Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2021 dwar orjentazzjonijiet ġodda għall-azzjoni umanitarja tal-UE (2021/2163(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 208 u 214 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 tal-20 ta' Ġunju 1996 rigward l-għajnuna umanitarja(1),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/836 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2021 li jemenda d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili(2),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali - Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE u jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009(3).
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea – Il-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja tal-2008(4),
– wara li kkunsidra r-raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-12 ta' Awwissu 1949 dwar il-Protezzjoni ta' Persuni Ċivili fi Żmien ta' Gwerra,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/335/JHA tat-8 ta' Mejju 2003 dwar l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra(5),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2018 dwar it-tisħiħ tas-sigurtà globali tal-ikel u n-nutrizzjoni,
– wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali(6),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2286 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-3 ta' Mejju 2016 dwar il-protezzjoni tal-midruba u l-morda, il-persunal mediku u l-persunal umanitarju f'kunflitti armati,
– wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar l-eżitu tas-Summit Umanitarju Dinji u l-impenji meħuda mill-parteċipanti waqt is-summit tat-23 ta' Awwissu 2016,
– wara li kkunsidra l-ftehim Grand Bargain iffirmat fit-23 ta' Mejju 2016, ir-rapporti annwali indipendenti tiegħu, b'mod partikolari r-rapport tal-2021, u l-Qafas u l-Annessi tal-Grand Bargain 2.0 ippreżentati waqt il-Laqgħa Annwali tal-Grand Bargain bejn il-15 u s-17 ta' Ġunju 2021,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati ta' Lulju 2021 dwar l-użu ta' finanzjament flessibbli fl-2020, u l-aġġornamenti tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri 2015-2030 adottat fit-Tielet Konferenza Dinjija tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri li saret bejn l-14 u t-18 ta' Marzu 2015 f'Sendai, il-Ġappun u l-eżiti tal-Pjattaformi Globali dwar it-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri li saru f'Cancun (2017) u f'Ġinevra (2019),
– wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs),
– billi skont ir-Rapport dwar is-Sitwazzjoni Umanitarja Dinjija 2021 tal-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji, u l-aġġornamenti ta' kull xahar tiegħu,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2021 dwar l-Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità 2021-2030 (COM(2021)0101),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Marzu 2021 dwar l-azzjoni umanitarja tal-UE: sfidi ġodda, l-istess prinċipji (COM(2021)0110) u l-konklużjonijiet sussegwenti tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2021,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar l-għajnuna umanitarja, b'mod partikolari dawk tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-approċċ tal-UE għar-reżiljenza u t-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw: nitgħallmu mill-kriżijiet tas-sigurtà tal-ikel(7), tas-26 ta' Novembru 2015 dwar l-edukazzjoni għat-tfal f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u kriżijiet imtawla(8), tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar it-tħejjija għas-Summit Umanitarju Dinji: Sfidi u opportunitajiet għall-assistenza umanitarja(9), tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar ir-reżiljenza bħala prijorità strateġika tal-azzjoni esterna tal-UE(10), u tas-17 ta' April 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, l-Istrument tal-Għajnuna Umanitarja u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp(11),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċeduri tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A9-0328/2021),
