– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 10 u 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 20, 24 u 227 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jirriflettu l-importanza li t-Trattat jattribwixxi lid-dritt taċ-ċittadini u r-residenti tal-UE li jiġbdu l-attenzjoni tal-Parlament għall-preokkupazzjonijiet tagħhom,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 228 tat-TFUE dwar ir-rwol u l-funzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 44 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”) dwar id-dritt li titressaq petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tat-TFUE fir-rigward tal-proċedura ta' ksur u, b'mod partikolari, l-Artikoli 258 u 260 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 u l-Artikolu 227(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A9-0323/2021),
A. billi fl-2020 il-Parlament irċieva 1 573 petizzjoni, li jirrappreżentaw żieda ta' 15.9 % meta mqabbla mal-1 357 petizzjoni mressqa fl-2019 u żieda ta' 28.9 % meta mqabbla mal-1 220 petizzjoni mressqa fl-2018;
B. billi fl-2020, l-għadd ta' utenti li appoġġjaw petizzjoni waħda jew aktar fuq il-Portal tal-Petizzjonijiet tal-Parlament kien ta' 48 882, li jirrappreżenta żieda konsiderevoli meta mqabbel mat-28 076 utent irreġistrati fl-2019; billi l-għadd ta' klikks b'appoġġ għall-petizzjonijiet ukoll żdied fl-2020, biex laħaq total ta' 55 129;
C. billi l-għadd kbir ta' petizzjonijiet li jesprimu t-tħassib taċ-ċittadini dwar l-emerġenzi sanitarji u soċjoekonomiċi li rriżultaw mit-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 ikkontribwixxa b'mod sinifikanti għaż-żieda fl-għadd ta' petizzjonijiet irreġistrati fl-2020 meta mqabbla mas-snin preċedenti; billi 13.23 % tal-petizzjonijiet imressqa fl-2020 kienu relatati mal-pandemija tal-COVID-19;
D. billi l-għadd kbir ta' petizzjonijiet imressqa fl-2020 juri li, fi żminijiet ta' kriżi, iċ-ċittadini jirrikorru għand ir-rappreżentanti tagħhom eletti fil-livell tal-UE billi jindirizzaw b'mod dirett it-tħassib u l-ilmenti tagħhom lilhom;
E. billi, madankollu, l-għadd totali ta' petizzjonijiet għadu baxx meta mqabbel mal-popolazzjoni totali tal-UE, u dan juri li għad iridu jsiru aktar sforzi biex jiżdied l-għarfien taċ-ċittadini dwar id-dritt li jressqu petizzjoni u jiġu mħeġġa jeżerċitawh; billi, fl-eżerċizzju tad-dritt li titressaq petizzjoni, iċ-ċittadini jistennew li l-istituzzjonijiet tal-UE jipprovdu valur miżjud billi tinstab soluzzjoni għall-problemi tagħhom;
F. billi l-kriterji għall-ammissibbiltà tal-petizzjonijiet huma stabbiliti fl-Artikolu 227 tat-TFUE u fl-Artikolu 226 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament, li jgħidu li l-petizzjonijiet iridu jitressqu minn ċittadini jew residenti tal-UE affettwati direttament minn kwistjonijiet li jaqgħu fl-oqsma tal-attività tal-UE;
G. billi, mill-1 573 petizzjoni mressqa fl-2020, 392 ġew iddikjarati inammissibbli u 51 ġew irtirati; billi l-perċentwal relattivament għoli (24.92 %) ta' petizzjonijiet inammissibbli fl-2020 juri li għad hemm nuqqas kbir ta' ċarezza dwar il-kamp ta' applikazzjoni u l-limiti tal-oqsma tal-attività tal-Unjoni;
H. billi d-dritt li titressaq petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew huwa wieħed mid-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE; billi d-dritt li titressaq petizzjoni jipprovdi liċ-ċittadini u r-residenti tal-UE mekkaniżmu miftuħ, demokratiku u trasparenti biex jindirizzaw lir-rappreżentanti eletti tagħhom direttament, u għalhekk huwa essenzjali biex jippermetti l-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini fl-oqsma tal-attività tal-Unjoni;
I. billi d-dritt li titressaq petizzjoni joffri lill-Parlament l-opportunità li jsaħħaħ il-kapaċità ta' rispons tiegħu għall-ilmenti u l-preokkupazzjonijiet relatati mar-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-UE u l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE fl-Istati Membri; billi, għalhekk, il-petizzjonijiet huma sors utli ta' informazzjoni dwar istanzi ta' applikazzjoni skorretta jew ksur tad-dritt tal-Unjoni, u għaldaqstant jippermettu lill-Parlament u lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE jivvalutaw it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u l-impatt possibbli tiegħu fuq id-drittijiet taċ-ċittadini u r-residenti tal-UE;
J. billi l-Parlament ilu fuq quddiem nett fl-iżvilupp tal-proċess tal-petizzjonijiet fuq livell internazzjonali u għad għandu l-aktar proċess tal-petizzjonijiet miftuħ u trasparenti fl-Ewropa, li jippermetti lill-petizzjonanti jipparteċipaw fl-attivitajiet tiegħu;
K. billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet jeżamina u jittratta bir-reqqa kull petizzjoni mressqa quddiem il-Parlament; billi kull petizzjonant għandu d-dritt li jirċievi tweġiba li tinfurmah bid-deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà u l-azzjonijiet ta' segwitu meħuda mill-kumitat fi żmien raġonevoli, u dan bil-lingwa tiegħu stess jew b'dik użata fil-petizzjoni; billi kwalunkwe petizzjonant jista' jitlob li l-petizzjoni tiegħu terġa' tinfetaħ abbażi ta' elementi rilevanti ġodda;
L. billi l-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet huma bbażati fuq il-kontribut tal-petizzjonanti; billi l-informazzjoni ppreżentata mill-petizzjonanti fil-petizzjonijiet tagħhom u fil-laqgħat tal-kumitat, flimkien mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni u t-tweġibiet tal-Istati Membri u ta' korpi oħra, huma kruċjali għall-ħidma tal-kumitat; billi l-petizzjonijiet ammissibbli jipprovdu wkoll kontribut siewi għall-ħidma tal-kumitati parlamentari l-oħra, peress li jintbagħtu mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet lil kumitati oħra għal opinjoni jew għal skopijiet ta' informazzjoni;
M. billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet jagħti importanza kbira lill-eżaminazzjoni u d-diskussjoni pubblika tal-petizzjonijiet fil-laqgħat tiegħu; billi l-petizzjonanti għandhom id-dritt li jippreżentaw il-petizzjonijiet tagħhom u spiss jitkellmu waqt id-diskussjoni, u b'hekk jikkontribwixxu b'mod attiv għax-xogħol tal-kumitat; billi fl-2020, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet organizza 13-il laqgħa tal-kumitat, li fihom ġew diskussi 116-il petizzjoni fil-preżenza ta' 110 petizzjonanti, filwaqt li 78 petizzjonant ipparteċipaw b'mod attiv billi intervjenew fil-laqgħa; billi l-għadd aktar baxx ta' petizzjonijiet diskussi fil-laqgħat tal-2020 meta mqabbel mal-2019 huwa spjegat mill-ammont inqas ta' ħin disponibbli għal-laqgħat tal-kumitat, speċjalment minn April sa Lulju, minħabba l-faċilitajiet limitati ta' interpretazzjoni bħala konsegwenza tal-miżuri ta' prekawzjoni tal-Parlament fil-kuntest tal-pandemija;
N. billi s-suġġetti ta' tħassib ewlenin li tqajmu fil-petizzjonijiet imressqa fl-2020 kienu relatati mad-drittijiet fundamentali (partikolarment l-impatt tal-miżuri ta' emerġenza tal-COVID-19 fuq l-istat tad-dritt u d-demokrazija, kif ukoll fuq il-moviment liberu, id-dritt għax-xogħol, id-dritt għall-informazzjoni u d-dritt għall-edukazzjoni, kif ukoll għadd kbir ta' petizzjonijiet relatati mad-drittijiet tal-LGBTQ+ fl-Unjoni), is-saħħa (partikolarment mistoqsijiet dwar il-kriżi sanitarja li rriżultat mill-pandemija, li kienu jvarjaw mill-protezzjoni tas-saħħa taċ-ċittadini, inklużi t-trattamenti u t-tagħmir protettiv, għall-ġestjoni tal-kriżi tas-saħħa fl-Istati Membri u l-akkwist u d-distribuzzjoni tal-vaċċini), l-ambjent (primarjament l-attivitajiet minerarji u l-impatt tagħhom fuq l-ambjent, is-sikurezza nukleari, it-tniġġis tal-arja u d-deterjorament tal-ekosistemi naturali), il-ġustizzja (partikolarment kwistjonijiet relatati mal-aċċess għall-ġustizzja, allegati irregolaritajiet proċedurali jew tħassib dwar l-istat tad-dritt, flimkien ma' każijiet transfruntiera ta' ħtif ta' minorenni u drittijiet ta' kustodja), l-impjiegi (partikolarment l-aċċessibbiltà tas-suq tax-xogħol u l-prekarjat), l-edukazzjoni (partikolarment mistoqsijiet relatati mal-aċċess diskriminatorju għall-edukazzjoni), is-suq intern (partikolarment mistoqsijiet relatati mar-restrizzjonijiet nazzjonali fuq l-ivvjaġġar fil-kuntest tal-pandemija u l-impatt tagħhom fuq il-moviment liberu tal-persuni ġewwa u barra l-UE), kif ukoll l-implimentazzjoni tal-ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, minbarra ħafna oqsma oħra ta' attività;
O. billi 79.7 % (1 254) tal-petizzjonijiet mibgħuta fl-2020 tressqu permezz tal-Portal tal-Petizzjonijiet tal-Parlament, meta mqabbla ma' 73.9 % (1 003 petizzjonijiet) fl-2019, u b'hekk ġie kkonfermat li l-Portal tal-Petizzjonijiet sar bil-bosta l-aktar mezz użat biex jitressqu l-petizzjonijiet taċ-ċittadini lill-Parlament;
P. billi fl-2020, il-Portal tal-Petizzjonijiet kompla jiġi żviluppat f'portal aktar faċli biex jintuża, sigur u aċċessibbli għaċ-ċittadini; billi l-mistoqsijiet frekwenti (FAQs) ġew aġġornati u sar xi titjib fir-rigward tal-protezzjoni tad-data sabiex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u ġie introdott mekkaniżmu ġdid għall-irkupru tal-password; billi l-interkonnessjoni bejn il-Portal tal-Petizzjonijiet, ePeti u PETIGREF ġiet żviluppata ulterjorment u sar xogħol biex tiġi żgurata l-integrazzjoni ta' żviluppi esterni u ta' Hermes; billi għadd kbir ta' talbiet individwali għall-appoġġ ġew indirizzati b'suċċess;
Q. billi fl-2020, bosta petizzjonijiet dwar il-COVID-19 tqiegħdu fuq l-aġenda taħt il-proċedura ta' urġenza;
R. billi fl-2020, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet għamel biss żjara waħda ta' ġbir ta' informazzjoni; billi ma setgħet issir l-ebda żjara oħra ta' ġbir ta' informazzjoni minħabba s-sitwazzjoni kkawżata mill-pandemija u d-deċiżjoni meħuda mill-President tal-Parlament li jħassar l-avvenimenti parlamentari, inklużi d-delegazzjonijiet, bħala waħda mill-miżuri ta' prekawzjoni neċessarji adottati sabiex jitnaqqas it-tixrid tal-COVID-19 u jiġu mminimizzati r-riskji għas-saħħa tal-Membri u l-persunal tal-Parlament;
S. billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet, bħala kumitat assoċjat, flimkien mal-kumitati responsabbli għas-suġġett (il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE) u l-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (CULT)) organizzaw seduta ta' smigħ pubblika dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE) bit-titolu "Minority Safepack – one million signatures for diversity in Europe" fil-15 ta' Ottubru 2020; billi minħabba l-pandemija, is-seduta saret f'format ibridu u l-organizzaturi tal-IĊE setgħu jieħdu sehem fil-laqgħa mill-bogħod, filwaqt li l-pubbliku seta' jsegwi l-laqgħa permezz tal-internet;
T. billi l-Kummissjoni, bħala l-gwardjan tat-Trattati, għandha rwol essenzjali fix-xogħol tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-informazzjoni pprovduta mill-petizzjonanti hija utli biex tiskopri ksur jew applikazzjoni ħażina tad-dritt Ewropew;
U. billi l-istrateġija tal-Kummissjoni fit-trattament tal-petizzjonijiet hija bbażata fuq il-Komunikazzjoni tagħha tal-2016 bit-titlu "Id-dritt tal-UE: Riżultati aħjar permezz ta' applikazzjoni aħjar" (C(2016)8600);
V. billi r-rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE jirreferu għal petizzjonijiet b'mod ġenerali ħafna, u jikxfu n-nuqqas ta' sistema xierqa għall-ġbir ta' informazzjoni dwar il-petizzjonijiet u dwar kif dawn jorbtu ma' proċeduri ta' ksur jew ma' atti tal-UE;
W. billi skont ir-Regoli ta' Proċedura, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet huwa responsabbli għar-relazzjonijiet mal-Ombudsman Ewropew, li jinvestiga l-ilmenti dwar amministrazzjoni ħażina fi ħdan l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE; billi l-Ombudsman Ewropew attwali, Emily O'Reilly, ippreżentat ir-Rapport Annwali tagħha għall-2019 lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fil-laqgħa tiegħu tat-3 ta' Settembru 2020;
X. billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet huwa membru tan-Network Ewropew tal-Ombudsmen, li jinkludi wkoll l-Ombudsman Ewropew, l-ombudsmen nazzjonali u reġjonali u korpi simili fl-Istati Membri, il-pajjiżi kandidati u pajjiżi oħra taż-Żona Ekonomika Ewropea, u li għandu l-għan li jippromwovi l-iskambju ta' informazzjoni dwar id-dritt u l-politika tal-Unjoni, u li jikkondividi l-aħjar prattiki;
1. Jenfasizza r-rwol fundamentali tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fil-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini u r-residenti tal-UE billi jiżgura li t-tħassib u l-ilmenti tal-petizzjonanti jiġu eżaminati f'waqthom u b'mod effettiv u, meta possibbli, jiġu riżolti permezz ta' proċess ta' petizzjonijiet miftuħ, demokratiku, rapidu u trasparenti; jenfasizza l-importanza ċentrali tal-petizzjonijiet għall-promozzjoni tal-prinċipji tad-demokrazija diretta u biex titjieb il-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea;
2. Jenfasizza li l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess deċiżjonali tal-Unjoni hija essenzjali biex ikollna Unjoni aktar demokratika, miftuħa u trasparenti; jissottolinja li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet għandu rwol fundamentali fl-involviment taċ-ċittadini Ewropej fl-attivitajiet tal-Unjoni u jirrappreżenta forum ta' diskussjoni fejn iċ-ċittadini jistgħu jsemmgħu leħinhom fl-istituzzjonijiet tal-UE; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jtejbu r-rispons tagħhom għall-problemi taċ-ċittadini fit-tfassil tal-politiki billi jqisu l-opinjonijiet u l-ilmenti espressi fil-petizzjonijiet;
3. Itenni l-importanza ta' dibattitu pubbliku kontinwu dwar l-oqsma tal-attività tal-Unjoni sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jiġu infurmati korrettament dwar il-kamp ta' applikazzjoni tal-kompetenzi tal-Unjoni u l-livelli differenti ta' teħid ta' deċiżjonijiet; jitlob, f'dan ir-rigward, li jsiru kampanji ta' sensibilizzazzjoni effettivi; jenfasizza li l-involviment attiv tas-servizzi tal-istampa u tal-komunikazzjoni, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak nazzjonali, u midja soċjali aktar attiva jsaħħu l-viżibilità u l-kapaċità ta' rispons tax-xogħol tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet għat-tħassib tal-pubbliku;
4. Jemmen li dan l-isforz ikun ta' għajnuna biex tiġi evitata d-diżinformazzjoni dwar ix-xogħol tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet bi qbil mal-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni promossa mill-Kummissjoni u jgħin biex jiżdied l-għarfien taċ-ċittadini dwar id-dritt li jressqu petizzjoni kif ukoll dwar il-kamp ta' applikazzjoni u l-limiti tar-responsabbiltajiet tal-Unjoni u l-kompetenzi tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, bil-għan li jonqos l-għadd ta' petizzjonijiet inammissibbli; jemmen li hu importanti wkoll li jiġu enfasizzati l-każijiet ta' suċċess fejn kwistjoni mqajma minn petizzjonant tkun ġiet solvuta bl-appoġġ tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-politika ta' komunikazzjoni multilingwi tal-UE sabiex titjieb ir-relazzjoni maċ-ċittadini mill-Istati Membri kollha;
5. Jenfasizza li l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa għandha tintuża bħala opportunità biex jiġi spjegat liċ-ċittadini tal-UE r-rwol tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, b'tali mod li titqajjem kuxjenza dwar id-dritt li titressaq petizzjoni u jiġu mħeġġa jipparteċipaw b'mod attiv u jsemmgħu t-tħassib u l-ideat tagħhom mar-rappreżentanti eletti tagħhom;
6. Jirrimarka li l-petizzjonijiet jikkostitwixxu l-bieb lejn l-istituzzjonijiet Ewropej għaċ-ċittadini u opportunità unika għall-Parlament u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE biex jinteraġixxu direttament maċ-ċittadini u r-residenti tal-UE, jifhmu l-problemi tagħhom u jżommu djalogu regolari magħhom, partikolarment f'każijiet fejn ikunu affettwati mill-applikazzjoni skorretta tad-dritt tal-UE; jisħaq fuq il-bżonn ta' kooperazzjoni msaħħa bejn il-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-kumitati ewlenin, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni u l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali dwar l-inkjesti u l-proposti li jirrigwardaw l-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE u l-konformità miegħu, inklużi t-tweġibiet neċessarji lill-Kumitat; jemmen li tali kooperazzjoni hija kruċjali biex jiġu indirizzati u solvuti l-preokkupazzjonijiet taċ-ċittadini dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-leġittimità demokratika u r-responsabbiltà tal-Unjoni; jitlob, għalhekk, parteċipazzjoni aktar attiva min-naħa tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-laqgħat tal-kumitat u tweġibiet aktar rapidi għat-talbiet għal kjarifika jew informazzjoni mibgħuta mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi biex tiżgura li l-interpretazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 51 tal-Karta tkun koerenti u wiesgħa kemm jista' jkun;
7. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu rwol aktar attiv fil-Kumitat għall-Petizzjonijiet biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini tal-Unjoni jingħataw risposta dettaljata u li tinftiehem;
8. Jenfasizza l-bżonn li jiġu rispettati l-approċċ u l-perspettiva espressi mill-Kummissjoni fit-tweġibiet tagħha lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet u li jiġi rispettat ir-rwol tagħha bħala gwardjan tat-Trattati;
9. Ifakkar li l-petizzjonijiet jikkontribwixxu b'mod konsiderevoli għar-rwol tal-Kummissjoni bħala gwardjan tat-Trattati; jenfasizza li kooperazzjoni msaħħa bejn il-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-Kummissjoni hija essenzjali biex il-petizzjonijiet jiġu ttrattati b'suċċess; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tevita li tagħti risposti ġenerali u tipprovdi tweġibiet f'waqthom, preċiżi, ċari u mmirati biex twieġeb b'mod effiċjenti għat-talbiet konkreti tal-petizzjonanti; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura t-trasparenza u l-aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni fil-qafas tal-proċeduri tal-EU Pilot fir-rigward tal-petizzjonijiet imressqa, kif ukoll tal-proċeduri tal-EU Pilot u tal-proċeduri ta' ksur li diġà ġew konklużi, u tqis kwalunkwe kwistjoni relatata mal-ksur tad-dritt tal-UE li titqajjem permezz ta' petizzjonijiet bħala kwistjoni ta' prijorità meta tkun qed tikkunsidra jekk tibdiex proċedura ta' ksur, speċjalment meta l-kwistjoni tkun relatata mal-leġiżlazzjoni ambjentali;
10. Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi kjarifika dwar il-kompetenza tagħha fir-rigward tal-petizzjonijiet inklużi dawk li jqajmu kwistjonijiet li jaqgħu f'qasam ta' attività tal-UE iżda mhux f'politika fejn l-UE għandha kompetenza leġiżlattiva;
11. Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali jkunu proattivi meta jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jirrispondu għat-tħassib taċ-ċittadini kif espress fil-petizzjonijiet tagħhom fejn iseħħu każijiet ta' nuqqas sistemiku f'konformità mad-dritt tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni ssegwi regolarment il-progress li jkun sar fir-rigward tal-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-każijiet eżaminati;
12. Jenfasizza li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet irid jirrispetta l-kriterji ta' ammissibilità stabbiliti fl-Artikoli 226 u 227 tat-TFUE u fir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew;
13. Ifakkar li l-kooperazzjoni mal-kumitati l-oħra fil-Parlament hija essenzjali biex il-petizzjonijiet jiġu ttrattati b'mod preċiż u komprensiv; jinnota li fl-2020 il-kumitati l-oħra ntbagħtulhom 56 petizzjoni għal opinjoni u 385 għal skopijiet ta' informazzjoni; jilqa' l-fatt li l-kumitati l-oħra bagħtu 40 opinjoni u 60 konferma li l-petizzjonijiet ittieħdu inkunsiderazzjoni fil-ħidma tagħhom; jinnota li s-seduti ta' smigħ pubbliċi organizzati b'mod konġunt ma' kumitati parlamentari oħra jiffaċilitaw eżami bir-reqqa tal-petizzjonijiet; ifakkar li l-petizzjonanti jiġu infurmati meta tittieħed deċiżjoni li tintalab l-opinjoni ta' kumitati oħrajn biex jiġu indirizzati l-petizzjonijiet tagħhom; jistieden lill-kumitati parlamentari jżidu l-isforzi tagħhom biex jikkontribwixxu b'mod attiv għall-eżaminazzjoni tal-petizzjonijiet – billi jagħtu prova tal-għarfien espert tagħhom – u b'hekk jippermettu lill-Parlament iwieġeb aktar malajr u b'mod aktar komprensiv għat-tħassib taċ-ċittadini; jiddispjaċih li fl-2020 in-network tal-petizzjonijiet ma setax jiltaqa' minħabba s-sitwazzjoni kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19;
14. Jemmen li n-network tal-petizzjonijiet huwa għodda utli biex titqajjem kuxjenza dwar il-kwistjonijiet imqajma fil-petizzjonijiet u biex jiġi ffaċilitat it-trattament tal-petizzjonijiet li jintbagħtu lil kumitati oħra għal opinjoni jew għal skopijiet ta' informazzjoni; jinnota li hemm bżonn li jiġi ffaċilitat is-segwitu tal-petizzjonijiet fil-ħidma parlamentari u leġiżlattiva; huwa tal-fehma li dan in-network għandu jsaħħaħ id-djalogu u l-kollaborazzjoni mal-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE; jinsab fiduċjuż li laqgħat regolari tan-network tal-petizzjonijiet huma kruċjali għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn il-kumitati parlamentari permezz tal-iskambju tal-informazzjoni u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattika fost il-membri tan-network; jistieden lill-Parlament iħejji mekkaniżmu li jippermetti lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet ikun involut direttament fil-proċess leġiżlattiv;
15. Jiġbed l-attenzjoni għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar ir-riżultat tad-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet matul is-sena 2019(1);
16. Jissottolinja li minkejja l-ammont inqas ta' ħin disponibbli għal-laqgħat tal-kumitat fl-2020 minħabba l-miżuri ta' prekawzjoni tal-Parlament biex jiġi evitat it-tixrid tal-COVID-19 fil-bini tiegħu u t-tnaqqis fil-faċilitajiet ta' interpretazzjoni b'konsegwenza ta' dan, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet esprima l-opinjoni tiegħu dwar kwistjonijiet importanti mqajma fil-petizzjonijiet billi kkontribwixxa għal għadd sinifikanti ta' rapporti parlamentari, partikolarment dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika(2), dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE fl-2017 u fl-2018(3), dwar ir-rakkomandazzjonijiet dwar in-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq(4), dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea – rapport annwali għas-snin 2018-2019(5), dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi, b'enfasi partikolari fuq il-faqar fost dawk li jaħdmu(6), dwar it-Turkija – rapport annwali dwar il-progress tal-2019(7), u dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol fid-dawl tal-UNCRPD(8); jesprimi l-apprezzament tiegħu għax-xogħol tas-Segretarjat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet b'mod ġenerali u, b'mod partikolari, matul il-pandemija, peress li l-kundizzjonijiet tax-xogħol saru aktar kumplessi; jenfasizza l-bżonn li ssir riflessjoni dwar l-isfidi ffaċċjati matul il-pandemija u li tingħata ħarsa lejn modi kif tista' tittejjeb il-ħidma tal-kumitat, speċjalment fi żminijiet ta' kriżi;
17. Ifakkar li fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu għan-negozjati dwar ftehim ġdid mar-Renju Unit, il-membri tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet enfasizzaw li kwalunkwe ċittadin tal-UE li jirrisjedi fir-Renju Unit għandu d-dritt li jressaq petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 227 tat-TFUE, li jipparteċipa f'Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u li jindirizza lill-Ombudsman Ewropew wara t-tmiem tal-perjodu ta' tranżizzjoni previst (il-31 ta' Diċembru 2020), filwaqt li stiednu lill-Ombudsman Ewropew tkompli l-ħidma tagħha, mibdija matul in-negozjati dwar il-ftehim tal-ħruġ, sabiex tiżgura t-trasparenza tan-negozjati fil-qafas tas-sħubija futura bejn l-Unjoni u r-Renju Unit;
18. Jiġbed l-attenzjoni għall-għadd kbir ta' petizzjonijiet dwar il-COVID-19 li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet eżamina u wieġeb fl-2020, l-aktar permezz tal-proċedura ta' urġenza tiegħu; jenfasizza li l-biċċa l-kbira ta' dawn il-petizzjonijiet talbu li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini jiġu mħarsa mill-miżuri ta' emerġenza, inklużi l-lockdowns, kif ukoll li jkun hemm trasparenza fl-iżvilupp, ix-xiri u d-distribuzzjoni tal-vaċċini kontra l-COVID-19; jissottolinja li dawn il-petizzjonijiet kien fihom ukoll mistoqsijiet dwar it-trattamenti u t-tagħmir protettiv, kif ukoll valutazzjoni tal-ġestjoni tal-kriżi tas-saħħa fl-Istati Membri; ifakkar, barra minn hekk, li ħafna petizzjonanti qajmu tħassib dwar l-impatt tal-miżuri ta' emerġenza nazzjonali, inklużi l-lockdowns, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, esprimew dubji dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u fuq ix-xogħol, kif ukoll in-nuqqas inizjali ta' koordinazzjoni fost l-Istati Membri dwar il-kontrolli fil-fruntieri interni li kienu qed ixekklu l-moviment liberu fiż-żona Schengen u kienu problema partikolari għal għadd kbir ta' ħaddiema, studenti u koppji b'żewġ nazzjonalitajiet transfruntieri, kif ukoll il-ġestjoni tat-titjiriet u l-vjaġġi kkanċellati matul il-pandemija u l-politiki tal-linji tal-ajru involuti f'dak li għandu x'jaqsam mar-rimborż; ifakkar li l-miżuri restrittivi kollha jridu jkunu neċessarji, proporzjonati u temporanji; jenfasizza li l-iżgurar tal-applikazzjoni effettiva, ugwali u uniformi tad-dritt tal-UE huwa kruċjali biex jiġi rispettat l-istat tad-dritt, li huwa wieħed mill-valuri li fuqhom huma msejsa l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, skont l-Artikolu 2 tat-TUE, anke waqt kriżi bħall-pandemija tal-COVID-19; huwa tal-fehma li, partikolarment fi żminijiet ta' kriżi kbira, it-trattament rapidu u effettiv tal-petizzjonijiet huwa prerekwiżit biex tintrebaħ il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tal-UE;
19. Jenfasizza d-deċiżjoni meħuda fl-ewwel xhur tal-pandemija li tingħata prijorità lill-petizzjonijiet relatati mal-COVID-19 fil-Kumitat għall-Petizzjonijiet sabiex jiġu indirizzati b'mod xieraq it-talbiet urġenti espressi miċ-ċittadini fl-ewwel xhur tal-2020;
20. Jinsab imħasseb ħafna dwar id-danni sanitarji u soċjoekonomiċi kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19; jilqa' l-ħidma eċċellenti mwettqa mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet li, billi ta vuċi lit-tħassib taċ-ċittadini dwar il-kriżijiet sanitarji u soċjoekonomiċi relatati mal-pandemija tal-COVID-19, ikkontribwixxa biex jiġi żgurat li l-Parlament jirreaġixxi għall-ħtiġijiet u l-aspettattivi taċ-ċittadini, speċjalment dawk li ntlaqtu partikolarment mill-kriżi tas-saħħa, fir-rigward tal-kapaċità tal-Unjoni li tindirizza sfida globali bħal din; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għall-azzjonijiet ta' segwitu importanti meħuda mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet b'risposta għall-kwistjonijiet imqajma f'petizzjonijiet relatati mal-COVID-19, li wasslu għall-adozzjoni fil-plenarja tar-riżoluzzjonijiet dwar is-sistema Schengen u l-miżuri meħuda matul il-kriżi tal-COVID-19(9), dwar id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità intellettwali u l-familji tagħhom fil-kriżi tal-COVID-19(10) u dwar l-indirizzar tar-rati ta' persuni mingħajr dar fl-Unjoni Ewropea(11);
21. Jisħaq fuq il-kontribut importanti mogħti mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet għall-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, kif juri t-trattament ta' għadd ta' petizzjonijiet dwar il-ħtif ta' minuri mill-ġenituri fil-Ġappun; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għar-riżoluzzjoni dwar il-ħtif internazzjonali u nazzjonali ta' tfal tal-Unjoni minn ġenitur fil-Ġappun, li l-mozzjoni għaliha ġiet adottata mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fis-16 ta' Ġunju 2020 u adottata fil-plenarja fit-8 ta' Lulju 2020(12);
22. Jiġbed l-attenzjoni għas-seduta tad-29 ta' Ottubru 2020 bit-tema "Union citizenship: Empowerment, Inclusion, Participation", organizzata mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet flimkien mal-Kumitat għall-Affarijiet Legali, il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern; iqis li b'dan l-avveniment il-Parlament ikkontribwixxa b'mod sinifikanti għar-rapport tal-Kummissjoni tal-2020 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE u għax-xogħol li għaddej mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet dwar l-involviment taċ-ċittadini;
23. Jinnota li, flimkien mad-drittijiet fundamentali, is-saħħa kienet il-qasam prinċipali li qajjem tħassib għall-petizzjonanti fl-2020, filwaqt li jirrikonoxxi li t-tħassib relatat mas-saħħa fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 kien fiċ-ċentru tax-xogħol tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet; jiġbed l-attenzjoni għar-riżoluzzjoni dwar finanzjament addizzjonali għar-riċerka bijomedika dwar l-enċefalomijelite mijalġika, li l-mozzjoni għaliha ġiet adottata mill-Kumitat fit-30 ta' April 2020 u adottata fil-plenarja fit-18 ta' Ġunju 2020(13); ifakkar li r-riżoluzzjoni tal-Parlament intlaqgħet tajjeb ħafna mill-komunitajiet xjentifiċi u tal-pazjenti billi tagħmel appell għal rikonoxximent aħjar ta' dan it-tip ta' mard fil-livell tal-Istati Membri bl-organizzazzjoni ta' korsijiet ta' taħriġ imfassla apposta għall-awtoritajiet pubbliċi, il-fornituri tal-kura tas-saħħa u l-uffiċjali pubbliċi b'mod ġenerali; itenni, f'dan ir-rigward, l-appell tiegħu favur sforzi ta' riċerka koordinati u mtejba kif ukoll finanzjament addizzjonali, inkluż fil-qafas tal-programm Orizzont Ewropa, biex jiġi appoġġjat il-progress fir-riċerka u b'hekk jiġu indirizzati l-konsegwenzi umani u soċjoekonomiċi tal-għadd dejjem akbar ta' individwi li jgħixu u jaħdmu b'kundizzjonijiet ta' diżabilità u kroniċi fit-tul;
24. Jinnota li fl-2020 il-kwistjonijiet ambjentali baqgħu qasam ta' tħassib serju għall-petizzjonanti; jesprimi dispjaċir għall-fatt li r-regoli ambjentali mhux dejjem jiġu implimentati b'mod korrett fl-Istati Membri, kif deskritt f'bosta petizzjonijiet li jressqu lmenti dwar it-tniġġis tal-arja, id-deterjorament tal-ekosistemi naturali, is-sikurezza nukleari u l-impatt tal-attivitajiet tal-estrazzjoni minerarja fuq l-ambjent; jisħaq fuq l-importanza li jintlaħqu l-aspettattivi taċ-ċittadini tal-UE dwar il-ħarsien tal-ambjent; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, jiżguraw l-implimentazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni tal-UE f'dan il-qasam;
25. Jilqa' r-rwol ta' protezzjoni speċifiku li jiżvolġi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet fi ħdan l-UE fil-qafas tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità; jiġbed l-attenzjoni għall-ħidma kontinwa importanti tal-kumitat b'rabta ma' petizzjonijiet li jikkonċernaw kwistjonijiet relatati mad-diżabilità; jinnota li l-għadd ta' petizzjonijiet dwar id-diżabilità kważi rdoppja fl-2020 meta mqabbel mas-sena preċedenti; jisħaq li d-diskriminazzjoni u l-aċċess għall-edukazzjoni u l-impjieg għadhom fost l-isfidi prinċipali li jħabbtu wiċċhom magħhom il-persuni b'diżabilità, u jemmen li hemm bżonn aktar sforzi mill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri biex tiġi żgurata aċċessibbiltà sħiħa għal servizzi bażiċi; jappella għall-implimentazzjoni ta' proposti konkreti biex titrawwem l-inklużività u jiġu ffaċilitati r-rikonoxximent u l-portabbiltà tal-ħiliet fl-UE;
26. Ifakkar li fl-2020, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet ta attenzjoni speċifika lid-diskussjoni tal-petizzjonijiet dwar id-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-persuni b'diżabilità intellettwali u l-familji tagħhom matul il-pandemija tal-COVID-19, speċjalment fir-rigward tal-aċċess għas-servizzi tas-saħħa, l-assistenza personali u l-kuntatt mal-familji u mal-persuni li jindukraw; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għar-riżoluzzjoni mressqa mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità intellettwali u l-familji tagħhom fil-kriżi tal-COVID-19, adottata fil-plenarja tat-8 ta' Lulju 2020; jilqa' l-eżitu tal-workshop annwali tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità – l-istrateġija l-ġdida dwar id-diżabilità – li sar fil-laqgħa tal-kumitat tat-28 ta' Ottubru 2020;
27. Ifakkar li r-relazzjonijiet mal-Ombudsman Ewropew huma fost ir-responsabbiltajiet li r-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament jagħtu lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet; jilqa' l-kooperazzjoni kostruttiva tal-Parlament mal-Ombudsman Ewropew, kif ukoll l-involviment tiegħu fin-Network Ewropew tal-Ombudsmen; jirrikonoxxi l-kontributi regolari tal-Ombudsman Ewropew għall-ħidma tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet matul is-sena; jemmen b'konvinzjoni li l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni jeħtiġilhom jiżguraw li jingħata segwitu konsistenti u effikaċi għar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman;
28. Iqis li huwa essenzjali li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jiġu involuti direttament fit-tnedija ta' proposti leġiżlattivi; jenfasizza li l-IĊE hija strument importanti ta' ċittadinanza attiva kif ukoll għodda ta' demokrazija parteċipattiva Ewropea pubblika unika għall-Kumitat għall-Petizzjonijiet u, għaldaqstant, trid tiġi trattata b'approċċ miftuħ u reattiv; jissottolinja li s-seduta ta' smigħ pubbliku hija opportunità ewlenija għall-organizzaturi biex jippreżentaw pubblikament l-inizjattiva tagħhom lill-istituzzjonijiet u l-esperti tal-UE u b'hekk il-Kummissjoni u l-Parlament ikunu jistgħu jifhmu fil-fond l-eżiti mixtieqa tal-IĊE; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tagħti bidu għal proposta leġiżlattiva abbażi tal-kontenut ta' kwalunkwe IĊE li tirnexxi;
29. Jenfasizza li t-trasparenza u l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-UE huma essenzjali sabiex jiġu żgurati l-ogħla livelli ta' ħarsien tad-drittijiet demokratiċi taċ-ċittadini u l-fiduċja tagħhom fl-istituzzjonijiet tal-UE; jirrimarka li r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni m'għadux jirrifletti s-sitwazzjoni attwali; jiddispjaċih ħafna li r-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 ilha wieqfa għal snin sħaħ mingħajr progress; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għar-riformulazzjoni tar-regolament tal-2001 bil-għan li jitjiebu t-trasparenza u r-responsabbiltà bil-promozzjoni ta' prattika amministrattiva tajba, f'konformità mal-obbligi tat-Trattat ta' Lisbona;
30. Jissottolinja li l-Portal tal-Petizzjonijiet huwa għodda essenzjali biex jiġi żgurat proċess tal-petizzjonijiet mingħajr intoppi, effiċjenti u trasparenti; jilqa', f'dan ir-rigward, it-titjib fil-protezzjoni tad-data u f'elementi ta' sigurtà li għamlu l-portal aktar faċli biex jintuża u sigur għaċ-ċittadini; jenfasizza li jridu jibqgħu jsiru sforzi biex il-portal jiġi ppubbliċizzat permezz tal-midja soċjali u jsir aktar navigabbli u aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha, speċjalment għall-persuni b'diżabilità, inkluż billi jkunu jistgħu jitressqu petizzjonijiet bil-lingwi tas-sinjali nazzjonali; jitlob li fuq il-Portal tal-Petizzjonijiet tiġi ppubblikata aktar informazzjoni, inkluż il-progress tal-petizzjonijiet u t-talbiet għal informazzjoni lil istituzzjonijiet oħra; jappella biex issir valutazzjoni ta' kif jista' jiġi evitat l-użu ta' identitajiet misruqa jew foloz u jisħaq fuq l-urġenza li s-sistema kompjuterizzata tar-reġistrazzjoni u l-firem tinbidel jew tiġi aġġornata sabiex tkun verament flessibbli u tippermetti l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini skont il-ħtiġijiet tagħhom, f'ħin reali; jappoġġja l-ħolqien ta' portal diġitali uniku li permezz tiegħu ċ-ċittadini jkunu jistgħu jiksbu aċċess għall-proċeduri kollha marbuta mal-petizzjonijiet u jsibu informazzjoni dwarhom;
31. Jinnota li filwaqt li hemm żieda ċara fl-għadd ta' persuni li jappoġġjaw petizzjoni waħda jew aktar, ħafna petizzjonanti għadhom jirrimarkaw li l-passi li wieħed irid isegwi biex jagħti l-appoġġ tiegħu għal petizzjoni fuq il-Portal tal-Petizzjonijiet tal-Parlament huma kkumplikati; huwa tal-fehma li jekk il-proċess jiġi ssimplifikat, iċ-ċittadini jkunu jistgħu jagħmlu użu aħjar mid-dritt li jressqu petizzjoni;
32. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-kumitati għall-petizzjonijiet tal-Istati Membri u lill-ombudsmen jew l-entitajiet simili kompetenti nazzjonali tagħhom.
