Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2021 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kamerun (2021/2983(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kamerun, b'mod partikolari dik tat-18 ta' April 2019(1),
– wara li kkunsidra r-Rapport dwar is-Sitwazzjoni fil-Kamerun tal-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji tal-5 ta' Novembru 2021 u r-rapport annwali tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja 2020 – Rapport tal-pajjiż: Kamerun tal-21 ta' Ġunju 2021,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE ("il-Ftehim ta' Cotonou"),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li l-Kamerun irratifika fl-1993,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Kamerun,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-protesti inizjalment paċifiċi promossi mill-Konsorzju tas-Soċjetà Ċivili Anglofona tal-Kamerun kontra l-emarġinazzjoni mill-gvern federali tar-reġjuni Anglofoni tal-Kamerun fl-2016 ġew imrażżna bi vjolenza estrema mill-awtoritajiet tal-istat, u dan kompla jkabbar l-appoġġ għas-separatiżmu u l-ħolqien ta' diversi milizzji separatisti li talbu stat ġdid, l-Ambażonja, u wassal għal kunflitt militari mdemmi;
B. billi d-djalogu huwa prerekwiżit għall-paċi, u l-gvern tal-President Paul Biya rrifjuta konsistentement taħditiet diretti ma' kwalunkwe mexxej separatista mir-reġjuni Anglofoni;
C. billi l-Kamerun qed jiffaċċja għadd ta' sfidi simultanji fil-livell politiku u tas-sigurtà, inkluż theddid minn Boko Haram fir-reġjun tat-Tramuntana Estrema tiegħu u ribelljoni separatista armata interna li ilha għaddejja kważi 5 snin fir-reġjuni Anglofoni tiegħu tal-Majjistral u tal-Lbiċ;
D. billi għalliema u avukati Anglofoni organizzaw strajkijiet u dimostrazzjonijiet fl-2016 fir-reġjuni tal-Majjistral u tal-Lbiċ b'oppożizzjoni għall-impożizzjoni tas-sistema ġuridika Franċiża u l-lingwa Franċiża fil-qrati u fil-klassijiet tagħhom, li wasslet għall-kriżi; billi l-kunflitt armat, li ilu għaddej mill-2017, qatel eluf ta' nies u wassal għal kriżi umanitarja fuq skala kbira fir-reġjuni Anglofoni tal-Kamerun;
E. billi sal-lum, aktar minn 3 000 ċivili u mijiet ta' membri tal-forzi tas-sigurtà tilfu ħajjithom; billi l-kunflitt li għaddej fil-Kamerun wassal għall-ispostament intern ta' aktar minn 1 miljun ruħ; billi hemm aktar minn 2,2 miljun ruħ li jeħtieġu assistenza umanitarja u aktar minn 66 000 ruħ fittxew rifuġju fil-pajjiż ġar tan-Niġerja; billi l-Kamerun jospita aktar minn 447 000 rifuġjat u persuna li tfittex ażil; billi l-konsegwenzi ta' din il-kriżi qed jaffettwaw ir-reġjuni Littorali u tal-Punent tal-Kamerun;
F. billi l-istat tad-dritt mhuwiex qed jiġi rispettat mill-istat tal-Kamerun, u monitors indipendenti, inklużi Human Rights Watch u Amnesty International, preċedentement iddokumentaw proċedimenti ġudizzjarji militari mfixkla minn difetti sostantivi u proċedurali gravi, u li fihom il-preżunzjoni tal-innoċenza, id-dritt għal difiża xierqa, u l-indipendenza tal-proċedimenti u tal-ġudikatura inġenerali huma kollha kompromessi serjament;
G. billi l-ġlied bejn gruppi armati separatisti Anglofoni u forzi tas-sigurtà tal-gvern qed jiżdied fil-frekwenza u fil-gravità; billi l-għajnuna umanitarja ġiet imfixkla wkoll b'mod qawwi fir-reġjuni affettwati minħabba gruppi armati mhux statali u miżuri ta' lockdown, u minħabba f'hekk in-nies f'dawk ir-reġjuni qed iġarrbu insigurtà tal-ikel kbira ħafna filwaqt li għexieren ta' eluf ta' nies huma mċaħħda minn aċċess għal kura tas-saħħa vitali; billi ngħataw ftit eċċezzjonijiet għall-miżuri ta' lockdown għal raġunijiet umanitarji u, b'riżultat ta' dan, l-iżborż għall-għajnuna ġie mfixkel b'mod sinifikanti; billi l-aġenziji tan-NU ġew sfurzati jissospendu l-attivitajiet umanitarji, minkejja l-vulnerabbiltajiet addizzjonali maħluqa mill-pandemija tal-COVID-19;
