Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Frar 2022 dwar l-iżviluppi reċenti fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem fil-Filippini (2022/2540(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Filippini, b'mod partikolari dawk tal-15 ta' Settembru 2016(1), tas-16 ta' Marzu 2017(2), tad-19 ta' April 2018(3) u tas-17 ta' Settembru 2020(4),
– wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,
– wara li kkunsidra l-Programm Konġunt tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Filippini ffirmat mill-Gvern tal-Filippini u n-NU fit-22 ta' Lulju 2021,
– wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa konġunta UE-Filippini tal-5 ta' Frar 2021 wara l-ewwel laqgħa tas-Sottokumitat dwar il-Governanza Tajba, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI),
– wara li kkunsidra l-Att Nru 11479 tar-Repubblika tal-Filippini tat-3 ta' Lulju 2020, magħruf ukoll bħala l-Att Kontra t-Terroriżmu,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar il-Filippini maħruġa fis-7 ta' Ottubru 2021 minn Michelle Bachelet, Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, fl-okkażjoni tat-48 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Filippini u l-UE għandhom relazzjonijiet diplomatiċi, ekonomiċi, kulturali u politiċi li jmorru lura ħafna snin; billi permezz tar-ratifika tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni, l-Unjoni Ewropea u l-Filippini reġgħu affermaw l-impenn konġunt tagħhom favur il-prinċipji tal-governanza tajba, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, il-promozzjoni tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku kif ukoll il-paċi u s-sigurtà fir-reġjun;
B. billi minn meta Rodrigo Duterte ġie elett President f'Mejju 2016 u bdiet l-hekk imsejħa "gwerra kontra d-droga", fil-Filippini kien hemm ammont xokkanti ta' eżekuzzjonijiet ekstraġudizzjarji u każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem;
C. billi f'Ġunju 2020, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem irrappurtat li l-eżekuzzjonijiet relatati mal-kampanja tal-gvern kontra d-droga kienu "mifruxa u sistematiċi"; billi, skont l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, bejn 12 000 u 30 000 persuna nqatlu waqt rejds għad-droga, filwaqt li l-awtoritajiet jattribwixxu l-mewt ta' 6 200 persuna għall-azzjoni meħuda mill-pulizija f'dawn ir-rejds; billi l-President Duterte ħeġġeġ b'mod espliċitu lill-pulizija biex iwettqu eżekuzzjonijiet ekstraġudizzjarji u wegħedhom immunità, filwaqt li l-uffiċjali tal-pulizija involuti f'dawn l-atti ngħataw promozzjoni; billi l-President Duterte wiegħed li jkompli b'din il-kampanja kontra d-droga sa tmiem il-mandat presidenzjali tiegħu f'Ġunju 2022;
D. billi, minn Ġunju 2016, inqatlu mill-inqas 146 difensur tad-drittijiet tal-bniedem u 22 ġurnalist, u sal-lum għadu ħadd ma ffaċċja l-ġustizzja f'xi wieħed minn dawn il-każijiet;
E. billi l-attakki fuq l-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta' assoċjazzjoni kienu sistematiċi; billi, bejn Ġunju 2019 u Awwissu 2021, 16-il trejdjunjonista ġew arrestati u miżmuma l-ħabs, filwaqt li 12 ġew imġiegħla jiddiżaffiljaw; billi, taħt l-amministrazzjoni tal-President Duterte, 50 trejdjunjonista nqatlu f'eżekuzzjonijiet ekstraġudizzjarji; billi l-ambjent ta' biża' li nħoloq qed jimmina serjament il-kapaċità tal-ħaddiema li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom protetti mill-l-Konvenzjoni Nru 87 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO); billi l-gvern qed juża l-pandemija biex jiġġustifika n-nuqqas ta' azzjoni u ppospona missjoni tripartitika ta' livell għoli tal-ILO fil-pajjiż;
F. billi l-irbit ta' organizzazzjonijiet u individwi ma' gruppi komunisti min-naħa tal-awtoritajiet, magħruf bħala "red-tagging", qed ikompli jirriżulta fi qtil, theddid, arresti bla mandat, fastidju fil-konfront ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, avversarji, attivisti tal-unions, difensuri ambjentali u ġurnalisti li jfittxu li jesponu allegazzjonijiet ta' eżekuzzjonijiet ekstraġudizzjarji u ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-Att Kontra t-Terroriżmu adottat fl-2020 istituzzjonalizza r- "red-tagging";
