L-evitar tal-korruzzjoni, l-infiq irregolari u l-użu ħażin tal-fondi tal-UE unazzjonali f'każ ta' fondi ta' emerġenza u oqsma ta' nfiq relatati mal-kriżi
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2021 dwar l-evalwazzjoni tal-miżuri ta' prevenzjoni biex jiġu evitati l-korruzzjoni, l-infiq irregolari u l-użu ħażin tal-fondi tal-UE u nazzjonali f'każ ta' fondi ta' emerġenza u oqsma ta' nfiq relatati mal-kriżi (2020/2222(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 310, 317 u 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni(1),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-rwol tal-informaturi fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE(3),
– wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (id-Direttiva PIF)(4),
– wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, u li temenda d-Direttivi 2009/138/KE u 2013/36/UE(5),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(6),
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-2019 tal-OLAF(7) u r-Rapport ta' Attività Annwali tal-2019 tal-Kumitat ta' Sorveljanza tal-OLAF,
– wara li kkunsidra r-rapport speċjali Nru 01/2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu "Il-ġlieda kontra l-frodi fl-infiq tal-UE: jeħtieġ li tittieħed azzjoni",
– wara li kkunsidra r-rapport speċjali Nru 06/2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu "L-indirizzar tal-frodi fl-infiq fil-qasam tal-koeżjoni tal-UE: jeħtieġ li l-awtoritajiet maniġerjali jsaħħu l-identifikazzjoni, ir-rispons u l-koordinazzjoni",
– wara li kkunsidra r-rapport analitiku Nru 06/2020 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu "Riskji, sfidi u opportunitajiet fir-rispons tal-politika ekonomika tal-UE għall-kriżi tal-COVID-19",
– wara li kkunsidra l-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO), u l-21 rapport ta' attività ġenerali tiegħu (2020),
– wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu "Public Integrity for an Effective COVID-19 Response and Recovery" (L-Integrità Pubblika għal Reazzjoni u Rkupru Effettivi mill-COVID-19), ippubblikat mill-OECD f'April 2020,
– wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu "Corruption in the times of Pandemia" (Il-korruzzjoni fi żminijiet ta' pandemija), ippubblikat f'Mejju 2020(8),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-3 ta' Settembru 2020 bit-titolu "Il-31 Rapport Annwali dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Il-ġlieda kontra l-frodi – 2019" (COM(2020)0363) u d-dokumenti ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjawh(9),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2020/2221 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Diċembru 2020 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta' riżorsi addizzjonali u arranġamenti ta' implimentazzjoni biex jipprovdi assistenza għat-trawwim ta' miżuri li jsewwu d-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjali tagħha u għat-tħejjija ta' rkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija (REACT-EU)(10),
– wara li kkunsidra l-Istrument għall-Appoġġ ta' Emerġenza,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza(11),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Marzu 2021 li jistabbilixxi l-Programm InvestEU u li jemenda r-Regolament (UE) 2015/1017(12),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/785 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm tal-Unjoni Kontra l-Frodi u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 250/2014(13),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u l-Protokoll (Nru 2) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità,
– wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 4/2020 tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-proposta 2020/0101 (COD) għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta' riżorsi addizzjonali eċċezzjonali u arranġamenti implimentattivi taħt il-mira tal-Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi biex jipprovdi assistenza għat-trawwim ta' miżuri li jsewwu d-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u t-tħejjija ta' rkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija (REACT-EU), u dwar il-proposta emendata 2018/0196 (COD) għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi(14),
– wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Europol tal-5 ta' Ġunju 2020, bit-titolu "Europol launches the European Financial and Economic Crime Centre" (Il-Europol tvara ċ-Ċentru Ewropew għall-Kriminalità Finanzjarja u Ekonomika)(15),
– wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Europol tat-12 ta' April 2021, bit-titolu "Serious and organised crime in the EU: A corrupting influence" (Il-kriminalità serja u organizzata fl-UE: Influwenza li tikkorrompi)(16),
— wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2021 dwar l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia u l-istat tad-dritt f'Malta(17),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2021 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE – ġlieda kontra l-frodi – rapport annwali 2019(18),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar il-valutazzjoni li qed issir mill-Kummissjoni u mill-Kunsill tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza(19),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0320/2021),
