Indiċi 
Testi adottati
L-Erbgħa, 23 ta' Ġunju 2021 - Brussell
Dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi 2021-2027 ***II
 Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta' Koeżjoni 2021–2027 ***II
 Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea (Interreg) appoġġata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u mill-istrumenti ta' finanzjament estern 2021–2027 ***II
 Miżuri ta' konservazzjoni u ta' infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (NAFO) ***I
 Il-ħlas transkonfinali fl-Unjoni (kodifikazzjoni) ***I
 Regolamenti u kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman
 Ftehim UE/Tajlandja: modifika tal-konċessjonijiet fuq il-kwoti tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea ***
 Ftehim UE/Indoneżja: modifika tal-konċessjonijiet fuq il-kwoti tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea ***
 Ftehim UE/Arġentina: modifika tal-konċessjonijiet fuq il-kwoti tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea ***
 L-isfidi u l-opportunitajiet għas-settur tas-sajd fil-Baħar l-Iswed
 Ir-rwol tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-assistenza umanitarja tal-UE fl-indirizzar tal-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19

Dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi 2021-2027 ***II
PDF 130kWORD 44k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2021 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (06674/1/2021 – C9-0193/2021 – 2018/0196(COD))
P9_TA(2021)0298A9-0206/2021

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (06674/1/2021 – C9-0193/2021),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri tal-25 ta' Ottubru 2018(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta' Ottubru 2018(2) u tat-18 ta' Settembru 2020(3),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-5 ta' Diċembru 2018(4),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari(5) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2018)0375),

–  wara li kkunsidra l-proposti emendati tal-Kummissjoni (COM(2020)0023) u (COM(2020)0450),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 67 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A9-0206/2021),

1.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;

2.  Jinnota li l-att qed jiġi adottat f'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma l-att, flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att, wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri kollha ntemmu kif imiss, u biex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU C 17, 14.1.2019, p. 1
(2) ĠU C 62, 15.2.2019, p. 83.
(3) ĠU C 429, 11.12.2020, p. 236.
(4) ĠU C 86, 7.3.2019, p. 41.
(5) ĠU C 108, 26.3.2021, p. 638.


Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta' Koeżjoni 2021–2027 ***II
PDF 131kWORD 43k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2021 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari għall-adozzjoni tar-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta' Koeżjoni (06168/1/2021 – C9-0194/2021 – 2018/0197(COD))
P9_TA(2021)0299A9-0204/2021

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (06168/1/2021 – C9-0194/2021),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta' Ottubru 2018(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-5 ta' Diċembru 2018(2),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari(3) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0372),

–  wara li kkunsidra l-proposta emendata tal-Kummissjoni (COM(2020)0452),

—  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 67 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A9-0204/2021),

1.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;

2.  Jinnota li l-att qed jiġi adottat f'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma l-att, flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att, wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri ntemmu kif imiss, u biex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU C 62, 15.2.2019, p. 90.
(2) ĠU C 86, 7.3.2019, p. 115.
(3) ĠU C 108, 26.3.2021, p. 566.


Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea (Interreg) appoġġata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u mill-istrumenti ta' finanzjament estern 2021–2027 ***II
PDF 132kWORD 43k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2021 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea (Interreg) appoġġata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-istrumenti ta' finanzjament estern (05488/1/2021 – C9-0192/2021 – 2018/0199(COD))
P9_TA(2021)0300A9-0205/2021

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (05488/1/2021 – C9-0192/2021),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-19 ta' Settembru 2018(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-5 ta' Diċembru 2018(2),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari(3) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2021)0289),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 67 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A9-0205/2021),

1.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;

2.  Jinnota li l-att qed jiġi adottat b'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma l-att, flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att, wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri ntemmu kif imiss, u biex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU C 440, 6.12.2018, p. 116.
(2) ĠU C 86, 7.3.2019, p. 137.
(3) ĠU C 108, 26.3.2021, p. 247.


Miżuri ta' konservazzjoni u ta' infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (NAFO) ***I
PDF 133kWORD 44k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2021 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2019/833 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2019 li jistabbilixxi miżuri ta' konservazzjoni u ta' infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (COM(2020)0215 – C9-0157/2020 – 2020/0095(COD))
P9_TA(2021)0301A9-0220/2020

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2020)0215),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9-0157/2020),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-18 ta' Settembru 2020(1),

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-12 ta’ Mejju 2021, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A9-0220/2020),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-23 ta’ Ġunju 2021 bil-għan li jiġi adottat ir-Regolament (UE) 2021/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2019/833 li jistabbilixxi miżuri ta' konservazzjoni u ta' infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral

P9_TC1-COD(2020)0095


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, ir-Regolament (UE) 2021/1231.)

(1) ĠU C 429, 11.12.2020, p. 279.


Il-ħlas transkonfinali fl-Unjoni (kodifikazzjoni) ***I
PDF 131kWORD 43k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2021 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħlas transkonfinali fl-Unjoni (kodifikazzjoni) (COM(2020)0323 – C9-0204/2020 – 2020/0145(COD))
P9_TA(2021)0302A9-0202/2021

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja – kodifikazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2020)0323),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9-0204/2020),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-25 ta' Jannar 2021(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-3 ta' Diċembru 2020(2),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tal-20 ta' Diċembru 1994 fuq metodu ta' ħidma aċċellerat tal-kodifikazzjoni uffiċjali tat-testi leġiżlattivi(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 109 u 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0202/2021),

A.  billi, fl-opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-proposta kkonċernata tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tat-testi eżistenti, mingħajr ebda tibdil sustanzjali;

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-23 ta' Ġunju 2021 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2021/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħlas transkonfinali fl-Unjoni (kodifikazzjoni)

P9_TC1-COD(2020)0145


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, ir-Regolament (UE) 2021/1230.)

(1) ĠU C 65, 25.2.2021, p. 4.
(2) ĠU C 56, 16.2.2021, p. 43.
(3) ĠU C 102, 4.4.1996, p. 2.


Regolamenti u kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman
PDF 183kWORD 57k
Riżoluzzjoni
Anness
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2021 dwar regolament tal-Parlament Ewropew li jistabbilixxi r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (Statut tal-Ombudsman Ewropew) u li jħassar id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom (2021/2053(INL)2019/0900(APP))
P9_TA(2021)0303A9-0174/2021

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 228(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni (COM(2021)0329),

–  wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Kunsill (9425/2021),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar abbozz ta' regolament tal-Parlament Ewropew li jistabbilixxi r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (Statut tal-Ombudsman Ewropew) u li jħassar id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 46 u 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A9-0174/2021),

1.  Jadotta r-Regolament li jinsab fl-Anness;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma r-Regolament, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jipproċedi għall-pubblikazzjoni tar-Regolament f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

ANNESS MAR-RIŻOLUZZJONI

Regolament tal-Parlament Ewropew li jistabbilixxi r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tad-dmirijiet tal-Ombudsman (Statut tal-Ombudsman Ewropew) u li jħassar id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom (2021/2053(INL)2019/0900(APP))

IL-PARLAMENT EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 228(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a(1) tiegħu,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea(2),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea(3),

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)  Ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tad-dmirijiet tal-Ombudsman jenħtieġ li jiġu stabbiliti f'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari il-punt (d) tal-Artikolu 20(2) u l-Artikolu 228 tiegħu, it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”).

(2)  Id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew(4) ġiet emendata l-aħħar fl-2008. Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009, id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom jenħtieġ li titħassar u tiġi sostitwita b'regolament adottat abbażi tal-Artikolu 228(4) tat-TFUE.

(3)  L-Artikolu 41 tal-Karta jirrikonoxxi d-dritt għal amministrazzjoni tajba bħala dritt fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni. L-Artikolu 43 tal-Karta jirrikonoxxi d-dritt li wieħed jirreferi lill-Ombudsman Ewropew każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji jew tal-aġenziji tal-Unjoni. Sabiex ikun żgurat li dawk id-drittijiet huma effettivi u sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-Ombudsman biex iwettaq inkjesti bir-reqqa u b'mod imparzjali, u b’hekk tiġi sostnuta l-indipendenza tal-Ombudsman li fuqha jiddependu t-tnejn li huma, jenħtieġ li l-Ombudsman jingħata l-għodod kollha meħtieġa biex iwettaq b'suċċess id-dmirijiet tal-Ombudsman imsemmija fit-Trattati u f'dan ir-Regolament.

(4)  L-istabbiliment tal-kundizzjonijiet skont liema jista' jitressaq ilment lill-Ombudsman jenħtieġ li jikkonforma mal-prinċipju ta' aċċess sħiħ, liberu u faċli, b'kunsiderazzjoni xierqa tingħata lir-restrizzjonijiet speċifiċi li jirriżultaw minn proċedimenti ġudizzjarji u amministrattivi.

(5)  L-Ombudsman jenħtieġ li jaġixxi b'kunsiderazzjoni xierqa għall-kompetenzi tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji jew tal-aġenziji tal-Unjoni li huma s-soġġetti tal-inkjesti tiegħu.

(6)  Huwa meħtieġ li fejn l-inkjesti tal-Ombudsman jiżvelaw każijiet ta' amministrazzjoni ħażina jiġu stabbiliti l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti. -Jenħtieġ li l-Ombudsman jissottometti rapport komprensiv lill-Parlament Ewropew fl-aħħar ta' kull sessjoni annwali. L-Ombudsman jenħtieġ li jkun intitolat ukoll li f’dak ir-rapport annwali, jinkludi valutazzjoni tal-konformità mar-rakkomandazzjonijiet magħmula.

(7)  Sabiex jissaħħaħ ir-rwol tal-Ombudsman u jiġu promossi l-aħjar prattiki amministrattivi fl-istituzzjonijiet, fil-korpi, fl-uffiċċji u fl-aġenziji tal-Unjoni, ikun tajjeb li l-Ombudsman, mingħajr preġudizzju għad-dmir primarju tiegħu, li huwa li jittratta l-ilmenti, iwettaq inkjesti fuq inizjattiva proprja kull meta jsib raġunijiet, u b'mod partikolari f'każijiet ripetuti, sistemiċi jew partikolarment serji ta' amministrazzjoni ħażina.

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), kif ikkomplementat mir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6) jenħtieġ li japplika għal talbiet għal aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Ombudsman, bl-eċċezzjoni ta' dawk miksuba matul inkjesta, li f’liema każ it-talbiet jenħtieġ li jiġu ttrattati mill-istituzzjoni, mill-korp, mill-uffiċċju jew mill-aġenzija tal-Unjoni tal-oriġini.

(9)  L-Ombudsman jenħtieġ li jingħata aċċess għall-elementi kollha meħtieġa għat-twettiq ta' dmirijietu. Għal dak il-għan, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni jenħtieġ li jipprovdu lill-Ombudsman bi kwalunkwe informazzjoni li huwa jitlob għall-finijiet ta' inkjesta. Meta l-eżerċitar tad-dmirijiet tal-Ombudsman ikun jirrikjedi li l-Ombudsman jingħata informazzjoni kklassifikata miżmuma mill-istituzzjonijiet, mill-korpi, mill-uffiċċji u mill-aġenziji tal-Unjoni jew mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, l-Ombudsman jenħtieġ li jkun jista’ jaċċessa tali informazzjoni, soġġett għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli għall-protezzjoni tagħha.

(10)  Jenħtieġ li l-Ombudsman u l-persunal tiegħu jkunu fid-dmir li jittrattaw b'kunfidenzjalità kwalunkwe informazzjoni li jkunu kisbu fil-qadi ta' dmirijiethom; mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Ombudsman li jinforma lill-awtoritajiet tal-Istati Membri dwar il-fatti li jista' jkollhom x'jaqsmu ma' reati kriminali u li jkun sar jaf bihom waqt inkjesta. Barra minn hekk, l-Ombudsman jenħtieġ li jkun jista' jinforma lill-istituzzjoni, lill-korp, lill-uffiċċju jew lill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernati dwar il-fatti li jqajmu dubju dwar l-imġiba ta' membru tal-persunal tagħhom. L-obbligu tal-Ombudsman li jittratta b'mod kunfidenzjali kwalunkwe informazzjoni miksuba fil-qadi ta' dmirijietu jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Ombudsman li jwettaq xogħlu b'mod kemm jista' jkun miftuħ skont l-Artikolu 15(1) tat-TFUE. B'mod partikolari, sabiex iwettaq dmirijietu kif xieraq u sabiex jappoġġja s-sejbiet tiegħu, l-Ombudsman jenħtieġ li jkun jista' jirreferi fir-rapporti tiegħu għal kwalunkwe informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku.

(11)  Fejn ikun meħtieġ għat-twettiq effettiv ta' dmirijietu, l-Ombudsman jenħtieġ li jingħata l-possibbiltà li jikkoopera u jiskambja informazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Membri, f'konformità mad-dritt nazzjonali u tal-Unjoni applikabbli, u ma' istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji oħra tal-Unjoni, f'konformità mad-dritt tal-Unjoni applikabbli.

(12)  L-Ombudsman jenħtieġ li jiġi elett mill-Parlament Ewropew fil-bidu tal-leġiżlatura u għat-tul ta' żmien tagħha, magħżul minn fost il-persuni li huma ċittadini tal-Unjoni u li joffru l-garanziji meħtieġa kollha ta' indipendenza u kompetenza. Jenħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ġenerali fost l-oħrajn dwar il-waqfien tad-dmirijiet tal-Ombudsman, is-sostituzzjoni tal-Ombudsman, għall-inkompatibbiltajiet, ir-remunerazzjoni tal-Ombudsman u l-privileġġi u l-immunitajiet tal-Ombudsman.

(13)  Jenħtieġ li jiġi speċifikat li s-sede tal-Ombudsman jenħtieġ li tkun dik tal-Parlament Ewropew kif iddeterminat bil-punt (a) tal-uniku Artikolu tal-Protokoll Nru 6 dwar il-post tas-sede tal-istituzzjonijiet u ta' ċerti korpi, uffiċċji, aġenziji u dipartimenti tal-Unjoni Ewropea, anness għat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (il-“Protokoll Nru 6”).

(14)  L-Ombudsman jenħtieġ li jikseb parità bejn il-ġeneri fil-kompożizzjoni tas-segretarjat tiegħu, billi jagħti kunsiderazzjoni xierqa lill-Artikolu 1d(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni, stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68(7) (ir-“Regolamenti tal-Persunal”).

(15)  Huwa f'idejn l-Ombudsman li jadotta d-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni għal dan ir-Regolament wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, mal-Kunsill u mal-Kummissjoni Ewropea. Fin-nuqqas ta' opinjoni minn dawn l-istituzzjonijiet fil-perjodu ta' żmien stabbilit b'mod raġonevoli mill-Ombudsman minn qabel, huwa jista' jadotta d-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni kkonċernati. Sabiex tiġi garantita ċ-ċertezza legali u l-ogħla standards fil-qadi tad-dmirijiet tal-Ombudsman, jenħtieġ li l-kontenut minimu tad-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni li għandhom jiġu adottati jiġi stabbilit f'dan ir-Regolament,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u prinċipji

1.  Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tad-dmirijiet tal-Ombudsman (Statut tal-Ombudsman Ewropew).

2.  L-Ombudsman għandu jkun kompletament indipendenti fil-qadi ta' dmirijietu u għandu jaġixxi mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel.

3.  L-Ombudsman għandu jgħin biex jiżvela amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji u tal-aġenziji tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li taġixxi fir-rwol ġudizzjarju tagħha, b'kunsiderazzjoni xierqa għall-punt (d) tal-Artikolu 20(2), u l-Artikolu 228 tat-TFUE u l-Artikolu 41 tal-Karta dwar id-dritt għal amministrazzjoni tajba.

L-ebda azzjoni minn xi awtorità jew persuna oħra ma tista' tkun is-suġġett ta' lment lill-Ombudsman.

4.  Fejn xieraq, l-Ombudsman għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet, proposti għal soluzzjonijiet u suġġerimenti għal titjib biex tiġi indirizzata l-kwistjoni.

5.  Fil-qadi ta' dmirijietu, l-Ombudsman ma jistax jikkontesta l-korrettezza ta' deċiżjoni ta' qorti jew il-kompetenza ta' qorti li toħroġ deċiżjoni.

Artikolu 2

Ilmenti

1.  Kull ċittadin tal-Unjoni jew persuna ġuridika jew naturali li tirrisjedi jew li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru tista', direttament jew permezz ta' membru tal-Parlament Ewropew, tressaq ilment lill-Ombudsman rigward amministrazzjoni ħażina.

2.  Ilment għandu jagħmel referenza ċara għas-suġġett tiegħu u għall-identità tal-ilmentatur. Ilmentatur jista' jitlob li l-ilment, jew partijiet minnu, jibqgħu kunfidenzjali.

3.  Ilment għandu jitressaq fi żmien sentejn mid-data meta l-ilmentatur ikun sar jaf bil-fatti li fuqhom huwa bbażat l-ilment. Qabel ma jitressaq l-ilment, l-ilmentatur għandu jagħmel il-passi amministrattivi xierqa fir-rigward tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija kkonċernata.

4.  L-Ombudsman għandu jirrifjuta lment bħala inammissibbli jekk ma jkunx fl-ambitu tal-mandat tal-Ombudsman jew jekk ir-rekwiżiti proċedurali stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 ma jkunux issodisfati. Meta lment ma jkunx fl-ambitu tal-mandat tal-Ombudsman, huwa jista' jagħti parir lill-ilmentatur biex jindirizzah lil awtorità oħra.

5.  Jekk l-Ombudsman isib li l-ilment huwa manifestament infondat, huwa għandu jagħlaq il-fajl u jinforma lill-ilmentatur dwar dik is-sejba. F'każijiet fejn l-ilmentatur ikun informa lill-istituzzjoni, lill-korp, lill-uffiċċju jew lill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata dwar l-ilment, l-Ombudsman għandu jinforma wkoll lill-awtorità kkonċernata.

6.  L-ilmenti li jikkonċernaw ir-relazzjonijiet industrijali bejn l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni u l-persunal tagħhom għandhom ikunu ammissibbli biss jekk il-persuna kkonċernata tkun eżawriet il-proċeduri amministrattivi interni kollha, b'mod partikolari dawk imsemmija fl-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal, u l-awtorità kompetenti tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata tkun ħadet deċiżjoni jew il-limiti ta' żmien għat-tweġiba tagħha jkunu skadew. L-Ombudsman għandu jkun intitolat ukoll li jivverifika l-miżuri adottati mill-awtorità kompetenti tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata biex tiżgura l-protezzjoni tal-allegati vittmi ta' fastidju u biex jerġa' jkun hemm ambjent tax-xogħol tajjeb għas-saħħa u sikur li jirrispetta d-dinjità tal-persuni kkonċernati waqt li tkun għaddejja inkjesta amministrattiva, dment li l-persuni kkonċernati jkunu eżawrew il-proċeduri amministrattivi interni fir-rigward ta' dawn il-miżuri.

7.  L-Ombudsman għandu jinforma lill-istituzzjoni, lill-korp, lill-uffiċċju jew lill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata dwar ilment, malli dak l-ilment ikun ġie ddikjarat ammissibbli u tkun ittieħdet id-deċiżjoni li tinfetaħ inkjesta.

8.  L-ilmenti mressqa lill-Ombudsman ma għandhomx jaffettwaw il-limiti ta' żmien sabiex jiġu ppreżentati appelli fi proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji.

9.  Fejn, minħabba proċeduri ġudizzjarji li jkunu għaddejjin jew ikunu ġew konklużi rigward il-fatti ppreżentati, l-Ombudsman jiddikjara li lment ikun inammissibbli jew jiddeċiedi li jieqaf jikkunsidrah, l-eżitu ta' kwalunkwe inkjesta li l-Ombudsman ikun għamel sa dak iż-żmien għandu jiddaħħal f’fajl u dak il-fajl għandu jingħalaq.

10.  L-Ombudsman għandu malajr kemm jista’ jkun jinforma lill-ilmentatur dwar l-azzjoni meħuda rigward l-ilment u, sa fejn ikun possibbli, ifittex soluzzjoni mal-istituzzjoni, mal-korp, mal-uffiċċju jew mal-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata biex tiġi eliminata l-amministrazzjoni ħażina. L-Ombudsman għandu jinforma lill-ilmentatur dwar is-soluzzjoni proposta flimkien mal-kummenti, jekk ikun hemm, tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata. L-ilmentatur jista' jissottometti kummenti jew jipprovdi, fi kwalunkwe stadju, informazzjoni addizzjonali li ma kinitx magħrufa fil-mument tas-sottomissjoni tal-ilment.

Meta tinstab soluzzjoni aċċettata mill-ilmentatur u mill-istituzzjoni, mill-korp, mill-uffiċċju jew mill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata, l-Ombudsman jista' jagħlaq il-fajl mingħajr ma jsegwi l-proċedura prevista fl-Artikolu 4.

Artikolu 3

Inkjesti

1.  F'konformità ma' dmirijietu, l-Ombudsman għandu jwettaq inkjesti li għalihom isib raġunijiet, fuq inizjattiva tiegħu stess jew wara lment.

2.  L-Ombudsman għandu jinforma lill-istituzzjoni, lill-korp, lill-uffiċċju jew lill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata minn tali inkjesti mingħajr dewmien żejjed. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5, l-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata tista', fuq inizjattiva proprja jew fuq talba tal-Ombudsman, tippreżenta kwalunkwe kumment jew evidenza utli.

3.  L-Ombudsman jista' jwettaq inkjesti fuq inizjattiva proprja kull meta jsib raġunijiet, u b'mod partikolari f'każijiet ta' amministrazzjoni ħażina ripetuta, sistemika jew partikolarment serja sabiex jiġu indirizzati dawk il-każijiet bħala kwistjoni ta' interess pubbliku. Fil-kuntest ta' inkjesti bħal dawn, huwa jista' wkoll jagħmel proposti u inizjattivi biex jippromwovi l-aħjar prattiki amministrattivi fl-istituzzjonijiet, fil-korpi, fl-uffiċċji u fl-aġenziji tal-Unjoni.

