Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2021 dwar is-sitwazzjoni fil-fruntiera Ukrena u fit-territorji okkupati mir-Russja tal-Ukrajna (2021/3010(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u r-rapporti preċedenti tiegħu dwar l-Ukrajna u r-Russja,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-NU, il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,
– wara li kkunsidra l-Att Finali ta' Ħelsinki tal-1 ta' Awwissu 1975 u d-dokumenti sussegwenti tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Karta ta' Pariġi għal Ewropa Ġdida tad-19-21 ta' Novembru 1990,
– wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Minsk tad-19 ta' Settembru 2014 u l-pakkett ta' miżuri għall-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Minsk, adottati u ffirmati f'Minsk fit-12 ta' Frar 2015, u approvati uffiċjalment f'daqqa bir-riżoluzzjoni 2202 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tas-17 ta' Frar 2015,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, u b'mod partikolari t-Titolu II tiegħu dwar id-djalogu politiku u l-konverġenza fil-qasam tal-affarijiet barranin u s-sigurtà(1),
– wara li kkunsidra l-ewwel djalogu bejn l-UE u l-Ukrajna dwar iċ-ċibersigurtà li sar fit-3 ta' Ġunju 2021,
– wara li kkunsidra l-Karta tal-Istati Uniti u tal-Ukrajna għas-Sħubija Strateġika ffirmata fl-10 ta' Novembru 2021 mis-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti Antony Blinken u mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ukren Dmytro Kuleba,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Josep Borrell, wara l-Kunsill Affarijiet Barranin tat-13 ta' Diċembru 2021 li kwalunkwe aggressjoni kontra l-Ukrajna se ġġib magħha konsegwenzi politiċi u bi spiża ekonomika għolja għar-Russja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg wara l-laqgħa tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tan-NATO tat-30 ta' Novembru 2021,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-G7 tat-12 ta' Diċembru 2021 dwar ir-Russja u l-Ukrajna,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-12 ta' Ottubru 2021 tal-President Ukren, Volodymyr Zelenskyy, tal-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, u tal-President tal-Kummissjoni, Ursula von der Leyen, wara t-23 Summit bejn l-UE u l-Ukrajna,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tad-9 ta' Diċembru 2021 bit-titolu "Problem of the militarization of the Autonomous Republic of Crimea and the city of Sevastopol, Ukraine, as well as parts of the Black Sea and the Sea of Azov" (Il-problema tal-militarizzazzjoni tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u tal-belt ta' Sevastopol, l-Ukrajna, kif ukoll ta' partijiet tal-Baħar l-Iswed u tal-Baħar ta' Azov),
– wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Budapest dwar Assigurazzjonijiet ta' Sigurtà tal-5 ta' Diċembru 1994,
– wara li kkunsidra l-politika tal-UE b'rispons għall-kriżi fl-Ukrajna, inklużi l-miżuri restrittivi tagħha, li ilhom fis-seħħ mill-2014,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, f'konformità mal-Karta tan-NU u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali, l-Istati kollha "għandhom iżommu lura fir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom milli jirrikorru għat-theddid jew għall-użu tal-forza kontra l-integrità territorjali jew l-indipendenza politika ta' kwalunkwe Stat";
