Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2021/2002(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0298/2021

Testi mressqa :

A9-0298/2021

Dibattiti :

PV 14/12/2021 - 14
PV 14/12/2021 - 16
CRE 14/12/2021 - 14
CRE 14/12/2021 - 16

Votazzjonijiet :

PV 15/12/2021 - 17

Testi adottati :

P9_TA(2021)0506

Testi adottati
PDF 187kWORD 59k
L-Erbgħa, 15 ta' Diċembru 2021 - Strasburgu
Kooperazzjoni fir-rigward tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata fil-Balkani tal-Punent
P9_TA(2021)0506A9-0298/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2021 dwar il-kooperazzjoni fir-rigward tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata fil-Balkani tal-Punent (2021/2002(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet rilevanti tan-NU, b'mod partikolari l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-protokolli tagħha (il-Protokoll ta' Palermo tal-2000) u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni,

–  wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet tad-dritt kriminali u ċivili tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-korruzzjoni, miftuħa għall-firem fi Strasburgu fis-27 ta' Jannar 1999 u l-4 ta' Novembru 1999 rispettivament, u r-riżoluzzjonijiet (98)7 u (99)5, adottati mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fil-5 ta' Mejju 1998 u fl-1 ta' Mejju 1999 rispettivament, li jistabbilixxu l-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar it-Trasferiment ta' Proċedimenti f'Materji Kriminali,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil tal-flus, it-Tiftix, is-Sekwestru u l-Konfiska tar-Rikavat minn Attività Kriminali u dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità (il-Konvenzjoni ta' Budapest),

–  wara li kkunsidra l-attivitajiet tal-Kumitat ta' Esperti dwar l-Evalwazzjoni ta' Miżuri Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu (MONEYVAL) u r-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2018, tat-18 ta' Ġunju 2019 u tal-25 ta' Marzu 2020 dwar it-tkabbir u l-proċess ta' stabbilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1788 tad-19 ta' Novembru 2018 b'appoġġ għaċ-Ċentru tax-Xlokk u tal-Lvant tal-Ewropa għall-kontroll tal-Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir għall-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali Reġjonali għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' armi fil-Balkani tal-Punent(1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Frar 2018 intitolata "Perspettiva kredibbli għat-tkabbir u involviment akbar tal-UE mal-Balkani tal-Punent" (COM(2018)0065),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Lulju 2020 dwar l-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà (COM(2020)0605),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Lulju 2020 intitolata "Pjan ta' azzjoni 2020-2025 tal-UE dwar it-traffikar tal-armi tan-nar" (COM(2020)0608),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' April 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE biex tiġi miġġielda l-Kriminalità Organizzata 2021-2025 (COM(2021)0170), u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha intitolat "EMPACT, the flagship EU instrument for cooperation to fight organised and serious international crime" [EMPACT, l-istrument ewlieni tal-UE għall-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità internazzjonali organizzata u serja] (SWD(2021)0074),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' April 2021 dwar dwar l-Istrateġija tal-UE dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin 2021- 2025 (COM(2021)0171),

–  wara li kkunsidra l-ftehimiet dwar il-kooperazzjoni operattiva u strateġika bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Montenegro, il-Maċedonja ta' Fuq u s-Serbja, u l-Arranġament ta' Ħidma li jistabbilixxi relazzjonijiet ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Kosovo u l-Europol,

–  wara li kkunsidra l-ftehimiet ta' kooperazzjoni bejn il-Eurojust u l-Albanija, il-Montenegro, il-Maċedonja ta' Fuq u s-Serbja,

–  wara li kkunsidra l-ftehimiet dwar kooperazzjoni fil-ġestjoni tal-fruntieri bejn l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) u l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Montenegro, il-Maċedonja ta' Fuq u s-Serbja,

–  wara li kkunsidra l-Proċess ta' Berlin u l-wegħdiet kontra l-korruzzjoni li saru mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fl-2018,

–  wara li kkunsidrat il-Valutazzjoni ta' Theddid mill-Kriminalità Serja u Organizzata tal-Europol tat-12 ta' April 2021 u l-Valutazzjoni dwar it-Theddida mill-Kriminalità Organizzata ffaċilitata mill-Internet tal-Europol tal-5 ta' Ottubru 2020,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC) intitolat "Measuring Organised Crime in the Western Balkans" [Evalwazzjoni tal-Kriminalità Organizzata fil-Balkani tal-Punent],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fir-relazzjonijiet esterni tal-UE(2),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà fil-Balkani tal-Punent, wara s-Summit 2020(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-2019-2020 dwar ir-rapporti tal-Kummissjoni dwar l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo, il-Montenegro, il-Maċedonja ta' Fuq u s-Serbja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regolament ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0298/2021),

A.  billi l-kriminalità organizzata saret kwistjoni ċentrali fl-affarijiet internazzjonali u saret ukoll theddida dinjija għall-paċi u l-iżvilupp, sitwazzjoni li toħloq il-ħtieġa ta' rispons komuni u kkoordinat mill-UE, l-Istati Membri tagħha u s-sħab internazzjonali;

B.   billi l-ġlieda effettiva kontra l-kriminalità organizzata hija parti mill-proċess ta' adeżjoni tal-UE, b'mod partikolari fir-raggruppament fundamentali u fin-negozjar tal-Kapitolu 24 dwar il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà;

C.  billi l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata għadhom kwistjonijiet ta' tħassib serju fir-reġjun kollu tal-Balkani tal-Punent u jistgħa' jkollhom ukoll impatti negattivi fuq l-Istati Membri tal-UE; billi n-networks tal-kriminalità organizzata huma interkonnessi mill-qrib u għandhom għeruqhom kemm fl-Istati Membri tal-UE kif ukoll fi stati mhux tal-UE;

D.  billi l-proċess ta' integrazzjoni Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jiddependi direttament min-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet tagħhom kemm ma' xulxin kif ukoll mal-Istati Membri tal-UE;