H. billi ċ-ċivili qed iġorru l-akbar piż tal-vjolenza u l-kunflitt bejn il-forzi tal-gvern u l-forzi separatisti u jikkostitwixxu l-maġġoranza l-kbira tal-vittmi; billi kemm il-forzi tal-gvern kif ukoll dawk separatisti qed iwettqu kontinwament attakki ta' rappreżalja kontra xulxin, u qed jattakkaw intenzjonalment lil ċivili u partijiet vulnerabbli tal-popolazzjoni;
I. billi Felix Agbor Nkongho, avukat tad-drittijiet tal-bniedem, difensur prominenti tad-drittijiet tal-minoranza Anglofona u sostenitur ta' riżoluzzjoni paċifika tal-kriżi, irċieva theddid ta' mewt diversi drabi mill-gruppi separatisti armati; billi mhuwiex l-unika persuna li qed tiffaċċja attakki u fastidju;
J. billi, mill-elezzjonijiet tal-2018, it-tensjonijiet politiċi eskalaw f'diskors ta' mibegħda abbażi tal-etniċità jew l-opinjoni politika li, imbagħad, jiġi amplifikat permezz tal-pjattaformi tal-media soċjali;
K. billi l-forzi tal-gvern wettqu qtil ekstraġudizzjarju ta' ċivili, inklużi nisa u tfal, tortura u trattament ħażin, wettqu vjolenza sesswali, inklużi stupri, u vjolenza abbażi tal-ġeneru, qerdu proprjetà, inklużi rħula, djar, faċilitajiet tas-saħħa u sptarijiet, serqu oġġetti minn proprjetajiet, u arrestaw u żammu detenuti ċittadini b'mod arbitrarju u akkużawhom b'ostilitajiet jew kollaborazzjoni mas-separatisti;
L. billi fl-ewwel ħames xhur tal-2021, is-separatisti armati wettqu mill-inqas 27 attakk b'apparat splussiv improvviżat fi 13-il belt, aktar milli fis-snin preċedenti kollha tal-kriżi f'daqqa; billi stupraw, qatlu, ittorturaw, attakkaw b'mod vjolenti, heddew u ħatfu mijiet ta' persuni, inklużi nisa, ħaddiema umanitarji, għalliema u tfal, għall-preżunta kollaborazzjoni tagħhom mal-militar;
M. billi l-kunflitt kellu impatt sproporzjonat fuq it-tfal, u 700 000 student ġew imċaħħda mid-dritt tagħhom għall-edukazzjoni minħabba bojkott sfurzat tal-iskejjel madwar ir-reġjuni Anglofoni; billi, minn Awwissu 2021, it-tfal fil-Kamerun jikkostitwixxu 28 % tas-superstiti kollha tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u jiffaċċjaw riskju akbar ta' reklutaġġ tat-tfal, tħaddim tat-tfal u abbuż tat-tfal, u ġie rrappurtat li aktar minn 50 % tat-tfal fil-pajjiż ġew abbużati; billi, skont il-Fond tan-NU għall-Popolazzjoni, 38 % tan-nisa fil-Kamerun ta' bejn l-20 u l-24 sena kienu miżżewġin qabel l-età ta' 18-il sena u 13 % kienu miżżewġin qabel l-età ta' 15-il sena;
N. billi l-President Biya, b'reazzjoni għall-pressjoni internazzjonali, waqqaf kummissjoni ta' inkjesta dwar il-qtil fi Ngarbuh, li b'konsegwenza tagħha l-gvern ammetta li l-forzi tas-sigurtà tiegħu għandhom xi responsabbiltà u ħabbar l-arrest ta' individwi involuti; billi, madankollu, m'hemmx aktar informazzjoni disponibbli dwar il-kwistjoni;
O. billi ġie infurzat lockdown strett, inkluż l-għeluq ta' kważi l-iskejjel u ċ-ċentri ta' tagħlim kollha; billi twettqet vjolenza kontra individwi li rrifjutaw li josservaw il-lockdown, inklużi tfal u għalliema; billi ġew attakkati skejjel, universitajiet u sptarijiet, u b'hekk ġew aggravati u mtawla l-vjolazzjonijiet tad-dritt ta' aċċess għall-edukazzjoni u wasslu għaċ-ċaħda ta' servizzi tas-saħħa essenzjali;
P. billi t-tensjonijiet fil-pajjiż żdiedu mill-elezzjonijiet presidenzjali tal-2018; billi, f'Settembru 2019, il-President Biya organizza djalogu nazzjonali bl-intenzjoni li jsolvi l-kunflitt bejn il-forzi armati u r-ribelli separatisti fir-reġjuni Anglofoni; billi sentejn wara, l-implimentazzjoni tal-miżuri ftit li xejn tat riżultati; billi diversi tentattivi fl-2020 u fl-2021 biex tissolva l-kriżi fil-Kamerun fallew;
