Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2021/2982(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0560/2021

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/11/2021 - 8
PV 25/11/2021 - 15

Testi adottati :

P9_TA(2021)0482

Testi adottati
PDF 167kWORD 56k
Il-Ħamis, 25 ta' Novembru 2021 - Strasburgu
Il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq minn kumpaniji militari u tas-sigurtà privati, b'mod partikolari l-Grupp Wagner
P9_TA(2021)0482RC-B9-0560/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2021 dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq minn kumpaniji militari u tas-sigurtà privati, b'mod partikolari l-Grupp Wagner (2021/2982(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2017 dwar il-kumpaniji tas-sigurtà privati(1), ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 2020 dwar il-kooperazzjoni UE-Afrika fil-qasam tas-sigurtà fir-reġjun tas-Saħel, fil-Punent tal-Afrika u fil-Qarn tal-Afrika(2), ir-rakkomandazzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 2021 dwar id-direzzjoni tar-relazzjonijiet politiċi bejn l-UE u r-Russja(3), u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2018 dwar is-Somalja(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1998 tas-7 ta' Diċembru 2020 dwar miżuri restrittivi kontra ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem(5) (ir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokolli anċillari tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-1977 tal-Organizzazzjoni tal-Unità Afrikana għall-Eliminazzjoni tal-Merċenjariżmu fl-Afrika,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1989 Kontra r-Reklutaġġ, l-Użu, il-Finanzjament u t-Taħriġ ta' Merċenarji,

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Montreux dwar obbligi legali internazzjonali pertinenti u prattiki tajba għall-Istati relatati mal-operazzjonijiet ta' kumpaniji militari u tas-sigurtà privati matul konflitt armat tas-17 ta' Settembru 2008 (id-Dokument ta' Montreux),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-1 ta' Ottubru 2021 tal-Missjoni Indipendenti ta' Ġbir ta' Informazzjoni dwar il-Libja stabbilita mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-esperti tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tal-31 ta' Marzu 2021 dwar il-ħarrieġa Russi u tas-27 ta' Ottubru 2021 dwar il-Grupp Wagner fir-Repubblika Ċentru-Afrikana,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Konferenza Internazzjonali ta' Pariġi għal-Libja tat-12 ta' Novembru 2021,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tan-NU dwar l-Użu ta' Servizzi ta' Sigurtà Armati minn Kumpaniji ta' Sigurtà Privati,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra r-rapporti, l-istqarrijiet għall-istampa u l-ittri ta' allegazzjoni tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar l-użu tal-merċenarji bħala mezz li jikser id-drittijiet tal-bniedem u jimpedixxi l-eżerċizzju tad-dritt tal-popli għall-awtodeterminazzjoni (Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar l-użu tal-merċenarji) b'mod partikolari dawk tal-24 ta' Marzu 2021 u tas-27 ta' Ottubru 2021,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-25 ta' Ġunju 2021 tal-Bord ta' Esperti dwar ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, estiża skont ir-Riżoluzzjoni 2536 (2020) indirizzata lill-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-grupp ta' ħidma intergovernattiv miftuħ biex jelabora l-kontenut ta' qafas regolatorju internazzjonali, mingħajr preġudizzju għan-natura tiegħu, relatat mal-attivitajiet tal-kumpaniji privati militari u tas-sigurtà,

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta Internazzjonali għall-Fornituri Privati ta' Servizzi ta' Sigurtà,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-kumpaniji privati militari u tas-sigurtà (PMSCs) huma entitajiet kummerċjali privati li jipprovdu servizzi militari u/jew ta' sigurtà li jistgħu jinkludu, fost oħrajn, għassa armata, manutenzjoni u operat ta' sistemi tal-armi, detenzjoni tal-ħabsin u konsulenza jew taħriġ għall-forzi lokali u l-persunal tas-sigurtà; billi d-dipendenza ta' atturi statali u mhux statali fuq il-PMSCs żdiedet b'mod sinifikanti f'żoni ta' kunflitt f'dawn l-aħħar snin; billi l-kunflitti tas-seklu 21, li bdew bil-gwerer fl-Afganistan u fl-Iraq, esperjenzaw l-involviment tal-PMSCs fil-livelli kollha, kemm għal appoġġ loġistiku kif ukoll għal operazzjonijiet ta' intensità għolja;

