Indiċi 
Testi adottati
L-Erbgħa, 6 ta' Ottubru 2021 - Strasburgu
Ir-rwol tal-politika tal-iżvilupp fir-rispons għat-telf tal-bijodiversità fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, fil-kuntest tat-twettiq tal-Aġenda 2030
 L-intelliġenza artifiċjali fil-liġi kriminali u l-użu tagħha mill-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji f'materji kriminali
 L-impatt tal-vjolenza domestika u tad-drittijiet ta' kustodja fuq in-nisa u t-tfal
 Qafas ta' Politika tal-UE dwar is-Sikurezza fit-Toroq 2021-2030 - Rakkomandazzjonijiet dwar il-passi li jmiss lejn "Viżjoni Żero"
 Rikostituzzjoni tal-istokkijiet tal-ħut fil-Mediterran
 Sustanzi attivi, inklużi l-klorotoluron u d-difenokonażol
 Il-futur tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti

Ir-rwol tal-politika tal-iżvilupp fir-rispons għat-telf tal-bijodiversità fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, fil-kuntest tat-twettiq tal-Aġenda 2030
PDF 222kWORD 72k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2021 dwar ir-rwol tal-politika tal-iżvilupp fir-rispons għat-telf tal-bijodiversità fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, fil-kuntest tat-twettiq tal-Aġenda 2030 (2020/2274(INI))
P9_TA(2021)0404A9-0258/2021

Il-Parlament Ewropew,

—  wara li kkunsidra l-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura,

—  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB) tal-1992, u l-15-il laqgħa li jmiss tal-Konferenza tal-Partijiet tagħha (COP15),

—  wara li kkunsidra t-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura,

—  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU tal-2007 dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni,

—  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU tal-2018 dwar id-Drittijiet tal-Bdiewa u Persuni Oħra li Jaħdmu f'Żoni Rurali,

—  wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-2019 tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) tan-NU dwar it-tibdil fil-klima u l-art,

—  wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-IPCC tal-2019 dwar l-oċean u l-krijosfera fi klima li qed tinbidel,

—  wara li kkunsidra r-rapport ta' valutazzjoni globali tal-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-servizzi Ekosistemiċi (IPBES) tal-2019 dwar il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema,

—  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Workshop tal-IPBES dwar il-Bijodiversità u l-Pandemiji tad-29 ta' Ottubru 2020,

—  wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-popli indiġeni, ippreżentat lill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-2016,

—  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni 169 tal-1989 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-popli indiġeni u tribali,

—  wara li kkunsidra l-5 Perspettiva Globali dwar il-Bijodiversità tas-Segretarjat tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika tal-15 ta' Settembru 2020,

—  wara li kkunsidra s-Summit tan-NU dwar il-Bijodiversità tat-30 ta' Settembru 2020,

—  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs),

—  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar,

—  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Cancun dwar il-Promozzjoni tal-Pastoraliżmu Sostenibbli u l-Produzzjoni tal-Bhejjem għall-Konservazzjoni tal-Bijodiversità fil-Bwar u r-Artijiet tal-Merħliet tal-KDB COP13 tal-14 ta' Diċembru 2016,

—  wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli tal-Kumitat dwar is-Sigurtà Alimentari Dinjija (CFS) dwar is-Sigurtà Alimentari u n-Nutrizzjonali, ta' Lulju 2019, bit-titolu "Approċċi Agroekoloġiċi u approċċi innovattivi oħra għal agrikoltura sostenibbli u sistemi alimentari li jtejbu s-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni",

—  wara li kkunsidra r-rapport tal-FAO dwar l-Istat tal-għarfien tal-bijodiversità tal-ħamrija – Status, sfidi u potenzjalitajiet, ippubblikat fl-2020,

—  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES) u l-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċi Migratorji tal-Annimali Selvaġġi (CMS),

—  wara li kkunsidra l-analiżi globali tal-2020 tal-Front Line Defenders,

—  wara li kkunsidra r-Razzjonalizzazzjoni tal-Indikaturi Ewropej tal-Bijodiversità (SEBI) 2020, maħruġa mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent,

—  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tad-9 ta' Marzu 2020 bit-titolu "Lejn strateġija komprensiva mal-Afrika" (JOIN(2020)0004),

—  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Frar 2021 bit-titolu "Insawru Ewropa reżiljenti għall-klima – L-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima" (COM(2021)0082),

—  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu "Strateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent" (COM(2020)0381),

—  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Mejju 2020 bit-titolu "Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 – Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna" (COM(2020)0380),

—  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/396/UE tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar prinċipji komuni għal mekkaniżmi ta' rimedju kollettiv ta' inġunzjoni u kumpensatorji fl-Istati Membri li jirrigwardaw il-ksur tad-drittijiet skont il-Liġi tal-Unjoni(1),

—  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Lulju 2019 dwar it-tisħiħ tal-azzjoni tal-UE għall-protezzjoni u għar-restawr tal-foresti tad-dinja (COM(2019)0352) u l-konklużjonijiet sussegwenti tal-Kunsill,

—  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2017 dwar il-popli indiġeni,

—  wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew ġdid għall-Iżvilupp tal-2017,

—  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Infurzar tal-Liġi, il-Governanza u l-Kummerċ Forestali adottat f'Novembru 2003,

—  wara li kkunsidra l-analiżi fil-fond dwar il-Kummerċ u l-Bijodiversità, ippubblikata mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Esterni tiegħu f'Ġunju 2020(2),

—  wara li kkunsidra r-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità(3),

—  wara li kkunsidra l-analiżi fil-fond bit-titolu "Ir-rabta bejn it-telfien tal-bijodiversità u t-tixrid dejjem akbar tal-mard żoonotiku", ippubblikata mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Esterni tiegħu f'Diċembru 2020(4),

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2018 dwar il-ksur tad-drittijiet tal-popli indiġeni fid-dinja, inkluż il-ħtif tal-art(5),

—  wara li kkunsidra l-istudju intitolat "Il-popli indiġeni, l-industriji estrattivi u d-drittijiet tal-bniedem", ippubblikat mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Esterni tiegħu f'Settembru 2014(6),

—  wara li kkunsidra l-analiżi fil-fond bit-titolu "L-isfidi għad-drittijiet ambjentali u tal-popli indiġeni fir-reġjun tal-Amażonja", ippubblikata mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Esterni tiegħu f'Ġunju 2020(7),

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2020 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar qafas legali tal-UE biex titwaqqaf u titreġġa' lura d-deforestazzjoni globali li l-UE hija responsabbli għaliha(8),

—  wara li kkunsidra l-Patt Ekoloġiku Ewropew,

—  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A9-0258/2021),

A.  billi madwar 70 % tal-foqra tad-dinja jiddependu direttament fuq id-diversità bijoloġika għall-għajxien tagħhom;

B.  billi l-maġġoranza tat-telfien tal-bijodiversità jseħħ fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

C.  billi l-bijodiversità għadha sors kritiku għall-iżvilupp tal-mediċini;

D.  billi l-aktar stima globali komprensiva tissuġġerixxi li s-servizzi tal-ekosistema jipprovdu benefiċċji ta' USD 125-140 triljun fis-sena, jiġifieri aktar minn darba u nofs id-daqs tal-PDG globali(9);

E.  billi l-bijodiversità hija affettwata kemm mit-tibdil fil-klima kif ukoll tagħti kontribut importanti għall-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima permezz tas-servizzi tal-ekosistemi li tappoġġa;

F.  billi l-bijodiversità u s-servizzi ekosistemiċi huma previsti li jonqsu matul id-deċennji li ġejjin, filwaqt li l-provvista u d-domanda għal materjali derivati minn riżorsi naturali b'valur tas-suq attwali (ikel, għalf, injam u bijoenerġija) huma previsti li jiżdiedu;

G.  billi pressjonijiet ewlenin fuq il-bijodiversità terrestri, tal-baħar u akkwatika oħra jinkludu t-telf u l-frammentazzjoni tal-ħabitats (partikolarment minħabba l-espansjoni u l-intensifikazzjoni agrikola), l-isfruttament żejjed tar-riżorsi naturali (eż. il-ħut), it-tniġġis, l-ispeċijiet aljeni invażivi u t-tibdil fil-klima;

H.  billi skont ir-rapport ta' valutazzjoni globali IPBES 2019 dwar il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema, il-biċċa l-kbira tal-Miri tal-Bijodiversità ta' Aichi għall-2020 ma ntlaħqux;

I.  billi r-Rapport dwar ir-Riskji Globali tal-Forum Ekonomiku Dinji tal-2020 identifika r-riskji ambjentali bħala l-akbar riskji sistemiċi għall-ekonomija globali tagħna;

J.  billi l-OECD tistma li l-flussi finanzjarji potenzjalment dannużi għall-bijodiversità (abbażi tal-fjuwils fossili u s-sussidji agrikoli) jammontaw għal USD 500 biljun fis-sena , daqs ordni ta' kobor għaxar darbiet ogħla mill-flussi finanzjarji globali għall-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-użu sostenibbli, u billi l-ispejjeż tan-nuqqas ta' azzjoni fuq it-telfien tal-bijodiversità huma għoljin u huma mistennija li jiżdiedu(10);

K.  billi l-IPBES tirrapporta li l-użu ġdid tal-art, l-espansjoni agrikola u l-urbanizzazzjoni huma responsabbli għal aktar minn 30 % tal-avvenimenti ta' mard emerġenti;

L.  billi studji reċenti juru li bejn 1.65 u 1.87 biljun persuna indiġeni, komunitajiet lokali, u persuni ta' nisel Afrikan jgħixu f'żoni importanti ta' konservazzjoni tal-bijodiversità fid-dinja; billi sejba oħra turi li 56 % tan-nies li jgħixu f'żoni importanti ta' konservazzjoni tal-bijodiversità jinsabu f'pajjiżi bi dħul baxx u medju baxx; billi 9 % biss jgħixu f'pajjiżi bi dħul għoli; billi, skont l-Inizjattiva tad-Drittijiet u r-Riżorsi, dan il-fatt jissottolinja l-impatt sproporzjonat tal-konservazzjoni fuq in-Nofsinhar Globali;

M.  billi hemm evidenza xjentifika ta' rabta kumplessa bejn it-telfien tal-bijodiversità u r-riskju dejjem jikber ta' mard żoonotiku bħall-COVID-19;

N.  billi l-popli u l-komunitajiet indiġeni u lokali (IPLC) jiddependu ħafna fuq l-art, ir-riżorsi naturali u l-ekosistemi għall-ħtiġijiet bażiċi u l-għajxien tagħhom, filwaqt li jitqies il-fatt li l-livell baxx ta' għajxien tagħhom u l-esklużjoni mill-ħajja politika u ekonomika tagħhom jistgħu jimplikaw kunflitti kruċjali rigward l-użu ta' riżorsi naturali u drittijiet tal-art;

O.  billi t-territorji indiġeni tradizzjonali jinkludu madwar 22 % tal-wiċċ tal-art tad-dinja, u jikkoinċidu ma' żoni li għandhom 80 % tal-bijodiversità tal-pjaneta;

P.  billi ż-żoni protetti għandhom il-potenzjal li jissalvagwardjaw il-bijodiversità għall-benefiċċju tal-umanità kollha, iżda, f'xi każijiet, ġew assoċjati wkoll ma' ksur tad-drittijiet tal-bniedem fuq skala kbira kontra l-IPLC;

Q.  billi l-popli indiġeni għadhom fost l-ifqar foqra, u billi waħda mid-diffikultajiet ewlenin li jiffaċċjaw il-popli indiġeni globalment hija li jiksbu rikonoxximent legali tas-sjieda kollettiva fuq l-artijiet tal-antenati tagħhom, speċjalment meta dawn ġew iddikjarati territorji protetti;

R.  billi huwa stmat li 50 % taż-żoni protetti madwar id-dinja ġew stabbiliti f'artijiet tradizzjonalment okkupati u użati mill-popli indiġeni, u li dan il-proporzjon huwa l-ogħla fl-Ameriki, fejn jista' jaqbeż id-90 % fl-Amerika Ċentrali;

S.  billi n-nuqqas ta' rikonoxximent għad-drittijiet tal-art konswetudinarji tal-popli u l-komunitajiet indiġeni jiġġenera riskji ta' ħtif tal-art, u b'hekk jipperikola l-għajxien u l-kapaċità tagħhom li jindirizzaw it-tibdil fil-klima jew it-telfien tal-bijodiversità;

T.  billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-popli indiġeni identifika l-industriji estrattivi bħala s-sors ewlieni ta' kunflitt u vjolenza fit-territorji tal-popli indiġeni;

U.  billi skont l-Analiżi Globali tal-2020 tal-Front Line Defenders, mill-inqas 331 difensur tad-drittijiet tal-bniedem inqatlu fl-2020, li minnhom 69 % kienu difensuri ambjentali u 26 % ħadmu speċifikament fuq id-drittijiet tal-popli indiġeni;

V.  billi l-UE għandha l-għan li tinsisti għal mira ta' mill-inqas 30 % ta' protezzjoni tal-bijodiversità skont il-KDB;

W.  billi corpus ta' riċerka dejjem akbar jindika li l-IPLC għandhom għarfien kruċjali u rwol vitali fil-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-konservazzjoni tal-bijodiversità, kif ukoll biex itejbu l-għajxien rurali u jsaħħu r-reżiljenza tal-popolazzjonijiet u l-komunitajiet lokali; billi l-miri tal-bijodiversità globali ma jistgħux jintlaħqu mingħajr ir-rikonoxximent u r-rispett tad-drittijiet tal-IPLC;

X.  billi l-UE ressqet impenji u miri ekoloġiċi b'saħħithom permezz tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, madankollu l-impronta ekoloġika totali tal-UE għadha għolja, li għandu konsegwenzi negattivi għall-ambjent fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; billi l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għandha l-għan li tikseb sitwazzjoni li fiha l-ekosistemi kollha tad-dinja jkunu ġew restawrati, reżiljenti u protetti b'mod adegwat sal-2050, f'konformità mal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, u tesprimi impenn favur l-objettiv li ttemm l-estinzjoni tal-ispeċijiet ikkawżata mill-bniedem sal-2050, iggwidata minn responsabbiltà interġenerazzjonali u mill-prinċipju tal-ugwaljanza, inkluż ir-rispett għad-drittijiet, u l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-IPLC; billi l-istrateġija tal-UE u tal-Istati Membri tagħha b'appoġġ għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandha tkun imfassla biex tantiċipa l-effetti tat-tibdil fil-klima u t-telfien tal-bijodiversità;

Y.  billi l-bijodiversità hija kruċjali għas-sigurtà tal-ikel, il-benessri tal-bniedem u l-iżvilupp madwar id-dinja; billi l-benefiċċji li l-bnedmin jiksbu mill-ekosistemi jinkludu, fost affarijiet oħra, il-purifikazzjoni tal-ilma u l-arja, il-kontroll tal-pesti u l-mard, id-dakkir tal-għelejjel, il-fertilità tal-ħamrija, id-diversità ġenetika, il-proviżjonament tal-ilma ħelu, il-protezzjoni kontra l-għargħar, is-sekwestru tal-karbonju u r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima; billi l-foresti hemm aktar minn 75 % tal-bijodiversità terrestri tad-dinja u aktar minn 25 % tal-popolazzjoni dinjija tiddependi fuq ir-riżorsi tal-foresti għall-għajxien tagħha; billi l-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat l-oqsma ta' inugwaljanzi fis-sistemi agroalimentari u l-ħtieġa li l-produzzjoni tal-azjendi agrikoli żgħar tiġi adattata u titjieb b'mod sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, it-trasformazzjoni ta' sistemi agroalimentari u l-orjentazzjoni mill-ġdid tal-agrikoltura lejn is-sostenibbiltà tal-klima;

Z.  billi r-rapport speċjali tal-IPCC dwar it-tibdil fil-klima u l-art tat-8 ta' Awwissu 2019 juri li l-popli indiġeni għandhom rekord twil ta' adattament għall-varjabbiltà klimatika, abbażi tal-għarfien tradizzjonali tagħhom, li jsaħħaħ ir-reżiljenza tagħhom;

AA.  billi r-rapport speċjali tal-IPCC dwar l-oċeani u l-krijosfera fi klima li qed tinbidel tal-24 ta' Settembru 2019, bl-istess mod jipprovdi evidenza tal-benefiċċji tal-kombinazzjoni tal-għarfien xjentifiku ma' dak lokali u indiġenu biex tiġi żgurata r-reżiljenza;

AB.  billi l-Artikolu 8(j) tal-KDB jimpenja lill-Istati partijiet biex jirrispettaw u jżommu l-għarfien, l-innovazzjonijiet u l-prattiki tal-komunitajiet indiġeni u lokali, li huma rilevanti għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika; billi l-KDB, madankollu, tonqos milli tinkludi rikonoxximent espliċitu tad-drittijiet tal-bniedem tal-popli indiġeni;

AC.  billi l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU (FAO) tistma li madwar 75 % tad-diversità ġenetika tal-pjanti ntilfet madwar id-dinja, filwaqt li 75 % tal-ikel dinji issa huwa ġġenerat biss minn tnax-il speċi ta' pjanti u minn ħames speċijiet ta' annimali, li joħloq riskju serju għas-sigurtà globali tal-ikel;

AD.  billi t-telf tad-diversità ġenetika, speċjalment is-sostituzzjoni ta' razez lokali u adattati tajjeb, iżid il-vulnerabbiltà għall-pesti, il-mard u t-tibdil ambjentali, inkluż it-tibdil fil-klima; billi l-globalizzazzjoni tas-suq tal-agrikoltura xprunat it-tisħiħ ta' din l-erożjoni tal-bijodiversità agrikola, li jfisser inqas kapaċità ta' innovazzjoni u adattament għat-tibdil fil-klima;

AE.  billi huwa stmat li globalment, 30 % tat-theddid għall-ispeċijiet huwa dovut għall-kummerċ internazzjonali;

AF.  billi l-kummerċ illegali ta' organiżmi selvaġġi u l-kummerċ illegali fl-injam u l-materja prima jistgħu jaċċelleraw id-degradazzjoni u l-qerda tal-bijodiversità f'pajjiżi b'istituzzjonijiet u regolamenti ambjentali dgħajfa;

AG.  billi l-oċeani huma ġibjuni enormi ta' bijodiversità u r-regolaturi primarji tal-klima globali; billi l-konservazzjoni tagħhom hija kruċjali għall-iżvilupp sostenibbli u għall-qerda tal-faqar, filwaqt li tipprovdi għajxien sostenibbli u sigurtà tal-ikel għal biljuni ta' nies; billi t-tniġġis tal-ekosistemi tal-baħar mill-plastik huwa problema globali kif ukoll lokali, b'konsegwenzi potenzjalment severi għall-organiżmi selvaġġi, l-attivitajiet ekonomiċi u s-saħħa tal-bniedem fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; billi l-iskala ta' dan it-tniġġis ġiet sottovalutata ħafna u għad hemm lakuni fl-għarfien, b'mod partikolari dwar l-impatti fuq l-artijiet u l-komunitajiet kostali; billi skont ir-rapport reċenti tal-Programm Ambjentali tan-NU "Neglected: Environmental Justice Impacts of Marine Litter and Plastic Pollution (L-impatti tal-Ġustizzja Ambjentali tal-Iskart tal-Baħar u t-Tniġġis tal-Plastik)", dan l-iskart u t-tniġġis jimpattaw b'mod sproporzjonat lill-persuni vulnerabbli, jheddu t-tgawdija sħiħa u effettiva tad-drittijiet tal-bniedem u joħolqu ostakli sostanzjali għall-kisba tal-SDGs;

AH.  billi l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità hija impenjata favur il-kondiviżjoni ġusta u ekwa tal-benefiċċji mill-użu ta' riżorsi ġenetiċi marbuta mal-bijodiversità u għat-trawwim ta' qafas ta' abilitazzjoni, bl-użu tal-għodod ta' riċerka, l-innovazzjoni u t-teknoloġija;

AI.  billi r-reati ambjentali, li l-valur tagħhom ġie stmat mill-Programm Ambjentali tan-NU u mill-Interpol, li huma kważi d-doppju tal-baġit tal-għajnuna globali, jaċċelleraw it-telfien tal-bijodiversità u t-tibdil fil-klima, b'mod partikolari permezz ta' delitti tal-forestrija;

AJ.  billi hemm trikkib bejn hotspots tal-bijodiversità u żoni li jbatu mill-faqar, peress li l-biċċa l-kbira tal-hotspots ta' konservazzjoni jinsabu f'pajjiżi bi prevalenza għolja ta' faqar u nuqqas ta' sigurtà tal-ikel;

AK.  billi r-Repubblika tal-Maldivi, fid-dikjarazzjoni tagħha tat-3 ta' Diċembru 2019, talbet li l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali jiġi emendat bil-għan li jiġu rikonoxxuti atti kriminali li jammontaw għal ekoċidju;

AL.  billi l-IPBES tirrapporta li l-kummerċ legali internazzjonali tal-organiżmi selvaġġi żdied b'500 % fil-valur mill-2005, u 2 000 % mit-tmenijijet 'l hawn(11);

AM.  billi l-UE hija waħda mill-akbar importaturi ta' organiżmi selvaġġi u prodotti relatati mal-organiżmi selvaġġi madwar id-dinja;

AN.  billi t-traffikar globali tal-organiżmi selvaġġi huwa wieħed mill-aktar forom profittabbli ta' attività kriminali transfruntiera organizzata;

AO.  billi f'xenarju li jinżamm l-istatus quo, it-tibdil fil-klima huwa mistenni li jnaqqas il-bijomassa tal-ħut b'bejn it-30 % u l-40 % f'xi reġjuni tropikali sal-2100 u għandu impatt qawwi fuq il-bijodiversità tal-baħar; billi l-pajjiżi f'dawn iż-żoni jiddependu ħafna mis-sajd, iżda ma għandhomx ir-riżorsi soċjali u finanzjarji biex jadattaw u jħejju għall-futur;

AP.  billi l-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura tippromwovi t-trasformazzjoni ta' mill-inqas 30 % tal-ħabitats tal-baħar kollha sal-2020 f'network ta' żoni tal-baħar protetti bi protezzjoni għolja ħafna;

AQ.  billi s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) jhedded is-sostenibbiltà tar-riżorsi tal-baħar globali billi jikkontribwixxi għall-isfruttament żejjed tagħhom;

1.  Jinsab allarmat dwar il-fatt li t-telfien tal-bijodiversità u tas-servizzi tal-ekosistema qed jimmina l-progress f'madwar 80 % tal-miri vvalutati għall-SDGs tan-NU; jistieden lill-UE tkompli bl-isforzi tagħha biex tnaqqas l-impronta tal-bijodiversità tagħha madwar id-dinja u tagħmilha konformi mal-limiti planetarji;

2.  Jirrimarka li kważi nofs il-popolazzjoni umana tiddependi direttament fuq ir-riżorsi naturali għall-għajxien tagħha, u ħafna mill-aktar persuni vulnerabbli u foqra jiddependu direttament fuq il-bijodiversità biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom ta' sussistenza ta' kuljum; jisħaq, għalhekk, li t-telfien tal-bijodiversità jirriskja li jaċċentwa l-inugwaljanza u l-marġinalizzazzjoni tal-aktar persuni vulnerabbli, billi jnaqqas l-aċċess tagħhom għal ħajja b'saħħitha u billi jnaqqas il-libertà tal-għażla u l-azzjonijiet tagħhom; ifakkar li l-bijodiversità hija mhedda mit-tibdil fil-klima, li jaggrava l-vulnerabbiltà ta' dawn il-popli u jdgħajjef id-drittijiet fundamentali u d-dinjità tagħhom; huwa tal-fehma li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw iridu jiġu appoġġati biex jiżviluppaw u jimplimentaw politiki effettivi ta' mitigazzjoni u adattament għall-klima;

3.  Jistieden lill-UE tindirizza b'mod komprensiv il-kawżi ewlenin tat-telfien tal-bijodiversità u tintegra l-obbligi dwar il-konservazzjoni, l-użu sostenibbli tar-riżorsi u r-restawr tal-ekosistemi fil-politika u s-sħubijiet esterni tagħha għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp, f'konformità mal-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sabiex titnaqqas il-pressjoni fuq il-bijodiversità madwar id-dinja;

4.  Ifakkar li l-iżvilupp sostenibbli jeħtieġ li jintlaħaq bilanċ tajjeb bejn id-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali; ifakkar ukoll li l-konservazzjoni, l-użu sostenibbli u r-restawr tal-bijodiversità huma vitali biex jinkisbu ħafna objettivi tal-politika tal-iżvilupp, inklużi s-saħħa tal-bniedem, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, it-twissija bikrija, it-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri, is-sigurtà tal-ilma, l-ikel u n-nutrizzjoni, l-iżvilupp rurali u l-ħolqien tal-impjiegi, l-użu sostenibbli tal-foresti, l-ekosistemi agrikoli u l-ħolqien jew il-preservazzjoni ta' sistemi tal-ikel reżiljenti; ifakkar li l-effetti ta' ħsara tad-degradazzjoni tal-ekosistemi qed jiġu mġarrba b'mod sproporzjonat mill-foqra, b'mod partikolari n-nisa u ż-żgħażagħ, kif ukoll minn popli indiġeni u komunitajiet oħra li jiddependu mir-riżorsi naturali;

5.  Jenfasizza li l-UE hija responsabbli wkoll għall-konservazzjoni tal-bijodiversità globali u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika; jisħaq fuq il-fatt li l-objettivi u l-miri tal-bijodiversità tal-UE għandhom jibnu fuq għarfien xjentifiku sod u jiġu integrati bis-sħiħ fl-azzjoni esterna tal-UE, b'mod partikolari fl-ambitu ta' strateġiji u ftehimiet ta' sħubija, inklużi ftehimiet dwar is-sajd ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw; jinsisti li l-isforzi ta' preservazzjoni u restawr f'pajjiżi bħal dawn, b'mod partikolari fil-livell reġjonali, għandhom jiġu intensifikati;

6.  Ifakkar fir-responsabbiltà tal-UE u tal-pajjiżi terzi żviluppati għat-telfien tal-bijodiversità fil-livell globali; jistieden lill-UE żżid l-appoġġ finanzjarju u tekniku lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw madwar id-dinja biex jintlaħqu l-miri globali l-ġodda, tiġi miġġielda l-kriminalità ambjentali u jiġu indirizzati l-kawżi tat-telfien tal-bijodiversità;

7.  Jenfasizza d-dmir tal-istati li jipproteġu u jimmaniġġjaw b'mod sostenibbli l-ekosistemi naturali u rikki fil-bijodiversità u jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-bniedem u tal-art tal-IPLC u persuni ta' nisel Afrikan li jiddependu fuq dawn l-ekosistemi għas-sopravivenza tagħhom;

8.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu r-rikonoxximent tad-dritt għal ambjent sikur, nadif, b'saħħtu u sostenibbli mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jappoġġaw ir-rikonoxximent globali ta' dan id-dritt bħala dritt tal-bniedem u jappoġġaw l-inkorporazzjoni tal-protezzjoni komprensiva u d-difiża tan-natura, il-bijodiversità u l-ekosistemi bħala bażi għall-ħajja, filwaqt li jirrikonoxxu l-interdipendenza u d-dritt tal-persuni kollha, inklużi l-ġenerazzjonijiet futuri, għan-natura, b'mod partikolari billi jinfurzaw standards stretti dwar it-trasparenza, il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja skont il-Konvenzjoni ta' Aarhus u d-dritt internazzjonali; f'dan il-kuntest, u minħabba li l-aktar ħsara serja lill-ekosistemi ssir fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, iqis li jeħtieġ li jiġu miġġielda l-forom kollha ta' ħsara ambjentali lill-ekosistemi, inkluż fil-pajjiżi terzi kollha li l-UE tikkoopera magħhom, u f'ambjenti li fuqhom jiddependu l-foqra tad-dinja, u li jiġu eżaminati, fejn xieraq, ir-rilevanza u l-interess fl-għoti tad-drittijiet għan-natura;

9.  Jinsab imħasseb ħafna dwar id-distakk kbir fid-data, l-indikaturi u l-finanzjament meħtieġa biex jitwaqqaf it-telfien tal-bijodiversità, u l-inkonsistenzi fir-rappurtar u t-traċċar tal-finanzjament tal-bijodiversità; ifakkar li l-istabbiliment ta' miri u indikaturi speċifiċi, li jistgħu jitkejlu u kwantitattivi għall-qafas ta' wara l-2020 huwa essenzjali biex titjieb il-kapaċità tal-monitoraġġ tal-progress;

10.  Jilqa' l-inizjattiva Afrikana dwar il-"Ħajt il-Kbir l-Aħdar" u jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa dan il-proġett;

11.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jeskalaw l-isforzi tagħhom biex jivvalutaw u jivvalorizzaw aħjar il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema u jintegraw dawn il-valuri fit-teħid ta' deċiżjonijiet;

12.  Jilqa' l-fatt li l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) -Ewropa Globali se jikkontribwixxi għall-mira globali għall-bijodiversità tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP); jissottolinja l-ippjanar, l-iskrutinju u l-monitoraġġ tal-NDICI-Ewropa Globali huma essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet globali tal-bijodiversità tal-UE; ifakkar li l-NDICI-Ewropa Globali għandu jikkontribwixxi għall-ambizzjoni li jiġi pprovdut 7,5 % tal-infiq annwali taħt il-QFP għall-objettivi tal-bijodiversità fis-sena 2024 u 10 % tal-infiq annwali skont il-QFP għall-objettivi tal-bijodiversità mill-2026 'il quddiem; jitlob li jiġi applikat b'mod effettiv il-prinċipju "la tagħmilx ħsara sinifikanti" fl-infiq kollu u fil-programmi kollha tal-UE; jitlob li jissaħħaħ il-qafas ta' rappurtar u monitoraġġ tal-politika esterna tal-UE dwar il-bijodiversità, fost l-oħrajn permezz ta' dispożizzjonijiet dettaljati dwar l-objettivi u l-indikaturi tal-bijodiversità; jitlob, b'mod aktar ġenerali, li l-UE u l-Istati Membri tagħha jippromwovu r-riċerka u l-innovazzjoni dwar il-konservazzjoni u l-protezzjoni tal-bijodiversità, u soluzzjonijiet agroekoloġiċi għat-twassil ta' benefiċċji ewlenin għall-iżvilupp, u b'hekk jgħinu fl-implimentazzjoni tal-SDGs;

13.  Jiddispjaċih għall-fatt li l-baġit estern tal-UE għall-appoġġ tal-politika esterna dwar il-bijodiversità għadu konsiderevolment baxx meta mqabbel ma' dak allokat għall-politiki dwar it-tibdil fil-klima; jappella għal żieda effettiva fil-fondi għall-protezzjoni tal-bijodiversità, f'konformità mal-ftehim dwar il-QFP, u għal assistenza teknika għall-iżvilupp ta' aktar għodod ta' mobilizzazzjoni tar-riżorsi sabiex tingħata reazzjoni għall-impenji globali dwar il-bijodiversità; jisħaq li jeħtieġ jiġu traċċati, irrappurtati u eliminati gradwalment is-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent, u li dawn jiġu diretti lejn attivitajiet li jiffavorixxu l-bijodiversità, f'konformità mal-Aġenda 2030 u l-Konvenzjonijiet u l-obbligi internazzjonali rilevanti; jitlob li parti sinifikanti mill-assistenza uffiċjali għall-iżvilupp tal-UE ddedikata għall-azzjoni klimatika tiġi diretta lejn l-appoġġ tal-kobenefiċċji tal-konservazzjoni tal-bijodiversità fil-mitigazzjoni u l-adattament tal-klima;

14.  Jappella lill-UE tgħaddi liġi obbligatorja dwar id-diliġenza dovuta biex il-kumpaniji u l-finanzjaturi tagħhom isiru direttament responsabbli biex jiżguraw li l-importazzjonijiet tagħhom ma jkunux implikati f'abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, bħall-ħtif tal-art u d-degradazzjoni ambjentali (inklużi d-deforestazzjoni u t-telfien tal-bijodiversità); b'mod aktar ġenerali, jistieden lill-UE tirrikjedi li n-negozji u l-istituzzjonijiet finanzjarji jżidu l-impenn tagħhom favur il-bijodiversità, pereżempju permezz ta' dispożizzjonijiet robusti u obbligatorji dwar il-valutazzjoni tal-impatt, il-ġestjoni tar-riskju, l-iżvelar u r-rekwiżiti ta' rappurtar estern; jistieden lill-OECD tiżviluppa sett ta' azzjonijiet prattiċi dwar id-diliġenza dovuta u l-bijodiversità biex tappoġġa l-isforzi min-negozji;

15.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tiżviluppa proposta leġiżlattiva dwar id-diliġenza dovuta obbligatorja għall-kumpaniji dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent fil-ktajjen tal-provvista tagħhom; jirrakkomanda li din il-proposta leġiżlattiva għandha tappoġġa u tiffaċilita l-iżvilupp ta' metodoloġiji komuni għall-kejl tal-impatt għall-impatti ambjentali u tat-tibdil fil-klima; jisħaq fuq l-importanza ta' konsultazzjoni effettiva, sinifikanti u infurmata mal-partijiet ikkonċernati kollha affettwati jew potenzjalment affettwati, bħad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent, is-soċjetà ċivili, it-trejdjunjins u l-IPLC; jiddispjaċih għan-nuqqasijiet serji fl-implimentazzjoni tal-Qafas tan-NU "Protezzjoni, Rispett, Rimedju" u l-Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, kemm fir-rigward tad-drittijiet tal-popli indiġeni kif ukoll id-drittijiet tal-art; jitlob għal darb'oħra lill-UE timpenja ruħha b'mod kostruttiv fil-ħidma tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar strument internazzjonali legalment vinkolanti biex tirregola, fil-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-attivitajiet ta' korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħra, li għandhom jinkludu standards speċifiċi għall-protezzjoni tal-popli indiġeni;

16.  Itenni t-talba tiegħu li l-Kummissjoni tippreżenta b'mod urġenti proposta għal qafas legali tal-UE biex jitwaqqfu u jitreġgħu lura d-deforestazzjoni globali u d-degradazzjoni tal-foresti mmexxija mill-UE, li jimponi fuq il-kumpaniji rekwiżit li jwettqu diliġenza dovuta sabiex jiġi żgurat li l-prodotti mqiegħda fis-suq tal-UE ma jkunux assoċjati mad-deforestazzjoni, il-konverżjoni tal-ekosistemi naturali u l-ksur tad-drittijiet tal-IPLC;

Il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp

17.  Ifakkar li l-effettività tal-politika esterna tal-UE dwar il-bijodiversità tiddependi fuq il-koerenza tal-politika bejn il-bijodiversità u politiki esterni ewlenin oħra tal-UE, bħall-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment;

18.  Jinnota li r-rapport ta' valutazzjoni globali tal-IPBES tal-2019 dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi juri l-limiti tal-approċċ tal-protezzjoni tal-bijodiversità permezz tal-firxa spazjali taż-żoni protetti terrestri u tal-baħar, li jirrappreżentaw uħud mill-ftit Miri tal-Bijodiversità ta' Aichi li ntlaħqu b'mod parzjali;

19.  Jenfasizza l-fatt li l-bijodiversità tinsab fiċ-ċentru ta' ħafna attivitajiet ekonomiċi, b'mod partikolari dawk relatati mal-agrikoltura tal-għelejjel u tal-bhejjem, il-forestrija, is-sajd u ħafna forom ta' turiżmu bbażati direttament fuq in-natura u l-ekosistemi b'saħħithom; iħeġġeġ lill-UE tintegra s-servizzi tal-bijodiversità u tal-ekosistemi fl-oqsma ta' politika relatati kollha, b'mod partikolari l-agrikoltura, is-sajd, il-forestrija, l-enerġija, it-tħaffir fil-minjieri, il-kummerċ, it-turiżmu u t-tibdil fil-klima, kif ukoll fil-politiki u l-azzjonijiet dwar l-iżvilupp u t-tnaqqis tal-faqar, u tippromwovi soluzzjonijiet innovattivi u li jistgħu jiġu implimentati biex jiġi indirizzat it-telfien tal-bijodiversità filwaqt li jiġi żgurat ikel tajjeb għas-saħħa, sikur, aċċessibbli u għall-but ta' kulħadd;

20.  Jinnota bi tħassib kbir il-fatt li l-konsum tal-UE jirrappreżenta madwar 10 % tas-sehem globali tad-deforestazzjoni, b'mod partikolari permezz tad-dipendenza fuq l-importazzjonijiet ta' prodotti bażiċi agrikoli, bħaż-żejt tal-palm, il-laħam, is-sojja, il-kawkaw, il-kafè, il-qamħirrum, l-injam u l-gomma; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex fl-2021 tressaq proposta għal qafas legali tal-UE biex titwaqqaf u titreġġa' lura d-deforestazzjoni globali kkważata mill-UE, billi jiġi żgurat li t-tendenzi tas-swieq u tal-konsum tal-UE ma jaffettwawx b'mod detrimentali l-foresti u l-bijodiversità, b'kunsiderazzjoni tal-effetti sekondarji ta' dan fuq il-popolazzjonijiet tagħhom; jistieden lill-UE tappoġġa lil dawn il-pajjiżi fl-implimentazzjoni tas-sostenibbiltà tas-sistemi tal-ikel, permezz tal-ħolqien ta' ktajjen tal-provvista qosra, l-iżvilupp tal-agroekoloġija, l-appoġġ għall-bdiewa ż-żgħar, filwaqt li jiġu żgurati d-drittijiet tal-art u d-drittijiet tal-komunitajiet lokali;

21.  Jistieden lill-UE sabiex fl-azzjoni ta' żvilupp internazzjonali tagħha tippromwovi prattiki agrikoli sostenibbli biex tipproteġi u tirrestawra l-foresti tad-dinja, billi tagħti attenzjoni partikolari għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma, ir-restawr ta' art degradata u l-protezzjoni u r-restawr ta' żoni bijodiversi b'servizzi ekosistemiċi għoljin u b'potenzjal ta' mitigazzjoni tal-klima; jistieden lill-UE tintensifika l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tagħha għall-Infurzar tal-Liġi, Tmexxija u Kummerċ fis-Settur Forestali (FLEGT) u, b'mod partikolari, il-Ftehimiet ta' Sħubija Volontarja (VPAs), sabiex titnaqqas id-domanda għall-injam illegali u l-kummerċ assoċjat, u jissaħħu d-drittijiet tal-IPLC affettwati mill-qtugħ tas-siġar għall-injam;

22.  Ifakkar li d-domanda dejjem tikber tal-UE għall-injam għall-użu fil-materjali, l-enerġija u l-bijoekonomija qed taqbeż il-limiti tal-provvista tagħha, u dan iżid ir-riskju ta' deforestazzjoni inkorporata fl-importazzjoni, il-ħtif tal-art, l-ispostament sfurzat u l-ksur tad-drittijiet tal-IPLC; itenni li l-politika tal-UE dwar il-bijoenerġija għandha tikkorrispondi għal kriterji ambjentali u soċjali stretti;

23.  Jissottolinja li l-investiment appoġġat mill-UE fl-agrikoltura, il-forestrija jew is-sajd, jew f'impriżi li għandhom impatt fuq il-ħamrija, il-bwar, il-foresti, l-ilma jew il-baħar, jeħtieġ li jkun konformi, fost l-oħrajn, mal-Linji Gwida Volontarji tal-FAO/Il-Kumitat għas-Sigurtà Alimentari Dinjija (CFS) dwar il-Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art, is-Sajd u l-Foresti fil-Kuntest tas-Sigurtà Alimentari Nazzjonali (VGGTs) u l-Prinċipji tal-FAO/CFS għal Investiment Responsabbli fis-Sistemi Agrikoli u Alimentari bil-għan li jiġu protetti l-ekosistemi u jiġi evitat it-telfien tal-bijodiversità;

24.  Jappella biex il-protezzjoni u r-restawr tal-foresti u d-difiża tal-bijodiversità jingħataw prijorità fl-NDICI li jmiss; jenfasizza li l-foresti jistgħu jiżviluppaw il-funzjonijiet sħaħ tagħhom għall-klima u l-ambjent biss jekk jiġu ġestiti b'mod sostenibbli;

25.  Jissottolinja li l-protezzjoni tal-bijodiversità u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima ma jsostnux awtomatikament lil xulxin; jitlob ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (RED) bil-għan li ssir konsistenti mal-impenji internazzjonali tal-UE fil-qafas tal-Aġenda 2030, tal-Ftehim ta' Pariġi u tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, li, fost affarijiet oħra, tinvolvi l-introduzzjoni ta' kriterji ta' sostenibbiltà soċjali, b'kunsiderazzjoni tar-riskji tal-ħtif tal-art; jisħaq minħabba f'hekk li r-RED II għandha tikkonforma mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet għaż-żamma tal-art, jiġifieri l-Konvenzjoni tal-ILO Nru 169 u l-Linji Gwida Volontarji tal-FAO/CFS dwar iż-Żamma tal-Arti u l-Prinċipji għall-Investiment Responsabbli fis-Sistemi tal-Agrikoltura u l-Ikel;

Agrikoltura u sajd

26.  Ifakkar li kemm is-sistemi agroalimentari kif ukoll il-bdiewa żgħar jiddependu u għandhom impatt sinifikanti fuq il-bijodiversità; jenfasizza li l-integrazzjoni effettiva tal-bijodiversità fl-agrikoltura teħtieġ l-iżgurar tal-għoti ta' inċentivi finanzjarji u azzjonijiet volontarji u regolatorji li jippromwovu l-adozzjoni u t-twassil tal-bijodiversità u l-benefiċċji ambjentali mill-bdiewa permezz tat-taħriġ, l-użu tat-teknoloġija u l-innovazzjoni, kif ukoll prattiki agrikoli sostenibbli tajbin, li jimplika, fost affarijiet oħra, ir-restawr ta' riżorsi tal-ilma limitati u l-indirizzar tad-degradazzjoni u d-deżertifikazzjoni tal-art; jenfasizza li skont il-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, is-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent għandhom jiġu identifikati u eliminati gradwalment bi qbil mad-deċiżjonijiet meħuda fil-livell tal-UE; jappella għal Valutazzjonijiet tal-Impatt Ambjentali (VIA) ex ante u ex post obbligatorji għal investiment relatat appoġġat mill-UE; jitlob, għal dan il-għan, li l-UE żżid l-appoġġ finanzjarju u tekniku tagħha lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

27.  Ifakkar li l-kapaċità unika tal-agroekoloġija li tirrikonċilja d-dimensjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali tas-sostenibbiltà ġiet rikonoxxuta fir-rapporti storiċi mill-IPCC u l-IPBES, kif ukoll mill-Bank Dinji u l-valutazzjoni internazzjonali agrikola mmexxija mill-FAO (IAASTD); jinsisti li l-finanzjament estern tal-UE għall-agrikoltura għandu jkun konformi man-natura trasformattiva tal-Aġenda 2030, il-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima u l-KDB tan-NU; iqis li l-investiment f'għelejjel adattati lokalment u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, fl-agroekoloġija, l-agroforestrija u d-diversifikazzjoni tal-għelejjel għandu jiġi prijoritizzat kif xieraq;

28.  Ifakkar li l-użu ta' żrieragħ ġenetikament modifikati huma koperti minn privattivi li jimminaw id-drittijiet tal-bdiewa fuq skala żgħira u tal-popli indiġeni li jsalvaw, jużaw, jiskambjaw u jbigħu ż-żrieragħ tagħhom, li huwa minqux fi ftehimiet internazzjonali bħat-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura (ITPGRFA), id-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (UNDRIP) u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Raħħala u Persuni Oħra li Jaħdmu f'Żoni Rurali (UNDROP); ifakkar li l-għelejjel ġenetikament modifikati spiss huma assoċjati ma' użu akbar ta' erbiċidi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw l-obbligi tal-Unjoni skont il-ftehimiet internazzjonali u jiżguraw li l-għajnuna għall-iżvilupp ma tintużax fil-promozzjoni ta' teknoloġiji ta' modifikazzjoni ġenetika fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

29.  Ifakkar li t-tisħiħ tad-diversità taż-żrieragħ u tal-għelejjel permezz tal-qlib għal varjetajiet reżistenti huwa vitali fil-bini tar-reżiljenza tal-agrikoltura, l-adattament għall-kundizzjonijiet li qed jinbidlu bħat-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità, mard żoonotiku ġdid, pesti, nixfa jew għargħar, filwaqt li jitqiesu d-domanda għall-ikel u s-sigurtà tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jistieden lill-Kummissjoni, fl-ambitu tal-politiki tagħha dwar l-għajnuna għall-iżvilupp u l-kummerċ u l-investiment, tappoġġa l-biedja li hija konformi mad-dispożizzjonijiet tal-ITPGRFA, li jissalvagwardja d-drittijiet tal-bdiewa fuq skala żgħira biex iżommu, jikkontrollaw, jipproteġu u jiżviluppaw iż-żrieragħ u l-għarfien tradizzjonali tagħhom stess (inkluż finanzjarjament, teknikament, fl-istabbiliment ta' banek taż-żrieragħ sabiex jikkonservaw u jiskambjaw żrieragħ tradizzjonali, kif ukoll fi ħdan ftehimiet ta' kummerċ ħieles; jissottolinja li s-sistema tal-Unjoni għall-Protezzjoni ta' Varjetajiet Ġodda ta' Pjanti (is-sistema UPOV) mhijiex adatta għall-interessi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fejn is-sistemi taż-żrieragħ ġestiti mill-bdiewa (is-settur informali taż-żrieragħ) u l-prattiki tat-tfaddil, l-użu, l-iskambju u l-bejgħ taż-żrieragħ huma prevalenti; iħeġġeġ lill-UE tippromwovi s-sistema informali taż-żrieragħ u tirriforma s-sistema UPOV b'tali mod li tippermetti lill-bdiewa b'azjendi agrikoli żgħar jużaw iż-żrieragħ imfaddla u billi tintroduċi mekkaniżmu ġust għall-qsim tal-benefiċċji; ifakkar li l-Kummissjoni hija impenjata li tipprijoritizza l-implimentazzjoni effettiva tal-KDB fil-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment, u jħeġġeġ lill-UE tappoġġa l-iżvilupp ta' varjetajiet ta' żrieragħ adattati lokalment u żrieragħ iffrankati mill-bdiewa, li jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-bdiewa li jżommu r-riżorsi ġenetiċi għall-finijiet tas-sigurtà tal-ikel u l-adattament għat-tibdil fil-klima;

30.  Jistieden lill-UE biex tappoġġa l-iskemi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jqawwu l-iżvilupp ta' varjetajiet ta' żrieragħ adattati lokalment u żrieragħ ikkonservati mill-bdiewa;

31.  Ifakkar li prattiki mhux sostenibbli fl-agrikoltura u l-forestrija, bħall-ġbid eċċessiv tal-ilma u t-tniġġis minn sustanzi kimiċi perikolużi, jikkawżaw degradazzjoni ambjentali sostanzjali u telfien tal-bijodiversità; jistieden lill-UE tappoġġa lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-isforzi tagħhom biex isaħħu r-regolamentazzjoni dwar ir-riskju tal-pestiċidi, jevalwaw u jallinjaw ir-reġistrazzjonijiet tal-pestiċidi tagħhom mal-Kondotta Internazzjonali dwar il-Ġestjoni tal-Pestiċidi tal-FAO/WHO, inkluż permezz tal-kooperazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar, isaħħu r-riċerka u l-edukazzjoni f'alternattivi għall-pestiċidi u jżidu l-investimenti tagħhom fi prattiki agroekoloġiċi u organiċi u l-produzzjoni, inkluż fi prattiki sostenibbli ta' irrigazzjoni u ġestjoni tal-ilma; barra minn hekk, jistieden lill-UE twaqqaf l-esportazzjonijiet kollha ta' prodotti għall-protezzjoni tal-għelejjel ipprojbiti fl-UE, f'konformità mal-impenji tal-UE lejn il-koerenza tal-politika għall-iżvilupp, il-Patt Ekoloġiku, il-prinċipju ta' "la tagħmilx ħsara" u l-Konvenzjoni ta' Rotterdam tal-1998; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tipprojbixxi l-esportazzjoni mill-UE ta' sustanzi perikolużi pprojbiti fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-prodotti esportati jissodisfaw l-istess standards bħal dawk meħtieġa mill-produtturi Ewropej, tevita sustanzi perikolużi li mhumiex permessi fl-UE u tippermetti kundizzjonijiet ekwi madwar id-dinja;

32.  Jinnota li t-teknoloġiji gene drive, bħal fil-każ tan-nemus ĠM għall-kontroll ta' mard li jinġarr minn vettur, joħolqu theddid serju u ġdid għall-ambjent u għan-natura, inklużi bidliet irriversibbli fil-ktajjen tal-ikel u l-ekosistemi, u t-telfien tal-bijodiversità, li fuqhom jiddependu l-ifqar fid-dinja għall-għajxien tagħhom; itenni it-tħassib tiegħu dwar l-isfidi legali, ambjentali, tal-bijosikurezza u tal-governanza l-ġodda li jistgħu jirriżultaw mir-rilaxx fl-ambjent ta' organiżmi b'gene drive ġenetikament modifikata, inkluż għal skopijiet ta' konservazzjoni tan-natura; itenni li l-kunsens liberu, minn qabel u infurmat tal-IPLC irid jiġi mfittex u miksub qabel ir-rilaxx ta' kwalunkwe teknoloġija li jista' jkollha impatt fuq l-għarfien tradizzjonali, l-innovazzjoni, il-prattiki, l-għajxien u l-użu tal-art, ir-riżorsi u l-ilma; jisħaq fuq il-fatt li dan għandu jsir b'mod parteċipattiv li jkun jinvolvi lill-komunitajiet kollha potenzjalment milquta qabel kwalunkwe użu; minħabba li t-teknoloġiji gene drive jqajmu tħassib dwar id-diffikultajiet tat-tbassir tal-imġiba tagħhom, u billi l-organiżmi gene drive jistgħu jsiru speċijiet invażivi fihom infushom, iqis li ma għandu jitħalla l-ebda rilaxx ta' organiżmi gene drive ġenetikament modifikati, inkluż għal skopijiet ta' konservazzjoni tan-natura, f'konformità mal-prinċipju ta' prekawzjoni;

33.  Ifakkar li l-konservazzjoni, ir-restawr u l-ġestjoni sostenibbli tal-ekosistemi tal-baħar huma kruċjali għall-istrateġiji ta' mitigazzjoni tal-klima, filwaqt li jiġi żgurat li d-drittijiet u l-għajxien tas-sajjieda fuq skala żgħira u tal-komunitajiet kostali jiġu rispettati; jenfasizza li r-Rapport Speċjali tal-IPCC dwar l-oċeani u l-krijosfera fi klima li qed tinbidel jixhed il-benefiċċji tal-ikkombinar tal-għarfien xjentifiku ma' dak lokali u indiġenu biex tissaħħaħ ir-reżiljenza; iħeġġeġ lill-UE tiżviluppa approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem dirett lejn il-governanza tal-oċeani;

34.  Jenfasizza li madwar 3 biljun persuna madwar id-dinja jiddependu fuq prodotti tas-sajd bħala sors primarju ta' proteina; jissottolinja li l-kapaċità eċċessiva ta' sajd fil-qafas tal-kummerċ internazzjonali tal-ħut, bħal fil-każ tat-tonna safra fl-ibħra tas-Seychelles, qed thedded is-sigurtà tal-ikel tal-komunitajiet kostali u tal-ekosistemi tal-baħar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; ifakkar li l-UE hija impenjata favur il-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp u l-governanza tajba; huwa tal-fehma li l-Ftehimiet ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli għandhom jissaħħu sabiex isiru verament sostenibbli, ikunu konformi mal-aqwa parir xjentifiku disponibbli, u jqisu l-effetti kumulattivi tad-diversi ftehimiet tas-sajd fis-seħħ; jistieden lill-UE tappoġġa attivitajiet tas-sajd sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bil-għan li jiġu restawrati u protetti l-ekosistemi tal-baħar u kostali; jisħaq fuq l-importanza li titkompla u tissaħħaħ il-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU), billi jiżdiedu l-pieni għall-prattiki kriminali assoċjati u billi jiġu ddedikati riżorsi finanzjarji għal dan il-għan;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-istabbiliment ta' programm ta' bini tal-kapaċità globali għall-użu u l-ġestjoni tal-bijodiversità tal-ħamrija u tal-Osservatorju Globali tal-Bijodiversità tal-Ħamrija; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-isforzi kontinwi fil-Kummissjoni tal-FAO dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi għall-Ikel u l-Agrikoltura favur Pjan ta' Azzjoni Globali biex jiġi indirizzat it-tnaqqis tal-bijodiversità għall-ikel u l-agrikoltura u tiġi promossa l-ġestjoni sostenibbli tagħha;

36.  Jenfasizza l-fatt li s-sajjieda fuq skala żgħira jiddependu b'mod dirett fuq il-bijodiversità kostali u tal-baħar għall-għajxien tagħhom; jenfasizza li l-oċeani u l-kosti tad-dinja huma mhedda ħafna, pereżempju, minn prattiki tas-sajd mhux sostenibbli, tibdil rapidu fil-klima, tniġġis ibbażat fuq l-art li jilħaq l-ibħra u l-oċeani, it-tniġġis tal-baħar, id-degradazzjoni tal-oċeani, l-ewtrofikazzjoni u l-aċidifikazzjoni; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jindirizzaw b'mod olistiku l-kawżi ewlenin tat-tniġġis tal-baħar u l-eżawriment tal-ħut permezz ta' approċċ komprensiv u integrat li jqis l-impatt estern tal-politiki settorjali kollha tal-UE, inkluż it-tniġġis tal-baħar li jirriżulta mill-politika agrikola tagħha, sabiex jirrispondu b'mod effettiv għall-impenji internazzjonali tagħhom dwar il-bijodiversità u t-tibdil fil-klima;

37.  Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tar-riżorsi tal-baħar biex jintlaħqu l-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jitlob li l-oċean jiġi rikonoxxut bħala riżorsa komuni globali bil-ħsieb li jingħata kontribut biex jintlaħqu l-SDGs fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, sabiex tippromwovi fil-fora multilaterali internazzjonali, bħall-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd, mudell ta' governanza ambizzjuż dwar il-bijodiversità tal-baħar u r-riżorsi ġenetiċi tal-baħar li jmur lil hinn mill-ġurisdizzjonijiet nazzjonali; jisħaq, barra minn hekk, li jeħtieġ jiġi implimentat approċċ integrat u bbażat fuq l-ekosistema għas-setturi kollha tal-Ekonomija Blu, ibbażat fuq ix-xjenza; jenfasizza, għaldaqstant, id-dmir tal-istati li jżommu lura milli jieħdu miżuri, inklużi proġetti ta' żvilupp fuq skala kbira, li jistgħu jaffettwaw b'mod negattiv l-għajxien, it-territorji jew id-drittijiet ta' aċċess tas-sajd fuq skala żgħira intern u tal-baħar, sakemm ma jinkisbux il-kunsens liberu, minn qabel u infurmat tagħhom, u li jiżguraw li l-qrati jipproteġu tali drittijiet; jenfasizza li għandhom jitwettqu valutazzjonijiet ex ante tal-proġetti tal-industrija estrattiva, b'mod partikolari sabiex jiġu evalwati l-impatti negattivi possibbli fuq id-drittijiet fundamentali tal-komunitajiet tas-sajd lokali;

Il-kummerċ

38.  Jenfasizza r-responsabbiltà tal-UE li tnaqqas il-fatturi indiretti tat-telf tal-bijodiversità, billi sistematikament tinkludi l-bijodiversità u s-salvagwardji kontra l-ħtif tal-art fin-negozjati kummerċjali u fid-djalogi mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa l-impatti tal-ftehimiet kummerċjali fuq id-deforestazzjoni, it-telfien tal-bijodiversità u d-drittijiet tal-bniedem fil-Valutazzjonijiet tal-Impatt għas-Sostenibbiltà (VIS), abbażi ta' data xjentifika u metodoloġiji ta' evalwazzjoni komprensivi u solidi;

40.  Jirrimarka li skont il-FAO madwar terz tal-ikel globali jintilef jew jinħela, b'madwar terz tal-ikel maħsud jintilef jew fit-trasport tal-ikel jew fil-katina ta' trasformazzjoni; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jippromwovu prattiki li jnaqqsu t-telf u l-ħela tal-ikel globalment u jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għas-sovranità tal-ikel bħala mezz biex jinkisbu s-sigurtà nutrizzjonali, it-tnaqqis tal-faqar, u l-ktajjen tal-provvista globali inklużivi, sostenibbli u ġusti u s-swieq lokali u reġjonali, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-biedja tal-familja, bil-għan li tiġi żgurata l-provvista ta' ikel għall-but ta' kulħadd u aċċessibbli; jitlob, f'konformità ma' dan, li jiġu prijotizzati l-produzzjoni u l-konsum lokali li jappoġġaw il-biedja fuq skala żgħira, jibbenefikaw in-nisa u ż-żgħażagħ b'mod partikolari, jiżguraw il-ħolqien ta' impjiegi lokali, jiggarantixxu prezzijiet ġusti għall-produtturi u l-konsumaturi, u jnaqqsu b'mod partikolari d-dipendenza tal-pajjiżi fuq l-importazzjonijiet u l-vulnerabbiltà tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għall-varjazzjonijiet fil-prezzijiet internazzjonali;

41.  Jinnota li l-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli (TSD) tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles tal-UE mhumiex infurzabbli b'mod effettiv; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kapitoli tat-TSD fil-kuntest tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati mal-bijodiversità; jisħaq fuq il-fatt li sabiex jsiru infurzabbli b'mod effettiv, id-dispożizzjonijiet relatati mal-bijodiversità u l-objettivi ambjentali tal-ftehimiet ta' kummerċ ħiels tal-UE jridu jkunu ċari u konkreti u li l-implimentazzjoni tagħhom trid tkun verifikabbli; jistieden lill-Kummissjoni, sabiex fir-rieżami li jmiss tal-pjan ta' azzjoni bi 15-il punt tikkunsidra, , li tittoeħed azzjoni ulterjuri u jiġu allokati aktar riżorsi biex issir l-implimentazzjoni effettiva tal-kapitoli tat-TSD, filwaqt li jiġi applikat il-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sostenibbli;

42.  Jirrimarka li l-UE diġà tinkludi dispożizzjonijiet mhux kummerċjali relatati mal-bijodiversità fil-ftehimiet kummerċjali, filwaqt li jinnota li jistgħu jitqiesu garanziji implimentabbli, realistiċi u li jistgħu jitkejlu;

43.  Jenfasizza li l-bijodiversità tal-għelejjel ikkultivati u tal-annimali mrobbija naqset b'riżultat tal-kummerċ internazzjonali; jappella għal valutazzjoni sħiħa tal-impatt dirett u indirett tal-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles tal-UE fuq il-bijodiversità;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi bir-reqqa l-politika kummerċjali tagħha, speċjalment il-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika tagħha, bil-għan li tiżgura li ma tmurx kontra l-prinċipji tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, il-Ftehim ta' Pariġi u l-Patt Ekoloġiku; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex ma jikkonkludux ftehimiet ta' kummerċ ħieles ġodda li jistgħu jikkontribwixxu biex tiżdied id-deforestazzjoni dinjija u t-telfien tal-bijodiversità;

Is-saħħa pubblika

45.  Jisħaq li d-deterjorament tal-bijodiversità u l-ekosistemi għandu impatti kemm diretti kif ukoll indiretti fuq is-saħħa pubblika;

46.  Jinnota li diversi dieti, flimkien ma' konverġenza globali għal livelli moderati ta' kaloriji u ta' konsum tal-laħam itejbu s-saħħa u s-sigurtà tal-ikel f'ħafna żoni u jnaqqsu wkoll b'mod sostanzjali l-impatti fuq il-bijodiversità;

