Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2021 dwar is-sitwazzjoni fis-Somalja (2021/2981(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Somalja,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija Konġunta Afrika-UE,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Unjoni Afrikana għall-Protezzjoni u l-Assistenza ta' Persuni Spostati Internament (IDPs) fl-Afrika,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989,
– wara li kkunsidra l-Programm Indikattiv Nazzjonali UE-Somalja għar-Repubblika Federali tas-Somalja 2014-2020,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM) tat-8 ta' Novembru 2017 li biha ħabbret l-intenzjoni tagħha li f'Diċembru 2017 tibda gradwalment tirtira t-truppi mis-Somalja, bil-ħsieb li tirtirahom kompletament sal-2020,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli Josep Borrell tat-18 ta' Settembru 2021 dwar is-sitwazzjoni politika fis-Somalja,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2568 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-12 ta' Marzu 2021 dwar is-sitwazzjoni fis-Somalja,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi s-sitwazzjoni umanitarja fis-Somalja qed tkompli tiddeterjora, b'diversi kriżijiet, inklużi l-instabbiltà politika, l-attivitajiet terroristiċi, in-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel, in-nixfa, il-kriżi klimatika u l-COVID-19, li jheddu l-istabbiltà, il-benesseri tal-bniedem u l-għajxien, u jikkawżaw spostament fuq skala kbira madwar il-pajjiż u r-reġjun;
B. billi l-aġenziji internazzjonali tal-għajnuna wissew li s-Somalja tinsab f'xifer katastrofi umanitarja b'madwar 5,9 miljun ruħ fi bżonn ta' assistenza umanitarja u aktar minn 2,7 miljun ruħ jiffaċċjaw livelli ta' emerġenza ta' nuqqas ta' sigurtà tal-ikel madwar il-pajjiż, inklużi aktar minn 800 000 tifel u tifla taħt l-età ta' ħames snin f'riskju ta' malnutrizzjoni akuta; billi 2 miljun ruħ qed iħabbtu wiċċhom ma' skarsezzi kbar tal-ilma; billi n-NU ddikjaraw li s-Somalja qed tiffaċċja l-agħar nuqqas ta' finanzjament f'sitt snin; billi s-sħab umanitarji jistmaw li 7,7 miljun Somalu se jeħtieġu assistenza umanitarja fl-2022, u madwar 1,2 miljun tifel u tifla taħt l-età ta' ħames snin x'aktarx li jkunu malnutriti b'mod akut fl-2022 jekk il-kura ma tingħatax immedjatament;
C. billi s-Somalja ma kinitx kapaċi tirreaġixxi għall-pandemija tal-COVID-19 minħabba n-nuqqas ta' sistema tal-kura tas-saħħa li tiffunzjona, in-nuqqas ta' ventilaturi, provvisti farmaċewtiċi u persunal; billi s-Somalja, bħal ħafna pajjiżi Afrikani, ma setgħetx tlaqqam il-popolazzjoni tagħha minħabba nuqqas ta' disponibbiltà ta' vaċċini, b'madwar 3 % biss tal-popolazzjoni tagħha kompletament imlaqqma;
D. billi s-settur tal-edukazzjoni ntlaqat b'mod qawwi ħafna mill-pandemija tal-COVID-19, b'ħafna tfal, inklużi dawk li jgħixu fis-siti tal-IDP b'mod partikolari, li ma jistgħux ikomplu l-edukazzjoni formali tagħhom b'riżultat ta' ċirkostanzi bħall-ġenituri tagħhom li tilfu l-għajxien tagħhom u sorsi effettivi ta' introjtu;
E. billi l-gruppi ribelli għadhom l-akbar sors ta' nuqqas ta' sigurtà fil-pajjiż, iwettqu attakki indiskriminati fuq Somali, u huma involuti fil-ħtif ta' persuni u r-reklutaġġ furzat ta' tfal għal kunflitt armat; billi madwar 1 000 ċivili nqatlu jew indarbu f'kunflitt armat sa issa fl-2021, b'al-Shabaab responsabbli għall-biċċa l-kbira tal-vittmi ċivili; billi l-militanti intensifikaw l-attakki tagħhom u kellhom fil-mira l-qtil ta' uffiċjali tal-gvern f'tentattiv biex ifixklu l-proċess elettorali tal-2021;
