Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2022/2536(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0099/2022

Testi mressqa :

B9-0099/2022

Dibattiti :

PV 16/02/2022 - 14
CRE 16/02/2022 - 14

Votazzjonijiet :

PV 17/02/2022 - 11
PV 17/02/2022 - 18
CRE 17/02/2022 - 11
CRE 17/02/2022 - 18

Testi adottati :

P9_TA(2022)0048

Testi adottati
PDF 169kWORD 52k
Il-Ħamis, 17 ta' Frar 2022 - Strasburgu
Il-prijoritajiet tal-UE għas-66 sessjoni tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istatus tan-Nisa
P9_TA(2022)0048B9-0099/2022

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Frar 2022 dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-66 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa (2022/2536(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra s-66 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa u t-tema prijoritarja tagħha favur il-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet kollha fil-kuntest tal-politiki u tal-programmi b'rabta mat-tibdil fil-klima, l-ambjent u t-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri, u l-abbozz ta' konklużjonijiet tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing tal-15 ta' Settembru 1995 u l-eżiti tal-konferenzi ta' rieżami tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 21 u 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli, il-prinċipju li "ħadd ma jitħalla jibqa' lura" u, b'mod partikolari, l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) 1 li jfittex li jintemm il-faqar, l-SDG 3 li jfittex li jiġi żgurat li n-nies ikunu jistgħu jgħixu f'saħħithom, l-SDG 5 li jfittex li tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jittejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien għan-nisa, l-SDG 8 li jfittex li jinkiseb tkabbir sostenibbli u ekonomiku, u l-SDG 13 li jfittex li tittieħed azzjoni urġenti biex jiġu miġġielda t-tibdil fil-klima u l-impatti tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet (COP21) għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) li saret f'Pariġi fit-12 ta' Diċembru 2015 (il-Ftehim ta' Pariġi),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ġunju 2021 dwar il-25 anniversarju tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD25) (is-Summit ta' Nairobi)(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2018 dwar in-nisa, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ġustizzja klimatika(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2020 dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fil-politika estera u ta' sigurtà komuni tal-UE(3),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-Għoti tas-Setgħa lin-Nisa fl-azzjoni esterna tal-UE 2021–2025 (GAP III),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri għall-2020–2025 tal-5 ta' Marzu 2020,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ġunju 2021 dwar is-sitwazzjoni tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fl-UE, fil-kuntest tas-saħħa tan-nisa(4),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet dwar il-ġeneru u t-tibdil fil-klima adottati fis-26 Konferenza tal-Partijiet (COP26) għall-UNFCCC li saret fi Glasgow mill-31 ta' Ottubru sas-6 ta' Novembru 2021,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 157(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hija prinċipju fundamentali tal-UE minqux fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; billi l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri hija għalhekk għodda importanti fl-integrazzjoni ta' dan il-prinċipju fil-politiki, il-miżuri u l-azzjonijiet kollha tal-UE, inkluża l-azzjoni esterna;

B.  billi 189 gvern madwar id-dinja, inklużi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, impenjaw ruħhom li jaħdmu favur l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet kollha fir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa li saret f'Beijing fl-1995;

C.  billi l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing tal-1995 iddefiniet b'mod ċar ir-rabta bejn il-ġeneru, l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli, u affermat li n-nisa għandhom rwol strateġiku fl-iżvilupp ta' xejriet ta' konsum u ta' produzzjoni sostenibbli u li jirrispettaw l-ambjent, u li hemm bżonn li jipparteċipaw fuq bażi ugwali fit-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-ambjent fil-livelli kollha;

D.  billi l-SDGs jirrikonoxxu r-rabta bejn il-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-SDGs kollha, inkluż l-SDG 13 dwar it-tibdil fil-klima, filwaqt li jipprevedu l-possibbiltà li jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-inugwaljanzi bejn il-ġeneri u b'hekk tissaħħaħ ir-reżiljenza tan-nisa għat-tibdil fil-klima;