E.  billi l-kriminalità organizzata fil-Balkani tal-Punent hija problema strutturali b'rabtiet b'għeruq fondi ma' negozji u istituzzjonijiet statali u wieħed mis-sintomi tal-manipulazzjoni tal-Istat, li r-riformi relatati mal-proċess ta' integrazzjoni tal-UE għandhom il-għan li jegħlbu;

F.  billi l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni jimxu id f'id mal-attivitajiet tal-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa, il-klijenteliżmu u l-impunità;

G.  billi l-gruppi kriminali organizzati jikkollaboraw tajjeb minn naħa għall-oħra tal-fruntieri u lil hinn mil-linji etniċi, meta mqabbla mal-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, li għandhom bżonn li b'mod urġenti jtejbu tali koordinazzjoni;

H.  billi l-gruppi tal-kriminalità organizzata jikkooperaw ma' gruppi minn pajjiżi fil-viċinat Ewropew usa' f'attivitajiet bħat-traffikar ta' bnedmin, il-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali, il-kuntrabandu ta' artifatti u l-ħasil tal-flus;

I.  billi l-oqfsa legali armonizzati u l-implimentazzjoni effettiva tagħhom, il-korpi indipendenti kontra l-korruzzjoni u kontra l-kriminalità, u r-rieda politika ġenwina huma essenzjali għall-qerda tal-kriminalità organizzata;

J.  billi skont ir-rapport tal-UNODC bit-titlu "Measuring Organized Crime in the Western Balkans" (Il-Kejl tal-Kriminalità Organizzata fil-Balkani tal-Punent), il-prosekuzzjonijiet u l-kundanni għandhom it-tendenza li jiffokaw fuq dawk li huma ta' grad baxx fl-organizzazzjonijiet kriminali filwaqt li aktar spiss il-mexxejja tal-gruppi jgawdu l-impunità fil-Balkani tal-Punent;

K.  billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (CSOs) stabbilew lilhom infushom bħala partijiet ikkonċernati importanti fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni fir-reġjun kollu u jaqdu rwol kruċjali, b'mod partikolari fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politiki kontra l-korruzzjoni;

L.  billi hemm bżonn ta' aktar riċerka u ta' data aktar affidabbli dwar il-kriminalità organizzata biex jitfasslu aħjar reazzjonijiet politiċi effettivi għall-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni fir-reġjun;

M.  billi l-edukazzjoni taqdi rwol ewlieni fil-prevenzjoni tal-kriminalità u fil-promozzjoni ta' kultura ta' legalità;

N.  billi t-theddida maħluqa mill-gruppi tal-kriminalità organizzata li joriġinaw mill-Balkani tal-Punent intużat ħażin bħala argument kontra l-adeżjoni mal-UE f'xi pajjiżi, u għalhekk għandha tiġi indirizzata b'mod xieraq sabiex isiru aktar passi 'l quddiem fil-proċess ta' adeżjoni mal-UE tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent;

O.  billi, sabiex jissodisfaw il-kriterji tas-sħubija fl-UE, il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jeħtiġilhom jimplimentaw riformi komprensivi f'oqsma kruċjali u jagħtu riżultati konkreti fir-riformi ġudizzjarji u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata;

P.  billi t-tisħiħ tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata huma l-pedamenti tal-Istrateġija tal-UE dwar il-Balkani tal-Punent tal-2018;

Q.  billi ġew allokati madwar EUR 64 miljun għal proġetti relatati mal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata fil-Balkani tal-Punent fl-ambitu tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II), li ffinanzja diversi proġetti nazzjonali u multinazzjonali li jappoġġjaw amministrazzjoni aktar effettiva tal-ġustizzja f'kawżi ta' kriminalità organizzata u korruzzjoni fil-Balkani tal-Punent, inkluż permezz tal-monitoraġġ tal-proċessi; billi l-IPA III jinvolvi wkoll objettivi speċifiċi għall-iżvilupp ta' għodod effettivi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-traffikar ta' bnedmin u armi tan-nar illeċiti, it-traffikar tad-droga u l-ħasil tal-flus;

Sitwazzjoni ġenerali

1.  Jisħaq li l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni l-ewwel u qabel kollox huma ta' ħsara għaċ-ċittadini tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, peress li jdgħajfu d-dritt tagħhom għas-sikurezza u l-koeżjoni soċjali kif ukoll il-fiduċja tagħhom fis-sistema demokratika, joħolqu ostakli għar-riformi demokratiċi u jxekklu l-proċess tal-adeżjoni, filwaqt li għandhom ukoll impatti negattivi potenzjali u reali fuq is-sigurtà u l-istabilità tal-Istati Membri tal-UE;

2.  Jissottolinja li meta l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jiġu mċaħħda minn perspettiva Ewropea, is-sitwazzjoni tmur għall-agħar fir-rigward tal-kriminalità organizzata, u li din tista' tittejjeb billi jitrawmu l-proċess ta' integrazzjoni tal-UE u l-kooperazzjoni mal-Istati Membri; jenfasizza li l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-avvanz tal-integrazzjoni tal-UE huma proċessi li jsaħħu lil xulxin, u għalhekk jeħtieġ li l-proċess ta' integrazzjoni tal-UE jitħaffef;

3.  Jesprimi l-fehma tiegħu li jekk il-liberalizzazzjoni tal-viża għall-Kosovo tintrabat mal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, dan ikun kontroproduttiv peress li l-iżolament jinkoraġġixxi l-attivitajiet kriminali; jissottolinja, għal darb' oħra, li l-Kosovo ssodisfa l-kriterji kollha għal-liberalizzazzjoni tal-viża u jistieden lill-Kunsill biex jagħti l-liberalizzazzjoni tal-viża mingħajr aktar dewmien;