F. billi l-gruppi vulnerabbli għadhom il-miri ewlenin tal-abbużi u l-vjolenza, inklużi n-nisa, it-tfal, l-anzjani, l-IDPs, l-LGBTQ u minoranzi oħra; billi l-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, kif ukoll il-vjolenza relatata mal-kunflitti, għadhom iseħħu fuq skala kbira b'impunità, b'mod partikolari fiż-żoni ta' kunflitt;
G. billi, skont ir-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tal-2021 dwar it-Tfal u l-Kunflitti Armati, komplew isiru abbużi gravi kontra t-tfal fis-Somalja, b'mill-inqas 1 087 tifel u tifla maqtula u mutilati fl-2020; billi al-Shabaab huwa r-reklutatur ewlieni tat-tfal, filwaqt li al-Shabaab, il-forzi tas-sigurtà tal-gvern, il-forzi tas-sigurtà reġjonali u l-milizzji tal-klan flimkien irreklutaw 1 716 tifel u tifla s-sena li għaddiet;
H. billi f'Awwissu 2020, il-Parlament f'Mogadishu ressaq Abbozz ta' Liġi ġdid dwar id-Delitti Relatati mal-Konġunġimenti Karnali li jippermetti ż-żwieġ tat-tfal billi jiddefinixxi tifel jew tifla abbażi tal-maturità fiżika aktar milli l-età, u jinkludi protezzjonijiet proċedurali dgħajfa għas-superstiti; billi l-Abbozz ta' Liġi l-ġdid dwar id-Delitti Relatati mal-Konġunġimenti Karnali jikser l-obbligi internazzjonali u reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem;
I. billi l-libertà tal-espressjoni għadha severament ristretta, bil-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jiġu mhedda, detenuti arbitrarjament u mċaħħda proċess ġust u garanziji ta' proċess ġust; billi l-mezzi tal-media ngħalqu mill-awtoritajiet fil-livell reġjonali u federali; billi l-awtoritajiet rari jinvestigaw każijiet ta' qtil jew attakki fuq ġurnalisti jew iħarrku lit-trasgressuri;
J. billi qabel il-proċess elettorali, il-forzi tas-sigurtà u l-awtoritajiet reġjonali tal-Gvern Federali tas-Somalja, b'mod partikolari f'Puntland, kif ukoll al-Shabaab, eskalaw l-attakki fuq il-ġurnalisti permezz ta' intimidazzjoni, fastidju u arresti arbitrarji; billi media indipendenti hija komponent essenzjali ta' proċess elettorali ġust; billi bosta ġurnalisti nqatlu illegalment matul l-2021, inkluż il-ġurnalist veteran Abdiaziz Mohamud Guled, Direttur ta' Radju Mogadishu, li nqatel minn al-Shabaab f'Mogadishu fl-20 ta' Novembru 2021;
K. billi huwa stmat li 2,9 miljuni Somali huma spostati internament; billi minn Awwissu sa Ottubru 2021 55 000 persuna ġew imġiegħla jaħarbu minn djarhom, bi 80 % minnhom jaħarbu b'riżultat ta' kunflitt u 20 % minħabba avvenimenti relatati mal-klima; billi hemm diversi kampijiet tar-rifuġjati fil-Kenja u ilhom jilqgħu r-rifuġjati u l-persuni li jfittxu asil mis-Somalja sa mill-gwerra ċivili fis-Somalja fl-1991, inklużi l-kampijiet ta' Kakuma u Dadaab b'madwar 520 000 rifuġjat u applikant għall-asil irreġistrati; billi l-kundizzjonijiet tal-għajxien fil-kampijiet mhumiex sikuri, bin-nisa, it-tfal u l-persuni LGBTQ b'mod partikolari jiffaċċjaw abbuż u vjolenza rikorrenti; billi, fid-29 ta' April 2021, il-UNHCR u l-Gvern tal-Kenja qablu dwar pjan direzzjonali għal għeluq aktar tard tal-kampijiet ta' Kukuma u Dadaab sat-30 ta' Ġunju 2022;
L. billi s-Somalja għadha wieħed mill-aktar pajjiżi Afrikani perikolużi għat-trejdjunjonisti, li huma sistematikament soġġetti għal vjolenza u intimidazzjoni; billi l-ħaddiema Somali huma kontinwament imċaħħda mid-drittijiet fundamentali tal-bniedem u d-drittijiet tax-xogħol tagħhom, u s-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali tagħhom huma regolarment ipperikolati u huma mħallsa ħażin, inkluż minn kuntratturi barranin;
