar, biex jagħmluhom konformi mar-regoli tal-UE u ma' standards soċjali u ambjentali għoljin, u b'hekk jiżguraw kundizzjonijiet ekwi;
Awtonomija strateġika u reżiljenza
18. Jilqa' l-ħolqien tal-Alleanza Ewropea tal-Materja Prima (ERMA), u, fid-dawl tas-sitwazzjoni ġeopolitika madwar id-dinja u t-tensjonijiet kummerċjali potenzjali ma' pajjiżi għonja produtturi li mhumiex fl-UE, l-enfasi attwali tagħha fuq l-aktar materja prima kritika kruċjali, jiġifieri l-REE u l-manjetiċi, u fuq miri kwantitattivi għal akkwist domestiku u minn pajjiżi terzi, bil-għan li jiġu appoġġati relazzjonijiet ta' provvista fit-tul għal firxa kbira ta' manifatturi żgħar u kbar fl-UE u titnaqqas id-dipendenza attwali fuq ftit pajjiżi terzi; jissottolinja r-rwol tal-ERMA bħala "pipeline ta' investimenti" u jħeġġiġha tkompli timpenja ruħha fil-prevalutazzjonijiet biex tiżblokka l-investimenti pubbliċi u privati għal proġetti ta' materja prima kritika sostenibbli u b'valutazzjoni ambjentali;
19. Iqis li hu importanti li l-ERMA tkompli tiġi żviluppata, l-aktar fir-rigward ta' materjali li huma ta' importanza kbira għat-tranżizzjoni doppja, bħall-materja prima kritika meħtieġa għall-ħżin u l-konverżjoni tal-enerġija;
20. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tniedi sistema ta' monitoraġġ permezz tal-Osservatorju tat-Teknoloġiji Kritiċi futur, dwar id-dipendenzi attwali u r-riskji ta' dipendenzi teknoloġiċi futuri u jitlob kooperazzjoni mill-qrib bejn l-osservatorju u dawk li jaħdmu biex jimmonitorjaw id-domanda għal materja prima kritika;
21. Jiddispjaċih li l-ħolqien ta' ħażniet strateġiċi għadu mhux parti mill-pjan ta' azzjoni u jistieden lill-Kummissjoni tiffoka wkoll fuq l-iżgurar tal-provvisti ta' materja prima kritika fl-UE billi tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jwettqu kumulazzjoni ta' riżerva strateġika bħala parti minn approċċ koordinat, fejn l-analiżi tqis li tkun xierqa; jemmen li l-kumulazzjoni ta' riżerva strateġika flimkien ma' miżuri strateġiċi oħra tikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-dipendenzi f'termini ta' materja prima kritika; jissottolinja li ż-żieda fid-disponibbiltà għandha timxi id f'id ma' tnaqqis fid-domanda, billi wieħed iħares lejn il-katina tal-valur kollha – id-disinn, l-operat u tmiem il-ħajja;
22. Jemmen li l-għarfien dwar problemi ta' possibbiltà ta' skarsezza tal-materja prima kritika huwa baxx wisq u għandu jittejjeb; jistieden lill-Kummissjoni tespandi l-ERMA sabiex iżżid il-kooperazzjoni bejn l-atturi industrijali fil-katina tal-valur kollha, l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-pajjiżi terzi, it-trade unions, is-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u t-teknoloġija, l-investituri u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi fis-setturi tal-ekonomija tal-UE l-aktar milquta minn konġestjonijiet fil-provvista tal-materja prima kritika, jew permezz tal-qafas offrut mill-ERMA jew billi tifforma alleanzi tal-industrija u tal-partijiet ikkonċernati speċifiċi għas-settur; jenfasizza l-potenzjal ta' impjiegi fi proġetti domestiċi u għalhekk jitlob li jiġi promoss djalogu soċjali komprensiv; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa urġenti ta' sħubijiet aktar mill-qrib bejn l-atturi tal-materja prima kritika, speċjalment fir-reġjuni tal-estrazzjoni minerarja u l-utenti downstream, partikolarment alleanzi industrijali oħrajn, kif ukoll għarfien komuni u obbligu biex jiġi żgurat li l-ktajjen tal-valur huma sostenibbli u ċirkolari;
23. Jemmen li hemm bżonn aktar koordinazzjoni u sforzi konġunti biex jiġu żviluppati ktajjen tal-provvista reżiljenti biex tiġi ssodisfata d-domanda għall-materja prima kritika attwali u tal-futur għall-ħtiġijiet industrijali tal-UE, biex jiġi evitat tfixkil fil-katina tal-provvista, titnaqqas id-dipendenza u jinżammu standards soċjali u ambjentali għoljin; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li, fl-UE, il-valutazzjoni tal-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet u l-provvista globali u d-domanda għall-materja prima kritika, il-koordinazzjoni tal-kumulazzjoni ta' riżerva u l-monitoraġġ tal-akkwist tal-materja prima kritika jiġu implimentati b'mod koerenti u koeżiv, pereżempju billi tiġi stabbilita taskforce dwar il-materja prima kritika;
24. Jitlob lill-Kummissjoni tiddiversifika l-ktajjen tal-provvista kemm għas-sorsi primarji kif ukoll għal dawk sekondarji u jitlob trasparenza aħjar fir-rigward tal-informazzjoni dwar il-ktajjen tal-provvista;
25. Jinnota li ż-żieda fit-tensjonijiet bejn il-potenzi ewlenin esponiet vulnerabbiltajiet strateġiċi għall-UE, b'mod partikolari fl-iżgurar ta' riżorsi ewlenin inklużi l-materja prima kritika u l-materjal ipproċessat; jinnota wkoll li l-monitoraġġ tad-dipendenzi mill-komoditajiet u l-iżgurar tal-aċċess għall-materja prima kritika jistgħu jiżguraw reżiljenza akbar għall-ktajjen tal-provvista sostenibbli; jinnota li fit-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-ktajjen tal-provvista ewlenin, fejn id-dipendenza tal-UE mill-materja prima kritika hija partikolarment kbira;