47.  Jisħaq fuq ir-rabta bejn it-telfien tal-bijodiversità u ż-żieda ta' patoġeni żoonotiċi; ifakkar li r-riskju ta' pandemiji jiżdied minħabba bidliet antropoġeniċi li jġibu l-organiżmi selvaġġi, il-bhejjem u n-nies f'kuntatt aktar mill-qrib, bħat-tibdil fl-użu tal-art, id-deforestazzjoni, l-espansjoni u l-intensifikazzjoni agrikola, u l-kummerċ u l-konsum legali u illegali tal-organiżmi selvaġġi, kif ukoll il-pressjoni demografika; ifakkar li r-restawr ekoloġiku huwa essenzjali għall-implimentazzjoni tal-approċċ "Saħħa Waħda"; jisħaq, b'mod aktar ġenerali, li l-pandemija tal-COVID-19 uriet l-importanza li tiġi rikonoxxuta l-konnessjoni intrinsika bejn is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u l-bijodiversità; jisħaq, għaldaqstant, l-importanza tal-approċċ "Saħħa Waħda" u l-ħtieġa sussegwenti li ssir enfasi akbar fuq il-kura tas-saħħa, il-prevenzjoni tal-mard u l-aċċess għall-mediċini fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, billi tiġi żgurata l-koerenza tal-politiki kummerċjali, tas-saħħa, tar-riċerka u tal-innovazzjoni mal-objettivi tal-politika tal-iżvilupp; jistieden lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni maċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, biex issaħħaħ l-azzjoni tal-UE kontra l-pandemiji u theddid ieħor għas-saħħa, filwaqt li tikkunsidra r-rabtiet bejn pandemiji żoonotiċi u t-telfien tal-bijodiversità, f'konformità mal-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni dwar theddid transfruntiera serju għas-saħħa, filwaqt li tibni fuq il-kooperazzjoni mal-pajjiżi sħab tal-UE biex jitnaqqas ir-riskju ta' pandemiji żoonotiċi futuri u jiġi appoġġat l-iżvilupp ta' trattat internazzjonali dwar il-pandemiji skont id-WHO;

48.  Ifakkar li l-maġġoranza tal-mediċini użati għall-kura tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard huma derivati mill-bijodiversità, b'mod partikolari pjanti madwar id-dinja kollha, filwaqt li ħafna terapiji importanti huma bbażati fuq għarfien indiġenu u mediċina tradizzjonali;

49.  Jisħaq fuq l-isfidi f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, li jirriżultaw mid-drittijiet ta' proprjetà intellettwali fuq ir-riżorsi ġenetiċi u l-għarfien tradizzjonali f'termini ta' aċċess għall-mediċina, il-produzzjoni ta' drogi ġenetiċi u l-aċċess tal-bdiewa għaż-żerriegħa;

50.  Jisħaq fuq li jeħtieġ jiġi żgurat li l-benefiċċji tar-riżorsi ġenetiċi tan-natura jinqasmu b'mod ġust u ekwu u jenfasizza l-ħtieġa għal konsistenza bejn il-ftehimiet internazzjonali f'dan ir-rigward; jissottolinja li r-regolamenti adottati għall-protezzjoni tar-riżorsi ġenetiċi u l-għarfien tradizzjonali assoċjat tagħhom iridu jikkonformaw mal-impenji internazzjonali dwar il-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-popli indiġeni kif miqux fid-Dikjarazzjoni tan-NU tal-2007 dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (UNDRIP) u l-Konvenzjoni tal-ILO tal-1989 dwar Popli Indiġeni u Tribali; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi żvelata l-oriġini tar-riżorsi ġenetiċi matul il-proċedimenti dwar il-privattivi, meta magħrufa, f'konformità mad-Direttiva 98/44/KE(12); jistieden lill-Kummissjoni tinsisti biex ir-regoli tad-WTO jkunu konsistenti mal-Protokoll ta' Nagoya għall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika, bil-għan li tiġi evitata l-bijopiraterija b'mod effettiv;

Popli indiġeni u komunitajiet lokali

51.  Jissottolinja l-fatt li l-valutazzjoni globali tal-IPBES uriet l-importanza tal-IPLC għall-konservazzjoni tal-bijodiversità globali u l-ġestjoni tal-ekosistema; jiddispjaċih li, minkejja l-potenzjal kbir tiegħu, l-għarfien indiġenu ma ntużax b'mod effettiv, filwaqt li r-rikonoxximent espliċitu tal-popli indiġeni u tribali, u tad-drittijiet tagħhom, għadu nieqes mill-oqfsa legali, politiċi u istituzzjonali ta' ħafna pajjiżi, u l-implimentazzjoni tiegħu għadha kwistjoni ewlenija;

52.  Jissottolinja li r-rgħajja u utenti oħra tal-art ibbażati fuq in-natura fuq l-għelieqi u l-bwar naturali jikkontribwixxu għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità naturali u domestika;

53.  Jenfasizza l-allegazzjonijiet numerużi ta' ksur fuq skala kbira tad-drittijiet tal-popli indiġeni rrappurtati mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-popli indiġeni, li jirriżultaw pereżempju minn żieda fl-estrazzjoni tal-minerali, l-iżvilupp ta' proġetti tal-enerġija rinnovabbli, l-espansjoni tan-negozju agrikolu, l-iżvilupp ta' infrastruttura kbira u miżuri ta' konservazzjoni;

54.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsaħħu l-iskrutinju tal-proġetti ffinanzjati mill-UE u l-ftehimiet kummerċjali sabiex jipprevjenu u jidentifikaw abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u jippermettu azzjoni kontra tali abbużi, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lil dawk il-proġetti u ftehimiet li jistgħu jaffettwaw l-artijiet, it-territorji jew l-assi naturali tal-popli indiġeni u tal-komunitajiet lokali, inkluż fejn ikun hemm il-ħolqien ta' żona protetta, jew l-espansjoni ta' kwalunkwe żona eżistenti simili; jisħaq fuq il-fatt li l-Mekkaniżmu għall-Iżvilupp Sostenibbli għandu jkollu l-għan li jiffinanzja proġetti li huma ta' benefiċċju għal dawk l-aktar vulnerabbli għall-impatti tat-tibdil fil-klima u t-telfien tal-bijodiversità u għandhom jiġu soġġetti għal valutazzjoni tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem, biss fejn ikunu eliġibbli għar-reġistrazzjoni l-proġetti li għandhom impatti pożittivi; jinsisti li l-attivitajiet kollha tal-istituzzjonijiet finanzjarji tal-UE f'pajjiżi terzi, b'mod partikolari l-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, iridu jkunu konsistenti mal-impenji klimatiċi tal-UE u jsegwu approċċ ibbażat fuq id-drittijiet; jappella għat-tisħiħ u l-approfondiment tal-mekkaniżmi tal-ilmenti rispettivi għal individwi jew gruppi li d-drittijiet tagħhom ġew miksura minn tali attivitajiet u li jistgħu jkunu eliġibbli għal rimedji;

55.  Ifakkar fid-dmir tal-istati skont id-dritt internazzjonali li jirrikonoxxu u jipproteġu d-drittijiet tal-popli indiġeni li jippossjedu, jiżviluppaw, jikkontrollaw u jużaw l-artijiet komunali tagħhom u jipparteċipaw fil-ġestjoni u l-konservazzjoni tar-riżorsi naturali tagħhom; iħeġġeġ lill-UE tiżgura li jiġi applikat approċċ għall-iżvilupp ibbażat fuq id-drittijiet għall-proġetti kollha ffinanzjati permezz tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp, b'mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tar-rgħajja u l-IPLC, inkluż ir-rikonoxximent sħiħ tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni u l-aċċess għad-drittijiet tal-art kif minquxa fit-trattati dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-UNDRIP; jisħaq li hija meħtieġa konformità mal-prinċipju ta' kunsens liberu, minn qabel u infurmat kif stabbilit fil-Konvenzjoni tal-ILO Nru 169 dwar il-Popli Indiġeni u Tribali tal-1989, inkluż rigward it-teħid tad-deċiżjonijiet kollha rigward iż-żoni protetti, u l-istabbiliment ta' mekkaniżmi ta' responsabbiltà, ilmenti u rimedju għall-ksur tad-drittijiet indiġeni, mhux l-inqas fil-kuntest tal-attivitajiet ta' konservazzjoni; jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni tal-ILO Nru 169, biex jagħmlu dan; jissottolinja li l-Konvenzjoni tal-ILO Nru 169 tobbliga lill-istati ratifikanti kollha jiżviluppaw azzjoni kkoordinata biex jipproteġu d-drittijiet tal-popli indiġeni;

56.  Jenfasizza l-għadd kbir ta' allegazzjonijiet ta' ksur fuq skala kbira tad-drittijiet tad-difensuri ambjentali, kif irrappurtat mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, li ddenunzjaw l-għadd dejjem jikber ta' attakki, theddid ta' mewt u qtil imwettqa kontrihom; ifakkar fl-obbligu tal-istati li jipproteġu d-difensuri ambjentali u l-familji tagħhom kontra l-fastidju, l-intimidazzjoni u l-vjolenza, kif minqux fid-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll li jiggarantixxu l-libertajiet fundamentali tagħhom; jistieden lill-UE tkompli tinvesti u ssaħħaħ mekkaniżmi u programmi ta' protezzjoni speċifiċi għad-difensuri ambjentali tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll għall-popolazzjonijiet indiġeni, u l-komunitajiet lokali, inkluż l-iżgurar tat-tkomplija tal-proġetti ProtectDefenders.eu; jisħaq li jeħtieġ jiġu rikonoxxuti l-kontributi, l-għarfien u l-esperjenza ta' dawn il-gruppi fil-ġlieda kontra t-telfien tal-bijodiversità u d-degradazzjoni ambjentali;

57.  Iħeġġeġ lill-UE tiżgura li l-Inizjattiva NaturAfrika tipproteġi l-organiżmi selvaġġi u l-ekosistemi relatati tagħha f'konformità ma' approċċ għall-konservazzjoni li jirrikjedi l-kunsens ħieles, minn qabel u infurmat tal-IPLC ikkonċernat, flimkien mal-gruppi tas-soċjetà ċivili li jappoġġawhom; jitlob lill-UE tipprovdi assistenza teknika u finanzjarja għal dan il-għan;

58.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġaw l-Arkitettura tal-Governanza Afrikana, u b'mod partikolari l-Qorti Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, sabiex jimplimentaw il-Qafas ta' Politika tal-Unjoni Afrikana għall-Pastoraliżmu fl-Afrika u, b'mod aktar wiesa', jirrikonoxxu d-drittijiet tar-rgħajja u tal-popli indiġeni;

59.  Jisħaq li l-iżgurar tad-drittijiet tal-pussess huwa prerekwiżit għall-integrazzjoni effettiva tal-bijodiversità; jinnota, madankollu, li n-nuqqas ta' drittijiet kollettivi għall-art għall-popli indiġeni huwa ostaklu primarju biex jiġi żgurat li l-konservazzjoni bbażata fuq id-drittijiet issir effettiva;

60.  Ifakkar li t-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u diġitali għandha implikazzjonijiet enormi għas-settur tal-minjieri u hemm tħassib dejjem jikber li l-estrazzjoni se tinfirex f'pajsaġġi sensittivi tal-foresti, li jikkontribwixxi għad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti; ifakkar li 80 % tal-foresti madwar id-dinja jinstabu f'artijiet u f'territorji tradizzjonali ta' popli indiġeni; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-isforzi tagħhom biex irawmu prattiki ta' estrazzjoni responsabbli u sostenibbli, filwaqt li jaċċelleraw it-tranżizzjoni tagħhom lejn ekonomija ċirkolari; jistieden, b'mod partikolari, lill-UE tiżviluppa qafas reġjonali għall-industriji estrattivi li jissanzjona lill-kumpaniji li jiksru d-drittijiet tal-bniedem u jipprovdi rimedju legali lill-popli indiġeni li d-drittijiet tagħhom ġew miksura; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu pprojbiti l-esplorazzjoni għall-minerali u l-isfruttament tagħhom fiż-żoni protetti kollha, inklużi fil-parks nazzjonali u s-Siti ta' Patrimonju Dinji;

Kriminalità ambjentali

61.  Jissottolinja l-fatt li r-reat ambjentali jikkostitwixxi theddida globali għall-konservazzjoni tan-natura, l-iżvilupp sostenibbli, l-istabbiltà u s-sigurtà;

62.  Jisħaq fuq il-fatt li t-traffikar ta' organiżmi selvaġġi għandu jiġi kklassifikat bħala reat serju, f'konformità mal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali, sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni internazzjonali, b'mod partikolari f'kuntest fejn il-kummerċ u l-konsum ta' organiżmi selvaġġi jirrappreżenta riskju sinifikanti ta' pandemiji futuri;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta' Organiżmi Selvaġġi biex trażżan il-kummerċ illegali tal-organiżmi selvaġġi; jilqa' l-abbozz ta' miżuri ppubblikati mill-Kummissjoni li għandhom l-għan li jipprojbixxu b'mod effettiv il-kummerċ tal-UE fl-avorju; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, biex jixprunaw azzjoni internazzjonali biex titwaqqaf id-domanda għall-avorju tal-iljunfanti u jindirizzaw il-kawżi ewlenin tal-kriżi tal-kaċċa illegali tal-iljunfanti, billi jżidu l-kooperazzjoni tagħhom mal-pajjiżi Afrikani u l-għajnuna għalihom; jitlob reviżjoni tad-Direttiva dwar ir-Reati Ambjentali(13) billi jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tagħha u jiġu introdotti dispożizzjonijiet speċifiċi għal sanzjonijiet li jiżguraw li r-reati ambjentali, inkluż is-sajd illegali, il-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi u l-kriminalità forestali, jiġu rikonoxxuti bħala reati serji u jiġu ppenalizzati kif xieraq, speċjalment fil-kuntest tal-kriminalità organizzata, u b'hekk jinħolqu deterrenti qawwija;

64.  Iħeġġeġ lill-pajjiżi ta' provvista, ta' tranżitu u ta' domanda fil-kummerċ illegali tal-organiżmi selvaġġi biex japprofondixxu l-livelli ta' kooperazzjoni tagħhom sabiex jiġġieldu dan il-kummerċ tul il-katina kollha; iħeġġeġ, b'mod partikolari, lill-gvernijiet tal-pajjiżi ta' provvista biex: i) itejbu l-istat tad-dritt u joħolqu deterrenti effikaċi permezz tat-tisħiħ tal-investigazzjonijiet kriminali, il-prosekuzzjonijiet u l-għoti tas-sentenzi; ii) jippromulgaw liġijiet aktar b'saħħithom li jittrattaw it-traffikar illegali tal-organiżmi selvaġġi bħala "reat serju" li jistħoqqlu l-istess livell ta' attenzjoni bħal forom oħra ta' kriminalità organizzata transnazzjonali; iii) jallokaw aktar riżorsi għall-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi, b'mod partikolari għat-tisħiħ tal-infurzar tal-liġi dwar l-organiżmi selvaġġi, il-kontrolli tal-kummerċ, il-monitoraġġ, id-detezzjoni doganali u s-sekwestri; iv) jimpenjaw ruħhom għal politika ta' tolleranza żero fir-rigward tal-korruzzjoni;

65.  Jinnota li l-kriminalità ambjentali thedded is-sigurtà tal-bniedem billi tagħmel ħsara lir-riżorsi li huma essenzjali għall-għajxien, tiġġenera l-vjolenza u l-kunflitti, iżżid il-korruzzjoni u tikkawża ħsara oħra; iħeġġeġ lill-UE tagħmel il-ġlieda kontra l-kriminalità ambjentali prijorità politika strateġika prevalenti fil-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali u f'fora multilaterali, b'mod partikolari billi tippromwovi l-konformità mal-ftehimiet ambjentali multilaterali permezz tal-adozzjoni ta' sanzjonijiet u skambji tal-aħjar prattiki u billi tippromwovi t-tkabbir tal-kamp ta' applikazzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali biex tkopri atti kriminali li jammontaw għal ekoċidju; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jallokaw riżorsi finanzjarji u umani xierqa għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati ambjentali;

66.  Jissottolinja, li d-dritt internazzjonali evolva biex iħaddan kunċetti ġodda bħall-wirt komuni tal-umanità, l-iżvilupp sostenibbli u l-ġenerazzjonijiet futuri, iżda jisħaq li m'hemm l-ebda mekkaniżmu permanenti internazzjonali għall-monitoraġġ u l-indirizzar tal-ħsara u l-qerda ambjentali li jibdel b'mod sinifikanti l-beni komuni globali jew is-servizzi tal-ekosistema; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex, għal dan il-għan, jappoġġaw bidla fundamentali biex l-ekoċidju u d-dritt tal-ġenerazzjonijiet futuri jiġu inklużi fid-dritt ambjentali internazzjonali;

o
o   o

67.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 201, 26.7.2013, p. 60.
(2) https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/IDAN/2020/603494/EXPO_IDA(2020)603494_EN.pdf
(3) https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/TA-8-2016-0034_MT.pdf u https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/TA-8-2016-0034_MT.html
(4) https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/IDAN/2020/658217/IPOL_IDA(2020)658217_EN.pdf
(5) ĠU C 118, 8.4.2020, p. 15.
(6) https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2014/534980/EXPO_STU(2014)534980_EN.pdf
(7) https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/IDAN/2020/603488/EXPO_IDA(2020)603488_EN.pdf
(8) Testi adottati, P9_TA(2020)0285.
(9) Biodiversity: Finance and the Economic and Business Case for Action (Il-Bijodiversità: Il-Finanzi u l-Każ Ekonomiku u Kummerċjali għal Azzjoni). Sommarju Eżekuttiv u Sinteżi, Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), Mejju 2019, p. 7.
(10) Biodiversity: Finance and the Economic and Business Case for Action (Il-Bijodiversità: Il-Finanzi u l-Każ Ekonomiku u Kummerċjali għal Azzjoni). Sommarju Eżekuttiv u Sinteżi, OECD, Mejju 2019.
(11) Workshop tal-IPBES dwar il-Bijodiversità u l-Pandemija, Rapport tal-Workshop, 2020, p. 23.
(12) Id-Direttiva 98/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 1998 dwar il-protezzjoni legali tal-invenzjonijiet bioteknoloġiċi (ĠU L 213, 30.7.1998, p. 13).
(13) Id-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 328, 6.12.2008, p. 28).


L-intelliġenza artifiċjali fil-liġi kriminali u l-użu tagħha mill-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji f'materji kriminali
PDF 192kWORD 63k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2021 dwar l-intelliġenza artifiċjali fil-liġi kriminali u l-użu tagħha mill-pulizija u mill-awtoritajiet ġudizzjarji f'materji kriminali (2020/2016(INI))
P9_TA(2021)0405A9-0232/2021

Il-Parlament Ewropew

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 2 u 6 tiegħu, u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”), b'mod partikolari l-Artikoli 6, 7, 8, 11, 12, 13, 20, 21, 24 u 47 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni ta' Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta' Data Personali (STKE 108), u l-protokoll emendatorju tagħha (il-Konvenzjoni 108+),

–  wara li kkunsidra l-Karta Ewropea tal-Etika dwar l-użu tal-intelliġenza artifiċjali fis-sistemi ġudizzjarji u l-ambjent tagħhom tal-Kummissjoni Ewropea għall-Effikaċja tal-Ġustizzja (CEPEJ) tal-Kunsill tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' April 2019 intitolata "Nibnu l-Fiduċja fl-Intelliġenza Artifiċjali Ċċentrata Fuq il-Bniedem" (COM(2019)0168),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida dwar l-Etika għal AI Affidabbli ppubblikati mill-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli tal-Kummissjoni dwar l-Intelliġenza Artifiċjali fit-8 ta' April 2019,

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2020 "L-Intelliġenza Artifiċjali – Approċċ Ewropew għall-eċċellenza u għall-fiduċja" (COM(2020)0065),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2020 bit-titolu "Strateġija Ewropea għad-data" (COM(2020)0066),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u tħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika)(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-protesti kontra r-razziżmu wara l-mewt ta' George Floyd(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2017 dwar l-implikazzjonijiet tal-Big Data fuq id-drittijiet fundamentali: il-privatezza, il-protezzjoni tad-data, in-nondiskriminazzjoni, is-sigurtà u l-infurzar tal-liġi(7),

–  wara li kkunsidra s-seduta ta' smigħ fil-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE) fl-20 ta' Frar 2020 dwar l-intelliġenza artifiċjali fil-liġi kriminali u l-użu tagħha mill-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji f'materji kriminali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-missjoni LIBE lill-Istati Uniti fi Frar 2020,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0232/2021),

A.  billi t-teknoloġiji diġitali b'mod ġenerali u l-proliferazzjoni tal-ipproċessar u l-analitika tad-data mwettqa mill-intelliġenza artifiċjali (IA) b'mod partikolari jġibu magħhom potenzjalità u riskji straordinarji; billi l-iżvilupp fl-IA għamel avvanzi kbar fis-snin reċenti, u b'hekk saret waħda mit-teknoloġiji strateġiċi tas-seklu 21, bil-potenzjal li tiġġenera benefiċċji sostanzjali fl-effiċjenza, il-preċiżjoni u l-konvenjenza, u għalhekk iġġib bidla pożittiva fl-ekonomija u s-soċjetà Ewropej, iżda wkoll riskji kbar għad-drittijiet fundamentali u d-demokraziji bbażati fuq l-istat tad-dritt; billi l-IA m'għandhiex titqies bħala għan aħħari fiha nnifisha, iżda bħala għodda għas-servizz tal-persuni, bl-għan aħħari li żżid il-benesseri tal-bniedem, il-kapaċitajiet tal-bniedem u s-sikurezza;

B.  billi minkejja l-avvanzi kontinwi fil-veloċità tal-ipproċessar tal-kompjuter u l-kapaċità tal-memorja, s'issa għad m'hemm l-ebda programm li jista' jlaħħaq mal-flessibbiltà tal-bniedem fuq oqsma usa' jew f'kompiti li jirrikjedu fehim tal-kuntest jew analiżi kritika; billi, xi applikazzjonijiet tal-IA kisbu l-livelli ta' prestazzjoni ta' esperti umani u professjonisti fit-twettiq ta' ċerti kompiti speċifiċi (eż. teknoloġija legali), u jistgħu jipprovdu riżultati f'veloċità drastikament ogħla u fuq skala ikbar;

C.  billi xi pajjiżi, inklużi bosta Stati Membri, jagħmlu aktar użu mill-applikazzjonijiet tal-IA, jew sistemi tal-IA integrati, fl-infurzar tal-liġi u fil-ġudikatura minn oħrajn, li huwa parzjalment dovut għal nuqqas ta' regolamentazzjoni u differenzi regolatorji li jippermettu jew jipprojbixxu l-użu tal-IA għal ċerti skopijiet; billi l-użu dejjem akbar tal-IA fil-qasam tal-liġi kriminali huwa bbażat b'mod partikolari fuq il-wegħdiet li din tnaqqas ċerti tipi ta' kriminalità u twassal għal deċiżjonijiet aktar oġġettivi; billi dawn il-wegħdiet, madankollu, mhux dejjem huma veri;

D.  billi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali minquxa fil-Karta jenħtieġ li jiġu ggarantiti tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-IA u t-teknoloġiji relatati, b'mod partikolari matul id-disinn, l-iżvilupp, l-introduzzjoni u l-użu tagħhom, u jenħtieġ li japplikaw għall-infurzar tal-liġi fiċ-ċirkostanzi kollha;

E.  billi t-teknoloġija tal-IA jenħtieġ li tiġi żviluppata b'tali mod li tpoġġi lin-nies fiċ-ċentru tagħha, tkun jistħoqqilha l-fiduċja tal-pubbliku u dejjem taħdem għas-servizz tal-bniedem; billi s-sistemi tal-IA jenħtieġ li jkollhom il-garanzija finali li jiġu mfassla b'tali mod li jkunu jistgħu jintfew dejjem minn operatur uman;

F.  billi s-sistemi tal-IA jeħtieġ li jiġu mfassla għall-protezzjoni u l-benefiċċju tal-membri kollha tas-soċjetà (inkluża l-kunsiderazzjoni tal-persuni vulnerabbli u dawk marġinalizzati fit-tfassil tagħhom), ikunu nondiskriminatorji, sikuri, id-deċiżjonijiet tagħhom ikunu jistgħu jiġu spjegati u trasparenti, u jirrispettaw l-awtonomija tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali sabiex ikunu affidabbli, kif deskritt fil-Linji Gwida dwar l-Etika tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar l-Intelliġenza Artifiċjali;

G.  billi l-Unjoni, flimkien mal-Istati Membri, għandha r-responsabbiltà kritika li tiżgura li d-deċiżjonijiet li għandhom x'jaqsmu maċ-ċiklu tal-ħajja u l-użu tal-applikazzjonijiet tal-IA fil-qasam tal-ġudikatura u tal-infurzar tal-liġi jsiru b'mod trasparenti, jissalvagwardjaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali, u b'mod partikolari ma jippermettux it-tkomplija tad-diskriminazzjoni, il-preferenzi jew il-preġudizzji fejn dawn jeżistu; billi l-għażliet ta' politika rilevanti jenħtieġ li jirrispettaw il-prinċipji tan-neċessità u tal-proporzjonalità sabiex jiggarantixxu l-kostituzzjonalità u sistema ġudizzjarja ġusta u umana;

H.  billi l-applikazzjonijiet tal-IA jistgħu joffru opportunitajiet tajbin ħafna fil-qasam tal-infurzar tal-liġi, b'mod partikolari fit-titjib tal-metodi ta' ħidma tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet ġudizzjarji, u fil-ġlieda kontra ċerti tipi ta' kriminalità b'mod aktar effiċjenti, b'mod partikolari l-kriminalità finanzjarja, il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, l-abbuż tat-tfal online u l-isfruttament tat-tfal kif ukoll ċerti tipi ta' ċiberkriminalità, u b'hekk jikkontribwixxu għas-sikurezza u s-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE, filwaqt li fl-istess ħin jistgħu jinvolvu riskji sinifikanti għad-drittijiet fundamentali tan-nies; billi kwalunkwe applikazzjoni ġenerali tal-IA għall-fini ta' sorveljanza tal-massa tkun sproporzjonata;

I.  billi l-iżvilupp u l-operazzjoni ta' sistemi tal-IA għall-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji jinvolvu l-kontribut ta' diversi individwi, organizzazzjonijiet, komponenti tal-magni, algoritmi tas-software, u utenti umani f'ambjenti ta' spiss kumplessi u li joħolqu sfida; billi l-applikazzjonijiet tal-IA fl-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura huma fi stadji differenti ta' żvilupp, li jvarjaw minn kunċettwalizzazzjoni permezz ta' prototipi jew evalwazzjoni sa użu ta' wara l-approvazzjoni; billi possibbiltajiet ġodda għal użu jistgħu jinħolqu fil-futur hekk kif it-teknoloġiji jimmaturaw aktar minħabba r-riċerka xjentifika għaddejja li qed issir madwar id-dinja;

J.  billi huwa imperattiv li jiġi stabbilit mudell ċar għall-assenjazzjoni tar-responsabbiltà legali għall-effetti potenzjali ta' ħsara tas-sistemi tal-IA fil-qasam tal-liġi kriminali; billi d-dispożizzjonijiet regolatorji f'dan il-qasam għandhom dejjem iżommu r-responsabbiltà umana u għandhom jimmiraw, l-ewwel u qabel kollox, li jevitaw li jibdew kwalunkwe effetti ta' ħsara;

K.  billi fl-aħħar mill-aħħar hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jiggarantixxu r-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali meta jintużaw sistemi tal-IA fil-qasam tal-infurzar tal-liġi u tal-ġudikatura;

L.  billi r-relazzjoni bejn il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u policing effettiv għandha dejjem tkun element essenzjali fid-diskussjonijiet dwar jekk l-IA għandhiex tintuża mis-settur tal-infurzar tal-liġi u kif għandha tintuża, fejn id-deċiżjonijiet jista' jkollhom konsegwenzi dejjiema fuq il-ħajja u l-libertà tal-individwi; billi dan huwa partikolarment importanti peress li l-IA għandha l-potenzjal li tkun parti permanenti mill-ekosistema tal-ġustizzja kriminali tagħna billi tipprovdi analiżi investigattiva u assistenza;

M.  billi l-IA li qed tintuża mill-infurzar tal-liġi tinkludi applikazzjonijiet bħat-teknoloġiji tar-rikonoxximent tal-wiċċ, pereżempju biex jiġu mfittxija bażijiet tad-data ta' persuni suspettati u jiġu identifikati vittmi ta' traffikar tal-bnedmin jew ta' sfruttament u abbuż sesswali tat-tfal, tar-rikonoxximent awtomatizzat tal-pjanċi, tal-identifikazzjoni tal-kelliem, tal-identifikazzjoni tad-diskors, teknoloġiji tal-qari tax-xufftejn, is-sorveljanza tas-sinjali akustiċi (jiġifieri algoritmi ta' detezzjoni ta' sparaturi), ir-riċerka u l-analiżi awtonomi ta' bażijiet tad-data identifikati, it-tbassir (l-analitika tal-policing predittiv u tal-hotspots tal-kriminalità), għodod għad-detezzjoni tal-imġiba, għodod avvanzati għall-awtopsja virtwali biex jgħinu jiddeterminaw il-kawża tal-mewt, għodod awtonomi għall-identifikazzjoni tal-frodi finanzjarji u tal-finanzjament tat-terroriżmu, il-monitoraġġ tal-midja soċjali (scraping u ħsad tad-data għal konnessjonijiet ta' estrazzjoni), u sistemi ta' sorveljanza awtomatizzati li jinkorporaw kapaċitajiet differenti ta' detezzjoni (bħad-detezzjoni tat-taħbit tal-qalb u l-kameras termali); billi l-applikazzjonijiet imsemmija hawn fuq, flimkien ma' applikazzjonijiet oħra potenzjali jew futuri tat-teknoloġija tal-IA fl-infurzar tal-liġi, jista' jkollhom gradi li jvarjaw ħafna ta' affidabbiltà u ta' preċiżjoni u impatt fuq il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u fuq id-dinamika ta' sistemi tal-ġustizzja kriminali; billi ħafna minn dawn l-għodod jintużaw f'pajjiżi mhux fl-UE iżda jkunu illegali taħt l-acquis u l-ġurisprudenza tal-protezzjoni tad-data tal-Unjoni; billi l-implimentazzjoni ta' rutina tal-algoritmi, anke b'rata żgħira ta' pożittivi foloz, tista' tirriżulta f'ħafna aktar twissijiet żbaljati minn twissijiet korretti;

N.  billi l-għodod u l-applikazzjonijiet tal-IA jintużaw ukoll mill-ġudikatura f'bosta pajjiżi madwar id-dinja kollha, inkluż biex jappoġġaw deċiżjonijiet dwar arrest preventiv (qabel is-smigħ tal-kawża), fl-għoti ta' pieni, fil-kalkolu tal-probabbiltajiet għar-reċidività u fid-determinazzjoni tal-probation, fis-soluzzjoni tat-tilwim online, fil-ġestjoni tal-ġurisprudenza u fil-provvediment ta' aċċess iffaċilitat għal-liġi; billi dan wassal għal tfixkil u tnaqqis fl-opportunitajiet għal nies b'kulur tal-ġilda differenti u minoranzi oħra; billi fil-preżent fl-UE, bl-eċċezzjoni ta' xi Stati Membri, l-użu tagħhom huwa limitat prinċipalment għal kwistjonijiet ċivili;

O.  billi l-użu tal-IA fl-infurzar tal-liġi jinvolvi għadd ta' riskji potenzjalment kbar, u f'xi każijiet inaċċettabbli, riskji għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-individwi, bħat-teħid ta' deċiżjonijiet mhux trasparenti, tipi differenti ta' diskriminazzjoni u żbalji inerenti fl-algoritmu sottostanti li jistgħu jiġu msaħħa bi ċrieki ta' feedback, kif ukoll b'riskji għall-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali, għall-protezzjoni tal-libertà ta' espressjoni u ta' informazzjoni, għall-preżunzjoni ta' innoċenza, għad-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, kif ukoll ir-riskji għal-libertà u s-sigurtà tal-individwi;

P.  billi s-sistemi tal-IA użati mill-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura huma wkoll vulnerabbli għall-attakki li għandhom il-kapaċità tal-IA kontra s-sistemi ta' informazzjoni jew l-avvelenament tad-data, fejn sett ta' data ħażin jiġi inkluż bl-iskop li jipproduċi riżultati preġudikati; billi f'dawn is-sitwazzjonijiet il-ħsara li tirriżulta hija potenzjalment saħansitra aktar sinifikanti, u tista' tirriżulta f'livelli esponenzjalment ogħla ta' dannu kemm għall-individwi kif ukoll għall-gruppi;

Q.  billi l-użu tal-IA fil-qasam tal-infurzar tal-liġi u tal-ġudikatura ma għandux jitqies bħala sempliċi fattibbiltà teknika, iżda pjuttost bħala deċiżjoni politika dwar it-tfassil u l-objettivi tal-infurzar tal-liġi u tas-sistemi tal-ġustizzja kriminali; billi l-liġi kriminali moderna hija bbażata fuq l-idea li l-awtoritajiet jirreaġixxu għal reat wara li jkun sar, mingħajr ma tassumi li n-nies kollha huma perikolużi u jeħtieġu jiġu mmonitorjati b'mod kostanti sabiex tiġi evitata mġiba ħażina potenzjali; billi t-tekniki ta' sorveljanza bbażati fuq l-IA jisfidaw ħafna dan l-approċċ u jagħmluha urġenti li l-leġiżlaturi madwar id-dinja jivvalutaw bir-reqqa l-konsegwenzi li jippermettu l-użu ta' teknoloġiji li jnaqqsu r-rwol tal-bnedmin fl-infurzar tal-liġi u fl-aġġudikazzjoni;

1.  Itenni li, peress li l-ipproċessar ta' kwantitajiet kbar ta' data personali huwa fil-qalba tal-IA, id-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali japplikaw għall-oqsma kollha tal-IA, u li l-qafas ġuridiku tal-Unjoni għall-protezzjoni tad-data u għall-privatezza jrid jiġi osservat bis-sħiħ; ifakkar, għalhekk, li l-UE diġà stabbiliet standards ta' protezzjoni tad-data għall-infurzar tal-liġi, li jiffurmaw il-pedament għal kwalunkwe regolament futur fl-IA għall-użu tal-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura; ifakkar li l-ipproċessar ta' data personali għandu jkun legali u ġust, l-iskopijiet tal-ipproċessar għandhom jiġu speċifikati, ikunu espliċiti u leġittimi, l-ipproċessar għandu jkun adegwat, rilevanti u mhux eċċessiv fir-rigward tal-għan li għalih jiġi pproċessat, għandu jkun preċiż, miżmum aġġornat u data mhux preċiża għandha, sakemm ma jkunux japplikaw restrizzjonijiet, tiġi kkoreġuta jew imħassra, id-data ma għandhiex tinżamm għal aktar żmien milli jkun meħtieġ, għandhom jiġu stabbiliti limiti ta' żmien ċari u xierqa għat-tħassir jew għal rieżami perjodiku tal-ħtieġa għall-ħżin ta' tali data, u għandha tiġi pproċessata b'mod sigur; jissottolinja wkoll li l-identifikazzjoni possibbli ta' individwi permezz ta' applikazzjoni tal-IA bl-użu ta' data li qabel kienet anonimizzata, għandha tiġi evitata;

2.  Jafferma mill-ġdid li s-soluzzjonijiet kollha tal-IA għall-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura jeħtieġ ukoll li jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipji tad-dinjità tal-bniedem, tan-nondiskriminazzjoni, tal-libertà tal-moviment, tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt għad-difiża, inkluż id-dritt li wieħed jibqa' sieket, tal-libertà tal-espressjoni u ta' informazzjoni, tal-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, tal-ugwaljanza quddiem il-liġi, tal-prinċipju ta' opportunitajiet ugwali għall-partijiet u tad-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, bi qbil mal-Karta u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jisħaq li l-użu tal-applikazzjonijiet tal-IA jrid jiġi pprojbit meta jkun inkompatibbli mad-drittijiet fundamentali;

3.  Jirrikonoxxi li l-ħeffa li biha l-applikazzjonijiet tal-IA qed jiġu żviluppati madwar id-dinja ma tippermettix elenkar eżawrjenti tal-applikazzjonijiet u għalhekk teħtieġ mudell ta' governanza ċar u koerenti li jiggarantixxi kemm id-drittijiet fundamentali tal-individwi kif ukoll iċ-ċarezza legali għall-iżviluppaturi, meta titqies l-evoluzzjoni kontinwa tat-teknoloġija; iqis, madankollu, minħabba r-rwol u r-responsabbiltà tal-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji, u l-impatt tad-deċiżjonijiet li jieħdu għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, li l-użu tal-applikazzjonijiet tal-IA għandu jiġi kategorizzat bħala riskju għoli f'każijiet fejn hemm il-potenzjal li jaffettwaw b'mod sinifikanti l-ħajja tal-individwi;

4.  Iqis, f'dan ir-rigward, li kwalunkwe għodod tal-IA żviluppati jew użati fl-infurzar tal-liġi jew mill-ġudikatura għandhom, bħala minimu, ikunu sikuri, robusti, siguri u adatti għall-iskop tagħhom, jirrispettaw il-prinċipji tal-ekwità, il-minimizzazzjoni tad-data, ir-responsabbiltà, it-trasparenza, in-nondiskriminazzjoni u l-ispjegabbiltà, u li l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-użu tagħhom għandhom ikun soġġetti għal valutazzjoni tar-riskju u ttestjar strett tan-neċessità u tal-proporzjonalità, meta salvagwardji jeħtieġu jkunu proporzjonali mar-riskji identifikati; jenfasizza li l-fiduċja fost iċ-ċittadini fl-użu tal-IA żviluppata, implimentata u użata fl-UE tiddependi mit-twettiq sħiħ ta' dawn il-kriterji;

5.  Jirrikonoxxi l-kontribut pożittiv ta' ċerti tipi ta' applikazzjonijiet tal-IA għall-ħidma tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji madwar l-Unjoni; jenfasizza, bħala eżempju, il-ġestjoni msaħħa tal-ġurisprudenza miksuba permezz ta' għodod li jippermettu għażliet ta' tfittxija addizzjonali; jemmen li hemm firxa ta' użi potenzjali oħra għall-IA għall-infurzar tal-liġi u għall-ġudikatura li jistgħu jiġu esplorati filwaqt li jitqiesu l-ħames prinċipji tal-Karta Etika dwar l-użu tal-intelliġenza artifiċjali fis-sistemi ġudizzjarji u l-ambjent tagħhom, adottata mis-CEPEJ, u b'attenzjoni partikolari għall-"użi li għandhom jitqiesu bl-iktar riżerva estrema", identifikati mis-CEPEJ;

6.  Jissottolinja li kwalunkwe teknoloġija tista' terġa' tingħata skop ġdid u għalhekk jitlob kontroll u sorveljanza indipendenti demokratiċi stretti ta' kwalunkwe teknoloġija abilitata bl-IA li tintuża mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji, speċjalment dawk li jistgħu jerġgħu jingħataw skop ġdid għas-sorveljanza tal-massa jew għat-tfassil ta' profili tal-massa; jinnota, għalhekk, bi tħassib kbir il-potenzjal ta' ċerti teknoloġiji tal-IA użati fis-settur tal-infurzar tal-liġi għal skopijiet ta' sorveljanza tal-massa; jenfasizza r-rekwiżit legali li tiġi evitata s-sorveljanza tal-massa permezz tat-teknoloġiji tal-IA, li skont id-definizzjoni ma tissodisfax il-prinċipji tan-neċessità u tal-proporzjonalità, u li jiġi pprojbit l-użu ta' applikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw fiha;

7.  Jenfasizza li l-approċċ meħud f'xi pajjiżi mhux tal-UE rigward l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-użu ta' teknoloġiji ta' sorveljanza tal-massa jinterferixxi b'mod sproporzjonat mad-drittijiet fundamentali u għalhekk ma għandux jiġi segwit mill-UE; għalhekk, huwa tal-fehma li s-salvagwardji kontra l-użu ħażin tat-teknoloġiji tal-IA mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji wkoll jeħtieġ li jiġu rregolati b'mod uniformi madwar l-Unjoni;

8.  Jenfasizza li hemm il-potenzjal li mill-użu tal-applikazzjonijiet tal-IA bħat-tagħlim awtomatiku jinħolqu l-preġudizzju u d-diskriminazzjoni, inklużi algoritmi fuq liema huma bbażati tali applikazzjonijiet; jinnota li l-preġudizzji jistgħu jkunu inerenti fis-settijiet ta' data sottostanti, speċjalment meta tkun qed tintuża data storika, introdotta mill-iżviluppaturi tal-algoritmi, jew iġġenerata meta s-sistemi jiġu implimentati f'ambjenti reali; jirrimarka li r-riżultati pprovduti mill-applikazzjonijiet tal-IA huma neċessarjament influwenzati mill-kwalità tad-data użata, u li tali preġudizzji inerenti huma inklinati li jiżdiedu gradwalment u b'hekk ikomplu jippermettu u jamplifikaw id-diskriminazzjoni eżistenti, b'mod partikolari għall-persuni li jappartjenu għal ċerti gruppi etniċi jew komunitajiet razzjalizzati;

9.  Jissottolinja l-fatt li ħafna teknoloġiji ta' identifikazzjoni li jaħdmu bl-algoritmi, li attwalment qed jintużaw b'mod sproporzjonat, jidentifikaw u jikklassifikaw ħażin u għalhekk jikkawżaw ħsara lil persuni razzjalizzati, individwi li jappartjenu għal ċerti komunitajiet etniċi, persuni LGBTI, tfal u anzjani, kif ukoll lin-nisa; ifakkar li l-individwi mhux biss għandhom id-dritt li jiġu identifikati b'mod korrett, iżda għandhom ukoll id-dritt li ma jiġu identifikati bl-ebda mod, sakemm ma jkunx rikjest mil-liġi għal interessi pubbliċi konvinċenti u leġittimi; jenfasizza li l-previżjonijiet tal-IA bbażati fuq karatteristiċi ta' grupp speċifiku ta' persuni jispiċċaw ikabbru u jirriproduċu forom eżistenti ta' diskriminazzjoni; iqis li għandhom isiru sforzi qawwija biex jiġu evitati d-diskriminazzjoni u l-preġudizzju awtomatizzati; jitlob salvagwardji addizzjonali robusti meta sistemi tal-IA fl-infurzar tal-liġi jew fil-ġudikatura jintużaw fuq jew fir-rigward ta' minorenni;

10.  Jenfasizza l-asimmetrija tal-poter bejn dawk li jħaddmu t-teknoloġiji tal-IA u dawk li huma soġġetti għalihom; jisħaq li huwa imperattiv li l-użu tal-IA mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji ma jsirx fattur ta' inugwaljanza, ksur jew esklużjoni soċjali; jissottolinja l-impatt tal-użu tal-għodod tal-IA fuq id-drittijiet tad-difiża tal-persuni suspettati, id-diffikultà biex tinkiseb informazzjoni sinifikanti dwar il-funzjonament tagħhom u d-diffikultà konsegwenti biex jiġu kkontestati r-riżultati tagħhom fil-qorti, b'mod partikolari minn individwi li qed jiġu investigati;

11.  Jieħu nota tar-riskji relatati b'mod partikolari mal-iżvelar illeċitu tad-data, il-ksur tas-sigurtà tad-data u aċċess mhux awtorizzat għal data personali u informazzjoni oħra relatata ma', pereżempju, investigazzjonijiet kriminali jew kawżi tal-qorti li tiġi pproċessata mis-sistemi tal-IA; jissottolinja li l-aspetti tas-sigurtà u s-sikurezza tas-sistemi tal-IA użati fl-infurzar tal-liġi u mill-ġudikatura jeħtieġ li jiġu kkunsidrati bir-reqqa, u jkunu robusti u reżiljenti biżżejjed biex jipprevjenu l-konsegwenzi potenzjalment katastrofiċi ta' attakki malizzjużi fuq is-sistemi tal-IA; jisħaq fuq l-importanza tas-sigurtà mid-disinn, kif ukoll ta' sorveljanza umana speċifika qabel ma joperaw ċerti applikazzjonijiet kritiċi u għalhekk jitlob li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji jużaw biss applikazzjonijiet tal-IA li jaderixxu mal-prinċipju tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data mid-disinn sabiex tiġi evitata estensjoni indebita tal-użu tad-data ("function creep");

12.  Jisħaq li l-ebda sistema tal-IA użata fl-infurzar tal-liġi jew mill-ġudikatura m'għandha tiġi attivata biex tkun ta' dannu għall-integrità fiżika tal-bnedmin, u lanqas biex tqassam id-drittijiet jew timponi obbligi legali fuq individwi;

13.  Jirrikonoxxi l-isfidi għal-lokalizzazzjoni korretta tar-responsabbiltà jew obbligu legali għal ħsara potenzjali, minħabba l-kumplessità tal-iżvilupp u l-operat tas-sistemi tal-IA; iqis li huwa meħtieġ li jinħoloq reġim ċar u ġust għall-assenjament tar-responsabbiltà u l-obbligu għall-konsegwenzi negattivi potenzjali li jinħolqu minn dawn it-teknoloġiji diġitali avvanzati; jissottolinja, madankollu, li l-ewwel u qabel kollox, l-għan għandu jkun li jiġi evitat li kwalunkwe tali konsegwenza ssir realtà; jitlob, għalhekk, li jiġi applikat il-prinċipju ta' prekawzjoni għall-applikazzjonijiet kollha tal-IA fil-kuntest tal-infurzar tal-liġi; jissottolinja li r-responsabbiltà u l-obbligu legali jridu dejjem ikunu f'idejn persuna fiżika jew ġuridika, li dejjem trid tiġi identifikata għal deċiżjonijiet meħuda bl-appoġġ tal-IA; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li tiġi żgurata t-trasparenza tal-istrutturi korporattivi li jipproduċu u jimmaniġġjaw is-sistemi tal-IA;

14.  Iqis li huwa essenzjali, kemm għall-effettività tal-eżerċitar tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll għat-trasparenza tas-sistemi nazzjonali tal-ġustizzja kriminali, li qafas legali speċifiku, ċar u preċiż jirregola l-kundizzjonijiet, il-modalitajiet u l-konsegwenzi tal-użu tal-għodod tal-IA fil-qasam tal-infurzar tal-liġi u fil-ġudikatura, kif ukoll id-drittijiet ta' persuni fil-mira, u proċeduri effettivi u faċilment disponibbli għat-tressiq ta' lmenti u tar-rimedju, inkluż ir-rimedju ġudizzjarju; jissottolinja d-dritt tal-partijiet fi proċediment kriminali li jkollhom aċċess għall-proċess tal-ġbir tad-data u l-valutazzjonijiet relatati magħmula minn jew miksuba permezz tal-użu tal-applikazzjonijiet tal-IA; jenfasizza l-ħtieġa li l-awtoritajiet ta' eżekuzzjoni involuti fil-kooperazzjoni ġudizzjarja, meta jiddeċiedu dwar talba għal estradizzjoni (jew konsenja) lejn Stat Membru ieħor jew pajjiż mhux fl-UE, jivvalutaw jekk l-użu ta' għodod tal-IA fil-pajjiż rikjedenti jistax jikkomprometti b'mod ċar id-dritt fundamentali għal proċess ġust; jistieden lill-Kummissjoni toħroġ linji gwida dwar kif għandha titwettaq valutazzjoni bħal din fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali; jinsisti li l-Istati Membri, f'konformità mal-liġijiet applikabbli, għandhom jiżguraw li l-individwi jiġu infurmati meta jkunu soġġetti għall-użu tal-applikazzjonijiet tal-IA mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jew mill-ġudikatura;

15.  Jirrimarka li jekk il-bnedmin jiddependu biss mid-data, il-profili u r-rakkomandazzjonijiet iġġenerati mill-magni, mhumiex se jkunu jistgħu jagħmlu valutazzjoni indipendenti; jenfasizza l-konsegwenzi negattivi potenzjalment gravi, b'mod speċifiku fil-qasam tal-infurzar tal-liġi u l-ġustizzja, meta l-individwi jafdaw wisq fin-natura apparentement oġġettiva u xjentifika tal-għodod tal-IA u jonqsu milli jikkunsidraw il-possibbiltà li r-riżultati tagħhom huma skorretti, inkompleti, irrelevanti jew diskriminatorji; jenfasizza d-dipendenza eċċessiva fuq ir-riżultati pprovduti mis-sistemi tal-IA għandha tiġi evitata, u jisħaq fuq il-ħtieġa li l-awtoritajiet jibnu l-fiduċja u l-għarfien biex jiddubitaw rakkomandazzjoni algoritmika jew jinjorawha; iqis li huwa importanti li jkun hemm aspettattivi realistiċi dwar soluzzjonijiet teknoloġiċi bħal dawn u li ma jitwiegħdux soluzzjonijiet perfetti tal-infurzar tal-liġi u l-identifikazzjoni tar-reati kollha mwettqa;

16.  Jissottolinja li fil-kuntesti ġudizzjarji u ta' infurzar tal-liġi, id-deċiżjoni li għandha effett legali jew simili dejjem jeħtieġ li tittieħed minn bniedem, li jista' jinżamm responsabbli għad-deċiżjonijiet meħuda; iqis li dawk soġġetti għal sistemi li jaħdmu bl-IA jrid ikollhom rikors għal rimedju; ifakkar li, skont il-liġi tal-UE, persuna għandha d-dritt li ma tkunx soġġetta għal deċiżjoni li tipproduċi effetti legali li tikkonċernahom jew li taffettwahom b'mod sinifikanti u hija bbażata biss fuq ipproċessar awtomatizzat tad-data; jenfasizza wkoll li t-teħid ta' deċiżjonijiet individwali awtomizzat m'għandux ikun ibbażat fuq kategoriji speċjali ta' data personali, sakemm ma jkunux fis-seħħ miżuri xierqa biex jiġu mħarsa d-drittijiet u l-libertajiet u l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data; jisħaq li l-liġi tal-UE tipprojbixxi t-tfassil ta' profil li jirriżulta f'diskriminazzjoni kontra persuni fiżiċi abbażi ta' kategoriji speċjali ta' data personali; jenfasizza li d-deċiżjonijiet fil-qasam tal-infurzar tal-liġi huma kważi dejjem deċiżjonijiet li jkollhom effett legali fuq il-persuna kkonċernata, minħabba n-natura eżekuttiva tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-azzjonijiet tagħhom; jinnota li l-użu tal-IA jista' jinfluwenza d-deċiżjonijiet tal-bniedem u jkollu impatt fuq il-fażijiet kollha tal-proċeduri kriminali; huwa tal-fehma, għalhekk, li l-awtoritajiet li jagħmlu użu mis-sistemi tal-IA jeħtieġ li jżommu standards legali estremament għoljin u jiżguraw l-intervent tal-bniedem, speċjalment meta janalizzaw data li tirriżulta minn tali sistemi; jirrikjedi għalhekk li jiġu rrispettati d-diskrezzjoni sovrana tal-imħallfin u t-teħid ta' deċiżjonijiet abbażi ta' każ b'każ; jitlob il-projbizzjoni fuq l-użu tal-IA u teknoloġiji relatati għall-proposti ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji;

17.  Jitlob li jkun hemm spjegabbiltà, trasparenza, traċċabbiltà u verifika algoritmiċi bħala parti neċessarja tas-sorveljanza, sabiex jiġi żgurat li l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-użu ta' sistemi tal-IA għall-ġudikatura u l-infurzar tal-liġi jkunu konformi mad-drittijiet fundamentali, u jkunu fdati miċ-ċittadini, kif ukoll sabiex jiġi żgurat li r-riżultati ġġenerati mill-algoritmi tal-IA jkunu jistgħu jsiru intelliġibbli għall-utenti u għal dawk soġġetti għal dawn is-sistemi, u li jkun hemm trasparenza dwar is-sors tad-data u dwar kif is-sistema waslet għal ċerta konklużjoni; jirrimarka li sabiex jiġu żgurati t-trasparenza, ir-robustezza, u l-preċiżjoni tekniċi, tali għodod u sistemi biss għandhom jitħallew jinxtraw mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jew ġudizzjarji fl-Unjoni li l-algoritmi u l-loġika tagħhom jistgħu jiġu awditjati u aċċessibbli tal-inqas għall-pulizija u għall-ġudikatura kif ukoll għall-awdituri indipendenti, biex jippermettu l-evalwazzjoni, l-awditjar u l-iskrutinju tagħhom, u li ma għandhomx jingħalqu jew jiġu ttikkettati bħala proprjetarji mill-bejjiegħa; jirrimarka li, barra minn hekk, dik id-dokumentazzjoni għandha tiġi pprovduta b'lingwaġġ ċar u li jinftiehem dwar in-natura tas-servizz, l-għodod żviluppati, il-prestazzjoni u l-kundizzjonijiet li bihom jista' jkun mistenni li jiffunzjonaw u r-riskji li jistgħu jikkawżaw; jistieden għalhekk lill-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi jipprevedu trasparenza proattiva u sħiħa dwar kumpaniji privati li jipprovdulhom sistemi tal-IA għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi u tal-ġudikatura; jirrakkomanda għalhekk l-użu ta' software b'sors miftuħ fejn possibbli;

18.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji jidentifikaw u jivvalutaw l-oqsma fejn xi soluzzjonijiet tal-IA mfassla apposta jistgħu jkunu ta' benefiċċju u jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar l-implimentazzjoni tal-IA; jitlob li l-Istati Membri u l-aġenziji tal-UE jadottaw proċessi xierqa ta' akkwist pubbliku għas-sistemi tal-IA meta jintużaw f'kuntest ġudizzjarju jew ta' infurzar tal-liġi, sabiex tiġi żgurata l-konformità tagħhom mad-drittijiet fundamentali u mal-leġiżlazzjoni applikabbli, inkluż l-iżgurar li d-dokumentazzjoni tas-software u l-algoritmi jkunu disponibbli u aċċessibbli għall-awtoritajiet kompetenti u superviżorji għal rieżami; jitlob, b'mod partikolari, li jkun hemm regoli vinkolanti li jirrikjedu żvelar pubbliku dwar sħubijiet, kuntratti u akkwisti pubbliċi-privati u l-iskop li għalih jiġu akkwistati; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-awtoritajiet jiġu pprovduti bil-finanzjament meħtieġ, kif ukoll li jgħammruhom bl-għarfien espert meħtieġ biex jiggarantixxu konformità sħiħa mar-rekwiżiti etiċi, legali u tekniċi marbuta mal-implimentazzjoni tal-IA;

19.  Jitlob li jkun hemm traċċabbiltà tas-sistemi tal-IA u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet li tispjega l-funzjonijiet tagħhom, tiddefinixxi l-kapaċitajiet u l-limitazzjonijiet tas-sistemi, u li żżomm rekord ta' minn fejn ikunu oriġinaw l-attributi definittivi għal deċiżjoni, permezz ta' dokumentazzjoni obbligatorja; jissottolinja l-importanza li tinżamm dokumentazzjoni sħiħa tad-data dwar it-taħriġ, il-kuntest, l-għan, il-preċiżjoni u l-effetti sekondarji tagħha, kif ukoll l-ipproċessar tagħha minn dawk li jibnu u jiżviluppaw l-algoritmi u l-konformità tagħha mad-drittijiet fundamentali; jenfasizza li dejjem irid ikun possibbli li l-komputazzjonijiet ta' sistema tal-IA jiġu ridotti għal forma li tinftiehem mill-bniedem;

20.  Jitlob li, qabel ma tiġi implimentata jew varata kwalunkwe sistema tal-IA għall-infurzar tal-liġi jew għall-ġudikatura, issir valutazzjoni obbligatorja tal-impatt fuq id-drittijiet fundamentali ħalli jiġi vvalutat kwalunkwe riskju potenzjali għad-drittijiet fundamentali; ifakkar li l-valutazzjoni minn qabel tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data hija obbligatorja għal kwalunkwe tip ta' proċessar, b'mod partikolari, bl-użu ta' teknoloġiji ġodda, li x'aktarx tirriżulta f'riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet ta' persuni fiżiċi u huwa tal-fehma li dan huwa l-każ għall-biċċa l-kbira tat-teknoloġiji tal-IA fil-qasam tal-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura; jissottolinja l-għarfien espert tal-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data u tal-aġenziji tad-drittijiet fundamentali fil-valutazzjoni ta' dawn is-sistemi; jisħaq li dawn il-valutazzjonijiet tal-impatt tad-drittijiet fundamentali għandhom jitwettqu b'mod kemm jista' jkun miftuħ u bl-involviment attiv tas-soċjetà ċivili; jitlob li l-valutazzjonijiet tal-impatt jiddefinixxu wkoll b'mod ċar is-salvagwardji meħtieġa biex jiġu indirizzati r-riskji identifikati u li dawn isiru, kemm jista' jkun possibbli, disponibbli għall-pubbliku qabel l-implimentazzjoni ta' kwalunkwe sistema tal-IA;

21.  Jisħaq li governanza Ewropea robusta tal-IA b'evalwazzjoni indipendenti biss tista' tippermetti l-operazzjonalizzazzjoni meħtieġa tal-prinċipji tad-drittijiet fundamentali; jitlob li jsir awditjar perjodiku obbligatorju tas-sistemi kollha tal-IA li jintużaw mill-infurzar tal-liġi u mill-ġudikatura, fejn hemm il-potenzjal li dawn jaffettwaw b'mod sinifikanti l-ħajja ta' individwi, minn awtorità indipendenti, biex jiġu ttestjati u evalwati sistemi algoritmiċi, fil-kuntest, l-iskop, il-preċiżjoni, il-prestazzjoni u l-iskala tagħhom u, ladarba jkunu qed joperaw, sabiex jiġu identifikati, investigati, dijanjostikati u rettifikati kwalunkwe effett mhux mixtieq u kwalunkwe effett negattiv u jiġi żgurat li s-sistemi tal-IA qed jaħdmu kif maħsub; jitlob għalhekk li jkun hemm qafas istituzzjonali ċar għal dan il-għan, inkluża sorveljanza regolatorja u superviżorja xierqa, biex tiġi żgurata implimentazzjoni sħiħa u biex jiġi garantit dibattitu demokratiku infurmat bis-sħiħ dwar in-neċessità u l-proporzjonalità tal-IA fil-qasam tal-ġustizzja kriminali; jissottolinja li r-riżultati ta' dan l-awditjar għandhom isiru disponibbli fir-reġistri pubbliċi sabiex iċ-ċittadini jkunu jafu s-sistemi tal-IA li qed jiġu implimentati u liema miżuri qed jittieħdu biex jiġi rimedjat kwalunkwe ksur tad-drittijiet fundamentali;

22.  Jisħaq li s-settijiet tad-data u s-sistemi algoritmiċi li jintużaw meta jsiru l-klassifikazzjonijiet, il-valutazzjonijiet u l-previżjonijiet fl-istadji differenti tal-ipproċessar tad-data fl-iżvilupp tal-IA u teknoloġiji relatati jistgħu jirriżultaw ukoll fi trattament differenzjali u diskriminazzjoni diretta kif ukoll indiretta ta' gruppi ta' persuni, speċjalment peress li data użata biex jiġu mgħallma algoritmi ta' policing predittiv tirrifletti prijoritajiet ta' sorveljanza għaddejja bħalissa u konsegwentement tista' tirriżulta fir-riproduzzjoni u l-amplifikazzjoni ta' preġudizzji attwali; jenfasizza għalhekk li t-tekonoloġiji tal-IA, speċjalment meta jiġu implimentati għall-użu tal-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura, jirrikjedu riċerka u kontribut interdixxiplinarji, inkluż mill-oqsma ta' studji xjentifiċi u teknoloġiċi, studji kritiċi ta' razez, studji dwar id-diżabbiltà, u dixxiplini oħra adattati għall-kuntest soċjali, filwaqt li jinkludu l-mod ta' kif inhi mibnija d-differenza, ix-xogħol ta' klassifikazzjoni, u l-konsegwenzi tagħha; jisħaq għalhekk fuq il-ħtieġa għal investiment b'mod sistematiku fl-integrazzjoni ta' dawn id-dixxiplini fl-istudju u fir-riċerka tal-IA fil-livelli kollha; jisħaq ukoll fuq l-importanza li t-timijiet li jfasslu, jiżviluppaw, jittestjaw, iżommu, jimplimentaw u jakkwistaw dawn is-sistemi tal-IA għall-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura, jirriflettu fejn possibbli d-diversità tas-soċjetà b'mod ġenerali bħala mezz mhux tekniku biex jitnaqqsu r-riskji ta' diskriminazzjoni;