Qafas Ewropew għad-drittijiet ta' parteċipazzjoni tal-impjegati u r-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet
196k
64k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2021 dwar id-demokrazija fil-post tax-xogħol: qafas Ewropew għad-drittijiet ta' parteċipazzjoni tal-impjegati u r-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet (2021/2005(INI))
– wara li kkunsidra l-premessa numru erbgħa tal-Preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) li tikkonferma l-għożża kbira tal-Unjoni Ewropea għad-demokrazija,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 3(3) tat-TUE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 9, l-Artikolu 151 u l-Artikolu 153(1)(e) u (f) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 12, 27, 28, 30 u 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal-20 ta' Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies kollettivi(1),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(2),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta' Novembru 2012 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati f'borża u miżuri relatati (id-Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet) (COM(2012)0614),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità(3),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni(4),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta' Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta' trasferiment ta' impriżi, negozji jew partijiet ta' impriżi jew negozji(5),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE tat-8 ta' Ottubru 2001 li tissupplimenta l-Istatut għal kumpanija Ewropea rigward l-involviment tal-ħaddiema(6) u d-Direttiva tal-Kunsill 2003/72/KE tat-22 ta' Lulju 2003 li tissupplimenta l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati(7),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea(8),
– wara li kkunsidra l-istudju tad-Dipartiment Tematiku għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali ta' Mejju 2012 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-maniġment u l-korpi superviżorji ta' kumpanija, li jipproponi li d-Direttiva 2002/14/KE dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ġenerali tal-impjegati tiġi emendata biex jiġu inklużi r-rappreżentanti tal-impjegati fuq il-bordijiet tal-kumpaniji,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 fuq offerti ta' xiri(9),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar mergers transkonfinali ta' kumpanniji ta' responsabbiltà limitata(10),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-istabbiliment ta' Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi tal-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta' informazzjoni u ta' konsultazzjoni tal-impjegati(11) (id-Direttiva dwar il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet),
– wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew ta' Jannar 2021 bit-titolu "Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet – proċedura ta' inizjattiva leġiżlattiva: reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet",
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2021 dwar "L-ebda Patt Ekoloġiku mingħajr patt soċjali"(12),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-2 ta' Diċembru 2020 dwar "Tranżizzjoni industrijali lejn ekonomija Ewropea ekoloġika u diġitali: rekwiżiti regolatorji u r-rwol tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili"(13),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-29 ta' Ottubru 2020 dwar "Id-djalogu soċjali bħala pilastru importanti tas-sostenibbiltà ekonomika u r-reżiljenza tal-ekonomiji, li jqis ukoll l-influwenza ta' dibattitu pubbliku mqanqal fl-Istati Membri(14),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-31 ta' Awwissu 2020 dwar qafas legali tal-UE dwar is-salvagwardja u t-tisħiħ tal-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta' Ottubru 2018 dwar il-pakkett dwar id-dritt soċjetarju Ewropew(15),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-16 ta' Marzu 2016 bit-titolu "Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji"(16), fejn jintalab involviment akbar tal-ħaddiema fil-governanza ta' negozju,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-20 ta' Marzu 2013 dwar "L-involviment u l-parteċipazzjoni tal-impjegati bħala pedamenti essenzjali ta' governanza korporattiva tajba u approċċi bilanċjati biex tingħeleb il-kriżi"(17),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2009 dwar il-parteċipazzjoni tal-impjegati f'kumpaniji bi statut Ewropew u miżuri oħra li jakkumpanjaw(18),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2012 dwar il-futur tad-dritt soċjetarju Ewropew(19),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2013 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar informazzjoni lill-ħaddiema u konsultazzjoni tal-ħaddiema; antiċipazzjoni u ġestjoni tar-ristrutturazzjoni(20),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar in-negozjar kollettiv transkonfinali u d-djalogu soċjali transnazzjonali(21),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar Ewropa soċjali b'saħħitha għal Tranżizzjonijiet Ġusti(22),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2021 dwar l-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri(23), li tappella għal tmiem urġenti tal-imblokk fil-Kunsill sabiex tiġi adottata d-direttiva proposta dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati f'borża u miżuri relatati (COM(2012)0614),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Diċembru 2012 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni: Id-dritt soċjetarju Ewropew u l-governanza korporattiva – qafas legali modern għal azzjonisti aktar impenjati u kumpaniji sostenibbli" (COM(2012)0740),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions tat-22 ta' Ottubru 2014 bit-titolu "Towards a new framework for more democracy at work" (Lejn qafas ġdid għal aktar demokrazija fil-post tax-xogħol),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions tad-9 u l-10 ta' Diċembru 2020 dwar qafas ġdid tal-UE dwar l-informazzjoni, il-konsultazzjoni u r-rappreżentanza fil-livell tal-bord għal forom ta' kumpaniji Ewropej u għall-kumpaniji li jagħmlu użu minn strumenti tad-dritt soċjetarju tal-UE li jippermettu l-mobbiltà tal-kumpaniji,
– wara li kkunsidra l-proġett ta' riċerka tal-Università ta' Leuven ta' Mejju 2016 "European Works Councils on the Move: Management Perspectives on the Development of a Transnational Institution for Social Dialogue" (Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet Attivi: Perspettivi ta' Ġestjoni dwar l-Iżvilupp ta' Istituzzjoni Tranżnazzjonali għad-Djalogu Soċjali),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions tal-15 u s-16 ta' Marzu 2017 dwar Direttiva moderna dwar il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet (EWC) fl-era diġitali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Lobby Ewropew tan-Nisa ta' Frar 2012 bit-titolu "Women on boards in Europe: from a snail's pace to a giant leap? Progress, gaps and good practice" (In-nisa fuq il-bordijiet fl-Ewropa: minn pass ta' nemla għal qabża ta' ġgant? Progress, lakuni u prattika tajba),
– wara li kkunsidra l-istudju tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) ta' Frar 2010 bit-titolu "A comparative overview of terms and notions on employee participation" (Ħarsa ġenerali komparattiva tat-termini u l-kunċetti ta' parteċipazzjoni tal-impjegati),
– wara li kkunsidra l-istudju tal-ILO ta' Novembru 2018 dwar il-mudelli ta' governanza korporattiva: struttura, diversità, evalwazzjoni u prospetti,
– wara li kkunsidra l-Prinċipji ta' Governanza Korporattiva tal-G20/OECD tal-2015 u d-dikjarazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv tat-Trade Unions għall-OECD tat-28 ta' Mejju 2021,
– wara li kkunsidra t-tielet Stħarriġ Ewropew dwar il-Kumpaniji tal-Eurofound tal-14 ta' Diċembru 2015 dwar il-parteċipazzjoni diretta u indiretta tal-impjegati,
– wara li kkunsidra r-raba' Stħarriġ Ewropew dwar il-Kumpaniji tal-Eurofound tat-13 ta' Ottubru 2020 dwar il-prattiki fuq il-post tax-xogħol għall-isfruttament tal-potenzjal tal-impjegati;
– wara li kkunsidra l-Prinċipji 7 u 8 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPRS),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Marzu 2021 dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (COM(2021)0102),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Porto u l-Impenn Soċjali ta' Porto,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A9-0331/2021),
A. billi d-demokrazija b'mod ġenerali u d-demokrazija fil-post tax-xogħol b'mod partikolari huma valuri ewlenin tal-Unjoni Ewropea u jipprovdu pedament sod ħafna li fuqu jistgħu jissaħħu r-reżiljenza u l-kuntratt soċjali tal-Ewropa; billi dawn il-valuri ċentrali huma inkorporati wkoll fil-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-EPSR; billi x-xogħol huwa attività kruċjali li tipprovdi struttura fis-soċjetà, u jipprovdi mhux biss mezz għall-għajxien, iżda wkoll għall-iżvilupp individwali u l-konnessjoni mas-soċjetà; billi hija meħtieġa azzjoni biex jiġi żgurat il-bilanċ tas-setgħa ta' negozjar bejn l-impjegaturi u l-impjegati, li jista' jittejjeb permezz tat-tisħiħ tad-demokrazija fil-post tax-xogħol;
B. billi s-sħubija soċjali u n-negozjar kollettiv bejn ir-rappreżentanti tal-impjegati u l-impjegaturi fil-livell nazzjonali u d-djalogu soċjali fil-livell tal-UE jikkostitwixxu element ewlieni tal-Mudell Soċjali Ewropew, li l-wirt kondiviż tiegħu ta' djalogu soċjali, parteċipazzjoni tal-ħaddiema, negozjar kollettiv, rappreżentanza tal-impjegati fuq il-bordijiet, rappreżentanza tas-saħħa u s-sikurezza, u tripartitiżmu huma l-elementi kostitwenti ta' futur divers u ekonomikament, soċjalment u ambjentalment sostenibbli;
C. billi x-xenarju regolatorju tal-Unjoni fil-qasam tad-dritt tal-impjiegi u tad-dritt soċjetarju għadu eċċessivament frammentat, u dan jista' jirriżulta f'nuqqas ta' ċertezza tad-dritt dwar ir-regoli u d-drittijiet applikabbli kemm għall-impjegaturi kif ukoll għall-impjegati; billi huwa essenzjali li jissaħħaħ is-sett ta' għodod tal-Unjoni f'dawn l-oqsma permezz tal-introduzzjoni ta' direttiva qafas ambizzjuża li tissimplifika l-leġiżlazzjoni applikabbli u ssaħħaħ id-drittijiet tal-ħaddiema, b'mod partikolari d-dritt għall-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni;
D. billi d-demokrazija fil-post tax-xogħol għandha rwol ewlieni fit-tisħiħ tad-drittijiet tal-bniedem fuq il-post tax-xogħol u fis-soċjetà, mhux l-inqas meta r-rappreżentanti tal-ħaddiema, inklużi t-trade unions, ikunu involuti b'mod attiv fil-proċessi ta' diliġenza dovuta tan-negozju; billi aktar demokrazija fil-post tax-xogħol, flimkien ma' trasparenza akbar, ikunu mod effettiv biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi fuq il-post tax-xogħol u fis-soċjetà; billi d-demokrazija fil-post tax-xogħol tista' ttejjeb il-fiduċja fil-valuri demokratiċi u timmotiva lill-ħaddiema biex jinvolvu ruħhom f'kultura u prattiki demokratiċi;
E. billi l-promozzjoni tad-demokrazija fil-post tax-xogħol teħtieġ is-salvagwardja u r-rispett ta' diversi drittijiet u prinċipji soċjali u tax-xogħol, inkluż id-dritt għal organizzazzjoni u azzjonijiet kollettivi; billi l-livelli għoljin ta' demokrazija fil-post tax-xogħol huma assoċjati ma' relazzjonijiet ta' impjieg ta' kwalità aħjar, stabbiltà, pagi ogħla u livelli ogħla ta' protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza, inkluż il-fastidju fuq il-post tax-xogħol; billi l-ġustizzja soċjali u, b'mod partikolari, id-demokrazija fil-post tax-xogħol huma ankrati sew fl-istrumenti u l-istandards internazzjonali u Ewropej tad-drittijiet tal-bniedem; billi d-demokrazija fil-post tax-xogħol ilha tixpruna l-progress soċjali fl-Ewropa u fid-dinja għal aktar minn seklu; billi l-ILO twaqqfet fl-1919 bit-twemmin sod li l-paċi universali tista' tiġi stabbilita biss jekk tkun ibbażata fuq il-ġustizzja soċjali(24); billi d-djalogu soċjali, in-negozjar kollettiv u r-rappreżentanza tal-ħaddiema jiffurmaw il-valuri u d-drittijiet ewlenin tal-ILO u huma previsti f'bosta Konvenzjonijiet u Rakkomandazzjonijiet tal-ILO23, u billi anke l-Kunsill tal-Ewropa jinkludi d-demokrazija fil-post tax-xogħol fost il-valuri ewlenin tiegħu kif espressi mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem24 u l-Karta Soċjali Ewropea25;
F. billi r-rappreżentanza u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema, kif ukoll il-kopertura tan-negozjar kollettiv, huma essenzjali għall-infurzar tad-drittijiet tal-ħaddiema u l-funzjonament xieraq tal-kumpaniji; billi l-Eurofound irrapportat(25) li inqas minn terz (31 %) tal-kumpaniji fl-UE ffaċilitaw il-parteċipazzjoni diretta regolari tal-impjegati fil-proċess deċiżjonali organizzazzjonali fl-2019;
G. billi skont il-Prinċipji ta' Governanza Korporattiva tal-G20/OECD tal-2015, il-livell sa fejn l-impjegati jipparteċipaw fil-governanza korporattiva jiddependi fuq il-liġijiet u l-prattiki nazzjonali, u jista' jvarja minn kumpanija għal oħra wkoll;
H. billi t-trade unions u r-rappreżentanti tal-ħaddiema kellhom rwol ewlieni fil-mitigazzjoni tal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-post tax-xogħol, mill-introduzzjoni ta' miżuri għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema, b'mod partikolari l-ħaddiema essenzjali f'postijiet tax-xogħol esposti ħafna, sal-implimentazzjoni ta' skemi għaż-żamma tal-impjiegi, bħax-xogħol b'ħinijiet iqsar, u forom ġodda ta' organizzazzjoni tax-xogħol, bħax-xogħol mid-dar;
I. billi l-pandemija tal-COVID-19 aggravat l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri li kienu jeżistu qabel fis-suq tax-xogħol u wessgħet id-disparità bejn il-ġeneri fil-parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol; billi dan affettwa, b'mod partikolari, setturi femminizzati ħafna b'pagi baxxi u kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena, b'għadd kbir ta' nisa li jaħdmu fuq quddiem nett, speċjalment bħala professjonisti tas-saħħa, persuni li jindokraw, ħaddiema tat-tindif u tal-manutenzjoni, u ħaddiema domestiċi, fil-ġlieda kontra l-virus filwaqt li spiss ikollhom ukoll jibbilanċjaw ir-responsabbiltajiet tal-familja waqt il-lockdowns;
J. billi bħalissa għaddejjin għadd sinifikanti ta' proċessi ta' ristrutturar b'riżultat tal-kriżi tal-COVID-19; billi l-impatt ta' tfixkil tal-pandemija aċċellera temporanjament ir-ritmu tar-ristrutturar tal-kumpaniji u wessa' l-ambitu tiegħu, speċjalment f'ċerti setturi; billi l-konsultazzjoni tal-ħaddiema u l-parteċipazzjoni tagħhom u n-negozjar kollettiv huma essenzjali biex jiġu indirizzati l-impatti pożittivi u negattivi tar-ristrutturar; billi l-iżviluppi teknoloġiċi, it-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u l-irkupru ekonomiku u soċjali mill-pandemija tal-COVID-19 jipprovdu opportunità biex il-postijiet tax-xogħol jimxu lejn forom ta' organizzazzjoni tax-xogħol bi grad għoli ta' involviment fil-livelli kollha; billi skont l-Eurostat, l-Istati Membri b'sistemi ta' relazzjonijiet industrijali żviluppati sew, arranġamenti tax-xogħol u skemi ta' xogħol b'ħinijiet iqsar kellhom prestazzjoni aħjar mill-medja tal-UE fl-2020 u ħafna inqas ħaddiema tilfu l-impjieg tagħhom;
K. billi r-riċerka turi li l-parteċipazzjoni fil-post tax-xogħol tikkontribwixxi għall-prestazzjoni tal-kumpanija, il-kwalità tal-impjiegi u l-benesseri; billi, skont l-Eurofound(26), inqas minn terz (31 %) tal-kumpaniji fl-UE27 iffaċilitaw il-parteċipazzjoni diretta regolari tal-impjegati fil-proċess deċiżjonali organizzazzjonali u l-intensità tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fl-UE naqset matul dawn l-aħħar għaxar snin(27); billi aktar minn nofs l-istabbilimenti fl-Iżvezja (56 %) u fid-Danimarka (55 %) kienu kkaratterizzati minn involviment dirett, ta' influwenza kbira u regolari mal-impjegati; billi l-istess jista' jingħad għal madwar għoxrin fil-mija biss tal-istabbilimenti fil-Polonja (20 %) u fin-Netherlands (21 %);
L. billi l-governanza korporattiva sostenibbli tista' tinkiseb biss bl-involviment tal-impjegati;
M. billi skont l-istudju tal-ILO ta' Frar 2010 bit-titolu "A comparative overview of terms and notions on employee participation" (Ħarsa ġenerali komparattiva tat-termini u l-kunċetti tal-parteċipazzjoni tal-impjegati), hemm varjetà kbira ta' mudelli li jittrattaw il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema jew l-involviment tal-impjegati, u f'xi sistemi nazzjonali, il-ħaddiema għandhom id-dritt li jeleġġu rappreżentanti fl-organi superviżorji jew amministrattivi tal-kumpanija;
N. billi l-kumpaniji sostenibbli jingħarfu mill-fatt li għandhom mekkaniżmi biex jesprimu leħen il-ħaddiema u jinkludu l-fehmiet tal-ħaddiema fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet strateġiċi li għandhom impatt fuq il-forza tax-xogħol u fuq komunitajiet u reġjuni sħaħ(28);
O. billi l-istudji wrew li l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema ssaħħaħ il-produttività, l-involviment tal-ħaddiema, l-innovazzjoni u l-organizzazzjoni tax-xogħol, tappoġġa t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju, newtrali għall-klima, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u ċirkolari(29) u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, ittejjeb l-organizzazzjoni tajba tax-xogħol u t-teħid ta' deċiżjonijiet, u tipprovdi alternattivi għat-tnaqqis fl-impjiegi kkawżat mill-kriżi;
P. billi disparità bejn il-ġeneri u d-differenzi bejn il-ġeneri fil-pagi għadhom jeżistu fil-korpi deċiżjonali, jipprevjenu l-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa u l-kontribut tagħhom għall-ħajja ekonomika u soċjali, u jirriżultaw f'livelli dejjem għoljin ta' sottoimpjieg tan-nisa, li għandhom impatt qawwi fuq is-soċjetà u t-tkabbir ekonomiku;
Q. billi skont l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta' Ottubru 2018 dwar il-pakkett dwar id-dritt soċjetarju Ewropew, ir-rwol tal-kunsilli Ewropej tax-xogħlijiet għandu jissaħħaħ fil-każ ta' trasformazzjonijiet ta' kumpaniji kbar, b'konformità mad-Direttiva 2009/38/KE;
R. billi l-impjegati mhumiex sempliċement "partijiet ikkonċernati" tal-kumpaniji, iżda huma "partijiet kostitwenti" flimkien mal-azzjonisti u l-maniġers; billi l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-kumpaniji hija komponent ewlieni ta' mudell pluralistiku ta' governanza korporattiva bbażat fuq il-prinċipji demokratiċi, il-ġustizzja u l-effiċjenza(30);
S. billi l-inklużjoni attiva tal-ħaddiema fil-proċessi deċiżjonali tal-kumpaniji se tkun essenzjali biex jiġu żgurati l-bidliet rapidi, sostanzjali u sostenibbli fil-politika u l-istrateġija meħtieġa mit-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika, li se jwasslu għal bidliet sinifikanti fid-dinja tax-xogħol; billi dan se jwassal ukoll għall-inklużjoni aħjar tal-ħaddiema l-aktar vulnerabbli fil-proċess ta' tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u diġitali;
T. billi l-pjan ta' rkupru joffri kemm lill-impjegaturi kif ukoll lill-ħaddiema opportunità bla preċedent għall-innovazzjoni fil-finanzjament ta' investimenti u proġetti sostenibbli u diġitali; billi l-involviment tempestiv u effettiv tal-impjegati fl-ipprogrammar u l-eżekuzzjoni ta' dawn il-proġetti huwa essenzjali sabiex jiġu identifikati, antiċipati u ġestiti b'mod adegwat l-effetti trasformattivi potenzjali tagħhom fil-post tax-xogħol u fir-relazzjonijiet bejn is-sħab soċjali;
U. billi l-pandemija tal-COVID-19 uriet ħtieġa urġenti ta' parteċipazzjoni ferm usa' u aktar b'saħħitha tas-sħab soċjali, speċjalment sabiex jinkisbu t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali lejn futur sostenibbli, ġust u soċjali għall-UE;
V. billi l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa toffri opportunità biex nimxu lil hinn mill-istat ta' kriżi u biex iċ-ċittadini tal-UE jkunu involuti fit-tfassil tal-futur tagħha, sabiex b'hekk tissaħħaħ id-demokrazija fil-livelli kollha;
W. billi l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) jipprovdu 6 minn kull 10 impjiegi fl-UE;
Il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-kumpaniji
1. Jinnota n-network għani u interkonness ta' parteċipazzjoni tal-ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol fl-Unjoni kollha, mill-ħaddiema u r-rappreżentanti tal-ħaddiema, inklużi t-trade unions, eletti mill-forza tax-xogħol u minn fost il-forza tax-xogħol fil-livell lokali, sal-kunsilli tax-xogħol cross-site f'kumpaniji aktar kumplessi, ir-rappreżentanza dedikata tas-saħħa u s-sikurezza, u r-rappreżentanza tal-impjegati fil-bordijiet superviżorji jew amministrattivi tal-kumpaniji;
2. Jirrikonoxxi l-oqfsa legali differenti għall-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-livell tal-bord fi 18-il Stat Membru tal-UE; jirrimarka li l-ambitu u l-intensità tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-bordijiet tal-kumpaniji jvarjaw ħafna; jirrimarka li t-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika qed jaffettwaw ħafna d-dinja tax-xogħol, u li l-kumpaniji l-aktar reżiljenti u sostenibbli huma dawk b'sistemi stabbiliti sew ta' parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-kwistjonijiet tal-kumpanija(31);
3. Jinsab konvint li leħen il-ħaddiem għandu jkun komponent ewlieni tal-inizjattivi tal-UE biex jiġu żgurati governanza korporattiva sostenibbli u demokratika u diliġenza dovuta dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż fir-rigward tax-xogħol, u dwar it-tibdil fil-klima u l-ambjent, kif ukoll biex jitnaqqas l-użu ta' prattiki inġusti, bħall-isfruttament tal-ħaddiema u l-kompetizzjoni inġusta fis-suq intern, anke, fejn applikabbli, fid-dawl tal-Artikolu 154 tat-TFUE;
4. Jirrimarka l-importanza tat-titjib kontinwu tal-politiki tal-UE u tal-Istati Membri dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-ħiliet, inkluż it-taħriġ vokazzjonali, b'mod partikolari biex jiġu żgurati t-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja, kif ukoll it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema kollha;
5. Jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta l-ftehimiet bejn is-sħab soċjali Ewropej kemm fil-livell transindustrijali kif ukoll f'dak settorjali, kif stipulat fit-Trattati; jirrimarka li r-rispett tal-ftehimiet tas-sħab soċjali Ewropej jinkludi l-implimentazzjoni tagħhom, fuq it-talba konġunta tal-partijiet firmatarji, fi kwistjonijiet koperti bl-Artikolu 153 tat-TFUE, permezz ta' deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni;
6. Jinnota li permezz tal-lakuni(32), l-Istatut tal-UE għal Kumpanija Ewropea (Societas Europeae – SE) qed jippermetti, b'mod involontarju, lill-kumpaniji jevitaw ir-regolamenti nazzjonali, b'mod partikolari f'dik li hija r-rappreżentanza tal-impjegati fil-livell tal-bord; jiddispjaċih għall-fatt li l-Pakkett dwar id-Dritt Soċjetarju tal-2019(33) ma solviex dawn in-nuqqasijiet, u jistieden lill-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni immedjatament wara t-traspożizzjoni tal-pakkett mill-Istati Membri sabiex tivvaluta l-allegati lakuni; jinnota li xi mergers transkonfinali jistgħu jsaħħu s-suq uniku billi jiġġeneraw sinerġiji akbar bejn il-kumpaniji Ewropej, iżda jinnota wkoll li dawn, kultant, jistgħu jwasslu għal prattiki inġusti li jeħtieġ li jiġu indirizzati, u li jistgħu jintużaw ukoll biex jiġu evitati d-drittijiet ta' rappreżentanza; jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni speċjali fir-rigward tal-istrutturi korporattivi u l-ktajjen ta' provvista jew sottokuntrattar kumplessi sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-istandards soċjali;
7. Jenfasizza li r-rappreżentanti tal-ħaddiema għandu jkollhom id-dritt li jiġu infurmati dwar l-użu ta' ħaddiema stazzjonati fil-ktajjen ta' sottokuntrattar u għandhom ikunu jistgħu jikkuntattjaw lil dawn il-ħaddiema, f'konformità mal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar Xogħol Temporanju Permezz ta' Aġenzija(34), li jobbliga lill-impriża utenti tipprovdi informazzjoni dwar l-użu ta' ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija lill-korpi li jirrappreżentaw lill-ħaddiema;
