Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2021/3020(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0600/2021

Dibattiti :

PV 16/12/2021 - 6.3
CRE 16/12/2021 - 6.3

Votazzjonijiet :

PV 16/12/2021 - 9
PV 16/12/2021 - 15
CRE 16/12/2021 - 9

Testi adottati :

P9_TA(2021)0511

Testi adottati
PDF 134kWORD 48k
Il-Ħamis, 16 ta' Diċembru 2021 - Strasburgu
Ix-xogħol furzat fil-fabbrika Linglong u l-protesti ambjentali fis-Serbja
P9_TA(2021)0511RC-B9-0600/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2021 dwar ix-xogħol furzat fil-fabbrika Linglong u l-protesti ambjentali fis-Serbja (2021/3020(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Serbja,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tas-Serbja, min-naħa l-oħra(1), li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2013, u l-istatus ta' kandidat tagħha,

–  wara li kkunsidra r-rapport dwar is-Serbja għall-2021 ippubblikat mill-Kummissjoni fit-19 ta' Ottubru 2021 (SWD(2021)0288),

–  wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-Serbja jeħtiġilha tiġi ġġudikata, bħal kull pajjiż li jaspira li jsir Stat Membru tal-UE, fuq il-merti tagħha stess f'termini tat-twettiq u l-implimentazzjoni tal-kriterji u l-valuri komuni meħtieġa għall-adeżjoni u l-konformità magħhom;

B.  billi d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt huma valuri fundamentali li fuqhom hija msejsa l-UE u jinsabu fil-qalba tal-proċessi ta' tkabbir, stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni; billi r-riformi sostenibbli huma meħtieġa biex jiġu indirizzati l-isfidi sinifikanti li jibqgħu f'dawn l-oqsma;

C.  billi jeħtieġ li s-Serbja tiżviluppa rekord irriversibbli fl-aderenza, ir-rispett u d-difiża tal-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

D.  billi l-libertà ta' espressjoni u l-indipendenza tal-media jibqgħu tħassib serju li jeħtieġ li jiġi indirizzat bħala kwistjoni prijoritarja;

E.  billi s-Serbja qed iżżid l-għadd ta' kuntratti li għandha ma' industrijalisti Ċiniżi ewlenin u qed tagħti liċ-Ċina dejjem aktar privileġġi legali, anke meta dawn imorru kontra d-dritt tal-UE; billi l-ftehim bejn Belgrad u Beijing dwar l-impjieg ta' barranin jippermetti li l-liġi tax-xogħol Ċiniża tiġi applikata fis-Serbja; billi f'Marzu 2021, kien hemm rapporti fl-istampa ta' trattament ħażin ta' impjegati tal-kumpanija Ċiniża Zijin Mining, li ħadet f'idejha minjiera tar-ram fil-Lvant tas-Serbja fl-2018, filwaqt li ġew imċaħħda mill-passaporti tagħhom u miżmuma f'kundizzjonijiet prekarji;

F.  billi kien hemm allegazzjonijiet serji kontra l-kumpanija Ċiniża għall-produzzjoni tat-tajers Linglong Tire f'Zrenjanin, fit-Tramuntana tas-Serbja, rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' 500 ħaddiem mill-Vjetnam; billi dawn l-allegazzjonijiet jinkludu ksur tad-drittijiet tal-bniedem, traffikar tal-bnedmin u kundizzjonijiet li jistgħu jipperikolaw is-saħħa u l-ħajja tal-bniedem; billi l-passaporti tal-ħaddiema ġew ikkonfiskati; billi l-kuntratti tal-impjegati fil-fabbrika Linglong Tire jinkludu irregolaritajiet li jindikaw li l-isfruttament tal-ħaddiema seħħ fir-rigward tas-salarji, il-liv u s-sigħat tax-xogħol, bi ksur tar-regolamenti applikabbli tal-Liġi tax-Xogħol tas-Serbja;

G.  billi reċentement ġew irrappurtati protesti ambjentali mifruxa madwar is-Serbja fl-isfond tal-adozzjoni mgħaġġla ta' żewġ liġijiet, il-Liġi dwar ir-Referenda u l-Inizjattiva tal-Poplu u l-Liġi dwar l-Esproprjazzjoni tal-Art; billi din l-aħħar liġi titqies li tiftaħ spazju għal proġetti kontroversjali ta' investiment barrani, bħall-minjiera ta' Rio Tinto, b'impatt qawwi fuq l-ambjent; billi ċ-ċittadini tas-Serbja eżerċitaw id-dritt fundamentali tal-bniedem tagħhom għal assemblea paċifika; billi allegazzjonijiet qawwija enfasizzaw li l-forzi tal-pulizija kisru l-obbligu tagħhom li jipproteġu l-ħajjiet, id-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadini, kif ukoll il-protezzjoni tal-istat tad-dritt; billi l-pulizija użaw ammont serju ta' forza u arrestaw lil diversi dimostranti; billi d-dimostranti ġew attakkati minn gruppi armati, ħuligans u buldowżers mhux identifikati;