M. billi l-proċess elettorali oriġinarjament kellu jitlesta f'Ottubru 2021 bl-elezzjonijiet presidenzjali; billi, madankollu, il-proċess elettorali ġie mwaqqaf kontinwament, wara dewmien mill-Istati Membri Federali fl-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet tal-membri taż-żewġ kmamar tal-Parlament Federali tas-Somalja, li min-naħa tagħhom jeleġġu l-President tas-Somalja; billi aktar ma l-proċess elettorali jiddewwem, aktar se jkun hemm devjazzjoni tar-riżorsi mill-prijoritajiet nazzjonali importanti, bħar-rispons għall-emerġenzi umanitarji;
N. billi d-delegati tal-klan huma mistennija li jaħtru total ta' 275 Membru Parlamentari fil-Kamra Inferjuri, filwaqt li l-ħames leġiżlaturi tal-istat tas-Somalja diġà eleġġew is-senaturi kollha għall-Kamra Superjuri, jiġifieri 54; billi l-awtoritajiet impenjaw ruħhom li jlestu l-elezzjonijiet tal-Kamra Inferjuri sal-24 ta' Diċembru 2021; billi t-tlestija kredibbli tal-proċessi elettorali se tkun kruċjali biex jiġu żgurati s-sigurtà u l-iżvilupp fit-tul tas-Somalja;
O. billi 26 % ta' dawk eletti fil-Kamra Superjuri huma nisa, ħaġa li tirrappreżenta żvilupp pożittiv fit-triq tas-Somalja lejn l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; billi jridu jsiru aktar sforzi biex tintlaħaq il-kwota miftiehma ta' 30 % għall-Kamra Inferjuri u biex tinkiseb l-inklużjoni sħiħa tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi, soċjali u ekonomiċi tas-Somalja;
P. billi l-indħil barrani fil-proċessi politiċi interni u l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet xekklu l-konklużjoni f'waqtha tagħhom; billi fil-15 ta' Novembru 2021, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta r-riżoluzzjoni 2607 (2021), li ġġedded l-embargo fuq l-armi fuq is-Somalja;
Q. billi l-mandat tan-NU tal-AMISOM se jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2021; billi l-Gvern Federali tas-Somalja u l-Unjoni Afrikana (UA) ma kinux kapaċi jaqblu dwar konfigurazzjoni ġdida ta' missjoni mmexxija mill-UA, kif previst fir-Riżoluzzjoni 2568 (2021) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; billi l-UE, permezz ta' diversi strumenti, ilha l-kontributur finanzjarju ewlieni għall-attivitajiet tal-AMISOM u tal-UA fis-Somalja mill-2007;
R. billi f'Diċembru 2020, il-Kunsill estenda l-mandati tat-tliet missjonijiet u l-operazzjonijiet tiegħu tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) fis-Somalja, il-Missjoni tal-UE ta' Bini tal-Kapaċità (EUCAP) fis-Somalja, il-Missjoni tal-UE ta' Taħriġ (EUTM) fis-Somalja u l-Operazzjoni EUNAVFOR ATALANTA, sal-31 ta' Diċembru 2022;
S. billi fil-5 ta' Novembru 2021, is-Somalja ddikjarat lill-mibgħut tal-UA Simon Mulongo persona non grata u ordnatlu jitlaq mill-pajjiż fi żmien sebat ijiem, filwaqt li akkużatu b'involviment f'attivitajiet li kienu inkompatibbli mal-mandat tal-AMISOM;
T. billi l-UE impenjat EUR 286 miljun għas-Somalja taħt il-Programm Indikattiv Nazzjonali fil-perjodu 2014-2020, b'enfasi fuq l-appoġġ tal-istat tad-dritt, is-sigurtà, is-sigurtà tal-ikel u l-edukazzjoni; billi fl-2021, l-UE allokat EUR 45,3 miljun f'finanzjament għal proġetti umanitarji fis-Somalja, inklużi EUR 2,8 miljun b'appoġġ għall-introduzzjoni nazzjonali tat-tilqim kontra l-COVID-19, filwaqt li l-UE u l-Istati Membri tagħha flimkien jipprovdu aktar minn 35 % tal-għajnuna umanitarja kollha fis-Somalja;
1. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-kriżi umanitarja li qed tiddeterjora fis-Somalja; jikkundanna l-ksur u l-abbużi kollha tad-drittijiet tal-bniedem u l-attakki indiskriminati diretti kontra persuni ċivili, ħaddiema umanitarji, ġurnalisti, uffiċjali elettorali u l-AMISOM li qed jitwettqu minn gruppi terroristiċi, b'mod partikolari Al-Shabaab; jistieden lill-partijiet kollha involuti fid-diversi kunflitti fis-Somalja jwaqqfu minnufih l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, u jieħdu passi konkreti biex iressqu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja fi proċessi ġusti; jitlob bil-qawwa li jitwaqqfu l-ostilitajiet u, kull meta jkun possibbli, li jsir djalogu komprensiv biex jiġu indirizzati d-differenzi politiċi;
