Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2021 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (2021/2077(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 194 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2020 dwar il-massimizzazzjoni tal-potenzjal tal-effiċjenza enerġetika tal-istokk tal-bini tal-UE(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2021 dwar l-aċċess għal akkomodazzjoni diċenti u affordabbli għal kulħadd(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2021 dwar strateġija Ewropea għall-integrazzjoni tas-sistemi tal-enerġija(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2021 dwar Strateġija Ewropea għall-Idroġenu(4),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija(5) (id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija – EPBD),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE(6) (id-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi(7), u r-rieżami ppjanat tagħha,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 li jistabbilixxi standards ta' rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet ta' CO2 tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda(8) u l-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta' Lulju 2021 biex jiġi emendat ir-Regolament (UE) 2019/631 fir-rigward tat-tisħiħ tal-istandards imsemmija hawn fuq bi qbil mal-ambizzjoni klimatika akbar tal-Unjoni (COM(2021)0556),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 ("il-Liġi Ewropea dwar il-Klima")(9),
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/786 tat-8 ta' Mejju 2019 dwar ir-rinnovazzjoni tal-bini(10),
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1019 tas-7 ta' Ġunju 2019 dwar il-modernizzazzjoni tal-bini(11),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta' Jannar 2020(12) dwaru,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2020 dwar Pjan ta' Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari – Għal Ewropa aktar nadifa u kompetittiva (COM(2020)0098),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2020 dwar Mewġa ta' Rinnovazzjoni għall-Ewropa – l-ekoloġizzazzjoni tal-binjiet tagħna, il-ħolqien tal-impjiegi, it-titjib tal-ħajja (COM(2020)0662),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Diċembru 2020 dwar Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti – inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur (COM(2020)0789),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Lulju 2021 dwar Strateġija għall-Finanzjament tat-Tranżizzjoni lejn Ekonomija Sostenibbli (COM(2021)0390),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-25 ta' Marzu 2021 intitolat "L-analiżi preliminari tal-istrateġiji ta' rinnovazzjoni fit-tul ta' 13-il Stat Membru" (SWD(2021)0069),
– wara li kkunsidra l-pakkett "lesti għall-mira ta' 55%" ippubblikat reċentement,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-Deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A9-0321/2021),
A. billi l-bini huwa responsabbli għal 36% tal-emissjonijiet totali ta' gassijiet serra (GHG) u billi s-settur tar-rinnovazzjoni tal-bini huwa wieħed mill-oqsma ewlenin għat-tnaqqis tal-gassijiet serra u għall-ilħuq tal-objettivi tal-UE dwar in-newtralità klimatika, l-effiċjenza enerġetika u l-Patt Ekoloġiku Ewropew;
B. billi r-rinnovazzjonijiet profondi u r-rinnovazzjonijiet profondi fi stadji tal-210 miljun binja eżistenti se jkunu kruċjali għal kwalunkwe strateġija konvinċenti, peress li dawk huma l-binjiet l-aktar ineffiċjenti fl-użu tal-enerġija u sa 110 miljun binja potenzjalment fi bżonn ta' rinnovazzjoni(13);
C. billi 6% tal-unitajiet domestiċi tal-UE ma setgħux iħallsu l-kontijiet tal-utilità tagħhom fl-2019; billi l-effiċjenza enerġetika tal-bini jista' jkollha impatt pożittiv fil-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku;
D. billi r-rata tar-rinnovazzjoni tal-bini bħalissa, ta' madwar 1% fis-sena, hija baxxa ħafna, filwaqt li r-rata tar-rinnovazzjonijiet profondi hija ta' 0.2% fis-sena; billi l-programmi ta' rinnovazzjoni mhux dejjem ikopru t-titjib fl-effiċjenza enerġetika u ż-żidiet fis-sorsi tal-enerġija rinnovabbli;
E. billi f'konformità mad-definizzjoni fl-Artikolu 2(18) tar-Regolament (UE) 2018/1999(14) dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, "l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel" huwa prinċipju gwida tal-politika tal-UE dwar l-enerġija biex id-domanda għall-enerġija u l-provvista tal-enerġija jsiru aktar effiċjenti, b'mod partikolari permezz ta' ffrankar tal-enerġija kosteffikaċi fl-użu finali, inizjattivi ta' rispons għad-domanda u l-konverżjoni, it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni aktar effiċjenti tal-enerġija;
F. billi, skont valutazzjoni li saret mill-Kummissjoni, fid-djar tal-UE, it-tisħin u l-misħun waħedhom jammontaw għal 79% tal-użu finali totali tal-enerġija (192.5 Mtoe)(15);
G. billi l-aħħar reviżjoni tal-EPBD fl-2018 permezz tad-Direttiva (UE) 2018/844(16) kellha l-għan li taċċellera r-rinnovazzjoni tal-bini eżistenti sal-2050 u li tappoġġja l-modernizzazzjoni tal-bini kollu b'teknoloġiji intelliġenti u b'rabta aktar ċara mal-mobbiltà nadifa, kif ukoll li tipprovdi ambjent stabbli għad-deċiżjonijiet dwar l-investiment u tippermetti lill-konsumaturi u lin-negozji jagħmlu għażliet aktar infurmati biex jiffrankaw l-enerġija u l-flus;
H. billi mill-aħħar reviżjoni tal-EPBD 'l hawn, l-UE adottat l-objettiv li tikseb in-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050;
I. billi l-EPBD tobbliga lill-Istati Membri jadottaw strateġiji ta' rinnovazzjoni fit-tul (LTRSs), iżda mingħajr ma tobbligahom jirrinnovaw jew tagħtihom struzzjonijiet ta' kif dan għandhom jagħmluh, u ma tipprovdilhom l-ebda mezz ċar biex jivverifikaw l-istrateġiji tagħhom skont ir-riżultati;
J. billi l-LTRSs għandhom jappoġġjaw b'mod adegwat ir-rendiment tal-akkomodazzjoni soċjali fl-użu tal-enerġija;
