Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2021 dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa (2021/3000(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Nikaragwa, u b'mod partikolari dik tat-8 ta' Lulju 2021 dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa(1),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) f'isem l-UE, u b'mod partikolari dik tat-8 ta' Novembru 2021 dwar in-Nikaragwa,
– wara li kkunsidra l-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Amerka Ċentrali, min-naħa l-oħra(2) (il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerka Ċentrali),
– wara li kkunsidra r-regolamenti u d-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar miżuri restrittivi kontra ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u abbużi fin-Nikaragwa u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta' Ottubru 2021 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2019/1720 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fin-Nikaragwa, li ġeddet is-sanzjonijiet sal-15 ta' Ottubru 2022(3),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta ta' 59 pajjiż dwar in-Nikaragwa, adottata fit-22 ta' Ġunju 2021 fl-okkażjoni tas-47 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,
– wara li kkunsidra l-aġġornament orali mogħti mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet, fl-okkażjoni tat-48 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-13 ta' Settembru 2021 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) tat-12 ta' Novembru 2021 dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa,
– wara li kkunsidra l-azzjoni presidenzjali tal-President tal-Istati Uniti Biden tas-16 ta' Novembru 2021 bit-titlu "A Proclamation on Suspension of Entry as Immigrants and Non-immigrants of Persons Responsible for Policies or Actions That Threaten Democracy in Nicaragua" ("Proklamazzjoni dwar is-Sospensjoni tad-Dħul bħala Immigranti u Mhux Immigranti ta' Persuni Responsabbli minn Politiki jew Azzjonijiet Li Jheddu d-Demokrazija fin-Nikaragwa"),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR), b'mod partikolari dik tal-10 ta' Novembru 2021 li fiha tikkundanna l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem irrappurtat waqt l-elezzjonijiet fin-Nikaragwa, u dik tal-20 ta' Novembru 2021 li fiha tisħaq fuq il-ġuriżdizzjoni kompetenti tagħha fir-rigward tan-Nikaragwa u tiddeplora d-deċiżjoni tan-Nikaragwa li tiddenunzja l-Karta tal-OAS f'kuntest ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-OAS tat-8 ta' Diċembru 2021 dwar l-eżitu tad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill Permanenti tad-29 ta' Novembru 2021 dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Reġjonali dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku u l-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali fl-Amerka Latina u l-Karibew, iffirmat f'Escazú, il-Costa Rica, fl-4 ta' Marzu 2018,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fis-7 ta' Novembru 2021, ir-reġim ta' Ortega orkestra farsa biex jipprova jagħti l-impressjoni ta' proċess elettorali fin-Nikaragwa, li la kien ħieles u lanqas ġust, u li kien totalment antidemokratiku, illeġittimu u vvizzjat;
B. billi l-President fil-kariga, Daniel Ortega, li ilu jmexxi l-pajjiż mill-2007, reġa' eleġġa lilu nnifsu għall-ħames mandat – ir-raba' mandat konsekuttiv tiegħu – b'madwar 75 % tal-voti mitfugħa u b'parteċipazzjoni elettorali ta' 65 %, skont il-Kunsill Elettorali Suprem; billi osservazzjonijiet kredibbli magħmula mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fin-Nikaragwa kkalkulaw li l-parteċipazzjoni kienet ħafna aktar baxxa, u li r-rata ta' astensjoni kienet ta' madwar 81,5 %;