Artikolu 4

Interazzjoni bejn l-Ombudsman u l-istituzzjonijiet

1.  Meta, wara inkjesta, jinstabu każijiet ta' amministrazzjoni ħażina, l-Ombudsman għandu jinforma, mingħajr dewmien żejjed, lill-istituzzjoni, lill-korp, lill-uffiċċju jew lill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata bis-sejbiet tal-inkjesta u, fejn xieraq, għandu jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet.

2.  L-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata għandha tibgħat opinjoni dettaljata lill-Ombudsman fi żmien tliet xhur. L-Ombudsman jista', fuq talba motivata tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata, jagħti estensjoni ta' dik l-iskadenza. Dik l-iskadenza ma għandhiex tkun itwal minn xahrejn. Fejn ma tingħata l-ebda opinjoni mill-istituzzjoni, mill-korp, mill-uffiċċju jew mill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata sal-iskadenza oriġinali ta' tliet xhur jew sal-iskadenza estiża, l-Ombudsman jista' jagħlaq l-inkjesta mingħajr tali opinjoni.

3.  Meta tingħalaq inkjesta, l-Ombudsman għandu jibgħat rapport lill-istituzzjoni, lill-korp, lill-uffiċċju jew lill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata u, meta n-natura jew id-daqs tal-każ ta' amministrazzjoni ħażina li jkun skopra jirrikjedi dan, lill-Parlament Ewropew. L-Ombudsman jista' jagħmel rakkomandazzjonijiet fir-rapport. L-Ombudsman għandu jinforma lill-ilmentatur dwar l-eżitu tal-inkjesta, l-opinjoni mogħtija mill-istituzzjoni, mill-korp, mill-uffiċċju jew mill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata u kwalunkwe rakkomandazzjoni magħmula fir-rapport.

4.  Fejn ikun xieraq fir-rigward ta' inkjesta dwar l-attivitajiet ta' istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni, l-Ombudsman jista' jinstema' quddiem il-Parlament Ewropew, fil-livell xieraq, fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba tal-Parlament Ewropew.

5.  Fi tmiem kull sessjoni annwali, l-Ombudsman għandu jippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew dwar l-eżitu tal-inkjesti mwettqa minnu. Ir-rapport għandu jinkludi valutazzjoni tal-konformità mar-rakkomandazzjonijiet, mal-proposti għal soluzzjonijiet u mas-suġġerimenti tal-Ombudsman għal titjib. Ir-rapport għandu jinkludi wkoll, fejn rilevanti, l-eżitu tal-inkjesti tal-Ombudsman relatati ma' fastidju, żvelar ta' informazzjoni protetta u kunflitti ta' interess fl-istituzzjonijiet, fil-korpi, fl-uffiċċji jew fl-aġenziji tal-Unjoni.

Artikolu 5

Għoti ta' informazzjoni lill-Ombudsman

1.  Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, "l-għoti ta' informazzjoni" jinkludi l-mezzi fiżiċi u elettroniċi kollha li bihom l-Ombudsman u s-segretarjat tiegħu jingħataw aċċess għall-informazzjoni, inklużi dokumenti, indipendentement mill-forma tagħha.

2.  "Informazzjoni klassifikata tal-UE" tfisser kwalunkwe informazzjoni jew materjal magħżul mill-klassifikazzjoni ta' sigurtà tal-UE, li d-divulgazzjoni mhux awtorizzata tiegħu tista' tikkawża gradi differenti ta' preġudizzju għall-interessi tal-Unjoni jew għal dawk ta’ Stat Membru wieħed jew aktar.

3.  Soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom, fuq talba tal-Ombudsman jew fuq inizjattiva tagħhom stess, u mingħajr dewmien żejjed, jipprovdu lill-Ombudsman kwalunkwe informazzjoni li jkun talab għall-finijiet ta' inkjesta.

4.  L-Ombudsman għandu jingħata informazzjoni klassifikata tal-UE għall-prinċipji u l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)  l-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija tal-Unjoni li tipprovdi l-informazzjoni klassifikata tal-UE trid tkun lestiet il-proċeduri interni rilevanti tagħha u, meta l-oriġinatur ikun parti terza, din tal-aħħar trid tkun tat l-approvazzjoni tagħha bil-miktub minn qabel;

(b)  il-ħtieġa tal-għarfien tal-Ombudsman trid tkun ġiet stabbilita;

(c)  irid jkun żgurat li l-aċċess għal informazzjoni klassifikata CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew ogħla jingħata biss lil persuni li jkollhom approvazzjoni tas-sigurtà għal-livell ta' sigurtà rilevanti f'konformità mad-dritt nazzjonali u awtorizzati mill-awtorità ta' sigurtà kompetenti.

5.  Għall-għoti ta' informazzjoni klassifikata tal-UE, l-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija kkonċernata tal-Unjoni għandha tivvaluta jekk l-Ombudsman ikunx effettivament stabbilixxa regoli ta' sigurtà interna kif ukoll miżuri fiżiċi u proċedurali biex tiġi protetta informazzjoni klassifikata tal-UE. Għal dan il-għan, l-Ombudsman u istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni jistgħu jidħlu wkoll f'arranġament li jistabbilixxi qafas ġenerali li jirregola l-għoti ta' informazzjoni klassifikata tal-UE.

6.  F'konformità mal-paragrafi 4 u 5, l-aċċess għal informazzjoni klassifikata tal-UE għandu jiġi pprovdut fil-bini tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mal-Ombudsman.

7.  Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jipprovdu lill-Ombudsman b’informazzjoni koperta mil-liġi nazzjonali dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata jew mid-dispożizzjonijiet li jipprevjenu l-komunikazzjoni tagħha.

Madankollu, l-Istat Membru kkonċernat jista' jipprovdi taliinformazzjoni lill-Ombudsman soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti mill-awtorità kompetenti tiegħu.

8.  Fejn l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri jkunu beħsiebhom jipprovdu lill-Ombudsman b’informazzjoni klassifikata tal-UE jew kwalunkwe informazzjoni oħra li ma tkunx aċċessibbli għall-pubbliku, huma għandhom jagħtu lill-Ombudsman notifika minn qabel.

L-Ombudsman għandu jiżgura li tali informazzjoni tkun protetta b’mod adegwat u b’mod partikolari ma għandux jiżvela din l-informazzjoni lill-ilmentatur jew lill-pubbliku mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija tal-Unjoni jew tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. Fir-rigward tal-informazzjoni klassifikata tal-UE, l-approvazzjoni għandha tingħata bil-miktub.

9.  L-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni li jiċħdu l-aċċess għal informazzjoni klassifikata tal-UE għandhom jipprovdu lill-Ombudsman ġustifikazzjoni bil-miktub, li tindika, bħala minimu, ir-raġunijiet għar-rifjut.

10.  L-Ombudsman għandu jżomm fil-pussess tiegħu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 8 biss sakemm l-inkjesta tingħalaq b'mod definittiv.

L-Ombudsman jista' jitlob lil istituzzjoni, lil korp, lil uffiċċju jew lil aġenzija ta’ l-Unjoni, jew lil Stat Membru, biex iżomm tali informazzjoni għal perjodu ta' mill-inqas ħames snin.

11.  Jekk l-assistenza mitluba ma tkunx disponibbli meta tkun meħtieġa, l-Ombudsman għandu jinforma lill-Parlament Ewropew, li għandu jaġixxi kif xieraq.

Artikolu 6

Aċċess pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-Ombudsman

L-Ombudsman għandu jittratta t-talbiet għal aċċess pubbliku għad-dokumenti, bl-eċċezzjoni ta' dawk miksuba matul inkjesta u miżmuma mill-Ombudsman għad-durata ta’ dik l-inkjesta jew wara l-għeluq tagħha, f'konformità mal-kundizzjonijiet u l-limiti previsti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, kif ikkomplementat mir-Regolament (KE) Nru 1367/2006.

Artikolu 7

Smigħ ta' uffiċjali u aġenti oħra

1.  L-uffiċjali u aġenti oħra tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji u tal-aġenziji tal-Unjoni għandhom, fuq talba tal-Ombudsman, jinstemgħu, rigward il-fatti li jkollhom x'jaqsmu ma' inkjesta li jkun qed jagħmel l-Ombudsman.

2.  Dawk l-uffiċjali u aġenti oħra għandhom jitkellmu f'isem l-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija tagħhom. Huma għandhom jibqgħu marbuta mal-obbligi li jirriżultaw mir-regoli li jkunu soġġetti għalihom.

Artikolu 8

Inkjesti fil-kuntest tal-iżvelar ta' informazzjoni protetta

1.  L-Ombudsman jista' jwettaq inkjesta biex jiżvela każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina fit-trattament ta' informazzjoni kif definit fl-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal li jkunu ġew divulgati lilu minn uffiċjal jew minn aġent ieħor f'konformità mar-regoli rilevanti stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal.

2.  F'każijiet bħal dawn, l-uffiċjal jew aġent ieħor għandu jibbenefika mill-protezzjoni offruta mir-Regolamenti tal-Persunal kontra kwalunkwe effett ta' preġudizzju min-naħa tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija tal-Unjoni bħala riżultat tal-komunikazzjoni tal-informazzjoni.

3.  L-Ombudsman jista' jinvestiga wkoll jekk kienx hemm każ ta’ amministrazzjoni ħażina fit-trattament ta' tali każ mill-istituzzjoni, mill-korp, mill-uffiċċju jew mill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata, inkluż fir-rigward tal-protezzjoni tal-uffiċjal jew ta' aġent ieħor ikkonċernat.

Artikolu 9

Segretezza professjonali

1.  L-Ombudsman u l-persunal tiegħu ma għandhomx jiddivulgaw informazzjoni jew dokumenti li jiksbu matul l-inkjesta. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, huma ma għandhom, b'mod partikolari, jiddivulgaw l-ebda informazzjoni klassifikata tal-UE jew dokument intern tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji jew tal-aġenziji tal-Unjoni pprovduti lill-Ombudsman jew dokumenti li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali. Huma ma għandhomx jiddivulgaw lanqas kwalunkwe informazzjoni li tista' tagħmel ħsara lid-drittijiet tal-ilmentatur jew ta' kwalunkwe persuna oħra involuta.

2.  Mingħajr preġudizzju għall-obbligu ġenerali ta' rapportar tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji u tal-aġenziji kollha tal-Unjoni lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), f'konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(8), jekk il-fatti li jiġu magħrufa waqt inkjesta tal-Ombudsman jistgħu jikkostitwixxu jew ikunu relatati ma’ reat kriminali, l-Ombudsman għandu jirrapporta lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u, sa fejn il-każ jaqa’ fil-kompetenzi rispettivi tagħhom lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, skont l-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939(9) u lill-OLAF.

3.  Jekk ikun il-każ, u bil-ftehim tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jew tal-OLAF, l-Ombudsman għandu jinnotifika wkoll lill-istituzzjoni, lill-korp, lill-uffiċċju jew lill-aġenzija tal-Unjoni b'awtorità fuq l-uffiċjal jew fuq aġent ieħor ikkonċernat, li tista' tibda l-proċeduri xierqa.

Artikolu 10

Il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Membri u mal-istituzzjonijiet, mal-korpi, mal-uffiċċji u mal-aġenziji tal-Unjoni

1.  Fejn ikun meħtieġ għall-qadi ta' dmirijietu, l-Ombudsman jista' jikkoopera mal-awtoritajiet tal-Istati Membri, f'konformità mad-dritt nazzjonali u tal-Unjoni applikabbli.

2.  Fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dmirijietu, l-Ombudsman jista' jikkoopera wkoll ma' istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari ma' dawk inkarigati mill-promozzjoni u mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. L-Ombudsman għandu jevita kwalunkwe duplikazzjoni jew sovrapożizzjoni mal-attivitajiet ta' dawk l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni.

3.  Il-komunikazzjoni indirizzata lill-awtoritajiet tal-Istati Membri għall-finijiet tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandha ssir permezz tar-rappreżentanzi permanenti tagħhom għall-Unjoni, ħlief meta r-rappreżentanza permanenti kkonċernata taqbel li s-segretarjat tal-Ombudsman jista' jikkuntattja direttament lill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 11

Elezzjoni tal-Ombudsman

1.  L-Ombudsman għandu jiġi elett, u eliġibbli għall-ħatra mill-ġdid, f'konformità mal-Artikolu 228(2) tat-TFUE minn kandidati magħżula wara proċedura trasparenti.

2.  Wara l-pubblikazzjoni tas-sejħa għal nomini f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, l-Ombudsman għandu jintgħażel minn persuni li:

–  huma ċittadini tal-Unjoni,

–  igawdu minn drittijiet ċivili u politiċi sħaħ,

–  joffru kull garanzija ta' indipendenza,

–  jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa biex f'pajjiżhom iwettqu l-ogħla funzjonijiet ġuridiċi jew ikollhom il-kompetenza u l-kwalifiki meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligi mistennija mill-Ombudsman, u

–  ma kinux membri ta' gvernijiet nazzjonali jew membri tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill Ewropew, jew tal-Kummissjoni Ewropea fi żmien sentejn qabel id-data tal-pubblikazzjoni tas-sejħa għan-nomini.

Artikolu 12

Waqfien tad-dmirijiet tal-Ombudsman

1.  L-Ombudsman għandu jieqaf jeżerċita d-dmirijiet jew fl-aħħar tal-mandat tiegħu jew meta jirriżenja jew jitkeċċa.

2.  Ħlief fil-każ ta' tkeċċija, l-Ombudsman għandu jibqa' fil-kariga sakemm jinħatar Ombudsman ġdid.

3.  F'każ ta' terminazzjoni qabel il-waqt, l-Ombudsman il-ġdid għandu fi żmien tliet xhur minn meta l-kariga ssir vakanti, jiġi elett għall-bqija ta' dak il-mandat tal-Parlament Ewropew. Sakemm jinħatar Ombudsman ġdid, l-uffiċjal prinċipali msemmi fl-Artikolu 16(2) għandu jkun responsabbli għall-kwistjonijiet urġenti li jaqgħu taħt id-dmirijiet tal-Ombudsman.

Artikolu 13

It-tneħħija

Meta l-Parlament Ewropew ikollu l-intenzjoni li jitlob it-tkeċċija tal-Ombudsman f'konformità mal-Artikolu 228(2) tat-TFUE, huwa għandu jisma' lill-Ombudsman qabel ma jagħmel talba bħal din.

Artikolu 14

L-eżerċitar tad-dmirijiet tal-Ombudsman

1.  Fit-twettiq tad-dmirijiet, l-Ombudsman għandu jaġixxi f'konformità mal-Artikolu 228(3) tat-TFUE. L-Ombudsman ma għandux jagħmel atti li jkunu inkompatibbli man-natura ta’ dawk id-dmirijiet.

2.  Meta jieħu l-kariga, l-Ombudsman għandu jagħmel impenn solenni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li se jwettaq id-dmirijiet imsemmija fit-Trattati u f'dan ir-Regolament b'indipendenza u imparzjalità kompluta u li se jirrispetta l-obbligi li jirriżultaw matul u wara l-mandat tiegħu. L-impenn solenni għandu b'mod partikolari jinkludi d-dmir li jġib ruħu b'integrità u diskrezzjoni fir-rigward tal-aċċettazzjoni ta' ċerti ħatriet jew benefiċċji wara t-tmiem tal-mandat.

3.  Tul iż-żmien tal-Ombudsman fil-kariga, l-Ombudsman ma jista' jeżerċita l-ebda funzjoni politika jew amministrattiva oħra, jew kwalunkwe kariga oħra, la bi ħlas u lanqas mingħajru.

Artikolu 15

Remunerazzjoni, privileġġi u immunitajiet

1.  L-Ombudsman għandu jkollu l-istess remunerazzjoni, allowances u pensjoni bħal dawk tal-imħallfin tal-Qorti tal-Ġustizzja.

2.  L-Artikoli 11 sa 14 u l-Artikolu 17 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għandhom japplikaw għall-Ombudsman u għall-uffiċjali u aġenti oħra tas-segretarjat tiegħu.

Artikolu 16

Is-Segretarjat tal-Ombudsman

1.  L-Ombudsman għandu jingħata baġit adegwat, biżżejjed biex jiżgura l-indipendenza tal-Ombudsman u t-twettiq tad-dmirijiet tiegħu.

2.  L-Ombudsman għandu jiġi assistit minn segretarjat. L-Ombudsman għandu jaħtar l-uffiċjal prinċipali tas-segretarjat.

3.  L-uffiċjali u aġenti oħra tas-segretarjat tal-Ombudsman għandhom ikunu soġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal. In-numru tal-membri tal-persunal tas-segretarjat għandu jiġi adottat kull sena bħala parti mill-proċedura baġitarja.

4.  Meta l-uffiċjali tal-Unjoni jiġu ssekondati mas-segretarjat tal-Ombudsman, dak is-sekondar għandu jitqies bħala sekondar fl-interessi tas-servizz f'konformità mal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 37 u l-Artikolu 38 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Artikolu 17

Is-sede tal-Ombudsman

Is-sede tal-Ombudsman għandha tkun dik tal-Parlament Ewropew kif iddeterminata bil-punt (a) tal-uniku Artikolu tal-Protokoll Nru 6 .

Artikolu 18

Dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni

L-Ombudsman għandu jadotta d-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni għal dan ir-Regolament, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, mal-Kunsill u mal-Kummissjoni Ewropea. Dawk għandhom ikunu f'konformità ma' dan ir-Regolament u għandhom, bħala minimu, jinkludu tal-inqas dispożizzjonijiet dwar:

(a)  id-drittijiet proċedurali tal-ilmentatur u tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata;

(b)  il-wasla, l-ipproċessar u l-għeluq ta' lmenti;

(c)  l-inkjesti fuq inizjattiva proprja; u

(d)  l-inkjesti ta' segwitu.

Artikolu 19

Dispożizzjonijiet finali

1.  Id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom hija mħassra.

2.  Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

3.  Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi ..., ...

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

(1) Testi adottati, P9_TA(2021)0280.
(2) Approvazzjoni tat-18 ta’ Ġunju 2021 (għada mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(3) Opinjoni tat-18 ta’ Ġunju 2021 (għada mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(4) Id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15).
(5) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(6) Ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13).
(7) ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.
(8) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).
(9) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).


Ftehim UE/Tajlandja: modifika tal-konċessjonijiet fuq il-kwoti tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea ***
PDF 122kWORD 42k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2021 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tat-Tajlandja skont l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) 1994 relatat mal-modifika tal-konċessjonijiet fuq il-kwoti tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea (05444/2021 – C9-0171/2021 – 2021/0003(NLE))
P9_TA(2021)0304A9-0180/2021

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (05444/2021),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tat-Tajlandja skont l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) 1994 relatat mal-modifika tal-konċessjonijiet fuq il-kwoti tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea (05445/2021),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a) (v) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C9-0171/2021),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 105(1) u (4), u l-Artikolu 114(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A9-0180/2021),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Renju tat-Tajlandja.


Ftehim UE/Indoneżja: modifika tal-konċessjonijiet fuq il-kwoti tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea ***
PDF 122kWORD 42k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2021 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim fil-forma ta' skambju ta' ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Indoneżja skont l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) 1994 relatat mal-modifika tal-konċessjonijiet fuq il-kwoti tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea (06505/2021 – C9-0181/2021 – 2021/0044(NLE))
P9_TA(2021)0305A9-0182/2021

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (06505/2021),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Ftehim fil-forma ta' skambju ta' ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Indoneżja skont l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) 1994 relatat mal-modifika tal-konċessjonijiet fuq il-kwoti tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea (06506/2021),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C9-0181/2021),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 105(1) u (4), u l-Artikolu 114(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A9-0182/2021),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Indoneżja.


Ftehim UE/Arġentina: modifika tal-konċessjonijiet fuq il-kwoti tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea ***
PDF 123kWORD 43k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2021 dwar l-abbozz għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim fil-forma ta' skambju ta' ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Arġentina skont l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal-1994 relatat mal-modifika tal-konċessjonijiet fuq il-kwoti tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea (06837/2021– C9-0170/2021 – 2021/0054(NLE))
P9_TA(2021)0306A9-0175/2021

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill (06837/2021),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' ftehim fil-forma ta' skambju ta' ittri bejn l-Unjoni u r-Repubblika Arġentina skont l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal-1994 rigward il-modifika ta' konċessjonijiet dwar il-kwoti tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea (06838/2021),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 207(4) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C9-0170/2021),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 105(1) u (4), u l-Artikolu 114(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A9-0175/2021),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika Arġentina.