4.  Jinnota li l-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata huma l-oqsma kruċjali li fihom il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jeħtieġ li juru riżultati tanġibbli sabiex jagħmlu aktar progress fit-triqithom lejn l-UE; iħeġġiġhom iżidu l-isforzi tagħhom b'mod sinifikanti biex javvanzaw ir-riformi meħtieġa u jistieden lill-UE tippromwovi, bħala prijorità tal-politika tat-tkabbir, it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni korretti tal-istrumenti internazzjonali rilevanti li jappoġġjaw l-istat tad-dritt u jimmiraw għall-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata permezz ta' assistenza finanzjarja u kooperazzjoni prattika;

5.  Jilqa' l-pubblikazzjoni tal-Istrateġija tal-UE biex tiġi miġġielda l-Kriminalità Organizzata 2021-2025 fl-14 ta' April 2021 u jħeġġeġ lill-UE żżid il-kooperazzjoni internazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, b'mod partikolari mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, sabiex din it-theddida transnazzjonali tiġi indirizzata b'mod effettiv;

6.  Jinnota li n-nuqqas ta' opportunitajiet tax-xogħol, il-korruzzjoni, id-diżinformazzjoni, l-elementi ta' manipulazzjoni tal-istat, l-inugwaljanza, l-indħil barrani minn reġimi mhux demokratiċi bħar-Russja u ċ-Ċina, u l-proċess kajman tal-adeżjoni mal-UE huma fost il-fatturi li jagħmlu lis-soċjetajiet tal-Balkani tal-Punent vulnerabbli għall-kriminalità organizzata; iħeġġeġ kemm lill-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent kif ukoll lis-sħab internazzjonali tagħhom, speċjalment lill-UE, biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom fl-indirizzar ta' dawn l-isfidi, li jinstigaw l-instabilità, jimminaw l-integrazzjoni u jdewmu l-iżvilupp demokratiku u ekonomiku;

7.  Jiddispjaċih għall-fatt li fost partijiet mill-elites politiċi lokali hemm nuqqas ta' rieda politika ġenwina li jiġġieldu kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni u jeliminaw kwalunkwe element ta' manipulazzjoni tal-istat;

8.  Jiddeplora n-nuqqas ta' indipendenza u funzjonament xieraq, f'ħafna każijiet, tal-ġudikatura fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u jħeġġeġ li jiġi adottat approċċ aktar strateġiku meta jkunu qed jiġu indirizzati l-isfidi li ġġib magħha l-kriminalità organizzata; jappella biex l-UE tipprovdi aktar assistenza sabiex tistimula kultura ta' professjonalità u prestazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja kriminali u ttejjeb l-integrità tal-ġudikatura; jinnota li għalkemm sar xi progress fir-riformi ġudizzjarji, għad hemm bżonn ta' sforzi sostanzjali biex jinkisbu riżultati tanġibbli;

9.  Iħeġġeġ lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jindirizzaw bis-sħiħ in-nuqqasijiet tas-sistemi tal-ġustizzja kriminali tagħhom, inkluż it-tul tal-proċedimenti; jistieden lill-UE u lil sħab internazzjonali oħra jipprovdu aktar linji gwida għall-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u għall-ġudikatura biex itejbu l-professjonaliżmu u l-prestazzjoni tagħhom tal-ġustizzja kriminali;

10.  Jilqa' l-fatt li l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent ittrasponew fil-liġijiet nazzjonali l-istandards tal-UE u dawk internazzjonali dwar l-irkupru tal-assi kif ukoll sforzi oħra biex jiġġieldu l-kriminalità organizzata fir-reġjun, bħall-iżvilupp ta' mekkaniżmi governattivi ta' koordinazzjoni u qrati speċjali u unitajiet tal-infurzar tal-liġi; jiddispjaċih, madankollu, li l-implimentazzjoni għadha baxxa u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Balkani tal-Punent jistabbilixxu rekord sod fl-irkupru ta' tali assi għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha tagħhom u jistabbilixxu l-konfiska tar-rikavat u l-mezzi strumentali tal-kriminalità bħala prijorità fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata; jitlob li tingħata l-għajnuna tal-UE fl-appoġġ ta' kapaċitajiet adegwati għall-aġenziji tal-infurzar tal-liġi kif ukoll kundizzjonijiet u riżorsi xierqa, filwaqt li jenfasizza b'mod partikolari l-ħtieġa li jiżdied l-għarfien espert fil-forensika finanzjarja fl-uffiċċji tal-prosekuturi pubbliċi;

11.  Jistieden lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jagħmlu sforz qawwi biex jimmiraw għall-organizzazzjonijiet kriminali b'mod ġenerali b'żieda mal-każijiet individwali, u b'hekk jistabbilixxu rekord diċenti fil-prosekuzzjoni u l-kundanna ta' kriminali ta' profil għoli; jinnota li l-identifikazzjoni korretta u l-investigazzjoni preċiża tal-attività kriminali bħala "organizzata" huma essenzjali għar-rispons tal-ġustizzja kriminali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet rilevanti jimlew il-lakuni leġiżlattivi li jesponu lill-kollaboraturi fil-ġustizzja u lill-informaturi u jipproteġu lilhom u lill-qraba stretti tagħhom milli jiġu ffastidjati, imħarrka jew mhedda sabiex tiżdied il-kapaċità li jiżmantellaw gruppi kriminali organizzati u jiġġieldu b'suċċess il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata; jinkoraġġixxi skambju tal-aħjar prattiki mal-Istati Membri li kellhom suċċess eċċezzjonali fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata; jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw skemi ta' protezzjoni tax-xhieda, inkluż permezz tar-rilokazzjoni;

12.  Jistieden lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent iżommu rekord sostnut fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus u jfasslu rapporti nazzjonali perjodiċi dwar din il-kwistjoni kif ukoll isaħħu l-kooperazzjoni interistituzzjonali, inkluż fil-ġbir u l-kondiviżjoni tal-intelligence, sabiex jifhmu u jiġġieldu aħjar lill-kriminalità organizzata;

