Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2021 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni minn Spanja – EGF/2021/001 ES/País Vasco metal (COM(2021)0618 – C9-0377/2021 – 2021/0316(BUD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2021)0618 – C9-0377/2021),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013(1) ("ir-Regolament dwar il-FEG"),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda(3), u b'mod partikolari l-punt 9 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0319/2021),
A. billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li qed ibatu mill-konsegwenzi tal-globalizzazzjoni u mill-bidliet teknoloġiċi u ambjentali, bħall-bidliet fix-xejriet kummerċjali dinjija, it-tilwim kummerċjali, bidliet sinifikanti fir-relazzjonijiet kummerċjali tal-Unjoni jew fil-kompożizzjoni tas-suq intern u kriżijiet finanzjarji jew ekonomiċi, kif ukoll it-tranżizzjoni għal ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, jew bħala konsegwenza tad-diġitalizzazzjoni jew tal-awtomatizzazzjoni;
B. billi Spanja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2021/001 ES/País Vasco metal għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG), wara l-issensjar ta' 491 ħaddiem fir-reġjun ta' livell NUTS 2 tal-País Vasco (ES21) fi Spanja, f'perjodu ta' referenza għall-applikazzjoni mit-2 ta' Ġunju 2020 sat-2 ta' Diċembru 2020;
C. billi l-applikazzjoni tirrigwarda total ta' 491 ħaddiem issensjat li l-attività tagħhom waqfet, u li minnhom 192 seħħew matul sensji kollettivi li ġew innotifikati lill-awtoritajiet f'sitt kumpaniji(4);
D. billi l-applikazzjoni hija bbażata fuq il-kriterju ta' intervent tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi l-waqfien mill-attività ta' mill-anqas 200 ħaddiem issensjat fuq perjodu ta' referenza ta' sitt xhur f'intrapriżi li joperaw fl-istess settur ekonomiku definit fid-diviżjoni NACE Reviżjoni 2 u li jinsabu f'reġjun wieħed jew f'żewġ reġjuni kontigwi kif definit fil-livell NUTS 2 fi Stat Membru;
E. billi l-pandemija tal-COVID-19, il-miżuri stretti ta' lockdown implimentati fit-tieni trimestru tal-2020 fi Spanja u n-nuqqasijiet sussegwenti ta' provvisti u materja prima affettwaw b'mod negattiv is-settur tal-metall fil-pajjiż;
F. billi fir-reġjun Bask, is-settur tal-prodotti tal-metall iffabbrikat jirrappreżenta 27,4 % tal-valur miżjud gross tal-industrija(5), filwaqt li l-medja tal-EU-28 hija ta' 18,8 %(6);
G. billi fl-2020 (varjazzjoni ta' sena wara sena), il-produzzjoni fi Spanja naqset b'aktar minn 50 % fi 18 % tal-intrapriżi tal-metall, il-fatturat naqas b'aktar minn 50 % f'16 % tan-negozji u terz tal-intrapriżi tal-metall esperjenzaw tnaqqis ta' bejn 30 % u 50 % kemm fil-produzzjoni kif ukoll fil-fatturat(7);
H. billi, fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19 u tal-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tagħha, il-Kummissjoni saħħet u ssottolinjat ir-rwol tal-FEG bħala għodda ta' emerġenza(8) u ppermettiet li każijiet marbuta direttament mal-pandemija jiġu ffinanzjati mill-FEG;
I. billi Spanja tirrapporta dwar il-konformità tagħha mar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fil-Qafas tal-Kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tal-bidla u r-ristrutturar(9) u tenfasizza l-kunċetti ewlenin tal-Pjan ta' Taħriġ Vokazzjonali Bask, l-Istrateġija Baska għall-Impjiegi u l-Programm għall-Impjiegi Ekoloġiċi;
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament dwar il-FEG ġew issodisfati, u li Spanja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1 214 607 fl-ambitu ta' dak ir-Regolament, somma li tirrappreżenta 85 % tal-kost totali ta' EUR 1 428 950, u li tinkludi n-nefqa għal servizzi personalizzati ta' EUR 1 384 950 u n-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG(10) ta' EUR 44 000;
2. Jinnota li l-awtoritajiet Spanjoli ppreżentaw l-applikazzjoni fil-25 ta' Ġunju 2021, u li l-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fis-7 ta' Ottubru 2021 u nnotifikat lill-Parlament dwarha fl-istess jum;
3. Jinnota li l-applikazzjoni tirrigwarda total ta' 491 ħaddiem issensjat li l-attività tagħhom waqfet, li minnhom 192 seħħew matul is-sensji kollettivi nnotifikati lill-awtoritajiet f'sitt kumpaniji(11); jinnota wkoll li Spanja tistenna li 300 mill-benefiċjarji eliġibbli kollha se jipparteċipaw fil-miżuri (benefiċjarji fil-mira);
4. Ifakkar li l-impatti soċjali tas-sensji huma mistennija li jkunu kbar għall-ħaddiema, kif ukoll għar-reġjun Bask kollu, fejn in-numru ta' persuni qiegħda żdied b'25 % bejn Marzu u Awwissu 2020(12), u fejn il-qgħad fit-tul kien jirrappreżenta 55,6 % tal-qgħad totali f'Mejju 2021 (3,6 punti perċentwali ogħla minn f'Jannar 2021) u l-persuni qiegħda b'edukazzjoni bażika jew inqas kienu jirrappreżentaw 60,8 %; ifakkar ukoll li d-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa hija ta' 22,6 % u r-rata ta' impjieg temporanju hija ta' 25,8 % fir-reġjun Bask, 11,6 punti perċentwali ogħla mill-medja tal-Unjoni, li hija 14,2 %;
5. Jindika li l-biċċa l-kbira tal-ħaddiema ssensjati jinsabu fit-tieni nofs tal-karriera professjonali tagħhom u għandhom livell baxx ta' kwalifiki formali;
6. Jinnota li Spanja bdiet toffri servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fil-11 ta' Ġunju 2021 u li, għaldaqstant, il-perjodu ta' eliġibbiltà għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se jkun mill-11 ta' Ġunju 2021 sa 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta' Finanzjament;
7. Ifakkar li s-servizzi personalizzati pprovduti lill-ħaddiema ssensjati u lill-persuni li jaħdmu għal rashom wara d-deċiżjoni jikkonsistu mill-azzjonijiet li ġejjin: sessjonijiet ta' tfassil ta' profili, gwida okkupazzjonali, għajnuna għat-tfittix ta' impjieg, appoġġ u/jew kontribuzzjoni għall-ħolqien ta' negozji, taħriġ mill-ġdid, titjib tal-ħiliet u taħriġ fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll allowances għall-parteċipazzjoni; il-miżuri kienu ppjanati biex ikunu konformi mal-istrateġija Spanjola tal-ekonomija ċirkolari u t-taħriġ jikkontribwixxi biex jagħti spinta lill-proċess tat-trasformazzjoni diġitali fl-industrija;
8. Jinnota li Spanja bdiet iġġarrab in-nefqa amministrattiva biex timplimenta l-FEG fl-1 ta' Frar 2021 u li, għaldaqstant, in-nefqa fuq attivitajiet ta' tħejjija, ta' ġestjoni, ta' informazzjoni u ta' pubbliċità, ta' kontroll u ta' rapportar se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-1 ta' Frar 2021 sa 31 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta' Finanzjament;
9. Jilqa' l-fatt li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati tfassal minn Spanja f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali(13); l-involviment tas-sħab soċjali ġie żgurat mir-rappreżentanza tagħhom fil-bord ta' governanza ta' Lanbide, li huwa magħmul minn rappreżentanti tal-gvern reġjonali, tat-trade unions u tal-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi;
10. Jilqa' l-fatt li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati se jikkontribwixxi għat-tixrid tal-ħiliet orizzontali meħtieġa fl-era industrijali diġitali kif ukoll f'ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, f'konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament dwar il-FEG;
11. Ifakkar li l-azzjonijiet proposti jikkostitwixxu miżuri attivi fis-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG u ma jissostitwixxux miżuri ta' protezzjoni soċjali passivi;
12. Jisħaq li l-awtoritajiet Spanjoli kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċivux assistenza minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni;
13. Jieħu nota tan-notifika ta' Spanja li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita u kkontrollata mill-istess korpi li jġestixxu u jikkontrollaw il-Fond Soċjali Ewropew Plus;
14. Itenni li l-assistenza mill-FEG ma tridx tissostitwixxi azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji, skont il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi, jew kwalunkwe allowance jew dritt tal-benefiċjarji tal-allokazzjoni tal-FEG biex tiġi żgurata l-addizzjonalità sħiħa tal-allokazzjoni;
15. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni minn Spanja – EGF/2021/001 ES/País Vasco metal
(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni(UE) 2021/2159.)
Auxiliar Troquelería SL, Calderería del Oria, Matricería Deusto, Mecanizados de la Industria Vasca SLU, Taller Mecanizado Pablo López Lacalle SL, Tratamientos Superficiales Iontech SA.
Report on the economic impact of COVID-19 on the metal sector (Rapport dwar l-impatt ekonomiku tal-COVID-19 fuq is-settur tal-metall). Ottubru 2020- https://atra.gal/files/noticias/Archivos_3680.pdf
Auxiliar Troquelería SL, Calderería del Oria, Matricería Deusto, Mecanizados de la Industria Vasca SLU, Taller Mecanizado Pablo López Lacalle SL, Tratamientos Superficiales Iontech SA.
L-applikazzjoni ġiet approvata minn Lanbide, is-servizz tal-impjiegi pubbliċi Bask (is-sħab soċjali huma parti mill-bord ta' governanza), fit-2 ta' Lulju 2021. Saru wkoll laqgħat fid-19 ta' Jannar u fit-2 ta' Frar 2021 mal-Federación Vizcaína de Empresas del Metal, (il-federazzjoni tal-intrapriżi tal-metall tal-Biskalja), mal-Asociación de Empresas de Guipúzcoa - ADEGI (l-Assoċjazzjoni tan-negozju ta' Gupúzcoa) u mas-SEA-Empresas Alavesas (l-assoċjazzjonijiet tan-negozju ta' Alava).
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2021 li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar politika u liġi dwar il-migrazzjoni legali (2020/2255(INL))
– wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 79 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 45 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, b'mod partikolari l-Prinċipji 5, 10, 12 u 16 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, b'mod partikolari l-Artikolu 2 tal-Protokoll 4,
– wara li kkunsidra l-acquis tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni legali żviluppat bejn l-2003 u l-2021, li jirregola l-kundizzjonijiet għad-dħul u r-residenza u d-drittijiet taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jaħdmu fl-Unjoni u li jinkludi:
– id-Direttiva (UE) 2021/1883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2021 dwar il-kondizzjonijiet tad-dħul u tar-residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-fini ta' impjieg bi kwalifiki għoljin, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE(1),
– id-Direttiva (UE) 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar il-kundizzjonijiet ta' dħul u residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta' riċerka, studji, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta' skambju ta' skulari jew proġetti edukattivi u au pairing(2),
– id-Direttiva 2014/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar il-kondizzjonijiet għad-dħul u s-soġġorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-fini ta' impjieg bħala ħaddiema staġonali(3),
– id-Direttiva 2014/66/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-kondizzjonijiet għad-dħul u r-residenza ta' ċittadini ta' pajjiż terz fil-qafas ta' trasferiment intra-azjendali(4),
– id-Direttiva 2011/98/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar proċedura ta' applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta' pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fit-territorju ta' Stat Membru u dwar ġabra komuni ta' drittijiet għal ħaddiema ta' pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru(5),
– id-Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali(6),
– id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta' Novembru 2003 dwar l-istatus ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul(7),
– id-Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/86/KE tat-22 ta' Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja(8),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija(9),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/589 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' April 2016 dwar network Ewropew ta' servizzi tal-impjiegi (EURES), aċċess tal-ħaddiema għas-servizzi ta' mobilità u integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tax-xogħol, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 492/2011 u (UE) Nru 1296/2013(10),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/1149 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tax-Xogħol, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 883/2004, (UE) Nru 492/2011, u (UE) 2016/589 u li jirrevoka d-Deċiżjoni (UE) 2016/344(11),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar il-COVID-19 u l-migrazzjoni tal-24 ta' Ġunju 2021, b'mod partikolari n-Nru 12,
– wara li kkunsidra l-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza għall-Afrika tal-UE,
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tad-29 ta' Marzu 2019 bit-titolu "Fitness Check on EU Legislation on legal migration" (Kontroll tal-Idoneità dwar il-Leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-migrazzjoni legali (il-"Kontroll tal-Idoneità")),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni",
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Novembru 2020 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni 2021-2027",
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' April 2016 bit-titolu "Għar-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil u għat-tisħiħ ta' perkorsi legali lejn l-Ewropa",
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Settembru 2018 bit-titolu "It-tisħiħ tal-perkorsi legali lejn l-Ewropa: parti indispensabbli minn politika dwar il-migrazzjoni bbilanċjata u komprensiva",
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Settembru 2020 bit-titolu "Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil",
– wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni u d-dikjarazzjoni politika adottati mis-Summit bejn l-UE u l-Afrika dwar il-Migrazzjoni, li sar fil-Belt Valletta fil-11 u t-12 ta' Novembru 2015, b'mod partikolari l-partijiet rispettivi tagħhom dwar il-migrazzjoni legali u l-mobilità,
– wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni tal-11 ta' Ġunju 2021 bit-titolu "Talent Partnerships: Commission launches new initiative to address EU skills shortages and improve migration cooperation with partner countries" (Sħubijiet ta' Talent: il-Kummissjoni tvara inizjattiva ġdida biex tindirizza n-nuqqas ta' ħiliet tal-UE u ttejjeb il-kooperazzjoni fil-migrazzjoni ma' pajjiżi sħab),
– wara li kkunsidra l-istudju taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni tat-23 ta’ April 2020 bit-titolu "Immigrant Key Workers: Their contribution to Europe's COVID-19 response" (Il-Ħaddiema Ewlenin Immigranti: Il-kontribut tagħhom għar-rispons għall-COVID-19 fl-Ewropa) u r-rapport tekniku taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni tad-19 ta' Mejju 2020 bit-titolu "A vulnerable workforce: Migrant workers in the COVID-19 pandemic" (Forza tax-xogħol vulnerabbli: Il-ħaddiema migranti fil-pandemija tal-COVID-19),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni(12),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-protezzjoni Ewropea tal-ħaddiema transfruntiera u staġjonali fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19(13),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2021 dwar rotot ġodda għall-migrazzjoni legali tal-ħaddiema, ibbażata fuq rapport ta' inizjattiva tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern(14),
– wara li kkunsidra l-istudju mid-Dipartiment Tematiku għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tiegħu ta' Settembru 2015 bit-titolu "Exploring new avenues for legislation for labour migration to the European Union" (L-esplorazzjoni ta' perkorsi ġodda għal-leġiżlazzjoni għall-migrazzjoni tal-ħaddiema lejn l-Unjoni Ewropea),
– wara li kkunsidra l-istudju mid-Dipartiment Tematiku għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tiegħu ta' Ottubru 2015 bit-titolu "EU cooperation with third countries in the field of migration" (Il-kooperazzjoni tal-UE ma' pajjiżi terzi fil-qasam tal-migrazzjoni),
– wara li kkunsidra l-istudju tas-Servizz Ewropew għar-Riċerka Parlamentari ta' Marzu 2019 bit-titolu "The cost of non-Europe in the area of legal migration" (Il-kost tan-non-Ewropa fil-qasam tal-migrazzjoni legali),
– wara li kkunsidra l-istudju ta' Settembru 2021 mis-Servizz Ewropew għar-Riċerka Parlamentari, bit-titolu "Legal migration policy and law – European added value assessment" (Il-politika u l-liġi tal-migrazzjoni legali - valutazzjoni tal-valur miżjud Ewropew),
– wara li kkunsidra l-istudji min-Network Ewropew dwar il-Migrazzjoni,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari l-Artikolu 13 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Patt Globali għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari tad-19 ta' Diċembru 2018,
– wara li kkunsidra l-istandards internazzjonali tax-xogħol dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema adottati mill-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji Tagħhom, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fit-18 ta' Diċembru 1990,
– wara li kkunsidra l-istudji dwar il-migrazzjoni legali mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi,
– wara li kkunsidra l-ħidma u r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti,
– wara li kkunsidra l-istudju miċ-Ċentru għall-Iżvilupp Globali tal-15 ta' Lulju 2019, bit-titolu "Maximizing the Shared Benefits of Legal Migration Pathways: Lessons from Germany's Skills Partnerships" (Il-Massimizzazzjoni tal-Benefiċċji Kondiviżi tal-Perkorsi Legali ta' Migrazzjoni: Tagħlimiet mis-Sħubijiet tal-Ħiliet tal-Ġermanja),
– wara li kkunsidra l-"Africa Migration Report: Challenging the narrative" (ir-Rapport dwar il-Migrazzjoni fl-Afrika: Kritika tan-narrattiva) ta' Ottubru 2020 mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni,
– wara li kkunsidra l-istudju tas-Servizz Ewropew għar-Riċerka Parlamentari ta' Awwissu 2021 bit-titolu "Il-Patt il-Ġdid tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil – Valutazzjoni tal-impatt orizzontali ta' sostituzzjoni",
– wara li kkunsidra l-Artikoli 47 u 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0314/2021),
A. billi implimentazzjoni adegwata tal-atti legali eżistenti dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema hija daqstant ieħor importanti biex jiġu proposti atti legali ġodda;
B. billi l-Artikolu 79(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li "L-Unjoni għandha tiżviluppa politika komuni ta' immigrazzjoni maħsuba sabiex tassigura, fl-istadji kollha, l-amministrazzjoni effikaċi tal-flussi tal-migrazzjoni, it-trattament ġust ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti legalment fl-Istati Membri, kif ukoll il-prevenzjoni u l-ġlieda b'saħħa kontra l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin";
C. billi l-Unjoni hija waħda mill-investituri ewlenin fl-iżvilupp tal-kapital uman fil-pajjiżi ġirien;
D. billi l-ħolqien ta' perkorsi legali addizzjonali fil-livell tal-Unjoni jista' jgħin biex jipprovdi lill-Istati Membri għodda biex jiffaċċjaw kif xieraq l-isfidi demografiċi li ġejjin, jilħqu d-domandi tas-swieq tax-xogħol li ma jistgħux jiġu ssodisfati bil-forza tax-xogħol domestika u jtejbu t-tqabbil tal-ħiliet fis-swieq tax-xogħol;
E. billi fl-2020 kien hemm 23 miljun ċittadin minn pajjiżi terzi legalment residenti fl-Istati Membri, madwar 5,1 % tal-popolazzjoni totali tal-Unjoni(15);
F. billi r-rata baxxa ta' ħruġ ta' permessi ta' residenza fit-tul tindika li jaf ikun hemm bżonn li tittejjeb l-attraenza tagħhom, ħaġa li tista' tinkiseb permezz ta' reviżjoni tad-Direttiva 2003/109/KE biex tiċċara l-vantaġġi li wieħed ikollu permess ta' residenza fit-tul tal-UE u tapprossima l-iskemi leġiżlattivi nazzjonali;
G. billi skont ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-Impatt tat-Tibdil Demografiku, adottat fis-17 ta' Ġunju 2020(16), l-età medjana tal-popolazzjoni tal-Unjoni hija bħalissa ta' 44 sena, ilha tiżdied għal diversi snin u se tkompli tiżdied mill-inqas għaż-żewġ deċennji li ġejjin;
H. billi dan jimplika li matul id-deċennji li ġejjin l-Unjoni se tiffaċċja sehem dejjem akbar tal-popolazzjoni li jikkonsisti f'ċittadini li għandhom 65 sena u aktar, filwaqt li s-sehem tal-popolazzjoni li jkollha l-età tax-xogħol huwa mbassar li se jonqos matul l-istess perjodu ta' żmien;
I. billi l-Kontroll tal-Idoneità jiddikjara li r-regoli attwali tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni legali kellhom impatt limitat fir-rigward tal-attrazzjoni tal-ħiliet u t-talenti meħtieġa għas-suq tax-xogħol u l-ekonomija tal-Unjoni u li l-qafas legali attwali huwa "frammentat u jippreżenta għadd ta' lakuni, kif ukoll problemi ta' implimentazzjoni",
J. billi s-sejbiet ewlenin tal-Kontroll tal-Idoneità jenfasizzaw li politiki effettivi dwar il-migrazzjoni legali huma kruċjali fil-ġestjoni tal-flussi migratorji;
K. billi l-Kummissarju Ylva Johansson stqarret fl-okkażjoni tal-avveniment tal-varar tas-sħubijiet ta' talent fil-11 ta' Ġunju 2021 li l-objettiv strateġiku tal-Kummissjoni huwa li tissostitwixxi l-migrazzjoni irregolari b'perkorsi legali(17);
L. billi l-miżuri tal-viżi jistgħu jaġixxu bħala inċentiv pożittiv fl-involviment ma' pajjiżi terzi; billi l-implimentazzjoni sħiħa tal-Kodiċi dwar il-Viżi(18) reċentement rivedut u l-isforzi addizzjonali dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi ma' pajjiżi terzi huma parti minn approċċ komprensiv għall-politika dwar il-migrazzjoni deskritt fil-Patt il-Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil; billi aktar kooperazzjoni u skambju ta' informazzjoni jgħinu biex jinqabdu l-każijiet ta' abbuż tal-viżi;
M. billi l-oqfsa ta' sħubija bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi jistgħu jservu ta' għodda kruċjali fl-aċċellerazzjoni tar-rikonoxximent reċiproku tal-ħiliet u l-kwalifiki tal-migranti legali tax-xogħol;
N. billi għadd ta' Stati Membri diġà daħlu fi sħubijiet ta' suċċess ma' pajjiżi terzi biex joħolqu perkors legali għall-migrazzjoni tal-ħaddiema kif ukoll biex iqabblu d-domandi tas-suq tax-xogħol fuq skala iżgħar permezz ta' proġetti pilota; billi s-sħubijiet ta' talent għandhom jibnu fuq it-tagħlimiet pożittivi meħuda minn dawn il-proġetti;
O. billi flimkien mas-sħab soċjali u ekonomiċi, is-Sħubija Ewropea għall-Integrazzjoni mġedda tesplora l-possibbiltà li l-kooperazzjoni futura titwessa' għall-qasam tal-migrazzjoni tal-ħaddiema;
P. billi n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet fis-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri wera li huwa għali ħafna għall-Unjoni, li wassal biex l-ekonomija tagħha titlef aktar minn 2 % tal-produttività fis-sena skont studju mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-2018(19); billi dak l-istudju jiddikjara li n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet iseħħ fil-livelli kollha ta' ħiliet li jvarjaw minn koki u sewwieqa tat-trakkijiet sa tobba u għalliema; billi dak l-istudju jafferma li l-iskemi leġiżlattivi attwali mhumiex biżżejjed biex jiżguraw li l-Unjoni tibqa' kompetittiva ekonomikament fuq perjodu ta' żmien qasir, medju u twil, u biex jissodisfaw id-domandi tas-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri;
Q. billi fl-2017 kien hemm madwar 3,1 miljun ċittadin ta' pajjiżi terzi li kellhom permess ta' residenza fit-tul tal-UE meta mqabbel ma' madwar 7,1 miljun ċittadin ta' pajjiżi terzi li kellhom permess ta' residenza fit-tul nazzjonali(20);
R. billi ż-żewġ objettivi ewlenin tad-Direttiva 2011/98/UE huma l-faċilitazzjoni tal-proċeduri ta' applikazzjoni għal permess tax-xogħol u tar-residenza kkombinat u t-trattament ugwali; billi l-evalwazzjoni ta' dik id-Direttiva bħala parti mill-Kontroll tal-Idoneità u r-rapport ta' implimentazzjoni tagħha identifikaw għadd ta' nuqqasijiet fir-rigward tal-ilħuq ta' dawk l-objettivi; billi, biex jiġu indirizzati dawk in-nuqqasijiet, il-Kummissjoni ħabbret fil-Patt il-Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil għadd ta' inizjattivi ġodda, inkluża reviżjoni ta' dik id-Direttiva;
S. billi l-iżviluppi tekniċi ttrasformaw il-mod kif taħdem id-dinja u ħolqu sitwazzjoni li fiha ħafna ħaddiema tal-Unjoni u persuni li jaħdmu għal rashom jaħdmu b'mod remot; billi l-ħaddiema remoti bħalissa jinsabu mwaħħlin f'impass legali minħabba li ma jistgħux japplikaw għal permess tax-xogħol tradizzjonali fi Stat Membru(21);
T. billi għadd ta' Stati Membri varaw "viżi għan-nomadi diġitali", li għandhom l-għan li jiffaċilitaw ir-residenza tal-ħaddiema remoti jew tal-persuni li jaħdmu għal rashom b'mod remot fi Stat Membru u li jippermettulhom jaħdmu(22);
U. billi l-Unjoni tinsab fil-proċess ta' rkupru ekonomiku ta' wara l-pandemija; billi l-iskemi leġiżlattivi mtejba dwar il-migrazzjoni legali tal-ħaddiema huma fattur deċiżiv għall-irkupru ekonomiku tal-Unjoni;
V. billi, skont l-istudju taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni tat-23 ta’ April 2020 bit-titolu "Immigrant Key Workers: Their Contribution to Europe's COVID-19 Response" (Il-Ħaddiema Ewlenin Immigranti: Il-kontribut tagħhom għar-Rispons tal-Ewropa għall-COVID-19 ", medja ta' 13 % tal-ħaddiema ewlenin għas-soċjetajiet huma immigranti fl-Unjoni, li juri li kellhom rwol kruċjali fir-rigward tal-kapaċità tal-Unjoni biex tiġġieled il-pandemija tal-COVID-19;
W. billi r-rabta diretta bejn id-drittijiet ta' residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti legalment u l-impjegatur tagħhom tesponihom għal sfruttament potenzjali tal-ħaddiema; billi saru appelli biex jitneħħew gradwalment dawk it-tipi ta' permessi u biex, minflok, iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi legalment residenti jitħallew ibiddlu l-impjegatur mingħajr ma jitilfu l-permess tax-xogħol tagħhom(23);
X. billi d-Direttiva 2009/52/KE tipprevedi sanzjonijiet u miżuri li jistgħu jintużaw kontra l-impjegaturi li jisfruttaw ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali li jkunu qed jaħdmu; billi ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu daħlu legalment fl-Unjoni jistgħu wkoll jiġu sfruttati u għandhom jibbenefikaw mill-istess livell ta' protezzjoni;
Y. billi l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol saħħet il-kapaċità operattiva transfruntiera tagħha biex tappoġġja u ssaħħaħ l-ispettorati u l-awtoritajiet nazzjonali tax-xogħol, kif ukoll lis-sħab soċjali, sabiex tippromwovi mobilità ġusta tal-ħaddiema u tiġġieled il-frodi u l-abbuż transfruntier;
1. Iqis li, sabiex jiġu ffaċċjati l-isfidi demografiċi li ġejjin fl-Istati Membri b'data li turi li s-sehem ta' abitanti tal-età ta' 65 sena jew aktar huwa pproġettat li sal-2050 se jkun madwar terz tal-popolazzjoni tal-Unjoni(24), sitwazzjoni li se tipproduċi skarsezzi sinifikanti ta' ħaddiema fil-livelli kollha ta' ħiliet(25), l-Unjoni teħtieġ li tippreżenta perkorsi ġodda għall-migrazzjoni legali tal-ħaddiema lejn l-Unjoni, filwaqt li tqis ukoll il-fatt li s-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri huma differenti u jiffaċċjaw tipi differenti ta' nuqqasijiet u sfidi tax-xogħol; huwa tal-fehma li tali perkorsi ġodda se joħroġ li jkunu imperattivi biex tiżdied il-kompetittività ekonomika tal-Unjoni u l-influwenza globali tagħha bħala l-promotur tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-kummerċ ħieles tal-prodotti u s-servizzi, u bħala l-mexxejja fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jinnota li tali perkorsi ġodda għandhom jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u jnaqqsu l-isfruttament tal-ħaddiema minn pajjiżi terzi; jinnota, barra minn hekk, li f'xenarju fejn jitnaqqsu l-ostakli għall-migrazzjoni legali tal-ħaddiema u titnaqqas id-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol kontra ħaddiema minn pajjiżi terzi, huwa stmat li fl-Unjoni jistgħu jsiru żidiet fit-tul fil-PDG ta' EUR 74 biljun fis-sena(26); jinsab imħasseb li l-ostakli kbar għall-migrazzjoni legali tal-ħaddiema jinvolvu inqas attraenza tal-Unjoni fil-kompetizzjoni globali tal-ħaddiema fil-livelli kollha tal-ħiliet; jenfasizza li l-introduzzjoni ta' mezzi legali ġodda biex il-migranti jidħlu jaħdmu fl-Unjoni tista' tiġġenera żidiet fil-PDG li jitilgħu sa EUR 37,6 biljun fis-sena(27);
