Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2021/0359(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0343/2021

Testi mressqa :

A9-0343/2021

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/12/2021 - 15

Testi adottati :

P9_TA(2021)0490

Testi adottati
PDF 138kWORD 47k
It-Tlieta, 14 ta' Diċembru 2021 - Strasburgu
Mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Kroazja
P9_TA(2021)0490A9-0343/2021
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2021 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Kroazja b'rabta mas-sensiela ta' terremoti li bdew fit-28 ta' Diċembru 2020 (COM(2021)0963 – C9-0403/2021 – 2021/0359(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2021)0963 – C9-0403/2021),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprja ġodda(3), u b'mod partikolari l-punt 10 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2021 dwar il-mitigazzjoni tal-konsegwenzi tat-terremoti fil-Kroazja(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2021 dwar l-effikaċja li biha l-Istati Membri jużaw il-flus tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE f'każijiet ta' diżastri naturali(5),

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0343/2021),

1.  Jesprimi l-akbar solidarjetà u simpatija mal-individwi kollha li ntlaqtu mit-terremoti, mal-familji tagħhom, u mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali tal-Kroazja involuti fl-isforzi ta' sokkors;

2.  Jilqa' d-deċiżjoni bħala forma tanġibbli u viżibbli tas-solidarjetà tal-Unjoni maċ-ċittadini tagħha u mar-reġjuni fil-Kroazja affettwati mit-terremoti bejn it-28 ta' Diċembru 2020 u l-21 ta' Frar 2021;

3.  Jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li l-assistenza finanzjarja tiġi rilaxxata permezz tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) biex jiġi żgurat li l-appoġġ ikun jista' jilħaq ir-reġjuni affettwati fi żmien xieraq;

4.  Jesprimi dispjaċir għaż-żmien konsiderevoli meħud mill-applikazzjoni tal-Kroazja għall-assistenza finanzjarja, fit-18 ta' Marzu 2021, għall-proposta tal-Kummissjoni għall-mobilizzazzjoni fl-aħħar ta' Ottubru 2021; jissottolinja, għal darb'oħra, l-importanza ta' mobilizzazzjoni rapida tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea fil-futur biex jipprovdi għajnuna lin-nies u lir-reġjuni fil-bżonn;

5.  Jenfasizza li l-FSUE kien taħt pressjoni konsiderevoli fl-ewwel sena tal-QFP 2021-2027, li d-diżastri naturali huma intrinsikament imprevedibbli u li, minħabba t-tibdil fil-klima, l-għadd u s-severità tagħhom x'aktarx jiżdiedu maż-żmien u jsiru aktar għaljin; jissottolinja, għalhekk, it-tħassib dejjem jikber tiegħu dwar l-iskarsezza tar-riżorsi disponibbli għall-FSUE matul il-perjodu 2021-2027; iqis li l-ammont globali ta' finanzjament u l-arranġamenti ta' allokazzjoni għar-Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza (SEAR) ma jiżgurawx l-effikaċja ottimali tal-FSUE u jitlob reviżjoni tas-SEAR fir-rieżami li jmiss tal-QFP 2021-2027;

6.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3.
(2) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11.
(3) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.
(4) Testi adottati, P9_TA(2021)0023.
(5) Testi adottati, P9_TA(2021)0429.


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Kroazja b'rabta mas-sensiela ta' terremoti li bdew mit-28 ta' Diċembru 2020

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, id-Deċiżjoni (UE) 2022/49.)

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Marzu 2022Avviż legali - Politika tal-privatezza