23.  Jenfasizza wkoll li l-obbligu ta' rendikont u r-responsabbiltà xierqa jirrikjedu taħriġ speċjalizzat sinifikanti fir-rigward tad-dispożizzjonijiet etiċi, il-perikli potenzjali, il-limitazzjonijiet, u l-użu xieraq tat-teknoloġija tal-IA, speċjalment għall-persunal tal-pulizija u tal-ġudikatura; jenfasizza li taħriġ professjonali u kwalifiki xierqa għandhom jiżguraw li dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet ikunu mħarrġa dwar il-potenzjal għal preġudizzju, peress li s-settijiet ta' data jistgħu jkunu bbażati fuq data diskriminatorja u preġudikata; jappoġġja t-twaqqif ta' inizjattivi ta' sensibilizzazzjoni u edukattivi biex jiġi żgurat li individwi li jaħdmu fl-infurzar tal-liġi jew il-ġudikatura jkunu konxji u jifhmu l-limitazzjonijiet, il-kapaċitajiet u r-riskji li jinvolvi l-użu tas-sistemi tal-IA, inkluż ir-riskju ta' preġudizzju ta' awtomatizzazzjoni; ifakkar li l-inklużjoni ta' settijiet ta' data ta' taħriġ dwar l-IA ta' każijiet ta' razziżmu mill-forzi tal-pulizija fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom inevitabbilment se twassal għal preġudizzju razzista f'sejbiet, punteġġi u rakkomandazzjonijiet iġġenerati mill-IA; itenni għalhekk it-talba tiegħu lill-Istati Membri biex jippromovu politiki kontra d-diskriminazzjoni u biex jiżviluppaw pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali kontra r-razziżmu fil-qasam tal-policing u tas-sistema tal-ġustizzja;

24.  Jinnota li l-policing predittiv huwa fost l-applikazzjonijiet tal-IA użati fil-qasam tal-infurzar tal-liġi, iżda jwissi li filwaqt li policing predittiv jista' janalizza s-settijiet ta' data mogħtija għall-identifikazzjoni ta' mudelli u korrelazzjonijiet, ma jistax iwieġeb għall-mistoqsija tal-kawżalità u ma jistax jagħmel predizzjonijiet affidabbli dwar l-imġiba individwali, u għalhekk ma jistax jikkostitwixxi l-unika bażi għal intervent; jirrimarka li diversi bliet fl-Istati Uniti temmew l-użu tagħhom ta' sistemi ta' policing predittiv wara li saru awditi; ifakkar li matul il-missjoni tal-Kumitat LIBE fl-Istati Uniti fi Frar 2020, il-Membri ġew infurmati mid-dipartimenti tal-pulizija tal-Belt ta' New York u Cambridge, Massachusetts, li gradwalment huma kienu eliminaw il-programmi ta' policing predittiv tagħhom minħabba nuqqas ta' effettività, l-impatt diskriminatorju u l-falliment fil-prattika, u minflok bdew jużaw is-sorveljanza tal-komunità; jinnota li dan wassal għal tnaqqis fir-rati ta' kriminalità; jopponi, għalhekk, l-użu tal-IA mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi biex isiru previżjonijiet komportamentali fuq individwi jew gruppi abbażi ta' data storika u mġiba fil-passat, sħubija fi grupp, post, jew kwalunkwe karatteristika oħra bħal din, u b'hekk jipprova jidentifika persuni li x'aktarx iwettqu reat;

25.  Jinnota t-tipi differenti ta' użu tar-rikonoxximent tal-wiċċ, bħal, iżda mhux limitat għal, verifika/awtentikazzjoni (jiġifieri tqabbil ta' wiċċ dirett ma' ritratt f'dokument tal-identità, eż. fruntiera intelliġenti), identifikazzjoni (jiġifieri tqabbil ta' ritratt ma' sett ta' bażi tad-data ta' ritratti) u detezzjoni (jiġifieri l-identifikazzjoni ta' uċuħ f'ħin reali minn sorsi bħal filmati tas-CCTV, u t-tqabbil tagħhom ma' bażijiet tad-data, eż. sorveljanza f'ħin reali), li kull wieħed minnhom għandu implikazzjonijiet differenti għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali; jemmen bis-sħiħ li l-implimentazzjoni ta' sistemi ta' rikonoxximent tal-wiċċ mill-infurzar tal-liġi għandu jkun limitat għal skopijiet iġġustifikati b'mod ċar b'rispett sħiħ tal-prinċipji tal-proporzjonalità u n-neċessità u l-liġi applikabbli; jafferma mill-ġdid li bħala minimu, l-użu tat-teknoloġija ta' rikonoxximent tal-wiċċ irid ikun konformi mar-rekwiżiti ta' minimizzazzjoni tad-data, il-preċiżjoni tad-data, il-limitazzjoni tal-ħażna, is-sigurtà tad-data u r-responsabbiltà, kif ukoll għandu jkun legali, ġust u trasparenti, u jsegwi skop speċifiku, espliċitu u leġittimu li huwa ddefinit b'mod ċar fil-liġi tal-Istati Membri jew fil-liġi tal-Unjoni; huwa tal-opinjoni li s-sistemi ta' verifika u awtentikazzjoni jistgħu jkomplu jiġu implimentati u jintużaw b'suċċess biss jekk l-effetti avversi tagħhom jistgħu jittaffew u jiġu ssodisfati l-kriterji ta' hawn fuq;

26.  Jitlob, barra minn hekk, il-projbizzjoni permanenti tal-użu ta' analiżi awtomatizzata u/jew rikonoxximent fi spazji aċċessibbli għall-pubbliku ta' karatteristiċi umani oħra, bħall-mod kif wieħed jimxi, il-marki tas-swaba', id-DNA, il-vuċi, u sinjali bijometriċi u komportamentali oħra;

27.  Jitlob, madankollu, għal moratorju fuq l-implimentazzjoni ta' sistemi ta' rikonoxximent tal-wiċċ għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi li għandhom il-funzjoni tal-identifikazzjoni, sakemm jintużaw biss għall-finijiet tal-identifikazzjoni ta' vittmi ta' kriminalità, sa meta l-istandards tekniċi jkunu jistgħu jitqiesu li huma konformi bis-sħiħ mad-drittijiet fundamentali, ir-riżultati miksuba ma jkunux preġudikati u diskriminatorji, il-qafas legali jipprovdi salvagwardji stretti kontra l-użu ħażin u kontroll demokratiku u sorveljanza stretti, u jkun hemm evidenza empirika fuq in-neċessità u l-proporzjonalità għall-implimentazzjoni ta' dawn it-teknoloġiji; jinnota li fejn il-kriterji ta' hawn fuq ma jiġux issodisfati, is-sistemi m'għandhomx jintużaw jew jiġu implimentati;

28.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-użu ta' bażijiet tad-data privati ta' rikonoxximent tal-wiċċ minn atturi tal-infurzar tal-liġi u servizzi tal-intelligence, bħal Clearview AI, bażi tad-data ta' aktar minn tliet biljun stampa li nġabru illegalment minn fuq in-networks soċjali u partijiet oħra tal-internet, inkluż minn ċittadini tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jobbligaw l-atturi tal-infurzar tal-liġi biex jiżvelaw jekk humiex qed jużaw it-teknoloġija Clearview AI, jew teknoloġiji ekwivalenti minn fornituri oħrajn; ifakkar fl-opinjoni tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPB) li l-użu ta' servizz bħal Clearview AI mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-Unjoni Ewropea "x'aktarx ma jkunx konsistenti mar-reġim ta' protezzjoni tad-data tal-UE"; jitlob li jiġi pprojbit l-użu ta' bażijiet tad-data privati ta' rikonoxximent tal-wiċċ fl-infurzar tal-liġi;

29.  Jieħu nota tal-istudju ta' fattibbiltà tal-Kummissjoni dwar bidliet possibbli fid-Deċiżjoni ta' Prüm(8), inkluż rigward l-istampi tal-wiċċ; jieħu nota ta' riċerka preċedenti li m'hemmx identifikaturi potenzjali ġodda, pereżempju rikonoxximent tal-iris jew tal-wiċċ, ikunu daqshekk affidabbli f'kuntest forensiku bħad-DNA jew il-marki tas-swaba'; ifakkar lill-Kummissjoni li kwalunkwe proposta leġiżlattiva għandha tkun ibbażata fuq l-evidenza u tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ma testendix il-qafas tad-Deċiżjoni ta' Prüm sakemm ikun hemm evidenza xjentifika soda tal-affidabbiltà tar-rikonoxximent tal-wiċċ f'kuntest forensiku meta mqabbel mad-DNA jew il-marki tas-swaba', wara li tkun wettqet valutazzjoni sħiħa tal-impatt, u filwaqt li jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS) u l-EDPB;

30.  Jisħaq li l-użu ta' data bijometrika huwa relatat b'mod aktar wiesa' mal-prinċipju tad-dritt għad-dinjità tal-bniedem li jifforma l-bażi tad-drittijiet fundamentali kollha ggarantiti mill-Karta; iqis li l-użu u l-ġbir ta' kwalunkwe data bijometrika għal skopijiet ta' identifikazzjoni remota, pereżempju billi jitwettaq rikonoxximent tal-wiċċ f'postijiet pubbliċi, kif ukoll fi dħul ta' kontroll awtomatiku fil-fruntieri li jintuża għall-verifiki fil-fruntieri fl-ajruporti, jistgħu joħolqu riskji speċifiċi għad-drittijiet fundamentali, li l-implikazzjonijiet tagħhom jistgħu jvarjaw b'mod konsiderevoli skont ir-raġuni, il-kuntest u l-iskop tal-użu; jenfasizza wkoll il-validità xjentifika kkontestata tat-teknoloġija tar-rikonoxximent emozzjonali, bħal kameras li jidentifikaw il-movimenti tal-għajnejn u l-bidliet fid-daqs tal-ħabba tal-għajn, f'kuntest tal-infurzar tal-liġi; huwa tal-fehma li l-użu ta' identifikazzjoni bijometrika fil-kuntest tal-infurzar tal-liġi u tal-ġudikatura għandu dejjem jitqies bħala "riskju għoli" u għalhekk għandu jkun soġġett għal rekwiżiti addizzjonali, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli tal-Kummissjoni dwar l-IA;

31.  Jesprimi tħassib kbir dwar il-proġetti ta' riċerka ffinanzjati taħt Orizzont 2020 li jimplimentaw l-intelliġenza artifiċjali fuq fruntieri esterni, bħall-proġett iBorderCtrl, "sistema intelliġenti li tidentifika l-gideb" li tfassal profili ta' vjaġġaturi abbażi ta' intervista awtomatizzata bil-kompjuter meħuda mill-webcam tal-vjaġġatur qabel il-vjaġġ, u analiżi bbażata fuq l-intelliġenza artifiċjali ta' 38 sinjal mikro, ittestjati fl-Ungerija, il-Latvja u l-Greċja; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, timplimenta, permezz ta' mezzi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi, u jekk ikun meħtieġ permezz ta' proċedimenti ta' ksur, projbizzjoni fuq kwalunkwe pproċessar ta' data bijometrika inklużi stampi tal-wiċċ, għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi li twassal għal sorveljanza tal-massa fi spazji aċċessibbli għall-pubbliku; jistieden ukoll lill-Kummissjoni twaqqaf il-finanzjament tar-riċerka bijometrika jew tal-implimentazzjoni ta' programmi li jistgħu jirriżultaw fis-sorveljanza indiskriminata tal-massa fi spazji pubbliċi; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li għandha tingħata attenzjoni speċjali, u għandu jiġi applikat qafas strett, għall-użu tad-droni fl-operazzjonijiet tal-pulizija;

32.  Jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli tal-Kummissjoni dwar l-IA favur il-projbizzjoni tal-punteġġ tal-individwi abilitat bl-IA fuq skala enormi; iqis li kwalunkwe forma ta' punteġġ taċ-ċittadini normattiv fuq skala enormi mill-awtoritajiet pubbliċi, b'mod partikolari fil-qasam tal-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura, iwassal għat-telf tal-awtonomija, jipperikola l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni u ma jistax jitqies konformi mad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari d-dinjità tal-bniedem, kif kodifikat fil-liġi tal-UE;

33.  Jitlob li jkun hemm aktar trasparenza ġenerali sabiex ikun hemm fehim komprensiv rigward l-użu tal-applikazzjonijiet tal-IA fl-Unjoni; jitlob lill-Istati Membri jipprovdu informazzjoni komprensiva dwar l-għodod użati mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji tagħhom, it-tipi ta' għodda li jintużaw, l-iskopijiet li għalihom jintużaw, it-tipi ta' reati għal liema jiġu applikati, u l-ismijiet tal-kumpaniji jew l-organizzazzjonijiet li żviluppaw dawk l-għodod; jistieden lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji biex jinfurmaw lill-pubbliku u jipprovdu trasparenza suffiċjenti dwar l-użu tagħhom tal-IA u teknoloġiji relatati meta jimplimentaw is-setgħat tagħhom, inkluż l-iżvelar ta' rati pożittivi foloz u negattivi foloz tat-teknoloġija inkwistjoni; jitlob li l-Kummissjoni tiġbor u taġġorna l-informazzjoni f'post wieħed; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika u taġġorna wkoll informazzjoni dwar l-użu tal-IA mill-aġenziji tal-Unjoni inkarigati b'kompiti ta' infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji; jistieden lill-EDPB jivvaluta l-legalità ta' dawn it-teknoloġiji u l-applikazzjonijiet tal-IA li qed jintużaw mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u mill-ġudikatura;

34.  Ifakkar li l-applikazzjonijiet tal-IA, inklużi dawk li jintużaw fil-kuntest tal-infurzar tal-liġi u tal-ġudikatura, qed jiġu żviluppati globalment b'pass mgħaġġel; iħeġġeġ lill-partijiet interessati Ewropej kollha, inklużi l-Istati Membri u l-Kummissjoni, jiżguraw, permezz tal-kooperazzjoni internazzjonali, l-involviment tas-sħab barra mill-UE sabiex jgħollu l-istandards fil-livell internazzjonali u jsibu qafas legali u etiku komuni u komplementari għall-użu tal-IA, b'mod partikolari għall-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura, li jirrispetta bis-sħiħ il-Karta, l-acquis Ewropew dwar il-protezzjoni tad-data u d-drittijiet tal-bniedem b'mod aktar wiesa';

35.  Jitlob lill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, f'kollaborazzjoni mal-EDPB u l-EDPS, tabbozza linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki komprensivi sabiex tispeċifika aktar il-kriterji u l-kundizzjonijiet għall-iżvilupp, l-użu u l-implimentazzjoni tal-applikazzjonijiet u s-soluzzjonijiet tal-IA għall-użu mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji; jimpenja ruħu li jwettaq studju dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi(9) sabiex jidentifika kif il-protezzjoni tad-data personali ġiet żgurata f'attivitajiet ta' pproċessar mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji, b'mod partikolari meta jkunu qed jiżviluppaw jew jużaw teknoloġiji ġodda; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tikkunsidra jekk hijiex meħtieġa azzjoni leġiżlattiva speċifika dwar l-ispeċifikazzjoni ulterjuri tal-kriterji u l-kundizzjonijiet għall-iżvilupp, l-użu u l-implimentazzjoni tal-applikazzjonijiet u s-soluzzjonijiet tal-IA mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji;

36.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.
(2) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89.
(3) ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.
(4) ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.
(5) ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53.
(6) ĠU C 362, 8.9.2021, p. 63.
(7) ĠU C 263, 25.7.2018, p. 82.
(8) Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali. (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1).
(9) Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).


L-impatt tal-vjolenza domestika u tad-drittijiet ta' kustodja fuq in-nisa u t-tfal
PDF 254kWORD 81k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2021 dwar l-impatt tal-vjolenza domestika u tad-drittijiet ta' kustodja fuq in-nisa u t-tfal (2019/2166(INI))
P9_TA(2021)0406A9-0254/2021

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u l-Artikoli 6, 8 u 67 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità (id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi)(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 21, 23, 24 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (Konvenzjoni ta' Istanbul), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Awwissu 2014,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989,

–  wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Nru 13 tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tat-Tfal tat-18 ta' April 2011 dwar id-dritt tat-tfal li ma jkunu soġġetti għall-ebda forma ta' vjolenza,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' The Hague tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' The Hague tad-29 ta' Mejju 1993 dwar il-Protezzjoni tal-Ulied u l-Kooperazzjoni f'Adozzjonijiet bejn Pajjiż u ieħor,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/800 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali(2),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa adottata fit-18 ta' Diċembru 1979, u r-Rakkomandazzjoni Ġenerali Nru 35 dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa, li taġġorna r-Rakkomandazzjoni Ġenerali Nru 19 tal-Kumitat għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa dwar il-vjolenza kontra n-nisa,

–  wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u, b'mod partikolari, il-Prinċipju 2 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2016, u b'mod partikolari l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli 5 dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u 16.2 dwar it-tmiem tal-abbuż, l-isfruttament, it-traffikar u kull forma ta' vjolenza kontra u t-tortura tat-tfal,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-4 ta' Marzu 2016 għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (COM(2016)0109),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2020 bit-titolu "Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija ta' Ugwaljanza bejn is-Sessi għall-2020-2025" (COM(2020)0152), b'mod partikolari l-ewwel mira tagħha biex in-nisa u l-bniet jinħelsu mill-vjolenza u l-istereotipi,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Novembru 2020 bit-titolu "Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025" (COM(2020)0698),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Ġunju 2020 bit-titolu "Strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi (2020-2025)" (COM(2020)0258),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tas-6 ta' Marzu 2019 bit-titolu "2019 report on equality between women and men in the EU" (Rapport tal-2019 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-UE) (SWD(2019)0101),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, mill-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul u l-miżuri l-oħra biex tiġi miġġielda l-vjolenza abbażi tal-ġeneru(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar il-ħtieġa ta' konfigurazzjoni speċifika tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2021 dwar il-perspettiva tal-ġeneru fil-kriżi tal-COVID-19 u fil-perjodu ta' wara l-kriżi(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri(7),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/99/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar l-ordni Ewropea ta' protezzjoni(8),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 606/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' miżuri ta' protezzjoni f'materji ċivili(9),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri (ir-Regolament Brussell IIa)(10),

–  wara li kkunsidra l-Indiċi dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-2020 tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE),

–  wara li kkunsidra l-Istudju tal-EIGE tat-12 ta' Ġunju 2019 bit-titolu "Understanding intimate partner violence in the EU: the role of data" (Il-fehim tal-vjolenza minn sieħeb intimu fl-UE: ir-rwol tad-data),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-EIGE tat-18 ta' Novembru 2019 bit-titolu "A guide to risk assessment and risk management of intimate partner violence against women for police" (Gwida għall-valutazzjoni tar-riskju u l-ġestjoni tar-riskju tal-vjolenza minn sieħeb intimu kontra n-nisa għall-pulizija),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) tat-3 ta' Marzu 2014 bit-titolu "Violence against women: an EU-wide survery" (Vjolenza kontra n-nisa: stħarriġ madwar l-UE kollha),

–  wara li kkunsidra l-Pjattaforma ta' Mekkaniżmi ta' Esperti Indipendenti dwar id-Diskriminazzjoni u l-Vjolenza kontra n-Nisa (Pjattaforma EDVAW), u d-dikjarazzjoni tagħha tal-31 ta' Mejju 2019 bit-titolu "Intimate partner violence against women is an essential factor in the determination of child custody" (Il-vjolenza minn sieħeb intimu kontra n-nisa hija fattur essenzjali fid-determinazzjoni tal-kustodja tat-tfal),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-24 ta' Marzu 2020 mill-President tal-Grupp ta' Esperti dwar l-Azzjoni kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika tal-Kunsill tal-Ewropa, Marceline Naudi, bit-titolu "For many women and children, the home is not a safe place" (Għal ħafna nisa u tfal, id-dar mhix post sikur) dwar il-ħtieġa li jiġu rrispettati l-istandards tal-Konvenzjoni ta' Istanbul fi żminijiet ta' pandemija,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tagħha,

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali kif ukoll tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi skont l-Artikolu 58 tar-Regoli ta' Proċedura,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali kif ukoll tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A9-0254/2021),

A.  billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija valur fundamentali u objettiv ewlieni tal-UE, u għandha tiġi riflessa fil-politiki kollha tal-UE; billi d-dritt għal trattament indaqs u għan-nondiskriminazzjoni huwa dritt fundamentali minqux fit-Trattati(11) u fil-Karta (12) u għandu jiġi rispettat bis-sħiħ; billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru fil-forom kollha tagħha tikkostitwixxi forma estrema ta' diskriminazzjoni kontra n-nisa u ksur tad-drittijiet tal-bniedem li għandu l-oriġini tiegħu fl-inugwaljanza bejn il-ġeneri, li jikkontribwixxi biex din tissokta u tissaħħaħ; billi dan it-tip ta' vjolenza joriġina minn stereotipi marbuta mal-ġeneru dwar ir-rwoli u l-kapaċitajiet tan-nisa u tal-irġiel u minn relazzjonijiet tal-poter mhux ugwali fis-soċjetajiet, u jżommhom; billi għadha mifruxa u taffettwa lin-nisa fil-livelli kollha tas-soċjetà, irrispettivament mill-età, l-edukazzjoni, l-introjtu, il-pożizzjoni soċjali jew il-pajjiż ta' oriġini jew residenza, u billi hija wieħed mill-aktar ostakli serji biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; billi n-nisa u t-tfal madwar l-UE ma jibbenefikawx mill-istess protezzjoni mill-vjolenza abbażi tal-ġeneru minħabba d-differenzi bejn il-politiki u l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri;

B.  billi, minkejja għadd kbir ta' każijiet ta' rikonoxximent formali u progress dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, in-nisa għadhom diskriminati u żvantaġġati, u l-inugwaljanzi soċjali, ekonomiċi u kulturali jippersistu; billi skont l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri tal-EIGE 2020, s'issa l-ebda Stat Membru tal-UE għadu ma kiseb l-ugwaljanza totali bejn in-nisa u l-irġiel; billi l-progress tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għadu miexi bil-mod, bil-punteġġ tal-indiċi jittejjeb b'medja ta' punt kull sentejn; billi b'din ir-rata, l-UE se tieħu aktar kważi 70 sena biex tikseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; billi dan il-Parlament diġà talab li titwaqqaf konfigurazzjoni ġdida tal-Kunsill tal-ministri u s-segretarji tal-Istat responsabbli għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

C.  billi forom differenti ta' oppressjoni ma jeżistux separatament iżda jikkoinċidu u jaffettwaw lill-individwi simultanjament, u dan iwassal għal forom intersezzjonali ta' diskriminazzjoni; billi d-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru spiss tikkoinċidi mad-diskriminazzjoni abbażi ta' raġunijiet oħra, bħar-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età u l-orjentazzjoni sesswali;

D.  billi dan id-deċennju qed jesperjenza attakk viżibbli u organizzat fil-livell globali u tal-UE kontra l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa, inkluż fl-UE;

E.  billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija kundizzjoni essenzjali għal ekonomija tal-UE innovattiva, kompetittiva u prospera, li twassal għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda u għal żieda fil-produttività, speċjalment fil-kuntest tad-diġitalizzazzjoni u tat-tranżizzjoni lejn ekonomija ħadra;

F.  billi l-vjolenza minn sieħeb intimu tirreferi għal kwalunkwe att ta' vjolenza fiżika, sesswali, psikoloġika jew ekonomika li sseħħ bejn konjuġi jew sħab preċedenti jew attwali, kemm jekk l-awtur jikkondividi jew ikun qasam residenza mal-vittma jew le; billi l-vjolenza minn sieħeb intimu hija waħda mill-aktar forom prevalenti ta' vjolenza sessista, b'madwar 22 % tan-nisa li esperjenzaw vjolenza fiżika u/jew sesswali, u 43 % esperjenzaw vjolenza psikoloġika mis-sieħeb tagħhom(13); billi n-nisa u t-tfal huma affettwati b'mod sproporzjonat minn dan it-tip ta' vjolenza; billi vjolenza domestika tirreferi għal "l-atti kollha ta' vjolenza fiżika, sesswali, psikoloġika jew ekonomika li jseħħu fi ħdan il-familja jew unità domestika jew bejn konjuġi jew sħab preċedenti jew attwali, kemm jekk l-awtur tar-reat jaqsam jew kien jaqsam l-istess residenza mal-vittma"(14); billi l-vjolenza domestika hija problema soċjali serja u ħafna drabi fit-tul u moħbija li toħloq trawma fiżika u/jew psikoloġika sistematika b'konsegwenzi serji għall-vittmi u b'impatt qawwi fuq il-benesseri emozzjonali, ekonomiku u soċjali tal-familja kollha, peress li l-awtur tar-reat huwa persuna li l-vittma għandha tkun tista' tafda; billi bejn 70 % u 85 % tat-tfal li huma vittmi ta' vjolenza jafu lill-persuna li tabbużahom u billi l-maġġoranza l-kbira ta' dawn it-tfal huma vittmi ta' persuni li jafdaw(15); billi l-vittmi spiss ikunu soġġetti għal kontroll koerċittiv minn min jabbuża, ikkaratterizzat minn intimidazzjoni, kontroll, iżolament u abbuż;

G.  billi r-rati ta' vjolenza minn sieħeb intimu f'komunitajiet rurali u remoti huma saħansitra akbar minn dawk f'żoni urbani; billi n-nisa f'żoni rurali u remoti jesperjenzaw rati ogħla ta' vjolenza minn sieħeb intimu u frekwenza u severità akbar ta' abbuż fiżiku, psikoloġiku u ekonomiku li huwa intensifikat mill-fatt li jgħixu aktar' il bogħod mnn riżorsi u servizzi disponibbli fejn ikunu jistgħu jsibu għajnuna; billi n-nuqqas ta' fehim tal-vjolenza domestika mis-servizzi tas-saħħa, soċjali u ġuridiċi f'reġjuni rurali u remoti jista' jiġi identifikat bħala problema sinifikanti għas-superstiti tal-vjolenza minn sieħeb intimu;

H.  billi fil-livell tal-UE, il-maġġoranza tal-unitajiet domestiċi b'ġenitur wieħed huma mmexxija minn ommijiet waħedhom li huma partikolarment ekonomikament vulnerabbli, speċjalment dawk fil-kategoriji b'paga baxxa, u aktar probabbli li jħallu s-suq tax-xogħol kmieni meta jsiru ġenituri, u b'hekk ipoġġuhom fi żvantaġġ meta jippruvaw jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol; billi fl-UE, 40.3 % tal-unitajiet domestiċi b'ġenitur wieħed kienu f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali fl-2019(16);

I.  billi 30 % tan-nisa li ġew vittimizzati sesswalment minn sieħeb preċedenti jew attwali esperjenzaw ukoll vjolenza sesswali fit-tfulija, u billi 73 % tal-ommijiet li sfaw vittmi ta' vjolenza fiżika u/jew sesswali minn sieħeb jindikaw li mill-inqas wieħed mit-tfal tagħhom sar konxju li tali vjolenza qed isseħħ(17);

J.  billi f'ħafna Stati Membri, il-miżuri ta' lockdown u ta' tbegħid soċjali matul il-pandemija tal-COVID-19 ġew assoċjati ma' żieda esponenzjali fil-prevalenza u fl-intensità ta' każijiet ta' vjolenza minn sieħeb intimu, vjolenza psikoloġika u kontroll koerċittiv u vjolenza ċibernetika, u b'żieda ta' 60 % fit-telefonati ta' emerġenza rrapportati mill-vittmi ta' vjolenza domestika(18); billi r-rekwiżit li jibqgħu d-dar u ż-żieda allarmanti fil-"pandemija parallela" għamluha diffiċli għan-nisa u t-tfal biex jaċċessaw protezzjoni effettiva, servizzi ta' appoġġ u ġustizzja u żvelaw li r-riżorsi u l-istrutturi ta' appoġġ ma kinux biżżejjed u li l-vittmi kellhom aċċess limitat għas-servizzi ta' appoġġ , li jħalli lil ħafna minnhom mingħajr protezzjoni adegwata u f'waqtha; billi l-aħjar prattiki f'miżuri speċifiċi biex tiġi pprovduta assistenza f'waqtha u aċċessibbli lill-vittmi, inkluż l-istabbiliment ta' sistemi ta' messaġġi ta' emerġenza jew il-ħolqien ta' punti ta' kuntatt biex ifittxu għajnuna fl-ispiżeriji u s-supermarkets għandhom jinqasmu bejn l-Istati Membri; billi minkejja l-prevalenza tal-fenomenu, il-vjolenza minn sieħeb intimu kontra n-nisa għadha mhijiex irrapportata biżżejjed fl-UE mill-vittmi, mill-familji tagħhom, mill-ħbieb, mill-konoxxenti u mill-ġirien, għal diversi raġunijiet, speċjalment matul il-pandemija tal-COVID-19, u billi hemm nuqqas sinifikanti ta' data komprensiva, komparabbli u diżaggregata skont il-ġeneru, li tagħmilha diffiċli li jiġi vvalutat bis-sħiħ l-impatt tal-kriżi; billi l-istħarriġ mill-FRA dwar il-vjolenza kontra n-nisa jindika li l-vittmi jirrapportaw l-aktar inċidenti serji tagħhom ta' vjolenza minn sieħeb lill-pulizija f'14 % biss tal-każijiet, u li żewġ terzi tal-vittmi nisa sistematikament ma jirrapportawx lill-awtoritajiet, jew minħabba biża' jew nuqqas ta' informazzjoni dwar id-drittijiet tal-vittmi, jew minħabba twemmin ġenerali li l-vjolenza minn sieħeb intimu hija kwistjoni privata, li ma għandhiex tiġi publiċizzata(19);

K.  billi l-vjolenza domestika u abbażi tal-ġeneru żdiedet b'riżultat tal-miżuri ta' lockdown stabbiliti matul il-pandemija tal-COVID-19 u, skont l-aħħar Rapport tal-Europol(20), l-abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet fl-UE żdied b'mod drammatiku;

L.  billi matul il-lockdowns, ġiet irrapportata żieda sinifikanti fil-vjolenza domestika kontra persuni LGBTI+, speċjalment żgħażagħ;

M.  billi l-vjolenza ekonomika kontra n-nisa, fil-forma ta' ħsara lill-proprjetà, restrizzjoni tal-aċċess għar-riżorsi finanzjarji, l-edukazzjoni jew is-suq tax-xogħol, jew nuqqas ta' konformità mar-responsabbiltajiet ekonomiċi bħall-ħlas tal-pensjoni tal-manteniment, jistħoqqilha l-attenzjoni dovuta, peress li t-tfixkil tal-indipendenza finanzjarja u l-ġid tal-familja jmur id f'id mal-forom l-oħra ta' vjolenza, u jwassal għal nassa addizzjonali għall-vittmi; billi l-vittmi li mhumiex finanzjarjament indipendenti spiss jiġu mġiegħla jkomplu jgħixu mat-trasgressuri tagħhom biex jevitaw insigurtà finanzjarja, kundizzjoni ta' persuni mingħajr dar jew faqar u billi din it-tendenza kienet aggravata mill-pandemija tal-COVID-19; billi remunerazzjoni ġusta u indipendenza ekonomika huma essenzjali biex in-nisa jkunu jistgħu jitilqu minn relazzjonijiet abbużivi u vjolenti; billi f'xi Stati Membri, l-infurzar ta' deċiżjonijiet tal-qorti relatati ma' kumpens finanzjarju jista' jirrikjedi li l-vittma tibqa' f'kuntatt ma' min jabbużaha, u dan ipoġġiha f'riskju ta' abbuż fiżiku u emozzjonali ulterjuri;

N.  billi t-tfal jistgħu jġarrbu wkoll dik li tissejjaħ "vjolenza mixhuda(21)" fid-dar u l-ambjent tal-familja, billi jesperjenzaw kwalunkwe forma ta' trattament ħażin imwettqa permezz ta' atti ta' vjolenza fiżika, verbali, psikoloġika, sesswali u ekonomika kontra figuri ta' referenza jew figuri oħra sinifikanti b'mod affettiv; billi tali vjolenza għandha konsegwenzi serji ħafna għall-iżvilupp psikoloġiku u emozzjonali tat-tfal, u billi huwa għalhekk essenzjali li tingħata attenzjoni xierqa lil dan it-tip ta' vjolenza f'separazzjonijiet u arranġamenti ta' kustodja tal-ġenituri, filwaqt li jiġi żgurat li l-aħjar interessi tat-tfal ikunu l-kunsiderazzjoni primarja, b'mod partikolari sabiex jiġu determinati d-drittijiet ta' kustodja u ta' aċċess f'każijiet ta' separazzjoni; billi l-vjolenza mixhuda mhux dejjem tkun rikonoxxibbli faċilment u billi n-nisa vittmi ta' vjolenza domestika jgħixu fi stat ta' tensjoni u diffikultà emozzjonali; billi f'każijiet li jinvolvu kemm vjolenza domestika kif ukoll kwistjonijiet ta' protezzjoni tat-tfal, il-qrati għandhom jirreferu għal esperti bl-għarfien u l-għodod biex jiġu evitati deċiżjonijiet kontra l-omm li ma jqisux kif xieraq iċ-ċirkostanzi kollha;

O.  billi l-edukazzjoni għandha rwol fundamentali fil-bini tal-ħiliet tat-tfal u taż-żgħażagħ biex tgħinhom jiffurmaw relazzjonijiet b'saħħithom, b'mod partikolari billi tgħallimhom dwar in-normi tal-ġeneru, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, id-dinamika tal-poter fir-relazzjonijiet, il-kunsens u r-rispett għal-limiti, u tgħin fil-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru; billi skont il-Gwida Teknika Internazzjonali tal-UNESCO dwar l-Edukazzjoni rigward is-Sesswalità, il-programmi bbażati fuq il-kurrikulu dwar l-edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità jippermettu lit-tfal u liż-żgħażagħ jiżviluppaw għarfien, attitudnijiet pożittivi u ħiliet f'dan il-qasam, inkluż ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-kunsens u d-diversità u billi tagħti s-setgħa lit-tfal u liż-żgħażagħ;

P.  billi, sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-eradikazzjoni tal-vjolenza sessista, huwa meħtieġ li wieħed joqgħod fuq data amministrattiva konsistenti u komparabbli, ibbażata fuq qafas robust u koordinat għal ġbir ta' data; billi d-data disponibbli attwali miġbura mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tal-ġustizzja tal-Istati Membri tonqos milli tirrifletti l-firxa sħiħa tal-vjolenza minn sieħeb intimu u l-impatt u l-effetti fit-tul tagħha kemm fuq in-nisa kif ukoll fuq it-tfal, peress li ħafna mill-Istati Membri la jiġbru data komparabbli segregata skont il-ġeneru dwar il-vjolenza u lanqas ma jirrikonoxxu l-vjolenza minn sieħeb intimu bħala reat speċifiku, u b'hekk dan jirriżulta f'żona griża li tirrifletti l-fatt li l-prevalenza u l-inċidenza reali tal-vjolenza minn sieħeb intimu ma tkunx kwantifikata u mmappjata b'mod sinifikanti; billi hemm ukoll nuqqas ta' data dwar ir-riskji u l-prevalenza ogħla ta' vjolenza domestika u minn sieħeb intimu għal gruppi speċifiċi, bħal għal gruppi ta' nisa żvantaġġati jew diskriminati;

Q.  billi f'xi Stati Membri l-vjolenza minn sieħeb intimu kontra n-nisa spiss tiġi injorata u r-regola prestabbilita tal-kustodja konġunta jew l-awtorità tal-ġenituri tidher li tipprevali f'każijiet ta' kustodja tat-tfal, aċċess, kuntatt u arranġamenti u deċiżjonijiet ta' aċċess; billi n-nuqqas ta' kunsiderazzjoni ta' din il-vjolenza jwassal għal konsegwenzi gravi għan-nisa u t-tfal, li jistgħu jeskalaw f'femminiċidju u/jew infantiċidju; billi l-vittmi tal-vjolenza minn sieħeb intimu jeħtieġu miżuri ta' protezzjoni speċjali; billi s-sitwazzjoni tal-vittmi tmur għall-agħar b'mod konsiderevoli jekk ikunu ekonomikament jew soċjalment dipendenti mill-awtur tar-reat; billi għalhekk huwa essenzjali li jitqies bis-sħiħ dan it-tip ta' vjolenza meta tittieħed deċiżjoni dwar arranġamenti ta' separazzjoni u kustodja u li jiġu indirizzati allegazzjonijiet ta' vjolenza qabel kwistjonijiet ta' kustodja u ta' aċċess; billi l-qrati tal-Istati Membri għandhom jiżguraw li titwettaq valutazzjoni komprensiva fl-ambitu tal-prinċipju ta' "l-aħjar interess tat-tfal" biex jiġu ddeterminati d-drittijiet ta' kustodja u aċċess, li tinkludi s-smigħ tat-tfal, l-involviment tas-servizzi rilevanti kollha, l-għoti ta' appoġġ psikoloġiku u l-kunsiderazzjoni tal-kompetenza tal-professjonisti kollha involuti;

R.  billi l-valutazzjonijiet tar-riskju tal-infurzar tal-liġi fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma jinkludux b'mod sistematiku informazzjoni pprovduta mit-tfal dwar l-esperjenzi tagħhom ta' vjolenza minn sieħeb intimu;

S.  billi l-aħjar interessi tal-wild minuri għandhom dejjem ikunu l-kunsiderazzjoni primarja fid-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernaw it-tfal, inklużi t-tilwim tal-familja u billi d-dritt ta' kull wild minuri li jżomm kuntatt maż-żewġ ġenituri, implikat fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u fl-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, għandu għalhekk jiġi ristrett jekk ikun meħtieġ fl-aħjar interessi tal-wild minuri;

T.  billi skont l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Artikoli 4 u 16 tad-Direttiva (UE) 2016/800, it-tfal għandhom id-dritt li jesprimu l-fehmiet tagħhom fil-kwistjonijiet kollha li jaffettwawhom, inkluż fi proċedimenti ġudizzjarji u amministrattivi, b'mod adatt għat-tfal u billi dawn il-fehmiet għandhom dejjem jingħataw kunsiderazzjoni primarja skont l-età u l-maturità tal-wild minuri;

U.  billi tnejn mill-aktar istituzzjonijiet prestiġjużi f'dik li hija saħħa mentali, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u l-Assoċjazzjoni Psikoloġika Amerikana, jirrifjutaw l-użu tal-hekk imsejjaħ sindromu tal-aljenazzjoni tal-ġenituri u kunċetti u termini simili, peress li jistgħu jintużaw bħala strateġija kontra l-vittmi tal-vjolenza billi jitqajmu dubji dwar il-ħiliet tal-ġenituri tal-vittmi, billi tiġi miċħuda l-kelma tagħhom u tiġi injorata l-vjolenza li għaliha huma esposti t-tfal; billi skont ir-rakkomandazzjoni tal-Pjattaforma EDVAW, l-akkużi ta' aljenazzjoni tal-ġenituri minn missirijiet abbużivi kontra l-ommijiet iridu jitqiesu bħala kontinwazzjoni tal-poter u l-kontroll mill-aġenziji u l-atturi tal-istat, inklużi dawk li jiddeċiedu dwar il-kustodja tat-tfal(22);

V.  billi lmenti anonimi u lmenti li aktar tard jiġu rtirati minn vittmi jistgħu jfixklu investigazzjoni ulterjuri mill-awtoritajiet u jkunu ostaklu għall-prevenzjoni ta' aktar vjolenza;

W.  billi l-proċedimenti kriminali li jirriżultaw minn ilment dwar vjolenza domestika spiss jiġu ttrattati b'mod kompletament separat mill-proċedimenti ta' separazzjoni u kustodja; billi dan jista' jfisser li tiġi ordnata kustodja konġunta tat-tfal u/jew jiġu imposti drittijiet ta' żjara li jipperikolaw id-drittijiet u s-sikurezza tal-vittma u tat-tfal; billi dan jista' jkollu konsegwenzi irriversibbli għall-iżvilupp mentali u emozzjonali tat-tfal, u fil-fatt jaffettwa l-aħjar interessi tagħhom; billi għalhekk hemm il-ħtieġa li l-Istati Membri jiżguraw li l-vittmi, skont il-ħtiġijiet tagħhom, ikollhom aċċess għal servizzi kunfidenzjali ta' appoġġ lill-vittmi, mingħajr ħlas, li jaġixxu fl-interessi tal-vittmi qabel, matul u għal żmien xieraq wara l-proċedimenti kriminali, inkluż permezz ta' sistema ta' appoġġ psikosoċjali, b'mod partikolari matul u wara l-proċeduri ta' mistoqsijiet, li tqis it-tensjonijiet emozzjonali assoċjati maċ-ċirkostanzi;

X.  billi skont l-Artikolu 67 TFUE, "l-Unjoni għandha tikkostitwixxi spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja b'rispett għad-drittijiet fundamentali", li fih l-aċċess mhux diskriminatorju għall-ġustizzja għal kulħadd huwa strumentali;

Y.  billi jeħtieġ li jiġi żgurat li s-sikurezza u l-protezzjoni tal-vittmi jingħataw kunsiderazzjoni primarja f'każijiet tal-liġi tal-familja, u billi mekkaniżmi ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, bħall-medjazzjoni, m'għandhomx jintużaw f'każijiet fejn il-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal tkun preżenti, kemm qabel kif ukoll matul il-proċedimenti ġudizzjarji, sabiex tiġi evitata aktar ħsara lill-vittmi;

Z.  billi l-Konvenzjoni ta' Istanbul tirrikjedi li l-Partijiet jadottaw miżuri leġiżlattivi jew miżuri neċessarji oħra biex jiżguraw li inċidenti ta' vjolenza domestika jitqiesu meta jiġu ddeterminati d-drittijiet ta' kustodja u ta' żjara fir-rigward tat-tfal, u li l-eżerċizzju ta' kwalunkwe dritt ta' żjara jew kustodja ma jipperikolax id-drittijiet u s-sikurezza tal-vittma jew tat-tfal tagħhom(23); billi tmien snin mid-dħul tagħha fis-seħħ, il-Konvenzjoni ta' Istanbul għadha ma ġietx ratifikata minn sitt Stati Membri tal-UE jew mill-UE; billi l-Konvenzjoni ta' Istanbul hija l-aktar qafas internazzjonali importanti eżistenti għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru;

AA.  billi l-kustodja konġunta f'sitwazzjonijiet ta' vjolenza minn sieħeb intimu tesponi lin-nisa għal kontinwazzjoni ta' vjolenza li tista' tiġi evitata, billi ġġegħilhom jibqgħu fil-viċinanza ġeografika ta' dawk li jabbużaw, u tagħmilhom soġġetti għal aktar esponiment għal vjolenza fiżika u psikoloġika, kif ukoll għal abbuż emozzjonali, li jista' jkollhom impatt dirett jew indirett fuq it-tfal tagħhom; billi, f'każijiet ta' vjolenza minn sieħeb intimu, id-dritt tan-nisa u tat-tfal li jiġu protetti u li jgħixu ħajja ħielsa minn vjolenza fiżika u psikoloġika għandu jieħu preċedenza fuq il-preferenza għal kustodja konġunta; billi t-trattament ħażin tat-tfal minn dawk li jwettqu vjolenza minn sieħeb intimu jista' jintuża biex jiġi eżerċitat poter fuq l-omm u jitwettqu atti ta' vjolenza kontra l-omm, li hija tip ta' vjolenza indiretta abbażi tal-ġeneru magħrufa f'xi Stati Membri bħala vjolenza mwettqa minn ħaddieħor;

AB.  billi l-linji għall-għajnuna huma mezz kritiku biex jinkiseb l-appoġġ iżda billi 13-il Stat Membru biss implimentaw il-linja għall-għajnuna 116 006 tal-UE għall-vittmi kollha ta' reati, u ftit Stati Membri biss għandhom linji għall-għajnuna speċjalizzati għall-vjolenza minn sieħeb intimu;

AC.  billi l-vjolenza minn sieħeb intimu hija interkonnessa b'mod inerenti mal-vjolenza kontra t-tfal u l-abbuż tat-tfal; billi l-esponiment tat-tfal għall-vjolenza domestika għandu jitqies bħala vjolenza kontra t-tfal; billi t-tfal li huma esposti għall-vjolenza domestika jsofru konsegwenzi negattivi fuq is-saħħa mentali u/jew fiżika li jistgħu jkunu ta' natura akuta u kronika; billi l-vittimizzazzjoni tat-tfal f'sitwazzjonijiet ta' vjolenza kontra n-nisa tista' tkompli u teskala fil-kuntest ta' tilwim tal-ġenituri dwar il-kustodja u l-kura; billi s-saħħa mentali u l-benessri tat-tfal iddeterjoraw minħabba l-miżuri ta' konteniment stabbiliti biex jindirizzaw il-COVID-19; billi n-numru ta' servizzi tas-saħħa mentali għat-tfal ivarja b'mod sinifikanti bejn l-Istati Membri u f'ħafna minnhom mhuwiex biżżejjed;

AD.  billi t-tkabbir f'ambjent domestiku vjolenti għandu implikazzjonijiet negattivi ħafna għall-iżvilupp fiżiku, emozzjonali u soċjali tal-wild minuri u l-imġiba sussegwenti bħala adult; billi l-esponiment għall-vjolenza bħala tifel jew tifla, jew permezz ta' trattament ħażin u/jew xhieda ta' vjolenza mis-sieħeb, jikkostitwixxi fattur ta' riskju li wieħed isir vulnerabbli għall-vittimizzazzjoni, li jwettaq vjolenza bħala adult jew li jesperjenza problemi fl-imġiba, fiżiċi jew ta' saħħa mentali;

AE.  billi minkejja l-progress li sar, rapporti reċenti juru li l-vittmi tal-kriminalità għadhom ma jistgħux jeżerċitaw bis-sħiħ id-drittijiet tagħhom fl-UE; billi l-aċċess għas-servizzi ta' appoġġ huwa kritiku għan-nisa esposti għall-vjolenza minn sieħeb intimu; billi għad hemm għadd insuffiċjenti ta' servizzi ta' appoġġ speċjalizzati u ġeneralisti għall-vittmi ta' vjolenza minn sieħeb intimu, u billi l-vittmi spiss jiffaċċjaw diffikultajiet biex jiksbu ġustizzja minħabba nuqqas ta' informazzjoni u appoġġ u protezzjoni insuffiċjenti; billi l-vittmi spiss jiffaċċjaw vittimizzazzjoni sekondarja fi proċedimenti kriminali u meta jitolbu kumpens; billi hemm diversi każijiet li fihom l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi u s-sistemi ġudizzjarji ma jkunux jistgħu jipprovdu appoġġ suffiċjenti lin-nisa u lit-tfal vittmi ta' vjolenza domestika, u billi l-vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru saħansitra jkunu ġew soġġetti għal imġiba ta' negliġenza jew għal kummenti mhux xierqa meta jirrapportaw il-vjolenza; billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u pubbliċi, b'mod partikolari dawk li jaħdmu mat-tfal u l-vittmi tal-vjolenza domestika u abbażi tal-ġeneru, u għalihom, huma atturi importanti fil-prevenzjoni u l-indirizzar tal-vjolenza minn sieħeb intimu; billi organizzazzjonijiet bħal dawn jistgħu jipprovdu wkoll kontributi siewja għall-politiki u l-leġiżlazzjoni minħabba l-esperjenza ta' bażi tagħhom; billi l-programmi ta' finanzjament tal-UE bħall-Programm dwar il-Ġustizzja u l-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri jistgħu jintużaw biex jappoġġjaw attivitajiet għall-protezzjoni u l-appoġġ tal-vittmi ta' vjolenza domestika u abbażi tal-ġeneru, inkluż biex jiġi żgurat l-aċċess għall-ġustizzja u l-finanzjament tal-organizzazzjonijiet li jaħdmu mal-vittmi;

AF.  billi l-proċeduri transfruntiera ta' separazzjoni, divorzju u kustodja huma aktar kumplessi fin-natura tagħhom u ġeneralment jieħdu aktar żmien; billi ż-żieda fil-mobbiltà fi ħdan l-UE wasslet għal għadd dejjem akbar ta' tilwim transfruntier dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri u l-kustodja tal-wild minuri; billi r-rikonoxximent awtomatiku ta' deċiżjonijiet dwar proċedimenti marbuta mad-drittijiet ta' kustodja fejn tkun involuta l-vjolenza abbażi tal-ġeneru huwa problematiku peress li l-leġiżlazzjoni dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru tvarja f'kull Stat Membru u mhux l-Istati Membri kollha jirrikonoxxu l-vjolenza minn sieħeb intimu bħala reat kriminali u forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru; billi l-Kummissjoni jeħtiġilha żżid l-isforzi tagħha biex tippromwovi fl-Istati Membri kollha l-implimentazzjoni konsistenti u konkreta tal-prinċipji u l-objettivi stabbiliti fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li ġiet irratifikata mill-Istati Membri kollha tal-UE; billi l-Istati Membri, bħala partijiet għall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, jeħtiġilhom jagħmlu l-aħjar interessi tat-tfal bħala kunsiderazzjoni primarja fl-azzjoni pubblika kollha, inkluż meta jittrattaw tilwim transfruntier tal-familja; billi l-Artikolu 83(1) TFUE jipprevedi l-possibbiltà li "jiġu stabbiliti regoli minimi dwar id-definizzjoni ta' reati kriminali u sanzjonijiet fl-oqsma tal-kriminalità partikolarment serja b'dimensjoni transfruntiera li tirriżulta min-natura jew l-impatt ta' tali reati jew minn ħtieġa speċjali li jiġu miġġielda fuq bażi komuni"; billi l-Artikolu 83(2) TFUE jipprevedi l-possibbiltà li "jiġu stabbiliti regoli minimi fir-rigward tad-definizzjoni ta' reati u sanzjonijiet kriminali, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta' politika tal-Unjoni f'qasam li kien soġġett għal miżuri ta' armonizzazzjoni";

AG.  billi l-Artikolu 82(2) TFUE jipprevedi l-possibbiltà tal-istabbiliment ta' regoli minimi applikabbli fl-Istati Membri sabiex "ikunu ffaċilitati r-rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi u ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji u l-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali, ta' natura transfruntiera", b'mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità;

Kummenti Ġenerali

1.  Jikkundanna bl-aktar termini b'saħħithom possibbli l-forom kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, vjolenza domestika, u vjolenza kontra n-nisa u jiddeplora l-fatt li b'mod partikolari n-nisa u t-tfal, fid-diversità kollha tagħhom, ikomplu jkunu esposti għal vjolenza minn sieħeb intimu, li tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità tagħhom, u għandha wkoll impatt fuq l-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa, billi dan il-fenomenu ġie aggravat matul il-kriżi COVID-19;

2.  Ifakkar li r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-vjolenza kontra n-nisa nnotat li l-kriżi tal-COVID-19 uriet in-nuqqas ta' implimentazzjoni xierqa tal-konvenzjonijiet internazzjonali għall-protezzjoni u l-prevenzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru; jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw b'mod urġenti ż-żieda fil-vjolenza minn sieħeb intimu matul il-pandemija tal-COVID-19 u jħeġġiġhom jiskambjaw innovazzjonijiet nazzjonali, linji gwida, l-aħjar prattiki u protokolli li wrew li huma effettivi fl-indirizzar tal-vjolenza minn sieħeb intimu u fl-appoġġ lill-vittmi, speċjalment matul l-emerġenzi; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi dawk il-prattiki; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali biex ikejlu l-firxa tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u jappoġġjaw lill-vittmi tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u domestika billi jiggarantixxu s-sigurtà u l-indipendenza ekonomika tagħhom permezz ta' aċċess għal akkomodazzjoni speċifika u servizzi pubbliċi essenzjali bħas-saħħa, it-trasport u appoġġ psikoloġiku professjonali; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa protokoll tal-Unjoni Ewropea dwar il-vjolenza kontra n-nisa fi żminijiet ta' kriżi u ta' emerġenza biex tiġi evitata l-vjolenza kontra n-nisa u jiġu appoġġjati l-vittmi waqt emerġenzi bħall-pandemija tal-COVID-19, tistabbilixxi sistema ta' twissija ta' emerġenza sikura u flessibbli u tqis is-servizzi ta' protezzjoni għall-vittmi, bħal linji għall-għajnuna, akkomodazzjoni sikura u servizzi tas-saħħa, bħala "servizzi essenzjali" fl-Istati Membri; jissottolinja, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa ta' miżuri speċifiċi biex jiġu indirizzati d-disparitajiet eżistenti fil-liġijiet, il-politiki u s-servizzi bejn l-Istati Membri u ż-żieda fil-vjolenza domestika u abbażi tal-ġeneru matul il-pandemija tal-COVID-19;

3.  Jenfasizza li l-awturi spiss jużaw il-litigazzjoni biex jestendu s-setgħa u l-kontroll tagħhom, u jkomplu jintimidaw u jinċitaw il-biża' fil-vittmi tagħhom; jisħaq, f'dan ir-rigward, li t-tfal u t-talba għal kustodja konġunta spiss jiġu manipulati mill-ġenitur vjolenti biex ikomplu jilħqu lill-omm wara s-separazzjoni; jisħaq li l-awturi spiss jabbużaw, jew jheddu li jagħmlu ħsara jew jieħdu lit-tfal, sabiex jagħmlu ħsara lis-sħab u lill-eks sħab tagħhom, li għandu impatt serju fuq l-iżvilupp armonjuż tat-tfal; ifakkar li anki din hija forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru; jinnota li ż-żamma ta' pensjoni tal-manteniment tista' tintuża mill-awturi tar-reati bħala theddida u bħala forma ta' abbuż kontra l-vittmi tagħhom; jenfasizza li din il-prattika tista' tikkawża ħsara psikoloġika kbira lill-vittmi u toħloq diffikultajiet finanzjarji jew taggravahom; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-pensjoni tal-manteniment titħallas lill-vittmi mill-fondi tal-vittmi sabiex jiġu evitati l-abbuż finanzjarju u r-riskju li ssirilhom aktar ħsara;

4.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni fl-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025 biex tiġġieled il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u jisħaq fuq l-importanza li timplimenta bis-sħiħ u malajr l-objettivi ewlenin tagħha f'dan ir-rigward; jiġbed l-attenzjoni lejn iċ-ċifri allarmanti dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, li juru li l-imġiba patrijarkali jeħtieġ li tissawwar mill-ġdid bħala kwistjoni ta' urġenza; ifakkar li azzjoni komuni hija essenzjali sabiex id-drittijiet tan-nisa fl-Ewropa jikkonverġu 'l fuq u jiġu armonizzati; jappella, għalhekk, għall-ħolqien ta' konfigurazzjoni tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fi ħdan il-Kunsill Ewropew sabiex ir-rappreżentanti tal-Istati Membri jiltaqgħu regolarment, jilleġiżlaw, u jiskambjaw l-aħjar prattiki; jisħaq li l-miżuri biex tiġi miġġielda l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u dik domestika jeħtieġ li jinkorporaw approċċ intersezzjonali bil-għan li jkunu inklużivi kemm jista' jkun u sabiex tiġi evitata kwalunkwe tip ta' diskriminazzjoni;

5.  Jirrimarka li l-Konvenzjoni ta' Istanbul hija strument kruċjali li jindirizza l-vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa u l-vjolenza domestika; jiddeplora l-fatt li l-konvenzjoni għadha ma ġietx irratifikata mill-Unjoni Ewropea, u li sal-lum 21 Stat Membru tal-UE biss irratifikawha; jitlob ir-ratifika u l-implimentazzjoni rapida tagħha fil-livell nazzjonali u tal-UE; iħeġġeġ lill-Bulgarija, liċ-Ċekja, lill-Ungerija, lil-Latvja, lil-Litwanja u lis-Slovakkja jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul; ifakkar fil-kundanna qawwija tad-deċiżjoni reċenti tal-Ministru tal-Ġustizzja Pollakk li jniedi b'mod uffiċjali l-irtirar tal-Polonja mill-Konvenzjoni ta' Istanbul, li jirrappreżenta ostaklu serju fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, id-drittijiet tan-nisa u l-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa qafas komprensiv ta' politiki, programmi u inizjattivi oħra biex tiġi indirizzata l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika, u talloka riżorsi suffiċjenti u xierqa għal azzjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Istanbul permezz tal-programmi ta' finanzjament tagħha salvagwardjati fid-dispożizzjonijiet tal-qafas finanzjarju pluriennali tal-2021-2027 u permezz tal-fergħa Daphne; ifaħħar il-kampanji kollha favur ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Istanbul; jappoġġja l-pjan tal-Kummissjoni li tkompli tinsisti fuq ir-ratifika tagħha madwar l-UE kollha; jikkundanna bil-qawwa t-tentattivi kollha biex tiġi skreditata l-Konvenzjoni ta' Istanbul u jikkundanna t-tentattivi biex jitreġġa' lura l-progress li sar fil-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, inkluża l-vjolenza domestika, li qed iseħħu f'xi Stati Membri; jinnota bi tħassib kbir li l-implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjoni għadha frammentata madwar l-UE; jistieden lill-Istati Membri li rratifikaw il-konvenzjoni biex jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa, effettiva u prattika tagħha, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lill-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta' Istanbul, u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jitqiesu l-inċidenti ta' vjolenza minn sieħeb intimu meta jiġu ddeterminati d-drittijiet ta' kustodja u ta' aċċess tat-tfal u li l-eżerċizzju ta' kwalunkwe dritt ta' aċċess jew ta' kustodja ma jipperikolax id-drittijiet u s-sikurezza tal-vittma jew tat-tfal;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iżidu l-vjolenza abbażi tal-ġeneru fil-lista ta' oqsma ta' kriminalità fl-Artikolu 83(1) TFUE, filwaqt li jqisu l-ħtieġa partikolari li dan ir-reat jiġi miġġieled fuq bażi komuni; jistieden lill-Kummissjoni tuża dan bħala bażi legali biex tipproponi miżuri vinkolanti u direttiva qafas olistika tal-UE għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra kull forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, inkluż l-impatt tal-vjolenza minn sieħeb intimu fuq in-nisa u t-tfal, li fiha standards uniformi u obbligu ta' diliġenza dovuta biex tinġabar id-data, tiġi evitata u investigata l-vjolenza, jiġu protetti l-vittmi u x-xhieda, u biex l-awturi tar-reati jittellgħu l-qorti u jingħataw il-piena li ħaqqhom; ifakkar li tali miżuri leġiżlattivi ġodda għandhom fi kwalunkwe każ ikunu f'konformità mad-drittijiet, l-obbligi u l-objettivi tal-Konvenzjoni ta' Istanbul u għandhom ikunu komplementari għar-ratifika tagħha; jirrakkomanda li l-Konvenzjoni ta' Istanbul għandha titqies bħala standard minimu u li għandu jsir aktar progress biex tinqered il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u domestika;

7.  Jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jadottaw miżuri speċifiċi biex tinqered il-vjolenza ċibernetika, inkluż il-fastidju online, il-bullying ċibernetiku u d-diskors ta' mibegħda miżoġinista, li jaffettwa b'mod sproporzjonat lit-tfal u speċjalment lill-bniet, u jindirizzaw b'mod speċifiku ż-żieda f'dawn il-forom ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru matul il-pandemija tal-COVID-19; jistieden lill-Kummissjoni tressaq regolamenti rilevanti u kwalunkwe azzjoni oħra possibbli biex jiġu eliminati d-diskors ta' mibegħda u l-fastidju online;