2. Jitlob li l-Kummissjoni tressaq, sal-31 ta' Jannar 2022 abbażi tal-Artikolu 79(2) tat-TFUE, b'mod partikolari l-punti (a) u (b) tiegħu, proposta għal att li jkun iservi bħala pakkett ta' proposti biex jiffaċilita u jippromwovi d-dħul u l-mobilità fl-Unjoni għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jemigraw legalment u li japplikaw għax-xogħol jew li diġà jkollhom permess tax-xogħol u li, billi tallinja d-dispożizzjonijiet tul id-direttivi eżistenti dwar il-migrazzjoni legali, isservi biex tnaqqas il-burokrazija, issaħħaħ l-armonizzazzjoni, tippromwovi d-drittijiet fundamentali, bħat-trattament ugwali, u tipprevjeni l-isfruttament tal-ħaddiema, skont ir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Rapport; jinnota li att ġdid bħal dan li jappoġġja l-migrazzjoni legali tal-ħaddiema minn pajjiżi terzi u livell ogħla ta' mobilità jibqa' wieħed mir-risposti ewlenin għan-nuqqas ta' tlaqqigħ attwali bejn il-provvista u d-domanda tax-xogħol;
3. Jikkunsidra li l-ħolqien ta' riżerva ta' talent fl-Unjoni għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jixtiequ japplikaw għax-xogħol bil-għan li jemigraw legalment lejn Stat Membru, kif ukoll għall-impjegaturi bbażati fl-Unjoni biex ifittxu impjegati potenzjali f'pajjiżi terzi, isarraf f'għodda essenzjali biex jintlaħaq l-għan tal-att propost u jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-ħolqien ta' tali riżerva ta' talent fil-proposta tagħha; jipproponi li l-Kummissjoni tinkludi, fir-riżerva ta' talent, network remot ta' talent tal-Unjoni li jkun jippermetti liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jaħdmu b'mod remot fi Stat Membru differenti minn dak li fih ikunu residenti u li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jaħdmu flimkien biex jifhmu aħjar il-benefiċċji u l-isfidi tar-reklutaġġ b'mod remot ta' talent ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, u jippromwovu r-reklutaġġ b'mod remot ġust ta' talent internazzjonali; jirrimarka li network bħal dan ikun fakultattiv għall-użu tal-Istati Membri;
4. Jappoġġja d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha tat-23 ta' Settembru 2020 dwar Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil fir-rigward tat-titjib tal-mobilità bona fide għal żmien qasir bħala komplementari għall-perkorsi legali, speċjalment għall-finijiet ta' riċerka jew studju, sabiex tittejjeb il-kooperazzjoni upstream ma' pajjiżi terzi u jitlob lill-Kummissjoni tesplora aktar din id-direzzjoni;
5. Jitlob lill-Kummissjoni tqis l-Artikolu 15(1) tal-ftehim proviżorju parzjali tal-Parlament u tal-Kunsill dwar id-Direttiva riformulata dwar il-Kondizzjonijiet ta' Akkoljenza, biex b'hekk jitnaqqas l-impatt negattiv tal-inattività sfurzata sal-finalizzazzjoni tal-proċedura tal-ażil;
6. Jilqa' d-Direttiva (UE) 2021/1883 (id-Direttiva dwar il-Karta Blu riveduta) iżda jikkunsidraha bħala insuffiċjenti minħabba l-fatt li s-swieq tax-xogħol tal-Unjoni jeħtieġu wkoll ħaddiema b'livell baxx u medju ta' ħiliet, anki jekk dawk il-ħtiġijiet ivarjaw; jinnota li l-Unjoni diġà tiddependi ħafna fuqhom f'setturi essenzjali bħall-agrikoltura u l-kura tas-saħħa(28); għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tagħmilha prijorità li fil-proposta tagħha tinkludi skema ta' ammissjoni ambizzjuża għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi b'ħiliet baxxi u medji f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili, filwaqt li tirrifletti l-bżonnijiet tal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-ħolqien ta' qafas għall-validazzjoni u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi, inkluż it-taħriġ vokazzjonali, ibbażat fuq kriterji oġġettivi u uniformi, biex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni bikrija tagħhom fis-suq tax-xogħol; jitlob li l-qafas għall-validazzjoni u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki jiżgura li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jiġu konsistentement ittrattati b'mod ġust matul il-proċess ta' validazzjoni u rikonoxximent, jippermetti skemi u proċeduri effiċjenti, u jiffaċilita l-kisba ta' informazzjoni b'mod effiċjenti u faċli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinsisti li l-awtoritajiet nazzjonali jkomplu jikkondividu bejniethom l-informazzjoni u l-aħjar prattiki; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tippromwovi bil-mezzi kollha possibbli, inkluż permezz ta' kampanji mmirati, id-Direttiva dwar il-Karta Blu riveduta, inkluż fin-negozji ġodda u fis-settur tal-IT, fejn il-ħiliet huma rikonoxxuti b'mod ekwivalenti għall-kwalifiki kif stabbilit fl-Artikolu 26, moqri flimkien mal-Anness I, ta' dik id-Direttiva; ifakkar, madankollu, li l-Artikolu 79(5) tat-TFUE jgħid li dak l-Artikolu "m'għandux jolqot id-dritt tal-Istati Membri li jistabbilixxu l-volumi ta' dħul ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi ġejjin minn pajjiżi terzi, fit-territorju tagħhom sabiex ifittxu impjieg, kemm jekk impjegati u kemm jekk jaħdmu għal rashom":
7. Iqis li l-Unjoni teħtieġ li tattira aktar persuni li jaħdmu għal rashom u imprendituri u teħtieġ li ssaħħaħ l-innovazzjoni, pereżempju permezz tal-mobilità taż-żgħażagħ u skemi nomadi; sabiex l-Unjoni tibqa' rilevanti u kompetittiva fis-suq globali, billi żżid l-aġilità, ir-robustezza, l-istabilità, u t-tkabbir tal-ekonomija tagħha, filwaqt li toħloq opportunitajiet ġodda ta' attività ekonomika u ta' impjieg, jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fil-proposta tagħha skema ta' ammissjoni fl-Unjoni kollha għad-dħul u r-residenza ta' persuni li jaħdmu għal rashom u imprendituri bbażata fuq kriterji oġġettivi u uniformi, b'mod partikolari għal dawk li jaħdmu biex jistabbilixxu intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u negozji ġodda, u ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi mobbli ħafna li jaħdmu għal rashom, bħall-artisti u l-professjonisti kulturali; jinsisti li l-iskemi proposti jridu jinkludu miżuri li jsaħħu d-drittijiet fundamentali u jippromwovu t-trattament ugwali għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi; iqis li l-Kummissjoni għandha tintroduċi viża ta' ħames snin għal dħul multiplu li tippermetti lil dik il-kategorija ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jidħlu fl-Unjoni sa 90 jum fis-sena;
8. Jitlob li l-Kummissjoni tinkludi fil-proposta tagħha qafas għal sħubijiet ta' talent ma' pajjiżi terzi li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħżlu li jidħlu fihom fuq bażi volontarja, imfassal għas-sitwazzjoni u l-benefiċċju kemm tal-pajjiżi inkwistjoni li minnhom jitilqu ċ-ċittadini kif ukoll ta' dawk li jilqgħuhom, li għandu jinkludi programmi ta' taħriġ vokazzjonali bbażati fuq il-ħiliet, b'mod partikolari testijiet tal-aptitudni, osservazzjoni fuq il-post tax-xogħol u simulazzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-qafas jippermetti li l-Parlament ikun jista' jeżerċita bis-sħiħ ir-rwol tiegħu ta' skrutinju u evalwazzjoni u li l-proposta tinkludi mekkaniżmi adegwati biex jiġi pprevenut l-isfruttament tal-ħaddiema u jiġi żgurat it-trattament ugwali; jenfasizza li l-ispirazzjoni għas-sħubijiet ta' talent tista' tinstab fi ftehimiet eżistenti bbażati fuq il-ħiliet fl-Istati Membri u li s-sħubijiet ta' talenti għandhom jiġu żviluppati f'konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet rilevanti kemm fl-Istati Membri kif ukoll f'pajjiżi terzi;
9. Isostni li huwa essenzjali li jiġi segwit approċċ differenti u bbilanċjat għar-relazzjoni bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi fil-qasam tal-migrazzjoni; jistieden lill-Unjoni tistinka għal ftehimiet formali mal-pajjiżi sħab dwar il-mobilità tal-migrazzjoni;
10. Jilqa' r-rieżami ppjanat tad-Direttiva 2011/98/UE mill-Kummissjoni; jinnota li wħud mill-objettivi ta' dik id-Direttiva huwa li tissimplifika u tarmonizza r-regoli dwar il-permessi attwalment applikabbli fl-Istati Membri u li tippromwovi t-trattament ugwali u li dawk l-objettivi ma ntlaħqux bis-sħiħ filwaqt li wħud mid-dispożizzjonijiet ta' dik id-Direttiva ġew implimentati b'modi differenti madwar l-Unjoni; jikkunsidra wkoll li l-Kummissjoni għandha tieħu l-passi meħtieġa biex tiżgura l-ewwel u qabel kollox li dik id-Direttiva tiġi implimentata kif jixraq mill-Istati Membri, it-tieni nett li tiġi emendata biex tippermetti li l-applikazzjonijiet għal permess uniku jitressqu kemm minn ġewwa Stat Membru kif ukoll minn pajjiż terz, u, it-tielet nett, sabiex ikomplu jiġu ssimplifikati u armonizzati r-regoli, li l-proċedura biex tinkiseb viża tad-dħul tiġi regolata b'mod ċar sabiex tiġi evitata s-sitwazzjoni fejn l-applikanti jkollhom jissottomettu d-dokumenti meħtieġa biex jiksbu permess uniku darbtejn u sabiex jitnaqqsu d-dipendenza tal-ħaddiema u r-riskju ta' sfruttament; jirrimarka li t-tressiq ta' applikazzjoni minn ġewwa Stat Membru għandha tkun disponibbli biss jekk iċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikollu permess ta' residenza fil-mument li titressaq l-applikazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fil-proposta tagħha emendi bħal dawn għal- dik id-Direttiva;
11. Jitlob li l-Kummissjoni tinkludi fil-proposta tagħha l-istabbiliment ta' network ta' servizzi ta' konsulenza transnazzjonali, li għandu jiġi ġestit mill-Kummissjoni, għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi li jemigraw legalment, fejn kull Stat Membru jaħtar awtorità ewlenija biex tipproċessa l-applikazzjonijiet u tikkoordina l-pariri u l-informazzjoni pprovduti liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qed japplikaw għax-xogħol fl-Unjoni jew li diġà jkollhom permess tax-xogħol; jinsisti li l-awtoritajiet ewlenin għandhom ikunu responsabbli għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni fost l-Istati Membri dwar il-ħaddiema minn pajjiżi terzi u għandhom jaġixxu bħala punti ta' kuntatt għall-ħaddiema u l-impjegaturi f'dak li għandu x'jaqsam mar-riżerva ta' talent u għandhom jipprovdu l-informazzjoni rilevanti liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu interessati li jemigraw b'mod legali lejn l-Unjoni biex jaħdmu; jirrimarka li tali informazzjoni tista' tiġi trażmessa jew virtwalment jew inkella permezz ta' korpi rilevanti preżenti fil-pajjiżi terzi, bħall-ambaxxati tal-Istati Membri jew id-delegazzjonijiet tal-Unjoni; jitlob li l-awtoritajiet ewlenin ikunu responsabbli wkoll għall-koordinazzjoni mill-qrib ma' xulxin fir-rigward tal-applikazzjonijiet imressqa għal permess uniku għar-residenza u x-xogħol f'konformità mad-Direttiva 2011/98/UE sabiex jiġu evitati s-sottomissjonijiet doppji u l-impjegaturi jiġu mħeġġa jikkunsidraw il-possibilità li japplikaw għal dak il-permess u sabiex jiġu appoġġjati f'dak l-isforz; jirrimarka li hemm bżonn li jiġi ffaċilitat il-ġbir tad-data, l-istatistika u l-evidenza u li hemm bżonn tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri biex jittejbu l-effiċjenza u l-effikaċja tal-acquis dwar il-migrazzjoni legali;
12. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fil-proposta tagħha emenda għad-Direttiva 2014/36/UE li tippermetti lid-detenturi ta' permessi tax-xogħol skont dik id-Direttiva perjodu ta' tliet xhur biex ifittxu impjieg ġdid wara li jkunu telqu minn mal-impjegatur preċedenti tagħhom mingħajr ma jkollhom il-permess tax-xogħol tagħhom revokat, u dan jippermettilhom jirrisjedu legalment fl-Istat Membru inkwistjoni sa tmiem il-perjodu li huma permessi joqogħdu fih, iżda mhux aktar minn disa' xhur, kif spjegat f'dik id-Direttiva, dment li jkunu qed japplikaw għax-xogħol ma' impjegatur ieħor matul dak il-perjodu; barra minn hekk, sabiex jiġi evitat l-isfruttament tal-ħaddiema, jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri japplikaw bis-sħiħ dik id-dispożizzjoni, biex b'hekk il-permessi ta' residenza ma jibqgħux marbutin mal-impjegatur u mal-impjieg; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fil-proposta tagħha emenda għal dik id-Direttiva ħalli l-Istati Membri jkunu jistgħu jġeddu l-permessi tax-xogħol għall-finijiet ta' xogħol staġjonali sa perjodu totali ta' ħames snin;
13. Jitlob lill-Kummissjoni tinkludi fil-proposta tagħha emenda għad-Direttiva 2009/52/KE biex tadatta l-kamp ta' applikazzjoni tagħha biex jinkludi ċ-ċittadini sfruttati ta' pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment u jaħdmu fl-Unjoni u li huma vittmi ta' kundizzjonijiet li jaffettwaw is-saħħa u s-sikurezza tagħhom u jiksru d-dinjità umana tagħhom u biex itejjeb l-infurzar tad-dispożizzjonijiet dwar it-trattament ugwali, bħal mekkaniżmi aċċessibbli u effettivi għall-ilmenti u l-aċċess għall-ġustizzja għall-ħaddiema kollha f'każ ta' sfruttament u reati kriminali oħra;
14. Huwa tal-fehma li d-Direttiva 2003/109/KE, li bħalissa mhix qed tiġi implimentata biżżejjed u ma tipprovdix dritt effettiv għall-mobilità fi ħdan l-Unjoni, għandha tiġi emendata biex tippermetti liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma residenti fit-tul ta' Stat Membru jirrisjedu b'mod permanenti fi Stat Membru ieħor mill-jum li fih jinħareġ il-permess tagħhom b'termini simili għat-termini applikabbli għaċ-ċittadini tal-Unjoni u biex l-għadd ta' snin ta' residenza meħtieġ biex jinkiseb status ta' residenza fit-tul tal-UE jitnaqqas minn ħames snin għal tliet snin, u jitlob lill-Kummissjoni tinkludi dawk l-emendi fir-reviżjoni li jmiss tagħha ta' dik id-Direttiva; jirrikonoxxi li r-residenza kontinwa fi Stat Membru wieħed hija wieħed mill-aspetti li jippromwovu l-integrazzjoni xierqa ta' persuna f'komunità qabel ma dik il-persuna tiddeċiedi li tirrisjedi fi Stat Membru ieħor; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi dawn l-emendi fil-proposta tagħha;
15. Huwa tal-fehma li huwa meħtieġ finanzjament suffiċjenti għall-proposti stabbiliti f'dan ir-rapport u jikkunsidra li l-implikazzjonijiet finanzjarji tal-proposta mitluba għandhom ikunu koperti mill-allokazzjoni baġitarja rilevanti tal-Unjoni;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fl-anness lill-Kummissjoni, lill-Kunsill kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI:
RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA
Rakkomandazzjoni 1 (dwar l-istabbiliment ta' riżerva ta' talent tal-UE għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jemigraw legalment)
– Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat għandu jistabbilixxi riżerva ta' talent tal-UE u pjattaforma ta' tqabbil għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jixtiequ japplikaw għax-xogħol fi Stat Membru u jemigraw legalment lejh, kif ukoll biex l-impjegaturi bbażati fl-Unjoni jfittxu impjegati potenzjali f'pajjiżi terzi, u għandu jiffaċilita l-ammissjoni u l-moviment liberu tal-ħaddiema ġejjin minn pajjiżi terzi. It-tqabbil tal-impjiegi permezz tar-riżerva ta' talent tal-UE għandu jsir fuq bażi volontarja. Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li tali riżerva ta' talent tal-UE għandha tistabbilixxi sinerġiji mal-qafas eżistenti u li l-att leġiżlattiv għandu għalhekk jemenda r-Regolament (UE) 2016/589 sabiex jespandi l-kamp ta' applikazzjoni attwali tal-Portal tal-EURES, stabbilit b'dak ir-Regolament;
– Ir-riżerva ta' talent tal-UE, kif stabbilita mill-att leġiżlattiv, għandha tippermetti liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jesprimu l-interess tagħhom fix-xogħol u japplikaw għalih, filwaqt li tippermetti wkoll lill-impjegaturi jfittxu impjegati potenzjali. Iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi għandhom ikunu jistgħu japplikaw għax-xogħol fejn ikun hemm nuqqas fis-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri, wara li jkunu għaddew minn proċess trasparenti u mhux diskriminatorju ta' applikazzjoni u ta' skrinjar minn qabel, iffaċilitat mill-Unjoni. Ir-riżerva ta' talent tal-UE sservi bħala għodda fakultattiva li l-Istati Membri jistgħu jużaw biex jissodisfaw id-domandi u n-nuqqasijiet fis-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri li ma jistgħux jiġu ssodisfati mill-forza tax-xogħol domestika. Ir-riżerva ta' talent tal-UE għandha tiġi kkomplementata minn koordinazzjoni akbar bejn l-awtoritajiet nazzjonali parteċipanti, bl-involviment tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u l-awtoritajiet lokali, u għandha tqis l-ispeċifiċitajiet nazzjonali u d-domandi differenti tas-swieq tax-xogħol nazzjonali. Il-promozzjoni tar-riżerva ta' talent tal-UE u l-użu tagħha jistgħu jittejbu permezz tat-tixrid immirat tal-informazzjoni, li jippromwovi r-riżerva ta' talent u pjattaforma ta' tqabbil fil-pajjiżi terzi u fl-Istati Membri parteċipanti. F'dak l-ispirtu, in-network ta' servizzi ta' konsulenza transnazzjonali madwar l-Unjoni, imsemmi fir-Rakkomandazzjoni 6, għandu jiffaċilita t-tħaddim tar-riżerva ta' talent tal-UE u jservi bħala punt ta' kuntatt għar-riżerva ta' talent tal-UE fl-Istati Membri. L-użu ta' dak in-network, ibbażat fuq l-armonizzazzjoni tal-applikazzjonijiet, jgħin biex titnaqqas il-burokrazija fil-livell tal-Istati Membri. Fi ħdan ir-riżerva ta' talent tal-UE, għandu jiġi stabbilit network remot ta' talent tal-UE sabiex iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jkunu jistgħu jaħdmu b'mod remot fi Stat Membru li ma jkunx dak li fih ikunu residenti, u tali ħaddiema remoti jenħtieġ li jgawdu minn trattament ugwali.
Rakkomandazzjoni 2 (dwar skema ta' ammissjoni għal ħaddiema minn pajjiżi terzi b'livell baxx u medju ta' ħiliet)
– Minħabba l-isfidi demografiċi u l-kompetizzjoni globali għat-talent, għal ħafna Stati Membri hija ħtieġa urġenti li jtejbu l-attraenza tagħhom u li joħolqu skemi ta' ammissjoni għall-ħaddiema tas-sengħa kollha ta' pajjiżi terzi, mhux biss għall-ħaddiema b'livell għoli ta' ħiliet. Bis-sostituzzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE bid-Direttiva (UE) 2021/1883 (id-Direttiva dwar il-Karta Blu riveduta), l-Unjoni ħadet passi sinifikanti biex tilħaq dak il-għan għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi b'livell għoli ta' ħiliet. Madankollu, huwa imperattiv li tilħaq dak il-għan ukoll għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi meqjusa li għandhom livell baxx u medju ta' ħiliet sabiex jimtlew il-postijiet tax-xogħol vakanti u jittejjeb it-tqabbil tal-ħtiġijiet differenti tas-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri, skont kif jiddeterminaw l-Istati Membri nfushom, u biex ikun hemm konsistenza fil-prattika tal-valuri tal-Unjoni. Dan se jkompli jsaħħaħ il-kompetittività ekonomika tal-Unjoni.
– Biex jindirizza kif xieraq dik il-kwistjoni, il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex, fl-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat, tinkludi dispożizzjonijiet li jistabbilixxu skema ta' ammissjoni b'kundizzjonijiet tad-dħul u r-residenza għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi b'livell baxx u medju ta' ħiliet. L-iskema għandha tiżgura t-trattament ugwali f'konformità mal-acquis eżistenti tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema u tinkludi l-ħolqien ta' qafas li fih il-ħaddiema minn pajjiżi terzi jkun jista' jkollhom il-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom rikonoxxuti u vvalidati kif xieraq għall-użu fis-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri. Sabiex jiġi pprevenut kwalunkwe abbuż ta' ħaddiema minn pajjiżi terzi u biex jiġi żgurat li dawn jiġu ttrattati b'mod ugwali meta jkunu qed jaħdmu jew japplikaw għax-xogħol fl-Unjoni, il-Parlament Ewropew, filwaqt li jinsisti fuq l-implimentazzjoni xierqa tad-Direttiva 2009/52/KE u l-mekkaniżmi ta' monitoraġġ tagħha, jitlob li d-Direttiva tiġi emendata biex tinkludi fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha lill-ħaddiema minn pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment, kif stabbilit fir-Rakkomandazzjoni 8. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew jappella għall-implimentazzjoni xierqa mill-Istati Membri tal-qafas legali eżistenti rilevanti dwar il-kwistjoni tal-migrazzjoni legali tal-ħaddiema.
Rakkomandazzjoni 3 (dwar skema ta' ammissjoni għall-imprendituri u għall-persuni li jaħdmu għal rashom)
– Tradizzjonalment, il-permessi tax-xogħol jinħarġu fil-post fejn iċ-ċittadin ta' pajjiż terz diġà jkollu offerta ta' impjieg. Madankollu, il-Parlament Ewropew huwa tal-fehma li l-bażi għall-ħruġ ta' permessi tax-xogħol tista' tittejjeb u tiġi żviluppata aktar. Fuq l-istess prinċipju, il-Kummissjoni ddikjarat li l-objettiv tagħha huwa li tinkoraġġixxi lil aktar nies isiru imprendituri, u b'hekk ittejjeb l-innovazzjoni, il-kreattività, u l-prestazzjoni ekonomika tal-Unjoni(29). Iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jaħdmu għal rashom jew li jaħdmu bħala imprendituri jista' jkun li jħossu li l-ambjent fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom mhuwiex favorevoli għan-negozju l-ġdid tagħhom jew għall-isforzi li jagħmlu bħala imprendituri. Permezz ta' skema ta' ammissjoni mifruxa mal-Unjoni, tali ċittadini ta' pajjiżi terzi jistgħu jingħataw l-opportunità li jemigraw legalment lejn l-Unjoni u jistabbilixxu lilhom infushom u n-negozji tagħhom. L-azzjoni fil-livell tal-Unjoni għandha tistinka għal ambjent favorevoli għall-intraprenditorija, inkluż għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u għal standards komuni għolja rigward id-drittijiet fundamentali tal-imprendituri u tal-persuni li jaħdmu għal rashom
– Għal dak il-għan, il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat għandu jinkludi skema ta' ammissjoni b'kundizzjonijiet tad-dħul u r-residenza għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-imprendituri, b'mod partikolari għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jistabbilixxu intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u negozji ġodda, u li dik l-iskema ta' ammissjoni għandha tiżgura salvagwardji robusti, trattament ugwali u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Id-definizzjoni ta' "persuna li taħdem għal rasha" u dik ta' "imprenditur" ivarjaw madwar l-Unjoni, u jeħtieġ li jibqgħu jiġu definiti minn kull Stat Membru skont it-tradizzjoni legali u l-każistika nazzjonali tiegħu.
Rakkomandazzjoni 4 (dwar it-tħejjija ta' qafas għas-sħubijiet ta' talent bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi)
– Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni tħejji qafas imfassal apposta għas-sħubijiet ta' talent li fihom l-Istati Membri jistgħu jipparteċipaw b'mod volontarju u tinkludih fl-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat. Dawk is-sħubijiet ta' talent għandhom ikunu miftuħa għall-ħaddiema ta' pajjiżi terzi tal-livelli kollha ta' ħiliet, kif ukoll għall-istudenti u l-gradwati, u jkunu jservu bħala għodda effiċjenti biex l-Istati Membri jqabblu l-ħiliet tal-ħaddiema f'pajjiżi terzi mad-domandi tas-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri li ma jistgħux jiġu ssodisfati mill-forza tax-xogħol domestika. L-għan tas-sħubijiet ta' talent huwa li jiżdied mezz legali ieħor bħala għażla ta' mobilità għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jixtiequ jemigraw lejn l-Unjoni għax-xogħol u li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tan-nuqqas ta' ħaddiema u n-nuqqas ta' tqabbil tal-impjiegi fis-suq tax-xogħol madwar l-Unjoni, u b'hekk tinħoloq "rebħa kwadrupla" għall-UE, għall-pajjiżi terzi, għall-impjegaturi u għall-ħaddiema migranti. L-implimentazzjoni prattika tas-sħubijiet ta' talent tkun tiddependi mill-kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali, mal-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol, mal-atturi tas-soċjetà ċivili u mas-sħab soċjali. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Parlament Ewropew, fuq bażi regolari, ikun jista' jiskrutinizza u jevalwa l-funzjonament tas-sħubijiet ta' talent, kif ukoll jipproponi rakkomandazzjonijiet biex jittejjeb il-funzjonament ġenerali tal-qafas għas-sħubijiet ta' talent.
– Approċċ imsaħħaħ u aktar komprensiv ikun joffri kooperazzjoni ma' pajjiżi sħab u jgħin biex tingħata spinta lill-mobilità internazzjonali ta' benefiċċju reċiproku. Huwa importanti li l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi jkollhom opportunitajiet ugwali li jiżviluppaw is-sħubijiet ta' talent u jkunu jistgħu joħolqu proċess trasparenti u aċċessibbli għall-applikanti. Dawk is-sħubijiet ta' talent għandhom ikunu inklużivi u jibnu kooperazzjoni b'saħħitha bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati, pereżempju l-ministeri nazzjonali tax-xogħol u tal-edukazzjoni, l-impjegaturi, is-sħab soċjali, u l-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Huwa importanti li l-Istati Membri jinvolvu ruħhom bis-saħħa f'dawk is-sħubijiet ta' talent, li jkun involut is-settur privat, b'mod partikolari n-negozji tal-Unjoni, is-sħab soċjali u l-atturi tas-soċjetà ċivili rilevanti, u li l-pajjiżi sħab ikollhom sens ta' sjieda sinifikattiv.
Rakkomandazzjoni 5 (dwar is-simplifikazzjoni u t-titjib tad-Direttiva 2011/98/UE)
– Il-Parlament Ewropew huwa tal-fehma li l-proċeduri fir-rigward tad-Direttiva 2011/98/UE għandhom jiġu armonizzati aktar għal dik id-Direttiva, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tagħha dwar it-trattament ugwali, biex ikunu effiċjenti għalkollox u implimentati kif suppost. Għalhekk, il-Parlament Ewropew iqis li l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat għandu jemenda dik id-Direttiva sabiex l-applikazzjonijiet għal permess uniku jkunu jistgħu jitressqu kemm minn ġewwa t-territorju ta' Stat Membru kif ukoll minn pajjiż terz, filwaqt li tinvolvi kemm lill-Istati Membri kif ukoll lill-pajjiżi terzi fl-iskambju tal-informazzjoni u l-koordinazzjoni tal-applikazzjonijiet imressqa, f'konformità sħiħa mal-istandards tal-protezzjoni tad-data tal-Unjoni. Madankollu, sabiex ikun jista' jressaq applikazzjoni għal permess uniku minn ġewwa t-territorju ta' Stat Membru, iċ-ċittadin ta' pajjiż terz, fil-mument tat-tressiq tal-applikazzjoni, għandu jkollu permess ta' residenza validu. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew jappella għar-regolamentazzjoni ċara u s-simplifikazzjoni tal-proċedura biex persuna tapplika għal viża ta' dħul sabiex tiġi evitata s-sitwazzjoni li biha l-applikanti jkollhom jissottomettu d-dokumenti meħtieġa darbtejn biex jiksbu permess uniku darbtejn. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew jitlob lill-Kummissjoni tanalizza u tnaqqas ir-rekwiżiti amministrattivi u l-ineffiċjenzi fil-proċeduri tal-permessi li jipprevjenu l-migrazzjoni b'perkorsi legali milli twieġeb għall-ħtiġijiet reali tas-suq tax-xogħol. Fl-aħħar nett, il-Parlament Ewropew iqis li l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat għandu jkun fih bidliet li jtaffu d-diffikultajiet li magħhom iħabbtu wiċċhom iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkollhom permess tax-xogħol meta jkunu qed jibdlu l-impjieg, peress li attwalment jiddependu wisq mill-impjegatur u għalhekk huma suxxettibbli għall-isfruttament tal-ħaddiema.