G. billi, fid-9 ta' Diċembru 2021, il-Qorti Suprema kkonfermat il-legalità tal-biċċa l-kbira tal-Att Kontra t-Terroriżmu adottat mill-amministrazzjoni tal-President Duterte, li jagħti lill-forzi tas-sigurtà s-setgħa li jarrestaw u jżommu persuni suspettati għal massimu ta' 24 ġurnata mingħajr mandat u mingħajr ma jitressqu akkużi;
H. billi l-pandemija tal-COVID-19 kompliet tħaffef id-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Filippini, partikolarment f'termini ta' libertà tal-espressjoni, integrità tal-midja u infurzar prevedibbli, u kellha riperkussjonijiet serji fuq il-kapaċità tal-midja u tas-soċjetà ċivili li jiddokumentaw trasgressjonijiet bħal dawn; billi l-aktar komunitajiet vulnerabbli fiż-żoni urbani ġew affettwati serjament mill-użu tal-vjolenza min-naħa tal-pulizija u l-militar biex tiġi infurzata l-kwarantina;
I. billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet, fl-aħħar rapport tagħha dwar il-Filippini fis-7 ta' Ottubru 2021, enfasizzat li qed ikun hemm ksur u abbużi kontinwi u severi tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż kollu u li l-istandards bażiċi tad-drittijiet tal-bniedem qed jiġu injorati;
J. billi, f'Ottubru 2020, il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU ssottolinja l-importanza li l-Gvern tal-Filippini jiżgura li tittieħed responsabbiltà għall-abbużi u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, li jsiru investigazzjonijiet indipendenti, sħaħ u trasparenti dwarhom, u li dawk kollha li kkommettew reati serji jitressqu quddiem il-ġustizzja;
K. billi, fil-15 ta' Settembru 2021, l-awla preliminari tal-QKI ħabbret li kienet awtorizzat lill-Uffiċċju tal-Prosekutur biex jiftaħ investigazzjoni dwar delitti kontra l-umanità inklużi assassinji mwettqa fil-kuntest tal-"gwerra kontra d-droga" taħt l-amministrazzjoni tal-President Duterte u anke dwar dawk li allegatament twettqu f'Davao City mill-hekk imsejħa Davao Death Squad bejn l-2011 u l-2016;
L. billi f'Marzu 2018, fuq inizjattiva tal-President Duterte, il-Filippini rtiraw mill-QKI wara li din bdiet l-eżami preliminari tagħha dwar l-ilment imressaq kontra Duterte b'rabta mal-ammont kbir ta' eżekuzzjonijiet konnessi mal-kampanja kontra d-droga;
M. billi, fid-dawl tal-elezzjonijiet li ġejjin f'Mejju 2022, ġiet rappurtata żieda f'kampanji ta' malafama, mibegħda u diżinformazzjoni u "armati ta' trolls" fiċ-ċiberspazju Filippini; billi l-midja soċjali tikkostitwixxi s-sors ta' informazzjoni prinċipali fil-Filippini; billi attakki bħal dawn huma mmirati partikolarment lejn in-nisa u l-minoranzi; billi dan l-aħħar tħassru aktar minn 300 profil minn fuq il-midja soċjali minħabba ksur tar-regoli dwar l-ispam u l-manipulazzjoni; billi l-Parlament Filippin, f'tentattiv biex jiġġieled l-abbuż online, għadda liġi li tobbliga lill-utenti tal-midja soċjali jirreġistraw l-identità ġuridika tagħhom meta joħolqu profili ġodda; billi hemm tħassib ġustifikat li l-gvern jista' jabbuża minn din il-liġi biex jattakka lill-ġurnalisti u lis-soċjetà ċivili; billi l-awtoritajiet Filippini ma stidnux lill-UE twettaq missjoni ta' osservazzjoni elettorali;
N. billi, fit-2 ta' Marzu 2021, il-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Filippini adottat – fit-tielet qari – l-Abbozz ta' Liġi Nru 7814, li, skont il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Filippini, jipprevedi preżunzjoni ta' ħtija għall-persuni akkużati bi traffikar, finanzjament, protezzjoni, kompliċità u/jew li huma involuti fit-traffikar tad-droga, u jipprova jerġa' jdaħħal il-piena tal-mewt;
O. billi l-abbozz ta' liġi dwar il-ħarsien tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, li għadda mill-Kamra tar-Rappreżentanti, għadu pendenti quddiem is-Senat;