13.  Itenni l-ħtieġa li r-rabtiet politiċi u amministrattivi mal-kriminalità organizzata jinqerdu permezz ta' salvagwardji ċari kontra l-korruzzjoni u prosekuzzjoni effettiva tal-każijiet ta' korruzzjoni ta' profil għoli; jappella lill-UE żżid l-appoġġ għall-konsolidazzjoni ta' amministrazzjonijiet pubbliċi li jkunu bbażati fuq il-mertu; jinsab avżat sew permezz ta' rapporti u akkużi ta' rabtiet bejn personalitajiet politiċi ta' livell għoli u gruppi tal-kriminalità organizzata, filwaqt li s-sistema ġudizzjarja hija ineffettiva biex tindirizza dawn l-allegazzjonijiet; jissottolinja li s-settur tal-kostruzzjoni fil-Balkani tal-Punent huwa fost l-aktar vulnerabbli għall-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni;

14.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-pandemija tal-COVID-19 ġiet sfruttata minn organizzazzjonijiet kriminali, inkluż permezz tal-użu ħażin tal-akkwist pubbliku dirett għal tagħmir u servizzi mediċi essenzjali għall-istrutturi tal-kura tas-saħħa, il-bejgħ ta' ċertifikati ffalsifikati tal-COVID-19 u l-prattika tal-użura li kulma jmur qed tiżdied; jistieden lill-awtoritajiet tal-Balkani tal-Punent jieħdu azzjoni kontra l-vaċċini kontrafatti u l-karti tat-tilqim iffalsifikati; jistieden lill-Kummissjoni torbot l-appoġġ baġitarju ma' objettivi ċari kontra l-korruzzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti mekkaniżmi b'saħħithom biex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni għal dan il-għan;

15.  Ifakkar li l-IPA III jipprevedi kundizzjonalità b'saħħitha u li l-finanzjament irid jiġi modulat jew saħansitra sospiż fil-każ ta' rigressjoni sinifikanti jew nuqqas persistenti ta' progress fil-qasam tal-hekk imsejħa "prinċipji fundamentali", b'mod partikolari fil-qasam tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, inkluża l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata; jenfasizza li huwa fl-interess tas-sigurtà tal-UE stess u r-responsabilità tagħha li tiggarantixxi li l-fondi tal-UE ma jsirux kontroproduttivi billi jsaħħu n-networks klijentelisti ta' politikanti korrotti u negozji privileġġjati;

16.  Jinnota li r-rabtiet bejn il-kriminalità organizzata, il-politika u n-negozji kienu jeżistu qabel ma l-Jugoslavja nqasmet u komplew għaddejjin mis-snin 1990 'il hawn; jikkundanna l-apatija apparenti tal-awtoritajiet responsabbli biex jiftħu l-arkivji ta' dik li kienet il-Jugoslavja; itenni, għalhekk, it-talba tiegħu biex l-arkivji ta' dik li kienet il-Jugoslavja jinfetħu u, b'mod partikolari, biex jingħata aċċess għall-fajls tal-ex Servizz Sigriet tal-Jugoslavja (UDBA) u tas-Servizz Sigriet tal-Armata tal-Poplu tal-Jugoslavja (KOS), u biex il-fajls jintbagħtu lura lill-gvernijiet rispettivi jekk huma dan jitolbuh;

17.  Jissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-intelligence mal-Istati Membri, mas-sħab internazzjonali bħall-Istati Uniti, il-Kanada u r-Renju Unit, u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-NATO, il-GRECO, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u l-UNODC;

18.  Jilqa' l-impenn kostruttiv imġedded tal-Istati Uniti fil-Balkani tal-Punent, inkluża l-konċentrazzjoni tagħhom fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-ordni eżekuttiva tal-Istati Uniti li tissanzjona persuni li jikkontribwixxu għas-sitwazzjoni destabbilizzanti fil-Balkani tal-Punent, kif ukoll l-azzjoni tal-Istati Uniti mmirata lejn individwi u entitajiet għal atti sinifikanti ta' korruzzjoni; jistieden lill-UE tivvaluta bir-reqqa allinjament possibbli ma' tali azzjonijiet;

Tipi speċifiċi ta' kriminalità organizzata

19.  Jinnota li l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent huma pajjiżi ta' oriġini, ta' destinazzjoni u ta' tranżitu għat-traffikar ta' bnedmin, li l-aktar li jinvolvi huma nisa u bniet traffikati għall-isfruttament sesswali; jinnota li t-traffikar ta' bnedmin huwa r-reat bl-ogħla sehem proporzjonali ta' rabtiet mal-kriminalità organizzata; jistieden lill-awtoritajiet rilevanti jiffokaw aktar fuq il-prevenzjoni u t-tisħiħ tar-reżiljenza tal-gruppi li huma vulnerabbli għar-riskji tat-traffikar ta' bnedmin, filwaqt li jissottolinja l-ħtieġa ta' approċċ intersezzjonali li jqis kwistjonijiet ta' ġeneru; jilqa' l-azzjonijiet konġunti mwettqa ma' sħab internazzjonali, inklużi l-Interpol u l-Europol, li wasslu għall-arrest ta' traffikanti suspettati u ta' faċilitaturi ta' dħul klandestin ta' bnedmin;

20.  Jinnota li l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent iservu bħala kuritur ta' tranżitu għall-migranti u r-rifuġjati u li l-movimenti kbar ta' popolazzjonijiet f'dawn l-aħħar snin ħolqu sfida enormi għar-reġjun u għall-Istati Membri; jappella għal sforzi msaħħa fl-indirizzar tal-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti u fil-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuni li jkunu ddaħħlu b'mod klandestin, b'mod partikolari l-minorenni mhux akkumpanjati, u għal skambju akbar ta' informazzjoni u koordinazzjoni msaħħa bejn il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u mal-Istati Membri; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipprovdu aktar assistenza fl-indirizzar ta' dawn il-kwistjonijiet, bħall-appoġġ finanzjarju u tekniku, il-konklużjoni ta' ftehimiet informali u dwar l-istatus u t-trawwim tal-kooperazzjoni permezz tal-Uffiċċju Operattiv Konġunt u l-Pjattaforma Operattiva – ir-Rotta tal-Mediterran tal-Lvant, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet u l-ħtiġijiet tar-Rotta tal-Balkani tal-Punent, kif ukoll permezz ta' assistenza fl-istabbiliment ta' kundizzjonijiet ta' akkoljenza dinjitużi; jappella għal protezzjoni msaħħa tal-fruntieri esterni tal-UE b'kooperazzjoni mal-istati tal-Balkani tal-Punent;