8. Jirrimarka li l-premessa 35 tad-Direttiva (UE) 2019/2121(35) li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 dwar il-konverżjonijiet, il-mergers u d-diviżjonijiet transkonfinali tgħid li "[f]'ċerti ċirkostanzi, id-dritt tal-kumpaniji li jwettqu operazzjoni transkonfinali jista' jintuża għal skopijiet abbużivi jew frodulenti, bħal pereżempju għall-evitar tad-drittijiet tal-impjegati, il-pagamenti tas-sigurtà soċjali jew l-obbligi tat-taxxa, jew għal skopijiet kriminali"; iqis li huwa essenzjali, f'dan ir-rigward, li jiġu definiti b'mod adegwat standards minimi ambizzjużi tal-UE għall-informazzjoni, il-konsultazzjoni u r-rappreżentanza fil-livell tal-bord u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema f'każijiet fejn il-kumpaniji jwettqu ristrutturar lil hinn mill-fruntieri; jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni li ġejja tagħha tad-Direttiva (UE) 2019/2121, tqis l-eżistenza ta' prattiki tajbin u r-riżultati ta' studji u valutazzjonijiet tal-konsegwenzi u l-effetti soċjoekonomiċi pożittivi tar-rappreżentanza tal-impjegati fil-korpi korporattivi, filwaqt li temenda wkoll id-direttivi eżistenti li jaffettwaw din il-kwistjoni, li jistgħu jgħinu fit-titjib tal-governanza korporattiva; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa inizjattivi favur is-sensibilizzazzjoni u t-titjib tar-regoli nazzjonali u tal-UE li jirregolaw ir-rappreżentanza tal-impjegati fil-korpi korporattivi fid-diversi Stati Membri u trawwem skambji tal-aħjar prattiki, filwaqt li tivvaluta l-forom differenti ta' parteċipazzjoni tal-ħaddiema u l-effetti soċjoekonomiċi tagħhom;
9. Itenni li bosta atti legali tal-UE li jikkonċernaw id-drittijiet ta' rappreżentanza tal-ħaddiema fil-livell tal-bord ma jistabbilixxux rekwiżiti minimi għar-rappreżentanza fil-livell tal-bord fil-kumpaniji Ewropej fil-forom differenti tagħhom jew għal kumpaniji li jużaw strumenti tad-dritt soċjetarju tal-UE biex jippermettu l-mobbiltà transkonfinali ta' kumpanija u r-riorganizzazzjoni ġuridika, inklużi d-diviżjonijiet, il-konverżjonijiet u l-mergers transkonfinali(36); jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjonijiet urġenti u deċiżivi biex jiżguraw li l-kumpaniji Ewropej jirrispettaw id-drittijiet ta' informazzjoni, konsultazzjoni u parteċipazzjoni tal-ħaddiema u li, għaldaqstant, jikkonformaw mal-obbligi legali, nazzjonali u tal-UE, eżistenti;
10. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq it-titjib meħtieġ fl-oqfsa li jirregolaw l-SEs u s-Soċjetajiet Kooperattivi Ewropej u, abbażi ta' valutazzjoni tempestiva mill-Kummissjoni, fil-Pakkett dwar id-Dritt Soċjetarju, u temendahom biex jiġu introdotti regoli minimi tal-UE li jirregolaw il-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza tal-impjegati fil-bordijiet superviżorji, anki fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri;
11. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti meħtieġa sabiex jiġi żgurat li sal-2030 ikun hemm mill-inqas 80 % tal-korporazzjonijiet fl-UE koperti bi ftehimiet ta' governanza korporattiva sostenibbli(37), filwaqt li jirrikonoxxu wkoll il-piż amministrattiv partikolari assoċjat ma' dan għall-SMEs; jitlob, għal dan il-għan, it-twaqqif ta' strateġiji miftiehma mal-ħaddiema biex jiġi influwenzat b'mod pożittiv l-iżvilupp ambjentali, soċjali u ekonomiku permezz ta' prattiki ta' governanza u preżenza fis-suq, biex jissaħħaħ ir-rwol tad-diretturi fit-tfittxija tal-interessi fit-tul tal-kumpanija tagħhom, biex tittejjeb ir-responsabbiltà tad-diretturi lejn l-integrazzjoni tas-sostenibbiltà fit-teħid ta' deċiżjonijiet korporattivi, u biex jiġu promossi prattiki ta' governanza korporattiva li jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà tal-kumpanija, inklużi r-rappurtar korporattiv, ir-remunerazzjoni tal-bord, il-kompożizzjoni tal-bord u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati(38);
12. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq l-impenn tagħha li tressaq mingħajr aktar dewmien direttiva dwar diliġenza dovuta vinkolanti fir-rigward tal-ambjent u tad-drittijiet tal-bniedem u l-imġiba responsabbli fin-negozju, inklużi drittijiet tal-ħaddiema bħad-dritt għall-organizzazzjoni u n-negozjar kollettiv, għas-saħħa u s-sikurezza, u għal kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati; jenfasizza li din id-direttiva għandha tistabbilixxi rekwiżiti ta' diliġenza dovuta obbligatorja li jkopru l-operat, l-attivitajiet u r-relazzjonijiet kummerċjali tal-kumpaniji, inklużi l-ktajjen tal-provvista u tas-sottokuntrattar, u għandha tiżgura l-involviment tat-trade unions u tar-rappreżentanti tal-ħaddiema matul il-proċess kollu ta' diliġenza dovuta, inkluż il-proċess ta' żvilupp u implimentazzjoni;
13. Jinsab konvint li l-introduzzjoni ta' teknoloġiji diġitali ġodda għandha l-potenzjal li tħalli impatt pożittiv fuq l-ambjent tax-xogħol jekk dawn it-teknoloġiji jiġu implimentati u mmonitorjati b'mod affidabbli, li jkun jirrikjedi informazzjoni tempestiva u sinifikanti u l-konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema, inklużi t-trade unions, biex jiġu żgurati r-rispett sħiħ tas-saħħa u s-sikurezza tagħhom, il-protezzjoni tad-data, it-trattament ugwali, il-protezzjoni soċjali u l-benesseri fuq il-post tax-xogħol u jiġu evitati l-isfruttament u s-sorveljanza indebita tal-ħaddiema, b'mod partikolari fil-kuntest ta' ġestjoni permezz ta' algoritmi; jissottolinja l-fatt li t-trade unions u r-rappreżentanti tal-ħaddiema għandu jkollhom l-aċċess u l-mezzi meħtieġa biex jivvalutaw u jevalwaw it-teknoloġiji diġitali qabel l-introduzzjoni tagħhom; jenfasizza li t-teknoloġiji diġitali ġodda u l-intelliġenza artifiċjali m'għandhomx jirreplikaw id-diskriminazzjoni u l-preġudizzji soċjetali eżistenti iżda għandhom jgħinu l-inklużjoni soċjali u l-parteċipazzjoni ta' gruppi differenti; jirrimarka l-ħtieġa li jiġi applikat il-prinċipju ta' etika prestabbilita matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tat-teknoloġiji diġitali sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tagħhom u jiġu evitati l-preġudizzji; jenfasizza li l-istrutturi tad-djalogu soċjali, in-negozjar kollettiv settorjali, l-għoti ta' informazzjoni lit-trade unions u lir-rappreżentanti tal-ħaddiema, u l-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tagħhom, huma kruċjali biex jiġi pprovdut l-appoġġ meħtieġ biex il-ħaddiema jisfruttaw u jipparteċipaw aħjar fl-adozzjoni u l-monitoraġġ mis-sħab soċjali tat-teknoloġiji diġitali fuq il-post tax-xogħol;
14. Jemmen li d-drittijiet tal-ħaddiema għall-organizzazzjoni, għar-rappreżentanza kollettiva f'union, għal-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, u d-dritt li jitolbu b'mod kollettiv għal riformi fi ħdan il-postijiet tax-xogħol tagħhom huma aspetti fundamentali tal-proġett Ewropew u prinċipji fundamentali tal-mudell soċjali, li huma affermati u mħarsa legalment mill-istituzzjonijiet Ewropej; jinsab imħasseb dwar il-fatt li xi ħaddiema li jieħdu sehem f'forom ġodda ta' xogħol ma jibbenefikawx minn drittijiet effettivi ta' rappreżentanza u parteċipazzjoni fuq il-post tax-xogħol; jiddeplora l-fatt li dan huwa l-każ, b'mod partikolari, għas-setturi fejn il-maġġoranza tal-ħaddiema huma nisa(39); itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw id-dritt tal-ħaddiema għal-libertà ta' assoċjazzjoni u parteċipazzjoni fuq il-post tax-xogħol, fil-forom kollha ta' impjieg; jistieden lill-Kummissjoni tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri biex il-ħaddiema jkunu protetti fl-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għal-libertà ta' assoċjazzjoni u fil-parteċipazzjoni fuq il-post tax-xogħol;
15. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, flimkien mas-sħab soċjali, jimpenjaw ruħhom li jilħqu kopertura ta' negozjar kollettiv ta' 90 % sal-2030 f'dawk is-sistemi nazzjonali li jikkombinaw ir-regolamentazzjoni statutorja u dik tas-sħab soċjali f'dak li jirrigwarda l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol; jenfasizza li n-negozjar kollettiv jikkontribwixxi għall-ekonomija soċjali tas-suq, kif previst fit-Trattat ta' Lisbona; itenni li t-trattati tal-UE, li jipproteġu b'mod espliċitu l-awtonomija tas-sħab soċjali, u s-sistemi awtoregolatorji fis-seħħ f'xi Stati Membri, jridu jiġu protetti sabiex is-sħab soċjali jirregolaw b'mod awtonomu, filwaqt li jiġu żgurati leġittimità b'saħħitha u progress fil-kopertura tan-negozjar kollettiv; jistieden lill-Istati Membri jneħħu kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali li xxekkel in-negozjar kollettiv, inkluż billi jiżguraw l-aċċess tat-trade unions għall-postijiet tax-xogħol għall-finijiet ta' organizzazzjoni;
16. Jissottolinja li r-riformi fl-Istati Membri m'għandhomx jaffettwaw b'mod negattiv in-negozjar kollettiv, li jeħtieġ li jiġi promoss fil-livell settorjali, inkluż bl-appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-sħab soċjali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu bis-sħiħ lis-sħab soċjali fit-tfassil tal-politika tal-UE; jenfasizza li r-riformi tax-xogħol fil-livell nazzjonali jridu jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-EPSR, inkluż il-Prinċipju 8 dwar id-djalogu soċjali u l-involviment tal-ħaddiema, in-negozjar kollettiv u r-rispett għall-awtonomija tas-sħab soċjali u d-drittijiet għal azzjoni kollettiva u li jiġu infurmati u kkonsultati fi żmien xieraq dwar it-trasferiment, ir-ristrutturar u l-merger tal-impriżi, u dwar is-sensji kollettivi; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza r-riformi tax-xogħol fil-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza b'rabta ma' dawn l-aspetti speċifiċi;
Qafas ġdid għall-informazzjoni, il-konsultazzjoni u r-rappreżentanza fil-livell tal-bord
17. Jenfasizza l-ħtieġa li l-liġijiet rilevanti kollha tal-UE jiġu kompletament infurzati, evalwati u – fejn meħtieġ abbażi ta' din l-evalwazzjoni – imsaħħa u kkonsolidati biex jiġi żgurat li l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati jkunu parti integrali mill-proċess deċiżjonali tal-kumpaniji u li dan iseħħ fil-livell rilevanti fi ħdan il-kumpaniji;
18. Jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati informazzjoni u konsultazzjoni tempestivi u sinifikanti madwar l-UE, qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet maniġerjali li jkollhom impatt potenzjali fuq il-ħaddiema u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, u dwar politiki jew miżuri, speċjalment dawk b'implikazzjonijiet transkonfinali; jenfasizza li r-rappreżentanti tal-ħaddiema, inklużi t-trade unions, irid ikollhom aċċess għall-għarfien espert meħtieġ u d-dokumentazzjoni ta' sostenn rigward id-deċiżjonijiet maniġerjali biex jivvalutaw l-implikazzjonijiet ta' dawn il-politiki u l-proċessi transkonfinali għall-forza tax-xogħol u jipproponu alternattivi; jenfasizza li jrid isir djalogu ġenwin dwar dawk l-alternattivi bejn it-trade unions, ir-rappreżentanti tal-ħaddiema u l-maniġment;
19. Jirrimarka l-importanza li r-rappreżentanti tal-impjegati, u b'mod partikolari l-kunsilli Ewropej tax-xogħlijiet, jipparteċipaw b'mod sinifikanti, wara li jkunu ġew infurmati u kkonsultati b'mod effettiv, fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' kwistjonijiet tranżnazzjonali li jaffettwaw b'mod sinifikanti l-interessi tal-ħaddiema; jenfasizza li dan għandu jinkludi kwistjonijiet li huma ta' importanza għall-forza tax-xogħol Ewropea f'dak li huwa l-ambitu tal-effetti potenzjali tagħhom jew li jinvolvu trasferimenti ta' attivitajiet bejn l-Istati Membri; jenfasizza li l-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet għandu jiġi infurmat u kkonsultat fi kwistjonijiet relatati, b'mod partikolari, mas-sitwazzjoni u x-xejriet probabbli fir-rigward tal-impjiegi u l-investimenti, u l-bidliet sostanzjali li jirrigwardaw l-organizzazzjoni, l-introduzzjoni ta' metodi ta' ħidma jew proċessi ta' produzzjoni ġodda, trasferimenti ta' produzzjoni, mergers, tnaqqis fid-daqs, għeluq ta' impriżi, stabbilimenti jew partijiet importanti tagħhom, u sensji kollettivi; jenfasizza wkoll li l-involviment tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jista' jiżviluppa u jippromwovi l-kultura u l-koeżjoni korporattivi u li r-rappreżentanti tal-ħaddiema għandhom jieħdu sehem fl-iżvilupp tal-pjanijiet soċjali, bil-għan li jiġu rregolati l-bidliet li jistgħu jaffettwaw lill-ħaddiema u jiġġeneraw is-sensji; jemmen li huwa essenzjali li jissaħħu l-kunsilli Ewropej tax-xogħlijiet, filwaqt li jitqiesu d-differenzi fis-sistemi tar-relazzjonijiet industrijali fl-Istati Membri;
20. Jinnota li hemm diverġenzi persistenti bejn il-pajjiżi tal-UE rigward il-kwalità, it-tempestività u l-effettività tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni qabel it-teħid tad-deċiżjonijiet korporattivi, u li l-proċessi ta' ristrutturar jitwettqu b'mod differenti madwar l-Ewropa; jinnota li d-djalogu dwar l-alternattivi għas-sensji u l-għeluq tal-impjanti jvarja fi ħdan l-UE; ifakkar li fl-2013 diġà kien ippropona qafas legali(40) fir-rigward tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema, u l-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tar-ristrutturar, bil-għan li jissawwar ristrutturar sostenibbli u soċjalment inklużiv u li l-ebda ħaddiem ma jitħalla jibqa' lura; jemmen li huwa essenzjali li jkun hemm strateġija koerenti tal-UE biex il-kumpaniji u l-ħaddiema jkunu mgħammra biex ilaħħqu ma' tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta;
21. Jenfasizza li d-dritt tal-impjegati għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni għandu dejjem jiġi żgurat b'mod tempestiv u jindirizza l-effetti kwantitattivi u kwalitattivi potenzjali fuq l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-bidliet li jirriżultaw mill-applikazzjonijiet u t-teknoloġiji diġitali biex jittejbu l-proċessi tan-negozju eżistenti u l-effiċjenza tal-forza tax-xogħol; jindika li l-infurmar tal-ħaddiema u l-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-livell tal-bord huma għodod effettivi fl-infurzar tad-drittijiet tal-ħaddiema;
22. Jitlob lill-UE tiżgura li l-impjegati jkunu rappreżentati wkoll fuq il-bordijiet f'kumpaniji li jagħmlu użu mil-leġiżlazzjoni tal-UE(41) għall-finijiet ta' ristrutturar u mobbiltà transkonfinali ta' kumpanija; jenfasizza l-ħtieġa ta' bordijiet li jkollhom bilanċ bejn il-ġeneri, kemm f'termini tal-għadd ta' siġġijiet tal-impjegati kif ukoll f'termini tal-bord kollu; itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill biex jieqaf jimblokka d-Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet, filwaqt li jiġi rifless il-fatt li sabiex jinkisbu postijiet tax-xogħol parteċipattivi, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri trid tiġi żgurata fil-livelli kollha;
23. Jiddikjara li għad fadal ħafna xi jsir biex jiġu żgurati l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-opportunitajiet ugwali fl-aspetti kollha tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema madwar l-UE, kif ukoll ir-rappreżentanza xierqa tal-impjegati b'diżabbiltà; jinnota li l-inugwaljanza persistenti bejn il-ġeneri hija riflessa wkoll fl-aċċess limitat tan-nisa għal pożizzjonijiet ta' tmexxija u rappreżentattivi fuq il-post tax-xogħol; itenni li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-diversità fuq il-bordijiet jirrappreżentaw prinċipju demokratiku ewlieni b'effetti ekonomiċi sekondarji pożittivi; jitlob l-introduzzjoni ta' miżuri addizzjonali, f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali, biex jiġu żgurati rappreżentanza bbilanċjata u ugwaljanza bejn il-ġeneri; jinnota li l-kwoti tal-ġeneru jikkontribwixxu għall-kisba ta' aktar diversità, ugwaljanza bejn il-ġeneri u ekwitabbiltà fil-korpi deċiżjonali kollha;
24. Iqis li l-kumpaniji għandhom jagħmlu progress fil-garanzija tad-diversità u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, inkluż permezz ta' paga ugwali fuq il-post tax-xogħol; iħeġġeġ lill-Kunsill jagħmel progress fuq id-Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet; jitlob l-applikazzjoni tal-kwota ta' 40 % kemm għall-bordijiet mhux eżekuttivi kif ukoll għal dawk eżekuttivi (ikkunsidrati b'mod indipendenti), kemm f'kumpaniji bi sjieda privata kif ukoll f'dawk bi sjieda pubblika, b'adattament progressiv tal-leġiżlazzjoni nazzjonali;
25. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti segwitu għall-prijoritajiet inklużi fl-Istrateġija tal-UE għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025 u, b'mod partikolari, tiżgura li l-proposta għal direttiva dwar it-titjib tal-bilanċ bejn il-ġeneri fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati f'borża u l-miżuri relatati tiġi rilaxxata fil-Kunsill;
26. Jistieden lill-Kummissjoni, b'segwitu għall-valutazzjoni tal-impatt antiċipat tagħha u f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali, tintroduċi direttiva qafas ġdida dwar l-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema għall-kumpaniji Ewropej, u għall-kumpaniji li jużaw strumenti Ewropej ta' mobbiltà tal-kumpaniji, sabiex jiġu stabbiliti standards minimi dwar kwistjonijiet bħall-antiċipazzjoni ta' bidla, inkluż fir-rigward ta' miżuri li jikkonċernaw it-tibdil fil-klima, it-trasformazzjoni diġitali u r-ristrutturar, b'mod partikolari fil-livell ta' kumpanija;
27. Jenfasizza li xi nuqqasijiet fid-dritt tal-UE jistgħu jiġu megħluba bl-introduzzjoni ta' limiti għal standard minimu tal-UE ta' rappreżentanza fil-livell tal-bord fl-ambitu ta' din id-direttiva qafas ġdida; iqis, għal dan il-għan, li l-għadd/proporzjon ta' siġġijiet fuq il-bordijiet għar-rappreżentanti tal-ħaddiema għandu jvarja minn ftit siġġijiet għal parità, skont l-għadd ta' impjegati fil-kumpanija u s-sussidjarji tagħha;
28. Ifakkar li d-Direttiva dwar il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet hija parti mill-acquis tal-UE dwar id-dritt tal-impjegati għall-parteċipazzjoni, l-informazzjoni u l-konsultazzjoni; jesprimi tħassib dwar in-nuqqasijiet fit-tfassil tad-direttiva, b'mod partikolari l-infurzar u l-effettività tad-drittijiet ta' informazzjoni u konsultazzjoni, u jiddeplora l-opportunità mitlufa fl-2008 biex din id-direttiva tkompli tiġi żviluppata u tittejjeb b'mod sinifikanti;
29. Jirrimarka l-ħtieġa ta' sensibilizzazzjoni dwar il-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet fost ir-rappreżentanti tal-impjegati u tal-maniġment; jenfasizza li l-l-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet huma korpi tranżnazzjonali uniċi(42) stabbiliti għall-fini ta' informazzjoni u konsultazzjoni tal-impjegati u l-bini u l-promozzjoni tal-identità korporattiva, u li huma affettwati mil-livell jew l-intensità tar-relazzjonijiet industrijali u l-oqfsa ta' politika; jiddispjaċih dwar il-fatt li r-riżorsi finanzjarji, materjali u legali meħtieġa biex il-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet ikunu jistgħu jwettqu dmirijiethom b'mod xieraq mhux dejjem jiġu pprovduti mill-maniġment ċentrali; jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-azzjonijiet meħtieġa biex ittejjeb il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u l-infurzar aħjar tad-Direttiva dwar il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet, u, jekk ikun meħtieġ, tipproponi reviżjoni tad-direttiva bil-għan li jissaħħaħ id-dritt tar-rappreżentanti tal-impjegati għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni, b'mod partikolari matul il-proċessi ta' ristrutturar;
30. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu t-tisħiħ tad-drittijiet ta' informazzjoni u konsultazzjoni biex jiġi żgurat li l-opinjoni tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet tkun tista' tiġi kkunsidrata fid-deċiżjonijiet ta' kumpanija u tingħata qabel ma tiġi kkompletata l-konsultazzjoni fil-livell rispettiv u qabel ma l-korpi governattivi jaslu għal deċiżjoni; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex issaħħaħ il-mekkaniżmi ta' infurzar, lill-Istati Membri biex jiżguraw aċċess effettiv għall-ġustizzja għal korpi speċjali ta' negozjar u għall-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet, biex jintroduċu penali effettivi, dissważivi u proporzjonati sabiex tiġi żgurata l-konformità, itemmu, wara aktar minn 20 sena, l-eżenzjonijiet għall-ftehimiet antiki, l-hekk imsejħa "volontarji" ta' qabel id-direttiva, jiċċaraw il-kunċett tan-"natura tranżnazzjonali ta' kwistjoni" fil-kuntest tad-Direttiva dwar il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet, jipprevjenu l-abbuż tar-regoli tal-kunfidenzjalità bħala mezz biex jiġu limitati l-aċċess għal-informazzjoni u l-parteċipazzjoni effettiva, issaħħu r-rekwiżiti ta' sussidjarjetà u jiżguraw il-koordinazzjoni effiċjenti tal-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni fil-livelli lokali, nazzjonali u tal-UE;
o o o
31. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Istitut Ewropew tat-Trade Unions, 2021, "Benchmarking Working Europe 2020 – Covid-19 and the work world: the impact of a pandemic" (Valutazzjoni komparattiva tax-xogħol fl-Ewropa 2020 – il-COVID-19 u d-dinja tax-xogħol: l-impatt ta' pandemija).
Rapp, M. S., Wolff, M., Udoieva, I., Hennig, J. C., "Mitbestimmung im Aufsichtsrat und ihre Wirkung auf die Unternehmensführung" (Il-kodeterminazzjoni fil-bord tad-diretturi u l-effett tagħha fuq il-governanza korporattiva), Hans-Böckler-Stiftung, Nru 424, Ġunju 2019; Ernst and Young, Study on directors' duties and sustainable corporate governance (Studju dwar id-dmirijiet tad-diretturi u l-governanza korporattiva sostenibbli), Lulju 2020.
Linji gwida għal tranżizzjoni ġusta lejn ekonomiji u soċjetajiet ambjentalment sostenibbli għal kulħadd, https://www.ilo.org/wcmsp5/groups/public/---ed_emp/---emp_ent/documents/publication/wcms_432859.pdf; Employment and Social Developments in Europe 2021 (L-impjiegi u l-Iżviluppi Soċjali fl-Ewropa 2021), ara https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/e823d46f-e518-11eb-a1a5-01aa75ed71a1/language-mt
https://www.etui.org/sites/default/files/R%20121%20Conchon%20BLER%20in%20Europe%20EN%20WEB.pdf. Kif inhu bħalissa, il-qafas legali tas-SE ma jgħinx biex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet tar-rappreżentanza tal-impjegati fil-livell tal-bord (BLER) u saħansitra joffri l-possibbiltà li l-kumpaniji jevitaw id-drittijiet BLER nazzjonali (Kluge & Stollt, 2011; Keller & Werner, 2010). Jidher li l-Istatut tas-SE jista' jintuża biex ikunu jistgħu jitwettqu tliet strateġiji potenzjali ta' ċirkomvenzjoni, jiġifieri l-evitar tal-BLER; "iffriżar" tal-BLER; jew tnaqqis fl-għadd ta' siġġijiet allokati lir-rappreżentanti tal-impjegati fil-livell tal-bord, speċjalment meta dawn ikunu okkupati minn sindakalisti esterni.
Id-Direttiva (UE) 2019/2121 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2019 li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 fir-rigward ta' konverżjonijiet, mergers u diviżjonijiet transkonfinali (ĠU L 321, 12.12.2019, p. 1).
Id-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9).
Id-Direttiva (EU) 2019/2121 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 li temenda d-Direttiva (EU) 2017/1132 fir-rigward ta’ konverżjonijiet, mergers u diviżjonijiet transkonfinalia (ĠU L 321, 12.12.2019, p. 1)
Dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-4 ta' Marzu 2021 li jakkumpanja l-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (SWD(2021)0046).
Dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-4 ta' Marzu 2021 li jakkumpanja l-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (SWD(2021)0046).
https://www.eurofound.europa.eu/mt/node/52251: Il-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet huma korpi permanenti li jiffaċilitaw l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-kumpaniji Ewropej u l-gruppi ta' kumpaniji Ewropej, kif meħtieġ bid-Direttiva tal-1994 dwar il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet.