B.  billi s-sitwazzjoni regolatorja attwali f'dan is-settur hija magħmula minn sensiela ta' regoli inkonsistenti li jvarjaw ħafna bejn il-pajjiżi; billi l-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-awtoregolamentazzjoni mhux omoġenji adottati minn ċerti PMSCs mhumiex biżżejjed biex jipprevjenu l-abbuż, minħabba n-nuqqas ta' penali, u jista' jkollhom impatt kbir fuq kif il-PMSCs joperaw f'interventi multilaterali u f'reġjuni ta' konflitt;

C.  billi l-PMSCs huma marbuta bid-dritt internazzjonali meta jieħdu sehem f'-ostilitajiet, b'mod partikolari kif stabbilit fil-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra li hija rratifikata mill-Istati Membri kollha tan-NU; billi d-dispożizzjonijiet legali tal-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra huma rrikonoxxuti bħala dritt internazzjonali konswetudinarju; billi l-Artikolu 47 tal-Protokoll Addizzjonali I għall-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra jipprevedi definizzjoni ta' merċenarji; billi, fuq din il-bażi, il-merċenarji huma definiti bħala nies ċivili u għalhekk mhumiex permessi jipparteċipaw f'kunflitt; billi l-Konvenzjoni Internazzjonali Kontra r-Reklutaġġ, l-Użu, il-Finanzjament u t-Taħriġ ta' Merċenarji tipprojbixxi l-merċenarji;

D.  billi għaddejja l-ħidma dwar ir-regolamentazzjoni tal-PMSCs, b'mod partikolari fil-grupp ta' ħidma intergovernattiv miftuħ tan-NU biex jelabora l-kontenut ta' qafas regolatorju internazzjonali, mingħajr preġudizzju għan-natura tiegħu, relatat mal-attivitajiet tal-kumpaniji privati militari u tas-sigurtà; billi hemm pjan biex jiġi ppreżentat abbozz ta' qafas regolatorju għall-PMSCs f'April 2022; billi l-UE ġiet eletta fil-Grupp tal-Ħbieb tal-Presidenza tal-Forum tad-Dokument ta' Montreux;

E.  billi għadd kbir ta' membri tal-PMSCs li jaġixxu bħala merċenarji wettqu ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi delitti tal-gwerra, kemm kontra ġellieda kif ukoll kontra nies ċivili fil-kunflitti tal-passat, reċenti u li għadhom għaddejjin; billi l-parti l-kbira ta' dawk il-vjolazzjonijiet twettqu b'impunità u ma sarux investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet jew kundanni dwarhom;

F.  billi xi pajjiżi, bħar-Russja, it-Turkija u l-Emirati Għarab Magħquda, huma preżenti f'diversi żoni ta' kunflitt jew ta' wara kunflitt madwar id-dinja permezz tal-PMSCs;

G.  billi l-Grupp Wagner huwa xibka ta' paramilitari u negozji li huma affiljati permezz ta' sovrapożizzjonijiet fin-networks ta' sjieda u loġistika; billi l-Grupp Wagner jispikka fost il-PMSCs l-oħra għal diversi aspetti, bħall-konnessjonijiet irrapportati tiegħu mal-ogħla livelli tal-Istat Russu, il-preżenza rrapportata tiegħu f'diversi stati, l-iskala tal-operazzjonijiet tiegħu, b'madwar 10 000 impjegat u l-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem li ġie ddokumentat u li bih huwa akkużat; billi l-liġi Russa tipprojbixxi l-użu ta' merċenarji skont l-Artikolu 359 tal-Kodiċi Kriminali tagħha, li tippermetti lill-Kremlin jitbiegħed pubblikament mill-azzjonijiet illegali tal-PSMCs, bħall-Grupp Wagner, filwaqt li fl-istess waqt tipprovdi għadd ta' lakuni li jagħmluha possibbli li l-PSMCs jintużaw bħala għodda politika u militari importanti f'kunflitti madwar id-dinja;