A. billi l-kriminalità finanzjarja u ekonomika tirreferi għall-atti illegali mwettqa minn individwu jew grupp ta' individwi biex jiksbu gwadann ekonomiku jew professjonali u tinkludi, fost l-oħrajn, il-korruzzjoni, il-frodi, il-koerċizzjoni, il-kollużjoni, l-ostakolar, il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;
B. billi l-kriżi tas-saħħa pubblika kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, flimkien mal-emerġenza ekonomika u t-taqlib soċjali sussegwenti, ġiegħlet lill-UE u lill-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri jipprevedu jew jinvolvu ruħhom fil-ġestjoni ta' finanzjament addizzjonali u jżidu b'mod sostanzjali u malajr l-infiq;
C. billi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, b'pakkett ta' aktar minn EUR 670 biljun, u REACT-EU, b'pakkett ta' aktar minn EUR 50 biljun, huma għodod b'saħħithom biex jgħinu lill-pajjiżi tal-UE jirkupraw; billi, sa mir-rebbiegħa tal-2020, il-politika ta' koeżjoni pprovdiet assistenza ta' rispons ta' emerġenza għall-valur ta' EUR 11,2-il biljun f'appoġġ għan-negozji, EUR 7,6 biljun f'riallokazzjonijiet tal-UE għall-azzjonijiet tas-saħħa u EUR 4,1 biljun f'appoġġ dirett għall-ħaddiema;
D. billi fit-2 ta' April 2020, bħala parti mir-rispons tal-UE għat-tifqigħa tal-COVID-19, il-Kummissjoni pproponiet li tattiva l-Istrument għall-Appoġġ ta' Emerġenza (ESI);
E. billi d-deċiżjoni dwar l-attivazzjoni tiegħu ttieħdet mill-Kunsill waħdu, mingħajr l-involviment tal-Parlament f'konformità mad-dispożizzjonijiet għall-attivazzjoni kif stipulat fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2016/369 (ir-"Regolament dwar l-ESI")(20);
F. billi n-Next Generation EU huwa strument temporanju ta' rkupru ta' xi EUR 800 biljun bi prezzijiet attwali, stabbilit biex jappoġġja l-irkupru tal-UE mill-pandemija tal-coronavirus u jgħin biex tinbena Ewropa aktar ekoloġika, aktar diġitali u aktar reżiljenti;
G. billi minħabba n-natura urġenti tal-kriżi, il-proċeduri ta' akkwist u l-mezzi ta' kontroll saru aktar flessibbli f'ħafna postijiet sabiex titħaffef l-implimentazzjoni;
H. billi l-pjanijiet ta' reazzjoni ma jikkunsidrawx biżżejjed il-governanza u l-problema tal-attivitajiet illegali bħall-korruzzjoni u l-frodi, u miżuri biex jiġu evitati l-irregolaritajiet mhux frodulenti;
I. billi l-kriżi toħloq opportunitajiet għal bosta każijiet ta' ksur tal-integrità u tista' tintensifika l-frodi u l-korruzzjoni, kif ukoll irregolaritajiet mhux frodulenti b'mod partikolari fl-akkwist pubbliku, fil-pakketti ta' stimolu ekonomiku u fl-organizzazzjonijiet pubbliċi;
J. billi, skont il-Qorti tal-Awdituri, il-prevenzjoni tal-frodi ma ngħatatx biżżejjed attenzjoni u l-Kummissjoni ma għandhiex informazzjoni komprensiva dwar l-iskala, in-natura u l-kawżi tal-frodi; billi l-istatistika uffiċjali dwar il-frodi misjuba mhijiex kompluta u sa issa l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda valutazzjoni ta' frodi mhux misjuba(21);
K. billi l-korruzzjoni hija theddida mill-akbar fl-isfera privata u f'dik pubblika u għandha impatt sproporzjonat fuq il-gruppi l-aktar vulnerabbli, peress li tikkawża telf ta' riżorsi li jhedded it-tkabbir fit-tul, il-protezzjoni soċjali u l-aċċess ekwu għas-servizzi pubbliċi (inklużi s-saħħa, l-edukazzjoni u l-ġustizzja), li kollha kemm huma jdgħajfu l-fiduċja pubblika, iżidu l-inugwaljanzi soċjali u jdgħajfu l-valuri ewlenin tal-Unjoni; billi huwa essenzjali li nifhmu aħjar il-kawżi tal-korruzzjoni sabiex inkunu nistgħu niġġieldu b'mod effettiv kontra dan il-fenomenu u l-konsegwenzi dannużi tiegħu;
L. billi għadd dejjem akbar ta' gruppi tal-kriminalità organizzata huma attivi fl-UE, ħafna drabi fuq livell transfruntier; billi dan il-fenomenu kulma jmur qed isir aktar kumpless, filwaqt li qed jitfaċċaw swieq kriminali u modi operandi ġodda bħala riżultat tal-globalizzazzjoni u teknoloġiji ġodda, li jagħmluha possibbli li wieħed jopera minn kullimkien fid-dinja u fi kwalunkwe ħin;
M. billi t-teknoloġija ġġib magħha kapaċitajiet ġodda ta' detezzjoni u monitoraġġ, filwaqt li tnaqqas il-piż minn fuq l-investigaturi u tippermetti t-tfassil ta' miżuri ta' infurzar aktar intelliġenti;
N. billi l-integrità tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni tiddependi mit-trasparenza tal-entitajiet korporattivi u ta' entitajiet legali oħra, tat-trusts u ta' arranġamenti legali simili oħra;
O. billi l-Kummissjoni ħadet għadd ta' miżuri biex tindirizza r-riskji relatati mal-korruzzjoni u l-użu ħażin tal-fondi fl-Unjoni, inkluż progress fil-proposti leġiżlattivi tagħha dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus; il-protezzjoni tal-informaturi, l-akkwist pubbliku u l-mekkaniżmu Ewropew tal-istat tad-dritt;
P. billi skont l-aħħar rapport ta' Transparency International u ċ-Ċentru ta' Kollaborazzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO CC)(22), il-Kummissjoni Ewropea mhijiex qed tirrispetta għalkollox l-impenji tagħha stess dwar it-trasparenza u l-prinċipji internazzjonali tal-"prattika tajba" dwar it-trasparenza tal-kuntratti pubbliċi meta tuża wisq oskuramenti biex tgħatti siltiet ta' test fil-kuntratti ta' Ftehimiet ta' Xiri bil-Quddiem (APA); billi l-Kummissjoni, madankollu, hija obbligata bil-liġi li tirrispetta d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju, u hija meħtieġa struttura aħjar u mtejba għal reazzjoni aktar rapida mill-Kummissjoni fil-kriżijiet futuri;