B. billi fl-isfond ta' kriżi fil-fruntiera bejn l-UE u l-Belarussja, il-Federazzjoni Russa qed iżżid b'mod kostanti l-preżenza militari tagħha tul il-fruntieri tal-Ukrajna, b'total attwali ta' madwar 100 000 truppa, u fiż-żoni ta' Donetsk u Luhansk tal-Ukrajna li bħalissa huma okkupati minn forzi appoġġjati mir-Russja, u żiedet b'mod sinifikanti l-iskala tal-attivitajiet militari tagħha fil-Krimea okkupata, kif ukoll fil-baċir tal-Baħar l-Iswed; billi dan it-tisħiħ tal-forzi militari ġie kkonfermat minn immaġni kummerċjali reċenti bis-satellita; billi t-tisħiħ reċenti jitqies bħala aktar sostanzjali mit-tisħiħ tal-forzi militari preċedenti tar-rebbiegħa ta' din is-sena;
C. billi r-rapporti tal-intelligence tal-Istati Uniti jivvalutaw li, did-darba, ir-Russja tista' tkun qed tiskjera sa 175 000 truppa sal-bidu tal-2022; billi dawn l-iżviluppi offensivi jistgħu jiġu interpretati jew bħala preparazzjonijiet għal aggressjoni militari offensiva minn diversi fronti jew bħala theddida biex tintuża l-forza kontra l-pajjiż ġar tal-Ukrajna, bil-għan li jinterferixxu mas-sovranità u l-indipendenza politika ta' din tal-aħħar, li jmur kontra l-obbligi internazzjonali tal-Federazzjoni Russa; billi Aliaksandr Lukashenka ħabbar appoġġ fuq skala sħiħa għar-Russja fil-każ ta' azzjoni militari kontra l-Ukrajna;
D. billi l-movimenti reċenti tat-truppi Russi qrib il-fruntiera Ukrena ġew akkumpanjati minn kampanji msaħħa ta' interferenza u ta' diżinformazzjoni mill-proxies Russi u mill-istrumenti tal-midja fl-UE, fl-Ukrajna u fir-Russja nnifisha; billi tattiċi ibridi bħal dawn kienu jinkludu żieda f'kontenut mimli malafama fil-konfront tan-NATO u tal-Ukrajna, tentattivi biex jiġi assenjat it-tort għall-eskalazzjoni militari Russa futura potenzjali lill-Ukrajna u lin-NATO, u t-tixrid ta' narrattivi foloz, inkluż mill-President Putin u l-President preċedenti Medvedev personalment;
E. billi għaddew aktar minn sitt snin mill-adozzjoni tal-Ftehimiet ta' Minsk u aktar minn seba' snin mill-annessjoni illegali tal-peniżola tal-Krimea mill-Federazzjoni Russa u l-bidu tal-gwerra fl-Ukrajna mwettqa mir-Russja; billi aktar minn 14 000 persuna tilfu ħajjithom matul il-kunflitt li għadu għaddej; billi l-kunflitt wassal biex kważi żewġ miljun persuna saru persuni spostati internament (IDPs); billi l-għajxien tal-popolazzjoni tat-territorji kkontrollati mir-Russja u dawk annessi fl-Ukrajna u fir-reġjuni tal-madwar għadu qed jiġi affettwat b'mod sever; billi r-Russja hija parti fil-kunflitt, u għalhekk ma tistax tippreżenta lilha nnifisha bħala medjatur;
F. billi l-implimentazzjoni tal-pakkett ta' miżuri għall-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Minsk ta' Frar 2015 sofriet intoppi serji, b'mod partikolari minħabba miżuri unilaterali meħuda mill-Federazzjoni Russa f'kontradizzjoni mal-impenji tagħha skont il-ftehimiet;
G. billi l-preżenza ta' impjegati mill-kumpanija militari privata Russa, Wagner Group flimkien mas-separatisti favur ir-Russja fil-Lvant tal-Ukrajna ilha tiġi rrapportata sa mill-2014, b'madwar 250 ġellied fil-bidu u li issa jammontaw għal 2 500 individwu;
H. billi l-aħħar rapport tal-Missjoni ta' Monitoraġġ tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-Ukrajna ppubblikat fl-1 ta' Diċembru 2021 innota eskalazzjoni tal-ostilitajiet fiż-żona ta' kunflitt ta' Donbas, żieda fil-vittmi ċivili fuq in-naħa Ukrena u ħsara lill-infrastruttura; billi r-rapport innota wkoll li l-qrati awtoproklamati tar-repubbliki ta' Donbas komplew jisfidaw liċ-ċivili għal reati relatati mal-kunflitt mingħajr proċess ġust;
I. billi hemm aktar minn 160 ħabs illegali fit-territorji tal-Ukrajna okkupati mir-Russja fir-reġjuni ta' Donetsk u Luhansk, fejn aktar minn 3 000 persuna kienu miżmuma illegalment u kienu soġġetti għal tortura u trattament inuman sa mill-bidu tal-kunflitt;