H.  billi r-rabtiet tiegħu mal-awtoritajiet Russi ġew dokumentati minn organizzazzjonijiet indipendenti, bħal Bellingcat, permezz ta' rapporti ppubblikati minn Jannar 2019 sa Novembru 2021; billi l-Grupp Wagner allegatament jiddependi fuq infrastruttura militari Russa, jikkondividi bażi mal-militar Russu, juża t-trasport ta' inġenji tal-ajru militari Russi u juża servizzi tal-kura tas-saħħa militari; billi huwa ffinanzjat parzjalment permezz ta' kuntratti li jiswew miljuni għall-forniment ta' ikel u kostruzzjoni għall-Forzi Armati Russi mogħtija lil kumpaniji marbuta ma' Yevgeny Prigozhin, alleat qrib tal-President Russu Vladimir Putin; billi l-aġenzija tal-intelligence militari tar-Russja GRU, il-Ministeru tad-Difiża tagħha u s-servizzi konsulari tagħha huma involuti bis-sħiħ fil-finanzjament, ir-reklutaġġ, it-taħriġ u l-protezzjoni tal-operaturi tal-Grupp Wagner;

I.  billi l-UE imponiet sanzjonijiet fuq is-Sur Prigozhin għall-involviment tiegħu fil-kunflitt Libjan; billi diversi kumpaniji taħt il-kontroll tiegħu huma taħt sanzjonijiet tal-Istati Uniti talli "jappoġġjaw l-operazzjonijiet paramilitari tar-Russja, jippreservaw ir-reġimi awtoritarji u jisfruttaw ir-riżorsi naturali", skont it-Teżor tal-Istati Uniti;

J.  billi l-użu tal-PMSCs mill-Kremlin huwa msejjes fuq l-istorja twila tal-Unjoni Sovjetika li tħaddem forzi proxy barra mill-pajjiż billi tibgħat eluf ta' speċjalisti militari fl-għamla ta' "konsulenti" għal bosta kunflitti madwar id-dinja, filwaqt li uffiċjalment tiċħad l-involviment tar-Russja; billi fil-11 ta' April 2012, il-President Putin iddikjara fid-diskors tiegħu lid-Duma Russa li "grupp ta' kumpaniji militari privati jkun għodda effiċjenti biex jintlaħqu l-għanijiet nazzjonali mingħajr l-involviment dirett tal-Istat Russu"; billi d-denominazzjoni Grupp Wagner qiegħda titneħħa gradwalment biex jiġi evitat skrutinju pubbliku u ma tidhirx rabta bejnu u s-Sur Prigozhin u l-President Putin, u l-grupp qiegħed jiġi sostitwit minn entitajiet oħra b'ismijiet differenti; billi l-Kremlin, permezz ta' din il-kostruzzjoni u minħabba li l-Grupp Wagner ma għandu ebda status legali, qiegħed jipprova jiċħad b'mod plawżibbli l-azzjonijiet u r-reati mwettqa mill-grupp;

K.  billi fil-kuntest tal-aggressjoni Russa fuq l-Ukrajna, l-użu tal-PMSCs bħall-Grupp Wagner, E.N.O.T Corp, il-Cossacks u oħrajn jaf huwa maħsub għall-ħabi ta' interferenza militari, l-evitar ta' vittmi fost truppi militari regolari u b'hekk jinħbew mill-pubbliku Russu l-imwiet ikkawżati mill-aggressjonijiet militari;

L.  billi l-Grupp Wagner ġie identifikat għall-ewwel darba fl-2014 meta appoġġja separatisti favur ir-Russja u għen lill-militar Russu fl-ostilitajiet tal-gwerra fir-reġjun tad-Donbas fl-Ukrajna u fl-invażjoni u l-annessjoni illegali tal-Krimea tal-Ukrajna; billi minn dak iż-żmien kien involuta f'kunflitti fis-Sirja, fis-Sudan, fil-Mozambique, fil-Libja, fir-Repubblika Ċentru-Afrikana u fil-Venezwela;

M.  billi fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, esperti tan-NU mill-Gruppi ta' Ħidma tan-NU dwar l-użu tal-merċenarji, dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem u dwar l-għajbien furzat, kif ukoll ir-Rapporteurs Speċjali tan-NU dwar it-tortura u dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji, ikkonkludew b'mod konġunt f'Ottubru 2021 li l-Grupp Wagner kien wettaq ksur gravi u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi eżekuzzjonijiet sommarji tal-massa, detenzjonijiet arbitrarji, vjolenza sesswali, sakkeġġ, għajbien furzat u tortura waqt l-interrogazzjonijiet;