Q. billi t-trażżin tal-korruzzjoni jirrikjedi s-sjieda governattiva tar-riformi, l-appoġġ pubbliku, l-impenn politiku, il-kooperazzjoni internazzjonali, u sforz konġunt mas-soċjetà ċivili u s-settur privat;
R. billi f'sitwazzjoni ta' aspettattivi għolja, pressjoni qawwija u volumi ta' nfiq bla preċedent, ir-responsabbiltà biex din l-isfida tintlaqa' taqa' fuq spallejn l-uffiċjali pubbliċi, li jeħtieġu appoġġ xieraq biex jittrattaw kemm iż-żieda fl-istandards professjonali kif ukoll id-diffikultajiet ġodda fit-twettiq tal-missjoni tagħhom; billi, barra minn hekk, l-uffiċjali mhux neċessarjament isiru konxji fil-pront ta' sitwazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess;
S. billi hemm evidenza li l-professjonalizzazzjoni u l-pagi adegwati fl-akkwist pubbliku jinfluwenzaw b'mod pożittiv lill-uffiċjali pubbliċi biex iżommu lura mill-korruzzjoni(23);
T. billi t-Trattat ta' Lisbona ħa d-direzzjoni tat-tisħiħ tar-rwol tal-Parlament Ewropew, biex iġib aktar koerenza, skrutinju parlamentari u obbligu ta' rendikont demokratiku;
U. billi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni hija essenzjali għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE u għaż-żamma tal-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tal-UE;
1. Jirrikonoxxi li l-kriżijiet reċenti kkonfermaw il-ħtieġa li jkun jista' jiġi mobilizzat l-investiment u li jkun hemm konċentrazzjoni fil-bidu tal-appoġġ finanzjarju sa mill-ewwel snin tal-irkupru; jinsab konxju li fi żminijiet ta' kriżi r-riżorsi jridu jsiru disponibbli f'temp ta' żmien strett u f'ċirkostanzi li jkunu qed jinbidlu malajr; jirrimarka li ammont sinifikanti ta' riżorsi addizzjonali li jridu jintefqu f'perjodu ta' żmien qasir iżid il-pressjoni fuq is-sistemi ta' kontroll; jisħaq, madankollu, li l-allokazzjoni rapida tal-fondi u l-adozzjoni malajr ta' atti leġiżlattivi jeħtieġ li jiġu kkomplementati b'miżuri amministrattivi adegwati; jirrimarka li l-pressjoni biex tingħata l-għajnuna u l-urġenza li r-riżorsi jintużaw fl-iqsar żmien possibbli jistgħu jirriżultaw f'riskju akbar ta' korruzzjoni, frodi u irregolaritajiet oħra, u li sitwazzjoni bħal din tirrikjedi miżuri preventivi u proċessi ta' ġestjoni tal-kontroll effiċjenti; itenni li l-proċeduri kollha ta' akkwist iridu jirrispettaw l-ogħla standards ta' ftuħ, trasparenza u responsabbiltà;
2. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu fl-istrateġiji rispettivi tagħhom ta' kontra l-korruzzjoni miżuri mmirati ddedikati għall-infiq ta' fondi pubbliċi fi żminijiet ta' kriżi; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li r-regoli dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni japplikaw bl-istess mod ukoll fil-każ tal-appoġġ ta' emerġenza u l-istrumenti ta' appoġġ ta' emerġenza bħall-CRII, CRII+, REACT-EU u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF);
3. Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol importanti tal-miżuri preventivi fl-antiċipazzjoni u r-reazzjoni effettiva għar-riskji ta' korruzzjoni f'sitwazzjonijiet ta' kriżi u fit-tisħiħ tal-politiki tal-integrità u ta' kontra l-korruzzjoni, kif ukoll il-korpi li jinfurzawhom, u għalhekk fit-titjib tal-governanza ġenerali; jemmen, f'dan ir-rigward, li l-kriżi tal-COVID-19 se żżid l-enfasi tagħna fuq il-governanza fis-snin li ġejjin bħala riżultat taż-żieda fl-isforzi biex jiġu miġġielda l-effetti u l-ispejjeż devastanti tal-pandemija għan-nies u għall-ekonomiji;
4. Jemmen li l-istat tad-dritt huwa prekundizzjoni essenzjali għall-konformità mal-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba tal-fondi ta' emerġenza bħala parti mill-baġit tal-UE; ifakkar li l-istat tad-dritt japplika f'kull ħin, inkluż fi żminijiet ta' kriżi, u li l-miżuri ta' emerġenza jridu jiżguraw il-konformità mal-istat tad-dritt u mal-prinċipju tal-proporzjonalità u dak tan-neċessità, u jridu jkunu limitati fiż-żmien u skrutinizzati regolarment għall-impatt tagħhom;
5. Jenfasizza li s-sitwazzjonijiet ta' emerġenza, speċjalment kriżijiet tas-saħħa u s-sikurezza, għandhom impatt ukoll fuq il-funzjonament tal-awtoritajiet pubbliċi u joħolqu opportunitajiet biex tinkiser l-integrità, li jistgħu jwasslu għall-użu ħażin ta' fondi kif ukoll korruzzjoni fi żmien meta r-riżorsi pubbliċi diġà jinsabu taħt pressjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza r-reżiljenza tal-istituzzjonijiet tal-UE f'sitwazzjonijiet bħal dawn sabiex tipproteġi l-fondi ta' emerġenza;
6. Itenni l-ħtieġa li tiżdied it-trasparenza ġenerali tal-ambjent ekonomiku u finanzjarju tal-Unjoni, peress li l-prevenzjoni tar-reati ekonomiċi u finanzjarji ma tistax tkun effettiva jekk il-kriminali ma jinżammux milli jfittxu kenn għall-atti tagħhom permezz ta' strutturi mhux trasparenti;
7. Jenfasizza f'dan ir-rigward li l-UE – kemm l-istituzzjonijiet tagħha kif ukoll l-Istati Membri – mhijiex f'pożizzjoni li titlef riżorsi prezzjużi fl-aħjar żminijiet, aħseb u ara matul il-pandemija u warajha;