H.  billi l-Gvern Serb ħa deċiżjoni li jirtira l-Liġi dwar l-Esproprjazzjoni tal-Art mill-proċedura parlamentari wara li l-President irritornaha għal kunsiderazzjoni mill-ġdid; billi l-gvern se janalizza l-liġi u jintroduċi bidliet wara dibattitu pubbliku wiesa'; billi fl-10 ta' Diċembru 2021, l-assemblea nazzjonali adottat emendi għal-Liġi dwar ir-Referenda u l-Inizjattiva tal-Poplu li jirreferu għaċ-ċertifikazzjoni tal-firem u l-abolizzjoni tal-miżata għall-verifika tal-firem;

I.  billi kemm il-fabbrika Linglong Tire kif ukoll il-protesti ambjentali jinvolvu allegazzjonijiet ta' intimidazzjoni u attakki fiżiċi kontra l-ħaddiema tal-media, l-attivisti, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs);

J.  billi l-ġabra ta' kapitoli nru. 4 fin-negozjati tal-adeżjoni mas-Serbja nfetaħ fl-14 ta' Diċembru 2021 f'konferenza intergovernattiva;

1.  Jesprimi tħassib serju dwar l-allegazzjonijiet dwar xogħol furzat, ksur tad-drittijiet tal-bniedem u traffikar tal-bnedmin ta' madwar 500 persuna Vjetnamiża fis-sit ta' kostruzzjoni tal-fabbrika Ċiniża Linglong Tire fis-Serbja;

2.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jinvestigaw il-każ bir-reqqa u jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem fil-fabbrika, speċjalment id-drittijiet tax-xogħol, jipprovdu lill-UE l-konklużjonijiet tal-investigazzjonijiet tagħhom u jżommu responsabbli lill-awturi; jistieden lill-awtoritajiet Serbi jippermettu lil NGOs, OSĊ, uffiċjali tal-UE u uffiċjali minn organizzazzjonijiet internazzjonali oħra aċċess liberu, sinifikanti u mingħajr xkiel għall-fabbrika Linglong Tire f'Zrenjanin u l-faċilitajiet ta' akkomodazzjoni tal-ħaddiema Vjetnamiżi; iħeġġeġ lid-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika tas-Serbja ssegwi mill-qrib dawn il-proċessi u d-destin tal-500 ħaddiem Vjetnamiż;

3.  Jistieden lis-Serbja ttejjeb l-allinjament mal-liġi tax-xogħol tal-UE, tadotta liġi ġdida dwar id-dritt tal-istrajkjar, tindirizza x-xogħol mhux iddikjarat u temenda l-liġi dwar is-sorveljanza tal-ispezzjonijiet biex tikkonforma mal-konvenzjonijiet rilevanti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol li ġew ratifikati minnha;

4.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar problemi serji bil-korruzzjoni u l-istat tad-dritt fil-qasam tal-ambjent, dwar in-nuqqas ġenerali ta' trasparenza u dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali u soċjali tal-proġetti infrastrutturali, inkluż minn investimenti u self Ċiniżi kif ukoll minn kumpaniji multinazzjonali bħal Rio Tinto; jinnota, f'dan il-kuntest, il-ftuħ tal-ġabra ta' kapitoli nru. 4 "L-Aġenda ekoloġika u l-konnettività sostenibbli" fin-negozjati tal-adeżjoni mal-UE; jistieden lill-UE u lill-awtoritajiet Serbi jsegwu t-tħassib leġittimu espress fil-protesti ambjentali u jindirizzaw b'mod urġenti dawn il-problemi matul in-negozjati;

5.  Jesprimi tħassib dwar l-influwenza dejjem ikbar taċ-Ċina fis-Serbja u fil-Balkani tal-Punent; jistieden lis-Serbja ssaħħaħ l-istandards ta' konformità legali tagħha għall-attivitajiet kummerċjali Ċiniżi; jenfasizza li l-liġijiet tax-xogħol u dawk ambjentali Serbi għandhom japplikaw ukoll għall-kumpaniji Ċiniżi li joperaw fil-pajjiż;

6.  Jesprimi tħassib serju dwar il-vjolenza dejjem tiżdied minn gruppi estremisti u ħuligans kontra protesti ambjentali paċifiċi; jiddispjaċih għall-ammont ta' forza użata mill-pulizija kontra d-dimostranti; jikkundanna l-imġiba vjolenti tal-ħuligans lejn dimostranti paċifiċi; jikkundanna bil-qawwa kwalunkwe ksur tad-dritt fundamentali għal assemblea paċifika; jenfasizza li l-libertà tal-għaqda hija dritt tal-bniedem; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jinvestigaw kif xieraq każijiet reċenti ta' protesti tal-massa li matulhom il-forza tal-pulizija allegatament marret lilhinn mill-awtorità tagħha jew naqset milli tipproteġi lid-dimostranti mill-vjolenza u tipproteġi d-dritt tal-bniedem tagħhom għal assemblea paċifika; jistieden lill-awtoritajiet Serbi jikkundannaw pubblikament l-azzjonijiet ta' dawn il-ħuligans kontra d-dimostranti;