L-isfidi u l-opportunitajiet għas-settur tas-sajd fil-Baħar l-Iswed
PDF 195kWORD 61k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2021 dwar l-isfidi u l-opportunitajiet għas-settur tas-sajd fil-Baħar l-Iswed (2019/2159(INI))
P9_TA(2021)0307A9-0170/2021

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/2236 tas-16 ta' Diċembru 2019 li jiffissa, għall-2020, l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u għal ċerti gruppi ta' stokkijiet tal-ħut applikabbli fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-politika komuni tas-sajd(2),

–  wara li kkunsidra l-Għan 14 ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU dwar il-ħajja taħt l-ilma,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ambjent marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina)(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/982 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1343/2011 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM (Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran)(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa(5) (id-Direttiva dwar il-Ħabitats),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 li tistabbilixxi qafas għal ippjanar tal-ispazju marittimu(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd(7) (FEMS),

–  wara li kkunsidra għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1004,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-11 ta' Marzu 2021 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 768/2008, (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1005/2008, u r-Regolament (UE)  2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontroll tas-sajd(8),

–  wara li kkunsidra l-istrateġija ta' nofs it-terminu tal-GFCM (2017-2020) għas-sostenibbiltà tas-sajd fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed u d-deċiżjoni tiegħu dwar strateġija ġdida għall-perjodu 2021-2025,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-GFCM dwar "il-bini flimkien ta' strateġija ġdida għas-sajd u għall-akkwakultura fil-Mediterran u l-Baħar l-Iswed" għall-perjodu 2021-2025, li ttieħdet matul il-laqgħa ta' livell għoli tat-3 ta' Novembru 2020,

–  wara li kkunsidra l-proposti għal Patt Ekoloġiku Ewropew tal-Kummissjoni u għal strateġija tal-UE għall-bijodiversità għall-2030,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet Ministerjali dwar Aġenda Marittima Komuni għall-Baħar l-Iswed adottati fil-laqgħat ta' Burgas fil-31 ta' Mejju 2018 u f'Bucharest fid-9 ta' Mejju 2019, li ġew iffirmati mis-sitt stati littorali kollha tal-Baħar l-Iswed,

–  wara li kkunsidra l-Karta tal-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Ekonomika tal-Baħar l-Iswed, li l-għanijiet tagħha huma li ttejjeb id-djalogu politiku u l-bosta politiki fl-oqsma tal-ħarsien tal-ambjent u l-iskambju tad-data statistika,

–  wara li kkunsidra l-aġenda strateġika tar-riċerka u l-innovazzjoni għall-Baħar l-Iswed, li tnediet fl-2019 u għandha l-għan li tavvanza viżjoni komuni għal Baħar l-Iswed produttiv, b'saħħtu, reżiljenti u sostenibbli sal-2030,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-konferenzi ta' livell għoli dwar is-sajd u l-akkwakultura fil-Baħar l-Iswed li saru f'Bucharest fl-2016 u f'Sofija fl-2018 (id-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Sofija),

–  wara li kkunsidra l-konferenzi ta' livell għoli tal-partijiet ikkonċernati tal-Baħar l-Iswed dwar l-ekonomija blu fil-Baħar l-Iswed li saru f'Bucharest (2014), Sofija (2015), Odessa (2016) u Batumi (2017),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Baħar l-Iswed Kontra t-Tniġġis tal-1992 (il-Konvenzjoni ta' Bucharest) u l-Protokolli tagħha, li l-Bulgarija u r-Rumanija huma partijiet għalihom u li għalihom l-Unjoni Ewropea għandha status ta' osservatur, u wara li kkunsidra wkoll il-ħidma tal-Kummissjoni dwar il-Protezzjoni tal-Baħar l-Iswed Kontra t-Tniġġis abbażi ta' din il-konvenzjoni,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali dwar il-Protezzjoni tal-Baħar l-Iswed tas-7 ta' April 1993,

–  wara li kkunsidra l-programm ta' monitoraġġ u valutazzjoni integrat għall-Baħar l-Iswed tal-Kummissjoni dwar il-Protezzjoni tal-Baħar l-Iswed Kontra t-Tniġġis għas-snin 2017-2022 (BSIMAP 2017-2022),

–  wara li kkunsidra l-proġett BlackSea4Fish, li għandu l-appoġġ finanzjarju tal-UE u baġit annwali ta' madwar EUR 1 100 000 biex jiżgura l-ġestjoni sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut fil-Baħar l-Iswed,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-GFCM tal-2018 dwar programm ta' riċerka reġjonali għas-sajd tal-bebbux tal-baħar fil-Baħar l-Iswed, li l-għan tiegħu huwa li jipprovdi stima tad-distribuzzjoni, l-abbundanza, id-daqs u l-istruttura tal-età tal-popolazzjoni ta' bebbux tal-baħar fil-pajjiżi parteċipanti (il-Bulgarija, ir-Rumanija, it-Turkija, il-Georgia u l-Ukrajna),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2020 bit-titolu "Assessment of balance indicators for key fleet segments and review of national reports on Member States efforts to achieve balance between fleet capacity and fishing opportunities" (Valutazzjoni tal-indikaturi tal-bilanċ għal segmenti ewlenin tal-flotta u rieżami tar-rapporti nazzjonali dwar l-isforzi tal-Istati Membri biex jinkiseb bilanċ bejn il-kapaċità tal-flotta u l-opportunitajiet tas-sajd),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2010 tad-Dipartiment Tematiku B tal-Parlament bit-titolu "Fisheries in the Black Sea" (Is-Sajd fil-Baħar l-Iswed),

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta għal Sajd Responsabbli tal-Organizzazzjoni għall-Ikel u l-Agrikoltura tal-1995,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-inizjattiva reġjonali tal-Programm ta' Żvilupp tal-UE u n-Nazzjonijiet Uniti (il-proġetti EMBLAS-I u EMBLAS-II), li għenu biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta' tliet pajjiżi (il-Georgia, l-Ukrajna u r-Russja) għall-monitoraġġ bijoloġiku u kimiku tal-kwalità tal-ilma fil-Baħar l-Iswed f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE relatata mal-ilma u li ġew implimentati bejn l-2013 u l-2014 (EMBLAS-I) u l-2014 u l-2018 (EMBLAS-II) rispettivament,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-GFCM tal-2009 dwar l-istabbiliment ta' lista ta' bastimenti preżunti li wettqu sajd IUU [illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat] fiż-żona ta' applikazzjoni tal-GFCM,

–  wara li kkunsidra r-Repożitorju Reġjonali tal-Leġiżlazzjoni Nazzjonali tal-GFCM (GFCM-Lex), pjattaforma online li attwalment tinkludi l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar u l-ekosistemi fi tliet pajjiżi tal-GFCM u li l-GFCM qed timmira li testendi għaż-żona kollha tal-GFCM (inkluż il-Baħar l-Iswed) fil-futur,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-1979 dwar il-Konservazzjoni tal-Ħajja Ferjali Ewropea u tal-Abitati Naturali (il-Konvenzjoni ta' Bern), il-Konvenzjoni tal-1979 dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċi Migratorji tal-Annimali Selvaġġi, il-Konvenzjoni tal-1973 dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu, il-Konvenzjoni tal-1992 dwar id-Diversità Bijoloġika u l-pjan ta' azzjoni pan-Ewropew tal-2018 għall-isturjuni adottat skont il-Konvenzjoni ta' Bern,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-GFCM tal-2020 bit-titolu "The State of Mediterranean and Black Sea Fisheries" (Il-Qagħda tas-Sajd fil-Mediterran u l-Baħar l-Iswed),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2011 dwar il-ġestjoni attwali u futura tas-sajd fil-Baħar l-Iswed(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2021 bit-titolu "Aktar ħut fl-ibħra? Miżuri biex jippromwovu l-irkupru tal-istokkijiet 'il fuq mir-Rendiment Massimu Sostenibbli (MSY), inklużi ż-żoni ta' rkupru tal-istokkijiet tal-ħut u ż-żoni tal-baħar protetti"(10),

–  wara li kkunsidra l-Mekkaniżmu ta' Assistenza tal-Baħar l-Iswed, li l-għan tiegħu huwa li jipprovdi gwida u appoġġ lill-gvernijiet, lill-investituri privati, lill-assoċjazzjonijiet tal-kummerċ u tal-industrija, lill-istituzzjonijiet tar-riċerka, lill-universitajiet u lill-pubbliku ġenerali fir-rigward ta' opportunitajiet ta' involviment f'attivitajiet marittimi tal-ekonomija blu fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed,

–  wara li kkunsidra l-Inizjattiva tal-UE dwar is-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed, u t-tliet rapporti tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tas-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed tad-19 ta' Ġunju 2008 (COM(2008)0391), tal-20 ta' Jannar 2015 (SWD(2015)0006) u tal-5 ta' Marzu 2019 (SWD(2019)0100),

–  wara li kkunsidra l-istrateġija tal-UE għar-reġjun tad-Danubju, li fost affarijiet oħra għandha l-għan li tiffaċilita u tikkoordina kwistjonijiet ewlenin bħall-bijodiversità u l-iżvilupp soċjoekonomiku fil-pajjiżi tal-baċir tax-Xmara Danubju,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni għas-Sajd (A9-0170/2021),

A.  billi l-Baħar l-Iswed huwa baħar nofsu magħluq li huwa konness biss ma' oċean mill-Mediterran permezz tal-Baħar Marmara u l-Baħar Eġew u huwa mdawwar minn sitt pajjiżi (il-Bulgarija, ir-Rumanija, it-Turkija, il-Georgia, l-Ukrajna, ir-Russja), li minnhom tnejn biss huma Stati Membri (il-Bulgarija u r-Rumanija);

B.  billi l-Baħar l-Iswed għadda minn bidliet ambjentali drammatiċi mis-sittinijiet, li rriżultaw minn pressjonijiet bħall-ewtrofikazzjoni, l-introduzzjoni ta' speċijiet invażivi u s-sajd eċċessiv;

C.  billi l-bidliet fir-reġim ambjentali tal-Baħar l-Iswed kienu ikkawżat mit-tnaqqis tal-predaturi ewlenin fix-xibka alimentari pelaġika u t-tnaqqis sussegwenti ta' ħut planktivoruż;

D.  billi l-Baħar l-Iswed għandu saff anossiku kbir (87 %), u billi s-saff ossiġenat tiegħu naqas minn 20 għal 25 metru matul l-aħħar 20 sena; billi l-azzjonijiet tal-bniedem, bħat-tniġġis, il-qerda tal-ħabitats u s-sajd eċċessiv, wasslu għal degradazzjoni severa tal-ekosistema fil-Baħar l-Iswed fis-snin tmenin; billi bl-eċċezzjoni ta' ftit batterji anaerobiċi, il-ħajja tal-baħar hija nieqsa f'fond ta' 50-200 m;

E.  billi tmien speċijiet mistada fil-Baħar l-Iswed huma ta' interess kbir għas-settur tas-sajd (l-inċova (Engraulis encrasicolus), il-laċċa kaħla (Sprattus sprattus), is-sawrell (Trachurus mediterraneus), il-barbun imperjali (Scophthalmus maximus), il-merlangu (Merlangius merlangus), it-trilja tal-qawwi (Mullus barbatus), il-bebbux tal-baħar (Rapana venosa), il-mazzola griża (Squalus acanthias)), li l-biċċa l-kbira tagħhom jagħmlu parti mill-istokkijiet kondiviżi, filwaqt li żewġ speċijiet huma soġġetti għal kwoti – il-laċċa kaħla, li għandha kwota awtonoma u l-barbun imperjali, li għandu kwota tal-qbid totali permissibbli stabbilita mill-GFCM; billi speċijiet oħra, bħall-mazzola (kelb il-baħar), il-merlangu u l-inċova għadhom mhux protetti; billi l-kwota għal-laċċa kaħla għall-2020-2022 hija l-istess bħal tal-2011, ta' 11 445 tunnellata fis-sena għall-UE (8 032.5 tunnellata għall-Bulgarija u 3 442.5 tunnellata għar-Rumanija), filwaqt li r-rata tal-UE għall-barbun imperjali żdiedet minn 114 għal 150 tunnellata fis-sena u hija maqsuma ugwalment bejn il-Bulgarija u r-Rumanija;

F.  billi sistema ta' rendimenti massimi sostenibbli għal speċijiet ekonomikament importanti fil-pajjiżi tal-Baħar l-Iswed se tkun ta' benefiċċju għall-bijodiversità, kif ukoll għas-sostenibbiltà tas-settur tas-sajd fit-terminu medju u fit-tul; billi r-Rumanija stabbiliet kwota nazzjonali għal speċijiet oħra minbarra t-tnejn ikkwotati fil-livell tal-UE – bħall-bebbux tal-baħar, il-molluski (Mytilus galloprovincialis), il-makku (Ponticola cephalargoides), il-gandoffli rrigati (Chanelea gallina), il-merlangu u l-mazzola griża;

G.  billi, skont iċ-ċifri tal-2018, il-konsum annwali tal-ħut per capita fil-Bulgarija (7.00 kg) u fir-Rumanija (7.99 kg) huwa ferm inqas mill-medja tal-UE (24.36 kg), u dan jista' jitqies bħala opportunità biex is-settur lokali tas-sajd jikber;

H.  billi bħala medja, 91 % tal-flotot tas-sajd tal-Baħar l-Iswed tas-sitt pajjiżi littorali kollha jikkonsistu minn bastimenti żgħar; billi kważi 95 % tal-flotta Bulgara u 87 % tal-flotta Rumena jaqgħu f'din il-kategorija;

I.  billi, skont il-GFCM, is-settur fuq skala żgħira fil-Baħar l-Iswed għandu qbid inċidentali sostanzjali ta' speċijiet vulnerabbli ta' kelb il-baħar u ta' raja u mammiferi tal-baħar, bħad-dniefel u d-dniefel suwed;

J.  billi s-sajd fuq skala żgħira huwa karatteristika tar-reġjuni tal-Baħar l-Iswed u tan-naħa ta' Isfel tad-Danubju;

K.  billi l-bastimenti tas-sajd IUU qed joperaw fil-Baħar l-Iswed u l-istati littorali għandhom kapaċità żgħira li jimmonitorjaw l-operazzjonijiet tas-sajd; billi skont l-aħħar data disponibbli tal-GFCM mill-4 sat-8 ta' Novembru 2019, 65 bastiment ġew identifikati bħala bastimenti tas-sajd IUU;

L.  billi l-FEMS alloka aktar minn EUR 88 miljun lill-Bulgarija u aktar minn EUR 168 miljun lir-Rumanija għall-perjodu 2014-2020; billi r-rati ta' assorbiment taż-żewġ pajjiżi, skont l-aħħar informazzjoni disponibbli mill-31 ta' Diċembru 2020, għadhom fost l-aktar baxxi fl-UE, bil-Bulgarija li nefqet biss 36.34 % tal-finanzjament allokat u r-Rumanija li nefqet biss 33.72 %; billi rati ta' assorbiment aktar baxxi jistgħu jissarrfu f'opportunitajiet mitlufa għall-komunitajiet tas-sajd f'dawn il-pajjiżi;

M.  billi l-Kunsill Konsultattiv għall-Baħar l-Iswed huwa operattiv u jipparteċipa fl-iżvilupp tal-politiki tal-UE dwar is-sajd fil-Baħar l-Iswed; billi l-ġestjoni tas-sajd għall-Baħar l-Iswed titwettaq mill-GFCM;

N.  billi l-Kummissjoni dwar il-Protezzjoni tal-Baħar l-Iswed Kontra t-Tniġġis taġixxi fuq il-mandat tal-pajjiżi tal-Baħar l-Iswed (il-Bulgarija, il-Georgia, ir-Rumanija, ir-Russja, it-Turkija u l-Ukrajna), li ffirmaw u ftit wara rratifikaw il-Konvenzjoni ta' Bucharest; billi din il-konvenzjoni tirrikjedi li l-partijiet kontraenti kollha jipprevjenu, inaqqsu u jikkontrollaw it-tniġġis fil-Baħar l-Iswed sabiex jipproteġu u jippreservaw dan l-ambjent tal-baħar;

O.  billi t-tibdil fil-klima qed jikkontribwixxi għal żieda fit-temperatura tal-arja fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed, u dan għandu impatt fuq it-temperatura tal-baħar u konsegwentement jaffettwa l-bijodiversità u l-ispeċijiet tal-baħar; billi din il-bidla għandha impatt fuq is-settur tas-sajd peress li r-riżorsi li jiddependi minnhom huma affettwati;

P.  billi l-Kummissjoni pproponiet il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità għall-2030, li jibnu l-pedament għal pakketti leġiżlattivi li jibdlu l-acquis communataire fir-rigward tal-ambjent; billi dan joħloq opportunitajiet u miżuri ġodda biex l-aspetti ambjentali jiġu integrati aħjar fil-politiki settorjali, jiġu rrestawrati l-ispeċijiet u l-ħabitats u jiġu promossi investimenti u politiki li jirrispettaw aktar l-ambjent;

Q.  billi l-karatteristiċi tal-Baħar l-Iswed, bħaż-żona ta' qbid kbira tiegħu, jagħmluh żona partikolarment sensittiva għat-tniġġis tal-iskart fil-baħar u għall-akkumulazzjoni tal-mikroplastik; billi skont ir-rapport imfassal bħala parti mill-proġett EMBLAS-Plus dwar il-Baħar l-Iswed, dan fih kważi d-doppju tal-iskart fil-Baħar Mediterran, li bla dubju għandu konsegwenzi fuq il-bijodiversità, l-istokkijiet tal-ħut u s-settur tas-sajd;

R.  billi l-Baħar l-Iswed għandu tliet sottospeċijiet endemiċi taċ-ċetaċji – id-denfil komuni tal-Baħar l-Iswed (Delphinus delphis ponticus), id-denfil geddumu qasir tal-Baħar l-Iswed (Tursiops truncatus ponticus) u d-denfil iswed tal-Baħar l-Iswed (Phocoena phocoena relicta) – li kollha huma kklassifikati bħala speċijiet fil-periklu u li tnejn minnhom – id-denfil geddumu qasir tal-Baħar l-Iswed u d-denfil iswed tal-Baħar l-Iswed – huma koperti mid-Direttiva dwar il-Ħabitats; billi dawn kollha huma karnivori li prinċipalment jieklu l-ħut;

S.  billi l-bebbux tal-baħar huwa meqjus bħala speċi invażiva mingħajr għedewwa naturali fil-Baħar l-Iswed, u dan huwa ta' theddida serja għall-popolazzjonijiet ta' organiżmi oħra; billi fl-istess ħin dan sar sors importanti ta' introjtu u huwa speċi fil-mira għall-bastimenti tas-sajd kummerċjali;

T.  billi l-ekosistema tal-Baħar l-Iswed tiddependi minn xmajjar Ewropej ewlenin bħad-Danubju għad-dħul tal-ilma; billi din id-dipendenza toħloq rabta mill-qrib bejn l-istatus ekoloġiku tad-Danubju u xmajjar oħra u l-istatus ekoloġiku tal-Baħar l-Iswed; billi dawn ix-xmajjar jittrasportaw ammonti kbar ta' residwi naturali u antropoġeniċi minn sorsi interni; billi kemm id-Danubju kif ukoll il-Baħar l-Iswed jospitaw ċerti speċijiet, inklużi l-isturjun (Acipenseriformes) u l-laċċ Pontiku (Alosa immaculata);

U.  billi fatturi bħad-degradazzjoni tal-ħabitat ta' dawn l-ispeċijiet, it-tfixkil tal-kurituri migratorji tagħhom, l-isfruttament żejjed tagħhom għall-kavjar u l-laħam tagħhom, u t-tniġġis, wasslu biex l-isturjun tad-Danubju u dak tal-Baħar l-Iswed spiċċaw fix-xifer tal-estinzjoni; billi, minħabba t-tnaqqis drastiku fl-għadd tal-isturjuni riproduttivi, illum il-ġurnata din l-ispeċi tista' titnissel fis-selvaġġ biss f'okkażjonijiet rari ħafna; billi kemm id-Danubju u l-Baħar l-Iswed darba kellhom popolazzjonijiet kbar ta' sturjun;

V.  billi t-tnaqqis drastiku fl-għadd ta' ħut li jirriproduċi, li huwa assoċjat mat-tnaqqis fil-popolazzjoni, qed jikkawża falliment fir-riproduzzjoni naturali peress li qed jitnaqqsu l-opportunitajiet li l-ftit sturjuni maskili u femminili li fadal jiltaqgħu u jirriproduċu;

W.  billi d-data miżmuma mill-istituti tar-riċerka tindika li l-popolazzjonijiet tal-ispeċi tal-isturjun huma frammentati u nieqsa minn ċerti ġenerazzjonijiet, li r-riproduzzjoni naturali tal-ispeċi tal-isturjun hija defiċjenti, li n-numru ta' adulti li jemigraw lejn id-Danubju għar-riproduzzjoni huwa baxx ħafna u li ħames speċijiet ta' sturjun (l-isterlet (Acipenser ruthenus), l-isturjun Russu (Acipenser gueldenstaedtii), l-isturjun starry (Acipenser stellatus), l-isturjun Ewropew (Acipenser sturio) u l-isturjun beluga (Huso huso)) jinsabu fix-xifer tal-estinzjoni, filwaqt li l-isturjun tal-vapur (Acipenser nudiventris) diġà huwa meqjus bħala estint;

X.  billi s-settur tas-sajd tal-UE diġà japplika standards għoljin, li jeħtieġ li jiġu riveduti u aġġustati sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà ambjentali u soċjali tul il-katina tal-valur kollha, inklużi d-drittijiet tal-ħaddiema u s-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, u biex jiġu pprovduti prodotti tas-sajd ta' kwalità għolja;

Y.  billi s-settur tas-sajd rikreattiv jista' jipprovdi opportunitajiet bħall-attività jew id-diversifikazzjoni tal-introjtu, filwaqt li huwa kompatibbli mal-objettivi ambjentali, peress li s-sajd rikreattiv huwa forma selettiva ħafna ta' sajd;

Z.  billi l-pandemija tal-COVID-19 qed ikollha impatt serju fuq is-settur tas-sajd fil-Baħar l-Iswed; billi l-analiżi wriet li s-settur tas-sajd fil-Baħar l-Iswed bata b'mod drastiku matul il-pandemija, bil-ħidma tal-bastimenti operattivi li naqset b'sa 80 %, minbarra tnaqqis inizjali ta' madwar 75 % tal-produzzjoni;

AA.  billi l-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat l-importanza tas-sajd u tal-akkwakultura fl-iżgurar tal-aċċess għall-ikel;

L-istatus tal-istokkijiet ta' speċijiet tal-Baħar l-Iswed li għandhom importanza ekonomika kbira

