Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2021 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022 (COM(2021)0634 – C9-0379/2021 – 2021/0328(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2021)0634),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), u l-Artikoli 165(4) u 166(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9-0379/2021),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-8 ta’ Diċembru 2021(1),
– wara li kkonsulta l-Kumitat tar-Reġjuni,
– wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-10 ta’ Diċembru 2021 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-ittra mill-Kumitat għall-Baġits tas-17 ta' Novembru 2021 dwar l-eżitu tal-konċiljazzjoni tal-baġit fir-rigward tal-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċeduri tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A9-0322/2021),
A. Billi għal raġunijiet ta' urġenza huwa ġustifikat li l-votazzjoni ssir qabel l-iskadenza tat-terminu ta' tmien ġimgħat stabbiliti fl-Artikolu 6 tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta 'sussidjarjetà u proporzjonalità;
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Japprova d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill annessa ma' din ir-riżoluzzjoni, li se tiġi ppubblikata fis-serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
3. Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni, li se tiġi ppubblikata fis-serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
4. Jistieden lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sostanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Għadha ma ġietx ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-14 ta' Diċembru 2021 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni (UE) 2021/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Sena Ewropea taż-Żgħażagħ (2022)
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, id-Deċiżjoni (UE) 2021/2316.)
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA
Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-finanzjament tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ (2022) - Deċiżjoni (UE) 2021/2316
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jaqblu li l-baġit operatorju minimu għall-implimentazzjoni tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ (2022) għandu jiġi stabbilit għal EUR 8 miljun. Minn dak l-ammont, EUR 3 miljun se jiġu mill-baġit annwali għall-2022 tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà u EUR 5 miljun se jiġu mill-baġit annwali għall-2022 tal-programm Erasmus+.
Barra minn hekk, il-koleġiżlaturi huma impenjati li jħallu wirt dejjiemi tas-Sena Ewropea, lil hinn mill-2022. Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtorità tal-baġit, f'konformità mal-Artikolu 314 tat-TFUE, kwalunkwe finanzjament addizzjonali lil hinn mill-2022 għandu jiġi identifikat fi ħdan il-QFP 2021-2027.
Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-finanzjament tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ (2022) - Deċiżjoni (UE) 2021/2316...
Il-Kummissjoni tieħu nota tal-ftehim tal-koleġiżlaturi biex jintroduċu baġit operatorju minimu ta' EUR 8 miljun għall-implimentazzjoni tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ (2022), mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà ta' kontribuzzjonijiet komplementari minn programmi u strumenti rilevanti oħra tal-Unjoni flimkien ma' dan l-ammont ta' EUR 8 miljun.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni se twettaq eżerċizzju ta' mmappjar matul is-Sena u se taġġornah regolarment billi tiddeskrivi l-kontribuzzjonijiet possibbli u reali mill-programmi u l-istrumenti tal-UE għall-implimentazzjoni tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ u tirrapporta dwar l-attivitajiet. Il-progress fl-implimentazzjoni tal-kontribuzzjonijiet mill-programmi tal-Unjoni se jiġi ppreżentat regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom jitqiesu bħala komplementari u addizzjonali mal-baġit operatorju minimu ta' EUR 8 miljun.