N.  billi l-Grupp Wagner kien involut f'akkwiżizzjonijiet f'għamla ta' ħtif ta' riżorsi essenzjali bħat-tħaffir fil-minjieri u r-rikavat mid-dwana, li b'hekk dgħajfu l-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u ċaħħadhom minn riżorsi pubbliċi essenzjali; billi, pereżempju, wara l-iffirmar ta' ftehim militari fl-2018 bejn ir-Russja u r-Repubblika Ċentru-Afrikana, il-kumpanija Lobaye Invest tal-Grupp Wagner ingħatat drittijiet ta' esplorazzjoni għad-deheb u d-djamanti f'diversi siti tal-minjieri; billi rapport ta' CNN f'Ġunju 2021 żvela li l-merċenarji Russi qatlu nies ċivili u keċċew lin-nies lokali miż-żoni tal-minjieri;

O.  billi fil-Libja il-Grupp Wagner huwa involut f'operazzjonijiet ta' appoġġ loġistiku u ta' ġlied li jappoġġjaw lill-Ġeneral Libjan tar-ribelli Khalifa Haftar mill-inqas sa mill-2018; billi skont ir-rapport tal-Missjoni ta' Ġbir ta' Informazzjoni tan-NU fil-Libja ta' Ottubru 2021, il-Grupp Wagner kien involut f'delitti tal-gwerra, inklużi eżekuzzjonijiet sommarji ta' nies ċivili u detenuti, skjavitù, tħawwil ta' mini tal-art kontra l-persunal, li huma pprojbiti internazzjonalment, u l-qtil jew il-mankament ta' nies ċivili inklużi tfal, pereżempju fil-villaġġ ta' al-Sbeaa li jinsab fin-Nofsinhar ta' Tripli; billi r-rapport jiddokumenta diversi ksur ripetut tal-embargo tan-NU fuq l-armi u l-użu ta' inġenji tal-ajru tal-merkanzija militari Russi mill-Grupp Wagner; billi l-appoġġ tal-merċenarji u tal-istrutturi militari Russi għal gruppi armati radikali kompla jiddestabilizza l-viċinat tan-Nofsinhar tal-UE;

P.  billi fit-12 ta' Novembru 2021, il-pajjiżi parteċipanti fil-Konferenza ta' Pariġi għal-Libja esprimew l-oppożizzjoni tagħhom għal kwalunkwe ndħil barrani fl-affarijiet Libjani u appoġġjaw l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni għall-irtirar ta' merċenarji kif ukoll ġellieda u forzi barranin mit-territorju Libjan; billi fil-bidu ta' Novembru 2021, it-Turkija bagħtet madwar 150 merċenarju Sirjan addizzjonali fil-Libja, minbarra s-7 000 li kienu diġà preżenti fil-pajjiż u leali lejn it-Turkija, minkejja l-appelli lokali u internazzjonali biex jiġu rtirati l-forzi barranin kollha qabel l-elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali skedati għall-24 ta' Diċembru 2021; billi skont ir-rapport finali tal-Panel ta' Esperti tan-NU dwar il-Libja mwaqqaf bir-Riżoluzzjoni 1973 (2011), ippubblikat f'Settembru 2019, il-kumpanija Emiratjana Black Shield Security Services irreklutat ċittadini Sudaniżi biex iservu fil-kunflitt Libjan;

Q.  billi minn tmiem l-2015, aġenti tal-Grupp Wagner bdew jintbagħtu s-Sirja biex jgħinu lill-militar Russu fl-intervent tiegħu biex isalva r-reġim ta' Assad; billi l-merċenarji wettqu u ffilmjaw delitti tal-waħx fil-konfront tal-popolazzjoni Sirjana, bħal tortura, qtil u qtugħ ir-ras ta' persuni ċivili fl-inħawi ta' Palmira; billi linja tal-ajru privata Sirjana, Cham Wings, kienet involuta fit-trasport ta' merċenarji mir-Russja lejn il-Libja u aktar reċentement fit-trasport ta' migranti lejn Minsk;