Rakkomandazzjoni 6 (dwar l-istabbiliment ta' network ta' servizzi ta' konsulenza transnazzjonali madwar l-Unjoni għall-ħaddiema li jemigraw legalment)
– Il-Parlament Ewropew huwa tal-fehma li l-kooperazzjoni sistematika bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri u ta' pajjiżi terzi u l-involviment tagħhom huma meħtieġa biex jittejbu l-perkorsi legali għall-migrazzjoni tal-ħaddiema. Sabiex jintlaħaq dak il-għan, il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat għandu jistabbilixxi network ta' servizzi ta’ konsulenza transnazzjonali, ġestit mill-Kummissjoni, għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi, ma' kull Stat Membru li jaħtar awtorità ewlenija biex tikkoordina l-konsulenza u l-informazzjoni pprovduti liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jemigraw legalment u li japplikaw għax-xogħol fl-Unjoni. In-network ta' servizzi ta' konsulenza transnazzjonali għandu jibni fuq networks u servizzi eżistenti stabbiliti u, jekk ikun meħtieġ, jespandi l-kamp ta' applikazzjoni ta' tali networks u servizzi stabbiliti. L-awtoritajiet ta' kull Stat Membru għandhom ikunu responsabbli wkoll għall-koordinazzjoni mill-qrib ma' xulxin fir-rigward tal-applikazzjonijiet imressqa għal permess uniku għar-residenza u x-xogħol fl-Unjoni f'konformità mad-Direttiva 2011/98/UE sabiex jiġu evitati s-sottomissjonijiet doppji. In-network ta' servizzi ta' konsulenza transnazzjonali għandu jqis ukoll l-ispeċifiċitajiet nazzjonali u d-domandi differenti tas-swieq tax-xogħol nazzjonali.
– Barra minn hekk, kull Stat Membru għandu jkun responsabbli biex jitlob l-informazzjoni mingħand l-impjegaturi dwar il-ħaddiema minn pajjiżi terzi, b'rispett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, sabiex il-ħaddiema minn pajjiżi terzi jkunu jistgħu jiġu konnessi mal-awtoritajiet u s-servizzi ta' appoġġ rilevanti u sabiex jiġu ffaċilitati l-protezzjoni tal-ħaddiema minn pajjiżi terzi u t-tisħiħ tad-drittijiet ugwali u tat-trattament ugwali tagħhom. Barra minn hekk, l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat għandu jiżgura li l-impjegaturi jipprovdu lill-ħaddiema minn pajjiżi terzi informazzjoni preċiża u f'waqtha dwar id-drittijiet, l-awtoritajiet rilevanti u s-servizzi disponibbli. In-network ta' servizzi ta' konsulenza transnazzjonali għandu jiffaċilita t-tħaddim tar-riżerva ta' talent, kif deskritt fir-Rakkomandazzjoni 1, u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rilevanti, inklużi l-komunitajiet tad-dijaspora, għandhom jiġu kkonsultati fl-iżvilupp tan-network ta' servizzi ta' konsulenza transnazzjonali.
Rakkomandazzjoni 7 (dwar l-emenda tad-Direttiva 2014/36/UE biex il-ħaddiema staġjonali jkunu jistgħu jibdlu l-impjegatur)
– Il-promozzjoni tal-mobilità professjonali għal ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti legalment li jaħdmu fi Stat Membru tfisser ukoll il-protezzjoni tagħhom mill-isfruttament. Bosta ħaddiema minn pajjiżi terzi, b'mod partikolari l-ħaddiema minn pajjiżi terzi b'livell baxx ta' ħiliet, joqogħdu jaħsbuha jitilqux minn ma' impjegatur li jisfruttahom minħabba li dan ikun ifisser li jitilfu l-permess tax-xogħol tagħhom u d-dritt li jibqgħu fl-Unjoni. Dan huwa attwalment evidenti fis-sitwazzjoni ddisprata ta' ħafna ħaddiema f'setturi differenti madwar l-Unjoni, bħal fis-setturi tal-forniment tal-ikel, tal-lukandi u tad-divertiment, kif ukoll tal-ħaddiema li jindokraw(30). Id-detenturi ta' permess tax-xogħol maħruġ fl-ambitu tad-Direttiva 2014/36/UE huma, b'mod partikolari, suxxettibbli għall-isfruttament għax spiss għandhom it-tendenza li jaħdmu fi ħdan setturi li prinċipalment jimpjegaw ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet.
– Għalhekk, il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat għandu jemenda d-Direttiva 2014/36/UE biex jippermetti lid-detenturi ta' permessi tax-xogħol skont dik id-Direttiva perjodu ta' tliet xhur ħalli jfittxu impjieg ġdid wara li ma jkunux baqgħu jaħdmu għall-impjegatur preċedenti mingħajr ma l-permess tagħhom jiġi revokat. Id-detenturi għandhom jitħallew jirrisjedu fl-Unjoni sa tmiem il-perjodu li fih għandhom il-permess li joqogħdu fih, iżda mhux aktar minn disa' xhur, kif spjegat f'dik id-Direttiva. Il-Parlament Ewropew jirrakkomanda li l-Kummissjoni, fl-istess ħin, tikkunsidra emendi xierqa oħra għal dik id-Direttiva sabiex taġġornaha u ġġibha konformi ma' atti legali oħra aktar reċenti tal-Unjoni li jittrattaw il-migrazzjoni legali, inkluż li tippermetti li l-applikazzjoni titressaq minn ġewwa t-territorju tal-Istat Membru, u tkompli tindirizza aktar l-isfruttament persistenti tal-ħaddiema staġjonali.
Rakkomandazzjoni 8 (dwar l-emenda tad-Direttiva 2009/52/KE biex jiġu inklużi ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti legalment u biex jiġi indirizzat l-isfruttament tal-ħaddiema)
– Id-Direttiva 2009/52/KE fiha diversi għodod li jistgħu jintużaw biex jappoġġjaw liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż b'mod irregolari u li jaħdmu fl-Unjoni. Madankollu, il-fatt li dan ikopri biss ħaddiema ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż b'mod irregolari huwa difett sostanzjali. Filwaqt li l-ħaddiema ta' pajjiżi terzi li jkunu qed jirrisjedu b'mod regolari jgawdu minn livell ogħla ta' protezzjoni, l-aktar minħabba d-dritt legali tagħhom li jibqgħu fl-Unjoni iżda wkoll permezz ta' mezzi oħra, dawn ukoll jistgħu jiġu sfruttati u għadhom aktar vulnerabbli miċ-ċittadini tal-Unjoni. Konsegwentement, il-Parlament Ewropew jara ħtieġa li d-Direttiva 2009/52/KE tiġi emendata biex tinforza dispożizzjoni orizzontali li ssaħħaħ l-aċċess effettiv għad-drittijiet tax-xogħol u għal rimedji effettivi permezz ta' mekkaniżmi tal-ilmenti u proċeduri legali u biex dik id-Direttiva ssir applikabbli għaċ-ċittadini kollha ta' pajjiżi terzi li jaħdmu fl-Unjoni.
Rakkomandazzjoni 9 (dwar il-ħtieġa li ssir reviżjoni tad-Direttiva 2003/109/KE)
– Id-detenturi ta' permessi ta' residenza fit-tul tal-UE jiffaċċjaw għadd ta' ostakli fl-eżerċitar tad-dritt tagħhom li jiċċaqilqu lejn Stati Membri oħra u jirrisjedu fihom għal raġunijiet ta' xogħol, studju jew raġunijiet oħrajn. Dan għaliex il-kundizzjonijiet għall-mobilità li r-residenti fit-tul tal-UE jeħtiġilhom jissodisfaw f'ħafna każijiet huma simili għall-kundizzjonijiet li ċittadini oħra ta' pajjiżi terzi jeħtiġilhom jissodisfaw għall-ewwel darba li japplikaw għal-permess fit-tul. Fl-2017, fil-25 Stat Membru marbuta bid-Direttiva 2003/109/KE, kien hemm madwar 3,1 miljun ċittadin ta' pajjiż terz li kienu detenturi ta' permess ta' residenza fit-tul tal-UE meta mqabbla ma' madwar 7,1 miljun ċittadin ta' pajjiż terz li kienu detenturi ta' permess ta' residenza fit-tul nazzjonali. Għalhekk, jista' jiġi konkluż li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi ma jużawx biżżejjed il-permess ta' residenza fit-tul tal-UE, li jfisser li ħafna minnhom ma jgawdux mill-benefiċċji li jirriżultaw mill-fatt li jkollhom l-istatus tal-Unjoni, minkejja l-fatt li huma jkunu eliġibbli. Ir-rapport ta' implimentazzjoni dwar dik id-Direttiva jindika l-fatt li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma ppromwovewx b'mod attiv l-użu tal-permessi ta' residenza fit-tul tal-UE u, b'riżultat ta' dan, ma hemm l-ebda "kundizzjonijiet ekwi" bejn l-iskema leġiżlattiva tal-Unjoni u l-ekwivalenti nazzjonali(31).
– Il-Parlament Ewropew għalhekk jikkunsidra li l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat għandu jemenda d-Direttiva 2003/109/KE biex jippermetti liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma residenti fit-tul ta' Stat Membru jirrisjedu b'mod permanenti fi Stat Membru ieħor mill-jum li fih jinħareġ il-permess tagħhom fuq termini simili għat-termini applikabbli għaċ-ċittadini tal-Unjoni. Il-Parlament Ewropew jirrakkomanda li l-Kummissjoni, fl-istess ħin, tikkunsidra emendi xierqa oħrajn għal dik id-Direttiva biex tiġi aġġornata u f'konformità ma' atti legali oħrajn aktar reċenti tal-Unjoni li jittrattaw ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qed jgħixu legalment fl-Unjoni. Il-Parlament Ewropew jitlob lill-Kummissjoni biex, bħala minimu, tinkludi fil-proposta tagħha tnaqqis fin-numru ta' snin meħtieġa għall-akkwist ta' permess ta' residenza fit-tul tal-UE minn ħames snin għal tliet snin, b'mod partikolari biex issaħħaħ il-mobilità, is-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-proċeduri. Billi tagħmel dawn l-emendi, id-Direttiva 2003/109/KE tiffaċilita l-mobilità fi ħdan l-Unjoni kif ukoll il-mobilità internazzjonali lejn u mill-Unjoni u pajjiżi terzi. Fl-aħħarnett, il-Parlament Ewropew jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni twettaq studju dwar il-kwistjoni tar-rati tad-dawran taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi fl-Unjoni sabiex tifhem aħjar ir-raġunijiet tat-tluq minn Stat Membru partikolari fl-ewwel tliet snin mill-wasla.
ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi), (ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1).
"Ageing Europe – Looking at the lives of older people in the EU" (Tixjiħ tal-Ewropa – Ħarsa lejn il-ħajja tal-persuni akbar fl-età fl-UE), Edizzjoni tal-2020.
Navarra, C. and Fernandes M. Legal migration policy and law - European Added Value Assessment, (Il-politika u l-liġi tal-migrazzjoni legali - valutazzjoni tal-valur miżjud Ewropew), Servizzi ta’ Riċerka Parlamentari Ewropej, 2021, bl-annessi I u II.
L-introduzzjoni ta' pass Ewropew tas-sigurtà soċjali għat-titjib tal-infurzar diġitali tad-drittijiet ta' sigurtà soċjali u ta' mobilità ekwa
170k
58k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2021 dwar l-introduzzjoni ta' pass Ewropew tas-sigurtà soċjali għat-titjib tal-infurzar diġitali tad-drittijiet ta' sigurtà soċjali u ta' mobilità ekwa (2021/2620(RSP))
– wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 153 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2014 dwar spezzjonijiet tax-xogħol effikaċi bħala strateġija biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Ewropa(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2017 dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar Ewropa soċjali b'saħħitha għal Tranżizzjonijiet Ġusti(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2020 dwar il-politiki tal-impjiegi u soċjali taż-żona tal-euro fl-2020(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2021 dwar it-tisħiħ tas-suq uniku: il-futur tal-moviment liberu tas-servizzi(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2021 dwar l-impatti tar-regoli tal-UE fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema u tas-servizzi: il-mobilità tal-forza tax-xogħol intra-UE bħala għodda għat-tqabbil tal-ħtiġijiet u l-ħiliet tas-suq tax-xogħol(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-protezzjoni Ewropea tal-ħaddiema transfruntiera u staġjonali fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19(7),
– wara li kkunsidra l-mistoqsija E-001132/2021 tal-25 ta' Frar 2021 u t-tweġiba bil-miktub għaliha, mogħtija mill-Kummissarju għall-Impjiegi u d-Drittijiet Soċjali f'isem il-Kummissjoni fit-28 ta' April 2021(8),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta' aġenzija(9),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/1149 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tax-Xogħol(10),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali(11),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta' sigurtà soċjali(12),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi(13),
– wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/957 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2018 li temenda d-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonar ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi(14),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta' ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta' servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern ("ir-Regolament tal-IMI")(15),
– wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2020/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2020 li tistabbilixxi regoli speċifiċi rigward id-Direttiva 96/71/KE u d-Direttiva 2014/67/UE għall-istazzjonar tax-xufiera fis-settur tat-trasport bit-triq u li temenda d-Direttiva 2006/22/KE fir-rigward ta' rekwiżiti tal-infurzar u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012(16),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2020/1054 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2020 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 fir-rigward ta' rekwiżiti minimi dwar il-ħinijiet massimi ta' sewqan kuljum u kull ġimgħa, il-pawżi minimi u l-perjodi ta' mistrieħ kuljum u kull ġimgħa u r-Regolament (UE) Nru 165/2014 fir-rigward tal-pożizzjonament permezz ta' takografi(17),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2020/1055 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2020 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1071/2009, (KE) Nru 1072/2009 u (UE) Nru 1024/2012 bl-għan li jiġu adattati għall-iżviluppi fis-settur tat-trasport bit-triq(18),
– wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/1152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar kondizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea(19),
– wara li kkunsidra s-sentenza tal-QĠUE fil-kawża C-55/18, li skontha l-Istati Membri jeħtiġilhom jirrikjedu li l-impjegaturi jistabbilixxu sistema li tippermetti li jitkejjel it-tul tal-ħin tax-xogħol ta' kuljum(20),
– wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR), ipproklamat mill-Kunsill Ewropew, mill-Parlament u mill-Kummissjoni f'Novembru 2017,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ġunju 2021 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 fir-rigward tal-istabbiliment ta' qafas għal Identità Diġitali Ewropea (COM(2021)0281), "identifikazzjoni elettronika Ewropea affidabbli u sigura",
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Marzu 2020 dwar il-linji gwida li jikkonċernaw l-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-ħaddiema matul it-tifqigħa tal-COVID-19,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Lulju 2020 dwar il-linji gwida dwar il-ħaddiema staġjonali fl-UE fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Marzu 2021 dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (COM(2021)0102),
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni ta' Pass Ewropew tas-Sigurtà Soċjali għat-titjib tal-infurzar diġitali tad-drittijiet ta' sigurtà soċjali u ta' mobilità ekwa (O-000071/2021 – B9‑0041/2021),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
A. billi l-mobilità tal-forza tax-xogħol intra-UE segwiet tendenza ta' tkabbir f'dawn l-aħħar snin; billi fl-2019, 17.9-il miljun persuna mill-EU-28 marru jgħixu f'pajjiż ieħor tal-UE; billi 13-il miljun minn dawn il-persuni li jiċċaqalqu kienu fl-età tax-xogħol u 78 % minnhom kienu impjegati; billi fl-2019 kien hemm 1.5 miljun ħaddiem transfruntier fl-UE(21); billi fl-2019 il-persuni attivi li ċċaqilqu rrappreżentaw 4.3 % tal-forza tax-xogħol totali fl-Istati Membri tal-EU-28; billi d-data tal-Kummissjoni tal-2017 tistma li x-xogħol mhux iddikjarat huwa madwar 11.6 % tal-input totali tax-xogħol fis-settur privat tal-UE u 16.4 % tal-valur miżjud gross(22); billi fl-2019 fl-UE nħarġu 4.6 miljun dokument portabbli A1 li jammontaw għal madwar 3.06 miljun ħaddiem; billi l-ħaddiema stazzjonati huma meħtieġa li jkollhom formola A1 meta jaħdmu fi Stat Membru ieħor; billi l-formola A1 tipprovdi informazzjoni rigward is-sistema tas-sigurtà soċjali li tkopri ħaddiem; billi l-formoli A1 ma jipprovdux informazzjoni aġġornata f'ħin reali rigward il-kopertura tas-sigurtà soċjali;
B. billi d-data tal-Eurofound turi li l-perjodi ta' mobilità intra-UE qed jiqsaru, b'50 % tal-persuni li jiċċaqalqu li jibqgħu fil-pajjiż ospitanti bejn sena u erba' snin; billi l-mobilità tar-ritorn żdiedet ukoll(23): għal kull erba' persuni li telqu minn Stat Membru fl-2017, tlieta rritornaw(24); billi perjodi iqsar u ripetuti ta' mobilità jagħmluha saħansitra aktar neċessarja għall-ħaddiema mobbli li jżommu rekord tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u d-drittijiet tal-pensjoni tagħhom;
C. billi l-Artikolu 48 tat-TFUE jagħti lill-Parlament u lill-Kunsill, filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, il-kompetenza li jadottaw dawk il-miżuri fil-qasam tas-sigurtà soċjali li jkunu meħtieġa sabiex jipprovdu moviment liberu għall-ħaddiema; billi għal dan l-għan, dawn jeħtiġilhom jagħmlu arranġamenti sabiex jiżguraw id-drittijiet tas-sigurtà soċjali għall-ħaddiema migranti impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom u d-dipendenti tagħhom; billi l-Artikolu 153(1) tat-TFUE jagħti lill-Unjoni l-kompetenza biex tappoġġja u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà soċjali; billi l-Artikolu 153(2) tat-TFUE jistabbilixxi li, fil-qasam tas-sigurtà soċjali, il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu, f'konformità ma' proċedura leġiżlattiva speċjali, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u mal-Kumitat tar-Reġjuni;
D. billi l-ħaddiema mobbli u ċ-ċittadini jikkontribwixxu għall-ġid tan-nisġa soċjoekonomika fir-reġjuni tal-fruntieri, li jammontaw għal 40 % tat-territorju tal-UE; billi għalhekk huwa meħtieġ li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni u kundizzjonijiet ta' mobilità ġusta għaċ-ċittadini billi jiġu pprovduti bl-għodod xierqa sabiex jiġu ggarantiti ċ-ċertezza tad-dritt, il-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom u l-kopertura tas-sigurtà soċjali; billi huwa importanti li jiġi evitat li jitqiegħed piż amministrattiv eċċessiv fuq il-kumpaniji, b'mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs);
E. billi l-Prinċipju 12 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jgħid li, irrispettivament mit-tip u mid-durata tar-relazzjoni tal-impjieg tagħhom, il-ħaddiema u, f'kundizzjonijiet komparabbli, dawk li jaħdmu għal rashom, għandhom id-dritt għal protezzjoni soċjali adegwata;
F. billi l-isfidi li jikkonċernaw il-kompetizzjoni inġusta bbażata fuq l-isfruttament tal-ħaddiema, forom frawdolenti ta' kuntratti u prattiki inġusti bħad-dumping soċjali għadhom kwistjoni madwar l-Istati Membri u huma problematiċi ħafna għall-kumpaniji, għall-ħaddiema u għas-soċjetajiet Ewropej; billi diversi forom li bihom jingħata kuntratt ta' xogħol jidhru li huma l-aktar affettwati mill-frodi; billi hemm nuqqas ta' data affidabbli biex jiġi stabbilit il-kobor tal-problema speċjalment fil-kuntest tal-istazzjonar tal-ħaddiema(25); billi waħda mill-kawżi hija n-nuqqas ta' monitoraġġ u infurzar effettiv tad-dritt tal-Unjoni applikabbli, b'mod partikolari fir-rigward tal-prinċipji ta' trattament ugwali u paga ugwali għal xogħol ugwali fl-istess post, li ma jistgħux jiġu ggarantiti jekk il-prinċipju tat-traċċabbiltà u l-portabbiltà tad-drittijiet ma jiġix irrispettat u li jeħtieġ li jitjieb;
G. billi l-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat u aggravat il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien prekarji ta' ħafna ħaddiema mobbli u transfruntiera fl-UE; billi l-kriżi tefgħet dawl fuq l-importanza ta' sistemi ta' sigurtà soċjali robusti u stabbli, li jiżguraw li ħadd ma jibqa' lura minħabba li jkun eżerċita l-libertà ta' moviment tiegħu; billi meta faqqgħet il-pandemija, il-miżuri meħuda mill-Istati Membri rriżultaw f'inċertezza tad-dritt għall-ħaddiema mobbli fir-rigward tar-regoli applikabbli dwar is-sigurtà soċjali, u ħafna minnhom sabu diffikultà biex jitolbu benefiċċji tal-qgħad b'mod remot; billi l-pandemija tefgħet dawl fuq il-vulnerabbiltajiet partikolari ta' ħaddiema mhux iddikjarati u staġjonali mingħajr kopertura tas-sigurtà soċjali, u l-abbuż u l-użu frawdolenti ta' pakketti ta' salvataġġ ta' appoġġ finanzjarju għal żmien qasir ikkawżati mill-COVID-19 wasslu għal livelli ogħla ta' xogħol mhux iddikjarat u mhux iddikjarat kollu, inklużi forom ġodda ta' appoġġ għax-xogħol mhux iddikjarat(26);
H. billi d-diġitalizzazzjoni tipprovdi opportunità bla preċedent biex tiġi ffaċilitata l-mobilità tal-forza tax-xogħol filwaqt li l-konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-UE ssir aktar rapida u aktar faċli biex tiġi kkontrollata; billi ma hemm l-ebda eżerċizzju sistematiku mifrux mal-UE kollha għall-ġbir tad-data li għandu l-għan li jipprovdi data adegwata dwar il-ħaddiema mobbli jew li jiffaċilita l-portabbiltà tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali bejn il-fruntieri permezz tal-verifika f'ħin reali tal-kopertura u tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali tal-ħaddiema minn atturi u istituzzjonijiet kompetenti; billi l-aċċess għall-informazzjoni dwar ir-regoli applikabbli kif ukoll il-konformità, il-monitoraġġ u l-infurzar effikaċi huma prekundizzjonijiet meħtieġa ta' mobilità ġusta u l-ġlieda kontra l-abbużi; billi t-teknoloġija diġitali, li tista' tiffaċilita s-superviżjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni, filwaqt li tissalvagwardja d-drittijiet tal-ħaddiema mobbli u tnaqqas l-ispejjeż amministrattivi għall-kumpaniji u l-istituzzjonijiet nazzjonali, għandha għalhekk tiġi promossa u użata f'konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data;
I. billi forom differenti ta' karti nazzjonali jew strumenti komparabbli fil-qasam tal-liġi tax-xogħol ġew żviluppati mis-sħab soċjali nazzjonali f'diversi setturi fl-Istati Membri, jew b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali jew minn awtoritajiet nazzjonali; billi dawn l-inizjattivi varji għandhom karatteristika essenzjali komuni: numru ta' identifikazzjoni jew karta personali li jipprovdu lill-ħaddiema, lill-awtoritajiet u lill-fornituri ewlenin bi strument effettiv li jiżgura kopertura tas-sigurtà soċjali u pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti fuq il-postijiet tax-xogħol; billi dawn l-inizjattivi joħolqu għarfien dwar il-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol għall-ħaddiema kollha u jtejbu l-infurzar;
J. billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2014 dwar spezzjonijiet tax-xogħol effikaċi, il-Parlament stieden lill-Kummissjoni tinvestiga l-benefiċċji tal-introduzzjoni ta' karta tas-sigurtà soċjali Ewropea li ma tistax tiġi ffalsifikata jew dokument elettroniku ieħor fl-UE kollha fil-livell Ewropew, li fuqhom jistgħu jinħażnu d-data kollha meħtieġa biex tiġi vverifikata r-relazzjoni ta' impjieg tad-detentur, bħal dettalji dwar l-istatus tas-sigurtà soċjali u l-ħinijiet tax-xogħol, u li jkunu soġġetti għal regoli stretti dwar il-protezzjoni tad-data; billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2017 dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-Parlament indika l-potenzjal ta' soluzzjonijiet aċċessibbli tal-gvern elettroniku, possibbilment bl-inklużjoni ta' karta tas-sigurtà soċjali Ewropea, b'garanziji ta' protezzjoni tad-data b'saħħithom, li jistgħu jtejbu l-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-UE u l-għarfien individwali; billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2020 dwar il-politiki tal-impjiegi u soċjali taż-żona tal-euro 2020, il-Parlament stieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għal numru diġitali tas-sigurtà soċjali tal-UE wara valutazzjoni tal-impatt xierqa u bbażata fuq il-fatti; billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar Ewropa soċjali b'saħħitha għal Tranżizzjonijiet Ġusti, il-Parlament stieden għal darb'oħra lill-Kummissjoni tressaq proposta għal numru diġitali tas-sigurtà soċjali Ewropew (NSSE) u għal mekkaniżmu ta' kontroll potenzjali bħalma hija karta tal-impjieg personali, u sostna li l-ħaddiema u r-rappreżentanti u l-ispettorati tagħhom jeħtiġilhom li jkollhom aċċess aġġornat għall-informazzjoni dwar min iħaddimhom, l-intitolamenti tal-pagi, id-drittijiet tax-xogħol u d-drittijiet soċjali tagħhom; billi r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2021 dwar il-mobilità tal-forza tax-xogħol intra-UE, il-Parlament saħaq li d-diġitalizzazzjoni tal-iskambji tad-data bejn l-Istati Membri tista' tiffaċilita l-moviment liberu tal-ħaddiema fuq bażi ġusta u ekwa kif ukoll tiżgura l-infurzar tar-regoli rilevanti tal-Unjoni;
K. billi l-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni għall-2018, bid-data tal-24 ta' Ottubru 2017, ħabbar l-intenzjoni li jiġi introdott NSSE bil-għan li jikkontribwixxi għall-objettiv ġenerali li jiġu ssalvagwardjati kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti għall-ħaddiema mobbli, jiġu rrispettati l-istandards soċjali għaċ-ċittadini mobbli kollha u jiġi żgurat l-infurzar xieraq tagħhom; billi l-Kummissjoni kkonsultat lill-partijiet ikkonċernati u liċ-ċittadini dwar l-introduzzjoni ta' NSSE bejn is-27 ta' Novembru 2017 u s-7 ta' Jannar 2018; billi l-Kummissjoni, fil-valutazzjoni tal-impatt tal-bidu tagħha tal-2017 għal NSSE, f'perspettiva aktar fit-tul, ipprevediet ukoll il-possibbiltà li l-użu tan-NSSE jiġi estiż għal oqsma oħra ta' politika lil hinn mill-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali; billi l-Kummissjoni kkonfermat fl-Istħarriġ tal-Piż Annwali tagħha tal-2019, ippubblikat fit-13 ta' Awwissu 2020, li kienet qed taħdem fuq inizjattiva dwar NSSE; billi l-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen ħabbret fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni Ewropea fis-16 ta' Settembru 2020 li l-Kummissjoni dalwaqt se tipproponi sistema ta' identità elettronika Ewropea affidabbli u sigura; billi l-Kummissjoni ħabbret fil-pjan ta' azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li se tvara proġett pilota fl-2021 biex tesplora t-tnedija ta' pass Ewropew tas-sigurtà soċjali (ESSP) sal-2023, li jibni fuq l-inizjattiva għal identifikazzjoni elettronika Ewropea;
L. billi l-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions tqis in-NSSE bħala strument siewi għall-ġlieda kontra l-frodi u l-abbużi tas-sigurtà soċjali; billi fit-12 ta' Jannar 2018 Business Europe ppubblikat nota li tisħaq fuq il-potenzjal tan-NSSE li jtejjeb il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali fl-UE, filwaqt li indirizzat ukoll it-tħassib relatat mad-diversità tas-sistemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali, kwistjonijiet possibbli ta' protezzjoni tad-data u piżijiet amministrattivi addizzjonali; billi s-sħab soċjali fis-settur tal-kostruzzjoni appellaw għal għodod diġitali effettivi biex jiġi żgurat l-infurzar tal-leġiżlazzjoni applikabbli, inkluż approċċ Ewropew għall-karti tax-xogħol personali(27);
M. billi l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA) ġiet stabbilita f'Ġunju 2019; billi n-NSSE mhuwiex inkluż fir-Regolament ELA; billi l-objettiv tal-ELA huwa li tiżgura mobilità tal-forza tax-xogħol ġusta billi tassisti lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni fl-applikazzjoni u l-infurzar effettivi tagħhom tal-liġi tal-Unjoni relatata mal-mobilità tal-forza tax-xogħol u l-koordinazzjoni tas-sistema tas-sigurtà soċjali;
1. Ifakkar li mill-2014 il-Parlament stieden lill-Kummissjoni f'diversi okkażjonijiet biex tinvestiga l-benefiċċji tal-introduzzjoni ta' proposta leġiżlattiva għal NSSE sabiex jinħoloq strument diġitali għall-UE kollha għall-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali u għas-salvagwardja tal-mobilità tal-forza tax-xogħol ġusta għall-ħaddiema mobbli; jesprimi d-dispjaċir tiegħu li l-Kummissjoni ma ppreżentatx proposta għal NSSE minkejja li ħadet diversi impenji biex tagħmel dan; itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tagħti spjegazzjoni għaliex ma għamlitx dan;
2. Jistieden lill-Kummissjoni tikkondividi mal-Parlament l-abbozz ta' valutazzjoni tal-impatt tan-NSSE li ġie ppreżentat lill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (RSB) fl-2017/2018 u tikkondividi l-opinjoni tal-RSB dwar dan l-abbozz ta' valutazzjoni tal-impatt; jistieden lill-Kummissjoni tikkondividi mal-Parlament kwalunkwe dokument ieħor li jkun kkontribwixxa għad-deċiżjoni tagħha li ma tmexxix bil-proposta għal NSSE;
3. Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni fil-pjan ta' azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali biex tvara proġett pilota ħalli tesplora t-tnedija ta' ESSP diġitali; jilqa' t-tnedija ta' proġetti pilota li jesploraw soluzzjonijiet diġitali u jistieden lill-Kummissjoni tinforma kif xieraq lill-Parlament dwar ir-riżultati u d-diffikultajiet possibbli li wieħed jiffaċċja matul il-fażi ta' implimentazzjoni; jissottolinja li l-proġett pilota tal-ESSP jeħtieġ li jkollu enfasi qawwija fuq is-salvagwardja tal-mobilità ġusta; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-ambizzjoni tagħha kemm fir-rigward tal-kontenut kif ukoll taż-żmien, filwaqt li tniedi valutazzjoni xierqa b'mod parallel mal-proġett pilota bbażata fuq il-ħidma li saret sa issa bil-ħsieb li titnieda proposta leġiżlattiva dwar l-ESSP qabel tmiem l-2022, sabiex jiġu żgurati l-portabbiltà u t-traċċabbiltà tad-drittijiet tal-ħaddiema mill-aktar fis possibbli;
4. Jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' qafas għal identità diġitali Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni taġġorna lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni tal-identifikazzjoni elettronika; iqis li l-inizjattiva tal-ESSP, li hija maħsuba li tiġi ankrata fil-qafas tal-identifikazzjoni elettronika, għandha tkun obbligatorja għall-Istati Membri kollha;
5. Jindika r-rwol li għandhom il-ħaddiema mobbli matul il-pandemija tal-COVID-19, speċjalment f'ċerti setturi ewlenin, u l-ħtieġa urġenti li dawn il-ħaddiema jiġu ggarantiti mhux biss kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti iżda wkoll kundizzjonijiet ugwali għal xogħol ta' valur ugwali li jsir fl-istess post;
6. Iqis li l-introduzzjoni ta' inizjattiva tal-ESSP għandu jkollha l-għan li: tiżgura l-identifikazzjoni effettiva, it-traċċabbiltà, l-aggregazzjoni u l-portabbiltà tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali; ittejjeb l-infurzar tar-regoli tal-UE dwar il-mobilità tal-forza tax-xogħol u l-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali fis-suq tax-xogħol b'mod ġust u effettiv biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fl-UE; tippermetti l-verifika f'ħin reali tal-istatus tal-assigurazzjoni tal-ħaddiema mobbli u l-kontribuzzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti bħall-ispettorati tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali u s-sħab soċjali, fejn dawn ikunu qed iwettqu jew ikunu involuti fi spezzjonijiet tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali; tipprevjeni b'mod aħjar il-prattiki inġusti bħall-abbuż u l-frodi soċjali, u għalhekk tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat u n-nuqqas ta' konformità mal-mekkaniżmi tal-iffissar tal-pagi stabbiliti fil-pajjiż ospitanti u l-obbligi relatati mal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali; jissottolinja li ESSP jagħmilha wkoll aktar faċli għall-ħaddiema biex isegwu u jitolbu l-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali tagħhom, bħad-drittijiet tal-pensjoni, filwaqt li jiffaċilita l-portabbiltà tagħhom; jisħaq li l-ESSP, li jibni fuq l-identifikazzjoni elettronika Ewropea, għandu jinkludi kemm element ta' identifikazzjoni taċ-ċittadini u l-ħaddiema mobbli kif ukoll element ta' verifika f'ħin reali tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali tagħhom;
