Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2021/2885(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0591/2021

Testi mressqa :

B9-0591/2021

Dibattiti :

PV 14/12/2021 - 17
CRE 14/12/2021 - 17

Votazzjonijiet :

PV 16/12/2021 - 15

Testi adottati :

P9_TA(2021)0516

Testi adottati
PDF 130kWORD 46k
Il-Ħamis, 16 ta' Diċembru 2021 - Strasburgu
L-implimentazzjoni tal-iskema ta' ċertifikazzjoni Kimberley Process
P9_TA(2021)0516B9-0591/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2021 dwar l-implimentazzjoni tal-Iskema ta' Ċertifikazzjoni Kimberley Process (2021/2885(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Iskema ta' Ċertifikazzjoni Kimberley Process (KPCS),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2368/2002 tal-20 ta' Diċembru 2002 li jimplimenta l-iskema ta' ċertifikazzjoni Kimberley Process għall-kummerċ internazzjonali ta' djamanti mhux maħduma(1) u l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jimplimenta l-iskema ta' ċertifikazzjoni tal-Kimberley Process fil-kummerċ internazzjonali ta' djamanti mhux maħduma (COM(2021)0115), li għandha l-għan li tfassal mill-ġdid l-emendi sussegwenti fl-interess taċ-ċarezza,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 li jistabbilixxi obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista għall-importaturi tal-Unjoni ta' landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali(3),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Iskema ta' Ċertifikazzjoni Kimberley Process (O-000073/2021 – B9-0044/2021),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali,

A.  billi l-KPCS ġiet stabbilita bħala skema ta' ċertifikazzjoni awtorizzata min-NU fl-2003 biex twaqqaf il-kummerċ fid-djamanti tal-konflitt li kien qed iħeġġeġ il-gwerer ċivili; billi l-KPCS għandha struttura tripartitika li tinvolvi l-gvernijiet bħala dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-industrija internazzjonali tad-djamanti u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili bħala osservaturi; billi d-deċiżjonijiet fil-KPCS jittieħdu permezz ta' kunsens assolut tas-56 membru parteċipanti tagħha, li jirrappreżentaw 82 pajjiż, mal-UE u s-27 Stat Membru tagħha li jgħoddu bħala parteċipant wieħed;

B.  billi l-KPCS tiddefinixxi d-djamanti tal-konflitt bħala "djamanti mhux maħduma użati minn movimenti ribelli jew l-alleati tagħhom biex jiffinanzjaw konflitti li jkollhom l-għan li jdgħajfu gvernijiet leġittimi"; billi l-KPCS issostni li kienet effettiva biex waqqfet kważi għal kollox il-kummerċ fid-djamanti ta' konflitt kif definit oriġinarjament, u issa tirrappreżenta inqas minn 1 % tal-kummerċ tad-djamanti mhux maħduma, meta mqabbel ma' 15 % fl-2003;

C.  billi l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem ikomplu jseħħu fir-rigward tal-estrazzjoni tad-djamanti f'żoni b'livell għoli ta' djamanti affettwati minn konflitti u f'żoni ta' riskju għoli u jistgħu jinkludu xogħol tat-tfal u xogħol furzat, swat, tortura, vjolenza sesswali, l-għajbien furzat ta' persuni, żgumbramenti furzati u risistemazzjoni, ħtif illegali tal-art, u l-qerda ta' siti ritwalment jew kulturalment sinifikanti;

D.  billi mid-dħul fis-seħħ tal-KPCS bħala inizjattiva globali fl-2003 'l hawn, in-natura tal-konflitti u r-realtajiet fuq il-post inbidlu; billi l-KPCS ma tkoprix sitwazzjonijiet fejn il-forzi tas-sigurtà pubbliċi jew privati, il-kumpaniji, il-kriminali jew il-gruppi armati jużaw vjolenza mifruxa jew sistematika biex jiżguraw l-interessi ekonomiċi tagħhom fil-produzzjoni tad-djamanti; billi x-xewqa tal-konsumaturi li jkollhom ċertezza dwar l-oriġini u n-natura etika tad-djamanti ma tistax attwalment tiġi ssodisfata; billi din tirriżulta fi tnaqqis fid-domanda għad-djamanti naturali u konsegwentement ikollha implikazzjonijiet negattivi għall-industrija tad-djamanti leġittimi u għall-minaturi artiġjanali; billi mekkaniżmi bħall-KPCS jeħtieġ li jiġu rieżaminati u aġġornati regolarment biex jiżguraw li jkunu kapaċi jissodisfaw l-aspettattivi tal-konsumaturi u l-obbligi internazzjonali relatati mar-responsabbiltà soċjali korporattiva u l-iżvilupp sostenibbli;

E.  billi l-UE ħadmet biex twessa' l-kamp ta' applikazzjoni tad-definizzjoni oriġinali tad-djamanti tal-konflitt stipulata fid-Dokument Ewlieni tal-KPCS sabiex tinkludi abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, iżda l-eżitu ta' suċċess ma setax jintlaħaq minħabba n-natura kunsenswali tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-oppożizzjoni min-naħa ta' ċerti pajjiżi li huma produtturi, kummerċjanti u konsumaturi kbar;

F.  billi s-Sistema ta' Garanziji tal-Kunsill Dinji tad-Djamanti hija programm volontarju ta' awtoregolamentazzjoni mal-industrija kollha li tittraċċa djamanti ċċertifikati mill-Kimberley Process mal-katina tal-provvista sħiħa sal-kummerċ ta' ħaġar prezzjuż imqatta' u llustrat;