7.  Jikkundanna wkoll, f'dan il-kuntest, ir-rwol tal-gruppi tal-ħuligans fil-protezzjoni tat-tpinġija tal-pittura fuq il-ħajt tal-kriminal tal-gwerra ssentenzjat Ratko Mladić f'Belgrad, u l-inċidenti korrispondenti li kixfu rabtiet mill-qrib bejn il-ħuligans u l-pulizija; jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' rieda evidenti tal-awtoritajiet li jiżguraw it-tneħħija permanenti tat-tpinġija, li jmur kontra kemm ix-xewqat tal-kerrejja kif ukoll id-deċiżjonijiet muniċipali formali;

8.  Jesprimi tħassib dwar iż-żmien u l-ispazju limitati disponibbli għal dibattitu miftuħ dwar il-Liġi dwar ir-Referenda u l-Inizjattiva tal-Poplu u l-emendi għal-Liġi dwar l-Esproprjazzjoni tal-Art; jieħu nota tad-deċiżjoni li tiġi rtirata u kkunsidrata mill-ġdid il-Liġi dwar l-Esproprjazzjoni tal-Art u l-emendi adottati għal-Liġi dwar ir-Referenda u l-Inizjattiva tal-Poplu;

9.  Jiddispjaċih dwar ix-xejriet fit-tul tal-preġudizzji tal-media u l-konfużjoni fl-attivitajiet tal-uffiċjali tal-istat, tal-pulizija u tal-politiċi tal-partiti; jiddispjaċih għad-deterjorament tal-libertà tal-midja u ż-żieda fil-lingwaġġ abbużiv, l-intimidazzjoni u saħansitra d-diskors ta' mibegħda lejn membri tal-oppożizzjoni parlamentari, intellettwali indipendenti, NGOs, ġurnalisti u individwi prominenti, inkluż minn membri tal-partiti fil-gvern, li r-responsabbiltà tagħhom li jaġixxu fir-rigward tar-rappreżentanti kollha tal-midja hija tal-ikbar importanza; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jieħdu miżuri immedjati biex jiggarantixxu l-libertà ta' espressjoni u l-indipendenza tal-midja u jiżguraw li jiġu investigati b'mod xieraq dawn il-każijiet;

10.  Jinnota bi tħassib li l-ħidma tal-OSĊ u l-NGOs issir f'ambjent mhux miftuħ għall-kritika; jiddeplora l-attakki reċenti fuq il-mexxejja tal-Oppożizzjoni Magħquda tas-Serbja, Marinika Tepić, abbażi tal-oriġini etnika tagħha, li seħħew fuq stazzjon televiżiv sponsorjat mill-gvern; jistieden lill-awtoritajiet Serbi jiġġieldu l-ispazju li qed jiċkien għas-soċjetà ċivili u l-midja indipendenti u jiżguraw li jkunu jistgħu jaħdmu ħielsa minn kull restrizzjoni, inklużi l-intimidazzjoni jew il-kriminalizzazzjoni ta' dawn l-organizzazzjonijiet; iħeġġeġ lill-awtoritajiet irawmu atmosfera propizja għall-ħidma tal-OSĊ kollha malajr kemm jista' jkun;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom mas-soċjetà ċivili, l-NGOs u l-media indipendenti fuq il-post, u biex isaħħu l-appoġġ tagħhom għalihom; itenni l-appoġġ tiegħu għall-ħidma tal-fondazzjonijiet politiċi demokratiċi Ewropej fit-tisħiħ tal-proċessi demokratiċi tas-Serbja u fit-trawwim ta' ġenerazzjoni ġdida ta' mexxejja politiċi;

12.  Jistieden lill-gvern Serb jaħdem fuq riformi fundamentali effettivi u verifikabbli, u jindirizza r-riformi u n-nuqqasijiet strutturali fl-oqsma tal-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali, il-libertà tal-midja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi u l-amministrazzjoni pubblika;

13.  Jilqa' l-fatt li s-sħubija mal-UE għadha l-għan strateġiku tas-Serbja u li hija fost il-prijoritajiet tal-gvern; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jikkomunikaw b'mod aktar attiv u mhux ambigwu l-impenn tagħhom favur il-valuri tal-UE fid-dibattitu pubbliku u jistenna impenn ċar u mhux ambigwu mis-Serbja, kemm permezz tal-kliem kif ukoll tal-atti, jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-proċess tal-adeżjoni mal-UE b'mod viżibbli u verifikabbli;

14.  Jistenna li l-ftuħ tan-negozjati dwar il-ġabra ta' kapitoli nru. 4 dwar l-aġenda ekoloġika u l-konnettività sostenibbli, (il-Kapitoli 14, 15, 21 u 27) se jitwettaq permezz ta' spinta mġedda biex jiġu implimentati bis-sħiħ l-istandards tal-UE;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tas-Serbja.

(1) ĠU L 278, 18.10.2013, p. 16.

Aġġornata l-aħħar: 24 ta' Frar 2022Avviż legali - Politika tal-privatezza