It-trażżin kontinwu tas-soċjetà ċivili u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja: il-każ tal-organizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem Memorial
144k
52k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2021 dwar it-trażżin kontinwu tas-soċjetà ċivili u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja: il-każ tal-organizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem Memorial (2021/3018(RSP))
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u r-rapporti preċedenti tiegħu dwar ir-Russja,
– wara li kkunsidra l-obbligi internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem li r-Russja impenjat ruħha li tirrispetta bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa, tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), u bħala firmatarja ta' trattati oħra dwar id-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Protokolli tagħha, b'mod partikolari l-Artikolu 10 dwar id-dritt tal-espressjoni u l-Artikolu 11 dwar id-dritt tal-libertà tal-għaqda u tal-libertà tal-assoċjazzjoni,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar il-liġi Russa dwar l-"aġenti barranin",
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tat-13 ta' Novembru 2021 dwar passi legali kontra l-organizzazzjoni mhux governattiva (NGO) Memorial,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-12 ta' Novembru 2021 tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, Marija Pejčinović Burić, u l-ittra tat-30 ta' Novembru 2021 mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, Dunja Mijatović, lill-Prosekutur Ġenerali tal-Federazzjoni Russa,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi Memorial mhijiex biss waħda mill-eqdem u l-aktar organizzazzjonijiet rispettati tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja iżda hija wkoll mudell internazzjonali għall-organizzazzjonijiet li jaħdmu fuq it-tifkira tal-istorja tar-ripressjoni politika u d-difiża tad-drittijiet tal-bniedem; billi, għal deċennji, Memorial iġġieldet favur kultura vibranti u umanistika ta' tifkira tad-delitti tar-reġim Sovjetiku kontra l-poplu tiegħu stess u kontra popli oħra tal-Unjoni Sovjetika u ta' pajjiżi oħra, kif ukoll favur impenn ċiviku attiv favur id-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-vittmi u tal-gruppi vulnerabbli; billi Memorial qed tkompli tagħti kontribut imprezzabbli biex tikxef il-verità dwar id-delitti Sovjetiċi, ir-rivalutazzjoni u r-riabilitazzjoni storika ta' dawk li sfaw politikament ippersegwitati u misjuba ħatja inġustament, u hija simbolu tal-ġlieda bla waqfien għal-libertà, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fil-qasam post-Sovjetiku u lil hinn minnu;
B. billi Memorial bniet ukoll bażi ta' data impressjonanti dwar aktar minn 40 000 uffiċjal tal-forzi tas-sigurtà interna tal-Unjoni Sovjetika u ddokumentat reati mwettqa minnhom; billi l-membri tar-reġim ta' Putin, li wħud minnhom għandhom rabtiet professjonali u tal-familja mal-KGB, qed jippruvaw jaħbu r-reati li nkixfu;
C. billi Memorial kellha rwol importanti fil-kxif ta' dokumenti u fatti dwar il-massakru ta' Katyn tal-1940, dwar sensiela ta' qtil tal-massa ta' kważi 22 000 uffiċjal militari u intellettwali Pollakki, ir-rejd tal-1945 magħruf bħala r-Roundup ta' Augustów, u dwar ripressjonijiet oħra tal-era Sovjetika u dwar vittmi tat-Terrur il-Kbir ta' Josef Stalin;
D. billi Memorial hija waħda mill-aħħar organizzazzjonijiet li fadal li komplew jaħdmu fuq id-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċeċenja, li huwa enklav kważi totalitarju fi ħdan il-Federazzjoni Russa, fejn il-mexxej lokali sponsorjat mill-Kremlin, Ramzan Kadyrov, qed ixejjen bla ħniena kull forma ta' dissens permezz ta' repressjoni brutali;
E. billi l-Parlament Ewropew semma l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb tiegħu għall-kofundatur u l-ewwel President ta' Memorial, Andrei Sakharov, u ta l-Premju tal-2009 lil Memorial, irrappreżentata minn Lyudmila Alexeyeva, Sergei Kovalev u Oleg Orlov;
F. billi ż-żewġ entitajiet legali ta' Memorial, International Memorial u ċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial, bħalissa jinsabu mhedda bil-likwidazzjoni; billi fil-11 ta' Novembru 2021, International Memorial ġiet innotifikata li l-Prosekutur Ġenerali tal-Federazzjoni Russa kien fetaħ kawża biex ifittex li jagħlaq l-organizzazzjoni talli allegatament kisret ripetutament il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż dwar l-"aġenti barranin" u, b'mod partikolari, talli naqset milli timmarka xi materjali ppubblikati bit-tikketta ta' "aġent barrani"; billi fit-12 ta' Novembru 2021, iċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial ġie nnotifikat dwar kawża simili mressqa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Belt ta' Moska, abbażi ta' dikjarazzjonijiet addizzjonali li l-artikli taċ-Ċentru allegatament iġġustifikaw l-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet terroristiċi u estremisti, minħabba l-pubblikazzjoni fuq is-sit web tal-NGO ta' listi ta' priġunieri politiċi u ta' dikjarazzjonijiet, fost oħrajn, li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem tat-Tatari tal-Krimea u tax-Xhieda ta' Jehovah; billi fit-23 ta' Novembru 2021 infetħu l-proċedimenti tal-qorti għaċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial u fil-25 ta' Novembru 2021 dawk għal International Memorial; billi s-seduta ta' smigħ li jmiss għaċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial se ssir fis-16 ta' Diċembru 2021 u s-seduta ta' smigħ li jmiss għal International Memorial se ssir fit-28 ta' Diċembru 2021;
G. billi fit-12 ta' Novembru 2021, anke l-Kunsill Presidenzjali Russu għas-Soċjetà Ċivili u d-Drittijiet tal-Bniedem iddeskriva l-kawża bħala sproporzjonata, bl-argument li fl-14-il xahar preċedenti ma kienx instab ksur legali wieħed mill-International Memorial, u li kienu twettqu biss żewġ vjolazzjonijiet minuri miċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial;
H. billi l-azzjoni biex jiġu likwidati dawn l-NGOs prominenti ġiet wara snin ta' persekuzzjoni taż-żewġ organizzazzjonijiet; billi dawn l-organizzazzjonijiet ġew ittikkettati bħala "aġenti barranin" fl-2014 u fl-2016 u ffaċċjaw multi esaġerati għal allegat nuqqas ta' konformità mal-liġi dwar l-"aġenti barranin" u l-prosekuzzjoni kriminali arbitrarja tal-persunal tagħhom, li wkoll kienu soġġetti għal attakki u fastidju; billi dawn l-attakki, bħall-qtil fl-2009 tar-riċerkatur taċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial Natalya Estemirova, ma ġewx investigati kif xieraq u l-awturi għadhom igawdu minn impunità; billi Oyub Titiev, kap tal-uffiċċju taċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial fiċ-Ċeċenja, u Yury Dmitriev, kap tal-fergħa f'Karelia tal-International Memorial, ġew mitfugħin il-ħabs fuq akkużi politikament motivati; billi fil-każ l-aktar reċenti, fl-14 ta' Ottubru 2021, l-uffiċċju ta' International Memorial f'Moska kien attakkat minn marmalja vjolenti u mbagħad ġie rrejdjat mill-pulizija;
I. billi l-persekuzzjoni ta' Memorial qed isseħħ fost tentattivi ripetuti u sistematiċi mill-Gvern Russu biex jikteb l-istorja mill-ġdid u jillimita d-dibattitu liberu dwar l-evalwazzjoni ta' delitti u avvenimenti storiċi, speċjalment dawk marbuta mal-ħakma tal-gvernijiet Sovjetiċi; billi l-awtoritajiet iffalsifikaw fatti storiċi biex jiċħdu s-sejbiet taċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial dwar ir-repressjoni u l-persekuzzjoni fi żmien Stalin;
J. billi t-tentattivi biex jintimidaw, isikktu u fl-aħħar mill-aħħar jagħlqu lil Memorial huma simbolu tal-politiki dejjem aktar repressivi tal-awtoritajiet Russi, u b'hekk iżidu kapitolu ġdid mal-istorja Russa ta' repressjoni politika; billi bejn l-1987 u l-1992, Memorial ġiet stabbilita speċifikament biex tiddokumenta, tirriċerka, tikkommemora u teduka dwar suġġetti relatati mar-repressjonijiet tal-imgħoddi u l-wirt storiku traġiku tal-pajjiż;
K. billi soċjetà ċivili attiva hija aspett kruċjali ta' soċjetà demokratika u miftuħa, u hija essenzjali għas-salvagwardja tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt; billi l-NGOs għandhom rwol kruċjali fis-soċjetajiet demokratiċi moderni u għalhekk jeħtieġ li jkunu jistgħu joperaw liberament mingħajr indħil żejjed mill-awtoritajiet pubbliċi; billi l-proċedimenti kontra Memorial huma l-aktar eżempju reċenti tar-repressjoni mill-awtoritajiet Russi fuq is-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u fl-aħħar mill-aħħar jagħmlu ħsara lill-interessi tal-poplu Russu u lill-possibilitajiet ta' djalogu miftuħ u ħieles;
L. billi l-liġi Russa dwar l-"aġenti barranin" ġiet adottata fl-2012 u ġiet estiża s-sena l-oħra mill-Parlament Russu b'modi li jkunu jistgħu japplikaw għal kwalunkwe kritiku jew attivist pubbliku; billi l-għadd ta' organizzazzjonijiet u individwi li l-awtoritajiet iddeżinjaw bħala "aġenti barranin" żdied drastikament f'dawn l-aħħar xhur; billi din il-liġi ntużat mill-awtoritajiet Russi biex tiffaċilita r-ripressjoni fuq is-soċjetà ċivili indipendenti attiva fir-Russja, u kienet immirata lejn l-NGOs, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti, l-avukati, l-attivisti dwar id-drittijiet tan-nisa u d-drittijiet LGBTIQ+, u attivisti ambjentali; billi din il-liġi, kif ukoll il-leġiżlazzjoni dwar "organizzazzjonijiet mhux mixtieqa" u dwar "il-ġlieda kontra l-attività estremista", tikser il-Kostituzzjoni tar-Russja stess u l-obbligi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fir-rigward tal-libertà tal-assoċjazzjoni u tal-espressjoni, id-dritt għall-privatezza, id-dritt tal-parteċipazzjoni fl-affarijiet pubbliċi u l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni; billi l-eżempju ta' Memorial juri b'mod ċar kif dawn il-liġijiet jintużaw mill-awtoritajiet Russi bħala għodda biex jintimidaw u jsikktu lill-kritiċi u l-ilħna indipendenti;
1. Jikkundanna l-persekuzzjoni ripetuta u t-tentattivi reċenti mmotivati politikament biex jingħalqu International Memorial u ċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial; jistieden lill-awtoritajiet Russi jwaqqgħu minnufih l-akkużi kollha kontra Memorial u jiżguraw li Memorial tkun tista' tkompli twettaq il-ħidma importanti tagħha mingħajr interferenza mill-istat; jitlob lill-awtoritajiet biex, sadanittant, jiżguraw il-protezzjoni sħiħa tal-assi materjali u immaterjali kollha ta' Memorial, inklużi l-arkivji tagħha, kif ukoll wirjiet u xogħlijiet minn teatri, ġurnalisti u artisti indipendenti, u jiżguraw ukoll l-aċċess għalihom;
2. Jilqa' l-ittra tat-30 ta' Novembru 2021 mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Prosekutur Ġenerali tal-Federazzjoni Russa; Jinsisti li t-talbiet għal-likwidazzjoni ma għandhomx ġustifikazzjoni legali raġonevoli; jistieden lill-Presidenti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill u lill-Istati Membri tal-UE joħorġu dikjarazzjonijiet miftuħa ta' appoġġ li jitolbu li l-awtoritajiet Russi jiżguraw is-sikurezza ta' Memorial u li jeħilsuha mill-akkużi kollha miġjuba kontriha; jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE u lir-rappreżentanzi tal-Istati Membri fir-Russja juru pubblikament solidarjetà ma' Memorial;
3. Jistieden lill-VP/RGħ jimponi sanzjonijiet fil-qafas tar-reġim globali ta' sanzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-UE fuq uffiċjali Russi involuti fir-repressjoni illegali ta' Memorial u fil-proċedimenti ġudizzjarji kontra l-organizzazzjonijiet u l-membri tagħha;
4. Iħeġġeġ lir-Russja twaqqaf ir-ripressjoni li għaddejja fuq is-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-media indipendenti billi tirrevoka l-liġijiet dwar l-"aġenti barranin" u dwar l-"organizzazzjonijiet mhux mixtieqa", tieqaf toħloq leġiżlazzjoni speċjali jew tabbuża l-liġijiet kriminali jew amministrattivi eżistenti bil-għan li tpoġġi fil-mira tagħha lill-ilħna dissidenti fil-pajjiż jew barra mill-pajjiż, u ġġib il-leġiżlazzjoni tagħha konformi mal-impenji li r-Russja ħadet volontarjament skont id-dritt internazzjonali u l-Kostituzzjoni tagħha stess, inkluż billi tirristabbilixxi bis-sħiħ il-libertà tal-assoċjazzjoni u tal-espressjoni, kif ukoll il-libertà tal-media u tal-internet; jistieden lill-awtoritajiet Russi jiżguraw li jiddaħħlu fis-seħħ miżuri ta' restituzzjoni u riparazzjoni biex jindirizzaw il-ksur imwettaq fil-proċess tal-implimentazzjoni tal-liġijiet dwar l-"aġenti barranin" u l-"organizzazzjonijiet mhux mixtieqa";
5. Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Russu u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jieqfu jippersegwitaw lil Memorial, lill-persunal tagħha, u lill-NGOs, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, lill-ġurnalisti, lill-avukati, lill-istudjużi, lill-istoriċi, lid-difensuri tad-drittijiet tan-nisa u lill-attivisti tad-drittijiet LGBTIQ+ u lill-attivisti ambjentali l-oħrajn kollha fir-Russja; itenni l-appoġġ tiegħu għas-soċjetà ċivili u għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tar-Russja u jistieden lir-Russja tistabbilixxi qafas legali ċar u ambjent sikur għall-ħidma tas-soċjetà ċivili f'konformità mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu garantiti proċeduri ta' rikors legali effettivi u effiċjenti għall-atturi tas-soċjetà ċivili li l-libertà tagħhom li jaħdmu ġiet kompromessa;
6. Itenni li l-ħidma ħielsa u indipendenti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-media hija l-ġebla tax-xewka ta' soċjetà demokratika bbażata fuq l-istat tad-dritt; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ għas-soċjetà ċivili, l-NGOs indipendenti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-istoriċi u l-mezzi tal-media indipendenti attivi fir-Russja, inkluż appoġġ finanzjarju sostenibbli u flessibbli u assistenza ta' emerġenza, u jinkoraġġixxu appoġġ internazzjonali akbar għal dawn l-atturi, kif ukoll l-inklużjoni usa' tagħhom fin-networks internazzjonali tas-soċjetà ċivili; jappella għas-sens ta' responsabbiltà tal-akkademja Russa biex tipprovdi lil dawk ir-riċerkaturi u storiċi opportunitajiet adegwati u sikuri biex iwettqu l-attività akkademika tagħhom;
7. Jikkundanna l-kampanji ta' malafama mwettqa mill-awtoritajiet Russi attwali kontra storiċi u akkademiċi li jitkellmu apertament dwar id-delitti mwettqa mir-reġim komunista u li qed jikxfu rabtiet diretti bejn dak ir-reġim u l-persuni attwalment fil-poter fir-Russja; jiddispjaċih li r-Russja, li sal-lum għadha l-akbar vittma tat-totalitarjaniżmu komunista Sovjetiku, għadha mhix kapaċi tirrikonċilja mal-passat kiefer tagħha, u minflok l-awtoritajiet tagħha qed jippersegwitaw lil dawk li qed jaħdmu biex jitfgħu dawl fuq id-delitti totalitarji Sovjetiċi;
8. Ifaħħar il-kontribut sinifikanti ta' Memorial għad-dokumentazzjoni, ir-riċerka u l-edukazzjoni dwar ir-ripressjoni politika fl-Unjoni Sovjetika u jenfasizza li din il-ħidma stabbilixxiet standards internazzjonali; ifaħħar il-ħidma bla heda tagħha fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja tal-lum u lil hinn minnha; ifaħħar b'mod partikolari l-inizjattivi tagħha bħat-talba għall-bidu ta' proċedimenti kriminali kontra membri tal-Grupp Wagner f'isem il-vittmi fis-Sirja, u l-isforzi sostnuti tagħha favur il-prosekuzzjoni kriminali tad-delitti u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċeċenja; jagħti ġieħ lill-membri ta' Memorial, bħal Natalya Estemirova, li ħallsu l-ogħla prezz biex jikxfu l-atroċitajiet imwettqa hemmhekk; jenfasizza li l-likwidazzjoni tal-International Memorial u taċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial għalhekk ikollha konsegwenzi negattivi sinifikanti għas-soċjetà ċivili kollha kemm hi u għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja b'mod partikolari;
9. Jenfasizza li l-likwidazzjoni ta' dawn l-organizzazzjonijiet iġġib ukoll fi tmiemhom il-bażijiet ta' data u l-kollezzjonijiet ta' dokumenti uniċi ta' Memorial u jemmen li dawn ir-rekords huma wirt uniku tal-umanità; jenfasizza li huwa ta' importanza kbira li dawn jiġu protetti u ppreservati u jibqgħu disponibbli għal kull min ikun interessat, inklużi l-istudenti, ir-riċerkaturi u l-familji tal-vittmi; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lis-SEAE jipproduċu rapport komprensiv flimkien mas-soċjetà ċivili u l-esperti Russi tad-drittijiet tal-bniedem dwar il-memorja ħajja tal-miljuni ta' vittmi tat-terrur politiku fl-Unjoni Sovjetika, li jkun ibbażat fuq id-dikjarazzjonijiet tax-xhieda u l-bażijiet ta' data miġbura minn Memorial;
10. Jikkundanna l-politika ta' reviżjoniżmu tal-istorja u tal-glorifikazzjoni tal-iStaliniżmu promossa mill-Gvern u l-awtoritajiet Russi, użata mhux biss fit-tentattivi attwali biex jiġi likwidat iċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial, iżda wkoll f'bosta każijiet oħra, bħall-iskoperta ta' oqbra tal-massa f'Sandarmokh fir-Repubblika ta' Karelia u s-sentenza ta' ħabs politikament motivata mogħtija sussegwentement, ibbażata fuq akkużi fabbrikati, lil Yury Dmitriev, mexxej lokali ta' Memorial, kif ukoll il-konfiska tal-ktieb ta' Agnes Haikara dwar id-destin traġiku tal-kolonjalisti Norveġiżi u Finlandiżi fil-peniżola ta' Kola; jissottolinja li t-tifkira tal-vittmi ta' reġimi totalitarji u awtoritarji u r-rikonoxximent u s-sensibilizzazzjoni dwar id-delitti mwettqa minn dittatorjati komunisti, Nazisti u oħrajn huma ta' importanza vitali għall-unità tal-Ewropa u għat-trawwim tar-reżiljenza kontra t-theddid modern għad-demokrazija, b'mod partikolari fost il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ;
11. Jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE u lir-rappreżentanzi diplomatiċi nazzjonali fir-Russja jimmonitorjaw mill-qrib is-sitwazzjoni u l-proċessi marbuta ma' Memorial fuq il-post, jiżguraw li dawn l-isforzi jkunu viżibbli, u joffrulhom kwalunkwe appoġġ li jista' jkollhom bżonn, inkluża assistenza finanzjarja diretta sabiex iħallsu lil avukati u lil esperti, iżda wkoll appoġġ psikosoċjali u mediku għall-impjegati matul dan il-perjodu ta' pressjoni estrema;
12. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jkomplu jappoġġaw il-fergħat ta' Memorial fil-pajjiżi rispettivi tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw li jipprovdu rifuġju għal NGOs mhedda jew ipprojbiti mir-Russja u jippermettulhom joperaw mit-territorju tal-UE jekk ikun meħtieġ, u jipprovdu viżi ta' emerġenza lill-impjegati ta' Memorial u attivisti mhedda oħrajn sabiex ikunu jistgħu jitilqu mir-Russja u jsibu kenn temporanju fl-UE;
13. Iħeġġeġ lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni kkoordinata ma' pajjiżi tal-istess fehma biex iżidu l-iskrutinju internazzjonali tal-liġijiet, il-politiki u l-azzjonijiet restrittivi tar-Russja u biex b'mod persistenti jqajmu s-suġġett tar-restrizzjonijiet tal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem mill-awtoritajiet Russi u jikkundannawhom, inkluż permezz ta' interventi ta' livell għoli u pubbliċi, azzjoni kkoordinata, skrutinju sostnut f'fora internazzjonali u reġjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u valutazzjonijiet tal-impatt regolari dwar id-drittijiet tal-bniedem biex jiġi żgurat li l-involviment mar-Russja ma jdgħajjifx l-objettivi tad-drittijiet tal-bniedem jew jikkontribwixxi direttament jew indirettament għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem;
14. Iħeġġeġ lill-ambaxxaturi tal-UE u tal-Istati Membri fir-Russja jwettqu żjara ta' solidarjetà konġunta u ppubbliċizzata fl-uffiċċju ta' International Memorial u taċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial wara l-eżitu tas-seduti tal-qorti;
15. Jistieden lis-SEAE jkompli jqajjem il-kwistjoni tar-ripressjoni bla waqfien mir-Russja fuq is-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-media indipendenti, speċjalment il-każ reċenti ta' Memorial, u jibda proċeduri ta' monitoraġġ u evalwazzjoni fil-fora rilevanti kollha, bħall-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, il-Kunsill tal-Ewropa u l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u b'mod partikolari jżid ir-ripressjoni persistenti tar-Russja fuq is-soċjetà ċivili fl-aġenda tas-sessjoni li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU li tibda f'Frar 2022;
16. Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jimmonitorjaw mill-qrib fuq bażi kontinwa l-impatt tal-liġi dwar l-"aġenti barranin", b'mod partikolari sabiex iżommu rekord dettaljat tal-organizzazzjonijiet u l-individwi ddikjarati bħala "aġenti barranin" u sanzjonati bħala tali, u biex jivvalutaw il-bidliet legali fil-liġi u l-effett tagħhom fuq is-soċjetà ċivili Russa; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jindirizzaw b'mod sistematiku t-tħassib dwar il-liġi dwar l-"aġenti barranin" u leġiżlazzjoni restrittiva oħra kontra s-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-laqgħat kollha mar-rappreżentanti Russi, u jistiednu lir-Russja tirrevoka immedjatament il-liġi tagħha dwar l-"aġenti barranin" u tallinja l-leġiżlazzjoni tagħha mal-impenji internazzjonali tagħha u mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;
17. Jistieden lill-Kunsill, lis-SEAE u lill-Kummissjoni jintegraw il-konsultazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u s-soċjetà ċivili fi kwalunkwe djalogu u qasam ta' involviment bejn l-UE, l-Istati Membri tagħha u r-Russja, u jonoraw l-impenn tagħhom favur l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri;
18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lil International Memorial u liċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial, u lill-President, lill-Gvern u lid-Duma tal-Istat tal-Federazzjoni Russa.
Is-sitwazzjoni f'Kuba, b'mod partikolari l-każijiet ta' José Daniel Ferrer, il-Mara Liebsa l-Abjad Aymara Nieto, Maykel Castillo, Luis Robles, Félix Navarro, Luis Manuel Otero, ir-Reverendu Lorenzo Fajardo, Andy Dunier García u Yunior García Aguilera
148k
50k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2021 dwar is-sitwazzjoni f'Kuba, b'mod partikolari l-każijiet ta' José Daniel Ferrer, il-Mara Liebsa l-Abjad Aymara Nieto, Maykel Castillo, Luis Robles, Félix Navarro, Luis Manuel Otero, ir-Reverendu Lorenzo Rosales Fajardo, Andy Dunier García u Yunior García Aguilera (2021/3019(RSP))
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar Kuba, b'mod partikolari dik tas-16 ta' Settembru 2021 dwar it-trażżin mill-gvern tal-protesti u ċ-ċittadini f'Kuba(1),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni (PDCA) bejn l-Unjoni Ewropea u Kuba, iffirmat f'Diċembru 2016 u applikat b'mod provviżorju mill-1 ta' Novembru 2017(2),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-14 ta' Novembru 2021 tal-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar id-deċiżjoni li jiġu rrevokati l-kredenzjali tal-ġurnalisti tal-EFE,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u trattati u strumenti internazzjonali oħra fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-29 ta' Novembru 2021 tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Uffiċċju tar-Rapporteur Speċjali għal-Libertà tal-Espressjoni dwar l-azzjonijiet repressivi mill-Istat li ma ppermettewx id-dimostrazzjoni ċivika li kellha ssir fil-15 ta' Novembru 2021 f'Kuba,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Diċembru 2021 ta' diversi artisti flimkien ma' PEN International, Artists at Risk Connection ta' PEN America u Human Rights Watch dwar it-tmiem tar-repressjoni tal-artisti f'Kuba,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra, li Kuba hija Stat Parti għaliha,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-10 ta' Mejju 2021 tal-Viċi Direttur Maniġerjali tas-SEAE għall-Amerki lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili dwar l-involviment tagħhom fl-implimentazzjoni tal-PDCA ARES (2021) 247104,
– wara li kkunsidra d-definizzjoni ta' "Organizzazzjoni tas-Soċjetà Ċivili" ppubblikata fis-sit web tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (EUR-Lex),
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni u l-Kodiċi Kriminali ta' Kuba,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fil-11 ta' Lulju 2021 saru dimostrazzjonijiet storiċi f'aktar minn 50 belt fil-gżira, bħala protesta paċifika kontra l-kriżi soċjali u ekonomika gravi, in-nuqqasijiet kroniċi ta' mediċini u oġġetti essenzjali oħra u r-restrizzjonijiet sistematiċi tad-drittijiet tal-bniedem; billi dawn l-ilmenti, b'mod parallel mal-COVID-19, ħolqu żieda fit-talbiet għad-drittijiet ċivili u politiċi, u għad-demokrazija; billi b’rispons għad-dimostrazzjonijiet, l-Gvern Kuban attakka sistematikament lid-dimostranti, lid-dissidenti politiċi, lill-mexxejja reliġjużi, lill-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u lill-artisti indipendenti, fost oħrajn, li wħud minnhom huma rebbieħa tal-Premju Sakharov, għall-attiviżmu paċifiku tagħhom favur id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem; billi ġie rrappurtat li għexieren ta' nies ġew arrestati arbitrarjament, detenuti jew imqiegħda taħt arrest domiċiljari b'sorveljanza kostanti, u jiffaċċjaw akkużi kriminali fittizji u abbużivi;
B. billi José Daniel Ferrer, il-Mara Liebsa l-Abjad Aymara Nieto, Maykel Castillo, Luis Robles, Félix Navarro, Luis Manuel Otero, ir-Reverendu Lorenzo Rosales Fajardo, Andy Dunier García u Yunior García Aguilera huma biss ftit eżempji tal-mijiet ta' Kubani li qed jiffaċċjaw l-inġustizzja u r-repressjoni imposti mir-reġim Kuban;
C. billi dawk li ġew inkarċerati arbitrarjament huma soġġetti għal iżolament kontinwu, inklużi perjodi f'ċelel tal-kastig, tortura krudili, u trattament inuman u degradanti, mingħajr aċċess għall-avukati tagħhom u għal trattament mediku xieraq; billi wħud minnhom huma detenuti f'ħabsijiet 'il bogħod minn djarhom, u l-familji tagħhom ma jitħallewx iżuruhom; billi diversi detenuti qed ibatu minn problemi tas-saħħa, u għalhekk il-ħelsien tagħhom huwa partikolarment urġenti;
D. billi bosta oħrajn li ħarbu mill-pajjiż jew li ġew sfurzati jitilqu mill-pajjiż ma tħallewx jirritornaw u se jibqgħu eżiljati għall-futur prevedibbli; billi r-reat ta' espatrijazzjoni sfurzata ta' dissidenti f'Kuba diġà ġie ddenunzjat minn erba' rapporteurs tan-NU;
E. billi fil-21 ta' Settembru 2021, il-pjattaforma Archipiélago u gruppi oħra tas-soċjetà ċivili talbu b'mod pubbliku u trasparenti l-awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti biex jagħmlu dimostrazzjoni paċifika fil-15 ta' Novembru 2021 favur ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-ħelsien tal-priġunieri politiċi fil-pajjiż; billi l-awtoritajiet Kubani ma tawx il-permess biex il-protesti ppjanati jsiru, filwaqt li kkunsidrawhom illegali u ma rrikonoxxewx il-leġittimità tar-raġunijiet mogħtija għad-dimostrazzjoni;
F. billi lejliet id-dimostrazzjonijiet paċifiċi li kellhom isiru fil-15 ta' Novembru 2021, l-awtoritajiet Kubani rrevokaw il-kredenzjali tal-ġurnalisti li jaħdmu għall-aġenzija tal-aħbarijiet Spanjola, EFE, fil-pajjiż f'mossa ċara biex iwaqqfu l-fluss ta' aħbarijiet liberi u preċiżi mill-gżira;
G. billi l-Istat ta' Kuba għandu l-obbligu li jirrikonoxxi, jipproteġi u jiżgura d-drittijiet ta' għaqda paċifika u ta' libertà tal-espressjoni, mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq fehmiet politiċi; billi huwa essenzjali li l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi tal-Istat jaġixxu f'konformità stretta mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem b'rispett għall-prinċipji tal-legalità, l-eċċezzjonalità, il-proporzjonalità u n-neċessità;
H. billi fil-5 ta' Lulju 2017, il-Parlament ta l-approvazzjoni tiegħu għall-PDCA, b'kundizzjonijiet ċari marbuta mat-titjib tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija f'Kuba, li jinkludu klawżola ta' sospensjoni f'każ ta' ksur ta' dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem; billi fis-26 ta' Frar 2021, l-UE u Kuba organizzaw it-tielet Djalogu formali tagħhom dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-ambitu tal-PDCA UE-Kuba; billi ż-żewġ naħat iddiskutew il-kwistjoni tal-libertà tal-għaqda paċifika u tal-assoċjazzjoni; billi l-UE enfasizzat, f'konformità mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-importanza li ċ-ċittadini jitħallew jieħdu sehem attiv fis-soċjetà permezz ta' organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; billi l-UE fakkret fil-ħtieġa li jiġu rispettati l-obbligi tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;
I. billi kwalunkwe djalogu politiku jrid jinkludi parteċipazzjoni intensiva u diretta tas-soċjetà ċivili indipendenti u tal-atturi politiċi kollha tal-oppożizzjoni mingħajr restrizzjonijiet, kif enfasizzat fl-Artikolu 36 tal-PDCA;
J. billi l-Parlament Ewropew ikkundanna ripetutament il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'Kuba, u ssottolinja l-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1(5), 2(c), 5, 22 u 43(2) tal-PDCA bejn l-Unjoni Ewropea u Kuba, iffirmat fl-2016, li fih il-Gvern Kuban jimpenja ruħu li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem;
K. billi l-Parlament ta l-Premju Sakharov tiegħu għal-Libertà tal-Ħsieb lil attivisti Kubani fi tliet okkażjonijiet: Oswaldo Payá in 2002, in-Nisa Libsin l-Abjad fl-2005 u Guillermo Fariñas in 2010; billi r-rebbieħa tal-Premju Sakharov u l-qraba tagħhom għadhom qed jiġu ffastidjati u intimidati regolarment, u ma jitħallewx jitilqu mill-pajjiż u jipparteċipaw f'eventi internazzjonali; billi fit-8 ta' Diċembru 2021 ir-rebbieħa tal-Premju Sakharov Berta Soler, il-mexxejja ta' Nisa Libsin l-Abjad, u Guillermo Fariñas bagħtu ittra lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà li fiha pproponew li jirrinunzjaw għall-premju tagħhom jekk is-soċjetà ċivili tkompli tiġi abbandunata mis-SEAE fil-futur qrib, waqt li f'Kuba jitwettqu delitti kontra l-umanità; billi fid-9 ta' Diċembru 2021, Guillermo Fariñas inħataf u ttieħed fi sptar kontra r-rieda tiegħu;
1. Jikkundanna bil-qawwa kollha l-abbużi sistematiċi kontra d-dimostranti, id-dissidenti politiċi, il-mexxejja reliġjużi, l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u l-artisti indipendenti, fost oħrajn, inklużi d-detenzjoni arbitrarja tagħhom u r-restrizzjonijiet abbużivi tal-movimenti u l-komunikazzjonijiet tagħhom, bħall-arresti domiċiljari u s-sorveljanza, u t-tortura u t-trattament ħażin imwettqa mill-Gvern Kuban;
2. Jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta' José Daniel Ferrer, il-Mara Liebsa l-Abjad Aymara Nieto, Maykel Castillo, Luis Robles, Félix Navarro, Luis Manuel Otero, ir-Reverendu Lorenzo Rosales Fajardo u Andy Dunier García, u ta' dawk kollha detenuti talli eżerċitaw id-drittijiet tagħhom tal-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda paċifika; jistieden lill-awtoritajiet Kubani jwaqqgħu l-akkużi kriminali abbużivi u jippermettu lil dawk li huma eżiljati jirritornaw fil-pajjiż, inkluż, pereżempju, Yunior García; jikkundanna l-użu ta' espatrijazzjonijiet sfurzati sistematiċi għal raġunijiet ta' kuxjenza mill-Gvern Kuban; jiddenunzja l-ħtif u d-detenzjoni arbitrarja reċenti tar-rebbieħ tal-Premju Sakharov Guillermo Fariñas u, minkejja l-ħelsien reċenti tiegħu, jitlob li jintemmu l-arresti arbitrarji u l-fastidju regolari u persistenti li jiffaċċja;
3. Jikkundanna t-tortura u t-trattament inuman, degradanti u ħażin imwettqa mill-awtoritajiet Kubani; jappella għal investigazzjoni immedjata u imparzjali ta' każijiet bħal dawn u biex il-familji tal-vittmi jingħataw aċċess immedjat u biex il-vittmi jingħataw kura medika tal-għażla tagħhom;
4. Jappella għal garanziji kredibbli tad-dritt għal proċess ġust u tal-indipendenza tal-ġudikatura, u jappella għal assigurazzjonijiet li l-persuni mċaħħda mil-libertà tagħhom ikollhom aċċess għal avukat indipendenti;
5. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kubani jtemmu minnufih il-politika ta' repressjoni, li żżomm kultura ta' biża' u teqred il-forom kollha ta' djalogu, kif ukoll il-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda; jesprimi l-kundanna tiegħu tal-istrateġiji repressivi u intimidatorji kontinwi ta' Kuba bl-għan li jostakolaw kwalunkwe inizjattiva tas-soċjetà ċivili favur id-demokrazija, bħad-dimostrazzjoni ċivika li kellha ssir fil-15 ta' Novembru 2021, u li ma saritx b'riżultat ta' theddid, fastidju, attakki, detenzjonijiet u diversi atti repressivi oħra kontra ċivili; jisħaq li d-drittijiet fundamentali, bħal-libertà tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda, dejjem iridu jiġu sostnuti u rrispettati; jistieden lill-awtoritajiet Kubani jiżguraw u jiggarantixxu d-dritt tal-libertà tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda paċifika f'kull ħin billi jippermettu d-dimostrazzjonijiet paċifiċi fil-pajjiż;
6. Jinsisti li l-awtoritajiet Kubani jiżguraw li d-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali tal-popolazzjoni jiġu rispettati, sabiex jindirizzaw il-ħtieġa tagħhom ta' aċċess akbar għall-ikel u l-mediċini, u biex jipprovdu rispons effettiv għall-pandemija tal-COVID-19;
7. Jistieden lill-awtoritajiet Kubani jagħtu minnufih lir-Rapporteur Speċjali tan-NU għal-Libertà tal-Opinjoni u tal-Espressjoni, u lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-Sitwazzjoni tad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem l-aċċess għall-pajjiż sabiex jiddokumentaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'Kuba;
8. Itenni t-talba tiegħu biex l-Istati Membri, is-SEAE u d-delegazzjoni tiegħu f'Kuba jikkundannaw b'mod qawwi u pubbliku d-detenzjoni arbitrarja u l-iżolament tas-Sur Ferrer, is-Sa Nieto, is-Sur Castillo, is-Sur Otero, is-Sur Robles, is-Sur Navarro, ir-Reverendu Rosales Fajardo, is-Sur García Lorenzo u l-mijiet ta' dimostranti paċifiċi inkarċerati b'konsegwenza tad-dimostrazzjonijiet tal-11 ta' Lulju u tal-15 ta' Novembru 2021, u biex jieħdu l-azzjoni kollha meħtieġa biex jiddefendu d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem; jibgħat l-aktar appoġġ qawwi lill-artisti espatrijati b'mod sfurzat, lill-ġurnalisti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti soċjali u politiċi li qed iġarrbu eżilju sfurzat minn Kuba, bħas-Sur García Aguilera;
9. Jitlob lill-awtoritajiet Kubani jagħtu aċċess lil delegazzjoni tal-UE u lil rappreżentanti tal-Istati Membri, kif ukoll lil organizzazzjonijiet indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem, biex jimmonitorjaw il-proċessi u jżuru fil-ħabsijiet lill-mijiet ta' attivisti u Kubani li għadhom detenuti talli eżerċitaw id-dritt tagħhom tal-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda, inklużi dawk akkużati bi ksur ta' dispożizzjonijiet tal-kodiċi kriminali bħal "disprezz", "reżistenza", "inċitament biex jitwettaq reat", fost akkużi oħra;
10. Iħeġġeġ lill-Gvern Kuban jallinja l-politika tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-istandards internazzjonali definiti fil-karti, id-dikjarazzjonijiet u l-istrumenti internazzjonali li Kuba hija firmatarja tagħhom, u jippermetti lis-soċjetà ċivili u lill-atturi politiċi tal-oppożizzjoni jieħdu sehem attiv fil-ħajja politika u soċjali, mingħajr ebda restrizzjoni, filwaqt li jiggarantixxu u jimplimentaw il-libertajiet fundamentali; jistieden lill-awtoritajiet Kubani jisimgħu l-ilħna taċ-ċittadini tagħhom u jinvolvu ruħhom fi proċess nazzjonali demokratiku;
11. Jikkundanna r-revoka arbitrarja tal-kredenzjali tal-istampa tal-EFE u r-restrizzjonijiet arbitrarji kollha fuq il-ħidma ta' korrispondenti tal-istampa internazzjonali u Kubani;
12. Ifakkar fl-appoġġ qawwi tiegħu għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem f'Kuba u għall-ħidma tagħhom; jistieden lir-rappreżentanti kollha tal-Istati Membri jqajmu kwistjonijiet rigward id-drittijiet tal-bniedem u jsaħħu l-appoġġ tagħhom għas-soċjetà ċivili ġenwina u indipendenti waqt żjarat lill-awtoritajiet Kubani, u jiltaqgħu mar-rebbieħa tal-Premju Sakharov meta jżuru Kuba sabiex jiżguraw l-applikazzjoni interna u esterna konsistenti tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, biex b'hekk tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili indipendenti u tittejjeb il-ħidma tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jiddispjaċih dwar il-fatt li r-rappreżentanti Kubani u Ewropej tas-soċjetà ċivili indipendenti ġew esklużi milli jieħdu sehem fid-djalogu, li huwa vinkolanti skont id-dispożizzjonijiet tal-PDCA; jiddispjaċih dwar id-diverġenza fil-pożizzjonijiet u l-politiki dwar Kuba bejn is-SEAE u l-Parlament Ewropew, u jappella bil-qawwa lis-SEAE biex ma jabbandunax lis-soċjetà ċivili ta' Kuba;
13. Jiddispjaċih ħafna dwar il-fatt li l-awtoritajiet Kubani qed jirrifjutaw li jħallu lill-Parlament Ewropew, lid-delegazzjonijiet tiegħu u lil xi gruppi politiċi jżuru Kuba minkejja li l-Parlament Ewropew ta l-approvazzjoni tiegħu għall-PDCA; jistieden lill-awtoritajiet jippermettu minnufih id-dħul fil-pajjiż;
14. Jisħaq fuq l-obbligu għall-partijiet kollha li jissodisfaw id-dispożizzjonijiet vinkolanti tal-PDCA u tar-riżoluzzjoni tal-5 ta' Lulju 2017; f'dan il-kuntest, ifakkar li d-djalogu kollu bejn l-Unjoni Ewropea u s-soċjetà ċivili Kubana dwar opportunitajiet ta' finanzjament iridu jsiru biss ma' organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili, filwaqt li jiġi żgurat li ebda fond ma jikkontribwixxi għall-finanzjament tar-reġim Kuban u li jkollu l-għan li jtejjeb l-istandard tal-għajxien tal-poplu Kuban;
15. Jesprimi d-dispjaċir tiegħu li, minkejja l-adozzjoni tal-PDCA, is-sitwazzjoni tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem ma tjibitx iżda, għall-kuntrarju, iddeterjorat gravement; ifakkar li, fid-dawl tal-PDCA, Kuba jeħtiġilha tirrispetta u tikkonsolida l-prinċipji tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem; jiddispjaċih ferm li l-każijiet kollha msemmija hawn fuq jikkostitwixxu ksur addizzjonali u permanenti tal-Ftehim;
16. Itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill biex jadotta sanzjonijiet kontra dawk responsabbli għall-ksur persistenti tad-drittijiet tal-bniedem f'Kuba;
17. Ifakkar li l-PDCA fih "klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem" bħala komponent essenzjali standard tal-ftehimiet internazzjonali tal-UE, li tippermetti s-sospensjoni tal-Ftehim f'każ ta' ksur ta' dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem;
18. Itenni t-talba tiegħu lill-Unjoni Ewropea biex tattiva l-Artikolu 85(3)(b) sabiex titlob laqgħa immedjata tal-kumitat konġunt għal raġunijiet ta' ksur tal-ftehim min-naħa tal-Gvern Kuban li, jikkostitwixxi "każ ta' urġenza speċjali", li jista' jwassal għas-sospensjoni tal-ftehim għal ksur kontinwu, gravi u materjali tal-prinċipji demokratiċi u n-nuqqas ta' rispett għad-drittijiet umani bażiċi kollha u għad-drittijiet fundamentali, kif stabbiliti fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, li jikkostitwixxu element essenzjali ta' dan il-Ftehim, kif minqux fl-Artikolu 1(5), u n-nuqqas ta' intervent f'dan ir-rigward, minkejja l-bosta appelli biex dan isir;
19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tal-Poter Popolari ta' Kuba, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-pajjiżi tal-Komunità ta' Stati tal-Amerka Latina u tal-Karibew.