8. Jirrikonoxxi l-isforzi kollha li għamlet il-Kummissjoni biex iżżid it-trasparenza, il-kontroll u r-riformi ta' kontra l-korruzzjoni fl-Istati Membri permezz tas-sett ta' għodod imsaħħaħ tagħha dwar l-istat tad-dritt; jesprimi t-tħassib tiegħu, madankollu, li l-implimentazzjoni ta' dawn ir-riformi ltaqgħet ma' ċerta reżistenza f'xi Stati Membri, u dan fil-biċċa l-kbira tal-każijiet jista' jiġi spjegat mil-lakuni leġiżlattivi jew istituzzjonali jew, f'każijiet speċifiċi ħafna, mill-fatt li jaffettwaw l-interessi personali ta' dawk li jfasslu l-liġijiet u tal-uffiċjali tal-gvern inkarigati mill-infurzar tagħhom; jinsisti li kwalunkwe kunflitt ta' interess attwali jew potenzjali li jaffettwa lil dawk li jfasslu l-liġijiet u lill-uffiċjali tal-gvern irid jiġi pprevenut u li l-Istati Membri jridu jistabbilixxu oqfsa robusti kontra l-korruzzjoni;
9. Ifakkar li jeħtieġ li jsir aktar sforz fil-kontrolli ex ante fir-rigward tat-traċċabbiltà tal-fondi, speċjalment fil-każijiet fejn tali kontrolli u evalwazzjonijiet twettqu taħt miżuri eċċezzjonali; itenni li l-gvernijiet u awtoritajiet pubbliċi oħra jeħtieġu rapportar effiċjenti u trasparenti, awditi ex post indipendenti u proċeduri ta' obbligu ta' rendikont, kif ukoll kanali miftuħa ta' komunikazzjoni mas-soċjetà ċivili u s-settur privat, biex jiżguraw li l-flus u l-miżuri qegħdin tassew jgħinu lin-nies li l-aktar għandhom bżonnhom; jindika l-importanza li waqt sitwazzjonijiet ta' kriżi l-pubbliku jingħata informazzjoni aġġornata, trasparenti u affidabbli;
10. Jenfasizza r-rwol kritiku tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-ġurnalisti investigattivi fid-denunzja tal-korruzzjoni; jiddispjaċih, għalhekk, li, matul il-pandemija tal-COVID-19, għadd ta' Stati Membri adottaw miżuri li xekklu l-aċċess pubbliku għad-dokumenti u l-professjonisti tal-midja esperjenzaw diffikultajiet u ċaħdiet mhux ġustifikati, kif ukoll pressjoni u theddid rigward l-aċċess għad-dokumenti pubbliċi; jemmen li huwa importanti li ċ-ċittadini jibqgħu mgħarrfa bil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u jibqgħu involuti fiha, kif ukoll li jkunu protetti bis-sħiħ mill-konsegwenzi personali u professjonali negattivi, speċjalment fil-każijiet ta' żvelar ta' informazzjoni protetta; itenni, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa tal-implimentazzjoni rapida tad-Direttiva (UE) 2019/1937 dwar il-protezzjoni tal-informaturi;
11. Jissottolinja li l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-teħid ta' deċiżjonijiet pubbliċi hija essenzjali għal rispons b'suċċess f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw pjanijiet komprensivi għall-ġestjoni tal-kriżijiet sabiex iħejju għal sitwazzjonijiet simili fil-futur u jinkludu salvagwardji għar-rwol tas-soċjetà ċivili bħala għassiesa pubblika; ifakkar li l-aċċess pubbliku għad-dokumenti f'format li jinqara mill-magni huwa komponent ewlieni biex jiġu żgurati t-trasparenza u l-iskrutinju tal-infiq pubbliku; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi l-pjattaformi t-tajba għall-involviment u jfakkar fil-possibilitajiet attwali li jiġu rrappurtati każijiet allegati ta' frodi lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) u lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF);
12. Jinnota li f'nofs kriżi ekonomika, tas-sigurtà jew relatata mas-saħħa, il-gvernijiet għandhom it-tendenza li jagħmlu l-proċeduri tal-ikkuntrattar aktar flessibbli sabiex jirreaġixxu fil-pront għal dik il-kriżi; jisħaq fuq il-fatt li d-Direttiva tal-UE dwar l-Akkwist Pubbliku diġà tippermetti proċeduri ħafna aktar rapidi u ta' piż amministrattiv iżgħar u li l-gvernijiet tal-Istati Membri għandhom jiġġestixxu dawn il-proċeduri fil-qafas tar-rekwiżiti legali fis-seħħ; jenfasizza li kwalunkwe rilassament tal-proċeduri u kwalunkwe miżura ta' simplifikazzjoni, li jistgħu jkunu meħtieġa matul sitwazzjonijiet ta' kriżi biex jiġu prevenuti żbalji għaljin u irregolaritajiet mhux frodulenti minħabba l-kumplessità tar-regoli, għandhom jiġu kkomplementati bi gwida speċifika u skrutinizzati mill-qrib permezz ta' mekkaniżmi ex post;
13. Jilqa' l-azzjoni koordinata u deċiżiva fil-livell tal-UE li tirriżulta fl-adozzjoni ta' pakkett wiesa' ta' inizjattivi, in-Next Generation EU, immirata lejn il-konsegwenzi ta' tħarbit tal-pandemija tal-COVID-19 għas-saħħa u n-negozji taċ-ċittadini madwar l-UE; jenfasizza, madankollu, li ż-żieda bla preċedent fil-finanzjament tal-UE hija suxxettibbli għal riskji akbar ta' korruzzjoni u frodi, u ġġib magħha sfidi addizzjonali f'dawk li huma monitoraġġ u responsabbiltà; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu u jimplimentaw politiki effettivi kontra l-korruzzjoni;
14. Ifakkar, bil-ħsieb li jiġu żgurati t-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-effiċjenza tal-infiq tal-UE, fl-importanza tas-sistemi ta' monitoraġġ u awditjar taħt il-fondi ta' ġestjoni kondiviża; itenni li l-Parlament għandu rwol essenzjali fl-iskrutinju tal-pakkett ta' stimolu u li l-Kummissjoni jeħtiġilha żżommu infurmat regolarment dwar l-implimentazzjoni tiegħu;
15. Jinnota li l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza(24), l-istrument ewlieni fil-qalba tan-Next Generation EU, tagħmilha possibbli li jiġu offruti lill-Istati Membri għotjiet (sa EUR 312-il biljun) u self (sa EUR 360 biljun)(25) għal investimenti pubbliċi u riformi mmirati lejn l-indirizzar ta' dgħufijiet strutturali u biex l-ekonomiji tal-Istati Membri jsiru aktar reżiljenti, filwaqt li jiffukaw fuq it-tranżizzjoni sostenibbli, it-trasformazzjoni diġitali, il-koeżjoni soċjali u territorjali, ir-reżiljenza istituzzjonali u l-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali;