8.  Jiddeplora n-nuqqas ta' finanzjament mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri tal-ġlieda kontra l-vjolenza domestika meta titqies l-iskala tal-fenomenu; jinnota li l-Istati Membri li żiedu dawn il-fondi b'mod sinifikanti kisbu riżultati, b'mod partikolari f'termini ta' tnaqqis tal-femminiċidji; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-fondi allokati għall-ġlieda kontra l-vjolenza domestika; jinsab imħasseb dwar il-frammentazzjoni tal-finanzjament, il-finanzjament fuq terminu qasir u l-piż amministrattiv, li jistgħu jnaqqsu l-aċċess tal-assoċjazzjonijiet għall-finanzjament u għalhekk ikollhom impatt fuq il-kwalità tal-appoġġ għall-vittmi tal-vjolenza domestika u għat-tfal tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffavorixxu finanzjament stabbli u fit-tul;

Il-protezzjoni, is-sikurezza u l-appoġġ għall-vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru – l-indirizzar tal-vjolenza minn sieħeb intimu fid-drittijiet ta' kustodja u d-deċiżjonijiet ta' aċċess

9.  Ifakkar li fl-azzjonijiet kollha li jikkonċernaw it-tfal, l-aħjar interessi tagħhom jridu jkunu l-kunsiderazzjoni primarja; ifakkar li d-dritt tat-tfal li jkunu mifruda minn ġenitur wieħed jew miż-żewġ ġenituri biex jibqgħu jżommu relazzjonijiet personali u kuntatt dirett maż-żewġ ġenituri fuq bażi regolari, ħlief jekk dan imur kontra l-aħjar interessi tal-wild minuri; jinnota li, fil-prinċipju, il-kustodja konġunta u ż-żjarat mhux sorveljati huma mixtieqa sabiex jiġi żgurat li l-ġenituri jgawdu drittijiet u responsabbiltajiet ugwali, ħlief jekk dan imur kontra l-aħjar interessi tal-wild minuri; jisħaq li huwa kontra dawk l-interessi jekk il-liġi awtomatikament tagħti responsabbiltajiet ta' ġenitur lil wieħed mill-ġenituri jew liż-żewġ ġenituri; ifakkar li skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-valutazzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal hija attività unika li għandha titwettaq f'kull każ individwali, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' kull wild minuri; jenfasizza li l-vjolenza minn sieħeb intimu hija inkompatibbli b'mod ċar mal-aħjar interessi tat-tfal u mal-kustodja konġunta u l-kura, minħabba l-konsegwenzi severi tagħha għan-nisa u t-tfal, inkluż ir-riskju ta' vjolenza wara s-separazzjoni u l-atti estremi ta' femminiċidju u infantiċidju; jisħaq li meta jiġu stabbiliti l-arranġamenti għall-allokazzjoni tal-kustodja u l-aċċess u d-drittijiet ta' aċċess, il-protezzjoni tan-nisa u t-tfal mill-vjolenza u l-aħjar interessi tat-tfal trid tkun tal-akbar importanza u għandha tieħu preċedenza fuq kriterji oħra; jissottolinja, għalhekk, li d-drittijiet jew il-pretensjonijiet ta' awturi jew allegati awturi matul u wara l-proċedimenti ġudizzjarji, inkluż fir-rigward tal-proprjetà, il-privatezza, il-kustodja tat-tfal, l-aċċess, il-kuntatt u ż-żjarat, għandhom jiġu determinati fid-dawl tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u tat-tfal għall-ħajja u għall-integrità fiżika, sesswali u psikoloġika u ggwidati mill-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal(24); jisħaq, għalhekk, li l-irtirar tad-drittijiet ta' kustodja u ta' aċċess tas-sieħeb vjolenti u l-għoti ta' kustodja esklużiva lill-omm, jekk tkun vittma ta' vjolenza, jistgħu jirrappreżentaw l-uniku mod biex tiġi evitata aktar vjolenza u l-vittimizzazzjoni sekondarja tal-vittmi; jisħaq li l-għoti tar-responsabbiltajiet kollha tal-ġenituri lil ġenitur wieħed irid ikun akkumpanjat minn mekkaniżmi ta' kumpens rilevanti, bħal benefiċċji soċjali u l-aċċess prijoritarju għal arranġamenti ta' kura kollettiva u individwali;

10.  Jisħaq fuq il-fatt li n-nuqqas ta' indirizzar tal-vjolenza minn sieħeb intimu fid-drittijiet tal-kustodja u fid-deċiżjonijiet ta' aċċess huwa ksur minħabba n-negliġenza tad-drittijiet tal-bniedem għall-ħajja, għal ħajja mingħajr vjolenza, u għall-iżvilupp b'saħħtu tan-nisa u t-tfal; iħeġġeġ bil-qawwa li kwalunkwe forma ta' vjolenza, inkluża x-xhieda ta' vjolenza kontra ġenitur jew persuna familjari, tiġi kkunsidrata fil-liġi u fil-prattika, bħala ksur tad-drittijiet tal-bniedem u bħala att li jmur kontra l-aħjar interessi tal-wild minuri; huwa mħasseb ferm dwar in-numru allarmanti ta' femminiċidji fl-Ewropa, li huma l-forma l-aktar estrema ta' vjolenza kontra n-nisa; huwa mħasseb dwar l-inadegwatezza tal-protezzjoni mogħtija lin-nisa, kif evidenzjat min-numru ta' femminiċidji u infantiċidi li jseħħu wara li l-mara tkun irrapportat vjolenza abbażi tal-ġeneru; jisħaq li huwa fl-aħjar interessi tat-tfal, l-awtorità tal-ġenituri għall-ġenitur akkużat tiġi sospiża b'mod sistematiku f'każijiet ta' femminiċidju għat-tul kollu tal-proċedimenti; jenfasizza wkoll li d-dixxendenti għandhom jiġu eżentati mill-obbligi ta' manteniment fil-konfront ta' ġenitur li jkun ġie kkundannat talli wettaq femminiċidju; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-aċċess għall-ġustizzja u l-appoġġ għall-vittmi jkun aċċessibbli, adegwat u mingħajr ħlas għan-nisa kollha vittmi ta' vjolenza minn sieħeb intimu fid-diversità u l-istatus kollu tagħhom, u biex jipprovdu servizzi ta' interpretazzjoni fejn meħtieġ; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li s-servizzi jqisu l-forom ta' diskriminazzjoni li jikkoinċidu li jiffaċċjaw in-nisa u t-tfal; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-kura, il-monitoraġġ u l-protezzjoni tan-nisa li jirrapportaw vjolenza abbażi tal-ġeneru; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li s-servizzi ta' appoġġ jieħdu approċċ koordinat għall-identifikazzjoni tan-nisa f'riskju, biex jiżguraw li dawn il-miżuri kollha jkunu disponibbli u aċċessibbli għan-nisa u l-bniet kollha fil-ġuriżdizzjoni tagħhom; jisħaq li meta min iwettaq ir-reat jiġi arrestat b'mod flagrante delicto, il-vittma għandha tittieħed f'post sikur u l-protezzjoni tat-tfal mill-aggressur għandha tkun obbligatorja u jisħaq ukoll li, jekk il-kundizzjonijiet legali għall-arrest ma jiġux issodisfati, l-allegata persuna li tkun wettqet l-abbuż għandha madankollu titneħħa immedjatament mid-dar tal-vittma u tinżamm 'il bogħod mill-post tax-xogħol tal-vittma biex jiġi evitat ir-riskju ta' aktar vjolenza;

11.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw sistemi li jippermettu lil terzi persuni u lil assoċjazzjonijiet jimmaniġġjaw iż-żjarat tat-tfal fil-kuntatti tagħhom mal-eks sieħeb vjolenti, inaqqsu l-esponiment tal-ommijiet li huma vittmi ta' vjolenza domestika jekk is-sieħeb preċedenti tagħhom ikun żamm id-dritt ta' żjara, akkomodazzjoni jew drittijiet ta' kustodja konġunta; iqis li dawn il-mekkaniżmi jridu jkunu aċċessibbli għan-nisa fil-mument li fih jirrapportaw il-vjolenza domestika; iqis li dan il-kompitu jirrikjedi ħiliet speċifiċi u li n-nies inkarigati mill-immaniġġjar tat-tfal jeħtiġilhom jirċievu taħriġ adegwat; iqis li dawn il-mekkaniżmi għandhom jitwettqu minn assoċjazzjonijiet u istituzzjonijiet speċjalizzati;

12.  Jinsab imħasseb dwar disparitajiet sinifikanti bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-indirizzar tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru; jinsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni tan-nisa vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru li jgħixu f'żoni fejn hemm nuqqas ta' strutturi ta' appoġġ u l-aċċess għall-ġustizzja, servizzi pubbliċi u legali biex jiddefendu d-drittijiet tagħhom huwa diffiċli; jinsab imħasseb li s-servizzi ta' appoġġ speċjalizzat mhumiex ipprovduti bl-istess mod f'kull Stat Membru u jistedinhom jiżguraw id-distribuzzjoni ġeografika adegwata ta' servizzi ta' appoġġ speċjalizzat immedjat, fuq terminu qasir u twil għall-vittmi, irrispettivament mill-istatus ta' residenza tan-nisa u l-kapaċità jew ir-rieda tagħhom li jikkooperaw fi proċeduri kontra l-allegat awtur; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu aċċess universali għal servizzi legali u servizzi u risponsi mfassla apposta għal kuntesti speċifiċi li fihom isseħħ vjolenza minn sieħeb intimu f'żoni rurali; jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu networks bejn is-servizzi u l-programmi differenti bil-għan li jiġu miġġielda b'suċċess il-każijiet ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa f'reġjuni rurali u remoti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw il-possibbiltà li jiġu allokati fondi tal-UE għal din il-kwistjoni, b'mod partikolari fondi allokati għall-iżvilupp reġjonali;

13.  Jilqa' l-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi (2020-2025) li tindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, b'mod partikolari l-approċċ speċifiku għall-vjolenza psikoloġika kontra n-nisa u l-impatt fuq is-saħħa mentali tagħhom fit-tul; jistieden lill-Kummissjoni, fl-evalwazzjoni tagħha tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi, tindirizza d-diskrepanzi attwali fil-leġiżlazzjoni tal-UE, teżamina jekk l-aspett tal-ġeneru f'dik li hija vittimizzazzjoni jitqiesx b'mod xieraq u effettiv, b'mod partikolari fir-rigward tal-istandards internazzjonali dwar il-vjolenza kontra n-nisa bħal dawk stabbiliti fil-Konvenzjoni ta' Istanbul, u ssaħħaħ b'mod adegwat il-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-vittmi u l-protezzjoni u l-kumpens tal-vittmi; jappella għall-promozzjoni kontinwa tad-drittijiet tal-vittmi, inkluż permezz ta' strumenti eżistenti bħall-ordni Ewropea ta' protezzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri kollha jaqilbu d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi f'leġiżlazzjoni nazzjonali u jappella għall-implimentazzjoni sħiħa u preċiża tagħha, sabiex il-vittmi ta' vjolenza minn sieħeb intimu jkollhom aċċess sħiħ għal firxa ta' servizzi ta' appoġġ, inkluż permezz ta' servizzi speċjalizzati u ġeneriċi bħal-linja għall-għajnuna 116 006 għall-vittmi ta' reat;

14.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jipprovdu mekkaniżmi alternattivi għall-vittmi li ma jressqux ilment sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet rikonoxxuti lill-vittmi ta' vjolenza minn sieħeb intimu, bħad-drittijiet soċjali u tax-xogħol, pereżempju permezz ta' rapporti ta' esperti mfassla minn servizzi pubbliċi speċjalizzati li jakkreditaw l-istatus ta' vittma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru;

Protezzjoni u appoġġ: aċċess għall-protezzjoni legali, akkomodazzjoni ta' emerġenza u għall-fondi tal-vittmi

15.  Jenfasizza r-rwol ewlieni tal-appoġġ ekonomiku għall-vittmi biex jgħinhom jiksbu indipendenza finanzjarja mis-sieħeb vjolenti tagħhom; jisħaq li l-maġġoranza tan-nisa jispiċċaw ifqar matul il-proċeduri ta' separazzjoni u divorzju, u li xi nisa jaqtgħu qalbhom milli jitolbu s-sehem ġust tagħhom u dak li huma intitolati għalih minħabba l-biża' li jitilfu l-kustodja; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lir-riskju tas-sitwazzjoni li l-vittmi tal-vjolenza domestika ssir aktar prekarja matul il-proċess ta' separazzjoni u divorzju; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi eliminat kwalunkwe ostaklu ekonomiku li jista' jwassal biex mara ma tirrapportax il-vjolenza li tkun ġarrbet; jirrimarka li introjtu adegwat u indipendenza ekonomika huma fatturi ewlenin biex in-nisa jkunu jistgħu joħorġu minn relazzjonijiet abbużivi u vjolenti; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri speċifiċi biex jindirizzaw il-vjolenza ekonomika, jipproteġu l-kapital u l-introjtu tal-vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru u jistabbilixxu qafas li jipprovdi deċiżjonijiet rapidi u effettivi dwar il-pensjoni tal-manteniment għat-tfal, bl-għan li tiġi żgurata l-emanċipazzjoni, is-sikurezza finanzjarja u l-indipendenza ekonomika għall-vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, li jippermettulhom jieħdu kontroll fuq ħajjithom, inkluż permezz tal-appoġġ tal-imprendituri u tal-ħaddiema nisa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu u jappoġġjaw din l-indipendenza; jilqa' l-proposta għal direttiva dwar pagi minimi(25) adegwati u l-proposta għal miżuri vinkolanti ta' trasparenza fil-pagi(26); jisħaq fuq l-importanza li tiġi implimentata d-Direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata(27), peress li din hija partikolarment kruċjali għall-ġenituri waħedhom, biex tgħinhom ilaħħqu mas-sitwazzjoni speċifika tal-impjieg tagħhom u mad-dmirijiet ta' indukrar - bħal billi jiġi żgurat li jkunu disponibbli faċilitajiet ta' kura aċċessibbli u adegwati; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw appoġġ finanzjarju adegwat u mekkaniżmi ta' kumpens għall-vittmi u jistabbilixxu mekkaniżmu għall-koordinazzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni b'mod regolari tal-implimentazzjoni u l-effettività tal-miżuri għall-prevenzjoni tal-vjolenza ekonomika kontra n-nisa;

16.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu u jiggarantixxu aċċess sħiħ għal protezzjoni legali adegwata, seduti effettivi u ordnijiet ta' trażżin, postijiet ta' kenn u konsulenza, kif ukoll fondi għall-vittmi u programmi ta' abilitazzjoni finanzjarja għan-nisa vittmi ta' vjolenza minn sieħeb intimu; jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu appoġġ lill-ommijiet u lil uliedhom li huma vittmi ta' vjolenza domestika permezz ta' appoġġ komunitarju, edukattiv u finanzjarju, bħall-fondi għall-vittmi għal nisa li jkunu vittmi ta' vjolenza domestika, sabiex jiġi żgurat li dawn in-nisa jkollhom il-mezzi meħtieġa biex jieħdu ħsieb uliedhom u ma jħalluhomx jitilfu l-kustodja; jistieden lill-Istati Membri japplikaw proċeduri partikolari bbażati fuq standards minimi komuni u jagħtu appoġġ lill-vittmi ta' vjolenza domestika, sabiex ma jitħallewx jerġgħu jisfaw vittmi b'riżultat ta' kustodja konġunta jew li jitilfu kompletament il-kustodja ta' uliedhom; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-ispejjeż legali tal-vittmi tal-vjolenza domestika jkunu koperti meta ma jkollhomx riżorsi suffiċjenti u biex jiggarantulhom difiża xierqa minn avukati speċjalizzati f'sitwazzjonijiet ta' vjolenza domestika; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-istabbiliment ta' standards minimi għall-ordnijiet ta' protezzjoni madwar l-UE; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-vittmi ta' vjolenza minn sieħeb intimu jkollhom aċċess għal appoġġ u konsulenza ta' natura psikoloġika f'kull stadju tal-proċeduri legali tagħhom;

17.  Jiddeplora n-nuqqas ta' soluzzjonijiet xierqa ta' akkomodazzjoni ta' emerġenza u temporanja għall-vittmi ta' abbuż minn sieħeb intimu u għat-tfal tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jiftħu spazji ta' akkomodazzjoni ta' emerġenza speċifiċi għal sitwazzjonijiet ta' vjolenza minn sieħeb intimu u jagħmluhom disponibbli f'kull ħin, sabiex iżidu, itejbu u jiżguraw servizzi adegwati ta' akkoljenza u protezzjoni għan-nisa li huma vittmi ta' vjolenza domestika u kwalunkwe tifel jew tifla milquta; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jallokaw fondi adegwati lill-awtoritajiet rilevanti, inkluż permezz ta' proġetti, u jappella għal finanzjament għall-istabbiliment u l-espansjoni ta' postijiet ta' kenn, kif ukoll miżuri xierqa oħra li jippermettu lin-nisa li huma vittmi ta' vjolenza jibbenefikaw, b'kunfidenzjalità, minn ambjent sikur u lokali;

18.  Jesprimi dispjaċir għall-fatt li n-nisa jsibu ruħhom mingħajr appoġġ soċjali, tas-saħħa u psikoloġiku xieraq; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li jingħata appoġġ mediku u psikoloġiku effettiv, aċċessibbli, universali u ta' kwalità, għall-vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, inkluż l-għoti ta' servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva (SRHR), speċjalment fi żminijiet ta' kriżi fejn tali appoġġ irid jitqies essenzjali, pereżempju billi jinvestu fit-telemediċina biex jiggarantixxu li jistgħu jibqgħu jiġu pprovduti s-servizzi tal-kura tas-saħħa;

19.  Jistieden lill-Istati Membri joħolqu kura medika ċċentrata fuq il-pazjent li tippermetti l-identifikazzjoni bikrija tal-abbuż domestiku, l-organizzazzjoni ta' trattament terapewtiku professjonali u t-twaqqif ta' programmi ta' akkomodazzjoni u servizzi legali għall-vittmi li jistgħu jgħinu biex jitnaqqsu b'mod sinifikanti l-konsegwenzi tal-vjolenza minn sieħeb intimu kif ukoll biex din tiġi evitata;

20.  Jistieden lill-Istati Membri jesploraw għażliet virtwali biex jgħinu lill-vittmi tal-vjolenza, inklużi s-saħħa mentali u l-għażliet ta' konsulenza, filwaqt li jagħtu attenzjoni lill-inugwaljanzi eżistenti fl-aċċess għas-servizzi tat-teknoloġija tal-informazzjoni;

21.  Jinkoraġġixxi prattiki tajba li diġà jeżistu f'xi Stati Membri għall-prevenzjoni ta' aktar vjolenza, bħar-reġistrazzjoni tan-numri tat-telefown tal-vittmi f'listi speċjali relatati mal-istalking u l-vjolenza minn sieħeb intimu, bil-għan li tingħata prijorità assoluta lil telefonati futuri possibbli f'emerġenzi u jiġu ffaċilitati interventi effettivi tal-infurzar tal-liġi;

Protezzjoni u appoġġ għat-tfal

22.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġu stabbiliti definizzjonijiet legali komuni u standards minimi fil-livell tal-UE għall-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-protezzjoni tat-tfal tal-vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, peress li l-vjolenza minn sieħeb intimu, il-vjolenza mixhuda u l-vjolenza vvizzjata mhumiex rikonoxxuti f'ħafna sistemi legali; jirrimarka li t-tfal li jaraw vjolenza fl-ambjent tal-familja tagħhom mhumiex rikonoxxuti bħala vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, li għandha impatt dirett fuq il-ġbir tad-data fis-setturi tal-pulizija u ġudizzjarji, u fuq il-kooperazzjoni transfruntiera; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi assenjat l-istatus ta' vittma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru fi proċedimenti kriminali u ta' investigazzjoni lil tfal li huma xhieda ta' vjolenza minn sieħeb intimu jew li jbatu vjolenza kkawżata minħabba ħaddieħor sabiex jibbenefikaw minn protezzjoni legali aħjar u minn assistenza xierqa; jirrakkomanda, għalhekk, li jiġu stabbiliti proċeduri sistematiċi għall-monitoraġġ, inkluż il-monitoraġġ psikoloġiku, ta' tfal li huma vittmi ta' vjolenza domestika u xhieda tagħha, sabiex jirrispondu għall-problemi li l-vjolenza tikkawża f'ħajjithom u biex iżommuhom milli jirrepetu tali vjolenza bħala adulti; jistieden ukoll lill-Istati Membri jintroduċu miżuri speċjali dwar l-hekk imsejħa vjolenza mixhuda, inklużi dispożizzjonijiet għal ċirkostanzi aggravanti speċifiċi;

23.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu kampanja annwali biex jinfurmaw lit-tfal u joħolqu kuxjenza dwar id-drittijiet tat-tfal; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu ċentri speċifiċi ta' attendenza għal tfal vittmi ta' vjolenza, fejn ikun hemm pedjatri u terapisti speċjalizzati fil-vjolenza abbażi tal-ġeneru; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu punti ta' kuntatt għat-tfal li jkunu faċilment aċċessibbli, inkluż bit-telefown, bl-email, b'chat online eċċ, fejn ikunu jistgħu jitkellmu u jistaqsu mistoqsijiet kif ukoll jirrapportaw vjolenza fil-konfront tagħhom, ta' ġenitur jew ta' aħwa, u fejn jistgħu jiksbu informazzjoni, pariri jew fejn jiġu riferuti lil organizzazzjoni oħra għal aktar għajnuna;

24.  Jenfasizza li l-wild minuri jeħtieġlu b'mod partikolari jingħata l-opportunità li jinstema', li hija essenzjali biex jiġi stabbilit x'inhu fl-aħjar interessi tal-wild minuri meta jiġu eżaminati każijiet ta' kustodja u foster care, skont l-età u l-maturità tal-wild minuri; jirrimarka li f'kull każ, iżda b'mod kruċjali f'każijiet fejn hemm suspett ta' vjolenza minn sieħeb intimu, tali seduti ta' smigħ iridu jsiru f'ambjent adattat għat-tfal minn professjonisti mħarrġa, bħal tobba jew psikologi, inklużi professjonisti kwalifikati fin-newropsikjatrija tat-tfal, sabiex jiġi analizzat l-effett tal-fiduċja f'ħaddieħor fuq l-iżvilupp armonjuż tat-tfal u jiġi evitat l-approfondiment tat-trawma u l-vittimizzazzjoni tagħhom; jitlob li jkun hemm standards minimi tal-UE dwar kif dawn is-seduti ta' smigħ għandhom isiru; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat livell xieraq fit-tul ta' kura psikoloġika u psikjatrika u konsulenza soċjali għall-vittmi u t-tfal tagħhom matul il-proċess ta' rkupru wara li jkun seħħ l-abbuż;

25.  Jenfasizza li jeħtieġ tingħata attenzjoni speċjali u li jkun hemm proċeduri u standards speċifiċi għal każijiet fejn il-vittma jew it-tfal involuti jkunu persuna b'diżabilità jew jappartjenu għal grupp li jkun partikolarment vulnerabbli;

26.  Jilqa' l-preżentazzjoni mill-Kummissjoni ta' strateġija komprensiva biex tipproteġi lit-tfal vulnerabbli u trawwem ġustizzja adattata għat-tfal; jissottolinja li jeħtieġ jiġu protetti d-drittijiet tat-tfal l-aktar vulnerabbli, billi tingħata attenzjoni partikolari għat-tfal b'diżabilità, il-prevenzjoni tal-vjolenza u l-ġlieda kontriha u l-promozzjoni ta' ġustizzja adattata għat-tfal; jitlob li l-istrateġija tiġi implimentata bis-sħiħ u malajr mill-Istati Membri kollha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri konkreti biex jiġġieldu l-abbuż sesswali fuq it-tfal u l-isfruttament sesswali tat-tfal billi jinvestu f'miżuri preventivi u programmi ta' trattament li għandhom l-għan li jipprevjenu lil awturi ta' reati milli jerġgħu jwettqu reati, b'appoġġ aktar effettiv għall-vittmi, u billi jsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jisħaq li f'każijiet suspettati ta' abbuż tat-tfal, jeħtieġ li tittieħed azzjoni fil-pront biex tiġi żgurata s-sikurezza tat-tfal u titwaqqaf u tiġi evitata aktar vjolenza jew vjolenza potenzjali, filwaqt li jiġi żgurat id-dritt li t-tfal jinstemgħu matul il-proċess kollu; jemmen li tali azzjoni għandha tinkludi valutazzjoni tar-riskju u protezzjoni immedjata li jinkludu firxa wiesgħa ta' miżuri effettivi bħal miżuri interim jew protezzjoni jew ordnijiet ta' trażżin waqt li jkunu qed jiġu investigati l-fatti; ifakkar li fil-proċedimenti kollha li jinvolvu tfal vittmi ta' vjolenza, irid jiġi applikat il-prinċipju tar-rapidità; jisħaq fuq il-fatt li l-qrati li jittrattaw każijiet ta' abbuż tat-tfal għandhom ikunu wkoll speċjalizzati fil-vjolenza abbażi tal-ġeneru;

27.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri konkreti biex itemmu l-abbuż sesswali tat-tfal billi jinvestu f'miżuri preventivi u jidentifikaw programmi speċifiċi għal trasgressuri potenzjali u joffru appoġġ aktar effettiv għall-vittmi; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jiġġieldu l-abbuż sesswali tat-tfal u l-isfruttament sesswali tagħhom;

28.  Jisħaq li l-vjolenza kontra t-tfal tista' tkun marbuta wkoll ma' vjolenza abbażi tal-ġeneru, jew minħabba li huma xhieda ta' vjolenza mwettqa kontra ommijiethom jew minħabba li huma vittmi ta' trattament ħażin huma stess, meta tintuża b'mod indirett biex jiġu eżerċitati l-poter u l-vjolenza psikoloġika kontra ommijiethom; jinnota li programmi li jappoġġjaw it-tfal li huma esposti għall-vjolenza domestika huma kruċjali biex tiġi minimizzata l-ħsara fit-tul; jistieden lill-Istati Membri jkomplu jmexxu programmi innovattivi sabiex jindirizzaw il-bżonnijiet ta' dawn it-tfal, pereżempju permezz ta' fornituri ta' taħriġ li jaħdmu mat-tfal biex jidentifikaw sinjali ta' twissija bikrija, jipprovdu risponsi xierqa u appoġġ, u jipprovdu appoġġ psikoloġiku effettiv lit-tfal matul proċeduri kriminali u ċivili li huma involuti fihom; jirrakkomanda bil-qawwa li l-Istati Membri jistabbilixxu proċeduri sistematiċi għall-monitoraġġ ta' tfal li huma vittmi ta' vjolenza domestika u xhieda tagħha, inkluż appoġġ psikoloġiku, sabiex jirrispondu għall-problema li din tikkawża f'ħajjithom u jżommuhom milli jirrepetu tali vjolenza bħala adulti;

Prevenzjoni: taħriġ tal-professjonisti

29.  Jitlob taħriġ rikorrenti u effettiv għall-bini tal-kapaċitajiet u taħriġ immirat obbligatorju għall-professjonisti li jittrattaw każijiet ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, abbuż tat-tfal u, b'mod ġenerali, il-forom kollha ta' vjolenza domestika u l-mekkaniżmi tagħha, inklużi l-manipulazzjoni, il-vjolenza psikoloġika u l-kontroll koerċittiv; jisħaq li dan it-taħriġ immirat għandu għalhekk ikun maħsub għall-ġudikatura, għall-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, għall-prattikanti legali speċjalizzati, għall-persunal mediku forensika, għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa, għall-ħaddiema soċjali, għall-għalliema u għall-persuni li jindukraw it-tfal, kif ukoll għal ħaddiema pubbliċi li jaħdmu f'dawn l-oqsma; jitlob li dan it-taħriġ jenfasizza wkoll ir-rilevanza tal-vjolenza minn sieħeb intimu għad-drittijiet tat-tfal u għall-protezzjoni u l-benesseri tagħhom; jitlob li dan it-taħriġ itejjeb l-għarfien u l-fehim ta' dawn il-professjonisti fir-rigward tal-miżuri ta' protezzjoni attwali, kif ukoll tas-sikurezza, l-impatt tar-reat, il-ħtiġijiet tal-vittma u kif jiġu indirizzati dawk il-ħtiġijiet, u jipprovdilhom ħiliet adegwati sabiex biex jikkomunikaw aħjar mal-vittmi u jappoġġjawhom; jitlob li dan it-taħriġ jippermettilhom ukoll jivvalutaw is-sitwazzjoni bl-użu ta' għodod affidabbli ta' valutazzjoni tar-riskju u jidentifikaw sinjali ta' abbuż; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu evalwati l-mekkaniżmi biex jiġu identifikati dawn is-sinjali użati mill-professjonisti involuti; jitlob li dan it-taħriġ isir billi bħala prijorità tingħata attenzjoni lill-ħtiġijiet u t-tħassib tal-vittmi u billi jiġi rikonoxxut li l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika jridu jiġu indirizzati permezz ta' approċċ speċifiku, sensittiv għall-ġeneru u għad-drittijiet tal-bniedem li jħares l-istandards u l-miżuri nazzjonali, reġjonali u internazzjonali; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżviluppaw u jiffinanzjaw dan it-taħriġ; ifakkar, f'dan ir-rigward, fl-importanza tan-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju; jisħaq li s-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet pubbliċi li jaħdmu mat-tfal u għalihom u għall-vittmi ta' vjolenza domestika u ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru għandhom jintalbu jipprovdu jew tal-inqas ikunu involuti fit-twassil ta' dawn il-korsijiet ta' taħriġ biex jikkondividu l-għarfien u l-kompetenzi esperti li kisbu mill-esperjenzi tal-ħajja reali; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita u tikkoordina dan it-tip ta' taħriġ, billi tiffoka b'mod speċjali fuq każijiet transfruntiera;

30.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li s-servizzi tal-pulizija u tal-ġustizzja tagħhom ikunu ffinanzjati, mgħammra u mħarrġa b'mod adegwat biex jittrattaw l-ilmenti ta' vjolenza domestika u jkunu reattivi meta jagħmlu dan; jesprimi dispjaċir għall-fatt li n-nuqqas ta' finanzjament u t-tnaqqis baġitarju f'dawn is-servizzi rriżultaw f'difetti proċedurali, nuqqas ta' informazzjoni għall-ilmentaturi dwar il-progress tal-proċedura u dewmien eċċessiv li mhumiex kompatibbli mal-imperattiv ta' protezzjoni tal-vittmi u l-irkupru tagħhom; jisħaq fuq r-rwol importanti tal-ħaddiema soċjali u psikologi fid-dipartimenti tal-pulizija biex jiġi ffaċilitat l-appoġġ konkret u uman li jingħata lill-vittmi tal-vjolenza domestika; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu lill-assoċjazzjonijiet kollha bil-mezzi meħtieġa biex jgħinu lin-nisa vittmi u lit-tfal tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom sabiex jieħdu miżuri biex itejbu l-identifikazzjoni tal-vittmi ta' vjolenza domestika u minn sieħeb intimu, kif ukoll biex jagħtu s-setgħa lill-vittmi u lix-xhieda ta' vjolenza domestika, jersqu 'l quddiem u jirrapportaw ir-reat, peress li f'ħafna każijiet il-vjolenza minn sieħeb intimu tibqa' ma tiġix irrapportata;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni u lin-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju jistabbilixxu pjattaforma tal-UE għat-tagħlim reċiproku u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn il-prattikanti legali u dawk li jfasslu l-politika fl-Istati Membri differenti li jaħdmu fl-oqsma rilevanti kollha;

32.  Jirrakkomanda bil-qawwa li l-Istati Membri jistabbilixxu qrati jew taqsimiet speċjalizzati, kif ukoll liġijiet, taħriġ, proċeduri u linji gwida xierqa għall-professjonisti kollha li jittrattaw mal-vittmi ta' vjolenza minn sieħeb intimu, inkluż is-sensibilizzazzjoni dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-istereotipi abbażi tal-ġeneru, sabiex jiġu evitati diskrepanzi bejn deċiżjonijiet ġudizzjarji u diskriminazzjoni jew vittimizzazzjoni sekondarja matul proċedimenti ġudizzjarji, mediċi u tal-pulizija, tal-protezzjoni tat-tfal u l-kustodja filwaqt li jiġi żgurat li t-tfal u n-nisa jinstemgħu kif xieraq u li tingħata prijorità lill-protezzjoni tagħhom u li titfittex reparazzjoni għalihom; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu qrati jew taqsimiet iddedikati u l-ġustizzja favur il-vittmi tfal u nisa, li jitwaqqfu unitajiet ta' valutazzjoni komprensivi li jittrattaw il-vjolenza abbażi tal-ġeneru komposti minn tobba forensiċi, psikologi u ħaddiema soċjali, li jaħdmu f'koordinazzjoni mas-servizzi pubbliċi speċjalizzati fil-vjolenza abbażi tal-ġeneru inkarigati mill-għoti ta' għajnuna lill-vittmi; jisħaq fuq l-importanza li jiġu applikati bis-sħiħ miżuri protettivi legali biex in-nisa u t-tfal jiġu protetti mill-vjolenza, u biex tali miżuri ma jiġux limitati jew ristretti mid-drittijiet tal-ġenituri; iħeġġeġ li d-deċiżjonijiet dwar il-kustodja konġunta jiġu posposti sakemm il-vjolenza minn sieħeb intimu tiġi investigata b'mod xieraq u ssir valutazzjoni tar-riskju;

33.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi rikonoxxuta l-interkonnettività tal-proċedimenti kriminali, ċivili u legali oħra sabiex jiġu kkoordinati r-risponsi ġudizzjarji u legali oħra għall-vjolenza minn sieħeb intimu u jissuġġerixxi għalhekk, li l-Istati Membri jadottaw miżuri li jorbtu l-kawżi kriminali u ċivili ta' familja waħda, sabiex ikunu jistgħu jiġu evitati b'mod effettiv id-diskrepanzi bejn deċiżjonijiet ġudizzjarji u deċiżjonijiet legali oħra li huma ta' ħsara għat-tfal u n-nisa vittmi; jiddeplora n-nuqqas ta' miżuri provviżorji għall-protezzjoni ta' vittmi u n-nuqqas ta' mekkaniżmi temporanji biex tiġi sospiża l-awtorità tal-ġenituri għall-ġenitur vjolenti matul il-proċedimenti legali, li normalment itawlu diversi snin; jistieden lill-Istati Membri jesperimentaw b'tali miżuri protettivi u jiżviluppawhom; jistieden, għal dan il-għan, lill-Istati Membri biex jorganizzaw taħriġ għall-professjonisti kollha, kif ukoll għall-ħaddiema voluntiera involuti f'tali proċedimenti, u jinvolvu organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu mat-tfal u għalihom, kif ukoll il-vittmi, f'dawn il-korsijiet ta' taħriġ; jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jtejbu l-koordinazzjoni bejn il-qrati billi jrawmu kuntatti bejn l-uffiċċji tal-prosekuturi biex jippermettu li kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri jiġu solvuti b'urġenza, u jiżguraw li l-qrati tal-familja jkunu jistgħu jikkunsidraw il-kwistjonijiet kollha relatati mal-vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa meta jiddeterminaw id-drittijiet ta' kustodja u ta' aċċess;

34.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu pjattaforma għall-iskambju regolari tal-aħjar prattiki bejn il-qrati ċivili u kriminali, l-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja li jittrattaw każijiet ta' vjolenza domestika u abbażi tal-ġeneru, l-abbuż tat-tfal u każijiet ta' separazzjoni u kustodja, u l-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħra kollha;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rilevanti, b'mod partikolari dawk li jaħdmu mat-tfal u għalihom, kif ukoll il-vittmi ta' vjolenza domestika u abbażi tal-ġeneru, fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politiki u l-leġiżlazzjoni; jitlob li jiġi pprovdut appoġġ strutturali fil-livelli tal-UE, nazzjonali u lokali għal dawn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluż appoġġ finanzjarju, biex tiżdied il-kapaċità tagħhom li jirreaġixxu u jippromwovu kif ukoll biex jiżguraw aċċess adegwat għall-persuni kollha għas-servizzi, il-konsulenza u l-attivitajiet ta' appoġġ tagħhom;

36.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-fornituri tas-servizzi fis-setturi kollha (il-ġustizzja, l-infurzar tal-liġi, is-saħħa u s-servizzi soċjali) biex jirreġistraw u jżommu bażijiet tad-data aġġornati; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu linji gwida nazzjonali u prattiki tajba, kif ukoll biex jipprovdu taħriġ ta' sensibilizzazzjoni dwar il-vjolenza minn sieħeb intimu għall-persunal fil-livelli kollha f'kull settur tal-ewwel linja, peress li dawn huma essenzjali biex jipprovdu rispons sensittiv għan-nisa li jkunu qed ifittxu protezzjoni; jistieden lill-Istati Membri jimmonitorjaw is-servizzi għas-setturi u jistabbilixxu l-baġits meħtieġa f'konformità mal-ħtiġijiet;

37.  Jirrakkomanda li l-awtoritajiet nazzjonali jieħdu azzjoni, b'mod partikolari, biex jabbozzaw u jiċċirkolaw sett ta' linji gwida għall-professjonisti involuti f'każijiet relatati mal-vjolenza minn sieħeb intimu u d-drittijiet tal-kustodja, li jqisu fatturi ta' riskju (relatati mat-tfal jew mal-membri tal-familja, ma' tħassib ambjentali jew soċjali, jew il-possibbiltà li jiġu ripetuti reati vjolenti), biex tkun tista' tiġi vvalutata l-vjolenza minn sieħeb intimu, b'appoġġ għad-drittijiet tat-tfal u tan-nisa;

38.  Jinnota li tali linji gwida u dokumenti gwida għandhom jappoġġjaw lill-professjonisti tas-saħħa fis-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku fl-ambjent professjonali tagħhom dwar l-impatt sinifikanti tal-vjolenza kontra n-nisa, inkluża l-vjolenza minn sieħeb intimu, fuq is-saħħa mentali tagħhom;

39.  Jisħaq fuq l-importanza f'dawn il-proċeduri tar-rwol tal-esperti forensiċi rilevanti kollha u professjonisti bħal tobba, psikologi forensiċi kliniċi u ħaddiema soċjali, li jipprovdu għarfien espert forensiku u psikoloġiku fil-kura mhux biss tan-nisa vittmi ta' abbuż jew vjolenza domestika, iżda wkoll għat-tfal affettwati, b'mod partikolari meta l-ambjent li jgħixu fih ma jkunx adattat biex jipproteġi s-saħħa, id-dinjità, il-bilanċ emozzjonali u l-kwalità tal-ħajja tagħhom; ifakkar, għalhekk, fil-ħtieġa li l-prattikanti forensiċi u l-professjonisti involuti jkunu jistgħu jibbenefikaw, inter alia, minn linji gwida meħuda minn sett ta' data, prattika u l-aħjar prattiki fil-livell tal-UE; jinnota li, għal skopijiet legali, l-għarfien tekniku u mediku speċifiku tat-tobba forensiċi jagħmluhom professjonisti xierqa biex jassistu lil speċjalisti (bħal pedjatri, ġinekologi u psikologi) f'xogħolhom, peress li jkollhom it-taħriġ u l-kompetenza teknika xierqa biex ikunu jistgħu jagħrfu sinjali ta' vjolenza u, fejn hemm raġunijiet biex isir dan, jikkonformaw ma' obbligi ta' rapportar u jikkollaboraw mal-awtoritajiet ġudizzjarji;

40.  Ifakkar fid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi; jenfasizza li n-nisa vittmi ta' vjolenza sessista u t-tfal tagħhom ta' spiss ikunu jirrikjedu appoġġ u protezzjoni speċjali minħabba r-riskju għoli ta' vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta, ta' intimidazzjoni u ta' ritaljazzjoni marbuta ma' tali vjolenza; jitlob għalhekk, li tingħata attenzjoni lill-attitudnijiet li jagħtu t-tort lill-vittma fis-soċjetà, inkluż fost il-professjonisti fis-sistema tal-ġustizzja kriminali; jitlob ir-rikonoxximent u l-indirizzar tal-vjolenza istituzzjonali, li tinkludi l-azzjonijiet u l-ommissjonijiet kollha tal-awtoritajiet u tal-impjegati pubbliċi li għandhom l-għan li jdewmu, ifixklu jew jipprevjenu l-aċċess għas-servizzi pubbliċi rilevanti jew l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-vittmi, bl-istabbiliment ta' sanzjonijiet u miżuri xierqa biex jiġi żgurat li l-vittmi jkunu protetti u kkumpensati; jissottolinja l-importanza fundamentali li jiġu stabbiliti taħriġ, proċeduri u linji gwida għall-professjonisti kollha li jittrattaw mal-vittmi sabiex jgħinuhom jidentifikaw sinjali ta' vjolenza minn sieħeb intimu anki meta l-vittmi ma jagħmlux ilmenti espliċiti; jissuġġerixxi li tali linji gwida u d-dokumenti gwida għandhom jinkludu miżuri li jippromwovu programmi sikuri, rispettużi u li ma joħolqux sens ta' ħtija għan-nisa li jkunu sofrew vjolenza, inkluża vjolenza minn sieħeb intimu, u biex jinxterdu l-aħjar trattamenti għalihom u għal uliedhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw il-kwistjoni tal-ilmenti anonimi u tal-ilmenti rtirati billi jiggarantixxu proċeduri effettivi u rapidi għall-protezzjoni tal-vittmi kif ukoll billi jiżguraw l-obbligu ta' rendikont tas-sħab vjolenti; jinkoraġġixxi l-ħolqien ta' bażijiet ta' data dwar l-infurzar tal-liġi li jżommu rekord tad-dettalji kollha relatati mad-dikjarazzjonijiet ta' vjolenza minn sieħeb intimu magħmula mill-vittma jew minn parti terza, sabiex jiġu mmonitorjati u evitati aktar episodji ta' vjolenza; jitlob biex il-pulizija u s-servizzi soċjali f'żoni rurali u remoti jipprovdu aktar edukazzjoni u sensibilizzazzjoni komunitarja, kif ukoll taħriġ u edukazzjoni dwar il-vjolenza domestika, filwaqt li tiġi enfasizzata l-importanza tal-edukazzjoni fl-għoti tal-informazzjoni u l-appoġġ tat-tfal kif ukoll programmi għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti, li jipprovdu mudelli pożittivi u logħob kooperattiv;

Prevenzjoni: l-indirizzar tal-istereotipi u l-preġudizzji tal-ġeneru – l-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni

41.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-impatt tal-istereotipi u l-preġudizzju tal-ġeneru li jwassal għal reazzjonijiet inadegwati għall-vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa u għal nuqqas ta' fiduċja fin-nisa, b'mod partikolari fir-rigward tal-allegazzjonijiet foloz allegati ta' abbuż tat-tfal u ta' vjolenza domestika; jinsab imħasseb ukoll dwar in-nuqqas ta' taħriġ speċifiku għall-imħallfin, għall-prosekuturi u għall-professjonisti tal-liġi; jisħaq fuq l-importanza ta' miżuri mmirati lejn il-ġlieda kontra l-istereotipi marbuta mal-ġeneru u l-preġudizzji patrijarkali bl-użu ta' kampanji ta' edukazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jimmonitorjaw u jiġġieldu l-kultura ta' denigrazzjoni tal-ilħna tan-nisa; jikkundanna l-użu, id-dikjarazzjoni u l-aċċettazzjoni ta' teoriji u kunċetti mhux xjentifiċi f'każijiet ta' kustodja li jikkastigaw lill-ommijiet li jippruvaw jirrapportaw każijiet ta' abbuż tat-tfal jew vjolenza abbażi tal-ġeneru billi jżommuhom milli jiksbu l-kustodja jew billi jillimitaw id-drittijiet tal-ġenituri tagħhom; jisħaq fuq il-fatt li l-hekk imsejjaħ sindromu ta' aljenazzjoni tal-ġenituri u termini simili, li ġeneralment huma bbażati fuq stereotipi marbuta mal-ġeneru, jista' jaħdem kontra n-nisa vittmi ta' vjolenza minn sieħeb intimu billi jagħti t-tort lill-ommijiet għall-"aljenazzjoni" ta' wliedhom minn missierhom, iqajjem dubji dwar il-ħiliet tat-trobbija tal-vittmi, jinjora x-xhieda tat-tfal u r-riskji ta' vjolenza li t-tfal tagħhom jiġu esposti għalihom, u b'hekk jipperikola d-drittijiet u s-sikurezza tal-omm u tat-tfal; jistieden lill-Istati Membri ma jirrikonoxxux is-sindromu tal-aljenazzjoni tal-ġenituri fil-prattika u fil-liġi ġudizzjarja tagħhom u jiskoraġġixxu jew saħansitra jipprojbixxu l-użu tiegħu fi proċedimenti tal-qorti, b'mod partikolari matul investigazzjonijiet biex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta' vjolenza;

42.  Jenfasizza l-importanza ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni li jippermettu lix-xhieda (b'mod partikolari l-ġirien u l-kollegi fuq il-post tax-xogħol) jidentifikaw is-sinjali ta' vjolenza minn sieħeb intimu (b'mod partikolari l-vjolenza mhux fiżika), u li jipprovdu gwida dwar kif il-vittmi għandhom jiġu appoġġjati u assistiti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu kampanji ta' sensibilizzazzjoni, informazzjoni u promozzjoni li jindirizzaw il-preġudizzju u l-istereotipi marbuta mal-ġeneru kif ukoll il-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru fil-forom kollha tagħha, bħall-vjolenza fiżika, il-fastidju sesswali, il-vjolenza ċibernetika, il-vjolenza psikoloġika u l-isfruttament sesswali, b'mod partikolari fir-rigward tal-miżuri ta' prevenzjoni ġodda u sistemi flessibbli ta' twissija ta' emerġenza, u biex tinkoraġġixxi r-rapportar b'mod koordinat u f'kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet tan-nisa rikonoxxuti u speċjalizzati; jisħaq fuq l-importanza li jiġu involuti b'mod attiv l-istrutturi pubbliċi kollha fit-twettiq ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni;

43.  Jenfasizza li l-kastig effettiv għal min jabbuża huwa essenzjali kemm biex tiġi skoraġġuta aktar vjolenza, kif ukoll biex tissaħħaħ il-fiduċja fl-awtoritajiet pubbliċi speċjalment mill-vittmi; jirrimarka, madankollu, li l-inkarċerazzjoni waħedha mhijiex biżżejjed biex tipprevjeni l-vjolenza futura u li jeħtieġ li jkun hemm programmi speċifiċi ta' riabilitazzjoni u riedukazzjoni; jistieden lill-Istati Membri, sabiex kif stabbilit fl-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta' Istanbul, jieħdu l-miżuri leġiżlattivi jew miżuri oħra meħtieġa biex jistabbilixxu, jew jappoġġjaw programmi mmirati lejn it-tagħlim ta' awturi li jwettqu vjolenza domestika biex dawn jadottaw imġiba mhux vjolenti f'relazzjonijiet interpersonali bil-ħsieb li tiġi evitata aktar vjolenza u biex jinbidlu l-mudelli ta' mġiba vjolenti; jenfasizza li meta jagħmlu dan, l-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw li s-sikurezza u l-appoġġ tal-vittmi u d-drittijiet tal-bniedem tagħhom ikunu ta' importanza ewlenija u li, fejn ikun xieraq, dawn il-programmi jiġu stabbiliti u implimentati f'kooperazzjoni mill-qrib ma' servizzi ta' appoġġ speċjalizzat għall-vittmi; jirrimarka li l-edukazzjoni hija kruċjali biex tinqered il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, u l-vjolenza minn sieħeb intimu b'mod partikolari; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw programmi preventivi, inkluż permezz ta' edukazzjoni dwar kwistjonijiet bħall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, ir-rispett reċiproku, is-soluzzjoni mhux vjolenti tal-kunflitti f'relazzjonijiet interpersonali, il-vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa u d-dritt għall-integrità personali, u edukazzjoni dwar is-sesswalità skont l-età adattata għall-kapaċità li qed tevolvi tal-istudenti, fil-kurrikuli formali u fil-livelli kollha tal-edukazzjoni, f'konformità mal-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025; jisħaq fuq il-fatt li l-edukazzjoni komprensiva adatta għall-età dwar ir-relazzjoni u s-sesswalità huma kruċjali biex it-tfal jiġu protetti mill-vjolenza u biex jingħataw il-ħiliet li jeħtieġu biex jibnu relazzjonijiet sikuri, ħielsa mill-vjolenza sesswali, abbażi tal-ġeneru u mill-vjolenza domestika; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja programmi li għandhom l-għan li jipprevjenu l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, inkluż permezz tal-fergħa Daphne tal-Programm taċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri sabiex jiġu żgurati miżuri effettivi ta' prevenzjoni;

44.  Jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu passi biex jeliminaw il-prekonċetti ingranati li għadhom jirfdu d-disparità ta' kura bejn il-ġeneri;

45.  Jenfasizza li l-istrateġiji għall-prevenzjoni ta' vjolenza minn sieħeb intimu għandhom jinkludu azzjonijiet biex jitnaqqas l-esponiment għall-vjolenza matul it-tfulija, it-tagħlim tal-ħiliet meħtieġa biex jinħolqu relazzjonijiet sikuri u b'saħħithom u n-normi soċjali ta' sfida li jippromwovu s-supremazija u l-imġiba awtoritarja tal-irġiel fuq in-nisa, jew forom oħra ta' mġiba sessista;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi kampanji ta' sensibilizzazzjoni pubblika u edukattivi u l-iskambju tal-aħjar prattiki madwar l-UE kollha bħala miżura meħtieġa għall-prevenzjoni tal-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-ħolqien ta' klima ta' tolleranza żero fir-rigward tal-vjolenza u ambjent aktar sikur għall-vittmi; jenfasizza r-rwol strateġiku tal-media f'dan ir-rigward; jisħaq, madankollu, li f'xi Stati Membri, il-femminiċidju u l-każijiet ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru għadhom ippreżentati f'termini li jeħilsu lis-sieħeb vjolenti mir-responsabbiltà tiegħu; jenfasizza li l-media u r-reklamar ma jridux ixerrdu messaġġi misoġini u sessisti, inkluż billi jippruvaw jiġġustifikaw, jilleġittimaw jew jimminimizzaw il-vjolenza u r-responsabbiltajiet tas-sħab vjolenti; iqis li l-vjolenza domestika toriġina wkoll minn approċċ marbut mal-ġeneru għar-rwol ta' ġenitur; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, jiġġieldu l-istereotipi marbuta mal-ġeneru u jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fir-responsabbiltajiet tal-ġenituri, fejn il-piż tal-ġenituri jkun imqassam b'mod ġust, filwaqt li jiżguraw li n-nisa ma jiġux assenjati status subordinat; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-livell tal-UE dwar il-prevenzjoni, il-protezzjoni u l-prosekuzzjoni u miżuri għall-ġlieda kontra l-vjolenza, kif ukoll dwar l-implimentazzjoni prattika tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jikkomplementaw din il-kampanja tal-UE billi jxerrdu informazzjoni dwar fejn il-vittmi u x-xhieda jistgħu jirrapportaw dan it-tip ta' vjolenza, inkluż wara t-tmiem tal-kampanja, filwaqt li jqisu l-ispeċifiċità tal-kriżi tal-COVID-19 biex jiffukaw ukoll fuq l-impatt fuq it-tfal; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-attivitajiet fl-iskejjel u f'ambjenti oħra li jqajmu l-għarfien dwar kwistjonijiet ta' kriminalità u trawma, fejn wieħed jista' jsib l-għajnuna, kif wieħed għandu jirrapporta problemi, u kif għandha tinbena r-reżiljenza fost it-tfal u dawk li jaħdmu mat-tfal;

Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, inkluż f'każijiet transfruntiera

47.  Jissottolinja l-importanza tal-iskambju ta' informazzjoni bejn il-qrati, l-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri u l-korpi tal-pulizija, speċjalment fir-rigward ta' każijiet ta' kustodja transfruntiera; jittama li r-regoli riveduti skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1111 tal-25 ta' Ġunju 2019 dwar il-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri, u dwar sekwestru internazzjonali ta' minuri(28) se jtejbu l-kooperazzjoni bejn is-sistemi ġudizzjarji u effettivament jiddeterminaw l-aħjar interessi tat-tfal, irrispettivament mill-istatus konjugali tal-ġenituri jew mill-kompożizzjoni tal-familja tagħhom, u l-interessi tal-vittmi tal-vjolenza minn sieħeb intimu; jisħaq li huwa importanti għat-tobba forensiċi, jew għal kwalunkwe professjonist ieħor involut, li jipprovdu lill-awtorità nazzjonali rilevanti b'informazzjoni relatata mal-vjolenza minn sieħeb intimu meta jemmnu li din il-vjolenza tpoġġi l-ħajja tal-vittma adulta, jew tat-tfal, f'periklu, u li l-vittma ma tkunx tista' tipproteġi lilha nnifisha minħabba l-koerċizzjoni morali jew ekonomika li tirriżulta mis-setgħa eżerċitata mill-awtur, li jfittex li jikseb il-kunsens tal-vittma adulta fejn xieraq; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-infurzar u l-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament Brussell IIa; jesprimi dispjaċir, f'dan ir-rigward, għall-fatt li l-aktar reviżjoni reċenti tiegħu naqset milli testendi l-kamp ta' applikazzjoni għal sħubijiet reġistrati u għal koppji mhux miżżewġa; huwa tal-fehma li dan iwassal għal diskriminazzjoni u sitwazzjonijiet potenzjalment perikolużi għall-vittmi u t-tfal ta' sħubijiet reġistrati u koppji mhux miżżewġa; ifakkar li l-kamp ta' applikazzjoni u l-objettivi tar-Regolament Brussell IIa huma bbażati fuq "il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni abbażi taċ-ċittadinanza bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni" u fuq il-prinċipju ta' fiduċja reċiproka bejn is-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri; jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta lura lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni u l-impatt ta' dawn ir-regolamenti, inkluż fil-kuntest tal-vjolenza minn sieħeb intimu u d-drittijiet ta' kustodja, sa mhux aktar tard minn Awwissu 2024;

48.  Jirrimarka li, filwaqt li t-tilwim familjari kollu għandu impatt emozzjonali profond, il-każijiet transfruntiera huma saħansitra aktar sensittivi u legalment aktar kumplessi; jisħaq li jeħtieġ li jkun hemm livell għoli ta' għarfien pubbliku rigward kwistjonijiet kumplessi bħal arranġamenti ta' kustodja transfruntiera u l-obbligi ta' manteniment, inkluża l-ħtieġa li tiġi żgurata ċarezza rigward id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri u t-tfal f'kull pajjiż; jirrimarka li l-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu għas-soluzzjoni aktar rapida ta' każijiet tal-liġi tal-familja transfruntiera bħal dawn billi jistabbilixxu sistema ta' sezzjonijiet speċjalizzati fi ħdan il-qrati nazzjonali, inklużi unitajiet iffukati fuq vjolenza abbażi tal-ġeneru magħmula minn persunal mediku forensiku, psikologi, u professjonisti rilevanti oħra, u li jaħdem f'koordinazzjoni mas-servizzi pubbliċi speċjalizzati fil-vjolenza abbażi tal-ġeneru u inkarigat mill-għoti ta' assistenza lill-vittmi; jitlob li tingħata attenzjoni speċifika lis-sitwazzjoni tal-unitajiet domestiċi b'ġenitur wieħed u l-ġbir transfruntier tal-pensjoni tal-manteniment, peress li l-aspetti prattiċi tal-infurzar tad-dispożizzjonijiet attwali stabbiliti, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni fi kwistjonijiet relatati mal-obbligi ta' manteniment u l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Irkupru ta' Manteniment Barra mill-Pajjiż, li tistabbilixxi obbligi legali relatati mal-ġbir transfruntier ta' pensjoni tal-manteniment, jibqgħu ta' sfida; jisħaq fuq il-fatt li l-għodod legali għall-ġbir transfruntier tal-pensjoni tal-manteniment jeħtieġ li jiġu infurzati flimkien mas-sensibilizzazzjoni pubblika dwar id-disponibbiltà tagħhom; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-Istati Membri biex tidentifika l-problemi prattiċi marbuta mal-ġbir tal-pensjoni tal-manteniment f'sitwazzjonijiet transfruntiera u tgħinhom jiżviluppaw għodod effettivi biex jinfurzaw l-obbligi ta' pagament; jisħaq fuq l-importanza tal-kwistjoni u l-konsegwenzi tagħha fuq il-familji b'ġenitur wieħed u r-riskju tal-faqar;

49.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jkomplu janalizzaw id-data dwar u t-tendenzi fil-prevalenza ta' kull forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru u vjolenza domestika, u r-rappurtar tagħhom, kif ukoll il-konsegwenzi għat-tfal, waqt li huma stabbiliti miżuri ta' konfinament u matul il-perjodu immedjatament wara;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom sabiex jieħdu miżuri li jagħtu s-setgħa lill-vittmi ta' vjolenza minn sieħeb intimu, biex jersqu 'l quddiem u jirrapportaw ir-reat, peress li f'ħafna każijiet il-vjolenza minn sieħeb intimu tibqa' ma tiġix irrapportata; jinnota l-impenn tal-Kummissjoni li twettaq stħarriġ ġdid tal-UE dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru li r-riżultati tiegħu għandhom jiġu ppreżentati fl-2023; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkooperaw mill-qrib sabiex jistabbilixxu mekkaniżmu permanenti biex jipprovdi fuq bażi regolari data armonizzata, preċiża, affidabbli, komparabbli, ta' kwalità għolja u segregata skont il-ġeneru madwar l-UE dwar il-prevalenza, il-kawżi u l-konsegwenzi għan-nisa u t-tfal u l-immaniġġjar tal-vjolenza minn sieħeb intimu u d-drittijiet tal-kustodja, billi jsir użu sħiħ mill-kapaċità u l-għarfien espert tal-EIGE u l-Eurostat; ifakkar li l-provvista ta' statistika nazzjonali dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija azzjoni eliġibbli għall-finanzjament fl-ambitu tal-Programm għas-Suq Uniku għall-2021-2027; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li d-data tiġi diżaggregata skont l-età, l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, il-karatteristiċi tas-sess, ir-razza u l-etniċità u l-istatus ta' diżabilità fost affarijiet oħra, biex jiġi żgurat li jinġabru l-esperjenzi tan-nisa fid-diversità kollha tagħhom; jinnota li dan se jikkontribwixxi għal fehim aħjar tal-iskala u l-kawżi tal-problema, l-aktar il-kategoriji soċjoekonomiċi li fihom il-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija prevalenti aktar u l-fatturi influwenti l-oħra, kif ukoll oqfsa legali u politiki differenti madwar il-pajjiżi, li jistgħu jiġu esplorati mill-qrib permezz ta' tqabbil dettaljat bejn il-pajjiżi, bil-għan li jiġu identifikati l-oqfsa ta' politika li jistgħu jinfluwenzaw l-okkorrenza tal-vjolenza; jinsisti wkoll fuq l-importanza li l-Istati Membri jiġbru data statistika dwar il-proċedimenti amministrattivi u ġudizzjarji li jikkonċernaw il-kustodja tat-tfal li jinvolvu vjolenza minn sieħeb intimu, u b'mod partikolari dwar ir-riżultat tas-sentenzi u r-raġunijiet li jagħtu għad-deċiżjonijiet tagħhom dwar il-kustodja u d-drittijiet ta' aċċess;

51.  jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi kampanji ta' sensibilizzazzjoni pubblika madwar l-UE kollha bħala miżura meħtieġa fil-prevenzjoni tal-vjolenza domestika u l-ħolqien ta' klima ta' tolleranza żero fir-rigward tal-vjolenza;

o
o   o

52.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.
(2) ĠU L 132, 21.5.2016, p. 1.
(3) ĠU C 337, 20.9.2018, p. 167.
(4) ĠU C 232, 16.6.2021, p. 48.
(5) Testi adottati, P9_TA(2020)0379.
(6) Testi adottati, P9_TA(2021)0024.
(7) Testi adottati, P9_TA(2021)0025.
(8) ĠU L 338, 21.12.2011, p. 2.
(9) ĠU L 181, 29.6.2013, p. 4.
(10) ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1.
(11) L-Artikoli 2 u 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 8, 10, 19 u 157 TFUE.
(12) L-Artikoli 21 u 23 tal-Karta.
(13) Ir-rapport tal-FRA tat-3 ta' Marzu 2014 bit-titolu "Violence against women: an EU-wide survery" (Vjolenza kontra n-nisa: stħarriġ madwar l-UE kollha).
(14) Il-Konvenzjoni ta' Istanbul.
(15) Il-Kunsill tal-Ewropa, "Human Rights Channel: Stop Child Sexual Abuse in Sport" (Kanal tad-Drittijiet tal-Bniedem: Inwaqqfu l-Abbuż Sesswali Fuq it-Tfal fl-Isport), aċċessat fil-21 ta' Lulju 2021.
(16) Eurostat, "Children at risk of poverty or social exclusion" (Tfal f'riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali), data estratta f'Ottubru 2020.
(17) Ir-rapport tal-FRA tat-3 ta' Marzu 2014 bit-titolu "Violence against women: An EU Wide Survey" (Vjolenza kontra n-nisa: stħarriġ madwar l-UE kollha).
(18) Dikjarazzjoni lill-istampa minn Dr Hans Henri P. Kluge, id-Direttur Reġjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa għall-Ewropa tas-7 ta' Mejju 2020 bit-titolu "During COVID-19 pandemic, violence remains preventable, not inevitable" (Matul il-pandemija tal-COVID-19, il-vjolenza għadha tista' tiġi pprevenuta, u mhijiex inevitabbli).
(19) Ir-rapport tal-FRA tat-3 ta' Marzu 2014 bit-titolu "Violence against women: an EU-wide survery" (Vjolenza kontra n-nisa: stħarriġ madwar l-UE kollha).
(20) Ir-rapport tal-Europol tad-19 ta' Ġunju 2020 bit-titolu "Exploiting Isolation: Offenders and victims of online child sexual abuse during the COVID-19 pandemic" (L-isfruttament tal-iżolament: It-trasgressuri u l-vittmi ta' abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet waqt il-pandemija tal-COVID-19).
(21) Rapport ta' spjegazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-11 ta' Mejju 2011 lill-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika.
(22) Dikjarazzjoni mill-Pjattaforma EDVAW tal-31 ta' Mejju 2019 bit-titolu "Intimate partner violence against women is an essential factor in the determination of child custody" (Il-vjolenza minn sieħeb intimu kontra n-nisa hija fattur essenzjali fid-determinazzjoni tal-kustodja tat-tfal).
(23) L-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta' Istanbul.
(24) Ir-rakkomandazzjoni ġenerali Nru 35 dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa, li taġġorna r-rakkomandazzjoni ġenerali Nru 19 tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa.
(25) Proposta tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2020 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar pagi minimi adegwati fl-Unjoni Ewropea (COM(2020)0682).
(26) Proposta tal-Kummissjoni tal-4 ta' Marzu 2021 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għat-tisħiħ tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali bejn l-irġiel u n-nisa permezz ta' trasparenza fil-pagi u mekkaniżmi ta' infurzar (COM(2021)0093).
(27) Id-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw (ĠU L 188, 12.7.2019, p. 79).
(28) ĠU L 178, 2.7.2019, p. 1.