26. Itenni l-potenzjal ta' ekonomija ċirkolari fl-użu ottimizzat ta' prodotti u servizzi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw mudelli ġodda ta' negozju sostenibbli u ċirkolari fl-inizjattiva l-ġdida għal prodotti sostenibbli, inkluż il-prodott bħala servizz, dment li dawn jiffrankaw ir-riżorsi, inaqqsu l-impatti ambjentali u jiggarantixxu l-protezzjoni tal-konsumatur; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw dawn l-approċċi billi jintroduċu oqfsa regolatorji;
27. Iqis li huwa importanti li jiġi appoġġat approċċ ta' ekonomija ċirkolari tul il-katina tal-valur, mid-disinn sal-irkupru tal-materjal, tat-teknoloġiji ewlenin għat-tranżizzjonijiet tal-enerġija, diġitali u tal-mobbiltà bħal parks eoliċi, impjanti solari, produzzjoni tal-batteriji, mobbiltà elettrika u grilji intelliġenti; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari prijorità, billi tnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjoni, ittejjeb l-effiċjenza tar-riżorsi, tottimizza l-konsum tagħhom u żżomm u tuża mill-ġdid materja prima prezzjuża fi ħdan l-UE; ifakkar fit-talba tiegħu fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-Pjan ta' Azzjoni Ġdid għal Ekonomija Ċirkolari biex tiġi kkunsidrata proposta, abbażi ta' valutazzjoni tal-impatt komprensiva, tikkettar armonizzat ċar u li jinftiehem faċilment dwar id-durabbiltà, li jista' jkun fil-forma ta' indiċi, u dwar il-possibbiltà ta' tiswija, li jista' jkun fil-forma ta' punteġġ uniformi dwar it-tiswija;
28. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi dwar l-akkwist sostenibbli tal-materja prima kritika, b'mod partikolari ma' sħab tal-istess fehma, kif ukoll bl-involviment tagħha fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO);
Għeluq taċ-ċrieki tal-materjal
29. Jissottolinja l-ħtieġa li jinbnew swieq sekondarji tal-materja prima kritika li jiffunzjonaw tajjeb sabiex jiġu ggarantiti flussi sekondarji tal-materja prima kritika kostanti, jissaħħu l-ekosistemi industrijali tal-UE u jiġu ppreservati l-impjiegi fis-settur tal-manifattura; jistieden lill-Kummissjoni biex, f'dan ir-rigward, teżamina l-bilanċ tal-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet ta' materja prima kritika sekondarja lejn l-UE u tistabbilixxi malajr osservatorju tas-suq għal materjali sekondarji essenzjali, inkluża l-materja prima kritika; jenfasizza li t-trattament tal-materja prima kritika f'pajjiżi terzi jeħtieġ li jkun konformi mal-istandards tal-UE; jinnota li m'hemm l-ebda approċċ "wieħed tajjeb għal kulħadd"; jenfasizza li ċikli ta' materjal nodfa u sikuri huma prerekwiżit għall-ħolqien ta' suq ta' materja prima sekondarja kredibbli fl-UE;
30. Jilqa' l-proposta li tiġi mmappjata l-provvista potenzjali ta' materja prima kritika sekondarja mill-istokkijiet, mill-iskart u mill-prodotti inċidentali tal-ipproċessar fl-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel dan l-eżerċizzju ta' mmappjar prijorità u twettqu qabel iż-żmien previst; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, barra minn hekk, testendih għat-teknoloġiji disponibbli attwali li jintużaw biex titnaqqas id-domanda tal-materja prima kritika u jiżdied l-użu mill-ġdid tal-materja prima kritika fil-katina tal-provvista; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi inkoraġġita l-introduzzjoni ta' strumenti kollaborattivi għas-suq tal-materja prima kritika, bħal pjattaforma tal-UE tal-materja prima, li għandha tkopri wkoll iċ-ċirkolazzjoni tal-flussi tal-prodotti u x-xejriet tagħhom, sabiex jiġu evalwati liema materjali sekondarji jistgħu jiġu riċiklati;
31. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jisfruttaw il-potenzjal ta' proġetti ta' pproċessar sekondarju permezz ta' inċentivi speċifiċi, li jinkludu liċenzjar mgħaġġel, u jipprovdu inċentivi għall-irkupru ta' materja prima kritika biex jiġi żgurat aċċess affidabbli, sigur u sostenibbli għalihom;
32. Jinnota l-importanza tar-riċiklaġġ tal-iskart fid-dawl tal-preżenza sinifikanti ta' materja prima kritika fit-tagħmir elettriku u elettroniku; jinnota li, fuq terminu twil, iż-żieda fil-volumi riċiklati tista' ma tkunx biżżejjed biex tonqos l-estrazzjoni minerarja; jinnota wkoll li bil-mixja lejn ekonomija aktar ċirkolari, jistgħu jinħolqu 700 000 impjieg(28), speċjalment impjiegi addizzjonali f'impjanti ta' riċiklaġġ u servizzi ta' tiswija; jinnota li ż-żarmar u r-riċiklaġġ huma opportunità kbira biex l-impjiegi industrijali jinġiebu lura fl-UE; jenfasizza wkoll li l-iżvilupp tar-riċiklaġġ jista' jintuża biex iwieġeb għall-ħtiġijiet futuri tal-materja prima;
33. Jinnota li s-sehem ta' batteriji tat-trazzjoni tal-litju riċiklabbli miġbura huwa mistenni jikber b'mod sinifikanti sa nofs is-snin 30 tas-seklu 21, u b'hekk jinħoloq sors ta' provvista sekondarju sinifikanti;