7. Jissottolinja li inizjattiva ta' ESSP għandu jkollha l-għan li tissalvagwardja d-drittijiet soċjali billi tiffaċilita l-informazzjoni u ttejjeb l-infurzar tar-regoli applikabbli dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali u l-mobilità tal-forza tax-xogħol f'sitwazzjonijiet transfruntiera; iqis li l-proposta tal-Kummissjoni għal inizjattiva ta' ESSP għandha ġġib benefiċċji ċari għall-partijiet ikkonċernati kollha involuti fil-proċess tal-mobilità bħaċ-ċittadini u l-ħaddiema mobbli, in-negozji, inklużi l-SMEs, min iħaddem, u t-trade unions, kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali bħall-ispettorati tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali; huwa tal-fehma li inizjattiva ta' ESSP għandu jkollha l-għan li tissimplifika l-interazzjonijiet u li tressaq lil dawn il-partijiet ikkonċernati f'sitwazzjonijiet transfruntiera eqreb ta' xulxin, bl-objettiv li tipproteġi aħjar liċ-ċittadini u lill-ħaddiema mobbli u d-drittijiet tagħhom, u li tipprovdi informazzjoni ċara lil dawn il-partijiet ikkonċernati kollha sabiex tittejjeb il-prevedibbiltà u l-proċeduri amministrattivi jimxu bla xkiel u b'mod effiċjenti fir-rigward tal-ħin; ifakkar li inizjattiva ta' ESSP trid tkun konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u għalhekk mingħajr preġudizzju għas-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali u d-diversità tagħhom, filwaqt li tirrispetta t-tradizzjonijiet ta' kull Stat Membru, il-mudelli tas-suq tax-xogħol nazzjonali u l-awtonomija tas-sħab soċjali; jissottolinja li inizjattiva ta' ESSP ma tridx tikkostitwixxi rekwiżit biex wieħed ikun jista' jeżerċita l-libertà ta' moviment tiegħu, iżda jrid ikollha l-għan li tiffaċilita l-aċċess għall-informazzjoni u ttejjeb l-infurzar tar-regoli applikabbli dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali u l-mobilità tal-forza tax-xogħol f'sitwazzjonijiet transfruntiera;
8. Jistieden lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-ELA u wara valutazzjoni xierqa, tressaq proposta leġiżlattiva għal ESSP bil-għan li tipprovdi lill-awtoritajiet nazzjonali bħall-ispettorati tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali u bħas-sħab soċjali, fejn ikunu qed iwettqu jew ikunu involuti fi spezzjonijiet tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali, bi strument f'ħin reali biex il-liġi nazzjonali u tal-UE tiġi infurzata b'mod effettiv; jemmen li l-ESSP għandu jippermetti verifika f'ħin reali tal-post tax-xogħol tal-ħaddiema, tal-post tal-impjieg, tar-relazzjoni tal-impjieg u tal-identità, kif ukoll il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali standardizzati, id-dispożizzjonijiet u ċ-ċertifikati kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 883/2004; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltà li l-ESSP ikun jippermetti kontrolli ta' informazzjoni rilevanti oħra mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data u filwaqt li jiġi żgurat trattament ugwali;
9. Jemmen li l-ESSP irid ikopri ċ-ċittadini u l-ħaddiema mobbli kollha tal-UE inklużi dawk li jaħdmu għal rashom, kif ukoll iċ-ċittadini mobbli mhux tal-UE kollha li huma koperti mir-regoli tal-UE dwar il-mobilità intra-UE;
10. Iqis li l-introduzzjoni ta' ESSP għandha tinkludi sistema ta' verifika f'ħin reali u kontroll ta' monitoraġġ u skambju ta' informazzjoni permezz ta' riferiment inkroċjat bejn bażijiet tad-data nazzjonali f'konformità stretta mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data personali, sabiex tkun kompletament funzjonali u biex jinżamm livell għoli ta' affidabbiltà tad-data u ta' ċertifikazzjoni tal-identifikaturi, u jiġu evitati l-iżbalji u l-użu frawdolenti; jisħaq li s-sigurtà soċjali u d-data personali għandhom ikunu disponibbli biss għall-persuna u għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kkonċernati, u ma għandhomx jiġu kondiviżi għal kwalunkwe skop ieħor għajr l-infurzar tar-regoli tal-UE dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali u l-mobilità tal-forza tax-xogħol intra-UE f'konformità stretta mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data; iqis li fl-Istati Membri fejn is-sħab soċjali qed iwettqu jew huma involuti fl-ispezzjonijiet tax-xogħol, l-aċċess għad-data tas-sigurtà soċjali tal-ħaddiema minn Stati Membri oħra jrid jiġi żgurat għas-sħab soċjali mingħajr ma tiġi pperikolata l-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data;
11. Jilqa' l-inizjattivi f'diversi Stati Membri biex jittejjeb l-infurzar effettiv tad-dritt tal-Unjoni permezz tal-użu ta' karti nazzjonali jew strumenti komparabbli fil-qasam tal-liġi tax-xogħol(28); jisħaq li filwaqt li dawn l-inizjattivi nazzjonali joħolqu sensibilizzazzjoni dwar il-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema kollha u jtejbu l-infurzar, dawn ma jistgħux jiffaċilitaw skambju ta' informazzjoni valida u preċiża, inklużi r-relazzjonijiet u d-drittijiet tal-impjieg minn naħa għal oħra tal-fruntieri; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-inizjattiva tal-ESSP tagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri jużaw l-informazzjoni li tkun saret disponibbli permezz tat-titjib fil-possibbiltajiet ta' identifikazzjoni u verifika pprovduti mill-karti nazzjonali jew minn strumenti komparabbli fil-qasam tal-liġi tax-xogħol f'pajjiżi fejn jeżistu dawn l-inizjattivi; jisħaq li l-ESSP ma għandux jissostitwixxi l-karti nazzjonali jew l-istrumenti komparabbli fil-qasam tal-liġi tax-xogħol iżda għandu jkun komplementari għal dawn il-prattiki nazzjonali, u jipprovdi biss l-informazzjoni rilevanti lill-awtoritajiet xierqa; iżid li dan irid ikun mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tas-sħab soċjali nazzjonali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol stabbiliti mill-ftehimiet kollettivi applikabbli f'konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali; jemmen li l-ESSP u l-integrazzjoni tiegħu mal-karti nazzjonali jew ma' strumenti komparabbli fil-qasam tal-liġi tax-xogħol fejn jeżistu jistgħu jkunu bażi għal sforzi futuri ta' infurzar fil-livell tal-UE;
12. Jemmen li l-ħaddiema, is-sħab soċjali u l-ispettorati nazzjonali tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali kollha għandu jkollhom aċċess aġġornat għall-informazzjoni dwar ir-relazzjonijiet tal-impjieg, l-intitolamenti tal-pagi u d-drittijiet tax-xogħol u soċjali, f'konformità mal-ftehim kollettiv jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli;
13. Jinnota li d-dokument portabbli (PD) A1 huwa importanti iżda attwalment huwa l-uniku strument għall-verifika tal-kopertura tas-sigurtà soċjali tal-ħaddiema mobbli; jirrikonoxxi l-limitazzjonijiet u l-isfidi relatati mal-proċedura PD A1 b'mod partikolari fir-rigward tal-użu tal-formoli PD A1 mill-impjegaturi, li jiddependi mil-livell ta' diġitalizzazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali fl-Istati Membri, kif ukoll il-verifika tagħhom mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-kuntest tal-forniment ta' servizzi fi Stat Membru ieħor, iżda wkoll għall-kisba ta' informazzjoni preċiża dwar in-numru u l-karatteristiċi tal-ħaddiema stazzjonati fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jtejbu l-proċess ta' verifika tal-formoli tal-PD A1 u jemmen li jridu jiġu żviluppati proċeduri rapidi bejn l-Istati Membri biex jiġu indirizzati ċertifikati PD A1 miksuba jew użati b'mod frawdolenti; jinnota li l-limitazzjonijiet u l-isfidi relatati mal-PD A1 huma ostaklu għall-kisba ta' informazzjoni preċiża dwar l-għadd u l-karatteristiċi tal-ħaddiema stazzjonati fl-UE; jindika li l-inizjattiva ESSP tipprovdi informazzjoni f'ħin reali dwar il-kopertura tas-sigurtà soċjali tal-ħaddiema mobbli fil-jum ta' spezzjoni tax-xogħol fl-Istat Membru ospitanti; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-proġett pilota tal-ESSP jiffaċilita l-kopertura tas-sigurtà soċjali bis-simplifikazzjoni tal-proċeduri fuq talba, il-ħruġ u l-verifika tal-PD A1 sabiex tiġi miġġielda l-frodi;
14. Iqis li l-ESSP għandu jibni fuq l-identifikazzjoni elettronika Ewropea, il-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa (EHIC) u l-Iskambju Elettroniku ta' Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali (EESSI) u jikkomplementahom, inkluż bil-ħsieb li jiġi estiż għal oqsma oħra ta' koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali u l-liġi tax-xogħol tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-EESSI jsir kompletament funzjonali malajr kemm jista' jkun u biex jagħmlu użu mill-opportunitajiet ipprovduti mill-fondi eżistenti tal-UE ħalli jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex jimplimentaw bis-sħiħ l-EESSI u tiġi approfondita d-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, jiġi ffaċilitat l-iskambji bejn l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, jitħaffef it-trattament ta' każijiet individwali u tittejjeb il-kapaċità ta' infurzar tal-ELA u tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali rilevanti; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara r-rwol li l-ELA se jkollha fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-ESSP; jissottolinja li ż-żieda fid-diġitalizzazzjoni ma tridx iddgħajjef is-salvagwardji nazzjonali li diġà huma stabbiliti biex tiġi miġġielda l-frodi soċjali;
15. Jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera mill-qrib mas-sħab soċjali u mal-istituzzjonijiet nazzjonali tas-sigurtà soċjali u mal-ispettorati tax-xogħol rilevanti fir-rigward tal-iżvilupp u l-introduzzjoni ta' inizjattiva tal-ESSP, filwaqt li tiżgura rispett sħiħ għall-awtonomija tas-sħab soċjali u l-mudelli nazzjonali tas-suq tax-xogħol; iqis li ESSP b'aċċess għad-data f'ħin reali jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u lis-sħab soċjali jivverifikaw il-kopertura tas-sigurtà soċjali għall-ħaddiema fi kwalunkwe ħin partikolari u b'hekk isaħħaħ l-ispezzjonijiet tax-xogħol u l-appoġġ għall-ġbir ta' evidenza fi spezzjonijiet tax-xogħol transfruntiera konġunti(29);
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
Il-Kummissjoni Ewropea, Annual Report on Intra-EU Labour Mobility 2020 (Rapport Annwali tal-2020 dwar il-Mobilità tal-Forza tax-Xogħol Intra-UE), it-8 ta' Jannar 2021. https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=738&langId=en&pubId=8369
Il-Kummissjoni Ewropea, Evaluation of the scale of undeclared work in the European Union and its structural determinants, (Evalwazzjoni tal-iskala tax-xogħol mhux iddikjarat fl-Unjoni Ewropea u d-determinanti strutturali tagħha), Novembru 2017. https://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=19002&langId=en
Eurofound, Tackling labour shortages in EU Member States (L-indirizzar tan-nuqqas ta' ħaddiema fl-Istati Membri tal-UE), Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2021. https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=738&langId=en&pubId=8369
Il-Kummissjoni Ewropea, Annual Report on Intra-EU Labour Mobility 2020, it-8 ta' Jannar 2021. https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=738&langId=en&pubId=8369
Eurofound, Exploring the fraudulent contracting of work in the European Union, (L-esplorazzjoni tal-ikkuntrattar frawdolenti tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea), l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, il-21 ta' Novembru 2016.
Pjattaforma Ewropea li tindirizza x-xogħol mhux iddikjarat, COVID 19: combating fraud in short-term financial support schemes (COVID 19: il-ġlieda kontra l-frodi fi skemi ta' appoġġ finanzjarju għal żmien qasir), Mejju 2021. https://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=24072&langId=en
Id-Dikjarazzjoni tal-EFBWW u l-FIEC, EU construction social partners call for digital enforcement (Is-sħab soċjali fil-qasam tal-kostruzzjoni tal-UE jappellaw għal infurzar diġitali), l-24 ta' Ġunju 2021. https://www.efbww.eu/news/eu-construction-social-partners-call-for-digital-enforcement/2657-a
Ir-Rapport tal-EFBWW-FIEC, Social identity cards in the European construction industry, (Il-karti tal-identità soċjali fl-industrija Ewropea tal-kostruzzjoni), 2015.
Eurofound, Joint cross-border labour inspections and evidence gathered in their course (Spezzjonijiet tax-xogħol transfruntiera konġunti u evidenza miġbura matul il-kors tagħhom), 2019.
Negozjati multilaterali fid-dawl tat-12-il Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Ġinevra, mit-30 ta' Novembru sat-3 ta' Diċembru 2021
153k
55k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2021 dwar in-negozjati multilaterali fid-dawl tat-12-il Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Ġinevra, mit-30 ta' Novembru sat-3 ta' Diċembru 2021 (2021/2769(RSP))
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Marrakesh tal-15 ta' April 1994 li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Doha tad-WTO tal-14 ta' Novembru 2001(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-WTO, b'mod partikolari dawk tal-15 ta' Novembru 2017 dwar in-negozjati multilaterali fid-dawl tal-11-il Konferenza Ministerjali tad-WTO(2), tad-29 ta' Novembru 2018 bit-titolu "WTO: the way forward" (Id-WTO: it-triq 'il quddiem)(3) u tat-28 ta' Novembru 2019 dwar il-kriżi tal-Korp tal-Appell tad-WTO(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2021 dwar l-aċċellerazzjoni tal-progress u l-indirizzar tal-inugwaljanzi biex, sal-2030, l-AIDS ma jibqax theddida għas-saħħa pubblika(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2021 bit-titolu "L-indirizzar tal-isfida globali tal-COVID-19: l-effetti tas-sospensjoni tal-Ftehim TRIPS tad-WTO fuq il-vaċċini kontra l-COVID-19, it-trattament, it-tagħmir u ż-żieda fil-kapaċità ta' produzzjoni u manifattura fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw"(6),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' eżitu adottat b'kunsens fis-7 ta' Diċembru 2018 waqt is-Sessjoni Annwali tal-Konferenza Parlamentari dwar id-WTO f'Ġinevra(7),
– wara li kkunsidra r-riżultati tal-11-il Konferenza Ministerjali li saret fi Buenos Aires f'Diċembru 2017, li tinkludi sensiela ta' deċiżjonijiet ministerjali, u li fiha ma kienx possibbli li tiġi adottata dikjarazzjoni ministerjali,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Buenos Aires dwar in-Nisa u l-Kummerċ tat-12 ta' Diċembru 2017, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet konġunti dwar il-kummerċ elettroniku, il-faċilitazzjoni tal-investiment u l-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (SMEs), adottati fi Buenos Aires fit-13 ta' Diċembru 2017,
– wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (SDGs),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi fi ħdan il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), li ilu japplika minn Novembru 2016,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta dwar il-laqgħa trilaterali tal-ministri tal-kummerċ tal-Istati Uniti, il-Ġappun u l-Unjoni Ewropea adottata fl-14 ta' Jannar 2020,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Ministerjali ta' Bali tas-7 ta' Diċembru 2013 dwar iż-żamma tal-ħażniet pubbliċi għal finijiet ta' sigurtà tal-ikel,
– wara li kkunsidra d-dokument kunċettwali tal-Kummissjoni tat-18 ta' Settembru 2018 dwar il-modernizzazzjoni tad-WTO,
– wara li kkunsidra r-Rieżami tal-Politika Kummerċjali tal-Kummissjoni u l-anness tagħha bit-titolu "Ir-riforma tad-WTO: Lejn sistema kummerċjali multilaterali sostenibbli u effettiva'',
– wara li kkunsidra l-Inizjattiva Kummerċjali u tas-Saħħa tal-Grupp ta' Ottawa(8),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-UE lill-Kunsill Ġenerali tad-WTO tal-4 ta' Ġunju 2021 dwar ir-risponsi urġenti tal-politika kummerċjali għall-kriżi tal-COVID-19,
– wara li kkunsidra s-sitt rapport ta' valutazzjoni tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC)(9),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali,
A. billi d-WTO nħolqot biex tkompli l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ ta' oġġetti u servizzi, issaħħaħ il-multilateraliżmu u trawwem sistema kummerċjali multilaterali miftuħa, inklużiva, ibbażata fuq ir-regoli u mhux diskriminatorja; billi l-kummerċ huwa essenzjali u strument ewlieni għall-appoġġ u l-ikkomplementar tal-isforzi biex isir progress fit-tkabbir sostenibbli u jittejbu l-istandards tal-għajxien, jiġu żgurati livell massimu ta' impjiegi u volum kbir u li qed jikber b'mod kostanti ta' introjtu reali f'konformità mal-objettiv tal-iżvilupp sostenibbli;
B. billi s-sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli bħalissa qed tiffaċċja kriżi serja, li thedded il-funzjonijiet bażiċi tal-organizzazzjoni, jiġifieri l-istabbiliment tar-regoli u l-istruttura essenzjali għall-kummerċ internazzjonali u l-iżgurar ta' riżoluzzjoni u infurzar effettivi tat-tilwim;
C. billi mill-11 ta' Diċembru 2019, il-Korp tal-Appell tad-WTO ma baqax jopera, u dan wassal biex jitwaqqaf l-istadju tal-appell funzjonali, indipendenti u imparzjali;
D. billi d-WTO għandha mandat ċar skont l-SDG 14.6 biex tinvolvi ruħha f'negozjati dwar is-sussidji tas-sajd sabiex jinstab ftehim li jipprojbixxi ċerti forom ta' sussidji tas-sajd li jikkontribwixxu għall-kapaċità żejda tal-flotta u għas-sajd eċċessiv, bil-għan li titrawwem il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd;
E. billi l-pandemija tal-COVID-19 ħolqot sfidi uniċi għas-sistema kummerċjali multilaterali filwaqt li poġġiet il-kwistjoni kruċjali tal-kummerċ u s-saħħa fuq l-aġenda;
F. billi minkejja restrizzjonijiet evidenti jew latenti fuq l-esportazzjoni, f'termini ġenerali, il-kummerċ u s-sistema multilaterali kellhom rwol pożittiv fl-indirizzar tal-pandemija; billi l-pandemija żvelat ukoll dgħufijiet u vulnerabbiltajiet, b'mod partikolari fil-ktajjen tal-provvista essenzjali; billi, f'dan il-kuntest, il-funzjoni ta' monitoraġġ tad-WTO wriet li kienet utli biex tinsisti li l-membri jipprovdu trasparenza dwar il-kummerċ u l-miżuri relatati mal-kummerċ meħuda fil-kuntest tal-COVID-19;
G. billi t-12-il Konferenza Ministerjali tad-WTO (MC12) se ssir f'Ġinevra, l-Iżvizzera, mit-30 ta' Novembru sat-3 ta' Diċembru 2021;
1. Itenni l-impenn sħiħ tiegħu għall-valur dejjiemi tal-multilateraliżmu u jissottolinja li sistema multilaterali li tirregola l-kummerċ hija essenzjali; jappella għal aġenda kummerċjali bbażata fuq kummerċ ġust u bbażat fuq ir-regoli għall-benefiċċju ta' kulħadd, li tikkontribwixxi għal tkabbir ekonomiku sostenibbli u għall-prosperità, u b'hekk issaħħaħ il-paċi u s-sigurtà; jenfasizza l-importanza tal-SDGs, id-drittijiet soċjali, ambjentali u tal-bniedem, u li jiġi żgurat li r-regoli miftiehma u armonizzati b'mod multilaterali, jiġu applikati minn kulħadd;
2. Iwissi li d-WTO tinsab f'riskju li titlef il-leġittimità jekk mhux il-membri kollha jimpenjaw ruħhom biex jinkiseb eżitu ta' suċċess tal-MC12; jemmen li l-MC12 għandha tkun il-punt tat-tluq uffiċjali għall-avvanz u l-immodernizzar tad-WTO biex jiġi żgurat li jista' jkollha rwol fl-indirizzar tal-isfidi tas-seklu 21, inklużi kwistjonijiet bħat-tibdil fil-klima u s-sostenibbiltà; iħeġġeġ, fid-dawl tal-irkupru ta' wara l-COVID-19, lill-membri kollha jżidu l-isforzi tagħhom biex jiffukaw fuq ftit eżiti tanġibbli ewlenin li juru li d-WTO tista' tindirizza l-isfidi attwali; jitlob lill-membri jilħqu, bħala minimu, ftehim multilaterali dwar il-projbizzjoni ta' sussidji tas-sajd mhux sostenibbli, kif ukoll dwar ir-rispons għall-pandemija, pakkett limitat dwar l-agrikoltura, u dwar it-tnedija ta' ħidma lejn riforma istituzzjonali, inkluż proċess li jwassal għal sistema għas-soluzzjoni tat-tilwim li tiffunzjona bis-sħiħ sa mhux aktar tard mill-MC13; iwissi lill-membri kollha li mingħajr eżiti sostanzjali fl-MC12 xi membri jistgħu jfittxu fora alternattivi għat-tfassil tar-regoli, li jistgħu jipperikolaw il-futur tas-sistema kummerċjali multilaterali; jilqa' l-ħatra tad-Direttur Ġenerali ġdid tad-WTO Ngozi Okonjo-Iweala, u jfaħħar l-impenn kbir tagħha f'dak li huwa l-multilateraliżmu;
3. Jisħaq fuq l-importanza kruċjali għall-kredibbiltà tad-WTO bħala istituzzjoni multilaterali li jintlaħaq ftehim dwar sussidji tas-sajd dannużi li effettivament iwassal għal tnaqqis immedjat u sinifikanti f'ċerti forom ta' sussidji tas-sajd li jikkontribwixxu għall-kapaċità żejda u għas-sajd eċċessiv, u jelimina sussidji li jikkontribwixxu għal sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) sabiex jiġi żgurat l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar; jenfasizza f'dan ir-rigward il-prinċipju ta' responsabbiltajiet komuni iżda differenzjati skont id-daqs tas-sussidji dannużi, filwaqt li tiġi rrispettata l-ħtieġa ta' trattament speċjali u differenzjat f'konformità mal-SDG 14.6; jindika li aktar minn 39 miljun persuna jiddependu direttament mis-sajd tal-qbid, filwaqt li ħafna miljuni jiddependu aktar minnu fl-industriji downstream; iqis ftehim bħal dan essenzjali mhux biss għall-kredibbiltà tad-WTO biex tilħaq ftehimiet multilaterali, iżda anki bħala prerekwiżit biex tintwera r-rabta b'saħħitha bejn is-sistema kummerċjali multilaterali u l-SDGs; jisħaq fuq l-importanza li l-UE tispjega l-pożizzjoni u r-regoli interni tagħha sabiex iżżid il-kredibbiltà tagħha;
4. Jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tal-politika kummerċjali matul il-pandemija tal-COVID-19; itenni r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2021 bit-titolu "L-indirizzar tal-isfida globali tal-COVID-19: l-effetti tas-sospensjoni tal-Ftehim TRIPS tad-WTO fuq il-vaċċini kontra l-COVID-19, it-trattament, it-tagħmir u ż-żieda fil-kapaċità ta' produzzjoni u manifattura fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw"; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li jitfassal ftehim bażiku li għandu l-għan li jelimina t-tariffi fuq il-prodotti farmaċewtiċi u mediċi, jabolixxi r-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni, u fuq dixxiplini dwar it-trasparenza u l-kooperazzjoni globali fi żminijiet ta' kriżi, f'dikjarazzjoni ministerjali f'konformità mal-Inizjattiva Kummerċjali u tas-Saħħa; jemmen li tali ftehim huwa tal-akbar importanza biex tintwera r-rilevanza tad-WTO; jitlob li jitwaqqaf Kumitat permanenti ġdid għall-Kummerċ u s-Saħħa fl-MC12 sabiex jgħin lill-gvernijiet bl-implimentazzjoni tal-eċċezzjonijiet u l-flessibbiltajiet eżistenti fil-liġi kummerċjali internazzjonali u biex iwitti t-triq għal pilastru kummerċjali għan-negozjati dwar trattat internazzjonali futur dwar ir-rispons għall-pandemija; jemmen li ħafna pajjiżi, speċjalment dawk li qed jiżviluppaw, jiffaċċjaw diffikultajiet fl-użu tal-flessibbiltajiet tat-TRIPS, b'mod partikolari l-Artikolu 31(b); ifakkar li l-UE għandha tipparteċipa b'mod attiv f'negozjati bbażati fuq it-testi dwar eżenzjoni temporanja minn TRIPS; jitlob, f'dan ir-rigward, li l-UE tappoġġja l-għoti ta' eżenzjoni temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet tal-ftehim TRIPS għall-COVID-19, sabiex jittejjeb l-aċċess globali f'waqtu għal vaċċini, terapiji u dijanjostika affordabbli tal-COVID-19 billi jiġu indirizzati r-restrizzjonijiet tal-produzzjoni globali u n-nuqqasijiet fil-provvista;
5. Jistieden lill-membri kollha tad-WTO jirrispettaw l-impenji tagħhom dwar it-trasparenza fil-pilastri agrikoli kollha, kif ukoll jaqblu dwar titjib sistematiku kif issuġġerit fil-proposta kosponsorjata tal-UE għal deċiżjoni ministerjali dwar it-titjib fit-trasparenza fil-qasam tal-agrikoltura fid-dokument JOB/AG/213; jisħaq fuq l-importanza li jiġi adottat pjan ta' ħidma dwar l-appoġġ domestiku li jfixkel il-kummerċ, inkluża soluzzjoni permanenti dwar iż-żamma tal-ħażniet pubbliċi skont il-mandat tad-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Bali, b'sistema obbligatorja ta' notifiki mibnija fuq mekkaniżmu effettiv ta' assistenza teknika u bini tal-kapaċitajiet biex jiġi żgurat li l-programmi ta' ħżin ikunu proporzjonati u jikkonformaw mal-objettiv tas-sigurtà tal-ikel u jiġu mminimizzati d-distorsjonijiet tal-kummerċ u l-konsegwenzi negattivi għas-sigurtà tal-ikel ta' membri oħra; jisħaq li l-Ftehim dwar l-Agrikoltura jrid jiġi adattat biex jilqa' għall-isfidi tal-lum u jiżgura kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni aktar ġusti billi jqis il-modalitajiet ta' produzzjoni; jappoġġja lid-Direttur Ġenerali Okonjo-Iweala fl-appell tagħha għal pakkett tad-WTO dwar is-sigurtà tal-ikel;
6. Iqis li issa hija kwistjoni ta' urġenza li wieħed jipproċedi għal riforma sostantiva tad-WTO, fid-dawl tal-kriżi profonda li qed tiffaċċja l-organizzazzjoni, iżda anki minħabba n-nuqqas ta' progress kontinwu fl-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp (DDA), u jissottolinja li l-kwistjonijiet rilevanti tad-DDA għandhom jibqgħu fuq l-aġenda; jistieden lill-membri tad-WTO jirrieżaminaw b'mod fundamentali diversi aspetti tad-WTO, b'mod speċifiku l-funzjonijiet tagħha ta' monitoraġġ, negozjar u soluzzjoni tat-tilwim, bil-ħsieb li jiżdiedu l-effettività, l-inklużività, it-trasparenza u l-leġittimità tagħha; iħeġġeġ lill-membri kollha tad-WTO jiffukaw fuq proċess kostruttiv ta' bidla biex id-WTO tiġi mmodernizzata u mgħammra b'għodod li jindirizzaw b'mod effettiv l-isfidi kummerċjali tas-seklu 21, u jistabbilixxu mekkaniżmu istituzzjonali u skeda ta' żmien ċara biex l-aġenda ta' riforma titmexxa 'l quddiem fl-MC12 bl-objettiv li jinkisbu eżiti konkreti sa mhux aktar tard mill-MC13;
7. Jilqa' l-kummenti tal-Ambaxxatur tal-Istati Uniti Tai dwar id-WTO fl-14 ta' Ottubru 2021, u b'mod partikolari l-impenn ċar għar-riforma tat-tliet funzjonijiet kollha tal-organizzazzjoni; jistenna li l-Istati Uniti issa jippreżentaw proposti konkreti biex isir progress; iħeġġeġ lill-Istati Uniti jimpenjaw ruħhom li jibdew proċess ta' negozjati kostruttiv dwar ir-riformi għas-soluzzjoni tat-tilwim fl-MC12 sabiex mhux aktar tard mill-MC13 tiġi stabbilita sistema li tiffunzjona bis-sħiħ;
8. Jesprimi dispjaċir kbir għall-istaġnar fil-Korp tal-Appell tad-WTO, li qed iċaħħad lis-sistema kummerċjali globali minn sistema għas-soluzzjoni tat-tilwim infurzabbli; iwissi li mingħajr Korp tal-Appell li jiffunzjona, id-WTO ma għandha l-ebda saħħa u b'hekk se tiżdied it-tendenza li l-ftehimiet multilaterali jinkisru; jinnota li bħalissa ġew innotifikati aktar minn 15-il każ ta' appell, mingħajr il-possibbiltà ta' rieżami; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Membri kollha tad-WTO biex jinvolvu ruħhom bis-sħiħ u jaħdmu fuq soluzzjonijiet biex jerġgħu jistabbilixxu sistema għas-soluzzjoni ta' tilwim fuq żewġ livelli li tiffunzjona bis-sħiħ b'Korp tal-Appell li jiffunzjona bis-sħiħ u indipendenti malajr kemm jista' jkun; jappoġġja bis-sħiħ l-inizjattivi reċenti tal-UE biex jiġu konklużi arranġamenti mas-sħab kummerċjali ewlenin tagħna li jippreservaw, fuq bażi interim, proċess ta' soluzzjoni tat-tilwim li jiffunzjona fost dawk il-Membri tad-WTO li jipparteċipaw fih; ifakkar li proċess vinkolanti, fuq żewġ livelli u indipendenti għandu jibqa' l-objettiv ewlieni tal-istrateġija tal-UE; jenfasizza li riforma li tirnexxi se tirrikjedi l-indirizzar tat-tħassib validu tal-partijiet kollha involuti u l-qbil dwar soluzzjoni ta' kompromess; iħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati rilevanti biex jaqblu sa tmiem l-MC12 dwar aġenda għal aktar ħidma fuq l-oqsma ta' riforma fuq perjodu ta' żmien medju sa twil, li wħud minnhom għandhom jitlestew qabel il-Konferenza Ministerjali (MC13) li jmiss; jappoġġja l-proposta reċenti tal-Kummissjoni għar-riforma tar-Regolament dwar l-infurzar tar-regoli kummerċjali internazzjonali sabiex jiġi żgurat li l-UE jkollha l-għodod it-tajba biex tinforza l-impenji ta' pajjiżi terzi;
9. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jikkooperaw mal-membri kollha tad-WTO sabiex jibdew diskussjoni dwar l-istabbiliment ta' regoli ġodda biex jiġu indirizzati l-lakuni attwali fil-ġabra ta' regoli dwar prattiki kummerċjali inġusti, il-falsifikazzjoni, is-sussidji li jfixklu s-suq, l-intrapriżi tal-Istat u t-trasferiment furzat tat-teknoloġija;
10. Huwa konvint li d-distinzjoni attwali bejn il-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw ma tirriflettix ir-realtà ekonomika u li dan jista' jkun ostaklu biex isir progress fiċ-Ċiklu ta' Doha; iħeġġeġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw aktar avvanzati biex jerfgħu s-sehem tagħhom ta' responsabbiltà u jagħmlu kontribuzzjonijiet li jkunu proporzjonati mal-livell ta' żvilupp tagħhom; jemmen li l-mekkaniżmu ta' trattament speċjali u differenzjali għandu jiġi eżaminat mill-ġdid u rivedut bl-involviment xieraq tal-Membri kollha tad-WTO sabiex jiġu riflessi aħjar l-indiċijiet tal-iżvilupp tal-bniedem filwaqt li jiġi protett l-ispazju ta' politika għall-indirizzar tal-kummerċ inġust, u għalhekk jistieden lill-membri tad-WTO jirrevedu s-sistema; jissottolinja, madankollu, li l-awtodikjarazzjoni tal-istatus tal-iżvilupp bħala kriterju biss tista' twassal għal kummerċ inġust;
11. Jistenna li r-riforma tad-WTO toħloq triq aktar faċli għal ftehimiet plurilaterali miftuħa biex jiġu integrati fl-arkitettura multilaterali sabiex jiġi żgurat progress f'oqsma mhux maturi biżżejjed għall-membri kollha; jistieden lill-membri kollha jirriflettu dwar mod kif jiżviluppaw sistema ġdida għal kooperazzjoni msaħħa bħal dik użata fl-Unjoni Ewropea b'regoli ċari dwar għadd minimu ta' membri li għandhom jipparteċipaw f'inizjattiva plurilaterali, u abbażi ta' dan jistabbilixxu mekkaniżmu sempliċi li jippermetti lill-ftehimiet li jirriżultaw jiġu inkorporati fl-istruttura tad-WTO;