Ix-xogħol furzat fil-fabbrika Linglong u l-protesti ambjentali fis-Serbja
134k
48k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2021 dwar ix-xogħol furzat fil-fabbrika Linglong u l-protesti ambjentali fis-Serbja (2021/3020(RSP))
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Serbja,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tas-Serbja, min-naħa l-oħra(1), li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2013, u l-istatus ta' kandidat tagħha,
– wara li kkunsidra r-rapport dwar is-Serbja għall-2021 ippubblikat mill-Kummissjoni fit-19 ta' Ottubru 2021 (SWD(2021)0288),
– wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi s-Serbja jeħtiġilha tiġi ġġudikata, bħal kull pajjiż li jaspira li jsir Stat Membru tal-UE, fuq il-merti tagħha stess f'termini tat-twettiq u l-implimentazzjoni tal-kriterji u l-valuri komuni meħtieġa għall-adeżjoni u l-konformità magħhom;
B. billi d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt huma valuri fundamentali li fuqhom hija msejsa l-UE u jinsabu fil-qalba tal-proċessi ta' tkabbir, stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni; billi r-riformi sostenibbli huma meħtieġa biex jiġu indirizzati l-isfidi sinifikanti li jibqgħu f'dawn l-oqsma;
C. billi jeħtieġ li s-Serbja tiżviluppa rekord irriversibbli fl-aderenza, ir-rispett u d-difiża tal-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;
D. billi l-libertà ta' espressjoni u l-indipendenza tal-media jibqgħu tħassib serju li jeħtieġ li jiġi indirizzat bħala kwistjoni prijoritarja;
E. billi s-Serbja qed iżżid l-għadd ta' kuntratti li għandha ma' industrijalisti Ċiniżi ewlenin u qed tagħti liċ-Ċina dejjem aktar privileġġi legali, anke meta dawn imorru kontra d-dritt tal-UE; billi l-ftehim bejn Belgrad u Beijing dwar l-impjieg ta' barranin jippermetti li l-liġi tax-xogħol Ċiniża tiġi applikata fis-Serbja; billi f'Marzu 2021, kien hemm rapporti fl-istampa ta' trattament ħażin ta' impjegati tal-kumpanija Ċiniża Zijin Mining, li ħadet f'idejha minjiera tar-ram fil-Lvant tas-Serbja fl-2018, filwaqt li ġew imċaħħda mill-passaporti tagħhom u miżmuma f'kundizzjonijiet prekarji;
F. billi kien hemm allegazzjonijiet serji kontra l-kumpanija Ċiniża għall-produzzjoni tat-tajers Linglong Tire f'Zrenjanin, fit-Tramuntana tas-Serbja, rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' 500 ħaddiem mill-Vjetnam; billi dawn l-allegazzjonijiet jinkludu ksur tad-drittijiet tal-bniedem, traffikar tal-bnedmin u kundizzjonijiet li jistgħu jipperikolaw is-saħħa u l-ħajja tal-bniedem; billi l-passaporti tal-ħaddiema ġew ikkonfiskati; billi l-kuntratti tal-impjegati fil-fabbrika Linglong Tire jinkludu irregolaritajiet li jindikaw li l-isfruttament tal-ħaddiema seħħ fir-rigward tas-salarji, il-liv u s-sigħat tax-xogħol, bi ksur tar-regolamenti applikabbli tal-Liġi tax-Xogħol tas-Serbja;
G. billi reċentement ġew irrappurtati protesti ambjentali mifruxa madwar is-Serbja fl-isfond tal-adozzjoni mgħaġġla ta' żewġ liġijiet, il-Liġi dwar ir-Referenda u l-Inizjattiva tal-Poplu u l-Liġi dwar l-Esproprjazzjoni tal-Art; billi din l-aħħar liġi titqies li tiftaħ spazju għal proġetti kontroversjali ta' investiment barrani, bħall-minjiera ta' Rio Tinto, b'impatt qawwi fuq l-ambjent; billi ċ-ċittadini tas-Serbja eżerċitaw id-dritt fundamentali tal-bniedem tagħhom għal assemblea paċifika; billi allegazzjonijiet qawwija enfasizzaw li l-forzi tal-pulizija kisru l-obbligu tagħhom li jipproteġu l-ħajjiet, id-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadini, kif ukoll il-protezzjoni tal-istat tad-dritt; billi l-pulizija użaw ammont serju ta' forza u arrestaw lil diversi dimostranti; billi d-dimostranti ġew attakkati minn gruppi armati, ħuligans u buldowżers mhux identifikati;
H. billi l-Gvern Serb ħa deċiżjoni li jirtira l-Liġi dwar l-Esproprjazzjoni tal-Art mill-proċedura parlamentari wara li l-President irritornaha għal kunsiderazzjoni mill-ġdid; billi l-gvern se janalizza l-liġi u jintroduċi bidliet wara dibattitu pubbliku wiesa'; billi fl-10 ta' Diċembru 2021, l-assemblea nazzjonali adottat emendi għal-Liġi dwar ir-Referenda u l-Inizjattiva tal-Poplu li jirreferu għaċ-ċertifikazzjoni tal-firem u l-abolizzjoni tal-miżata għall-verifika tal-firem;
I. billi kemm il-fabbrika Linglong Tire kif ukoll il-protesti ambjentali jinvolvu allegazzjonijiet ta' intimidazzjoni u attakki fiżiċi kontra l-ħaddiema tal-media, l-attivisti, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs);
J. billi l-ġabra ta' kapitoli nru. 4 fin-negozjati tal-adeżjoni mas-Serbja nfetaħ fl-14 ta' Diċembru 2021 f'konferenza intergovernattiva;
1. Jesprimi tħassib serju dwar l-allegazzjonijiet dwar xogħol furzat, ksur tad-drittijiet tal-bniedem u traffikar tal-bnedmin ta' madwar 500 persuna Vjetnamiża fis-sit ta' kostruzzjoni tal-fabbrika Ċiniża Linglong Tire fis-Serbja;
2. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jinvestigaw il-każ bir-reqqa u jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem fil-fabbrika, speċjalment id-drittijiet tax-xogħol, jipprovdu lill-UE l-konklużjonijiet tal-investigazzjonijiet tagħhom u jżommu responsabbli lill-awturi; jistieden lill-awtoritajiet Serbi jippermettu lil NGOs, OSĊ, uffiċjali tal-UE u uffiċjali minn organizzazzjonijiet internazzjonali oħra aċċess liberu, sinifikanti u mingħajr xkiel għall-fabbrika Linglong Tire f'Zrenjanin u l-faċilitajiet ta' akkomodazzjoni tal-ħaddiema Vjetnamiżi; iħeġġeġ lid-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika tas-Serbja ssegwi mill-qrib dawn il-proċessi u d-destin tal-500 ħaddiem Vjetnamiż;
3. Jistieden lis-Serbja ttejjeb l-allinjament mal-liġi tax-xogħol tal-UE, tadotta liġi ġdida dwar id-dritt tal-istrajkjar, tindirizza x-xogħol mhux iddikjarat u temenda l-liġi dwar is-sorveljanza tal-ispezzjonijiet biex tikkonforma mal-konvenzjonijiet rilevanti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol li ġew ratifikati minnha;
4. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar problemi serji bil-korruzzjoni u l-istat tad-dritt fil-qasam tal-ambjent, dwar in-nuqqas ġenerali ta' trasparenza u dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali u soċjali tal-proġetti infrastrutturali, inkluż minn investimenti u self Ċiniżi kif ukoll minn kumpaniji multinazzjonali bħal Rio Tinto; jinnota, f'dan il-kuntest, il-ftuħ tal-ġabra ta' kapitoli nru. 4 "L-Aġenda ekoloġika u l-konnettività sostenibbli" fin-negozjati tal-adeżjoni mal-UE; jistieden lill-UE u lill-awtoritajiet Serbi jsegwu t-tħassib leġittimu espress fil-protesti ambjentali u jindirizzaw b'mod urġenti dawn il-problemi matul in-negozjati;
5. Jesprimi tħassib dwar l-influwenza dejjem ikbar taċ-Ċina fis-Serbja u fil-Balkani tal-Punent; jistieden lis-Serbja ssaħħaħ l-istandards ta' konformità legali tagħha għall-attivitajiet kummerċjali Ċiniżi; jenfasizza li l-liġijiet tax-xogħol u dawk ambjentali Serbi għandhom japplikaw ukoll għall-kumpaniji Ċiniżi li joperaw fil-pajjiż;
6. Jesprimi tħassib serju dwar il-vjolenza dejjem tiżdied minn gruppi estremisti u ħuligans kontra protesti ambjentali paċifiċi; jiddispjaċih għall-ammont ta' forza użata mill-pulizija kontra d-dimostranti; jikkundanna l-imġiba vjolenti tal-ħuligans lejn dimostranti paċifiċi; jikkundanna bil-qawwa kwalunkwe ksur tad-dritt fundamentali għal assemblea paċifika; jenfasizza li l-libertà tal-għaqda hija dritt tal-bniedem; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jinvestigaw kif xieraq każijiet reċenti ta' protesti tal-massa li matulhom il-forza tal-pulizija allegatament marret lilhinn mill-awtorità tagħha jew naqset milli tipproteġi lid-dimostranti mill-vjolenza u tipproteġi d-dritt tal-bniedem tagħhom għal assemblea paċifika; jistieden lill-awtoritajiet Serbi jikkundannaw pubblikament l-azzjonijiet ta' dawn il-ħuligans kontra d-dimostranti;
7. Jikkundanna wkoll, f'dan il-kuntest, ir-rwol tal-gruppi tal-ħuligans fil-protezzjoni tat-tpinġija tal-pittura fuq il-ħajt tal-kriminal tal-gwerra ssentenzjat Ratko Mladić f'Belgrad, u l-inċidenti korrispondenti li kixfu rabtiet mill-qrib bejn il-ħuligans u l-pulizija; jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' rieda evidenti tal-awtoritajiet li jiżguraw it-tneħħija permanenti tat-tpinġija, li jmur kontra kemm ix-xewqat tal-kerrejja kif ukoll id-deċiżjonijiet muniċipali formali;
8. Jesprimi tħassib dwar iż-żmien u l-ispazju limitati disponibbli għal dibattitu miftuħ dwar il-Liġi dwar ir-Referenda u l-Inizjattiva tal-Poplu u l-emendi għal-Liġi dwar l-Esproprjazzjoni tal-Art; jieħu nota tad-deċiżjoni li tiġi rtirata u kkunsidrata mill-ġdid il-Liġi dwar l-Esproprjazzjoni tal-Art u l-emendi adottati għal-Liġi dwar ir-Referenda u l-Inizjattiva tal-Poplu;
9. Jiddispjaċih dwar ix-xejriet fit-tul tal-preġudizzji tal-media u l-konfużjoni fl-attivitajiet tal-uffiċjali tal-istat, tal-pulizija u tal-politiċi tal-partiti; jiddispjaċih għad-deterjorament tal-libertà tal-midja u ż-żieda fil-lingwaġġ abbużiv, l-intimidazzjoni u saħansitra d-diskors ta' mibegħda lejn membri tal-oppożizzjoni parlamentari, intellettwali indipendenti, NGOs, ġurnalisti u individwi prominenti, inkluż minn membri tal-partiti fil-gvern, li r-responsabbiltà tagħhom li jaġixxu fir-rigward tar-rappreżentanti kollha tal-midja hija tal-ikbar importanza; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jieħdu miżuri immedjati biex jiggarantixxu l-libertà ta' espressjoni u l-indipendenza tal-midja u jiżguraw li jiġu investigati b'mod xieraq dawn il-każijiet;
10. Jinnota bi tħassib li l-ħidma tal-OSĊ u l-NGOs issir f'ambjent mhux miftuħ għall-kritika; jiddeplora l-attakki reċenti fuq il-mexxejja tal-Oppożizzjoni Magħquda tas-Serbja, Marinika Tepić, abbażi tal-oriġini etnika tagħha, li seħħew fuq stazzjon televiżiv sponsorjat mill-gvern; jistieden lill-awtoritajiet Serbi jiġġieldu l-ispazju li qed jiċkien għas-soċjetà ċivili u l-midja indipendenti u jiżguraw li jkunu jistgħu jaħdmu ħielsa minn kull restrizzjoni, inklużi l-intimidazzjoni jew il-kriminalizzazzjoni ta' dawn l-organizzazzjonijiet; iħeġġeġ lill-awtoritajiet irawmu atmosfera propizja għall-ħidma tal-OSĊ kollha malajr kemm jista' jkun;
11. Jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom mas-soċjetà ċivili, l-NGOs u l-media indipendenti fuq il-post, u biex isaħħu l-appoġġ tagħhom għalihom; itenni l-appoġġ tiegħu għall-ħidma tal-fondazzjonijiet politiċi demokratiċi Ewropej fit-tisħiħ tal-proċessi demokratiċi tas-Serbja u fit-trawwim ta' ġenerazzjoni ġdida ta' mexxejja politiċi;
12. Jistieden lill-gvern Serb jaħdem fuq riformi fundamentali effettivi u verifikabbli, u jindirizza r-riformi u n-nuqqasijiet strutturali fl-oqsma tal-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali, il-libertà tal-midja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi u l-amministrazzjoni pubblika;
13. Jilqa' l-fatt li s-sħubija mal-UE għadha l-għan strateġiku tas-Serbja u li hija fost il-prijoritajiet tal-gvern; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jikkomunikaw b'mod aktar attiv u mhux ambigwu l-impenn tagħhom favur il-valuri tal-UE fid-dibattitu pubbliku u jistenna impenn ċar u mhux ambigwu mis-Serbja, kemm permezz tal-kliem kif ukoll tal-atti, jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-proċess tal-adeżjoni mal-UE b'mod viżibbli u verifikabbli;
14. Jistenna li l-ftuħ tan-negozjati dwar il-ġabra ta' kapitoli nru. 4 dwar l-aġenda ekoloġika u l-konnettività sostenibbli, (il-Kapitoli 14, 15, 21 u 27) se jitwettaq permezz ta' spinta mġedda biex jiġu implimentati bis-sħiħ l-istandards tal-UE;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tas-Serbja.
Id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt fis-Slovenja, b'mod partikolari d-dewmien fin-nomina ta' prosekuturi tal-UPPE
165k
57k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2021 dwar id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt fis-Slovenja, b'mod partikolari d-dewmien fin-nomina ta' prosekuturi tal-UPPE (2021/2978(RSP))
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikolu 86 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-"Karta"),
– wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u l-ġurisprudenza relatata tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB),
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni tal-2020 dwar l-istat tad-Dritt tat-30 ta' Settembru 2020 (COM(2020)0580), u r-Rapport tal-2021 dwar l-Istat tad-Dritt tal-20 ta' Lulju 2021 (COM(2021)0700),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ġunju 2021 dwar ir-Rapport tal-2020 tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-Dritt(1),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ("l-UPPE")(2),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni ("ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt")(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2020 dwar l-istabbiliment ta' Mekkaniżmu tal-UE għad-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali(4),
– wara li kkunsidra r-rapport ta' missjoni tas-17 ta' Novembru 2021 tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern wara ż-żjara ta' delegazzjoni ad hoc fis-Slovenja tat-13-15 ta' Ottubru 2021 biex jiġi vvalutat ir-rispett għall-valuri tal-UE u għall-istat tad-dritt;
– wara li kkunsidra x-xogħol li sar mill-Grupp għall-Monitoraġġ tad-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali (DFRMG) tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,
– wara li kkunsidra d-dibattitu fil-plenarja tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2020 dwar l-interferenza Ungeriża fil-media fis-Slovenja u fil-Maċedonja ta' Fuq,
– wara li kkunsidra l-ittri mibgħuta mill-Kummissjoni fil-15 ta' Frar, fid-29 ta' April u fit-23 ta' Ġunju 2021 lill-Ministru tal-Ġustizzja li jesprimu ċertu tħassib dwar il-finalizzazzjoni tal-proċedura nazzjonali pendenti għan-nomina taż-żewġ Prosekuturi Delegati Ewropej, li tqajjem tħassib li l-proċedura nazzjonali ma ġietx segwita kif suppost,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tas-Slovenja mibgħuta fl-4 ta' Mejju 2020 lill-Kummissarju għall-Ġustizzja, b'reazzjoni għat-tħejjija tal-ewwel Rapport Annwali tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-Dritt,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Prim Ministru tar-Repubblika tas-Slovenja mibgħuta fit-23 ta' Frar 2021 lill-President tal-Kummissjoni, bi tħejjija għall-Presidenza Slovena tal-Kunsill tal-UE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, skont l-Artikolu 2 tat-TUE, l-UE hija msejsa fuq ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, li huma meqjusa bħala valuri komuni tal-Istati Membri kollha u li jridu jiġu rispettati kemm mill-UE kif ukoll minn kull Stat Membru individwali fil-politiki kollha tagħhom;
B. billi l-istat tad-dritt huwa wieħed mill-valuri komuni li hija msejsa fuqhom l-UE; billi l-Kummissjoni, flimkien mal-Parlament u mal-Kunsill, hija responsabbli skont it-Trattati biex tiggarantixxi r-rispett għall-istat tad-dritt bħala valur fundamentali tal-Unjoni u biex tiżgura li d-dritt tal-Unjoni, il-valuri u l-prinċipji tal-UE jiġu rrispettati u mħarsa;
C. billi sistema ġudizzjarja effettiva, indipendenti u imparzjali hija essenzjali biex tiżgura l-istat tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet ċivili taċ-ċittadini fl-UE;
D. billi r-Regolament (UE) 2017/1939 li jistabbilixxi l-UPPE abbażi ta' kooperazzjoni msaħħa fost 22 Stat Membru, li kienu jinkludu s-Slovenja, ġie adottat fit-12 ta' Ottubru 2017 u daħal fis-seħħ fl-20 ta' Novembru 2017; billi l-UPPE, bħala uffiċċju ta' prosekuzzjoni indipendenti u deċentralizzat tal-Unjoni Ewropea, għandu l-kompetenza ta' investigazzjoni, prosekuzzjoni u tressiq quddiem il-ġustizzja ta' reati kontra l-baġit tal-UE, bħal frodi, korruzzjoni jew frodi tal-VAT transfruntiera serji;
E. billi l-UPPE huwa organizzat kemm fil-livell ċentrali kif ukoll f'dak nazzjonali; billi l-livell deċentralizzat jikkonsisti minn Prosekuturi Delegati Ewropej fil-pajjiżi parteċipanti tal-UE, li jittrattaw każijiet u jwettqu investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet fl-Istati Membri ta' oriġini tagħhom; billi l-Prosekuturi Delegati Ewropej huma parti integrali mill-UPPE u, bħala tali, huma funzjonalment u legalment indipendenti fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati fil-kompetenza tal-UPPE;
F. billi l-UPPE ħa l-kompiti investigattivi u ta' prosekuzzjoni mogħtija lilu mir-Regolament (UE) 2017/1939 fl-1 ta' Ġunju 2021; billi mill-inqas żewġ Prosekuturi Delegati Ewropej kellhom jinħatru għal kull Stat Membru qabel l-1 ta' Ġunju 2021; billi s-Slovenja, bħala l-aħħar pajjiż parteċipanti u b'dewmien sinifikanti, innominat żewġ Prosekuturi Delegati fit-22 ta' Novembru 2021; billi fil-fehma tal-Gvern tas-Slovenja dawn in-nomini kienu biss temporanji, sakemm ġiet konkluża l-proċedura nazzjonali tal-għażla; billi l-Kulleġġ tal-UPPE ħatar żewġ Prosekuturi Delegati Ewropej mis-Slovenja fl-24 ta' Novembru 2021 għal perjodu ta' ħames snin; billi Stat Membru ma jistax ikeċċi, jew jieħu azzjoni dixxiplinarja kontra, Prosekutur Delegat Ewropew għal raġunijiet konnessi mar-responsabbiltajiet tiegħu taħt ir-Regolament tal-UPPE mingħajr il-kunsens tal-Kap Prosekutur Ewropew;
G. billi wara l-ħatra taż-żewġ Prosekuturi Delegati lill-UPPE, il-Ministru tal-Ġustizzja ħabbar emenda leġiżlattiva, abbozzata mill-uffiċċju tal-Prim Ministru u għaddiet fi proċedura rapida mingħajr il-konsultazzjoni tas-soltu tal-esperti, li tipprevedi setgħat diskrezzjonali għall-Ministeru tal-Ġustizzja biex jipproponi kandidati f'każ li numru insuffiċjenti ta' kandidati jkunu ppreżentaw ruħhom fis-sejħa pubblika, u b'hekk is-setgħa tal-Kunsill tal-Prosekuzzjoni Statali tiġi ttrasferita lill-gvern;
H. billi l-istess emenda leġiżlattiva tipprevedi dispożizzjonijiet tranżitorji li jippermettu s-sostituzzjoni tal-Prosekuturi Delegati lill-UPPE fi żmien tliet xhur wara d-dħul fis-seħħ tal-liġi;
I. billi l-prosekuturi pubbliċi huma parti integrali mis-sistema tal-ġustizzja u għandhom rwol ewlieni fis-salvagwardja tal-istat tad-dritt; billi huwa essenzjali li l-prosekuturi pubbliċi jkunu indipendenti u jkunu jistgħu jwettqu dmirijiethom u r-responsabbiltajiet tagħhom mingħajr interferenza jew pressjoni mhux ġustifikata; billi fis-Slovenja 206 biss mill-258 kariga disponibbli għall-prosekuturi huma attwalment okkupati; billi mill-inqas 15-il prosekutur elett tal-istat qed jistennew li jinħatru mill-gvern; billi fil-kapitolu tal-pajjiż tagħha dwar is-Slovenja fir-Rapport tal-2021 dwar l-Istat tad-Dritt, il-Kummissjoni ddikjarat li l-ħatriet tal-prosekuturi statali ġew ittardjati b'mod mhux ġustifikat;
J. billi l-libertà tal-media hija waħda mill-pilastri u l-garanziji ta' demokrazija li tiffunzjona u l-istat tad-dritt; billi l-libertà, il-pluraliżmu u l-indipendenza tal-media u s-sikurezza tal-ġurnalisti huma komponenti kruċjali tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni, u huma essenzjali għall-funzjonament demokratiku tal-UE u l-Istati Membri tagħha;
K. billi s-Slovenja tinsab fis-36 post madwar id-dinja fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-2021 tar-Reporters Mingħajr Fruntieri (fit-18-il post fl-UE), wara li niżlet erba' postijiet mit-32 post is-sena l-oħra(5); billi skont ir-Rapport tal-2021 tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-Dritt, dan ifisser li l-pajjiż qed jesperjenza deterjorament fil-libertà tal-media u fil-protezzjoni tal-ġurnalisti; billi l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa tinnota fil-memorandum tagħha tal-4 ta' Ġunju 2021 li s-Slovenja għandha "pajsaġġ tal-media vibranti u soċjetà ċivili. Id-drittijiet ċivili u politiċi, inkluż id-dritt għal-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-assemblea paċifika, huma ġeneralment protetti fil-liġi u fir-realtà"; billi l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tinnota wkoll "id-deterjorament fil-kundizzjonijiet li jirfdu l-libertà tal-media fis-Slovenja matul l-aħħar sena", u li "f'dawn l-aħħar 13-il xahar, ġew ippubblikati 13-il twissija dwar is-Slovenja fuq il-Pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa"; billi dan jirrappreżenta żieda sinifikanti matul l-aħħar snin(6);
L. billi l-Aġenzija tal-Istampa Slovena (STA), bħala l-fornitur nazzjonali u pubbliku tal-informazzjoni, għandha rwol importanti fil-garanzija tal-libertà tal-media u tal-pluraliżmu tal-media fil-pajjiż; billi l-indipendenza tal-aġenzija, mingħajr interferenza politika u li tibbenefika minn finanzjament stabbli, hija ta' importanza kbira għas-servizz pubbliku li tipprovdi; billi l-Artikolu 3 tal-Att dwar l-STA jistabbilixxi b'mod ċar id-dmir tal-istat li jiżgura l-awtonomija istituzzjonali, l-indipendenza editorjali u l-finanzjament adegwat tal-STA għat-twettiq tal-funzjoni tas-servizz pubbliku tiegħu;
M. billi skont il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, il-leġiżlazzjoni rilevanti fis-Slovenja ma tindirizzax il-kunflitt ta' interess bejn is-sidien tal-media u l-partiti politiċi; billi n-nuqqas ta' trasparenza u ta' obbligi speċifiċi għall-korpi tal-istat biex jirrapportaw dwar l-ammonti li jintefqu mill-istat jew mill-kumpaniji tal-istat fuq ir-reklamar fil-media jqajjem il-kwistjoni tal-istrumentalizzazzjoni politika potenzjali tar-reklamar tal-istat; billi għadha pendenti reviżjoni tal-liġijiet dwar il-media u s-servizzi awdjoviżivi; billi skont ir-Rapport tal-2021 tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-Dritt, jekk jiġu adottati l-abbozzi ta' emendi għall-Att dwar il-Media tal-Massa, li ġew ippubblikati mill-gvern f'Lulju 2020, dawn itejbu t-trasparenza tas-sjieda tal-media;
N. billi minkejja l-obbligu legali tiegħu li jħallas sussidju tal-istat, fl-2021, il-Gvern Sloven żamm għal 312-il jum il-finanzjament tal-STA għall-forniment tas-servizz pubbliku tiegħu; billi l-STA ressqet talba fil-qorti għall-eżekuzzjoni tal-pagament għall-forniment tas-servizz pubbliku tagħha; billi fit-8 ta' Novembru 2021, l-STA u l-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Gvern (UKOM) iffirmaw kuntratt pubbliku ta' servizz għall-forniment ta' servizzi pubbliċi għal Novembru u Diċembru 2021; billi fis-17 ta' Novembru 2021, l-UKOM ħallas EUR 676 000 għas-servizz pubbliku tal-STA għall-perjodu minn Jannar sa April; billi, barra minn hekk, tħallsu EUR 140 000 għas-servizz pubbliku tal-STA għax-xahar ta' Awwissu; billi mill-inqas EUR 507 000 ta' talbiet għal finanzjament ta' servizz pubbliku għadhom ma tħallsux;
O. billi l-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti Sloveni, flimkien mas-STA, ġabret EUR 385 132 fiż-żewġ kampanji ta' finanzjament kollettiv tagħha bit-titolu '‘#zaobSTAnek(7)' fl-2021 sabiex jiġi evitat falliment, peress li s-sopravivenza tal-aġenzija professjonali u awtonoma u l-impjiegi ta' madwar 100 impjegat kienu f'riskju serju;
P. billi l-kuntratt pubbliku ta' servizz għall-2022 bħalissa qed jiġi nnegozjat bejn l-STA u l-UKOM; billi fit-12 ta' Novembru 2021, f'dikjarazzjoni konġunta(8) r-Rispons Rapidu tal-Libertà tal-Media ffirmat miċ-Ċentru Ewropew għal-Libertà tal-Istampa u tal-Media (ECPMF), il-Federazzjoni Ewropea tal-Ġurnalisti (EFJ), Free Press Unlimited (FPU), l-Istitut Internazzjonali għall-Istampa (IPI) u OBC Transeuropa (OBCT) ħarġet twissija dwar il-vijabbiltà finanzjarja fit-tul tal-STA u esprimiet tħassib li s-sorveljanza l-ġdida mill-UKOM tal-attivitajiet finanzjarji tal-STA tista' tikser l-indipendenza editorjali, filwaqt li żiedet li l-kundizzjonijiet kummerċjali fil-ftehim iffirmat idgħajfu s-sostenibbiltà tal-mudell kummerċjali tal-STA skont il-kundizzjonijiet tal-kuntratt attwali, peress li huwa essenzjali finanzjament adegwat u ġust filwaqt li tiġi ggarantita l-awtonomija editorjali tagħha, kif preskritt mil-liġi;
Q. billi l-fastidju online, it-theddid u l-kawżi kontra l-ġurnalisti, immirati b'mod partikolari lejn il-ġurnalisti nisa, minn politiċi prominenti u minn figuri pubbliċi, inklużi membri tal-gvern, għadhom jiżdiedu fis-Slovenja; billi ġew irrapportati każijiet ta' interferenza politika fil-media fis-Slovenja; billi l-ġurnalisti għadhom jiffaċċjaw ostakli biex jiksbu aċċess għall-informazzjoni u għad-dokumenti pubbliċi;
R. billi ma hemm l-ebda sett trasparenti u ċar ta' prinċipji stabbiliti għad-distribuzzjoni tar-reklamar lill-istrumenti tal-media mill-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali; billi s-sitwazzjoni għall-media lokali hija partikolarment nieqsa mit-trasparenza; billi s-sitwazzjoni ekonomika tal-media fis-Slovenja marret għall-agħar matul il-pandemija tal-COVID-19 u ma ġiet adottata l-ebda miżura speċifika biex jittaffa l-impatt tagħha fuq l-istrumenti tal-media;
S. billi r-Rapport tal-2021 tal-Istitut tal-Universtià Ewropea għall-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Media u partijiet ikkonċernati differenti rrapportaw tħassib dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tax-xandar nazzjonali RTV Slovenia u dwar il-pressjoni politika fuqu; billi l-EFJ u r-Rispons Rapidu tal-Libertà tal-Media esprimew tħassib dwar il-bidliet proposti fil-programmi tal-aħbarijiet fuq l-istazzjon tat-televiżjoni pubbliku Sloven, RTV Slovenia, li jistgħu jnaqqsu l-kapaċità tax-xandar li jinforma lill-pubbliku u jeżerċita skrutinju fuq dawk f'pożizzjonijiet ta' setgħa(9);
T. billi s-Slovenja, flimkien ma' ċerti Stati Membri oħra, għadha ma implimentatx id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva(10) u l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi(11)kollha, b'mod partikolari dawk dwar l-indipendenza tar-regolatur nazzjonali tas-suq tal-media, u r-regoli msaħħa għall-ġlieda kontra l-inċitament għall-vjolenza jew għall-mibegħda jew għall-promozzjoni ta' xenarju awdjoviżiv aktar sikur, aktar ġust u aktar divers;
U. billi ġie rrapportat tħassib kontinwu dwar il-pressjoni fuq l-istituzzjonijiet pubbliċi indipendenti u fuq il-media, inklużi kampanji ta' akkużi, malafama, investigazzjonijiet kriminali, kif ukoll kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPPs) li saru minn figuri pubbliċi u politiċi prominenti, inkluż membri tal-Gvern; billi s-Slovenja ma ddekriminalizzatx kompletament il-malafama, li jista' jkollha effett ta' detriment fuq il-libertà tal-espressjoni u fuq ir-rapportar ta' abbużi minn dawk fl-uffiċċju pubbliku, u tista' twassal għall-awtoċensura;
V. billi l-miżuri restrittivi biex jiġi miġġieled it-tixrid tal-pandemija tal-COVID-19 ġew adottati l-aktar fil-forma ta' ordinanzi u digrieti, iżda inqas ta' spiss fil-forma ta' liġijiet u atti; billi diversi digrieti tal-gvern Sloven u dispożizzjonijiet legali relatati ma' miżuri restrittivi ġew iddikjarati bħala mhux kostituzzjonali mill-Qorti Kostituzzjonali, jew minħabba li jiksru l-prinċipju tal-proporzjonalità jew minħabba li ma għandhomx bażi ġuridika;
W. billi fil-kapitolu tal-pajjiż dwar is-Slovenja fir-Rapport tagħha tal-2020 u l-2021 dwar l-Istat tad-Dritt, il-Kummissjoni sabet li l-għoti ta' riżorsi adegwati lill-Kunsill Ġudizzjarju u lill-Kunsill tal-Prosekuzzjoni Statali huwa kundizzjoni importanti għall-funzjonament indipendenti u effettiv ta' dawn il-korpi ta' awtogovernanza;
X. billi numru rekord ta' kawżi tressqu quddiem il-Qorti Kostituzzjonali; billi għadd ta' deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali ma ġewx implimentati fil-perjodu ta' żmien meħtieġ;
Y. billi ġew irrapportati allegazzjonijiet ta' interferenza politika fl-awtoritajiet tal-investigazzjoni u tal-prosekuzzjoni, b'mod partikolari fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Investigazzjoni (NBI); billi f'Ottubru 2020, il-Qorti Amministrattiva ddeċidiet dwar l-illegalità tat-tkeċċija tad-Direttur preċedenti tal-NBI, u billi din id-deċiżjoni għadha pendenti għal appell; billi skont il-kapitolu tal-pajjiż dwar is-Slovenja fir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2021 dwar l-Istat tad-Dritt, hemm nuqqas ta' riżultati konkreti tal-investigazzjonijiet mill-Uffiċċju dwar każijiet ta' korruzzjoni ta' livell għoli;