R.  billi l-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar l-użu ta' merċenarji semma rapporti li jallegaw li l-Ażerbajġan, bl-għajnuna tat-Turkija, bagħat merċenarji Sirjani biex isostnu l-operazzjonijiet militari tiegħu fir-reġjun tal-kunflitt ta' Nagorno-Karabakh;

S.  billi, fit-30 ta' Lulju 2018, tliet ġurnalisti Russi li kienu ngħataw premjijiet għal xogħolhom inqatlu waqt li kienu qed jinvestigaw l-attivitajiet minerarji tal-Grupp Wagner fir-Repubblika Ċentru-Afrikana; billi skont il-Committee to Protect Journalists, il-mewt tal-ġurnalist Russu Maxim Borodin, li kien irrapporta dwar l-attivitajiet tal-Grupp Wagner fis-Sirja f'Marzu 2018, kienet parti minn sensiela ta' ġurnalisti li mietu fir-Russja waqt li kienu qed jaħdmu fuq kwistjonijiet sensittivi b'riperkussjonijiet potenzjali għall-awtoritajiet;

T.  billi fil-15 ta' Novembru 2021, il-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà Josep Borrell ħabbar kunsens fost il-ministri għall-affarijiet barranin tal-UE biex jittieħdu miżuri restrittivi kontra l-Grupp Wagner fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE f'Diċembru 2021; billi fl-20 ta' Settembru 2021 huwa wissa dwar il-possibbiltà li l-Grupp Wagner jintervjeni fil-Mali;

U.  billi rapporti jgħidu li l-Grupp Wagner u l-awtoritajiet Maljani għandhom ftehim li jinkludi pjanijiet biex jintbagħtu 1 000 kuntrattur fil-pajjiż; billi l-UE għandha missjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) preżenti fil-Mali;

V.  billi fis-7 ta' Diċembru 2020, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2020/1998 li jistabbilixxi r-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem, li jippermetti lill-UE timponi miżuri restrittivi fuq individwi, entitajiet u korpi speċifiċi – inklużi Stati u atturi mhux statali – li jkunu responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u abbużi madwar id-dinja, jew ikunu involuti fihom jew assoċjati magħhom; billi l-UE għandha r-responsabbiltà li tagħmel użu sħiħ minn dan ir-regolament f'każ ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

1.  Jesprimi t-tħassib serjissmu tiegħu dwar il-firxa wiesgħa ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali li qed ikomplu jiġu rrappurtati b'rabta mal-attivitajiet dejjem akbar tal-kumpaniji militari u tas-sigurtà privati u li għalihom, fil-biċċa l-kbira, ħadd għadu ma nżamm responsabbli;

2.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-atroċitajiet imwettqa mill-Grupp Wagner u minn entitajiet militari privati relatati; jenfasizza l-indikazzjonijiet qawwijin li l-Istat Russu huwa responsabbli mill-finanzjament, it-taħriġ, il-ġestjoni u l-kmand operattiv ta' dawn il-gruppi paramilitari; jissottolinja li l-attivitajiet tal-Grupp Wagner jikkoinċidu u jikkorrispondu mat-tixrid tal-influwenza tar-Russja f'żoni ta' kunflitt; jesprimi l-konvinzjoni soda tiegħu li l-Grupp Wagner, u kuntratturi tas-sigurtà oħra mmexxija mir-Russja, għandhom jiġu ttrattati bħala organizzazzjonijiet li joperaw f'isem l-Istat Russu;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet Russi jinfurzaw il-Kodiċi Kriminali Russu, partikolarment l-Artikolu 359 li jipprojbixxi r-reklutaġġ, it-taħriġ, il-finanzjament jew il-forniment materjali ta' merċenarji u l-użu tagħhom f'kunflitt armat; jistieden lill-awtoritajiet Russi, f'dan ir-rigward, jipprojbixxu wkoll lill-intrapriżi mmexxija mill-istat milli jkollhom kumpaniji militari privati involuti f'attivitajiet merċenarji li jiksru d-dritt umanitarju internazzjonali;

4.  Jissottolinja l-importanza tal-ġlieda kontra l-istrateġija tal-Grupp Wagner u l-affiljati tiegħu, partikolarment il-ħabi tal-identità tiegħu bl-użu ta' ismijiet differenti biex jaħrab mill-iskrutinju internazzjonali;

