Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2021/2918(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0552/2021

Testi mressqa :

B9-0552/2021

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/11/2021 - 8

Testi adottati :

P9_TA(2021)0480

Testi adottati
PDF 136kWORD 49k
Il-Ħamis, 25 ta' Novembru 2021 - Strasburgu
Mozzjoni għal riżoluzzjoni dwar is-sikurezza tal-parkeġġi għat-trakkijiet fl-UE
P9_TA(2021)0480B9-0552/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2021 dwar is-sikurezza tal-parkeġġi tat-trakkijiet fl-UE (2021/2918(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 4, 26, 67, 73, 87, 88 u 91 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-ġestjoni tas-sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq(1), kif emendata mid-Direttiva (UE) 2019/1936 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2019 li temenda d-Direttiva 2008/96/KE dwar il-ġestjoni tas-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta' Sistemi ta' Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma' modi oħrajn ta' trasport(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 885/2013 tal-15 ta' Mejju 2013 li jissupplimenta d-Direttiva ITS 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-forniment ta' servizzi ta' informazzjoni għal postijiet tal-parkeġġ sikuri u siguri għat-trakkijiet u l-vetturi kummerċjali(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE(5),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 585/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-varar ta' eCall interoperabbli madwar l-UE kollha(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) Nru 283/2014, b'mod partikolari l-Artikolu 9(2)(b)(vii) tiegħu(7),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2020/1054 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2020 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 fir-rigward ta' rekwiżiti minimi dwar il-ħinijiet massimi ta' sewqan kuljum u kull ġimgħa, il-pawżi minimi u l-perijodi ta' mistrieħ kuljum u kull ġimgħa u r-Regolament (UE) Nru 165/2014 fir-rigward tal-pożizzjonament permezz ta' takografi(8),

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet dwar il-Petizzjoni 0549/2021 waqt il-laqgħa tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-15 ta' Lulju 2021,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 227(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet irċieva l-Petizzjoni 0549/2021, iffirmata minn 22 735 persuna, li tqajjem tħassib dwar iż-żoni ta' parkeġġ tat-trakkijiet fin-network tat-toroq tal-UE u titlob miżuri preventivi biex jitnaqqas ir-riskju u d-daqs tal-problemi ta' sikurezza fiż-żoni ta' parkeġġ tat-trakkijiet;

B.  billi l-gruppi tal-kriminalità organizzata ħafna drabi jkunu involuti f'serq tal-merkanzija u spiss imorru għal prodotti ta' valur għoli, bħall-elettronika, it-tabakk u l-prodotti farmaċewtiċi, li jikkawża telf ekonomiku sinifikanti(9), li bejn l-2017 u l-2019 ammonta għal madwar EUR 52 miljun; billi dawn iċ-ċifri mhumiex komprensivi minħabba n-nuqqas ta' rapportar u ta' kondiviżjoni ta' data rilevanti dwar reati tal-merkanzija;

C.  billi dawn il-gruppi kriminali qed isiru aktar organizzati, jużaw teknoloġija mill-aktar avvanzata u f'ħafna każijiet jagħmlu rmiġġi fuq talba, u billi skont il-Valutazzjoni tal-Europol dwar it-Theddida mill-Kriminalità Serja u Organizzata tal-2021, l-użu tal-vjolenza mill-kriminali involuti f'kriminalità serja u organizzata fl-UE jidher li qed jiżdied, bil-vittmi li qed ikunu fil-mira b'mod mhux diskriminatorju mingħajr ma jitqies l-involviment jew il-pożizzjoni tagħhom, u f'ħafna drabi tiġi kkawżata ħsara lil persuni innoċenti fil-qrib;

D.  billi l-Unjoni Ewropea għandha tiġġieled il-kriminalità u l-kriminalità organizzata fuq in-network tat-toroq tal-UE u għandha tippromwovi l-moviment effettiv tal-merkanzija b'mod sikur u mingħajr spejjeż addizzjonali marbuta ma' esponiment eċċessiv għar-riskju ta' attakk;

E.  billi s-sewwieqa internazzjonali tat-trasport bit-triq iqattgħu perjodi itwal 'il bogħod mid-dar u mill-familji tagħhom, li jfisser li infrastruttura tal-parkeġġ sikura, sigura u mgħammra tajjeb madwar l-UE hija ta' importanza kruċjali għas-saħħa fiżika u mentali tagħhom;