Z. billi l-gvern għadda Liġi emendata ġdida dwar l-Organizzazzjoni u x-Xogħol fil-Pulizija, li ilha fis-seħħ mit-13 ta' Novembru 2021, li tinkludi dispożizzjonijiet tranżitorji li jistipulaw li uffiċjali tal-pulizija ta' grad għoli ma jibqgħux iżommu l-pożizzjonijiet tagħhom effettivi immedjatament, u b'hekk itemmu l-impjieg ta' madwar 130 kap tal-pulizija, inklużi d-diretturi tal-pulizija bl-uniformi u dik kriminali, id-diretturi tat-tmien amministrazzjonijiet tal-pulizija kollha u 110-il direttur tal-għassa tal-pulizija; billi l-emendi għad-liġi dwar il-pulizija jibdlu l-proċeduri li jirregolaw il-mument meta l-Prosekutur Pubbliku jieħu r-responsabbiltà ta' każ, li jista' jkollu effett fuq l-indipendenza tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku; billi tliet diretturi tal-NBI tkeċċew fl-2021 u kien hemm diversi bidliet sinifikanti fl-gradi ogħla tal-pulizija, inkluża t-tkeċċija illeġittima tad-Direttur tal-Unità Nazzjonali tal-Pulizija; billi l-Ministru tal-Intern u d-Direttur Ġenerali tal-Pulizija s'issa naqsu milli jimplimentaw id-deċiżjoni Nru 82/2020-33 dwar din it-tkeċċija illeġittima(12);
AA. billi l-ispazju għas-soċjetà ċivili "djieq" skont il-kapitolu tal-pajjiż dwar is-Slovenja fir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2021 dwar l-Istat tad-Dritt; billi ġew irrapportati kampanji ta' akkużi kontra organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs), speċjalment permezz tal-użu tal-media soċjali; billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jittrattaw il-migranti, il-litteriżmu fil-media jew it-traffikar ta' bnedmin ġew affettwati b'mod partikolari minn dawn il-kampanji; billi, skont id-data miksuba min-network ġenerali tal-NGOs nazzjonali tas-Slovenja, CNVOS, huma biss l-NGOs li ngħataw l-istatus ta' operat fl-interess pubbliku li jirnexxilhom jiksbu fondi pubbliċi; billi l-finanzjament għall-NGOs żdied minn EUR 372 miljun fl-2019 għal EUR 416-il miljun fl-2020, u billi l-Gvern implimenta diversi bidliet leġiżlattivi biex jappoġġja lill-NGOs matul il-pandemija(13);
AB. billi l-Qorti Suprema tas-Slovenja sabet li l-imġiba tal-pulizija Slovena fil-każ ta' applikant għall-ażil li kien vittma ta' pushback ta' katina bħala illegali u li tikser il-projbizzjoni ta' tkeċċijiet kollettivi, il-projbizzjoni tat-tortura u d-dritt tal-applikant li jaċċessa l-proċeduri ta' ażil(14);
AC. billi d-delegazzjoni tad-DRFMG żaret is-Slovenja mit-13 sal-15 ta' Ottubru 2021 u kkonkludiet li, b'mod ġenerali, l-istituzzjonijiet pubbliċi jaħdmu tajjeb, b'mod partikolari l-Qorti Kostituzzjonali, il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data u l-Prosekutur tal-Istat Suprem; billi fl-istess ħin, din esprimiet tħassib serju dwar kwistjonijiet oħra indirizzati f'din ir-riżoluzzjoni;
1. Iqis li huwa fundamentali li jiġi ggarantit li l-valuri komuni Ewropej imsemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE jkunu rrispettati bis-sħiħ;
2. Huwa mħasseb ħafna dwar il-livell ta' dibattitu pubbliku, il-klima ta' ostilità, ta' nuqqas ta' fiduċja u ta' polarizzazzjoni profonda fis-Slovenja, li qerdet il-fiduċja fil-korpi pubbliċi u bejniethom; jissottolinja l-fatt li l-figuri pubbliċi u l-politiċi prominenti, inklużi l-membri tal-gvern, għandhom imexxu bl-eżempju u jeħtieġ li jiżguraw dibattitu pubbliku rispettuż u ċivilizzat, ħieles mill-intimidazzjoni, mill-attakki, insulti u fastidju;
3. Jilqa', wara dewmien ta' sitt xhur, il-ħatra taż-żewġ Prosekuturi Delegati mis-Slovenja għall-Kulleġġ tal-UPPE fl-24 ta' Novembru 2021, li jfisser li l-UPPE issa huwa sħiħ u li l-Prosekuturi Delegati ġew maħtura mill-Istati Membri parteċipanti kollha; iqis li l-UPPE li jiffunzjona bis-sħiħ huwa kruċjali għall-protezzjoni tal-integrità tal-baġit tal-UE u għall-iżgurar tal-prosekuzzjoni ta' reati kontra l-interessi finanzjarji tal-UE; jesprimi tħassib dwar il-bidliet proposti mill-Ministeru tal-Ġustizzja fil-leġiżlazzjoni dwar il-Prosekuturi Statali, li jippermettu bidliet retroattivi fil-kriterji tal-ħatra għall-prosekuturi, u jwasslu għar-riskju li ż-żewġ Prosekuturi Delegati tal-UPPE li għadhom kif inħatru mis-Slovenja jitkeċċew(15); jistieden lill-Gvern tas-Slovenja jiżgura l-operat strutturali effettiv tal-UPPE fis-Slovenja, f'konformità mar-regoli stipulati fir-Regolament tal-UPPE;
4. Jistieden lill-gvern jikkonkludi l-proċess tal-ħatra għall-prosekuturi nazzjonali li bħalissa qed jistennew konferma mill-aktar fis possibbli; jinnota ż-żieda fir-riżorsi tal-Kunsill Ġudizzjarju u tal-Kunsill tal-Prosekuzzjoni Statali, u jissottolinja l-importanza tal-awtonomija finanzjarja ta' dawn il-korpi awtonomi u li jingħatawlhom riżorsi adegwati;
5. Jinnota t-tkomplija tal-pagamenti mill-istat lill-STA; jissottolinja l-importanza tal-vijabbiltà finanzjarja fit-tul tal-aġenzija biex tkun tista' twettaq il-funzjoni tagħha b'mod indipendenti;
6. Jistieden lill-Gvern jerġa' jibda l-finanzjament mill-istat tiegħu tal-STA, li huwa taħt obbligu legali li jipprovdih, u li jagħmel dawn il-pagamenti regolarment u bis-sħiħ f'konformità mal-liġi nazzjonali; jistieden lill-Gvern jiggarantixxi l-indipendenza editorjali tal-Aġenzija;
7. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-attakki, il-kampanji ta' akkużi, malafama, l-investigazzjonijiet kriminali jew l-iSLAPPs kollha minn figuri pubbliċi u politiċi prominenti, inklużi membri tal-gvern, b'mod partikolari meta dawn joriġinaw mill-awtoritajiet u mill-uffiċjali pubbliċi, u jistieden lill-atturi kollha jwaqqfu azzjonijiet bħal dawn; jistieden lill-Gvern tas-Slovenja jiżgura finanzjament suffiċjenti għat-televiżjoni pubblika RTV Slovenia, iwaqqaf l-interferenza politika u l-pressjoni kollha fuq il-politika editorjali tagħha u jissalvagwardja l-indipendenza ta' dan ix-xandar; jistieden lill-awtoritajiet itejbu t-trasparenza tas-sjieda tal-media, jistabbilixxu regoli ċari dwar l-ammonti li jintefqu fuq ir-reklamar mill-istat jew mill-kumpaniji tal-istat, u jiżguraw li l-pubbliku u l-ġurnalisti jista' jkollhom aċċess xieraq għall-informazzjoni pubblika;
8. Jinnota l-emendi mressqa mill-Gvern f'Lulju 2020, li kellhom l-għan li jiġu adottati sa tmiem l-2021, u jekk jiġu adottati, iżidu t-trasparenza tas-sjieda tal-media; jistieden lill-Gvern tas-Slovenja, lill-Assemblea Nazzjonali u lill-Kunsill Nazzjonali biex iħaffu d-deliberazzjonijiet tagħhom dwar l-Att pendenti dwar il-Media tal-Massa; jissottolinja, barra minn hekk, il-ħtieġa ta' regoli ċari dwar l-allokazzjoni tar-reklamar mill-istat sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-informazzjoni pubblika għall-pubbliku u għall-ġurnalisti;
9. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-prattika kontinwa ta' tmexxija skont digriet, u għalhekk mingħajr skrutinju parlamentari, u huwa partikolarment imħasseb dwar il-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-miżuri straordinarji attwali fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19; jinnota li ħafna digrieti governattivi ma għandhomx bażi ġuridika ċara u ħafna drabi ma jiġux ippubblikati f'il-Ġurnal Uffiċjali;
10. Jinnota li l-qafas legali u istituzzjonali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni kompla jitjieb, li huwa rifless b'mod partikolari f'emendi leġiżlattivi li tejbu l-indipendenza, l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-Kummissjoni għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni, għalkemm ir-riżorsi umani ta' dan il-korp għadhom limitati, u li saħħaħ il-qafas legali dwar il-lobbjar, il-protezzjoni tal-informaturi u d-dikjarazzjoni tal-assi; jinnota li l-istrateġija preċedenti ġiet implimentata fil-biċċa l-kbira, iżda jibqa' mħasseb dwar in-nuqqas ta' infurzar effettiv tar-regoli kontra l-korruzzjoni u l-fatt li xi azzjonijiet għadhom pendenti u ma ġie adottat l-ebda pjan ġdid, kif ukoll dwar il-kapaċità għal investigazzjonijiet effettivi u n-numru baxx ta' kundanni għal każijiet ta' korruzzjoni, speċjalment għal każijiet ta' livell għoli;
11. Jistieden lill-Gvern tas-Slovenja jiżgura li l-emendi għal-liġi dwar il-pulizija bl-ebda mod ma jwasslu għal interferenza politika bla bżonn jew jaffettwaw il-kapaċità tal-forzi tal-pulizija u/jew ir-rwol u l-indipendenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku; jistieden lill-Gvern tas-Slovenja jipprovdi finanzjament suffiċjenti biex jippermetti lill-awtoritajiet iwettqu l-kompiti tagħhom bis-sħiħ u mingħajr ostakli bla bżonn;
12. Jirrakkomanda li l-awtoritajiet iżidu l-isforzi tagħhom biex jindirizzaw kwistjonijiet ewlenin tad-drittijiet tal-bniedem li jaffettwaw lill-applikanti għall-ażil u lill-migranti, lir-Rom, lil dawk imħassra mis-sistema u lill-persuni li jgħixu fil-faqar(16);
13. Jilqa' l-akkreditazzjoni nazzjonali l-ġdida ta' status A tal-istituzzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem tal-Ombudsperson tad-Drittijiet tal-Bniedem, f'konformità mal-Prinċipji ta' Pariġi, b'segwitu tal-isforzi sa mill-2015 biex jinkiseb dan l-istatus;
14. Jistieden lill-Gvern jirrispetta bis-sħiħ il-Kostituzzjoni Slovena u d-dritt u l-obbligi tal-UE u dawk internazzjonali;
15. Jemmen li l-istati Membri kollha jeħtiġilhom jikkonformaw bis-sħiħ mad-dritt tal-Unjoni fil-prattiki leġiżlattivi u amministrattivi tagħhom u jeħtiġilhom jirrispettaw bis-sħiħ l-istat tad-dritt u l-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat;
16. Jistieden lis-Slovenja tittrasponi fil-liġi nazzjonali mingħajr dewmien id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva u l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi; jistieden lis-Slovenja wkoll biex tittrasponi fil-liġi nazzjonali id-Direttiva tal-UE dwar l-Informaturi(17);
17. Jistieden lill-Gvern tas-Slovenja jimplimenta malajr u bis-sħiħ id-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali; jistieden lill-Gvern tas-Slovenja jiżgura finanzjament suffiċjenti għall-Kunsill Ġudizzjarju u għall-Kunsill tal-Prosekuzzjoni Statali, għall-Qorti Kostituzzjonali u għall-Qorti Suprema u biex jirrispetta l-awtonomija finanzjarja tagħhom sabiex dawn il-korpi awtonomi u l-istituzzjonijiet indipendenti jkunu jistgħu jiffunzjonaw b'mod indipendenti u effettiv;
18. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tas-Slovenja u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
Direttiva (UE) 2018/1808 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2018 li temenda d-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) fid-dawl ta' realtajiet tas-suq li qed jinbiddlu (ĠU L 303, 28.11.2018, p. 69).
Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).
Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirraportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).
Is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa
140k
50k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2021 dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa (2021/3000(RSP))
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Nikaragwa, u b'mod partikolari dik tat-8 ta' Lulju 2021 dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa(1),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) f'isem l-UE, u b'mod partikolari dik tat-8 ta' Novembru 2021 dwar in-Nikaragwa,
– wara li kkunsidra l-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Amerka Ċentrali, min-naħa l-oħra(2) (il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerka Ċentrali),
– wara li kkunsidra r-regolamenti u d-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar miżuri restrittivi kontra ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u abbużi fin-Nikaragwa u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta' Ottubru 2021 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2019/1720 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fin-Nikaragwa, li ġeddet is-sanzjonijiet sal-15 ta' Ottubru 2022(3),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta ta' 59 pajjiż dwar in-Nikaragwa, adottata fit-22 ta' Ġunju 2021 fl-okkażjoni tas-47 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,
– wara li kkunsidra l-aġġornament orali mogħti mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet, fl-okkażjoni tat-48 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-13 ta' Settembru 2021 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) tat-12 ta' Novembru 2021 dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa,
– wara li kkunsidra l-azzjoni presidenzjali tal-President tal-Istati Uniti Biden tas-16 ta' Novembru 2021 bit-titlu "A Proclamation on Suspension of Entry as Immigrants and Non-immigrants of Persons Responsible for Policies or Actions That Threaten Democracy in Nicaragua" ("Proklamazzjoni dwar is-Sospensjoni tad-Dħul bħala Immigranti u Mhux Immigranti ta' Persuni Responsabbli minn Politiki jew Azzjonijiet Li Jheddu d-Demokrazija fin-Nikaragwa"),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR), b'mod partikolari dik tal-10 ta' Novembru 2021 li fiha tikkundanna l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem irrappurtat waqt l-elezzjonijiet fin-Nikaragwa, u dik tal-20 ta' Novembru 2021 li fiha tisħaq fuq il-ġuriżdizzjoni kompetenti tagħha fir-rigward tan-Nikaragwa u tiddeplora d-deċiżjoni tan-Nikaragwa li tiddenunzja l-Karta tal-OAS f'kuntest ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-OAS tat-8 ta' Diċembru 2021 dwar l-eżitu tad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill Permanenti tad-29 ta' Novembru 2021 dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Reġjonali dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku u l-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali fl-Amerka Latina u l-Karibew, iffirmat f'Escazú, il-Costa Rica, fl-4 ta' Marzu 2018,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fis-7 ta' Novembru 2021, ir-reġim ta' Ortega orkestra farsa biex jipprova jagħti l-impressjoni ta' proċess elettorali fin-Nikaragwa, li la kien ħieles u lanqas ġust, u li kien totalment antidemokratiku, illeġittimu u vvizzjat;
B. billi l-President fil-kariga, Daniel Ortega, li ilu jmexxi l-pajjiż mill-2007, reġa' eleġġa lilu nnifsu għall-ħames mandat – ir-raba' mandat konsekuttiv tiegħu – b'madwar 75 % tal-voti mitfugħa u b'parteċipazzjoni elettorali ta' 65 %, skont il-Kunsill Elettorali Suprem; billi osservazzjonijiet kredibbli magħmula mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fin-Nikaragwa kkalkulaw li l-parteċipazzjoni kienet ħafna aktar baxxa, u li r-rata ta' astensjoni kienet ta' madwar 81,5 %;
C. billi Daniel Ortega ta struzzjonijiet lill-awtoritajiet l-oħra kollha tan-Nikaragwa biex jimmobilizzaw ir-riżorsi kollha disponibbli biex jimmanipulaw l-eżitu tal-proċess; billi bejn Mejju u Novembru 2021 l-awtoritajiet tan-Nikaragwa effettivament eliminaw il-kompetizzjoni elettorali kredibbli kollha u farrku l-integrità tal-proċess elettorali b'inkarċerazzjoni arbitrarja sistematika, fastidju u intimidazzjoni fil-konfront ta' seba' prekandidati presidenzjali u madwar 40 mexxej tal-oppożizzjoni, mexxejja studenteski u rurali, ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u rappreżentanti ta' impriżi; billi dawk li ġew arrestati arbitrarjament qed jiffaċċjaw allegazzjonijiet kriminali vvintati, politikament motivati u ambigwi mingħajr ebda evidenza fi proċess imtappan minn ksur serju ta' garanziji proċedurali, li juri n-nuqqas ta' indipendenza tal-ġudikatura; billi l-Kunsill Elettorali Suprem immexxi mir-reġim irrevoka l-personalità ġuridika tal-partiti indipendenti kollha tal-oppożizzjoni, inklużi seba' prekandidati presidenzjali;
D. billi skont l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, f'jum l-elezzjoni ġew irreġistrati 285 att ta' vjolenza politika u atti ta' koerċizzjoni elettorali, inklużi atti ta' intimidazzjoni, fastidju, theddid u rikatt li prinċipalment kienu mmirati lejn il-ħaddiema tal-istat, l-impjegati tas-settur pubbliku, l-istudenti u l-persunal mediku biex iġegħluhom jivvutaw; billi r-reġim tan-Nikaragwa ċaħħad lill-poplu mid-drittijiet ċivili u politiċi tiegħu u mil-libertà tal-espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' assemblea paċifika, ipprojbixxa għexieren ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ma rrispettax l-impenji tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali skont il-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa, il-Karta Demokratika Inter-Amerikana u l-patti internazzjonali li l-pajjiż huwa firmatarju tagħhom;
E. billi r-reġim attakka u ffoka dejjem aktar fuq il-ġurnaliżmu, il-libertà tal-istampa u d-dritt għall-informazzjoni; billi seba' organizzazzjonijiet tal-istampa internazzjonali ma tħallewx jidħlu fil-pajjiż biex jirrappurtaw dwar dawn l-elezzjonijiet frawdolenti; billi assoċjazzjonijiet tal-ġurnaliżmu indipendenti rrappurtaw tal-anqas 52 attakk fil-konfront ta' ġurnalisti indipendenti bejn il-25 ta' Ottubru u s-7 ta' Novembru 2021; billi fis-7 ta' Novembru 2021 ġew akkreditati biss organizzazzjonijiet tal-istampa uffiċjali, bi ksur tad-dritt għall-informazzjoni u l-libertà tal-espressjoni, li wassal għal aktar ċensura u blackout medjatiku; billi hemm xejriet repressivi simili fil-konfront ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent, nisa u attivisti LGBTIQ, mexxejja soċjali u politiċi, imprendituri, avukati u persunal mediku u tal-NGOs, fost l-oħrajn;
F. billi bejn it-3 u s-7 ta' Novembru 2021 ġew irrappurtati mal-35 detenzjoni arbitrarja fil-pajjiż; billi disgħa biss mill-priġunieri nħelsu u 26 għadhom miżmuma l-ħabs; billi dan ifisser li tal-anqas 170 persuna qed jinżammu arrestati b'mod arbitrarju; billi dan il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, allegatament imwettaq l-aktar minn uffiċjali tal-pulizija, uffiċjali muniċipali, aġenti parastatali u gruppi ċivili organizzati bħala sostenituri tal-milizzji, żdied fil-jiem ta' qabel dawn l-elezzjonijiet frawdolenti;
G. billi r-rapport tal-IACHR ta' Ottubru 2021 jgħid li, fin-Nikaragwa, ġie stabbilit stat "tal-pulizija" permezz ta' repressjoni, korruzzjoni, frodi elettorali u impunità strutturali ppjanati mill-gvern biex jipperpetwa postu fil-poter u jżomm il-privileġġi u l-immunitajiet tiegħu;
H. billi diversi organizzazzjonijiet internazzjonali u aktar minn 40 pajjiż esprimew diżapprovazzjoni qawwija għall-elezzjonijiet li saru fin-Nikaragwa u rrifjutaw li jirrikonoxxuhom bħala demokratiċi;
I. billi f'dawn l-aħħar snin ir-reġim tan-Nikaragwa adotta liġijiet dejjem aktar restrittivi, li istituzzjonalizzaw ir-repressjoni u llegalizzaw l-atti li twettqu fil-pajjiż minn meta ġew adottati; billi n-Nikaragwa nbidlet f'repubblika tat-terrur, b'aktar minn 140 000 ċittadin obbligati jfittxu rifuġju fl-eżilju u jgħixu f'kundizzjonijiet soċjoekonomiċi diffiċli ħafna;
J. billi r-reġim tan-Nikaragwa ddeforesta u qered it-territorji ta' popli indiġeni u ta' dixxendenza Afrikana permezz ta' konċessjonijiet lil kumpaniji minerarji u appoġġ għall-insedjamenti; billi fl-2020 fin-Nikaragwa nqatlu 12-il mexxej ta' movimenti ambjentali, għall-kuntrarju ta' ħamsa fl-2019, li jagħmel il-pajjiż l-aktar wieħed perikoluż per capita għad-difensuri tal-art u tal-ambjent fl-2020; billi l-omiċidji u l-aggressjonijiet imwettqa minn Jannar 2020 b'rabta ma' tilwim territorjali u kontra persuni indiġeni fin-Nikaragwa – inkluż il-qtil ta' disa' persuni indiġeni fit-23 ta' Awwissu 2020 u l-abbuż sesswali fil-konfront ta' żewġ nisa f'attakk relatat ma' tilwim dwar l-art fuq l-estrazzjoni tad-deheb fis-Sauni – qed ikomplu għaddejjin b'impunità, speċjalment fir-Reġjun Awtonomu tal-Kosta tal-Karibew tat-Tramuntana;
1. Jikkundanna l-farsa elettorali orkestrata mir-reġim Ortega-Murillo fis-7 ta' Novembru 2021, li fiha nkisru l-istandards demokratiċi internazzjonali kollha għal elezzjonijiet kredibbli, inklużivi, ġusti u trasparenti; jirrifjuta l-leġittimità tar-riżultati ta' dawn l-elezzjonijiet foloz u, għaldaqstant, il-leġittimità demokratika ta' kwalunkwe awtorità istituzzjonali li tirriżulta minn din il-votazzjoni mbagħbsa; jappoġġja d-dikjarazzjonijiet li jaffermaw li b'dawn l-elezzjonijiet ġiet ikkompletata l-konverżjoni tan-Nikaragwa f'reġim awtokratiku;
2. Jistieden lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa jiddefendu u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u jippermettu lill-poplu tan-Nikaragwa jeżerċita d-drittijiet ċivili u politiċi tiegħu; jappella biex isiru elezzjonijiet f'konformità mal-istandards internazzjonali u l-Karta Demokratika Inter-Amerikana biex jiġi żgurat li jitwettqu l-aspirazzjonijiet demokratiċi tal-poplu tan-Nikaragwa, u jitlob li l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jingħataw aċċess għall-pajjiż mingħajr restrizzjonijiet;
3. Jafferma mill-ġdid is-solidarjetà tiegħu mal-poplu tan-Nikaragwa u jikkundanna l-vjolenza, ir-repressjoni sistematika fuq il-mexxejja politiċi tal-oppożizzjoni, is-soppressjoni ta' atturi tas-soċjetà ċivili, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u organi tal-istampa, kif ukoll il-familjari tagħhom, u partikolarment l-imwiet ikkawżati, u l-impunità mifruxa għar-reati mwettqa fil-konfront tagħhom, kif ukoll il-korruzzjoni persistenti min-naħa tal-uffiċjali tar-reġim tan-Nikaragwa; ifakkar li dawn l-atti jirrappreżentaw ksur ċar tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt u juru n-nuqqas kontinwu tal-President Daniel Ortega, il-Viċi President Rosario Murillo u l-uffiċjali tar-reġim tan-Nikaragwa li jiddefendu tali prinċipji u valuri;
4. Itenni l-appell tiegħu għall-ħelsien immedjat u inkondizzjonat tal-priġunieri politiċi, l-attivisti tal-oppożizzjoni, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent u l-ġurnalisti kollha detenuti b'mod arbitrarju, u għall-annullament tal-proċedimenti ġudizzjarji mibdija fil-konfront tagħhom; jikkundanna l-abbuż psikoloġiku u fiżiku kontinwu li jiffaċċjaw mill-pulizija u l-awtoritajiet tal-ħabs, li n-nisa b'mod partikolari huma fil-mira tagħhom, u l-iżolament li wħud jinżammu fih, mingħajr aċċess għall-avukati u l-familji tagħhom jew għal kura medika; ifakkar li n-Nikaragwa jeħtieġlu jikkonforma mar-Regoli Standard Minimi tan-NU dwar it-Trattament tal-Priġunieri (ir-Regoli Nelson Mandela), li jibqa' obbligu skont id-dritt internazzjonali; jesiġi li r-reġim jagħti prova immedjata li dawk li jinsabu l-ħabs għadhom ħajjin, kif ukoll evidenza ta' fejn jinsabu; jikkundanna d-deċiżjoni tar-reġim ta' Ortega li jiffriża l-proċessi ġudizzjarji kontrihom, li jirriżulta fl-arrest preventiv indefinit tagħhom;
5. Jitlob ġustizzja u obbligu ta' rendikont għall-vittmi kollha, f'konformità mal-liġijiet, l-impenji u l-obbligi internazzjonali tan-Nikaragwa, permezz ta' investigazzjonijiet imparzjali, dettaljati u indipendenti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa jwettqu riformi strutturali profondi biex jiġu żgurati garanziji legali minimi u proċess ġust; jikkundanna, barra minn hekk, iż-żieda fil-vjolenza u l-intimidazzjonijiet imġarrba minn difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, persuni LGBTIQ, nisa u attivisti indiġeni fil-pajjiż, inklużi l-femminiċidji; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa jtemmu r-repressjoni u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u jerġgħu jistabbilixxu r-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment bir-revoka tal-liġijiet restrittivi u illeġittimi kollha u r-riintroduzzjoni tal-personalità ġuridika tal-organizzazzjonijiet tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw il-ħolqien ta' investigazzjoni u mekkaniżmu ta' obbligu ta' rendikont fi ħdan il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;
6. Itenni li l-unika soluzzjoni għall-kriżi politika profonda fin-Nikaragwa hija djalogu nazzjonali inklużiv u sinifikattiv, u jiddeplora d-diżimpenn ripetut u n-nuqqas ta' volontà min-naħa tar-reġim tan-Nikaragwa f'dan is-sens; jinnota li l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet ħielsa, ġusti u trasparenti, ir-restawr tal-istat tad-dritt u l-libertajiet, il-waqfien tar-repressjoni u l-biża', il-ħelsien tal-priġunieri politiċi miżmuma arbitrarjament, ir-ristabbiliment tal-istatus legali tal-partiti politiċi li ġew ikkanċellati b'mod arbitrarju, ir-ritorn tal-eżiljati mingħajr esklużjonijiet u b'garanziji sħaħ u r-ritorn tal-korpi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż huma kundizzjonijiet sine qua non għal kwalunkwe djalogu mar-reġim tan-Nikaragwa; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jakkumpanjaw l-isforzi attwali u futuri tas-soċjetà ċivili biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal djalogu li jwassal għal tranżizzjoni demokratika, bi qbil ma' dak li ġie stabbilit fil-ftehimiet ta' Marzu 2019;
7. Jappoġġja d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ li jikkunsidra l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tal-UE biex jittieħdu miżuri addizzjonali, inklużi dawk li jistgħu jmorru lil hinn minn restrizzjonijiet individwali, filwaqt li kemm jista' jkun jiġu evitati miżuri li jistgħu jżidu t-tbatija tal-poplu tan-Nikaragwa; jilqa' l-inklużjoni ta' Rosario Murillo, flimkien ma' persuni oħrajn, fil-lista ta' individwi ssanzjonati li ġiet imġedda sa Ottubru 2022; jitlob li Daniel Ortega jiżdied minnufih mal-lista ta' individwi ssanzjonati;
8. Jenfasizza li l-korruzzjoni li minnha tibbenefika direttament il-familja Ortega-Murillo u l-patrijmonjaliżmu tar-reġim tan-Nikaragwa, li tinkludi wkoll il-qerda tar-riżorsi naturali tal-pajjiż huma endemiċi u mifruxa u qed iwasslu lill-pajjiż għal kollass ekonomiku u umanitarju; jirrimarka li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom ikomplu bl-assistenza umanitarja tagħhom biex jappoġġjaw lill-aktar persuni vulnerabbli, filwaqt li jesploraw miżuri alternattivi biex tiġi indirizzata l-korruzzjoni mifruxa; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, f'dan ir-rigward, jaraw li l-fondi Ewropej allokati, inkluż permezz ta' istituzzjonijiet multilaterali u finanzjarji, ma jikkontribwixxux għat-tisħiħ tal-korruzzjoni tar-reġim;
9. Jesprimi x-xokk kbir tiegħu quddiem iż-żieda fil-kriminalizzazzjoni u l-persekuzzjoni tad-difensuri tal-ambjent fin-Nikaragwa; jikkundanna l-attakki u l-aggressjonijiet kontinwi fil-konfront tal-poplu indiġenu tan-Nikaragwa; jistieden lill-Gvern tan-Nikaragwa jirrispetta l-obbligi tiegħu skont il-Ftehim ta' Escazú;
10. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsegwu mill-qrib is-sitwazzjoni fil-post permezz tar-rappreżentanti u l-ambaxxati tagħhom fin-Nikaragwa, inkluż permezz ta' monitoraġġ tal-proċessi fil-qrati u billi jżuru lil dawk li jikkritikaw il-gvern u lill-mexxejja tal-oppożizzjoni fil-ħabs jew taħt arrest domiċiljari, jiffaċilitaw il-ħruġ ta' viżi ta' emerġenza u joffru rifuġju temporanju għal raġunijiet politiċi fl-Istati Membri; jissottolinja u jfaħħar ir-rwol kruċjali tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent u l-ġurnalisti fin-Nikaragwa; jitlob li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jsaħħaħ id-djalogu regolari tiegħu mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jsaħħaħ il-mekkaniżmi ta' appoġġ għall-ħidma indispensabbli tagħhom;
11. Jiddeplora d-denunzja tal-Karta tal-OAS maħruġa fid-19 ta' Novembru 2021 mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin tan-Nikaragwa, u jenfasizza li din id-deċiżjoni tagħlaq ukoll l-aċċess tal-pajjiż għall-finanzjament mill-Bank għall-Iżvilupp Inter-Amerikan u timplika li n-Nikaragwa qed tirtira mill-mekkaniżmi reġjonali tal-OAS għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar li minkejja r-rinunzja tal-Karta, in-Nikaragwa għadha marbuta bl-obbligi tagħha fir-rigward ta' strumenti oħra tal-OAS, inkluża l-Konvenzjoni Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jissottolinja li dan l-irtirar jista' jieħu sa sentejn biex jidħol fis-seħħ;
12. Jistieden lill-komunità internazzjonali u lis-sħab demokratiċi tal-istess fehma jżidu l-pressjoni politika tagħhom fuq ir-reġim tan-Nikaragwa b'mod koordinat f'fora multilaterali sabiex jgħinu u jikkontribwixxu għal tranżizzjoni rapida biex il-poplu tan-Nikaragwa jkun jista' jirkupra bis-sħiħ l-ordni demokratiku u s-sovranità popolari;
13. Jiddispjaċih li fl-10 ta' Diċembru 2021 ir-reġim tan-Nikaragwa qata' r-rabtiet diplomatiċi mat-Tajwan, pajjiż demokratiku, biex ifittex l-appoġġ tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, stat totalitarju;
14. Ifakkar li, fid-dawl tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerka Ċentrali, in-Nikaragwa jeħtiġilha tirrispetta u tikkonsolida l-prinċipji tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem; itenni t-talba tiegħu li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi attwali, tiskatta l-klawżola demokratika tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni;
15. Itenni l-appell tiegħu għall-estradizzjoni immedjata ta' Alessio Casimirri lejn l-Italja;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lill-Parlament tal-Amerka Ċentrali, lill-Grupp ta' Lima, kif ukoll lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tan-Nikaragwa.