12. Jilqa' u jappoġġja l-għadd kbir ta' membri, l-aġenda ambizzjuża tan-negozjati u l-progress li sar s'issa fin-negozjati plurilaterali tad-WTO dwar il-kummerċ elettroniku; jitlob li jsiru sforzi biex jiġu konklużi negozjati dwar il-konformità mar-regoli tad-WTO; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu li ftehim possibbli jeħtieġ li jiggarantixxi l-aċċess għas-suq għall-oġġetti u s-servizzi relatati mal-kummerċ elettroniku f'pajjiżi terzi, kif ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi u tal-ħaddiema; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu ffaċilitati l-innovazzjoni fin-negozju u l-flussi tad-data, f'konformità sħiħa mal-liġi tal-UE dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data; jirrikonoxxi l-inċertezza tad-dritt possibbli li jiffaċċjaw in-negozji u r-riċerkaturi li jużaw data personali, u l-effett li dan jista' jkollu fuq l-innovazzjoni; jappella b'mod urġenti għal miżuri biex tiżdied iċ-ċertezza tad-dritt għall-partijiet ikkonċernati li jiddependu mill-użu tad-data għal proċeduri ta' użu tad-data approvati minn qabel, kif ukoll għall-psewdonimizzazzjoni u l-anonimizzazzjoni; jenfasizza li l-membri tad-WTO għandhom jesprimu l-appoġġ kontinwu tagħhom għan-negozjati u skeda ta' żmien ċara għal aktar progress; jappoġġja l-fatt li l-moratorju tad-WTO dwar it-trażmissjonijiet elettroniċi jsir permanenti;
13. Jitlob b'mod urġenti li jiġu esplorati l-possibbiltajiet għall-iffaċilitar tal-flussi tad-data ma' pajjiżi terzi ta' importanza strateġika; jinnota li l-kumpaniji Ewropej li joperaw f'xi pajjiżi terzi qed jiffaċċjaw dejjem aktar ostakli u restrizzjonijiet diġitali mhux ġustifikati; jisħaq li, għal dan il-għan, ir-rekwiżiti tal-lokalizzazzjoni tad-data għandhom jiġu evitati fejn xieraq, li d-data trid tkun koperta mill-ftehimiet ta' kummerċ ħieles tal-UE, u li l-isforzi biex jiġu konklużi deċiżjonijiet ta' adegwatezza ma' pajjiżi terzi jridu jiġu aċċellerati;
14. Jinnota li minħabba r-rekwiżiti legali, il-kummerċ għadu jiddependi minn ammont sinifikanti ta' dokumenti stampati, li jiswa l-flus u huwa ineffiċjenti u riskju matul kriżijiet globali; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi esplorat l-użu ta' dokumenti kummerċjali elettroniċi, li se jżidu l-effiċjenza u s-sigurtà u jnaqqsu l-impatt ambjentali; jenfasizza l-ħtieġa li l-liġi internazzjonali tinbidel biex id-dokumenti elettroniċi jkunu jistgħu jintużaw fil-kummerċ;
15. Jitlob b'mod urġenti li tiġi estiża l-espansjoni tal-Ftehim dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni (ITA); jirrikonoxxi li l-ITA jippromwovi d-diġitalizzazzjoni globali tal-manifattura u għandu jkompli jevolvi biex jinkludi firxa akbar ta' prodotti; jappella għal sforzi akbar biex jiġu eliminati t-tariffi fuq il-kummerċ tal-prodotti tal-ICT; jenfasizza l-effetti kummerċjali pożittivi tal-espansjoni tal-kopertura ġeografika biex jiġu inklużi aktar pajjiżi;
16. Jemmen li l-eżitu tal-MC12 għandu jipprovdi aġenda bbażata fuq l-azzjoni għall-politika kummerċjali li tappoġġja l-SDGs tal-2030 u l-Ftehim ta' Pariġi; iħeġġeġ bil-qawwa lill-membri tad-WTO jikkunsidraw il-miżuri kollha possibbli biex jikkontribwixxu ħalli jillimitaw l-emissjonijiet ta' gassijiet serra f'konformità mal-UNFCCC, isaħħu l-allinjament mal-Ftehim ta' Pariġi u n-newtralità klimatika, u jsaħħu l-kooperazzjoni fid-WTO dwar miżuri adottati fuq livell domestiku, inkluża l-introduzzjoni ta' tassonomiji standard tal-kontabbiltà ekoloġika biex jgħinu lis-settur privat u dak pubbliku jidentifikaw attivitajiet ekonomiċi sostenibbli, kif ukoll attivitajiet li jagħmlu ħsara sinifikanti, u miżuri li jindirizzaw ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju; jilqa' l-Inizjattiva dwar il-Kummerċ u l-Klima proposta mill-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposti speċifiċi; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li jsir progress fid-diskussjoni dwar prodotti u servizzi li jgħinu fl-indirizzar tal-isfidi ambjentali u klimatiċi; jenfasizza l-ħtieġa li jsir progress fin-negozjati dwar il-Ftehim dwar il-Beni Ambjentali li jappoġġja l-ekoloġizzazzjoni tal-industriji u approċċ deċenti li jiffoka fuq ix-xogħol għat-tranżizzjoni lejn teknoloġiji li ma jagħmlux ħsara lill-klima; jissuġġerixxi li jkun hemm koordinazzjoni mtejba bejn id-WTO u istituzzjonijiet internazzjonali oħra, bħall-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi u l-Fond Monetarju Internazzjonali, biex tiġi indirizzata r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju;
17. Jafferma mill-ġdid ir-rabtiet bejn l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-iżvilupp inklużiv, u jenfasizza li l-emanċipazzjoni tan-nisa hija fundamentali għall-qerda tal-faqar u li fl-istess ħin it-tneħħija tal-ostakli għall-parteċipazzjoni tan-nisa fil-kummerċ u l-indirizzar tal-impatti negattivi tar-regoli kummerċjali attwali fuq in-nisa fir-rwoli multipli tagħhom huma kritiċi għall-iżvilupp ekonomiku; iħeġġeġ lill-membri kollha tad-WTO jiffirmaw id-Dikjarazzjoni ta' Buenos Aires tal-2017 dwar il-Kummerċ u l-Emanċipazzjoni Ekonomika tan-Nisa u jħeġġeġ lill-123 firmatarju tagħha biex iwettqu l-impenji tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem lejn dikjarazzjoni ministerjali b'saħħitha li tista' sservi bħala pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta' Buenos Aires tal-2017;
18. Jilqa' l-progress li sar, u jitlob il-konklużjoni finali tad-diskussjonijiet plurilaterali dwar ir-regolamentazzjoni domestika tas-servizzi, peress li dan ikun pass sinifikanti 'l quddiem u prova li l-progress huwa possibbli fi sfond plurilaterali fil-kuntest tad-WTO;
19. Jistenna dikjarazzjoni ministerjali li tivvaluta l-progress li sar fin-negozjati plurilaterali dwar il-faċilitazzjoni tal-investiment;
20. Jilqa' wkoll il-progress fl-inizjattiva konġunta mnedija f'Buenos Aires dwar l-SMEs u l-approvazzjoni tal-Pakkett dwar l-SMEs f'Diċembru 2020; jirrikonoxxi li l-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt negattiv sinifikanti fuq l-SMEs, u jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-programm ta' ħidma tal-SMEs tad-WTO, li jankra l-prinċipju "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir" fir-regoli tad-WTO; jistieden lill-membri kollha tad-WTO jissieħbu f'din l-inizjattiva;
21. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jikkooperaw ma' membri oħra tad-WTO biex jiżguraw li d-WTO tikkontribwixxi b'mod attiv għal aktar rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema madwar id-dinja b'mod partikolari fir-rigward tal-istandards tax-xogħol tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), u jressqu proposti konkreti; ifakkar fl-importanza tat-tixrid tal-aħjar prattika dwar id-diliġenza dovuta; jilqa' l-proposta tal-Istati Uniti dwar ix-xogħol furzat bħala parti minn sforz usa' biex jiġu inklużi standards tax-xogħol fid-WTO, li tistabbilixxi kundizzjonijiet ekwi fil-livell internazzjonali u jisħaq fuq il-ħtieġa ta' ftehim li jistabbilixxi kundizzjonijiet ekwi fil-livell internazzjonali; jirrakkomanda t-twaqqif ta' grupp ta' ħidma dwar id-drittijiet tax-xogħol bħala l-ewwel pass biex din l-aġenda titmexxa 'l quddiem;
22. Jisħaq li t-trasparenza hija kruċjali biex jiġi żgurat ambjent kummerċjali u ta' investiment stabbli; jemmen li huwa importanti li tiżdied it-trasparenza ta' proċeduri ta' monitoraġġ billi jiżdiedu l-inċentivi għall-membri tad-WTO biex jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' notifika, billi titnaqqas il-kumplessità tagħhom u billi jiġi pprovdut bini tal-kapaċitajiet jekk ikun meħtieġ, filwaqt li n-nuqqas ta' konformità b'mod deliberat għandu jiġi skuraġġut u kkontestat; jistieden lill-membri tad-WTO jikkunsidraw it-tisħiħ tar-rwol tas-Segretarjat tad-WTO f'dan ir-rigward;
23. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw li l-Parlament ikompli jkun involut mill-qrib fit-tħejjija tal-MC12, u jinżamm aġġornat fil-pront u jiġi kkonsultat matul il-Konferenza Ministerjali 2021;
24. Jistieden lill-membri tad-WTO jiżguraw il-leġittimità demokratika u t-trasparenza billi jsaħħu d-dimensjoni parlamentari tad-WTO u l-konferenza parlamentari; jenfasizza l-importanza tal-ħidma tal-konferenza parlamentari konġunta bejn il-Parlament Ewropew u l-Unjoni Interparlamentari (IPU) dwar id-WTO; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li d-deputati parlamentari jkollhom aċċess aħjar għan-negozjati kummerċjali u jkunu involuti fit-tfassil u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tad-WTO;
25. Jistieden lill-membri tad-WTO jtejbu l-iskambju mal-partijiet ikkonċernati kollha inklużi s-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tan-negozju, u jżidu l-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra bħall-ILO u b'mod aktar wiesa' s-sistema tan-NU; jistenna li l-mexxejja jikkomunikaw aktar f'livelli differenti dwar il-benefiċċji tal-kummerċ ibbażat fuq ir-regoli;
26. Jappoġġja l-isforzi biex jerġgħu jingħataw il-ħajja n-negozjati ta' adeżjoni mal-pajjiżi osservaturi, b'mod partikolari mas-Serbja, mal-Kosovo u mal-Bożnija-Ħerzegovina; jitlob il-konklużjoni rapida tan-negozjati dwar l-abbozzi tar-Rapporti rispettivi tal-Grupp ta' Ħidma;
27. Jappella b'mod urġenti għal sforzi akbar biex tiġi estiża s-sħubija fil-Ftehim Ġenerali dwar l-Akkwisti tad-WTO, b'mod partikolari għaċ-Ċina u għal ekonomiji emerġenti oħra;
28. Jappella għal sforzi mġedda biex jiġu armonizzati r-regoli tal-oriġini mhux preferenzjali kif previst fil-Ftehim dwar ir-Regoli tal-Oriġini;
29. Jistieden lill-membri kollha tad-WTO jirratifikaw l-Anness K tal-Konvenzjoni ta' Kjoto tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali biex titnaqqas il-burokrazija doganali;
30. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lid-Direttur Ġenerali tad-WTO.
IPCC, 2021: Summary for Policymakers (Sommarju għal dawk li jfasslu l-Politika). Fi: "Climate Change 2021: The Physical Science Basis. Contribution of Working Group I to the Sixth Assessment Report of the Intergovernmental Panel on Climate Change (It-Tibdil fil-Klima 2021: Il-Bażi tax-Xjenza Fiżika. Il-Kontribut tal-Grupp ta' Ħidma I għas-Sitt Rapport ta' Valutazzjoni tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC))".
Konvenzjoni tal-Aja (1980) dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri: adeżjoni tal-Filippini *
123k
43k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2021 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea biex jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tal-Filippini mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri (COM(2021)0359 – C9-0361/2021 – 2021/0178(NLE))
– wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (COM(2021)0359),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 38(4) tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 81(3) kif ukoll l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (b), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli ġie kkonsultat mill-Kunsill (C9-0361/2021),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja(1) dwar il-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni Ewropea għal dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni ta' adeżjoni mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 82 u l-Artikolu 114(8) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0300/2021),
1. Japprova l-awtorizzazzjoni lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tal-Filippini mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Bureau Permanenti tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.
Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ottubru 2014, 1/13, ECLI:EU:C:2014:2303.
Konvenzjoni tal-Aja (1980) dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri: adeżjoni tal-Ġamajka *
122k
43k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2021 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Istati Membri li jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tal-Ġamajka mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri (COM(2021)0363 – C9-0334/2021 – 2021/0179(NLE))
– wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (COM(2021)0363),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 38(4) tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 81(3) kif ukoll l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (b), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli ġie kkonsultat mill-Kunsill (C9-0334/2021),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja(1) dwar il-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni Ewropea għal dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni ta' adeżjoni mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 82 u l-Artikolu 114(8) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0299/2021),
1. Japprova l-awtorizzazzjoni lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tal-Ġamajka għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Bureau Permanenti tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.
Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Ottubru 2014, 1/13, ECLI:EU:C:2014:2303.
Konvenzjoni tal-Aja (1980) dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri: adeżjoni tal-Bolivja *
122k
43k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2021 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tal-Bolivja mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri (COM(2021)0369 – C9-0336/2021 – 2021/0183(NLE))
– wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (COM(2021)0369),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 38(4) tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 81(3) kif ukoll l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (b), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli ġie kkonsultat mill-Kunsill (C9-0336/2021),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja(1) dwar il-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni Ewropea għal dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni ta' adeżjoni mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 82 u l-Artikolu 114(8) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0307/2021),
1. Japprova l-awtorizzazzjoni lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tal-Bolivja mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Bureau Permanenti tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.
Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Ottubru 2014, 1/13, ECLI:EU:C:2014:2303.
Konvenzjoni tal-Aja (1980) dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri: adeżjoni tal-Pakistan *
122k
43k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2021 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tal-Pakistan mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri (COM(2021)0368 – C9-0335/2021 – 2021/0182(NLE))
– wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (COM(2021)0368),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 38(4) tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 81(3) kif ukoll l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (b), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli ġie kkonsultat mill-Kunsill (C9-0335/2021),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja(1) dwar il-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni Ewropea għal dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni ta' adeżjoni mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 82 u l-Artikolu 114(8) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0308/2021),
1. Japprova l-awtorizzazzjoni lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tal-Pakistan mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Bureau Permanenti tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.
Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Ottubru 2014, 1/13, ECLI:EU:C:2014:2303.
Konvenzjoni tal-Aja (1980) dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri: adeżjoni tat-Tuneżija *
121k
43k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2021 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Istati Membri li jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tat-Tuneżija mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri (COM(2021)0371 – C9-0337/2021 – 2021/0198(NLE))
– wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (COM(2021)0371),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 38(4) tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 81(3) kif ukoll l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (b), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli ġie kkonsultat mill-Kunsill (C9-0337/2021),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja(1) dwar il-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni Ewropea għal dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni ta' adeżjoni mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 82 u l-Artikolu 114(8) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0309/2021),
1. Japprova l-awtorizzazzjoni lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tat-Tuneżija mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Bureau Permanenti tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 4, 26, 67, 73, 87, 88 u 91 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-ġestjoni tas-sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq(1), kif emendata mid-Direttiva (UE) 2019/1936 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2019 li temenda d-Direttiva 2008/96/KE dwar il-ġestjoni tas-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq(2),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta' Sistemi ta' Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma' modi oħrajn ta' trasport(3),
– wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 885/2013 tal-15 ta' Mejju 2013 li jissupplimenta d-Direttiva ITS 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-forniment ta' servizzi ta' informazzjoni għal postijiet tal-parkeġġ sikuri u siguri għat-trakkijiet u l-vetturi kummerċjali(4),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE(5),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 585/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-varar ta' eCall interoperabbli madwar l-UE kollha(6),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) Nru 283/2014, b'mod partikolari l-Artikolu 9(2)(b)(vii) tiegħu(7),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2020/1054 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2020 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 fir-rigward ta' rekwiżiti minimi dwar il-ħinijiet massimi ta' sewqan kuljum u kull ġimgħa, il-pawżi minimi u l-perijodi ta' mistrieħ kuljum u kull ġimgħa u r-Regolament (UE) Nru 165/2014 fir-rigward tal-pożizzjonament permezz ta' takografi(8),
– wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet dwar il-Petizzjoni 0549/2021 waqt il-laqgħa tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-15 ta' Lulju 2021,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 227(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet irċieva l-Petizzjoni 0549/2021, iffirmata minn 22 735 persuna, li tqajjem tħassib dwar iż-żoni ta' parkeġġ tat-trakkijiet fin-network tat-toroq tal-UE u titlob miżuri preventivi biex jitnaqqas ir-riskju u d-daqs tal-problemi ta' sikurezza fiż-żoni ta' parkeġġ tat-trakkijiet;
B. billi l-gruppi tal-kriminalità organizzata ħafna drabi jkunu involuti f'serq tal-merkanzija u spiss imorru għal prodotti ta' valur għoli, bħall-elettronika, it-tabakk u l-prodotti farmaċewtiċi, li jikkawża telf ekonomiku sinifikanti(9), li bejn l-2017 u l-2019 ammonta għal madwar EUR 52 miljun; billi dawn iċ-ċifri mhumiex komprensivi minħabba n-nuqqas ta' rapportar u ta' kondiviżjoni ta' data rilevanti dwar reati tal-merkanzija;
C. billi dawn il-gruppi kriminali qed isiru aktar organizzati, jużaw teknoloġija mill-aktar avvanzata u f'ħafna każijiet jagħmlu rmiġġi fuq talba, u billi skont il-Valutazzjoni tal-Europol dwar it-Theddida mill-Kriminalità Serja u Organizzata tal-2021, l-użu tal-vjolenza mill-kriminali involuti f'kriminalità serja u organizzata fl-UE jidher li qed jiżdied, bil-vittmi li qed ikunu fil-mira b'mod mhux diskriminatorju mingħajr ma jitqies l-involviment jew il-pożizzjoni tagħhom, u f'ħafna drabi tiġi kkawżata ħsara lil persuni innoċenti fil-qrib;
D. billi l-Unjoni Ewropea għandha tiġġieled il-kriminalità u l-kriminalità organizzata fuq in-network tat-toroq tal-UE u għandha tippromwovi l-moviment effettiv tal-merkanzija b'mod sikur u mingħajr spejjeż addizzjonali marbuta ma' esponiment eċċessiv għar-riskju ta' attakk;
E. billi s-sewwieqa internazzjonali tat-trasport bit-triq iqattgħu perjodi itwal 'il bogħod mid-dar u mill-familji tagħhom, li jfisser li infrastruttura tal-parkeġġ sikura, sigura u mgħammra tajjeb madwar l-UE hija ta' importanza kruċjali għas-saħħa fiżika u mentali tagħhom;
F. billi l-perjodi tax-xogħol, tal-mistrieħ u tal-pawżi tas-sewwieqa tat-trasport tal-merkanzija internazzjonali huma soġġetti għal regoli stretti li għandhom l-għan li joħolqu settur tat-trasport bit-triq sikur, effiċjenti u soċjalment responsabbli fl-Unjoni Ewropea; billi hija r-responsabbiltà kemm tal-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll tal-Istati Membri li jipprovdu infrastrutturi tal-parkeġġ adegwati u aċċessibbli madwar l-UE kollha li tagħmel ir-regoli dwar il-ħin tax-xogħol u tal-mistrieħ proporzjonati u fattibbli;
G. billi l-kundizzjonijiet ħżiena ta' mistrieħ u r-riskju għoli ta' kriminalità u attakk huma l-fatturi ewlenin li jagħmlu l-professjoni tas-sewwieq daqshekk mhux attraenti; billi n-nuqqas ta' sewwieqa huwa problema dejjem akbar li toħloq sfida għall-funzjonament effettiv tas-suq uniku, tal-loġistika u tal-ktajjen tal-provvista u ta' setturi oħra bħall-manifattura u l-bejgħ bl-imnut;
1. Ifakkar li studju tal-Kummissjoni tal-2019 jindika li hemm nuqqas ta' madwar 100 000 spazju ta' parkeġġ matul il-lejl għat-trakkijiet fl-UE, filwaqt li dan in-nuqqas huwa saħansitra akbar għal żoni ta' parkeġġ sikuri ċċertifikati(10);
2. Jiddikjara li huma meħtieġa żoni ta' parkeġġ siguri u sikuri għat-trakkijiet (SSTPAs) biex jiġu żgurati kundizzjonijiet soċjalment ġusti għas-sewwieqa professjonali meta jistrieħu b'mod obbligatorju; ifakkar li l-industrija tat-trasport bit-triq qed tbati minn nuqqas qawwi ta' sewwieqa; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib id-disponibbiltà ta' għadd suffiċjenti ta' SSTPAs ta' kwalità għolja u l-applikazzjoni proporzjonata ta' penali mill-Istati Membri; jenfasizza l-ħtieġa li tittieħed azzjoni fil-każ ta' kwalunkwe forma ta' trattament inġust jew diskriminazzjoni kontra s-sewwieqa tat-trakkijiet u l-kumpaniji tat-trasport tal-UE;
3. Jiddeplora l-attakki fuq it-trasportaturi fiż-żoni ta' parkeġġ tat-trakkijiet, inklużi attakki fatali, u jfakkar li dawn l-attakki spiss jitwettqu minn gruppi organizzati tajjeb u mgħammra tajjeb li xi drabi jisirqu merkanzija ordnata u spiss jużaw l-introjtu minn dawn ir-reati biex jiffinanzjaw forom oħra ta' kriminalità serja;
4. Jiddeplora l-fatt li dan it-tip ta' inċident jista' jkollu aspett ksenofobiku jew razzist;
5. Jirrikonoxxi li l-kriminalità tal-proprjetà kontra s-sewwieqa tat-trakkijiet qed issir dejjem aktar ta' natura transfruntiera u tirrappreżenta t-theddida ewlenija għas-sigurtà tas-sewwieqa tat-trakkijiet; jenfasizza li hija meħtieġa kooperazzjoni msaħħa sabiex tali reat jiġi indirizzat kif xieraq, u jitlob skambju aktar strutturali ta' informazzjoni u koordinazzjoni operazzjonali bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri bl-appoġġ tal-Europol, inkluża kooperazzjoni msaħħa ma' partijiet privati, bħall-Assoċjazzjoni għall-Protezzjoni tal-Assi Trasportati u l-Organizzazzjoni Ewropea għall-Parkeġġ Sikur;
6. Jistieden lill-Istati Membri jirrapportaw b'mod sistematiku reati lill-Europol sabiex jiżguraw reazzjonijiet koerenti permezz ta' appoġġ operazzjonali u analitiku, u jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssaħħaħ il-kapaċitajiet tal-Europol f'dan il-qasam billi żżid ir-riżorsi u l-persunal tagħha;
7. Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ żieda fil-parkeġġi tat-trakkijiet disponibbli u ttejjeb il-kwalità, is-sikurezza u l-konnettività tagħhom bl-użu ta' inizjattivi leġiżlattivi, programmi ta' fondi strutturali u ta' investiment Ewropej, mekkaniżmi għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u strumenti disponibbli oħra, bħall-programm ta' finanzjament tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa;
8. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu u jiżviluppaw kooperazzjoni tal-pulizija li tinvolvi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha biex jipprevjenu, jikxfu u jinvestigaw reati kriminali fit-toroq u fiż-żoni tal-parkeġġ;
9. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu objettivi u approċċi biex jiżdied l-għadd ta' SSTPAs fil-ftehimiet ta' sħubija finali dwar il-fondi strutturali u ta' investiment Ewropej u fil-programmi għal dawn il-fondi;
10. Jilqa' l-istabbiliment tal-Grupp ta' Esperti tal-Kummissjoni dwar is-Sikurezza tal-Infrastruttura tat-Toroq, li se jfittex il-parir u l-għarfien espert tal-Istati Membri u ta' partijiet ikkonċernati rilevanti oħra dwar dan is-suġġett, inkluż għat-tħejjija ta' atti mhux leġiżlattivi, kif ukoll l-istabbiliment tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar is-Sikurezza fit-Toroq, li se jipprovdi pariri strateġiċi u feedback frekwenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef il-ħidma f'dan il-qasam u tikkoordina mal-Istati Membri sabiex jinkiseb titjib konkret għas-sewwieqa tat-trakkijiet tal-UE;
11. Jisħaq fuq l-importanza tal-implimentazzjoni ta' proġetti mmirati lejn il-promozzjoni tal-kooperazzjoni nazzjonali u internazzjonali fil-ġlieda kontra s-serq tal-merkanzija, l-għoti ta' ħarsa ġenerali lejn il-proċeduri li għaddejjin u l-ottimizzazzjoni tal-ħidma tal-każijiet fil-livell operazzjonali;
12. Ifakkar fl-importanza li jiġi żgurat finanzjament prijoritarju għall-ħolqien u t-titjib tal-SSTPAs fl-UE billi jsir użu mill-programmi ta' finanzjament kollha disponibbli tal-UE u tal-Istati Membri;
13. Jistieden lill-Istati Membri jassumu r-responsabbiltà primarja tagħhom għat-titjib tas-sikurezza taż-żoni tal-parkeġġ tat-trakkijiet permezz ta' strateġiji nazzjonali stabbiliti sew għas-sikurezza fit-toroq u miżuri konkreti stabbiliti fil-pjanijiet ta' azzjoni u fil-pjanijiet ta' implimentazzjoni, li jiffurmaw il-bażi ta' kultura ġenwina tal-UE dwar is-sikurezza fit-toroq;
14. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jingħaqdu flimkien biex itejbu l-kwalità tas-servizzi fiż-żoni ta' parkeġġ tat-trakkijiet, inkluż billi joffru karatteristiċi bażiċi bi prezz raġonevoli, u jtejbu s-sigurtà tagħhom, filwaqt li jiżguraw li jsiru awditi indipendenti minn partijiet terzi bbażati fuq standards komuni tal-UE għaż-żoni siguri kollha ta' parkeġġ tat-trakkijiet fi ħdan is-sistema, sabiex jiġi ggarantit li l-infrastruttura tikkonforma mal-istandards tas-sikurezza u s-sigurtà tal-UE, pereżempju f'konformità mad-Direttiva 2008/96/KE dwar il-ġestjoni tas-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq;
15. Jesprimi dispjaċir għall-fatt li għad hemm interpretazzjonijiet diverġenti fir-rigward tal-istandards tas-sikurezza u tas-sigurtà tal-parkeġġ u r-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni u jenfasizza l-importanza li jinħoloq standard armonizzat tal-UE li jkun fih regoli ċari u mhux ambigwi dwar is-sikurezza u l-livelli ta' kumdità;
16. Jistieden lill-Kummissjoni tissodisfa l-impenji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2020/1054 biex tistabbilixxi standards u proċeduri ta' ċertifikazzjoni għal faċilitajiet sikuri u siguri għall-parkeġġ tat-trakkijiet fl-UE;
17. Jenfasizza li l-istandards tal-UE li jispjegaw il-livell ta' servizz u sigurtà tal-SSTPAs u l-proċeduri għaċ-ċertifikazzjoni ta' tali żoni ta' parkeġġ iridu jsiru obbligatorji sabiex tiġi żgurata u pprovduta definizzjoni konsistenti ta' żoni siguri ta' parkeġġ tat-trakkijiet u qafas leġiżlattiv koerenti;
18. Jitlob li jittejbu l-kopertura u l-effettività tas-servizzi ta' emerġenza u ta' rispons immedjat u li jiġu introdotti sistemi ta' sejħiet għan-notifika lill-awtoritajiet kompetenti fil-lingwi uffiċjali kollha; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw sistema ta' rispons immedjat meta jitwettaq reat kontra sewwieq jew trakk fil-ġuriżdizzjoni nazzjonali tagħhom u biex jevitaw każijiet li fihom sewwieq ma jingħatax assistenza f'waqtha mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sigurtà pubblika minħabba n-natura minuri tar-reat, l-ostakli lingwistiċi jew kwalunkwe raġuni oħra;
19. Jappella għall-introduzzjoni ta' rondi regolari tas-sigurtà/tal-pulizija f'żoni ta' parkeġġ fejn is-servizzi tas-sigurtà ma jistgħux jiġu pprovduti b'mod kostanti, iżda fejn ġew irrapportati attakki fuq it-trasportaturi;
20. Jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tal-mekkaniżmi tal-ġbir tad-data, tal-iskambju tal-informazzjoni u tal-appoġġ analitiku, u jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw mudelli effettivi għall-ġbir, l-ipproċessar u l-kondiviżjoni awtomatizzati tad-data sabiex itejbu r-rispons operazzjonali tal-forzi tal-pulizija għall-kriminalità transfruntiera;
21. Jindika li l-informazzjoni dwar fejn jinsabu l-SSTPAs għandha titwassal b'mod faċli għall-utent lis-sewwieqa u lill-katina loġistika kollha permezz ta' għodod diġitali u jitlob lill-Kummissjoni tikseb dan l-għan billi tistabbilixxi bażi għal soluzzjonijiet tal-ICT interoperabbli li se jippermettu lis-sewwieqa jsibu u jirriżervaw żoni tal-parkeġġ sikuri u jippjanaw il-vjaġġi tagħhom kif xieraq;
22. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu s-sistemi eżistenti ta' sikurezza ġol-vettura u kwalunkwe tip ta' għodda intelliġenti ta' twissija u l-konnessjoni tagħhom mas-servizzi tal-pulizija u ta' emerġenza;
23. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri għar-reviżjoni tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 885/2013 u tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013;
24. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jesploraw u jissuġġerixxu miżuri konkreti għall-protezzjoni tal-vittmi ta' reati mwettqa f'żoni ta' parkeġġ tat-trakkijiet mhux protetti, bħall-aċċess għal assistenza medika, pariri legali, interpretu eċċ.;
25. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet li jistabbilixxi missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni biex jinvestiga aktar il-fatti deskritti fil-Petizzjoni 0549/2021, jagħti dettalji ġodda dwar is-sikurezza taż-żoni ta' parkeġġ tat-trakkijiet u jivvaluta l-isfidi fil-prattika;
26. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
Valutazzjoni tal-Europol dwar it-Theddida mill-Kriminalità Serja u Organizzata tal-2021: "It-telf ikkawżat mill-kriminalità tal-merkanzija fit-tmien Stati Membri l-aktar affettwati qabeż il-EUR 75 miljun fl-2019 u għandu impatt sinifikanti fuq il-ktajjen tal-provvista".