5.  Jistieden lill-Istati kollha li jużaw is-servizzi tal-Grupp Wagner u l-affiljati tiegħu, partikolarment ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, biex jaqtgħu r-rabtiet kollha mal-grupp u l-impjegati tiegħu; jistieden lill-istati kollha jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom fl-infurzar tad-dritt internazzjonali, jinvestigaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem irrappurtat u jieħdu passi ġudizzjarji kontra kumpaniji stabbiliti fit-territorju tagħhom meta jkunu involuti f'attivitajiet li jiksru d-dritt internazzjonali; jappoġġja, f'dan ir-rigward, l-isforzi tal-gruppi tad-drittijiet tal-bniedem u tal-individwi biex il-membri tal-Grupp Wagner jinżammu responsabbli għal delitti mwettqa fl-Ukrajna, fis-Sirja, fil-Libja u fir-Repubblika Ċentru-Afrikana;

6.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar sinjali li l-awtorità tranżitorja tal-Mali qed tikkontempla l-użu ta' kumpaniji militari privati, partikolarment il-Grupp Wagner; iħeġġeġ lill-Mali ma jiħux din id-direzzjoni; jemmen bis-sħiħ li l-involviment tal-Grupp Wagner imur kontra l-objettiv tar-ritorn tal-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà fil-Mali u l-protezzjoni tal-poplu Maljan, li huma l-għanijiet fundamentali mfittxija mill-UE permezz tal-missjonijiet tal-PSDK tagħha u mill-Istati Membri tal-UE li jaġixxu fuq talba tal-awtoritajiet tal-Mali;

7.  Jemmen li l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-UE ma jistgħux jagħtu riżultati adegwati u jġibu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà fil-pajjiżi sħab meta fl-istess waqt u fl-istess pajjiż ikunu qed joperaw kumpaniji tas-sigurtà privati akkużati bi ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem; jiġbed l-attenzjoni dwar kampanji ta' diżinformazzjoni mmirati kontra missjonijiet u operazzjonijiet tal-UE fl-Afrika li l-Grupp Wagner u l-affiljati tiegħu jista' jkun li huma responsabbli għalihom bħala parti mill-gwerra ibrida moderna tar-Russja; jistieden lill-unitajiet rilevanti tat-task force StratCom tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jirrappurtaw dwar dawn il-kampanji ta' diżinformazzjoni;

8.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħtfu kull opportunità biex jikkomunikaw lill-pajjiżi rilevanti r-riskji assoċjati mal-adeżjoni jew il-kollaborazzjoni mal-Grupp Wagner u l-affiljati tiegħu, u jenfasizzaw il-passat terribbli tal-grupp f'dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-gvernijiet jiżguraw dispożizzjonijiet stretti dwar ir-rispett tad-dritt umanitarju internazzjonali, is-sorveljanza demokratika u l-obbligu ta' rendikont f'kuntratti ma' kumpaniji militari u tas-sigurtà privati barranin għal assistenza militari u servizzi ta' sigurtà; iħeġġeġ lill-Istati jkunu kompletament trasparenti fir-rigward tal-kuntratti mogħtija għal servizzi ta' appoġġ militari, speċjalment fir-rigward tal-għadd, il-kompiti u l-ktajjen ta' kmand ta' kumpaniji militari u tas-sigurtà privati preżenti fit-territorji tagħhom, kif ukoll it-tagħmir użat biex jeżegwixxu l-kuntratti tagħhom;

9.  Jistieden lis-SEAE jħejji rapport dwar l-attivitajiet tal-Grupp Wagner sabiex tingħata stampa ġenerali ċara tal-ksur differenti tiegħu, li mbagħad jgħin biex tiġi żgurata r-responsabbiltà għad-diversi reati u titwitta t-triq biex min ikun ikkommettihom jitressaq quddiem tribunali internazzjonali; jafferma li l-Parlament se jkompli jsegwi l-kwistjoni mill-qrib permezz ta' rapport u, eventwalment, seduti ta' smigħ;

10.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-alleati tagħhom iżidu l-qsim ta' intelligence dwar il-Grupp Wagner u l-affiljati tiegħu;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tara li l-fondi tal-UE ma jkunu jistgħu fl-ebda ċirkustanza jintużaw mill-pajjiżi benefiċjarji biex jiffinanzjaw kumpaniji militari privati b'passat bħal dan f'dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni tqajjem dan is-suġġett fid-djalogu bilaterali tagħha mal-pajjiżi rilevanti kollha;