34. Jinnota li biex il-proċessi ta' riċiklaġġ industrijali tal-materja prima kritika jkunu suċċess, għad hemm il-ħtieġa ta' investiment privat u pubbliku kbir ħafna fl-infrastruttura tas-separazzjoni, l-ipproċessar minn qabel u l-irkupru, fl-innovazzjoni, fir-riċerka u fl-espansjoni tat-teknoloġiji, u fil-ħiliet, li se jipprovdu opportunitajiet ta' xogħol li huma mistennija li jiżdiedu ħafna fid-deċennji li ġejjin; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi inċentivi għar-riċiklaġġ u l-irkupru ta' materja prima kritika minn flussi ta' skart tal-estrazzjoni minerarja, l-ipproċessar u l-kummerċ biex jiġi żgurat aċċess affidabbli, sigur u sostenibbli għalihom;
35. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi miri minimi ta' kontenut ta' materja prima kritika riċiklata u miri dedikati għar-riċiklaġġ tal-materja prima kritika akkumpanjati minn qafas ta' monitoraġġ robust, ispirat mill-proposta għal regolament dwar batteriji u skart ta' batteriji u bbażat fuq valutazzjoni tal-impatt komprensiva, xjentifika u bbażata fuq l-evidenza li tivvaluta l-volumi minimi ta' materja prima kritika meħtieġa għal prodotti li se jiffaċilitaw it-tranżizzjoni doppja, il-perċentwal ta' din id-domanda li jista' jiġi kopert permezz tar-riċiklaġġ f'konformità mal-valutazzjonijiet eżistenti, u d-disponibbiltà tat-teknoloġija meħtieġa; jinnota li kwalunkwe mira ta' tnaqqis għall-materja prima primarja m'għandhiex twassal biex it-total tal-produzzjoni tal-materja prima jaqa' taħt dawn il-volumi minimi;
36. Jirrikonoxxi li siti abbandunati (miżbliet ta' skart industrijali u digi ta' żwiel tal-minjieri) spiss ikun fihom materja prima kritika mormija, REE u minerali u metalli oħra użati fi prodotti tat-teknoloġija; jinkoraġġixxi, għalhekk, id-dokumentazzjoni, l-evalwazzjoni u l-estrazzjoni tal-materjal prezzjuż li jinstab f'dawn is-siti abbandunati, kull meta dan ikun possibbli u prattikabbli; jissottolinja l-ħtieġa ta' titjib fit-teknoloġiji tar-raffinar jiġu koperti taħt il-mekkaniżmi ta' finanzjament rilevanti tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni biex jiġi sfruttat dan il-potenzjal;
37. Jissottolinja li huma meħtieġa kontrolli aktar b'saħħithom għall-esportazzjonijiet tal-UE ta' prodotti ewlenin tal-iskart ta' materja prima kritika u li jeħtieġ li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-operaturi tar-riċiklaġġ li jissodisfaw l-istandards meħtieġa għal irkupru sikur u effiċjenti; jitlob li l-Kummissjoni, meta tirrevedi r-Regolament dwar Vjeġġi ta' Skart, tipprevjeni l-esportazzjoni illegali ta' prodotti tal-iskart li fihom il-materja prima kritika; jitlob li jiġu stabbiliti rekwiżiti li jippermettu biss l-esportazzjoni ta' prodotti tal-iskart li fihom il-materja prima kritika b'garanzija li dawn jiġu pproċessati fil-pajjiż ta' destinazzjoni taħt kundizzjonijiet ekwivalenti għall-istandards soċjali u ambjentali tal-UE;
38. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-isforzi għall-ġbir u r-riċiklaġġ xierqa ta' prodotti fi tmiem il-ħajja bil-materja prima kritika minflok ma jakkumulawhom fid-djar jew jarmuhom fil-landfills jew jinċinerawhom;
39. Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi miżuri ta' disinn tal-prodotti, imfassla skont kategoriji differenti ta' prodotti, biex faċilment jiġu identifikati u mneħħija l-partijiet jew il-komponenti li jkun fihom materja prima kritika, speċjalment fir-rigward tal-iskart ta' wara l-konsum, flimkien ma' rekwiżiti tal-ekodisinn biex jittejbu b'mod sinifikanti l-lonġevità, id-durabbiltà, il-possibbiltà ta' tiswija, il-modularità, il-kapaċità tal-użu mill-ġdid u r-riċiklabbiltà tal-prodotti li jkunu waslu fi tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom manifatturati jew mibjugħa fl-UE; jenfasizza li dawn il-miżuri għandhom joħolqu vantaġġi kompetittivi għan-negozji tal-UE, m'għandhomx ipoġġu piż finanzjarju sproporzjonat fuqhom, u għandhom jixprunaw l-innovazzjoni;
40. Jemmen li s-sostituzzjoni hi ta' għajnuna meta l-materja prima kritika tkun tista' tiġi ssostitwita b'materjal abbundanti, iżda jkollha ftit benefiċċju jekk is-sostitut innifsu mhux sostenibbli, jibqa' ma jindirizzax in-natura finita tar-riżorsi, ikun kritiku jew jista' jsir kritiku minħabba s-sostituzzjoni; jirrikonoxxi l-importanza li tinżamm il-prestazzjoni tal-kwalità tal-prodotti u l-vijabbiltà ekonomika tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ u żżid ir-riċerka u l-innovazzjoni dwar is-sostituti għal materja prima kritika f'użi differenti;
Akkwist mill-UE
41. Jinnota li filwaqt li d-disinn intelliġenti tal-prodotti, l-użu mill-ġdid ta' materjali, is-sostituzzjoni b'materjal riċiklat u l-promozzjoni ta' tnaqqis ta' materjal u tal-impronti tal-konsum jistgħu jnaqqsu b'mod sinifikanti d-domanda primarja, u l-potenzjal ta' dan għandu jiġi sfruttat bis-sħiħ, filwaqt li huwa meħtieġ akkwist responsabbli u sostenibbli tal-materja prima kritika b'valutazzjoni tal-impatt minn qabel biex jittaffew l-impatti potenzjali soċjali u ambjentali meta l-provvista ta' materja prima kritika ma tkunx tista' tintlaħaq b'mod ekonomikament vijabbli mill-miżuri msemmija jew twassal għal prodotti ta' kwalità inferjuri;