E.  billi l-inugwaljanza bejn il-ġeneri, flimkien mal-kriżijiet u d-diżastri klimatiċi u ambjentali, hija waħda mill-akbar sfidi ta' żminijietna, b'dimensjoni transfruntiera li taffettwa l-pjaneta kollha u li għandha impatti sproporzjonati fuq in-nisa, fid-diversità kollha tagħhom, speċjalment dawk li jiffaċċjaw diskriminazzjoni intersezzjonali, f'sitwazzjonijiet ta' emarġinazzjoni u f'kuntesti ta' kunflitt;

F.  billi n-nisa, fid-diversità kollha tagħhom, jinsabu f'sitwazzjoni aktar vulnerabbli u jiffaċċjaw riskji u piżijiet akbar mill-effetti tat-tibdil fil-klima u d-diżastri ambjentali u naturali għal diversi raġunijiet, li jvarjaw mill-aċċess inugwali tagħhom għar-riżorsi, l-edukazzjoni, l-opportunitajiet ta' impjieg u d-drittijiet tad-dominju ta' art, għal normi soċjali u kulturali prevalenti u l-esperjenzi differenti tagħhom ta' diskriminazzjoni intersezzjonali;

G.  billi l-kriżi bla preċedent ikkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 u l-effetti multidimensjonali tagħha fuq is-soċjetà, inkluża ż-żieda fl-inugwaljanzi soċjali u bejn il-ġeneri preeżistenti, jista' jkollhom impatt negattiv fuq l-implimentazzjoni ta' azzjoni klimatika effettiva u reattiva għal kwistjonijiet ta' ġeneru;

H.  billi t-tibdil fil-klima qed iseħħ madwar id-dinja kollha iżda għandu impatt akbar fuq il-pajjiżi u l-komunitajiet li huma l-inqas responsabbli għat-tisħin globali; billi dawk b'inqas riżorsi finanzjarji meħtieġa biex jadattaw se jkunu dawk li jintlaqtu l-agħar u li se jbatu l-aktar mill-impatti tat-tibdil fil-klima;

I.  billi t-tibdil fil-klima jikkawża żieda fl-ispostament furzat peress li n-nies ikunu mġiegħla jħallu djarhom temporanjament jew b'mod permanenti meta l-ambjent ma jibqax adatt biex jgħixu fih; billi bħala medja mill-2010 'l hawn, l-għadd ta' persuni li ġew spostati kull sena minħabba diżastri relatati mal-klima kien ta' 21,5 miljun; billi skont iċ-ċifri tan-NU, in-nisa u l-bniet jirrappreżentaw 80 % tal-persuni spostati minħabba t-tibdil fil-klima u dawk l-aktar affettwati mit-temperaturi estremi u d-diżastri naturali;

J.  billi l-effetti avversi tat-tibdil fil-klima u r-riperkussjonijiet negattivi tagħhom fuq is-sitwazzjoni soċjoekonomika jistgħu jwasslu għal ksur serju tad-drittijiet bażiċi tan-nisa u tal-bniet, speċjalment għal persuni spostati internament, migranti u persuni li jfittxu ażil, bħal riskji akbar ta' vjolenza sesswali u vjolenza abbażi tal-ġeneru, sfruttament u traffikar tal-bnedmin, żwiġijiet furzati, teħid furzat tal-organi u impatti li jirriżultaw minn aċċess limitat għall-kura tas-saħħa, inklużi servizzi tas-saħħa riproduttiva u mentali;

K.  billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa huma drittijiet tal-bniedem u prerekwiżit għall-iżvilupp sostenibbli, il-ġestjoni effiċjenti tal-isfidi klimatiċi, il-paċi u l-istabbiltà ambjentali u għall-kisba ta' tranżizzjoni ekwa u ġusta fejn ħadd ma jitħalla jibqa' lura; billi l-azzjonijiet klimatiċi kollha jridu jinkludu perspettivi tal-ġeneru u intersezzjonali u jiżguraw parteċipazzjoni ugwali tan-nisa, fid-diversità kollha tagħhom, fil-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livelli kollha;