A. billi l-ħtiġijiet umanitarji jinsabu f'livell rekord assolut, b'238 miljun persuna fi bżonn ta' assistenza fl-2021, l-aktar minħabba kunflitti iżda wkoll minħabba fatturi sistemiċi bħat-tibdil fil-klima, id-diżastri naturali, id-degradazzjoni ambjentali, it-tkabbir tal-popolazzjoni globali, insigurtà tal-ikel, riżorsi tal-ilma limitati u l-governanza falluta; billi ż-żieda fil-ħtiġijiet umanitarji u l-kumplessità dejjem akbar tagħhom jolqut kull wieħed mill-SDGs u juru nuqqas inkwetanti ta' progress globali fir-rigward tal-Aġenda 2030;
B. billi l-pandemija tal-COVID-19 aggravat il-fraġilitajiet u l-inugwaljanzi eżistenti, amplifikat il-ħtiġijiet umanitarji – b'mod partikolari żieda qawwija fil-ġuħ u nuqqas ta' provvista tal-ikel, u hemm kważi 300 miljun persuna f'riskju akut ta' insigurtà tal-ikel u aktar minn 40 miljun persuna f'livelli ta' emerġenza ta' insigurtà tal-ikel – u xekklet ir-rispons umanitarju minħabba l-għeluq tal-fruntieri u restrizzjonijiet oħra, bħal dawk imposti minn partijiet tal-konflitti armati; billi t-tkabbir fil-ħtiġijiet umanitarji huwa, parzjalment, riżultat ta' għajnuna għall-iżvilupp insuffiċjenti biex jiġu indirizzati l-ixprunaturi tal-fraġilità; billi skont l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, l-għajnuna umanitarja għall-kuntesti fraġli kollha żdiedet bi 38 % mill-2015 sal-2016, filwaqt li l-għajnuna programmabbli għall-iżvilupp għal kuntesti fraġli ma żdiditx matul l-istess perjodu(12); billi bejn l-2014 u l-2018, l-assistenza umanitarja kienet tirrappreżenta t-tieni l-akbar sehem ta' kontribuzzjonijiet għall-assistenza għall-iżvilupp barra mill-pajjiż fid-29 pajjiż fil-Kumitat ta' Assistenza għall-Iżvilupp(13);
C. billi, minn naħa, il-pandemija tal-COVID-19 ħolqot għadd ta' ostakli loġistiċi għall-organizzazzjonijiet internazzjonali li jwettqu operazzjonijiet ta' għajnuna, filwaqt li min-naħa l-oħra, dawn l-isfidi loġistiċi kkontribwew għal għadd ta' bidliet fil-mod kif jiġu implimentati l-programmi ta' għajnuna, b'mod partikolari f'termini ta' tisħiħ tal-importanza tal-lokalizzazzjoni tal-għajnuna umanitarja;
D. billi fl-2018, madwar 108 miljun persuna kienu jeħtieġu għajnuna umanitarja internazzjonali minħabba maltempati, għargħar, nixfiet u nirien fil-foresti; billi sal-2050, aktar minn 200 miljun persuna jistgħu jkunu jeħtieġu assistenza umanitarja kull sena bħala riżultat ta' diżastri relatati mal-klima u l-impatt soċjoekonomiku tat-tibdil fil-klima;
E. billi n-nisa u l-bniet huma dawk li l-aktar jintlaqtu ħażin mill-emerġenzi; billi l-bniet adolexxenti f'żoni ta' konflitt għandhom 90 % aktar ċans li jispiċċaw barra mill-iskola, 70 % tan-nisa f'kuntesti umanitarji huma aktar probabbli li jesperjenzaw vjolenza abbażi tal-ġeneru, u aktar minn 70 % ta' dawk li jiffaċċjaw il-ġuħ kroniku huma nisa;
F. billi l-Pont bl-Ajru Umanitarju tal-UE, li nħoloq bi tweġiba għax-xkiel fit-trasport ikkawżat mill-pandemija, għen bil-kbir biex jingħalqu diskrepanzi kritiċi fir-rispons umanitarju bl-iffaċilitar tal-għajnuna, l-assistenza f'emerġenza u l-persunal umanitarju;