2. Ifakkar li l-istabilità u l-paċi dejjiema fis-Somalja jistgħu jinkisbu biss permezz tal-inklużjoni soċjali u l-governanza tajba bbażati fuq il-prinċipji tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt; jistieden, għalhekk, lill-mexxejja tas-Somalja iżidu l-isforzi favur it-tlestija għalkollox tal-proċess elettorali tal-pajjiż u jlestu l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet inklużivi u kredibbli għall-Kamra Inferjuri qabel tmiem l-2021, ħalli mbagħad l-elezzjonijiet presidenzjali jkunu jistgħu jsiru mill-aktar fis possibbli; jissottolinja li l-proċess elettorali jrid jipproċedi b'mod paċifiku, f'konformità mal-iskeda miftiehma preċedentement tas-27 ta' Mejju 2021; jistieden ukoll lill-mexxejja tas-Somalja juru rażna u joqogħdu lura minn kwalunkwe azzjoni li tista' teskala t-tensjonijiet politiċi jew il-vjolenza, sabiex jistabbilixxu l-istabilità u jċaħħdu lil al-Shabaab mill-opportunità li jiksbu influwenza politika; jitlob ir-rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali matul il-perjodu tal-kampanja u dak elettorali, inkluż id-dritt tal-għaqda paċifika, u l-libertà tal-moviment, tal-assoċjazzjoni u tal-espressjoni; jikkundanna kull użu eċċessiv tal-forza mill-forzi tal-gvern kontra l-oppożizzjoni politika jew kontra d-dimostranti; iwissi kontra kwalunkwe inizjattiva ulterjuri li twassal biex mandati preċedenti jiġu estiżi mingħajr appoġġ wiesa' mill-partijiet ikkonċernati Somali u jopponi kwalunkwe proċess parallel jew elezzjoni parzjali;
3. Jistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lis-sħab internazzjonali jżidu b'mod urġenti l-assistenza umanitarja f'konformità mar-rekwiżiti u jipprovdu assistenza addizzjonali għar-reazzjoni għall-COVID-19, b'mod partikolari permezz tal-kondiviżjoni tat-tilqim u l-forniment ta' provvisti mediċi u prodotti farmaċewtiċi essenzjali; jissottolinja li l-komunità internazzjonali għandha tgħin biex isir dak kollu li hemm bżonn biex il-pandemija tal-COVID-19 tiġi mrażżna fis-Somalja u fir-reġjun, inkluż permezz ta' distribuzzjoni akbar tat-tilqim u billi tingħata spinta lill-kapaċità tal-manifattura tat-tilqim;
4. Jistieden lill-awtoritajiet Somali jwaqqfu l-arresti arbitrarji kollha u jeħilsu lill-persuni kollha li qed jiġu soġġetti għal detenzjoni illegali u mhux ġustifikabbli, jiġġieldu kontra l-atti ta' fastidju u intimidazzjoni ta' ċivili mill-forzi tas-sigurtà, il-politiċi u l-awtoritajiet lokali, u jiżguraw li dawk responsabbli jagħtu kont ta' għemilhom; jinsisti li l-awtoritajiet iwaqqfu l-eżekuzzjonijiet ordnati mill-qrati militari, jadottaw moratorju u jabolixxu l-piena tal-mewt; iħeġġeġ lill-Gvern tas-Somalja jsaħħaħ l-istat tad-dritt u jistabbilixxi sistema ġudizzjarja indipendenti u imparzjali, u jiżgura r-reparazzjonijiet għall-vittmi ta' vjolenza extraġudizzjarja u eċċessiva; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Somali jadottaw malajr il-politika tal-protezzjoni taċ-ċivili u l-abbozz ta' liġi nazzjonali kontra t-terroriżmu, u jiżguraw il-konformità sħiħa tagħhom man-normi u l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;