Qafas ta' Politika tal-UE dwar is-Sikurezza fit-Toroq 2021-2030 - Rakkomandazzjonijiet dwar il-passi li jmiss lejn "Viżjoni Żero"
PDF 194kWORD 64k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2021 dwar il-Qafas ta' Politika tal-UE dwar is-Sikurezza fit-Toroq 2021-2030 – Rakkomandazzjonijiet dwar il-passi li jmiss lejn "Viżjoni Żero" (2021/2014(INI))
P9_TA(2021)0407A9-0211/2021

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ġunju 2019 bit-titolu "Qafas ta' Politika tal-UE dwar is-Sikurezza fit-Toroq 2021-2030 – Il-passi li jmiss lejn "Viżjoni Żero" (SWD(2019)0283),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Diċembru 2020 bit-titolu "Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti – inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur" (COM(2020)0789),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 li tiffaċilita l-iskambju transkonfinali ta' informazzjoni dwar reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq(1) (Direttiva dwar l-Infurzar Transkonfinali),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar il-liċenzji tas-sewqan(2) (Direttiva dwar il-Liċenzji tas-Sewqan),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/2144 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2019 dwar rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip għall-vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, kif ukoll għas-sistemi, għall-komponenti u għall-unitajiet tekniċi separati maħsubin għat-tali vetturi, fir-rigward tas-sikurezza ġenerali tagħhom u tal-protezzjoni tal-okkupanti tal-vetturi u l-utenti vulnerabbli tat-triq(3) (Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali)

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2021 dwar ir-rapport ta' implimentazzjoni dwar l-aspetti tas-sikurezza fit-toroq tal-Pakkett dwar l-Affidabbiltà Stradali(4).

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2017 dwar is-sigurtà fit-toroq - li japprovaw id-Dikjarazzjoni tal-Belt Valletta ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Stokkolma tad-19-20 ta' Frar 2020 li saret matul it-Tielet Konferenza Ministerjali Globali dwar is-Sikurezza fit-Toroq,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Ottubru 2015 dwar iċ-ċikliżmu bħala mod tat-Trasport li ma jagħmilx ħsara lill-klima, iffirmata mill-Ministri għat-Trasport tal-UE f'laqgħa informali fil-Lussemburgu;

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċeduri tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A9-0211/2021),

A.  billi kull sena madwar 22 700 persuna għadhom jitilfu ħajjithom fit-toroq tal-UE u madwar 120 000 ikorru serjament; billi aktar minn 11 800 tifel u tifla u żagħżugħ u żagħżugħa sal-età ta' 17-il sena mietu f'ħabtiet tat-traffiku fit-toroq fl-UE matul dawn l-aħħar 10 snin; billi l-progress fit-tnaqqis tar-rati ta' mwiet fl-UE staġna f'dawn l-aħħar snin u, b'riżultat ta' dan, il-mira li jitnaqqas bin-nofs l-għadd ta' mwiet fit-toroq bejn l-2010 u l-2020 ma ntlaħqitx; billi ċ-ċifri msemmija hawn fuq jirrappreżentaw prezz uman u soċjali inaċċettabbli għaċ-ċittadini tal-UE u l-ispiża esterna tal-ħabtiet fit-toroq fl-UE jirrappreżentaw madwar 2 % tal-PDG annwali tagħha;

B.  billi l-UE qed tiffaċċja xejriet u sfidi ġodda fl-awtomatizzazzjoni li jista' jkollhom impatt enormi fuq is-sikurezza fit-toroq; billi l-fenomenu li qed jikber tad-distrazzjoni minn apparati mobbli jeħtieġ li jiġi indirizzat; billi fil-futur qrib, il-preżenza kemm tal-vetturi b'firxa wiesgħa ta' karatteristiċi awtomatizzati/konnessi u kif ukoll tal-vetturi tradizzjonali fi traffiku mħallat se toħloq riskju ġdid, speċjalment għall-utenti vulnerabbli tat-triq bħall-motoċiklisti, iċ-ċiklisti u l-persuni miexja;

C.  billi l-avvanzi teknoloġiċi, il-konnettività, l-awtomatizzazzjoni u l-ekonomija ta' kondiviżjoni jipprovdu opportunitajiet ġodda għas-sikurezza fit-toroq u biex tiġi indirizzata l-konġestjoni, speċjalment f'żoni urbani; billi l-iżvilupp tas-sinerġiji bejn il-miżuri ta' sikurezza u ta' sostenibbiltà u l-insegwiment tal-bidla modali lejn modi ta' trasport pubbliku u mobilità attiva jistgħu jwasslu għal emissjonijiet tas-CO2 aktar baxxi, itejbu l-kwalità tal-arja u jgħinu fl-iżvilupp ta' stili ta' ħajja aktar attivi u tajbin għas-saħħa;

D.  billi l-passiġġieri fil-karozzi li ġew ikklassifikati b'ħames stilel fl-aħħar testijiet għall-European New Car Assessment Programme (Programm Ewropew ta' Ttestjar tal-Karozzi Ġodda, il-Euro NCAP) kellhom riskju ta' korriment fatali ta' 68 % inqas u riskju ta' korriment serju ta' 23 % inqas mill-passiġġieri f'karozzi kklassifikati b'żewġ stilel;

E.  billi s-sehem ta' mwiet fit-toroq tal-utenti vulnerabbli tat-triq qed jiżdied, filwaqt li l-utenti tal-karozzi kienu l-benefiċjarji ewlenin tas-sikurezza mtejba tal-vetturi u ta' miżuri oħra ta' sikurezza fit-toroq; billi l-piż, il-qawwa u l-ogħla veloċità tal-karozzi ġodda mibjugħa fl-UE qed jiżdiedu u dan iżid iktar ir-riskji għas-sikurezza fit-toroq; billi s-sikurezza tal-motoċiklisti, taċ-ċiklisti u tal-persuni miexja trid tiġi indirizzata b'mod urġenti;

F.  billi, għalkemm jirrappreżentaw biss 2 % tal-għadd totali ta' kilometri vvjaġġati, il-vetturi motorizzati b'żewġ roti jirrappreżentaw 17 % tal-għadd totali ta' mwiet fit-toroq; billi hemm disparitajiet sinifikanti bejn il-pajjiżi; billi l-UE għandha tagħti prijorità lit-teħid ta' azzjoni ulterjuri biex ittejjeb is-sikurezza ta' dawn il-vetturi fl-għaxar snin li ġejjin;

G.  billi skont studju tal-Kummissjoni, 8 % biss tal-imwiet iseħħu fuq l-awtostradi, filwaqt li 37 % jseħħu f'żoni urbani u 54 % f'toroq rurali; billi investiment ġdid u manutenzjoni xierqa tal-infrastruttura eżistenti matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħha huma essenzjali għas-sikurezza fit-toroq;

H.  billi mhux il-vittmi kollha ta' inċidenti jiġu rrappurtati, u dan jgħawweġ l-istatistika disponibbli; billi jeħtieġ li jiġu żviluppati metodi ta' ttestjar effettivi biex jiġi ddeterminat in-numru reali tal-vittmi ta' inċidenti tat-triq;

I.  billi l-iżgurar u l-infurzar tal-imġiba sikura tal-utenti tat-triq, bħal meta persuna tivvjaġġa bil-veloċità t-tajba, tuża tagħmir protettiv bħaċ-ċinturini tas-sikurezza u l-elmi ta' protezzjoni, ma ssuqx meta tkun taħt l-influwenza tal-alkoħol jew tad-drogi, u ssuq, tirkeb jew timxi mingħajr distrazzjonijiet, huma kruċjali għall-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tal-ħabtiet fatali fit-toroq;

J.  billi hemm inugwaljanzi bejn il-ġeneri u l-etajiet u inugwaljanzi soċjali fil-mobilità u s-sikurezza fit-toroq;

K.  billi l-kisba tal-miri l-ġodda tal-UE għas-sikurezza fit-toroq teħtieġ sforzi kooperattivi aktar intensivi biex jiġu żviluppati politiki Ewropej b'saħħithom dwar is-sikurezza fit-toroq mal-partijiet ikkonċernati, appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni, sabiex jitħejjew soluzzjonijiet ibbażati fuq politiki abbażi ta' data solida u analiżi tal-impatt, kif ukoll aktar miżuri ta' infurzar u mmirati aħjar fil-livell nazzjonali u kooperazzjoni transkonfinali effettiva dwar l-infurzar tal-penali;

L.  billi 40 sa 60 % tal-fatalitajiet kollha relatati max-xogħol huma inċidenti tat-triq li jseħħu matul ix-xogħol jew waqt l-ivvjaġġar għax-xogħol; billi l-għeja tas-sewwieqa hija komuni fit-toroq tal-UE;

M.  billi l-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali għas-sikurezza fit-toroq u tal-qafas il-ġdid ta' politika tal-UE dwar is-sikurezza fit-toroq teħtieġ riżorsi finanzjarji stabbli u suffiċjenti kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-baġit tal-UE;

Qafas ta' politika tal-UE dwar is-sikurezza fit-toroq 2021-2030 – il-passi li jmiss lejn "Viżjoni Żero"

1.  Jilqa' l-fatt li l-UE, fil-qafas ta' politika tal-UE dwar is-sikurezza fit-toroq 2021-2030, affermat mill-ġdid l-għan strateġiku fit-tul tagħha li sal-2050 tersaq lejn l-objettiv ta' kważi żero mwiet u żero korrimenti serji fit-toroq tal-UE (Viżjoni Żero), u l-għan tagħha fuq perjodu medju ta' żmien li tnaqqas l-imwiet u l-korrimenti serji b'50 % sal-2030 f'konformità mad-Dikjarazzjoni tal-Belt Valletta; jenfasizza li dawn l-għanijiet u l-miri tal-UE relatati mas-sikurezza fit-toroq għandhom ikunu sostnuti minn approċċ ikkoordinat, ippjanat tajjeb, sistematiku u ffinanzjat tajjeb għas-sikurezza fit-toroq fil-livell tal-UE, fil-livell reġjonali, nazzjonali u lokali;

2.  Jilqa' f'dan ir-rigward l-adozzjoni tal-approċċ ta' sistema sikura fil-livell tal-UE, abbażi ta' qafas ta' prestazzjoni u miri f'waqthom għat-tnaqqis tal-għadd ta' vittmi u ta' korrimenti serji; jilqa' l-istabbiliment ta' indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) stabbiliti b'kooperazzjoni mal-Istati Membri biex jippermettu analiżi aktar iffukata u mmirata tal-prestazzjonijiet tal-Istati Membri u biex jidentifikaw in-nuqqasijiet; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi miri ta' eżitu sal-2023; jissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni kontinwa bejn l-UE u l-Istati Membri f'dan ir-rigward u jħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ għal dan l-eżerċizzju u jaqblu dwar metodoloġija armonizzata għall-KPIs li se tippermetti lill-Istati Membri jqabblu d-data; jappella għal pjan direzzjonali dettaljat għal azzjoni tal-UE li abbażi tiegħu l-prestazzjoni tkun tista' titkejjel, u l-obbligu ta' rendikont għall-kisba tar-riżultati jkun ir-responsabbiltà ta' korpi speċifiċi;

3.  Jemmen, madankollu, li hemm lok għal titjib fil-KPIs imsemmija hawn fuq u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra li testendi dawn l-indikaturi u taġġornahom fil-pjan ta' azzjoni strateġiku tal-UE dwar is-sikurezza fit-toroq; jemmen li l-KPI għat-tagħmir protettiv għandu jiġi kkomplementat minn KPI li jiġbor id-data dwar l-esponiment skont id-distanza u l-ħin tal-ivvjaġġar għall-utenti kollha tat-triq, imqassma skont is-sehem modali u t-tipi ta' toroq, sabiex jinftiehmu aħjar il-proporzjonijiet tar-riskju u l-perikli differenti involuti; jistieden lill-Kummissjoni tkompli taħdem mill-qrib mal-Istati Membri biex tiddefinixxi KPI għall-infrastruttura tat-toroq, filwaqt li tindika l-kwalità tas-sikurezza ta' network tat-toroq indipendentement mill-imġiba tal-utenti tat-triq jew mit-teknoloġija tal-vetturi, abbażi ta' metodoloġija komuni ta' klassifikazzjoni miftiehma; jiddispjaċih għall-fatt li l-KPIs għas-sikurezza tal-vetturi jinjoraw is-sikurezza tal-vetturi motorizzati b'żewġ roti; jistieden lill-Kummissjoni tfassal indiċi tas-sikurezza tal-vetturi għall-vetturi tal-kategorija L u jissottolinja l-ħtieġa li jiġu inklużi fih il-KPIs kollha għall-vetturi tal-kategorija L;

4.  Jenfasizza li l-finanzjament tal-UE huwa kruċjali għall-investiment f'soluzzjonijiet sostenibbli u intelliġenti b'rabta mas-sikurezza fit-toroq u biex tiġi aċċelerata l-kisba ta' riżultati fir-rigward tas-sikurezza fit-toroq madwar l-UE; jistieden lill-Kummissjoni tissalvagwardja u żżid l-investiment tal-UE fis-sikurezza fit-toroq fil-programmi ta' finanzjament rilevanti kollha tal-UE, inkluż fir-riċerka u l-innovazzjoni; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri kollha biex jallokaw ammont adegwat mill-baġit nazzjonali tagħhom, li, flimkien mal-finanzjament tal-UE, għandhom jagħmluha possibbli li jiġu implimentati l-programmi nazzjonali tagħhom dwar is-sikurezza fit-toroq u l-qafas il-ġdid ta' politika tal-UE dwar is-sikurezza fit-toroq 2021-2030; jistieden lill-Istati Membri joħolqu fondi nazzjonali għas-sikurezza fit-toroq bħala mekkaniżmi għall-ġbir tal-multi abbażi tal-kodiċijiet tat-traffiku tagħhom u għar-ridistribuzzjoni tal-flus miġbura għas-sikurezza fit-toroq; jistieden lill-Kummissjoni testendi għall-Istati Membri kollha l-programm ta' Skambju tas-Sikurezza tat-Toroq tal-UE, li huwa mfassal biex itejjeb il-prestazzjoni tas-sikurezza fit-toroq iżda attwalment jiffoka fuq sitt Stati Membri biss;

5.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu osservatorji nazzjonali għas-sikurezza fit-toroq biex jiġbru, jipproċessaw u jżommu bażi tad-data nazzjonali dwar is-sikurezza fit-toroq; jitlob lill-Istati Membri jallinjaw l-istrateġiji nazzjonali tagħhom għas-sikurezza fit-toroq mal-objettivi tal-qafas ta' politika tal-UE dwar is-sikurezza fit-toroq 2021-2030 u biex jindirizzaw, malajr kemm jista' jkun, dan in-nuqqas;

Infrastruttura sikura

6.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jagħtu prijorità lill-investimenti li jipproduċu l-akbar benefiċċji f'termini ta' sikurezza fit-toroq, billi jiffokaw b'mod partikolari fuq iż-żoni bl-ogħla għadd ta' inċidenti, inklużi investimenti fiż-żamma tal-infrastruttura eżistenti bħala prijorità u fil-kostruzzjoni ta' infrastruttura ġdida, fejn meħtieġ; jilqa' l-fatt li l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 2021-2027 tipprevedi finanzjament fi proġetti ta' infrastruttura u mobilità sikuri u siguri, inkluża s-sikurezza fit-toroq; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tippromwovi l-opportunitajiet ta' finanzjament tal-UE permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-fondi reġjonali u ta' koeżjoni, InvestEU u l-Pjattaforma għal Trasport Aktar Sikur imnedija mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), speċjalment fl-Istati Membri bi prestazzjoni relattivament fqira tas-sikurezza fit-toroq; jisħaq fuq l-importanza li l-kriterji ta' eliġibbiltà għal dawk l-istrumenti jiġu magħmula aktar ċari għall-azzjonijiet tas-sikurezza fit-toroq; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja u tħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu f'network tat-trasport aktar sikur, aktar sostenibbli, reżiljenti u multimodali permezz tal-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza; jistieden lill-Kummissjoni biex fir-reviżjoni tar-Regolament dwar in-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T)(5) tistabbilixxi l-bażijiet għal deċiżjonijiet futuri dwar l-investiment fis-sikurezza fit-toroq, inkluża l-implimentazzjoni ta' pjan ta' monitoraġġ tan-network ewlieni dwar il-manutenzjoni fil-livell tal-UE;

7.  Jenfasizza li valutazzjoni proattiva tan-network tat-toroq tal-UE se tkun għodda utli għall-valutazzjoni tas-sikurezza integrata tat-toroq u biex l-investiment jitpoġġa fil-mira; jilqa', f'dan ir-rigward, l-immappjar tar-riskju u l-klassifikazzjoni tas-sikurezza tal-awtostradi u t-toroq primarji introdotti fir-regoli tal-UE dwar is-sikurezza tal-infrastruttura(6) li ġew riveduti dan l-aħħar u jistieden lill-Istati Membri jiddeżinjaw kemm jista' jkun toroq primarji fit-territorju tagħhom biex iżidu l-potenzjal ta' sikurezza fit-toroq tad-direttiva l-ġdida; jistieden lill-Istati Membri biex, f'konformità mad-direttiva, jistabbilixxu sistemi nazzjonali għar-rappurtar volontarju, li għandhom ikunu aċċessibbli online u disponibbli għall-utenti kollha tat-toroq, sabiex jiġi ffaċilitat il-ġbir tad-data tal-okkorrenzi trażmessi mill-utenti tat-toroq u l-vetturi u kwalunkwe informazzjoni oħra relatata mas-sikurezza meqjusa mill-awtur tar-rapport bħala periklu effettiv jew potenzjali għas-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq, bil-ħsieb li jiġi żgurat li ċ-ċittadini tal-UE jagħtu kontribut trasparenti, immedjat u dirett għas-sikurezza; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaqblu malajr kemm jista' jkun dwar metodoloġija biex jitwettqu valutazzjonijiet sistematiċi tat-toroq fin-network kollu kif rikjest mir-reviżjoni tal-att imsemmi hawn fuq, inkluż kwalunkwe aspett li huwa importanti għas-sikurezza tal-utenti attivi tat-triq;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħaffu l-ħidma fuq l-ispeċifikazzjonijiet tal-UE għall-prestazzjoni tas-sinjali u l-immarkar tat-toroq sabiex iħejju l-bażi għal awtomatizzazzjoni akbar tal-vetturi; ifakkar fl-importanza tal-prestazzjoni tas-sinjali u l-immarkar tat-toroq, inklużi t-tqegħid, il-viżibbiltà u r-retroriflettività tagħhom, b'mod partikolari għall-effikaċja tas-sistemi ta' assistenza għas-sewwieqa, bħall-assistenza intelliġenti tal-veloċità u s-sistemi għaż-żamma tal-korsija; jenfasizza l-importanza li l-infrastruttura tintuża biex jinbnew toroq awtoevidenti, li jgħinu lis-sewwieq awtomatikament fis-sikurezza, u "li jaħfru" għas-sikurezza tal-parteċipanti kollha tat-traffiku fit-toroq, b'mod partikolari f'żoni perikolużi jew f'żoni b'għadd sinifikanti ta' utenti vulnerabbli tat-triq;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu rekwiżiti tal-kwalità għall-infrastruttura tal-mixi u taċ-ċikliżmu sabiex jiġi indirizzat il-livell insuffiċjenti tas-sikurezza għall-utenti attivi tat-triq; jistieden lill-Kummissjoni tfassal kurrikuli komuni tal-UE għall-awdituri u l-ispetturi tal-infrastruttura tat-toroq, inkluż taħriġ speċifiku dwar il-ħtiġijiet tal-utenti vulnerabbli tat-triq, bħala parti mill-forum il-ġdid tagħha ta' awdituri Ewropej tas-sikurezza fit-toroq;

10.  Jinnota li l-utenti tat-triq b'mobilità mnaqqsa u b'diżabilitajiet oħra għandhom bżonnijiet speċjali li għandhom jitqiesu fl-ippjanar u fil-bini ta' infrastruttura ġdida tat-toroq; jistieden lill-Istati Membri jsostnu l-investimenti fi proġetti li għandhom l-għan li jagħmlu l-infrastruttura tat-toroq inklużiva u aċċessibbli għal kulħadd;

11.  Jinnota li, f'konformità mal-aħħar reviżjoni tar-regoli tal-UE dwar is-sikurezza tal-infrastruttura, il-Kummissjoni hija marbuta li tikkunsidra li tirrevedi d-Direttiva 2004/54/KE dwar il-ħtiġiet minimi tas-sigurtà għall-mini(7) sal-2021 u li tikkunsidra l-adozzjoni ta' proposta leġiżlattiva ġdida dwar ir-rekwiżiti minimi tas-sikurezza għall-pontijiet; jistieden lill-Kummissjoni tkompli ttejjeb l-użu sikur tal-mini billi, fost l-oħrajn, torganizza kampanji ta' sensibilizzazzjoni u billi twettaq studji rilevanti;

12.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu grupp ta' esperti biex ifasslu qafas għall-klassifikazzjoni tat-toroq li jqabbel aħjar il-limitu tal-veloċità mad-disinn u t-tqassim tat-toroq f'konformità mal-approċċ tas-sistema sikura;

13.  Jappella għal miżuri biex tissaħħaħ aktar is-sikurezza fit-toroq fin-nodi urbani u suburbani u fiż-żoni rurali u biex tittejjeb is-sikurezza operazzjonali tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-infrastruttura kritika bħall-mini u l-pontijiet, filwaqt li jiġi kkunsidrat ukoll l-użu ta' teknoloġiji ta' monitoraġġ ġodda għal infrastruttura vulnerabbli, u biex jiġu definiti objettivi ta' sikurezza speċifiċi u rekwiżiti ta' kwalità fir reviżjoni li jmiss tar-Regolament TEN-T;

14.  Jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-importanza ta' bidla modali lejn modi attivi bħall-mixi u ċ-ċikliżmu u ta' mezzi tat-trasport pubbliku sostenibbli bħala għodod importanti biex jitnaqqas il-periklu fit-toroq, u biex jiġu allokati investimenti adegwati għal dan il-għan; jilqa', f'dan ir-rigward, it-tnedija tal-inizjattiva Pjattaforma għal Trasport Aktar Sikur, li titlob b'mod espliċitu faċilitajiet aħjar għal trasport sostenibbli, inkluż għaċ-ċiklisti u għall-persuni miexja, u għal proġetti ta' mitigazzjoni tal-inċidenti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-BEI jniedu kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' informazzjoni sabiex jiġi żgurat li l-partijiet ikkonċernati kollha jkunu infurmati tajjeb dwar il-kundizzjonijiet tal-użu tagħha;

15.  Jappella għal aktar sinerġiji bejn in-network ta' itinerarji ċiklabbli Ewropej EuroVelo u t-TEN-T biex l-infrastruttura taċ-ċikliżmu ssir aktar sikura u tkun konnessa aħjar; jisħaq fuq l-importanza li jiġu żgurati mogħdijiet kontinwi għall-mixi u għaċ-ċikliżmu fil-proġetti TEN-T, fejn ikun fattibbli; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi r-rikonverżjoni ta' linji ferrovjarji li m'għadhomx jintużaw u tappoġġja attivament il-proġetti li jipprevedu l-użu tar-roti u l-ferroviji, u l-intermodalità; jinnota li forom ġodda ta' infrastruttura, bħal linji ta' waqfien avvanzati, "bike boxes", toroq għar-roti jew awtostradi għar-roti joffru possibbiltajiet ġodda għal mobilità attiva sikura; jenfasizza l-ħtieġa li ssir ħidma biex jiġu armonizzati u infurzati r-regoli dwar is-sinjali u l-immarkar tat-toroq sabiex tiġi evitata l-konfużjoni u jiżdiedu s-sikurezza u l-faċilità tal-użu;

16.  Jemmen li l-Kummissjoni għandha tagħmel l-almu tagħha biex tiżgura li l-infrastruttura taċ-ċikliżmu u l-mixi introdotta mill-Istati Membri b'rispons għall-pandemija tal-COVID-19 tibqa' teżisti u tiġi estiża sabiex jippromwovu aktar l-ivvjaġġar attiv sikur;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu mill-qrib mar-reġjuni u l-bliet biex jikkompletaw kwalunkwe infrastruttura taċ-ċirkwit lokali li jonqos u l-konnessjonijiet intermodali u transkonfinali mat-TEN-T kollu, biex b'hekk tiżgura użu aktar effiċjenti u mingħajr xkiel tal-infrastruttura u s-servizzi u ttejjeb is-sikurezza fit-toroq;

Vetturi sikuri

18.  Jilqa' r-reviżjoni reċenti tar-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali, li se tagħmel obbligatorji fl-UE, mill-2022, karatteristiċi tas-sikurezza avvanzati ġodda fil-vetturi bħall-assistenza intelliġenti tal-veloċità u s-sistemi ta' emerġenza għaż-żamma tal-korsija, bil-potenzjal li jiġu salvati madwar 7 300 ħajja u jiġu evitati 38 900 korriment serju sal-2030; jistieden lill-Kummissjoni tadotta leġiżlazzjoni sekondarja ambizzjuża u f'waqtha, li għandha tirrikjedi wkoll li sistemi tal-assistenza intelliġenti tal-veloċità bi prestazzjoni għolja jiġu installati fil-vetturi l-ġodda kollha; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tikkunsidra l-applikazzjoni prattika li tagħmilha obbligatorja li l-muturi jiġu mgħammra b'dawn is-sistemi u l-fattibbiltà, l-aċċettabbiltà u l-implikazzjonijiet possibbli għas-sikurezza fit-toroq ta' assistenza intelliġenti tal-veloċità tal-ġenerazzjoni li jmiss għall-karozzi, il-vannijiet, it-trakkijiet u x-xarabanks;

19.  Ifakkar fl-importanza tal-innovazzjoni fit-teknoloġija tal-vetturi, li tista' tgħin kemm biex ittaffi s-severità tal-ħabtiet kif ukoll biex tnaqqas il-probabbiltà ta' ħabtiet permezz ta' karatteristiċi ta' sikurezza attivi u passivi; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-istandards futuri tal-vetturi tal-passiġġieri fid-dawl ta' żviluppi teknoloġiċi ġodda u tqis il-fatturi li jistgħu jaffettwaw is-sikurezza fit-toroq bħall-massa, il-qawwa, il-veloċità u d-daqs taż-żona frontali;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmilha obbligatorja li l-muturi jiġu mgħammra b'sistemi antilokk tal-ibbrejkjar fir-reviżjoni li jmiss tal-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi tal-kategorija L; jistieden lill-Kummissjoni testendi l-kategoriji ta' vetturi li għalihom l-installazzjoni tal-eCall hija obbligatorja, b'mod partikolari fir-rigward ta' vetturi motorizzati b'żewġ roti;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa r-rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi rigward ir-reżistenza għall-ħbit u tinkludihom fir-reviżjonijiet leġiżlattivi futuri; dawn għandhom jinkorporaw ukoll l-aħħar kriterji tat-testijiet tal-ħbit tal-Euro NCAP li jimmonitorjaw l-impatt ta' kolliżjoni ma' vetturi oħra u utenti vulnerabbli tat-triq, bil-għan li tinkiseb armonizzazzjoni tal-istandards minimi u tas-sikurezza tal-passiġġieri;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw lill-bliet fl-istabbiliment ta' bażijiet tad-data dwar il-limitu ta' veloċità sabiex jippromwovu l-introduzzjoni tat-teknoloġija tal-assistenza intelliġenti tal-veloċità, kif meħtieġ skont ir-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali;

23.  Jisħaq li l-periklu u l-frekwenza ta' inċidenti bejn trakkijiet u utenti vulnerabbli tat-triq jistgħu jitnaqqsu b'mod sinifikanti permezz tal-użu mifrux ta' assistenti tat-tidwir; jenfasizza li l-assistenti tat-tidwir se jsiru obbligatorji għal tipi ġodda ta' trakkijiet fl-2022 u għat-trakkijiet il-ġodda kollha fl-2024; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi programm ta' azzjoni Ewropew dwar l-assistenti tat-tidwir biex tippromwovi l-benefiċċji ta' din it-teknoloġija u tħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati biex volontarjament jgħammru vetturi ġodda u dawk eżistenti b'assistenti tat-tidwir malajr kemm jista' jkun; ifaħħar l-inizjattivi li jappoġġjaw l-introduzzjoni volontarja ta' assistenti tat-tidwir obbligatorji; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ finanzjarju għall-installazzjoni ta' assistenti tat-tidwir fil-vetturi l-ġodda u f'dawk eżistenti;

24.  Jissottolinja li l-manipulazzjoni u l-frodi fil-karatteristiċi tas-sikurezza elettronika, bħas-sistemi avvanzati ta' assistenza fis-sewqan, jirrappreżentaw riskju kunsiderevoli għas-sikurezza u għalhekk għandhom jiġu indirizzati permezz ta' taħriġ speċifiku għall-ispetturi li jikkontrollaw l-integrità tas-software;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa standards għall-manikini tat-testijiet tal-ħbit li jkunu aktar rappreżentattivi ta' varjetà ta' aspetti bħall-età, il-ġeneru, id-daqs u l-istatura għall-utenti kemm ġewwa kif ukoll barra l-vettura;

26.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu inċentivi fiskali u jistieden lill-assiguraturi privati joffru skemi attraenti ta' assigurazzjoni tal-vetturi għax-xiri u l-użu ta' vetturi bl-ogħla standards ta' sikurezza; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-leġiżlazzjoni dwar is-sistemi ta' stikers tal-karozzi sabiex tinkludi informazzjoni addizzjonali fil-punt tal-bejgħ u b'mod diġitali dwar il-klassifikazzjoni tas-sikurezza ta' vetturi ġodda;

27.  Jilqa' r-rekwiżit li t-tfakkiriet taċ-ċinturin tas-sikurezza għas-seats kollha jsiru obbligatorji skont ir-Regolament rivedut dwar is-Sikurezza Ġenerali u jistieden lill-Kummissjoni tfassal standards għar-rekwiżiti ta' informazzjoni dwar il-parametri tas-sikurezza tas-sistemi tal-irbit tat-tfal; jistieden lill-Istati Membri jniedu kampanji ta' sensibilizzazzjoni għall-ġenituri u l-kustodji dwar is-sikurezza tat-tfal fit-trasport bit-triq sabiex ikomplu jippromwovu s-sensibilizzazzjoni dwar il-ħtieġa li jintużaw iċ-ċintorini tas-sikurezza, inkluż fis-seats ta' wara, fid-dawl tar-riski għas-sikurezza għall-okkupanti tal-vetturi fil-ħafna vetturi li qed jintużaw bħalissa – u li se jibqgħu jintużaw fis-snin li ġejjin – li ma għandhomx tali teknoloġija ta' tfakkira għaċ-ċinturini tas-sikurezza;

28.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'konformità mar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-27 ta' April 2021 dwar ir-rapport ta' implimentazzjoni dwar l-aspetti tas-sikurezza fit-toroq tal-Pakkett dwar l-Affidabbiltà Stradali, biex tqis kif xieraq il-progress tekniku fil-karatteristiċi tas-sikurezza tal-vetturi previsti fir-Regolament il-ġdid dwar is-Sikurezza Ġenerali u biex tinkludi sistemi avvanzati tas-sikurezza fl-ambitu tar-reviżjoni li jmiss tal-Pakkett dwar l-Affidabbiltà Stradali biex tiżgura li dawn jiġu ċċekkjati matul l-ispezzjonijiet tekniċi perjodiċi; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti biex, f'dan ir-rigward, jiżguraw taħriġ addizzjonali, titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid għall-ispetturi li jwettqu l-ispezzjonijiet tekniċi perjodiċi; jappella għal rekwiżiti aktar stretti ta' awtodijanjożi tal-vetturi għall-prevenzjoni ta' funzjonament ħażin tas-sistemi avvanzati ta' assistenza fis-sewqan, meta dawn huma mfassla biex itejbu s-sikurezza, u minflok eventwalment isiru ta' periklu;

29.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li d-dispożizzjonijiet fil-Pakkett dwar l-Affidabilità Stradali relatati mal-ispezzjoni tal-irbit tal-merkanzija mhumiex obbligatorji; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi t-tisħiħ ta' dawn id-dispożizzjonijiet matul ir-reviżjoni tal-pakkett li jmiss;

30.  Jisħaq li huma meħtieġa aktar sforzi għall-prevenzjoni tal-frodi tal-odometri u b'hekk jiġu żgurati l-kwalità u s-sikurezza tal-vetturi użati; jistieden lill-Istati Membri, għalhekk, biex jagħmlu użu mis-sistema ta' skambju tal-qari tal-odometru żviluppata mid-Direttorat Ġenerali għall-Mobilità u t-Trasport (DĠ MOVE) tal-Kummissjoni, il-pjattaforma MOVEHUB tal-UE u l-modulu ODOCAR tagħha b'riżultat tal-proġett pilota propost mill-Parlament dwar sistema Ewropea għal-limitazzjoni tal-frodi tal-odometru (OREL);

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas regolatorju armonizzat ġdid għall-karozzi awtomatizzati sabiex tiżgura, permezz ta' testijiet komprensivi, inklużi kundizzjonijiet reali tas-sewqan, li l-karozzi awtomatizzati jkunu joperaw b'mod assolutament sikur għas-sewwieqa tagħhom u għall-utenti l-oħra tat-triq, b'mod partikolari fir-rigward tal-interazzjoni tagħhom ma' vetturi konvenzjonali u utenti vulnerabbli tat-triq;

32.  Jesiġi li l-Kummissjoni tivvaluta, sadanittant, ir-riskji għas-sikurezza fit-toroq tas-sistemi ta' sewqan assistiti attwalment disponibbli, bħad-dipendenza żejda u d-distrazzjoni min-naħa tas-sewwieqa; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-introduzzjoni ta' rekwiżit biex it-tagħmir mobbli u elettroniku tas-sewwieqa jiġi mgħammar b'"modalità ta' sewqan sikur" u l-installazzjoni standard ta' għodod teknoloġiċi oħra biex jitnaqqsu d-distrazzjonijiet waqt is-sewqan;

33.  Jenfasizza l-fatt li, kif jindika l-pjan ta' azzjoni strateġika tal-UE dwar is-sikurezza fit-toroq tal-Kummissjoni, l-akkwist pubbliku jippreżenta opportunità interessanti biex tiġi influwenzata b'mod pożittiv is-sikurezza fit-toroq; jistieden lill-Kummissjoni tqis b'mod espliċitu l-fatt li l-aktar offerti ekonomikament vantaġġużi fl-akkwist pubbliku tas-servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bit-triq għandhom jiġu vvalutati abbażi tal-aħjar proporzjon bejn il-prezz u l-kwalità, u li dan għandu jinkludi wkoll is-sikurezza tal-vetturi, l-innovazzjoni, il-kwalità, is-sostenibbiltà u kwistjonijiet soċjali; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet kontraenti jikkunsidraw l-aspetti tas-sikurezza bħala wieħed mill-kriterji ewlenin meta jingħataw kuntratti pubbliċi għas-servizzi tat-trasport bit-triq;

34.  Jinnota li apparati ta' mobilità personali ġodda wkoll iqajmu tħassib serju relatat mhux biss mas-sikurezza tal-apparati nnifishom, iżda wkoll mal-użu sikur tagħhom fit-traffiku; jiddispjaċih li huma biss ftit l-Istati Membri li introduċew leġiżlazzjoni dwar din il-kwistjoni u li n-nuqqas ta' armonizzazzjoni fl-UE jista' joħloq konfużjoni u jagħmilha diffiċli għall-viżitaturi li jirrispettaw ir-regoli lokali; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra qafas ta' approvazzjoni tat-tip għal dawn l-apparati ta' mobilità ġodda u toħroġ linji gwida għall-Istati Membri dwar il-ġestjoni ta' aspetti tas-sikurezza, inklużi regoli tat-traffiku għall-użu sikur ta' tali apparati; ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar il-ħtieġa li jiġu implimentati kampanji tal-UE u nazzjonali ta' sensibilizzazzjoni u ta' edukazzjoni dwar l-użu sikur ta' apparati ta' mikromobilità, b'enfasi partikolari fuq l-utenti vulnerabbli tat-triq, bħat-tfal, l-anzjani jew il-persuni b'mobilità mnaqqsa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar kif jista' jittejjeb l-użu sikur ta' apparati ta' mikromobilità;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna r-rekwiżiti tal-bażi tad-data tal-UE dwar inċidenti tat-triq (CARE) u tinkorpora l-identifikazzjoni ta' kolliżjonijiet ta' apparati ta' mikromobilità, bħal e-scooters u mezzi oħra assistiti bl-elettriku; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri preventivi konkreti ta' sikurezza fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali abbażi tal-informazzjoni fil-bażi tad-data CARE;

Użu sikur tat-toroq

36.  Jinnota li skont studju tal-Kummissjoni, huwa stmat li l-alkoħol huwa involut f'madwar 25 % tal-imwiet kollha fit-toroq, filwaqt li d-drogi huma involuti fi 15 % tal-imwiet fit-toroq(8); jinnota li r-rakkomandazzjoni tal-UE dwar il-kontenut permess ta' alkoħol fid-demm tmur lura għall-2001; jistieden lill-Kummissjoni taġġorna r-rakkomandazzjonijiet tagħha u tinkludi fihom limitu ta' tolleranza żero għas-sewqan taħt l-influwenza tax-xorb, u tintroduċi rakkomandazzjoni tal-UE għal tolleranza żero fir-rigward ta' drogi psikoattivi illeċiti u standards dwar l-infurzar tal-liġi fit-toroq rigward is-sewqan taħt l-influwenza tax-xorb; jirrimarka li l-armonizzazzjoni tal-livell tal-alkoħol fid-demm permess fl-UE għall-kategoriji kollha tal-vetturi se jiffaċilita l-paraguni skont il-KPIs fir-rigward tas-sobrjetà fit-toroq; jistieden lill-Kummissjoni tfassal linji gwida dwar it-tikkettar tal-mediċini li jaffettwaw il-kapaċità tan-nies li jsuqu vettura u tniedi kampanji ta' informazzjoni biex jissensibilizzaw is-servizzi mediċi, inklużi t-tobba tal-familja, f'dan il-qasam; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi wkoll fir-rakkomandazzjonijiet riveduti gwida dwar l-installazzjoni ta' tagħmir li jidentifika l-użu tal-alkoħol, b'enfasi speċjali fuq it-trasgressuri reċidivi, it-trasgressuri tal-ewwel darba misjuba b' livell għoli u s-sewwieqa professjonali kollha;

37.  Jinnota li l-veloċità eċċessiva hija fattur ewlieni f'madwar 30 % tal-ħabtiet fatali fit-toroq u fattur aggravanti fil-biċċa l-kbira tal-ħabtiet; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi rakkomandazzjoni biex jiġu applikati limiti ta' veloċità sikuri, f'konformità mal-approċċ ta' sistema sikura għat-tipi kollha ta' toroq, bħal veloċitajiet uniformi massimi ta' 30 km/h f'żoni residenzjali u f'żoni fejn hemm għadd kbir ta' ċiklisti u persuni miexja, bil-possibbiltà ta' limiti ogħla f'toroq arterjali ewlenin bi protezzjoni xierqa għall-utent vulnerabbli tat-triq; jistieden lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-investiment fl-infurzar tal-veloċità u fil-komunikazzjoni ta' kwalità għolja dwar iċ-ċentralità tal-veloċità u l-ġestjoni tal-veloċità; jistieden lill-Istati Membri japplikaw penali li jiskoraġġixxu l-veloċità eċċessiva, inklużi sistemi ta' punti penali, u jikkunsidraw l-introduzzjoni ta' korsijiet ta' sensibilizzazzjoni dwar il-veloċità għar-riabilitazzjoni tat-trasgressuri reċidivi;

38.  Jinnota li skont l-istimi tal-Kummissjoni(9), kull sena jiġu individwati 10 miljun reat tat-traffiku maġġuri fl-UE relatati mal-veloċità eċċessiva, is-sewqan fuq dawl aħmar u sewqan taħt l-influwenza tax-xorb imwettqa minn persuni mhux residenti; jirrikonoxxi l-progress li sar fl-istabbiliment ta' qafas għall-infurzar transkonfinali ta' reati tat-traffiku sa mill-2015, iżda jiddispjaċih li l-qafas eżistenti dwar l-infurzar transkonfinali ta' reati tat-traffiku stabbilit fid-Direttiva dwar l-Infurzar Transkonfinali ma jiżgurax b'mod adegwat l-investigazzjoni sabiex jiġu infurzati l-penali jew jiġu rikonoxxuti deċiżjonijiet dwar il-penali; jemmen li infurzar transkonfinali aħjar tar-regoli tat-traffiku fit-toroq iżid il-konformità ma' tali regoli u jservi ta' deterrent, u b'hekk inaqqas l-imġiba perikoluża u jtejjeb is-sikurezza fit-toroq; jistieden lill-Kummissjoni biex, f'dan ir-rigward, tindirizza l-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq fir-rieżami li jmiss tad-direttiva, biex tivvaluta l-kwistjoni tar-rikonoxximent reċiproku tal-iskwalifiki mis-sewqan u l-punti penali, u tirrevedi l-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva biex tinkludi l-infurzar tal-pedaġġi għall-prevenzjoni tas-sewqan perikoluż u ż-żamma tal-kwalità tal-infrastruttura;

39.  Ifakkar li d-Direttiva dwar il-Liċenzji tas-Sewqan stabbiliet mudell ta' liċenzja armonizzat tal-UE u introduċiet rekwiżiti minimi għall-kisba ta' liċenzji; jinnota li d-direttiva jeħtieġ li tinżamm aġġornata fir-rigward tal-iżviluppi teknoloġiċi ġodda fit-teknoloġija tal-vetturi u tal-infrastruttura u fl-awtomatizzazzjoni tal-vetturi u fil-kurrikuli tat-taħriġ, speċjalment għas-sewwieqa professjonali; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa standards minimi għat-taħriġ tas-sewwieqa u l-edukazzjoni dwar is-sikurezza tat-traffiku, filwaqt li tallinja gradwalment il-forma, il-kontenut u l-eżiti tal-korsijiet tas-sewqan madwar l-UE, u tikkunsidra li tinkludi, fir-reviżjoni li jmiss tad-direttiva, il-matriċi tal-Għanijiet għall-Edukazzjoni tas-Sewwieq (GDE) li għandha tliet kategoriji: l-għarfien u l-ħiliet, l-aspetti li jżidu r-riskji u l-awtovalutazzjoni; jappella, barra minn hekk, għall-introduzzjoni ta' sistema ta' liċenzjar gradwata li tħeġġeġ lis-sewwieqa l-ġodda jiksbu aktar esperjenza f'ħiliet aktar kumplessi bħat-traffiku viżibbli, l-awtovalutazzjoni u l-perċezzjoni tal-periklu u biex jiġu limitati ċerti attivitajiet ta' riskju għoli bħas-sewqan billejl u bil-passiġġieri, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet ta' mobilità tal-persuni li jgħixu f'żoni remoti u b'aċċess limitat għat-trasport pubbliku; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tarmonizza aktar l-istandards minimi għall-ħarrieġa tas-sewqan ta' vetturi varji, inkluż taħriġ perjodiku, taħriġ dwar il-perċezzjoni tal-perikli, edukazzjoni minima aktar stretta u ħiliet ta' komunikazzjoni; jinnota bi tħassib li każijiet ta' ħruġ irregolari ta' liċenzji tas-sewqan ġew irrappurtati f'diversi Stati Membri u jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja din il-kwistjoni;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltà li t-taħriġ u t-testijiet teoretiċi u prattiċi jsiru obbligatorji biex tinkiseb liċenzja tas-sewqan għall-kategoriji kollha ta' vetturi motorizzati b'żewġ roti;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa KPIs dwar l-għoti ta' edukazzjoni dwar is-sikurezza tat-traffiku u l-mobilità fl-Istati Membri, u tiżviluppa għodod tal-UE għat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-edukazzjoni dwar is-sikurezza tat-traffiku u l-mobilità. iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jiżguraw l-għoti ta' edukazzjoni ta' kwalità għolja dwar is-sikurezza fit-toroq, li għandha tibda mill-iskola u tkun parti mit-tagħlim kontinwu tul il-ħajja;

42.  Jinnota li l-pandemija tal-COVID-19 wasslet għall-espansjoni tas-settur tal-konsenja fid-djar u speċifikament tal-użu tal-vannijiet, tal-vetturi motorizzati b'żewġ roti, bħall-mopeds, u tar-roti, filwaqt li tat spinta lit-tipi ġodda ta' xogħol fuq pjattaforma diġitali u mudelli ġodda ta' negozju; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li s-sewwieqa professjonali tal-vannijiet jgħaddu minn taħriġ xieraq u tindirizza l-kwistjoni tal-għeja u ta' veloċità eċċessiva tas-sewwieqa tal-vannijiet, b'mod partikolari b'riżultat taż-żieda kbira fl-għadd ta' konsenji fid-djar; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tikkunsidra li tirrestrinġi s-sistema tal-ittestjar tal-affidabilità stradali u tintroduċi l-obbligu ta' kontrolli addizzjonali għall-vannijiet użati mill-fornituri tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti ladarba jkun intlaħaq kilometraġġ speċifiku, u tikkunsidra li testendi dan l-obbligu għal vetturi oħra f'dawn il-kategoriji użati għal skopijiet kummerċjali ulterjuri bħala parti mir-reviżjoni tal-Pakkett dwar l-Affidabbiltà Stradali; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi l-introduzzjoni ta' rakkomandazzjoni dwar is-sikurezza tal-persunal tal-konsenja, inklużi rekwiżiti għal min iħaddem u għall-kumpaniji biex jiġu żgurati l-forniment u l-użu ta' tagħmir ta' sikurezza u vetturi sikuri, kif ukoll taħriġ fl-għodod diġitali li jaf ikollhom jużaw, bħal applikazzjonijiet u pjattaformi interattivi;

43.  Jesprimi tħassib serju dwar l-għeja tas-sewwieqa fit-trasport kummerċjali tal-merkanzija u tal-passiġġieri bħala kawża ta' inċidenti tat-triq; jistieden lill-Kummissjoni biex, f'dan ir-rigward, tiżgura li d-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE dwar is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema(10) tiġi implimentata kif xieraq fir-rigward tal-aspetti tas-sikurezza fit-toroq; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi KPI għall-għeja tas-sewwieqa fit-trasport kummerċjali tal-merkanzija u tal-passiġġieri; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-għadd ta' żoni ta' parkeġġ siguri fit-TEN-T u jiżguraw li jiġu adattati għall-ħtiġijiet tas-sewwieqa, u jipprovdu informazzjoni dwar id-disponibbiltà tagħhom permezz ta' sit web aġġornat u faċli għall-utent; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk l-installazzjoni ta' kundizzjonaturi tal-arja jew sistemi ta' kkundizzjonar tal-arja ekwivalenti għall-kabini f'vetturi tqal tal-merkanzija jistax ikollha impatt pożittiv fuq l-għeja tas-sewwieqa u fuq is-sikurezza fit-toroq, meta jitqies li dawn is-sistemi jistgħu jaħdmu indipendentement mill-magna prinċipali;

44.  Jenfasizza li r-rispons ta' wara l-ħabta effettiv u komplet jinkludi, minbarra l-kura medika u r-riabilitazzjoni, l-għoti ta' appoġġ mentali u soċjali, ir-rikonoxximent għall-vittmi, u investigazzjoni bir-reqqa biex jiġu identifikati l-kawżi tal-ħabtiet u miżuri għall-prevenzjoni tagħhom fil-futur, kif ukoll proċedimenti kriminali u ċivili fejn xieraq; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu kollaborazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet tagħhom tas-sikurezza fit-toroq u s-settur tas-saħħa biex jinfurzaw l-użu korrett ta' kurituri ta' emerġenza biex jitħaffu l-operazzjonijiet ta' salvataġġ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, barra minn hekk, jipprovdu finanzjament suffiċjenti għal infrastruttura ta' emerġenza effiċjenti, inklużi servizzi mediċi tal-ajru, b'mod partikolari f'reġjuni remoti, muntanjużi u insulari; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel it-taħriġ tal-ewwel għajnuna obbligatorju fir-reviżjoni futura tad-Direttiva dwar il-Liċenzji tas-Sewqan; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu l-kunċett ta' kurituri ta' emerġenza fil-kodiċijiet tal-awtostrada nazzjonali tagħhom u jniedu aktar kampanji ta' sensibilizzazzjoni; ifakkar fl-importanza ta' appoġġ ta' segwitu effettiv għall-vittmi;

45.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw in-networks ta' trawma prinċipali tagħhom u jadottaw linji gwida għall-kooperazzjoni reċiproka sabiex jippermettu lis-servizzi ta' kura ta' emerġenza jittrasportaw lill-pazjenti malajr, inkluż lil hinn mill-fruntieri;

46.  Jisħaq li l-infurzar inadegwat tar-regoli tat-traffiku tat-triq jimmina l-isforzi biex tinkiseb Viżjoni Żero; iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu miri annwali għall-infurzar u l-konformità fil-pjanijiet tagħhom għas-sikurezza fit-toroq u biex jiżguraw il-finanzjament adegwat tagħhom, kif ukoll iwettqu u jippubblikaw segwitu annwali li janalizza l-miri milħuqa u r-riżultati miksuba; jissottolinja li huma biss attivitajiet ta' infurzar spjegati tajjeb, pubbliċizzati sew u konsistenti u l-edukazzjoni bl-infurzar li jista' jkollhom effett dejjiemi fuq l-imġiba fis-sewqan; jinnota li l-effiċjenza tissaħħaħ aktar jekk l-ipproċessar tal-multi għal ksur identifikat ikun fil-biċċa l-kbira awtomatizzat;

47.  Jinnota li l-użu ta' mowbajls jew apparat elettroniku ieħor waqt is-sewqan ifixkel il-kapaċità tas-sewqan b'mod sinifikanti u huwa involut f'10 sa 30 % tal-kolliżjonijiet fit-toroq; jistieden lill-Istati Membri jintroduċu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi, għall-użu tal-mowbajl, inklużi penali mhux finanzjarji, biex iqajmu kuxjenza dwar ir-riskji involuti u jtejbu l-infurzar;

Qafas adattat għall-futur

48.  Jenfasizza li l-fatturi esterni u x-xejriet emerġenti tas-soċjetà jippreżentaw sfidi bla preċedent għas-sikurezza fit-toroq fil-qafas tal-istrateġija tal-UE sal-2030 u lil hinn; jinnota li l-UE għandha twitti t-triq biex vetturi konnessi u awtomatizzati jiġu introdotti fi żmien debitu u għandha tivvaluta r-riskji possibbli li dawn il-vetturi jiġu kkombinati ma' vetturi tradizzjonali fi traffiku mħallat u utenti vulnerabbli tat-triq; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta bis-sħiħ l-impatt fuq it-traffiku fiż-żoni urbani u fuq l-ambjent tal-għadd akbar ta' vetturi awtomatizzati; jenfasizza li jista' jkun meħtieġ li tiġi mmodernizzata l-infrastruttura biex jigi ggarantit li l-vetturi awtomatizzati u semiawtomatizzati joperaw b'mod sikur, filwaqt li tittejjeb ukoll is-sikurezza għall-vetturi konvenzjonali, u b'hekk dan ikun ta' benefiċċju għall-utenti kollha tat-triq;

49.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu skemi ta' skrappjar tal-vetturi b'kundizzjonijiet ekoloġiċi sabiex jinċentivaw ix-xiri u l-użu ta' vetturi aktar sikuri, nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija u t-tiġdid tal-flotot tal-vetturi pubbliċi u privati; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu ħidma mal-BEI biex jistudjaw skemi ġodda ta' finanzjament biex jiffaċilitaw l-investiment f'servizzi tat-trasport sikuri u sostenibbli u fi flotot ta' vetturi sikuri u sostenibbli;

50.  Jirrimarka li d-data se jkollha rwol ewlieni fit-titjib tas-sikurezza fit-toroq; ifakkar li d-data ta' ġol-vettura hija estremament siewja għall-ġestjoni tat-traffiku, għat-testijiet tal-affidabbiltà stradali u għall-analiżi tal-ħabtiet; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi qafas għall-aċċess tad-data ta' ġol-vetturi lil hinn mis-suq tat-tiswija f'konformità mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data(11), unikament għall-fini ta' riċerka dwar l-inċidenti u testijiet tal-affidabbiltà stradali; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tad-data diġitali maħżuna fir-reġistraturi tad-data f'każ ta' avveniment (EDR) għat-twettiq ta' analiżijiet bir-reqqa tal-ħabtiet biex titjieb is-sikurezza fit-toroq; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-elementi kollha tad-data rilevanti għall-analiżi fil-fond tal-ħabtiet u r-riċerka dwar is-sikurezza fit-toroq (inkluż il-post, id-data u l-ħin) ikunu meħtieġa li jiġu rreġistrati u maħżuna mill-EDR;

51.  Ifakkar li, għalkemm is-sikurezza fit-toroq hija responsabbiltà kondiviża fost l-atturi u l-awtoritajiet kollha rilevanti fil-livell tal-UE, fil-livell nazzjonali u lokali, l-UE għandha teżerċita tmexxija b'saħħitha biex tiżgura li s-sikurezza fit-toroq tibqa' prijorità fit-trasport bit-triq, biex tgħin sabiex jitnaqqsu d-differenzi fis-sikurezza fit-toroq fost l-Istati Membri u tiżgura li l-UE tibqa' mexxejja globali f'dan il-qasam; jenfasizza r-responsabilità tal-UE li tippromwovi l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki ma' pajjiżi terzi, bħar-Renju Unit, sabiex tiġi implimentata d-Dikjarazzjoni ta' Stokkolma dwar is-Sikurezza fit-Toroq; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-objettivi tal-politika tal-UE dwar is-sikurezza fit-toroq japplikaw għall-programmazzjoni esterna rilevanti kollha u jiżviluppaw sistema effikaċi għall-iskambju ta' informazzjoni dwar reati tat-traffiku ma' pajjiżi ġirien li mhumiex fl-UE biex jitjieb l-infurzar, filwaqt li jiġi żgurat li kwalunkwe kondiviżjoni ta' informazzjoni tkun soġġetta għal kundizzjonijiet stretti ta' salvagwardja, awditi u sorveljanza, f'konformità sħiħa mar-regoli applikabbli tal-UE;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tar-reviżjoni li jmiss tal-Pakkett dwar il-Mobilità Urbana, biex tippromwovi sinerġiji bejn il-miżuri ta' sikurezza u ta' sostenibbiltà fiż-żoni urbani; jitlob, f'dan ir-rigward, li tingħata prijorità mill-ġdid lill-infrastruttura tat-trasport f'żoni urbani, inkluż l-għoti ta' skop ġdid lill-ispazji pubbliċi, lil hinn mit-trasport motorizzat individwali u favur it-trasport pubbliku u l-modi tat-trasport sostenibbli, aktar sikuri u aktar tajbin għas-saħħa bħat-trasport pubbliku, il-mixi u ċ-ċikliżmu, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet speċjali tal-utenti vulnerabbli tat-triq, bħat-tfal, il-persuni b'diżabilità u l-persuni anzjani; jinkoraġġixxi investimenti u kofinanzjament akbar permezz tal-istrumenti ta' finanzjament tal-UE għall-parkeġġi u żoni oħra ta' konnettività tal-mobilità fid-dħul ta' żoni urbani, li jipprovdu aċċess faċli għal modi differenti ta' trasport pubbliku, bil-ħsieb tal-ħtieġa li jitnaqqsu l-konġestjoni urbana u l-emissjonijiet tas-CO2; jilqa' l-intenzjoni tal-BEI li jappoġġja programmi ta' investiment ambizzjużi biex jgħin lill-awtoritajiet pubbliċi jrawmu l-mobilità sostenibbli fil-livell lokali u reġjonali, bħal pjanijiet ta' mobilità urbana sostenibbli u proġetti ta' trasport pubbliku; jistieden lill-Kummissjoni tintegra aħjar il-miri u l-azzjonijiet tal-UE dwar is-sikurezza fit-toroq fil-linji gwida dwar il-pjanijiet ta' mobilità urbana sostenibbli permezz tal-monitoraġġ u l-promozzjoni tal-aħjar prattiki, inkluż billi tistabbilixxi indikatur dwar l-użu tal-fondi tal-UE għat-titjib tas-sikurezza tat-toroq urbani b'mod effettiv;

53.  Jinnota li ż-żoni rurali jirrappreżentaw madwar 83 % tat-territorju tal-UE u jospitaw 30,6 % tal-popolazzjoni tagħha; jirrimarka li ż-żoni rurali u ż-żoni b'popolazzjoni baxxa b'mod partikolari għandhom nuqqas ta' infrastruttura tat-trasport ta' kwalità u servizzi kollettivi regolari tat-trasport pubbliku, b'impatt dirett fuq is-sikurezza fit-toroq; jinnota wkoll li 54 % tal-imwiet fit-toroq fl-UE jseħħu fit-toroq rurali; jenfasizza li t-titjib fl-aċċessibilità, il-konnettività u s-sikurezza fit-toroq għaż-żoni rurali għandu jkun parti mill-Istrateġija għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti; jistieden lill-Kummissjoni tqis dan tal-aħħar fil-komunikazzjoni futura tagħha dwar viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali;

54.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi promoss approċċ integrat biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Viżjoni Żero u biex titrawwem il-kollaborazzjoni intersettorjali, inkluż l-involviment mal-NGOs, is-soċjetà ċivili, u n-negozji u l-industrija fil-livell reġjonali, nazzjonali u tal-UE; jistieden lill-kumpaniji u lill-SMEs, f'konformità mad-Dikjarazzjoni ta' Stokkolma, iwettqu ħidma għall-kisba tas-sikurezza fit-toroq billi japplikaw prinċipji ta' sistemi sikuri tul il-katini tal-valur kollha tagħhom, inklużi prattiki interni fil-proċessi tal-akkwist, tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni, u jinkludu rappurtar dwar il-prestazzjoni tas-sikurezza fir-rapporti tagħhom dwar is-sostenibbiltà u fis-siti web uffiċjali tagħhom; jistieden ukoll lill-kumpaniji u lill-SMEs, fejn ikun applikabbli, biex joffru taħriġ dedikat dwar is-sikurezza fit-toroq lis-sewwieqa tagħhom, u biex jikkunsidraw li jinkorporaw ir-rwol ta' "maniġer tal-mobilità" biex jikkoordinaw u jottimizzaw il-ħtiġijiet ta' mobilità tal-kumpanija tagħhom għat-trasport tal-prodotti u tal-ħaddiema tul il-katina loġistika kollha;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera mal-Istati Membri, mas-soċjetà ċivili u ma' partijiet ikkonċernati ewlenin oħrajn dwar l-iżvilupp ta' kultura ta' sikurezza fit-toroq fl-Ewropa kollha; jilqa' t-tnedija tal-Premju tal-UE għas-Sikurezza fit-Toroq Urbani, bħala parti mill-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità u r-rinnovament tal-Karta Ewropea dwar is-Sikurezza fit-Toroq – l-akbar pjattaforma tas-soċjetà ċivili dwar is-sikurezza fit-toroq; jistieden lill-Kummissjoni biex fis-snin li ġejjin torganizza inizjattiva tas-Sena Ewropea tas-Sikurezza fit-Toroq, bħala parti mill-qafas ta' politika tal-UE dwar is-sikurezza fit-toroq 2021-2030; barra minn hekk, fil-kuntest tas-Sena Ewropea tal-Bliet Aktar Ekoloġiċi fl-2022, huwa favur it-twaqqif, il-finanzjament u l-monitoraġġ ta' tikketta ta' "belt aktar sikura", li għandha tkun ibbażata fuq kriterji tal-ogħla standards ta' sikurezza fit-toroq għall-utenti kollha u spazji pubbliċi aktar abitabbli, inklużi kwalità tal-arja aħjar u tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2;

56.  Jirrikonoxxi l-Jum Dinji ta' Tifkira għall-Vittmi tat-Traffiku fit-Toroq, li jsir kull tielet Ħadd ta' Novembru kull sena biex jitfakkru l-ħafna miljuni li nqatlu u ndarbu serjament fit-toroq tad-dinja, bħala ringrazzjament lis-servizzi ta' emerġenza għall-ħidma tagħhom, u biex issir riflessjoni dwar il-piż u l-kost enormi ta' dan id-diżastru kontinwu ta' kuljum għall-familji, il-komunitajiet u l-pajjiżi; jirrikonoxxi formalment dan il-jum u jistieden lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni jagħmlu l-istess billi jorganizzaw attività annwali appoġġjata mit-tliet istituzzjonijiet;

57.  Huwa tal-fehma li sabiex jiġu implimentati b'mod xieraq il-passi li jmiss fil-politika tal-UE dwar is-sikurezza fit-toroq taħt l-Istrateġija ta' Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti globali, jinħtieġu xi kapaċitajiet ġodda fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq, b'mod partikolari fir-rigward tal-funzjonijiet ta' koordinazzjoni, monitoraġġ u evalwazzjoni u appoġġ tekniku għall-istrateġija ġenerali; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tikkunsidra li tistabbilixxi aġenzija Ewropea tat-trasport bit-triq biex tappoġġja trasport bit-triq sostenibbli, sikur u intelliġenti jew – jekk dan ma jkunx fattibbli – biex tgħaddi dan il-kompitu lil xi aġenzija eżistenti;

o
o   o

58.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 68, 13.3.2015, p. 9.
(2) ĠU L 403, 30.12.2006, p. 18.
(3) ĠU L 325, 16.12.2019, p. 1.
(4) Testi adottati, P9_TA(2021)0122.
(5) ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1.
(6) Id-Direttiva (UE) 2019/1936 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2019 li temenda d-Direttiva 2008/96/KE dwar il-ġestjoni tas-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 1).
(7) ĠU L 167, 30.4.2004, p. 39.
(8) Studju tal-Kummissjoni tat-18 ta' Frar 2014 dwar il-prevenzjoni tas-sewqan taħt l-influwenza tax-xorb bl-użu ta' tagħmir li jidentifika l-użu tal-alkoħol.
(9) Il-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Bidu tal-Kummissjoni tal-15 ta' Marzu 2019 dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Infurzar Transkonfinali.
(10) ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1.
(11) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.