K. billi l-miżuri tas-sistema ta' awtomatizzazzjoni u kontroll tal-bini inklużi fl-EPBD riveduta għadhom ma ġewx trasposti bis-sħiħ fl-Istati Membri; billi l-implimentazzjoni toħloq aktar ċertezza għall-investituri u l-professjonisti;
L. billi d-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika tirrikjedi li l-Istati Membri jwettqu valutazzjonijiet komprensivi dwar it-tisħin u t-tkessiħ effiċjenti u rinnovabbli bil-ħsieb li jidentifikaw il-potenzjal għal soluzzjonijiet ta' tisħin u tkessiħ fis-settur tal-bini u li jipproponu politiki li jissarrfu fil-potenzjal ta' effiċjenza u ta' enerġija rinnovabbli;
M. billi l-inizjattiva Bauhaus Ewropea l-Ġdida għandha l-għan li tneħħi n-nuqqas ta' qbil bejn id-disinn u l-funzjoni, l-għajxien sostenibbli, l-użu intelliġenti tar-riżorsi, u s-soluzzjonijiet innovattivi u inklużivi;
N. billi l-għoti ta' fondi u l-finanzjament adegwati huma kruċjali biex tiġi xprunata l-Mewġa ta' Rinnovazzjoni; billi r-rinnovazzjoni hija qasam emblematiku għall-investiment u r-riforma fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza;
O. billi l-vetturi elettriċi huma element importanti tat-tranżizzjoni tal-UE lejn enerġija nadifa bbażata fuq miżuri ta' effiċjenza enerġetika, enerġija rinnovabbli, fjuwils alternattivi u soluzzjonijiet innovattivi għall-ġestjoni tal-flessibbiltà tal-enerġija u sabiex jintlaħaq l-objettiv tan-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050;
P. billi l-EPBD tikkomplementa d-Direttiva 2014/94/UE dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi billi tipprovdi bażi ġuridika għall-installazzjoni ta' punti tal-irriċarġjar f'bini residenzjali u f'bini mhux residenzjali; billi l-EPBD għandha rwol ewlieni fil-livell tal-UE biex tappoġġja l-irriċarġjar intelliġenti u privat, peress li l-biċċa l-kbira tal-irriċarġjar x'aktarx li jseħħ f'siti privati u f'siti mhux residenzjali aċċessibbli għall-pubbliku;
Q. billi ċ-ċarġers privati tal-vetturi elettriċi spiss ikollhom applikazzjonijiet u rekwiżiti tekniċi differenti mill-punti tal-iċċarġjar pubbliċi, peress li huma fornuti b'inqas enerġija u jintużaw għal perjodi itwal ta' ċċarġjar, filwaqt li għadhom fil-biċċa l-kbira l-aktar tip affordabbli ta' metodu ta' ċċarġjar;
R. billi jkun jeħtieġ li l-EPBD tirrifletti r-rekwiżiti għall-installazzjoni ta' għadd minimu ta' punti tal-irriċarġjar għall-ispazji ta' parkeġġ tal-bini billi tobbliga l-installazzjoni ta' pre-cabling adegwat għall-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi; billi mill-2025, l-Istati Membri jeħtiġilhom jiddefinixxu rekwiżit minimu ta' punti tal-irriċarġjar għall-bini mhux residenzjali kollu, kemm pubbliku kif ukoll privat, li jkun fih aktar minn 20 spazju ta' parkeġġ, skont il-kundizzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali rilevanti;
Osservazzjonijiet
1. Jenfasizza li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2a tal-EPBD se jkollhom bżonn jissaħħu u jiġu implimentati b'mod effettiv biex jiġi żgurat li s-settur tal-bini jikkontribwixxi b'suċċess għall-kisba ta' tnaqqis fil-gassijiet serra ta' mill-inqas 55% sal-2030 u għall-mira tal-UE tan-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050; jemmen li bħala konsegwenza l-objettiv ewlieni u l-objettivi intermedji u l-indikaturi tal-EPBD ukoll se jkun jeħtieġ li jiġu adattati, peress li l-LTRSs bħalissa mhumiex fil-livelli meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi tal-EPBD;
2. Jisħaq li l-EPBD u l-LTRSs dettaljati għandhom ikunu forza li tixpruna ż-żieda fl-iskala, fil-veloċità, fil-profondità u fil-kwalità tar-rinnovazzjoni tal-istokk tal-bini tal-Ewropa permezz ta' miżuri ta' politika innovattivi ġodda, kif issuġġerit fil-Mewġa ta' Rinnovazzjoni;
3. Jesprimi dispjaċir għall-fatt li xi Stati Membri ssottomettew l-LTRSs tagħhom tard u li hemm Stat wieħed li għadu lanqas biss issottometta l-LTRS tiegħu; jirrimarka li, konsegwentement, huwa diffiċli li jitqabblu l-pjanijiet tal-Istati Membri; jenfasizza l-fatt pożittiv li s-sottomissjonijiet li daħlu tard irnexxielhom jinkludu rabtiet mal-pjanijiet ta' rkupru nazzjonali adottati b'riżultat tal-kriżi tal-COVID-19 u l-aħħar inizjattivi ta' politika tal-UE bħall-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Mewġa ta' Rinnovazzjoni; jinnota, madankollu, li dan ħoloq disparitajiet bejn dawk l-Istati Membri li ssottomettew l-LTRSs tagħhom qabel il-pjanijiet tagħhom ta' rkupru mill-pandemija;
4. Ifakkar kemm hu importanti li riżorsi finanzjarji adegwati jsiru disponibbli permezz ta' Next Generation EU fil-qasam tar-rinnovazzjoni u tar-rendiment u l-effiċjenza tal-bini fl-użu tal-enerġija; jemmen li l-irbit tar-rinnovazzjoni tal-bini mal-fondi ta' rkupru jipprovdi opportunità ekonomika u mezz biex l-Istati Membri jnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra;
5. Jinnota li l-LTRSs sottomessi ġeneralment irrispettaw b'mod wiesa' r-rekwiżiti tal-Artikolu 2a tal-EPBD, billi pprovdew informazzjoni dwar il-kategoriji differenti stipulati fiha; jiddispjaċih, madankollu, għall-fatt li l-livell ta' dettall u ambizzjoni jvarja minn LTRS għal oħra; jiddispjaċih għall-fatt li diversi Stati Membri ma stabbilixxewx objettivi intermedji ċari għall-2030, l-2040 u l-2050 kif rikjest fl-Artikolu 2a; jiddispjaċih, barra minn hekk, għall-fatt li mhux l-LTRS kollha jipprovdu data dwar it-tnaqqis tal-gassijiet serra, u dan jagħmilha diffiċli li tiġi vvalutata l-ambizzjoni tal-istrateġiji f'dik li hi mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima; jemmen li l-LTRSs għandhom jaħdmu biex joħolqu miżuri ċari u għodod ta' monitoraġġ biex ir-rata annwali ta' rinnovazzjoni tittrippla, filwaqt li jitqiesu l-punti ta' tluq differenti u l-istokkijiet tal-bini madwar l-Istati Membri;