G. billi l-frekwenza u l-intensità akbar tad-diżastri kkawżati mill-klima qed iżidu l-konflitti u qed iżommu aktar nies maqbuda fi spostament fit-tul b'modi li qatt ma rajna qabel, filwaqt li għadd ta' kriżijiet fit-tul għadhom mhux solvuti;
H. billi l-ħtiġijiet umanitarji dejjem akbar ma ġewx akkumpanjati minn riżorsi adegwati, fatt li wassal għal defiċit ta' finanzjament li qed tiżdied b'mod rapidu: fl-2020, ġie ssodisfat anqas minn nofs l-appell umanitarju tan-NU, u minn Awwissu 2021 finanzjament ta' USD 10,9 biljun biss kien disponibbli biss għal ħtiġijiet li jammontaw għal USD 36,6 biljun (30 % tat-total)(14); billi fl-2020, il-finanzjament mhux relatat mar-rispons għall-pandemija tal-COVID-19 mill-akbar 20 donatur pubbliku niżel taħt il-livelli tal-2019(15);
I. billi l-finanzjament umanitarju globali għadu jiddependi ħafna fuq numru limitat ħafna ta' donaturi, u l-akbar għaxar donaturi jirrappreżentaw 85 % tal-finanzjament kollu;
J. billi l-għajnuna umanitarja hija pilastru ewlieni tal-azzjoni esterna tal-UE u billi fl-2020 il-finanzjament ikkombinat tal-UE u tal-Istati Membri kien jirrappreżenta 36 % tal-għajnuna umanitarja globali (l-akbar sehem fid-dinja); billi l-livell ta' kontribuzzjonijiet ivarja fi ħdan l-UE, fejn erba' Stati Membri u l-Kummissjoni jirrappreżentaw madwar 90 % tal-finanzjament umanitarju kollu tal-UE;
K. billi l-impenn affermat mill-ġdid mill-firmatarji tal-Grand Bargain 2.0 biex jiġi żgurat li r-rispons umanitarju jkun kemm jista' jkun lokali u internazzjonali kif meħtieġ, jinvolvi l-impenn li jingħata mill-inqas 25 % tal-finanzjament umanitarju b'mod dirett kemm jista' jkun lill-atturi lokali u nazzjonali; billi din il-mira, madankollu, għadha 'l bogħod milli tintlaħaq;
L. billi d-diskrepanza ta' finanzjament għall-iżvilupp attwali tagħmilha indispensabbli li titjieb l-effiċjenza, l-effettività, il-viżibbiltà, il-kondiviżjoni tar-riskju, it-trasparenza u r-responsabbiltà tas-sistema umanitarja u li jiġi żgurat li aktar pajjiżi jikkontribwixxu għall-isforz umanitarju sabiex l-għajnuna tissodisfa l-ħtiġijiet tal-popolazzjonijiet milquta, kif enfasizzat dan l-aħħar mill-Grand Bargain 2.0, li jiffoka fuq il-lokalizzazzjoni u l-finanzjament ta' kwalità bħala prijoritajiet abilitanti ewlenin;
M. billi l-"finanzjament ta' kwalità" jinkludi waħda miż-żewġ prijoritajiet abilitanti tal-Grand Bargain 2.0; billi t-tieni pilastru tal-Forum Politiku ta' Livell Għoli tal-2016 dwar il-Finanzjament Umanitarju jappella għal twessigħ tal-bażi tar-riżorsi umanitarji permezz ta' sħubijiet ma' donaturi bilaterali ġodda jew emerġenti u s-settur privat, li jiffaċilitaw il-flussi ta' rimessi u l-finanzjament soċjali Iżlamiku(16); billi l-assistenza umanitarja minn donaturi privati diġà qed tiżdied, wara li żdiedet b'9 % minn USD 6,2 biljun fl-2018 għal rekord ta' USD 6,8 biljun fl-2019(17);
N. billi l-Kummissjoni pproponiet it-tnedija ta' proġett pilota dwar it-taħlit biex il-bażi tar-riżorsi għal azzjoni umanitarja tiżdied b'mod sinifikanti u, għal dan il-għan, talbet għal aktar involviment tas-settur privat;
O. billi l-frammentazzjoni tal-għajnuna umanitarja tibqa' sfida persistenti li tirriżulta minn firxa kbira ta' donaturi u aġenziji ta' għajnuna u min-nuqqas ta' koordinament bejn l-attivitajiet u l-proġetti tagħhom;
P. billi l-użu ta' organizzazzjoni ta' konsorzju huwa mħeġġeġ minn donaturi fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja; billi meta mqabbla ma' metodi oħra, l-organizzazzjoni ta' konsorzju hija tipikament ikkaratterizzata minn objettivi fuq skala akbar u aktar riżorsi;