12.  Jitlob li l-pajjiżi li fihom qed jitwettqu missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK tal-UE b'appoġġ għall-bini tal-kapaċità tal-Istat itemmu l-kuntratti tagħhom ma' kumpaniji militari u tas-sigurtà privati li jiksru d-drittijiet tal-bniedem; jitlob li l-Kummissjoni tagħmel rieżami kritiku tal-appoġġ li l-UE tagħti lill-gvernijiet u l-istituzzjonijiet statali assoċjati mal-Grupp Wagner; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni joqogħdu lura minn proġetti ta' kooperazzjoni ġodda li jipprovdu appoġġ baġitarju dirett lill-gvernijiet li għandhom rabtiet mal-Grupp Wagner; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jirridirezzjonaw dan l-appoġġ baġitarju lejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u proġetti li jkunu ta' benefiċċju dirett għall-popolazzjonijiet ta' dawn il-pajjiżi;

13.  Ifakkar li l-UE u l-Istati Membri tagħha m'għandhomx jirrikorru għal kumpaniji tas-sigurtà privati f'żoni ta' kunflitt ħlief biex jipproteġu l-bini tagħhom jew jiżguraw is-sigurtà tat-trasport, u dment li dawn ikunu jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali; jenfasizza li l-ebda attività li timplika l-użu tal-forza u/jew il-parteċipazzjoni attiva fl-ostilitajiet m'għandha tiġi esternalizzata lil kumpaniji militari u tas-sigurtà privati, ħlief f'każijiet ta' awtodifiża, u kumpaniji militari u tas-sigurtà privati m'għandhom fl-ebda ċirkustanza jitħallew jagħmlu jew jieħdu sehem f'interrogazzjonijiet; jemmen bis-sħiħ li s-sigurtà u d-difiża għandhom jiġu pprovduti primarjament mill-awtoritajiet pubbliċi;

14.  Jitlob li l-kwistjoni tal-attivitajiet tal-Grupp Wagner u ta' kumpaniji militari privati oħra fl-Afrika tiġi diskussa bir-reqqa waqt is-Summit UE-Afrika li ġej;

15.  Itenni l-appell magħmul waqt il-Konferenza ta' Pariġi għal-Libja tat-12 ta' Novembru 2021 biex il-ġellieda barranin kollha, inklużi l-merċenarji, jitilqu mit-territorju Libjan; iħeġġeġ lir-Russja, it-Turkija, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Istati l-oħra kollha jirrispettaw dak l-appell, jieqfu immedjatament jibagħtu merċenarji lejn il-Libja u jirtiraw lil dawk li hemm bħalissa fil-pajjiż;

16.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jirtiraw il-merċenarji kollha mil-Lvant tal-Ukrajna u mill-Krimea; jappoġġja l-isforzi tal-awtoritajiet Ukreni biex iressqu membri tal-Grupp Wagner li joperaw fil-Krimea u fid-Donbas quddiem qorti tal-Ukrena u jistieden lill-Interpol tikkoopera mill-qrib f'dawn il-każijiet u f'każijiet simili oħra;

17.  Jilqa' d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ dwar l-adozzjoni imminenti ta' sanzjonijiet tal-UE mmirati min-naħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin kontra individwi u entitajiet rilevanti affiljati mal-Grupp Wagner, kif ukoll individwi u entitajiet li jaħdmu magħhom, permezz ta' reġimi ta' sanzjonijiet eżistenti tal-UE bħar-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem; jitlob li dawn is-sanzjonijiet jinkludu projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u ffriżar ta' assi fil-konfront tal-aġenti tal-Grupp Wagner; jistieden lill-pajjiżi sħab, inklużi l-Istati Membri tal-Unjoni Afrikana, jadottaw sanzjonijiet simili; jistieden lill-UE tħejji u tadotta miżuri restrittivi għal kumpaniji militari u tas-sigurtà privati oħra li qed jiksru d-drittijiet tal-bniedem;