21.  Jissottolinja li l-indirizzar tal-finanzi kriminali huwa kruċjali biex jinkixfu attivitajiet kriminali u għall-prevenzjoni tal-infiltrazzjoni fl-ekonomija legali; jenfasizza li t-trasparenza tas-sjieda benefiċjarja hija għodda politika importanti għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, għat-trażżin tal-flussi finanzjarji illeċiti u għall-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa; jilqa' l-isforzi tal-gvernijiet tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent biex jindirizzaw il-ħasil tal-flus, inkluż permezz tal-adozzjoni ta' oqfsa riveduti dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus; jesprimi tħassib, madankollu, dwar il-fatt li dawn mhumiex qed jiġu implimentati b'mod adegwat; itenni l-ħtieġa li jittejbu b'mod sinifikanti l-infurzar tad-dispożizzjonijiet tad-diliġenza dovuta u t-trasparenza tas-sjieda benefiċjarja, inkluż fis-settur bankarju;

22.  Jinnota bi tħassib is-sehem kbir tal-ekonomija griża (stmata li tiswa aktar minn 30 % tal-PDG tar-reġjun) u pagamenti massivi illeċiti fi flus kontanti madwar il-Balkani tal-Punent; jistieden lill-gvernijiet fir-reġjun jimplimentaw miżuri biex inaqqsu l-informalità, fejn possibbli; jissottolinja li regolamentazzjoni insuffiċjenti tal-attivitajiet bankarji online żżid ir-riskju tal-ħasil tal-flus u jistieden lill-istati tal-Balkani tal-Punent u lill-Kummissjoni jindirizzaw il-kwistjoni tal-armonizzazzjoni internazzjonali u reġjonali fi ħdan il-proċess ta' tkabbir tal-UE;

23.  Jilqa' l-impenn tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu tal-armi ħfief u ta' kalibru żgħir, b'mod partikolari permezz tal-adozzjoni ta' pjan direzzjonali reġjonali fis-Summit UE-Balkani tal-Punent f'Londra, li għandu l-għan li jindirizza l-pussess, l-użu, il-manifattura u t-traffikar illeċitu tal-armi ħfief u ta' kalibru żgħir; jenfasizza, madankollu, li skont il-pjan ta' azzjoni tal-UE 2020-2025 dwar it-traffikar tal-armi tan-nar, il-pussess u t-traffikar illeċiti tal-armi tan-nar jibqgħu kwistjoni serja peress li ħafna armi li jinstabu u jintużaw fil-kriminalità organizzata fl-UE kollha jiġu mir-reġjun; jistieden lis-sitt stati tal-Balkani tal-Punent jinvestu fi programmi biex jappoġġjaw id-diżarm;

24.  Jenfasizza l-ħidma importanti taċ-Ċentru tax-Xlokk u tal-Lvant tal-Ewropa għall-Kontroll tal-Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir (SEESAC) fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-partijiet nazzjonali u reġjonali kkonċernati biex jiġu kkontrollati u mnaqqsa l-proliferazzjoni u l-użu ħażin tal-armi ħfief u ta' kalibru żgħir, u jħeġġeġ aktar kooperazzjoni u koordinazzjoni mal-SEESAC.

25.  Jinnota li s-sitt pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għadhom reġjun ta' tranżitu ewlieni għat-traffikar tad-droga u li l-produzzjoni u t-traffikar tad-droga huma r-reati l-aktar komuni fir-reġjun li għalihom ġew ikkundannati n-nies; jilqa' l-għadd dejjem jikber ta' operazzjonijiet konġunti fil-ġlieda kontra n-narkotiċi; jappella, f'dan ir-rigward, li tiġi intensifikata l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tal-UE bħall-Europol u l-korpi tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; jissottolinja li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jeħtiġilhom jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom biex jimmonitorjaw u jiġġieldu aħjar lit-traffikar tad-droga;

26.  Jinnota ż-żieda fl-attivitajiet kriminali ċibernetiċi organizzati; jilqa' l-isforzi tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent biex jespandu l-kapaċità tagħhom fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità u ż-żieda fil-prosekuzzjonijiet għaċ-ċiberkriminalità; iħeġġeġ lill-UE tassisti lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent bl-għodod u l-mezzi xierqa biex jindirizzaw iċ-ċiberkriminalità u theddid online ieħor, inkluż permezz taċ-Ċentru Ewropew ta' Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà; jissottolinja l-importanza tal-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni manipulattiva b'kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab Ewropej;

27.  Jistieden lill-UE u lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jaħdmu flimkien biex jindirizzaw it-theddid konsistenti u dejjem jikber għall-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali u l-kuntrabandu ta' beni kulturali, speċjalment fiż-żoni ta' kunflitt; iħeġġeġ kooperazzjoni akbar bejn l-aġenziji differenti tal-infurzar tal-liġi, inkluża l-kondiviżjoni immedjata tal-informazzjoni bejn l-aġenziji tal-intelligence nazzjonali, u kooperazzjoni akbar bejn l-infurzar tal-liġi u l-komunitajiet tal-arti u tal-arkeoloġija;

28.  Jinnota li l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu kontra attivitajiet illegali oħra mwettqa minn gruppi tal-kriminalità organizzata, li jinkludu fost l-oħrajn l-isfruttament tax-xogħol, ir-reati ambjentali bħall-qtugħ illegali tas-siġar u l-kaċċa illegali, u l-estorsjoni;

Kooperazzjoni mal-UE (l-Istati Membri u l-aġenziji tagħha) u kooperazzjoni interreġjonali