1.  Jissottolinja r-riskji strateġiċi u ġeopolitiċi għoljin fil-baċir tal-Baħar l-Iswed minħabba, fost affarijiet oħra, il-kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi ħafna, li jirrikjedu attenzjoni speċjali, approċċ imfassal apposta, standards ambjentali ambizzjużi u azzjonijiet kollettivi mmirati lejn il-kisba ta' ekonomija blu u tkabbir sostenibbli; jisħaq fuq il-ħtieġa li tkompli tissaħħaħ u tiġi approfondita l-kooperazzjoni fost il-pajjiżi littorali tal-Baħar l-Iswed bil-ħsieb li l-istokkijiet tal-ħut jiġu ġestiti b'mod effiċjenti u jiġu ffaċċjati l-isfidi, inkluż permezz tal-GFCM; jitlob, f'dan ir-rigward, pjan ta' kapaċità reġjonali li jiżgura bilanċ xieraq fost ir-riżorsi naturali disponibbli, is-sikurezza ambjentali u ż-żamma tal-kapaċità tal-flotta tal-pajjiżi littorali kollha tal-Baħar l-Iswed;

2.  Jindika li d-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Sofija tas-7 ta' Ġunju 2018 diġà enfasizzat il-ħtieġa ta' approċċ kollaborattiv għal kwistjonijiet relatati mas-sajd fil-Baħar l-Iswed, bħas-sostenibbiltà tar-riżorsi tal-baħar, it-titjib tal-ġbir ta' data u l-indirizzar tas-sajd IUU; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Sofija;

3.  Jenfasizza l-fatt li l-kooperazzjoni fuq livell ugwali fil-qasam tal-ġestjoni tas-sajd hija meħtieġa fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed minħabba l-istokkijiet kondiviżi u l-isfidi globali, li jmorru lil hinn mill-fruntieri nazzjonali;

4.  Jenfasizza l-fatt li għall-Baħar Mediterran u l-Baħar l-Iswed, il-65 segment tal-flotta kollha ħlief wieħed li għalihom jista' jiġi kkalkulat l-hekk imsejjaħ indikatur sostenibbli tal-ħsad kienu żbilanċjati fl-2018;

5.  Jisħaq l-importanza li jiġu promossi miżuri li jappoġġjaw il-ġbir u l-ipproċessar ta' data xjentifika;

6.  Iħeġġeġ l-inklużjoni tal-pajjiżi kollha tal-Baħar l-Iswed fil-proġett GFCM-LEX sabiex tiġi ffaċilitata l-ġestjoni komuni tal-istokkijiet tal-ħut u tiġi kkoordinata aħjar u aktar malajr;

7.  Huwa mħasseb li wara għexieren ta' snin ta' pressjoni umana dejjem tiżdied fuq l-ekosistema marina tal-Baħar l-Iswed u l-ekosistema tax-Xmara Danubju u r-riżorsi tas-sajd tagħhom, l-aħħar data tissuġġerixxi li stokk wieħed biss (il-laċċ ikħal) huwa meqjus bħala sfruttat b'mod sostenibbli u li stokkijiet oħra tal-ħut huma mistada b'mod eċċessiv, sal-punt li xi wħud minnhom huma qrib li jispiċċaw; jinnota li fis-snin li għaddew kien hemm xi xejriet pożittivi għal xi stokkijiet, pereżempju l-barbun imperjali, li l-kwota tal-qbid totali permissibbli tiegħu żdiedet għall-2020-2022, iżda li għad ma hemm l-ebda titjib sinifikanti fuq livell ġenerali għall-Baħar l-Iswed; jisħaq li l-iżviluppi kollha tal-istokkijiet tal-barbun imperjali tal-Baħar l-Iswed u tal-laċċa kaħla għandhom ikunu akkumpanjati minn miżuri protettivi kontinwi bħal pjanijiet ta' ġestjoni;

8.  Jirrikonoxxi r-rwol tal-amministrazzjonijiet fil-baċir kollu tal-Baħar l-Iswed, li għandhom politiki differenti, li jwettqu monitoraġġ, kontroll u ġestjoni sostenibbli, u jikkontribwixxu għat-titjib tas-sostenibbiltà tas-settur tas-sajd;

9.  Jistieden lill-awtoritajiet Bulgari u Rumeni jgħinu lis-settur billi jiżguraw riżorsi mmirati speċifikament lejn it-titjib tas-selettività tal-bastimenti tas-sajd permezz ta' xbieki ta' malji aħjar; jemmen li miżura mmirata bħal din se tnaqqas il-kwantitajiet u l-varjetajiet ta' qabdiet inċidentali mhux mixtieqa;

10.  Jitlob li l-kapital istituzzjonali u uman tal-pajjiżi littorali tal-Baħar l-Iswed jiġi integrat għal riċerka konġunta u attivitajiet applikati mmirati lejn it-titjib tar-riżorsi bijoloġiċi tal-Baħar l-Iswed u l-istokkijiet tal-ispeċijiet ekonomikament importanti;

11.  Jisħaq li n-nuqqas ta' informazzjoni suffiċjenti dwar l-attività tas-sajd, il-kwantità tal-qabdiet, il-kompożizzjoni tal-qabdiet u l-impatt tagħhom fuq l-istat attwali tal-istokkijiet tal-ħut hija kwistjoni kritika għar-reġjun tal-Baħar l-Iswed; jissottolinja, għalhekk, il-ħtieġa ta' finanzjament suffiċjenti għall-korpi xjentifiċi li jirriċerkaw l-istokkijiet tal-ispeċijiet tal-ħut fil-Baħar l-Iswed, inklużi speċijiet migratorji bħall-isturjun u l-laċċi tal-Baħar l-Iswed, iċ-ċetaċji fil-periklu u speċijiet mhux tal-ħut (il-bebbux tal-baħar, il-molluski, eċċ.), kif ukoll parametri marbuta mal-ekosistema tal-baħar; jitlob li jkun hemm aktar kooperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar kwistjonijiet ta' kontroll permezz ta' teknoloġiji diġitali rilevanti u strumenti xjentifiċi obbligatorji speċifiċi bħal kameras abbord jew osservaturi obbligatorji abbord, fejn applikabbli u f'konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE;

12.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-programm ta' riċerka reġjonali dwar il-popolazzjoni tal-bebbux tal-baħar li nbeda mill-GFCM peress li dan se jgħin biex jintlaħaq kunsens dwar l-ispeċi; jemmen li dan se jgħin biex jiġi żviluppat sfruttament ibbażat fuq ix-xjenza, li jista' jwassal għal profitti soċjoekonomiċi għall-komunitajiet u benefiċċji ambjentali għall-ekosistema tal-Baħar l-Iswed billi jillimita l-impatt ta' din l-ispeċi invażiva;

13.  Jisħaq fuq l-importanza li tiġi introdotta politika ta' tolleranza żero għas-sajd IUU fil-Baħar l-Iswed; jilqa' l-isforzi tal-GFCM f'dan ir-rigward u jħeġġeġ lill-istati littorali kollha biex jagħmlu u jgħaqqdu l-isforzi biex itemmu s-sajd IUU fl-ilmijiet tagħhom;

14.  Iħeġġeġ lill-istati littorali kollha biex jippromwovu s-sajd sostenibbli, li, fost affarijiet oħra, jinkludi l-ġlieda kontra s-sajd eċċessiv u/jew l-eliminazzjoni tal-qbid inċidentali ta' speċijiet fil-periklu, bħalma huma l-isturjun, il-laċċi u oħrajn;

15.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet u l-organi intergovernattivi kollha, flimkien mal-istati littorali kollha tal-Baħar l-Iswed, fost l-oħrajn, biex jiffaċilitaw u jimmonitorjaw ir-riżorsi tas-sajd tagħhom, u f'konformità mal-impenji tagħhom, biex jikkondividu d-data dwarhom b'mod komprensiv u inklużiv sabiex jiġi żgurat l-istatus għoli tal-ekosistema ta' dawn il-ħabitats tal-baħar;

16.  Ifakkar li statistika uffiċjali affidabbli, miġbura regolarment permezz ta' metodoloġija armonizzata fost l-istati littorali kollha, monitoraġġ regolari u miżuri regolatorji komuni huma kruċjali għas-suċċess ta' ġestjoni xierqa tas-sajd fil-Baħar l-Iswed; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-awtoritajiet rispettivi kemm fl-Istati Membri kif ukoll fil-pajjiżi li qed jikkooperaw biex iwettqu riċerka regolari u bir-reqqa dwar ir-riżorsi tal-ħut li għalihom il-finanzjament u l-għajnuna nazzjonali huma essenzjali;

17.  Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' koperazzjoni ta' komunikazzjoni lokali u reġjonali fl-istati littorali differenti tal-Baħar l-Iswed, sabiex ikun jista' jitwettaq approċċ komuni u koerenti għall-ġestjoni tal-istokkijiet tal-ħut;

18.  Ifakkar fil-potenzjal li jipprovdu t-teknoloġiji l-ġodda u l-valur miżjud għoli għar-riċerka u għall-ippjanar tal-ġestjoni tas-sajd li jista' jkollhom; ifakkar li hemm proġetti ffinanzjati permezz tal-FEMS li għandhom l-għan, fost affarijiet oħra, li jimmppjaw qiegħ il-baħar u r-riċerka tiegħu kif ukoll il-preżenza tal-plastik fih;

19.  Iħeġġeġ lill-istati littorali tal-Baħar l-Iswed jinvestu fid-diġitalizzazzjoni tal-istatistika u tad-data dwar l-istokkijiet tal-ħut fil-baċir tal-Baħar l-Iswed sabiex ikun possibbli li dawk l-istokkijiet jiġu ġestiti aħjar u b'mod aktar sostenibbli; jitlob li jkun hemm metodoloġija komuni għat-tressiq u l-użu ta' din id-data;

20.  Jistieden lill-industrija tas-sajd fir-reġjun tikkunsidra li tagħmel użu minn stokkijiet tal-ħut sottovalutati u mhux użati, li huma wkoll sorsi ta' proteina;

21.  Jistieden lill-komunitajiet xjentifiċi fl-Istati Membri jagħmlu riċerka dwar il-potenzjal ta' ambjent ħieles mill-ossiġenu;

22.  Jenfasizza r-rwol tas-settur mhux governattiv fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet fir-rigward tal-Baħar l-Iswed; jirrakkomanda li jiġi stabbilit mekkaniżmu li jinkludi s-settur mhux governattiv f'dan il-proċess;

23.  Jilqa' l-appoġġ li ngħata lis-setturi tas-sajd u l-akkwakultura permezz tal-programmi tal-FEMS sabiex jittaffew l-effetti dannużi tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-settur tas-sajd lokali; ifakkar, madankollu, li mhux il-partijiet ikkonċernati affettwati kollha jistgħu jibbenefikaw minn dak l-appoġġ minħabba r-rekwiżiti u l-limitazzjonijiet amministrattivi, u dan poġġa lil xi wħud f'sitwazzjoni aktar sfavorevoli minn oħrajn;

24.  Jissottolinja l-ħidma importanti li jagħmel il-Kunsill Konsultattiv għall-Baħar l-Iswed kemm fil-livell reġjonali kif ukoll fil-livell tal-UE biex jipprovdi għarfien espert dwar is-settur tas-sajd u x-xejriet li jaffettwawh; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-awtoritajiet Bulgari u Rumeni jikkontribwixxu għall-funzjonament tal-kunsill biex jgħinuh iwettaq il-funzjonijiet tiegħu u wkoll biex jippermettu lill-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi s-sajjieda fuq skala żgħira, jieħdu sehem fil-ħidma u fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-kunsill;

Aspetti kummerċjali

25.  Jisħaq li permezz tas-settur tas-sajd, il-frott tal-baħar jista' jiġi offrut għall-bejgħ fis-swieq lokali fejn ir-rati ta' konsum għal tali prodotti huma baxxi; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti fil-Bulgarija u fir-Rumanija jgħinu lis-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura biex iżidu s-sensibilizzazzjoni dwar il-konsum lokali u l-effetti pożittivi kumulattivi li għandhom is-sajd u l-akkwakultura sostenibbli għall-ekonomija lokali;

26.  Jirrikonoxxi u jissottolinja li s-sajd fil-Baħar l-Iswed jagħti kontribut sinifikanti lill-ekonomiji reġjonali u lokali billi jiġġenera dħul dirett u introjtu, jixpruna nfiq usa' u jipprovdi impjiegi kruċjali b'mod indipendenti jew permezz ta' kooperazzjoni ma' setturi oħra bħat-turiżmu u t-trasport; jitlob li tissaħħaħ il-kooperazzjoni fost is-setturi kollha li jużaw l-ambjent tal-baħar sabiex jinkisbu riżultati aħjar u bilanċ aħjar bejn l-interessi tal-ambjent, tal-industrija u tas-sajjieda fuq skala żgħira;

27.  Ifakkar li l-prodotti importati naqqsu l-popolarità ta' prodotti ppreparati b'mod tradizzjonali u xprunaw il-prezz tagħhom taħt il-limitu tal-profittabbiltà, u b'hekk ipperikolaw il-mudelli kummerċjali tradizzjonali bbażati fuq il-ħut;

28.  Ifakkar li l-flotta tas-sajd tal-Baħar l-Iswed tinkludi fil-biċċa l-kbira bastimenti tas-sajd fuq skala żgħira, u dan jissottolinja l-ħtieġa ta' aktar approċċi mfassla apposta u politiki dwar dan is-segment tas-settur tas-sajd; jinsab imħasseb li s-sajjieda fuq skala żgħira għandhom introjtu aktar instabbli u aktar baxx meta mqabbla ma' dawk li jaħdmu f'setturi oħra, u dan jagħmilhom vulnerabbli għal żviluppi jew kriżijiet mhux previsti; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri littorali jinvolvu rappreżentanti tas-settur tas-sajd fuq skala żgħira fl-abbozz ta' politika u fid-diskussjonijiet b'mod trasparenti u inklużiv;

29.  Jindika li hemm domanda globali dejjem tikber għall-proteini, li għaliha kemm is-settur tas-sajd kif ukoll dak tal-akkwakultura jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti; iqis li l-appoġġ għall-akkwakultura tal-baħar jista' jgħin lis-settur jiżviluppa u jikber fis-snin li ġejjin u jista' wkoll inaqqas il-pressjoni fuq l-istokkijiet tal-ħut selvaġġ; huwa tal-fehma li l-akkwakultura sostenibbli tirrikjedi wkoll aktar riċerka xjentifika dwar kwistjonijiet bħad-densità u l-effetti sekondarji, li jeħtieġ li jitqiesu meta jitfasslu politiki għas-settur tal-akkwakultura fil-Baħar l-Iswed;

30.  Jistieden lill-komunitajiet tas-sajd lokali jikkunsidraw l-introduzzjoni ta' denominazzjonijiet ta' oriġini għall-prodotti tal-Baħar l-Iswed li ġejjin minn żoni ta' importanza reġjonali jew lokali; jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jgħinu lil dawn il-komunitajiet fl-isforzi tagħhom biex jagħmlu dan;

Politika mmirata għas-settur

31.  Jistieden lill-Istati Membri fir-reġjun jikkunsidraw jappoġġjaw lis-settur permezz tal-inklużjoni tiegħu fil-programmi nazzjonali tagħhom għall-2021-2027 jew strumenti nazzjonali oħra u allokazzjonijiet għal kampanji ddedikati għall-benefiċċji tal-konsum tal-ħut u l-importanza ta' sajd sostenibbli, biex jappoġġjaw is-settur billi joħolqu ktajjen alimentari lokali biex jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq, speċjalment għas-sajjieda fuq skala żgħira, u biex jiżviluppaw, itejbu jew jiffaċilitaw il-bini tal-infrastruttura tas-sajd (eż. swieq tal-ħut jew djar tal-irkant tal-ħut, eċċ.) fejn applikabbli; jistieden lill-Istati Membri fir-reġjun jinvestu aktar fl-implimentazzjoni, fil-monitoraġġ u fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni ambjentali u tas-sajd tal-UE;

32.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti fir-Rumanija u fil-Bulgarija biex jinkludu fil-programmi operattivi rispettivi tagħhom tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura għall-2021-2027 l-installazzjoni ta' skema mmirata għas-sajjieda żgħażagħ sabiex tagħti ħajja ġdida lis-settur tas-sajd, inklużi għotjiet lil xerrejja għall-ewwel darba tal-ewwel bastiment tas-sajd, u wkoll miżuri mmirati lejn it-tnaqqis tat-tniġġis billi jingħataw għotjiet għall-bdil ta' magni qodma tal-bastimenti tas-sajd ma' oħrajn ġodda li jkunu aktar favur l-ambjent;

33.  Jissottolinja li l-pressjoni biex wieħed jadatta għal sfidi ġodda ma għandhiex taqa' biss fuq is-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura, peress li dawn diġà japplikaw standards ambjentali u soċjali għoljin; jinsisti, għalhekk, li għandha ssir enfasi wkoll fuq attivitajiet oħra tal-baħar, bħas-sajd rikreattiv, it-turiżmu kostali, l-attivitajiet tal-portijiet u tat-tbaħħir u l-attivitajiet li jisfruttaw ir-riżorsi, li jeħtieġ li jgħollu l-istandards tagħhom biex jiżguraw tranżizzjoni blu b'suċċess;

34.  Jisħaq ir-rwol tal-gruppi ta' azzjoni lokali tas-sajd fl-iskambju u fil-promozzjoni tal-aħjar prattiki ta' interess għax-xjenzi, għall-partijiet ikkonċernati lokali u għall-industrija fost membri tal-komunitajiet tas-sajd rispettivi, kif ukoll permezz ta' kooperazzjoni internazzjonali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti fil-Bulgarija u fir-Rumanija jipprovdu appoġġ nazzjonali għall-iskambju tal-aħjar prattiki mal-istati littorali l-oħra tal-Baħar l-Iswed, li għandhom prattiki tajbin fil-ġestjoni tal-istokkijiet għal speċijiet ekonomikament importanti bħall-barbun imperjali;

35.  Jinnota l-ħtieġa li jinżammu prattiki tajbin fis-settur tas-sajd billi jitnaqqsu l-piżijiet ekonomiċi għas-sajjieda fuq skala żgħira u l-assoċjazzjonijiet tagħhom;

36.  Jitlob li t-taħriġ u l-edukazzjoni fis-settur kemm fil-livell sekondarju kif ukoll fil-livell tal-edukazzjoni għolja jsiru aktar attraenti permezz ta', pereżempju, kampanji ta' informazzjoni mmirati u permezz ta' jiem iddedikati għall-istudenti prospettivi b'kooperazzjoni mas-settur pubbliku u dak privat;

37.  Ifakkar fil-livell baxx ta' edukazzjoni tas-sajjieda (11 % tas-sajjieda Bulgari u 53 % tas-sajjieda Rumeni għandhom livell ta' edukazzjoni aktar baxx minn diploma tal-iskola sekondarja) li jirrikjedi miżuri proattivi fuq livelli differenti sabiex jiġi żgurat li jkun hemm ħaddiema b'ħiliet speċjalizzati u li jkunu mħarrġa sew li jkunu familjari mal-istandards tekniċi, soċjali u ambjentali meħtieġa, u li se jgħinu biex jinkisbu livelli aħjar ta' sostenibbiltà tal-istokkijiet; jitlob li jkun hemm dimensjoni soċjali qawwija fit-tkabbir blu sostenibbli tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed fir-rigward tal-prinċipji ewlenin tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, speċjalment fir-rigward tal-ħaddiema prekarji, staġjonali u mhux iddikjarati u l-aċċess tan-nisa għas-settur;

38.  Jilqa' l-isforzi biex jiġu stabbiliti ċentri ta' dimostrazzjoni fir-Rumanija, fit-Turkija u fil-Bulgarija b'kooperazzjoni mal-GFCM, li għandhom il-potenzjal li jżidu l-attrazzjoni tas-sajd għan-negozji lokali u għall-partijiet ikkonċernati;

39.  Jitlob li tiġi implimentata bis-sħiħ u b'mod urġenti d-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina;

L-ambjent, il-bijodiversità u t-tibdil fil-klima

40.  Jitlob miżuri mmirati u riżorsi adegwati biex jitnaqqas it-tniġġis u l-qbid inċidentali ta' elażmobranki vulnerabbli (bħall-mazzola griża) u mammiferi tal-baħar, u li jiżdiedu b'mod rapidu l-isforzi għas-salvagwardja tal-ambjent u l-bijodiversità fil-baċir kollu permezz ta' programmi u baġits konġunti, b'mod partikolari abbażi tar-riżorsi finanzjarji disponibbli taħt il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura; jitlob li jsiru riċerka estensiva u stimi dwar it-tniġġis tal-plastik u l-effetti tal-plastik u inkwinanti oħra fuq l-organiżmi ħajjin fil-Baħar l-Iswed; jitlob li jkun hemm kejl sistematiku tat-tniġġis tan-nitroġenu fil-baċir tal-Baħar l-Iswed; jitlob, barra minn hekk, li jsir stħarriġ fil-baċir kollu biex ikun jista' jsir tqabbil bejn il-kompożizzjoni u l-akkumulazzjoni tal-iskart fil-baħar fil-pajjiżi u bejniethom;

41.  Ifakkar fil-fatt li s-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura mhumiex qed jikkawżaw żidiet fit-temperatura u t-tibdil fil-klima, iżda pjuttost qed ibatu mill-konsegwenzi tagħhom, bħalma hi żieda fit-temperatura tal-arja, li żżid it-temperatura fis-saffi ta' fuq tal-baħar;

42.  Jitlob li jiġu stabbiliti malajr networks u programmi ta' monitoraġġ li jkunu kapaċi jkejlu b'mod sistematiku l-istat tal-ambjent tal-Baħar l-Iswed, kif rikjest mill-Konvenzjoni ta' Bucharest;

43.  Jisħaq l-importanza ta' miżuri li jipprevjenu s-sajd IUU; iħeġġeġ lill-istati littorali jieħdu pożizzjoni aktar soda dwar is-sajd IUU fil-Baħar l-Iswed;