1.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tiġi riveduta d-definizzjoni tad-djamanti tal-konflitt biex tinkludi d-drittijiet tal-bniedem u d-dimensjonijiet soċjali u ambjentali relatati mal-konflitt tal-produzzjoni tad-djamanti biex jiġi żgurat li d-djamanti li jaslu fis-suq tal-UE ma jkunux marbuta ma' xi abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u lanqas ma' reati ambjentali sew jekk jitwettqu minn gruppi ribelli, sew jekk mill-gvernijiet kif ukoll minn kumpaniji privati; jenfasizza li l-KPCS, minbarra d-djamanti mhux maħduma, għandha tapplika wkoll għall-ħaġar prezzjuż maqtugħ u llustrat;

2.  Jitlob li l-KPCS tkun implimentata b'mod aktar effettiv sabiex jiġi żgurat li l-ebda djamant tal-konflitt ma jidħol fil-ktajjen tal-provvista leġittimi; jitlob għat-tisħiħ u t-titjib tal-monitoraġġ u l-infurzar tal-kontrolli interni tal-istati parteċipanti; iħeġġeġ lill-partijiet għall-KPCS joħolqu mekkaniżmu ta' monitoraġġ indipendenti peress li r-rakkomandazzjonijiet maħruġa minn żjarat ta' evalwazzjoni bejn il-pari huma ta' natura mhux vinkolanti u spiss jonqsu milli jindirizzaw id-dgħufijiet fl-implimentazzjoni tal-kontrolli interni jew iġibu bidla sinifikanti fil-każijiet ta' nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti minimi tal-KPCS;

3.  Jinsab imħasseb ħafna dwar ir-rapporti reċenti dwar it-tentattivi li saru biex isikktu lill-osservaturi tas-soċjetà ċivili fl-aħħar laqgħa intersessjonali tal-Kimberley Process; itenni r-rwol ċentrali tas-soċjetà ċivili fl-istruttura tripartitika tal-KPCS u jappella għar-rispett sħiħ tal-libertà tal-kelma tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili; jinnota l-importanza tal-finanzjament affidabbli tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fil-qasam tal-minerali u d-djamanti tal-konflitt;

4.  Jilqa' l-impenn mill-industrija tad-djamanti leġittimi favur il-KPCS u t-twaqqif tas-Sistema ta' Garanziji tal-Kunsill Dinji tad-Djamanti; jinnota li l-ħolqien tal-impjiegi u l-introjtu għall-komunitajiet tal-minjieri jiddependu minn ktajjen tal-provvista stabbli, trasparenti u responsabbli fis-settur tad-djamanti;

5.  Jirrimarka li huwa essenzjali li d-djamanti jkunu jistgħu jiġu ttraċċati mill-minjieri sa meta jaslu fis-suq lil hinn mis-sempliċi traċċa tal-karti li takkumpanja l-konsenji tad-djamanti; jinsab lest li jikkunsidra bis-sħiħ l-idea tal-użu ta' teknoloġiji ġodda bħall-blockchain biex titjieb it-traċċabbiltà; jilqa' l-ħidma li qed issir favur id-diġitalizzazzjoni taċ-ċertifikati tal-Kimberley Process;

6.  Jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-konflitti u l-vjolenza relatati mad-djamanti tul il-katina tal-provvista; jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jiżguraw li biżżejjed fondi huma allokati għall-bini ta' kapaċità taħt il-programm tematiku tal-Paċi, l-Istabbiltà u l-Prevenzjoni ta' Konflitti biex jappoġġjaw il-ġestjoni sostenibbli u sensittiva għall-konflitti tar-riżorsi naturali u l-konformità mal-Kimberley Process u inizjattivi simili oħra applikabbli għall-minerali tal-konflitt sabiex itejbu l-għajxien tal-komunitajiet tal-minjieri u jsaħħu l-estrazzjoni artiġjanali; jitlob li dawk li jallokaw fondi ġeografiċi jqisu wkoll il-bini tal-kapaċità u l-attivitajiet ta' prevenzjoni tal-konflitti;

7.  Jistieden lill-UE tkompli tkun mexxejja globali fl-implimentazzjoni ta' inizjattivi ta' provenjenza responsabbli bħall-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Ktajjen ta' Provvista Responsabbli tal-Minerali minn Żoni Affettwati mill-Konflitti u Żoni ta' Riskju Għoli kif ukoll il-Linji Gwida aġġornati tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali; itenni li l-provenjenza responsabbli u d-diliġenza dovuta jridu jkunu konsistenti mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem;

8.  Jistieden lill-UE tmexxi bl-eżempju u tkompli timplimenta l-aġenda kummerċjali tagħha xprunata mill-valuri biex tqanqal bidla pożittiva f'pajjiżi mhux fl-UE; jinnota f'dan ir-rigward li r-regoli tal-UE dwar il-kummerċ fid-djamanti jridu jirriflettu l-ogħla livell ta' ambizzjoni; jitlob li l-UE tikkunsidra miżuri awtonomi addizzjonali biex tiżgura li djamanti mhux maħduma, maqtugħin u llustrati marbuta ma' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem ma jitqegħdux fis-suq tal-UE sabiex jingħelbu n-nuqqasijiet tal-KPCS;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-President u lill-Viċi President attwali tal-Iskema ta' Ċertifikazzjoni Kimberley Process.

(1) ĠU L 358, 31.12.2002, p. 28.
(2) ĠU L 130, 19.5.2017, p. 1.
(3) ĠU L 209, 14.6.2021, p. 1.

Aġġornata l-aħħar: 24 ta' Frar 2022Avviż legali - Politika tal-privatezza