5. Jinsab imħasseb ħafna dwar l-għadd ta' rifuġjati u persuni spostati internament (IDPs) fis-Somalja u l-benesseri tagħhom; jistieden lill-UE u lis-sħab internazzjonali jimpenjaw ruħhom mal-Gvern Federali tas-Somalja biex jipprovdu protezzjoni, assistenza u soluzzjonijiet dejjiema f'konformità mal-obbligi internazzjonali; jilqa' r-ratifika mill-Gvern Federali tas-Somalja tal-Konvenzjoni tal-Unjoni Afrikana għall-Protezzjoni u l-Assistenza għal Persuni Spostati Internament fl-Afrika, u jistieden lill-Kummissjoni tassisti lis-Somalja fl-iżvilupp ta' oqfsa legali nazzjonali u fl-iżgurar tas-sikurezza tal-persuni spostati internament (IDPs) u tar-rifuġjati, b'attenzjoni partikolari għal dawk l-aktar vulnerabbli bħan-nisa, it-tfal u l-persuni li jappartjenu lill-gruppi minoritarji, li l-aktar li jinsabu f'riskju ta' vjolenza, abbuż u ksur;
6. Jinsab imħasseb ħafna dwar il-ħsara soċjali u ekonomika kkawżata mit-tibdil fil-klima, inklużi avvenimenti estremi tat-temp u l-pesta tal-ġradijiet; jilqa' l-impenji tas-Somalja fil-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (COP26) tal-2021 għal Tranżizzjoni Ġusta bbażata fuq id-djalogu soċjali u l-prijoritizzazzjoni tal-enerġija rinnovabbli sabiex jiġu koperti l-ħtiġijiet tal-enerġija tas-Somalja; jitlob azzjoni urġenti u l-implimentazzjoni xierqa ta' pjanijiet ta' azzjoni għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni tad-diżastri relatati mal-klima, bħall-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Kriżi tal-Ġradijiet tad-Deżert tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO);
7. Jiddeplora l-attakki mwettqa minn gruppi terroristiċi fuq il-ħaddiema umanitarji, il-qerda tal-infrastruttura u d-devjazzjoni tal-għajnuna; ifakkar li skont id-dritt internazzjonali għandu jiġi garantit aċċess mingħajr xkiel biex l-assistenza umanitarja titwassal f'waqtha lill-persuni li jinsabu fil-bżonn fis-Somalja kollha;
8. Ifakkar fl-appoġġ qawwi tiegħu għad-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent fis-Somalja u għall-ħidma li jwettqu; jistieden lid-delegazzjoni tal-UE u lir-rappreżentanzi tal-Istati Membri tal-UE fil-pajjiż iżidu l-appoġġ tagħhom għas-soċjetà ċivili fl-interazzjonijiet tagħhom mal-awtoritajiet Somali, jużaw l-istrumenti kollha disponibbli biex iżidu l-appoġġ tagħhom għall-ħidma tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent, u, fejn xieraq, jiffaċilitaw il-ħruġ ta' viżi ta' emerġenza, u jipprovdu rifuġju temporanju fl-Istati Membri;
9. Jirrikonoxxi r-rwol li qdiet l-AMISOM fil-kontribut għall-istabbiliment ta' sigurtà akbar quddiem it-theddida ppreżentata minn al-Shabaab u minn gruppi ribelli; jesprimi appoġġ għall-Pjan ta' Tranżizzjoni għas-Somalja rigward l-operazzjonijiet tal-AMISOM, u jappella għall-implimentazzjoni f'waqtha tiegħu; jistieden lill-partijiet ikkonċernati ewlenin tas-sigurtà Somali jilħqu ftehim dwar l-objettivi strateġiċi, id-daqs u l-kompożizzjoni ta' AMISOM futura mfassla biex tappoġġja t-tranżizzjoni tas-sigurtà fis-Somalja, sabiex isir progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Tranżizzjoni għas-Somalja; jitlob li tissaħħaħ l-arkitettura tas-sigurtà nazzjonali sabiex tiġi protetta l-popolazzjoni; jistieden lill-Gvern Federali tas-Somalja, lill-AMISOM u lill-forzi alleati jiżguraw li l-kampanji militari tagħhom kontra al-Shabaab jitwettqu b'aderenza stretta mad-dritt umanitarju internazzjonali u mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;
10. Jissottolinja li l-awtoritajiet Somali għandu jkollhom ir-responsabbiltà primarja li jiżguraw is-sigurtà f'pajjiżhom, iżda għadhom mhumiex f'pożizzjoni li jagħmlu dan fil-ġlieda kontra al-Shabaab u gruppi ribelli; ifakkar fl-importanza, f'konformità mar-Riżoluzzjoni 2568 (2021) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li jiġi żviluppat b'mod urġenti pjan ta' kif tkun tidher preżenza tal-UA rikonfigurata wara l-2021; ifakkar, f'dan il-kuntest, fir-responsabbiltà primarja tan-NU, tal-UA u tal-Gvern Federali tas-Somalja fl-iżvilupp ta' tali pjan, appoġġjat mis-sħab internazzjonali;