44.  Jistieden lill-istati littorali tal-Baħar l-Iswed jinvestu fir-riċerka xjentifika u l-ġbir ta' data dwar l-effetti tat-tibdil fil-klima fuq l-ekosistemi tal-Baħar l-Iswed u tan-naħa ta' Isfel tad-Danubju; ifakkar fil-fatt li dan għandu jinkludi l-għoti ta' biżżejjed riżorsi lill-komunità xjentifika biex twettaq riċerka fuq il-post dwar ir-rotot migratorji, il-popolazzjonijiet li jistkennu fix-xitwa, l-għalf u l-maturità riproduttiva, li se jkollhom ukoll effett fuq il-karatteristiċi u d-disponibbiltà tal-istokkijiet;

45.  Jenfasizza li t-tnaqqis tat-tniġġis ibbażat fuq l-art huwa kruċjali biex titnaqqas kemm l-ewtrofikazzjoni kif ukoll il-preżenza ta' sustanzi li jagħmlu l-ħsara u li jaffettwaw l-istatus tar-riżorsi ħajjin tal-baħar;

46.  Jisħaq fuq l-importanza taż-żoni tal-baħar protetti (MPAs) fil-preservazzjoni tal-bijodiversità u t-twaqqif jew ir-restawr tat-telf attwali fl-ambjent tal-baħar, u jisħaq li l-MPAs huma mfassla biex jipproteġu ħabitats ta' valur ekoloġiku għoli; jisħaq li sabiex dawn iż-żoni jiġu delineati, huma meħtieġa studji soċjoekonomiċi u soluzzjonijiet ta' kumpens għall-membri tal-komunitajiet kostali; iqis li l-implimentazzjoni ta' kwalunkwe MPA għandha tkun ibbażata fuq l-aħjar għarfien disponibbli b'koordinazzjoni mal-partijiet ikkonċernati kollha, bħall-awtoritajiet lokali, il-komunità xjentifika u l-organizzazzjonijiet tas-sajjieda;

47.  Jinsab imħasseb ħafna dwar it-theddida reali tal-estinzjoni li qed jiffaċċjaw il-ħames speċijiet ta' sturjun li fadal fil-baċir tal-Baħar l-Iswed u tad-Delta tad-Danubju; jirrikonoxxi l-isforzi li saru mill-awtoritajiet fil-Bulgarija u fir-Rumanija, li introduċew projbizzjonijiet sħaħ fuq is-sajd tal-isturjun fil-Baħar l-Iswed fl-2008 u fix-Xmara Danubju fl-2011, u li għadhom kemm tawluhom ħames snin oħra (sal-2026); jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi biex dawn iż-żoni jiġu stokkjati mill-ġdid bl-isturjun, li saru u ġew appoġġjati minn esperti minn strutturi mhux governattivi u statali u li għandhom jiġu mmonitorjati kontinwament; jemmen li l-isforzi għandhom jinvolvu wkoll il-faċilitajiet tal-akkwakultura; jistieden lill-istati littorali kollha jintroduċu miżuri stretti ta' konservazzjoni u programmi ta' stokkjar mill-ġdid tal-isturjun għall-Baħar l-Iswed kollu;

48.  Huwa mħasseb li r-riċerka dwar it-tibdil fil-klima u l-effetti tiegħu fuq il-Baħar l-Iswed mhijiex biżżejjed, u li se tibqa' kruċjali fis-snin li ġejjin; jistieden lill-istati littorali jiffinanzjaw din ir-riċerka, li tkopri l-ispeċijiet tal-ħut (il-fiżjoloġija, ir-rotot migratorji u r-riproduzzjoni tagħhom) u l-bidliet fil-katina alimentari tagħhom, li għandhom effett fuq l-istokkijiet;

49.  Huwa tal-fehma li huwa meħtieġ kejl regolari tad-dinamika tal-istokkijiet għat-tfassil ta' miżuri ta' ġestjoni adegwati; ifakkar fil-fatt li minħabba s-sajd eċċessiv u l-pressjoni antropoġenika, l-istokkijiet ta' speċijiet ekonomikament sinifikanti huma aktar sensittivi u vulnerabbli għat-tibdil fil-klima;

50.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet ta' monitoraġġ rispettivi biex jimmonitorjaw b'mod effettiv is-siti ta' NATURA 2000 u l-MPAs fil-Baħar l-Iswed;

51.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw kultura ex situ tal-isturjun bl-għan li jerġgħu jistokkjaw il-popolazzjoni lokali għal skopijiet mhux kummerċjali; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu programmi ta' taħriġ mill-ġdid u aċċess għal għajxien ieħor għas-sajjieda tal-isturjun bl-għan li jitnaqqsu l-livelli ta' qbid illegali;

52.  Jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw il-ħolqien ta' passaġġi ta' migrazzjoni li jippermettu lill-isturjun u speċijiet migratorji oħra jaqsmu d-digi ta' Porțile de Fier (Iron Gates) u ta' Gabčíkovo;

53.  Jisħaq il-ħtieġa urġenti li jiġu stabbiliti żoni fejn il-popolazzjonijiet selvaġġi tal-isturjun, tal-laċċi u ta' speċijiet oħra ta' ħut jistgħu jirkupraw; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri kkonċernati jressqu proposta f'din id-direzzjoni, li se tkun ta' benefiċċju kemm għall-konservazzjoni tal-bijodiversità kif ukoll għall-ġestjoni tas-sajd;

54.  Jistieden lill-Istati Membri jesploraw il-possibbiltà li jsiru firmatarji tal-Konvenzjoni ta' Barċellona għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u r-Reġjun Kostali tal-Mediterran sabiex l-objettivi għall-protezzjoni tal-ispeċijiet u tal-ħabitats stipulati fiha jiġu allinjati mal-objettivi tal-Konvenzjoni ta' Bucharest;

55.  Ifakkar fil-fatt li hija meħtieġa aktar riċerka xjentifika dwar il-popolazzjoni ta' xi molluski bħall-gandoffla rrigata (Chamalea gallina) sabiex tiġi stabbilita aħjar id-distribuzzjoni tal-ispeċi u tiġi esplorata wkoll il-possibbiltà li din tintuża għall-akkwakultura tal-baħar;

56.  Jistieden lill-istati littorali tal-Baħar l-Iswed jiżviluppaw approċċ komuni dwar l-għajnuna liċ-ċetaċji biex jilħqu livelli stabbli ta' popolazzjoni u biex itejbu l-istatus ta' konservazzjoni tagħhom; jitlob miżuri mmirati bħal apparat akustiku deterrenti u riżorsi adegwati oħra biex jittejjeb l-istatus tal-ispeċijiet fil-periklu fil-Baħar l-Iswed, bħad-dniefel;

57.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti fil-Bulgarija u fir-Rumanija jipprovdu finanzjament għar-riċerka dwar l-istat tal-laċċi tal-Baħar l-Iswed (Alosa spp.) attwalment elenkati fl-Anness V tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, inkluża analiżi xjentifika u soċjoekonomika li tindirizza l-ħtieġa li din tiġi mċaqalqa għall-Anness II jew saħansitra l-Anness I tad-Direttiva, jekk jiġu ssodisfati l-kriterji meħtieġa;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra b'urġenza t-trasferiment tal-isturjun, li attwalment huwa elenkat fl-Anness V tad-Direttiva dwar il-Ħabitats għall-Anness II jew saħansitra l-Anness I;

Azzjoni prattika

59.  Jistieden lill-Kummissjoni tesplora jekk jistax jiġi introdott pjan ta' ġestjoni pluriennali simili għal dawk fis-seħħ f'baċiri oħra tal-baħar għall-Baħar l-Iswed;

60.  Jinnota li kull sena, fil-komunikazzjoni tagħha dwar is-sitwazzjoni attwali tal-politika komuni tas-sajd u l-konsultazzjoni tagħha dwar l-opportunitajiet tas-sajd, il-Kummissjoni tirrapporta li l-istokkijiet fil-Baħar l-Iswed qed jiġu mistada b'mod eċċessiv; iqis, għalhekk, li jeħtieġ li tittieħed azzjoni urġenti biex tittejjeb is-sitwazzjoni;

61.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta s-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-politika komuni tas-sajd fil-Baħar l-Iswed, filwaqt li tagħti attenzjoni partikolari lill-mod kif l-Istati Membri kostali użaw il-FEMS għall-2014-2020 biex żguraw li l-istokkijiet ġew ġestiti b'mod sostenibbli u li l-bijodiversità tjiebet;

o
o   o

62.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Ukrajna, tal-Federazzjoni Russa, tal-Georgia u tar-Repubblika tat-Turkija, lill-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran, lill-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Ekonomika tal-Baħar l-Iswed u lill-Kummissjoni dwar il-Protezzjoni tal-Baħar l-Iswed Kontra t-Tniġġis.

(1) ĠU L 336, 30.12.2019, p. 14.
(2) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.
(3) ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19.
(4) ĠU L 164, 20.6.2019, p. 1.
(5) ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.
(6) ĠU L 257, 28.8.2014, p. 135.
(7) ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1.
(8) Testi adottati, P9_TA(2021)0076.
(9) ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 37.
(10) Testi adottati, P9_TA(2021)0017.


Ir-rwol tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-assistenza umanitarja tal-UE fl-indirizzar tal-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19
PDF 217kWORD 67k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2021 dwar ir-rwol tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-assistenza umanitarja tal-UE fl-indirizzar tal-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 (2020/2118(INI))
P9_TA(2021)0308A9-0151/2021

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tat-30 ta' Jannar 2020 li tiddikjara l-COVID-19 emerġenza tas-saħħa pubblika ta' rilevanza internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet introduttivi tad-Direttur Ġenerali tad-WHO fil-laqgħa għall-istampa dwar il-COVID-19 tal-11 ta' Marzu 2020, li fiha l-COVID-19 ġiet iddikjarata pandemija,

–  wara li kkunsidra r-rapport tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) ta' Marzu 2020 bit-titolu "Shared Responsibility, Global Solidarity: Responding to the socio-economic impacts of COVID-19" (Responsabbiltà Kondiviża, Solidarjetà Globali: Ir-risposta għall-impatti soċjoekonomiċi tal-COVID-19),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Grupp tal-Bank Dinji u tal-Fond Monetarju Internazzjonali tal-25 ta' Marzu 2020 dwar sejħa għal azzjoni rigward id-dejn tal-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali għall-Iżvilupp u l-komunikat tal-ministri għall-finanzi u l-gvernaturi tal-banek ċentrali tal-G20 tal-15 ta' April 2020 li jħabbar sospensjoni temporanja tal-pagamenti tas-servizz tad-dejn għall-pajjiżi l-aktar foqra li jitolbu tolleranza,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 74/270 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-2 ta' April 2020 dwar is-solidarjetà globali fil-ġlieda kontra l-marda tal-coronavirus 2019 (COVID‑19),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 74/274 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-20 ta' April 2020 dwar il-kooperazzjoni internazzjonali biex jiġi żgurat aċċess globali għall-mediċini, il-vaċċini u l-apparat mediku għall-indirizzar tal-COVID-19,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-8 ta' April 2020 dwar ir-rispons globali tal-UE għall-COVID-19 (JOIN(2020)0011),

–  wara li kkunsidra l-konferenza internazzjonali b'appell għal wegħdiet ta' donazzjonijiet ospitata mill-UE flimkien mad-WHO u sħab oħra fl-4 ta' Mejju 2020, li ġabret EUR 7,4 biljun f'finanzjament inizjali biex jingħata bidu għall-kooperazzjoni globali fir-riċerka,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-28 ta' Mejju 2020 għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument ta' Rkupru tal-Unjoni Ewropea insostenn tal-irkupru wara l-pandemija tal-COVID-19 (COM(2020)0441), li pproponiet li talloka sa EUR 5 biljun bil-prezzijiet tal-2018 għall-għajnuna umanitarja barra mill-Unjoni,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2020 dwar ir-rispons globali ta' "Tim Ewropa" għall-COVID-19,

–  wara li kkunsidra l-proposta li tinsab fl-abbozz ta' konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Lulju 2020 biex jingħataw EUR 5 biljun għall-assistenza umanitarja permezz tal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI-Global Europe) fl-ambitu tal-istrument Next Generation EU,

–  wara li kkunsidra l-proposta li tinsab fl-abbozz ta' konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Lulju 2020 li għandhom jiġu definiti kriterji u modalitajiet ċari għall-allokazzjoni tal-pakkett il-ġdid tar-Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza,

–  wara li kkunsidra l-komponent tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) tal-Pjan ta' rispons umanitarju globali 2020 għall-COVID-19, bit-titolu "Addressing the impacts of COVID-19 in food crises, April-December 2020" (Nindirizzaw l-impatti tal-COVID-19 fi kriżijiet tal-ikel, April-Diċembru 2020),

–  wara li kkunsidra l-artiklu tal-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal (UNICEF) bit-titolu "Protecting the most vulnerable children from the impact of coronavirus: An agenda for action" (Protezzjoni tat-tfal l-aktar vulnerabbli mill-impatt tal-coronavirus: aġenda għall-azzjoni), ippubblikat fit-3 ta' April 2020 u aġġornat fil-21 ta' Settembru 2020,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Programm Dinji tal-Ikel (WFP) tad-29 ta' Settembru 2020 bit-titolu "WFP Global Response to COVID-19" (Ir-rispons globali tad-WFP għall-COVID-19),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Network ta' Informazzjoni dwar is-Sigurtà Alimentari tal-20 ta' April 2020 bit-titolu "Global Report on Food Crises 2020: Joint Analysis for Better Decisions" (Rapport Globali dwar il-Kriżijiet Alimentari 2020: Analiżi Konġunta għal Deċiżjonijiet Aħjar),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp tad-19 ta' Novembru 2020 bit-titolu "Impact of the COVID-19 pandemic on trade and development: transitioning to a new normal" (L-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-kummerċ u l-iżvilupp: tranżizzjoni lejn normalità ġdida),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-FAO, tal-Fond Internazzjonali għall-Iżvilupp Agrikolu, tal-UNICEF, tad-WFP u tad-WHO tal-2020 bit-titolu "The State of Food Security and Nutrition in the World 2020: Transforming food systems for affordable healthy diets" (L-istat tas-sigurtà alimentari u tan-nutrizzjoni fid-dinja 2020: trasformazzjoni tas-sistemi tal-ikel f'dieti sani ekonomikament aċċessibbli),

–  wara li kkunsidra d-dokument tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli fil-qasam tas-Sigurtà Alimentari u n-Nutrizzjoni tal-Kumitat dwar is-Sigurtà Alimentari Dinjija (CFS) ta' Settembru 2020 bit-titolu "Impacts of COVID-19 on food security and nutrition: developing effective policy responses to address the hunger and malnutrition pandemic" (Impatti tal-COVID-19 fuq is-sigurtà alimentari u n-nutrizzjoni: żvilupp ta' miżuri ta' intervent effikaċi biex jiġu indirizzati l-effetti tal-pandemija tal-ġuħ u tal-malnutrizzjoni),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa tat-28 ta' Mejju 2019 dwar l-ilma, is-sanità u l-iġjene fil-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' progress tal-Bord ta' Koordinament tal-Programm tal-Programm Konġunt tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-HIV/AIDS (UNAIDS) tat-23 ta' Novembru 2020 bit-titolu "COVID-19 and HIV: Progress Report 2020" (Il-COVID-19 u l-HIV: Rapport ta' Progress 2020),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Politika tan-Nazzjonijiet Uniti maħruġa mil-Laqgħa ta' Livell Għoli dwar il-Kopertura Sanitarja Universali tat-23 ta' Settembru 2019 bit-titolu "Universal Health Coverage: Moving Together to Build a Healthier World" (Kopertura Sanitarja Universali: naħdmu flimkien għal dinja aktar f'saħħitha),

–  wara li kkunsidra r-rapport tad-WHO tal-15 ta' Ottubru 2020 bit-titolu "Global Tuberculosis Report 2020" (Rapport Globali dwar it-Tuberkulożi 2020),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-5 ta' Mejju 2004 mill-konsultazzjoni tad-WHO dwar iż-żoonożi,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Ġeneru (GAP) III għall-perjodu 2021-2025 bit-titolu "Aġenda ambizzjuża għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-għoti tas-setgħa lin-nisa fl-azzjoni esterna tal-UE",

–  wara li kkunsidra n-nota ta' politika tal-UN Women tad-9 ta' April 2020 bit-titolu "The Impact of COVID-19 on Women" (L-impatt tal-COVID-19 fuq in-nisa),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Popolazzjoni (UNFPA) tas-27 ta' April 2020 bit-titolu "Impact of the COVID-19 Pandemic on Family Planning and Ending Gender-based Violence, Female Genital Mutilation and Child Marriage" (L-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-ippjanar tal-familja u t-tmiem tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru, tal-mutilazzjoni ġenitali femminili u ż-żwieġ prekoċi),

–  wara li kkunsidra l-artiklu tal-UNFPA tat-28 ta' April 2020 bit-titolu "Millions more cases of violence, child marriage, female genital mutilation, unintended pregnancy expected due to the COVID-19 pandemic" (Aktar miljuni ta' każijiet ta' vjolenza, ta' żwieġ prekoċi, ta' mutilazzjoni ġenitali femminili u ta' tqala mhux intenzjonata mistennija minħabba l-pandemija tal-COVID-19),

–  wara li kkunsidra r-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa tad-WHO tal-2005,

–  wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew il-Ġdid għall-Iżvilupp tal-2018, bit-titolu "our world, our dignity, our future" (id-dinja tagħna, id-dinjità tagħna, il-futur tagħna),

–  wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja tal-2008,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2015 dwar il-kriżi tal-Ebola: it-tagħlimiet fit-tul u kif jistgħu jiġu msaħħa s-sistemi tas-saħħa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiġu prevenuti kriżijiet futuri(1),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Professoressa Sabine Oertelt-Prigione tas-27 ta' Mejju 2020 bit-titolu "The impact of sex and gender in the COVID-19 pandemic" (L-impatt tas-sess u tal-ġeneru fil-pandemija tal-COVID-19),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regolament ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A9-0151/2021),

A.  billi l-COVID-19 hija pandemija globali li tolqot kull pajjiż fid-dinja;

B.  billi, skont ir-rapport speċjali tal-2020 tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp bit-titolu "Impact of the COVID-19 pandemic on trade and development: transitioning to a new normal" (L-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-kummerċ u l-iżvilupp: tranżizzjoni lejn normalità ġdida), it-taqlib li kkawżat il-COVID-19 ħalla konsegwenzi reali u sproporzjonati fuq il-familji b'introjtu baxx vulnerabbli u żvantaġġati, il-migranti, il-ħaddiema fis-settur informali, spiss nisa, speċjalment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, fejn il-popolazzjonijiet mhumiex koperti minn xibka ta' sikurezza soċjali u huma partikolarment milquta minn żieda f'daqqa fil-qgħad;

C.  billi l-pandemija tal-COVID-19 żdiedet il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, iż-żwieġ prekoċi u l-inugwaljanzi eżistenti, b'mod partikolari f'termini ta' aċċess għas-servizzi tas-saħħa, fosthom is-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, u diġà xejnet ċertu progress li kien sar fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri matul dawn l-aħħar deċennji;

D.  billi l-għajnuna umanitarja tingħata ħafna inqas finanzjamenti milli meħtieġ, u dan jagħmilha diffiċli li jiġu indirizzati b'mod adegwat il-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

E.  billi l-effetti ekonomiċi u soċjali tal-pandemija tal-COVID-19 inħassu b'mod aktar qawwi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; billi l-faqar estrem globali mistenni jiżdied fl-2020 għall-ewwel darba f'20 sena, fatt li jwassal għall-bejgħ ta' assi, aktar teħid ta' self u l-użu tal-flus imfaddla min-naħa tal-individwi vulnerabbli;

F.  billi l-għajnuna umanitarja f'terminu qasir trid tmur id f'id mal-appoġġ maħsub biex jindirizza l-isfidi attwali, pereżempju s-sigurtà, il-faqar, il-paċi, id-demokrazija u t-tibdil fil-klima, bil-għan li tissaħħaħ ir-reżiljenza fit-tul;

G.  billi hemm riskju sproporzjonatament għoli ta' kontaġju għal miljuni ta' rifuġjati fid-dinja kollha, li spiss jgħixu f'kampijiet tar-rifuġjati jew f'ċentri kollettivi b'popolazzjoni densa, fejn il-popolazzjoni infantili biss, skont stimi, hija madwar 3,7 miljun;

H.  billi l-pandemija tal-COVID-19 ħalliet impatt enormi fuq l-aċċess għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, b'mod partikolari fuq in-nisa u ż-żgħażagħ, inkwantu s-servizzi rilevanti tilfu prijorità u ġarrbu interruzzjonijiet, barra mir-restrizzjonijiet tal-mobilità u l-bidliet fil-modalitajiet ta' ħarsien tas-saħħa; billi minħabba l-COVID-19 il-bżonnijiet ta' kontraċettivi moderni għal 49 miljun mara oħra baqgħu insodisfatti;

I.  billi t-tibdil fil-klima u t-telfien kontinwu tal-bijodiversità u l-qerda ta' ħabitats naturali f'livell dinji żdiedu notevolment ir-riskju li jiżviluppa mard żoonotiku; billi t-tifqigħa tal-COVID-19 ma għandha bl-ebda mod tintuża bħala skuża għad-dewmien fit-trattament ta' emerġenza klimatika u ambjentali; billi hija urġenti n-neċessità ta' rikostruzzjoni ekoloġika u soċjali tal-ekonomija globali wara t-tifqigħa tal-COVID-19;

J.  billi l-pandemija tal-COVID-19 ħarrxet bil-kbir il-problemi eżistenti marbuta mad-dejn tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'hekk kompliet tipperikola l-isforzi li għamlu biex jimmobilizzaw biżżejjed riżorsi biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), u naqset konsiderevolment ukoll ir-rimessi globali u l-investiment dirett barrani;

K.  billi, matul il-pandemija tal-COVID-19, il-pressjoni eżerċitata fuq is-sistemi tas-saħħa u l-miżuri ta' lockdown komplew limitaw aktar l-aċċess għas-servizzi għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati u billi dan jipperikola saħħet in-nisa;