Q. billi l-indirizzar tal-kriżijiet umanitarji jirrikjedi mhux biss aktar finanzjament iżda wkoll sforzi politiċi deċiżivi biex jitnaqqsu l-ħtiġijiet permezz tal-prevenzjoni u t-tmiem tal-konflitti, il-protezzjoni tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem, il-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, it-tnaqqis tar-riskji u l-vulnerabbiltajiet, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, l-indirizzar tal-korruzzjoni fl-allokazzjoni tal-fondi, u l-indirizzar tan-nuqqas ta' trasparenza fir-relazzjonijiet mal-organizzazzjonijiet lokali;
R. billi n-normi u l-prinċipji bażiċi qed jiġu sfidati madwar id-dinja bi ksur regolari tad-dritt umanitarju internazzjonali, inklużi attakki fuq persuni ċivili u ħaddiema umanitarji u mediċi, flimkien ma' ostakoli dejjem akbar għat-twassil tal-għajnuna umanitarja;
S. billi l-attakki kontra l-persunal umanitarju żdiedu b'mod drammatiku f'dawn l-aħħar snin;
1. Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-azzjoni umanitarja tal-UE: sfidi ġodda, l-istess prinċipji, u l-proposti konkreti tagħha biex jitjieb l-għoti ta' għajnuna umanitarja; jitlob l-implimentazzjoni rapida ta' dawn il-proposti f'konsultazzjoni u kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab umanitarji biex jiġi żgurat li l-għajnuna tkun prevedibbli, mhux frammentata u ma tidduplikax azzjonijiet oħra; itenni li, f'konformità mal-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja, l-għajnuna umanitarja tal-UE trid dejjem tingħata biss fuq il-bażi ta' bżonnijiet definiti tajjeb u vvalutati minn qabel, trid tkun kompletament konformi mal-prinċipji umanitarji tal-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza, u trid tagħti attenzjoni partikolari lill-isfidi ffaċjati minn gruppi vulnerabbli, bħal persuni b'diżabilità, minoranzi u popli oħra marġinalizzati oħra, meta jaċċessaw l-assistenza umanitarja; jistieden lill-Kummissjoni tqiegħed il-prinċipju ta' "ħadd ma jitħalla jibqa' lura" fil-qalba tal-approċċ il-ġdid għall-azzjoni umanitarja; jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tintegra l-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza biex it-tfal ma jitħallewx jitilqu mill-iskola, b'mod partikolari f'każijiet ta' kunflitt fit-tul;
2. Jinnota bi tħassib iż-żieda qawwija fid-diskrepanza fil-finanzjament umanitarju, peress li donaturi ewlenin qed inaqqsu l-finanzjament fi żmien meta l-ħtiġijiet qegħdin jiżdiedu dejjem aktar; jissottolinja d-differenzi qawwija fil-kontribuzzjonijiet kemm fil-livell globali u wkoll fi ħdan l-UE; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi baġit annwali robust għall-għajnuna umanitarja tal-UE biex tiggarantixxi finanzjament f'waqtu, prevedibbli u flessibbli għall-għajnuna umanitarja mill-bidu ta' kull sena finanzjarja, kemm biex jiġu indirizzati kriżijiet fit-tul kif ukoll biex jiġu indirizzati kriżijiet ġodda, u biex jinżamm pakkett delimitat fir-Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza għal kriżijiet umanitarji barra mill-UE biex tinżamm il-kapaċità eżistenti biex jiġu mobilizzati malajr fondi addizzjonali fil-każ ta' emerġenzi emerġenti, li qed jespandu jew li jibdew f'daqqa; jistieden lill-UE tippromwovi kondiviżjoni ta' responsabbiltà internazzjonali akbar u żieda fil-finanzjament umanitarju; iħeġġeġ lill-Istati Membri jmexxu bl-eżempju u jikkontribwixxu billi jagħtu sehem fiss tal-introjtu nazzjonali gross tagħhom għall-għajnuna umanitarja; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta kull sena dwar l-ammont ta' finanzjament umanitarju żburżat mill-UE u fil-kuntest globali;
3. Jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jfasslu strateġija għal kollaborazzjoni fit-tul ma' pajjiżi terzi, b'mod partikolari donaturi emerġenti, billi jużaw id-diplomazija bilaterali, reġjonali u multilaterali tal-UE biex jespandu l-firxa ta' pajjiżi donaturi li jikkontribwixxu għall-għajnuna umanitarja fuq bażi volontarja; jissottolinja li kontribuzzjoni minn pajjiżi donaturi addizzjonali tagħmilha possibbli li jiżdied l-ammont meħtieġ biex jiġu indirizzati kriżijiet umanitarji internazzjonali; jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' arranġament formali fil-Ftehim ta' Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit rigward l-għajnuna umanitarja u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu favur sħubija formali bejn l-UE u r-Renju Unit dwar l-għajnuna umanitarja;
4. Jenfasizza l-impenn tal-Kummissjoni li timmobilizza l-finanzjament privat u tinvolvi aktar lis-settur privat fl-assistenza umanitarja tal-UE u fit-tnedija ta' inizjattiva pilota ta' taħlit mill-baġit umanitarju tal-UE fl-2021; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament b'aktar informazzjoni u valutazzjoni bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tal-proġett pilota għat-taħlit għall-azzjoni umanitarja, filwaqt li tivvaluta l-allinjament mal-objettivi tal-azzjoni esterna; jissottolinja l-potenzjal ta' inizjattivi ta' taħlit, inklużi bonds b'impatt umanitarju u skemi ta' assigurazzjoni għar-riskju ta' diżastri, inkluż l-użu sħiħ tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus għal skopijiet umanitarji; jenfasizza, madankollu, li impenn ulterjuri mas-settur privat jeħtieġ analiżi tar-riżultati miksuba s'issa permezz tal-kollaborazzjoni, u l-promozzjoni esklussiva ta' sħubijiet li jikkonformaw mal-għanijiet ta' azzjoni esterna tal-UE u l-prinċipji umanitarji internazzjonali;
5. Jinsab allarmat dwar l-għadd dejjem jikber ta' ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem; jappella għall-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' koordinament tal-UE sabiex jiġi żviluppat approċċ koerenti tal-UE fir-rigward tad-dritt umanitarju internazzjonali, jiġi immonitorjat ksur u tiġi promossa l-garanzija ta' rispett tad-dritt umanitarju internazzjonali, anki bl-użu tal-lievi politiċi u ta' żvilupp, ta' għajnuna u lievi kummerċjali u ekonomiċi rilevanti fl-azzjoni esterna tal-UE;
6. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lill-Istati Membri jimmonitorjaw mill-qrib il-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali u jinkludu l-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali bħala kriterju għall-elenkar ta' individwi jew entitajiet fir-reġimi ta' sanzjonijiet rilevanti tal-UE f'konformità mal-linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali; jinnota li s-sanzjonijiet u l-miżuri restrittivi meħuda fil-kuntest tal-politika estera u ta' sigurtà komuni jridu jikkonformaw mad-dritt umanitarju internazzjonali u ma jridux jxekklu l-proviżjoni ta' attivitajiet umanitarji; jissottolinja l-ħtieġa li l-eżenzjonijiet umanitarji jiġu inklużi b'mod konsistenti fir-reġimi ta' miżuri restrittivi u li s-sħab jingħataw l-appoġġ u l-gwida meħtieġa biex dawn l-eżenzjonijiet jiġu applikati b'mod effettiv;
7. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu d-dritt umanitarju internazzjonali u jħarrku u jissanzjonaw b'mod strett dawk kollha li jużaw il-karestija bħala arma tal-gwerra sabiex jindirizzaw il-ksur mifrux tad-dritt għall-ikel waqt il-kunflitti, l-użu rikorrenti tal-karestija bħala metodu ta' gwerra, u ċ-ċaħda għall-aċċess umanitarju;
8. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri sabiex iħaffu l-proċess tat-twettiq tal-impenji meħuda waqt is-Summit Umanitarju Dinji u bħala parti mill-Grand Bargain; jenfasizza l-importanza li l-għajnuna umanitarja ssir aktar effiċjenti u effettiva billi jiżdied il-finanzjament flessibbli permezz ta' finanzjament mhux allokat, allokat b'mod moderat u pluriennali li jkun imfassal għall-kuntesti lokali, ibbażat fuq il-ħtiġijiet u ffukat fuq in-nies, kif ukoll li l-piż amministrattiv għas-sħab umanitarji jitnaqqas billi jiġu armonizzati u ssimplifikati l-proposti tad-donaturi u r-rekwiżiti ta' rappurtar, il-finanzjament tal-atturi nazzjonali u lokali, u li jiġu promossi soluzzjonijiet innovattivi, fost sforzi oħra; ifakkar li l-kriżijiet fit-tul għadhom kuntesti umanitarji u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipprevedu soluzzjonijiet konkreti għall-allokazzjoni effettiva ta' finanzjament umanitarju u għall-iżvilupp għas-sħab li joperaw f'dawn il-kuntesti; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jintroduċu miżuri fil-ftehimiet ta' għotja mas-sħab biex jiżguraw biżżejjed flessibbiltà tal-programm għal dawk is-sħab biex jaqilbu rapidament minn attivitajiet ta' żvilupp għal rispons ta' emerġenza f'każ ta' emerġenza f'daqqa, inkluż fil-finanzjament ipprovdut mill-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali l-ġdid;
9. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżommu u jrawmu djalogu realistiku ta' kondiviżjoni tar-riskji bejn id-dipartimenti rilevanti, mas-sħab umanitarji tagħhom u ma' partijiet interessati oħra, filwaqt li jibnu fuq l-esperjenzi reċenti u t-tagħlim miksub sabiex kontinwament jistinkaw biex itejbu r-regolamenti ta' finanzjament eżistenti billi jagħmluhom aktar effiċjenti u effettivi, b'mod partikolari fi żminijiet ta' kriżijiet umanitarji volatili ħafna; jirrimarka li s-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskju wriet li hija għodda effettiva għall-mitigazzjoni tar-riskju;
10. Jenfasizza l-importanza partikolari li jiġu appoġġati l-atturi lokali u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa politika ta' lokalizzazzjoni ambizzjuża, inkluż it-trawwim tat-trasparenza, l-użu tal-għarfien espert u l-esperjenza tas-sħab, u li jiġi deskritt kif jista' jiġi pprovdut aktar appoġġ u appoġġ aħjar għar-rispondenti lokali biex jissaħħu l-kapaċitajiet tagħhom, biex ikunu jistgħu jagħmlu użu mill-istrumenti kollha disponibbli u jiżguraw l-involviment tagħhom fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, filwaqt li tiġi indirizzata l-kwistjoni tar-responsabbiltà reċiproka u l-kondiviżjoni tar-riskju, peress li t-tisħiħ tar-rispondenti lokali huwa fattur ewlieni biex titnaqqas il-ħtieġa għal assistenza umanitarja internazzjonali fil-futur; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-parteċipazzjoni ugwali u l-għoti tas-setgħa fir-rigward tan-nisa jiġu integrati b'mod espliċitu fi kwalunkwe mekkaniżmu ġdid biex jissaħħaħ ir-rwol tal-atturi lokali fl-azzjoni umanitarja;
11. Jenfasizza li fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, il-lokalizzazzjoni tgħin biex jinkiseb rispons fil-qasam tas-saħħa li jkun adattat għall-kuntest tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jiġi evitat preġudizzju Ewropew, b'mod partikolari fir-rigward tal-protokolli ta' trażżin u l-kampanji ta' prevenzjoni; jitlob li l-prevalenza ta' perspettiva Ewroċentrika dwar sitwazzjonijiet ta' emerġenza tiġi indirizzata b'mod adegwat permezz ta' aktar lokalizzazzjoni tal-azzjoni umanitarja;