C. billi Daniel Ortega ta struzzjonijiet lill-awtoritajiet l-oħra kollha tan-Nikaragwa biex jimmobilizzaw ir-riżorsi kollha disponibbli biex jimmanipulaw l-eżitu tal-proċess; billi bejn Mejju u Novembru 2021 l-awtoritajiet tan-Nikaragwa effettivament eliminaw il-kompetizzjoni elettorali kredibbli kollha u farrku l-integrità tal-proċess elettorali b'inkarċerazzjoni arbitrarja sistematika, fastidju u intimidazzjoni fil-konfront ta' seba' prekandidati presidenzjali u madwar 40 mexxej tal-oppożizzjoni, mexxejja studenteski u rurali, ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u rappreżentanti ta' impriżi; billi dawk li ġew arrestati arbitrarjament qed jiffaċċjaw allegazzjonijiet kriminali vvintati, politikament motivati u ambigwi mingħajr ebda evidenza fi proċess imtappan minn ksur serju ta' garanziji proċedurali, li juri n-nuqqas ta' indipendenza tal-ġudikatura; billi l-Kunsill Elettorali Suprem immexxi mir-reġim irrevoka l-personalità ġuridika tal-partiti indipendenti kollha tal-oppożizzjoni, inklużi seba' prekandidati presidenzjali;
D. billi skont l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, f'jum l-elezzjoni ġew irreġistrati 285 att ta' vjolenza politika u atti ta' koerċizzjoni elettorali, inklużi atti ta' intimidazzjoni, fastidju, theddid u rikatt li prinċipalment kienu mmirati lejn il-ħaddiema tal-istat, l-impjegati tas-settur pubbliku, l-istudenti u l-persunal mediku biex iġegħluhom jivvutaw; billi r-reġim tan-Nikaragwa ċaħħad lill-poplu mid-drittijiet ċivili u politiċi tiegħu u mil-libertà tal-espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' assemblea paċifika, ipprojbixxa għexieren ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ma rrispettax l-impenji tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali skont il-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa, il-Karta Demokratika Inter-Amerikana u l-patti internazzjonali li l-pajjiż huwa firmatarju tagħhom;
E. billi r-reġim attakka u ffoka dejjem aktar fuq il-ġurnaliżmu, il-libertà tal-istampa u d-dritt għall-informazzjoni; billi seba' organizzazzjonijiet tal-istampa internazzjonali ma tħallewx jidħlu fil-pajjiż biex jirrappurtaw dwar dawn l-elezzjonijiet frawdolenti; billi assoċjazzjonijiet tal-ġurnaliżmu indipendenti rrappurtaw tal-anqas 52 attakk fil-konfront ta' ġurnalisti indipendenti bejn il-25 ta' Ottubru u s-7 ta' Novembru 2021; billi fis-7 ta' Novembru 2021 ġew akkreditati biss organizzazzjonijiet tal-istampa uffiċjali, bi ksur tad-dritt għall-informazzjoni u l-libertà tal-espressjoni, li wassal għal aktar ċensura u blackout medjatiku; billi hemm xejriet repressivi simili fil-konfront ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent, nisa u attivisti LGBTIQ, mexxejja soċjali u politiċi, imprendituri, avukati u persunal mediku u tal-NGOs, fost l-oħrajn;
F. billi bejn it-3 u s-7 ta' Novembru 2021 ġew irrappurtati mal-35 detenzjoni arbitrarja fil-pajjiż; billi disgħa biss mill-priġunieri nħelsu u 26 għadhom miżmuma l-ħabs; billi dan ifisser li tal-anqas 170 persuna qed jinżammu arrestati b'mod arbitrarju; billi dan il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, allegatament imwettaq l-aktar minn uffiċjali tal-pulizija, uffiċjali muniċipali, aġenti parastatali u gruppi ċivili organizzati bħala sostenituri tal-milizzji, żdied fil-jiem ta' qabel dawn l-elezzjonijiet frawdolenti;
G. billi r-rapport tal-IACHR ta' Ottubru 2021 jgħid li, fin-Nikaragwa, ġie stabbilit stat "tal-pulizija" permezz ta' repressjoni, korruzzjoni, frodi elettorali u impunità strutturali ppjanati mill-gvern biex jipperpetwa postu fil-poter u jżomm il-privileġġi u l-immunitajiet tiegħu;