L.  billi l-parteċipazzjoni inugwali tan-nisa fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u fis-swieq tax-xogħol iżżid l-inugwaljanzi u spiss ma tippermettix li n-nisa jikkontribwixxu b'mod sħiħ għat-tfassil tal-politika, l-ippjanar u l-implimentazzjoni relatati mat-tibdil fil-klima u r-riskji ambjentali u ta' diżastri, u li jipparteċipaw fihom;

M.  billi tranżizzjoni ġusta reattiva għal kwistjonijiet ta' ġeneru għandha l-potenzjal li toħloq impjiegi deċenti għan-nisa; billi n-nisa għadhom jiffaċċjaw ostakli strutturali u kulturali għall-parteċipazzjoni fl-aspetti kollha tat-twettiq tat-tranżizzjoni enerġetika u klimatika; billi f'termini ta' impjiegi, is-settur tal-enerġija għadu wieħed mis-setturi tal-ekonomija fil-livell dinji bl-akbar żbilanċ bejn il-ġeneri;

N.  billi n-nisa, speċjalment il-ġenituri waħedhom, dawk li jesperjenzaw diskriminazzjoni intersezzjonali u dawk li jaqbżu l-età tal-irtirar, huma affettwati b'mod sproporzjonat kemm mit-tibdil fil-klima kif ukoll mill-faqar; billi n-nisa, fid-diversità kollha tagħhom, għandhom ukoll probabbiltà akbar li jesperjenzaw il-faqar enerġetiku f'xi punt f'ħajjithom; billi t-tranżizzjoni ekoloġika għandha tqis ukoll id-dimensjonijiet soċjali u tal-ġeneru;

O.  billi ħafna azjendi agrikoli żgħar huma proprjetà ta' nisa li se jiġu affettwati b'mod sproporzjonat mit-tibdil fil-klima u eventi ta' temp aktar estremi, li jwasslu għal nuqqas ta' ikel u ilma u jagħmluhom aktar suxxettibbli għall-malnutrizzjoni;

P.  billi l-Ftehim ta' Pariġi jistabbilixxi li l-Partijiet għalih għandhom, fost affarijiet oħra, jikkunsidraw l-obbligi rispettivi tagħhom fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, meta jieħdu azzjoni biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Ftehim;

Q.  billi n-nisa jeħtieġ li jkollhom rwoli aktar b'saħħithom fl-ambitu tat-tibdil fil-klima bħala mexxejja, rappreżentanti eletti, professjonisti u aġenti tekniċi tal-bidla; billi n-nisa għadhom sottorappreżentati fil-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar it-tibdil fil-klima fil-livell nazzjonali fl-Istati Membri tal-UE u fil-livell tal-UE, inkluż il-Parlament Ewropew, u fil-livell dinji jirrappreżentaw biss 32 % tal-forza tax-xogħol tal-enerġija rinnovabbli(5);

R.  billi d-dimensjoni tal-ġeneru tat-tibdil fil-klima hija rikonoxxuta fl-Strateġija tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri għall-2020–2025; billi l-GAP III jinkludi, għall-ewwel darba, qasam ta' prijorità dwar it-tibdil fil-klima u l-ambjent; billi l-politika tal-UE dwar it-tibdil fil-klima jista' jkollha impatt sinifikanti fuq il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-promozzjoni ta' politiki dwar it-tibdil fil-klima reattivi għal kwistjonijiet ta' ġeneru fil-livell dinji;

Kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u tal-bniet kollha fil-kuntest tal-politiki u l-programmi dwar it-tibdil fil-klima, l-ambjent u t-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri

1.  Jindirizza r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill:

   (a) jikkonferma mill-ġdid l-impenn sod tiegħu fir-rigward tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing u l-konferenzi ta' rieżami sussegwenti u fir-rigward tal-firxa ta' azzjonijiet favur l-ugwaljanza bejn il-ġeneri deskritti fiha;
   (b) jissottolinja l-importanza ta' eżitu pożittiv tas-66 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa, li se ssir mill-14 sal-25 ta' Marzu 2022, inkluż permezz tal-adozzjoni ta' sett ta' impenji ambizzjużi u li jħarsu 'l quddiem deskritti fid-dikjarazzjoni politika;
   (c) jiżgura l-involviment sħiħ tal-Parlament u tal-Kumitat tiegħu għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet rigward il-pożizzjoni tal-UE fis-66 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa u jiżgura li jkollu informazzjoni adegwata u aċċess għad-dokument ta' pożizzjoni tal-UE qabel in-negozjati;
   (d) jiżgura li l-UE turi sens ta' tmexxija b'saħħitha u tieħu pożizzjoni unifikata dwar l-importanza tat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u jieħu azzjoni b'saħħitha biex kwalunkwe forma ta' rigressjoni fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jew il-miżuri li jdgħajfu d-drittijiet, l-awtonomija u l-emanċipazzjoni tan-nisa f'kull qasam jiġu ddenunzjati b'vuċi waħda;
   (e) iwiegħed l-appoġġ qawwi tiegħu għall-ħidma ta' UN Women, li hija attur ċentrali fis-sistema tan-NU għall-avvanz tad-drittijiet tan-nisa u għat-tlaqqigħ tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, sabiex jingħata lok għal bidla fil-politika u koordinazzjoni tal-azzjonijiet; jistieden lill-istati membri kollha tan-NU biex, flimkien mal-UE, jiżguraw finanzjament adegwat għal UN Women;
   (f) jafferma mill-ġdid l-impenji favur l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u tal-bniet kollha meħuda fis-summits u l-konferenzi rilevanti tan-NU, inkluża l-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp u l-programm ta' azzjoni tagħha u d-dokumenti ta' eżitu tar-rieżamijiet tagħha;
   (g) jirrikonoxxi li n-nisa, fid-diversità kollha tagħhom, b'mod partikolari l-popli indiġeni u l-membri ta' komunitajiet oħra dipendenti fuq ir-riżorsi naturali, huma affettwati b'mod sproporzjonat mit-tibdil fil-klima, id-degradazzjoni ambjentali u d-diżastri, bħat-telf tal-ekosistemi, it-telf tal-aċċess għal riżorsi naturali ewlenin, il-malnutrizzjoni, u l-mard respiratorju, relatat mal-ilma u li jinġarr minn vetturi;
   (h) jieħu nota tal-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-azzjoni klimatika reattiva għal kwistjonijiet ta' ġeneru, u jiżgura li l-politiki u l-programmi kollha dwar it-tibdil fil-klima jirriflettu dawn l-impatti u jkollhom l-għan li jsaħħu r-reżiljenza u l-kapaċitajiet ta' adattament tan-nisa;
   (i) itenni l-għan tiegħu li jappoġġa u jiżviluppa l-pjan ta' azzjoni mġedded ta' ħames snin dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri maqbul fil-COP25 biex tiġi promossa l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-proċess tal-UNFCCC, u jmexxi bl-eżempju billi jimpenja ruħu li jikseb rappreżentanza bbilanċjata tal-ġeneri fid-delegazzjonijiet għall-UNFCCC;