L.  billi, skont l-UNICEF, 1,6 biljun ruħ, bejn tfal u żgħażagħ, fid-dinja kollha ntlaqtu mill-għeluq tal-iskejjel fl-eqqel tagħhom fl-2020, u bosta fosthom ma kellhomx aċċess għall-internet minn darhom; billi mill-inqas 24 miljun student setgħu x'aktarx jitilqu mill-iskola minħabba l-pandemija tal-COVID-19;

M.  billi l-bżonnijiet dejjem akbar tal-komunitajiet milquta minn fenomeni meteoroloġiċi estremi, diżastri naturali u tibdil fil-klima, minħabba l-pandemija tal-COVID-19;

N.  billi t-taqlib ikkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19 fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tad-dinja kollha x'aktarx ma għandux preċedent fl-istorja kontemporanja, bl-għeluq ta' skejjel u istituti ta' taħriġ li jolqot 94 % tal-popolazzjoni dinjija tal-istudenti, skont l-UNESCO, bir-riskju li jkun impatt dejjiemi fuq il-prospettivi fit-tul ta' ħafna żgħażagħ, b'mod partikolari t-tfajliet; billi l-għeluq tal-iskejjel minħabba l-pandemija ċaħħad lit-tfal vulnerabbli mill-ikel fl-iskola u minn servizzi ta' nutrizzjoni li huma essenzjali għal saħħithom, b'hekk żdied in-numru ta' tfal li jbatu l-ġuħ b'36 miljun fl-2020, kif ukoll żdiedet l-espożizzjoni tagħhom għall-vjolenza u għall-abbużi;

O.  billi l-pandemija ħarġet fid-dieher il-fraġilità tal-katini ta' provvista globali, partikolarment fis-settur tal-ikel u tas-saħħa, u l-vulnerabbiltà tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jiddependu minnhom; billi l-pandemija tirrappreżenta opportunità biex jiġu żviluppati katini ta' provvista aktar sostenibbli u reżiljenti, fosthom il-katini tal-valur reġjonali, u biex tingħata spinta lill-integrazzjoni reġjonali; billi ż-żieda fl-insigurtà alimentari u fil-malnutrizzjoni tirrappreżenta effett sekondarju tal-pandemija;

P.  billi l-edukazzjoni tiżvolġi rwol kruċjali biex jinqasam iċ-ċirku tal-faqar u jitnaqqsu d-diżugwaljanzi; billi l-objettiv tal-SDG nru 4 huwa li jiżgura edukazzjoni ta' kwalità inklużiva u ekwa u jippromwovi opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd u billi dan huwa essenzjali biex jintlaħqu l-SDGs l-oħra; billi l-kontribut tal-kultura għall-iżvilupp sostenibbli huwa enfasizzat f'diversi SDGs, b'mod partikolari fl-SDG nru 4;

Q.  billi l-pandemija se jkollha konsegwenzi devastanti għan-nies fil-pajjiżi b'sistemi tas-saħħa milquta minn nuqqas ta' riżorsi, partikolarment għan-nisa u l-bniet, u għall-popolazzjonijiet tal-pajjiżi involuti f'kunflitti; billi, sal-2021, il-pandemija se tpoġġi aktar minn 47 miljun mara u tifla fid-dinja kollha taħt is-soll tal-faqar;

R.  billi l-konsegwenzi ekonomiċi tal-miżuri meħuda biex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19 fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw se jħarrxu l-inugwaljanzi u l-vulnerabbiltajiet eżistenti, anki billi jkomplu jdgħajfu l-infrastrutturi tas-saħħa, jaggravaw l-insigurtà alimentari, iwessgħu l-lakuni fl-edukazzjoni u jżidu l-faqar u l-esklużjoni soċjali;

S.  billi madwar 1,8 biljun ruħ jinsabu f'riskju għoli li jieħdu l-COVID-19 u mard ieħor għax jużaw jew jaħdmu f'faċilitajiet tas-saħħa mingħajr servizzi tal-ilma bażiċi, skont rapport tad-WHO-UNICEF ta' Diċembru 2020;

T.  billi l-pandemija tal-COVID-19 ikkompromettiet b'mod gravi l-programmazzjoni ta' immunizzazzjoni ta' rutina u servizzi tas-saħħa bażiċi oħrajn, fatt li qiegħed ipoġġi l-ħajja tan-nies f'sogru;

U.  billi, skont id-data reċenti tal-UNFPA, huwa stmat li d-dewmien jew l-interruzzjoni tal-programmi ta' sensibilizzazzjoni u l-edukazzjoni tal-komunità dwar prattiki dannużi se jwasslu, fuq livell dinji, għal 2 miljun każ ieħor ta' mutilazzjoni ġenitali femminili u 13-il miljun aktar żwieġ prekoċi matul id-deċennju li jmiss meta mqabbel mal-istimi ta' qabel il-pandemija;

V.  billi l-lockdowns kellhom impatt partikolarment gravi fuq il-persuni b'diżabbiltajiet fiżiċi u intellettwali;

W.  billi huma meħtieġa koordinament aħjar, kondiviżjoni tal-kapaċitajiet u kooperazzjoni bħala parti tal-isforzi internazzjonali għall-promozzjoni ta' rabta effiċjenti u reżiljenti bejn l-aspett umanitarju, l-iżvilupp u l-paċi;

X.  billi l-pandemija tal-COVID-19 aggravat il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, l-istigmatizzazzjoni u d-diskriminazzjoni li tagħhom huma vittmi l-persuni bl-HIV, il-persuni LGBTI u gruppi vulnerabbli oħra, filwaqt li ġiet issottolinjata n-neċessità kritika li r-risposti għall-COVID-19 jissejsu fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza, kif tgħallem ir-risposta għall-HIV; billi f'xi okkażjonijiet il-popolazzjonijiet f'riskju ġew imċaħħda mill-aċċess għas-servizzi jew ġew imposti fuqhom atti diskriminatorji fl-applikazzjoni tal-ordnijiet ta' lockdown minħabba l-COVID-19;

Y.  billi l-konsegwenzi fit-terminu medju tal-COVID-19 x'aktarx se jkollhom impatt devastanti, ixejnu snin sħaħ ta' kisbiet f'termini ta' żvilupp, u se jirrikjedu kooperazzjoni globali mingħajr preċedent;

Z.  billi l-kriżi kkaġunata mill-pandemija ħaffet it-tranżizzjoni diġitali u l-bidla lejn strumenti ta' tagħlim ġodda, bħall-apprendiment mill-bogħod u mħallat;

AA.  billi huwa kruċjali li nirrikonoxxu għal darb'oħra li l-ilħuq tal-SDGs u tal-Ftehim ta' Pariġi jirrikjedi investimenti fl-iżvilupp uman u approċċ ibbażat fuq id-drittijiet, filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji ta' Busan dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp effikaċi;

Approċċ "Tim Ewropa"

1.  Jilqa' pożittivament ir-rispons globali tal-UE għall-pandemija tal-COVID-19, fatt li juri l-ambizzjoni tiegħu li jmexxi u juri solidarjetà mal-pajjiżi sħab kollha, inklużi dawk milquta minn kunflitti u kriżijiet umanitarji; jinnota, madankollu, li l-fondi attwali essenzjalment huma riallokati minn linji baġitarji oħra u li l-isfida tal-frontloading tal-għajnuna għandha tiġi indirizzata; jitlob li l-kriterji ta' tqassim għall-allokazzjoni jiġu aġġornati skont l-impatt tal-pandemija fil-pajjiżi sħab; jitlob, għalhekk, li jiġu mobilizzati fondi flessibbli ġodda biex jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fid-dinja kollha fil-ġlieda kontra l-konsegwenzi diretti u indiretti tal-pandemija tal-COVID-19 u biex jindirizzaw l-bżonnijiet kritiċi tagħhom marbuta mal-ġestjoni tas-saħħa u mas-sorveljanza epidemjoloġika; jisħaq fuq il-fatt li wieħed mill-ewwel passi jrid ikun id-disponibbiltà fil-livell dinji ta' vaċċini sikuri, kuri, tagħmir, terapiji u strumenti dijanjostiċi b'mod rapidu u bi prezzijiet aċċessibbli; jenfasizza li huwa wkoll importanti li tingħata prijorità lill-vaċċinazzjoni tal-ħaddiema tas-saħħa u soċjali, segwiti mill-għalliema u minn ħaddiema essenzjali u persuni oħrajn li huma aktar f'riskju li jiżviluppaw kumplikazzjonijiet minħabba l-COVID-19; iħeġġeġ lid-donaturi jżidu malajr l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp biex jintlaħqu l-livelli li fil-passat kien hemm impenn għalihom iżda qatt ma ntlaħqu;

2.  Jilqa' pożittivament, f'dan ir-rigward, il-COVAX, l-istrument li jiżgura l-aċċess universali u ekwu għall-vaċċini kontra l-COVID-19, u l-appoġġ qawwi tat-"Tim Ewropa", li huwa l-akbar donatur u li sal-lum alloka aktar minn EUR 850 miljun lil din l-inizjattiva, filwaqt li l-UE u xi pajjiżi mhux tal-UE diġà ħabbru li biħsiebhom jagħtu f'donazzjoni l-vaċċini li jifdallhom permezz tal-COVAX; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li d-WHO ħabbret li beda t-tqassim lil 91 pajjiż eleġibbli previst fl-ewwel trimestru tal-2021 u li waslu żewġ biljun doża tal-vaċċini; jissottolinja l-bżonn li l-vaċċini sikuri għandhom ikunu universalment disponibbli, bi prezz baxx u faċilment aċċessibbli għal kulħadd bil-għan li titrażżan il-pandemija; jisħaq li l-persunal tas-saħħa u l-persuni l-aktar vulnerabbli għandhom ikollhom il-prijorità;

3.  Jitlob lit-Tim Ewropa jsaħħaħ il-mekkaniżmi effikaċi li jiżguraw l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sostenibbli sabiex jintużaw b'mod sistematiku u effiċjenti mill-istituzzjonijiet kollha tal-UE u mill-Istati Membri; jisħaq fuq il-fatt li l-UE għandha twettaq valutazzjonijiet tal-impatt għas-sostenibbiltà f'kull ambitu kkonċernat, anki fir-rigward tar-risposti għall-pandemija;

4.  Jinsisti li l-ispinta mogħtija mill-approċċ komuni ta' Tim Ewropa f'termini ta' analiżi konġunta, programmazzjoni konġunta u implimentazzjoni konġunta jrid jissarraf fi standard ġdid għall-kooperazzjoni fl-oqsma tal-għajnuna umanitarja u l-politika tal-iżvilupp, kemm fid-dritt kif ukoll fil-prassi; iqis li l-UE għandha tippromwovi l-idea li l-koordinament għandu jiżdied mhux biss bejn l-Istati Membri, iżda wkoll mal-pajjiżi donaturi mhux tal-UE, bil-għan li jkunu massimizzati l-effikaċja u l-effiċjenza tal-kooperazzjoni internazzjonali u tal-għajnuna umanitarja; jisħaq fuq l-importanza tal-NDICI-Global Europe biex jiġi żgurat il-finanzjament tal-iżvilupp uman, inklużi s-saħħa, in-nutrizzjoni, l-ilma, is-sanità u l-iġjene (WASH), il-protezzjoni soċjali u tat-tfal u s-settur tal-edukazzjoni; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-iżvilupp uman u lis-saħħa fil-programmazzjoni konġunta tagħhom; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tuża bi flessibbiltà l-istrumenti umanitarji u ta' żvilupp, bi qbil ma' approċċ integrat ibbażat fuq rabta, b'mod partikolari għal dak li għandu x'jaqsam mal-finanzjament u mat-tqassim tal-vaċċini;

5.  Jistieden lid-donaturi tal-UE jiżguraw li l-organizzazzjonijiet lokali tas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) internazzjonali li jaħdmu fl-ewwel linja jingħataw finanzjamenti biex jimplimentaw il-programmi u l-proġetti li jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha fil-livell tal-UE, biex jintlaħqu lill-persuni li l-aktar tħallew lura; jissottolinja li fl-assenza ta' riżorsi addizzjonali għar-risposta lill-COVID-19 u għall-irkupru minnha, u bil-maġġor parti tal-fondi ddestinati għall-pakketti ġeografiċi, huwa kruċjali li tiġi garantita komplementarjetà ottimali tal-finanzjamenti tal-UE;

Finanzjament tal-għajnuna umanitarja

6.  Iwissi li l-pandemija tirriskja li tikkawża kriżi umanitarja; jinsab għalhekk imħasseb ħafna dwar in-nuqqas ta' finanzjamenti tal-baġit tal-UE għall-għajnuna umanitarja, meta jitqiesu l-bżonnijiet umanitarji addizzjonali kkawżati mill-pandemija; jitlob distribuzzjoni ċara tal-pakkett tar-Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza, li għandu jkollu l-għan li jiżgura kopertura bbilanċjata tal-obbligi tiegħu kif ġej: la l-operazzjonijiet interni u lanqas dawk esterni ma jistgħu jiġu allokati aktar minn 60 % tal-ammont annwali tar-riżerva; fl-1 ta' Ottubru ta' kull sena, mill-inqas kwart mill-ammont annwali għas-"sena n" irid jibqa' disponibbli biex ikopri l-bżonnijiet li jinħolqu sa tmiem dik is-sena; mill-1 ta' Ottubru, il-fondi li jifdal jistgħu jiġu mobilizzati sabiex ikopru l-bżonnijiet li jinħolqu sa tmiem dik is-sena;

7.  Jisħaq fuq il-bżonn li tingħata assistenza umanitarja, pereżempju fil-forma ta' persunal tas-saħħa u apparat mediku, inklużi tagħmir ta' protezzjoni personali u kits għall-ittestjar, lill-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli; jifraħ f'dan ir-rigward bil-ħolqien tal-pont bl-ajru umanitarju 2020 tal-Unjoni Ewropea;

8.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jallokaw aktar fondi għall-pajjiżi li se jkollhom iġarrbu l-akbar impatti tal-pandemija biex jindirizzaw il-konsegwenzi diretti u indiretti tagħha, u jinsisti fuq il-bżonn li titħaffef l-implimentazzjoni ta' programmi alimentari ta' emerġenza favur dawk li diġà kienu meqjusa vulnerabbli qabel il-kriżi kkawżata mill-COVID-19, filwaqt li japplikaw proċeduri biex inaqqsu r-riskji ta' trażmissjoni;

Sigurtà alimentari

9.  Jenfasizza li l-pandemija qiegħda thedded is-sigurtà alimentari f'ambjenti rurali, urbani u periurbani; jissottolinja li l-biedja tar-raħħala hija metodu lokali ekoloġikament sod u ekokompatibbli tal-produzzjoni tal-ikel u għalhekk hija parti minn sistema tal-ikel sostenibbli; jiġbed l-attenzjoni li r-raħħala huma partikolarment vulnerabbli għall-interruzzjonijiet tas-sigurtà alimentari u għall-impatti tat-tibdil fil-klima; iqis li huwa essenzjali li jiġu appoġġati r-raħħala billi jiġi garantit aċċess sikur għas-swieq lokali matul il-pandemija sabiex jiġi żgurat li jkunu jistgħu jkomplu jipprovdu ikel b'ħafna proteini lill-popolazzjoni lokali, li l-mobilità transfruntiera tal-persuni u tal-bhejjem tkun awtorizzata, li l-merħliet tagħhom ikollhom aċċess għall-ilma u għal artijiet biex jirgħu u li t-timijiet tas-saħħa waħda tal-komunitajiet mobbli jimmonitorjaw is-sitwazzjoni u jintervjenu f'każijiet individwali iżda wkoll, meta meħtieġ, bil-ħsieb li tinżamm is-saħħa pubblika; jitlob trasferimenti ta' flus għar-raħħala biex ikun żgurat li l-bżonnijiet bażiċi tagħhom ikun sodisfatti, fosthom l-ikel u l-għalf, u jitlob għajnuna għall-għalf għall-merħliet, bħala parti mill-appoġġ għall-għajxien fil-forma ta' għajnuna umanitarja, meta dan ikun meħtieġ;

10.  Jissottolinja l-bżonn li jiġu sostnuti l-azjendi agrikoli tal-familja u l-impriżi lokali żgħar u ta' daqs medju, b'mod partikolari fis-settur agroindustrijali, bil-għan li jiżdiedu s-sigurtà alimentari u r-reżiljenza;

11.  Jisħaq fuq il-bżonn li jiġu appoġġati l-azzjonijiet tal-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikolari l-FAO u d-WFP, kif ukoll tal-Moviment tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar u tal-NGOs internazzjonali, immirati biex itaffu l-ġuħ, il-malnutrizzjoni u t-telf ta' mezzi ta' għajxien u joħolqu sistemi alimentari reżiljenti, bħal dawk biex tinħoloq faċilità globali tal-ġestjoni tad-data għall-forniment ta' informazzjoni rapidi dwar il-bżonnijiet umanitarji, kif ukoll biex joffru assistenza lill-produzzjoni tal-ikel u lill-aċċess għall-ikel, biex jorganizzaw trasferimenti ta' flus u vouchers jew it-tqassim ta' għajnuna alimentari in natura u ta' ikliet fl-iskejjel, biex jiżviluppaw kollegamenti ma' sistemi ta' protezzjoni soċjali li jirrispondu għax-xokkijiet, biex jistabbilizzaw is-sistemi alimentari u biex jiżguraw il-funzjonament tas-swieq, tal-katini tal-valur u tas-sistemi alimentari lokali, billi jikkonċentraw fuq il-bdiewa ż-żgħar u s-sajjieda artiġjanali permezz tal-implimentazzjoni ta' miżuri sanitarji intiżi li jipprevjenu t-trażmissjoni tal-COVID-19, u li jagħtu risposta lil tipi oħra ta' kriżijiet, reċessjonijiet ekonomiċi u kunflitti bħall-invażjoni ta' ġuradi tad-deżert fl-Afrika tal-Lvant; iqis li l-proċess ta' rkupru ekonomiku joffri opportunità għal integrazzjoni aħjar tal-bdiewa u tal-produtturi ż-żgħar fis-swieq reġjonali u lokali u għall-iżvilupp ta' modi ta' għajxien aktar sostenibbli; jisħaq fuq l-importanza, f'dan ir-rigward, tat-teknoloġija u tad-diġitalizzazzjoni bħala mezzi biex ikun iffaċilitat l-għarfien tas-suq u l-aċċess u l-espansjoni tal-impriżi ż-żgħar, bis-saħħa ta' mezzi għal applikazzjonijiet ta' ħlas bil-mobile;

12.  Ifakkar li se jinħtieġ li jingħata ikel sikur u ekonomikament aċċessibbli għal popolazzjoni globali ta' madwar 10 biljun ruħ sal-2050, u jiġu żgurati fl-istess ħin impjiegi u mezzi ta' għajxien dinjitużi tul il-katina tal-valur alimentari kollha, jiġu protetti ż-żoni rurali l-aktar vulnerabbli, inklużi l-popolazzjonijiet indiġeni, il-migranti, il-ħaddiema informali u ad hoc, u biex tkun miġġielda l-volatilità estrema tal-prezzijiet tal-ikel fis-swieq alimentari nazzjonali u internazzjonali; jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tan-nutrizzjoni fit-tisħiħ tar-reżiljenza; jitlob approċċ aktar integrat għall-prevenzjoni, għad-dijanjostika u għat-trattament tal-ġuħ u tal-malnutrizzjoni kemm fir-risposti umanitarji kif ukoll f'dawk għall-iżvilupp, b'mod partikolari fil-pajjiżi l-aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima; jenfasizza li huwa kruċjali li tiġi żviluppata agrikoltura lokali għall-konsum lokali, bil-għan li tonqos id-dipendenza tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw mill-importazzjonijiet u mill-esportazzjonijiet u l-interruzzjonijiet possibbli tul il-katina alimentari; jissottolinja li, biex jintlaħqu l-SDG nri 1 u 2, jeħtieġ approċċ transdixxiplinari li jippermetti t-trasformazzjoni tal-mod kif l-ikel jiġi prodott, ipproċessat, ikkonsmat u kummerċjalizzat; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-bżonn ta' trasformazzjoni olistika biex tħaffef is-sistemi alimentari ekwi, sikuri u sani, bil-Food Systems Summit 2021 tan-Nazzjonijiet Uniti bħala okkażjoni privileġġjata biex mill-kriżi tal-COVID-19 nibnu mill-ġdid aħjar; jistieden lill-UE tippromwovi s-sostenibbiltà tul il-katini tal-provvista tal-ikel, mill-produzzjoni sal-konsum, bi qbil mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u mal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt;

13.  Jirrimarka li l-pandemija tal-COVID-19 qiegħda taggrava l-problema diġà serja immens tal-insigurtà alimentari fl-Afrika tal-Lvant u fil-Lvant Nofsani kkawżata mill-invażjoni tal-ġuradi, inkwantu r-restrizzjonijiet qegħdin jittardjaw il-konsenja ta' pestiċidi u tagħmir biex jinżammu taħt kontroll il-ġuradi; jenfasizza l-bżonn ta' kooperazzjoni akbar biex tingħata għajnuna lill-pajjiżi tal-Afrika tal-Lvant u tal-Lvant Nofsani biex jagħmlu tajjeb għat-telf ta' tagħlil;

14.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li diversi sitwazzjonijiet dinjin bħal żieda demografika rapida, it-tibdil fil-klima, l-iskarsezza tar-riżorsi naturali u l-bidla fil-mudelli tal-konsum qegħdin ixekklu l-kapaċità tas-sistemi alimentari tagħna li jiżguraw lil kulħadd is-sigurtà u d-disponibbiltà tal-ikel b'mod sostenibbli u mil-lat soċjali u ambjentali;