29.  Jilqa' ż-żieda fil-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u jħeġġeġ lill-UE tkompli tappoġġja l-bini tal-kapaċitajiet fil-Balkani tal-Punent u l-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni mill-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata; jenfasizza li kwalunkwe ftehim ta' kooperazzjoni mal-istrutturi tal-UE jrid jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali u jiżgura livell adegwat ta' protezzjoni tad-data; jistieden lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent isegwu aktar armonizzazzjoni leġiżlattiva mal-acquis tal-UE dwar l-akkwist pubbliku, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, il-ħasil tal-flus u ċ-ċiberkriminalità;

30.  Jirrakkomanda t-tisħiħ tal-istrutturi eżistenti sponsorjati mill-UE bħall-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali biex jiġi żgurat li jkollhom rwol konsistenti fit-tħeġġiġ ta' aktar kooperazzjoni bejn l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent;

31.  Jilqa' l-konklużjoni ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni bejn il-Eurojust u l-Albanija, il-Maċedonja ta' Fuq, il-Montenegro u s-Serbja, kif ukoll l-awtorizzazzjoni biex jinfetħu negozjati mal-Bożnija-Ħerzegovina; iħeġġeġ lill-Kunsill jawtorizza l-ftuħ ta' negozjati għal ftehim simili mal-Kosovo malajr kemm jista' jkun, peress li l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali mal-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent hija kruċjali għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, speċjalment it-traffikar ta' bnedmin u l-kuntrabandu tad-droga, li jikkostitwixxu l-maġġoranza tal-attivitajiet kriminali fir-reġjun; jinnota li l-Eurojust iffaċilitat madwar 200 investigazzjoni kriminali konġunta bejn l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent;

32.  Ifaħħar il-kooperazzjoni b'suċċess mal-prosekuturi ta' kollegament (LPs) mill-Albanija, il-Montenegro, il-Maċedonja ta' Fuq u s-Serbja ssekondati lill-Eurojust biex jipprovdu appoġġ f'investigazzjonijiet transfruntiera li jinvolvu lil pajjiżhom u jenfasizza ż-żieda sinifikanti fil-każijiet trattati wara l-ħatra tal-LPs; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, kooperazzjoni simili mal-bqija tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; jilqa' l-għadd dejjem jikber ta' każijiet fil-kooperazzjoni ġudizzjarja mill-2019 minkejja ċ-ċirkostanzi diffiċli tal-pandemija tal-COVID-19;

33.  Jissottolinja li l-Balkani tal-Punent huma reġjun ta' rilevanza partikolari għall-Europol; jilqa' l-ftehimiet dwar il-kooperazzjoni operattiva bejn il-Europol u ħames pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, kif ukoll l-arranġament ta' ħidma mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Kosovo; jappella għall-implimentazzjoni sħiħa ta' dawn il-ftehimiet u jfaħħar l-operazzjonijiet ta' suċċess immexxija fil-kuntest ta' din il-kooperazzjoni; jilqa' l-ftuħ tal-uffiċċju ta' kollegament tal-Europol fl-Albanija fl-2019 u d-deċiżjoni li jinfetħu uffiċċji ta' kollegament simili fil-Bożnija-Ħerzegovina u fis-Serbja; iħeġġeġ kooperazzjoni simili mal-bqija tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; jissottolinja, barra minn hekk, l-importanza tal-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) u l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF); jistieden lill-UE u lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent biex, f'dan il-kuntest, jistabbilixxu qafas għal kooperazzjoni produttiva bejn l-UPPE u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent sabiex jiġi żgurat li l-UPPE jkun jista' jeżerċita b'mod effettiv il-kompetenzi tiegħu fil-qasam tal-finanzjament tal-UE, b'mod partikolari l-fondi tal-IPA III fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent;

34.  Jilqa' l-ftehimiet ta' ħidma mwettqa mill-Aġenzija tal-UE għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent dwar suġġetti speċifiċi relatati mal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata; jissottolinja l-importanza tat-tisħiħ ulterjuri tal-mekkaniżmi stabbiliti bejn is-CEPOL u r-reġjun tal-Balkani tal-Punent; jieħu nota tar-rapporti speċjalizzati tal-pajjiżi maħruġa mill-GRECO u jissottolinja l-importanza li l-pajjiżi tal-adeżjoni mal-UE jsaħħu l-kooperazzjoni mal-GRECO u jimplimentaw bir-reqqa r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi tiegħu;

35.  Jissottolinja li l-Interpol hija strument importanti fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata; jiddispjaċih għall-fatt li l-Kosovo għadu mhuwiex membru tal-Interpol minkejja d-diversi tentattivi tiegħu; jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw b'mod proattiv l-isforz tal-Kosovo biex jingħaqad mal-organizzazzjoni; jemmen li s-sħubija mal-Interpol għas-sitt pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent tkompli ttejjeb l-effikaċja tal-miżuri li jkollhom fil-mira l-kriminalità transnazzjonali;

36.  Jilqa' d-dħul fis-seħħ tal-ftehimiet dwar il-kooperazzjoni fil-ġestjoni tal-fruntieri bejn l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) u l-Albanija, il-Montenegro u s-Serbja li jippermettu lill-Frontex twettaq operazzjonijiet konġunti f'dawn il-pajjiżi sabiex ittejjeb il-ġestjoni tal-fruntieri tagħhom, tiġġieled il-kriminalità transfruntiera u tikkontrolla l-migrazzjoni irregolari f'konformità mal-istandards internazzjonali u b'rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem; jilqa' l-ftehimiet simili dwar l-istatus mibdija mal-Maċedonja ta' Fuq u l-Bożnija-Ħerzegovina u jappella lill-partijiet kollha javvanzaw ir-ratifika ta' dawn il-ftehimiet mill-aktar fis possibbli u jaħdmu fuq ftehim simili mal-Kosovo; jissottolinja l-ħtieġa li tiġi żviluppata aktar il-kooperazzjoni bejn il-Frontex u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fi kwistjonijiet relatati mal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata;