6. Jirrimarka li l-Istati Membri ffukaw b'mod wiesa' fuq id-dekarbonizzazzjoni tas-sistemi tal-provvista tal-enerġija u fuq l-emissjonijiet ta' gassijiet serra, minflok fuq l-iżvilupp attiv ta' miżuri u politiki ddedikati, immirati lejn it-titjib tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija bl-applikazzjoni tal-prinċipju "l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel" biex b'hekk inaqqsu l-konsum ġenerali tal-enerġija fis-settur bħala parti minn approċċ għall-enerġija bbażat fuq sistemi integrati; jenfasizza li l-effiċjenza enerġetika u l-użu tal-enerġija rinnovabbli għandhom jiġu massimizzati tul il-katina tal-valur tal-enerġija kollha, inklużi l-elettriku, is-sħana u l-gass, u mhux għall-binjiet individwali biss;
7. Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib jekk l-objettivi tal-LTRSs humiex allinjati mal-Mewġa ta' Rinnovazzjoni, il-valutazzjonijiet komprensivi tat-tisħin u t-tkessiħ meħtieġa skont id-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika u d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli(17), u l-miri l-ġodda b'rabta mal-klima u l-enerġija għal kull Stat Membru skont l-istokk tal-bini tagħhom;
8. Jistieden lill-Istati Membri jrawmu rinnovazzjoni li tiffavorixxi l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fis-sistema tal-enerġija fil-bini, bħall-installazzjoni ta' infrastruttura għall-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi, il-ħżin termali u l-konnessjoni mal-grilji intelliġenti; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jippromwovu l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki;
9. Jemmen li l-involviment taċ-ċittadini fit-tranżizzjoni ekoloġika u fir-rinnovazzjonijiet tal-bini huwa essenzjali għas-suċċess tagħhom; jenfasizza li l-involviment tal-esperti u l-isfruttar tal-għarfien espert pubbliku jistgħu jgħinu biex tittejjeb l-implimentazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu trasparenza suffiċjenti matul il-proċess kollu ta' konsultazzjoni pubblika dwar l-LTRSs u jiżguraw li l-proċess ikun inklużiv billi jiffaċilitaw l-involviment tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha f'konformità mar-rekwiżiti speċifiċi tal-EPBD;
10. Jiddispjaċih għall-fatt li l-UE ma laħqitx il-mira tal-effiċjenza enerġetika tagħha fl-2020; jenfasizza li hemm diskrepanza ta' ambizzjoni kollettiva f'dawk li huma kontributi nazzjonali skont il-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima biex tintlaħaq il-mira tal-effiċjenza enerġetika fl-2030 u li l-Istati Membri għalhekk se jkollhom bżonn iżidu l-isforzi tagħhom b'mod sinifikanti;
11. Jinnota li l-kostruzzjoni hija attività kumplessa li tirrikjedi koordinazzjoni mill-qrib bejn għadd kbir ta' professjonisti u artiġjani u tiddependi fuq l-użu ta' firxa wiesgħa ta' tekniki u materjali tal-kostruzzjoni; jemmen li r-rieżami tal-EPBD jeħtieġ li jqis l-interazzjoni ma' politiki ta' kostruzzjoni sostenibbli oħra u n-newtralità materjali sabiex il-binjiet Ewropej jiġu dekarbonizzati b'mod effiċjenti;
12. Jenfasizza l-importanza tas-sostenibbiltà fl-użu tal-materjali u fil-konsum tar-riżorsi ta' ċiklu tal-ħajja ta' binja, mill-estrazzjoni tal-materjali, il-kostruzzjoni u l-użu, sa tmiem l-użu u d-demolizzjoni kif ukoll ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid, inklużi l-materjali rinnovabbli u sostenibbli bbażati fuq in-natura; jenfasizza, barra minn hekk, li l-ippjanar tal-bini għandu jutilizza l-ekonomija ċirkolari matul l-istadji differenti tal-proċess ta' kostruzzjoni;
13. Jappoġġja l-użu ta' materjali tal-kostruzzjoni sostenibbli, innovattivi u mhux tossiċi u jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ taċ-ċirkolarità tal-materjali tal-bini permezz tal-implimentazzjoni jew il-ħolqien ta' sistema ta' tikkettar tal-ekonomija ċirkolari bbażata fuq standards ambjentali u kriterji speċifiċi għall-ċerti materjali; jinnota li hija meħtieġa riċerka ulterjuri dwar materjali sostenibbli u proċessi sostenibbli; jenfasizza li l-materjali bbażati fuq l-injam jista' jkollhom rwol fis-sostituzzjoni ta' alternattivi bbażati fuq fjuwils fossili fil-kostruzzjoni tal-bini u jenfasizza l-potenzjal tagħhom ta' ħżin tal-karbonju fit-tul;
14. Jirrikonoxxi li filwaqt li r-rinnovazzjonijiet profondi għandhom il-vantaġġ li jwasslu għal bidla olistika fir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, ir-rinnovazzjonijiet fi stadji u r-rinnovazzjonijiet profondi f'diversi stadji jistgħu jagħtu lok għal miżuri ta' rinnovazzjoni inqas ta' tfixkil u aktar kosteffiċjenti billi jiġu allinjati ma' "punti ta' skattar" partikolari; jinnota li tali okkażjonijiet jitqanqlu minn opportunitajiet prattiċi, ċirkostanzi personali, bidla fis-sjieda, jew minn bidla tal-inkwilin fil-proprjetajiet tal-kiri; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw kif jużaw il-"punti ta' skattar" biex jinċentivaw ir-rinnovazzjonijiet; jinnota wkoll li r-rinnovazzjonijiet fi stadju wieħed u f'diversi stadji mhumiex f'kompetizzjoni ma' xulxin, iżda huma t-tnejn soluzzjonijiet xierqa skont is-sitwazzjoni partikolari; jemmen li r-rinnovazzjonijiet f'diversi stadji u r-rinnovazzjonijiet profondi f'diversi stadji jeħtieġ li jitwettqu f'konformità mal-istandards tar-rinnovazzjoni profonda sabiex jiġu evitati l-effetti ta' intrappolament billi jiġi żgurat pjan direzzjonali għar-rinnovazzjoni tal-bini;
15. Jinnota li d-definizzjoni attwali ta' bini b'użu ta' enerġija qrib iż-żero fl-EPBD hija ta' natura kwalitattiva u tħalli marġni wiesa' ta' diskrezzjoni lill-Istati Membri fl-istabbiliment tal-istandards korrispondenti; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi standard ta' "rinnovazzjoni profonda" għall-kisba ta' ffrankar enerġetiku u tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra, kif ukoll definizzjoni armonizzata ta' bini b'użu ta' enerġija qrib iż-żero;