   (j) jenfasizza b'mod vokali li n-nisa u l-bniet mhumiex biss affettwati mit-tibdil fil-klima, iżda huma wkoll aġenti tal-bidla b'saħħithom fit-tranżizzjoni klimatika; jimpenja ruħu favur il-parteċipazzjoni sinifikanti u ugwali tan-nisa, fid-diversità kollha tagħhom, fil-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livelli kollha fil-qasam tal-politika u l-azzjoni dwar it-tibdil fil-klima kif ukoll fir-riżoluzzjoni ta' wara l-kunflitti; jiżgura involviment ugwali għan-nisa fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' programmi ambizzjużi u lokalizzati ta' tħejjija, mitigazzjoni u adattament, biex b'hekk jiġu żgurati azzjoni dwar il-klima effettiva u trasformattiva fir-rigward tal-ġeneru, tnaqqis tar-riskju ta' diżastri u l-ġestjoni inklużiva u sostenibbli tar-riżorsi naturali; jippromwovi l-parteċipazzjoni wiesgħa u sinifikanti tas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet tan-nisa u l-gruppi marġinalizzati fit-teħid ta' deċiżjonijiet u t-tfassil ta' politika fil-livelli kollha; jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u tan-nisa żgħażagħ b'mod partikolari;
   (k) jieħu azzjoni immedjata biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima ħalli jiġi evitat li n-nies jinħarġu minn djarhom u mill-komunitajiet tagħhom, u b'hekk jiġi indirizzat il-fenomenu dejjem jikber ta' spostament ikkawżat mill-klima;
   (l) jippromwovi, jappoġġa u jieħu miżuri konkreti biex jipproteġi lin-nisa f'riskju minħabba t-tibdil fil-klima u d-diżastri ambjentali, speċjalment kontra l-ispostament, il-faqar, it-traffikar tal-bnedmin, il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-insigurtà tal-ikel, kif ukoll theddid għall-għajxien tagħhom, u jiżgura li jkollhom aċċess għal servizzi essenzjali u sanità adegwata u aċċessibbli, u jissalvagwardja s-saħħa fiżika u mentali tagħhom, inklużi s-saħħa u drittijiet sesswali u riproduttivi;
   (m) iżid l-impenn tiegħu favur il-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru fil-forom kollha tagħha, speċjalment fid-dawl tar-riskju akbar għan-nisa affettwati mit-tibdil fil-klima; issaħħaħ il-miżuri preventivi u jiżgura l-appoġġ għall-vittmi sabiex tiġi evitata vittimizzazzjoni sekondarja; jimpenja ruħu ulterjorment bħala parti minn sħubija reġjonali u internazzjonali li jgħin biex tiġi ggwidata u ffinanzjata l-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru;
   (n) jindirizza u jikkundanna bil-qawwa ż-żieda fil-vjolenza abbażi tal-ġeneru relatata mal-kunflitti, inkluża l-vjolenza sesswali, speċjalment f'żoni affettwati mit-tibdil fil-klima, permezz tar-relazzjonijiet esterni tiegħu u fid-dispożizzjonijiet kollha dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet internazzjonali;
   (o) jippromwovi l-implimentazzjoni ta' miżuri mmirati lejn l-ugwaljanza bejn il-ġeneri flimkien mal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-politiki dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima; jimplimenta valutazzjonijiet sistematiċi tal-impatt fir-rigward tal-ġeneri abbażi tal-ġbir ta' data diżaggregata biex ikun hemm fehim aħjar tal-aspetti speċifiċi għall-ġeneru fil-kuntest tat-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali u jiġi żgurat għarfien espert dwar il-ġeneri fl-azzjonijiet u l-politiki rilevanti dwar il-klima, inkluż fil-qafas tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jadotta u jimplimenta bbaġitjar, prattiki u pjanijiet direzzjonali reattivi għal kwistjonijiet ta' ġeneru biex tiġi żgurata l-allokazzjoni ta' finanzjament adegwat għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri;
   (p) jirrikonoxxi r-rabtiet bejn azzjoni klimatika reattiva għal kwistjonijiet ta' ġeneru u t-tranżizzjoni ġusta bil-ħsieb li jiġu promossi opportunitajiet inklużivi għal kulħadd fl-ekonomija ekoloġika; jiżgura li kwalunkwe politika marbuta mat-tranżizzjoni ekoloġika tqis il-ħtiġijiet speċifiċi għall-ġeneru u ma taffettwax b'mod negattiv lin-nisa, il-bniet u l-persuni li jiffaċċjaw diskriminazzjoni intersezzjonali;