F.  billi l-perjodi tax-xogħol, tal-mistrieħ u tal-pawżi tas-sewwieqa tat-trasport tal-merkanzija internazzjonali huma soġġetti għal regoli stretti li għandhom l-għan li joħolqu settur tat-trasport bit-triq sikur, effiċjenti u soċjalment responsabbli fl-Unjoni Ewropea; billi hija r-responsabbiltà kemm tal-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll tal-Istati Membri li jipprovdu infrastrutturi tal-parkeġġ adegwati u aċċessibbli madwar l-UE kollha li tagħmel ir-regoli dwar il-ħin tax-xogħol u tal-mistrieħ proporzjonati u fattibbli;

G.  billi l-kundizzjonijiet ħżiena ta' mistrieħ u r-riskju għoli ta' kriminalità u attakk huma l-fatturi ewlenin li jagħmlu l-professjoni tas-sewwieq daqshekk mhux attraenti; billi n-nuqqas ta' sewwieqa huwa problema dejjem akbar li toħloq sfida għall-funzjonament effettiv tas-suq uniku, tal-loġistika u tal-ktajjen tal-provvista u ta' setturi oħra bħall-manifattura u l-bejgħ bl-imnut;

1.  Ifakkar li studju tal-Kummissjoni tal-2019 jindika li hemm nuqqas ta' madwar 100 000 spazju ta' parkeġġ matul il-lejl għat-trakkijiet fl-UE, filwaqt li dan in-nuqqas huwa saħansitra akbar għal żoni ta' parkeġġ sikuri ċċertifikati(10);

2.  Jiddikjara li huma meħtieġa żoni ta' parkeġġ siguri u sikuri għat-trakkijiet (SSTPAs) biex jiġu żgurati kundizzjonijiet soċjalment ġusti għas-sewwieqa professjonali meta jistrieħu b'mod obbligatorju; ifakkar li l-industrija tat-trasport bit-triq qed tbati minn nuqqas qawwi ta' sewwieqa; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib id-disponibbiltà ta' għadd suffiċjenti ta' SSTPAs ta' kwalità għolja u l-applikazzjoni proporzjonata ta' penali mill-Istati Membri; jenfasizza l-ħtieġa li tittieħed azzjoni fil-każ ta' kwalunkwe forma ta' trattament inġust jew diskriminazzjoni kontra s-sewwieqa tat-trakkijiet u l-kumpaniji tat-trasport tal-UE;

3.  Jiddeplora l-attakki fuq it-trasportaturi fiż-żoni ta' parkeġġ tat-trakkijiet, inklużi attakki fatali, u jfakkar li dawn l-attakki spiss jitwettqu minn gruppi organizzati tajjeb u mgħammra tajjeb li xi drabi jisirqu merkanzija ordnata u spiss jużaw l-introjtu minn dawn ir-reati biex jiffinanzjaw forom oħra ta' kriminalità serja;

4.  Jiddeplora l-fatt li dan it-tip ta' inċident jista' jkollu aspett ksenofobiku jew razzist;

5.  Jirrikonoxxi li l-kriminalità tal-proprjetà kontra s-sewwieqa tat-trakkijiet qed issir dejjem aktar ta' natura transfruntiera u tirrappreżenta t-theddida ewlenija għas-sigurtà tas-sewwieqa tat-trakkijiet; jenfasizza li hija meħtieġa kooperazzjoni msaħħa sabiex tali reat jiġi indirizzat kif xieraq, u jitlob skambju aktar strutturali ta' informazzjoni u koordinazzjoni operazzjonali bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri bl-appoġġ tal-Europol, inkluża kooperazzjoni msaħħa ma' partijiet privati, bħall-Assoċjazzjoni għall-Protezzjoni tal-Assi Trasportati u l-Organizzazzjoni Ewropea għall-Parkeġġ Sikur;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jirrapportaw b'mod sistematiku reati lill-Europol sabiex jiżguraw reazzjonijiet koerenti permezz ta' appoġġ operazzjonali u analitiku, u jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssaħħaħ il-kapaċitajiet tal-Europol f'dan il-qasam billi żżid ir-riżorsi u l-persunal tagħha;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ żieda fil-parkeġġi tat-trakkijiet disponibbli u ttejjeb il-kwalità, is-sikurezza u l-konnettività tagħhom bl-użu ta' inizjattivi leġiżlattivi, programmi ta' fondi strutturali u ta' investiment Ewropej, mekkaniżmi għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u strumenti disponibbli oħra, bħall-programm ta' finanzjament tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa;

