Indiċi 
Testi adottati
It-Tlieta, 5 ta' Ottubru 2021 - Strasburgu
Ambjent: ir-Regolament ta' Aarhus ***I
 Twaqqif ta' delegazzjoni għall-Assemblea Parlamentari ta’ Sħubija UE-Renju Unit, u definizzjoni tal-kompożizzjoni numerika tagħha
 Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea, Greenland u d-Danimarka ***
 Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea, Greenland u d-Danimarka (riżoluzzjoni)
 Tiġdid tal-mandat ta' Julia Laffranque fil-kumitat stabbilit skont l-Artikolu 255 tat-Trattament dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
 Ħatra tal-President tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA)
 Sospensjoni temporanja tad-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti industrijali fil-Gżejjer Kanarji *

Ambjent: ir-Regolament ta' Aarhus ***I
PDF 140kWORD 47k
Riżoluzzjoni
Test
Anness
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Ottubru 2021 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (COM(2020)0642 – C9-0321/2020 – 2020/0289(COD))
P9_TA(2021)0397A9-0152/2021

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2020)0642),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9-0321/2020),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-27 ta' Jannar 2021(1),

–  wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-23 ta' Lulju 2021, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A9-0152/2021),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt(2);

2.  Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-5 ta’ Ottubru 2021 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2021/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1367/2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali

P9_TC1-COD(2020)0289


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, ir-Regolament (UE) 2021/1767.)

ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni tibqa’ impenjata li tiżgura li l-UE tirrispetta l-obbligi internazzjonali tagħha fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u f’dak il-kuntest tirrikonoxxi t-tħassib espress u s-sejbiet adottati mill-Kumitat għall-Konformità mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus fil-kawża ACCC/C/2015/128(3) fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat fis-17 ta’ Marzu 2021. Is-sejbiet jistiednu lill-UE biex “tieħu l-miżuri leġiżlattivi, regolatorji u oħrajn meħtieġa biex tiżgura li r-Regolament ta’ Aarhus huwa emendat, jew tiġi adottata leġiżlazzjoni ġdida tal-Unjoni Ewropea, biex il-membri tal-pubbliku jiġu pprovduti b’mod ċar b’aċċess għal proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji biex jikkontestaw deċiżjonijiet dwar miżuri ta’ għajnuna mill-Istat meħuda mill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 108(2) tat-TFUE li jmorru kontra d-dritt tal-UE relatat mal-ambjent, f’konformità mal-Artikolu 9(3) u (4) tal-Konvenzjoni”.

Il-Kummissjoni bħalissa qiegħda tanalizza l-implikazzjonijiet tas-sejbiet u qiegħda tivvaluta l-opzjonijiet disponibbli. Il-Kummissjoni se tlesti u se tippubblika din il-valutazzjoni sa tmiem l-2022. Jekk ikun xieraq, sa tmiem l-2023, il-Kummissjoni se tressaq miżuri biex tindirizza l-kwistjoni, fid-dawl tal-obbligi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha skont il-Konvenzjoni ta’ Aarhus u filwaqt li tqis ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

(1) ĠU C 123, 9.4.2021, p. 66.
(2) Din il-pożizzjoni tissostitwixxi l-emendi adottati fl-20 ta’ Mejju 2021 (Testi adottati, P9_TA(2021)0254).
(3) Għall-kawża ACCC/C/2015/128 jekk jogħġbok ara https://unece.org/env/pp/cc/accc.c.2015.128_european-union, il-paragrafu 131.


Twaqqif ta' delegazzjoni għall-Assemblea Parlamentari ta’ Sħubija UE-Renju Unit, u definizzjoni tal-kompożizzjoni numerika tagħha
PDF 122kWORD 43k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Ottubru 2021 dwar it-twaqqif ta' delegazzjoni għall-Assemblea Parlamentari ta' Sħubija UE-Renju Unit, u definizzjoni tal-kompożizzjoni numerika tagħha (2021/2917(RSO))
P9_TA(2021)0398B9-0479/2021