16. Jilqa' d-delega ta' setgħat lill-Kummissjoni għall-istabbiliment, permezz ta' att delegat, ta' tabella ta' valutazzjoni għall-monitoraġġ mill-qrib tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' rkupru u reżiljenza tal-Istati Membri;
17. Ifakkar li t-tabella ta' valutazzjoni se sservi bħala bażi għad-djalogu dwar l-irkupru u r-reżiljenza u li l-Kummissjoni għandha taġġornaha darbtejn fis-sena; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tiżgura li l-progress miksub fl-implimentazzjoni tal-istadji importanti u l-miri stabbiliti jiġi mmonitorjat bir-reqqa u strettament f'konformità mar-Regolament dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, abbażi tal-indikaturi komuni stabbiliti u l-metodoloġija ta' rappurtar; ifakkar, barra minn hekk, li l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza hija marbuta b'kundizzjonijiet li jiggarantixxu l-użu trasparenti tal-flus żborżati u li għandhom jipprevjenu l-korruzzjoni jew il-frodi, il-finanzjament doppju jew il-kunflitti ta' interess, u jemmen li l-kontrolli għandhom jiġu estiżi wkoll għall-ispejjeż effettivament imġarrba mill-benefiċjarji finali; jilqa' l-fatt li, bis-saħħa tal-Parlament Ewropew, l-Istati Membri issa huma obbligati jipprovdu informazzjoni dwar ir-riċevituri finali;
18. Iħeġġeġ lill-UE u lill-awtoritajiet nazzjonali jqisu l-kontribut tal-awtoritajiet lokali u reġjonali meta jkunu qed jiżviluppaw u jimplimentaw miżuri ta' emerġenza u ta' rkupru;
19. Jinnota li l-Parlament, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-fehmiet tal-Parlament dwar il-valutazzjoni li għaddejja mill-Kummissjoni u mill-Kunsill tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, insista fuq it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont robusti mill-Kummissjoni, l-Istati Membri u s-sħab kollha inkarigati mill-implimentazzjoni fil-proċess ta' implimentazzjoni;
20. Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja bir-reqqa r-riskji potenzjali għall-interessi finanzjarji tal-UE u ma tipproċedi bl-ebda pagament jekk l-objettivi intermedji marbuta mal-miżuri għall-prevenzjoni, il-kxif u l-korrezzjoni tal-korruzzjoni u l-frodi ma jintlaħqux; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni biex b'mod immedjat tinforma lill-awtoritajiet baġitarji dwar is-sitwazzjonijiet kollha fejn il-fondi ma tħallsux minħabba allegazzjonijiet ta' użu ħażin, korruzzjoni, frodi jew ksur tal-istat tad-dritt, u fejn l-Istati Membri m'għandhomx biżżejjed sistemi fis-seħħ kontra l-frodi;
21. Jemmen li għandha tiġi segwita ġestjoni finanzjarja soda u li l-assorbiment, filwaqt li jibqa' objettiv importanti, m'għandux jingħata prijorità fuq il-prestazzjoni, il-kunsiderazzjonijiet ta' valur għall-flus u l-valur miżjud tal-UE tal-programmi, u li, f'każ ta' irregolaritajiet, l-irkupri għandhom jiġu żgurati permezz ta' korrezzjonijiet finanzjarji;
22. Jistieden lill-Istati Membri jintegraw il-valutazzjonijiet tar-riskju tal-korruzzjoni fil-fażijiet kollha tat-tfassil u tal-eżekuzzjoni tal-programmi, fl-oqsma tal-istimoli u tas-sussidji ekonomiċi; jinnota li s-sitwazzjonijiet ta' riskju għandhom jiġu indirizzati b'mod komprensiv, bl-użu ta' approċċ tal-gvern sħiħ fejn possibbli;
23. Huwa tal-fehma li aktar trasparenza, flimkien mat-teknoloġija u x-xjenza tad-data, hija strumentali fil-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-korruzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, jagħmlu użu sħiħ mill-għodod disponibbli, bħas-Sistema ta' Identifikazzjoni Bikrija u ta' Esklużjoni (EDES), l-Arachne u s-Sistema ta' Ġestjoni tal-Irregolaritajiet (IMS) biex jiġu identifikati b'mod effettiv u effiċjenti l-operaturi ekonomiċi problematiċi u l-individwi privati (jew persuni fiżiċi) marbuta magħhom kemm f'ġestjoni diretta kif ukoll f'ġestjoni indiretta;
24. Jenfasizza l-benefiċċji miżjuda li l-qsim tal-informazzjoni jista' jġib għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li dan isir permezz ta' sistema diġitali, interoperabbli u standardizzata għall-ġbir tad-data, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jiskambjaw informazzjoni kemm bejniethom kif ukoll mal-korpi rilevanti tal-UE (b'mod partikolari l-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA), l-OLAF, l-UPPE u l-Europol) biex jikkooperaw aktar mill-qrib, speċjalment f'sitwazzjonijiet ta' kriżi, bil-ħsieb li jittejjeb il-ġbir tad-data, tissaħħaħ l-effikaċja tal-kontrolli u jiġi żgurat l-irkupru tal-fondi użati ħażin;
25. Jenfasizza li huwa vitali li jkun magħruf min qed jibbenefika mill-fondi tal-UE sabiex jiġu evitati l-korruzzjoni, l-infiq irregolari u l-użu ħażin tal-fondi; jiddispjaċih li bħalissa, id-data għall-identifikazzjoni tal-operaturi ekonomiċi u s-sidien benefiċjarji tagħhom jew mhix faċli biex taċċessaha jew mhi aċċessibbli xejn(26); jemmen li l-istabbiliment ta' bażi tad-data interoperabbli unika li turi l-benefiċjarji diretti u finali tas-sussidji tal-UE jirrappreżenta pass importanti lejn ir-rimedjar ta' din is-sitwazzjoni;