37.  Itenni l-ħtieġa li tiżdied l-enfasi fuq l-attivitajiet ta' prevenzjoni u l-edukazzjoni, b'mod partikolari l-impatt soċjetali negattiv tal-kriminalità organizzata u t-traffikar ta' bnedmin, tad-droga u tal-armi, kif ukoll fehim xieraq taċ-ċittadinanza, u li tiżdied ir-reżiljenza, filwaqt li tingħata aktar attenzjoni lill-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi, speċjalment fiż-żoni suburbani u rurali, u jiġi pprovdut appoġġ għal inizjattivi lokali biex titnaqqas il-vulnerabbiltà għall-kriminalità u l-korruzzjoni, filwaqt li tiġi enfasizzata l-ħtieġa ta' approċċ intersezzjonali li jqis kwistjonijiet ta' ġeneru; jissottolinja l-importanza tal-bini tal-kapaċitajiet demokratiku fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent, inkluż permezz ta' programmi speċjalizzati u proġetti pilota mmirati lejn it-tisħiħ tad-demokrazija parteċipattiva u d-diskussjoni ta' kwistjonijiet marbuta mal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni;

38.  Jissottolinja l-importanza tal-monitoraġġ tar-rabtiet bejn il-gruppi tal-kriminalità organizzata u l-individwi radikalizzati u l-organizzazzjonijiet terroristiċi; itenni l-importanza tar-rwol tal-UE fil-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u l-ħasil tal-flus; iħeġġeġ aktar kooperazzjoni f'dan ir-rigward, b'mod partikolari permezz tal-appoġġ tal-UE għat-taħriġ ta' esperti finanzjarji fir-reġjun, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-għarfien espert; jilqa' l-fatt li l-parteċipanti tas-Summit tal-Balkani tal-Punent f'Berlin fil-5 ta' Lulju 2021 irrikonoxxew il-ħtieġa ta' rispons minn diversi aġenziji, inkluża l-kooperazzjoni mas-settur privat u s-CSOs, sabiex tiżdied l-effikaċja tal-ħidma konġunta biex jiġu indirizzati l-kriminalità serja u organizzata, il-finanzjament illeċitu, il-korruzzjoni u t-terroriżmu;

39.  Jissottolinja li l-kooperazzjoni reġjonali hija essenzjali biex il-kriminalità organizzata tiġi miġġielda b'mod effettiv; ifaħħar il-ħidma ta' inizjattivi reġjonali eżistenti mmirati lejn it-tisħiħ tar-relazzjonijiet interistituzzjonali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata bejn il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, bħaċ-Ċentru tal-Infurzar tal-Liġi tax-Xlokk tal-Ewropa, u jħeġġeġ aktar kooperazzjoni reġjonali fil-ġlieda aktar effettiva kontra l-kriminalità transfruntiera organizzata;

40.  Ifaħħar ir-rwol tal-inizjattivi reġjonali li jinvolvu lill-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, bħall-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku (EUSAIR), l-Inizjattiva Adrijatika-Jonika, l-Inizjattiva tal-Ewropa Ċentrali, u l-Proċess ta' Berlin; iħeġġeġ kemm lill-Istati Membri tal-UE kif ukoll lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jieħdu sehem f'dawn l-inizjattivi u jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tagħhom;

41.  Jilqa' l-finanzjament taħt l-IPA għal proġetti li jkopru r-reġjun kollu bl-għan li jittejbu l-kapaċitajiet tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata; ifaħħar, b'mod partikolari, il-programm tal-IPA II għall-Protezzjoni tax-Xhieda, li wassal għall-ħolqien tan- ''Network tal-Balkani''; jappella biex din il-kooperazzjoni titkompla u biex is-Sħab tal-Balkani tal-Punent jieħdu s-sjieda biex iżommu n-network ħaj;

42.  Jesprimi appoġġ għall-programm multinazzjonali ffinanzjat mill-IPA ''li jappoġġja amministrazzjoni aktar effettiva tal-ġustizzja fil-każijiet ta' korruzzjoni u kriminalità organizzata fil-Balkani tal-Punent permezz ta' monitoraġġ tal-proċessi'' bħala pass lejn rispons ġudizzjarju aktar effettiv mill-awtoritajiet dwar il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata fil-Balkani tal-Punent; jistieden lill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent biex jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet ifformulati bħala parti mill-evalwazzjonijiet bejn il-pari mill-esperti tal-Istati Membri;

43.  Jemmen li s-sħab tal-Balkani tal-Punent għandhom jinvolvu ruħhom b'mod attiv fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa u għandhom jiġu inklużi f'dibattitu Ewropew usa' dwar l-indirizzar tal-kriminalità organizzata;

44.  Jistieden lid-donaturi internazzjonali jiżguraw koordinazzjoni aħjar tal-programmi varji kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni fil-Balkani tal-Punent sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni u tiżdied l-effikaċja tal-kooperazzjoni internazzjonali f'dawn l-oqsma;

45.  Jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' data kredibbli dwar il-kriminalità organizzata fir-reġjun u jistieden lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent iżidu l-fehim tal-kriminalità organizzata billi jtejbu l-kapaċità tagħhom li jiġbru u jipproċessaw data affidabbli dwar il-kriminalità organizzata; jissottolinja l-ħtieġa ta' riċerka interdixxiplinari aktar fil-fond u approċċ intersezzjonali li jqis kwistjonijiet ta' ġeneru u jħeġġeġ lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jaħdmu flimkien ma' sħab internazzjonali biex jistabbilixxu sistemi nazzjonali tal-istatistika li jirreġistraw u janalizzaw il-kriminalità organizzata sabiex ifasslu aħjar politiki effiċjenti u bbażati fuq l-evidenza għall-prevenzjoni u l-indirizzar tal-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni;