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Konferenza tal-Presidenti,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kummerċ u Kooperazzjoni bejn L-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra(1) (il-"Ftehim ta' Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit"), u b'mod partikolari l-Artikolu 11 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2021 dwar l-eżitu tan-negozjati bejn l-UE u r-Renju Unit(2), u b'mod partikolari l-paragrafi 8 u 9 tagħha,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tas-17 ta' April 2019 dwar in-numru ta' delegazzjonijiet interparlamentari, delegazzjonijiet għall-kumitati parlamentari konġunti u delegazzjonijiet għall-kumitati ta' kooperazzjoni parlamentari u għal assemblej parlamentari multilaterali(3),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tas-17 ta' Lulju 2019 dwar il-kompożizzjoni numerika tad-delegazzjonijiet interparlamentari(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 223 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.  Jinnota li l-Artikolu 11 tal-Ftehim ta' Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit jipprevedi t-twaqqif ta' Assemblea Parlamentari ta' Sħubija UE-Renju Unit magħmula minn Membri tal-Parlament Ewropew u minn Membri tal-Parlament tar-Renju Unit li:

   a) jista' jitlob informazzjoni rilevanti dwar l-implimentazzjoni ta' dak il-ftehim u kwalunkwe ftehim supplimentari mill-Kunsill ta' Sħubija UE-Renju Unit stabbilit bl-Artikolu 7 ta' dak il-ftehim, li mbagħad għandu jipprovdi lill-Assemblea Parlamentari ta' Sħubija UE-Renju Unit l-informazzjoni mitluba;
   b) għandu jkun infurmat bid-deċiżjonijiet u bir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' Sħubija UE-Renju Unit; kif ukoll
   c) jista' jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill ta' Sħubija UE-Renju Unit;

2.  Jiddeċiedi li jwaqqaf delegazzjoni għall-Assemblea Parlamentari ta' Sħubija UE-Renju Unit, magħmula minn 35 Membru;

3.  Jiddeċiedi, b'referenza għad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tal-11 ta' Lulju 2019 dwar il-kompożizzjoni tal-bureaux tad-delegazzjonijiet, li l-bureau tad-delagazzjoni tkun tikkonsisti minn żewġ viċi presidenti;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-Parlament tar-Renju Unit għal informazzjoni.

(1) ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10.
(2) Testi adottati, P9_TA(2021)0141.
(3) ĠU C 158, 30.4.2021, p. 536.
(4) ĠU C 165, 4.5.2021, p. 23.


Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea, Greenland u d-Danimarka ***
PDF 123kWORD 42k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Ottubru 2021 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, ta' Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern ta' Greenland u l-Gvern tad-Danimarka, min-naħa l-oħra u l-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu (06566/2021 – C9-0154/2021 – 2021/0037(NLE))
P9_TA(2021)0399A9-0233/2021

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (06566/2021),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea minn naħa waħda, u l-Gvern ta' Greenland u l-Gvern tad-Danimarka, min-naħa l-oħra, u l-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu (06380/2021),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 43(2), l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), u l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C9-0073/2020),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tiegħu tal-5 ta’ Ottubru 2021(1) dwar l-abbozz ta' deċiżjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 105(1) u (4) u l-Artikolu 114(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għas-Sajd (A9-0233/2021),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim u tal-protokoll;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u ta' Greenland u d-Danimarka.

(1) Testi adottati, P9_TA(2021)0400.


Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea, Greenland u d-Danimarka (riżoluzzjoni)
PDF 160kWORD 49k
Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Ottubru 2021 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, ta' Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern ta' Greenland u l-Gvern tad-Danimarka, min-naħa l-oħra u l-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu (06566/2021 – C9-0154/2021 – 2021/0037M(NLE))
P9_TA(2021)0400A9-0235/2021

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (06566/2021),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli (SFPA) bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern ta' Greenland u l-Gvern tad-Danimarka, min-naħa l-oħra, u l-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu (06380/2021),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), u l-paragrafu (7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C9-0073/2020),