26. Jenfasizza li l-benefiċjarji jeħtiġilhom ikunu identifikabbli fl-Istati Membri kollha u indipendenti mill-fondi, inklużi dawk kemm taħt ġestjoni diretta u dik kondiviża; jissottolinja li l-bażi tad-data għandha tkun limitata għall-informazzjoni meħtieġa u li l-informazzjoni tista' tiġi ppubblikata skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE); iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkooperaw mal-Kummissjoni sabiex tinħoloq tali bażi ta' data unika u ċentralizzata biex jiġu ttraċċati l-flussi tal-flus tal-UE;
27. Jinsisti fuq il-ħtieġa li l-EDES u l-kamp ta' applikazzjoni tagħha jissaħħu fil-kuntest tar-reviżjoni mmirata li ġejja tar-Regolament Finanzjarju; jistieden lill-Kummissjoni testendi l-kamp ta' applikazzjoni tal-EDES għall-fondi taħt ġestjoni kondiviża, b'rispett dovut għall-prinċipji tal-proporzjonalità u l-adegwatezza;
28. Jiddispjaċih għall-fatt li l-OLAF u l-QEA ma għandhomx aċċess sħiħ għall-Għodda ta' Klassifikazzjoni tar-Riskju Arachne u huma obbligati jitolbu aċċess għall-kalkolu tar-riskju tal-Arachne fuq bażi ta' kull każ għalih, li jikkomplika l-proċess ta' skambju ta' informazzjoni, u b'hekk ixekkel is-sejbien ta' xejriet ta' riskju emerġenti u r-reazzjoni għalihom; iqis li huwa neċessarju li tinstab soluzzjoni biex l-OLAF u l-QEA jingħataw aċċess għall-Għodda ta' Klassifikazzjoni tar-Riskju Arachne; huwa tal-fehma li l-integrazzjoni tal-Arachne fis-sistemi nazzjonali ta' ġestjoni u kontroll għandha tkun obbligatorja għall-awtoritajiet maniġerjali kollha;
29. Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa r-rispons għall-pandemija tal-COVID-19 minn diversi aspetti, inkluż fir-rigward ta' miżuri preventivi kontra l-korruzzjoni, analiżi tal-evidenza empirika u r-rata ta' assorbiment ta' talbiet għal pagament, teżamina jekk il-korruzzjoni affettwatx l-eżitu u jekk l-integrità ġietx sostnuta jew imminata, u tirrapporta lura lill-Parlament dwar is-sejbiet ewlenin biex ikun jista' (bħala l-awtorità ta' kwittanza) jinkludi kapitolu ddedikat dwar il-fondi ta' emerġenza u l-infiq relatat mal-kriżijiet fil-kwittanza 2020;
30. Jiddispjaċih għall-fatt li l-Kummissjoni tagħmel użu estensiv mill-għodda ta' oskurament biex tgħatti partijiet mill-kuntratti tal-APA; jinsisti, minkejja s-sensittività tal-informazzjoni, li tali dettalji huma importanti fit-titjib tal-obbligu ta' rendikont u tar-rispons globali għall-virus; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza aħjar l-aspetti tat-trasparenza u tal-obbligu ta' rendikont b'reazzjoni għall-kriżijiet futuri, u b'hekk tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-fiduċja pubblika, tħeġġeġ id-dibattitu pubbliku u tippromwovi l-valuri tal-UE; jinnota li l-Kummissjoni tapplika l-Artikolu 38(3)(d) tar-Regolament Finanzjarju, b'referenza għall-każ fejn id-divulgazzjoni ta' data tirriskja li tagħmel ħsara lill-interessi kummerċjali tar-riċevituri, u jappella għall-proporzjonalità tal-iskrutinju effettiv u l-obbligu ta' rendikont sħiħ tal-użu tar-riżorsi mal-interess pubbliku;
31. Jemmen li kieku d-data rilevanti dwar l-akkwist pubbliku kellha ssir disponibbli għall-pubbliku biex tiġi analizzata, aċċessibbli mingħajr ħlas u b'mod faċli, f'format miftuħ u standardizzat, flimkien ma' data dwar il-kundanni tal-qorti u dwar ir-reġistri tal-kumpaniji, dan jista' jrawwem b'mod sinifikanti l-prevenzjoni u s-sejbien ta' każijiet potenzjali ta' korruzzjoni; huwa tal-fehma, għalhekk, li l-informazzjoni rilevanti dwar il-kuntratti kollha tal-akkwist pubbliku (li jużaw fondi pubbliċi) għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku, ippubblikati fuq sit web iddedikat u b'ammont minimu ta' oskurament, b'konformità sħiħa mal-protezzjoni tad-data u rekwiżiti legali oħra;
32. Jinnota li, f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/369 tal-15 ta' Marzu 2016 dwar l-għoti ta' appoġġ ta' emerġenza fl-Unjoni, id-deċiżjoni li jiġi attivat l-ESI għandha tittieħed mill-Kunsill abbażi ta' proposta tal-Kummissjoni; jikkritika, madankollu, il-fatt li, minkejja r-rabtiet b'saħħithom tiegħu mal-baġit tal-UE, l-attivazzjoni tal-ESI saret mingħajr ir-rispett u l-osservazzjoni sħaħ tal-prerogattivi tal-Parlament bħala awtorità baġitarja u superviżur finali tal-baġit tal-UE;
33. Jiddispjaċih għall-fatt li, minkejja diversi tentattivi biex tinkiseb ħarsa ġenerali ċara, il-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit ma jingħatawx aċċess għal data rilevanti dwar il-fondi tal-UE minfuqa fl-ambitu tal-ESI biex jiġu ffinanzjati kuntratti ta' APA, li ammontaw għal madwar EUR 2,5 biljun għal sitt kuntratti APA;
34. Jirrikonoxxi li l-Ftehim ta' Akkwist Konġunt(27) jippermetti lill-Istati Membri u lill-EEA u pajjiżi oħra jinnegozjaw b'mod konġunt termini aħjar għall-forniment ta' tagħmir mediku; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta, bil-ħsieb li tistabbilixxi prattiki tajbin għall-kriżijiet futuri, l-effiċjenza u l-effikaċja tal-Ftehim ta' Akkwist Konġunt u l-ħażna tar-rescEU ta' tagħmir mediku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tistabbilixxi qafas tal-akkwist pubbliku tal-UE solidu u trasparenti, meta jkunu involuti b'mod sħiħ jew parzjali fondi mill-baġit tal-UE, li jippermetti skrutinju komprensiv mill-Parlament, speċjalment fir-rigward ta' oqsma ta' nfiq ewlenin relatati ma' kriżi ekonomika, tas-sigurtà jew tas-saħħa;
35. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi rieżami tar-Regolament Finanzjarju biex tinkludi bażi ġuridika solida għall-użu obbligatorju ta' data miftuħa u standardizzata dwar l-akkwist pubbliku, u biex is-sistemi tal-IT tal-kontroll baġitarju jsiru obbligatorji, pubbliċi u interoperabbli mal-bażijiet ta' data nazzjonali;
36. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu flimkien biex jiġu adottati Strateġiji Nazzjonali kontra l-Frodi (NAFS) robusti, li joffru l-benefiċċju tal-koordinazzjoni tal-azzjonijiet ta' diversi entitajiet u l-garanzija tal-ottimizzazzjoni tar-riżorsi u l-kopertura tal-oqsma kollha ta' interess (infiq b'ġestjoni indiretta u kondiviża, fondi nazzjonali, eċċ.); jinnota li sa tmiem l-2020, 14-il Stat Membru kienu adottaw NAFS u 5 kienu varaw proċeduri biex jagħmlu dan; jinnota li dan jirrappreżenta progress meta mqabbel mal-2019 iżda jiddispjaċih għall-fatt li mhux l-Istati Membri kollha għadhom adottaw NAFS jew beħsiebhom jagħmlu dan; jinsab imħasseb li l-istrateġiji eżistenti jvarjaw fl-ambitu u l-profondità u jeħtieġ li jiġu aġġornati f'dan ir-rigward;
37. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jarmonizzaw u jallinjaw l-istandards tagħhom u jistieden lill-Kummissjoni tibda proċeduri ta' ksur kontra l-Istati Membri li jirrifjutaw li jagħmlu dan; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri biex itejbu l-istrateġiji tagħhom biex jiżguraw l-eżistenza ta' NAFS robusti fl-Unjoni kollha;
38. Iqis li huwa importanti li l-Kummissjoni tivvaluta mhux biss l-eżistenza iżda wkoll l-effikaċja tal-NAFS fir-rapport tagħha li jmiss dwar l-istat tad-dritt; huwa tal-opinjoni, barra minn hekk, li r-rapporti futuri dwar l-istat tad-dritt għandhom jibnu fuq prattiki tajba u jipprovdu rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż dwar kif għandu jiġi indirizzat it-tħassib identifikat jew irrimedjat il-ksur, inklużi l-iskadenzi għall-implimentazzjoni, fejn xieraq, u l-punti ta' riferiment li għandhom jiġu segwiti; iqis li l-miżuri adottati b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 u li għandhom impatt fuq l-istat tad-dritt għandhom jiġu eżaminati wkoll;
39. Ifakkar li l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni hija tal-akbar importanza u li huma meħtieġa sforzi kontinwi u b'saħħithom f'dan ir-rigward fil-livelli kollha;
40. Jinsisti fuq il-ħtieġa ta' ħidma kollaborattiva bejn l-UPPE u korpi oħra tal-UE bħall-Eurojust, il-Europol u l-OLAF biex iwettqu investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet kriminali fi ħdan il-mandat/qasam ta' responsabbiltà rispettiv; jenfasizza r-rwol kruċjali tal-istituzzjonijiet u l-korpi msemmija hawn fuq waqt sitwazzjonijiet ta' emerġenza u kriżijiet fil-ġlieda kontra dawk li jieħdu vantaġġ mill-fondi tal-UE, u jirrikonoxxi, f'dan ir-rigward, l-arranġamenti ta' ħidma ffirmati bejniethom; jenfasizza li kollaborazzjoni effiċjenti hija possibbli biss meta l-korpi tal-UE jkollhom appoġġ politiku u jkunu mgħammra b'riżorsi umani u finanzjarji suffiċjenti;
41. Jikkritika l-fatt li l-Kummissjoni injorat it-talba tal-Parlament biex tespandi l-pjan ta' allokazzjoni tal-persunal tal-UPPE u li ma implimentatx il-ftehim ta' konċiljazzjoni tal-2020; itenni l-ħtieġa ta' aktar riżorsi u persunal kemm għall-UPPE kif ukoll għall-OLAF sabiex tiġi ffaċilitata l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-frodi, l-infiq irregolari u l-użu ħażin tal-fondi;
42. Iwissi li gruppi tal-kriminalità organizzata joperaw mingħajr fruntieri u li, kulma jmur, qed jakkwistaw dejjem iktar assi fi Stati Membri li mhumiex ibbażati fihom u f'pajjiżi terzi;
43. Jappella għal aktar kooperazzjoni internazzjonali effettiva dwar it-teħid ta' evidenza, ir-rikonoxximent reċiproku, in-notifika ta' dokumenti, u l-konfiska u l-iffriżar tal-assi, bil-għan li l-awtoritajiet kompetenti jingħataw il-mezzi biex jittraċċaw, jiffriżaw, jiġġestixxu u jikkonfiskaw ir-rikavati tal-kriminalità; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni tappoġġja u tippromwovi l-armonizzazzjoni madwar l-Unjoni tad-definizzjonijiet ta' reati ta' korruzzjoni u tagħmel użu aħjar tas-settijiet ta' data u l-metodoloġija eżistenti sabiex jiġu żviluppati oħrajn ġodda bil-għan li tinkiseb data komparattiva minn madwar l-UE dwar it-trattament tal-każijiet ta' korruzzjoni;
44. Jitlob li jkun hemm kooperazzjoni akbar bejn ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali u l-OLAF sabiex jiġi żgurat li l-investigazzjonijiet imwettqa b'rabta mal-frodi għad-detriment tal-baġit tal-UE jiġu kkunsidrati kif xieraq;
45. Jissottolinja li l-Grupp ta' Stati Kontra l-Korruzzjoni (GRECO) għamel rakkomandazzjonijiet komprensivi lill-Istati Membri fir-rigward tal-użu tal-flus pubbliċi f'sitwazzjonijiet ta' kriżi u ta' emerġenza; jistieden lill-Istati Membri kollha jimplimentaw bis-sħiħ dawn ir-rakkomandazzjonijiet, u b'hekk itejbu t-trasparenza u r-responsabbiltà; jilqa', f'dan ir-rigward, il-possibbiltà li l-UE tissieħeb mal-GRECO bħala membru sħiħ;
46. Jilqa' l-pakkett ta' proposti leġiżlattivi mressqa mill-Kummissjoni biex issaħħaħ ir-regoli tal-UE kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu; jitlob l-implimentazzjoni effiċjenti u konsistenti tal-qafas futur, li jantiċipa sitwazzjonijiet ta' emerġenza fejn l-istabbiltà u s-sigurtà fl-UE jistgħu jiġu kompromessi;