8.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu u jiżviluppaw kooperazzjoni tal-pulizija li tinvolvi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha biex jipprevjenu, jikxfu u jinvestigaw reati kriminali fit-toroq u fiż-żoni tal-parkeġġ;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu objettivi u approċċi biex jiżdied l-għadd ta' SSTPAs fil-ftehimiet ta' sħubija finali dwar il-fondi strutturali u ta' investiment Ewropej u fil-programmi għal dawn il-fondi;

10.  Jilqa' l-istabbiliment tal-Grupp ta' Esperti tal-Kummissjoni dwar is-Sikurezza tal-Infrastruttura tat-Toroq, li se jfittex il-parir u l-għarfien espert tal-Istati Membri u ta' partijiet ikkonċernati rilevanti oħra dwar dan is-suġġett, inkluż għat-tħejjija ta' atti mhux leġiżlattivi, kif ukoll l-istabbiliment tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar is-Sikurezza fit-Toroq, li se jipprovdi pariri strateġiċi u feedback frekwenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef il-ħidma f'dan il-qasam u tikkoordina mal-Istati Membri sabiex jinkiseb titjib konkret għas-sewwieqa tat-trakkijiet tal-UE;

11.  Jisħaq fuq l-importanza tal-implimentazzjoni ta' proġetti mmirati lejn il-promozzjoni tal-kooperazzjoni nazzjonali u internazzjonali fil-ġlieda kontra s-serq tal-merkanzija, l-għoti ta' ħarsa ġenerali lejn il-proċeduri li għaddejjin u l-ottimizzazzjoni tal-ħidma tal-każijiet fil-livell operazzjonali;

12.  Ifakkar fl-importanza li jiġi żgurat finanzjament prijoritarju għall-ħolqien u t-titjib tal-SSTPAs fl-UE billi jsir użu mill-programmi ta' finanzjament kollha disponibbli tal-UE u tal-Istati Membri;

13.  Jistieden lill-Istati Membri jassumu r-responsabbiltà primarja tagħhom għat-titjib tas-sikurezza taż-żoni tal-parkeġġ tat-trakkijiet permezz ta' strateġiji nazzjonali stabbiliti sew għas-sikurezza fit-toroq u miżuri konkreti stabbiliti fil-pjanijiet ta' azzjoni u fil-pjanijiet ta' implimentazzjoni, li jiffurmaw il-bażi ta' kultura ġenwina tal-UE dwar is-sikurezza fit-toroq;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jingħaqdu flimkien biex itejbu l-kwalità tas-servizzi fiż-żoni ta' parkeġġ tat-trakkijiet, inkluż billi joffru karatteristiċi bażiċi bi prezz raġonevoli, u jtejbu s-sigurtà tagħhom, filwaqt li jiżguraw li jsiru awditi indipendenti minn partijiet terzi bbażati fuq standards komuni tal-UE għaż-żoni siguri kollha ta' parkeġġ tat-trakkijiet fi ħdan is-sistema, sabiex jiġi ggarantit li l-infrastruttura tikkonforma mal-istandards tas-sikurezza u s-sigurtà tal-UE, pereżempju f'konformità mad-Direttiva 2008/96/KE dwar il-ġestjoni tas-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq;

15.  Jesprimi dispjaċir għall-fatt li għad hemm interpretazzjonijiet diverġenti fir-rigward tal-istandards tas-sikurezza u tas-sigurtà tal-parkeġġ u r-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni u jenfasizza l-importanza li jinħoloq standard armonizzat tal-UE li jkun fih regoli ċari u mhux ambigwi dwar is-sikurezza u l-livelli ta' kumdità;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tissodisfa l-impenji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2020/1054 biex tistabbilixxi standards u proċeduri ta' ċertifikazzjoni għal faċilitajiet sikuri u siguri għall-parkeġġ tat-trakkijiet fl-UE;