15.  Jisħaq fuq il-bżonn ta' biżżejjed miżuri biex itejbu s-sitwazzjoni attwali tal-pajjiżi Afrikani, li qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' żieda demografika rapida flimkien mal-inċertezza fil-kapaċità tas-setturi agrikoli tagħhom li jiżguraw produzzjoni tal-ikel li jimplimentaw miżuri ta' adattament għat-tibdil fil-klima;

16.  Iqis li l-limiti imposti mid-disponibbiltà ta' art, mid-degradazzjoni tal-ħamrija, mill-iskarsezza tal-ilma u mir-restrizzjonijiet għall-produzzjoni ta' ikel jirrappreżentaw ostakli serji għaż-żieda tal-provvista ta' prodotti agrikoli u tal-produttività, li huma marbuta mal-inċertezzi soċjoekonomiċi u istituzzjonali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

Faqar u protezzjoni soċjali

17.  Jissottolinja li l-faqar estrem globali huwa mistenni li jiżdied drastikament fl-2020 għall-ewwel darba f'aktar minn 20 sena, speċjalment għat-tfal, bil-pandemija tal-COVID-19 taggrava l-forzi tal-kunflitti, il-governanza medjokri u t-tibdil fil-klima u jkollha impatt partikolarment profond fuq in-nisa u l-bniet (47 miljun ruħ oħra mistennijin jgħixu f'faqar estrem sal-2021), il-ħaddiema informali u migranti (li jirrappreżentaw kwart tal-forza tax-xogħol globali), is-settur tat-turiżmu u l-ekonomiji tal-Amerka Latina u tal-Karibew u tal-Afrika; jenfasizza, fil-kuntest tal-kriżi estrema, l-importanza tal-protezzjoni soċjali universali u tad-djalogu soċjali; jitlob lill-Kummissjoni tfassal, flimkien mal-pajjiżi sħab, strateġiji għall-irkupru ekonomiku, għall-ħolqien tal-impjiegi u għat-titjib tas-sistemi ta' sigurtà soċjali, billi titrawwem l-espansjoni tal-kopertura tal-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema informali fis-setturi rurali;

18.  Jenfasizza li dawk l-aktar vulnerabbli huma dawk milquta bl-aktar mod iebes mill-pandemija, partikolarment ir-rifuġjati, il-persuni spostati internament u l-migranti li jgħixu f'sitwazzjonijiet prekarji, li qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' tliet kriżijiet: il-kriżi tas-saħħa, il-kriżi soċjoekonomika u l-kriżi relatata mal-protezzjoni tagħhom; jenfasizza li t-tfal li jgħixu f'dawn il-kundizzjonijiet huma partikolarment vulnerabbli minħabba l-aċċess limitat għal servizzi essenzjali bħall-ilma, is-sanità u l-iġjene (WASH), l-edukazzjoni, l-assistenza sanitarja u s-servizzi ta' kura, fatt li jpoġġi f'riskju l-iżvilupp, il-futur u s-saħħa ta' dawn it-tfal;

19.  Jenfasizza li l-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 jolqtu b'mod sproporzjonat l-ifqar nies u l-kategoriji soċjali l-aktar żvantaġġati, emarġinati u mingħajr protezzjoni, inklużi l-persuni b'diżabbiltajiet fiżiċi u intellettwali, il-persuni b'mard kroniku, il-persuni bi problemi ta' saħħa mentali u l-anzjani, li diġà għandhom aċċess limitat jew ma għandhom l-ebda aċċess għall-iġjene u għall-kuri bażiċi għall-bżonnijiet ta' saħħa tagħhom u saru saħansitra aktar vulnerabbli minħabba l-pandemija;

Rifuġjati u persuni spostati

20.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza l-bżonnijiet speċifiċi tar-rifuġjati, tal-migranti u tal-persuni spostati internament, filwaqt li żżomm mal-prinċipju gwida tan-networks tas-saħħa pubblika li ħadd ma jitħalla lura u tastjeni milli twaqqaf lill-operaturi umanitarji tal-ewwel linja milli jkollhom kuntatt dirett ma' dawk li jaqdu; ifakkar bi tħassib li r-rifuġjati, il-migranti u l-persuni spostati internament huma fost il-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli fil-kuntest ta' din il-kriżi tas-saħħa billi spiss ikollhom jissieltu ma' kundizzjonijiet ta' ħajja aktar prekarji u x'aktarx għalhekk ikollhom iħabbtu wiċċhom ma' ostakli fl-aċċess għas-servizzi tas-saħħa bażiċi akbar mill-popolazzjonijiet lokali; jisħaq fuq il-ħtieġa assoluta ta' aċċess ugwali għat-trattamenti għall-COVID-19 u servizzi oħra tas-saħħa u programmi tax-xibka ta' sikurezza għall-persuni milquta kollha, indipendentement min-nazzjonalità, l-istatus ġuridiku, l-oriġini, is-sess, l-orjentament sesswali, l-identità tal-ġeneru jew kwalunkwe karatteristika oħra; jisħaq fuq l-importanza li jingħata sostenn lir-rifuġjati u lill-persuni spostati internament biex ikunu jistgħu jindirizzaw l-impatt soċjoekonomiku sproporzjonat tal-pandemija, billi jissaħħu l-miżuri ta' appoġġ għall-għajxien u l-attivitajiet li jiġġeneraw introjtu, flimkien mal-aċċess tagħhom għas-sikurezza; jenfasizza li l-politiki tal-UE jmisshom jappoġġaw l-aċċess għad-dokumentazzjoni relatata mal-impjiegi u mal-edukazzjoni u ma' dik ta' natura ċivika; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri joħolqu l-kundizzjonijiet biex it-tfal u ż-żgħażagħ fil-kampijiet tar-rifuġjati jkollhom aċċess għall-edukazzjoni, inklużi l-opzjonijiet ta' apprendiment mill-bogħod, b'mod partikolari l-apprendiment bażiku;

Tisħiħ tas-settur tas-saħħa

21.  Jissottolinja li t-tifqigħa tal-COVID-19 aggravat il-problema persistenti ta' nuqqas ta' mediċini fuq livell dinji, b'konsegwenzi akuti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jissottolinja li l-għajnuna għall-iżvilupp għandha prinċipalment tkun iddestinata li tforni kopertura universali "orizzontali" tas-sistema tas-saħħa permezz ta' approċċ olistiku u bbażat fuq id-drittijiet, li jinvolvi, fost affarijiet oħra, l-indirizzar sħiħ tan-natura multidimensjonali tas-saħħa (marbuta strettament mal-ġeneru, mas-sigurtà alimentari u n-nutrizzjoni, mal-ilma u s-sanità, mal-edukazzjoni u mal-faqar); jitlob, b'mod partikolari, li jiġu riveduti l-istrateġiji u s-sħubijiet proposti jew eżistenti bil-għan li jsostnu u jissaħħu aktar is-sistemi tas-saħħa pubblika fil-pajjiżi sħab, b'mod partikolari fir-rigward tat-tħejjija għall-pandemiji u tal-organizzazzjoni u tal-ġestjoni tas-sistemi tas-saħħa, inkluż l-għoti ta' assistenza tas-saħħa universali, il-vaċċinazzjonijiet, il-monitoraġġ u l-informazzjoni fl-ambitu tas-saħħa (inkluża s-sorveljanza tal-mard), it-taħriġ, ir-reklutaġġ u ż-żamma tal-persunal mediku, il-kapaċità dijanjostika u l-provvista tal-mediċini;

22.  Ifakkar li t-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa ma għandux iqisu esklużivament l-effetti epidemjoloġiċi tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-pajjiżi sħab, iżda għandu wkoll jikkunsidra l-fatturi bħall-bżonn ta' ġestjoni ta' iżjed malnutrizzjoni kkawżata mill-interruzzjoni tal-katini tal-provvista tal-ikel jew l-impatti psikoloġiċi tal-miżuri maħsuba biex itaffu t-tifqigħa tal-COVID-19;

23.  Ifakkar lill-Kummissjoni li l-organizzazzjonijiet sħab li mal-UE għandhom relazzjoni kkonsolidata sew, pereżempju l-Fond Globali, ifornu għajnuna siewja fl-akkwist u fit-tqassim malajr ta' tagħmir ta' protezzjoni personali, strumenti dijanjostiċi u terapiji kontra l-COVID-19 u li jiżvolġu rwol fundamentali fil-bini u fit-tisħiħ ta' sistemi tas-saħħa u fit-tiftix ta' donaturi;

24.  Jisħaq fuq il-bżonn li jiġi rkuprat mill-aktar fis possibbli d-dewmien fil-programmi ta' immunizzazzjoni ta' rutina u jiġi żgurat l-issuktar tal-forniment ta' servizzi tas-saħħa bażiċi oħra; jitlob finanzjamenti adegwati għal inizjattivi bħal Gavi, l-Alleanza għall-Vaċċini, u CEPI, il-Koalizzjoni għall-Innovazzjonijiet fit-Tħejjija għall-Epidemiji; jinsab imħasseb bis-sistema ta' governanza globali tal-vaċċini, esternalizzata u frammentata, li minflok ma tippromwovi l-kooperazzjoni, iġġenerat kompetizzjoni fil-qasam tal-vaċċini, tal-istrumenti dijanjostiċi u l-kuri; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jkunu minn tal-ewwel biex jitolbu aċċess ekwu u bi prezz baxx għall-vaċċini fid-dinja kollha abbażi tal-prinċipju tas-solidarjetà globali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-risposta globali tal-UE għall-pandemija tal-COVID-19 ma timminax il-finanzjamenti tal-UE favur il-programmi tas-saħħa essenzjali l-oħra, inkluż il-Pakkett tas-Servizzi Inizjali Minimi għas-saħħa sesswali u riproduttiva u l-programmi mmirati lejn is-saħħa tan-nisa u n-nisa tqal; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jkomplu jgħinu lill-pajjiżi sħab billi jfornu servizzi relatati mas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, filwaqt li jiżguraw is-sikurezza tal-komunitajiet u ta' min jaħdem fil-qasam tas-saħħa;

25.  Ifakkar fl-importanza li jitqiegħdu fil-prattika dak li tgħallimna mill-kriżijiet tas-saħħa preċedenti, pereżempju l-epidemija tal-Ebola; jisħaq f'dan ir-rigward fuq l-importanza tal-kollaborazzjoni mal-mexxejja tal-komunitajiet biex jinxterdu messaġġi importanti dwar is-saħħa u biex ikunu mobilizzati s-soċjetajiet; jissottolinja r-rwol fundamentali tal-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili u tal-NGOs nazzjonali u internazzjonali fil-forniment ta' servizzi tas-saħħa lill-ifqar komunitajiet; jirrikonoxxi li tali organizzazzjonijiet se jkunu sħab essenzjali fit-tqassim tal-vaċċini kontra l-COVID-19; jistieden lill-UE ssostni t-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' dawn l-organizzazzjonijiet;

26.  Jissottolinja r-rwol tal-edukazzjoni dwar is-saħħa fil-prevenzjoni u fit-taffija tal-impatt tal-pandemija u fit-tħejjija f'każ ta' emerġenzi futuri globali tas-saħħa; jenfasizza l-benefiċċji tal-isport fuq il-ġestjoni tal-konsegwenzi fiżiċi u mentali kkawżati mill-miżuri prolungati ta' konfinament u mill-għeluq tal-iskejjel;

27.  iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom biex il-vaċċini u l-kuri kontra l-pandemija jkunu beni pubbliku globali, aċċessibbli għal kulħadd;

28.  Jenfasizza li l-kontinwità tas-servizzi tas-saħħa bażiċi, inkluża n-nutrizzjoni, hija neċessarja fir-risposta għall-COVID-19 u fl-irkurpu minnha; jissottolinja li servizzi ta' nutrizzjoni ta' kwalità għandhom ikunu fornuti bħala parti mis-servizzi tas-saħħa primarji, li jinkludu l-prevenzjoni, il-valutazzjoni, id-dijanjożi u l-kura tal-forom kollha ta' malnutrizzjoni; jirrikonoxxi r-rwol bħala operaturi tal-ewwel linja tal-ħaddiema tas-saħħa tal-komunità li jeħtieġ li jkunu sostnuti, anki permezz ta' taħriġ;

29.  Jissottolinja li r-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) kienu ta' importanza kruċjali fir-risposta globali għall-COVID-19, inkwantu ppermettew l-iżvilupp ta' terapiji, vaċċini u strumenti dijanjostiċi neċessarji b'urġenza; jenfasizza li l-attivitajiet ta' R&I jeħtieġ ikunu indirizzati lejn strumenti li jaħdmu f'kuntesti b'riżorsi limitati biex jippermettu risposta tassew globali; jenfasizza li sforzi simili huma neċessarji biex jiġi indirizzat id-distakk eżistenti f'termini ta' riċerka u prodotti bil-għan li jingħelbu epidemiji oħrajn, partikolarment dawk marbuta mal-faqar jew ma' mard ittraskurat li jolqot biljuni ta' persuni fid-dinja kollha, iżda li joffru inċentivi tas-suq limitati għall-investimenti privati, anki biex tintemm id-dipendenza mill-pajjiżi l-aktar sinjuri, partikolarment mir-riċerka dwar mard li jaf ma jolqothomx direttament; jitlob għalhekk lill-UE u lill-Istati Membri jżidu l-opportunitajiet ta' kollaborazzjoni transnazzjonali bejn ir-riċerkaturi u jinkoraġġixxu l-iżvilupp tal-potenzjal uman fil-pajjiżi sħab, speċjalment għal dak li għandu x'jaqsam man-nisa;

30.  Jappoġġa l-ħidma importanti tad-WHO u jiġbed l-attenzjoni għar-rwol ċentrali tagħha bħala l-awtorità ewlenija u ta' koordinament dwar ir-risposta għall-COVID-19, filwaqt li jirrikonoxxi l-bżonn ta' riforma tagħha, inkluża, iżda mhux biss, ir-riforma tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa, wara li tkun ġiet ġestita l-kriżi akuta;

31.  Jissottolinja l-bżonn ta' azzjoni urġenti, żieda fil-finanzjamenti u koordinament aħjar tar-risposti għall-imġiba u għall-prattiki ta' iġjene, li jirrappreżentaw waħda mid-difiżi vitali għall-prevenzjoni, għat-trażżin u għall-kura tal-COVID-19; jissottolinja l-bżonn ta' provvisti affidabbli ta' ilma nadif fid-djar, fl-iskejjel kif ukoll fil-faċilitajiet tas-saħħa u jisħaq fuq l-importanza tal-aċċess għall-ilma nadif u għall-istrutturi, għas-servizzi u għall-beni iġjeniko-sanitarji, peress li huma fundamentali biex tiżdied ir-reżiljenza għal kriżijiet tas-saħħa futuri; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jżidu b'mod sinifikanti l-finanzjamenti għall-ilma, għas-sanità u għall-iġjene (WASH) bħala parti tar-risposta tagħhom għall-COVID-19 u bil-għan li tissaħħa r-reżiljenza globali f'każ ta' kriżijiet futuri;

32.  Jenfasizza r-rwol kruċjali li jiżvolġu l-organizzazzjonijiet immexxija mill-komunitajiet u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) fil-forniment ta' servizzi tas-saħħa lill-komunitajiet l-aktar emarġinati u l-inqas moqdija; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura appoġġ politiku, finanzjarju u tekniku lill-OSĊ li jfornu servizzi fil-livell tal-komunità, bil-għan li jkun garantit li l-persuni li jistgħux imorru fil-kliniki tas-saħħa jkunu jistgħu jaċċedu għal servizzi speċifiċi u adegwati;

33.  Jisħaq fuq il-fatt li tqassim aktar ekwu tal-vaċċini fid-dinja huwa essenzjali għall-ġlieda effikaċi kontra t-tixrid tal-COVID-19 u l-mutazzjonijiet tagħha; ifakkar wkoll li l-istrumenti mediċi użati kontra l-COVID-19 għandhom ikunu ekonomikament aċċessibbli, sikuri, effikaċi, faċli biex jiġu amministrati u universalment disponibbli u għandhom jitqiesu "beni pubbliċi globali";

Drittijiet tal-bniedem, governanza u demokrazija

34.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li, mill-bidu tal-kriżi tal-COVID-19, ħafna gvernijiet użaw l-emerġenza biex jiġġustifikaw l-introduzzjoni ta' restrizzjonijiet fuq il-proċessi demokratiċi u l-ispazju ċivili, anki billi limitaw l-aċċess umanitarju, u biex jaħqru lill-minoranzi; jikkundanna, b'mod partikolari, iċ-ċensura, l-arresti u l-intimidazzjoni fil-konfront tal-ġurnalisti, tal-personalitajiet tal-oppożizzjoni, tal-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa u ta' individwi oħra talli jikkritikaw lill-gvernijiet, inkluż il-mod kif jiġġestixxu l-kriżi; jiġbed l-attenzjoni, fuq livell aktar ġenerali, għall-impatt negattiv li qed jikber tal-COVID-19 fuq id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt u jitlob, għalhekk, it-tisħiħ tal-għajnuna, tad-djalogu politiku u tal-appoġġ lis-soċjetà ċivili u għall-konsolidament tal-istituzzjonijiet f'dawn l-oqsma kollha, b'attenzjoni partikolari għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u għall-attivisti tas-soċjetà ċivili;

35.  Josserva li r-riċerka fil-livell globali tindika li stigmatizzazzjoni u diskriminazzjoni għadhom jaffettwaw il-ħajja ta' persuni bl-HIV, popolazzjonijiet f'riskju u gruppi vulnerabbli; ifakkar fil-konklużjonijiet ta' UNAIDS skont liema anki l-persuni u l-gruppi assoċjati mal-COVID-19 ħassew fuqhom perċezzjonijiet u azzjonijiet negattivi; jenfasizza li l-popolazzjonijiet vulnerabbli u emarġinati għadhom ikunu stigmatizzati, inklużi l-każijiet ta' intersezzjoni mal-HIV u l-COVID-19, pereżempju l-persuni li jgħixu fil-faqar, il-persuni mingħajr dar, ir-rifuġjati, il-migranti, min jaħdem fis-sess, il-persuni li jagħmlu użu mid-drogi, il-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali;

36.  Jissottolinja l-fatt li konsegwenzi ta' kombinazzjoni bejn pandemija sanitarja u reċessjoni globali se jikkompromettu serjament il-kapaċità tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, partikolarment il-pajjiżi l-anqas żviluppati, li jilħqu l-SDGs; ifakkar fl-appell tan-Nazzjonijiet Uniti biex jiġi allokat pakkett ta' fondi għall-kriżi kkawżata mill-COVID-19 li jammonta għal USD 2,5 triljun għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jħabbtu wiċċhom ma' danni ekonomiċi mingħajr preċedent minħabba l-pandemija tal-COVID-19; jitlob politiki li jħarsu aktar bil-bogħod ibbażati fuq il-prinċipju ewlieni tal-Aġenda 2030 skont liema ħadd ma jitħalla lura;

37.  Jissottolinja li stat ta' emerġenza għandu effetti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u jrid għalhekk ikunu dejjem limitat fiż-żmien, debitament ġustifikat permezz ta' proċeduri demokratiċi u legali, proporzjonat għall-emerġenza filwaqt li jirrispetta l-ordni kostituzzjonali u d-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jinsisti li l-emerġenzi tas-saħħa ma għandhom qatt jintużaw bħala pretest biex ikunu mminati l-istat tad-dritt, l-istituzzjonijiet demokratiċi, ir-responsabbiltà demokratika jew il-kontroll ġudizzjarju;

38.  Jinsab imħasseb bl-attakki vjolenti fuq il-persunal u l-faċilitajiet umanitarji u mediċi, kif ukoll bl-ostakli burokratiċi bħar-rekwiżiti ta' aċċess mhux ċari u li jinbidlu jew ir-restrizzjonijiet fuq in-numru ta' persunal u vetturi fil-pajjiżi sħab; jissottolinja l-importanza li dawn l-attakki u l-ostakli kemm fil-livell diplomatiku kif ukoll f'dak politiku jkomplu jiġi indirizzati;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE jsostnu lill-parlamenti huma u jkomplu jiżvolġu rwol attiv fl-iskrutinju tal-miżuri governattivi biex titrażżan il-pandemija tal-COVID-19 u fil-valutazzjoni tal-implikazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem tal-miżuri tas-saħħa pubblika; jisħaq fuq il-fatt li s-settur tas-saħħa f'bosta pajjiżi huwa suġġett għall-korruzzjoni u hemm il-bżonn li jissaħħu r-responsabbiltà u s-superviżjoni;

40.  Jenfasizza l-konsegwenzi partikolarment severi tal-lockdowns minħabba l-COVID-19 u l-ħsara kollaterali li sofrew in-nisa, il-bniet u t-tfal, b'mod partikolari ż-żieda fil-vjolenza abbażi tal-ġeneru, inklużi l-mutilazzjoni ġenitali femminili, l-inċidenza dejjem akbar taż-żwieġ prekoċi, it-tqala f'età prematura u mhux mixtieqa u l-aċċess limitat għas-servizzi tas-saħħa, inklużi dawk tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, iżda wkoll l-espożizzjoni tan-nisa għall-COVID-19 minħabba r-rappreżentanza sproporzjonatament għolja tagħhom fil-forza tax-xogħol globali tas-saħħa; josserva li, f'bosta pajjiżi sħab, in-nisa huma impjegati f'setturi bi prevalenza femminili, bħall-industrija tal-ħwejjeġ li kienu s-setturi li l-aktar intlaqtu b'mod iebes; jenfasizza l-bżonn li l-NDICI-Global Europe jistimola l-opportunitajiet ta' xogħol femminili wara l-kriżi; jitlob li tittieħed azzjoni biex jiġi bbilanċjat il-piż sproporzjonat tal-assistenza li jġorru fuq spallejhom in-nisa u kwalunkwe rigress potenzjali fis-sikurezza, is-saħħa, l-emanċipazzjoni, l-indipendenza ekonomika u l-għoti tas-setgħa, u l-edukazzjoni, permezz ta' programmi speċifiċi bħall-inizjattiva Spotlight u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Ġeneru III, billi l-appoġġ Ewropew jiġi orjentat mill-ġdid; jitlob li l-isforzi jiġu intensifikati biex ikun hemm prevenzjoni aħjar tal-vjolenza domestika kif ukoll biex din tiġi indirizzata aħjar; jitlob il-parteċipazzjoni sinifikanti tan-nisa fid-deċiżjonijiet li għandhom impatt fuq is-saħħa u l-ħajja tax-xogħol tagħhom; jissottolinja l-ħtieġa li tiġi inkluża l-perspettiva tal-ġeneru fir-risposta tal-UE għall-COVID-19, li jiġu promossi organi deċiżjonali inklużivi u li tinġabar data diżaggregata skont is-sess u l-età għall-analiżi tal-ġeneru;