–  wara li kkunsidra t-Titolu II tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS)(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta' flotot tas-sajd esterni(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Ottubru 2021(3) dwar l-abbozz ta' deċiżjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 62 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal (NEAFC),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (NAFO),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent Marin tal-Atlantiku tal-Grigal (OSPAR),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Ftehim għall-Prevenzjoni tas-Sajd mhux Regolat fl-Ibħra Miftuħa fl-Oċean Artiku Ċentrali,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll (Nru 34) dwar arranġamenti speċjali għal Greenland,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Ottawa dwar il-ħolqien tal-Kunsill tal-Artiku,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-31 ta' Jannar 2019 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-Assoċjazzjoni tal-Pajjiżi u Territorji extra-Ewropej mal-Unjoni Ewropea, inklużi r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea fuq naħa, u Greenland u r-Renju tad-Danimarka min-naħa l-oħra ("Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Barranija")(4),

–  wara li kkunsidra r-rapport intitolat "Ex ante and ex post evaluation study of the Fisheries Partnership Agreement between the European Union and Greenland" (Studju ta' evalwazzjoni ex ante u ex post tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u Greenland") tad-9 ta' Awwissu 2019,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 105(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A9-0235/2021),

A.  billi l-UE stabbiliet objettivi ta' sostenibbiltà bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew u mill-istrateġiji tagħha għall-bijodiversità għall-2030 u "mill-Għalqa sal-Platt", kif ukoll b'riżultat ta' impenji internazzjonali speċifiċi, inkluża l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), b'mod partikolari l-SDG 14 dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi u l-ambjent tal-baħar;

B.  billi t-tibdil fil-klima qed jaffettwa l-ekosistemi u r-riżorsi tal-baħar;

C.  billi l-Artikolu 62 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar jipprevedi li, permezz ta' ftehimiet jew arranġamenti oħra, stat kostali għandu jagħti aċċess lil stati oħra għal dak li jibqa' żejjed minn qabda permissibbli;

D.  billi l-Ftehim għall-Prevenzjoni tas-Sajd mhux Regolat fl-Ibħra Miftuħa fl-Oċean Artiku Ċentrali impona projbizzjoni ta' 16-il sena fuq is-sajd kummerċjali f'dik iż-żona;

E.  billi l-Unjoni u Greenland, permezz tad-Danimarka, huma membri tal-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) NEAFC u NAFO;

F.  billi l-UE għandha relazzjoni mill-qrib ma' Greenland; billi Greenland tagħmel parti mill-pajjiżi u t-territorji ekstra-Ewropej assoċjati mal-UE u billi l-UE u Greenland ilhom mill-1984 li għandhom sħubija dwar is-sajd;

G.  billi l-Protokoll (Nru 34) dwar arranġamenti speċjali għal Greenland jorbot it-tariffi preferenzjali fuq is-suq Ewropew għall-prodotti tas-sajd minn Greenland mal-aċċess tal-bastimenti Ewropej għaż-żoni tas-sajd tagħha;

H.  billi n-natura speċjali ta' dan il-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli (SFPA) tfisser li l-opportunitajiet tas-sajd jiġu nnegozjati kull sena u li dan jippermetti trasferimenti ta' kwoti man-Norveġja u l-Gżejjer Faeroe;

I.  billi l-evalwazzjoni ex post tal-protokoll preċedenti u l-evalwazzjoni ex ante wasslu għan-negozjar ta' ftehim u protokoll ġodda li huma aktar konformi mal-opportunitajiet tas-sajd u l-pariri xjentifiċi, jipprovdu flessibbiltà akbar fuq il-qabdiet u għandhom kwota aktar baxxa ta' qabdiet inċidentali, kif ukoll għan-negozjar ta' perjodu ta' validità ta' sitt snin għall-protokoll;

J.  billi SFPA ma' Greenland huwa importanti għall-bastimenti Ewropej li jistadu fl-ibħra tagħha u għall-flotot tal-Istati Membri li jibbenefikaw direttament jew indirettament mill-ftehim u mit-trasferimenti tal-kwoti li jipprevedi;

K.  billi l-ftehim u l-protokoll il-ġodda jippermettu lil 12-il bastiment Ewropew jisfruttaw opportunitajiet tas-sajd fl-ibħra ta' Greenland għal tmien speċijiet (bakkaljaw, dott pelaġiku, dott tal-qiegħ, ħalibatt ta' Greenland, gamblu tat-Tramuntana, grenadier, kapelin u kavall tal-Atlantiku) għal perjodu ta' erba' snin li jista' jiġġedded għal sentejn, b'kumpens finanzjarju annwali ta' EUR 16 521 754 mill-UE, li EUR 2 931 000 minnhom huma allokati għal finijiet ta' appoġġ u żvilupp tas-settur tas-sajd fi Greenland;