42. Jenfasizza li l-akkwist primarju u sekondarju fl-UE huwa soġġett għall-ogħla standards ambjentali u soċjali fid-dinja, li jridu jiġu infurzati kif jixraq, jipprovdi eluf ta' impjiegi bi kwalifiki għoljin u huwa prerekwiżit indispensabbli għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali; jistieden, għalhekk, lill-atturi kollha biex jippromwovu proġetti ta' akkwist responsabbli u sostenibbli tal-materja prima kritika fl-UE biex jappoġġaw il-produzzjoni lokali u jqajmu kuxjenza dwar l-impronti ambjentali tal-importazzjonijiet tal-materja prima kritika minn barra l-UE; jikkunsidra li dan irid isir permezz ta' proċess miftuħ, trasparenti, u bbażat fuq ix-xjenza, bl-involviment bikri tal-partijiet ikkonċernati rilevanti u l-komunitajiet lokali;
43. Jemmen bis-sħiħ li l-akkwist responsabbli fl-UE jista' jkun ibbażat biss fuq djalogu soċjali effettiv li jippromwovi s-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema, jiżgura impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u jipproteġi d-drittijiet tal-ħaddiema billi jippromwovi l-ugwaljanza tal-ġeneru; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-ħaddiema f'dan is-settur ikunu protetti b'tagħmir protettiv personali xieraq;
44. Jinnota l-opportunità li tiġi żviluppata katina tal-valur tal-batteriji responsabbli u sostenibbli billi tinkiseb il-materja prima kritika bħall-grafit, il-kobalt u l-litju minn faċilitajiet ġodda fl-UE;
45. Jinnota l-pjan tal-Kummissjoni li tniedi programmi ta' osservazzjoni tad-dinja u ta' telerilevament għall-esplorazzjoni tar-riżorsi, għall-operazzjonijiet u għall-ġestjoni ambjentali ta' wara l-għeluq; jirrimarka li s-sorveljanza regolatorja waqt is-servizz tista' tissaħħaħ bl-użu ta' metodi ta' telerilevament;
46. Jinnota li r-riorjentazzjoni lejn l-ekonomija ċirkolari f'ħafna industriji u servizzi tal-UE teħtieġ ħiliet u kompetenzi speċifiċi biex jiġu żgurati prestazzjoni ambjentali għolja u sikurezza tal-ħaddiema, u jenfasizza r-rwol speċifiku li dawk li jidħlu l-ewwel, l-SMEs u n-negozji ġodda qed jaqdu f'din it-tranżizzjoni; jinnota wkoll li s-settur tal-estrazzjoni minerarja qed isir dejjem aktar awtomatizzat, filwaqt li r-riċiklaġġ u l-manifattura mill-ġdid għadhom jirrikjedu ħafna ħaddiema; jissottolinja l-importanza li jinżammu, jiġu żviluppati u jinbnew aktar l-għarfien espert u l-ħiliet rilevanti fit-teknoloġiji tal-estrazzjoni minerarja u tal-ipproċessar kif ukoll fir-riċiklaġġ u teknoloġiji rilevanti oħra fl-UE kemm fir-rigward tal-materja prima kritika kif ukoll tal-prodotti sekondarji, peress li xi wħud minnhom jistgħu jintużaw għall-produzzjoni ta' prodotti kimiċi avvanzati ħafna; jinnota b'dispjaċir li l-materja prima li bħalissa qed tiġi estratta fl-UE ta' spiss teħtieġ li tiġi esportata lejn l-Asja għal raffinar, peress li l-għarfien u t-teknoloġija rilevanti ntilfu fl-UE, u dan jikkostitwixxi dipendenza oħra;
47. Jistieden lill-Kummissjoni titlob li l-flussi sekondarji industrijali li fihom il-materja prima kritika jintużaw b'mod effettiv; jissottolinja li speċjalment fl-industrija tal-estrazzjoni minerarja, hemm potenzjal kbir għall-irkupru u s-separazzjoni ta' materjali tal-art rari;
48. Jinnota r-rwol importanti tal-Istati Membri fiż-żieda tal-provvista domestika sostenibbli tal-materja prima kritika minn sorsi primarji u sekondarji; jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-puntwalità, il-prevedibbiltà u t-trasparenza tal-proċessi ta' awtorizzazzjoni għall-proġetti ta' prospettar u akkwist, mingħajr ma jbaxxu l-istandards ambjentali u soċjali;
49. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li akkwist sostenibbli tal-materja prima kritika huwa bbażat fuq approċċ li jibbilanċja b'mod diliġenti kemm il-ħtieġa akbar tal-UE għal materja prima kritika akkwistata b'mod sostenibbli kif ukoll il-ħtieġa li nħarsu n-natura u l-bijodiversità;
50. Jenfasizza li t-titjib u aktar flessibbiltà fil-prevedibbiltà u fl-effiċjenza, kif ukoll il-prijoritizzazzjoni ta' faċilitaturi ewlenin bħal provvista kompetittiva tal-enerġija rinnovabbli u tranżitorja b'livell baxx ta' karbonju, se jgħinu biex jiġu sfruttati l-investimenti meħtieġa;
51. Jistenna li l-Kummissjoni tipprovdi aktar dettalji dwar it-tħaddim sħiħ tal-proġetti ta' materja prima kritika bħala mudell kummerċjali alternattiv u sors ta' impjiegi reġjonali fl-estrazzjoni għall-faħam u f'reġjuni oħra fi tranżizzjoni;
Diversifikazzjoni
52. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex trawwem relazzjonijiet mal-pajjiżi fornituri eżistenti kollha tal-materja prima kritika tal-UE, biex b'mod sistematiku u strateġiku tibni sħubijiet ġodda dwar il-materja prima kritika, f'kooperazzjoni mal-alleati tagħna, fejn ikun possibbli, filwaqt li tqis is-sovranità ta' pajjiżi terzi fir-rigward tar-riżorsi tagħhom, sabiex jiġi żgurat li l-materja prima kritika ssir sors ta' ġid għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, jiġu promossi l-SMEs u tagħmel dan l-isforz kompitu orizzontali tal-politiki esterni u interni tagħha, u tippreżenta r-riżultati fl-2021; jilqa' l-pjanijiet tal-Kummissjoni li tistabbilixxi sħubijiet internazzjonali b'saħħithom u ta' appoġġ billi tapprova aġenda globali dwar il-materja prima, bl-għan li jkun hemm sħubijiet strateġiċi tal-UE li jiżguraw kemm is-sigurtà tal-provvista kif ukoll il-benefiċċji tal-iżvilupp;
53. Jenfasizza li jekk il-Patt Ekoloġiku Ewropew sempliċiment jisposta l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra tal-EU lejn lis-sħab kummerċjali tagħha, mhux se jkun hemm impatt pożittiv fuq it-tibdil fil-klima; iħeġġeġ lill-UE, għalhekk, biex tinsisti għal ftehimiet multilaterali infurzabbli dwar it-trażżin tat-tisħin globali u l-esportazzjoni tal-istandards ambjentali tagħha, inkluż l-akkwist u l-ipproċessar; iqis li se jkun meħtieġ li l-UE tiżviluppa ftehimiet kummerċjali u ta' investiment ġodda, mudelli ġodda ta' assistenza finanzjarja u teknika u, b'mod aktar ġenerali, approċċ ġdid għad-diplomazija internazzjonali bil-għan li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni;
54. Jilqa' l-impenn tal-UE għal akkwist responsabbli u sostenibbli u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tqis bħala punt tat-tluq l-istandard għall-estrazzjoni minerarja responsabbli żviluppat mill-Initiative for Responsible Mining Assurance, (l-Inizjattiva għall-Assigurazzjoni tal-Estrazzjoni Minerarja Responsabbli), filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-SMEs; jisħaq fuq il-ħtieġa li dan l-impenn jissaħħaħ b'appoġġ tekniku konkret, bit-trasferiment tal-għarfien, bil-bini tal-ħiliet, l-istituzzjonijiet u l-oqfsa legali, u bi djalogu politiku mal-pajjiżi sħab; jisħaq fuq il-ħtieġa għal politiki omoġenji relatati ma' standards etiċi għall-akkwist tal-materja prima kritika; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu mmobilizzati aktar atturi statali u privati biex jissottoskrivu wkoll għall-istandards ta' sostenibbiltà u jimplimentawhom;
55. Jilqa' l-impenn pubbliku tal-Kummissjoni li tintroduċi proposta leġiżlattiva dwar id-diliġenza dovuta korporattiva u r-responsabbiltà korporattiva fl-2021, u jinsisti li din il-leġiżlazzjoni tikkontribwixxi biex jiġu indirizzati l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-ktajjen tal-valur; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar diliġenza dovuta korporattiva u obbligu ta' rendikont korporattiv;
56. Jemmen li l-ftehimiet internazzjonali għandhom iwittu t-triq lejn akkwist aktar responsabbli u sostenibbli b'mod globali; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni msaħħa biex jiġu żviluppati ftehimiet internazzjonali għal monitoraġġ, notifika u implimentazzjoni aħjar tar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-materja prima kritika li jippromwovu akkwist responsabbli u jżidu ċ-ċirkolarità f'dan is-settur;
57. Itenni t-talba tiegħu fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar Strateġija ġdida UE-Afrika għal sfruttament ġust u sostenibbli tal-materja prima kritika fl-Afrika; jappoġġa lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex tikkonkludi sħubijiet ġodda tal-materja prima kritika mal-pajjiżi Afrikani biex issaħħaħ tal-katina tal-valur fl-Afrika biex tkun aktar sostenibbli mil-lat etiku, ambjentali u teknoloġiku u tippermetti l-appoġġ tal-UE fil-bini tal-kapaċità;
58. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-attivitajiet ta' standardizzazzjoni fir-rigward ta' komponenti ta' kwalità għolja relatati mal-materja prima kritika f'fora internazzjonali rilevanti, peress li dan huwa importanti għall-kumpaniji tal-UE, b'mod partikolari l-SMEs;
59. Jitlob li jiżdiedu l-prattiki agrikoli sostenibbli li huma ta' benefiċċju għall-ġestjoni sostenibbli tal-fosforu; jenfasizza s-sinerġiji ta' prattiki bħal dawn mal-impronti mnaqqsa tal-bijodiversità u dik klimatika;
60. Jitlob li l-Kummissjoni tipproponi regoli effettivi ta' skemi ġodda ta' ġbir madwar l-UE kollha biex jiżdiedu r-rati ta' ġbir ta' prodotti tal-iskart li jkun fihom materja prima kritika; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta, fost għażliet oħra għar-responsabbiltà estiża tal-produttur, li tintroduċi skemi ta' rifużjoni tad-depożitu fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart, b'mod partikolari fid-Direttiva WEEE, billi tqis il-karatteristiċi ta' prodotti differenti, filwaqt li tiżgura li l-iskemi jkunu kompatibbli fl-Istati Membri kollha, sabiex il-konsumaturi jiġu inċentivati jġibu t-tagħmir tagħhom elettriku u elettroniku fi tmiem tal-ħajja – b'mod partikolari l-oġġetti żgħar – f'faċilitajiet dedikati ta' ġbir u riċiklaġġ, filwaqt li tibni fuq l-esperjenza pożittiva mill-iskemi ta' rifużjoni tad-depożitu għall-ħġieġ u l-plastik f'ħafna Stati Membri;