41.  Ifakkar li l-effetti ekonomiċi u soċjali tal-pandemija qegħdin jolqtu b'mod sporpozjonat in-nisa u jirriskjaw li jxejnu deċennji ta' progress f'dawk li huma ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-emanċipazzjoni tan-nisa; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri, biex tiġi indirizzata din l-isfida u jiġi żgurat sostenn lill-irkupru, iżidu s-sostenn estern tagħhom għal azzjonijiet immirati li jsaħħu l-vuċi u l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċessi deċiżjonali, itejbu l-edukazzjoni u t-taħriġ għan-nisa, ineħħu d-diskriminazzjoni fl-aċċess għall-kreditu u jipprevedu liġijiet kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru;

Servizz tad-dejn u baġits sodi

42.  Jilqa' b'sodisfazzjon is-sospensjoni temporanja tal-pagamenti tas-servizzi tad-dejn għall-pajjiżi l-aktar foqra mħabbra mill-G20 u jingħaqad mal-appell biex il-kredituri privati u l-banek kummerċjali statali jagħmlu l-istess; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-implimentazzjoni sħiħa tal-Inizjattiva tal-G20 dwar is-Sospensjoni tas-Servizz tad-Dejn (DSSI) u tal-Qafas Komuni tal-G20 għat-Trattament tad-Dejn lil hinn mid-DSSI; jissottolinja li l-kobor tal-kriżi ekonomika u soċjali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jirrikjedi miżuri aktar profondi u ambizzjużi u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġa l-isforzi internazzjonali f'dan ir-rigward; iqis li l-imgħax iffrankat bis-saħħa ta' din is-sospensjoni għandu minflok jiġi investit fis-settur tas-saħħa, li spiss jingħata ħafna inqas finanzjamenti milli jeħtieġ fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsostnu wkoll inizjattivi fil-livell internazzjonali li jipproponu mekkaniżmi flessibbli ta' tnaqqis tad-dejn marbuta mal-ħolqien ta' fondi tal-kontroparti fil-valuta lokali għall-promozzjoni ta' investimenti mmirati lejn l-ilħuq tal-SDGs;

43.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw diġà kellhom livelli ferm għoljin ta' dejn qabel il-pandemija, u għalhekk kienu jevitaw l-investimenti xierqa fil-prevenzjoni tal-kriżi, fis-sistemi tas-saħħa u fil-protezzjoni soċjali; jissottolinja l-importanza li tiġi indirizzata b'mod prijoritarju s-sostenibbiltà tad-dejn fil-pajjiżi sħab; jistieden lill-Kummissjoni tieħu inizjattivi ġodda biex tindirizza l-problemi tal-flussi finanzjarji illeċiti, l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi tat-taxxa sabiex jittejbu l-bażijiet tat-taxxa tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, lill-UE tiżgura li l-ftehimiet tagħha fil-qasam tal-kummerċ, taxxa doppja u tal-investimenti jkunu konsistenti mal-objettiv tal-mobilizzazzjoni tar-riżorsi interni tal-pajjiżi AKP u jissarrfu f'riżultati tanġibbli u sostenibbli f'termini ta' żvilupp, bi qbil mal-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, minqux fl-Artikolu 208 tat-Trattat ta' Lisbona; jappella, fuq livell aktar ġenerali, biex jinħoloq organu globali tat-taxxa fil-livell tan-Nazzjonijiet Uniti li jgħin fil-koordinament tal-politiki fil-qasam tat-taxxa; jitlob, barra minn hekk, li l-appoġġ baġitarju jkun indirizzat lejn is-servizzi bażiċi universali, b'mod partikolari l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa bażiċi, għall-ilma u għas-servizzi tas-sanità u għar-reżiljenza;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprevedi aktar sostenn għall-pajjiżi l-aktar fraġli, biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 u jfornu l-aċċess għall-assistenza tas-saħħa, mingħajr ma jittraskuraw l-isfidi eżistenti bħall-faqar estrem, is-sigurtà, l-aċċess għal edukazzjoni u għal impjiegi ta' kwalità, id-demokrazija, l-opportunitajiet indaqs u t-tibdil fil-klima;

45.  Jenfasizza li flussi mnaqqsa ta' rimessi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw se jaqilbu għall-agħar il-kundizzjonijiet ta' ħajja ta' dawk li jiddependu minn dan is-sors ta' introjtu biex jiffinanzjaw il-konsum ta' prodotti u servizzi bħal ikel, servizzi tas-saħħa u edukazzjoni; iħeġġeġ għaldaqstant lill-UE u lill-komunità tad-donaturi jieħdu azzjonijiet deċiżivi biex iżommu l-wegħda li jikkontribwixxu biex inaqqsu l-kost tal-ispejjeż tar-rimessi qrib iż-żero, u almenu fi 3 %, kif mitlub fl-SDG nru 10;

Edukazzjoni u diġitalizzazzjoni

46.  Jissottolinja l-fatt li l-pandemija tal-COVID-19 wasslet biex għadd bla preċedent ta' studenti jitilfu xhur ta' skola, li jikkostitwixxi ostaklu kbir fl-isforzi fis-settur tal-edukazzjoni, speċjalment fir-rigward tal-edukazzjoni tan-nisa, tal-bniet u tal-persuni spostati; iħeġġeġ lill-gvernijiet jużaw l-għeluq tal-iskejjel biss bħala l-aħħar riżorsa fil-ġlieda kontra l-pandemija; isostni t-tkomplija tal-investimenti fl-edukazzjoni f'każ ta' emerġenzi u f'kuntesti umanitarji oħrajn kif ukoll l-għoti ta' prijorità lil dawn l-investimenti; jitlob li l-edukazzjoni tinżamm prijorità għall-infiq fil-politika tal-iżvilupp tal-UE u li tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-funzjoni soċjali u kulturali tal-iskejjel; iħeġġeġ lill-gvernijiet, b'dan il-kuntest, jagħtu prijorità lis-sostenn lit-tfal l-aktar emarġinati u lill-familji tagħhom, peress li l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali huma profondament marbuta mat-tluq bikri mill-iskola u mir-rendiment skars sa mit-tfulija bikrija, li jikkompromettu l-prospettivi ta' impjegabbiltà fl-età adulta; jisħaq fuq il-fatt li t-tfal li jinsab fl-akbar riskju, speċjalment dawk b'diżabbiltà u li jgħixu f'żoni milquta minn kunflitti, huma dawk li ntlaqtu bl-aktar mod iebes minn din il-pandemija; jirrakkomanda li l-UE ssostni l-azzjonijiet tal-UNICEF u li l-pajjiżi tal-UE jikkondividu l-approċċi tagħhom biex it-tagħlim jibqa' għaddej anki fi żminijiet ta' kriżi, u jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jisfruttaw il-potenzjal tal-apprendiment mill-bogħod (applikazzjonijiet offline, radju, televiżjoni, materjal stampat) u diġitali fil-programmi ta' appoġġ internazzjonali tagħhom ħalli l-ebda tifel jew tifla ma jitħallew mingħajr edukazzjoni; jappoġġa għalhekk aċċess miftuħ, sikur u bi prezz baxx għall-internet (inkluża d-data mobbli) u aċċess indaqs għat-teknoloġija diġitali, kif ukoll użu u ħolqien ekwi tagħha, biex jonqos id-distakk diġitali, anki dak marbut mal-ġeneru u mal-età, u biex ikunu inklużi fit-trasformazzjoni diġitali anki l-persuni l-aktar żvantaġġati u emarġinati;

47.  Jitlob li l-kultura titqies għall-valur intrinsiku tagħha bħala r-raba' pilastru awtonomu trasversali tal-iżvilupp sostenibbli flimkien mad-dimensjonijiet soċjali, ekonomika u ambjentali; jitlob lill-UE tintegra s-sostenibbiltà kulturali fil-livell kollha tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u tinkludi b'mod sistematiku d-dimensjoni kulturali fin-negozjati għall-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni, fir-relazzjonijiet esterni kollha tagħha u fl-istrumenti ta' politika barranija kollha tagħha;

48.  Jisħaq fuq l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja u tar-rikwalifikazzjoni, anki fit-tul wara l-pandemija tal-COVID-19, peress li mhux biss se ssir prattika komuni, iżda wkoll rekwiżit neċessarju għaċ-ċittadini li jaħdmu, minħabba r-rapidità li biha tevolvi t-teknoloġija;

49.  Jiġbed l-attenzjoni fuq il-bżonn li jingħata sostenn u rikonoxximent lill-għalliema, li r-rwol ċentrali tagħhom fl-edukazzjoni u fil-bini ta' ċittadinanza attiva kompla ġie enfasizzat mill-pandemija; jevidenzja l-bżonn li jsiru investimenti fit-taħriġ tal-għalliema biex ikunu ppreparati adegwatament għall-mudelli l-ġodda ta' apprendiment bħall-apprendiment elettroniku u l-apprendiment imħallat, bħala rekwiżiti biex tkun żgurata l-kontinwità tal-edukazzjoni meta ma jkun possibbli li jsir tagħlim bil-preżenza fiżika;

50.  Jenfasizza r-rwol tal-midja indipendenti fil-promozzjoni tad-diversità kulturali u tal-kompetenzi interkulturali, u l-bżonn li tali midja tissaħħaħ bħala sors ta' informazzjoni kredibbli, speċjalment matul żminijiet ta' kriżi u inċertezza;

51.  Jiġbed l-attenzjoni għall-prezz għoli li ħallsu s-setturi kulturali u kreattivi, mis-siti patrimonju tal-umanità, mill-patrimonju kulturali intanġibbli u mit-turiżmu kulturali fid-dinja kollha, u aktar u aktar fil-pajjiżi l-anqas żviluppati, fejn dawn is-setturi huma partikolarment fraġli; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jfornu għajnuna finanzjarja lil dawn is-setturi fil-kuntest tal-programmi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp, permezz ta' fondi ddedikati bi prijoritajiet tematiċi u ġeografiċi, barra minn assistenza teknika, inklużi inizjattivi ta' appoġġ diġitali, biex jittaffa l-impatt negattiv tal-miżuri ta' lockdown, u biex jinħolqu sinerġiji bejn il-gvernijiet lokali, l-organizzazzjonijiet kulturali u l-NGOs, minn naħa, u d-delegazzjonijiet tal-UE u l-fergħat barranin tal-istituti tal-kultura tal-Istati Membri, min-naħa l-oħra;

52.  Ifakkar li l-għajnuna għall-iżvilupp mogħtija lis-settur tal-edukazzjoni naqset kostantement f'dawn l-aħħar għaxar snin; jitlob lill-Istati Membri jinvestu 10 % tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp fis-settur tal-edukazzjoni sal-2024 u 15 % sal-2030, inklużi investimenti għal-edukazzjoni, għall-infrastruttura u għall-konnettività diġitali, bil-għan li jonqos id-distakk diġitali li jħarrax l-iżvantaġġi soċjoekonomiċi;

Reżiljenza

53.  Jissottolinja l-importanza tal-iskambju tal-aħjar prattiki mal-pajjiżi sħab u tal-għoti tal-għajnuna lilhom (inkluż it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali tagħhom) kif ukoll tal-iskambju tal-aħjar prattiki mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-għoti tal-għajnuna lilhom fl-identifikazzjoni tal-vulnerabbiltajiet, fil-bini ta' mekkaniżmi ta' prevenzjoni u ta' risposta għall-kriżijiet kif ukoll fil-protezzjoni tal-infrastruttura kritika sabiex jiġu indirizzati aħjar ix-xokkijiet sistemiċi futuri ta' kull tip; jissottolinja, barra minn hekk, l-importanza li jiġi adottati approċċ "saħħa waħda" mill-gvern ċentrali sal-livell tal-komunità, għal finijiet ta' prevenzjoni jew ta' ġlieda kontra ż-żoonożijiet;

54.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li, minħabba l-bidliet li jġib miegħu t-tibdil fil-klima, mal-kriżi kkawżata mill-COVID-19 jistgħu jiżdiedu fenomeni meteoroloġiċi estremi, li jkunu jqiegħdu ulterjorment taħt pressjoni l-ekonomiji u l-funzjonament tal-Istati kif ukoll il-forniment tal-għajnuna umanitarja; jesiġi, għalhekk, li l-istrateġija ta' rkupru trid issegwi l-għanijiet tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u tal-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima; iqis, barra minn hekk, li l-miżuri ta' stimolu ekonomiku jmisshom iwittu t-triq għal futur b'emissjonijiet żero u reżiljenti għat-tibdil fil-klima u jitlob sostenn għall-konservazzjoni tal-varjetajiet ta' żrieragħ previsti mit-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-pjanti għall-Ikel u Agrikoltura li jistgħu jgħinu lill-komunitajiet f'każ ta' diżastri kkawżati mit-tibdil fil-klima jerġgħu jiżirgħu l-varjetajiet;

55.  Iqis li l-pandemija toffrilna opportunità li nibnu mill-ġdid aħjar u li l-politiki umanitarji u ta' żvilupp tal-UE għandhom isostnu dan l-objettiv fil-pajjiżi sħab; jenfasizza b'mod partikolari l-bżonn li jingħata sostenn lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-progress lejn l-ekonomija diġitali f'oqsma bħas-saħħa, l-edukazzjoni u servizzi pubbliċi oħra; jilqa' pożittivament il-varar tal-pjattaforma Digital4Development (D4D) f'Diċembru 2020 u jinkoraġġixxi lill-UE tagħmel aktar investimenti fl-isforzi ta' diġitalizzazzjoni tal-pajjiżi sħab, anki billi tirrikorri għal investimenti fis-settur privat;

56.  Ifakkar li r-reżiljenza fl-aħħar mill-aħħar hija kkaratterizzata kemm minn tħejjija ġenerali kif ukoll mill-kapaċità ta' adattament għal ċirkostanzi ġodda; ifakkar, f'dan il-kuntest, li l-komunitajiet kapaċi jadattaw is-soluzzjonijiet tagħhom għall-kuntest speċifiku tagħhom huma aktar involuti fil-fażi kollha tal-irkupru u fl-aħħar mill-aħħar isiru aktar b'saħħithom; jissottolinja li t-tegħlib ta' din il-kriżi fi spirtu ta' solidarjetà ma' sħabna se jsaħħaħ u jagħmel aktar reżiljenti r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

57.  Ifakkar li l-investimenti tas-settur privat jafu jiżvolġu rwol importanti fil-kontribut lejn l-irkupru ekonomiku u l-ilħuq tal-SDGs, fid-dawl taż-żieda fil-bżonnijiet ġġenerata mill-pandemjia; jitlob li r-rwol tas-settur privat u tal-finanza mħallta jkun eżaminat ulterjorment bħala parti mill-isforzi ta' rkupru u ta' konsolidament tar-reżiljenza;

58.  Jinnota li l-pandemiji spiss ikunu ta' oriġini żoonotika; jissottolinja, għalhekk, il-ħtieġa li jiġu appoġġati programmi edukattivi rigward il-perikli tal-kaċċa u l-kummerċ tal-annimali selvaġġi kif ukoll il-protezzjoni aktar stretta tal-ekosistemi u l-ħabitats kif ukoll dawk maħsub biex jerġgħu jġibu tali ekosistemi u ħabitats, u li jiġu indirizzati l-isfidi li toħloq il-biedja industrijali; jitlob li jiżdied is-sostenn lill-pajjiżi sħab fil-ġlieda tagħhom kontra l-kaċċa illegali u t-traffikar ta' annimali selvaġġi, filwaqt li tiġi żgurata, b'mod partikolari, l-inklużjoni tal-komunitajiet lokali fil-ħarsien tal-fawna selvaġġa; iqis li jeħtieġ li jingħataw aktar fondi tal-UE favur ir-riċerka antiċipatorja dwar ir-rabtiet bejn is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u l-ekosistemi bil-għan li titjieb il-kapaċità li tingħata risposta lill-kriżijiet tas-saħħa futuri maħluqa minn mutazzjonijiet virali ta' oriġini żoonotika;

59.  Huwa tal-fehma li r-reżiljenza kontra kriżijiet tas-saħħa futuri trid tinbena anki fuq ir-riċerka dwar il-mard li jikkawża regolarment tifqigħat mortali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jiddispjaċih bil-fatt li r-riċerka għadha insuffiċjenti biex tiżviluppa vaċċini kapaċi jipprevjenu effikaċement mard rikorrenti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bħall-malarja u z-Zika; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiffinanzjaw aktar ir-riċerka dwar l-iżvilupp ta' vaċċini li jistgħu jevitaw tifqigħat futuri kkawżati minn dan il-mard;

60.  Jinnota li, anki fi żminijiet ta' kriżi, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-ikel iridu jkunu prijorità assoluta; jikkunsidra li għandha titnaqqas id-dipendenza minn sorsi esterni ta' ikel, pjanti, żrieragħ u fertilizzanti, filwaqt għandha tiżdied li l-produzzjoni agrikola lokali u diversifikata; jilqa' favorevolment f'dan ir-rigward is-sostenn tal-UE għall-agroekoloġija, li jeħtieġ li tissaħħaħ ulterjorment; jitlob li jkun hemm sostenn bil-għan li jiġi kondiviż l-għarfien rigward iż-żrieragħ il-ġodda, dawk il-qodma u dawl agroekoloġiċi aktar reżiljenti;

61.  Ifakkar li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw huma storikament vulnerabbli għax-xokkijiet esterni, minħabba l-esportazzjonijiet skarsi u ekonomiji inqas diversifikati; jenfasizza, għalhekk, li waħda mill-isfidi ewlenin għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw hija li jitilgħu l-katina ta' valur mondjali permezz tad-diversifikazzjoni ekonomika u jaqilbu minn mudell ta' produzzjoni orjentat lejn l-esportazzjonijiet għal żvilupp ibbażat fuq is-swieq nazzjonali u reġjonali; jenfasizza, għal dan l-iskop, ir-rwol fundamentali tal-kooperazzjoni fl-ekonomija reġjonali, tal-politiki industrijali nazzjonali u tal-promozzjoni tal-investimenti biex tiżdied l-awtonomija nazzjonali jew reġjonali fil-produzzjoni ta' prodotti u servizzi essenzjali; iqis li huwa essenzjali, f'dan il-kuntest, li jiġu sfruttati l-finanzjamenti u l-prattiki kummerċjali għall-promozzjoni tal-integrazzjoni tal-istandards ta' sostenibbiltà fil-katina tal-investimenti kollha kemm hi; itenni li d-diliġenza dovuta obbligatorja tal-kumpaniji fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent hija kundizzjoni neċessarja għall-prevenzjoni u għat-taffija tal-kriżijiet futuri u għall-garanzija ta' katini tal-valur sostenibbli;

62.  Jissottolinja li l-investimenti fl-azzjonijiet ta' rkupru jeħtieġu jkunu responsabbli, bi qbil mal-Linji Gwida Volontarji tal-Kumitat dwar is-Sigurtà Alimentari Dinjija dwar il-Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art, is-Sajd u l-Foresti fil-kuntest tas-sigurtà alimentari nazzjonali u tal-Prinċipji ta' Investiment Responsabbli fis-Sistemi Agroalimentari tal-istess Kumitat, bil-għan li jittaffa t-tibdil fil-klima u titrawwem ir-reżiljenza tal-popolazzjonijiet vulnerabbli;

63.  Jitlob lill-UE aktar integrazzjoni tad-drittijiet tat-tfal fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, fl-azzjonijiet maħsuba għall-promozzjoni tar-reżiljenza u tat-tħejjija għad-diżastri naturali direttament fis-setturi soċjali bħall-edukazzjoni, is-saħħa, il-WASH, in-nutrizzjoni, il-protezzjoni soċjali tat-tfal;

Ir-rabta bejn l-aspett umanitarju, l-iżvilupp u l-paċi

64.  Jissottolinja li l-implimentazzjoni tar-rabta bejn l-aspett umanitarju, l-iżvilupp u l-paċi għandha tkun prijorità fil-programmazzjoni tal-NDICI-Global Europe fil-pajjiżi fraġli; jistieden lid-DĠ ECHO, lid-DĠ INTPA u lid-DĠ NEAR tal-Kummissjoni jimplimentaw programmi komplementari adatti għall-kuntesti lokali u għall-opportunitajiet lokali, kull fejn ikun possibbli, sabiex isaħħu b'mod reċiproku l-aspetti differenti tar-rabta;

65.  Jissottolinja l-bżonn li ssir ħidma flimkien mal-komunitajiet lokali u mal-OSĊ fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tar-risposta għall-kriżi tal-COVID-19; jenfasizza r-rwol tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà huwa u jsostni l-OSĊ fil-post u jagħti assistenza lill-persuni fil-bżonn;

66.  Jitlob l-awtonomizzazzjoni tal-komunitajiet lokali u l-impenn tagħhom fl-azzjonijiet umanitarji u ta' żvilupp, flimkien mal-OSĊ lokali, inklużi l-knejjes, l-organizzazzjonijiet ta' ispirazzjoni reliġjuża u rappreżentanti lokali oħra;

o
o   o

67.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tal-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

(1) ĠU C 355, 20.10.2017, p. 2.
(2) Testi adottati, P9_TA(2020)0054.

Avviż legali - Politika tal-privatezza