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 8, 10 u 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 21 u 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Vjolenza u l-Fastidju tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u d-dispożizzjonijiet ewlenin tagħha (Nru 190),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (Konvenzjoni ta' Istanbul), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Awwissu 2014,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol(1),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2020 bit-titolu "Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija ta' Ugwaljanza Bejn il-Ġeneri għall-2020-2025" (COM(2020)0152),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2017 dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-UE(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul u l-miżuri l-oħra biex tiġi miġġielda l-vjolenza abbażi tal-ġeneru(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Mejju 2020 dwar l-estimi tad-dħul u tan-nefqa tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2021(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2021 dwar il-perspettiva tal-ġeneru fil-kriżi tal-COVID-19 u fil-perjodu ta' wara l-kriżi(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri(6),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-2020 tal-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Ombudsman Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2018 dwar id-dinjità fuq il-post tax-xogħol fl-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE,
– wara li kkunsidra l-Anness II tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu bit-titolu "Il-Kodiċi ta' Mġiba xierqa għall-Membri tal-Parlament Ewropew fil-Kuntest tal-Mandat Tagħhom",
– wara li kkunsidra l-Opinjoni SJ-0328/21 (D(2021)24350) tas-Servizz Legali tiegħu tat-18 ta' Novembru 2021,
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni bit-titolu "MeToo u l-fastidju – il-konsegwenzi għall-istituzzjonijiet tal-UE" (O-000074/2021 – B9‑0045/2021),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi,
A. billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija valur ewlieni tal-Unjoni minqux fl-Artikolu 2 tat-TUE; billi d-dritt għat-trattament indaqs u n-nondiskriminazzjoni huwa dritt fundamentali mnaqqax fit-Trattati u fil-Karta;
B. billi l-fastidju sesswali huwa definit fid-dritt tal-Unjoni(7) bħala inċident "meta kull forma ta' mġiba verbali, mhux verbali jew fiżika mhix mixtieqa ta' natura sesswali titwettaq, bl-iskop jew effett li jmur kontra d-dinjità ta' persuna, b'mod partikolari meta jinħoloq ambjent intimidanti, ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv"; billi l-fastidju sesswali huwa forma ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u forma estrema ta' diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' ġeneru li taffettwa lin-nisa u lill-bniet b'mod sproporzjonat; billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru għandha l-għeruq tagħha fid-distribuzzjoni inugwali tal-poter bejn in-nisa u l-irġiel, fis-sessiżmu u fl-istereotipi marbuta mal-ġeneru, li wasslu għal dominazzjoni fuq in-nisa u diskriminazzjoni kontrihom mill-irġiel; billi madwar 90 % tal-vittmi ta' fastidju sesswali huma nisa, waqt li madwar 10 % huma rġiel;
C. wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali tat-3 ta' Marzu 2014 bit-titolu "Il-vjolenza fuq in-nisa: stħarriġ madwar l-UE, waħda minn kull tliet nisa esperjenzaw vjolenza fiżika jew sesswali matul il-ħajja adulta tagħhom; billi sa 55 % tan-nisa ġarrbu fastidju sesswali fl-UE; billi 32 % tal-vittmi kollha fl-UE qalu li l-awtur kien superjur ġerarkiku, kollega jew klijent; billi 75 % tan-nisa fi professjonijiet li jirrikjedu kwalifiki jew f'karigi maniġerjali tal-ogħla livell esperjenzaw fastidju sesswali; billi 61 % tan-nisa impjegati fis-settur tas-servizzi ġew soġġetti għall-fastidju sesswali;
D. billi l-fastidju online, bħal forom oħra ta' vjolenza online abbażi tal-ġeneru, sar dejjem aktar komuni; billi l-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew dwar il-vjolenza online abbażi tal-ġeneru(8) stmat li 4-7 % tan-nisa fl-UE esperjenzaw fastidju online fit-12-il xahar qabel l-istħarriġ;
E. billi l-progress fl-indirizzar tal-kwistjoni tal-fastidju sesswali wara tliet snin tal-moviment MeToo mhuwiex biżżejjed u għad hemm ħafna xi jsir, fl-istituzzjonijiet tal-UE u lil hinn minnhom;
F. billi r-riċerka turi li l-fastidju huwa aktar mifrux milli maħsub b'mod komuni u mhuwiex irrapportat biżżejjed b'mod sinifikanti(9); billi l-fastidju huwa spiss marbut ma' forom oħra ta' diskriminazzjoni flimkien ma' diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneru, li għandha tiġi indirizzata b'approċċ intersezzjonali u mill-angoli kollha;
G. billi l-vjolenza sesswali u l-fastidju fuq il-post tax-xogħol huma kwistjoni ta' saħħa u sikurezza u għandhom jiġu indirizzati u evitati bħala tali;
H. billi l-vittmi tal-fastidju sesswali ħafna drabi jkunu persunal fl-aktar pożizzjonijiet vulnerabbli fil-Parlament, inklużi professjonisti żgħażagħ, trainees, assistenti akkreditati (APAs) u aġenti kuntrattwali;
I. billi waħda mir-raġunijiet għan-nuqqas ta' rappurtar tal-fastidju sesswali hija n-nuqqas ta' sensibilizzazzjoni, xi drabi abbażi ta' fehim baxx tal-gravità tal-kwistjoni, nuqqas ta' għarfien tal-kanali għall-appoġġ tal-vittmi jew ta' kif tiġi perċepita s-sensittività tal-kwistjoni, jew biża' ta' vittimizzazzjoni jew telf ta' impjieg;
J. billi l-moviment MeToo wassal lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jippjanaw u jibdew jadattaw ir-regoli u l-proċeduri interni tagħhom sabiex jidentifikaw, jiġġieldu u jissanzjonaw aħjar il-fastidju;
K. billi għad hemmil-ħtieġa li tiġi promossa u msaħħa aktar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-UE, inkluż f'pożizzjonijiet maniġerjali fl-istituzzjonijiet(10);
L. billi l-informaturi għandhom rwol ċentrali fl-iżvelar tal-fastidju sesswali u psikoloġiku, tal-ġestjoni ħażina u tad-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol;
M. billi fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, il-Parlament appella għal bosta miżuri biex jiġi żgurat approċċ ta' tolleranza żero bħala n-norma, iżda ftit minnhom biss ġew implimentati bis-sħiħ f'konformità mat-talbiet tar-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-UE, u għalhekk jeħtieġ li jiġu segwiti;
N. billi l-pandemija tal-COVID-19 u l-metodi ta' ħidma l-ġodda tal-Parlament Ewropew implimentati matul il-pandemija setgħu għamlu l-fastidju fiżiku inqas probabbli, iżda għamluha wkoll diffiċli għall-vittmi tal-fastidju biex jirrapportaw l-ilmenti tagħhom u jirrikorru għand konsulent għal gwida u appoġġ;
Kummenti ġenerali
1. Jikkundanna bil-qawwa l-forom kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, inkluża l-vjolenza sesswali, u l-forom kollha ta' fastidju, b'mod partikolari l-fastidju sesswali; jafferma bil-qawwa l-impenn tiegħu, kif diġà esprima qabel, li jindirizza l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u jtenni t-twemmin tiegħu li diretta komprensiva li tkopri l-forom kollha tagħha hija l-aħjar mod ta' kif din tinqered; itenni s-sejħa tiegħu għall-Kunsill biex jikkonkludi b'mod urġenti r-ratifika tal-UE tal-Konvenzjoni ta' Istanbul abbażi ta' adeżjoni wiesgħa mingħajr ebda limitazzjoni;
2. Jisħaq fuq il-fatt li l-fastidju, u b'mod partikolari l-fastidju sesswali, esperjenzat fuq il-post tax-xogħol jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-bniedem u attakk serju fuq is-saħħa psikoloġika u fiżika ta' persuna, li jġiegħelha tħossha mhux sigura fuq ix-xogħol u f'xi każijiet li jżommha milli tagħmel xogħolha; jinnota li n-nisa huwa ferm aktar probabbli li jkunu soġġetti għal fastidju sesswali milli l-irġiel;
3. Jissottolinja li l-fattur ewlieni fil-ħolqien ta' ambjent tax-xogħol sikur huwa l-prevenzjoni, li għandha tinkiseb billi tiġi pprovduta informazzjoni, tiżdied is-sensibilizzazzjoni u jiġu promossi kampanji u politiki ta' fastidju żero, filwaqt li fl-istess ħin jinbnew strutturi formali u informali biex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta' fastidju, b'mod partikolari kwistjonijiet ta' fastidju sesswali, u li tiġi pprovduta assistenza konsultattiva u psikoloġika lill-vittmi, kif ukoll pariri dwar kuntatti tal-pulizija u referenzi lill-fornituri ta' rikors legali;
4. Jilqa' l-isforzi li saru mill-Parlament matul il-kampanja MeToo, li jikkontribwixxu biex ma jinżammx is-silenzju u għaż-żieda fis-sensibilizzazzjoni dwar il-ħtieġa li jiġu implimentati kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar għall-persunal kollu;
L-iżgurar ta' tolleranza żero lejn il-fastidju bħala aspett importanti tal-politika tal-Parlament dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri
5. Iqis li minkejja xi sforzi li saru s'issa biex tiġi introdotta politika ta' fastidju żero, għad hemm każijiet ta' fastidju sesswali fil-Parlament u l-vittmi mhux dejjem jirrikorru għall-kanali eżistenti, li jfisser li l-isforzi biex jiġi evitat il-fastidju sesswali jeħtieġ li jiżdiedu;
6. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Bureau tal-2018 li tistabbilixxi l-proċedura u l-miżuri għall-prevenzjoni tal-fastidju, b'mod partikolari l-fastidju sesswali, bħall-kodiċi ta' mġiba xierqa għall-Membri, li ġie inkorporat fir-Regoli ta' Proċedura f'Jannar 2019;
7. Jilqa' l-adozzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fl-2020 u l-pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tiegħu fl-2021;
8. Madankollu, jesprimi dispjaċir li l-miżuri biex jiġi indirizzat il-fastidju sesswali mhumiex b'saħħithom biżżejjed u ma jinkludux l-azzjonijiet kollha mitluba f'riżoluzzjonijiet preċedenti, u għalhekk:
a)
jappella għas-servizzi tal-Parlament biex jagħmlu t-taħriġ kontra l-fastidju disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha jew b'interpretazzjoni u biex jimmiraw l-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni f'delegazzjonijiet individwali u fi gruppi politiċi;
b)
jappella għas-servizzi tal-Parlament biex joħolqu lista pubblika ta' Membri li pparteċipaw f'dawn is-sessjonijiet ta' taħriġ kontra l-fastidju li għandha tiġi ppubblikata fuq is-sit web tal-Parlament Ewropew bħala eżempju tajjeb għall-Membri oħra;
c)
jerġa' jappella(11) għal miżuri aktar b'saħħithom biex jipprevjenu l-forom kollha ta' fastidju, partikolarment il-fastidju sesswali, u b'mod partikolari jappella għall-introduzzjoni ta' taħriġ obbligatorju kontra l-fastidju għall-Membri kollha mill-aktar fis possibbli u l-bidu nett tal-mandati tal-Membri eletti ġodda f'konformità mal-parir legali riċevut, minħabba li t-taħriġ volontarju għall-prevenzjoni tal-fastidju wera li mhuwiex biżżejjed;
d)
jappella biex is-servizzi tal-Parlament jivvalutaw il-konsegwenzi potenzjali, bħall-possibbiltà li jiġi llimitat ir-reklutaġġ ta' persunal mingħajr ma jinkiser id-dritt tal-Membri għall-ħlas tal-assistenza parlamentari, fost miżuri oħra possibbli, fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mal-obbligu stabbilit fil-paragrafu 8(c) ta' din ir-riżoluzzjoni, meta Membru jirrifjuta li jipparteċipa f'taħriġ obbligatorju kontra l-fastidju;
9. Jappella għat-titjib tas-sensibilizzazzjoni u l-introduzzjoni ta' taħriġ obbligatorju dwar il-politika ta' fastidju żero tal-Parlament għall-persuni kollha li jaħdmu fil-bini tiegħu fuq bażi regolari, billi jipprovdilhom għodod biex jirrikonoxxu l-forom kollha ta' fastidju, inkluż b'mod partikolari l-fastidju sesswali, u jirrappurtawh, kif ukoll informazzjoni mfassla apposta dwar l-istrutturi ta' appoġġ disponibbli; jissottolinja l-ħtieġa li dawn l-istrutturi ta' appoġġ isiru aktar magħrufa u aċċessibbli faċilment;
10. Jappella wkoll għal miżuri li għandhom l-għan li jipprovdu protezzjoni kontra l-vittimizzazzjoni tal-ilmentaturi, il-vittmi, ix-xhieda u l-informaturi jew ir-ritaljazzjoni kontrihom;
11. Jappella biex il-Parlament ikompli jikkundanna l-fastidju sesswali pubblikament u jfassal kampanja ta' sensibilizzazzjoni mmirata lejn il-ġlieda kontra l-forom kollha ta' fastidju fi ħdan il-Parlament Ewropew;
12. Jilqa' l-introduzzjoni ta' konsulenti kunfidenzjali għall-vittmi ta' fastidju, b'mod partikolari fastidju sesswali, peress li huma sors siewi ta' appoġġ u pariri, u jistieden lill-korpi rilevanti fil-Parlament jiżguraw li jkunu aċċessibbli għal kull min ikollu bżonnhom u li jkunu kapaċi jipprovdu l-assistenza kollha meħtieġa; jissottolinja l-importanza ta' proċedura ta' għażla trasparenti u ta' perjodu ta' żmien għall-mandati tal-membri tal-kumitati kontra l-fastidju u tal-konsulenti kunfidenzjali;
13. Jappella għall-introduzzjoni ta' mekkaniżmi professjonali mill-korpi rilevanti fi ħdan il-Parlament maħsuba biex jappoġġjaw lill-vittmi tal-fastidju sesswali u jgħinuhom billi jagħmlu dawn il-mekkaniżmi aktar aċċessibbli u viżibbli u billi jtemmu l-istigmatizzazzjoni; jissottolinja l-ħtieġa li tiġi evitata l-vittimizzazzjoni u jappella biex dawn il-korpi jiżguraw li l-progressjoni tal-karriera tal-vittmi ma tiġix imfixkla;
14. Jappella għal taħriġ aktar immirat għal-livelli maniġerjali kollha rigward ir-rwol istituzzjonali tagħhom fl-inkorporazzjoni tal-politika ta' fastidju żero fil-prattiki ta' kuljum tagħhom, b'enfasi speċjali fuq gruppi fl-aktar pożizzjonijiet vulnerabbli, bħal trainees, APAs u aġenti kuntrattwali;
15. Jirrikonoxxi l-isforzi li saru s'issa biex jiġi żgurat li jkun hemm ugwaljanza bejn il-ġeneri u integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-Parlament, inkluż bilanċ bejn il-ġeneri f'pożizzjonijiet maniġerjali, u jisħaq fuq il-fatt li l-implimentazzjoni sħiħa tal-pjan direzzjonali u r-reviżjonijiet regolari ppjanati biex jittejjeb il-Pjan ta' Azzjoni tal-Parlament dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistgħu jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' kultura ta' rispett reċiproku, il-prevenzjoni ta' kwalunkwe forma ta' fastidju u biex il-Parlament isir sensittiv għall-ġeneru; jisħaq fuq l-importanza li tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-pjan direzzjonali tiegħu biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tiegħu; jitlob li dawn jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-Parlament;
16. Jinnota l-ħidma tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Fastidju u l-Prevenzjoni tiegħu fuq il-Post tax-xogħol u l-Kumitat Konsultattiv li jittratta l-ilmenti bejn l-Assistenti Parlamentari Akkreditati u l-Membri tal-Parlament Ewropew dwar il-Fastidju u l-Prevenzjoni tiegħu fuq il-Post tax-xogħol; jappella għal trasparenza sħiħa dwar kif il-Parlament qed jindirizza kwistjonijiet ta' fastidju filwaqt li jipproteġi l-identità ta' dawk affettwati, u jistieden liż-żewġ kumitati jfasslu u jippubblikaw ir-rapporti ta' monitoraġġ u l-valutazzjonijiet tar-riskju tagħhom kull sena fuq is-sit web tal-Parlament Ewropew, jimplimentaw mekkaniżmi ta' kontroll, u, b'mod partikolari, jippubblikaw il-valutazzjoni esterna mwettqa fuq il-Kumitat Konsultattiv li jittratta l-ilmenti bejn l-Assistenti Parlamentari Akkreditati u l-Membri tal-Parlament Ewropew dwar il-Fastidju u l-Prevenzjoni tiegħu fuq il-Post tax-xogħol; jerġa' jappella(12) għal evalwazzjoni indipendenti minn awdituri esterni u magħżula b'mod trasparenti tas-sistema attwali fir-rigward tal-effettività tagħha u, jekk ikun meħtieġ, biex jiġu proposti modifiki mill-aktar fis possibbli u qabel it-tmiem ta' din il-leġiżlatura sabiex jiġu żgurati l-indipendenza u l-bilanċ bejn il-ġeneri u jiġu evitati l-kunflitti ta' interess fl-istrutturi eżistenti, u għalhekk:
a.
jitlob li l-kompożizzjoni taż-żewġ kumitati tinbidel biex jiġi żgurat li esperti indipendenti b'għarfien espert ippruvat fl-indirizzar ta' kwistjonijiet ta' fastidju fuq il-post tax-xogħol, inklużi tobba, terapisti u esperti legali fil-qasam tal-fastidju, ikunu membri formali bid-drittijiet tal-vot;
b.
jindika li l-Membri tal-Parlament Ewropew jistgħu jkunu vittmi ta' fastidju sesswali u jappella għal azzjoni konkreta f'dan ir-rigward mis-servizzi u l-gruppi politiċi rilevanti tal-Parlament;
c.
jirrakkomanda li tiġi stabbilita task force ta' esperti indipendenti b'mandat biex jeżaminaw is-sitwazzjoni tal-fastidju u l-abbuż sesswali fil-Parlament, sabiex twettaq evalwazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv eżistenti tagħha li jittratta l-ilmenti bejn l-Assistenti Parlamentari Akkreditati u l-Membri tal-Parlament Ewropew dwar il-Fastidju u l-Prevenzjoni tiegħu fuq il-Post tax-xogħol u l-Kumitat Konsultattiv tal-Persunal għall-Persunal tal-Parlament dwar il-Prevenzjoni tal-Fastidju, u tipproponi bidliet adegwati;
17. Jirrakkomanda li, darba fis-sena, l-Ombudsman Ewropew jipprovdi lill-Grupp ta' Livell Għoli tal-Parlament dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u d-Diversità data dwar ilmenti dwar amministrazzjoni ħażina relatata ma' każijiet ta' allegat fastidju fil-Parlament li tressqu quddiemha;
Kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE
18. Jistieden lill-istituzzjonijiet u lill-aġenziji kollha tal-UE jiskambjaw regolarment l-aħjar prattiki tagħhom fl-indirizzar tal-fastidju, inklużi politiki kontra l-fastidju, linji gwida jew kwalunkwe dispożizzjoni ġdida dwar kif għandhom jiġu ttrattati;
19. Jappella biex l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jintroduċu network ta' konsulenti kunfidenzjali jew ta' medjaturi esterni biex jipprovdu gwida u appoġġ lill-vittmi ta' fastidju sesswali u jħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn il-konsulenti kunfidenzjali f'korpi differenti tal-UE, li huwa essenzjali għal korpi iżgħar b'inqas membri tal-persunal disponibbli biex jipprovdu appoġġ adegwat;
20. Jappella biex l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jivvalutaw u jadattaw il-politiki interni tagħhom kif xieraq sabiex kulħadd, mhux biss il-persunal permanenti, iżda wkoll it-trainees u l-kuntratturi esterni, juża strutturi kemm formali kif ukoll informali biex jagħti attenzjoni lill-każijiet ta' fastidju u biex ifittex assistenza konsultattiva u psikoloġika;
21. Jistieden lis-Servizz Ewropew għar-Riċerka Parlamentari jikkummissjona studju dwar il-valur miżjud tal-pjattaformi tal-informaturi fuq il-postijiet tax-xogħol u dwar kif dan jista' jkun applikabbli fl-istituzzjonijiet tal-UE, li l-eżiti u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu għandhom jiġu ppreżentati f'sessjoni ta' ħidma jew f'seduta ta' smigħ bi skambji ta' fehmiet fil-kumitati rilevanti tal-Parlament;
22. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi strumenti suffiċjenti biex jiġu ttrattati każijiet ta' fastidju, tiġi evitata l-vittimizzazzjoni sekondarja u jiġu żgurati reazzjonijiet f'waqthom meta jiġu rieżaminati r-Regolamenti tal-Persunal tal-UE;
23. Jistieden lill-aġenziji u lill-korpi tal-UE jadattaw ir-regoli interni tagħhom kontra l-forom kollha ta' fastidju, b'mod partikolari l-fastidju sesswali, u jiżguraw li jimplimentaw ukoll il-prinċipju fundamentali tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tal-persunal u maniġerjali tagħhom, filwaqt li jqisu wkoll il-kundizzjonijiet il-ġodda tax-xogħol mill-bogħod u t-tagħlimiet relatati meħuda matul il-pandemija tal-COVID-19; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni ta' dawn ir-regoli kontra l-fastidju u l-prinċipju ta' pjanijiet ta' azzjoni għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri biex tippromwovi u tkompli ssaħħaħ l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-aġenziji u l-korpi tal-UE;
o o o
24. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-aġenziji u l-korpi tal-UE, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.
Studju tal-Parlament Ewropew ta' Marzu 2021 bit-titolu "Combating gender-based violence: Cyber violence – European added value assessment" (Il-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru: Il-vjolenza ċibernetika).
Riżoluzzjoni dwar l-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni ta' Istanbul u l-miżuri l-oħra biex tiġi miġġielda l-vjolenza abbażi ta' sess, il-paragrafu 16: "Jistieden lill-President tal-Parlament Ewropew, lill-Bureau u lill-amministrazzjoni tal-Parlament ikomplu jaħdmu biex jiżguraw li l-Parlament Ewropew ikun spazju ta' xogħol mingħajr fastidju u sessiżmu u jimplimentaw il-miżuri li ġejjin, konformement mat-talbiet adottati fir-riżoluzzjoni tal-2017 dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-UE: ... jiġu implimentati korsijiet ta' taħriġ obbligatorji dwar ir-rispett u d-dinjità fuq il-post tax-xogħol għall-Membri kollha tal-Parlament Ewropew u għall-kategoriji kollha tal-persunal"; Riżoluzzjoni dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-UE, il-paragrafu 17.