Ir-rwol tas-soċjetà ċivili u l-media

46.  Jissottolinja r-rwol kruċjali tas-CSOs, l-akkademiċi u l-ġurnalisti fil-monitoraġġ tal-ħidma tal-gvernijiet u l-aġenziji ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi u fil-valutazzjoni tar-riżultati miksuba fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata; jinnota li oqfsa legali u istituzzjonali għall-parteċipazzjoni tas-CSOs huma fil-biċċa l-kbira stabbiliti fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent iżda jiddispjaċih li l-potenzjal tagħhom mhux qed jintuża bis-sħiħ u li s-CSOs li jiffokaw fuq il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata f'xi każijiet qed jiffaċċjaw ostilità mill-gvernijiet tagħhom; jitlob li s-CSOs jiġu inklużi aktar fil-proċess leġiżlattiv u li jkunu jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti għal biċċiet ewlenin tal-leġiżlazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet tal-Balkani tal-Punent biex, f'dan il-kuntest, jiżviluppaw, jadottaw u jimplimentaw b'mod urġenti liġijiet aħjar dwar l-aċċess liberu għall-informazzjoni permezz ta' proċessi inklużivi;

47.  Ifaħħar fir-rwol importanti tas-CSOs fit-twettiq ta' ħidma preventiva, fl-appoġġ għal gruppi vulnerabbli, fit-tfassil ta' politiki u fit-teħid ta' rwol ta' sorveljanza meta jkun hemm nuqqas ta' korpi pubbliċi indipendenti; jinsab imħasseb dwar il-kampanji ta' malafama, il-pressjoni u l-atti ta' intimidazzjoni, li jaċċelleraw it-tiċkin tal-ispazju li fih iridu joperaw is-CSOs;

48.  Iħeġġeġ lis-CSOs fil-Balkani tal-Punent jistabbilixxu networks aktar b'saħħithom fost l-atturi tas-soċjetà ċivili, jidentifikaw kontropartijiet lokali li jaħdmu fuq kwistjonijiet simili, u jikkondividu aktar esperjenzi u l-aħjar prattiki bil-ħsieb li jifhmu n-natura u l-kawżi tal-kriminalità organizzata u jappoġġjaw il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni fir-reġjun; jilqa' l-kontributi għall-kampanji ta' komunikazzjoni strateġika mill-partijiet ikkonċernati bħan-Network ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni u n-Network Ewropew ta' Komunikazzjoni Strateġika;

49.  Jinnota li ħafna CSOs jiddependu mill-finanzjament privat u jiffaċċjaw diffikultajiet biex jiġbru biżżejjed fondi biex isostnu l-attivitajiet tagħhom; jirrikonoxxi li l-għotjiet ta' spiss jingħataw għal proġetti ta' żmien qasir u li ftit li xejn hemm appoġġ għal attivitajiet biex tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata; jirrikonoxxi li l-finanzjament fuq terminu qasir iwassal biex il-persunal jiġi ingaġġat biss għal skopijiet speċifiċi għall-proġett, u dan iwassal għal nuqqas ta' standards ta' impjieg stabbli u ftit jipprovdi spazju biex il-persunal jiżviluppa ħiliet ewlenin, għad-detriment tal-ippjanar strateġiku fit-tul;

50.  Ifaħħar il-ħidma prezzjuża tal-ġurnalisti investigattivi li jirrapportaw dwar każijiet ta' profil għoli u jiżvelaw rabtiet bejn il-gruppi tal-kriminalità organizzata, il-politiċi u n-negozji; jikkundanna bil-qawwa l-atti ta' aggressjoni, inklużi l-każijiet ta' qtil immirat, l-intimidazzjoni, id-diskors ta' mibegħda u l-kampanji ta' malafama kontra l-ġurnalisti investigattivi u s-soċjetà ċivili; jinnota bi tħassib partikolari l-każijiet ta' diskors ta' mibegħda u l-kampanji ta' malafama minn uffiċjali tal-istat, Membri Parlamentari u r-rappreżentanti tal-gvernijiet, tal-partiti fil-gvern u tal-media li jkunu proprjetà tal-istat jew parzjalment iffinanzjati minnu; jistieden lill-awtoritajiet u lill-entitajiet tal-infurzar tal-liġi jiżguraw li l-ġurnalisti investigattivi u s-soċjetà ċivili jiġu protetti u jkunu jistgħu jaħdmu mingħajr xkiel u jħeġġeġ li l-forom kollha ta' diskors ta' mibegħda mmirati lejn il-minoranzi u l-gruppi vulnerabbli, speċjalment dawk ta' oriġini nazzjonali jew etnika, jiġu kkastigati; itenni s-sejħa tiegħu lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom mas-soċjetà ċivili, l-NGOs, dawk li jfasslu l-politika u li jkunu orjentati lejn ir-riformi, l-akkademja u l-media indipendenti fuq il-post, u biex isaħħu l-appoġġ tagħhom għalihom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lid-delegazzjonijiet lokali tal-UE jaħdmu flimkien mal-partijiet ikkonċernati lokali biex itejbu l-proċeduri għall-monitoraġġ regolari tal-proċessi tal-każijiet ta' korruzzjoni u ta' kriminalità organizzata;

51.  Jiddispjaċih profondament dwar l-għadd dejjem jikber ta' kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPPs), li spiss jintużaw biex jheddu lill-ġurnalisti u lill-individwi sabiex ma jħalluhomx jikxfu l-għemil ħażin ta' dawk fil-poter; jistieden lill-awtoritajiet tal-Balkani tal-Punent iżidu b'mod sinifikanti l-ħidma tagħhom biex jiżguraw it-trasparenza tas-sjieda tal-media u l-indipendenza tal-kmamar tal-aħbarijiet u jissalvagwardjaw il-libertà tal-media mill-interferenza politika, bħala elementi ewlenin f'soċjetà ħielsa u demokratika li huma essenzjali għas-suċċess tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni;

o
o   o

52.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.

(1) ĠU L 293, 20.11.2018, p. 11.
(2) ĠU C 101, 16.3.2018, p. 47.
(3) ĠU C 362, 8.9.2021, p. 129.

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Marzu 2022Avviż legali - Politika tal-privatezza