J. billi r-Russja għadha tikser il-waqfien mill-ġlied f'Donbas, b'2 346 attakk imnedija kontra l-pożizzjonijiet Ukreni, li wassal għall-qtil ta' 65 suldat Ukren u għat-tidrib ta' 261 ieħor, inklużi 29 impjegat tal-Forzi Armati Ukreni maqtula minn tiraturi bejn is-27 ta' Lulju 2020 u t-2 ta' Diċembru 2021;
K. billi f'April 2021, il-Ministeru Russu tad-Difiża għalaq unilateralment l-ilmijiet madwar l-Istrett ta' Kerch għal bastimenti mhux kummerċjali minn pajjiżi oħra, u b'hekk ostakola l-passaġġ liberu tal-bastimenti lejn u mill-Baħar ta' Azov; billi għalkemm ir-Russja ħabbret li kienet se tneħħi r-restrizzjonijiet f'Ottubru 2021, dawn għadhom fis-seħħ; billi dawn l-impedimenti għandhom konsegwenzi negattivi għall-portijiet tal-Ukrajna fil-Baħar ta' Azov u għat-tranżitu marittimu internazzjonali fil-Baħar l-Iswed;
L. billi fil-15 ta' Novembru 2021, il-President Russu Putin iffirma digriet dwar regoli kummerċjali simplifikati li jippermettu aċċess ta' merkanzija lejn u miż-żoni temporanjament mhux ikkontrollati mill-gvern taż-żoni ta' Donetsk u Luhansk tal-Ukrajna;
M. billi l-Karta dwar is-Sħubija Strateġika bejn l-Istati Uniti u l-Ukrajna tal-10 ta' Novembru 2021 tistipula li l-Istati Uniti u l-Ukrajna għandhom l-intenzjoni li jkomplu firxa ta' miżuri sostantivi biex jipprevjenu aggressjoni esterna diretta u ibrida kontra l-Ukrajna u jżommu lir-Russja responsabbli għal tali aggressjoni u ksur tad-dritt internazzjonali;
N. billi fl-1 ta' Diċembru 2021, il-President Putin eżiġa garanzija legalment vinkolanti min-NATO li mhux se twettaq aktar tkabbir lejn il-Lvant; billi fit-30 ta' Novembru 2021 u wara l-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tan-NATO, is-Segretarju Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg iddikjara li r-Russja m'għandha "l-ebda veto, l-ebda dritt li tinterferixxi f'dak il-proċess" b'referenza għas-sħubija potenzjali tal-Ukrajna fin-NATO;
1. Jappoġġja l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fil-fruntieri internazzjonalment rikonoxxuti tagħha; itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għall-politika tal-UE ta' nonrikonoxximent tal-annessjoni illegali tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u l-Belt ta' Sevastopol; jikkundanna l-involviment dirett u indirett tar-Russja fil-kunflitt armat fil-Lvant tal-Ukrajna, kif ukoll il-ksur persistenti tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq f'dawn it-territorji u fil-Krimea annessa;
2. Jikkundanna t-tisħiħ qawwi attwali tal-forzi militari Russi tul il-fruntiera mal-Ukrajna u jirrifjuta kwalunkwe ġustifikazzjoni min-naħa Russa għalih; ifakkar li din hija t-tieni okkorrenza ta' dan it-tip din is-sena; jenfasizza li dan it-tisħiħ tal-forzi militari kien akkumpanjat minn żieda drastika fir-retorika belliġeranti min-naħa Russa;
3. Jitlob li l-Federazzjoni Russa tirtira minnufih u bis-sħiħ il-forzi militari tagħha, twaqqaf it-theddida tagħha kontra l-integrità territorjali tal-Ukrajna, li għandha effett destabbilizzanti għar-reġjun kollu u lil hinn minnu, twaqqaf il-miżuri kollha li jkomplu jaggravaw il-kunflitt u tnaqqas it-tensjonijiet f'konformità mal-obbligi internazzjonali tar-Russja; jenfasizza l-ħtieġa għal soluzzjoni politika paċifika għall-kunflitt;
4. Jenfasizza li l-t-tisħiħ tal-forzi militari Russi jirrappreżenta wkoll theddida għall-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà ġenerali tal-Ewropa u jistieden lir-Russja tirrispetta l-obbligi internazzjonali tagħha, bħall-prinċipji u l-impenji tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) dwar it-trasparenza tal-movimenti militari, inkluż id-Dokument ta' Vjenna; iħeġġeġ, barra minn hekk, lir-Russja tirrispetta l-obbligu tagħha fl-ambitu tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar u tiggarantixxi l-libertà ta' navigazzjoni u tal-passaġġ ta' tranżitu mill-Istrett internazzjonali ta' Kerch għall-portijiet tal-Baħar ta' Azov;