61. Jiddispjaċih li l-livell baxx ta' riċiklaġġ f'xi użi(29) u l-esportazzjoni tal-iskart u l-laqx tal-aluminju(30) wasslu għal rata ta' input ta' riċiklaġġ ta' tmiem il-ħajja (EOL-RIR) aktar baxxa minn dik li kieku setgħet tintlaħaq; jenfasizza li l-UE għandha timmira li tistabbilixxi miżuri biex tilħaq il-100 % tal-EOL-RIR għall-aluminju;
62. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-estrazzjoni tal-materja prima kritika mill-minjieri domestiċi eżistenti, – jiġifieri miż-żwiel tal-estrazzjoni minerarja, l-iskart tal-blat, il-landfills u estrazzjoni minerarja urbana aktar effettiva, – bi preferenza fuq l-estrazzjoni minerarja ġdida, jekk dan ikun sostenibbli, jiġifieri jekk l-impatti ambjentali, inkluż fl-użu tal-enerġija u s-sustanzi kimiċi, jkunu iżgħar; jenfasizza li din l-estrazzjoni u r-restawr sussegwenti jridu jitwettqu bl-użu tal-aħjar tekniki disponibbli, li jiggarantixxu l-aħjar prestazzjoni ekoloġika u vijabbiltà ekonomika;
63. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-fażi ta' wara l-estrazzjoni tal-proġetti tal-estrazzjoni minerarja u lill-fażi ta' tmiem il-ħajja tal-materja prima kritika, skont il-ġerarkija tal-iskart stabbilita fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, u speċjalment fejn il-materja prima kritika hija wkoll sustanza perikoluża;
64. Jemmen li l-permessi u l-konċessjonijiet għall-estrazzjoni minerarja għandhom jinkludu rekwiżiti għall-irkupru u l-ipproċessar sikuri, effiċjenti u sostenibbli tal-materja prima kritika kollha li hi ekonomikament u teknikament rekuperabbli; jitlob li l-Kummissjoni timplimenta b'urġenza t-talbiet insistenti li għamel il-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Iskart mill-Minjieri; itenni li l-kwestjonarju attwalment użat bħala sistema ta' rappurtar skont l-Artikolu 18 tad-direttiva mhuwiex adattat għall-iskop tiegħu, u jitlob lill-Kummissjoni toħloq sistema ta' reġistrazzjoni tal-UE armonizzata, diġitalizzata u trasparenti li tkun ibbażata fuq definizzjonijiet armonizzati u kriterji ta' trattament għall-iskart mill-estrazzjoni minerarja u li tinkludi d-data rilevanti kollha dwar l-impatt ambjentali, inklużi l-konċentrazzjonijiet tal-kontenut tad-depożiti tal-iskart;
65. Jistieden lill-Kummissjoni tissikka l-infurzar u tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni ambjentali attwali tal-UE u tipproponi emendi għal-leġiżlazzjoni fejn meħtieġ;
66. Jinkoraġġixxi valutazzjoni komprensiva tal-inklużjoni tas-settur tal-estrazzjoni minerarja fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali minħabba l-impatt ambjentali qawwi tal-attivitajiet tal-estrazzjoni minerarja, id-daqs li bħala medju huwa kbir tal-proġetti ta' estrazzjoni minerarja, il-varjazzjonijiet fl-istandards tal-ġestjoni tat-tniġġis applikati fis-siti tal-estrazzjoni minerarja madwar l-UE, u l-espansjoni potenzjali tal-attivitajiet ta' estrazzjoni ta' materja prima kritika fl-UE; jissuġġerixxi li l-aqwa tekniki disponibbli għar-restawr tal-minjieri jiġu identifikati speċifikament fir-rigward tal-ħamrija u l-ilma;
67. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid id-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali biex tiżgura li titwettaq valutazzjoni tal-impatt ambjentali għall-proġetti ta' estrazzjoni minerarja ta' kull daqs, u li dawn il-valutazzjonijiet jitwettqu minn parti terza indipendenti;
68. Iqis li l-emissjonijiet tal-estrazzjoni minerarja u l-importazzjonijiet tal-materja prima kritika għandhom ikunu koperti mill-mekkaniżmu futur ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera;
69. Jinnota l-isfidi u r-riskji assoċjati mal-estrazzjoni minerarja f'żoni protetti, jiġifieri fiż-żoni tan-Natura 2000, u jemmen li l-estrazzjoni minerarja f'dawn iż-żoni għandha tibqa' ristretta b'mod strett; jissottolinja li l-estrazzjoni minerarja f'żoni protetti hija soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttivi dwar l-Għasafar u dwar il-Ħabitats u jenfasizza li kwalunkwe proġett ġdid ta' estrazzjoni minerarja jrid jgħaddi minn valutazzjoni tal-impatt ambjentali bir-reqqa sabiex jiġi minimizzat l-impatt ambjentali tiegħu; jistieden lill-Istati Membri u lill-industrija tal-estrazzjoni minerarja, f'konformità mal-prinċipju ta' min iniġġes iħallas, jieħdu miżuri ta' konservazzjoni xierqa biex iżommu u jirrestawraw għal stat ta' konservazzjoni favorevoli l-ħabitats u l-ispeċijiet li għalihom ġie ddeżinjat is-sit; jenfasizza, f'dan ir-rigward, id-dokument ta' gwida tal-Kummissjoni dwar l-estrazzjoni minerarja mhux għall-enerġija fir-rigward ta' Natura 2000(31) kif ukoll l-istudji tal-każijiet u l-aħjar prattiki rispettivi tagħha;