Is-sitwazzjoni fil-fruntiera Ukrena u fit-territorji okkupati mir-Russja tal-Ukrajna
147k
54k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2021 dwar is-sitwazzjoni fil-fruntiera Ukrena u fit-territorji okkupati mir-Russja tal-Ukrajna (2021/3010(RSP))
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u r-rapporti preċedenti tiegħu dwar l-Ukrajna u r-Russja,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-NU, il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,
– wara li kkunsidra l-Att Finali ta' Ħelsinki tal-1 ta' Awwissu 1975 u d-dokumenti sussegwenti tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Karta ta' Pariġi għal Ewropa Ġdida tad-19-21 ta' Novembru 1990,
– wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Minsk tad-19 ta' Settembru 2014 u l-pakkett ta' miżuri għall-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Minsk, adottati u ffirmati f'Minsk fit-12 ta' Frar 2015, u approvati uffiċjalment f'daqqa bir-riżoluzzjoni 2202 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tas-17 ta' Frar 2015,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, u b'mod partikolari t-Titolu II tiegħu dwar id-djalogu politiku u l-konverġenza fil-qasam tal-affarijiet barranin u s-sigurtà(1),
– wara li kkunsidra l-ewwel djalogu bejn l-UE u l-Ukrajna dwar iċ-ċibersigurtà li sar fit-3 ta' Ġunju 2021,
– wara li kkunsidra l-Karta tal-Istati Uniti u tal-Ukrajna għas-Sħubija Strateġika ffirmata fl-10 ta' Novembru 2021 mis-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti Antony Blinken u mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ukren Dmytro Kuleba,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Josep Borrell, wara l-Kunsill Affarijiet Barranin tat-13 ta' Diċembru 2021 li kwalunkwe aggressjoni kontra l-Ukrajna se ġġib magħha konsegwenzi politiċi u bi spiża ekonomika għolja għar-Russja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg wara l-laqgħa tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tan-NATO tat-30 ta' Novembru 2021,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-G7 tat-12 ta' Diċembru 2021 dwar ir-Russja u l-Ukrajna,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-12 ta' Ottubru 2021 tal-President Ukren, Volodymyr Zelenskyy, tal-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, u tal-President tal-Kummissjoni, Ursula von der Leyen, wara t-23 Summit bejn l-UE u l-Ukrajna,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tad-9 ta' Diċembru 2021 bit-titolu "Problem of the militarization of the Autonomous Republic of Crimea and the city of Sevastopol, Ukraine, as well as parts of the Black Sea and the Sea of Azov" (Il-problema tal-militarizzazzjoni tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u tal-belt ta' Sevastopol, l-Ukrajna, kif ukoll ta' partijiet tal-Baħar l-Iswed u tal-Baħar ta' Azov),
– wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Budapest dwar Assigurazzjonijiet ta' Sigurtà tal-5 ta' Diċembru 1994,
– wara li kkunsidra l-politika tal-UE b'rispons għall-kriżi fl-Ukrajna, inklużi l-miżuri restrittivi tagħha, li ilhom fis-seħħ mill-2014,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, f'konformità mal-Karta tan-NU u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali, l-Istati kollha "għandhom iżommu lura fir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom milli jirrikorru għat-theddid jew għall-użu tal-forza kontra l-integrità territorjali jew l-indipendenza politika ta' kwalunkwe Stat";
B. billi fl-isfond ta' kriżi fil-fruntiera bejn l-UE u l-Belarussja, il-Federazzjoni Russa qed iżżid b'mod kostanti l-preżenza militari tagħha tul il-fruntieri tal-Ukrajna, b'total attwali ta' madwar 100 000 truppa, u fiż-żoni ta' Donetsk u Luhansk tal-Ukrajna li bħalissa huma okkupati minn forzi appoġġjati mir-Russja, u żiedet b'mod sinifikanti l-iskala tal-attivitajiet militari tagħha fil-Krimea okkupata, kif ukoll fil-baċir tal-Baħar l-Iswed; billi dan it-tisħiħ tal-forzi militari ġie kkonfermat minn immaġni kummerċjali reċenti bis-satellita; billi t-tisħiħ reċenti jitqies bħala aktar sostanzjali mit-tisħiħ tal-forzi militari preċedenti tar-rebbiegħa ta' din is-sena;
C. billi r-rapporti tal-intelligence tal-Istati Uniti jivvalutaw li, did-darba, ir-Russja tista' tkun qed tiskjera sa 175 000 truppa sal-bidu tal-2022; billi dawn l-iżviluppi offensivi jistgħu jiġu interpretati jew bħala preparazzjonijiet għal aggressjoni militari offensiva minn diversi fronti jew bħala theddida biex tintuża l-forza kontra l-pajjiż ġar tal-Ukrajna, bil-għan li jinterferixxu mas-sovranità u l-indipendenza politika ta' din tal-aħħar, li jmur kontra l-obbligi internazzjonali tal-Federazzjoni Russa; billi Aliaksandr Lukashenka ħabbar appoġġ fuq skala sħiħa għar-Russja fil-każ ta' azzjoni militari kontra l-Ukrajna;
D. billi l-movimenti reċenti tat-truppi Russi qrib il-fruntiera Ukrena ġew akkumpanjati minn kampanji msaħħa ta' interferenza u ta' diżinformazzjoni mill-proxies Russi u mill-istrumenti tal-midja fl-UE, fl-Ukrajna u fir-Russja nnifisha; billi tattiċi ibridi bħal dawn kienu jinkludu żieda f'kontenut mimli malafama fil-konfront tan-NATO u tal-Ukrajna, tentattivi biex jiġi assenjat it-tort għall-eskalazzjoni militari Russa futura potenzjali lill-Ukrajna u lin-NATO, u t-tixrid ta' narrattivi foloz, inkluż mill-President Putin u l-President preċedenti Medvedev personalment;
E. billi għaddew aktar minn sitt snin mill-adozzjoni tal-Ftehimiet ta' Minsk u aktar minn seba' snin mill-annessjoni illegali tal-peniżola tal-Krimea mill-Federazzjoni Russa u l-bidu tal-gwerra fl-Ukrajna mwettqa mir-Russja; billi aktar minn 14 000 persuna tilfu ħajjithom matul il-kunflitt li għadu għaddej; billi l-kunflitt wassal biex kważi żewġ miljun persuna saru persuni spostati internament (IDPs); billi l-għajxien tal-popolazzjoni tat-territorji kkontrollati mir-Russja u dawk annessi fl-Ukrajna u fir-reġjuni tal-madwar għadu qed jiġi affettwat b'mod sever; billi r-Russja hija parti fil-kunflitt, u għalhekk ma tistax tippreżenta lilha nnifisha bħala medjatur;
F. billi l-implimentazzjoni tal-pakkett ta' miżuri għall-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Minsk ta' Frar 2015 sofriet intoppi serji, b'mod partikolari minħabba miżuri unilaterali meħuda mill-Federazzjoni Russa f'kontradizzjoni mal-impenji tagħha skont il-ftehimiet;
G. billi l-preżenza ta' impjegati mill-kumpanija militari privata Russa, Wagner Group flimkien mas-separatisti favur ir-Russja fil-Lvant tal-Ukrajna ilha tiġi rrapportata sa mill-2014, b'madwar 250 ġellied fil-bidu u li issa jammontaw għal 2 500 individwu;
H. billi l-aħħar rapport tal-Missjoni ta' Monitoraġġ tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-Ukrajna ppubblikat fl-1 ta' Diċembru 2021 innota eskalazzjoni tal-ostilitajiet fiż-żona ta' kunflitt ta' Donbas, żieda fil-vittmi ċivili fuq in-naħa Ukrena u ħsara lill-infrastruttura; billi r-rapport innota wkoll li l-qrati awtoproklamati tar-repubbliki ta' Donbas komplew jisfidaw liċ-ċivili għal reati relatati mal-kunflitt mingħajr proċess ġust;
I. billi hemm aktar minn 160 ħabs illegali fit-territorji tal-Ukrajna okkupati mir-Russja fir-reġjuni ta' Donetsk u Luhansk, fejn aktar minn 3 000 persuna kienu miżmuma illegalment u kienu soġġetti għal tortura u trattament inuman sa mill-bidu tal-kunflitt;
J. billi r-Russja għadha tikser il-waqfien mill-ġlied f'Donbas, b'2 346 attakk imnedija kontra l-pożizzjonijiet Ukreni, li wassal għall-qtil ta' 65 suldat Ukren u għat-tidrib ta' 261 ieħor, inklużi 29 impjegat tal-Forzi Armati Ukreni maqtula minn tiraturi bejn is-27 ta' Lulju 2020 u t-2 ta' Diċembru 2021;
K. billi f'April 2021, il-Ministeru Russu tad-Difiża għalaq unilateralment l-ilmijiet madwar l-Istrett ta' Kerch għal bastimenti mhux kummerċjali minn pajjiżi oħra, u b'hekk ostakola l-passaġġ liberu tal-bastimenti lejn u mill-Baħar ta' Azov; billi għalkemm ir-Russja ħabbret li kienet se tneħħi r-restrizzjonijiet f'Ottubru 2021, dawn għadhom fis-seħħ; billi dawn l-impedimenti għandhom konsegwenzi negattivi għall-portijiet tal-Ukrajna fil-Baħar ta' Azov u għat-tranżitu marittimu internazzjonali fil-Baħar l-Iswed;
L. billi fil-15 ta' Novembru 2021, il-President Russu Putin iffirma digriet dwar regoli kummerċjali simplifikati li jippermettu aċċess ta' merkanzija lejn u miż-żoni temporanjament mhux ikkontrollati mill-gvern taż-żoni ta' Donetsk u Luhansk tal-Ukrajna;
M. billi l-Karta dwar is-Sħubija Strateġika bejn l-Istati Uniti u l-Ukrajna tal-10 ta' Novembru 2021 tistipula li l-Istati Uniti u l-Ukrajna għandhom l-intenzjoni li jkomplu firxa ta' miżuri sostantivi biex jipprevjenu aggressjoni esterna diretta u ibrida kontra l-Ukrajna u jżommu lir-Russja responsabbli għal tali aggressjoni u ksur tad-dritt internazzjonali;
N. billi fl-1 ta' Diċembru 2021, il-President Putin eżiġa garanzija legalment vinkolanti min-NATO li mhux se twettaq aktar tkabbir lejn il-Lvant; billi fit-30 ta' Novembru 2021 u wara l-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tan-NATO, is-Segretarju Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg iddikjara li r-Russja m'għandha "l-ebda veto, l-ebda dritt li tinterferixxi f'dak il-proċess" b'referenza għas-sħubija potenzjali tal-Ukrajna fin-NATO;
1. Jappoġġja l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fil-fruntieri internazzjonalment rikonoxxuti tagħha; itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għall-politika tal-UE ta' nonrikonoxximent tal-annessjoni illegali tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u l-Belt ta' Sevastopol; jikkundanna l-involviment dirett u indirett tar-Russja fil-kunflitt armat fil-Lvant tal-Ukrajna, kif ukoll il-ksur persistenti tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq f'dawn it-territorji u fil-Krimea annessa;
2. Jikkundanna t-tisħiħ qawwi attwali tal-forzi militari Russi tul il-fruntiera mal-Ukrajna u jirrifjuta kwalunkwe ġustifikazzjoni min-naħa Russa għalih; ifakkar li din hija t-tieni okkorrenza ta' dan it-tip din is-sena; jenfasizza li dan it-tisħiħ tal-forzi militari kien akkumpanjat minn żieda drastika fir-retorika belliġeranti min-naħa Russa;
3. Jitlob li l-Federazzjoni Russa tirtira minnufih u bis-sħiħ il-forzi militari tagħha, twaqqaf it-theddida tagħha kontra l-integrità territorjali tal-Ukrajna, li għandha effett destabbilizzanti għar-reġjun kollu u lil hinn minnu, twaqqaf il-miżuri kollha li jkomplu jaggravaw il-kunflitt u tnaqqas it-tensjonijiet f'konformità mal-obbligi internazzjonali tar-Russja; jenfasizza l-ħtieġa għal soluzzjoni politika paċifika għall-kunflitt;
4. Jenfasizza li l-t-tisħiħ tal-forzi militari Russi jirrappreżenta wkoll theddida għall-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà ġenerali tal-Ewropa u jistieden lir-Russja tirrispetta l-obbligi internazzjonali tagħha, bħall-prinċipji u l-impenji tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) dwar it-trasparenza tal-movimenti militari, inkluż id-Dokument ta' Vjenna; iħeġġeġ, barra minn hekk, lir-Russja tirrispetta l-obbligu tagħha fl-ambitu tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar u tiggarantixxi l-libertà ta' navigazzjoni u tal-passaġġ ta' tranżitu mill-Istrett internazzjonali ta' Kerch għall-portijiet tal-Baħar ta' Azov;
5. Huwa serjament imħasseb dwar il-militarizzazzjoni kontinwa tal-Baħar ta' Azov, tal-Baħar l-Iswed u tar-reġjun tal-Baħar Baltiku, b'mod partikolari dwar il-militarizzazzjoni tad-Distrett ta' Kaliningrad u tal-Krimea okkupata illegalment, inkluż l-iżvilupp ta' kapaċitajiet kontra l-aċċess u ċ-ċaħda taż-żona (A2/AD) mill-Federazzjoni Russa, li jinvolvu l-użu tas-sistemi ġodda S-400 ta' kontra l-inġenji tal-ajru, u t-tisħiħ mingħajr preċedent ta' forzi konvenzjonali u preparazzjonijiet għall-użu possibbli ta' armi nukleari;
6. Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tal-Ukrajna, li ilu mill-2014 ibati ħafna l-konsegwenzi li ġabet magħha l-gwerra, flimkien ma' kriżi ekonomika severa, u li issa qed jgħix taħt it-theddida ta' offensiva militari fuq skala kbira li thedded il-ħajjiet taċ-ċittadini kollha tagħha;
7. Itenni li d-djalogu tal-UE dwar is-sigurtà mal-Ukrajna għandu jkun ambizzjuż u jikkontribwixxi għal valutazzjoni konverġenti tal-isfidi tas-sigurtà fil-prattika; jisħaq li l-pajjiżi ħbieb għandhom iżidu l-appoġġ militari tagħhom u l-provvista ta' armi difensivi lill-Ukrajna, li huwa konformi mal-Artikolu 51 tal-Karta tan-NU li jippermetti l-awtodifiża individwali u kollettiva; jilqa' d-deċiżjoni meħuda fit-2 ta' Diċembru 2021 mill-Kunsill tal-UE li jipprovdi lill-Ukrajna pakkett ta' EUR 31 miljun taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) biex jgħin fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' reżiljenza u difiża; jinnota li l-parteċipazzjoni futura potenzjali tal-Ukrajna fi proġetti ta' kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) tista' ttejjeb b'mod sinifikanti l-kapaċitajiet nazzjonali ta' difiża tal-Ukrajna f'konformità mal-aħjar prattiki u standards tal-UE, kif iddikjarat fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni;
8. Jissottolinja li t-tisħiħ ripetut tal-forzi militari Russi mal-fruntiera Ukrena huwa għodda biex jinkisbu konċessjonijiet politiċi mill-Punent għad-detriment tal-Ukrajna; jenfasizza li l-għażla tal-alleanzi ta' kwalunkwe pajjiż ma tridx tkun soġġetta għall-approvazzjoni ta' pajjiż terz, u għalhekk jirrifjuta kwalunkwe tentattiv mir-Russja biex tinkludi xi pajjiżi fis-"sfera ta' influwenza" tagħha u b'hekk issawwar il-futur tagħhom; ifakkar li l-atti ta' kompromess jew ta' rikonċiljazzjoni mill-Punent jiġu pperċepiti bħala dgħjufija min-naħa Russa u din tħeġġiġha biss biex teskala aktar l-approċċ aggressiv tagħha;
9. Jenfasizza li t-tisħiħ tal-forzi militari Russi jifforma wkoll parti minn strateġija usa', li tinkludi wkoll elementi ta' gwerra ibrida, imwettqa mir-Russja kontra l-Unjoni Ewropea u s-sħab tagħha li jaħsbuha bħala, billi tikkawża kaos u konfużjoni fil-viċinati tagħha, fil-fruntieri tagħha u fi ħdan l-Unjoni Ewropea; itenni li r-Russja qed tuża konfluwenza ta' theddid, bħal dak militari, diġitali, tal-enerġija u tad-diżinformazzjoni, filwaqt li tabbuża mis-sistema miftuħa tal-UE biex iddgħajjifha; jemmen li l-UE jeħtieġ li tkun konxja tal-vulnerabbiltajiet tagħha stess u dawk tas-sħab tagħha fil-viċinat, u ssaħħaħ ir-reżiljenza sabiex tkun tista' tiġġieled b'mod effettiv kwalunkwe attakk ibridu u ttejjeb il-kooperazzjoni mas-sħab, b'mod partikolari dwar id-diżinformazzjoni, kif ukoll ittejjeb il-kapaċitajiet immirati lejn riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti, b'enfasi speċjali fuq is-sitwazzjoni tan-nisa u l-gruppi vulnerabbli f'żoni ta' kunflitt;
10. Jissottolinja li l-Unjoni Ewropea jeħtiġilha tkun lesta li tibgħat lill-Federazzjoni Russa twissija qawwija ħafna li l-ostilitajiet militari mhux biss se jkunu inaċċettabbli, iżda se jiġu wkoll bi prezz ekonomiku u politiku għoli; jilqa' l-aħħar dikjarazzjonijiet mill-UE u l-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-G7 li esprimew appoġġ sod għal azzjoni internazzjonali kkoordinata kontra aggressjoni militari potenzjali mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna;
11. Iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jiżgura li l-Kunsill jibqa' infurmat dwar azzjonijiet militari mill-Federazzjoni Russa u jibqa' lest li jaqbel malajr dwar azzjoni konġunta ulterjuri, b'mod partikolari l-adozzjoni ta' sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji severi f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Uniti, in-NATO u sħab oħra, sabiex jindirizza t-theddid immedjat u kredibbli mir-Russja, minflok ma jistenna li sseħħ invażjoni oħra qabel ma tittieħed azzjoni; jissottolinja l-ħtieġa ta' approċċ unifikat dwar id-deterrenza mill-UE u mis-sħab tagħha; jissottolinja li kull azzjoni għandha tittieħed f'koordinazzjoni mal-Ukrajna;
12. Jenfasizza li l-pakkett il-ġdid ta' sanzjonijiet għandu jinkludi l-korp uffiċjali Russu u l-uffiċjali tal-bandiera involuti fl-ippjanar ta' invażjoni possibbli, u ċ-ċirku immedjat u l-oligarki fl-orbita tal-President Russu u l-familji tagħhom; jitlob li tali sanzjonijiet jinvolvu l-iffriżar ta' assi finanzjarji u fiżiċi fl-UE, il-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-esklużjoni tar-Russja mis-sistema ta' pagament SWIFT, biex b'hekk il-kumpaniji Russi jiġu esklużi mis-suq finanzjarju internazzjonali u jiġi pprojbit ix-xiri ta' dejn sovran Russu fis-swieq primarji u sekondarji, u li jkollhom fil-mira setturi importanti tal-ekonomija Russa u jfixklu l-finanzjament tas-servizzi tal-intelligence u l-militar;
13. Jissottolinja li fil-każ ta' attakk Russu fuq l-Ukrajna, l-ewwel azzjoni immedjata tal-UE għandha tkun li tikkanċella l-opportunitajiet kollha tal-ivvjaġġar u tirtira l-eżenzjoni tal-viża għad-detenturi ta' passaporti diplomatiċi Russi, bl-eċċezzjoni tad-diplomatiċi akkreditati;
14. Jeżiġi li l-UE tieħu passi urġenti u kredibbli biex tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija Russa u jitlob li l-UE turi solidarjetà enerġetika aktar b'saħħitha mal-Ukrajna, f'konformità mal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, billi żżid l-interkonnessjonijiet tal-infrastrutturi tal-enerġija; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri kollha, għalhekk, biex jiżguraw li l-pipeline Nord Stream 2 ma jkunx operazzjonalizzat, irrispettivament minn jekk f'xi punt jissodisfax id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-UE dwar il-Gass(2); itenni t-tħassib fundamentali u fit-tul tiegħu dwar ir-riskji politiċi, ekonomiċi u ta' sigurtà relatati mal-proġett Nord Stream 2; jissottolinja l-ħtieġa li titwaqqaf il-kostruzzjoni tal-impjanti tal-enerġija nukleari kontroversjali mibnija minn Rosatom;
15. Jissottolinja li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jibqgħux postijiet li fihom jintlaqgħu l-ġid u l-investimenti Russi ta' oriġini mhux ċara, inkluż billi jistabbilixxu Mekkaniżmu Globali ta' Sanzjonijiet Kontra l-Korruzzjoni, u jimplimentaw u jinfurzaw b'mod konsistenti d-direttivi eżistenti kontra l-ħasil tal-flus; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iżidu l-isforzi tagħhom biex irażżnu l-investimenti strateġiċi tal-Kremlin fi ħdan l-UE għall-finijiet ta' sovverżjoni, imminar tal-proċessi u l-istituzzjonijiet demokratiċi u tixrid tal-korruzzjoni, u joħolqu trasparenza akbar, speċjalment fir-rigward tal-fondi ddepożitati jew minfuqa fl-UE mill-elit Russu;
16. Jissottolinja l-importanza li jittieħdu miżuri b'saħħithom li jżommu lir-Russja milli tevita s-sanzjonijiet eżistenti tal-UE; jemmen li, għal dan il-għan, l-UE għandha tirrieżamina u taġġorna r-regolamenti applikabbli tagħha biex tneħħi diversi diskrepanzi ħalli s-sanzjonijiet ikunu aktar effiċjenti u b'hekk ir-Russja tħallas prezz ġenwinament ogħla għall-atti ostili tagħha;
17. Jistieden lill-Kunsill Ewropew jiddiskuti u jevalwa bir-reqqa, fil-laqgħa tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2021, kwalunkwe reazzjoni possibbli għat-theddid kontra s-sigurtà Ewropea ppreżentat mill-Federazzjoni Russa u jistiednu jkompli d-diskussjonijiet preċedenti tiegħu dwar strateġija komprensiva tal-UE fil-konfront tar-Russja; jitlob li l-UE u s-sħab Ewropej jiddiskutu pjanijiet fit-tul għas-sigurtà Ewropea bil-għan li jittrattaw b'mod konġunt it-theddid militari futur fil-kontinent; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-deterjorament kontinwu tal-pilastri ewlenin tas-sigurtà internazzjonali u tal-arkitettura tal-kontroll tal-armi, li ġew soġġetti għal manipulazzjoni u ksur ripetut mir-Russja; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, jivvalutaw ukoll kif xieraq lir-Russja bħala theddida kbira għall-kontinent Ewropew fil-Boxxla Strateġika, kif ġie ddikjarat ukoll fir-rapport tal-Grupp ta' Riflessjoni tan-NATO;
18. Jistieden lill-Federazzjoni Russa tieqaf tieħu miżuri unilaterali li jikkontradixxu l-impenji li saru fl-ambitu tal-Ftehimiet ta' Minsk, jimpedixxu l-implimentazzjoni ulterjuri tagħhom, jaggravaw il-kunflitt fil-Lvant tal-Ukrajna u jqajmu dubji fuq livell internazzjonali dwar ir-rieda u l-kapaċità politiċi tal-Federazzjoni Russa li tonora l-impenji tagħha;
19. Iħeġġeġ lir-Russja u lis-separatisti appoġġjati mir-Russja jaderixxu mal-ftehim ta' waqfien mill-ġlied; jistieden lir-Russja tinvolvi ruħha b'mod kostruttiv fil-Format tan-Normandija u fil-Grupp ta' Kuntatt Trilaterali u timplimenta l-obbligi internazzjonali tagħha, b'mod partikolari skont il-Ftehimiet ta' Minsk u l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar; jappella għall-ħelsien immedjat taċ-ċittadini Ukreni kollha detenuti illegalment u miżmuma l-ħabs; iħeġġeġ lill-Kunsill iwessa' wkoll il-kamp ta' applikazzjoni tas-sanzjonijiet tiegħu biex ikopri l-"għoti rapidu ta' passaporti", l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet illegali fil-Krimea u d-deċiżjoni li residenti taż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern fir-reġjuni ta' Donetsk u Luhansk tal-Ukrajna jkunu involuti fl-elezzjonijiet tad-Duma tal-Istat ta' Settembru 2021, u jżid il-konsegwenzi għar-Russja talli timblokka l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Minsk u t-taħditiet tal-Format tan-Normandija; jistieden lill-Qorti Kriminali Internazzjonali tinvestiga r-reati mwettqa min-naħa Russa u l-proxies tagħha fil-peniżola tal-Krimea u fil-Lvant tal-Ukrajna; jenfasizza r-rwol li jista' jkollhom il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja u l-kawżi ta' ġuriżdizzjoni universali f'dan ir-rigward; iqis li t-tmexxija politika u militari tal-awtoritajiet de facto tal-hekk imsejħa Repubbliki tal-Poplu ta' Luhansk u Donetsk għandha tiġi sanzjonata fil-qafas tar-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem;
20. Jisħaq fuq l-importanza tal-Missjoni ta' Monitoraġġ Speċjali tal-OSKE għall-Ukrajna u tal-kapaċità tagħha li tkompli l-ħidma tagħha lil hinn minn Marzu 2022, meta l-mandat tagħha huwa attwalment mistenni li jintemm, u mingħajr restrizzjonijiet; jikkundanna b'mod qawwi l-azzjonijiet tar-Russja li qed jipprevjenu lill-Missjoni ta' Monitoraġġ Speċjali tal-OSKE milli twettaq ir-rwol tagħha billi tfixkel il-vetturi tal-ajru mingħajr bdot abbord tal-Missjoni u timblokka l-aċċess tal-osservaturi għat-territorji okkupati; jiddeplora d-deċiżjoni tar-Russja li tagħlaq il-missjoni ta' osservatur tal-OSKE fil-punti ta' kontroll Russi ta' Gukovo u ta' Donetsk;
21. Jappoġġja bil-qawwa l-isforzi tal-Ukrajna biex il-merċenarji Russi li wettqu delitti tal-gwerra jitressqu l-qorti u jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-kooperazzjoni tagħhom għal dak il-għan;
22. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-investigazzjoni internazzjonali dwar iċ-ċirkostanzi tat-twaqqigħ traġiku tat-titjira MH17 tal-Malaysian Airlines, li possibbilment tista' tikkostitwixxi delitt tal-gwerra, u jtenni l-appell tiegħu biex il-persuni responsabbli jitressqu l-qorti;
23. Jikkundanna l-iffirmar mill-President Putin tad-digriet dwar regoli kummerċjali simplifikati biex jippermetti miżuri ta' aċċess ħalli jiżdied l-aċċess tal-merkanzija lejn u miż-żoni ta' Donetsk u Luhansk li temporanjament mhumiex ikkontrollati mill-gvern, u jistieden lir-Russja biex tirrevokah; jenfasizza li tali miżuri unilaterali jiksru s-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna, inkluż fir-rigward tal-kontroll doganali, u jistgħu jżidu t-tensjonijiet u jestendu l-istatus quo, filwaqt li jxekklu l-proċess futur ta' reintegrazzjoni;
24. Jilqa' l-istabbiliment u l-attivitajiet tal-Pjattaforma Internazzjonali tal-Krimea; iqis li hija għodda importanti biex is-suġġett tal-annessjoni illegali tal-peniżola tal-Krimea jinżamm fuq quddiem nett fl-aġenda internazzjonali; jesprimi sodisfazzjon dwar l-appoġġ qawwi tal-UE għal din l-inizjattiva u jitlob lill-UE tkompli tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-format ta' konsultazzjoni u koordinazzjoni tagħha; jiddeplora l-fatt li l-organizzazzjonijiet internazzjonali u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għadhom ma ngħatawx aċċess għall-Krimea;
25. Jistieden lill-poplu Russu biex ma jemminx fil-propaganda uffiċjali omnipreżenti li tpinġi lill-Punent bħala għadu tal-poplu Russu u tal-Istat Russu; ifakkar li d-demokrazija u l-libertà huma theddida biss għall-eliti Russi korrotti u mhux għall-poplu; jesprimi x-xewqa li jidħol fi djalogu u li jibni relazzjonijiet futuri ma' Russja demokratika; ifakkar li l-politika aggressiva fuq livell estern u intern tal-"Kremlin l-ewwel u qabel kollox" tivvittimizza lill-poplu Russu;
26. Jappoġġja lill-awtoritajiet Ukreni fl-isforzi tagħhom biex jirriformaw il-pajjiż b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva; jitlob li l-istituzzjonijiet tal-UE jżommu perspettiva kredibbli fit-tul għall-adeżjoni tal-Ukrajna mal-UE f'konformità mal-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, bħal fil-każ ta' kwalunkwe stat Ewropew; jissottolinja li dawk l-isforzi huma meħtieġa sabiex tiżdied ir-reżiljenza Ukrena u tiġi miġġielda b'mod aktar effettiv l-aggressjoni Russa attwali u futura;
27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lill-President, il-Gvern u l-Verkhovna Rada tal-Ukrajna u lill-President, il-Gvern u d-Duma tal-Istat tal-Federazzjoni Russa.
Id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94).
L-implimentazzjoni tal-iskema ta' ċertifikazzjoni Kimberley Process
130k
46k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2021 dwar l-implimentazzjoni tal-Iskema ta' Ċertifikazzjoni Kimberley Process (2021/2885(RSP))
– wara li kkunsidra l-Iskema ta' Ċertifikazzjoni Kimberley Process (KPCS),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2368/2002 tal-20 ta' Diċembru 2002 li jimplimenta l-iskema ta' ċertifikazzjoni Kimberley Process għall-kummerċ internazzjonali ta' djamanti mhux maħduma(1) u l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jimplimenta l-iskema ta' ċertifikazzjoni tal-Kimberley Process fil-kummerċ internazzjonali ta' djamanti mhux maħduma (COM(2021)0115), li għandha l-għan li tfassal mill-ġdid l-emendi sussegwenti fl-interess taċ-ċarezza,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 li jistabbilixxi obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista għall-importaturi tal-Unjoni ta' landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli(2),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali(3),
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Iskema ta' Ċertifikazzjoni Kimberley Process (O-000073/2021 – B9-0044/2021),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali,
A. billi l-KPCS ġiet stabbilita bħala skema ta' ċertifikazzjoni awtorizzata min-NU fl-2003 biex twaqqaf il-kummerċ fid-djamanti tal-konflitt li kien qed iħeġġeġ il-gwerer ċivili; billi l-KPCS għandha struttura tripartitika li tinvolvi l-gvernijiet bħala dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-industrija internazzjonali tad-djamanti u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili bħala osservaturi; billi d-deċiżjonijiet fil-KPCS jittieħdu permezz ta' kunsens assolut tas-56 membru parteċipanti tagħha, li jirrappreżentaw 82 pajjiż, mal-UE u s-27 Stat Membru tagħha li jgħoddu bħala parteċipant wieħed;
B. billi l-KPCS tiddefinixxi d-djamanti tal-konflitt bħala "djamanti mhux maħduma użati minn movimenti ribelli jew l-alleati tagħhom biex jiffinanzjaw konflitti li jkollhom l-għan li jdgħajfu gvernijiet leġittimi"; billi l-KPCS issostni li kienet effettiva biex waqqfet kważi għal kollox il-kummerċ fid-djamanti ta' konflitt kif definit oriġinarjament, u issa tirrappreżenta inqas minn 1 % tal-kummerċ tad-djamanti mhux maħduma, meta mqabbel ma' 15 % fl-2003;
C. billi l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem ikomplu jseħħu fir-rigward tal-estrazzjoni tad-djamanti f'żoni b'livell għoli ta' djamanti affettwati minn konflitti u f'żoni ta' riskju għoli u jistgħu jinkludu xogħol tat-tfal u xogħol furzat, swat, tortura, vjolenza sesswali, l-għajbien furzat ta' persuni, żgumbramenti furzati u risistemazzjoni, ħtif illegali tal-art, u l-qerda ta' siti ritwalment jew kulturalment sinifikanti;
D. billi mid-dħul fis-seħħ tal-KPCS bħala inizjattiva globali fl-2003 'l hawn, in-natura tal-konflitti u r-realtajiet fuq il-post inbidlu; billi l-KPCS ma tkoprix sitwazzjonijiet fejn il-forzi tas-sigurtà pubbliċi jew privati, il-kumpaniji, il-kriminali jew il-gruppi armati jużaw vjolenza mifruxa jew sistematika biex jiżguraw l-interessi ekonomiċi tagħhom fil-produzzjoni tad-djamanti; billi x-xewqa tal-konsumaturi li jkollhom ċertezza dwar l-oriġini u n-natura etika tad-djamanti ma tistax attwalment tiġi ssodisfata; billi din tirriżulta fi tnaqqis fid-domanda għad-djamanti naturali u konsegwentement ikollha implikazzjonijiet negattivi għall-industrija tad-djamanti leġittimi u għall-minaturi artiġjanali; billi mekkaniżmi bħall-KPCS jeħtieġ li jiġu rieżaminati u aġġornati regolarment biex jiżguraw li jkunu kapaċi jissodisfaw l-aspettattivi tal-konsumaturi u l-obbligi internazzjonali relatati mar-responsabbiltà soċjali korporattiva u l-iżvilupp sostenibbli;
E. billi l-UE ħadmet biex twessa' l-kamp ta' applikazzjoni tad-definizzjoni oriġinali tad-djamanti tal-konflitt stipulata fid-Dokument Ewlieni tal-KPCS sabiex tinkludi abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, iżda l-eżitu ta' suċċess ma setax jintlaħaq minħabba n-natura kunsenswali tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-oppożizzjoni min-naħa ta' ċerti pajjiżi li huma produtturi, kummerċjanti u konsumaturi kbar;
F. billi s-Sistema ta' Garanziji tal-Kunsill Dinji tad-Djamanti hija programm volontarju ta' awtoregolamentazzjoni mal-industrija kollha li tittraċċa djamanti ċċertifikati mill-Kimberley Process mal-katina tal-provvista sħiħa sal-kummerċ ta' ħaġar prezzjuż imqatta' u llustrat;
1. Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tiġi riveduta d-definizzjoni tad-djamanti tal-konflitt biex tinkludi d-drittijiet tal-bniedem u d-dimensjonijiet soċjali u ambjentali relatati mal-konflitt tal-produzzjoni tad-djamanti biex jiġi żgurat li d-djamanti li jaslu fis-suq tal-UE ma jkunux marbuta ma' xi abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u lanqas ma' reati ambjentali sew jekk jitwettqu minn gruppi ribelli, sew jekk mill-gvernijiet kif ukoll minn kumpaniji privati; jenfasizza li l-KPCS, minbarra d-djamanti mhux maħduma, għandha tapplika wkoll għall-ħaġar prezzjuż maqtugħ u llustrat;
2. Jitlob li l-KPCS tkun implimentata b'mod aktar effettiv sabiex jiġi żgurat li l-ebda djamant tal-konflitt ma jidħol fil-ktajjen tal-provvista leġittimi; jitlob għat-tisħiħ u t-titjib tal-monitoraġġ u l-infurzar tal-kontrolli interni tal-istati parteċipanti; iħeġġeġ lill-partijiet għall-KPCS joħolqu mekkaniżmu ta' monitoraġġ indipendenti peress li r-rakkomandazzjonijiet maħruġa minn żjarat ta' evalwazzjoni bejn il-pari huma ta' natura mhux vinkolanti u spiss jonqsu milli jindirizzaw id-dgħufijiet fl-implimentazzjoni tal-kontrolli interni jew iġibu bidla sinifikanti fil-każijiet ta' nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti minimi tal-KPCS;
3. Jinsab imħasseb ħafna dwar ir-rapporti reċenti dwar it-tentattivi li saru biex isikktu lill-osservaturi tas-soċjetà ċivili fl-aħħar laqgħa intersessjonali tal-Kimberley Process; itenni r-rwol ċentrali tas-soċjetà ċivili fl-istruttura tripartitika tal-KPCS u jappella għar-rispett sħiħ tal-libertà tal-kelma tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili; jinnota l-importanza tal-finanzjament affidabbli tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fil-qasam tal-minerali u d-djamanti tal-konflitt;
4. Jilqa' l-impenn mill-industrija tad-djamanti leġittimi favur il-KPCS u t-twaqqif tas-Sistema ta' Garanziji tal-Kunsill Dinji tad-Djamanti; jinnota li l-ħolqien tal-impjiegi u l-introjtu għall-komunitajiet tal-minjieri jiddependu minn ktajjen tal-provvista stabbli, trasparenti u responsabbli fis-settur tad-djamanti;
5. Jirrimarka li huwa essenzjali li d-djamanti jkunu jistgħu jiġu ttraċċati mill-minjieri sa meta jaslu fis-suq lil hinn mis-sempliċi traċċa tal-karti li takkumpanja l-konsenji tad-djamanti; jinsab lest li jikkunsidra bis-sħiħ l-idea tal-użu ta' teknoloġiji ġodda bħall-blockchain biex titjieb it-traċċabbiltà; jilqa' l-ħidma li qed issir favur id-diġitalizzazzjoni taċ-ċertifikati tal-Kimberley Process;
6. Jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-konflitti u l-vjolenza relatati mad-djamanti tul il-katina tal-provvista; jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jiżguraw li biżżejjed fondi huma allokati għall-bini ta' kapaċità taħt il-programm tematiku tal-Paċi, l-Istabbiltà u l-Prevenzjoni ta' Konflitti biex jappoġġjaw il-ġestjoni sostenibbli u sensittiva għall-konflitti tar-riżorsi naturali u l-konformità mal-Kimberley Process u inizjattivi simili oħra applikabbli għall-minerali tal-konflitt sabiex itejbu l-għajxien tal-komunitajiet tal-minjieri u jsaħħu l-estrazzjoni artiġjanali; jitlob li dawk li jallokaw fondi ġeografiċi jqisu wkoll il-bini tal-kapaċità u l-attivitajiet ta' prevenzjoni tal-konflitti;
7. Jistieden lill-UE tkompli tkun mexxejja globali fl-implimentazzjoni ta' inizjattivi ta' provenjenza responsabbli bħall-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Ktajjen ta' Provvista Responsabbli tal-Minerali minn Żoni Affettwati mill-Konflitti u Żoni ta' Riskju Għoli kif ukoll il-Linji Gwida aġġornati tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali; itenni li l-provenjenza responsabbli u d-diliġenza dovuta jridu jkunu konsistenti mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem;
8. Jistieden lill-UE tmexxi bl-eżempju u tkompli timplimenta l-aġenda kummerċjali tagħha xprunata mill-valuri biex tqanqal bidla pożittiva f'pajjiżi mhux fl-UE; jinnota f'dan ir-rigward li r-regoli tal-UE dwar il-kummerċ fid-djamanti jridu jirriflettu l-ogħla livell ta' ambizzjoni; jitlob li l-UE tikkunsidra miżuri awtonomi addizzjonali biex tiżgura li djamanti mhux maħduma, maqtugħin u llustrati marbuta ma' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem ma jitqegħdux fis-suq tal-UE sabiex jingħelbu n-nuqqasijiet tal-KPCS;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-President u lill-Viċi President attwali tal-Iskema ta' Ċertifikazzjoni Kimberley Process.