Il-ftehim u l-protokoll preċedenti

1.  Jinnota l-benefiċċji soċjoekonomiċi f'termini ta' impjiegi diretti u indiretti u l-valur miżjud gross iġġenerat mis-sajd tal-flotta Ewropea fl-ibħra ta' Greenland, kemm għas-settur tas-sajd ta' Greenland kif ukoll għal dak tal-UE;

2.  Jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-qabdiet totali permissibbli stabbiliti minn Greenland għal diversi stokkijiet fil-protokoll preċedenti kienu jaqbżu l-livelli rakkomandati xjentifikament; jissottolinja li s-sehem tal-UE f'dawn l-opportunitajiet tas-sajd huwa relattivament żgħir;

3.  Jilqa' l-fatt li l-kontribuzzjoni finanzjarja settorjali mogħtija lil Greenland qed tintuża mill-awtoritajiet tagħha għal finijiet ta' amministrazzjoni, kontroll u riċerka xjentifika;

4.  Jesprimi tħassib, madankollu, dwar in-nuqqas ta' data xjentifika meħtieġa biex jitfasslu stimi preċiżi tal-livelli tal-istokkijiet;

Il-ftehim u l-protokoll il-ġodda

5.  Jinnota n-natura kumplessa tan-negozjati u l-kuntest li saru fih, peress li fl-istess żmien kienu qed isiru negozjati dwar il-ftehim mar-Renju Unit – fatt li ħoloq inċertezza – u Greenland kienet qed tiffaċċja kwistjonijiet ta' politika interna; ifakkar li l-pożizzjoni ta' tluq ta' Greenland f'dawn in-negozjati kienet li tnaqqas il-kwoti tal-bastimenti Ewropej bi 30 %; jinnota li din il-proposta għal tnaqqis fl-opportunitajiet tas-sajd kienet motivata mix-xewqa ta' Greenland li tkompli tiżviluppa s-settur tas-sajd tagħha;

6.  Jinnota li l-kwoti tnaqqsu b'medja ta' 5 % meta mqabbla mal-protokoll preċedenti;

7.  Jesprimi dispjaċir li l-operaturi Ewropej ma setgħux jistadu fl-ibħra ta' Greenland għal kważi erba' xhur qabel l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim, li ma ġiex iffirmat qabel it-22 ta' April 2021 minħabba l-elezzjonijiet fi Greenland u l-bżonn li jiġi ffurmat gvern;

8.  Jinnota li l-opportunitajiet tas-sajd għall-kavall tal-Atlantiku jiddependu mill-parteċipazzjoni tal-istati kostali bħala firmatarji tal-ftehim tal-istati kostali dwar il-ġestjoni tal-kavall tal-Atlantiku u li l-opportunitajiet tas-sajd għad-dott iridu jkunu konformi mal-ftehim ta' ġestjoni u mad-deċiżjonijiet meħuda fil-livell tan-NEAFC;

9.  Jinnota li l-protokoll jipprevedi 600 tunnellata ta' qabdiet inċidentali, li jirrappreżenta tnaqqis sinifikanti mill-protokoll preċedenti; jissottolinja li l-qabdiet kollha, inklużi l-qabdiet inċidentali u l-qbid skartat, iridu jiġu rreġistrati u rrappurtati skont l-ispeċi f'konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli ta' Greenland;

10.  Ifaħħar l-objettivi ta' sostenibbiltà tal-ftehim u l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat;

11.  Jesprimi tħassib dwar l-arranġament ta' "erba' snin u sentejn" rigward it-tul tal-ftehim u l-inċertezza dwar it-tiġdid tal-protokoll wara l-ewwel erba' snin, li jista' jirrappreżenta nuqqas ta' ċarezza għall-bastimenti Ewropej;

12.  Jinnota li l-kumpens finanzjarju tal-UE huwa ogħla minn kif kien fil-protokoll preċedenti, filwaqt li l-kontribuzzjoni għall-appoġġ settorjali baqgħet l-istess u l-prezzijiet ta' referenza għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għas-sidien tal-bastimenti żdiedu;