70. Ifakkar fl-impenn tal-Kummissjoni biex tiżgura li l-minerali tal-baħar f'qiegħ il-baħar internazzjonali ma jistgħux jiġu sfruttati jew użati qabel ma tkun saret riċerka biżżejjed dwar l-effetti li għandha l-estrazzjoni minerarja minn fond il-baħar fuq l-ambjent tal-baħar, il-bijodiversità u l-attivitajiet tal-bniedem, qabel ma jkunu ġew mifhuma r-riskji, u qabel ma jkun hemm provi li t-teknoloġiji u l-prattiki operazzjonali ma jagħmlu l-ebda ħsara serja lill-ambjent, f'konformità mal-prinċipju ta' prekawzjoni u jistieden lill-Parlament u lill-Kunsill jieħdu l-istess impenn; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssarraf dan l-impenn f'azzjonijiet konkreti biex tipproteġi dawn l-ekosistemi ferm vulnerabbli;
71. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra għażliet leġiżlattivi f'konformità mal-Konvenzjoni ta' Espoo u l-Konvenzjoni ta' Aarhus biex tiżgura li l-awtoritajiet lokali jadottaw u jinfurzaw id-dritt tal-komunitajiet lokali għal parteċipazzjoni effettiva u inklużiva fil-proċeduri tal-ħruġ ta' permessi għall-proġetti ġodda ta' prospettar u estrazzjoni minerarja, matul l-istadji kollha tal-proġetti tal-estrazzjoni minerarja u meta jitressqu talbiet għall-estensjoni tal-minjieri eżistenti, u biex tiżgura li l-komunitajiet lokali jkollhom id-dritt li jirrikorru għal mekkaniżmi ta' rimedju effettivi rregolati minn qrati indipendenti u korpi ta' sorveljanza ħielsa minn kwalunkwe kunflitt ta' interess;
72. Jilqa' l-enfasi fuq il-materja prima kritika fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Reviżjoni tal-Politika Kummerċjali; jappella għal politika kummerċjali assertiva li tenfasizza d-diversifikazzjoni u r-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista, u li tagħti prijorità lit-titjib tal-mekkaniżmi globali u tal-UE biex jinħoloq ambjent kummerċjali favorevoli għall-industrija tal-UE;
73. Jenfasizza li l-industrija tal-UE qed tiffaċċja kompetizzjoni internazzjonali ħarxa għall-aċċess għall-materja prima u hija vulnerabbli għal miżuri ta' restrizzjoni fuq l-esportazzjoni minn pajjiżi li mhumiex fl-UE; jirrikonoxxi li żieda globali fid-domanda x'aktarx twassal għal żieda fil-prezzijiet u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta analiżi ta' dan il-punt;
74. Jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni, biex tiddiversifika kemm jista' jkun is-sorsi tal-provvista tal-materja prima kritika, iżżid l-effiċjenza fir-riżorsi u tnaqqas id-dipendenza attwali minn ftit pajjiżi terzi billi tappoġġa l-investiment li jinvolvi lis-sħab tal-UE u globali u lill-SMEs bħala parti minn strateġija internazzjonali ta' akkwist fit-tul; jisħaq fuq il-fatt li dan l-għan għandu jinkiseb billi jissaħħu s-sħubijiet u l-ftehimiet kummerċjali eżistenti u billi jinbnew ftehimiet strateġiċi ġodda jew impriżi konġunti tal-UE ma' pajjiżi ta' oriġini b'ħafna riżorsi u oħrajn tal-istess fehma, f'konformità ma' prijoritajiet definiti b'mod ċar; jilqa' f'dak is-sens id-djalogu kontinwu mal-Kanada, mal-Awstralja u maċ-Ċilì, li għandu l-għan li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet kummerċjali fil-qasam tal-materja prima kritika; jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssaħħaħ il-kooperazzjoni fi ħdan il-qafas tal-Konferenza bejn l-UE u l-Istati Uniti u l-Ġappun dwar il-Materja Kritika; jenfasizza l-ħtieġa ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib ma' fornituri internazzjonali ewlenin fil-Balkani tal-Punent, fl-Ewropa tal-Lvant, fl-Amerka Latina u fl-Afrika, kif ukoll maċ-Ċina u ma' pajjiżi oħra li qed jiżviluppaw fin-Nofsinhar Globali;
75. Jissottolinja li l-ftehimiet futuri ta' kummerċ ħieles u ta' sħubija tal-UE jistgħu jipprovdu mhux biss sigurtà akbar tal-provvista iżda wkoll qafas politiku u ekonomiku affidabbli, u li għandhom jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-materja prima kritika, kif imħabbar mill-Kummissjoni fl-Istrateġija tagħha Kummerċ għal Kulħadd, sabiex tiġi promossa l-kooperazzjoni, tiġi żgurata l-konformità mal-impenji internazzjonali, jiġu eliminati u evitati r-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni u jkun hemm konformità mar-regoli attwali għal qabel u wara l-istabbiliment ta' investimenti diretti barranin; jistieden lill-Kummissjoni tkompli ttejjeb il-monitoraġġ u l-infurzar tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles, inklużi l-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli, tiżgura li l-impenji u d-dispożizzjonijiet dwar l-akkwist responsabbli ta' materja prima kritika jiġu ddefiniti u ssodisfati mis-sħab kummerċjali u li jiġi kkunsidrat it-tħassib possibbli tal-komunitajiet affettwati mill-attivitajiet ta' estrazzjoni; jissottolinja li dan għandu jkun fost il-kompiti prijoritarji tal-Uffiċjal Kap għall-Infurzar tal-Kummerċ;
76. Jistieden lill-Kummissjoni tniedi diskussjoni fid-WTO dwar ir-restrizzjonijiet imposti fuq iż-żieda ta' ekonomija ċirkolari permezz ta' miżuri ta' rekwiżiti ta' kontenut lokali, tibni sħubija aktar b'saħħitha ma' reġjuni dinjija differenti, b'mod partikolari l-Afrika, u tiżgura li l-ftehimiet ta' kummerċ ħieles jirriflettu l-objettivi mtejba tal-ekonomija ċirkolari;