Rikostituzzjoni tal-istokkijiet tal-ħut fil-Mediterran
PDF 183kWORD 60k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2021 dwar ir-rikostituzzjoni tal-istokkijiet tal-ħut fil-Baħar Mediterran: valutazzjoni u l-passi li jmiss (2019/2178(INI))
P9_TA(2021)0408A9-0225/2021

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew(1),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu "Strateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent" (COM(2020)0381),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 stabbilita fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu "Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 – Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna" (COM(2020)0380), b'mod partikolari l-punt 2.2.6 dwar li "Nirrestawraw l-istatus ambjentali tajjeb tal-ekosistemi tal-baħar", "inkluż billi jkunu pprovduti inċentivi finanzjarji permezz ta' strumenti finanzjari futuri għas-sajd u l-politika marittima għaż-żoni marittimi protetti (inklużi ż-żoni ta' Natura 2000 u dawk stabbiliti permezz ta' ftehimiet internazzjonali jew reġjonali)",

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Ġunju 2020 bit-titolu "Lejn sajd aktar sostenibbli fl-UE: is-sitwazzjoni attwali u l-orjentazzjonijiet għall-2021" (COM(2020)0248),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Settembru 2020 bit-titolu "L-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli tal-2021" (COM(2020)0575),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta' Diċembru 2006 dwar miżuri ta' ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran(2),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija Marina)(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd(6) u l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (COM(2018)0390),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/159 tad-19 ta' Diċembru 2016 li timplimenta l-Ftehim li jikkonċerna l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd, 2007, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, konkluż fil-21 ta' Mejju 2012 bejn il-Konfederazzjoni Ġenerali tal-Kooperattivi Agrikoli fl-Unjoni Ewropea (COGECA), il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) u l-Assoċjazzjoni ta' Organizzazzjonijiet Nazzjonali tal-Intrapriżi tas-Sajd fl-Unjoni Ewropea (Europêche)(7),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/1004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-istabbiliment ta' qafas tal-Unjoni għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta' data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd(8),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/2107 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2017, li jistabbilixxi l-miżuri ta' ġestjoni, ta' konservazzjoni u ta' kontroll applikabbli fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT)(9),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 li jistabbilixxi pjan pluriennali għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran(10),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/982 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1343/2011 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM (Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran)(11),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2020/560 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 508/2014 u (UE) Nru 1379/2013 f'dak li għandu x'jaqsam ma' miżuri speċifiċi biex jittaffa l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq is-settur tas-sajd u tal-akkwakultura(12),

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2020 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (id-Direttiva 2008/56/KE) (COM(2020)0259),

–   wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 26/2020 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tas-26 ta' Novembru 2020 bit-titolu "Ambjent tal-baħar: il-protezzjoni tal-UE hija wiesgħa iżda mhux approfondita",

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tad-9 ta' Frar 2021 bit-titolu "Sħubija mġedda mal-Viċinat tan-Nofsinhar - Aġenda Ġdida għall-Mediterran" (JOIN(2021)0002),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 38 u 39 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS),

–  wara li kkunsidra l-istrateġija ta' nofs it-terminu tal-GFCM (2017-2020), li għandha l-għan li jkun hemm sostenibbiltà fis-swieq tal-ħut tal-Mediterran u tal-Baħar l-Iswed,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-2018 tal-GFCM dwar il-qagħda tas-sajd fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed,

–  wara li kkunsidra l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) 14, "Il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi tal-baħar għall-iżvilupp sostenibbli", adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-25 ta' Settembru 2015,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-2020 tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) tal-Kummissjoni dwar il-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-politika komuni tas-sajd (STECF-Adhoc-20-01),

–   wara li kkunsidra l-istudju ta' evalwazzjoni retrospettiva tar-Regolament dwar il-Baħar Mediterran ta' Mejju 2016 tal-Kummissjoni,

–   wara li kkunsidra r-rapport Nru 17/2019 tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent bit-titolu "Marine messages II – Navigating the course towards clean, healthy and productive seas through implementation of an ecosystem‑based approach" (Messaġġi dwar il-baħar II – Ninnavigaw lejn ibħra nodfa, b'saħħithom u produttivi bis-saħħa tal-implimentazzjoni ta' approċċ ibbażat fuq l-ekosistema),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran (il-Konvenzjoni ta' Barċellona) u l-protokolli u d-deċiżjonijiet tal-UE relatati,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali MedFish4Ever tal-Istati kostali fil-Mediterran adottata fil-Belt Valletta, Malta, fit-30 ta' Marzu 2017,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Sofija tas-7 ta' Ġunju 2018,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tas-26 ta' Settembru 2018 bil-għan li jiġi implimentata Pjan Reġjonali ta' Azzjoni għas-Sajd fuq Skala Żgħira u Sostenibbli fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed,

–   wara li kkunsidra r-rapport ta' valutazzjoni globali tal-2019 dwar il-bijodiversità u s-servizzi ekosistemiċi tal-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi (IPBES),

–   wara li kkunsidra r-rapporti speċjali tal-2019 tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) dwar l-Oċeani u l-Krijosfera fi Klima li qed Tinbidel,

–  wara li kkunsidra t-Taqsima 2 tal-Parti II tal-UNCLOS bit-titolu "Il-limiti tal-baħar territorjali",

–   wara li kkunsidra l-Ewwel Rapport ta' Valutazzjoni tal-Mediterran (MAR1) min-network indipendenti ta' Esperti Mediterranji dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Ambjent (MedECC),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) u tal-GFCM bit-titolu "The State of Mediterranean and Black Sea Fisheries 2020",

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd tiegħu dwar il-konsegwenzi taż-żieda fit-temperatura tal-ibħra għall-istokkijiet tal-ħut u għas-sajd (2019/2163(INI)),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali dwar Strateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent (2020/2260(INI)) PECH_AD(2021)662054,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1379/2013 u r-Regolament (UE) Nru 508/2014 f'dak li għandu x'jaqsam ma' miżuri speċifiċi biex jittaffa l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq is-settur tas-sajd u tal-akkwakultura (COM(2020)0142 – C9-0093/2020 – 2020/0059(COD))(13),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2021 bit-titolu "Aktar ħut fl-ibħra? Miżuri biex jippromwovu l-irkupru tal-istokkijiet 'il fuq mir-Rendiment Massimu Sostenibbli (MSY), inklużi ż-żoni ta' rkupru tal-istokkijiet tal-ħut u ż-żoni tal-baħar protetti"(14),

–  wara li kkunsidra l-impatt soċjoekonomiku negattiv attwali u fit-tul tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-settur, inklużi l-bejjiegħa bl-imnut u l-kummerċ tal-ikel frisk fuq skala żgħira,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-Sajd (A9-0225/2021),

A.  billi l-Baħar Mediterran huwa wieħed miż-żoni bl-akbar bijodiversità fid-dinja minbarra li huwa baċir li fih jgħixu komunitajiet kostali li jiddependu ħafna mis-sajd, u b'mod partikolari mis-sajd fuq skala żgħira; billi l-istatus ambjentali inkwetanti attwali tiegħu, parzjalment minħabba s-sajd eċċessiv, qed jipperikola serjament mhux biss il-bijodiversità iżda wkoll is-sopravivenza ta' settur li t-telf ta' profittabbiltà tiegħu jista' jkollu riperkussjonijiet soċjoekonomiċi negattivi immens fuq il-komunitajiet tas-sajd, l-industrija tas-sajd u s-setturi anċillari tagħha;

B.  billi l-istokkijiet tal-ħut m'għandhomx kapaċitajiet riproduttivi bla limitu u d-domanda u l-konsum tal-ħut qed jiżdiedu b'mod kostanti;

C.  billi l-Mediterran – speċjalment il-Mediterran tal-Punent fejn qed jiġu implimentati miżuri ġodda, għalkemm għadu kmieni wisq biex dawn jiġu vvalutati bis-sħiħ peress li huma meħtieġa aktar inizjattivi – u l-Baħar l-Iswed baqgħu fil-biċċa l-kbira l-istess minn meta beda l-ġbir tad-data fl-2003, għalkemm seta' kien hemm żieda żgħira fil-bijomassa mill-2012;

D.  billi skont ir-rapport tal-2020 tal-GFCM dwar l-istat tas-sajd fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed, fil-Mediterran il-proporzjon ta' stokkijiet mistada żżejjed naqas minn 88 % fl-2014 għal 75 % fl-2018, li juri biċ-ċar li għad fadal ħafna xogħol xi jsir, iżda dan jirrifletti riżultati li qed jitjiebu gradwalment minħabba l-impenn tas-sajjieda fir-reġjun kollu; billi skont l-STECF, is-sitwazzjoni ta' ħafna stokkijiet għadha kritika peress li aktar minn 80 % tal-istokkijiet ivvalutati xjentifikament huma sfruttati 'l fuq mil-livelli tar-rendiment massimu sostenibbli (MSY);

E.  billi r-Regolament li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-ġestjoni tas-sajd għall-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran ġie adottat fl-2019, u billi jeħtieġ li nistennew u naraw x'se jkunu l-effetti tal-miżuri adottati fih;

F.  billi l-impatt soċjoekonomiku sinifikanti tar-restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet tas-sajd jimminaw il-profittabbiltà ta' eluf ta' kumpaniji sal-punt li jipperikolaw is-sopravivenza tagħhom stess, b'impatt potenzjalment devastanti fuq l-impjiegi u l-koeżjoni soċjali fiż-żoni kostali;

G.  billi t-tnaqqis tal-istokkijiet u l-erożjoni tal-bijodiversità tal-baħar qed jheddu s-sigurtà tal-ikel tal-komunitajiet kostali, l-impjiegi u d-dħul tul il-katina tal-valur tas-sajd artiġjanali;

H.  billi l-livelli mhux ugwali ta' konformità mar-restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet tas-sajd jipprekludu t-twettiq tal-għanijiet iddikjarati, u jpoġġu lil dawk li jikkonformaw magħhom fi żvantaġġ ċar;

I.  billi l-Fond Ewropew għas-Sajd u l-Akkwakultura għandu jintuża kemm biex itaffi l-effetti soċjoekonomiċi negattivi kif ukoll biex jiddiversifika s-settur;

J.  billi l-maġġoranza tal-flotta tas-sajd tal-Mediterran tikkonsisti f'bastimenti tas-sajd artiġjanali fuq skala żgħira, li jammontaw għal madwar 84 % tal-flotta tas-sajd u 60 % tal-impjiegi fil-baċir tal-Mediterran, u billi minkejja li xi flotot naqsu b'mod sinifikanti, għalkemm fi gradi differenti madwar l-UE u pajjiżi mhux Ewropej b'impatti kbar fuq l-ekonomiji lokali, ix-xejriet fuq l-għadd ta' bastimenti baqgħu relattivament stabbli;

K.  billi għall-biċċa l-kbira taż-żoni kostali u tal-gżejjer, is-sajd fuq skala żgħira huwa forma tradizzjonali ta' sajd li huwa parti minn stil ta' ħajja u jipprovdi għajxien sinifikanti, li jitlob miżuri u appoġġ speċifiċi biex jippermettulu jikber u jiżviluppa;

L.  billi jeħtieġ li jintlaħqu livelli tajbin ta' stokkijiet tal-ħut biex jiġi evitat it-telf tal-impjiegi u biex jiġu sostnuti setturi ekonomiċi importanti li jiddependu fuq is-sajd;

M.  billi, minbarra s-sajd, il-fatturi li jeżerċitaw pressjoni fuq l-istokkijiet tal-ħut tal-Mediterran u l-bijodiversità tal-baħar jinkludu problemi kkawżati mill-bniedem bħat-tniġġis tal-plastik, it-tixrid tal-fjuwil, it-telf tal-ħabitats, it-traffiku marittimu, u t-tibdil fil-klima, kif ukoll il-proliferazzjoni ta' speċijiet aljeni invażivi;

N.  billi l-istatistika turi żieda kostanti fil-konsum tal-prodotti tal-ħut flimkien ma' żieda relattiva fl-importazzjonijiet;

O.  billi hemm lok għal titjib fit-tikkettar tal-prodotti Ewropej bil-ħsieb li jissaħħaħ il-valur tas-sajd fil-Mediterran u tittejjeb it-traċċabbiltà filwaqt li jiġi miġġieled is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU);

P.  billi kien hemm tnaqqis kostanti fil-produzzjoni u jinħtieġu miżuri sabiex tiġi restawrata s-sostenibbiltà tar-riżorsi;

Q.  billi s-sajd u l-akkwakultura huma fost is-setturi l-aktar milquta mill-pandemija tal-COVID-19, peress li kien hemm tnaqqis f'daqqa fid-domanda;

R.  billi l-Kummissjoni pproponiet firxa ta' miżuri temporanji u mmirati biex tindirizza l-isfidi li qed tiffaċċja l-komunità tal-frott tal-baħar minħabba l-COVID-19;

S.  billi l-istat tal-instabbiltà politika u l-inkwiet politiku fil-Libja qed joħolqu theddida tanġibbli għas-sajjieda tal-UE li huma attivi fin-Nofsinhar tal-Mediterran, u jipperikolaw il-libertà personali tagħhom u s-sikurezza tal-operazzjonijiet tas-sajd;

T.  billi filwaqt li s-sajjieda tal-UE huma meħtieġa jikkonformaw mar-regoli għall-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut, dawk minn pajjiżi oħrajn tal-Mediterran mhumiex meħtieġa jikkonformaw mal-istess regoli, u b'hekk jimminaw l-isforzi biex jerġgħu jinbnew l-istokkijiet filwaqt li jikkompetu b'mod inġust mas-sajd tal-UE;

U.  billi l-Baħar Mediterran qed jisħon b'sa 20 fil-mija aktar malajr mill-bqija tad-dinja; billi skont il-MedECC, it-tibdil fil-klima jista' jwassal għall-estinzjoni lokali ta' sa 50 % tal-ħut kummerċjali u tal-invertebrati tal-baħar sal-2050;

It-titjib tal-aspetti leġiżlattivi

1.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, wara li tikkonsulta mal-Kunsill Konsultattiv għall-Mediterran (MED-AC), tidentifika l-ostakli għall-proċess tal-bini mill-ġdid tal-istokkijiet tal-ħut, inkluża analiżi tal-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-GFCM 2017-2020, bil-ħsieb li tinkludi s-sejbiet tagħha fl-istrateġija għall-2021-2030, filwaqt li tiżgura li jittieħdu passi prattiċi biex jinbnew mill-ġdid l-istokkijiet tal-ħut, inkluż li jiġu kkunsidrati, jekk meħtieġ u misjuba xierqa, kemm azzjonijiet leġiżlattivi kif ukoll azzjonijiet mhux leġiżlattivi;

2.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni, fl-Istrateġija tagħha għall-Bijodiversità għall-2030, li mill-inqas 30 % taż-żona tal-baħar tal-UE tkun protetta, inkluż permezz tal-istabbiliment ta' żoni ta' rkupru tal-istokkijiet tal-ħut, kif previst skont il-politika komuni tas-sajd (PKS),

3.  Iqis li jeħtieġ li jiġu żgurati l-konsolidazzjoni u l-iżvilupp effettivi taż-żoni tal-baħar protetti eżistenti u l-involviment tas-sajjieda fil-fażi ta' tħejjija u ta' ġestjoni;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi inkluża l-valutazzjoni tal-għażla u s-suċċess ta' żoni bħal dawn fir-rapport li jmiss dwar il-funzjonament tal-politika komuni dwar is-sajd (PKS); jistieden lill-GFCM tibbaża fuq l-eżempju ta' suċċess taż-żona ta' rkupru tal-istokkijiet tal-ħut ta' Jabuka/Pomo Pit;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura kundizzjonijiet ekwi għas-setturi ekonomiċi kollha fl-implimentazzjoni taż-żoni tal-baħar protetti (MPAs) ġestiti u konnessi b'mod effettiv;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza l-ħtiġijiet tal-pajjiżi Mediterranji billi tipprovdi appoġġ xjentifiku u tekniku lil dawk il-pajjiżi biex jużaw mekkaniżmi ta' finanzjament reġjonali u internazzjonali, u għall-iżvilupp ta' proġetti ta' żvilupp sostenibbli;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk humiex meħtieġa pjanijiet ġodda għall-ġestjoni tal-istokkijiet biex jinkisbu l-prinċipji tas-sostenibbiltà soċjali, ekonomika u ambjentali stabbiliti fil-PKS;

8.  Ifakkar fl-objettiv tal-PKS li tinkiseb ir-rata ta' sfruttament tar-rendiment massimu sostenibbli sa mhux aktar tard mill-2020 għall-istokkijiet kollha;

9.  Jinnota bi tħassib li għad hemm ħafna stokkijiet bi status mhux magħruf; jitlob li jiġu rduppjati l-isforzi biex jittejjeb il-ġbir tad-data bil-għan li jittejbu l-arranġamenti għat-tfassil tal-miżuri ta' ġestjoni meħtieġa;

10.  Ifakkar fl-objettiv tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina li jinkiseb jew jinżamm Status Ambjentali Tajjeb fl-ambjent tal-baħar sa mhux aktar tard mis-sena 2020;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tibbaża fuq l-eżempju ta' suċċess tat-tonn billi tistudja l-introduzzjoni tal-qabdiet totali permissibbli (TACs) fuq żmien fit-tul għal xi speċijiet, inkluż il-merluzz, u tressaq proposta matul l-evalwazzjoni tal-pjan pluriennali fl-2024;

12.  Ifakkar li s-suċċess taż-żoni tal-baħar protetti u ta' żoni protetti oħra jinsab fil-fatt li dawn jiġu rikonoxxuti mis-sajjieda, mill-komunitajiet kostali u minn partijiet ikkonċernati oħra; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-ħtieġa li tiffaċilita l-parteċipazzjoni attiva tas-settur tas-sajd, inklużi l-komponent artiġjanali tiegħu, il-komunitajiet lokali u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fit-tfassil, il-ġestjoni u l-monitoraġġ taż-żoni tal-baħar protetti;

13.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaġixxu biex itemmu l-"parks tal-karti" fil-Baħar Mediterran u jistabbilixxu żoni tal-baħar protetti bħala parti minn network koerenti ta' żoni ġestiti u konnessi b'mod effettiv, inklużi żoni offshore u tal-baħar fond; ifakkar fir-rekwiżit li jintemm is-sajd bl-irkaptu tal-kuntatt mal-qiegħ taħt l-400 m f'żoni fejn huwa magħruf li jeżistu jew jistgħu jeżistu ekosistemi marini vulnerabbli (VMEs);

14.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jespandu n-network taż-żoni ta' rkupru tal-istokkijiet tal-ħut skont il-PKS u skont il-GFCM, speċjalment fejn ikun hemm evidenza ċara ta' konċentrazzjonijiet kbar ta' ħut taħt id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni jew ta' żoni ta' riproduzzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi inkluża l-valutazzjoni tal-għażla u s-suċċess ta' żoni bħal dawn fir-rapport li jmiss dwar il-funzjonament tal-PKS; jistieden lill-GFCM tibbaża fuq l-eżempju ta' suċċess taż-żona ta' rkupru tal-istokkijiet tal-ħut ta' Jabuka/Pomo Pit;

15.  Jistieden lill-GFCM tipproponi strateġija komuni ġdida ambizzjuża u olistika għas-sajd u għall-akkwakultura fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed għall-2021-2025, li trid tinkludi miżuri ta' ġestjoni effettivi u sostenibbli fil-livell reġjonali u nazzjonali, skont l-approċċ tal-MSY; jistieden lill-GFCM tindirizza l-kwistjonijiet bħat-tisħin globali u s-sajd IUU u rikreattiv, u tistabbilixxi żoni ġodda ta' rkupru tal-istokkijiet tal-ħut;

16.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' data xjentifika dwar is-sajd rikreattiv; jistieden lill-Istati Membri tal-UE u l-GFCM jivvalutaw bis-sħiħ l-impatti u l-kontribut tas-sajd rikreattiv fuq il-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd u jinkluduhom fil-pjanijiet ta' ġestjoni tagħhom;

17.  Jenfasizza l-importanza tal-monitoraġġ u l-kontroll u l-kooperazzjoni reġjonali effettiva fir-rigward tal-ġestjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew fil-livell tal-GFCM u tappoġġja l-governanza sostenibbli tal-oċeani u l-ġestjoni tal-istokkijiet tal-ħut permezz ta' finanzjament adegwat;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kull proposta leġiżlattiva mmirata lejn iż-żieda tal-istokkijiet tal-ħut li tillimita l-attivitajiet tas-sajd tkun preċeduta minn valutazzjoni tal-impatt wiesgħa biex tikkwantifika l-impatt soċjoekonomiku u ambjentali possibbli tagħha fuq il-komunitajiet kostali u fuq il-produttività u l-kompetittività tal-impriżi tas-sajd u tal-katina tal-produzzjoni tal-UE, u tkun appoġġjata mill-aqwa data xjentifika disponibbli kondiviża mal-partijiet interessati relatati mas-settur tas-sajd;

20.  Jitlob, barra minn hekk, minħabba l-iżvilupp tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġija tal-Bijodiversità u l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt li jirfduh, u l-impatt kbir li se jkollu fuq l-attività tas-sajd b'mod ġenerali u fil-Mediterran b'mod partikolari, li titwettaq valutazzjoni tal-impatt minn qabel ta' dawn il-miżuri u l-implimentazzjoni tagħhom fuq is-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura, fid-dawl tal-istatus partikolari tal-Mediterran bħala baħar kondiviż ma' pajjiżi mhux tal-UE b'regolamenti differenti;

21.  Jissottolinja n-nuqqas ta' kwantifikazzjoni preċiża tal-konsegwenzi għall-istokkijiet tal-ħut tal-impatti possibbli kollha lil hinn mill-attivitajiet tas-sajd, bħat-tniġġis, it-tisħin globali, l-ispeċijiet aljeni, l-isfruttament tal-idrokarburi, it-tħammil u t-trasport marittimu; jenfasizza li dan in-nuqqas ta' informazzjoni ma jippermettix teħid ta' deċiżjonijiet adegwat u effettiv biżżejjed biex tiġi żgurata l-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut u tal-ekosistemi tal-baħar;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-proposti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi kollha jiġu kondiviżi mal-assoċjazzjonijiet tas-sajjieda, inklużi l-guilds (cofradías), skont mudell ta' ġestjoni konġunta;

23.  Jenfasizza li kwalunkwe miżura leġiżlattiva futura li tippromwovi l-irkupru tal-istokkijiet tal-ħut fil-Baħar Mediterran li jkollha impatt fuq l-attività tas-sajd tas-settur tas-sajd Ewropew għandha tiġi implimentata gradwalment u b'mod proporzjonali għall-kapaċità ta' azzjoni tas-settur; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza li jiġi żgurat li kwalunkwe proposta leġiżlattiva futura ma timponix piż burokratiku u finanzjarju eċċessiv fuq is-settur tas-sajd Ewropew, b'mod partikolari fuq is-sajd fuq skala żgħira;

24.  Jenfasizza li kwalunkwe inizjattiva leġiżlattiva mmirata lejn il-protezzjoni u l-bini mill-ġdid tal-istokkijiet fil-Baħar Mediterran m'għandhiex tkun limitata biss għal miżuri li jirrestrinġu l-attivitajiet tas-sajd, iżda għandha tieħu approċċ olistiku għall-problema u tindirizza b'mod konġunt it-theddid kollu għat-tnaqqis tal-istokkijiet;

25.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li ssir leġiżlazzjoni abbażi ta' approċċ ekosistemiku li jista' jintuża biex jiġu identifikati u analizzati l-interazzjonijiet kollha li għandhom impatt fuq l-istokkijiet tal-ħut, filwaqt li jitqiesu mhux biss l-attivitajiet tas-sajd, iżda wkoll fatturi oħra li jaffettwaw l-ekwilibriju u l-preżenza ta' speċijiet invażivi ġodda;

26.  Jenfasizza l-impatt pożittiv li jġib miegħu t-tiġdid tal-flotot tas-sajd qodma ħafna li joperaw fil-Mediterran, kemm fir-rigward tal-bastimenti kif ukoll tal-magni, peress li jnaqqas l-impatt tagħhom fuq l-ambjent, irawwem l-effiċjenza tal-fjuwil u d-dekarbonizzazzjoni tal-bastimenti u jtejjeb is-sikurezza u l-kundizzjonijiet tax-xogħol abbord; ifakkar li l-ftehim dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (FEMSA) jiffaċilita l-appoġġ f'dan ir-rigward;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tissalvagwardja l-kompetittività u l-iżvilupp sostenibbli tas-settur kollu tas-sajd u tal-katina tal-produzzjoni tiegħu, filwaqt li ttejjeb il-valur tal-prodotti tas-sajd u ttejjeb it-tikkettar u t-traċċabbiltà u tagħmel enfasi partikolari fuq miżuri li jiżguraw li l-prodotti importati jkunu jikkonformaw mal-istandards Ewropej;

28.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jivvalutaw b'mod pożittiv il-pożizzjoni tal-Parlament fir-reviżjoni li għaddejja tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008(15) (Regolament IUU), u speċjalment fir-rigward tal-proposta mill-Parlament biex jiġu introdotti miżuri ta' salvagwardja, soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet, li skonthom it-tariffi preferenzjali għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura jiġu sospiżi temporanjament minn stati mhux tal-UE li ma jikkooperawx kif xieraq fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat;

29.  Jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jtejbu t-tikkettar u t-traċċabbiltà tal-prodotti kollha tal-frott tal-baħar sabiex jipprovdu lill-konsumaturi informazzjoni aktar ċara dwar l-oriġini tal-prodott, l-ispeċijiet u informazzjoni dwar aspetti oħra bħall-metodi ta' produzzjoni u l-istandards applikati fir-rigward tal-qbid u l-ipproċessar inkluż minn importazzjonijiet mhux tal-UE;

30.  Jistieden lill-Kummissarju responsabbli għas-sajd u l-affarijiet marittimi jistabbilixxi korp ta' konsultazzjoni bl-involviment ta' pajjiżi li mhumiex fl-UE taż-żona tal-Mediterran bil-għan li titnaqqas il-kompetizzjoni inġusta u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għas-sajjieda Ewropej u n-nisa li jaħdmu fis-settur;

31.  Jistieden lill-Istati Membri jiġġieldu s-sajd IUU billi jżidu t-trasparenza tal-operazzjonijiet tas-sajd, u l-isforzi ta' monitoraġġ u ta' kontroll;

32.  Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-kapaċità għall-kontroll tas-sajd u jiffaċilitaw l-iskambju tal-aħjar prattiki u miri bejn l-Istati Membri fuq livell tattiku fuq terminu qasir, megħjuna mill-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA);

33.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-Mediterran jistabbilixxu għadd addizzjonali ta' żoni ristretti għas-sajd tal-GFCM b'effett immedjat, sabiex jiġu protetti l-ekosistemi tal-baħar sfruttati żżejjed, filwaqt li ż-żona ristretta tas-sajd Jabuka/Pomo Pit titqies bħala eżempju tal-aħjar prattika;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-integrazzjoni tas-sajd fil-Politika tal-Viċinat tal-UE, bħala għodda biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali;

35.  Jinsisti li l-implimentazzjoni xierqa u obbligatorja tal-PKS għandu jkollha bħala l-objettiv tagħha l-kisba ta' bilanċ xieraq bejn is-sostenibbiltà ambjentali, ekonomika u soċjali;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq analiżi tad-data ambjentali u soċjoekonomika dwar il-komunitajiet lokali u s-settur tas-sajd tal-Mediterran sabiex tivvaluta l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 fuq l-industrija kif ukoll fuq l-istokkijiet tal-ħut, u biex din il-valutazzjoni titqies fit-teħid ta' deċiżjonijiet futuri;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża dik l-analiżi meta tiżviluppa politiki, tiffaċilita l-kollaborazzjoni fir-riċerka u tikkoopera mal-atturi kollha madwar il-Mediterran kollu, inklużi kemm il-pajjiżi riparji tal-UE kif ukoll dawk mhux tal-UE, biex tivvaluta u tevita tilwim potenzjali fost il-flotot li fil-mira tagħhom għandhom l-istess riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, li jinsabu f'żoni sensittivi tal-ibħra internazzjonali;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-impatt soċjali, ekonomiku u ambjentali, kif ukoll l-effetti fuq l-istokkijiet tal-ħut fis-settur tas-sajd rikreattiv, bil-ħsieb li din l-analiżi tiġi inkorporata fi kwalunkwe miżura li tista' tiġi adottata;

39.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu użu korrett mir-riżorsi tal-FEMSA biex jikkumpensaw għall-attivitajiet tas-sajd fuq skala żgħira li jkollhom jiġu sospiżi temporanjament minħabba miżuri ta' konservazzjoni, f'konformità mar-regoli u d-dispożizzjonijiet tal-FEMSA;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jrawmu l-opportunitajiet offruti mill-ġestjoni konġunta u mill-ġestjoni ekosistemika, adattiva u prekawzjonarja bl-għan aħħari li tinkiseb ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd, abbażi tal-monitoraġġ tal-isforzi tas-sajd u l-iżgurar tas-selettività fl-attività tas-sajd estrattiv fil-Mediterran;

L-indirizzar tal-impatti ta' attivitajiet ekonomiċi oħra u tal-pressjonijiet fuq l-irkupru tal-istokkijiet tal-ħut

41.  Jilqa' l-ħidma mwettqa fil-livell tal-GFCM mill-2017 għall-iżvilupp u l-adozzjoni ta' strateġiji biex jiġu indirizzati l-effetti potenzjali tat-tibdil fil-klima fuq is-sajd;

42.  Jistieden lill-Istati Membri jadottaw regoli li jipprojbixxu l-ankraġġ u l-irmiġġ ta' bastimenti privati kbar f'distanza sa 300 metru mill-kosta u f'ħabitats protetti, fuq dan il-limitu ta' 300 metru u fiż-żoni tal-ankraġġ, minħabba l-impatti qawwija tagħhom fuq l-ekosistemi fraġli bħall-mergħat tal-posidonia oceanica;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika studju dwar l-impatt tad-diversi attivitajiet tal-bniedem u s-sorsi ta' tniġġis, kemm terrestri kif ukoll tal-baħar, fuq l-istokkijiet tal-ħut u fuq l-ekosistemi tal-baħar;

44.  Jenfasizza n-nuqqas ta' riżorsi biex jitwettqu riċerka xjentifika u valutazzjonijiet tal-istokkijiet fil-Baħar Mediterran, speċjalment ir-riżorsi umani;

45.  Jistieden lill-Istati Membri jiffinanzjaw it-taħriġ ta' esperti xjentifiċi ġodda;

It-tisħiħ tal-ġbir tad-data u r-riċerka

46.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi promoss is-sajd kostali fuq skala żgħira u t-tekniki tas-sajd b'impatt baxx fil-Mediterran, inkluż li jsir obbligatorju għall-Istati Membri li jallokaw għal dan is-sajd sehem akbar tal-opportunitajiet tas-sajd għaż-żewġ tipi ta' sajd fejn ġew introdotti t-TACs, f'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

L-operaturi jingħataw rwol akbar fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fil-ġbir tad-data

47.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq analiżi ekonomika tal-effetti soċjali u okkupazzjonali tat-tnaqqis fir-riżorsi tas-sajd fil-Mediterran sabiex jiġu identifikati l-miżuri ta' appoġġ xierqa biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta u ekwitabbli għal sajd b'impatt baxx;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li kemm l-analiżi tad-data kif ukoll kwalunkwe miżura li tista' tirriżulta minnha jkunu jistgħu jagħmlu użu mill-fondi tal-FEMSA biex jappoġġjaw is-sostenibbiltà u l-innovazzjoni fis-settur u d-diversifikazzjoni tiegħu;

49.  Jitlob biex l-awtoritajiet u l-istituti xjentifiċi lokali u reġjonali, kif ukoll l-operaturi lokali jkunu involuti aktar mill-qrib fil-ġbir tad-data dwar is-sajd selettiv, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF);

50.  Jitlob l-iskambju ta' prattiki tajba u l-innovazzjoni fir-rigward tal-iżvilupp ta' rkaptu tas-sajd aktar selettiv u metodi ta' ġbir tal-iskart tal-baħar, filwaqt li jiġi rikonoxxut ir-rwol tas-sajjieda bħala "gwardjani tal-baħar", sabiex jikkontribwixxu għal ambjent tal-baħar aktar b'saħħtu u aktar nadif;

51.  Jenfasizza li l-kisba sħiħa ta' kwalunkwe objettiv relattiv għall-irkupru tal-istokkijiet fil-Mediterran u l-implimentazzjoni xierqa tar-regoli adottati mil-leġiżlaturi Ewropej jiddependu fuq il-parteċipazzjoni effettiva tas-settur tas-sajd;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb u ssaħħaħ il-kooperazzjoni u d-djalogu mal-kunsilli konsultattivi, mas-sajjieda u mal-professjonisti fis-settur tal-komunità kostali, filwaqt li tqis kif xieraq il-fehmiet tagħhom u tirrikonoxxi l-importanza tas-sajjieda, tan-nisa li jaħdmu fis-settur u tal-organizzazzjonijiet professjonali rilevanti u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-formulazzjoni tar-regoli li għandhom jiġu implimentati u fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

53.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippermettu l-istabbiliment ta' mudelli ta' ġestjoni konġunta għas-sajd fil-livell lokali bbażati fuq il-parteċipazzjoni, il-konsultazzjoni u t-teħid konġunt tad-deċiżjonijiet bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti; jinnota li pjanijiet ta' ġestjoni bħal dawn jeħtieġu monitoraġġ komprensiv tal-qabdiet biex jiġi żgurat sfruttament sostenibbli tar-riżorsi, kif ukoll biex jiġi żgurat bilanċ ġust tal-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi fi ħdan is-settur tas-sajd bil-għan li jiġu kkumpensati d-differenzi bejn is-segmenti tal-flotta;

54.  Jenfasizza li l-mudelli ta' ġestjoni konġunta huma bbażati fuq iż-żamma tas-servizzi tal-ekosistema u fuq il-konservazzjoni tal-ekosistemi sfruttati billi jissalvagwardjawhom, li jfisser li jiġi applikat approċċ ekosistemiku għas-sajd u ġestjoni adattiva, bl-istabbiliment ta' sistema permanenti ta' informazzjoni, analiżi u azzjoni b'tagħlim kontinwu u feedback kostanti u teħid ta' deċiżjonijiet aġili;

55.  Jilqa' l-adozzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-2018 biex jiġi żgurat futur sostenibbli għas-sajd fuq skala żgħira u l-ambjent tal-baħar fir-reġjun kif ukoll it-tnedija tal-pjattaforma "Ħbieb tas-Sajd fuq Skala Żgħira";

56.  Jenfasizza li kwalunkwe mira ta' protezzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-aħjar parir xjentifiku disponibbli;

L-iżgurar tal-istat tad-dritt

57.  Jikkundanna l-ksur kontinwu tal-liġi tal-baħar fil-Baħar Mediterran, inklużi ħtif ta' persuni, rekwiżizzjonijiet tal-bastimenti, priġunerija illegali, intimidazzjoni, kontrolli, fastidju, attakki u proċessi inġusti kontra s-sajjieda tal-UE talli eżerċitaw xogħolhom, bi ksur ċar tal-obbligi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza s-sitwazzjoni fil-Mediterran u teżamina l-possibbiltà li tistabbilixxi xi forma ta' arranġamenti operattivi biex tipproteġi l-baħħara u l-bastimenti Ewropej;

59.  Jistieden lill-Kummissjoni tidħol fi djalogu ma' dawk il-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq li ma jikkonformawx mal-politiki u d-deċiżjonijiet tal-UNCLOS u tal-GFCM, filwaqt li tiżgura s-sikurezza u kundizzjonijiet ekwi għas-sajjieda kollha tal-UE;

60.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi sforzi konġunti mal-pajjiżi ġirien biex tiffaċilita l-konformità mal-ftehimiet konklużi mill-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd u l-parteċipazzjoni fil-ġestjoni tajba u l-irkupru tal-istokkijiet tal-ħut;

61.  Jistieden lill-Kummissjoni, permezz tal-aġenziji tagħha, iżżid l-isforzi tagħha biex timmonitorja l-ilmijiet territorjali tal-UE sabiex tidentifika bastimenti mhux tal-UE li jistadu illegalment fl-ibħra territorjali tal-UE u fiż-żoni tal-baħar protetti u tagħmel il-kundizzjonijiet li fihom jaħdmu s-sajjieda tal-UE aktar sikuri; jenfasizza li huwa essenzjali li dawn l-aġenziji jingħataw finanzjament u ħaddiema adegwati għal dan il-għan;

62.  Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex iżid l-isforzi tal-Unjoni fin-Nofsinhar tal-Mediterran fir-rigward tad-dritt internazzjonali, is-sigurtà u l-istat tad-dritt;

o
o   o

63.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P9_TA(2020)0005.
(2) ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11.
(3) ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19.
(4) ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.
(5) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.
(6) ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1.
(7) ĠU L 25, 31.1.2017, p. 12.
(8) ĠU L 157, 20.6.2017, p. 1.
(9) ĠU L 315, 30.11.2017, p. 1.
(10) ĠU L 172, 26.6.2019, p. 1.
(11) ĠU L 164, 20.6.2019, p. 1.
(12) ĠU L 130, 24.4.2020, p. 11.
(13) ĠU C 316, 6.8.2021, p. 28.
(14) Testi adottati, P9_TA(2021)0017.
(15) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).


Sustanzi attivi, inklużi l-klorotoluron u d-difenokonażol
PDF 178kWORD 55k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2021 dwar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1449 tat-3 ta' Settembru 2021 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 rigward l-estensjoni tal-perjodi tal-approvazzjoni tas-sustanzi attivi 2-Fenilfenol (inkluż il-melħ tiegħu, bħall-melħ sodju), 8-idrossikwinolina, amidosulfuron, bifenox, chlormequat, chlorotoluron, clofentezine, clomazone, cypermethrin, daminozide, deltamethrin, dikamba, etofenprox, fenoxaprop-P, fenpropidin, fludioxonil, flufenacet, fosthiazate, indoxacarb, lenacil, MCPA, MCPB, nicosulfuron, żjut tal-paraffin, żejt tal-paraffin, penconazole, picloram, propaquizafop, prosulfocarb, kwiżalofop-P-etil, kwiżalofop-P-tefuril, kubrit, tetraconazole, tri-allate, triflusulfuron, u tritosulfuron (2021/2869(RSP))
P9_TA(2021)0409B9-0481/2021

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1449 tat-3 ta' Settembru 2021 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 rigward l-estensjoni tal-perjodi tal-approvazzjoni tas-sustanzi attivi 2-Fenilfenol (inkluż il-melħ tiegħu, bħall-melħ sodju), 8-idrossikwinolina, amidosulfuron, bifenox, chlormequat, chlorotoluron, clofentezine, clomazone, cypermethrin, daminozide, deltamethrin, dikamba, etofenprox, fenoxaprop-P, fenpropidin, fludioxonil, flufenacet, fosthiazate, indoxacarb, lenacil, MCPA, MCPB, nicosulfuron, żjut tal-paraffin, żejt tal-paraffin, penconazole, picloram, propaquizafop, prosulfocarb, kwiżalofop-P-etil, kwiżalofop-P-tefuril, kubrit, tetraconazole, tri-allate, triflusulfuron, u tritosulfuron(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 21, l-ewwel paragrafu, u l-Artikolu 21 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/408 tal-11 ta' Marzu 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 80(7) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jistabbilixxi lista ta' kandidati għas-sostituzzjoni(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(4),

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2018 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 dwar il-Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2019 u tas-26 ta' Novembru 2020 li joġġezzjonaw għall-estensjonijiet preċedenti tal-perjodu ta' approvazzjoni tas-sustanza attiva chlorotoluron(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 112(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

A.  billi l-klorotoluron ġie inkluż fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE(7) fl-1 ta' Marzu 2006 mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2005/53/KE(8) u tqies li ġie approvat skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009;

B.  billi proċedura għat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-klorotoluron skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012(9) ilha għaddejja mill-2013;

C.  billi l-perjodu ta' approvazzjoni tas-sustanza attiva klorotoluron diġà ġie estiż b'sena bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 533/2013(10), u sussegwentement b'sena kull sena mill-2017 bir-Regolamenti ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1511(11), (UE) 2018/1262(12), (UE) 2019/1589(13), (UE) 2020/1511(14) u issa mill-ġdid b'sena permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2021/1449, li jestendi l-perjodu ta' approvazzjoni sal-31 ta' Ottubru 2022;

D.  billi l-Kummissjoni naqset milli tispjega r-raġunijiet għall-estensjoni apparti li sostniet li: "Billi l-valutazzjoni ta' dawk is-sustanzi ddewmet għal raġunijiet li ma kinux fil-kontroll tal-applikanti, x'aktarx li l-approvazzjonijiet ta' dawk is-sustanzi attivi se jiskadu qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni dwar it-tiġdid tagħhom";

E.  billi r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għandu l-għan li jiżgura livell għoli ta' protezzjoni kemm tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll tal-ambjent u fl-istess ħin li jissalvagwardja l-kompetittività tal-agrikoltura tal-Unjoni; billi għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-protezzjoni ta' gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni, inklużi n-nisa tqal, it-trabi u t-tfal;

F.  billi għandu japplika l-prinċipju ta' prekawzjoni, u billi r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 jispeċifika li s-sustanzi għandhom jiġu inklużi biss fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fejn ikun ġie ddimostrat li dawn jippreżentaw benefiċċju ċar għall-produzzjoni tal-pjanti u li mhuwiex mistenni li jkollhom xi effett ta' ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew xi effett inaċċettabbli fuq l-ambjent;

G.  billi r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 jindika li fl-interess tas-sikurezza, il-perjodu ta' approvazzjoni għal sustanzi attivi għandu jkun limitat fiż-żmien; billi l-perjodu ta' approvazzjoni għandu jkun proporzjonat għar-riskji possibbli inerenti fl-użu ta' tali sustanzi, iżda f'dan il-każ huwa ċar li ebda proporzjonalità bħal din ma teżisti;

H.  billi matul il-15-il sena mill-approvazzjoni tiegħu bħala sustanza attiva, il-klorotoluron ġie identifikat bħala sustanza li probabbilment tfixkel is-sistema endokrinali, u minkejja dan, matul dan iż-żmien, l-approvazzjoni tiegħu ma ġietx riveduta jew irtirata;

I.  billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà u r-responsabbiltà li jaġixxu skont il-prinċipju ta' prekawzjoni, meta l-possibbiltà ta' effetti ta' ħsara fuq is-saħħa jkunu ġew identifikati iżda tkun tippersisti inċertezza xjentifika, billi jiġu adottati miżuri provviżorji ta' ġestjoni tar-riskju li jkunu meħtieġa biex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem;

J.  billi, b'mod aktar speċifiku, l-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 jipprevedi li l-Kummissjoni tista' tirrieżamina l-approvazzjoni ta' sustanza attiva fi kwalunkwe ħin, speċjalment fejn, fid-dawl ta' għarfien xjentifiku u tekniku ġdid, hija tqis li jkun hemm indikazzjonijiet li s-sustanza m'għadhiex tissodisfa l-kriterji għall-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 ta' dak ir-Regolament, u dan ir-rieżami jista' jwassal biex tiġi rtirata jew emendata l-approvazzjoni tas-sustanza;

Proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali

K.  billi, skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(15), il-klorotoluron għandu klassifikazzjoni armonizzata bħala tossiku ħafna għall-organiżmi akwatiċi, tossiku ħafna għall-organiżmi akwatiċi b'effetti fit-tul, suspettat li jikkawża l-kanċer (Carc. 2), u suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf (Repr. 2);

L.  billi l-klorotoluron ġie assoċjat ma' proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali f'pubblikazzjonijiet xjentifiċi(16);

M.  billi fl-2015 il-klorotoluron tpoġġa fil-"lista ta' kandidati għas-sostituzzjoni" permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/408 minħabba li huwa meqjus li għandu proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali li jistgħu jikkawżaw effetti negattivi fil-bniedem, u minħabba li jissodisfa l-kriterji biex jiġi kkunsidrat bħala sustanza persistenti u tossika;

N.  billi, skont il-punt 3.6.5 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, sustanza attiva ma tistax tiġi approvata meta titqies li għandha proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali li jistgħu jikkawżaw effetti avversi fil-bnedmin, sakemm l-esponiment tal-bnedmin għal dik is-sustanza attiva fi prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, f'kundizzjonijiet proposti realistiċi ta' użu, ma jkunx negliġibbli, jiġifieri, il-prodott jintuża f'sistemi magħluqa jew f'kundizzjonijiet oħra li jeskludu l-kuntatt mal-bnedmin u fejn ir-residwi tas-sustanza attiva kkonċernata fuq ikel u għalf ma jeċċedux il-valur stabbilit f'konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(17);

O.  billi mhuwiex aċċettabbli li sustanza li x'aktarx tissodisfa l-kriterji ta' limitu għas-sustanzi attivi li għandhom proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali tibqa' titħalla tintuża fl-Unjoni, u b'hekk is-saħħa pubblika u ambjentali titqiegħed f'riskju;

P.  billi l-applikanti jistgħu jieħdu vantaġġ mis-sistema awtomatika li hemm fil-metodi ta' ħidma tal-Kummissjoni li testendi b'mod immedjat il-perjodi ta' approvazzjoni ta' sustanzi attivi jekk il-valutazzjoni mill-ġdid tar-riskju ma tkunx ġiet iffinalizzata, billi jtawlu l-proċess ta' rivalutazzjoni b'mod maħsub billi jipprovdu data mhux kompluta u billi jitolbu għal aktar derogi u kundizzjonijiet speċjali, li jwassal għal riskji inaċċettabbli għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem minħabba li matul dan il-perjodu l-esponiment għas-sustanza perikoluża jitkompla;

Q.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2018, il-Parlament stieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri "jiżguraw li l-estensjoni proċedurali tal-perjodu ta' approvazzjoni għat-tul tal-proċedura, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament, mhijiex ser tintuża għal sustanzi attivi li huma mutaġeniċi, karċinoġeniċi u tossiċi għar-riproduzzjoni, u li għaldaqstant jaqgħu taħt il-kategorija 1A jew 1B, jew sustanzi attivi li għandhom karatteristiċi li jfixklu s-sistema endokrinali u jagħmlu ħsara lill-bniedem u lill-annimali, kif attwalment hu l-każ tas-sustanzi bħall-flumjoksażina, it-tijakloprid, il-klorotoluron u d-dimossistrobin";

R.  billi l-Parlament diġà oġġezzjona għall-estensjonijiet preċedenti tal-perjodu ta' approvazzjoni tal-klorotoluron fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2019 u tas-26 ta' Novembru 2020;

S.  billi l-Kummissjoni fir-reazzjonijiet(18) tagħha għall-oġġezzjonijiet preċedenti għall-estensjonijiet tal-perjodu ta' approvazzjoni tal-klorotoluron tirreferi biss għall-"istudju li jirfed il-valutazzjoni tal-impatt li saret qabel l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/605"(19) li fih il-"klorotoluron ma ġiex identifikat bħala sustanza li potenzjalment tfixkel is-sistema endokrinali", iżda tonqos milli tirrikonoxxi li dak l-istudju ma wassalx għat-tneħħija tal-klorotoluron mil-lista ta' kandidati għas-sostituzzjoni;

T.  billi wara l-adozzjoni tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2100(20) u r-Regolament (UE) 2018/605, il-Kummissjoni inkarigat lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) u lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) biex jiżviluppaw gwida armonizzata biex jiġi żgurat li l-kriterji tas-sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali adottati mill-Unjoni jiġu applikati b'mod konsistenti għall-valutazzjoni tal-bijoċidi u l-pestiċidi fl-Unjoni; billi din il-gwida li tinkorpora testijiet ġodda tal-OECD ġiet ippubblikata f'Ġunju 2018(21), iżda ma ntużatx biex jiġu vvalutati l-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali tal-klorotoluron;

U.  billi għalhekk, il-klorotoluron ma ġiex ivvalutat kif xieraq biex ma jibqax jitqies bħala sustanza li tfixkel is-sistema endokrinali;

V.  billi l-abbozz tar-rapport ta' valutazzjoni tat-tiġdid fir-rigward tal-klorotoluron għadu ma ġiex ivvalutat mill-EFSA;

W.  billi wara l-estensjoni preċedenti fl-2020 ta' diversi sustanzi attivi, inkluż il-klorotoluron, skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2020/1511, waħda biss mis-27 sustanza koperti minn dak ir-Regolament ta' Implimentazzjoni ma ġietx imġedda, filwaqt li skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2021/1449, il-perjodi ta' approvazzjoni ta' 39 sustanza se jerġgħu jiġu estiżi, ħafna minnhom għat-tielet jew għar-raba' darba;

X.  billi d-difenokonażol użat waħdu, kif ukoll flimkien ma' ażoli differenti, bħall-penkonażol, huwa suspettat li jipproduċi reżistenza għat-triażoli fir-razza fungali Aspergillus fumigatus(22);

Y.  billi r-reżistenza għat-triażoli fl-Aspergillus fumigatus hija tħassib li qed jikber għas-saħħa pubblika(23); billi d-data minn diversi studji(24) tissuġġerixxi bil-qawwa li l-ażoli agrikoli huma responsabbli għan-nuqqas ta' suċċess tat-trattament mediku f'pazjenti li qatt ma ngħataw l-ażoli f'kuntesti kliniċi;

Z.  billi wieħed minn kull erba' pazjenti li ddaħħlu fit-taqsima tal-kura intensiva minħabba problemi tas-saħħa relatati mal-COVID-19 instabu li huma infettati bl-Aspergillus fumigatus, li 15 % minnhom huma dijanjostikati b'varjant reżistenti ta' Aspergillus fumigatus; billi dawk il-pazjenti kważi ma jistgħux jiġu ttrattati u r-rata ta' sopravivenza tagħhom huwa stmat li hija ta' 20 % biss(25);

AA.  billi l-estensjoni tal-perjodi ta' approvazzjoni ta' sustanzi li jwasslu għal reżistenza għal mediċini fungali hija inaċċettabbli minn perspettiva tas-saħħa;

1.  Iqis li r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2021/1449 jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009;

2.  Iqis li r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2021/1449 mhuwiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni billi ma jirrispettax il-prinċipju ta' prekawzjoni;

3.  Jiddenunzja bil-qawwa d-dewmien konsiderevoli fil-proċess ta' awtorizzazzjoni mill-ġdid u fl-identifikazzjoni ta' sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali;

4.  Iqis li d-deċiżjoni biex il-perjodi ta' approvazzjoni għall-klorotoluron u għad-difenokonażol jiġu estiżi mhijiex konformi mal-kriterji tas-sikurezza stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009, u la hija bbażata fuq evidenza li dawk is-sustanzi jistgħu jintużaw b'mod sikur, u lanqas hija bbażata fuq ħtieġa urġenti u ppruvata għal dawk is-sustanzi fil-produzzjoni tal-ikel fl-Unjoni;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tħassar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2021/1449 u tippreżenta abbozz ġdid lill-kumitat, li jqis l-evidenza xjentifika dwar il-proprjetajiet ta' ħsara tas-sustanzi kollha kkonċernati, speċjalment tal-klorotoluron u tad-difenokonażol;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta biss abbozzi ta' regolamenti ta' implimentazzjoni biex testendi l-perjodi ta' approvazzjoni ta' sustanzi li għalihom l-istat kurrenti tax-xjenza ma jkunx mistenni li jwassal għal proposta tal-Kummissjoni għal nuqqas ta' tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva kkonċernata;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tirtira l-approvazzjonijiet għas-sustanzi jekk jeżistu provi jew dubji raġonevoli li ma jkunux se jissodisfaw il-kriterji ta' sikurezza stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009;