Studju tal-każ tal-Kummissjoni tal-2019 dwar parkeġġ sikur u sigur għat-trakkijiet, p. 24. Disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/transport/sites/default/files/2019-study-on-safe-and-secure-parking-places-for-trucks.pdf
Is-sitwazzjoni fis-Somalja
160k
53k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2021 dwar is-sitwazzjoni fis-Somalja (2021/2981(RSP))
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Somalja,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija Konġunta Afrika-UE,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Unjoni Afrikana għall-Protezzjoni u l-Assistenza ta' Persuni Spostati Internament (IDPs) fl-Afrika,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989,
– wara li kkunsidra l-Programm Indikattiv Nazzjonali UE-Somalja għar-Repubblika Federali tas-Somalja 2014-2020,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM) tat-8 ta' Novembru 2017 li biha ħabbret l-intenzjoni tagħha li f'Diċembru 2017 tibda gradwalment tirtira t-truppi mis-Somalja, bil-ħsieb li tirtirahom kompletament sal-2020,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli Josep Borrell tat-18 ta' Settembru 2021 dwar is-sitwazzjoni politika fis-Somalja,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2568 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-12 ta' Marzu 2021 dwar is-sitwazzjoni fis-Somalja,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi s-sitwazzjoni umanitarja fis-Somalja qed tkompli tiddeterjora, b'diversi kriżijiet, inklużi l-instabbiltà politika, l-attivitajiet terroristiċi, in-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel, in-nixfa, il-kriżi klimatika u l-COVID-19, li jheddu l-istabbiltà, il-benesseri tal-bniedem u l-għajxien, u jikkawżaw spostament fuq skala kbira madwar il-pajjiż u r-reġjun;
B. billi l-aġenziji internazzjonali tal-għajnuna wissew li s-Somalja tinsab f'xifer katastrofi umanitarja b'madwar 5,9 miljun ruħ fi bżonn ta' assistenza umanitarja u aktar minn 2,7 miljun ruħ jiffaċċjaw livelli ta' emerġenza ta' nuqqas ta' sigurtà tal-ikel madwar il-pajjiż, inklużi aktar minn 800 000 tifel u tifla taħt l-età ta' ħames snin f'riskju ta' malnutrizzjoni akuta; billi 2 miljun ruħ qed iħabbtu wiċċhom ma' skarsezzi kbar tal-ilma; billi n-NU ddikjaraw li s-Somalja qed tiffaċċja l-agħar nuqqas ta' finanzjament f'sitt snin; billi s-sħab umanitarji jistmaw li 7,7 miljun Somalu se jeħtieġu assistenza umanitarja fl-2022, u madwar 1,2 miljun tifel u tifla taħt l-età ta' ħames snin x'aktarx li jkunu malnutriti b'mod akut fl-2022 jekk il-kura ma tingħatax immedjatament;
C. billi s-Somalja ma kinitx kapaċi tirreaġixxi għall-pandemija tal-COVID-19 minħabba n-nuqqas ta' sistema tal-kura tas-saħħa li tiffunzjona, in-nuqqas ta' ventilaturi, provvisti farmaċewtiċi u persunal; billi s-Somalja, bħal ħafna pajjiżi Afrikani, ma setgħetx tlaqqam il-popolazzjoni tagħha minħabba nuqqas ta' disponibbiltà ta' vaċċini, b'madwar 3 % biss tal-popolazzjoni tagħha kompletament imlaqqma;
D. billi s-settur tal-edukazzjoni ntlaqat b'mod qawwi ħafna mill-pandemija tal-COVID-19, b'ħafna tfal, inklużi dawk li jgħixu fis-siti tal-IDP b'mod partikolari, li ma jistgħux ikomplu l-edukazzjoni formali tagħhom b'riżultat ta' ċirkostanzi bħall-ġenituri tagħhom li tilfu l-għajxien tagħhom u sorsi effettivi ta' introjtu;
E. billi l-gruppi ribelli għadhom l-akbar sors ta' nuqqas ta' sigurtà fil-pajjiż, iwettqu attakki indiskriminati fuq Somali, u huma involuti fil-ħtif ta' persuni u r-reklutaġġ furzat ta' tfal għal kunflitt armat; billi madwar 1 000 ċivili nqatlu jew indarbu f'kunflitt armat sa issa fl-2021, b'al-Shabaab responsabbli għall-biċċa l-kbira tal-vittmi ċivili; billi l-militanti intensifikaw l-attakki tagħhom u kellhom fil-mira l-qtil ta' uffiċjali tal-gvern f'tentattiv biex ifixklu l-proċess elettorali tal-2021;
F. billi l-gruppi vulnerabbli għadhom il-miri ewlenin tal-abbużi u l-vjolenza, inklużi n-nisa, it-tfal, l-anzjani, l-IDPs, l-LGBTQ u minoranzi oħra; billi l-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, kif ukoll il-vjolenza relatata mal-kunflitti, għadhom iseħħu fuq skala kbira b'impunità, b'mod partikolari fiż-żoni ta' kunflitt;
G. billi, skont ir-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tal-2021 dwar it-Tfal u l-Kunflitti Armati, komplew isiru abbużi gravi kontra t-tfal fis-Somalja, b'mill-inqas 1 087 tifel u tifla maqtula u mutilati fl-2020; billi al-Shabaab huwa r-reklutatur ewlieni tat-tfal, filwaqt li al-Shabaab, il-forzi tas-sigurtà tal-gvern, il-forzi tas-sigurtà reġjonali u l-milizzji tal-klan flimkien irreklutaw 1 716 tifel u tifla s-sena li għaddiet;
H. billi f'Awwissu 2020, il-Parlament f'Mogadishu ressaq Abbozz ta' Liġi ġdid dwar id-Delitti Relatati mal-Konġunġimenti Karnali li jippermetti ż-żwieġ tat-tfal billi jiddefinixxi tifel jew tifla abbażi tal-maturità fiżika aktar milli l-età, u jinkludi protezzjonijiet proċedurali dgħajfa għas-superstiti; billi l-Abbozz ta' Liġi l-ġdid dwar id-Delitti Relatati mal-Konġunġimenti Karnali jikser l-obbligi internazzjonali u reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem;
I. billi l-libertà tal-espressjoni għadha severament ristretta, bil-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jiġu mhedda, detenuti arbitrarjament u mċaħħda proċess ġust u garanziji ta' proċess ġust; billi l-mezzi tal-media ngħalqu mill-awtoritajiet fil-livell reġjonali u federali; billi l-awtoritajiet rari jinvestigaw każijiet ta' qtil jew attakki fuq ġurnalisti jew iħarrku lit-trasgressuri;
J. billi qabel il-proċess elettorali, il-forzi tas-sigurtà u l-awtoritajiet reġjonali tal-Gvern Federali tas-Somalja, b'mod partikolari f'Puntland, kif ukoll al-Shabaab, eskalaw l-attakki fuq il-ġurnalisti permezz ta' intimidazzjoni, fastidju u arresti arbitrarji; billi media indipendenti hija komponent essenzjali ta' proċess elettorali ġust; billi bosta ġurnalisti nqatlu illegalment matul l-2021, inkluż il-ġurnalist veteran Abdiaziz Mohamud Guled, Direttur ta' Radju Mogadishu, li nqatel minn al-Shabaab f'Mogadishu fl-20 ta' Novembru 2021;
K. billi huwa stmat li 2,9 miljuni Somali huma spostati internament; billi minn Awwissu sa Ottubru 2021 55 000 persuna ġew imġiegħla jaħarbu minn djarhom, bi 80 % minnhom jaħarbu b'riżultat ta' kunflitt u 20 % minħabba avvenimenti relatati mal-klima; billi hemm diversi kampijiet tar-rifuġjati fil-Kenja u ilhom jilqgħu r-rifuġjati u l-persuni li jfittxu asil mis-Somalja sa mill-gwerra ċivili fis-Somalja fl-1991, inklużi l-kampijiet ta' Kakuma u Dadaab b'madwar 520 000 rifuġjat u applikant għall-asil irreġistrati; billi l-kundizzjonijiet tal-għajxien fil-kampijiet mhumiex sikuri, bin-nisa, it-tfal u l-persuni LGBTQ b'mod partikolari jiffaċċjaw abbuż u vjolenza rikorrenti; billi, fid-29 ta' April 2021, il-UNHCR u l-Gvern tal-Kenja qablu dwar pjan direzzjonali għal għeluq aktar tard tal-kampijiet ta' Kukuma u Dadaab sat-30 ta' Ġunju 2022;
L. billi s-Somalja għadha wieħed mill-aktar pajjiżi Afrikani perikolużi għat-trejdjunjonisti, li huma sistematikament soġġetti għal vjolenza u intimidazzjoni; billi l-ħaddiema Somali huma kontinwament imċaħħda mid-drittijiet fundamentali tal-bniedem u d-drittijiet tax-xogħol tagħhom, u s-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali tagħhom huma regolarment ipperikolati u huma mħallsa ħażin, inkluż minn kuntratturi barranin;
M. billi l-proċess elettorali oriġinarjament kellu jitlesta f'Ottubru 2021 bl-elezzjonijiet presidenzjali; billi, madankollu, il-proċess elettorali ġie mwaqqaf kontinwament, wara dewmien mill-Istati Membri Federali fl-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet tal-membri taż-żewġ kmamar tal-Parlament Federali tas-Somalja, li min-naħa tagħhom jeleġġu l-President tas-Somalja; billi aktar ma l-proċess elettorali jiddewwem, aktar se jkun hemm devjazzjoni tar-riżorsi mill-prijoritajiet nazzjonali importanti, bħar-rispons għall-emerġenzi umanitarji;
N. billi d-delegati tal-klan huma mistennija li jaħtru total ta' 275 Membru Parlamentari fil-Kamra Inferjuri, filwaqt li l-ħames leġiżlaturi tal-istat tas-Somalja diġà eleġġew is-senaturi kollha għall-Kamra Superjuri, jiġifieri 54; billi l-awtoritajiet impenjaw ruħhom li jlestu l-elezzjonijiet tal-Kamra Inferjuri sal-24 ta' Diċembru 2021; billi t-tlestija kredibbli tal-proċessi elettorali se tkun kruċjali biex jiġu żgurati s-sigurtà u l-iżvilupp fit-tul tas-Somalja;
O. billi 26 % ta' dawk eletti fil-Kamra Superjuri huma nisa, ħaġa li tirrappreżenta żvilupp pożittiv fit-triq tas-Somalja lejn l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; billi jridu jsiru aktar sforzi biex tintlaħaq il-kwota miftiehma ta' 30 % għall-Kamra Inferjuri u biex tinkiseb l-inklużjoni sħiħa tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi, soċjali u ekonomiċi tas-Somalja;
P. billi l-indħil barrani fil-proċessi politiċi interni u l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet xekklu l-konklużjoni f'waqtha tagħhom; billi fil-15 ta' Novembru 2021, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta r-riżoluzzjoni 2607 (2021), li ġġedded l-embargo fuq l-armi fuq is-Somalja;
Q. billi l-mandat tan-NU tal-AMISOM se jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2021; billi l-Gvern Federali tas-Somalja u l-Unjoni Afrikana (UA) ma kinux kapaċi jaqblu dwar konfigurazzjoni ġdida ta' missjoni mmexxija mill-UA, kif previst fir-Riżoluzzjoni 2568 (2021) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; billi l-UE, permezz ta' diversi strumenti, ilha l-kontributur finanzjarju ewlieni għall-attivitajiet tal-AMISOM u tal-UA fis-Somalja mill-2007;
R. billi f'Diċembru 2020, il-Kunsill estenda l-mandati tat-tliet missjonijiet u l-operazzjonijiet tiegħu tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) fis-Somalja, il-Missjoni tal-UE ta' Bini tal-Kapaċità (EUCAP) fis-Somalja, il-Missjoni tal-UE ta' Taħriġ (EUTM) fis-Somalja u l-Operazzjoni EUNAVFOR ATALANTA, sal-31 ta' Diċembru 2022;
S. billi fil-5 ta' Novembru 2021, is-Somalja ddikjarat lill-mibgħut tal-UA Simon Mulongo persona non grata u ordnatlu jitlaq mill-pajjiż fi żmien sebat ijiem, filwaqt li akkużatu b'involviment f'attivitajiet li kienu inkompatibbli mal-mandat tal-AMISOM;
T. billi l-UE impenjat EUR 286 miljun għas-Somalja taħt il-Programm Indikattiv Nazzjonali fil-perjodu 2014-2020, b'enfasi fuq l-appoġġ tal-istat tad-dritt, is-sigurtà, is-sigurtà tal-ikel u l-edukazzjoni; billi fl-2021, l-UE allokat EUR 45,3 miljun f'finanzjament għal proġetti umanitarji fis-Somalja, inklużi EUR 2,8 miljun b'appoġġ għall-introduzzjoni nazzjonali tat-tilqim kontra l-COVID-19, filwaqt li l-UE u l-Istati Membri tagħha flimkien jipprovdu aktar minn 35 % tal-għajnuna umanitarja kollha fis-Somalja;
1. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-kriżi umanitarja li qed tiddeterjora fis-Somalja; jikkundanna l-ksur u l-abbużi kollha tad-drittijiet tal-bniedem u l-attakki indiskriminati diretti kontra persuni ċivili, ħaddiema umanitarji, ġurnalisti, uffiċjali elettorali u l-AMISOM li qed jitwettqu minn gruppi terroristiċi, b'mod partikolari Al-Shabaab; jistieden lill-partijiet kollha involuti fid-diversi kunflitti fis-Somalja jwaqqfu minnufih l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, u jieħdu passi konkreti biex iressqu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja fi proċessi ġusti; jitlob bil-qawwa li jitwaqqfu l-ostilitajiet u, kull meta jkun possibbli, li jsir djalogu komprensiv biex jiġu indirizzati d-differenzi politiċi;
2. Ifakkar li l-istabilità u l-paċi dejjiema fis-Somalja jistgħu jinkisbu biss permezz tal-inklużjoni soċjali u l-governanza tajba bbażati fuq il-prinċipji tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt; jistieden, għalhekk, lill-mexxejja tas-Somalja iżidu l-isforzi favur it-tlestija għalkollox tal-proċess elettorali tal-pajjiż u jlestu l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet inklużivi u kredibbli għall-Kamra Inferjuri qabel tmiem l-2021, ħalli mbagħad l-elezzjonijiet presidenzjali jkunu jistgħu jsiru mill-aktar fis possibbli; jissottolinja li l-proċess elettorali jrid jipproċedi b'mod paċifiku, f'konformità mal-iskeda miftiehma preċedentement tas-27 ta' Mejju 2021; jistieden ukoll lill-mexxejja tas-Somalja juru rażna u joqogħdu lura minn kwalunkwe azzjoni li tista' teskala t-tensjonijiet politiċi jew il-vjolenza, sabiex jistabbilixxu l-istabilità u jċaħħdu lil al-Shabaab mill-opportunità li jiksbu influwenza politika; jitlob ir-rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali matul il-perjodu tal-kampanja u dak elettorali, inkluż id-dritt tal-għaqda paċifika, u l-libertà tal-moviment, tal-assoċjazzjoni u tal-espressjoni; jikkundanna kull użu eċċessiv tal-forza mill-forzi tal-gvern kontra l-oppożizzjoni politika jew kontra d-dimostranti; iwissi kontra kwalunkwe inizjattiva ulterjuri li twassal biex mandati preċedenti jiġu estiżi mingħajr appoġġ wiesa' mill-partijiet ikkonċernati Somali u jopponi kwalunkwe proċess parallel jew elezzjoni parzjali;
3. Jistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lis-sħab internazzjonali jżidu b'mod urġenti l-assistenza umanitarja f'konformità mar-rekwiżiti u jipprovdu assistenza addizzjonali għar-reazzjoni għall-COVID-19, b'mod partikolari permezz tal-kondiviżjoni tat-tilqim u l-forniment ta' provvisti mediċi u prodotti farmaċewtiċi essenzjali; jissottolinja li l-komunità internazzjonali għandha tgħin biex isir dak kollu li hemm bżonn biex il-pandemija tal-COVID-19 tiġi mrażżna fis-Somalja u fir-reġjun, inkluż permezz ta' distribuzzjoni akbar tat-tilqim u billi tingħata spinta lill-kapaċità tal-manifattura tat-tilqim;
4. Jistieden lill-awtoritajiet Somali jwaqqfu l-arresti arbitrarji kollha u jeħilsu lill-persuni kollha li qed jiġu soġġetti għal detenzjoni illegali u mhux ġustifikabbli, jiġġieldu kontra l-atti ta' fastidju u intimidazzjoni ta' ċivili mill-forzi tas-sigurtà, il-politiċi u l-awtoritajiet lokali, u jiżguraw li dawk responsabbli jagħtu kont ta' għemilhom; jinsisti li l-awtoritajiet iwaqqfu l-eżekuzzjonijiet ordnati mill-qrati militari, jadottaw moratorju u jabolixxu l-piena tal-mewt; iħeġġeġ lill-Gvern tas-Somalja jsaħħaħ l-istat tad-dritt u jistabbilixxi sistema ġudizzjarja indipendenti u imparzjali, u jiżgura r-reparazzjonijiet għall-vittmi ta' vjolenza extraġudizzjarja u eċċessiva; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Somali jadottaw malajr il-politika tal-protezzjoni taċ-ċivili u l-abbozz ta' liġi nazzjonali kontra t-terroriżmu, u jiżguraw il-konformità sħiħa tagħhom man-normi u l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;
5. Jinsab imħasseb ħafna dwar l-għadd ta' rifuġjati u persuni spostati internament (IDPs) fis-Somalja u l-benesseri tagħhom; jistieden lill-UE u lis-sħab internazzjonali jimpenjaw ruħhom mal-Gvern Federali tas-Somalja biex jipprovdu protezzjoni, assistenza u soluzzjonijiet dejjiema f'konformità mal-obbligi internazzjonali; jilqa' r-ratifika mill-Gvern Federali tas-Somalja tal-Konvenzjoni tal-Unjoni Afrikana għall-Protezzjoni u l-Assistenza għal Persuni Spostati Internament fl-Afrika, u jistieden lill-Kummissjoni tassisti lis-Somalja fl-iżvilupp ta' oqfsa legali nazzjonali u fl-iżgurar tas-sikurezza tal-persuni spostati internament (IDPs) u tar-rifuġjati, b'attenzjoni partikolari għal dawk l-aktar vulnerabbli bħan-nisa, it-tfal u l-persuni li jappartjenu lill-gruppi minoritarji, li l-aktar li jinsabu f'riskju ta' vjolenza, abbuż u ksur;
6. Jinsab imħasseb ħafna dwar il-ħsara soċjali u ekonomika kkawżata mit-tibdil fil-klima, inklużi avvenimenti estremi tat-temp u l-pesta tal-ġradijiet; jilqa' l-impenji tas-Somalja fil-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (COP26) tal-2021 għal Tranżizzjoni Ġusta bbażata fuq id-djalogu soċjali u l-prijoritizzazzjoni tal-enerġija rinnovabbli sabiex jiġu koperti l-ħtiġijiet tal-enerġija tas-Somalja; jitlob azzjoni urġenti u l-implimentazzjoni xierqa ta' pjanijiet ta' azzjoni għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni tad-diżastri relatati mal-klima, bħall-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Kriżi tal-Ġradijiet tad-Deżert tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO);
7. Jiddeplora l-attakki mwettqa minn gruppi terroristiċi fuq il-ħaddiema umanitarji, il-qerda tal-infrastruttura u d-devjazzjoni tal-għajnuna; ifakkar li skont id-dritt internazzjonali għandu jiġi garantit aċċess mingħajr xkiel biex l-assistenza umanitarja titwassal f'waqtha lill-persuni li jinsabu fil-bżonn fis-Somalja kollha;
8. Ifakkar fl-appoġġ qawwi tiegħu għad-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent fis-Somalja u għall-ħidma li jwettqu; jistieden lid-delegazzjoni tal-UE u lir-rappreżentanzi tal-Istati Membri tal-UE fil-pajjiż iżidu l-appoġġ tagħhom għas-soċjetà ċivili fl-interazzjonijiet tagħhom mal-awtoritajiet Somali, jużaw l-istrumenti kollha disponibbli biex iżidu l-appoġġ tagħhom għall-ħidma tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent, u, fejn xieraq, jiffaċilitaw il-ħruġ ta' viżi ta' emerġenza, u jipprovdu rifuġju temporanju fl-Istati Membri;
9. Jirrikonoxxi r-rwol li qdiet l-AMISOM fil-kontribut għall-istabbiliment ta' sigurtà akbar quddiem it-theddida ppreżentata minn al-Shabaab u minn gruppi ribelli; jesprimi appoġġ għall-Pjan ta' Tranżizzjoni għas-Somalja rigward l-operazzjonijiet tal-AMISOM, u jappella għall-implimentazzjoni f'waqtha tiegħu; jistieden lill-partijiet ikkonċernati ewlenin tas-sigurtà Somali jilħqu ftehim dwar l-objettivi strateġiċi, id-daqs u l-kompożizzjoni ta' AMISOM futura mfassla biex tappoġġja t-tranżizzjoni tas-sigurtà fis-Somalja, sabiex isir progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Tranżizzjoni għas-Somalja; jitlob li tissaħħaħ l-arkitettura tas-sigurtà nazzjonali sabiex tiġi protetta l-popolazzjoni; jistieden lill-Gvern Federali tas-Somalja, lill-AMISOM u lill-forzi alleati jiżguraw li l-kampanji militari tagħhom kontra al-Shabaab jitwettqu b'aderenza stretta mad-dritt umanitarju internazzjonali u mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;
10. Jissottolinja li l-awtoritajiet Somali għandu jkollhom ir-responsabbiltà primarja li jiżguraw is-sigurtà f'pajjiżhom, iżda għadhom mhumiex f'pożizzjoni li jagħmlu dan fil-ġlieda kontra al-Shabaab u gruppi ribelli; ifakkar fl-importanza, f'konformità mar-Riżoluzzjoni 2568 (2021) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li jiġi żviluppat b'mod urġenti pjan ta' kif tkun tidher preżenza tal-UA rikonfigurata wara l-2021; ifakkar, f'dan il-kuntest, fir-responsabbiltà primarja tan-NU, tal-UA u tal-Gvern Federali tas-Somalja fl-iżvilupp ta' tali pjan, appoġġjat mis-sħab internazzjonali;
11. Iħeġġeġ lill-atturi barranin kollha biex ma jipperikolawx l-isforzi li għaddejjin fil-bini tal-istat u fil-konsolidazzjoni tal-paċi, filwaqt li jippromwovu l-istabilità u, fl-istess ħin, jippreservaw l-unità tal-pajjiż; ifakkar lill-partijiet kollha fl-embargo li għadu għaddej fuq l-armi adottat mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-Somalja;
12. Jilqa' ż-żieda fir-rappreżentanza tan-nisa fl-elezzjonijiet parlamentari, filwaqt li jinnota li għad hemm bżonn ta' rappreżentanza akbar; jenfasizza r-rwol importanti li in-nisa jaqdu fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u fil-konsolidazzjoni tal-paċi; jitlob li jkun hemm il-parteċipazzjoni u l-involviment sħaħ, ugwali u sinifikattivi tan-nisa fil-livelli kollha f'konformità mal-Karta tan-Nisa Somali;
13. Jikkundanna l-vjolenza sesswali u sessista li għaddejja kontra n-nisa u l-bniet fis-Somalja, u jappella għal sforzi nazzjonali kontinwi u miftiehma biex tiġi miġġielda l-vjolenza sesswali u sessista, inkluża t-traspożizzjoni effettiva fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni 190 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-vjolenza u l-fastidju fid-dinja tax-xogħol, li s-Somalja rratifikat, ir-ratifika tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa u l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni progressiva kontra l-mutilazzjoni ġenitali femminili kemm fil-livell ta' Stat kif ukoll f'dak Federali; iħeġġeġ lill-Gvern tas-Somalja jieħu miżuri konkreti biex jipprevjeni l-vjolenza sesswali kontra n-nisa u t-tfal;
14. Jistieden lill-awtoritajiet Somali jirrevokaw id-dispożizzjonijiet tal-liġi emendata tal-2020 dwar il-media li tillimita severament il-libertà tal-media u l-libertà tal-espressjoni, u li ma tikkonformax mal-istandards internazzjonali dwar il-libertà tal-espressjoni;
15. Jiddeplora l-attakki li saru dan l-aħħar fuq ġurnalisti u persunal tal-media li għandhom rwol leġittimu x'jaqdu fil-bini tal-istat u fil-proċess elettorali, u li għandhom ikunu jistgħu jwettqu xogħolhom mingħajr biża' jew intimidazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet Somali jwettqu u jikkonkludu investigazzjonijiet dwar il-qtil tal-ġurnalisti kollha matul l-2021, inkluż dak ta' Jamal Farah Adan, u jressqu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja;
16. Iħeġġeġ lill-Gvern Federali tas-Somalja u lill-Istati Membri Federali tiegħu jiddikjaraw, mingħajr dewmien, moratorju fuq l-arrest u l-priġunerija tal-ġurnalisti waqt il-qadi tad-dmirijiet ġurnalistiċi tagħhom, kif propost minn Reporters Without Borders u l-Unjoni Nazzjonali tal-Ġurnalisti Somali, u jtemmu l-użu kontinwu tal-kodiċi kriminali antik u antikwat tas-Somalja biex jikkastigaw lill-ġurnalisti u jrażżnu l-libertà tal-media u l-libertà tal-espressjoni;
17. Jistieden lill-Gvern Federali tas-Somalja, lill-Istati Membri Federali tiegħu u lill-komunità internazzjonali jiżguraw li l-kumpaniji barranin jew multinazzjonali li joperaw fis-Somalja jirrispettaw, jiddefendu u japplikaw bis-sħiħ it-trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u strumenti legali oħra, inklużi l-kostituzzjoni proviżorja u l-liġijiet tas-Somalja, kif ukoll il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO; jissottolinja l-ħtieġa li jitqiegħdu fil-mira l-finanzi ta' Al-Shabaab u li tiġi pprevenuta l-ġenerazzjoni illeċita ta' dħul, inkluż minn materja prima;
18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-President, lill-Prim Ministru u lill-Parlament tas-Somalja, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.