18.  Jistieden lill-Istati Membri kollha tan-NU jirratifikaw u jimplimentaw bis-sħiħ il-protokolli addizzjonali għall-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra, u jsaħħu d-dritt internazzjonali għall-projbizzjoni effettiva tal-merċenarji, skont l-ispirtu tal-Konvenzjoni tal-OUA tal-1977 għall-Eliminazzjoni tal-Merċenarjat fl-Afrika, il-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1989 Kontra r-Reklutaġġ, l-Użu, il-Finanzjament u t-Taħriġ ta' Merċenarji u d-Dokument ta' Montreux tal-2008;

19.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw li jkun hemm qafas regolatorju ċar u vinkolanti għall-kumpaniji militari u tas-sigurtà privati, partikolarment fil-kuntest tal-grupp ta' ħidma intergovernattiv miftuħ tan-NU, speċjalment fir-rigward ta' proġetti kbar f'pajjiżi terzi ffinanzjati minn investituri jew istituzzjonijiet finanzjarji bbażati fl-UE, u jiżguraw li tali proġetti jsirilhom monitoraġġ trasparenti; jistenna b'interess il-pubblikazzjoni tal-abbozz ta' dan il-qafas f'April 2022; jitlob rekwiżiti ta' diliġenza dovuta obbligatorji għal entitajiet li jqabbdu kumpaniji militari u tas-sigurtà privati;

20.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għax-xogħol magħmul mill-Grupp ta' Ħidma tan-NU; jistieden lill-Istati fejn ġew irrappurtati allegazzjonijiet ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem minn kumpaniji militari u tas-sigurtà privati jagħmlu stedina uffiċjali lill-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar l-użu ta' merċenarji għal żjara urġenti fil-pajjiż;

21.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaġixxu b'determinazzjoni biex jindirizzaw il-lakuna fl-obbligu ta' rendikont tal-kumpaniji militari u tas-sigurtà privati, inkluż fir-rigward tas-sorveljanza u l-monitoraġġ tat-trasparenza; ifakkar lill-Istati kollha fl-obbligu tagħhom li jiżguraw li l-kumpaniji militari u tas-sigurtà privati taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom jew li joperaw fit-territorju tagħhom jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem; jissottolinja l-bżonn li jiġu żgurati rimedji ġudizzjarji, inklużi sanzjonijiet kriminali, għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jirriżulta mill-attivitajiet ta' kumpaniji militari u tas-sigurtà privati; jitlob aċċess bla xkiel għall-ġustizzja u rimedju għall-vittmi kollha ta' kwalunkwe ksur, inklużi abbużi mwettqa minn merċenarji Russi; jistieden lill-UE tinkoraġġixxi u tappoġġja sforzi f'ġuriżdizzjonijiet nazzjonali u internazzjonali favur il-ftuħ ta' proċedimenti kriminali biex il-kumpaniji militari u tas-sigurtà privati jinżammu responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lir-Russja, għal dan il-għan, tikkoopera bis-sħiħ man-NU, l-UE u l-pajjiżi fejn il-Grupp Wagner allegatament ikkommetta reati;

22.  Huwa tal-fehma li t-tisħiħ tal-missjonijiet ta' taħriġ tal-UE (EUTMs) jikkontribwixxi b'mod aktar effettiv għar-riforma tas-settur tas-sigurtà fil-pajjiżi sħab; huwa tal-fehma li l-implimentazzjoni rapida tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi, f'konformità sħiħa mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill dwar il-kontrolli fuq l-esportazzjoni tal-armi(6), id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-dritt umanitarju internazzjonali, u dispożizzjonijiet ta' trasparenza effettivi, inkluża lista dettaljata ta' tagħmir ipprovdut fl-ambitu tal-faċilità, iżżid l-influwenza tal-UE fil-bini tal-kapaċità tal-forzi armati tal-pajjiżi sħab u tiżgura li ma jirrikorrux għal kumpaniji militari u tas-sigurtà privati li m'għandhomx l-istess valuri tagħna;

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

(1) ĠU C 334, 19.9.2018, p. 80.
(2) ĠU C 385, 22.9.2021, p. 24.
(3) Testi adottati, P9_TA(2021)0383.
(4) ĠU C 118, 8.4.2020, p. 113.
(5) ĠU L 410 I, 7.12.2020, p. 1.
(6) Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).

Aġġornata l-aħħar: 2 ta' Marzu 2022Avviż legali - Politika tal-privatezza