8.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw il-valutazzjoni mill-ġdid xierqa u f'waqtha tal-approvazzjonijiet għas-sustanzi attivi li għalihom huma l-Istati Membri li qed jirrapportaw, u biex jiżguraw li d-dewmien attwali jiġi riżolt b'mod effettiv u mill-aktar fis possibbli;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 313, 6.9.2021, p. 20.
(2) ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.
(3) ĠU L 67, 12.3.2015, p. 18.
(4) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(5) Testi adottati, P8_TA(2018)0356.
(6) Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar l-abbozz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' approvazzjoni tas-sustanzi attivi amidosulfuron, beta cyfluthrin, bifenox, chlorotoluron, clofentezine, clomazone, cypermethrin, daminozide, deltamethrin, dicamba, difenoconazole, diflubenzuron, diflufenican, fenoxaprop-P, fenpropidin, fludioxonil, flufenacet, fosthiazate, indoxacarb, lenacil, MCPA, MCPB, nicosulfuron, picloram, prosulfocarb, pyriproxyfen, thiophanate-methyl, triflusulfuron u tritosulfuron (ĠU C 202, 28.5.2021, p. 7); Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2020 dwar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1511 tas-16 ta' Ottubru 2020 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' approvazzjoni tas-sustanzi attivi amidosulfuron, bifenox, chlorotoluron, clofentezine, clomazone, cypermethrin, daminozide, deltametrina, dikamba, difenokonażol, diflufenican, fenoxaprop-P, fenpropidin, fludioxonil, flufenacet, fosthiazate, indoksakarb, lenacil, MCPA, MCPB, nicosulfuron, żjut tal-paraffina, picloram, prosulfocarb, kubrit, triflusulfuron u tritosulfuron (Testi adottati, P9_TA(2020)0325).
(7) Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).
(8) Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2005/53/KE tas-16 ta' Settembru 2005 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE sabiex tinkludi l-chlorothalonil, il-chlorotoluron, is-cypermethrin, id-daminozide u t-thiophanate-methyl bħala sustanzi attivi (ĠU L 241, 17.9.2005, p. 51).
(9) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 tat-18 ta' Settembru 2012 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta' tiġdid għas-sustanzi attivi, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 252, 19.9.2012, p. 26).
(10) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 533/2013 tal-10 ta' Ġunju 2013 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 dwar l-estensjoni tal-perjodi ta' approvazzjoni tas-sustanzi attivi 1-metil-ċiklopropin, klorotalonil, klorotoluron, ċipermetrin, daminożid, forklorfenuron, indoksakarb, tjofanat-metil u tribenuron (ĠU L 159, 11.6.2013, p. 9).
(11) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1511 tat-30 ta' Awwissu 2017 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' approvazzjoni tas-sustanzi attivi 1-metilċiklopropen, beta-ċiflutrin, klorotalonil, klorotoluron, ċipermetrina, daminożid, deltametrina, dimetenammid-p, flufenaċet, flurtamon, forklorfenuron, fostijażat, indoksakarb, iprodion, MCPA, MCPB, is-siltijofam, tijofanat-metil u tribenuron (ĠU L 224, 31.8.2017, p. 115).
(12) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1262 tal-20 ta' Settembru 2018 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' approvazzjoni tas-sustanzi attivi 1-metilċiklopropen, beta-ċiflutrin, klorotalonil, klorotoluron, klomażon, ċipermetrina, daminożid, deltametrina, dimetenammid-p, diuron, fludioksonil, flufenaċet, flurtamon, fostijażat, indoksakarb, MCPA, MCPB, prosulfokarb, tijofanat-metil u tribenuron (ĠU L 238, 21.9.2018, p. 62).
(13) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1589 tas-26 ta' Settembru 2019 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' approvazzjoni tas-sustanzi attivi amidosulfuron, beta-cyfluthrin, bifenox, chlorotoluron, clofentezine, clomazone, cypermethrin, daminozide, deltamethrin, dicamba, difenoconazole, diflubenzuron, diflufenican, fenoxaprop-P, fenpropidin, fludioxonil, flufenacet, fosthiazate, indoxacarb, lenacil, MCPA, MCPB, nicosulfuron, picloram, prosulfocarb, pyriproxyfen, thiophanate-methyl, triflusulfuron u tritosulfuron (ĠU L 248, 27.9.2019, p. 24).
(14) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1511 tas-16 ta' Ottubru 2020 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' approvazzjoni tas-sustanzi attivi amidosulfuron, bifenox, chlorotoluron, clofentezine, clomazone, cypermethrin, daminozide, deltametrina, dikamba, difenokonażol, diflufenican, fenoxaprop-P, fenpropidin, fludioxonil, flufenacet, fosthiazate, indoksakarb, lenacil, MCPA, MCPB, nicosulfuron, żjut tal-paraffina, picloram, prosulfocarb, kubrit, triflusulfuron u tritosulfuron (ĠU L 344, 19.10.2020, p. 18).
(15) Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).
(16) Ara, inter alia: Hong, M., Ping, Z., Jian, X., "Testicular toxicity and mechanisms of chlorotoluron compounds in the mouse", Toxicology Mechanisms and Methods 2007;17(8):483-8.
(17) Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1).
(18) Segwitu tal-Kummissjoni għar-riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' approvazzjoni tas-sustanzi attivi amidosulfuron, beta-cyfluthrin, bifenox, chlorotoluron, clofentezine, clomazone, cypermethrin, daminozide, deltamethrin, dicamba, difenoconazole, diflubenzuron, diflufenican, fenoxaprop-P, fenpropidin, fludioxonil, flufenacet, fosthiazate, indoxacarb, lenacil, MCPA, MCPB, nicosulfuron, picloram, prosulfocarb, pyriproxyfen, thiophanate-methyl, triflusulfuron u tritosulfuron, SP(2019)669, https://oeil.secure.europarl.europa.eu/oeil/popups/ficheprocedure.do?reference=2019/2826(RSP)&l=en; Segwitu tal-Kummissjoni għar-riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew dwar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1511 tas-16 ta' Ottubru 2020 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' approvazzjoni tas-sustanzi attivi amidosulfuron, bifenox, chlorotoluron, clofentezine, clomazone, cypermethrin, daminozide, deltametrina, dikamba, difenokonażol, diflufenican, fenoxaprop-P, fenpropidin, fludioxonil, flufenacet, fosthiazate, indoksakarb, lenacil, MCPA, MCPB, nicosulfuron, żjut tal-paraffina, picloram, prosulfocarb, kubrit, triflusulfuron u tritosulfuron, SP(2021)129, https://oeil.secure.europarl.europa.eu/oeil/popups/ficheprocedure.do?reference=2020/2853(RSP)&l=en
(19) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/605 tad-19 ta' April 2018 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 billi jistabbilixxi l-kriterji xjentifiċi biex jiġu ddeterminati l-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali (ĠU L 101, 20.4.2018, p. 33).
(20) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2100 tal-4 ta' Settembru 2017 li jistabbilixxi l-kriterji xjentifiċi għad-determinazzjoni tal-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 301, 17.11.2017, p. 1).
(21) Il-Gwida tal-EFSA u tal-ECHA għall-identifikazzjoni ta' sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali fil-kuntest tar-Regolamenti (UE) Nru 528/2012 u (KE) Nru 1107/2009, Ġurnal tal-EFSA 2018, 16(6):5311, http://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/5311.
(22) Verweij, P.E., Lucas, J.A., Arendrup, M.C., Bowyer, P., Brinkmann, A.J.F., Denning, D.W., Dyer, P.S., Fisher, M.C., Geenen, P.L., Gisi, U., Hermann, D., Hoogendijk, A., Kiers, E., Lagrou, K., Melchers, W.J.G., Rhodes, J., Rietveld, A.G., Schoustra, S.E., Stenzel, K., Zwaan, B.J., u Fraaije, B.A., "The one health problem of azole resistance in Aspergillus fumigatus: current insights and future research agenda", Fungal Biology Reviews, Volum 34, Ħarġa 4, 2020, pp. 202-214, https://www.sciencedirect.com/science/article/pii/S1749461320300415
(23) https://www.researchgate.net/publication/349087541_Prevalence_of_Azole-Resistant_Aspergillus_fumigatus_is_Highly_Associated_with_Azole_Fungicide_Residues_in_the_Fields
(24) Cao, D., Wang, F., Yu, S., Dong, S., Wu, R., Cui, N., Ren, J., Xu, T., Wang, S., Wang, M., Fang, H., u Yu, Y., "Prevalence of Azole-Resistant Aspergillus fumigatus is Highly Associated with Azole Fungicide Residues in the Fields", Environmental Science & Technology, 2021, 55(5), 3041-3049, https://www.ncbi.nlm.nih.gov/pmc/articles/PMC5461301/
(25) https://huisarts.bsl.nl/levensbedreigende-schimmel-ontdekt-bij-kwart-coronapatienten-op-ic/


Il-futur tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti
PDF 310kWORD 89k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2021 dwar il-futur tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti (2021/2038(INI))
P9_TA(2021)0410A9-0250/2021

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-2 ta' Diċembru 2020 dwar aġenda ġdida għal bidla globali bejn l-UE u l-Istati Uniti (JOIN(2020)0022),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tad-Djalogu Trans-Atlantiku tal-Leġiżlaturi tal-24 ta' Awwissu 2020 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 2020 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti,

–   wara li kkunsidra x-xhieda tas-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti Antony Blinken quddiem il-Kumitat għar-Relazzjonijiet Barranin tas-Senat tal-Istati Uniti fid-19 ta' Jannar 2021,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-membri tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta' Frar 2021 dwar is-sigurtà u d-difiża,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta għall-istampa tal-President von der Leyen u s-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti, Blinken, tal-24 ta' Marzu 2021,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tas-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti tal-Amerka u l-Viċi President tal-Kummissjoni/r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-24 ta' Marzu 2021,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti tas-26 ta' April 2021 bit-titolu "L-Impenn tal-Istati Uniti favur il-Balkani tal-Punent",

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2016 dwar l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea, bit-titolu "Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa Aktar b'Saħħitha",

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO, iffirmata f'Varsavja fit-8 ta' Lulju 2016 mill-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea, u mis-Segretarju Ġenerali tan-NATO,

–  wara li kkunsidra l-iskambju ta' fehmiet mas-Segretarju Ġenerali tan-NATO matul il-laqgħa konġunta tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, is-Sottokumitat għas-Sigurtà u d-Difiża u d-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Assemblea Parlamentari tan-NATO, li saret fil-15 ta' Marzu 2021,

–  wara li kkunsidra l-parteċipazzjoni tal-VP/RGħ fil-laqgħa tal-Ministri tad-Difiża tan-NATO tas-17 u t-18 ta' Frar 2021, u fil-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tan-NATO tat-23 u l-24 ta' Marzu 2021,

–  wara li kkunsidra l-Komunikat maħruġ mill-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern li pparteċipaw fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana fi Brussell tal-14 ta' Ġunju 2021,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Summit UE-Stati Uniti bit-titolu "Lejn Sħubija Trans-Atlantika Mġedda", maħruġa fil-15 ta' Ġunju 2021,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar ir-relazzjonijiet UE-NATO(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2009 dwar l-istat tar-relazzjonijiet trans-Atlantiċi wara l-elezzjonijiet fl-Istati Uniti(2), ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rwol tal-UE fil-promozzjoni ta' Sħubija Trans-Atlantika usa'(3) u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2018 dwar il-qagħda tar-relazzjonijiet UE-Stati Uniti(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2021 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni – rapport annwali 2020(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2021 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni – rapport annwali 2020(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2021 dwar is-sentenza tal-QĠUE tas-16 ta' Lulju 2020 – Data Protection Commissioner vs Facebook Ireland Limited u Maximillian Schrems ("Schrems II") – Kawża C-311/18(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0250/2021),

A.  billi għal 75 sena s-sħubija trans-Atlantika appoġġjat il-libertà, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, il-kummerċ u l-kooperazzjoni ekonomika u s-sigurtà; billi l-Istati Uniti għadhom l-eqreb sieħeb strateġiku tal-UE u s-sieħeb strateġiku l-aktar importanti; billi din is-sħubija hija bbażata fuq rabtiet politiċi, kulturali, ekonomiċi u storiċi b'saħħithom u valuri kondiviżi bħal-libertà, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, u għandha potenzjal kbir ħafna ta' djalogu, kooperazzjoni u twettiq rigward kwistjonijiet, objettivi u prijoritajiet ta' interess jew tħassib komuni fl-ispettru politiku kollu;

B.  billi l-UE u l-Istati Uniti jikkondividu valuri komuni u interess komuni fundamentali fit-tiswir ta' ambjent internazzjonali bbażat fuq ir-regoli li jsaħħaħ il-multilateraliżmu u l-valuri demokratiċi, jiddefendi d-drittijiet tal-bniedem, jirrispetta d-dritt internazzjonali u jippromwovi ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, u jippromwovi wkoll ir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti u l-iżvilupp sostenibbli madwar id-dinja;

C.  billi l-elezzjoni ta' Joe Biden bħala President tal-Istati Uniti u ta' Kamala Harris bħala Viċi President ħolqot opportunitajiet ġodda biex din is-sħubija trans-Atlantika essenzjali titkompla u tissaħħaħ aktar, biex jerġgħu jinbdew il-ħidma u l-innovazzjoni fil-livelli kollha ta' din il-kooperazzjoni li ilha stabbilita u biex ikun hemm kooperazzjoni aħjar dwar kwistjonijiet multilaterali, bħat-tibdil fil-klima, it-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika, id-demokrazija u s-sigurtà internazzjonali; billi kemm l-UE kif ukoll l-Istati Uniti għandhom jieħdu din l-opportunità mġedda għal djalogu u kooperazzjoni mill-qrib biex jissodisfaw l-obbligi permanenti tagħhom fil-konfront tal-organizzazzjonijiet internazzjonali li t-tnejn li huma jappartjenu għalihom u biex jiżguraw aktar koordinazzjoni u kondiviżjoni tal-piżijiet f'firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet ġeopolitiċi li qed jevolvu; billi l-kooperazzjoni mal-Istati Uniti hija objettiv permanenti tal-UE, irrispettivament mill-amministrazzjoni fil-kariga;

D.  billi l-amministrazzjoni ta' Biden iddikjarat l-intenzjoni tagħha li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet mal-UE u ma' alleati demokratiċi oħra; billi l-ewwel żjara barra l-pajjiż tal-President Biden kienet fl-Ewropa, li matulha ħa sehem fis-Summit tan-NATO u fis-Summit bejn l-UE u l-Istati Uniti fi Brussell fl-14 u l-15 ta' Ġunju 2021; billi dan jikkonferma l-impenn profond tal-Istati Uniti li jsaħħu r-relazzjonijiet tagħhom mal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u fir-rigward tal-futur tas-sigurtà u d-difiża komuni fl-Alleanza tal-Atlantiku tat-Tramuntana u mal-Unjoni Ewropea; billi l-President Biden ippropona li jiġi organizzat Summit għad-Demokrazija, li jfittex impenji konġunti mal-UE u ma' demokraziji oħra fit-tisħiħ tad-demokraziji tagħna u fit-trawwim ta' kooperazzjoni msaħħa bejn l-istati demokratiċi, filwaqt li jiġu miġġielda l-awtoritarjaniżmu u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja;

E.  billi huwa meħtieġ djalogu kostanti, kostruttiv u bilanċjat ibbażat fuq objettivi kondiviżi biex tinbena aġenda trans-Atlantika b'saħħitha u ambizzjuża u biex jiġi indirizzat kwalunkwe qasam fejn ikun hemm differenzi trans-Atlantiċi, permezz ta' kooperazzjoni aktar profonda, inkluż f'oqsma bħar-relazzjonijiet maċ-Ċina u r-Russja, l-impenji favur id-difiża u l-kapaċitajiet ta' difiża, il-kunflitti fil-Lvant Nofsani u kwistjonijiet oħra ta' sigurtà u stabbiltà, u biex jiġu identifikati approċċi komuni fejn possibbli; billi huwa ċar li l-alleanza trans-Atlantika ma tistax titqies bħala fatta u trid tingħata spinta ġdida u tissaħħaħ b'mod kostanti;

F.  billi, fit-tfittxija u l-approfondiment tal-kooperazzjoni trans-Atlantika, l-UE għandha tistinka għal sħubija fit-tmexxija mal-Istati Uniti, b'enfasi fuq it-tfittxija ta' interessi kondiviżi; billi l-UE għandha trawwem ukoll l-awtonomija strateġika tagħha fir-relazzjonijiet ekonomiċi u dwar id-difiża bħala mezz biex tfittex l-interessi diplomatiċi, tas-sigurtà u ekonomiċi tagħha stess filwaqt li ssaħħaħ ir-rabta trans-Atlantika u biex żżid l-influwenza konġunta tal-UE u tal-Istati Uniti fix-xena dinjija, iżda anki bil-ħsieb li żżid il-kapaċità tagħha li tieħu responsabbiltà akbar biex tindirizza l-isfidi globali u reġjonali ewlenin u tiddeċiedi u taġixxi b'mod awtonomu, jekk meħtieġ, fi kwistjonijiet ta' affarijiet barranin u ta' sigurtà u difiża;

G.  billi l-UE u l-Istati Uniti għandhom l-akbar relazzjoni bilaterali ta' kummerċ u investiment u jgawdu l-aktar relazzjoni ekonomika integrata fid-dinja;

H.  billi kemm l-UE kif ukoll l-Istati Uniti jikkondividu għadd ta' sfidi komuni ġodda bħall-influwenza malinna ta' reġimi awtoritarji, li jdgħajfu l-istituzzjonijiet multilaterali, l-impatt soċjoekonomiku tal-pandemija, il-promozzjoni tas-saħħa globali, it-tibdil fil-klima u l-ħtieġa li jsir progress fuq miżuri ta' mitigazzjoni tal-klima, il-ġlieda kontra mewġa globali ta' awtoritarjaniżmu, il-ġlieda kontra networks kriminali u terroriżmu globali, li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni jsiru realtà, l-indirizzar tad-diviżjoni li qed tiżdied bejn żoni metropolitani u rurali u t-twettiq tat-trasformazzjonijiet diġitali u ekoloġiċi bħala mezz ta' modernizzazzjoni sostenibbli, l-avvanz tat-teknoloġija, bħall-intelliġenza artifiċjali u ċ-ċibersigurtà, l-evitar tat-taxxa, u sfidi usa' li jinħolqu mid-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija;

I.  billi impetu mġedded fir-relazzjoni trans-Atlantika joħloq kuntest politiku favorevoli biex l-isfidi komuni jiġu indirizzati b'mod kostruttiv u biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet fejn il-pożizzjonijiet tagħna jvarjaw;

J.  billi f'Diċembru 2020, il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) ippreżentaw strateġija ġdida taċ-ċibersigurtà tal-UE, li għandha l-għan li "l-UE tibqa' minn ta' quddiem fl-issettjar tan-normi u tal-istandards internazzjonali fiċ-ċiberspazju, u li ssaħħaħ il-kooperazzjoni mas-sħab madwar id-dinja biex tippromwovi ċiberspazju globali, miftuħ, stabbli u sigur, li jkun imsejjes fuq l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-valuri demokratiċi"(8);

K.  billi hemm appoġġ b'saħħtu miż-żewġ partiti fl-Istati Uniti biex issir ħidma mal-alleati demokratiċi biex tiżdied ir-reżiljenza tal-komunità trans-Atlantika għal theddid ibridu minn reġimi awtoritarji;

L.  billi l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli u l-valuri demokratiċi qed jiġu mhedda mill-qawmien tal-awtoritarjaniżmu assertiv u t-tnaqqis tad-demokrazija f'pajjiżi terzi, kif ukoll minn ġewwa l-UE u l-Istati Uniti permezz taż-żieda ta' movimenti antidemokratiċi populisti u tal-lemin estrem;

M.  billi l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE jista' jwassal għal frammentazzjoni ulterjuri tax-xenarju strateġiku, mhux biss f'termini tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti iżda anke fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, fil-G7, fil-G20 u f'formati multilaterali oħra;

N.  billi l-Amerka Latina hija reġjun li jikkondividi ħafna valuri, interessi, rabtiet storiċi u rabtiet ekonomiċi u umani fundamentali mal-UE u mal-Istati Uniti;

1.  Jilqa' l-adozzjoni tal-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà għal aġenda għal bidla globali bejn l-UE u l-Istati Uniti f'Diċembru 2020 bħala pjan ta' azzjoni għal sħubija trans-Atlantika mġedda u msaħħa;

2.  Jikkonferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-kooperazzjoni, is-sħubija u l-ħbiberija trans-Atlantika b'saħħithom bejn l-UE u l-Istati Uniti, li matul l-aħħar 70 sena kkontribwew għall-iżvilupp, il-prosperità u l-integrazzjoni b'suċċess tal-Ewropa u li huma l-bażi għall-istabbiltà u s-sigurtà tagħha sa minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija; jissottolinja li r-relazzjoni tal-UE mal-Istati Uniti hija mibnija fuq valuri komuni; ifakkar li s-sistemi politiċi kemm tal-Istati Uniti kif ukoll tal-UE huma msejsa fuq prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u r-rispett għal-libertajiet fundamentali; huwa konvint li, permezz tal-kooperazzjoni trans-Atlantika, nistgħu nikkontribwixxu bl-aħjar mod għal soluzzjoni paċifika, sostenibbli u kostruttiva għall-isfidi globali u reġjonali eżistenti, inkluż billi ssir enfasi fuq rikostruzzjoni tal-ekonomija li tkun sostenibbli u li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent, inkluża n-newtralità tal-karbonju sal-2050, u billi tingħeleb l-inġustizzja reġjonali, soċjali, tar-razza u tal-ġeneru; jinsisti li s-sħubija trans-Atlantika mġedda għandha tkun ibbażata fuq l-ugwaljanza tas-sħab; jisħaq, fl-istess ħin, li l-awtonomija strateġika tal-UE ma tistax tinkiseb mingħajr titjib kwalitattiv fl-implimentazzjoni tal-prijoritajiet u l-prinċipji tal-politika estera u ta' difiża tal-UE u l-kapaċità tal-UE li taġixxi b'mod awtonomu, meta jkun meħtieġ, hi u tfittex l-interessi leġittimi tagħha, inkluża sħubija u kooperazzjoni ambizzjużi mal-eqreb alleati tal-Unjoni, bħall-Istati Uniti;

3.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) biex jaffermaw mill-ġdid ir-rilevanza kontinwa tar-relazzjoni trans-Atlantika strateġika għall-bini mill-ġdid u t-tisħiħ mill-ġdid tal-ordni internazzjonali multilaterali bbażat fuq ir-regoli, bis-sistema tan-NU u d-dritt internazzjonali fiċ-ċentru tagħha, it-tisħiħ globali tad-demokrazija u tal-valuri demokratiċi u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, għall-indirizzar tal-influwenza malinna u d-diżinformazzjoni tar-reġimi awtoritarji, u għat-tiswir tar-regoli tal-futur diġitali u teknoloġiku skont valuri kondiviżi, żvilupp ekonomiku sostenibbli u tkabbir ekonomiku u impjiegi inklużivi fid-dinja kollha, pożizzjoni koordinata vis-à-vis ir-Russja u ċ-Ċina u offerta komuni ta' investiment f'inizjattivi infrastrutturali globali f'konformità mal-istrateġija tal-UE dwar il-konnettività; jissottolinja r-rilevanza tal-istrateġija tal-UE dwar il-konnettività u jappella għal kooperazzjoni msaħħa bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-qasam ewlieni tal-konnettività; jappoġġja l-isforzi trans-Atlantiċi biex tiġi evitata d-dipendenza enerġetika permezz tal-promozzjoni tad-diversifikazzjoni tal-enerġija u, b'mod aktar ġenerali, il-konnettività permezz tal-mekkaniżmi kollha possibbli, kif rifless ukoll fil-komunikat tal-G7 bit-titolu "L-aġenda kondiviża tagħna għal azzjoni globali biex nerġgħu nibnu lura aħjar";

4.  Jinnota u jappoġġja wkoll id-determinazzjoni trans-Atlantika l-ġdida dwar l-appoġġ għad-demokrazija madwar id-dinja, b'mod partikolari permezz tad-difiża tal-libertà tal-midja, l-appoġġ għas-soċjetà ċivili u l-protezzjoni u d-difiża tal-ġurnalisti; jilqa' l-impenn ċar tal-Istati Uniti biex isaħħu u jespandu aktar l-ambitu tar-relazzjonijiet trans-Atlantiċi bid-deċiżjoni tal-President tal-Istati Uniti li jivvjaġġa lejn l-Ewropa matul l-ewwel vjaġġ tiegħu barra l-pajjiż u li jipparteċipa fis-Summit bejn l-UE u l-Istati Uniti f'Ġunju 2021; jappoġġja l-konklużjonijiet operattivi tas-Summit kif deskritti fid-Dikjarazzjoni tas-Summit bejn l-UE u l-Istati Uniti "Lejn Sħubija Trans-Atlantika Mġedda", maħruġa fil-15 ta' Ġunju 2021 u li jindikaw impenn qawwi miż-żewġ partijiet biex jiksbu sinerġiji u japprofondixxu d-djalogu u l-kooperazzjoni trans-Atlantiċi; jinnota b'mod partikolari d-determinazzjoni trans-Atlantika biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet umanitarji u li jiġi appoġġjat id-dritt umanitarju internazzjonali kif ukoll li tiġi estiża l-bażi tar-riżorsi għall-azzjoni umanitarja; jinnota wkoll u jappoġġja l-intenzjoni li tissaħħaħ il-kooperazzjoni trans-Atlantika dwar l-użu ta' sanzjonijiet biex jintlaħqu objettivi kondiviżi ta' politika estera u ta' sigurtà;

5.  Jappella għal aġenda trans-Atlantika ġdida li tfittex interessi komuni u tisfrutta s-saħħa kollettiva, u tippromwovi l-kooperazzjoni multilaterali għal dinja aktar ekwa u aktar b'saħħitha, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u r-riżoluzzjoni paċifika u sostenibbli tal-kunflitti, inklużi l-kunflitti reġjonali, abbażi tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali, il-kontroll tal-armi, in-nonproliferazzjoni tal-armi nukleari u d-diżarm; jisħaq li din l-aġenda għandha tqiegħed l-għanijiet strateġiċi kondiviżi tagħna fiċ-ċentru tagħha, bħat-tisħiħ tal-katina tal-provvista tagħna għall-mediċini u r-riforma tad-WHO, l-iżgurar ta' aċċess adegwat għall-vaċċini għal pajjiżi vulnerabbli, it-tnaqqis tad-dipendenza tagħna fuq riżervi tal-enerġija esterni, iż-żieda tal-investiment f'teknoloġiji avvanzati, il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi, il-promozzjoni tat-trasformazzjoni ekoloġika, u l-kooperazzjoni flimkien ma' pajjiżi terzi rilevanti, bl-enfasi tkun fuq is-sigurtà u l-istabbiltà tal-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-UE, il-Balkani tal-Punent u l-kontinent Afrikan;

6.  Jissottolinja l-ħtieġa li tiġi approfondita l-kooperazzjoni leġiżlattiva u li jiġu stabbiliti strutturi aktar b'saħħithom għall-kooperazzjoni leġiżlattiva u djalogu trans-Atlantiku inklużiv ibbażat fuq il-fergħat leġiżlattivi kemm tal-UE kif ukoll tal-Istati Uniti, bħal assemblea trans-Atlantika tal-leġiżlaturi; jinnota li ż-żieda fl-għarfien ta' strutturi bħad-Djalogu Trans-Atlantiku tal-Leġiżlaturi u l-organizzazzjoni ta' laqgħat u żjarat aktar regolari tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament mal-kontropartijiet tagħhom tal-Istati Uniti, pereżempju fl-okkażjoni ta' żjarat annwali regolari tal-kumitati rispettivi, jerġgħu jġibu l-fiduċja fil-kooperazzjoni trans-Atlantika u d-durabbiltà u l-effiċjenza tagħha; iħeġġeġ lill-Kungress tal-Istati Uniti jsaħħaħ id-Djalogu Trans-Atlantiku tal-Leġiżlaturi billi jawtorizzah bħala korp formali bi sħubija permanenti ddedikat għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea u bħala l-kontroparti naturali tad-delegazzjoni interparlamentari tal-Parlament Ewropew għar-relazzjonijiet mal-Kungress tal-Istati Uniti; jilqa' l-varar mill-ġdid tal-Caucus tal-Unjoni Ewropea fil-Kungress tal-Istati Uniti u jissottolinja l-importanza ta' kooperazzjoni u assoċjazzjoni mill-qrib mal-attivitajiet tad-Djalogu Trans-Atlantiku tal-Leġiżlaturi; jafferma mill-ġdid l-importanza tal-kumitat ta' tmexxija tad-Djalogu Trans-Atlantiku tal-Leġiżlaturi fl-iżgurar tal-koordinazzjoni tal-attivitajiet kollha relatati mal-kooperazzjoni trans-Atlantika dwar l-isforzi leġiżlattivi fil-Parlament Ewropew, bil-għan li tissaħħaħ is-sorveljanza parlamentari;

7.  Jilqa' d-djalogu trans-Atlantiku rikk fil-livell tas-soċjetà ċivili u jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jkomplu jivvalorizzaw tali djalogu u jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati soċjali u ekonomiċi kollha fid-dibattitu dwar il-futur tar-relazzjonijiet trans-Atlantiċi; huwa tal-fehma li djalogu trans-Atlantiku regolari tas-soċjetà ċivili jista' jiġi stabbilit għal dan il-għan; jisħaq li l-kuntatti bejn iċ-ċittadini tal-UE u l-Istati Uniti jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' valuri komuni, fiduċja u fehim reċiproku bejn is-sħab trans-Atlantiċi; jitlob, għalhekk, aktar appoġġ għall-promozzjoni u l-faċilitazzjoni ta' programmi ta' mobbiltà u skambju, bħal Erasmus+, u skambji ta' internships bejn il-Kungress u l-Parlament Ewropew; jissottolinja l-importanza li jissaħħu l-kuntatti bejn il-persuni fix-xjenza, ir-riċerka u l-edukazzjoni;

8.  Jappella għal kooperazzjoni interparlamentari msaħħa bejn il-Membri tal-Parlament Ewropew, il-Membri tal-Kungress, il-membri tal-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE u l-membri tad-diversi leġiżlaturi tal-Istat tal-50 Stat Federali tal-Istati Uniti, f'oqsma tematiċi differenti li jistgħu jippermettu l-iskambju tal-aħjar prattiki, inklużi djalogi sottonazzjonali bħall-"Under2 Coalition", u koordinazzjoni msaħħa dwar sfidi globali iżda anki dwar sfidi nazzjonali kondiviżi, bħall-indirizzar tal-inugwaljanza ekonomika u soċjali, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istandards demokratiċi fid-dawl ta' theddidiet antidemokratiċi li qed jiżdiedu, kemm interni kif ukoll esterni, id-difiża tad-dritt internazzjonali u s-salvagwardja ta' ftehimiet legalment vinkolanti, il-promozzjoni ta' interessi strateġiċi komuni, il-kopertura tas-saħħa universali, il-konverġenza leġiżlattiva dwar l-IA ċċentrata fuq il-bniedem fil-forom kollha tagħha, l-appoġġ għall-kooperazzjoni bejn kumpaniji tal-Istati Uniti u tal-UE, it-teknoloġiji tal-innovazzjoni u teknoloġiji oħra mill-aktar avvanzati bħall-5G u s-6G u l-bijoteknoloġiji, ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, it-tassazzjoni tal-kumpaniji tat-teknoloġija, ir-responsabbiltà u l-obbligu ta' rendikont tal-pjattaformi online, inkluż permezz tal-għoti tas-sorveljanza meħtieġa biex ikun żgurat li l-politiki tal-pjattaformi online jkunu konformi mal-valuri demokratiċi ewlenin, inkluż bħala theddida għas-sigurtà, u l-objettiv ta' tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika, il-protezzjoni ta' ambjent medjatiku liberu u indipendenti u l-protezzjoni tal-elezzjonijiet demokratiċi tagħna minn indħil barrani; itenni l-importanza tal-kooperazzjoni spazjali bejn l-UE u l-Istati Uniti u tad-Djalogu Spazjali bejn l-UE u l-Istati Uniti; jilqa' l-impenn imħabbar biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni trans-Atlantika dwar l-ispazju billi jittejjeb il-Ftehim Galileo-GPS; jemmen li l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-ispazju tista' tgħin il-promozzjoni tal-istandards tas-sikurezza u l-aħjar prattiki spazjali fil-komunità internazzjonali;

9.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Uniti jaħdmu flimkien fuq l-isfidi globali tat-taxxa, filwaqt li jibnu fuq il-ħidma tal-OECD, bħal riforma tas-sistema internazzjonali tat-taxxa korporattiva, bil-ħsieb li jeliminaw il-possibbiltà li l-operaturi ekonomiċi jużaw strateġiji ta' erożjoni tal-bażi tat-taxxa u trasferiment tal-profitti (BEPS) biex jevitaw il-ħlas ta' taxxi korporattivi; jappoġġja, f'dan ir-rigward, il-ħidma tal-Qafas Inklużiv tal-OECD/G20 dwar il-BEPS; jissottolinja li l-isforzi favur riforma jridu jinkludu l-eliminazzjoni tar-rifuġji fiskali; jenfasizza li tali miżuri jistgħu jservu biex inaqqsu l-inugwaljanzi ekonomiċi; jafferma l-impenn tal-UE favur tassazzjoni ġusta fl-ekonomija diġitali, kif mitlub fl-aġenda l-ġdida għal bidla globali bejn l-UE u l-Istati Uniti;

10.  Jenfasizza l-importanza tar-reċiproċità tal-viża bejn l-UE u l-Istati Uniti u jħeġġeġ liż-żewġ naħat isibu soluzzjoni aċċettabbli b'mod reċiproku permezz ta' ħidma diplomatika attiva li tippermetti sistema mingħajr viża għall-Istati Membri kollha tal-UE; jilqa' l-inklużjoni tal-Polonja fil-Programm għall-Eżenzjoni mill-Viża tal-Istati Uniti u l-konferma li l-Kroazja tissodisfa wkoll ir-rekwiżiti kollha għall-inklużjoni; jistieden lill-Istati Uniti jħaffu l-proċess ta' adeżjoni tal-Bulgarija, ta' Ċipru u tar-Rumanija fil-Programm għall-Eżenzjoni mill-Viża;

L-istabbiliment mill-ġdid tal-multilateraliżmu

11.  Jilqa' l-impenn mill-ġdid tal-Istati Uniti favur il-multilateraliżmu bbażat fuq ir-regoli u favur l-alleanzi mas-sħab tagħha, u jenfasizza li dan jipprovdi opportunità importanti biex jerġa' jkun hemm kooperazzjoni mal-Istati Uniti fil-bini mill-ġdid, il-konsolidazzjoni u l-espansjoni ulterjuri tar-relazzjoni trans-Atlantika, inkluż f'oqsma bħall-multilateraliżmu u d-drittijiet tal-bniedem, u t-tisħiħ flimkien, bħala sħab ugwali, tal-ordni globali bbażat fuq ir-regoli fl-ispirtu tal-valuri demokratiċi liberali kondiviżi tagħna; jissottolinja l-importanza ta' kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Uniti u ma' stati oħra tal-istess fehma għall-modernizzazzjoni ta' organizzazzjonijiet multilaterali sabiex ikunu adattati għall-iskop tagħhom u tittejjeb il-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà globali, id-drittijiet fundamentali, il-valuri universali u d-dritt internazzjonali; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li pajjiżi min-Nofsinhar Globali jiġu inklużi f'dawn l-isforzi; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib fis-sistema tan-NU, l-aġenziji, l-organizzazzjonijiet u l-missjonijiet tagħha, inkluż fir-rigward tal-persunal f'pożizzjonijiet ta' tmexxija;

12.  Itenni l-impenn tiegħu favur il-kooperazzjoni internazzjonali fin-NU bħala forum indispensabbli għal soluzzjonijiet multilaterali għall-isfidi globali u għall-komunikazzjoni tal-politika, id-djalogu politiku u l-bini ta' kunsens fil-komunità internazzjonali kollha;

13.  Jappella għal aktar finanzjament konġunt bejn l-UE u l-Istati Uniti ta' proġetti innovattivi bbażati fuq teknoloġiji mill-aktar avvanzati, aktar investimenti konġunti fir-riċerka u l-iżvilupp, żieda fl-iskambji akkademiċi bejn il-persuni fl-iSTEM, u aktar appoġġ konġunt għall-istart-ups u l-SMEs fil-qasam tat-teknoloġija;

14.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-amministrazzjoni ta' Biden li terġa' tidħol fil-Ftehim ta' Pariġi u l-ħatra ta' Mibgħut Presidenzjali Speċjali għall-Klima, John Kerry; jilqa' t-tħabbira dwar it-twaqqif ta' Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Azzjoni Klimatika bejn l-UE u l-Istati Uniti; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Uniti jippreżentaw proposti konkreti biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima u l-kummerċ ekoloġiku, u jippromwovu l-operazzjonalizzazzjoni tat-teknoloġija ekoloġika, inklużi l-idroġenu, il-finanzi sostenibbli u l-bijodiversità;

15.  Jisħaq fuq l-importanza tal-kooperazzjoni globali dwar l-isfidi transnazzjonali tat-trawwim tal-edukazzjoni, ix-xjenza, iż-żgħażagħ u d-diversità kulturali u d-djalogu; jistieden lill-Istati Uniti jerġgħu jissieħbu fl-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO);

16.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Istati Uniti li jerġgħu jissieħbu fl-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa; jappella għal tmexxija trans-Atlantika dwar id-diplomazija fil-qasam tas-saħħa biex tikkoordina l-approċċ biex il-COVID-19 titwaqqaf f'livell globali, kif ukoll kriżijiet tas-saħħa futuri possibbli, u biex issaħħaħ is-sigurtà tas-saħħa globali, b'mod partikolari r-riforma tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u l-isforz trans-Atlantiku konġunt biex jingħata aċċess globali ekwu għall-vaċċini, it-testijiet u t-trattamenti tal-COVID-19, u d-distribuzzjoni tagħhom, b'mod partikolari f'pajjiżi b'introjtu aktar baxx; jinsisti fuq it-trawwim tal-kooperazzjoni biex jiġu stabbiliti proċeduri aħjar għat-tħejjija għal pandemiji futuri, inkluż permezz ta' approċċ kliniku u regolatorju koerenti u konsistenti li jikkomplementa l-ktajjen tal-provvista globali biex jiġu żgurati l-flessibbiltà u r-reżiljenza; jappella għal investigazzjoni indipendenti imparzjali dwar is-sors u t-tixrid tal-pandemija tal-COVID-19, kif ukoll dwar il-ġestjoni tagħha mid-WHO fil-bidu tagħha;

17.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' diplomazija pubblika mtejba dwar il-vaċċini li fiha l-UE u l-Istati Uniti jista' jkollhom rwol ewlieni, peress li l-vaċċinazzjoni globali hija l-uniku mod biex il-pandemija tintemm; jilqa' l-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-UE u tal-Istati Uniti għall-Faċilità COVAX u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali biex tittejjeb l-aċċessibbiltà għall-vaċċini fid-dinja kollha, billi jittieħed approċċ koordinat meta tiġi indirizzata l-proposta biex jittaffew ir-regoli dwar il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali għall-vaċċini; iħeġġeġ, f'dan is-sens, lis-sħab trans-Atlantiċi jaħdmu flimkien biex jippermettu l-produzzjoni u l-kunsinna rapidi tal-vaċċini kull fejn ikunu meħtieġa; jinkoraġġixxi skambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Uniti u l-UE dwar l-organizzazzjoni tad-distribuzzjoni ta' vaċċini biex jiġu żgurati tħejjija u reżiljenza aħjar għall-futur;

18.  Jappella għal approċċ konċertat bejn l-UE u l-Istati Uniti fin-NU, inkluż dwar ir-riforma tan-NU biex issaħħaħ l-effikaċja tagħha bħala organizzazzjoni multilaterali, iġġib aktar trasparenza lill-istituzzjoni u ssaħħaħ il-kredibbiltà tagħha; jappella għal sforzi koordinati biex jinkisbu impenji ambizzjużi fis-Summits tan-NU dwar it-tibdil fil-klima u l-bijodiversità fl-2021 (COPs 26); jitlob lill-UE u lill-Istati Uniti jkollhom rwol ewlieni fil-Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u f'fora oħra bħall-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali u l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-kooperazzjoni fl-enerġija nadifa u fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, u fit-teknoloġiji u l-prodotti b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju hija kruċjali, kif ukoll il-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet urġenti oħra bħan-nonproliferazzjoni, ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni vjolenti u t-terroriżmu; jesprimi tħassib dwar il-fatt li matul l-aħħar tliet deċennji ċ-Ċina ttriplikat l-emissjonijiet tal-karbonju tagħha u issa qed temetti 27 % tal-gassijiet serra tad-dinja, u b'hekk l-isforzi tal-UE u tal-Istati Uniti biex jindirizzaw l-emissjonijiet tal-gassijiet serra ma jibqgħux biżżejjed mingħajr impenn u implimentazzjoni ċari miċ-Ċina;

19.  Jitlob li d-dritt internazzjonali tal-baħar jiġi difiż u, f'dan ir-rigward, itenni t-talba tiegħu lill-Istati Uniti biex jirratifikaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar; jistieden lill-Istati Uniti jingħaqdu fl-isforzi tal-UE biex jinkoraġġixxu l-adozzjoni ta' trattat internazzjonali dwar l-iskart fil-baħar u t-tniġġis tal-plastik fil-baħar fl-Assemblea tan-NU għall-Ambjent li jmiss; iħeġġeġ lill-Istati Uniti u lill-UE jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat madwar id-dinja;

20.  Jinnota li l-President Biden ħabbar mira ġdida ta' dekarbonizzazzjoni ta' bejn 50 % u 52 % sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-2005; jinnota wkoll li l-President Biden organizza b'mod virtwali Summit tal-Mexxejja dwar il-Klima biex jiġu stimulati l-isforzi ta' ekonomiji ewlenin dwar l-azzjoni klimatika;

21.  Jirrikonoxxi t-titjib sinifikanti fil-kwalità tal-arja fl-Istati Uniti matul l-aħħar ftit deċennji, xprunat l-aktar mit-titjib teknoloġiku u l-innovazzjoni fis-settur tal-enerġija;

22.  Jemmen li l-UE għandha tafferma mill-ġdid, flimkien mal-Istati Uniti, iċ-ċentralità tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, bħala qafas għal kooperazzjoni multilaterali effettiva, li tinvolvi wkoll liċ-Ċina kull meta jkun possibbli, dment li jkun hemm impenn ġenwin miċ-Ċina favur id-djalogu u l-kooperazzjoni mingħajr kunflitti u b'aġenda li ssaħħaħ l-istrutturi u l-objettivi ewlenin tal-aġenda 2030;

23.  Jappella għal koordinazzjoni msaħħa dwar l-użu ta' miżuri restrittivi, inklużi sanzjonijiet b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem, u jħeġġeġ lill-Kunsill jadotta komponent ta' korruzzjoni bħala parti mir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jikkoordinaw il-politiki ta' sanzjonijiet tagħhom kull meta jkun possibbli u utli;

24.  Jilqa' l-impenn imħabbar tal-amministrazzjoni ta' Biden li terġa' tibda tiddjaloga mal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, li jindika l-intenzjoni mġedda tal-Istati Uniti li jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem globalment bit-tama li jissaħħu l-isforzi lejn ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem globalment u li tiġi evitata d-definizzjoni mill-ġdid awtoritarja tad-drittijiet tal-bniedem bħala kunċett iċċentrat fuq l-istat; jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti, flimkien ma' alleati tal-istess fehma, jaħdmu biex jirriformaw il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem u b'mod partikolari jistabbilixxu kriterji ċari għas-sħubija fih;

25.  Jitlob li jissaħħaħ l-impenn tal-UE u l-Istati Uniti favur il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem globalment, u favur il-ġlieda kontra ż-żieda tal-awtoritarjaniżmu u r-reġimi illiberali; jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta' sett ta' għodod konġunt komprensiv bejn l-UE u l-Istati Uniti biex jiġu indirizzati l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jaħdmu mill-qrib ma' demokraziji oħra biex jiddefendu u jippromwovu d-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-valuri demokratiċi f'livell internazzjonali permezz ta' kollaborazzjoni msaħħa mill-qrib ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-Kunsill tal-Ewropa u l-OSKE; huwa tal-fehma li l-Parlament u l-Kungress jistgħu jikkooperaw flimkien dwar każijiet ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili li qed jiġu ppersegwitati u inkarċerati mingħajr raġuni jew biex irażżnu l-azzjonijiet tagħhom;

26.  Jilqa' t-tneħħija tas-sanzjonijiet tal-Istati Uniti fuq uffiċjali għolja tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) mill-amministrazzjoni ta' Biden; iħeġġeġ lill-Istati Uniti jissieħbu fl-Istatut ta' Ruma li jistabbilixxi l-QKI u jikkooperaw b'mod kostruttiv mal-Qorti fl-investigazzjonijiet u l-proċedimenti legali tagħha li għaddejjin;

27.  Itenni l-appell tiegħu lill-Istati Uniti biex jabolixxu l-piena tal-mewt u jirriformaw is-sistema tal-ġustizzja kriminali tagħhom;

28.  Iħeġġeġ id-djalogu u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-promozzjoni tal-ugwaljanza razzjali u bejn il-ġeneri; jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jieħdu passi deċiżivi biex jindirizzaw ir-razziżmu sistemiku, kif rifless fil-vjolenza tal-pulizija li hija sproporzjonata fil-konfront ta' minoranzi etniċi u razzjali, u l-inugwaljanzi stabbiliti li jkebbsu protesti paċifiċi leġittimi;

29.  Huwa tal-fehma li l-UE u l-Istati Uniti flimkien jistgħu jagħmlu progress fir-rigward tal-ugwaljanza u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u jiżguraw li dawn jiġu riflessi u appoġġjati kif xieraq fit-teħid tad-deċiżjonijiet ta' fora multilaterali; jissuġġerixxi, għalhekk, li tiġi esplorata pjattaforma permanenti għal djalogu bejn l-UE u l-Istati Uniti biex jittieħdu passi konkreti biex jiġu miġġielda r-razziżmu, id-diskors ta' mibegħda u d-diskriminazzjoni, inkluża d-diskriminazzjoni kontra l-persuni LGBTIQ, u jappella għal kooperazzjoni multilaterali aktar mill-qrib f'dan ir-rigward ma' organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-OSKE, in-NU, l-Unjoni Afrikana, l-OAS u l-KtE; jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti biex flimkien jorganizzaw Summit Globali Kontra r-Razziżmu dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni globali;

30.  Jinsab imħasseb ħafna dwar l-adozzjoni, min-naħa tal-Leġiżlatura ta' Texas, tal-Att ta' Texas dwar it-Taħbit tal-Qalb (Texas Heartbeat Act), li de facto jipprojbixxi l-abort, bħala attakk serju fuq id-drittijiet sesswali u riproduttivi tan-nisa; jiddispjaċih li permezz ta' deċiżjoni maqsuma, il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti rrifjutat li tiddeċiedi dwar l-adozzjoni ta' din il-liġi mingħajr preċedent;

31.  Jinsisti li jinħtieġu aktar sforzi biex jittejbu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa, inkluż dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, fost oħrajn;

32.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom mal-Istati Uniti fil-promozzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin madwar id-dinja; jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jipproteġu u jippreservaw reċiprokament il-wirt kulturali u storiku tal-Ewropa u tal-Istati Uniti kemm fl-Istati Uniti kif ukoll fl-UE;

33.  Iħeġġeġ lill-amministrazzjoni ta' Biden twettaq malajr il-pjanijiet imħabbra tagħha biex tagħlaq il-faċilità ta' detenzjoni ta' Guantanamo; jiddispjaċih għall-fatt li kważi 20 sena wara l-istabbiliment tal-faċilità, 40 priġunier għadhom detenuti, inklużi ħamsa li kien awtorizzat li jinħelsu taħt l-amministrazzjoni Obama; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha joffru l-assistenza tagħhom biex jiffaċilitaw il-proċess;

34.  Iħeġġeġ lill-Istati Uniti jiggarantixxu aċċess ekwu u miftuħ għal servizzi essenzjali bħas-sistema tal-kura tas-saħħa u l-iskemi tal-protezzjoni soċjali għal sehem akbar tal-popolazzjoni; iħeġġeġ lill-amministrazzjoni ta' Biden li għadha kif inħatret biex tieħu azzjonijiet konkreti biex tirregola l-pussess tal-armi fost iċ-ċittadini tal-Istati Uniti;

35.  Jenfasizza li l-komunità trans-Atlantika qed tħabbat wiċċha ma' firxa wiesgħa ta' sfidi komuni bla preċedent, li jvarjaw mill-ġlieda kontra t-terroriżmu sat-theddid ibridu, it-tibdil fil-klima, id-diżinformazzjoni, l-attakki ċibernetiċi, it-teknoloġiji emerġenti u fixkiela (EDTs), u bidla fil-bilanċ globali tal-poter, kif ukoll l-isfida li tirriżulta għall-ordni internazzjonali bbażata fuq ir-regoli;

Kooperazzjoni msaħħa dwar il-kummerċ u l-investimenti internazzjonali

36.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li naħdmu flimkien mal-Istati Uniti, billi nisfruttaw momentum pożittiv, dwar it-tisħiħ tas-sistema kummerċjali multilaterali u r-riforma tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ; jilqa' l-eżitu tas-summit bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-15 ta' Ġunju 2021 "Lejn Sħubija Trans-Atlantika Mġedda" bħala sinjal ta' impenn imġedded u kostruttiv; jilqa' l-Ftehim dwar Qafas Kooperattiv għal Inġenji tal-Ajru Ċivili Kbar; jieħu nota tar-rikonoxximent fid-dikjarazzjoni tas-summit bejn l-UE u l-Istati Uniti li l-applikazzjoni mill-Istati Uniti tat-tariffi fuq l-importazzjonijiet mill-UE skont it-Taqsima 232 tal-Istati Uniti wasslet għal tensjonijiet fir-relazzjoni trans-Atlantika, u jfaħħar l-impenn espliċitu fl-istess dikjarazzjoni biex id-differenzi eżistenti dwar il-kapaċità żejda tal-azzar u tal-aluminju jiġu solvuti qabel tmiem is-sena; iqis li l-istabbiliment ta' diversi pjattaformi għal diskussjoni permanenti, bħall-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija u d-Djalogu Konġunt bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni fil-qasam tat-Teknoloġija, huwa essenzjali peress li se jkomplu jippermettu l-kummerċ trans-Atlantiku, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni twaqqaf struttura effiċjenti u inklużiva min-naħa tal-UE għall-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija mill-aktar fis possibbli; jilqa' l-istabbiliment ta' Task Force Konġunta bejn l-UE u l-Istati Uniti għall-Manifattura u l-Katina tal-Provvista b'rabta mal-COVID-19;

37.  Jenfasizza li l-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija huwa parti mill-aġenda kummerċjali trans-Atlantika pożittiva, u l-għan aħħari tiegħu hu li jħaddan il-valuri demokratiċi u l-etika fit-teknoloġiji ġodda sabiex isir struttura istituzzjonali trasparenti u jmexxi t-trasformazzjoni diġitali globali; jilqa' f'dan ir-rigward il-fatt li l-laqgħa inawgurali saret kif ippjanat minkejja t-tensjonijiet li jeħtieġ li jiġu diskussi b'mod miftuħ u sinċier; jirrimarka li jkun possibbli li jinkisbu xi kisbiet rapidi li jsaħħu l-kummerċ bilaterali, u għalhekk iħeġġeġ liż-żewġ naħat jiffukaw fuq eżiti konkreti u tanġibbli; jilqa' f'dan ir-rigward l-eżiti tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija li saret fid-29 ta' Settembru f'Pittsburgh li adottat temi konkreti għal kull wieħed mill-10 grupp ta' ħidma; jappoġġja, fost l-impenji, l-impenn ta' kooperazzjoni fl-evitar ta' ostakli ġodda u bla bżonn għall-kummerċ tat-teknoloġiji ġodda u emerġenti, fl-iskrinjar tal-investimenti u l-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju, kif ukoll l-impenn biex tittejjeb l-effikaċja tal-politiki li jindirizzaw politiki u prattiki mhux tas-suq u li joħolqu distorsjoni tal-kummerċ; jilqa' l-identifikazzjoni ta' temi speċifiċi bħall-indirizzar tal-isfidi ppreżentati minn ekonomiji mhux tas-suq, u l-kooperazzjoni fid-drittijiet tal-ħaddiema u l-politiki dwar il-klima relatati mal-kummerċ fil-Grupp ta' Ħidma dwar l-Isfidi Kummerċjali Globali; jissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni fl-istabbiliment internazzjonali ta' standards tat-teknoloġija; jitlob l-istabbiliment ta' Sottokumitat għall-Kummerċ u t-Teknoloġija fi ħdan id-Djalogu Trans-Atlantiku tal-Leġiżlaturi biex jikkomplementa r-rwol tal-eżekuttiv fil-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija u biex jeżerċita skrutinju demokratiku fuq dan il-Kunsill; jenfasizza li l-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija mhuwiex forum għan-negozjar ta' ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti, mingħajr preġudizzju għall-inizjattivi futuri biex dan isir;

38.  Jissottolinja li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti għandhom l-aktar relazzjoni ekonomika integrata fid-dinja, li hija wkoll l-akbar u l-aktar relazzjoni profonda ta' kummerċ u ta' investiment bilaterali, fejn il-kummerċ fi prodotti u servizzi jammonta għal aktar minn EUR 1 triljun fis-sena; ifakkar li l-ekonomiji tal-UE u tal-Istati Uniti flimkien jammontaw għal aktar minn 40 % tal-PDG globali u għal kważi terz tal-flussi kummerċjali globali;

39.  Jenfasizza l-importanza li nsaħħu mill-ġdid ir-relazzjoni kummerċjali trans-Atlantika tagħna bħala alleati storiċi u sħab kummerċjali, anki fid-dawl tal-kriżi attwali tal-COVID-19, bil-għan li jiġi promoss il-multilateraliżmu, titrawwem sistema kummerċjali miftuħa u bbażata fuq ir-regoli u jinstabu soluzzjonijiet komuni għall-isfidi globali urġenti, inkluża s-saħħa globali;

40.  Jieħu nota tal-indikazzjonijiet diġà pprovduti mill-kontropartijiet tal-Istati Uniti u d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant tal-Kummerċ tal-Istati Uniti Katherine Tai waqt is-seduta ta' smigħ dwar l-aġenda kummerċjali tal-2021 tal-amministrazzjoni ta' Biden;

41.  Itenni, f'dan il-kuntest, l-appoġġ tiegħu għall-istrateġija kummerċjali l-ġdida tal-UE, li timmira, anke permezz tal-aġenda trans-Atlantika tal-Unjoni, lejn sinerġiji bejn l-objettivi tal-politika domestika u esterna f'konformità mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU;

42.  Jidentifika l-politika kummerċjali bħala għodda ġeopolitika strateġika għall-aġenda trans-Atlantika; jenfasizza li l-Istati Uniti huma sieħeb kummerċjali kruċjali u għalhekk jilqa' s-sinjali pożittivi mill-amministrazzjoni ta' Biden bil-pjanijiet tagħha li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali mal-UE, u jappella għal kooperazzjoni mġedda li għandha ġġib riżultati dejjiema u konkreti fis-snin li ġejjin, filwaqt li jitqies li r-relazzjonijiet ekonomiċi tagħna huma affettwati wkoll mill-interessi tas-sigurtà fil-kuntest ta' awtonomija strateġika miftuħa;

43.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu identifikati azzjonijiet konġunti bbażati fuq interessi u valuri kondiviżi kif ukoll fuq riskji u theddidiet kondiviżi bil-għan li jingħata kontribut lill-irkupru ekonomiku globali sostenibbli u inklużiv mill-pandemija tal-COVID-19;

44.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi rriformata s-sistema kummerċjali globali, sabiex tiżgura kundizzjonijiet ekwi globali u li naħdmu flimkien biex niżviluppaw regoli ġodda, b'mod partikolari fir-rigward ta' prattiki kummerċjali inġusti, peress li l-kompetizzjoni inġusta qed taffettwa b'mod qawwi lill-kumpaniji u lill-ħaddiema tagħna;

45.  Jappoġġja l-approċċ ta' sħubija fit-tmexxija mal-Istati Uniti, inkluża pożizzjoni koordinata fil-konfront tar-Russja u ċ-Ċina, b'enfasi fuq il-ksib ta' interessi kondiviżi fit-trasformazzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tal-ekonomiji tagħna, kif ukoll ta' inizjattivi komuni fir-rigward tal-provvisti ta' beni pubbliċi globali; jisħaq li "l-ħaddiema u l-pagi", kif ukoll ktajjen tal-provvista aktar reżiljenti, sostenibbli u responsabbli, huma inklużi f'din l-aġenda; f'dan ir-rigward, iħeġġeġ liż-żewġ naħat jikkoordinaw l-approċċ tagħhom dwar ix-xogħol furzat u l-kundizzjonijiet tax-xogħol abbużivi u jikkooperaw biex itejbu r-rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema u l-istandards ambjentali fil-ftehimiet kummerċjali, kif ukoll fil-livell multilaterali, inkluż billi jibnu fuq l-esperjenza ta' xulxin ħalli jinfurzaw dawn id-dispożizzjonijiet b'mod aktar effiċjenti;

46.  Jissottolinja l-ħtieġa li jintwera li relazzjonijiet kummerċjali mtejba bejn l-UE u l-Istati Uniti jkunu ta' benefiċċju għaċ-ċittadini, speċjalment dawk li tħallew lura bil-globalizzazzjoni, u għan-negozji fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku; f'dak il-kuntest, jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jaħdmu flimkien u jallinjaw l-istrateġiji tagħhom biex joħolqu sinerġiji ta' investiment, b'mod partikolari biex jiksbu tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi sostenibbli u inklużivi tal-ekonomiji tagħhom;

47.  Jinnota li l-isfidi komuni bejn l-UE u l-Istati Uniti huma dejjem iżjed mhux ta' natura militari u jaqgħu fi ħdan is-sħubija ekonomika tagħna; jitlob, għalhekk, li jkun hemm djalogu parlamentari trans-Atlantiku kontinwu u msaħħaħ dwar il-kummerċ bejn il-Parlament Ewropew u l-Kungress tal-Istati Uniti permezz ta' interazzjoni bejn il-kumitati, fi kliem ieħor bejn il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali tal-Parlament Ewropew, min-naħa tal-UE, u l-Kumitat Ways & Means, is-sottokumitat tiegħu għall-kummerċ u l-Kumitat għall-Finanzi tas-Senat, min-naħa tal-Istati Uniti, kif ukoll fil-qafas tad-Djalogu Trans-Atlantiku tal-Leġiżlaturi;

48.  Jilqa' bil-qawwa l-appoġġ tal-Istati Uniti għad-Direttur Ġenerali l-ġdid tad-WTO, Ngozi Okonjo-Iweala, u sħubija mill-ġdid tal-Istati Uniti fil-Ftehim ta' Pariġi; jilqa' s-sospensjoni temporanja ta' erba' xhur tat-tariffi ta' Airbus u Boeing, li kellhom effett negattiv sproporzjonat fuq il-prodotti agroalimentari tal-UE, bħala pass pożittiv lejn is-sejba ta' soluzzjoni dejjiema għas-sussidji għall-inġenji tal-ajru ċivili; jinnota li s-sospensjoni ta' dawn it-tariffi se tintemm f'Lulju 2021, u jħeġġeġ li tinstab soluzzjoni li twassal għat-tneħħija permanenti ta' dawn it-tariffi;

49.  Jilqa' r-rieda tal-Istati Uniti li jiftħu diskussjonijiet biex jindirizzaw il-kapaċità żejda globali tal-azzar u tal-aluminju; jinnota d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissospendi ż-żieda fit-tariffi għall-importazzjonijiet tal-Istati Uniti li jikkontrobilanċjaw il-miżuri tal-Istati Uniti;

50.  Jilqa' wkoll il-konklużjoni rapida tal-ftehim tad-WTO dwar il-kwoti tariffarji, li kien l-ewwel ftehim mal-Istati Uniti taħt l-amministrazzjoni l-ġdida ta' Biden u juri r-rieda ta' din l-amministrazzjoni l-ġdida li tfittex ftehimiet mal-UE fil-qafas tad-WTO;

51.  Jirrikonoxxi fl-istess ħin li għad hemm ċerti interessi diverġenti; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, liż-żewġ naħat jirriżolvu t-tilwim bilaterali; iħeġġeġ lill-Istati Uniti jneħħu l-miżuri kummerċjali unilaterali u t-theddidiet ta' miżuri addizzjonali fir-rigward tat-taxxi fuq is-servizzi diġitali, joqogħdu lura milli jieħdu oħrajn, u pjuttost jiffokaw fuq dak li jgħaqqadna; jagħti importanza kbira lis-Summit bejn l-UE u l-Istati Uniti f'Ġunju 2021 bħala pass 'il quddiem biex ir-relazzjoni kummerċjali tagħna tibqa' tissaħħaħ u biex jiġu diskussi oqsma mhux sfruttati għal kooperazzjoni akbar;

52.  Iħeġġeġ lill-Istati Uniti biex, minkejja t-taħditiet li għaddejjin bħalissa, ineħħu minnufih it-tariffi tat-Taqsima 232 fuq l-azzar u l-aluminju peress li l-kumpaniji Ewropej ma jistgħux jitqiesu bħala theddida għas-sigurtà nazzjonali mill-Istati Uniti u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi indirizzat b'mod konġunt it-tħassib relatat mal-kapaċità żejda tal-azzar u tal-aluminju minn pajjiżi terzi; itenni, fost l-oħrajn, l-ambizzjoni tal-UE li telimina t-tariffi għall-prodotti industrijali bejn l-UE u l-Istati Uniti;