17.  Jenfasizza li l-istandards tal-UE li jispjegaw il-livell ta' servizz u sigurtà tal-SSTPAs u l-proċeduri għaċ-ċertifikazzjoni ta' tali żoni ta' parkeġġ iridu jsiru obbligatorji sabiex tiġi żgurata u pprovduta definizzjoni konsistenti ta' żoni siguri ta' parkeġġ tat-trakkijiet u qafas leġiżlattiv koerenti;

18.  Jitlob li jittejbu l-kopertura u l-effettività tas-servizzi ta' emerġenza u ta' rispons immedjat u li jiġu introdotti sistemi ta' sejħiet għan-notifika lill-awtoritajiet kompetenti fil-lingwi uffiċjali kollha; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw sistema ta' rispons immedjat meta jitwettaq reat kontra sewwieq jew trakk fil-ġuriżdizzjoni nazzjonali tagħhom u biex jevitaw każijiet li fihom sewwieq ma jingħatax assistenza f'waqtha mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sigurtà pubblika minħabba n-natura minuri tar-reat, l-ostakli lingwistiċi jew kwalunkwe raġuni oħra;

19.  Jappella għall-introduzzjoni ta' rondi regolari tas-sigurtà/tal-pulizija f'żoni ta' parkeġġ fejn is-servizzi tas-sigurtà ma jistgħux jiġu pprovduti b'mod kostanti, iżda fejn ġew irrapportati attakki fuq it-trasportaturi;

20.  Jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tal-mekkaniżmi tal-ġbir tad-data, tal-iskambju tal-informazzjoni u tal-appoġġ analitiku, u jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw mudelli effettivi għall-ġbir, l-ipproċessar u l-kondiviżjoni awtomatizzati tad-data sabiex itejbu r-rispons operazzjonali tal-forzi tal-pulizija għall-kriminalità transfruntiera;

21.  Jindika li l-informazzjoni dwar fejn jinsabu l-SSTPAs għandha titwassal b'mod faċli għall-utent lis-sewwieqa u lill-katina loġistika kollha permezz ta' għodod diġitali u jitlob lill-Kummissjoni tikseb dan l-għan billi tistabbilixxi bażi għal soluzzjonijiet tal-ICT interoperabbli li se jippermettu lis-sewwieqa jsibu u jirriżervaw żoni tal-parkeġġ sikuri u jippjanaw il-vjaġġi tagħhom kif xieraq;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu s-sistemi eżistenti ta' sikurezza ġol-vettura u kwalunkwe tip ta' għodda intelliġenti ta' twissija u l-konnessjoni tagħhom mas-servizzi tal-pulizija u ta' emerġenza;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri għar-reviżjoni tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 885/2013 u tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jesploraw u jissuġġerixxu miżuri konkreti għall-protezzjoni tal-vittmi ta' reati mwettqa f'żoni ta' parkeġġ tat-trakkijiet mhux protetti, bħall-aċċess għal assistenza medika, pariri legali, interpretu eċċ.;

25.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet li jistabbilixxi missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni biex jinvestiga aktar il-fatti deskritti fil-Petizzjoni 0549/2021, jagħti dettalji ġodda dwar is-sikurezza taż-żoni ta' parkeġġ tat-trakkijiet u jivvaluta l-isfidi fil-prattika;

26.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 319, 29.11.2008, p. 59.
(2) ĠU L 305, 26.11.2019, p. 1.
(3) ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1.
(4) ĠU L 247, 18.9.2013, p. 1.
(5) ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1.
(6) ĠU L 164, 3.6.2014, p. 6.
(7) ĠU L 249, 14.7.2021, p. 38.
(8) ĠU L 249, 31.7.2020, p. 1.
(9) Valutazzjoni tal-Europol dwar it-Theddida mill-Kriminalità Serja u Organizzata tal-2021: "It-telf ikkawżat mill-kriminalità tal-merkanzija fit-tmien Stati Membri l-aktar affettwati qabeż il-EUR 75 miljun fl-2019 u għandu impatt sinifikanti fuq il-ktajjen tal-provvista".
(10) Studju tal-każ tal-Kummissjoni tal-2019 dwar parkeġġ sikur u sigur għat-trakkijiet, p. 24. Disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/transport/sites/default/files/2019-study-on-safe-and-secure-parking-places-for-trucks.pdf

Aġġornata l-aħħar: 2 ta' Marzu 2022Avviż legali - Politika tal-privatezza