Il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq minn kumpaniji militari u tas-sigurtà privati, b'mod partikolari l-Grupp Wagner
167k
56k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2021 dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq minn kumpaniji militari u tas-sigurtà privati, b'mod partikolari l-Grupp Wagner (2021/2982(RSP))
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2017 dwar il-kumpaniji tas-sigurtà privati(1), ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 2020 dwar il-kooperazzjoni UE-Afrika fil-qasam tas-sigurtà fir-reġjun tas-Saħel, fil-Punent tal-Afrika u fil-Qarn tal-Afrika(2), ir-rakkomandazzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 2021 dwar id-direzzjoni tar-relazzjonijiet politiċi bejn l-UE u r-Russja(3), u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2018 dwar is-Somalja(4),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1998 tas-7 ta' Diċembru 2020 dwar miżuri restrittivi kontra ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem(5) (ir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokolli anċillari tagħhom,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-1977 tal-Organizzazzjoni tal-Unità Afrikana għall-Eliminazzjoni tal-Merċenjariżmu fl-Afrika,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1989 Kontra r-Reklutaġġ, l-Użu, il-Finanzjament u t-Taħriġ ta' Merċenarji,
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Montreux dwar obbligi legali internazzjonali pertinenti u prattiki tajba għall-Istati relatati mal-operazzjonijiet ta' kumpaniji militari u tas-sigurtà privati matul konflitt armat tas-17 ta' Settembru 2008 (id-Dokument ta' Montreux),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-1 ta' Ottubru 2021 tal-Missjoni Indipendenti ta' Ġbir ta' Informazzjoni dwar il-Libja stabbilita mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-esperti tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tal-31 ta' Marzu 2021 dwar il-ħarrieġa Russi u tas-27 ta' Ottubru 2021 dwar il-Grupp Wagner fir-Repubblika Ċentru-Afrikana,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Konferenza Internazzjonali ta' Pariġi għal-Libja tat-12 ta' Novembru 2021,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tan-NU dwar l-Użu ta' Servizzi ta' Sigurtà Armati minn Kumpaniji ta' Sigurtà Privati,
– wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra r-rapporti, l-istqarrijiet għall-istampa u l-ittri ta' allegazzjoni tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar l-użu tal-merċenarji bħala mezz li jikser id-drittijiet tal-bniedem u jimpedixxi l-eżerċizzju tad-dritt tal-popli għall-awtodeterminazzjoni (Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar l-użu tal-merċenarji) b'mod partikolari dawk tal-24 ta' Marzu 2021 u tas-27 ta' Ottubru 2021,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-25 ta' Ġunju 2021 tal-Bord ta' Esperti dwar ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, estiża skont ir-Riżoluzzjoni 2536 (2020) indirizzata lill-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,
– wara li kkunsidra l-grupp ta' ħidma intergovernattiv miftuħ biex jelabora l-kontenut ta' qafas regolatorju internazzjonali, mingħajr preġudizzju għan-natura tiegħu, relatat mal-attivitajiet tal-kumpaniji privati militari u tas-sigurtà,
– wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta Internazzjonali għall-Fornituri Privati ta' Servizzi ta' Sigurtà,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-kumpaniji privati militari u tas-sigurtà (PMSCs) huma entitajiet kummerċjali privati li jipprovdu servizzi militari u/jew ta' sigurtà li jistgħu jinkludu, fost oħrajn, għassa armata, manutenzjoni u operat ta' sistemi tal-armi, detenzjoni tal-ħabsin u konsulenza jew taħriġ għall-forzi lokali u l-persunal tas-sigurtà; billi d-dipendenza ta' atturi statali u mhux statali fuq il-PMSCs żdiedet b'mod sinifikanti f'żoni ta' kunflitt f'dawn l-aħħar snin; billi l-kunflitti tas-seklu 21, li bdew bil-gwerer fl-Afganistan u fl-Iraq, esperjenzaw l-involviment tal-PMSCs fil-livelli kollha, kemm għal appoġġ loġistiku kif ukoll għal operazzjonijiet ta' intensità għolja;
B. billi s-sitwazzjoni regolatorja attwali f'dan is-settur hija magħmula minn sensiela ta' regoli inkonsistenti li jvarjaw ħafna bejn il-pajjiżi; billi l-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-awtoregolamentazzjoni mhux omoġenji adottati minn ċerti PMSCs mhumiex biżżejjed biex jipprevjenu l-abbuż, minħabba n-nuqqas ta' penali, u jista' jkollhom impatt kbir fuq kif il-PMSCs joperaw f'interventi multilaterali u f'reġjuni ta' konflitt;
C. billi l-PMSCs huma marbuta bid-dritt internazzjonali meta jieħdu sehem f'-ostilitajiet, b'mod partikolari kif stabbilit fil-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra li hija rratifikata mill-Istati Membri kollha tan-NU; billi d-dispożizzjonijiet legali tal-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra huma rrikonoxxuti bħala dritt internazzjonali konswetudinarju; billi l-Artikolu 47 tal-Protokoll Addizzjonali I għall-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra jipprevedi definizzjoni ta' merċenarji; billi, fuq din il-bażi, il-merċenarji huma definiti bħala nies ċivili u għalhekk mhumiex permessi jipparteċipaw f'kunflitt; billi l-Konvenzjoni Internazzjonali Kontra r-Reklutaġġ, l-Użu, il-Finanzjament u t-Taħriġ ta' Merċenarji tipprojbixxi l-merċenarji;
D. billi għaddejja l-ħidma dwar ir-regolamentazzjoni tal-PMSCs, b'mod partikolari fil-grupp ta' ħidma intergovernattiv miftuħ tan-NU biex jelabora l-kontenut ta' qafas regolatorju internazzjonali, mingħajr preġudizzju għan-natura tiegħu, relatat mal-attivitajiet tal-kumpaniji privati militari u tas-sigurtà; billi hemm pjan biex jiġi ppreżentat abbozz ta' qafas regolatorju għall-PMSCs f'April 2022; billi l-UE ġiet eletta fil-Grupp tal-Ħbieb tal-Presidenza tal-Forum tad-Dokument ta' Montreux;
E. billi għadd kbir ta' membri tal-PMSCs li jaġixxu bħala merċenarji wettqu ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi delitti tal-gwerra, kemm kontra ġellieda kif ukoll kontra nies ċivili fil-kunflitti tal-passat, reċenti u li għadhom għaddejjin; billi l-parti l-kbira ta' dawk il-vjolazzjonijiet twettqu b'impunità u ma sarux investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet jew kundanni dwarhom;
F. billi xi pajjiżi, bħar-Russja, it-Turkija u l-Emirati Għarab Magħquda, huma preżenti f'diversi żoni ta' kunflitt jew ta' wara kunflitt madwar id-dinja permezz tal-PMSCs;
G. billi l-Grupp Wagner huwa xibka ta' paramilitari u negozji li huma affiljati permezz ta' sovrapożizzjonijiet fin-networks ta' sjieda u loġistika; billi l-Grupp Wagner jispikka fost il-PMSCs l-oħra għal diversi aspetti, bħall-konnessjonijiet irrapportati tiegħu mal-ogħla livelli tal-Istat Russu, il-preżenza rrapportata tiegħu f'diversi stati, l-iskala tal-operazzjonijiet tiegħu, b'madwar 10 000 impjegat u l-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem li ġie ddokumentat u li bih huwa akkużat; billi l-liġi Russa tipprojbixxi l-użu ta' merċenarji skont l-Artikolu 359 tal-Kodiċi Kriminali tagħha, li tippermetti lill-Kremlin jitbiegħed pubblikament mill-azzjonijiet illegali tal-PSMCs, bħall-Grupp Wagner, filwaqt li fl-istess waqt tipprovdi għadd ta' lakuni li jagħmluha possibbli li l-PSMCs jintużaw bħala għodda politika u militari importanti f'kunflitti madwar id-dinja;
H. billi r-rabtiet tiegħu mal-awtoritajiet Russi ġew dokumentati minn organizzazzjonijiet indipendenti, bħal Bellingcat, permezz ta' rapporti ppubblikati minn Jannar 2019 sa Novembru 2021; billi l-Grupp Wagner allegatament jiddependi fuq infrastruttura militari Russa, jikkondividi bażi mal-militar Russu, juża t-trasport ta' inġenji tal-ajru militari Russi u juża servizzi tal-kura tas-saħħa militari; billi huwa ffinanzjat parzjalment permezz ta' kuntratti li jiswew miljuni għall-forniment ta' ikel u kostruzzjoni għall-Forzi Armati Russi mogħtija lil kumpaniji marbuta ma' Yevgeny Prigozhin, alleat qrib tal-President Russu Vladimir Putin; billi l-aġenzija tal-intelligence militari tar-Russja GRU, il-Ministeru tad-Difiża tagħha u s-servizzi konsulari tagħha huma involuti bis-sħiħ fil-finanzjament, ir-reklutaġġ, it-taħriġ u l-protezzjoni tal-operaturi tal-Grupp Wagner;
I. billi l-UE imponiet sanzjonijiet fuq is-Sur Prigozhin għall-involviment tiegħu fil-kunflitt Libjan; billi diversi kumpaniji taħt il-kontroll tiegħu huma taħt sanzjonijiet tal-Istati Uniti talli "jappoġġjaw l-operazzjonijiet paramilitari tar-Russja, jippreservaw ir-reġimi awtoritarji u jisfruttaw ir-riżorsi naturali", skont it-Teżor tal-Istati Uniti;
J. billi l-użu tal-PMSCs mill-Kremlin huwa msejjes fuq l-istorja twila tal-Unjoni Sovjetika li tħaddem forzi proxy barra mill-pajjiż billi tibgħat eluf ta' speċjalisti militari fl-għamla ta' "konsulenti" għal bosta kunflitti madwar id-dinja, filwaqt li uffiċjalment tiċħad l-involviment tar-Russja; billi fil-11 ta' April 2012, il-President Putin iddikjara fid-diskors tiegħu lid-Duma Russa li "grupp ta' kumpaniji militari privati jkun għodda effiċjenti biex jintlaħqu l-għanijiet nazzjonali mingħajr l-involviment dirett tal-Istat Russu"; billi d-denominazzjoni Grupp Wagner qiegħda titneħħa gradwalment biex jiġi evitat skrutinju pubbliku u ma tidhirx rabta bejnu u s-Sur Prigozhin u l-President Putin, u l-grupp qiegħed jiġi sostitwit minn entitajiet oħra b'ismijiet differenti; billi l-Kremlin, permezz ta' din il-kostruzzjoni u minħabba li l-Grupp Wagner ma għandu ebda status legali, qiegħed jipprova jiċħad b'mod plawżibbli l-azzjonijiet u r-reati mwettqa mill-grupp;
K. billi fil-kuntest tal-aggressjoni Russa fuq l-Ukrajna, l-użu tal-PMSCs bħall-Grupp Wagner, E.N.O.T Corp, il-Cossacks u oħrajn jaf huwa maħsub għall-ħabi ta' interferenza militari, l-evitar ta' vittmi fost truppi militari regolari u b'hekk jinħbew mill-pubbliku Russu l-imwiet ikkawżati mill-aggressjonijiet militari;
L. billi l-Grupp Wagner ġie identifikat għall-ewwel darba fl-2014 meta appoġġja separatisti favur ir-Russja u għen lill-militar Russu fl-ostilitajiet tal-gwerra fir-reġjun tad-Donbas fl-Ukrajna u fl-invażjoni u l-annessjoni illegali tal-Krimea tal-Ukrajna; billi minn dak iż-żmien kien involuta f'kunflitti fis-Sirja, fis-Sudan, fil-Mozambique, fil-Libja, fir-Repubblika Ċentru-Afrikana u fil-Venezwela;
M. billi fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, esperti tan-NU mill-Gruppi ta' Ħidma tan-NU dwar l-użu tal-merċenarji, dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem u dwar l-għajbien furzat, kif ukoll ir-Rapporteurs Speċjali tan-NU dwar it-tortura u dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji, ikkonkludew b'mod konġunt f'Ottubru 2021 li l-Grupp Wagner kien wettaq ksur gravi u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi eżekuzzjonijiet sommarji tal-massa, detenzjonijiet arbitrarji, vjolenza sesswali, sakkeġġ, għajbien furzat u tortura waqt l-interrogazzjonijiet;
N. billi l-Grupp Wagner kien involut f'akkwiżizzjonijiet f'għamla ta' ħtif ta' riżorsi essenzjali bħat-tħaffir fil-minjieri u r-rikavat mid-dwana, li b'hekk dgħajfu l-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u ċaħħadhom minn riżorsi pubbliċi essenzjali; billi, pereżempju, wara l-iffirmar ta' ftehim militari fl-2018 bejn ir-Russja u r-Repubblika Ċentru-Afrikana, il-kumpanija Lobaye Invest tal-Grupp Wagner ingħatat drittijiet ta' esplorazzjoni għad-deheb u d-djamanti f'diversi siti tal-minjieri; billi rapport ta' CNN f'Ġunju 2021 żvela li l-merċenarji Russi qatlu nies ċivili u keċċew lin-nies lokali miż-żoni tal-minjieri;
O. billi fil-Libja il-Grupp Wagner huwa involut f'operazzjonijiet ta' appoġġ loġistiku u ta' ġlied li jappoġġjaw lill-Ġeneral Libjan tar-ribelli Khalifa Haftar mill-inqas sa mill-2018; billi skont ir-rapport tal-Missjoni ta' Ġbir ta' Informazzjoni tan-NU fil-Libja ta' Ottubru 2021, il-Grupp Wagner kien involut f'delitti tal-gwerra, inklużi eżekuzzjonijiet sommarji ta' nies ċivili u detenuti, skjavitù, tħawwil ta' mini tal-art kontra l-persunal, li huma pprojbiti internazzjonalment, u l-qtil jew il-mankament ta' nies ċivili inklużi tfal, pereżempju fil-villaġġ ta' al-Sbeaa li jinsab fin-Nofsinhar ta' Tripli; billi r-rapport jiddokumenta diversi ksur ripetut tal-embargo tan-NU fuq l-armi u l-użu ta' inġenji tal-ajru tal-merkanzija militari Russi mill-Grupp Wagner; billi l-appoġġ tal-merċenarji u tal-istrutturi militari Russi għal gruppi armati radikali kompla jiddestabilizza l-viċinat tan-Nofsinhar tal-UE;
P. billi fit-12 ta' Novembru 2021, il-pajjiżi parteċipanti fil-Konferenza ta' Pariġi għal-Libja esprimew l-oppożizzjoni tagħhom għal kwalunkwe ndħil barrani fl-affarijiet Libjani u appoġġjaw l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni għall-irtirar ta' merċenarji kif ukoll ġellieda u forzi barranin mit-territorju Libjan; billi fil-bidu ta' Novembru 2021, it-Turkija bagħtet madwar 150 merċenarju Sirjan addizzjonali fil-Libja, minbarra s-7 000 li kienu diġà preżenti fil-pajjiż u leali lejn it-Turkija, minkejja l-appelli lokali u internazzjonali biex jiġu rtirati l-forzi barranin kollha qabel l-elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali skedati għall-24 ta' Diċembru 2021; billi skont ir-rapport finali tal-Panel ta' Esperti tan-NU dwar il-Libja mwaqqaf bir-Riżoluzzjoni 1973 (2011), ippubblikat f'Settembru 2019, il-kumpanija Emiratjana Black Shield Security Services irreklutat ċittadini Sudaniżi biex iservu fil-kunflitt Libjan;
Q. billi minn tmiem l-2015, aġenti tal-Grupp Wagner bdew jintbagħtu s-Sirja biex jgħinu lill-militar Russu fl-intervent tiegħu biex isalva r-reġim ta' Assad; billi l-merċenarji wettqu u ffilmjaw delitti tal-waħx fil-konfront tal-popolazzjoni Sirjana, bħal tortura, qtil u qtugħ ir-ras ta' persuni ċivili fl-inħawi ta' Palmira; billi linja tal-ajru privata Sirjana, Cham Wings, kienet involuta fit-trasport ta' merċenarji mir-Russja lejn il-Libja u aktar reċentement fit-trasport ta' migranti lejn Minsk;
R. billi l-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar l-użu ta' merċenarji semma rapporti li jallegaw li l-Ażerbajġan, bl-għajnuna tat-Turkija, bagħat merċenarji Sirjani biex isostnu l-operazzjonijiet militari tiegħu fir-reġjun tal-kunflitt ta' Nagorno-Karabakh;
S. billi, fit-30 ta' Lulju 2018, tliet ġurnalisti Russi li kienu ngħataw premjijiet għal xogħolhom inqatlu waqt li kienu qed jinvestigaw l-attivitajiet minerarji tal-Grupp Wagner fir-Repubblika Ċentru-Afrikana; billi skont il-Committee to Protect Journalists, il-mewt tal-ġurnalist Russu Maxim Borodin, li kien irrapporta dwar l-attivitajiet tal-Grupp Wagner fis-Sirja f'Marzu 2018, kienet parti minn sensiela ta' ġurnalisti li mietu fir-Russja waqt li kienu qed jaħdmu fuq kwistjonijiet sensittivi b'riperkussjonijiet potenzjali għall-awtoritajiet;
T. billi fil-15 ta' Novembru 2021, il-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà Josep Borrell ħabbar kunsens fost il-ministri għall-affarijiet barranin tal-UE biex jittieħdu miżuri restrittivi kontra l-Grupp Wagner fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE f'Diċembru 2021; billi fl-20 ta' Settembru 2021 huwa wissa dwar il-possibbiltà li l-Grupp Wagner jintervjeni fil-Mali;
U. billi rapporti jgħidu li l-Grupp Wagner u l-awtoritajiet Maljani għandhom ftehim li jinkludi pjanijiet biex jintbagħtu 1 000 kuntrattur fil-pajjiż; billi l-UE għandha missjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) preżenti fil-Mali;
V. billi fis-7 ta' Diċembru 2020, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2020/1998 li jistabbilixxi r-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem, li jippermetti lill-UE timponi miżuri restrittivi fuq individwi, entitajiet u korpi speċifiċi – inklużi Stati u atturi mhux statali – li jkunu responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u abbużi madwar id-dinja, jew ikunu involuti fihom jew assoċjati magħhom; billi l-UE għandha r-responsabbiltà li tagħmel użu sħiħ minn dan ir-regolament f'każ ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem;
1. Jesprimi t-tħassib serjissmu tiegħu dwar il-firxa wiesgħa ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali li qed ikomplu jiġu rrappurtati b'rabta mal-attivitajiet dejjem akbar tal-kumpaniji militari u tas-sigurtà privati u li għalihom, fil-biċċa l-kbira, ħadd għadu ma nżamm responsabbli;
2. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-atroċitajiet imwettqa mill-Grupp Wagner u minn entitajiet militari privati relatati; jenfasizza l-indikazzjonijiet qawwijin li l-Istat Russu huwa responsabbli mill-finanzjament, it-taħriġ, il-ġestjoni u l-kmand operattiv ta' dawn il-gruppi paramilitari; jissottolinja li l-attivitajiet tal-Grupp Wagner jikkoinċidu u jikkorrispondu mat-tixrid tal-influwenza tar-Russja f'żoni ta' kunflitt; jesprimi l-konvinzjoni soda tiegħu li l-Grupp Wagner, u kuntratturi tas-sigurtà oħra mmexxija mir-Russja, għandhom jiġu ttrattati bħala organizzazzjonijiet li joperaw f'isem l-Istat Russu;
3. Jistieden lill-awtoritajiet Russi jinfurzaw il-Kodiċi Kriminali Russu, partikolarment l-Artikolu 359 li jipprojbixxi r-reklutaġġ, it-taħriġ, il-finanzjament jew il-forniment materjali ta' merċenarji u l-użu tagħhom f'kunflitt armat; jistieden lill-awtoritajiet Russi, f'dan ir-rigward, jipprojbixxu wkoll lill-intrapriżi mmexxija mill-istat milli jkollhom kumpaniji militari privati involuti f'attivitajiet merċenarji li jiksru d-dritt umanitarju internazzjonali;
4. Jissottolinja l-importanza tal-ġlieda kontra l-istrateġija tal-Grupp Wagner u l-affiljati tiegħu, partikolarment il-ħabi tal-identità tiegħu bl-użu ta' ismijiet differenti biex jaħrab mill-iskrutinju internazzjonali;
5. Jistieden lill-Istati kollha li jużaw is-servizzi tal-Grupp Wagner u l-affiljati tiegħu, partikolarment ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, biex jaqtgħu r-rabtiet kollha mal-grupp u l-impjegati tiegħu; jistieden lill-istati kollha jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom fl-infurzar tad-dritt internazzjonali, jinvestigaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem irrappurtat u jieħdu passi ġudizzjarji kontra kumpaniji stabbiliti fit-territorju tagħhom meta jkunu involuti f'attivitajiet li jiksru d-dritt internazzjonali; jappoġġja, f'dan ir-rigward, l-isforzi tal-gruppi tad-drittijiet tal-bniedem u tal-individwi biex il-membri tal-Grupp Wagner jinżammu responsabbli għal delitti mwettqa fl-Ukrajna, fis-Sirja, fil-Libja u fir-Repubblika Ċentru-Afrikana;
6. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar sinjali li l-awtorità tranżitorja tal-Mali qed tikkontempla l-użu ta' kumpaniji militari privati, partikolarment il-Grupp Wagner; iħeġġeġ lill-Mali ma jiħux din id-direzzjoni; jemmen bis-sħiħ li l-involviment tal-Grupp Wagner imur kontra l-objettiv tar-ritorn tal-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà fil-Mali u l-protezzjoni tal-poplu Maljan, li huma l-għanijiet fundamentali mfittxija mill-UE permezz tal-missjonijiet tal-PSDK tagħha u mill-Istati Membri tal-UE li jaġixxu fuq talba tal-awtoritajiet tal-Mali;
7. Jemmen li l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-UE ma jistgħux jagħtu riżultati adegwati u jġibu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà fil-pajjiżi sħab meta fl-istess waqt u fl-istess pajjiż ikunu qed joperaw kumpaniji tas-sigurtà privati akkużati bi ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem; jiġbed l-attenzjoni dwar kampanji ta' diżinformazzjoni mmirati kontra missjonijiet u operazzjonijiet tal-UE fl-Afrika li l-Grupp Wagner u l-affiljati tiegħu jista' jkun li huma responsabbli għalihom bħala parti mill-gwerra ibrida moderna tar-Russja; jistieden lill-unitajiet rilevanti tat-task force StratCom tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jirrappurtaw dwar dawn il-kampanji ta' diżinformazzjoni;
8. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħtfu kull opportunità biex jikkomunikaw lill-pajjiżi rilevanti r-riskji assoċjati mal-adeżjoni jew il-kollaborazzjoni mal-Grupp Wagner u l-affiljati tiegħu, u jenfasizzaw il-passat terribbli tal-grupp f'dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-gvernijiet jiżguraw dispożizzjonijiet stretti dwar ir-rispett tad-dritt umanitarju internazzjonali, is-sorveljanza demokratika u l-obbligu ta' rendikont f'kuntratti ma' kumpaniji militari u tas-sigurtà privati barranin għal assistenza militari u servizzi ta' sigurtà; iħeġġeġ lill-Istati jkunu kompletament trasparenti fir-rigward tal-kuntratti mogħtija għal servizzi ta' appoġġ militari, speċjalment fir-rigward tal-għadd, il-kompiti u l-ktajjen ta' kmand ta' kumpaniji militari u tas-sigurtà privati preżenti fit-territorji tagħhom, kif ukoll it-tagħmir użat biex jeżegwixxu l-kuntratti tagħhom;
9. Jistieden lis-SEAE jħejji rapport dwar l-attivitajiet tal-Grupp Wagner sabiex tingħata stampa ġenerali ċara tal-ksur differenti tiegħu, li mbagħad jgħin biex tiġi żgurata r-responsabbiltà għad-diversi reati u titwitta t-triq biex min ikun ikkommettihom jitressaq quddiem tribunali internazzjonali; jafferma li l-Parlament se jkompli jsegwi l-kwistjoni mill-qrib permezz ta' rapport u, eventwalment, seduti ta' smigħ;
10. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-alleati tagħhom iżidu l-qsim ta' intelligence dwar il-Grupp Wagner u l-affiljati tiegħu;
11. Jistieden lill-Kummissjoni tara li l-fondi tal-UE ma jkunu jistgħu fl-ebda ċirkustanza jintużaw mill-pajjiżi benefiċjarji biex jiffinanzjaw kumpaniji militari privati b'passat bħal dan f'dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni tqajjem dan is-suġġett fid-djalogu bilaterali tagħha mal-pajjiżi rilevanti kollha;
12. Jitlob li l-pajjiżi li fihom qed jitwettqu missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK tal-UE b'appoġġ għall-bini tal-kapaċità tal-Istat itemmu l-kuntratti tagħhom ma' kumpaniji militari u tas-sigurtà privati li jiksru d-drittijiet tal-bniedem; jitlob li l-Kummissjoni tagħmel rieżami kritiku tal-appoġġ li l-UE tagħti lill-gvernijiet u l-istituzzjonijiet statali assoċjati mal-Grupp Wagner; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni joqogħdu lura minn proġetti ta' kooperazzjoni ġodda li jipprovdu appoġġ baġitarju dirett lill-gvernijiet li għandhom rabtiet mal-Grupp Wagner; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jirridirezzjonaw dan l-appoġġ baġitarju lejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u proġetti li jkunu ta' benefiċċju dirett għall-popolazzjonijiet ta' dawn il-pajjiżi;
13. Ifakkar li l-UE u l-Istati Membri tagħha m'għandhomx jirrikorru għal kumpaniji tas-sigurtà privati f'żoni ta' kunflitt ħlief biex jipproteġu l-bini tagħhom jew jiżguraw is-sigurtà tat-trasport, u dment li dawn ikunu jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali; jenfasizza li l-ebda attività li timplika l-użu tal-forza u/jew il-parteċipazzjoni attiva fl-ostilitajiet m'għandha tiġi esternalizzata lil kumpaniji militari u tas-sigurtà privati, ħlief f'każijiet ta' awtodifiża, u kumpaniji militari u tas-sigurtà privati m'għandhom fl-ebda ċirkustanza jitħallew jagħmlu jew jieħdu sehem f'interrogazzjonijiet; jemmen bis-sħiħ li s-sigurtà u d-difiża għandhom jiġu pprovduti primarjament mill-awtoritajiet pubbliċi;
14. Jitlob li l-kwistjoni tal-attivitajiet tal-Grupp Wagner u ta' kumpaniji militari privati oħra fl-Afrika tiġi diskussa bir-reqqa waqt is-Summit UE-Afrika li ġej;
15. Itenni l-appell magħmul waqt il-Konferenza ta' Pariġi għal-Libja tat-12 ta' Novembru 2021 biex il-ġellieda barranin kollha, inklużi l-merċenarji, jitilqu mit-territorju Libjan; iħeġġeġ lir-Russja, it-Turkija, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Istati l-oħra kollha jirrispettaw dak l-appell, jieqfu immedjatament jibagħtu merċenarji lejn il-Libja u jirtiraw lil dawk li hemm bħalissa fil-pajjiż;
16. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jirtiraw il-merċenarji kollha mil-Lvant tal-Ukrajna u mill-Krimea; jappoġġja l-isforzi tal-awtoritajiet Ukreni biex iressqu membri tal-Grupp Wagner li joperaw fil-Krimea u fid-Donbas quddiem qorti tal-Ukrena u jistieden lill-Interpol tikkoopera mill-qrib f'dawn il-każijiet u f'każijiet simili oħra;
17. Jilqa' d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ dwar l-adozzjoni imminenti ta' sanzjonijiet tal-UE mmirati min-naħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin kontra individwi u entitajiet rilevanti affiljati mal-Grupp Wagner, kif ukoll individwi u entitajiet li jaħdmu magħhom, permezz ta' reġimi ta' sanzjonijiet eżistenti tal-UE bħar-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem; jitlob li dawn is-sanzjonijiet jinkludu projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u ffriżar ta' assi fil-konfront tal-aġenti tal-Grupp Wagner; jistieden lill-pajjiżi sħab, inklużi l-Istati Membri tal-Unjoni Afrikana, jadottaw sanzjonijiet simili; jistieden lill-UE tħejji u tadotta miżuri restrittivi għal kumpaniji militari u tas-sigurtà privati oħra li qed jiksru d-drittijiet tal-bniedem;
18. Jistieden lill-Istati Membri kollha tan-NU jirratifikaw u jimplimentaw bis-sħiħ il-protokolli addizzjonali għall-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra, u jsaħħu d-dritt internazzjonali għall-projbizzjoni effettiva tal-merċenarji, skont l-ispirtu tal-Konvenzjoni tal-OUA tal-1977 għall-Eliminazzjoni tal-Merċenarjat fl-Afrika, il-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1989 Kontra r-Reklutaġġ, l-Użu, il-Finanzjament u t-Taħriġ ta' Merċenarji u d-Dokument ta' Montreux tal-2008;
19. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw li jkun hemm qafas regolatorju ċar u vinkolanti għall-kumpaniji militari u tas-sigurtà privati, partikolarment fil-kuntest tal-grupp ta' ħidma intergovernattiv miftuħ tan-NU, speċjalment fir-rigward ta' proġetti kbar f'pajjiżi terzi ffinanzjati minn investituri jew istituzzjonijiet finanzjarji bbażati fl-UE, u jiżguraw li tali proġetti jsirilhom monitoraġġ trasparenti; jistenna b'interess il-pubblikazzjoni tal-abbozz ta' dan il-qafas f'April 2022; jitlob rekwiżiti ta' diliġenza dovuta obbligatorji għal entitajiet li jqabbdu kumpaniji militari u tas-sigurtà privati;
20. Jesprimi l-appoġġ tiegħu għax-xogħol magħmul mill-Grupp ta' Ħidma tan-NU; jistieden lill-Istati fejn ġew irrappurtati allegazzjonijiet ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem minn kumpaniji militari u tas-sigurtà privati jagħmlu stedina uffiċjali lill-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar l-użu ta' merċenarji għal żjara urġenti fil-pajjiż;
21. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaġixxu b'determinazzjoni biex jindirizzaw il-lakuna fl-obbligu ta' rendikont tal-kumpaniji militari u tas-sigurtà privati, inkluż fir-rigward tas-sorveljanza u l-monitoraġġ tat-trasparenza; ifakkar lill-Istati kollha fl-obbligu tagħhom li jiżguraw li l-kumpaniji militari u tas-sigurtà privati taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom jew li joperaw fit-territorju tagħhom jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem; jissottolinja l-bżonn li jiġu żgurati rimedji ġudizzjarji, inklużi sanzjonijiet kriminali, għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jirriżulta mill-attivitajiet ta' kumpaniji militari u tas-sigurtà privati; jitlob aċċess bla xkiel għall-ġustizzja u rimedju għall-vittmi kollha ta' kwalunkwe ksur, inklużi abbużi mwettqa minn merċenarji Russi; jistieden lill-UE tinkoraġġixxi u tappoġġja sforzi f'ġuriżdizzjonijiet nazzjonali u internazzjonali favur il-ftuħ ta' proċedimenti kriminali biex il-kumpaniji militari u tas-sigurtà privati jinżammu responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lir-Russja, għal dan il-għan, tikkoopera bis-sħiħ man-NU, l-UE u l-pajjiżi fejn il-Grupp Wagner allegatament ikkommetta reati;
22. Huwa tal-fehma li t-tisħiħ tal-missjonijiet ta' taħriġ tal-UE (EUTMs) jikkontribwixxi b'mod aktar effettiv għar-riforma tas-settur tas-sigurtà fil-pajjiżi sħab; huwa tal-fehma li l-implimentazzjoni rapida tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi, f'konformità sħiħa mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill dwar il-kontrolli fuq l-esportazzjoni tal-armi(6), id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-dritt umanitarju internazzjonali, u dispożizzjonijiet ta' trasparenza effettivi, inkluża lista dettaljata ta' tagħmir ipprovdut fl-ambitu tal-faċilità, iżżid l-influwenza tal-UE fil-bini tal-kapaċità tal-forzi armati tal-pajjiżi sħab u tiżgura li ma jirrikorrux għal kumpaniji militari u tas-sigurtà privati li m'għandhomx l-istess valuri tagħna;
23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.
Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kamerun, b'mod partikolari dik tat-18 ta' April 2019(1),
– wara li kkunsidra r-Rapport dwar is-Sitwazzjoni fil-Kamerun tal-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji tal-5 ta' Novembru 2021 u r-rapport annwali tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja 2020 – Rapport tal-pajjiż: Kamerun tal-21 ta' Ġunju 2021,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE ("il-Ftehim ta' Cotonou"),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li l-Kamerun irratifika fl-1993,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Kamerun,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-protesti inizjalment paċifiċi promossi mill-Konsorzju tas-Soċjetà Ċivili Anglofona tal-Kamerun kontra l-emarġinazzjoni mill-gvern federali tar-reġjuni Anglofoni tal-Kamerun fl-2016 ġew imrażżna bi vjolenza estrema mill-awtoritajiet tal-istat, u dan kompla jkabbar l-appoġġ għas-separatiżmu u l-ħolqien ta' diversi milizzji separatisti li talbu stat ġdid, l-Ambażonja, u wassal għal kunflitt militari mdemmi;
B. billi d-djalogu huwa prerekwiżit għall-paċi, u l-gvern tal-President Paul Biya rrifjuta konsistentement taħditiet diretti ma' kwalunkwe mexxej separatista mir-reġjuni Anglofoni;
C. billi l-Kamerun qed jiffaċċja għadd ta' sfidi simultanji fil-livell politiku u tas-sigurtà, inkluż theddid minn Boko Haram fir-reġjun tat-Tramuntana Estrema tiegħu u ribelljoni separatista armata interna li ilha għaddejja kważi 5 snin fir-reġjuni Anglofoni tiegħu tal-Majjistral u tal-Lbiċ;
D. billi għalliema u avukati Anglofoni organizzaw strajkijiet u dimostrazzjonijiet fl-2016 fir-reġjuni tal-Majjistral u tal-Lbiċ b'oppożizzjoni għall-impożizzjoni tas-sistema ġuridika Franċiża u l-lingwa Franċiża fil-qrati u fil-klassijiet tagħhom, li wasslet għall-kriżi; billi l-kunflitt armat, li ilu għaddej mill-2017, qatel eluf ta' nies u wassal għal kriżi umanitarja fuq skala kbira fir-reġjuni Anglofoni tal-Kamerun;
E. billi sal-lum, aktar minn 3 000 ċivili u mijiet ta' membri tal-forzi tas-sigurtà tilfu ħajjithom; billi l-kunflitt li għaddej fil-Kamerun wassal għall-ispostament intern ta' aktar minn 1 miljun ruħ; billi hemm aktar minn 2,2 miljun ruħ li jeħtieġu assistenza umanitarja u aktar minn 66 000 ruħ fittxew rifuġju fil-pajjiż ġar tan-Niġerja; billi l-Kamerun jospita aktar minn 447 000 rifuġjat u persuna li tfittex ażil; billi l-konsegwenzi ta' din il-kriżi qed jaffettwaw ir-reġjuni Littorali u tal-Punent tal-Kamerun;
F. billi l-istat tad-dritt mhuwiex qed jiġi rispettat mill-istat tal-Kamerun, u monitors indipendenti, inklużi Human Rights Watch u Amnesty International, preċedentement iddokumentaw proċedimenti ġudizzjarji militari mfixkla minn difetti sostantivi u proċedurali gravi, u li fihom il-preżunzjoni tal-innoċenza, id-dritt għal difiża xierqa, u l-indipendenza tal-proċedimenti u tal-ġudikatura inġenerali huma kollha kompromessi serjament;
G. billi l-ġlied bejn gruppi armati separatisti Anglofoni u forzi tas-sigurtà tal-gvern qed jiżdied fil-frekwenza u fil-gravità; billi l-għajnuna umanitarja ġiet imfixkla wkoll b'mod qawwi fir-reġjuni affettwati minħabba gruppi armati mhux statali u miżuri ta' lockdown, u minħabba f'hekk in-nies f'dawk ir-reġjuni qed iġarrbu insigurtà tal-ikel kbira ħafna filwaqt li għexieren ta' eluf ta' nies huma mċaħħda minn aċċess għal kura tas-saħħa vitali; billi ngħataw ftit eċċezzjonijiet għall-miżuri ta' lockdown għal raġunijiet umanitarji u, b'riżultat ta' dan, l-iżborż għall-għajnuna ġie mfixkel b'mod sinifikanti; billi l-aġenziji tan-NU ġew sfurzati jissospendu l-attivitajiet umanitarji, minkejja l-vulnerabbiltajiet addizzjonali maħluqa mill-pandemija tal-COVID-19;
H. billi ċ-ċivili qed iġorru l-akbar piż tal-vjolenza u l-kunflitt bejn il-forzi tal-gvern u l-forzi separatisti u jikkostitwixxu l-maġġoranza l-kbira tal-vittmi; billi kemm il-forzi tal-gvern kif ukoll dawk separatisti qed iwettqu kontinwament attakki ta' rappreżalja kontra xulxin, u qed jattakkaw intenzjonalment lil ċivili u partijiet vulnerabbli tal-popolazzjoni;
I. billi Felix Agbor Nkongho, avukat tad-drittijiet tal-bniedem, difensur prominenti tad-drittijiet tal-minoranza Anglofona u sostenitur ta' riżoluzzjoni paċifika tal-kriżi, irċieva theddid ta' mewt diversi drabi mill-gruppi separatisti armati; billi mhuwiex l-unika persuna li qed tiffaċċja attakki u fastidju;
J. billi, mill-elezzjonijiet tal-2018, it-tensjonijiet politiċi eskalaw f'diskors ta' mibegħda abbażi tal-etniċità jew l-opinjoni politika li, imbagħad, jiġi amplifikat permezz tal-pjattaformi tal-media soċjali;
K. billi l-forzi tal-gvern wettqu qtil ekstraġudizzjarju ta' ċivili, inklużi nisa u tfal, tortura u trattament ħażin, wettqu vjolenza sesswali, inklużi stupri, u vjolenza abbażi tal-ġeneru, qerdu proprjetà, inklużi rħula, djar, faċilitajiet tas-saħħa u sptarijiet, serqu oġġetti minn proprjetajiet, u arrestaw u żammu detenuti ċittadini b'mod arbitrarju u akkużawhom b'ostilitajiet jew kollaborazzjoni mas-separatisti;
L. billi fl-ewwel ħames xhur tal-2021, is-separatisti armati wettqu mill-inqas 27 attakk b'apparat splussiv improvviżat fi 13-il belt, aktar milli fis-snin preċedenti kollha tal-kriżi f'daqqa; billi stupraw, qatlu, ittorturaw, attakkaw b'mod vjolenti, heddew u ħatfu mijiet ta' persuni, inklużi nisa, ħaddiema umanitarji, għalliema u tfal, għall-preżunta kollaborazzjoni tagħhom mal-militar;
M. billi l-kunflitt kellu impatt sproporzjonat fuq it-tfal, u 700 000 student ġew imċaħħda mid-dritt tagħhom għall-edukazzjoni minħabba bojkott sfurzat tal-iskejjel madwar ir-reġjuni Anglofoni; billi, minn Awwissu 2021, it-tfal fil-Kamerun jikkostitwixxu 28 % tas-superstiti kollha tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u jiffaċċjaw riskju akbar ta' reklutaġġ tat-tfal, tħaddim tat-tfal u abbuż tat-tfal, u ġie rrappurtat li aktar minn 50 % tat-tfal fil-pajjiż ġew abbużati; billi, skont il-Fond tan-NU għall-Popolazzjoni, 38 % tan-nisa fil-Kamerun ta' bejn l-20 u l-24 sena kienu miżżewġin qabel l-età ta' 18-il sena u 13 % kienu miżżewġin qabel l-età ta' 15-il sena;
N. billi l-President Biya, b'reazzjoni għall-pressjoni internazzjonali, waqqaf kummissjoni ta' inkjesta dwar il-qtil fi Ngarbuh, li b'konsegwenza tagħha l-gvern ammetta li l-forzi tas-sigurtà tiegħu għandhom xi responsabbiltà u ħabbar l-arrest ta' individwi involuti; billi, madankollu, m'hemmx aktar informazzjoni disponibbli dwar il-kwistjoni;
O. billi ġie infurzat lockdown strett, inkluż l-għeluq ta' kważi l-iskejjel u ċ-ċentri ta' tagħlim kollha; billi twettqet vjolenza kontra individwi li rrifjutaw li josservaw il-lockdown, inklużi tfal u għalliema; billi ġew attakkati skejjel, universitajiet u sptarijiet, u b'hekk ġew aggravati u mtawla l-vjolazzjonijiet tad-dritt ta' aċċess għall-edukazzjoni u wasslu għaċ-ċaħda ta' servizzi tas-saħħa essenzjali;
P. billi t-tensjonijiet fil-pajjiż żdiedu mill-elezzjonijiet presidenzjali tal-2018; billi, f'Settembru 2019, il-President Biya organizza djalogu nazzjonali bl-intenzjoni li jsolvi l-kunflitt bejn il-forzi armati u r-ribelli separatisti fir-reġjuni Anglofoni; billi sentejn wara, l-implimentazzjoni tal-miżuri ftit li xejn tat riżultati; billi diversi tentattivi fl-2020 u fl-2021 biex tissolva l-kriżi fil-Kamerun fallew;
Q. billi l-iffirmar tad-digrieti presidenzjali li jipprevedu t-trasferiment tal-kompetenzi u t-trasferiment gradwali tar-riżorsi umani u finanzjarji lill-awtoritajiet deċentralizzati għall-implimentazzjoni konkreta tal-proċess ta' deċentralizzazzjoni għadu pendenti;
R. billi l-gvern qed ikompli jillimita l-libertajiet tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni u sar dejjem aktar intolleranti għad-dissens politiku; billi mijiet ta' membri u partitarji tal-partiti tal-oppożizzjoni ġew arrestati wara dimostrazzjonijiet li appellaw għal soluzzjoni paċifika għall-kriżi fir-reġjuni Anglofoni; billi qed jitpoġġew b'mod persistenti restrizzjonijiet fuq l-avversarji politiċi, id-dimostranti, il-ġurnalisti u s-soċjetà ċivili;
S. billi l-kodiċi penali tal-Kamerun jikkastiga r-relazzjonijiet sesswali bejn il-persuni tal-istess sess b'piena sa massimu ta' ħames snin priġunerija; billi fis-snin u x-xhur riċenti ġew irrappurtati bosta każijiet ta' arrest u fastidju ta' persuni LGBTIQ;
T. billi l-Kamerun qed jiffaċċja theddid addizzjonali minn Boko Haram u mill-Istat Iżlamiku fil-Provinċja tal-Afrika tal-Punent (ISWAP) fir-reġjun tat-Tramuntana Estrema; billi l-attakki mill-grupp armat Iżlamista Boko Haram inkludew qtil, ħtif, serq u qerda ta' proprjetà ta' kuljum, atti li jikkostitwixxu abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem u vjolazzjonijiet tad-dritt internazzjonali u tad-dritt umanitarju internazzjonali; billi attakki bħal dawn involvew ukoll kamikażi tfal u suldati tfal; billi, minn Diċembru 2020, mill-inqas 80 ċivili nqatlu minn Boko Haram, u aktar minn 340 000 ruħ ġew spostati internament minn Awwissu 2021; billi l-mewt preżunta ta' Abubakar Shekau, il-mexxej ta' Boko Haram, f'konfrontazzjoni fin-Niġerja mal-fazzjoni seċessjonista tal-ISWAP għenet biex tikkonsolida s-setgħa tal-ISWAP u żiedet in-nuqqas ta' sigurtà fir-reġjun tat-Tramuntana Estrema tal-Kamerun; billi l-forzi tal-gvern mhumiex kapaċi jipproteġu l-popolazzjoni affettwata b'mod effettiv;
1. Jinsab imħasseb ferm dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kamerun; jenfasizza d-dritt taċ-ċittadini għal-libertà tal-espressjoni, tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni; jappella għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u jħeġġeġ lill-Gvern tal-Kamerun jieħu l-passi kollha meħtieġa biex jirrispetta l-obbligi tiegħu li jipproteġi dawn id-drittijiet;
2. Iħeġġeġ kemm lill-Gvern tal-Kamerun kif ukoll lill-mexxejja politiċi u militari tal-gruppi separatisti biex jaqblu dwar waqfien mill-ġlied umanitarju u jħeġġeġ lill-partijiet fil-kunflitt biex jaqblu dwar miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja, bħall-ħelsien ta' priġunieri politiċi mhux vjolenti u t-tneħħija ta' bojkotts tal-iskejjel; iħeġġeġ lill-gvern tal-President Biya u lis-separatisti Anglofoni biex immedjatament jerġgħu jibdew it-taħditiet ta' paċi; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali, speċjalment l-Unjoni Afrikana, l-istati tal-Afrika Ċentrali u l-UE, biex jgħinu jiffaċilitaw id-djalogu billi joffru li jwettqu r-rwol ta' medjazzjoni; jenfasizza l-importanza tal-kollaborazzjoni reġjonali u jħeġġeġ lill-gvern jaħdem mill-qrib mal-Unjoni Afrikana u l-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika Ċentrali; jiddeplora n-nuqqas u r-riluttanza taż-żewġ partijiet fil-kunflitt li jinvolvu ruħhom f'taħditiet ta' paċi tassew sinifikanti biex isolvu l-kunflitt; huwa konvint li d-djalogu politiku, imwettaq fi spirtu ta' kompromess, parteċipazzjoni politika effettiva u inklużjoni, inkluż dak tal-partijiet interessati rilevanti kollha, huwa l-unika triq 'il quddiem biex tintlaħaq paċi dejjiema; jistieden kemm lill-Gvern tal-Kamerun kif ukoll lill-mexxejja tal-gruppi separatisti biex jagħmlu użu mill-offerti ta' medjazzjoni eżistenti pprovduti minn partijiet terzi għal negozjati immedjati u diretti;
3. Jikkundanna l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-vjolazzjonijiet tad-dritt internazzjonali u tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettqa mill-partijiet fil-kunflitt armat u jissottolinja l-importanza tal-ġlieda kontra l-impunità; jistieden lill-awtoritajiet tal-Kamerun jiżguraw investigazzjonijiet indipendenti, effikaċi, trasparenti u imparzjali, kif ukoll il-prosekuzzjoni tal-vjolazzjonijiet u l-abbużi serji kemm minn atturi statali kif ukoll minn atturi mhux statali, f'konformità mad-dritt u l-istandards internazzjonali, u jitlob li dawk responsabbli għall-vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem jinżammu responsabbli u jitressqu quddiem il-ġustizzja fi proċess ġust, sabiex tintemm l-impunità u tiġi żgurata l-indipendenza ġudizzjarja, li huma komponenti ewlenin tal-istat tad-dritt u l-pedament ta' stat demokratiku li jiffunzjona;
4. Jistieden lill-Gvern tal-Kamerun jiffirma u jirratifika l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali; iħeġġeġ lill-UE tuża l-influwenza kollha politika prevista mill-għajnuna għall-iżvilupp tagħha u minn programmi bilaterali oħra biex issaħħaħ id-difiża tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kamerun;
5. Jopponi l-użu ta' qrati militari biex jipproċessa liċ-ċivili; ifakkar fl-obbligi internazzjonali b'rabta ma' proċess ġust, li l-Kamerun huwa marbut bihom, ifakkar lill-Kamerun fl-obbligu tiegħu li jirrispetta d-dritt taċ-ċittadini kollha għal proċess ġust quddiem qrati tal-liġi indipendenti, u jfakkar li l-qrati militari m'għandux ikollhom ġurisdizzjoni fuq il-popolazzjoni ċivili;
6. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Kamerun jtemmu l-prattika li jressqu lin-nies quddiem tribunali militari, b'riżultati determinati minn qabel u l-impożizzjoni tal-piena tal-mewt, li hija illegali skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; ifakkar li l-piena tal-mewt ilha ma tintuża fil-Kamerun mill-1997, li huwa pass importanti fit-triq tal-pajjiż lejn abolizzjoni sħiħa; itenni l-oppożizzjoni tal-UE għall-piena tal-mewt, f'kull każ u mingħajr eċċezzjoni; jistieden lill-Gvern tal-Kamerun jiżgura l-abolizzjoni tagħha; jistieden lill-Gvern tal-Kamerun jirratifika t-Tieni Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi mmirat lejn l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt; iħeġġeġ lill-qrati jastjenu milli joħorġu sentenzi bħal dawn u biex jikkonfermaw li mhux se jitolbu l-piena tal-mewt;
7. Jiddeplora l-użu tal-vjolenza, b'mod partikolari kontra t-tfal, u huwa partikolarment imħasseb dwar l-impatt tal-kriżi fuq it-tfal; jistieden liż-żewġ naħat tal-kunflitt jieqfu jimmiraw intenzjonalment lejn iċ-ċivili u jħeġġeġ lis-separatisti jwaqqfu minnufih l-attakki kontra l-iskejjel u jtemmu, b'effett immedjat, il-bojkotts sfurzati kollha fuq l-edukazzjoni biex jippermettu r-ritorn sikur lejn l-iskola tal-istudenti u l-għalliema kollha;
8. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Kamerun jipproteġu lin-nisa kollha fil-pajjiż, speċjalment fiż-żoni ta' kunflitt, u jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa billi jagħtu spinta lill-parteċipazzjoni tan-nisa u tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa fil-ħajja pubblika u politika; jitlob l-iżvilupp ta' azzjonijiet speċifiċi tal-UE biex jissaħħu d-drittijiet ta' gruppi differenti ta' nisa, b'enfasi speċjali fuq iż-żgħażagħ, il-migranti, in-nisa li jgħixu bl-HIV, il-persuni LGBTQI u l-persuni b'diżabilità;
9. Jemmen li l-proċess ta' deċentralizzazzjoni, meqjus bħala sistema ta' governanza ekonomika, soċjali u politika, huwa strument ewlieni biex iwieġeb għall-isfidi multipli tal-iżvilupp, b'mod partikolari permezz ta' responsabbiltà mtejba tal-politiċi lokali u l-amministrazzjonijiet lokali vis-à-vis iċ-ċittadini impenjati; jilqa' l-appoġġ tal-UE għall-proċess;
10. Jikkundanna l-użu eċċessiv u l-abbuż tal-forza kontra l-avversarji politiċi u d-dimostranti paċifiċi; jiddeplora l-użu ta' miżuri ta' lockdown, bħal curfews jew il-projbizzjoni ta' laqgħat pubbliċi, implimentati bil-pretest tal-pandemija tal-COVID-19 sabiex jiġu ristretti l-libertà tal-espressjoni, tal-istampa u tad-dritt għal assemblea paċifika; jesprimi tħassib dwar l-istatus tal-libertà tal-kelma u l-libertà tal-istampa fil-Kamerun; jiddeplora l-arrest arbitrarju u l-fastidju ta' ġurnalisti u politiċi tal-oppożizzjoni u t-trażżin tad-dissens politiku; jistieden lill-awtoritajiet tal-Kamerun jeħilsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lill-avversarji politiċi, lid-dimostranti u liċ-ċittadini l-oħra kollha li ġew arrestati u detenuti b'mod arbitrarju għal skopijiet politiċi biss; jikkundanna l-vjolazzjonijiet tal-libertajiet fundamentali;
11. Jistieden lill-pjattaformi tal-midja soċjali jaħdmu mal-gvern, mal-oppożizzjoni u mas-soċjetà ċivili biex jiżguraw li l-paġni tagħhom jiġu vverifikati u li jiġu imposti limiti fuq kontenut xewwiexi, diskors ta' mibegħda u miżinformazzjoni minħabba li dawn ikomplu jfarrku r-relazzjonijiet interkomunali;
12. Jiddeplora l-fatt li aktar minn 40 000 persuna ġew imċaħħda mill-assistenza alimentari minħabba nuqqas ta' sigurtà u imblukkar fit-toroq fir-reġjuni tal-Majjistral u tal-Lbiċ, kif ukoll l-attakki reċenti fuq il-faċilitajiet tas-saħħa u l-ħaddiema tas-saħħa, u l-fatt li l-attivitajiet umanitarji ġew ipprojbiti taħt il-lockdown; jikkundanna l-imblukkar tal-għajnuna umanitarja u l-attakki kontra l-ħaddiema umanitarji, inklużi l-ħtif, il-fastidju u l-qtil tagħhom fir-reġjuni tal-Majjistral u tal-Lbiċ tal-Kamerun, u jikkundanna bl-istess mod l-intimidazzjoni dejjem tikber ta' osservaturi indipendenti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, speċjalment id-difensuri tad-drittijiet tan-nisa, li l-ħidma tagħhom hija aktar importanti minn qatt qabel fil-kuntest ta' vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem mill-partijiet kollha fil-kunflitt; jinsisti li l-partijiet kollha fil-kunflitt jipprovdu immedjatament aċċess umanitarju mingħajr xkiel; jistieden lill-Gvern tal-Kamerun jiżgura li l-għajnuna umanitarja tilħaq lir-reġjuni fi kriżi;
13. Jistieden lin-NU u lill-UE jkomplu jimmonitorjaw is-sitwazzjoni umanitarja u jivvalutaw il-ħtiġijiet; jitlob appoġġ umanitarju urġenti mill-komunità internazzjonali, inklużi l-UE u l-Istati Membri tagħha, biex jirrispondu b'mod effettiv u jissodisfaw il-ħtiġijiet urġenti tal-popolazzjoni kif xieraq; iqis li missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fil-Kamerun tkun xierqa biex tiddetermina sa liema punt id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali ġew vjolati u minn min;
14. Jikkundanna l-azzjonijiet terroristiċi mill-Boko Haram fil-Kamerun; jirrikonoxxi l-isforzi tal-awtoritajiet tal-Kamerun fil-ġlieda kontra l-grupp; jistieden lill-komunità internazzjonali tappoġġja l-isforzi kollha fil-ġlieda kontra l-grupp armat Iżlamista; jinsisti li t-terroriżmu jista' jiġi miġġieled b'mod effiċjenti biss jekk nindirizzaw il-kawżi u l-problemi speċifiċi relatati mal-inugwaljanza;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Kamerun u lill-Kopresidenti tal-Assemblea Konġunta AKP-UE.