16. Jemmen li r-rinnovazzjonijiet u l-istandards għal binjiet ġodda għandhom jindirizzaw is-sikurezza kontra n-nirien u r-riskji relatati ma' attività sismika intensa, li jaffettwaw l-effiċjenza enerġetika u t-tul tal-ħajja tal-binjiet, u għandhom jinkorporaw standards għoljin dwar is-saħħa; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw reġim ta' spezzjoni elettrika, fid-dawl tal-fatt li 30% tan-nirien domestiċi u 50% tan-nirien aċċidentali domestiċi għandhom sors elettriku(18); jemmen li r-rinnovazzjonijiet tal-istokk tal-bini Ewropew għandhom jintegraw il-kontrolli u l-aġġornamenti tas-sikurezza elettrika u jiżguraw ventilazzjoni suffiċjenti għad-duħħan f'każ ta' nirien; jissottolinja li l-LTRSs għandhom jikkontribwixxu wkoll għat-tisħiħ statiku u strutturali tal-istokkijiet tal-bini;
17. Itenni l-ħtieġa li titqies il-preżenza ta' prodotti li fihom l-asbestos fil-binjiet u li dawn il-prodotti jitneħħew filwaqt li l-binjiet jiġu protetti mill-emissjoni tal-asbestos fl-ambjent meta dawn jiġu mtejba għal skopijiet ta' effiċjenza enerġetika(19);
18. Jesprimi dispjaċir għall-fatt li għalkemm l-iskadenza għat-traspożizzjoni tal-EPBD kienet l-10 ta' Marzu 2020, xi Stati Membri għadhom ma implimentawx bis-sħiħ din il-leġiżlazzjoni;
19. Ifakkar fl-importanza li jiġu stabbiliti inċentivi adegwati għar-rinnovazzjoni tal-binjiet kif ukoll miżuri finanzjarji kondizzjonali fuq it-titjib fl-effiċjenza enerġetika u l-iffrankar enerġetiku, skont l-Artikolu 10(6) tal-EPDB u sabiex tiġi żgurata l-affordabbiltà tar-rinnovazzjonijiet;
20. Jenfasizza l-importanza ta' informazzjoni ċara u preċiża dwar ir-rendiment fl-użu tal-enerġija u l-kostijiet tal-enerġija għax-xerrejja prospettivi u l-inkwilini prospettivi; jirrikonoxxi l-ħtieġa tat-titjib u l-armonizzazzjoni aħjar taċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija (EPCs) madwar l-Istati Membri sabiex ikunu aktar faċli biex jitqabblu, ta' kwalità aħjar u aktar affidabbli, filwaqt li jitqiesu wkoll il-punti ta' tluq differenti u l-istokkijiet tal-bini madwar l-Istati Membri; jemmen, għalhekk, li l-EPCs għandhom isiru aktar faċli biex jiġu aċċessati u jinqraw, għandhom juru informazzjoni prattika dwar ir-rendiment reali tal-bini fl-użu tal-enerġija, b'mod partikolari dwar l-impronta tal-karbonju reali ta' bini, għandhom jiġu diġitalizzati, u għandhom jintegraw informazzjoni mis-suq lokali fil-livell tal-UE u informazzjoni rigward parametri tal-kwalità ambjentali ta' ġewwa bħalma hi l-kumdità termali; jenfasizza li għalhekk l-EPCs jistgħu jintużaw għal servizzi fakultattivi ta' rispons għad-domanda bħala referenza għal miżuri regolatorji, programmi ta' finanzjament u politiki ta' rinnovazzjoni integrati;
21. Jenfasizza d-differenza bejn ir-rendiment reali fl-użu tal-enerġija u r-rendiment ikkalkulat permezz tal-EPCs, li hija sors ta' konfużjoni għall-utenti tal-EPC; jenfasizza l-ħtieġa li l-passaport tar-rinnovazzjoni tal-bini, il-ġurnal diġitali tal-bini u l-indikatur tal-potenzjal ta' intelliġenza (SRI) jiġu integrati fil-qafas tal-EPC biex tiġi evitata l-multiplikazzjoni tal-għodod u jkun hemm aktar ċarezza għall-konsumaturi; jemmen li dan se jiffaċilita r-rinnovazzjoni, iżid il-profondità tagħha, jiżgura l-koordinazzjoni bejn il-miżuri differenti matul iż-żmien, u jwassal għal benefiċċji multipli;
22. Ifakkar li l-LTRSs għandhom jinkludu l-benefiċċji tar-rinnovazzjonijiet fuq livell usa' bħas-saħħa, is-sikurezza, il-kumdità termali u l-kwalità tal-arja ta' ġewwa; jinnota li skont studju tal-Kummissjoni(20), is-saħħa kienet l-inċentiv primarju tas-sidien tad-djar privati biex iwettqu r-rinnovazzjonijiet enerġetiċi, b'rabta ċara bejn il-kwalità tad-dar, il-faqar enerġetiku u s-saħħa; jemmen li l-kwalità tal-arja ta' ġewwa għandha tiġi inkluża meta l-Istati Membri jippromwovu r-rinnovazzjoni tal-bini permezz ta' skemi ta' inċentivi pubbliċi u kampanji ta' informazzjoni, fost inizjattivi oħrajn; iħeġġeġ lill-Istati Membri jtejbu l-ġbir tad-data dwar il-parametri tal-kwalità ambjentali ta' ġewwa, bil-ħsieb li jiżviluppaw standards minimi għall-kwalità tal-ambjent ta' ġewwa;
23. Jenfasizza li għanijiet ambizzjużi ta' rinnovazzjoni profonda u rinnovazzjoni profonda fi stadji tal-istokk tal-bini eżistenti jistgħu joħolqu sa żewġ miljun impjieg(21), il-biċċa l-kbira lokali, karigi li ma jistgħux jiġu esternalizzati, speċjalment f'intrapriżi żgħar u medji, u jipprovdu enerġija nadifa u affordabbli lill-konsumaturi u joħolqu titjib fil-kondizzjonijiet tal-għajxien tal-okkupanti;
24. Ifakkar li l-binjiet pubbliċi jeħtiġilhom imexxu bl-eżempju fir-rati tar-rinnovazzjoni u fil-kisba tad-dekarbonizzazzjoni, l-effiċjenza enerġetika u l-kosteffettività, biex b'hekk jikkontribwixxu għas-sensibilizzazzjoni u jirbħu l-aċċettazzjoni tal-pubbliku ġenerali;
25. Itenni t-talba tiegħu għall-promozzjoni ta' inizjattiva tal-UE dwar il-ħiliet, inklużi aspetti biex titħeġġeġ l-inklużività tal-ġeneri, flimkien ma' sforzi nazzjonali sabiex intermedjarji bħalma huma l-installaturi, l-arkitetti jew il-kuntratturi jkunu jistgħu jagħtu pariri, jippreskrivu jew jinstallaw is-soluzzjonijiet meħtieġa, inklużi soluzzjonjiet diġitali, biex jitwettqu programmi tal-effiċjenza enerġetika u jkun hemm stokk tal-bini dekarbonizzat, u filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lit-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid ta' ħiliet tal-atturi kollha involuti fis-settur tal-kostruzzjoni; iqis li l-Istati Membri jeħtieġ li jipprovdu rabta ċara bejn l-LTRSs nazzjonali tagħhom u inizjattivi adegwati biex jippromwovu l-ħiliet u l-edukazzjoni fis-setturi tal-kostruzzjoni u tal-effiċjenza enerġetika;