H. billi diversi organizzazzjonijiet internazzjonali u aktar minn 40 pajjiż esprimew diżapprovazzjoni qawwija għall-elezzjonijiet li saru fin-Nikaragwa u rrifjutaw li jirrikonoxxuhom bħala demokratiċi;
I. billi f'dawn l-aħħar snin ir-reġim tan-Nikaragwa adotta liġijiet dejjem aktar restrittivi, li istituzzjonalizzaw ir-repressjoni u llegalizzaw l-atti li twettqu fil-pajjiż minn meta ġew adottati; billi n-Nikaragwa nbidlet f'repubblika tat-terrur, b'aktar minn 140 000 ċittadin obbligati jfittxu rifuġju fl-eżilju u jgħixu f'kundizzjonijiet soċjoekonomiċi diffiċli ħafna;
J. billi r-reġim tan-Nikaragwa ddeforesta u qered it-territorji ta' popli indiġeni u ta' dixxendenza Afrikana permezz ta' konċessjonijiet lil kumpaniji minerarji u appoġġ għall-insedjamenti; billi fl-2020 fin-Nikaragwa nqatlu 12-il mexxej ta' movimenti ambjentali, għall-kuntrarju ta' ħamsa fl-2019, li jagħmel il-pajjiż l-aktar wieħed perikoluż per capita għad-difensuri tal-art u tal-ambjent fl-2020; billi l-omiċidji u l-aggressjonijiet imwettqa minn Jannar 2020 b'rabta ma' tilwim territorjali u kontra persuni indiġeni fin-Nikaragwa – inkluż il-qtil ta' disa' persuni indiġeni fit-23 ta' Awwissu 2020 u l-abbuż sesswali fil-konfront ta' żewġ nisa f'attakk relatat ma' tilwim dwar l-art fuq l-estrazzjoni tad-deheb fis-Sauni – qed ikomplu għaddejjin b'impunità, speċjalment fir-Reġjun Awtonomu tal-Kosta tal-Karibew tat-Tramuntana;
1. Jikkundanna l-farsa elettorali orkestrata mir-reġim Ortega-Murillo fis-7 ta' Novembru 2021, li fiha nkisru l-istandards demokratiċi internazzjonali kollha għal elezzjonijiet kredibbli, inklużivi, ġusti u trasparenti; jirrifjuta l-leġittimità tar-riżultati ta' dawn l-elezzjonijiet foloz u, għaldaqstant, il-leġittimità demokratika ta' kwalunkwe awtorità istituzzjonali li tirriżulta minn din il-votazzjoni mbagħbsa; jappoġġja d-dikjarazzjonijiet li jaffermaw li b'dawn l-elezzjonijiet ġiet ikkompletata l-konverżjoni tan-Nikaragwa f'reġim awtokratiku;
2. Jistieden lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa jiddefendu u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u jippermettu lill-poplu tan-Nikaragwa jeżerċita d-drittijiet ċivili u politiċi tiegħu; jappella biex isiru elezzjonijiet f'konformità mal-istandards internazzjonali u l-Karta Demokratika Inter-Amerikana biex jiġi żgurat li jitwettqu l-aspirazzjonijiet demokratiċi tal-poplu tan-Nikaragwa, u jitlob li l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jingħataw aċċess għall-pajjiż mingħajr restrizzjonijiet;
3. Jafferma mill-ġdid is-solidarjetà tiegħu mal-poplu tan-Nikaragwa u jikkundanna l-vjolenza, ir-repressjoni sistematika fuq il-mexxejja politiċi tal-oppożizzjoni, is-soppressjoni ta' atturi tas-soċjetà ċivili, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u organi tal-istampa, kif ukoll il-familjari tagħhom, u partikolarment l-imwiet ikkawżati, u l-impunità mifruxa għar-reati mwettqa fil-konfront tagħhom, kif ukoll il-korruzzjoni persistenti min-naħa tal-uffiċjali tar-reġim tan-Nikaragwa; ifakkar li dawn l-atti jirrappreżentaw ksur ċar tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt u juru n-nuqqas kontinwu tal-President Daniel Ortega, il-Viċi President Rosario Murillo u l-uffiċjali tar-reġim tan-Nikaragwa li jiddefendu tali prinċipji u valuri;
4. Itenni l-appell tiegħu għall-ħelsien immedjat u inkondizzjonat tal-priġunieri politiċi, l-attivisti tal-oppożizzjoni, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent u l-ġurnalisti kollha detenuti b'mod arbitrarju, u għall-annullament tal-proċedimenti ġudizzjarji mibdija fil-konfront tagħhom; jikkundanna l-abbuż psikoloġiku u fiżiku kontinwu li jiffaċċjaw mill-pulizija u l-awtoritajiet tal-ħabs, li n-nisa b'mod partikolari huma fil-mira tagħhom, u l-iżolament li wħud jinżammu fih, mingħajr aċċess għall-avukati u l-familji tagħhom jew għal kura medika; ifakkar li n-Nikaragwa jeħtieġlu jikkonforma mar-Regoli Standard Minimi tan-NU dwar it-Trattament tal-Priġunieri (ir-Regoli Nelson Mandela), li jibqa' obbligu skont id-dritt internazzjonali; jesiġi li r-reġim jagħti prova immedjata li dawk li jinsabu l-ħabs għadhom ħajjin, kif ukoll evidenza ta' fejn jinsabu; jikkundanna d-deċiżjoni tar-reġim ta' Ortega li jiffriża l-proċessi ġudizzjarji kontrihom, li jirriżulta fl-arrest preventiv indefinit tagħhom;
5. Jitlob ġustizzja u obbligu ta' rendikont għall-vittmi kollha, f'konformità mal-liġijiet, l-impenji u l-obbligi internazzjonali tan-Nikaragwa, permezz ta' investigazzjonijiet imparzjali, dettaljati u indipendenti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa jwettqu riformi strutturali profondi biex jiġu żgurati garanziji legali minimi u proċess ġust; jikkundanna, barra minn hekk, iż-żieda fil-vjolenza u l-intimidazzjonijiet imġarrba minn difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, persuni LGBTIQ, nisa u attivisti indiġeni fil-pajjiż, inklużi l-femminiċidji; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa jtemmu r-repressjoni u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u jerġgħu jistabbilixxu r-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment bir-revoka tal-liġijiet restrittivi u illeġittimi kollha u r-riintroduzzjoni tal-personalità ġuridika tal-organizzazzjonijiet tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw il-ħolqien ta' investigazzjoni u mekkaniżmu ta' obbligu ta' rendikont fi ħdan il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;
6. Itenni li l-unika soluzzjoni għall-kriżi politika profonda fin-Nikaragwa hija djalogu nazzjonali inklużiv u sinifikattiv, u jiddeplora d-diżimpenn ripetut u n-nuqqas ta' volontà min-naħa tar-reġim tan-Nikaragwa f'dan is-sens; jinnota li l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet ħielsa, ġusti u trasparenti, ir-restawr tal-istat tad-dritt u l-libertajiet, il-waqfien tar-repressjoni u l-biża', il-ħelsien tal-priġunieri politiċi miżmuma arbitrarjament, ir-ristabbiliment tal-istatus legali tal-partiti politiċi li ġew ikkanċellati b'mod arbitrarju, ir-ritorn tal-eżiljati mingħajr esklużjonijiet u b'garanziji sħaħ u r-ritorn tal-korpi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż huma kundizzjonijiet sine qua non għal kwalunkwe djalogu mar-reġim tan-Nikaragwa; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jakkumpanjaw l-isforzi attwali u futuri tas-soċjetà ċivili biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal djalogu li jwassal għal tranżizzjoni demokratika, bi qbil ma' dak li ġie stabbilit fil-ftehimiet ta' Marzu 2019;
7. Jappoġġja d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ li jikkunsidra l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tal-UE biex jittieħdu miżuri addizzjonali, inklużi dawk li jistgħu jmorru lil hinn minn restrizzjonijiet individwali, filwaqt li kemm jista' jkun jiġu evitati miżuri li jistgħu jżidu t-tbatija tal-poplu tan-Nikaragwa; jilqa' l-inklużjoni ta' Rosario Murillo, flimkien ma' persuni oħrajn, fil-lista ta' individwi ssanzjonati li ġiet imġedda sa Ottubru 2022; jitlob li Daniel Ortega jiżdied minnufih mal-lista ta' individwi ssanzjonati;
8. Jenfasizza li l-korruzzjoni li minnha tibbenefika direttament il-familja Ortega-Murillo u l-patrijmonjaliżmu tar-reġim tan-Nikaragwa, li tinkludi wkoll il-qerda tar-riżorsi naturali tal-pajjiż huma endemiċi u mifruxa u qed iwasslu lill-pajjiż għal kollass ekonomiku u umanitarju; jirrimarka li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom ikomplu bl-assistenza umanitarja tagħhom biex jappoġġjaw lill-aktar persuni vulnerabbli, filwaqt li jesploraw miżuri alternattivi biex tiġi indirizzata l-korruzzjoni mifruxa; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, f'dan ir-rigward, jaraw li l-fondi Ewropej allokati, inkluż permezz ta' istituzzjonijiet multilaterali u finanzjarji, ma jikkontribwixxux għat-tisħiħ tal-korruzzjoni tar-reġim;
9. Jesprimi x-xokk kbir tiegħu quddiem iż-żieda fil-kriminalizzazzjoni u l-persekuzzjoni tad-difensuri tal-ambjent fin-Nikaragwa; jikkundanna l-attakki u l-aggressjonijiet kontinwi fil-konfront tal-poplu indiġenu tan-Nikaragwa; jistieden lill-Gvern tan-Nikaragwa jirrispetta l-obbligi tiegħu skont il-Ftehim ta' Escazú;
10. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsegwu mill-qrib is-sitwazzjoni fil-post permezz tar-rappreżentanti u l-ambaxxati tagħhom fin-Nikaragwa, inkluż permezz ta' monitoraġġ tal-proċessi fil-qrati u billi jżuru lil dawk li jikkritikaw il-gvern u lill-mexxejja tal-oppożizzjoni fil-ħabs jew taħt arrest domiċiljari, jiffaċilitaw il-ħruġ ta' viżi ta' emerġenza u joffru rifuġju temporanju għal raġunijiet politiċi fl-Istati Membri; jissottolinja u jfaħħar ir-rwol kruċjali tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent u l-ġurnalisti fin-Nikaragwa; jitlob li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jsaħħaħ id-djalogu regolari tiegħu mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jsaħħaħ il-mekkaniżmi ta' appoġġ għall-ħidma indispensabbli tagħhom;
11. Jiddeplora d-denunzja tal-Karta tal-OAS maħruġa fid-19 ta' Novembru 2021 mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin tan-Nikaragwa, u jenfasizza li din id-deċiżjoni tagħlaq ukoll l-aċċess tal-pajjiż għall-finanzjament mill-Bank għall-Iżvilupp Inter-Amerikan u timplika li n-Nikaragwa qed tirtira mill-mekkaniżmi reġjonali tal-OAS għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar li minkejja r-rinunzja tal-Karta, in-Nikaragwa għadha marbuta bl-obbligi tagħha fir-rigward ta' strumenti oħra tal-OAS, inkluża l-Konvenzjoni Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jissottolinja li dan l-irtirar jista' jieħu sa sentejn biex jidħol fis-seħħ;
12. Jistieden lill-komunità internazzjonali u lis-sħab demokratiċi tal-istess fehma jżidu l-pressjoni politika tagħhom fuq ir-reġim tan-Nikaragwa b'mod koordinat f'fora multilaterali sabiex jgħinu u jikkontribwixxu għal tranżizzjoni rapida biex il-poplu tan-Nikaragwa jkun jista' jirkupra bis-sħiħ l-ordni demokratiku u s-sovranità popolari;
13. Jiddispjaċih li fl-10 ta' Diċembru 2021 ir-reġim tan-Nikaragwa qata' r-rabtiet diplomatiċi mat-Tajwan, pajjiż demokratiku, biex ifittex l-appoġġ tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, stat totalitarju;
14. Ifakkar li, fid-dawl tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerka Ċentrali, in-Nikaragwa jeħtiġilha tirrispetta u tikkonsolida l-prinċipji tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem; itenni t-talba tiegħu li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi attwali, tiskatta l-klawżola demokratika tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni;
15. Itenni l-appell tiegħu għall-estradizzjoni immedjata ta' Alessio Casimirri lejn l-Italja;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lill-Parlament tal-Amerka Ċentrali, lill-Grupp ta' Lima, kif ukoll lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tan-Nikaragwa.