Q. billi l-iffirmar tad-digrieti presidenzjali li jipprevedu t-trasferiment tal-kompetenzi u t-trasferiment gradwali tar-riżorsi umani u finanzjarji lill-awtoritajiet deċentralizzati għall-implimentazzjoni konkreta tal-proċess ta' deċentralizzazzjoni għadu pendenti;
R. billi l-gvern qed ikompli jillimita l-libertajiet tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni u sar dejjem aktar intolleranti għad-dissens politiku; billi mijiet ta' membri u partitarji tal-partiti tal-oppożizzjoni ġew arrestati wara dimostrazzjonijiet li appellaw għal soluzzjoni paċifika għall-kriżi fir-reġjuni Anglofoni; billi qed jitpoġġew b'mod persistenti restrizzjonijiet fuq l-avversarji politiċi, id-dimostranti, il-ġurnalisti u s-soċjetà ċivili;
S. billi l-kodiċi penali tal-Kamerun jikkastiga r-relazzjonijiet sesswali bejn il-persuni tal-istess sess b'piena sa massimu ta' ħames snin priġunerija; billi fis-snin u x-xhur riċenti ġew irrappurtati bosta każijiet ta' arrest u fastidju ta' persuni LGBTIQ;
T. billi l-Kamerun qed jiffaċċja theddid addizzjonali minn Boko Haram u mill-Istat Iżlamiku fil-Provinċja tal-Afrika tal-Punent (ISWAP) fir-reġjun tat-Tramuntana Estrema; billi l-attakki mill-grupp armat Iżlamista Boko Haram inkludew qtil, ħtif, serq u qerda ta' proprjetà ta' kuljum, atti li jikkostitwixxu abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem u vjolazzjonijiet tad-dritt internazzjonali u tad-dritt umanitarju internazzjonali; billi attakki bħal dawn involvew ukoll kamikażi tfal u suldati tfal; billi, minn Diċembru 2020, mill-inqas 80 ċivili nqatlu minn Boko Haram, u aktar minn 340 000 ruħ ġew spostati internament minn Awwissu 2021; billi l-mewt preżunta ta' Abubakar Shekau, il-mexxej ta' Boko Haram, f'konfrontazzjoni fin-Niġerja mal-fazzjoni seċessjonista tal-ISWAP għenet biex tikkonsolida s-setgħa tal-ISWAP u żiedet in-nuqqas ta' sigurtà fir-reġjun tat-Tramuntana Estrema tal-Kamerun; billi l-forzi tal-gvern mhumiex kapaċi jipproteġu l-popolazzjoni affettwata b'mod effettiv;
1. Jinsab imħasseb ferm dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kamerun; jenfasizza d-dritt taċ-ċittadini għal-libertà tal-espressjoni, tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni; jappella għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u jħeġġeġ lill-Gvern tal-Kamerun jieħu l-passi kollha meħtieġa biex jirrispetta l-obbligi tiegħu li jipproteġi dawn id-drittijiet;
2. Iħeġġeġ kemm lill-Gvern tal-Kamerun kif ukoll lill-mexxejja politiċi u militari tal-gruppi separatisti biex jaqblu dwar waqfien mill-ġlied umanitarju u jħeġġeġ lill-partijiet fil-kunflitt biex jaqblu dwar miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja, bħall-ħelsien ta' priġunieri politiċi mhux vjolenti u t-tneħħija ta' bojkotts tal-iskejjel; iħeġġeġ lill-gvern tal-President Biya u lis-separatisti Anglofoni biex immedjatament jerġgħu jibdew it-taħditiet ta' paċi; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali, speċjalment l-Unjoni Afrikana, l-istati tal-Afrika Ċentrali u l-UE, biex jgħinu jiffaċilitaw id-djalogu billi joffru li jwettqu r-rwol ta' medjazzjoni; jenfasizza l-importanza tal-kollaborazzjoni reġjonali u jħeġġeġ lill-gvern jaħdem mill-qrib mal-Unjoni Afrikana u l-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika Ċentrali; jiddeplora n-nuqqas u r-riluttanza taż-żewġ partijiet fil-kunflitt li jinvolvu ruħhom f'taħditiet ta' paċi tassew sinifikanti biex isolvu l-kunflitt; huwa konvint li d-djalogu politiku, imwettaq fi spirtu ta' kompromess, parteċipazzjoni politika effettiva u inklużjoni, inkluż dak tal-partijiet interessati rilevanti kollha, huwa l-unika triq 'il quddiem biex tintlaħaq paċi dejjiema; jistieden kemm lill-Gvern tal-Kamerun kif ukoll lill-mexxejja tal-gruppi separatisti biex jagħmlu użu mill-offerti ta' medjazzjoni eżistenti pprovduti minn partijiet terzi għal negozjati immedjati u diretti;