12. Jenfasizza l-isfidi maħluqa mit-tibdil fil-klima u jilqa' l-impenji biex l-impatti tat-tibdil fil-klima u l-fatturi ambjentali jiġu integrati aktar fl-azzjoni umanitarja, biex tissaħħaħ ir-reżiljenza għall-klima ta' reġjuni vulnerabbli u biex tinbena r-reżiljenza ta' komunitajiet vulnerabbli għat-tibdil fil-klima permezz ta' tħejjija għad-diżastri u azzjoni antiċipatorja permezz ta' approċċ triplu li jinvolvi l-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali, fid-dawl tal-ħtiġijiet speċifiċi ta' assistenza u protezzjoni tal-popolazzjonijiet milquta minn diżastri u l-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima, b'mod partikolari tal-persuni spostati u l-komunitajiet ospitanti; jilqa', barra minn hekk, l-impenji biex l-għajnuna umanitarja tal-UE ssir aktar ambjentalment sostenibbli u biex jiġi kkontrollat l-infiq relatat mal-klima; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi r-riżorsi neċessarji għall-adattament għat-tibdil fil-klima u t-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri permezz tal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, fost għodod oħra, u biex taċċellera l-implimentazzjoni tal-impenji ta' Sendai fl-azzjoni esterna tal-UE;
13. Jilqa' l-kisbiet konkreti tal-Pont bl-Ajru Umanitarju tal-UE u l-idea li tinħoloq Kapaċità ta' Rispons Umanitarju Ewropew biex jingħalqu d-diskrepanzi fir-rispons umanitarju tal-UE; jitlob li l-Istati Membri u s-sħab umanitarji jiġu regolarment ikkonsultati dwar kwalunkwe inizjattiva ġdida tal-Kummissjoni, liema inizjattivi ma għandhomx jiddupplikaw iżda għandhom jibnu fuq il-kapaċitajiet tal-atturi umanitarji u l-mekkaniżmi attwali tal-UE, bħall-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili;
14. Jissottolinja l-fatt li filwaqt li l-għajnuna umanitarja tfittex li tittratta sitwazzjonijiet urġenti u ta' theddida għall-ħajja, il-kriżijiet huma kkawżati minn fatturi ewlenin li jirrikjedu soluzzjonijiet fit-tul, peress li l-fraġilità sottostanti hija prekursur għall-kriżijiet umanitarji; jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jadottaw komunikazzjoni li tiżviluppa politika ċara dwar ir-rabta bejn il-qasam umanitarju, l-iżvilupp u l-paċi sabiex jitnaqqas id-distakk bejn l-oqsma individwali ta' politika, filwaqt li jiġi żgurat ir-rispett tal-karattru legali distint u l-prinċipji tal-għajnuna umanitarja; jenfasizza li dan l-approċċ nexus għandu jsaħħaħ ir-reżiljenza u jippromwovi rispons sostenibbli, filwaqt li l-SDGs għandhom jintużaw bħala qafas għal approċċ bħal dan, peress li l-Aġenda 2030 tipprovdi opportunità unika biex jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-fraġilità u l-kunflitt, hekk kif tibni fuq l-esperjenza prattika tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs), fost oħrajn; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jimplimentaw malajr dan l-approċċ ta' rabta, b'enfasi partikolari fuq l-indirizzar tal-fraġilità, il-prevenzjoni tal-kunflitti, l-indirizzar tal-ġuħ, l-indirizzar tal-ispostament relatat mad-diżastri u l-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima, l-għoti ta' opportunitajiet ta' edukazzjoni u għajxien, l-appoġġ għall-irkupru bikri, it-tisħiħ tal-kapaċità ta' rispons, u l-formazzjoni tal-awtodipendenza u r-reżiljenza; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika valutazzjoni tat-tħaddim tar-rabta bejn l-aspett umanitarju u l-iżvilupp fis-sitt pajjiżi pilota identifikati fl-2017;
15. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-esperjenzi u l-programmi tal-passat dwar kwistjonijiet relatati mal-ġeneru, peress li hemm ħtieġa dejjem akbar li dawn jiġu indirizzati minħabba r-rwol prominenti tan-nisa bħala vittmi ta' kunflitti u diżastri; jitlob li jiġu implimentati elementi aktar tanġibbli tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri f'azzjoni umanitarja futura, inklużi analiżijiet sensittivi għall-ġeneru li jkunu speċifiċi għall-kuntest, filwaqt li jiġu protetti d-drittijiet tal-gruppi vulnerabbli, inklużi n-nisa, il-bniet u l-persuni mill-komunità LGBTIQ+; jappoġġa l-għoti ta' aċċess bla xkiel għal servizzi tas-saħħa pubbliċi mingħajr ħlas u sforzi biex jitnaqqsu l-mortalità u l-morbożità, u jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ it-tħejjija għall-pandemiji u l-epidemiji;
16. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jimplimentaw u jippromwovu l-Aġenda tal-Inizjattiva Nansen għall-Protezzjoni ta' Persuni Spostati f'Reġjuni Transfruntiera fil-Kuntest tad-Diżastri u tat-Tibdil fil-Klima; jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-atturi fil-qasam umanitarju, tal-iżvilupp, tat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri u tat-tibdil fil-klima biex jitnaqqas ir-riskju ta' spostament fil-kuntest ta' diżastri u l-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima u biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta' assistenza u protezzjoni;
17. Jitlob li ssir enfasi partikolari fuq in-nutrizzjoni, bħala dritt fundamentali għal kulħadd, sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel u tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi tal-ikel għax-xokkijiet ekonomiċi, klimatiċi u umani; jitlob li l-pjan ta' azzjoni tal-UE dwar in-nutrizzjoni jiġi rivedut biex jindirizza l-forom kollha ta' malnutrizzjoni fil-kuntesti umanitarji u ta' żvilupp f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Novembru 2018;
18. Itenni l-impenn u l-isforzi kontinwi tal-Kummissjoni biex tippromwovi l-viżibbiltà u s-sensibilizzazzjoni tal-għajnuna umanitarja tal-UE fost il-partijiet interessati differenti fl-UE kollha, inklużi l-NGOs, u biex issaħħaħ il-viżibilità tal-UE fl-azzjoni esterna tagħha;
19. Jilqa' l-aħbar tal-ewwel Forum Umanitarju tal-UE, li se jsir f'Jannar 2022; jisħaq li l-forum għandu jkun inklużiv, aċċessibbli, jinvolvi sħab li jimplimentaw l-għajnuna umanitarja, ifittex li jżid il-viżibilità tal-għajnuna umanitarja tal-UE u l-ħidma tas-sħab tagħha, jippromwovi djalogu strateġiku dwar il-politika umanitarja tal-UE, iżid l-appoġġ pubbliku u s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar in-natura ta' assistenza umanitarja tal-UE bbażata fuq prinċipji u ħtiġijiet u javvanza l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ewlenin stabbiliti fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni;
20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.
Nomura, S. Sakamoto, H., Ishizuka, A., Shimizu, K. u Shibuya, K., "Tracking sector allocation of official development assistance: a comparative study of the 29 Development Assistance Committee countries, 2011–2018 (Intraċċar tal-allokazzjoni settorjali tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp : studju komparattiv tad-29 pajjiż tal-Kumitat ta' Għajnuna għall-Iżvilupp", Global Health Action, Jannar 2021.
Development Initiatives, Global Humanitarian Humanitarian Assistance Report 2021 (Inizjattivi ta' Żvilupp, Rapport dwar l-Għajnuna Umanitarja Globali 2021).
Panel ta' Livell Għoli dwar il-Finanzjament Umanitarju, rapport għas-Segretarju Ġenerali tan-NU bit-titolu "Too important to fail – addressing the humanitarian financing gap" (Importanti wisq biex infallu – l-indirizzar tad-diskrepanza fil-finanzjament umanitarju), is-17 ta' Jannar 2016.
Development Initiatives, Global Humanitarian Humanitarian Assistance Report (Inizjattivi ta' Żvilupp, Rapport dwar l-Għajnuna Umanitarja Globali) 2021.