47. Josserva bi tħassib il-konklużjoni tal-Europol li l-kriminali huma nattivi diġitali, li jfisser li prattikament l-attivitajiet kriminali kollha issa fihom xi komponent online u li ħafna reati emigraw kompletament online; jinsab imħasseb li t-teknoloġiji l-ġodda jippermettu wkoll li r-reati tradizzjonali jkomplu jitwettqu b'mod mhux tradizzjonali, minn kwalunkwe post fid-dinja u fi kwalunkwe ħin; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu investiment deċiżiv u impenn politiku b'saħħtu biex jilqgħu għal dawn l-isfidi ġodda;
48. Huwa tal-fehma li l-avvanzi fil-qasam tal-IA jippreżentaw opportunità mill-akbar biex is-settur pubbliku jikxef u jipprevjeni l-frodi, pereżempju billi tissaħħaħ il-kapaċità analitika ċentrali tal-Kummissjoni, peress li l-għodod tal-IT jistgħu faċilment jisiltu, jorbtu u janalizzaw id-data meħtieġa u jsibu irregolaritajiet, frodi u korruzzjoni potenzjali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri japplikaw sistema integrata u interoperabbli unika ta' informazzjoni u monitoraġġ, inkluż għodda unika ta' estrazzjoni tad-data u ta' klassifikazzjoni tar-riskju biex tikseb aċċess għad-data rilevanti u tanalizzaha u żżid l-affidabbiltà tal-kontroll, bil-ħsieb ta' applikazzjoni ġeneralizzata, inkluż bl-għajnuna tal-Istrument ta' Appoġġ Tekniku;
49. Jinnota li l-ġbir ta' data dwar dawk li fl-aħħar mill-aħħar jibbenefikaw, direttament jew indirettament, minn finanzjament tal-Unjoni taħt ġestjoni kondiviża u għal proġetti u riformi appoġġjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, inkluża data dwar is-sidien benefiċjarji tar-riċevituri tal-finanzjament, huwa meħtieġ biex jiġu żgurati kontrolli u awditi effettivi, u li r-regoli relatati mal-ġbir u l-ipproċessar ta' tali data għandhom jikkonformaw mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data;
50. Jenfasizza l-benefiċċji li r-reġistri diġitali tal-artijiet iġibu għat-trasparenza tas-sjieda u għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jilqa' l-inizjattivi tal-Kummissjoni biex timplimenta tali programmi madwar l-UE; jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali jikkollaboraw mal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni estensiva ta' dawn il-programmi;
51. Huwa tal-fehma li sistema ċentralizzata ta' informazzjoni u monitoraġġ għandha tinkludi rekwiżiti ta' akkwist b'data għal kull pajjiż disponibbli pubblikament fl-UE kollha, għall-kuntratturi u l-awtoritajiet kontraenti biex jirrapportaw b'mod sistematiku data speċifika tal-proġetti, il-progress fil-kisba ta' stadji importanti u s-sidien benefiċjarji diretti u aħħarin (f'format standardizzat); jemmen li għandha tinħoloq tali sistema sabiex tiffaċilita l-ġbir tad-data, l-interoperabbiltà u t-trattament fil-livell tal-UE, u biex tiżgura kontrolli u awditi effettivi; jissottolinja li s-sistema għandha tkun limitata għall-informazzjoni meħtieġa u li għandu jkun possibbli li tiġi ppubblikata informazzjoni skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-QĠUE; jirrimarka, madankollu, li jista' jiġi introdott livell intermedju fil-livell nazzjonali (jiġifieri punt ta' ġbir deċentralizzat) sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tal-ġbir tad-data, filwaqt li jitqiesu d-differenzi lingwistiċi u l-karatteristiċi lokali (bħar-responsabbiltajiet reġjonali);
52. Jissuġġerixxi l-użu ta' sistemi ta' żvelar finanzjarju/dikjarazzjoni tal-assi għall-prevenzjoni, is-sejbien u l-investigazzjoni u/jew il-prosekuzzjoni tal-korruzzjoni bil-għan li jiġu promossi r-responsabbiltà u s-sensibilizzazzjoni fost l-uffiċjali pubbliċi, biex b'hekk jiġu evitati l-kunflitti ta' interess;
53. Jemmen li l-pjattaformi tad-data jistgħu jsaħħu l-mekkaniżmi ta' sorveljanza u jtejbu l-kondiviżjoni effettiva tal-informazzjoni ma' dipartimenti oħra tal-gvern;
54. Jemmen fil-benefiċċji tal-professjonalizzazzjoni u tal-pagi adegwati fl-akkwist pubbliku, jiġifieri li l-fatt li jkun hemm persunal tal-akkwist pubbliku speċjalizzat, imħarreġ sew u mħallas tajjeb li jikkondividi l-għarfien, l-għarfien espert u l-intelligence (tas-suq) tiegħu, inkluż lil hinn mill-fruntieri tal-Istati Membri, huwa prattika pożittiva li għandha tiġi implimentata flimkien ma' tekniki oħra ta' prevenzjoni tal-korruzzjoni;
55. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu użu tajjeb mill-fondi u l-programmi tal-UE; jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali jikkollaboraw mal-OLAF għat-taħriġ tal-persunal fir-rigward tat-tipi differenti ta' frodi, xejriet, theddid u riskji, korruzzjoni u attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE;
56. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
OLAF, "Twentieth report of the European Anti-Fraud Office, 1 January to 31 December 2019" (L-Għoxrin Rapport tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru 2019), 2020.
Studju – "The Largest 50 Beneficiaries in each EU Member State of CAP and Cohesion Funds" (L-Akbar 50 Benefiċjarju tal-PAK u tal-Fondi ta' Koeżjoni f'kull Stat Membru tal-UE), Parlament Ewropew, Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, Dipartiment Tematiku għall-Affarijiet Baġitarji, Mejju 2021.