Greenland bħala attur strateġiku fl-Atlantiku tat-Tramuntana u fl-Artiku

13.  Jinnota li l-Brexit iddestabbilizza r-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi tal-Atlantiku tat-Tramuntana;

14.   Isostni li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE u l-konsegwenzi li jirriżultaw għas-sajd fil-Baħar tat-Tramuntana u fil-Grigal tal-Atlantiku m'għandhomx jintużaw ħażin biex tiġi mmanipulata d-distribuzzjoni tal-kwoti fil-Ftehimiet tat-Tramuntana, iżda minflok għandhom jirrispettaw id-distribuzzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd kif evolviet storikament, dejjem abbażi tal-aqwa data u pariri xjentifiċi disponibbli;

15.  Ifakkar fis-sitwazzjoni ġeostrateġika ta' Greenland fir-reġjun tal-Artiku; jenfasizza l-importanza tar-relazzjonijiet ma' Greenland bħala parti minn strateġija tal-UE dwar l-Artiku u bil-ħsieb li jiġi evitat is-sajd mhux regolat fl-ibħra miftuħa fl-Artiku Ċentrali;

Rakkomandazzjonijiet u talbiet lill-Kummissjoni Ewropea

16.  Jirrakkomanda u jitlob lill-Kummissjoni Ewropea:

   (a) tinforma lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim u l-protokoll;
   (b) tiżgura li l-implimentazzjoni tal-ftehim u l-protokoll tiegħu tikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tat-tisħin globali u tippermetti l-adattament għall-effetti dejjem akbar tiegħu, għall-preservazzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u għall-objettivi ta' sostenibbiltà tal-Patt Ekoloġiku, u tkun allinjata mal-objettivi tal-PKS;
   (c) tiżgura l-applikazzjoni tal-approċċ prekawzjonarju għall-istokkijiet sfruttati u mmirati fil-preżent, bħall-bakkaljaw, id-dott u l-ħalibatt ta' Greenland;
   (d) ittejjeb l-arranġamenti għall-ġbir u l-analiżi tad-data u l-aġġornament tas-sorveljanza tal-użu tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE għall-appoġġ settorjali, bil-ħsieb li tiġi żgurata ġestjoni sostenibbli tal-ħut maqbud mill-Ewropej u li l-kwoti mogħtija lill-bastimenti Ewropej huma fil-fatt għal stokkijiet żejda;
   (e) tiżgura titjib fid-data disponibbli dwar id-daqs tal-flotta u l-isforz tas-sajd tal-flotot ta' sussistenza u tas-sajd fuq skala żgħira ta' Greenland;
   (f) tiżgura li wara erba' snin il-protokoll jiġġedded għal sentejn oħra u tagħmel kull sforz biex tara li l-bastimenti Ewropej ikunu jistgħu jkomplu joperaw fl-ibħra ta' Greenland fuq bażi permanenti;
   (g) tagħmel li tista' biex tara li ma jkunx hemm tnaqqis fl-opportunitajiet tas-sajd previsti fil-protokoll kull sena, sakemm ix-xjenza ma tiddettax dan il-bżonn;
   (h) tittrasferixxi għall-2022 il-kwoti kollha mhux użati jew parti minnhom minħabba d-dewmien fl-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim, skont l-aqwa pariri xjentifiċi;
   (i) tħeġġeġ lil Greenland tiffirma l-ftehim tal-istati kostali dwar il-ġestjoni tal-kavall tal-Atlantiku;
   (j) tiżġura li tingħata attenzjoni speċjali lix-xbieki tas-sajd mitlufa, il-ġbir tal-iskart fil-baħar, l-ekosistemi tal-baħar u l-ispeċijiet vulnerabbli, l-identifikazzjoni tal-ħabitats u l-qabdiet inċidentali tal-għasafar, partikolarment fil-kuntest tal-appoġġ settorjali;
   (k) ittejjeb il-konnessjoni bejn l-SFPA UE-Greenland u d-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Barranija;
   (l) ittejjeb il-viżibilità u t-trasparenza fir-rigward tal-istrumenti internazzjonali għall-ġestjoni tal-istokkijiet fir-reġjun, bħall-RFMOs u l-ftehimiet tal-istati kostali għall-ġestjoni ta' ċerti stokkijiet; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza li jiġu segwiti r-rakkomandazzjonijiet xjentifiċi, inklużi l-effetti tat-tibdil fil-klima, kif ukoll li jittejbu l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-RFMOs, inklużi r-regoli tal-qbid;
   (m) tidħol fi proċess ta' riflessjoni fit-tul dwar kif jistgħu jiġu fformalizzati r-relazzjonijiet mas-sħab tagħna fir-reġjun u titnaqqas l-instabbiltà li nħolqot bil-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, partikolarment fis-settur tas-sajd;
   (n) tibda diskussjoni fit-tul dwar ir-rabta bejn l-SFPA ma' Greenland u l-ftehimiet dwar is-sajd man-Norveġja, inkluża l-interdipendenza tagħhom;
   (o) tikkunsidra l-SFPA bis-sħiħ meta l-UE tkun qed tistabbilixxi l-pożizzjoni ġeostrateġika tagħha dwar l-Oċean Artiku;