11. Iħeġġeġ lill-atturi barranin kollha biex ma jipperikolawx l-isforzi li għaddejjin fil-bini tal-istat u fil-konsolidazzjoni tal-paċi, filwaqt li jippromwovu l-istabilità u, fl-istess ħin, jippreservaw l-unità tal-pajjiż; ifakkar lill-partijiet kollha fl-embargo li għadu għaddej fuq l-armi adottat mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-Somalja;
12. Jilqa' ż-żieda fir-rappreżentanza tan-nisa fl-elezzjonijiet parlamentari, filwaqt li jinnota li għad hemm bżonn ta' rappreżentanza akbar; jenfasizza r-rwol importanti li in-nisa jaqdu fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u fil-konsolidazzjoni tal-paċi; jitlob li jkun hemm il-parteċipazzjoni u l-involviment sħaħ, ugwali u sinifikattivi tan-nisa fil-livelli kollha f'konformità mal-Karta tan-Nisa Somali;
13. Jikkundanna l-vjolenza sesswali u sessista li għaddejja kontra n-nisa u l-bniet fis-Somalja, u jappella għal sforzi nazzjonali kontinwi u miftiehma biex tiġi miġġielda l-vjolenza sesswali u sessista, inkluża t-traspożizzjoni effettiva fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni 190 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-vjolenza u l-fastidju fid-dinja tax-xogħol, li s-Somalja rratifikat, ir-ratifika tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa u l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni progressiva kontra l-mutilazzjoni ġenitali femminili kemm fil-livell ta' Stat kif ukoll f'dak Federali; iħeġġeġ lill-Gvern tas-Somalja jieħu miżuri konkreti biex jipprevjeni l-vjolenza sesswali kontra n-nisa u t-tfal;
14. Jistieden lill-awtoritajiet Somali jirrevokaw id-dispożizzjonijiet tal-liġi emendata tal-2020 dwar il-media li tillimita severament il-libertà tal-media u l-libertà tal-espressjoni, u li ma tikkonformax mal-istandards internazzjonali dwar il-libertà tal-espressjoni;
15. Jiddeplora l-attakki li saru dan l-aħħar fuq ġurnalisti u persunal tal-media li għandhom rwol leġittimu x'jaqdu fil-bini tal-istat u fil-proċess elettorali, u li għandhom ikunu jistgħu jwettqu xogħolhom mingħajr biża' jew intimidazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet Somali jwettqu u jikkonkludu investigazzjonijiet dwar il-qtil tal-ġurnalisti kollha matul l-2021, inkluż dak ta' Jamal Farah Adan, u jressqu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja;
16. Iħeġġeġ lill-Gvern Federali tas-Somalja u lill-Istati Membri Federali tiegħu jiddikjaraw, mingħajr dewmien, moratorju fuq l-arrest u l-priġunerija tal-ġurnalisti waqt il-qadi tad-dmirijiet ġurnalistiċi tagħhom, kif propost minn Reporters Without Borders u l-Unjoni Nazzjonali tal-Ġurnalisti Somali, u jtemmu l-użu kontinwu tal-kodiċi kriminali antik u antikwat tas-Somalja biex jikkastigaw lill-ġurnalisti u jrażżnu l-libertà tal-media u l-libertà tal-espressjoni;
17. Jistieden lill-Gvern Federali tas-Somalja, lill-Istati Membri Federali tiegħu u lill-komunità internazzjonali jiżguraw li l-kumpaniji barranin jew multinazzjonali li joperaw fis-Somalja jirrispettaw, jiddefendu u japplikaw bis-sħiħ it-trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u strumenti legali oħra, inklużi l-kostituzzjoni proviżorja u l-liġijiet tas-Somalja, kif ukoll il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO; jissottolinja l-ħtieġa li jitqiegħdu fil-mira l-finanzi ta' Al-Shabaab u li tiġi pprevenuta l-ġenerazzjoni illeċita ta' dħul, inkluż minn materja prima;
18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-President, lill-Prim Ministru u lill-Parlament tas-Somalja, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.