77. Jitlob li r-regoli tal-oriġini jintużaw b'mod aktar strett biex tiġi ssalvagwardjata l-produzzjoni tal-materja prima u tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni f'reġjuni fejn l-operaturi huma soġġetti għal rekwiżiti ta' sostenibbiltà u ta' sussidju industrijali inqas stretti; jissottolinja li kwalunkwe attività ġdida ta' akkwist minn kumpaniji li joperaw fis-suq tal-UE trid tkun konsistenti mar-Regolament dwar il-Minerali ta' Kunflitt, mar-regoli dwar l-akkwist responsabbli deskritti fid-Direttiva dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju u mal-istandards internazzjonali għall-akkwist responsabbli tal-komoditajiet; jappella għal projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta' materja prima kritika relatata ma' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ħaddiema bħal xogħol furzat jew tħaddim tat-tfal;
78. Jissottolinja li sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli u li tiffunzjona kompletament hija kruċjali biex jiġu żgurati flussi kummerċjali miftuħa u sostenibbli ta' materja prima kritika; jesprimi tħassib dwar l-użu ta' restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' materja prima kritika minn xi membri tad-WTO, inkluża ċ-Ċina, u jħeġġeġ lill-membri kollha ma jsegwux tali politiki; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tuża fora internazzjonali biex tillimita tali restrizzjonijiet distortivi fuq l-esportazzjoni ta' materja prima kritika; jerġa' jġedded l-appell tiegħu lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tirdoppja l-isforzi tagħha biex tinkiseb riforma ambizzjuża tad-WTO sabiex tiġġieled id-distorsjonijiet tal-kummerċ internazzjonali u l-prattiki kummerċjali inġusti, tipprovdi ambjent ta' kummerċ internazzjonali stabbli u prevedibbli u tiggarantixxi kompetizzjoni ġusta u effettiva madwar id-dinja;
79. Jilqa' d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Laqgħa Trilaterali tal-Ministri tal-Kummerċ tal-Ġappun, tal-Istati Uniti u tal-Kummissjoni, u jappoġġa d-definizzjoni proposta ta' sussidji industrijali; jilqa' l-fatt li d-definizzjoni testendi lil hinn minn dawk stabbiliti fil-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri ta' Kumpens u r-Regolament tal-UE Kontra s-Sussidji, u tipprovdi definizzjoni usa' ta' sussidju; jemmen li tali miżuri huma kruċjali għal-livellar tal-kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni internazzjonali fil-qasam tal-materja prima kritika, peress li s-sussidji industrijali, b'mod partikolari fiċ-Ċina, joħolqu theddida serja għall-industrija u għall-ħaddiema tal-UE peress li dawn ifixklu l-kompetizzjoni internazzjonali;
80. Jilqa' l-inizjattiva konġunta bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-indirizzar tal-kapaċità żejda globali tal-azzar u tal-aluminju u jitlob miżuri komprensivi u rapidi biex jinżammu responsabbli pajjiżi bħaċ-Ċina li jappoġġaw politiki li jfixklu l-kummerċ; ifakkar lill-Kummissjoni, madankollu, li għalissa t-tariffi tat-Taqsima 232 tal-Istati Uniti għadhom fis-seħħ bis-sħiħ u li din il-kwistjoni trid tiġi solvuta b'mod urġenti;
81. Jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-bdil tal-pagamenti tal-importazzjoni tal-UE għall-materja prima kritika minn muniti internazzjonali oħra għall-euro jkollu xi vantaġġi, bħat-tnaqqis tal-volatilità tal-prezzijiet u li l-importaturi tal-UE u esportaturi terzi jiġu megħjuna biex ikunu inqas dipendenti mis-swieq ta' finanzjament tad-dollaru Amerikan;
o o o
82. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Bank Dinji, Minerals for Climate Action: The Mineral Intensity of the Clean Energy Transition; Studju ta' prospettiva tal-Kummissjoni Ewropea; OECD, Global Material Resources Outlook to 2060: Economic Drivers and Environmental Consequences.
Baldé, C.P., Forti V., Gray, V., Kuehr, R., Stegmann,P. The Global E-waste Monitor – 2017, United Nations University, International Telecommunication Union & International Solid Waste Association, Bonn/Geneva/Vienna, 2017.
Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2020 bit-titlu "Ir-Reżiljenza tal-Materja Prima Kritika: It-Twittija tat-Triq lejn Sigurtà u Sostenibbiltà Akbar".
Filwaqt li l-EOL-RIR fl-Ewropa għall-aluminju użat fit-trasport u fil-bini kienet ta' aktar minn 90 %, 60 % biss tal-aluminju użat fl-imballaġġ ġie rriċiklat fl-2013.
"Kieku l-UE kellha tipproċessa internament il-fluss tal-iskart u tal-laqx tal-aluminju esportat fl-2015, l-EOL-RIR kienet tiżdied għal 16 %" (Passarini et al., 2018), mill-Istudju dwar il-lista tal-UE tal-Materja Prima Kritika tal-Kummissjoni Ewropea.
Direttorat Ġenerali għall-Ambjent, "Guidance document on non-energy mineral extraction and Natura 2000: a summary" (Dokument ta' gwida dwar l-estrazzjoni ta' minerali mhux għall-enerġija u Natura 2000: sommarju), Kummissjoni Ewropea, Brussell, 2019.