26. Jemmen li l-prinċipji ta' kosteffiċjenza u ta' newtralità tal-kostijiet li permezz tagħhom iż-żidiet fil-kera jkunu bbilanċjati mal-iffrankar enerġetiku se jnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija għall-konsumaturi finali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinkludu b'mod sistematiku fl-LTRSs tagħhom politiki u azzjonijiet biex jindirizzaw b'determinazzjoni l-faqar enerġetiku u l-binjiet bl-agħar rendiment fl-istokkijiet tal-bini nazzjonali tagħhom u biex jiġġieldu lid-distorsjonijiet tas-suq u l-akkwiżizzjonijiet spekulattivi li jwasslu għal kirjiet ogħla, u li jaffettwaw b'mod sproporzjonat lill-inkwilini bi dħul baxx; ifakkar li l-piż imqiegħed fuq il-konsumaturi l-aktar vulnerabbli mill-varjabbiltà fis-swieq tal-enerġija jista' jitnaqqas b'mod sinifikanti billi tittejjeb l-effiċjenza enerġetika fil-binjiet; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati appoġġ finanzjarju u mekkaniżmi flessibbli għal dawn il-konsumaturi sabiex ikun jista' jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku; jinnota, madankollu, li għandhom jiġu kkunsidrati inċentivi biex jitnaqqsu l-kostijiet tar-rinnovazzjoni għal setturi u gruppi fil-mira speċifiċi;
27. Jenfasizza li l-EPBD għandha tiżgura li r-rinnovazzjoni tagħti redditu fuq l-investiment għas-sidien tad-djar u s-sidien tal-bini billi tistabbilixxi titjib reali u mkejjel fir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija; jissottolinja li approċċ ibbażat fuq l-enerġija ffrankata mkejla b'riżultat tar-rinnovazzjoni se jnaqqas il-kost u jżid il-profondità, il-kwalità u l-iskala tal-modifiki retroattivi tal-effiċjenza enerġetika għall-binjiet eżistenti; jitlob lill-Kummissjoni tivverifika jekk hijiex meħtieġa reviżjoni tal-livell kostottimali, kif definit fl-Artikolu 2(14), bħala parti mir-rieżami tal-EPBD;
28. Jilqa' s-suċċess relattiv tal-one-stop shops u jenfasizza r-rwol kritiku li jista' jkollhom fil-konnessjoni ta' proġetti potenzjali ma' atturi tas-suq, inklużi ċittadini, awtoritajiet pubbliċi u żviluppaturi ta' proġetti, b'mod partikolari proġetti fuq skala iżgħar; jinnota li għad ma hemmx fehim komuni dwar x'inhu one-stop shop, peress li l-mudelli eżistenti madwar l-UE huma differenti f'dawk li huma struttura, ġestjoni u t-tip ta' assistenza pprovduta; ifakkar fl-importanza li tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar il-one-stop shops, inkluż fil-livelli lokali u reġjonali; jenfasizza li l-one-stop shops jista' jkollhom rwol konsiderevoli fl-indirizzar tal-kwistjoni tal-proċeduri twal u kkumplikati għall-għoti tal-permessi u fil-promozzjoni tal-aċċess għall-finanzjament għar-rinnovazzjoni tal-bini, u jikkontribwixxu għat-tixrid tal-informazzjoni dwar it-termini u l-kundizzjonijiet; jemmen li l-one-stop shops għandhom jagħtu pariri u jappoġġjaw kemm id-djar b'familja waħda kif ukoll il-binjiet b'aktar minn unità waħda u jipprovdu appoġġ għal installaturi akkreditati;
29. Ifakkar li l-Artikolu 19 tal-EPBD jistabbilixxi klawżola ta' rieżami, inkluża evalwazzjoni ex post li għandha titwettaq sa mhux aktar tard mill-2026; jenfasizza li dan għandu jippermetti li jinsiltu tagħlimiet mill-implimentazzjoni tal-EPBD u jservi biex jiġi vvalutat il-progress li jkun sar fl-applikazzjoni tagħha madwar l-Unjoni;
Rakkomandazzjonijiet
30. Jenfasizza li l-EPBD hija kruċjali għat-twettiq b'suċċess tal-Mewġa ta' Rinnovazzjoni u t-tnaqqis tal-emissjonijiet;
31. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni xierqa tad-Direttiva fl-aspetti kollha tagħha, b'mod partikolari fir-rigward tal-istokk tal-akkomodazzjoni soċjali; jistieden lill-Kummissjoni tkompli timmonitorja din l-implimentazzjoni u tieħu azzjoni, fejn meħtieġ, fil-każ ta' nuqqas ta' konformità;
32. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet attwali tal-EPBD biex tiżgura li l-LTRSs tal-Istati Membri jkunu konsistenti mal-għanijiet ta' newtralità klimatika u l-miri tal-enerġija tal-UE; jenfasizza li r-rinnovazzjonijiet tal-bini jeħtieġ li jitwettqu b'rata ta' 3% fis-sena għall-modifiki retroattivi profondi u fi stadji sabiex l-UE tikseb newtralità klimatika sal-2050;
33. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-formulazzjoni ta' mudell standard li l-Istati Membri jistgħu jużaw biex jiżguraw li jindirizzaw ir-rekwiżiti kollha tal-Artikolu 2a tal-EPBD u jarmonizzaw l-objettivi u r-rekwiżiti biex jiżguraw komparabbiltà aħjar tal-progress u r-riżultati, u valutazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, jew kwalunkwe finanzjament ieħor tal-UE, li fir-rigward tiegħu LTRS kompluta tkun kundizzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħloq network ad hoc ta' esperti biex jappoġġja lill-Istati Membri fil-proċessi ta' tfassil, monitoraġġ u implimentazzjoni tal-LTRSs tagħhom;
34. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra kif tista' tiffaċilita aktar l-iżvilupp tal-one-stop shops li jipprovdu servizzi ta' konsulenza liċ-ċittadini u lil partijiet ikkonċernati oħra, inkluż permezz ta' miżuri aktar stretti fl-EPBD; jinsab konvint li miżuri addizzjonali ta' gwida u appoġġ, b'mod partikolari assistenza teknika, kampanji ta' informazzjoni, taħriġ u finanzjament ta' proġetti, jistgħu jwasslu għal rata ogħla ta' rinnovazzjoni;
35. Jistieden lill-Istati Membri jimmassimizzaw is-sinerġiji bejn l-LTRSs tagħhom, il-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza u miżuri oħra ta' rkupru, biex b'hekk jiżguraw li NextGenerationEU jipprovdi finanzjament immedjat għal rinnovazzjonijiet profondi, anki fi stadji, b'attenzjoni partikolari għall-bini bl-agħar prestazzjoni u l-unitajiet domestiċi b'introjtu baxx, u joħloq il-qafas ta' abilitazzjoni għas-swieq ewlenin fir-rinnovazzjoni sostenibbli biex ikomplu jikbru lil hinn mit-tmiem tat-terminu ta' finanzjament;
36. Iqis li d-diġitalizzazzjoni tal-binjiet u tat-teknoloġiji tal-kostruzzjoni, fejn fattibbli, jista' jkollha rwol importanti fiż-żieda tal-effiċjenza enerġetika; jemmen li r-reviżjoni tal-EPBD għandha sservi għall-promozzjoni ulterjuri ta' teknoloġiji tal-bini intelliġenti u flessibbli f'konformità mal-prinċipju "l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel" u trawwem approċċ iċċentrat fuq id-data; jinkoraġġixxi l-użu u l-installazzjoni ta' teknoloġiji emerġenti bħal miters intelliġenti, iċċarġjar intelliġenti, apparat tat-tisħin intelliġenti, teknoloġiji għall-ħżin u sistemi ta' ġestjoni tal-enerġija li jkunu interoperabbli mal-grilja tal-enerġija, l-immudellar u s-simulazzjoni 3D u l-intelliġenza artifiċjali sabiex jiġi xprunat it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju f'kull stadju taċ-ċiklu tal-ħajja tal-bini, mill-fażijiet tal-ippjanar u d-disinn u mbagħad ikompli waqt il-kostruzzjoni, l-operazzjonijiet u l-modifika retroattiva;