P. billi, skont il-Gender Country Profile 2021 imfassal mid-Delegazzjoni tal-UE għall-Filippini, in-normi patrijarkali fil-politika, il-kultura u s-soċjetà huma wkoll kodifikati u rinfurzati fil-liġijiet u l-politiki tal-Filippini, abilitati minn organi leġiżlattivi u deċiżjonali ddominati kostantement mill-irġiel; billi liġijiet attwali bħall-Kodiċi Penali Rivedut u l-Kodiċi tal-Familja għad fihom dispożizzjonijiet diskriminatorji fil-konfront tan-nisa;
Q. billi r-rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċi Maria Ressa, ġurnalista u kofundatriċi tas-sit tal-aħbarijiet Rappler, fl-2019 ġiet arrestata fuq akkużi ta' "libell ċibernetiku" u ġiet ikkundannata fil-15 ta' Ġunju 2020; billi fl-2021 il-ġurnalisti Orlando Dinoy u Reynante Cortes inqatlu minn persuni armati mhux identifikati;
R. billi s-Senatur Leila De Lima ilha ħames snin il-ħabs mingħajr proċess u fuq akkużi vvintati; billi De Lima ġiet arrestata għal raġunijiet diskriminatorji – minħabba l-opinjonijiet politiċi tagħha kif ukoll l-istatus tagħha bħala difensur tad-drittijiet tal-bniedem u bħala mara – u matul dawn is-snin ta' arrest preventiv ġiet imċaħħda mid-drittijiet elettorali tagħha u mill-possibbiltà li ssegwi kwalunkwe laqgħa tas-Senat mill-bogħod; billi s-Senatur De Lima, li ħabbret l-intenzjoni li terġa' tikkontesta għas-Senat, mhux se jkollha l-istess drittijiet u opportunitajiet biex tmexxi l-kampanja elettorali tagħha bħal kandidati oħra;
S. billi l-Filippini jibbenefikaw mill-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi Plus (SĠP+); billi dan ifisser li l-Filippini jridu jimplimentaw effettivament 27 konvenzjoni internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tax-xogħol, il-ħarsien tal-ambjent u l-governanza tajba; billi fl-2020, 26 % tal-prodotti kollha esportati mill-Filippini lejn l-UE (EUR 1.6 biljun) gawdew minn trattament preferenzjali fl-ambitu ta' din l-iskema;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-eluf ta' omiċidji ekstraġudizzjarji u ksur serju ieħor tad-drittijiet tal-bniedem b'rabta mal-"gwerra kontra d-drogi"; jitlob rispons b'saħħtu min-naħa tal-UE;
2. Itenni t-talba tiegħu lill-Gvern tal-Filippini biex itemm minnufih kull vjolenza u ksur tad-drittijiet tal-bniedem immirati lejn persuni suspettati li wettqu reati ta' droga, inkluż qtil illegali, arresti arbitrarji, atti ta' tortura u abbużi oħra, u biex jisfaxxa gruppi paramilitari privati u appoġġjati mill-istat involuti fil-"gwerra kontra d-drogi";
3. Jikkundanna kull theddid, fastidju, intimidazzjoni u vjolenza kontra dawk li jippruvaw jikxfu allegazzjonijiet ta' qtil ekstraġudizzjarju u abbużi oħra tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; jiddenunzja l-prattika tal-uffiċjali tal-gvern ta' "red-tagging" fil-konfront ta' attivisti, ġurnalisti u kritiċi, li jittaggjawhom u jesponuhom għal ħsara potenzjali u, f'dan ir-rigward, jitlob li tiġi abolita t-Task Force Nazzjonali għat-Tmiem tal-Kunflitt Armat Komunista Lokali (NTF-ELCAC) inkarigata minn dan l-ittaggjar;
4. Jistieden lill-awtoritajiet itemmu l-ittaggjar ta' organizzazzjonijiet u individwi, inklużi difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent, ġurnalisti, attivisti tat-trade unions, u ħaddiema tal-knisja u umanitarji; jitlob lill-gvern jeħles lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, lid-dissidenti politiċi u lill-ġurnalisti kollha li ġew detenuti inġustament, u jwaqqa' minnufih l-akkużi kollha politikament motivati kontrihom;
5. Jistieden lill-awtoritajiet jirrispettaw id-dritt għal-libertà tal-espressjoni, u jiżguraw li l-ġurnalisti jkunu jistgħu jagħmlu xogħolhom mingħajr biża'; jitlob li tintemm il-persekuzzjoni ta' Maria Ressa, ta' Frenchie Mae Cumpio u tal-ġurnalisti indipendenti l-oħra kollha;
6. Itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet tal-Filippini biex itemmu l-fastidju politiku tas-Senatur Leila De Lima, biex jordnaw il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tagħha, u biex iħarrku fi proċessi ġusti lil dawk li nstabu responsabbli għad-detenzjoni arbitrarja tagħha u għal ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa kontriha, bħal attakki abbażi tal-ġeneru u ksur tad-dritt tagħha għal proċess ġust; jistieden lill-UE tkompli ssegwi mill-qrib il-każ kontra s-Senatur De Lima;
7. Jikkundanna bil-qawwa d-dikjarazzjonijiet sessisti, misoġinisti u bl-iskop li jumiljaw tal-President Duterte fil-konfront tan-nisa u tal-persuni li jidentifikaw li jappartjenu għall-komunità LGBTIQ+, u jħeġġuh iżomm lura milli jinċita l-vjolenza kontrihom;
8. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Filippini jwettqu minnufih investigazzjonijiet imparzjali, trasparenti, indipendenti u sinifikanti dwar il-qtil ekstraġudizzjarju kollu, inklużi l-każijiet ta' Jory Porquia, Randall "Randy" Echanis u Zara Alvarez, kif ukoll dwar l-għajbien sfurzat u l-mewt ta' Elena Tijamo, u dwar l-allegat ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju, bil-għan li l-awturi tar-reati jiġu mħarrka; jistieden lill-awtoritajiet tal-Filippini jiżguraw l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tal-pulizija u l-politiċi b'kariga għolja kollha fejn ikun hemm suspett sostanzjali li għandhom responsabbiltà diretta jew superjuri u/jew li jagħtu kmand għal delitti skont id-dritt internazzjonali u ksur u abbużi serji oħra tad-drittijiet tal-bniedem;
9. Jitlob li l-awtoritajiet tal-Filippini jikkonsultaw minnufih lit-trade unions dwar pjan direzzjonali marbut biż-żmien biex jimplimentaw il-konklużjonijiet tar-rapport ta' skambju virtwali tal-ILO dwar il-Filippini, u li jaċċettaw missjoni tripartitika ta' livell għoli tal-ILO fil-Filippini qabel il-Konferenza tal-ILO fl-2022 biex isir monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-ILO tal-2019;
10. Jenfasizza li l-individwi responsabbli għall-ksur tad-dritt domestiku u tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem għandhom jinżammu responsabbli, irrispettivament mill-grad jew mill-pożizzjoni tagħhom, fi proċessi ġusti quddiem il-qrati ċivili;
11. Jafferma mill-ġdid l-oppożizzjoni tiegħu għall-piena tal-mewt u jfakkar li l-leġiżlazzjoni kriminali jeħtiġilha tkun dejjem ibbażata fuq il-preżunzjoni tal-innoċenza;
12. Jistieden lill-Filippini jemendaw jew iħassru l-leġiżlazzjoni li tkompli tiddiskrimina kontra n-nisa, u jippromwovu u jipproteġu d-drittijiet tan-nisa;
13. Jissottolinja li l-Awla Preliminari I tal-QKI laqgħet it-talba tal-Prosekutur biex tinbeda investigazzjoni dwar id-delitti fi ħdan il-ġurisdizzjoni tal-Qorti li allegatament twettqu fit-territorju tal-Filippini bejn l-1 ta' Novembru 2011 u s-16 ta' Marzu 2019 matul il-kampanja ta' "gwerra kontra d-drogi";
14. Jiddispjaċih ħafna għad-deċiżjoni tal-Gvern tal-Filippini li jirtira mill-Istatut ta' Ruma; jistieden lill-gvern ireġġa' lura din id-deċiżjoni; iħeġġeġ lill-QKI tkompli l-investigazzjoni tagħha fl-allegazzjonijiet ta' reati kontra l-umanità fil-kuntest tal-qtil matul il-"gwerra kontra d-drogi"; jistieden lill-Gvern tal-Filippini jikkoopera bis-sħiħ mal-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-QKI fl-investigazzjoni tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Filippini u jtejjeb u jiffinanzja aħjar l-istrumenti domestiċi li jiżguraw is-sikurezza tax-xhieda u l-medjaturi;
15. Jistieden lill-gvern jemenda l-Att Kontra t-Terroriżmu u r-regoli u r-regolamenti ta' implimentazzjoni tiegħu sabiex iġibhom konformi mal-istandards internazzjonali dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu;
16. Huwa tal-fehma li mingħajr żvelar pubbliku u trasparenti tas-sejbiet kollha u l-involviment attiv ta' organizzazzjonijiet indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem u tas-soċjetà ċivili, il-kapaċità tal-Programm Konġunt tan-NU għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Filippini li jimmonitorja s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż hija mminata u ma tistax twassal għar-rimedji meħtieġa;