5. Huwa serjament imħasseb dwar il-militarizzazzjoni kontinwa tal-Baħar ta' Azov, tal-Baħar l-Iswed u tar-reġjun tal-Baħar Baltiku, b'mod partikolari dwar il-militarizzazzjoni tad-Distrett ta' Kaliningrad u tal-Krimea okkupata illegalment, inkluż l-iżvilupp ta' kapaċitajiet kontra l-aċċess u ċ-ċaħda taż-żona (A2/AD) mill-Federazzjoni Russa, li jinvolvu l-użu tas-sistemi ġodda S-400 ta' kontra l-inġenji tal-ajru, u t-tisħiħ mingħajr preċedent ta' forzi konvenzjonali u preparazzjonijiet għall-użu possibbli ta' armi nukleari;
6. Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tal-Ukrajna, li ilu mill-2014 ibati ħafna l-konsegwenzi li ġabet magħha l-gwerra, flimkien ma' kriżi ekonomika severa, u li issa qed jgħix taħt it-theddida ta' offensiva militari fuq skala kbira li thedded il-ħajjiet taċ-ċittadini kollha tagħha;
7. Itenni li d-djalogu tal-UE dwar is-sigurtà mal-Ukrajna għandu jkun ambizzjuż u jikkontribwixxi għal valutazzjoni konverġenti tal-isfidi tas-sigurtà fil-prattika; jisħaq li l-pajjiżi ħbieb għandhom iżidu l-appoġġ militari tagħhom u l-provvista ta' armi difensivi lill-Ukrajna, li huwa konformi mal-Artikolu 51 tal-Karta tan-NU li jippermetti l-awtodifiża individwali u kollettiva; jilqa' d-deċiżjoni meħuda fit-2 ta' Diċembru 2021 mill-Kunsill tal-UE li jipprovdi lill-Ukrajna pakkett ta' EUR 31 miljun taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) biex jgħin fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' reżiljenza u difiża; jinnota li l-parteċipazzjoni futura potenzjali tal-Ukrajna fi proġetti ta' kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) tista' ttejjeb b'mod sinifikanti l-kapaċitajiet nazzjonali ta' difiża tal-Ukrajna f'konformità mal-aħjar prattiki u standards tal-UE, kif iddikjarat fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni;
8. Jissottolinja li t-tisħiħ ripetut tal-forzi militari Russi mal-fruntiera Ukrena huwa għodda biex jinkisbu konċessjonijiet politiċi mill-Punent għad-detriment tal-Ukrajna; jenfasizza li l-għażla tal-alleanzi ta' kwalunkwe pajjiż ma tridx tkun soġġetta għall-approvazzjoni ta' pajjiż terz, u għalhekk jirrifjuta kwalunkwe tentattiv mir-Russja biex tinkludi xi pajjiżi fis-"sfera ta' influwenza" tagħha u b'hekk issawwar il-futur tagħhom; ifakkar li l-atti ta' kompromess jew ta' rikonċiljazzjoni mill-Punent jiġu pperċepiti bħala dgħjufija min-naħa Russa u din tħeġġiġha biss biex teskala aktar l-approċċ aggressiv tagħha;
9. Jenfasizza li t-tisħiħ tal-forzi militari Russi jifforma wkoll parti minn strateġija usa', li tinkludi wkoll elementi ta' gwerra ibrida, imwettqa mir-Russja kontra l-Unjoni Ewropea u s-sħab tagħha li jaħsbuha bħala, billi tikkawża kaos u konfużjoni fil-viċinati tagħha, fil-fruntieri tagħha u fi ħdan l-Unjoni Ewropea; itenni li r-Russja qed tuża konfluwenza ta' theddid, bħal dak militari, diġitali, tal-enerġija u tad-diżinformazzjoni, filwaqt li tabbuża mis-sistema miftuħa tal-UE biex iddgħajjifha; jemmen li l-UE jeħtieġ li tkun konxja tal-vulnerabbiltajiet tagħha stess u dawk tas-sħab tagħha fil-viċinat, u ssaħħaħ ir-reżiljenza sabiex tkun tista' tiġġieled b'mod effettiv kwalunkwe attakk ibridu u ttejjeb il-kooperazzjoni mas-sħab, b'mod partikolari dwar id-diżinformazzjoni, kif ukoll ittejjeb il-kapaċitajiet immirati lejn riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti, b'enfasi speċjali fuq is-sitwazzjoni tan-nisa u l-gruppi vulnerabbli f'żoni ta' kunflitt;
10. Jissottolinja li l-Unjoni Ewropea jeħtiġilha tkun lesta li tibgħat lill-Federazzjoni Russa twissija qawwija ħafna li l-ostilitajiet militari mhux biss se jkunu inaċċettabbli, iżda se jiġu wkoll bi prezz ekonomiku u politiku għoli; jilqa' l-aħħar dikjarazzjonijiet mill-UE u l-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-G7 li esprimew appoġġ sod għal azzjoni internazzjonali kkoordinata kontra aggressjoni militari potenzjali mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna;
11. Iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jiżgura li l-Kunsill jibqa' infurmat dwar azzjonijiet militari mill-Federazzjoni Russa u jibqa' lest li jaqbel malajr dwar azzjoni konġunta ulterjuri, b'mod partikolari l-adozzjoni ta' sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji severi f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Uniti, in-NATO u sħab oħra, sabiex jindirizza t-theddid immedjat u kredibbli mir-Russja, minflok ma jistenna li sseħħ invażjoni oħra qabel ma tittieħed azzjoni; jissottolinja l-ħtieġa ta' approċċ unifikat dwar id-deterrenza mill-UE u mis-sħab tagħha; jissottolinja li kull azzjoni għandha tittieħed f'koordinazzjoni mal-Ukrajna;
12. Jenfasizza li l-pakkett il-ġdid ta' sanzjonijiet għandu jinkludi l-korp uffiċjali Russu u l-uffiċjali tal-bandiera involuti fl-ippjanar ta' invażjoni possibbli, u ċ-ċirku immedjat u l-oligarki fl-orbita tal-President Russu u l-familji tagħhom; jitlob li tali sanzjonijiet jinvolvu l-iffriżar ta' assi finanzjarji u fiżiċi fl-UE, il-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-esklużjoni tar-Russja mis-sistema ta' pagament SWIFT, biex b'hekk il-kumpaniji Russi jiġu esklużi mis-suq finanzjarju internazzjonali u jiġi pprojbit ix-xiri ta' dejn sovran Russu fis-swieq primarji u sekondarji, u li jkollhom fil-mira setturi importanti tal-ekonomija Russa u jfixklu l-finanzjament tas-servizzi tal-intelligence u l-militar;
13. Jissottolinja li fil-każ ta' attakk Russu fuq l-Ukrajna, l-ewwel azzjoni immedjata tal-UE għandha tkun li tikkanċella l-opportunitajiet kollha tal-ivvjaġġar u tirtira l-eżenzjoni tal-viża għad-detenturi ta' passaporti diplomatiċi Russi, bl-eċċezzjoni tad-diplomatiċi akkreditati;
14. Jeżiġi li l-UE tieħu passi urġenti u kredibbli biex tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija Russa u jitlob li l-UE turi solidarjetà enerġetika aktar b'saħħitha mal-Ukrajna, f'konformità mal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, billi żżid l-interkonnessjonijiet tal-infrastrutturi tal-enerġija; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri kollha, għalhekk, biex jiżguraw li l-pipeline Nord Stream 2 ma jkunx operazzjonalizzat, irrispettivament minn jekk f'xi punt jissodisfax id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-UE dwar il-Gass(2); itenni t-tħassib fundamentali u fit-tul tiegħu dwar ir-riskji politiċi, ekonomiċi u ta' sigurtà relatati mal-proġett Nord Stream 2; jissottolinja l-ħtieġa li titwaqqaf il-kostruzzjoni tal-impjanti tal-enerġija nukleari kontroversjali mibnija minn Rosatom;
15. Jissottolinja li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jibqgħux postijiet li fihom jintlaqgħu l-ġid u l-investimenti Russi ta' oriġini mhux ċara, inkluż billi jistabbilixxu Mekkaniżmu Globali ta' Sanzjonijiet Kontra l-Korruzzjoni, u jimplimentaw u jinfurzaw b'mod konsistenti d-direttivi eżistenti kontra l-ħasil tal-flus; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iżidu l-isforzi tagħhom biex irażżnu l-investimenti strateġiċi tal-Kremlin fi ħdan l-UE għall-finijiet ta' sovverżjoni, imminar tal-proċessi u l-istituzzjonijiet demokratiċi u tixrid tal-korruzzjoni, u joħolqu trasparenza akbar, speċjalment fir-rigward tal-fondi ddepożitati jew minfuqa fl-UE mill-elit Russu;
16. Jissottolinja l-importanza li jittieħdu miżuri b'saħħithom li jżommu lir-Russja milli tevita s-sanzjonijiet eżistenti tal-UE; jemmen li, għal dan il-għan, l-UE għandha tirrieżamina u taġġorna r-regolamenti applikabbli tagħha biex tneħħi diversi diskrepanzi ħalli s-sanzjonijiet ikunu aktar effiċjenti u b'hekk ir-Russja tħallas prezz ġenwinament ogħla għall-atti ostili tagħha;
17. Jistieden lill-Kunsill Ewropew jiddiskuti u jevalwa bir-reqqa, fil-laqgħa tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2021, kwalunkwe reazzjoni possibbli għat-theddid kontra s-sigurtà Ewropea ppreżentat mill-Federazzjoni Russa u jistiednu jkompli d-diskussjonijiet preċedenti tiegħu dwar strateġija komprensiva tal-UE fil-konfront tar-Russja; jitlob li l-UE u s-sħab Ewropej jiddiskutu pjanijiet fit-tul għas-sigurtà Ewropea bil-għan li jittrattaw b'mod konġunt it-theddid militari futur fil-kontinent; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-deterjorament kontinwu tal-pilastri ewlenin tas-sigurtà internazzjonali u tal-arkitettura tal-kontroll tal-armi, li ġew soġġetti għal manipulazzjoni u ksur ripetut mir-Russja; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, jivvalutaw ukoll kif xieraq lir-Russja bħala theddida kbira għall-kontinent Ewropew fil-Boxxla Strateġika, kif ġie ddikjarat ukoll fir-rapport tal-Grupp ta' Riflessjoni tan-NATO;
18. Jistieden lill-Federazzjoni Russa tieqaf tieħu miżuri unilaterali li jikkontradixxu l-impenji li saru fl-ambitu tal-Ftehimiet ta' Minsk, jimpedixxu l-implimentazzjoni ulterjuri tagħhom, jaggravaw il-kunflitt fil-Lvant tal-Ukrajna u jqajmu dubji fuq livell internazzjonali dwar ir-rieda u l-kapaċità politiċi tal-Federazzjoni Russa li tonora l-impenji tagħha;
19. Iħeġġeġ lir-Russja u lis-separatisti appoġġjati mir-Russja jaderixxu mal-ftehim ta' waqfien mill-ġlied; jistieden lir-Russja tinvolvi ruħha b'mod kostruttiv fil-Format tan-Normandija u fil-Grupp ta' Kuntatt Trilaterali u timplimenta l-obbligi internazzjonali tagħha, b'mod partikolari skont il-Ftehimiet ta' Minsk u l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar; jappella għall-ħelsien immedjat taċ-ċittadini Ukreni kollha detenuti illegalment u miżmuma l-ħabs; iħeġġeġ lill-Kunsill iwessa' wkoll il-kamp ta' applikazzjoni tas-sanzjonijiet tiegħu biex ikopri l-"għoti rapidu ta' passaporti", l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet illegali fil-Krimea u d-deċiżjoni li residenti taż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern fir-reġjuni ta' Donetsk u Luhansk tal-Ukrajna jkunu involuti fl-elezzjonijiet tad-Duma tal-Istat ta' Settembru 2021, u jżid il-konsegwenzi għar-Russja talli timblokka l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Minsk u t-taħditiet tal-Format tan-Normandija; jistieden lill-Qorti Kriminali Internazzjonali tinvestiga r-reati mwettqa min-naħa Russa u l-proxies tagħha fil-peniżola tal-Krimea u fil-Lvant tal-Ukrajna; jenfasizza r-rwol li jista' jkollhom il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja u l-kawżi ta' ġuriżdizzjoni universali f'dan ir-rigward; iqis li t-tmexxija politika u militari tal-awtoritajiet de facto tal-hekk imsejħa Repubbliki tal-Poplu ta' Luhansk u Donetsk għandha tiġi sanzjonata fil-qafas tar-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem;
20. Jisħaq fuq l-importanza tal-Missjoni ta' Monitoraġġ Speċjali tal-OSKE għall-Ukrajna u tal-kapaċità tagħha li tkompli l-ħidma tagħha lil hinn minn Marzu 2022, meta l-mandat tagħha huwa attwalment mistenni li jintemm, u mingħajr restrizzjonijiet; jikkundanna b'mod qawwi l-azzjonijiet tar-Russja li qed jipprevjenu lill-Missjoni ta' Monitoraġġ Speċjali tal-OSKE milli twettaq ir-rwol tagħha billi tfixkel il-vetturi tal-ajru mingħajr bdot abbord tal-Missjoni u timblokka l-aċċess tal-osservaturi għat-territorji okkupati; jiddeplora d-deċiżjoni tar-Russja li tagħlaq il-missjoni ta' osservatur tal-OSKE fil-punti ta' kontroll Russi ta' Gukovo u ta' Donetsk;
21. Jappoġġja bil-qawwa l-isforzi tal-Ukrajna biex il-merċenarji Russi li wettqu delitti tal-gwerra jitressqu l-qorti u jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-kooperazzjoni tagħhom għal dak il-għan;
22. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-investigazzjoni internazzjonali dwar iċ-ċirkostanzi tat-twaqqigħ traġiku tat-titjira MH17 tal-Malaysian Airlines, li possibbilment tista' tikkostitwixxi delitt tal-gwerra, u jtenni l-appell tiegħu biex il-persuni responsabbli jitressqu l-qorti;
23. Jikkundanna l-iffirmar mill-President Putin tad-digriet dwar regoli kummerċjali simplifikati biex jippermetti miżuri ta' aċċess ħalli jiżdied l-aċċess tal-merkanzija lejn u miż-żoni ta' Donetsk u Luhansk li temporanjament mhumiex ikkontrollati mill-gvern, u jistieden lir-Russja biex tirrevokah; jenfasizza li tali miżuri unilaterali jiksru s-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna, inkluż fir-rigward tal-kontroll doganali, u jistgħu jżidu t-tensjonijiet u jestendu l-istatus quo, filwaqt li jxekklu l-proċess futur ta' reintegrazzjoni;
24. Jilqa' l-istabbiliment u l-attivitajiet tal-Pjattaforma Internazzjonali tal-Krimea; iqis li hija għodda importanti biex is-suġġett tal-annessjoni illegali tal-peniżola tal-Krimea jinżamm fuq quddiem nett fl-aġenda internazzjonali; jesprimi sodisfazzjon dwar l-appoġġ qawwi tal-UE għal din l-inizjattiva u jitlob lill-UE tkompli tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-format ta' konsultazzjoni u koordinazzjoni tagħha; jiddeplora l-fatt li l-organizzazzjonijiet internazzjonali u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għadhom ma ngħatawx aċċess għall-Krimea;
25. Jistieden lill-poplu Russu biex ma jemminx fil-propaganda uffiċjali omnipreżenti li tpinġi lill-Punent bħala għadu tal-poplu Russu u tal-Istat Russu; ifakkar li d-demokrazija u l-libertà huma theddida biss għall-eliti Russi korrotti u mhux għall-poplu; jesprimi x-xewqa li jidħol fi djalogu u li jibni relazzjonijiet futuri ma' Russja demokratika; ifakkar li l-politika aggressiva fuq livell estern u intern tal-"Kremlin l-ewwel u qabel kollox" tivvittimizza lill-poplu Russu;
26. Jappoġġja lill-awtoritajiet Ukreni fl-isforzi tagħhom biex jirriformaw il-pajjiż b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva; jitlob li l-istituzzjonijiet tal-UE jżommu perspettiva kredibbli fit-tul għall-adeżjoni tal-Ukrajna mal-UE f'konformità mal-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, bħal fil-każ ta' kwalunkwe stat Ewropew; jissottolinja li dawk l-isforzi huma meħtieġa sabiex tiżdied ir-reżiljenza Ukrena u tiġi miġġielda b'mod aktar effettiv l-aggressjoni Russa attwali u futura;
27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lill-President, il-Gvern u l-Verkhovna Rada tal-Ukrajna u lill-President, il-Gvern u d-Duma tal-Istat tal-Federazzjoni Russa.
Id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94).