3. Jikkundanna l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-vjolazzjonijiet tad-dritt internazzjonali u tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettqa mill-partijiet fil-kunflitt armat u jissottolinja l-importanza tal-ġlieda kontra l-impunità; jistieden lill-awtoritajiet tal-Kamerun jiżguraw investigazzjonijiet indipendenti, effikaċi, trasparenti u imparzjali, kif ukoll il-prosekuzzjoni tal-vjolazzjonijiet u l-abbużi serji kemm minn atturi statali kif ukoll minn atturi mhux statali, f'konformità mad-dritt u l-istandards internazzjonali, u jitlob li dawk responsabbli għall-vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem jinżammu responsabbli u jitressqu quddiem il-ġustizzja fi proċess ġust, sabiex tintemm l-impunità u tiġi żgurata l-indipendenza ġudizzjarja, li huma komponenti ewlenin tal-istat tad-dritt u l-pedament ta' stat demokratiku li jiffunzjona;
4. Jistieden lill-Gvern tal-Kamerun jiffirma u jirratifika l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali; iħeġġeġ lill-UE tuża l-influwenza kollha politika prevista mill-għajnuna għall-iżvilupp tagħha u minn programmi bilaterali oħra biex issaħħaħ id-difiża tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kamerun;
5. Jopponi l-użu ta' qrati militari biex jipproċessa liċ-ċivili; ifakkar fl-obbligi internazzjonali b'rabta ma' proċess ġust, li l-Kamerun huwa marbut bihom, ifakkar lill-Kamerun fl-obbligu tiegħu li jirrispetta d-dritt taċ-ċittadini kollha għal proċess ġust quddiem qrati tal-liġi indipendenti, u jfakkar li l-qrati militari m'għandux ikollhom ġurisdizzjoni fuq il-popolazzjoni ċivili;
6. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Kamerun jtemmu l-prattika li jressqu lin-nies quddiem tribunali militari, b'riżultati determinati minn qabel u l-impożizzjoni tal-piena tal-mewt, li hija illegali skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; ifakkar li l-piena tal-mewt ilha ma tintuża fil-Kamerun mill-1997, li huwa pass importanti fit-triq tal-pajjiż lejn abolizzjoni sħiħa; itenni l-oppożizzjoni tal-UE għall-piena tal-mewt, f'kull każ u mingħajr eċċezzjoni; jistieden lill-Gvern tal-Kamerun jiżgura l-abolizzjoni tagħha; jistieden lill-Gvern tal-Kamerun jirratifika t-Tieni Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi mmirat lejn l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt; iħeġġeġ lill-qrati jastjenu milli joħorġu sentenzi bħal dawn u biex jikkonfermaw li mhux se jitolbu l-piena tal-mewt;
7. Jiddeplora l-użu tal-vjolenza, b'mod partikolari kontra t-tfal, u huwa partikolarment imħasseb dwar l-impatt tal-kriżi fuq it-tfal; jistieden liż-żewġ naħat tal-kunflitt jieqfu jimmiraw intenzjonalment lejn iċ-ċivili u jħeġġeġ lis-separatisti jwaqqfu minnufih l-attakki kontra l-iskejjel u jtemmu, b'effett immedjat, il-bojkotts sfurzati kollha fuq l-edukazzjoni biex jippermettu r-ritorn sikur lejn l-iskola tal-istudenti u l-għalliema kollha;
8. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Kamerun jipproteġu lin-nisa kollha fil-pajjiż, speċjalment fiż-żoni ta' kunflitt, u jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa billi jagħtu spinta lill-parteċipazzjoni tan-nisa u tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa fil-ħajja pubblika u politika; jitlob l-iżvilupp ta' azzjonijiet speċifiċi tal-UE biex jissaħħu d-drittijiet ta' gruppi differenti ta' nisa, b'enfasi speċjali fuq iż-żgħażagħ, il-migranti, in-nisa li jgħixu bl-HIV, il-persuni LGBTQI u l-persuni b'diżabilità;
9. Jemmen li l-proċess ta' deċentralizzazzjoni, meqjus bħala sistema ta' governanza ekonomika, soċjali u politika, huwa strument ewlieni biex iwieġeb għall-isfidi multipli tal-iżvilupp, b'mod partikolari permezz ta' responsabbiltà mtejba tal-politiċi lokali u l-amministrazzjonijiet lokali vis-à-vis iċ-ċittadini impenjati; jilqa' l-appoġġ tal-UE għall-proċess;
10. Jikkundanna l-użu eċċessiv u l-abbuż tal-forza kontra l-avversarji politiċi u d-dimostranti paċifiċi; jiddeplora l-użu ta' miżuri ta' lockdown, bħal curfews jew il-projbizzjoni ta' laqgħat pubbliċi, implimentati bil-pretest tal-pandemija tal-COVID-19 sabiex jiġu ristretti l-libertà tal-espressjoni, tal-istampa u tad-dritt għal assemblea paċifika; jesprimi tħassib dwar l-istatus tal-libertà tal-kelma u l-libertà tal-istampa fil-Kamerun; jiddeplora l-arrest arbitrarju u l-fastidju ta' ġurnalisti u politiċi tal-oppożizzjoni u t-trażżin tad-dissens politiku; jistieden lill-awtoritajiet tal-Kamerun jeħilsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lill-avversarji politiċi, lid-dimostranti u liċ-ċittadini l-oħra kollha li ġew arrestati u detenuti b'mod arbitrarju għal skopijiet politiċi biss; jikkundanna l-vjolazzjonijiet tal-libertajiet fundamentali;
11. Jistieden lill-pjattaformi tal-midja soċjali jaħdmu mal-gvern, mal-oppożizzjoni u mas-soċjetà ċivili biex jiżguraw li l-paġni tagħhom jiġu vverifikati u li jiġu imposti limiti fuq kontenut xewwiexi, diskors ta' mibegħda u miżinformazzjoni minħabba li dawn ikomplu jfarrku r-relazzjonijiet interkomunali;
12. Jiddeplora l-fatt li aktar minn 40 000 persuna ġew imċaħħda mill-assistenza alimentari minħabba nuqqas ta' sigurtà u imblukkar fit-toroq fir-reġjuni tal-Majjistral u tal-Lbiċ, kif ukoll l-attakki reċenti fuq il-faċilitajiet tas-saħħa u l-ħaddiema tas-saħħa, u l-fatt li l-attivitajiet umanitarji ġew ipprojbiti taħt il-lockdown; jikkundanna l-imblukkar tal-għajnuna umanitarja u l-attakki kontra l-ħaddiema umanitarji, inklużi l-ħtif, il-fastidju u l-qtil tagħhom fir-reġjuni tal-Majjistral u tal-Lbiċ tal-Kamerun, u jikkundanna bl-istess mod l-intimidazzjoni dejjem tikber ta' osservaturi indipendenti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, speċjalment id-difensuri tad-drittijiet tan-nisa, li l-ħidma tagħhom hija aktar importanti minn qatt qabel fil-kuntest ta' vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem mill-partijiet kollha fil-kunflitt; jinsisti li l-partijiet kollha fil-kunflitt jipprovdu immedjatament aċċess umanitarju mingħajr xkiel; jistieden lill-Gvern tal-Kamerun jiżgura li l-għajnuna umanitarja tilħaq lir-reġjuni fi kriżi;
13. Jistieden lin-NU u lill-UE jkomplu jimmonitorjaw is-sitwazzjoni umanitarja u jivvalutaw il-ħtiġijiet; jitlob appoġġ umanitarju urġenti mill-komunità internazzjonali, inklużi l-UE u l-Istati Membri tagħha, biex jirrispondu b'mod effettiv u jissodisfaw il-ħtiġijiet urġenti tal-popolazzjoni kif xieraq; iqis li missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fil-Kamerun tkun xierqa biex tiddetermina sa liema punt id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali ġew vjolati u minn min;
14. Jikkundanna l-azzjonijiet terroristiċi mill-Boko Haram fil-Kamerun; jirrikonoxxi l-isforzi tal-awtoritajiet tal-Kamerun fil-ġlieda kontra l-grupp; jistieden lill-komunità internazzjonali tappoġġja l-isforzi kollha fil-ġlieda kontra l-grupp armat Iżlamista; jinsisti li t-terroriżmu jista' jiġi miġġieled b'mod effiċjenti biss jekk nindirizzaw il-kawżi u l-problemi speċifiċi relatati mal-inugwaljanza;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Kamerun u lill-Kopresidenti tal-Assemblea Konġunta AKP-UE.