   (q) jimpenja ruħu li jorganizza taħriġ iffokat fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għall-uffiċjali tal-UE, speċjalment għal dawk responsabbli għall-politiki dwar l-iżvilupp u l-klima;
   (r) jibni u jsaħħaħ ir-reżiljenza tan-nisa u l-bniet fil-kuntest tat-tibdil fil-klima, id-degradazzjoni ambjentali u d-diżastri billi jinvesti f'servizzi soċjali u sistemi tas-saħħa u tal-kura reattivi għal kwistjonijiet ta' ġeneru, u jiżgura xogħol deċenti;
   (s) jippromwovi sforzi akbar favur l-inklużjoni akbar tan-nisa fis-suq tax-xogħol u jtejjeb l-appoġġ għall-intraprenditorija tan-nisa fl-oqsma tat-teknoloġija u r-riċerka dwar il-klima u l-ambjent; jagħti spinta lill-innovazzjoni f'dawn l-oqsma kruċjali filwaqt li jħeġġeġ l-indipendenza finanzjarja tan-nisa;
   (t) jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jippromwovu l-aċċess tan-nisa, fid-diversità kollha tagħhom, għal opportunitajiet ta' impjieg emerġenti fit-tranżizzjoni ekoloġika bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-impjiegi ekoloġiċi jkunu ta' benefiċċju ugwali u aċċessibbli għal kulħadd; jiffaċilita u jżid l-aċċess tan-nisa għall-informazzjoni u l-edukazzjoni, inkluż fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija u l-ekonomija, biex b'hekk isaħħu l-għarfien, il-ħiliet u l-opportunitajiet tagħhom għall-parteċipazzjoni fid-deċiżjonijiet ambjentali filwaqt li jiġu miġġielda l-istereotipi marbuta mal-ġeneru;
   (u) jirrikonoxxi l-fatt li s-setturi fejn il-maġġoranza tal-forza tax-xogħol hija magħmula minn nisa huma newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju (bħas-settur tal-kura); jieħu vantaġġ minn dan il-fatt u l-opportunitajiet li jista' joffri, u jippromwovi dawn is-setturi bħala mezz biex jiġu indirizzati t-tibdil fil-klima u t-tranżizzjoni ġusta;
   (v) jistieden lill-Istati Membri u lill-UE jimplimentaw bis-sħiħ il-GAP III u jilħqu l-objettivi tal-qasam ta' prijorità dwar it-tibdil fil-klima u l-ambjent;
   (w) jipproteġi d-drittijiet tan-nisa li jkunu difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam ambjentali u jipprovdilhom appoġġ speċifiku u jiżgura li l-ksur u l-abbużi kontrihom jiġu investigati u li dawk li jwettqu tali atti jinżammu responsabbli; jiżgura li l-organizzazzjonijiet ta' bażi għad-drittijiet tan-nisa jiġu appoġġati permezz tal-għoti ta' finanzjament adegwat u t-tneħħija tar-restrizzjonijiet li jimpedixxu l-kapaċità tagħhom li joperaw;
   (x) jenfasizza l-ħtieġa li jiġu protetti u promossi d-drittijiet ta' gruppi li jesperjenzaw forom multipli u intersezzjonali ta' diskriminazzjoni, inklużi n-nisa b'diżabilità, in-nisa suwed u n-nisa ta' kulur, in-nisa migranti u minn minoranza etnika, in-nisa akbar fl-età, in-nisa f'żoni rurali u depopolati, l-ommijiet waħedhom u l-persuni LGBTIQ; jaħdem biex jippromwovi l-kunċett tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni multipla u jintegra l-analiżi intersezzjonali fil-korpi kollha tan-NU u fl-UE u l-Istati Membri tagħha;

o
o   o

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem.

(1) Testi adottati, P9_TA(2021)0315.
(2) ĠU C 458, 19.12.2018, p. 34.
(3) ĠU C 404, 6.10.2021, p. 202.
(4) Testi adottati, P9_TA(2021)0314.
(5) Briefing tal-EPRS, Beijing Platform for Action: 25-year review and future priorities (Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing: rieżami tal-25 sena u l-prijoritajiet għall-futur), 27 ta' Frar 2020, disponibbli fuq: https://www.europarl.europa.eu/thinktank/mt/document.html?reference=EPRS_BRI(2020)646194

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Mejju 2022Avviż legali - Politika tal-privatezza