Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2021 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni minn Spanja – FEG/2021/004 ES/Aragón automotive (COM(2021)0683 – C9-0404/2021 – 2021/0356(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2021)0683 – C9-0404/2021),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013(1) ("ir-Regolament dwar il-FEG"),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021-2027(2) ("ir-Regolament dwar il-QFP") u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda(3), u b'mod partikolari l-punt 9 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0344/2021),
A. billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li qed ibatu mill-konsegwenzi tal-globalizzazzjoni u mill-bidliet teknoloġiċi u ambjentali, bħall-bidliet fix-xejriet kummerċjali dinjija, it-tilwim kummerċjali, bidliet sinifikanti fir-relazzjonijiet kummerċjali tal-Unjoni jew fil-kompożizzjoni tas-suq intern u kriżijiet finanzjarji jew ekonomiċi, kif ukoll it-tranżizzjoni għal ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, jew bħala konsegwenza tad-diġitalizzazzjoni jew tal-awtomatizzazzjoni;
B. billi Spanja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2021/004 ES/Aragón automotive għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG), wara li 592 ħaddiem fis-settur tal-ekonomija kklassifikati taħt id-Diviżjoni 29 tan-NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers) fir-reġjun NUTS 2 ta' Aragón (ES24) fi Spanja ġew issensjati, f'perjodu ta' referenza għall-applikazzjoni mill-1 ta' Novembru 2020 sal-1 ta' Mejju 2021;
C. billi l-applikazzjoni hija relatata mal-592 ħaddiem issensjat li l-attività tagħhom waqfet matul il-perjodu ta' referenza f'ħamsin kumpanija(4), filwaqt li 460 ħaddiem ġew issensjati qabel jew wara l-perjodu ta' referenza bħala konsegwenza tal-istess avvenimenti li wasslu għall-waqfien tal-attività tal-ħaddiema ssensjati matul il-perjodu ta' referenza u għalhekk se jitqiesu wkoll bħala benefiċjarji eliġibbli;
D. billi l-applikazzjoni hija bbażata fuq il-kriterju ta' intervent tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi l-waqfien mill-attività ta' mill-anqas 200 ħaddiem issensjat fuq perjodu ta' referenza ta' sitt xhur f'intrapriżi li joperaw fl-istess settur ekonomiku definit fid-diviżjoni NACE Reviżjoni 2 u li jinsabu f'reġjun wieħed jew f'żewġ reġjuni kontigwi kif definit fil-livell NUTS 2 fi Stat Membru;
E. billi l-pandemija tal-COVID-19, il-miżuri stretti ta' lockdown implimentati fit-tieni trimestru tal-2020 fi Spanja(5) u n-nuqqas sussegwenti ta' semikondutturi(6) affettwaw b'mod negattiv is-settur tal-karozzi fil-pajjiż, sabiex matul Jannar-Ġunju 2021, il-produzzjoni ta' vetturi fi Spanja (1,2 miljun unità) kien għadu anqas b'21,6 % mill-produzzjoni fl-istess perjodu tal-2019(7);
F. billi f'Aragón, is-setturi tal-karozzi jirrappreżentaw 2,42 % tal-impjiegi netti u madwar 6 % tal-PDG reġjonali(8), u l-qgħad irreġistrat issa huwa 26 % ogħla mil-livelli ta' qabel il-pandemija (75 578 persuna li qed ifittxu impjieg f'Ġunju 2021 meta mqabbla mas-60 000 f'Ġunju 2019)(9);
G. billi l-FEG m'għandux jaqbeż ammont massimu annwali ta' EUR 186 miljun (bi prezzijiet tal-2018), kif stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament QFP;
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament dwar il-FEG ġew issodisfati, u li Spanja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1 404 863 fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, somma li tirrappreżenta 85 % tal-ispiża totali ta' EUR 1 652 780, u li tinkludi n-nefqa għal servizzi personalizzati ta' EUR 1 600 280 u n-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG(10) ta' EUR 52 500; jinnota li r-rekwiżiti proċedurali kollha ġew issodisfati;
2. Jinnota li l-awtoritajiet Spanjoli ppreżentaw l-applikazzjoni fis-26 ta' Lulju 2021, u li l-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fit-8 ta' Novembru 2021 u nnotifikat lill-Parlament biha fl-istess jum;