37. Jenfasizza li data aġġornata, affidabbli u kompluta dwar ir-rendiment tal-istokk tal-bini Ewropew kollu hija kruċjali għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politiki effettivi mmirati lejn it-titjib tal-effiċjenza enerġetika tas-settur; jinnota li t-teknoloġiji diġitali għandhom jintużaw ukoll biex jappoġġjaw l-immappjar tal-istokk eżistenti u jappoġġjaw l-użu tal-LTRS;
38. Jemmen li għandu jiġi implimentat approċċ iċċentrat fuq id-data biex tiġi żgurata disponibbiltà usa' ta' data aggregata u anonimizzata għas-sidien tad-djar, l-inkwilini u l-partijiet terzi, li jistgħu jużawha biex jottimizzaw il-konsum tal-enerġija, inkluż permezz ta' skemi ta' kunsens siguri mil-lat tal-GDPR, kif ukoll għal finijiet ta' statistika u riċerka;
39. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw implimentazzjoni effettiva, ambizzjuża u konsistenti tal-iskema tal-SRI approvata madwar l-UE; jirrimarka li l-SRI għandu jservi biex jinkisbu l-Mewġa ta' Rinnovazzjoni u l-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija billi jappoġġja l-adozzjoni ta' binjiet intelliġenti u flessibbli; jirrikonoxxi li l-SRI se jgħin biex ikompli jitħeġġu d-disinn u l-kostruzzjoni ta' bini ġdid bħala bini b'enerġija żero;
40. Jemmen li l-LTRSs għandhom jipprovdu aktar dettalji għall-azzjoni fit-tul u għall-ippjanar infrastrutturali integrat abbażi ta' pjan direzzjonali b'politiki konkreti u skeda ta' żmien b'objettivi intermedji ċari għall-2030, l-2040 u l-2050, sabiex jinħoloq ambjent aktar stabbli għall-investituri, l-iżviluppaturi, is-sidien tad-djar u l-inkwilini u jiġi indirizzat l-impatt taċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-bini; jenfasizza li l-Istati Membri jeħtiġilhom itejbu l-aċċess għal firxa ta' mekkaniżmi finanzjarji u fiskali biex jappoġġjaw il-mobilizzazzjoni tal-investimenti privati u jrawmu s-sħubijiet pubbliċi u privati; jitlob azzjoni biex jiġi promoss self li jistabbilixxi l-effiċjenza enerġetika bħala kriterju għal rati tal-imgħax aktar baxxi;
41. Jenfasizza li l-EPBD għandha tiżgura li r-rinnovazzjoni ġġib valur għall-flus u redditu fuq l-investiment għas-sidien tad-djar u għas-sidien tal-bini, kontijiet tal-enerġija mnaqqsa u sostenibbiltà mtejba billi tistabbilixxi titjib reali u mkejjel fir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija; jissottolinja li approċċ ibbażat fuq l-enerġija ffrankata realment b'riżultat tar-rinnovazzjoni se jnaqqas il-kost u jżid kemm il-kwalità kif ukoll l-iskala tal-modifiki retroattivi tal-effiċjenza enerġetika għar-rinnovazzjonijiet tal-bini;
42. Jenfasizza l-potenzjal tal-infrastruttura ħadra, bħas-soqfa u l-ħitan ħodor, fit-titjib tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u l-promozzjoni tal-adattament u l-mitigazzjoni tal-klima u l-bijodiversità, b'mod partikolari fiż-żoni urbani;
43. Jistieden lill-Istati Membri jużaw l-LTRSs biex jimplimentaw politiki innovattivi ħalli jinvolvu b'mod attiv liċ-ċittadini fl-istabbiliment u l-implimentazzjoni tagħhom u fil-programmi tal-effiċjenza enerġetika; jenfasizza l-importanza li jiġu involuti u mobilizzati l-partijiet ikkonċernati, inklużi ċ-ċittadini, il-muniċipalitajiet lokali, l-assoċjazzjonijiet tad-djar u l-professjonisti tal-bini, fil-ħolqien tal-pjanijiet integrati u l-istrateġiji ta' implimentazzjoni għad-dekarbonizzazzjoni tal-bini;
44. Jirrikonoxxi d-dinamika differenti tal-kostruzzjoni u r-rinnovazzjoni għal tipi differenti ta' binjiet (pubbliċi u privati, mhux residenzjali u residenzjali) fl-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi qafas biex tintroduċi standards minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, b'kont meħud tal-istokkijiet tal-bini u l-punti ta' tluq differenti madwar l-Istati Membri, b'mod partikolari l-binjiet ta' mertu arkitettoniku jew storiku speċjali, biex jiġu aċċellerati r-rati tar-rinnovazzjoni u tiġi pprovduta viżibbiltà għall-katina tal-valur kollha dwar it-titjib mistenni u biex tiġi stimulata l-innovazzjoni, filwaqt li tiġi żgurata l-affordabbiltà, b'mod partikolari għal dawk bi dħul baxx u f'sitwazzjonijiet vulnerabbli;
45. Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw qafas inkorporat u integrat li jinkludi finanzjament u assistenza teknika rilevanti għall-introduzzjoni gradwali ta' standards minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, li fl-aħħar mill-aħħar se jiżgura l-ilħiq tal- objettivi intermedji tal-2030, l-2040 u l-2050 deskritti fl-LTRSs tagħhom; jissottolinja li tali standards minimi jgħinu biex titwitta t-triq għan-newtralità klimatika fis-settur tal-bini sa mhux aktar tard mill-2050, u jistgħu jipprovdu viżibbiltà u sigurtà għas-suq fir-rigward tat-trasformazzjoni tal-istokk tal-bini eżistenti; jirrikonoxxi li l-Istati Membri għandhom il-flessibbiltà li jfasslu l-miżuri meħtieġa biex jakkomodaw kundizzjonijiet ekonomiċi, klimatiċi, politiċi, soċjali u ta' kostruzzjoni differenti; iqis li għandhom jiġu pprovduti inċentivi u strumenti finanzjarji speċifiċi għall-binjiet b'restrizzjonijiet tekniċi, arkitettoniċi, relatati mal-patrimonju u storiċi li ma jistgħux jiġu rinnovati b'kost raġonevoli meta mqabbel mal-valur tal-proprjetà;
46. Jistieden lill-Kummissjoni torbot l-LTRSs mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika u tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli dwar it-tisħin u t-tkessiħ distrettwali effiċjenti u dwar il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tal-bini, bħall-enerġija solari, termali u ġeotermali, kif ukoll rwol akbar għall-awtokonsum u l-ħżin tal-enerġija b'rispons għas-sinjali ta' grilja jew ta' grilja żgħira, filwaqt li tirrikonoxxi li l-fjuwils fossili, speċjalment il-gass naturali, bħalissa qed jintużaw fis-sistemi tat-tisħin għall-bini; jinnota li l-konsumaturi jeħtieġu appoġġ biex jaqilbu mill-fjuwils fossili;
47. Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 14 u 15(4) tal-EPBD, filwaqt li jipprovdu liċ-ċittadini u lill-professjonisti dettalji ċari dwar kif il-bini, l-awtomatizzazzjoni u s-sistema ta' kontroll jistgħu joħolqu l-kapaċitajiet obbligatorji malajr kemm jista' jkun, sabiex jiġi żgurat li l-azzjoni preparatorja kollha tittieħed mingħajr dewmien u qabel l-iskadenza tal-2025; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw l-użu ta' għodod jew listi ta' kontroll żviluppati minn esperti u professjonisti fit-traspożizzjoni ta' dawk id-dispożizzjonijiet;
48. Jistieden lill-Istati Membri jimmiraw għad-dekarbonizzazzjoni tat-tisħin u t-tkessiħ fil-bini, f'konformità mal-prijoritajiet tal-Mewġa ta' Rinnovazzjoni, u jikkunsidraw skemi ta' inċentivi, b'enfasi fuq il-konsumaturi l-aktar vulnerabbli, biex jissostitwixxu s-sistemi tat-tisħin antiki, ibbażati fuq il-fjuwils fossili u ineffiċjenti fil-bini, inkluż bl-introduzzjoni ta' miri ta' sostituzzjoni f'konformità mal-LTRSs;
49. Ifakkar fit-talba tiegħu biex fir-reviżjoni li jmiss tiġi evalwata l-ħtieġa li jiżdiedu r-rekwiżiti tal-infrastruttura tal-iċċarġjar fl-EPBD, filwaqt li titqies il-ħtieġa li tiġi żgurata l-istabbiltà tal-grilja, pereżempju billi jiġu stabbiliti funzjonalitajiet tal-iċċarġjar intelliġenti, u li titrawwem mobbiltà sostenibbli, kif ukoll li jiġi inkluż approċċ integrat, sistematiku u ċirkolari kemm għall-iżviluppi urbani kif ukoll għal dawk rurali, bi qbil ma' ppjanar urban u rotot ta' trasport xierqa;
50. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw kif l-aħjar jaħsdu l-benefiċċji ta' approċċ ibbażat fuq id-distrett għar-rinnovazzjonijiet fuq skala kbira flimkien mal-partijiet ikkonċernati u l-komunitajiet lokali;
51. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-punti tal-iċċarġjar fil-bini jkunu lesti għall-iċċarġjar intelliġenti u jallinjaw ir-rekwiżiti mad-Direttiva riveduta dwar l-Enerġija Rinnovabbli; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw qafas li jgħin biex tiġi ssimplifikata u aċċellerata l-installazzjoni ta' punti tal-iċċarġjar f'bini residenzjali u mhux residenzjali ġdid u eżistenti, biex jiġu indirizzati l-ostakli regolatorji possibbli, u biex jiġu promossi modi xierqa biex jiġi żgurat aċċess u ħżin faċli għar-roti fid-disinn tal-bini;
52. Jilqa' r-rikonoxximent tal-Kummissjoni tal-importanza tal-elettromobbiltà bl-introduzzjoni ta' rekwiżiti minimi għall-parkeġġi akbar minn ċertu daqs u ta' rekwiżiti minimi oħra għall-infrastruttura għal binjiet iżgħar; jenfasizza li l-introduzzjoni ta' din l-infrastruttura tal-irriċarġjar għandha tiġi appoġġjata aktar;
53. Jenfasizza r-rwol importanti li r-rinnovazzjoni tal-bini eżistenti u d-disinn ta' bini ġdid jista' jkollhom fl-inkoraġġiment tal-adozzjoni ta' vetturi elettriċi bħall-karozzi, il-vannijiet, ir-roti u l-muturi billi jiġu pprovduti kemm spazji ta' parkeġġ adegwati kif ukoll infrastruttura tal-iċċarġjar, u b'hekk jingħata kontribut lid-dekarbonizzazzjoni ġenerali tas-settur tat-trasport; jinnota li b'dan l-intervent, il-bini jista' jsir aħjar għas-saħħa, aktar ekoloġiku u interkonness fi ħdan distrett ta' kwartier, kif ukoll aktar reżiljenti għall-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li testendi l-kamp ta' applikazzjoni tal-mobbiltà tal-EPBD billi tintroduċi rekwiżiti minimi, fejn fattibbli, f'tipi differenti ta' bini għall-infrastruttura tal-parkeġġ tar-roti u punti tal-irriċarġjar għar-roti elettriċi;
54. Jilqa' r-rikonoxximent tal-importanza tar-rekwiżiti tal-infrastruttura tal-pre-cabling f'bini residenzjali u mhux residenzjali ġdid bħala waħda mill-kundizzjonijiet għall-introduzzjoni rapida tal-punti tal-irriċarġjar; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-inklużjoni ta' rekwiżiti bħal dawn fl-oqfsa ta' politika nazzjonali;
55. Jenfasizza li d-disponibbiltà tal-punti tal-iċċarġjar hija wieħed mill-inċentivi biex inkwilini jew sidien ta' djar privati jagħżlu soluzzjoni ta' elettromobbiltà; jinnota, madankollu, li l-EPBD bħalissa tistabbilixxi biss ir-rekwiżiti tal-infrastruttura tal-kanali għal bini residenzjali ġdid u bini residenzjali li qed jiġi rinnovat b'mod estensiv b'aktar minn 10 spazji ta' parkeġġ; jirrimarka li d-Direttiva tipprevedi l-esklużjoni fakultattiva jekk il-kost tal-installazzjonijiet tal-irriċarġjar u tal-kanali taqbeż is-7% tal-kost totali tar-rinnovazzjoni ġenerali tal-bini; jistieden lill-Kummissjoni biex, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, twettaq analiżi tal-kostijiet biex teżamina modi possibbli kif tħeġġeġ lill-iżviluppaturi jinstallaw l-infrastruttura adegwata għall-utenti tal-vetturi elettriċi;
56. Ifakkar li l-Istati Membri jeħtiġilhom jistipulaw ir-rekwiżiti għall-installazzjoni ta' għadd ta' punti tal-irriċarġjar għall-bini kollu mhux residenzjali b'aktar minn 20 spazju ta' parkeġġ, sal-1 ta' Jannar 2025; jinnota f'dan ir-rigward l-importanza li jiġu identifikati nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-EPBD, li r-rieżami tagħha għandu jinkorpora dispożizzjonijiet biex ikomplu jħeġġu u jiffaċilitaw l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-iċċarġjar privata u pubblika f'bini residenzjali u mhux residenzjali;
57. Jenfasizza li s-soluzzjonijiet ta' elettromobbiltà jridu jkunu faċilment aċċessibbli għall-persuni kollha; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' rinnovazzjoni tal-bini, inklużi l-parkeġġi, biex tittejjeb l-aċċessibbiltà tal-persuni b'mobbiltà mnaqqsa; jenfasizza l-ħtieġa, barra minn hekk, li jinżamm spazju tal-ħżin għall-apparat tal-mobbiltà fil-bini rinnovat u fil-bini ġdid, inkluż għal siġġijiet tar-roti u pushchairs;