o
o   o

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, ta' Greenland u tad-Danimarka.

(1) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.
(2) ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81.
(3) Testi adottati, P9_TA(2021)0399.
(4) ĠU C 411, 27.11.2020, p. 698.


Tiġdid tal-mandat ta' Julia Laffranque fil-kumitat stabbilit skont l-Artikolu 255 tat-Trattament dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
PDF 116kWORD 41k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Ottubru 2021 li tipproponi l-ħatra ta' Julia Laffranque fil-kumitat stabbilit bl-Artikolu 255 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (2021/2171(INS))
P9_TA(2021)0401B9-0478/2021

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-tieni paragrafu tal-Artikolu 255 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 128 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-propostas tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (B9-0478/2021),

A.  billi Julia Laffranque tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 255 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

1.  Jipproponi li Julia Laffranque tinħatar bħala membru tal-kumitat;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja.


Ħatra tal-President tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA)
PDF 123kWORD 43k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Ottubru 2021 dwar il-proposta għall-ħatra tal-President tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) (N9-0058/2021 – C9-0369/2021 – 2021/0902(NLE))
P9_TA(2021)0402A9-0272/2021

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-lista ristretta ta' kandidati kwalifikati għall-kariga ta' President tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq tas-26 ta' Novembru 2020 imfassla mill-Bord tas-Superviżuri tagħha,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kunsill tad-29 ta' Settembru 2021 li tipproponi lil Verena Ross bħala President tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (C9-0369/2021),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48(2) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar il-bilanċ bejn is-sessi fin-nomini fis-settur tal-affarijiet ekonomiċi u monetarji tal-UE(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2020 dwar l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja: il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess wara l-impjieg fis-servizz pubbliku(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 131 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0272/2021),

A.  billi l-mandat tal-President tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq intemm fil-31 ta' Marzu 2021;

B.  billi, fid-29 ta' Settembru 2021, il-Kunsill ippropona li jaħtar lil Verena Ross bħala President tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq għal mandat ta' ħames snin, skont l-Artikolu 48(2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010;

C.  billi, fit-30 ta' Settembru 2021, il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji kellu seduta ta' smigħ ma' Verena Ross, li fiha hi għamlet stqarrija preliminari u mbagħad wieġbet għal mistoqsijiet li saru mill-membri tal-Kumitat;

1.  Japprova l-ħatra ta' Verena Ross bħala President tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq kif ukoll lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.
(2) ĠU C 23, 21.1.2021, p. 105.
(3) Testi adottati, P9_TA(2020)0017.


Sospensjoni temporanja tad-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti industrijali fil-Gżejjer Kanarji *
PDF 119kWORD 42k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Ottubru 2021 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jissospendi temporanjament id-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti industrijali fil-Gżejjer Kanarji (COM(2021)0392 – C9-0351/2021 – 2021/0209(CNS))
P9_TA(2021)0403A9-0267/2021

(Proċedura leġiżlattiva speċjali – konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2021)0392),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C9-0351/2021),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 82 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A9-0267/2021),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni;

2.  Jistieden lill-Kunsill jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

3.  Jitlob lill-Kunsill jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Avviż legali - Politika tal-privatezza