3. Jinnota li l-applikazzjoni b'kollox hija relatata ma' 1 052 ħaddiem li ngħataw is-sensja fis-settur tal-karozzi fi Spanja; jesprimi dispjaċir għall-fatt li Spanja tistenna li 320 biss mill-benefiċjarji eliġibbli kollha se jipparteċipaw fil-miżuri (benefiċjarji fil-mira); iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali biex jimmotivaw b'mod aktar proattiv lill-persuni ssensjati biex jieħdu sehem fl-azzjonijiet proposti;
4. Jindika li terz tal-benefiċjarji fil-mira huma nisa (34,1 %) u kważi 40 % għandhom aktar minn 54 sena (39,7 %);
5. Ifakkar li l-impatti soċjali tas-sensji huma mistennija li jkunu konsiderevoli għall-ekonomija ta' Aragón, fejn 60 % tal-persuni li qed ifittxu impjieg huma nisa u 49 % tal-persuni kollha li qed ifittxu impjieg għandhom aktar minn 50 sena(11); jesprimi dispjaċir, għalhekk, għall-fatt li s-sensji se jaffettwaw b'mod partikolari żewġ kategoriji ta' ħaddiema li diġà huma fi żvantaġġ fis-suq tax-xogħol reġjonali;
6. Jinnota li Spanja bdiet toffri servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fil-15 ta' Ottubru 2021 u li għaldaqstant, il-perjodu ta' eliġibilità għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se jkun mill-15 ta' Ottubru 2021 sa 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni ta' finanzjament;
7. Ifakkar li s-servizzi personalizzati li għandhom jiġu pprovduti lill-ħaddiema u lill-persuni li jaħdmu għal rashom jikkonsistu fl-azzjonijiet li ġejjin: sessjonijiet ġenerali ta' informazzjoni u ta' merħba, gwida okkupazzjonali, assistenza intensiva fit-tfittix ta' impjieg, taħriġ orizzontali, ta' taħriġ mill-ġdid u ta' titjib tal-ħiliet, kif ukoll inċentivi monetarji; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jagħmlu enfasi akbar fuq programmi u azzjonijiet imfassla bil-ħsieb tal-interessi tan-nisa, peress li 34,1 % tal-benefiċjarji fil-mira huma nisa;
8. Jinnota li l-miżuri ppjanati għandhom jiġu implimentati f'konformità mal-Istrateġija Spanjola dwar l-Ekonomija Ċirkolari bbażata fuq ċikli ta' materjal mhux tossiku u li l-miżuri ta' taħriġ għandhom jindirizzaw ir-rekwiżit tat-tixrid tal-ħiliet meħtieġa fl-era industrijali diġitali u f'ekonomija effiċjenti fir-riżorsi, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament dwar il-FEG;
9. Jinnota li Spanja bdiet iġġarrab in-nefqa amministrattiva sabiex timplimenta l-FEG fl-1 ta' Ottubru 2021 u li għaldaqstant, in-nefqa fuq attivitajiet ta' tħejjija, ta' ġestjoni, ta' informazzjoni u ta' pubbliċità, ta' kontroll u ta' rapportar se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-1 ta' Ottubru 2021 sa 31 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni ta' finanzjament;
10. Jilqa' l-fatt li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati ġie mfassal f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali (UGT(12), CCOO(13), CEPYME(14) u CEOE(15));
11. Jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet Spanjoli kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni;
12. Itenni li l-assistenza mill-FEG ma tridx tissostitwixxi azzjonijiet li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi, jew kwalunkwe allowance jew dritt tal-benefiċjarji tal-allokazzjoni tal-FEG biex tiġi żgurata l-addizzjonalità sħiħa tal-allokazzjoni;
13. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Skont id-data minn Confemetal u Anfac, il-pandemija kellha impatt sinifikanti fuq l-attività u fuq il-fatturat tal-intrapriżi li joperaw fis-settur tal-karozzi fi Spanja, u dan irriżulta fi tnaqqis fil-bejgħ (32,3 %), fil-produzzjoni (18,9 %), u fil-fatturat (11,3 %) fl-2020 meta mqabbel mal-2019: https://anfac.com/wp-content/uploads/2021/07/Informe-Anual-ANFAC-2020.pdf
Fil-bidu tal-2021, il-kriżi taċ-ċipep kienet mistennija li twassal għal telf ta' madwar EUR 60 biljun fis-settur tal-karozzi. Iċ-ċifra ġiet riveduta 'l fuq għal aktar minn EUR 90 biljun: https://www.consultancy.eu/news/6273/global-chip-shortage-costs-automotive-sector-90-billion
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni minn Spanja – FEG/2021/004 ES/Aragón automotive
(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, id-Deċiżjoni (UE) 2022/50.)