58. Jilqa' r-rikonoxximent tal-miżuri meħtieġa biex jiffaċilitaw u jħaffu l-introduzzjoni tal-infrastruttura tal-irriċarġjar billi jiġu indirizzati l-ostakli eżistenti bħall-inċentivi opposti u l-piżijiet amministrattivi; jirrimarka madankollu li għadhom jeżistu ostakli amministrattivi fil-livell nazzjonali u lokali, fir-rigward tal-ippjanar infrastrutturali u l-proċeduri tal-għoti tal-permessi għall-infrastruttura tal-irriċarġjar, li qed ixekklu l-introduzzjoni tal-infrastruttura tal-irriċarġjar f'bini residenzjali u mhux residenzjali ġdid u eżistenti; jenfasizza li huma meħtieġa aktar sforzi biex jitneħħew dawn l-ostakli amministrattivi ċari;
59. Jissottolinja l-kunċett li l-irriċarġjar tal-vetturi elettriċi f'bini residenzjali u mhux residenzjali jeħtieġ li jikkomplementa infrastruttura tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku biex tiġi żgurata l-kapaċità tal-irriċarġjar tal-vetturi elettriċi; jenfasizza l-ħtieġa li jiżdied l-investiment fl-elettromobbiltà u li tiġi installata infrastruttura tal-iċċarġjar li tkun tista' twettaq iċċarġjar intelliġenti, li jista' jiffaċilita t-trasferiment tat-tagħbija fl-eqqel ħinijiet u r-rispons għad-domanda, u b'hekk jinħolqu grilji tal-elettriku orħos u aktar effiċjenti li jeħtieġu inqas kapaċità ta' ġenerazzjoni u infrastruttura;
60. Jemmen li l-introduzzjoni ta' infrastruttura tal-iċċarġjar intelliġenti pubblika, semipubblika u privata għadha prekundizzjoni essenzjali biex tingħata spinta lill-adozzjoni ta' vetturi elettriċi fis-suq; jitlob, għalhekk, li jiżdied l-investiment fil-bini u l-mobbiltà, li tingħata spinta lill-innovazzjoni u l-użu ta' għodod diġitali għall-elettromobbiltà;
61. Jirrimarka li l-liġijiet rilevanti tal-UE għandhom jiffaċilitaw l-introduzzjoni ta' punti tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi, flimkien mar-rinnovazzjonijiet, il-bini ġdid u l-installazzjonijiet ġodda; jenfasizza l-importanza tal-investiment fl-istazzjonijiet pubbliċi tal-iċċarġjar tul il-kurituri tan-network ewlieni u fin-network komprensiv, iżda jenfasizza li dawn jistgħu jkunu biss b'żieda man-numru ħafna akbar ta' punti tal-iċċarġjar li se jkunu meħtieġa fiż-żoni urbani; jirrimarka li l-aktar mod kosteffikaċi u prattiku kif titħaffef il-bidla għall-enerġija elettrika tal-flotot tal-vetturi huwa li l-punti tal-iċċarġjar ikunu disponibbli qrib id-djar u l-postijiet tax-xogħol, fejn dawn iservu bħala żieda fundamentali mal-infrastruttura tal-iċċarġjar rapidu meħtieġa iżda li tiswa aktar flus;
62. Jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata mobbiltà inklużiva, koeżiva u sostenibbli għall-Ewropej u r-reġjuni kollha, inkluż għar-reġjuni ultraperiferiċi; jissottolinja l-importanza tal-promozzjoni ta' modi tat-trasport alternattivi, inklużivi, sikuri u sostenibbli u l-infrastruttura meħtieġa għal dan; jistieden lill-Istati Membri jaċċertaw il-koeżjoni soċjoekonomika u territorjali meta jkunu qed ifasslu r-rekwiżiti tagħhom għall-installazzjoni ta' għadd minimu ta' punti tal-irriċarġjar; iħeġġeġ lill-Istati Membri jidentifikaw u jindirizzaw kwalunkwe ostaklu soċjali, ekonomiku, legali, regolatorju u amministrattiv għall-iżvilupp rapidu tal-punti tal-irriċarġjar;
63. Jirrikonoxxi l-importanza li jinżammu l-ispazji ekoloġiċi urbani eżistenti u s-sistemi ta' drenaġġ urban sostenibbli kemm jista' jkun meta tkun qed tiġi ppjanata l-kostruzzjoni ta' infrastruttura tal-iċċarġjar residenzjali u mhux residenzjali u l-ispazji ta' parkeġġ;
64. Jinnota li ftit Stati Membri biss irrappurtaw progress promettenti fl-infrastruttura tal-irriċarġjar għall-vetturi elettriċi f'bini u parkeġġi; jesprimi tħassib għan-nuqqas ta' progress fi Stati Membri oħra u jappella biex firxa usa' ta' data ssir disponibbli aktar malajr; jinnota li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri pprovdew estimi għall-adozzjoni ta' vetturi elettriċi u miri għall-introduzzjoni ta' riċarġers elettriċi għas-sena 2020; jirrimarka, madankollu, li żewġ terzi biss mill-Istati Membri ipprovdew data dwar il-miri għall-2025 u l-2030;
65. Jirrimarka li diversi awtoritajiet lokali bdew ifasslu pjanijiet ta' dekarbonizzazzjoni li jinkludu wkoll l-iffissar ta' skadenzi vinkolanti għall-projbizzjoni tal-użu ta' vetturi b'magna ta' kombustjoni interna; jistieden lil dawn l-awtoritajiet jiżguraw li l-pjanijiet tagħhom jinkludu appoġġ finanzjarju u tekniku ddedikat biex jadattaw l-istokk tal-bini tagħhom sabiex jissodisfaw il-pjanijiet ta' dekarbonizzazzjoni tagħhom;
o o o
66. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Id-Direttorat Ġenerali tal-Parlament Ewropew għall-Politiki Interni, Dipartiment Tematiku għall-Politika Ekonomika u Xjentifika, Boosting Building Renovation: What Potential and Value for Europe? (Spinta lir-Rinnovazzjoni tal-Bini: X'inhu l-Potenzjal u l-Valur għall-Ewropa?), Ottubru 2016.
Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1.)
Studju intitolat "Mapping and analyses of the current and future (2020-2030) heating/cooling fuel deployment (fossil/renewables)" (Immappjar u analiżijiet tal-użu attwali u futur (2020–2030) tal-fjuwil għat-tisħin/tkessiħ (fossili/enerġija rinnovabbli)), Marzu 2017.
FEEDS (Forum għas-Sikurezza Elettrika Domestika fl-Ewropa), "In the news: the European Parliament calls on Member States to develop an electrical inspection regime" (Attwalità: Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw reġim ta' spezzjoni elettrika).
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Ottubru 2021 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mill-asbestos (Testi adottati, P9_TA(2021)0427).
Comprehensive study of building energy renovation activities and the uptake of nearly zero-energy buildings in the EU (Studju komprensiv tal-attivitajiet ta' rinnovazzjoni tal-enerġija tal-bini u l-adozzjoni ta' bini b'użu ta' enerġija qrib iż-żero fl-UE), Novembru 2019.
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2020 intitolata "Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss" (COM(2020)0456).