53.  Filwaqt li jiddeplora l-konklużjoni tat-300 investigazzjoni u waħda dwar it-taxxi diġitali, jilqa' pożittivament is-sospensjoni tas-sitt xhur ta' ritaljazzjoni kummerċjali fuq setturi ekonomiċi bħal taż-żraben fl-Istati Membri li implimentaw taxxa fuq is-servizzi diġitali filwaqt li għaddejjin negozjati fil-qafas tal-OECD; jesprimi tħassib dwar il-lista preliminari ta' tariffi ta' ritaljazzjoni tar-Rappreżentant tal-Kummerċ tal-Istati Uniti li tirriżulta mit-300 investigazzjoni u waħda dwar it-taxxi differenti tal-UE fuq is-servizzi diġitali, li tinkludi setturi tal-manifattura partikolarment sensittivi bħall-industriji taż-żraben u tal-ġlud, li potenzjalment jistgħu jispiċċaw jiġu esklużi mis-suq tal-Istati Uniti jekk jiġu adottati tariffi addizzjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħaffu u jikkonkludu malajr kemm jista' jkun in-negozjati fil-qafas tal-proposta tal-OECD dwar it-tassazzjoni diġitali u jsegwu l-modi kollha possibbli biex jevitaw aktar ħsara ekonomika lill-kumpaniji tal-UE, b'mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, speċjalment fil-kuntest tal-istrateġiji ta' rkupru tal-COVID-19; iqis li minħabba l-kompetenza esklużiva tal-UE fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni u t-theddidiet ta' ritaljazzjoni tal-Istati Uniti fir-rigward tal-liġijiet dwar it-tassazzjoni diġitali, approċċ komuni tal-UE huwa preferibbli minn approċċi individwali fil-livell nazzjonali, b'mod partikolari sabiex tiġi evitata eskalazzjoni trans-Atlantika ulterjuri tat-tariffi;

54.  Jirrikonoxxi li għad hemm opportunitajiet mhux sfruttati biex titneħħa burokrazija sinifikanti u tissaħħaħ is-sħubija ekonomika trans-Atlantika; fil-kuntest tat-tellieqa teknoloġika li għaddejja, jisħaq fuq l-importanza ta' spazju regolatorju Trans-Atlantiku ċar għan-negozji tagħna, speċjalment għat-teknoloġiji emerġenti diġitali, tal-enerġija u relatati mal-klima; jistenna li ż-żewġ naħat jindirizzaw fi djalogu t-tħassib tal-UE rigward il-Buy American Act u l-Jones Act tal-Istati Uniti, inklużi l-akkwist pubbliku u l-aċċess għas-swieq għas-servizzi;

55.  Jappoġġja approċċ konġunt għall-indirizzar tal-kriżi tal-COVID-19 billi, fost miżuri oħra, jiżdiedu d-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-vaċċini; jappella lill-UE u lill-Istati Uniti biex jaħdmu flimkien u jmexxu l-isforzi biex jindirizzaw il-kwistjoni tan-nuqqas ta' vaċċini u jiżguraw li l-vaċċini jitwasslu madwar id-dinja u lill-aktar nies possibbli malajr kemm jista' jkun; jilqa' t-tħabbira tas-sħubija bejn l-UE u l-Istati Uniti biex tkompli bl-isforz globali tat-tilqim kontra l-COVID-19 billi tlaqqam 70 % tad-dinja sal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-sena d-dieħla; ifakkar li d-dinja qed tiffaċċja skarsezza globali ta' vaċċini; għalhekk, sabiex tinkiseb l-ekwità tal-vaċċini, jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jaħdmu mal-manifatturi biex iżidu l-kapaċità tal-manifattura globali għall-vaċċini u l-komponenti tagħhom; jappella liż-żewġ naħat joqogħdu lura minn kwalunkwe miżura ta' restrizzjoni fuq l-esportazzjoni, jiżguraw il-funzjonament xieraq tal-ktajjen ta' provvista, jiżguraw it-trasferimenti tat-teknoloġija meħtieġa u jtejbu t-tħejjija għal emerġenzi tas-saħħa globali futuri; iħeġġeġ liż-żewġ naħat iżidu l-kooperazzjoni regolatorja biex jiffaċilitaw l-aċċess essenzjali għall-mediċini;

56.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-amministrazzjoni Biden jappoġġjaw b'mod attiv l-inizjattivi l-ġodda tad-Direttur Ġenerali tad-WTO li jikkonċernaw, b'mod partikolari, is-saħħa; jindika, f'dan il-kuntest, il-pożizzjoni tal-Parlament dwar rinunzja potenzjali fir-rigward tal-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPS) mistqarra fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2021(9);

57.  Iqis, filwaqt li jirrikonoxxi l-importanza li jiġu protetti d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali Ewropej biex tinżamm il-kapaċità tan-negozji li jinnovaw, li huwa rilevanti li jiġu eżaminati l-flessibbiltajiet applikabbli kollha fi ħdan il-ftehim TRIPS bil-għan li tiżdied il-kapaċità tal-manifattura globali tal-vaċċini u tal-komponenti tagħhom; jisħaq fuq il-fatt li s-sejba ta' soluzzjonijiet dwar id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali tista' tkun biss parti waħda mir-rispons globali komuni;

58.  Jissottolinja li d-WTO tibqa' l-pedament ta' sistema multilaterali bbażata fuq ir-regoli għall-kummerċ; jappella għal kooperazzjoni msaħħa fir-rigward tar-riforma tad-WTO, inkluża r-riforma tat-tliet funzjonijiet ewlenin tagħha, li tinvolvi r-riforma u r-riintegrazzjoni bħala kwistjoni ta' urġenza tal-korp tal-appell u t-tisħiħ tal-funzjonijiet ta' monitoraġġ u ta' deliberazzjoni tad-WTO, billi, fost mezzi oħra, tippromwovi ftehimiet plurilaterali miftuħa;

59.  Iħeġġeġ liż-żewġ naħat jikkooperaw biex jirregolaw il-kummerċ fil-prodotti tas-saħħa, jiżviluppaw regoli għall-kummerċ diġitali u jistabbilixxu aġenda ambizzjuża dwar il-klima u l-ambjent, fost attivitajiet oħra, billi jvaraw mill-ġdid in-negozjati dwar il-Ftehim dwar il-Beni Ambjentali, u jaħdmu fuq proposti komuni, fost l-oħrajn, dixxiplini dwar is-sussidji u l-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji fuq il-fjuwils fossili;

60.  Jistenna li ż-żewġ naħat jaqblu dwar riżultati konkreti għat-12-il Konferenza Ministerjali tad-WTO (MC12) biex id-WTO tkun lesta għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, inklużi ftehim dwar is-sajd, dikjarazzjoni dwar il-kummerċ u s-saħħa, programm ta' ħidma għar-riforma tas-sistema għas-soluzzjoni tat-tilwim, programm ta' ħidma dwar is-sussidji industrijali u l-intrapriżi tal-istat, u progress sostanzjali fin-negozjati tal-kummerċ elettroniku;

61.  Iħeġġeġ liż-żewġ naħat jaħdmu b'mod konġunt biex jaġġornaw ir-regoli tad-WTO dwar l-intrapriżi tal-istat, is-sussidji industrijali, il-kapaċità żejda u t-trasferiment tat-teknoloġija sabiex b'mod effiċjenti l-organizzazzjoni tkun adattata għall-isfidi tas-seklu 21; f'dan ir-rigward jappoġġja wkoll l-espansjoni tal-inizjattiva trilaterali mal-Ġappun u jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jmexxu koalizzjoni ta' pajjiżi tal-istess fehma fid-WTO bil-ħsieb li jintlaħaq qbil dwar regoli ġodda, filwaqt li jiġi żviluppat ukoll strument awtonomu kontra sussidji barranin inġusti; jistenna li ż-żewġ naħat jippromwovu u jistinkaw għal ftehimiet multilaterali; jistieden lill-Istati Uniti jġeddu l-impenji tagħhom favur il-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi tad-WTO;

62.  Jinnota r-riżultat tal-ewwel laqgħa ta' livell għoli tad-djalogu bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar iċ-Ċina, fejn iż-żewġ naħat tennew li r-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom maċ-Ċina huma multidimensjonali u jinkludu elementi ta' kooperazzjoni, kompetizzjoni u rivalità sistemika; jappoġġja, kull fejn ikun possibbli, approċċ strateġiku konġunt fir-rigward taċ-Ċina, kif ukoll kooperazzjoni fi ħdan oqfsa multilaterali dwar sfidi komuni bħat-tibdil fil-klima, il-prattiki kummerċjali inġusti li jwasslu għal distorsjonijiet tas-suq u n-nuqqas ta' kundizzjonijiet ekwi;

63.  Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jkun hemm pożizzjoni koordinata biex jiġu indirizzati s-sussidji industrijali distorsivi – b'mod partikolari fir-rigward tal-intrapriżi tal-istat u l-kapaċità żejda f'setturi kritiċi – it-trasferimenti furzati tat-teknoloġija, is-serq tal-proprjetà intellettwali, l-impriżi konġunti obbligatorji, l-ostakli tas-suq u l-projbizzjoni tax-xogħol furzat billi tiġi inkluża diskussjoni dwar il-ftehim "Phase One" tal-Istati Uniti maċ-Ċina kif ukoll il-Ftehim Komprensiv tal-UE dwar l-Investimenti;

64.  Jinnota li kwistjonijiet bħal dawn ma jistgħux jiġu solvuti unilateralment jew bilateralment u jirrikjedu koalizzjoni ta' sħab tal-istess fehma fil-livell internazzjonali fi ħdan il-qafas tad-WTO;

65.  Jisħaq fuq l-importanza li fl-istrateġija konġunta bejn l-UE u l-Istati Uniti, u fi ħdan id-WTO, jiġi inkluż ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż fl-operat tan-negozji internazzjonali; jirrimarka f'dan ir-rigward il-ħtieġa ta' leġiżlazzjoni vinkolanti dwar id-diliġenza dovuta u jitlob li l-Istati Uniti jingħaqdu u jappoġġjaw dan l-approċċ tul il-katina ta' provvista;

66.  Jemmen li l-UE u l-Istati Uniti għandhom isaħħu l-kooperazzjoni trans-Atlantika dwar konnettività bbażata fuq ir-regoli u sostenibbli bħala reazzjoni għall-Inizjattiva "Belt and Road" taċ-Ċina u jittama li jkun hemm kooperazzjoni futura b'mod partikolari fir-rigward tar-rispett ta' standards ta' kwalità għolja;

67.  Jistieden lill-Kummissjoni, filwaqt li tippromwovi d-djalogu u l-azzjoni komuni, tippromwovi b'mod assertiv l-interessi tal-UE u l-awtonomija strateġika miftuħa tagħha u tirreaġixxi għal dazji mhux ġustifikati tal-Istati Uniti, l-applikazzjoni ekstraterritorjali tas-sanzjonijiet, li tmur kontra d-dritt internazzjonali, u l-ostakli tas-suq; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-miżuri kummerċjali awtonomi tal-UE;

68.  Jitlob, b'mod partikolari, lill-Istati Uniti biex jiżguraw li l-proċeduri ta' akkwist pubbliku tagħhom jkunu trasparenti, miftuħa u prevedibbli abbażi tal-prinċipju ta' trattament ugwali;

69.  Jistieden lill-Kummissjoni tabbozza l-proposta tagħha fuq strument ta' deterrenza u ġlieda kontra azzjonijiet koerċittivi minn pajjiżi terzi u leġiżlazzjoni li tappoġġja kumpaniji Ewropej fil-mira ta' dawn is-sanzjonijiet u li qed joperaw f'konformità mad-dritt internazzjonali;

70.  Iħeġġeġ liż-żewġ naħat jimpenjaw ruħhom fi djalogu ambizzjuż u jsibu qafas għal azzjoni konġunta u jfittxu ftehimiet kummerċjali u ta' investiment selettivi permezz tat-tnedija mill-ġdid ta' djalogu strateġiku ta' livell għoli;

71.  Jappella għal sħubija regolatorja, ekoloġika, sostenibbli u diġitali aktar b'saħħitha permezz tal-Kunsill għall-Kummerċ u t-Teknoloġija; jappella għal ftehim dwar il-valutazzjoni tal-konformità, li jkun ta' benefiċċju b'mod partikolari għall-SMEs, għal approċċ koordinat biex jiġu stabbiliti standards internazzjonali għat-teknoloġiji kritiċi u emerġenti, bħall-intelliġenza artifiċjali, u għal kooperazzjoni regolatorja għall-kumpaniji tat-teknoloġija kbira kif ukoll għat-taxxi diġitali u globali; jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jiskambjaw informazzjoni u jikkooperaw dwar l-iskrinjar tal-investiment barrani f'setturi strateġiċi, inkluż fir-rigward ta' akkwiżizzjonijiet ostili potenzjali;

72.  Iħeġġeġ liż-żewġ naħat jiskambjaw l-aħjar prattiki regolatorji; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Uniti jkomplu bin-negozjati tagħhom dwar il-valutazzjoni tal-konformità biex ineħħu l-ostakli mhux tariffarji li huma ta' piż finanzjarju; jisħaq fuq l-importanza li ż-żewġ naħat jallinjaw u jmexxu koalizzjoni ta' sħab tal-istess fehma biex itejbu l-użu tal-istandards trans-Atlantiċi minn organizzazzjonijiet ta' standards internazzjonali;

73.  Jistieden liż-żewġ naħat jużaw il-kummerċ bħala mezz biex jiġġieldu t-tibdil fil-klima u jiksbu konverġenza 'l fuq; f'dan ir-rigward iħeġġeġ liż-żewġ naħat jikkooperaw dwar l-ipprezzar tal-karbonju u b'mod partikolari jikkoordinaw l-iżvilupp ta' mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri, u dwar miżuri effettivi kontra l-kummerċ illeċitu tal-armi u t-tisħiħ tat-trasparenza u r-responsabbiltà tal-kummerċ tal-armi, inklużi l-esportazzjonijiet tal-armi tal-Istati Uniti u tal-Istati Membri tal-UE;

74.  Jistieden lill-Istati Uniti u lill-UE jaħdmu flimkien fuq taxxa korporattiva globali fil-qafas tal-OECD, filwaqt li jilqa' b'mod partikolari l-ftehim milħuq mill-pajjiżi tal-G7 dwar ir-riforma tat-taxxa globali u jenfasizza l-ftehim dwar rata tat-taxxa korporattiva globali minima ta' mill-inqas 15 %, u jikkooperaw fil-ġlieda kontra prattiki kummerċjali frodulenti u dannużi;

75.  Jissottolinja li sħab kummerċjali u ekonomiċi aktar b'saħħithom iwasslu għal alleanzi aktar b'saħħithom; jilqa' pożittivament l-isforzi li qed isiru miż-żewġ naħat biex il-ktajjen ta' provvista tagħhom isiru aktar reżiljenti, speċjalment fir-rigward tal-materja prima kritika;

76.  Jappella għal kooperazzjoni msaħħa bejn l-UE u l-Istati Uniti fir-rigward tal-Artiku, meta jitqiesu l-ftuħ ta' rotot ġodda ta' navigazzjoni u d-disponibbiltà possibbli ta' riżorsi naturali minħabba t-tibdil fil-klima u filwaqt li jitqies l-interess ekonomiku dejjem jikber fl-Artiku minn pajjiżi oħra, bħaċ-Ċina; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza wkoll dawn il-possibbiltajiet u l-isfidi fl-Istrateġija għall-Artiku tagħha li jmiss;

77.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, bħala prattika komuni, tkun trasparenti fil-kooperazzjoni tagħha mal-Istati Uniti billi, inter alia, tippubblika l-proposti kollha mibgħuta lill-Istati Uniti u billi tiggarantixxi l-involviment tal-Parlament u tas-soċjetà ċivili fl-iżvilupp ta' dawn il-proposti sabiex tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi u taċ-ċittadini;

Niffaċċjaw flimkien l-isfidi tas-sigurtà u d-difiża

78.  Jissottolinja li l-alleanza trans-Atlantika għadha fundamentali għas-sigurtà u l-istabbiltà tal-kontinent Ewropew, billi n-NATO hija l-pedament tad-difiża kollettiva tal-Ewropa u hija pilastru ewlieni tas-sigurtà Ewropea; jirriafferma wkoll li l-alleati u s-sħab tan-NATO flimkien mal-Unjoni Ewropea kollettivament iridu jagħmlu aktar biex jissodisfaw l-aspettattivi ġusti bħala sħab trans-Atlantiċi kredibbli u ugwali li huma kapaċi u lesti jiddefendu lilhom infushom u jittrattaw kriżijiet fil-viċinati tagħhom, filwaqt li jmexxu meta jkun meħtieġ, iżda f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Uniti; jappoġġja ribilanċjar tar-responsabbiltajiet fir-relazzjoni ta' sigurtà trans-Atlantika billi titrawwem awtodipendenza akbar għall-Istati Membri tal-UE fi kwistjonijiet ta' difiża ħalli jitnaqqas il-piż żejjed fuq l-Istati Uniti u b'mod li joħloq sinerġiji bejn is-sħubija tan-NATO u l-kapaċitajiet ta' difiża tal-UE; jisħaq li l-kooperazzjoni UE-NATO hija bbażata fuq 74 azzjoni maqbula b'mod komuni f'oqsma speċifiċi; ifakkar li ż-żewġ organizzazzjonijiet għandhom kompiti u prijoritajiet differenti, fejn in-NATO hija inkarigata mid-difiża territorjali kollettiva tal-membri tagħha, u l-UE taħseb għall-ġestjoni tal-kriżijiet militari esterni, b'potenzjal għal aktar djalogu u kooperazzjoni dwar l-isfidi tas-sigurtà u s-sħubija strateġika msejsa fuq appoġġ komuni għall-valuri ewlenin tad-demokrazija, il-libertà u l-promozzjoni tal-paċi; jisħaq li kooperazzjoni aktar profonda, akkomunament u kondiviżjoni u settur Ewropew tad-difiża effiċjenti u trasparenti jsaħħu wkoll il-kapaċitajiet disponibbli għan-NATO; jissottolinja li l-ħolqien ta' bażi industrijali tal-UE b'saħħitha u kapaċitajiet militari aktar b'saħħithom fil-livell tal-UE u investiment fil-mobbiltà u l-interoperabbiltà militari mhux biss isaħħu l-UE iżda fl-istess waqt isaħħu l-alleanza trans-Atlantika u jkunu f'sinerġija mar-rwol u r-rilevanza tal-UE u l-Istati Membri tagħha fin-NATO; jesprimi, għaldaqstant, l-impenn sħiħ tiegħu għall-inizjattivi Ewropej tad-difiża, b'mod partikolari l-FEŻ, il-PESCO u l-EPF, fost oħrajn; jissottolinja li s-sħubija trans-Atlantika tista' tkun biss ta' suċċess jekk l-Istati Membri kollha jissodisfaw l-impenji tagħhom, inklużi l-wegħdiet ta' investiment fil-qasam tad-difiża, u jipparteċipaw f'appoġġ reċiproku u jfittxu kondiviżjoni tal-piżijiet aktar ibbilanċjata; jissottolinja l-ħtieġa li l-alleati kollha tan-NATO jinvestu finanzjarjament fl-iżvilupp, l-akkwist u ż-żamma tal-kapaċitajiet li n-NATO teħtieġ biex tiddefendi ċ-ċittadini tagħha; jindika wkoll il-proċess ta' abbozzar li għaddej tal-Boxxla Strateġika tal-UE, li ser tkun pass importanti għal kooperazzjoni Ewropea aktar b'saħħitha fil-qasam tad-difiża u s-sigurtà, u jissottolinja li l-Boxxla Strateġika għandha tkun marbuta mill-qrib mal-abbozzar tal-Kunċett Strateġiku tan-NATO, u jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li dawn il-proċessi paralleli joffru opportunità unika biex is-sħubija trans-Atlantika politika u ta' sigurtà tiġi avvanzata u aġġornata u ssir adatta biex tindirizza l-isfidi globali attwali li kemm l-UE kif ukoll l-Istati Uniti qegħdin jiffaċċjaw; jisħaq li l-ambizzjoni tal-awtonomija strateġika Ewropea bl-ebda mod ma ddgħajjef lin-NATO iżda hija komplementari għaliha; jitlob li jiġi konkluż arranġament amministrattiv bejn l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u l-Istati Uniti u jilqa' l-impenn tal-UE u tal-Istati Uniti, kif rifless fid-dikjarazzjoni maħruġa fi tmiem is-summit UE-Stati Uniti fil-15 ta' Ġunju 2021, biex jinbdew diskussjonijiet malajr kemm jista' jkun; jippromwovi l-istabbiliment ta' politika barranija u proċessi ta' koordinazzjoni tal-politiki ta' sigurtà u difiża bejn l-Istati Uniti, l-UE u r-Renju Unit;

79.  Jilqa' d-deċiżjoni pożittiva tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2021 li tawtorizza lill-koordinatur tal-proġett tal-Mobbiltà Militari, in-Netherlands, biex jistieden lill-Istati Uniti, lill-Kanada u lin-Norveġja, b'segwitu għat-talbiet rispettivi tagħhom, biex jipparteċipaw fil-proġett PESCO dwar il-mobbiltà militari; jisħaq li din il-parteċipazzjoni ser issaħħaħ il-koerenza tal-kapaċitajiet tal-UE u tan-NATO u l-interoperabbiltà, it-tħejjija u r-reżiljenza tal-forzi trans-Atlantiċi;

80.  Jappella għal kooperazzjoni msaħħa bejn l-UE, l-Istati Uniti u n-NATO mal-viċinat tagħna tal-Lvant, b'mod partikolari, il-Georgia, l-Ukrajna u l-Moldova, fi kwistjonijiet relatati mas-sigurtà u d-difiża, inkluż permezz ta' appoġġ għall-integrità territorjali ta' dawn il-pajjiżi, u biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tagħhom kontra t-theddid ċibernetiku kif ukoll it-theddid relatat mal-informazzjoni, mal-ispjunaġġ u theddid ieħor dirett lejhom;

81.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Istati Uniti li jtemmu l-irtirar tal-forzi tal-Istati Uniti mill-UE u li jżidu l-preżenza militari tagħhom fl-Istati Membri tal-UE bħala sinjal ta' impenn għall-kooperazzjoni trans-Atlantika fil-qasam tas-sigurtà; jesprimi l-gratitudni tiegħu lejn id-diversi membri tal-persunal tas-servizzi tal-Istati Uniti li għenu fil-protezzjoni tas-sigurtà u s-sikurezza tal-Ewropa u taċ-ċittadini tagħha f'dawn l-aħħar deċennji;

82.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Uniti jrawmu kooperazzjoni mill-qrib mhux biss dwar it-theddid tradizzjonali għas-sigurtà, iżda wkoll dwar dawk emerġenti bħad-dominanza teknoloġika barranija ostili, it-theddid ibridu, il-kampanji ta' diżinformazzjoni u l-indħil malizzjuż fil-proċessi elettorali; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Uniti jiżviluppaw kooperazzjoni mill-qrib fil-qasam taċ-ċibersigurtà; iħeġġeġ lill-UE tiżviluppa kapaċitajiet ċibernetiċi aktar effiċjenti biex issaħħaħ il-kapaċità tagħha li tiddefendi lilha nnifisha kontra t-theddid ċibernetiku; jilqa' l-Istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni dwar iċ-Ċibersigurtà bħala bażi għall-istabbiliment ta' normi u standards internazzjonali fiċ-ċiberspazju; jitlob li l-kapaċitajiet meħtieġa jiġu żviluppati, miksuba u miżmuma, anke fi ħdan in-NATO, inkluż f'termini ta' kondiviżjoni ta' intelligence u għal koordinazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-aġenziji tal-UE, bħall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA), u l-kontropartijiet Amerikani tagħhom; jirrikonoxxi li, sa ċertu punt, iċ-ċiberdifiża tkun aktar effettiva jekk tinkludi xi mezzi u miżuri offensivi wkoll, dejjem jekk l-użu tagħhom ikun konformi mad-dritt internazzjonali; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' approċċ komuni fir-rigward tal-projbizzjoni ta' armi awtonomi letali mingħajr kontroll uman sinifikanti, regolamentazzjoni tal-awtonomija tas-sistemi tal-armi fil-livell globali u restrizzjoni tal-esportazzjoni u l-proliferazzjoni ta' għodod ċibernetiċi u teknoloġija ta' sorveljanza tal-massa; jissottolinja li l-kontroll globali tal-armi jeħtieġ li jiġi aġġornat biex ikun jista' jiffaċċja l-isfidi ċibernetiċi u tal-IA; jistieden lis-sħab trans-Atlantiċi jappoġġjaw u jikkontribwixxu b'mod attiv għas-sejħa tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għal waqfien mill-ġlied globali;

83.  Huwa tal-fehma li l-protezzjoni tal-proċessi demokratiċi u elettorali hija kwistjoni ta' sigurtà globali; jissuġġerixxi f'dan ir-rigward l-iżvilupp konġunt ta' qafas strutturat għal rispons għal indħil fil-proċessi elettorali li jkun ibbażat fuq Kodiċi ta' Prattiki trans-Atlantiku għal Proċessi Demokratiċi Ħielsa u Reżiljenti u li jfittex li jkun hemm miżuri strutturali u komprensivi bħala rispons għan-natura ibrida tal-indħil, filwaqt li jikkollabora mill-qrib ma' organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-OSKE; jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jippromwovu kooperazzjoni internazzjonali aktar mill-qrib u aktar ambizzjuża dwar l-osservazzjoni elettorali, flimkien mas-sħab rilevanti kollha, speċjalment mal-organizzazzjonijiet li japprovaw id-"Dikjarazzjoni ta' Prinċipji għall-Osservazzjoni Internazzjonali tal-Elezzjonijiet", biex jiġi missielet it-theddid dejjem akbar ta' sigurtà pubblika għall-proċessi elettorali; jisħaq il-ħtieġa li jiġi missielet b'mod konġunt il-fenomenu li qiegħed jikber ta' osservazzjoni elettorali domestika falza, li jdgħajjef il-fiduċja tal-pubbliku fl-osservazzjoni elettorali b'mod ġenerali, u li jiġu vvalutati fid-dettall l-opportunitajiet, l-isfidi u r-riskji involuti fl-użu dejjem akbar ta' informazzjoni elettorali ġdida u teknoloġiji ta' komunikazzjoni; jinsisti fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni meħtieġa mal-organizzazzjonijiet nazzjonali rilevanti ta' osservazzjoni elettorali fil-livelli kollha, kif ukoll il-protezzjoni tagħhom fi ħdan il-qafas tal-attivitajiet tagħhom;

84.  Jissottolinja l-importanza li jinkisbu l-kapaċitajiet tal-computing kwantistiku, u jisħaq fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti f'dan il-qasam biex jiġi żgurat li l-computing kwantistiku jiġi realizzat l-ewwel fost sħab b'relazzjonijiet mill-qrib u li jikkondividu l-istess objettivi;

85.  Jisħaq fuq l-importanza strateġika ta' kejbils sottomarini tat-telekomunikazzjoni fl-Atlantiku tat-Tramuntana li jipprovdu aktar minn 95 % tat-telekomunikazzjonijiet internazzjonali; itenni l-importanza ta' kooperazzjoni trans-Atlantika msaħħa għall-protezzjoni u l-iżgurar tar-rispett għall-istrumenti internazzjonali li jirregolaw il-kejbils sottomarini, inkluż l-UNCLOS;

86.  Jappoġġja l-ħolqien tad-Djalogu dwar is-Sigurtà u d-Difiża bejn l-UE u l-Istati Uniti u jistieden lill-VP/RGħ jibdih mill-aktar fis possibbli; jindika l-importanza li jiġu inklużi wkoll ir-rappreżentanti tan-NATO f'dan id-djalogu biex jiġu promossi sinerġiji mal-kooperazzjoni kontinwa fil-qafas UE-NATO u tiġi evitata kwalunkwe duplikazzjoni ta' reazzjonijiet tal-politiki; jissottolinja li d-Djalogu dwar is-Sigurtà u d-Difiża UE-Stati Uniti għandu jinkludi kooperazzjoni dwar inizjattivi ta' sigurtà u difiża, ġestjoni ta' kriżijiet, operazzjonijiet militari u kwistjonijiet bilaterali ta' sigurtà, kif innotat fl-aġenda UE-Stati Uniti għal bidla globali; jenfasizza li l-kondiviżjoni tal-informazzjoni għandha tkun tagħmel parti importanti minn dan id-djalogu;

87.  Jisħaq fuq il-ħtieġa komuni li s-soċjetajiet tagħna jinvolvu ruħhom fi proċess introspettiv dwar il-valuri demokratiċi komuni tagħna u dwar ir-rispett reċiproku, u għad-diversità tal-opinjonijiet biex insaħħu u niddefendu d-demokrazija globali kontra l-awtoritarjaniżmu li qiegħed jiżdied, kif promoss kemm mir-Russja kif ukoll miċ-Ċina, iżda wkoll fi ħdan il-komunità trans-Atlantika, inter alia billi jissaħħu l-obbligu ta' rendikont u r-reżiljenza tas-sistemi demokratiċi tagħna permezz ta' reżistenza għall-fehmiet estremisti u r-razziżmu li jipprovdu bażi fertili fejn il-movimenti antidemokratiċi jiffjorixxu, permezz ta' reżistenza b'vuċi waħda kontra l-influwenza malizzjuża ta' atturi awtoritarji fuq livell ġeopolitiku u b'parteċipazzjoni fi djalogu trans-Atlantiku, u billi jitrawmu politiki soċjali u ekonomiċi inklużivi li jindirizzaw l-għeruq tal-inugwaljanzi; jissottolinja l-valur tad-djalogu u l-kooperazzjoni trans-Atlantiċi dwar politiki li jappoġġjaw id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u l-indħil barrani; jissottolinja l-ħtieġa fuq iż-żewġ naħat li jiġu indirizzati l-ixprunaturi tat-tnaqqis fil-fiduċja pubblika fil-politika u fl-istituzzjonijiet; jisħaq li l-isforzi f'din id-direzzjoni għandhom jinkludu l-bini tal-fiduċja fix-xjenza u l-fatti, l-espansjoni ta' xibka ta' sikurezza tal-politiki ta' nondiskriminazzjoni, u r-rifjut u l-indirizzar tad-diskriminazzjoni razzjali u reliġjuża;

88.  Jappella wkoll lill-UE u lill-Istati Uniti biex flimkien jipprovdu appoġġ ekonomiku, politiku u operattiv lill-organizzazzjonijiet reġjonali eżistenti bbażati fl-Afrika, bħall-Unjoni Afrikana, il-Forza G5 tas-Saħel u l-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS);

89.  Jissottolinja li l-UE u l-Istati Uniti għandu jkollhom sinerġiji bejn l-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni u jiżguraw li l-isforzi li jsiru jkunu appoġġjati mir-riżorsi meħtieġa u li dawn ikunu proporzjonati għal-livell tat-theddid; huwa tal-fehma li ż-żewġ sħab għandhom jagħmlu ħilithom biex itejbu l-prattiki attwali ta' kondiviżjoni tal-intelligence fost l-Istati Membri, b'enfasi partikolari fuq li jinkiseb għarfien aħjar u komuni tas-sitwazzjoni f'oqsma ewlenin, inkluż ir-refuġji sikuri emerġenti u l-użu ta' EDTs mit-terroristi, kif ukoll tattiki ibridi;

90.  Jinkoraġġixxi kollaborazzjoni b'saħħitha UE-Stati Uniti fl-isforzi tad-deradikalizzazzjoni u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, inkluż l-istabbiliment ta' attivitajiet konġunti ta' taħriġ, korsijiet komuni kontra t-terroriżmu, programmi ta' skambju għall-uffiċjali, eżerċizzji tattiċi u inizjattivi edukattivi;

91.  Jissottolinja l-importanza fundamentali tal-prinċipji demokratiċi, li huma l-bażi tal-progress soċjali u ekonomiku tagħna u s-soċjetajiet ħielsa tagħna; jappoġġja l-proposta tal-President Biden li jsir Summit għad-Demokrazija biex jiġu promossi l-valuri universali; jistieden lill-Istati Uniti jisiltu mill-esperjenzi tal-Konferenza tal-UE dwar il-Futur tal-Ewropa u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jappoġġjaw l-inizjattiva tas-Summit, kemm politikament kif ukoll fil-prattika; huwa tal-fehma li s-Summit għad-Demokrazija propost għandu jkollu l-għan li jippromwovi multilateraliżmu bbażat fuq il-valuri u solidarjetà bejn id-demokraziji meta jkunu taħt pressjoni, isaħħaħ id-demokrazija internament u globalment, b'mod partikolari jżid il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-governanza demokratika, jesprimi t-tħassib u jfittex soluzzjonijiet paċifiċi għal repressjonijiet kontinwi fuq movimenti demokratiċi u jipproteġi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-difensuri ambjentali, madwar id-dinja, minbarra li jindirizza l-influwenza dejjem akbar ta' reġimi awtoritarji; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li tali sforz jista' jgħin fit-tfassil ta' triq ċara 'l quddiem fil-ġlieda kontra l-populiżmu u l-awtoritarjaniżmu u biex jiġu protetti l-valuri fundamentali demokratiċi u tad-drittijiet tal-bniedem; jipproponi li l-UE għandha tistabbilixxi, flimkien mal-Istati Uniti, alleanza trans-Atlantika biex tiddefendi d-demokrazija fuq livell globali u tfassal ġabra ta' strumenti għad-difiża tad-demokrazija, li għandha tinkludi azzjonijiet konġunti rigward is-sanzjonijiet, politiki dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, regoli marbuta mal-kundizzjonalità tal-assistenza ekonomika u finanzjarja u sostenn favur l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u d-difensuri tad-demokrazija; jitlob komunikazzjoni aħjar maċ-ċittadini fuq iż-żewġ naħat u bejniethom dwar l-importanza dejjiema tar-rabta trans-Atlantika u r-rilevanza tagħha llum il-ġurnata; jirriafferma f'dan ir-rigward il-valur tal-iskambji bejn il-leġiżlaturi, in-negozji u s-soċjetà ċivili;

Koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politika barranija

92.  Jemmen li l-UE għandha timpenja ruħha aktar mal-Istati Uniti u ġġedded is-sħubija strateġika fir-rigward tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u tal-Balkani tal-Punent biex jinbnew soċjetajiet multietniċi reżiljenti, prosperi u demokratiċi hemmhekk, li jkunu kapaċi jirreżistu l-influwenza ta' tfixkil kemm tal-forzi awtoritarji lokali kif ukoll dawk esterni; ifakkar li l-istabbiltà tal-Balkani tal-Punent u tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant hija kwistjoni ta' paċi u sigurtà għar-reġjun, kif ukoll għall-UE; jilqa' ż-żieda akbar fil-koordinazzjoni tal-Istati Uniti mal-UE fl-appoġġ tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fi triqthom lejn l-integrazzjoni Ewropea u s-sħubija fl-UE; huwa tal-fehma li koordinazzjoni regolari u istituzzjonalizzata dwar dan bejn il-Kunsill Affarijiet Barranin u s-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti u dwar kwistjonijiet oħra ta' politika barranija jsaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni trans-Atlantiċi dwar kwistjonijiet ta' politika barranija ta' interess komuni u jrawmu konverġenza ulterjuri tal-pożizzjonijiet politiċi fil-livell trans-Atlantiku; ifakkar fis-suġġeriment tiegħu li jinħoloq Kunsill Politiku Trans-Atlantiku (TPC) għal konsultazzjoni u koordinament sistematiċi dwar il-politika estera u tas-sigurtà, li jkun immexxi mill-VP/RGħ u mis-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti u li jkun sostnut b'kuntatt regolari mad-diretturi politiċi; jappella għal tmexxija b'saħħitha tal-UE u koordinazzjoni effettiva mal-Istati Uniti għal reazzjoni kontra inizjattivi maħsuba għat-tfassil mill-ġdid tal-fruntieri u inizjattivi subnazzjonali simili li japprofondixxu d-diviżjoni etnika u s-segregazzjoni, kif ukoll il-kwistjoni tal-investiment u l-finanzjament Ċiniżi fir-reġjun kollu u l-impatt tagħhom fuq il-governanza demokratika u l-ambjent; jisħaq fuq l-importanza ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-istat, il-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata, l-indħil barrani flimkien ma' attakki fuq il-libertà tal-midja u l-promozzjoni tal-istat tad-dritt, ir-riformi profondi, ir-relazzjonijiet tajba ta' viċinat u r-rikonċiljazzjoni, u l-objettiv ta' integrazzjoni Ewro-Atlantika; jissottolinja r-rwol mexxej tal-UE fil-proċess ta' normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Kosovo;

93.  Jisħaq fuq l-interess komuni fl-appoġġ għall-paċi sostenibbli fit-tul, l-istabbiltà, is-sigurtà, ir-reżiljenza, id-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fin-Nofsinhar tal-Kawkasu; jilqa' l-impenn tal-Istati Uniti fir-reġjun, f'kooperazzjoni mal-UE, inkluż permezz ta' mekkaniżmi bħall-Grupp ta' Minsk tal-OSKE;

94.  Jistieden lill-UE u l-Istati Uniti jindirizzaw b'mod kollaborattiv it-theddid konsistenti u li qiegħed jikber għall-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali, inkluż il-kuntrabandu ta' oġġetti kulturali, speċjalment f'żoni ta' kunflitt; iħeġġeġ it-tħaddin ta' strateġija li tinkludi kampanji robusti ta' sensibilizzazzjoni pubblika, kundanna universali tat-traffikar f'antikitajiet li l-provenjenza tagħhom mhijiex magħrufa, l-istabbiliment ta' kodiċi uniku ta' kondotta dwar il-protezzjoni ta' siti kulturali, it-trawwim ta' kooperazzjoni akbar fost aġenziji differenti tal-infurzar tal-liġi li tinkludi l-kondiviżjoni immedjata tal-informazzjoni fost l-aġenziji tal-intelligence nazzjonali, u aktar kooperazzjoni bejn l-infurzar tal-liġi u l-komunitajiet tal-arti u tal-arkeoloġija;

95.  Jinnota li l-influwenza ekonomika taċ-Ċina, il-poter ġeopolitiku u d-diversi forom ta' projezzjoni tal-poter Ċiniż, kif ukoll is-saħħa militari, wasslu għal kunflitt bejn is-sistema tagħha ta' governanza awtoritarja mas-sistemi ta' governanza tal-Punent li huma bbażati fuq valuri demokratiċi liberali; ifakkar fil-preżenza akbar taċ-Ċina fix-xena internazzjonali u fl-Ewropa permezz tal-Inizjattiva "Belt and Road" tagħha, u l-attivitajiet tagħha fiċ-ċiberspazju, fir-reġjuni tal-Artiku u fl-Afrika; jisħaq f'dan ir-rigward li ċ-Ċina saret rivali u kompetitriċi sistemika, iżda li għandha tkun ukoll sieħeb importanti fl-indirizzar ta' bosta problemi globali; jinsab konvint li approċċ trans-Atlantiku konġunt ta' involviment maċ-Ċina huwa l-aħjar mod biex tiġi żgurata relazzjoni paċifika, sostenibbli u ta' benefiċċju reċiproku fit-tul maċ-Ċina; jilqa', f'dan il-kuntest, it-tnedija mill-ġdid reċenti ta' djalogu strateġiku komprensiv ta' livell għoli bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar iċ-Ċina u huwa tal-fehma li dan għandu jipprovdi mekkaniżmu ewlieni għall-avvanz tal-interessi tagħna u għall-ġestjoni tad-differenzi tagħna u jesplora l-possibbiltajiet ta' involviment bejn l-UE u l-Istati Uniti mar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina f'oqfsa multilaterali dwar sfidi komuni u globali, bħat-tibdil fil-klima, ir-riskji relatati mas-saħħa, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, iċ-ċiberspazju, il-kontroll tal-armi, in-nonproliferazzjoni u t-teknoloġiji rivoluzzjonarji emerġenti; jenfasizza l-ħtieġa ta' dimensjoni parlamentari b'saħħitha għal dan id-djalogu; jitlob l-iżvilupp ta' firxa kbira ta' strumenti ta' politika u, fejn possibbli, tfittxija għal sinerġiji trans-Atlantiċi fir-rigward tar-relazzjonijiet maċ-Ċina; jenfasizza f'dan ir-rigward li l-UE u l-Istati Uniti jikkondividu tħassib serju ħafna dwar il-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, b'mod partikolari fir-rigward tal-komunità tal-Ujguri; jemmen bis-sħiħ li r-relazzjonijiet mar-RPĊ, kemm dawk bilaterali kif ukoll oħrajn, għandhom dejjem jinkludu s-salvagwardja u l-promozzjoni ta' valuri demokratiċi kondiviżi u li kwalunkwe aġenda multilaterali jrid ikollha fil-qalba tagħha l-kunċett ta' konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

96.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu esplorati oqsma ta' konverġenza u kooperazzjoni possibbli u koordinazzjoni u konsultazzjoni aħjar bejn l-Istati Uniti u l-UE dwar iċ-Ċina, sabiex jiġu evitati t-tensjonijiet trans-Atlantiċi, bħal dawk li seħħew wara l-adozzjoni tal-ftehim trilaterali dwar is-sigurtà bejn l-Istati Uniti, ir-Renju Unit u l-Awstralja, magħruf bħala AUKUS, mingħajr konsultazzjoni mal-alleati tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-minoranzi u t-tnaqqis tat-tensjonijiet fl-Ibħra tan-Nofsinhar u tal-Lvant taċ-Ċina, f'Hong Kong u fl-Istrett ta' Tajwan; jenfasizza r-rilevanza tal-UNCLOS bħala bażi ġuridika għas-soluzzjoni tal-kunflitti; itenni l-appoġġ tiegħu għal inizjattivi kondiviżi ta' konnettività, anke fi ħdan il-qafas tal-istrateġija tal-UE “Global Gateway” li għadha kif tħabbret;

97.  Jilqa' l-progress li sar dan l-aħħar fl-istrateġija Indo-Paċifika tal-UE; jitlob li tiġi implimentata malajr u b'mod komprensiv peress li hija fl-interess tal-UE u tkun qed tippromwovi l-valuri tagħha, u jenfasizza r-rilevanza ta' dan ir-reġjun ġeostrateġiku, li fih jinsabu ħbieb u sħab demokratiċi trans-Atlantiċi komuni bħall-Ġappun, il-Korea t'Isfel, l-Awstralja u New Zealand, kif ukoll it-Tajwan, u jappella għal sħubija u koordinazzjoni msaħħa bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar ir-reġjun Indo-Paċifiku; ifakkar fl-importanza li jitrawmu rabtiet strateġiċi mal-membri tal-ASEAN u mal-Forum tal-Gżejjer tal-Paċifiku (PIF);

98.  Jenfasizza li reġimi mhux demokratiċi bħaċ-Ċina qegħdin jużaw dejjem aktar it-teknoloġija biex jikkontrollaw u jrażżnu liċ-ċittadini tagħhom, filwaqt li jirrestrinġu l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali, soċjali u politiċi; jappella għal aktar kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti fl-iżvilupp ta' teknoloġija ċċentrata fuq il-bniedem li tirrispetta l-privatezza u tnaqqas il-preġudizzji u d-diskriminazzjoni;

99.  Jirrikonoxxi li l-akkwisti miċ-Ċina ta' proprjetà intellettwali u ta' avvanzi teknoloġiċi minn ċentri ewlenin ta' riċerka spiss jintużaw biex imexxu l-għanijiet militari tagħha, u jenfasizza, għaldaqstant, li l-UE għandha taħdem biex tiżviluppa strateġija fit-tul biex tirreaġixxi għall-istrateġija taċ-Ċina dwar il-fużjoni militari-ċivili (MCF) fl-Ewropa;

100.  Jirrikonoxxi li l-UE u l-Istati Uniti għandhom jikkoordinaw fuq kwistjonijiet fejn l-azzjonijiet taċ-Ċina jmorru kontra l-interessi tas-sigurtà Ewro-Atlantika; jisħaq li għandha tingħata prijorità lill-isfidi fl-oqsma ċibernetiċi, ibridi, EDT, spazjali, tal-kontroll tal-armi u tan-nonproliferazzjoni;

101.  Jinsab imħasseb dwar il-koerċizzjoni ekonomika taċ-Ċina kontra l-Istati Membri u pajjiżi terzi; jappoġġja l-idea ta' difiża ekonomika kollettiva permezz ta' kollaborazzjoni ma' demokraziji tal-istess fehma kontra l-koerċizzjoni ekonomika taċ-Ċina;

102.  Jinsab imħasseb dwar ir-rabtiet mill-qrib bejn il-Partit Komunista Ċiniż u l-industrija fiċ-Ċina, b'mod partikolari l-kumpaniji tas-sigurtà; jirrakkomanda li l-Istati Membri jwettqu awditu intern tal-prattiki tal-akkwist biex jiżguraw li l-prodotti integrati fin-networks nazzjonali u fl-istituzzjonijiet tad-difiża tagħhom ma jkollhomx teknoloġiji li ġejjin minn kumpaniji fiċ-Ċina;

103.  Jappella għal kooperazzjoni mill-qrib biex issir ħidma dwar pjan komuni ta' involviment mal-Federazzjoni Russa u, b'mod parallel, biex tiġi indirizzata b'mod konġunt il-firxa ta' theddid li ġej mill-Federazzjoni Russa, bħad-destabbilizzazzjoni kontinwa tal-Ukrajna, il-Georgia u r-Repubblika tal-Moldova, l-appoġġ għat-tmexxija illeġittima ta' Lukashenka fil-Belarussja, ir-rwol u l-influwenza tar-Russja fil-Balkani tal-Punent u fil-Baħar l-Iswed, l-l-indħil kundannabbli fil-proċessi demokratiċi fl-UE u fl-Istati Uniti, inkluż l-elezzjonijiet, il-finanzjament ta' partiti politiċi estremisti u politiki reviżjonisti, it-theddid ibridu u l-kampanji ta' diżinformazzjoni, filwaqt li fl-istess waqt jitfittex li jkun hemm kooperazzjoni selettiva fl-oqsma ta' interess konġunt trans-Atlantiku, b'mod partikolari fil-qasam ta' arkitettura ta' kontroll tal-armi, inkluż it-Trattat dwar il-Forzi Nukleari ta' Medda Intermedja, kif ukoll li tinħoloq diplomazija, l-użu mill-ġdid tal-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK) u l-istabbilizzazzjoni tal-Afganistan; jilqa' d-deċiżjoni meħuda mill-amministrazzjoni attwali tal-Istati Uniti li testendi t-trattat il-ġdid dwar il-kontroll tal-armi START; jenfasizza l-ħtieġa li jerġgħu jibdew it-taħditiet dwar il-kontroll tal-armi bejn l-atturi globali ewlenin, bħall-Istati Uniti u r-Russja, billi dawn għandhom impatt dirett fuq is-sigurtà Ewropea, kif ukoll li ċ-Ċina tiġi inkluża f'negozjati futuri dwar il-kontroll tal-armi; jisħaq fuq il-ħtieġa li tinbena mill-ġdid b'urġenza l-arkitettura konvenzjonali ta' kontroll tal-armi biex jiġi limitat l-bżonn ta' tlielaq tal-armi u inċidenti mhux previsti; jilqa' r-rieda tal-amministrazzjoni Biden li terġa' tistabbilixxi djalogu u negozjati mar-Russja u jappoġġja l-pjan tal-UE u tal-Istati Uniti li jistabbilixxu djalogu ta' livell għoli bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar ir-Russja; huwa tal-fehma li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jappoġġjaw b'mod attiv it-tiftix ta' modi għal aktar djalogu u għandhom jikkontribwixxu għall-bini mill-ġdid ta' fiduċja reċiproka; jenfasizza l-importanza, b'mod parallel, tad-djalogu mas-soċjetà ċivili u l-appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fir-Russja li jfittxu li jmexxu 'l quddiem id-djalogu dwar il-pluraliżmu politiku, ir-rappreżentazzjoni u l-aspirazzjonijiet demokratiċi leġittimi tal-poplu Russu;

104.  Iqis li l-UE u l-Istati Uniti għandhom jikkoordinaw l-approċċ doppju tagħhom ta' deterrenza u djalogu mar-Russja fi ħdan il-parametri maqbula fis-Summits ta' Wales u Varsavja;

105.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jaġixxu fil-ħin u b'determinazzjoni kontra azzjonijiet ta' tfixkil tas-servizzi tal-intelligence Russi fit-territorju tal-UE; jirrakkomanda li l-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni tas-servizzi ta' counter-intelligence;

106.  Jistieden lill-VP/HR u lill-Kunsill ifasslu approċċ strateġiku ġdid għar-relazzjonijiet tal-UE mar-Russja, li jrid jappoġġja aħjar lis-soċjetà ċivili, isaħħaħ il-kuntatti bejn in-nies maċ-ċittadini tar-Russja, ifassal linji ħomor ċari għall-kooperazzjoni mal-atturi tal-Istat Russu, juża standards teknoloġiċi u l-internet miftuħ biex jappoġġja spazji ħielsa u jirrestrinġi t-teknoloġiji oppressivi, u juri solidarjetà mas-Sħab tal-Lvant tal-UE, inkluż dwar kwistjonijiet ta' sigurtà u riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti; jissottolinja li kwalunkwe djalogu bejn l-UE u l-Istati Uniti mar-Russja għandu jkun ibbażat fuq ir-rispett għad-dritt internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem;

107.  Jissottolinja l-importanza u jappella għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-Istati Uniti u l-UE fir-rigward tal-kontinent Afrikan u r-reġjuni u l-pajjiżi differenti tiegħu bil-għan li jiġi żgurat żvilupp sostenibbli u jiġu promossi s-sigurtà, l-istabbiltà u l-prosperità; jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti ta' sħubija b'saħħitha u ġusta bejn l-Istati Uniti, l-UE u l-Afrika, filwaqt li jitqiesu l-isfidi tat-tibdil fil-klima u l-implikazzjonijiet demografiċi tiegħu, il-kollass tal-bijodiversità, l-isfruttament miċ-Ċina tar-riżorsi naturali tal-Afrika, l-edukazzjoni dwar l-iżvilupp soċjoekonomiku sostenibbli, id-diġitalizzazzjoni, l-istat tad-dritt, il-promozzjoni tad-demokrazija u t-tisħiħ tad-drittijiet tal-bniedem, is-soċjetà ċivili u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jemmen li kwalunkwe assistenza ta' sigurtà għandha tkun ibbażata fuq l-approċċ tas-sigurtà tal-bniedem u l-ħtiġijiet tal-popolazzjonijiet lokali, tikkonforma bis-sħiħ mad-dritt internazzjonali u tinkludi responsabbiltà b'saħħitha u mekkaniżmi ta' sorveljanza demokratiċi u parlamentari; jilqa' l-impenn tal-amministrazzjoni Biden li ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Koalizzjoni Internazzjonali għas-Saħel; iħeġġeġ lill-Istati Uniti u lill-UE jaħdmu flimkien biex jindirizzaw iż-żieda fl-estremiżmu vjolenti, it-terroriżmu mill-ISIS u l-fergħat ta' al-Qaeda, u l-isfidi umanitarji, ekonomiċi u ta' governanza fis-Saħel u fir-reġjun MENA (il-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq) b'mod ġenerali; jappella għal djalogu u koordinazzjoni msaħħa fir-rigward tal-pożizzjoni tas-sħab trans-Atlantiċi rigward l-isfidi li jiffaċċjaw pajjiżi bħall-Iraq, il-Libanu, is-Sirja, l-Iran u l-Libja;

108.  Jappella għal kooperazzjoni aħjar fl-Artiku, filwaqt li jitqies l-interess dejjem akbar fl-Artiku minn pajjiżi oħra bħaċ-Ċina u l-attivitajiet u t-tisħiħ militari mir-Russja fl-Artiku; jilqa' d-deċiżjoni tal-UE u tal-Istati Uniti, kif attestata mid-dikjarazzjoni maħruġa wara s-Summit bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-15 ta' Ġunju 2021, li jaħdmu flimkien biex l-Artiku jinżamm bħala reġjun ta' paċi u stabbiltà u jikkollaboraw permezz tal-Kunsill tal-Artiku;

109.  Jenfasizza l-ħtieġa li jinżammu u, fejn applikabbli, jiġu approfonditi r-relazzjonijiet strateġiċi strutturali bejn l-UE, l-Istati Uniti u r-Renju Unit, filwaqt li jsir l-aħjar użu mill-valuri, l-interessi u l-isfidi kondiviżi tagħna, inkluż fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' sigurtà, filwaqt li tiġi żgurata l-awtonomija tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE;

110.  Jiddeplora l-akkwiżizzjoni vjolenti tal-Afganistan mit-Taliban wara l-irtirar tal-forzi tal-Istati Uniti u Ewropej, u l-ksur mifrux sussegwenti tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari tal-bniet, in-nisa u l-minoranzi etniċi u reliġjużi, kif ukoll il-kriżi umanitarja li qed tiżvolġi fil-pajjiż; itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-komunità trans-Atlantika għandha tirdoppja l-isforzi tagħha biex taħdem għall-paċi, l-istabbiltà u l-progress fit-tul fl-Afganistan billi tappoġġja lis-soċjetà ċivili Afgana, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari d-difensuri tad-drittijiet tan-nisa, lill-attivisti politiċi, lill-ġurnalisti, lill-akkademiċi, lill-artisti u lil gruppi u persuni oħra li jinsabu f'riskju; jappella għal koordinazzjoni u konsultazzjoni trans-Atlantiċi robusti sabiex tinkiseb, tiġi ppreservata u kondiviża l-intelligence dwar it-theddida terroristika li ġejja mill-Afganistan, b'mod partikolari mill-ISIS, l-Al-Qaeda u l-affiljati tagħhom; jitlob li jittieħed approċċ trans-Atlantiku miftiehem li jgħaqqad il-ħtieġa ta' impenn operattiv mat-Taliban għal skopijiet umanitarji u ta' kontra t-terroriżmu b'kundizzjonijiet ċari għall-involviment mal-gvern immexxi mit-Taliban fil-futur, liema kundizzjonijiet għandhom jinkludi impenn għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u għall-ġlieda kontra t-terroriżmu; jitlob li ssir riflessjoni trans-Atlantika profonda dwar il-lezzjonijiet li ħarġu mill-missjoni fl-Afganistan, bil-għan li jinsiltu l-konklużjonijiet meħtieġa għall- isforzi futuri biex jiġu promossi l-istabbiltà, is-sigurtà u l-governanza tajba fid-dinja; jistieden lis-sħab trans-Atlantiċi, barra minn hekk, jimpenjaw ruħhom mal-pajjiżi kollha ġirien tal-Afganistan, filwaqt li jżommu f'moħħhom is-sitwazzjoni mwiegħra tal-poplu Afgan li fittex rifuġju fihom u l-ħtieġa li jiġu megħjuna;

111.  Jilqa' l-impenn imġedded tal-Istati Uniti fil-Lvant tal-Mediterran, b'mod partikolari rigward l-Att tal-Lvant tal-Mediterran tal-2019, li jawtorizza assistenza ta' sigurtà ġdida għal Ċipru u l-Greċja, u jsaħħaħ il-kooperazzjoni fl-enerġija fost l-atturi reġjonali; jilqa' d-deċiżjoni tal-UE u tal-Istati Uniti, kif attestata mid-dikjarazzjoni maħruġa wara s-Summit bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-15 ta' Ġunju 2021, li jaħdmu id f'id biex inaqqsu t-tensjoni b'mod sostenibbli fil-Lvant tal-Mediterran, fejn id-differenzi għandhom jissolvew permezz ta' djalogu b'rieda tajba u f'konformità mad-dritt internazzjonali; jappoġġja d-dikjarazzjoni tal-UE u tal-Istati Uniti li għandhom l-intenzjoni jfittxu relazzjoni kooperattiva u ta' benefiċċju reċiproku ma' Turkija demokratika;

112.  Jappoġġja kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-Istati Uniti u l-pajjiżi tal-Amerka Latina fil-promozzjoni tal-multilateraliżmu, il-valuri demokratiċi, l-iżvilupp sostenibbli, id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards tad-dritt internazzjonali, it-tkabbir ekonomiku, il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi, il-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi u l-kriminalità organizzata, il-bijodiversità u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jissottolinja l-ħtieġa li l-UE u l-Istati Uniti jipparteċipaw b'mod aktar attiv mal-Amerka Latina u r-reġjun tal-Karibew bħala alleati kruċjali fil-fora internazzjonali u bħala sħab strateġiċi fid-difiża tal-multilateraliżmu; jappella għal "Alleanza tat-Triangolu tal-Atlantiku" bejn l-UE, l-Istati Uniti u l-Amerka Latina li tippermetti liż-żewġ reġjuni jagħmlu progress konġunt f'oqsma bħad-demokrazija, is-sigurtà u t-traffikar tad-drogi, il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza li jiġi żgurat li din il-kooperazzjoni mal-Istati Uniti u l-pajjiżi tal-Amerka Latina tiġi riflessa fi sforzi konġunti biex jiġu appoġġjati l-avversarji u d-dissidenti li qegħdin jiffaċċjaw riperkussjonijiet f'diversi pajjiżi minħabba li jiddefendu l-valuri tad-demokrazija u jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Istati Uniti u lill-UE jikkooperaw flimkien u ma' pajjiżi oħra biex jerġgħu jistabbilixxu d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-Venezwela permezz ta' elezzjonijiet li jkunu verament ħielsa, kredibbli, inklużivi, trasparenti u kompletament demokratiċi, u permezz ta' appoġġ għall-forzi politiċi leġittimi rikonoxxuti mill-Parlament Ewropew; itenni wkoll l-impenn tiegħu li jippromwovi d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi kollha tal-Amerka Latina; jappella għal koordinazzjoni akbar bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar is-sanzjonijiet; itenni s-suġġeriment tiegħu li l-Istati Uniti u l-UE għandu jkollhom skambji ta' fehmiet regolari fir-rigward tas-Summits rispettivi tagħhom mal-pajjiżi tal-Amerka Latina, jiġifieri, is-summits bejn l-UE u s-CELAC u s-Summit tal-Amerki, organizzat mill-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani;

113.  Jindika l-importanza tar-reġjun MENA għas-sigurtà u l-istabbiltà Ewropea, u b'hekk anke dik trans-Atlantika; jappella, għaldaqstant, għal djalogu u koordinazzjoni msaħħa fir-rigward tal-pożizzjoni tas-sħab trans-Atlantiċi fir-rigward tar-reġjun MENA, inkluż billi tittieħed azzjoni kontra ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt internazzjonali li qegħdin iseħħu fir-reġjun; iħeġġeġ lill-Istati Uniti terġa' tingħaqad fil-PAKK bħala pedament ta' reġim globali ta' nonproliferazzjoni u pedament għat-tnaqqis tat-tensjoni fil-Lvant Nofsani u fir-reġjun tal-Golf Persjan; jappoġġja t-talba tal-Istati Uniti għal ftehim nukleari "itwal u aktar b'saħħtu" mal-Iran u jħeġġeġ il-kollaborazzjoni trans-Atlantika f'din il-kwistjoni bħala l-pass li jmiss; jilqa' d-deċiżjoni tal-Istati Uniti li ġġedded il-finanzjament tagħha għall-UNRWA; jappella għal sforzi trans-Atlantiċi ġodda biex il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani jerġa' jitqajjem b'mod sinifikanti u jwassal għal konklużjoni b'suċċess il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, li jwassal għal soluzzjoni vijabbli ta' żewġ stati; jilqa' l-iffirmar u l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Abraham u jħeġġeġ kooperazzjoni trans-Atlantika dwar l-approfondiment ta' dawn ir-rabtiet;

o
o   o

114.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll, għal skopijiet ta' informazzjoni, lid-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti u lill-Kungress tal-Istati Uniti.

(1) ĠU C 28, 27.1.2020, p. 49.
(2) ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 198.
(3) ĠU C 65, 19.2.2016, p. 120.
(4) ĠU C 433, 23.12.2019, p. 89.
(5) Testi adottati, P9_TA(2021)0012.
(6) Testi adottati, P9_TA(2021)0013.
(7) Testi adottati, P9_TA(2021)0256.
(8) https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/IP_20_2391
(9) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar l-indirizzar tal-isfida globali tal-COVID-19: l-effetti tad-deroga mill-Ftehim TRIPS tad-WTO fuq il-vaċċini, it-trattament u t-tagħmir għall-COVID-19 u fuq iż-żieda fil-kapaċità ta' produzzjoni u ta' manifattura fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (Test adottat, P9_TA(2021)0283).

Avviż legali - Politika tal-privatezza