17. Iħeġġeġ lill-Filippini jimplimentaw bis-sħiħ l-Att dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni u jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem tal-popli indiġeni, inkluż matul il-kunflitt armat; jinsab ixxukkjat bil-prattika tat-traffikar, tar-reklutaġġ militari u tal-involviment tat-tfal fil-kunflitti minn gruppi paramilitari fil-pajjiż, u jħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti jwaqqfu dawn il-prattiki;
18. Jibża' li matul il-perjodu li ġej tal-elezzjoni u tal-kampanja, id-drittijiet politiċi fid-dinja online u offline se jkomplu jinkisru u jiġu ristretti; jistieden lill-kandidati kollha joqogħdu lura milli jużaw kampanji ta' diżinformazzjoni u armati ta' trolls, u jimpenjaw ruħhom għal kampanji ġusti u bbażati fuq il-fatti, u b'hekk jipprevjenu aktar diviżjonijiet fis-soċjetà u l-politika tal-Filippini; jistieden lill-awtoritajiet tal-Filippini jikkooperaw mill-qrib mal-kumpaniji tal-midja soċjali biex jipprevjenu l-manipulazzjoni, l-ispamming u t-tentattivi l-oħra kollha biex ixejnu d-diskors pubbliku;
19. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Filippini jżidu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw elezzjonijiet ġusti u ħielsa, u ambjent mhux tossiku għall-kampanji online u offline; jiddispjaċih, f'dan il-kuntest, li l-awtoritajiet Filippini ma stidnux lill-UE twettaq missjoni ta' osservazzjoni elettorali; jistieden lill-Gvern tal-Filippini jiżgura kampanja elettorali sikura, ħielsa u ġusta u jieħu miżuri biex jiżgura l-aċċess għal kulħadd għar-riżorsi elettorali; jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE u lir-rappreżentanzi tal-Istati Membri tal-UE jaqblu li tintbagħat missjoni ta' osservazzjoni elettorali internazzjonali u jagħtu l-appoġġ sħiħ tagħhom lill-osservaturi elettorali lokali indipendenti, jiltaqgħu regolarment magħhom u jsegwu mill-qrib kwalunkwe inċident irrappurtat matul il-kampanja elettorali, inkluż billi jindirizzaw dan it-tħassib direttament mal-awtoritajiet Filippini;
20. Jiddeplora s-sitwazzjoni li qed tiddeterjora tad-drittijiet tal-bniedem fil-Filippini taħt il-President Duterte u jittama li jara elezzjonijiet ħielsa u ġusti li jwasslu għal gvern demokratiku ġdid li jiddefendi d-drittijiet tal-bniedem, jinvestiga u jħarrek ksur fil-passat tad-drittijiet tal-bniedem u jerġa' jingħaqad mal-Istatut ta' Ruma;
21. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi parametri referenzjarji ċari, pubbliċi u marbuta biż-żmien biex il-Filippini jikkonformaw mal-obbligi tagħhom tad-drittijiet tal-bniedem skont l-iskema SĠP+ u jtenni bil-qawwa l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tibda minnufih il-proċedura li tista' twassal għall-irtirar temporanju tal-preferenzi SĠP+ jekk ma jkun hemm l-ebda titjib sostanzjali u rieda li jikkooperaw min-naħa tal-awtoritajiet Filippini;
22. Itenni l-appell tiegħu lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex jimmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni fil-Filippini, u biex jirrapporta regolarment dwar dan lill-Parlament Ewropew;
23. Jistieden lill-Istati Membri jżommu lura minn kull esportazzjoni ta' armi, teknoloġija ta' sorveljanza u tagħmir ieħor li jista' jintuża għal repressjoni interna mill-awtoritajiet Filippini;
24. Jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE u lir-rappreżentanzi tal-Istati Membri fil-pajjiż jagħtu prijorità lill-appoġġ lis-soċjetà ċivili u jużaw l-istrumenti kollha disponibbli biex iżidu l-appoġġ tagħhom għall-ħidma tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent;
25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Kungress tal-Filippini, lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, u lis-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN).