Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2022/0010(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0038/2022

Testi mressqa :

A9-0038/2022

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 08/03/2022 - 11
CRE 08/03/2022 - 11

Testi adottati :

P9_TA(2022)0054

Testi adottati
PDF 150kWORD 51k
It-Tlieta, 8 ta' Marzu 2022 - Strasburgu
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni – applikazzjoni EGF/2021/006 ES/Cataluña automotive – Spanja
P9_TA(2022)0054A9-0038/2022
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Marzu 2022 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni minn Spanja – EGF/2021/006 ES/Cataluña automotive (COM(2022)0020 – C9-0015/2022 – 2022/0010(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2022)0020 – C9‑0015/2022),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013(1) ("ir-Regolament dwar il-FEG"),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027(2) ("ir-Regolament dwar il-QFP"), u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda(3), u b'mod partikolari l-punt 9 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0038/2022),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li qed ibatu mill-konsegwenzi tal-globalizzazzjoni u mill-bidliet teknoloġiċi u ambjentali, bħall-bidliet fix-xejriet kummerċjali dinjija, it-tilwim kummerċjali, bidliet sinifikanti fir-relazzjonijiet kummerċjali tal-Unjoni jew fil-kompożizzjoni tas-suq intern u kriżijiet finanzjarji jew ekonomiċi, kif ukoll it-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, jew bħala konsegwenza tad-diġitalizzazzjoni jew tal-awtomatizzazzjoni;

B.  billi l-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) għandhom ikunu mmirati primarjament lejn miżuri ta' politika attiva tas-suq tax-xogħol u servizzi personalizzati li jkollhom l-għan li jintegraw mill-ġdid malajr lill-benefiċjarji f'impjieg deċenti u sostenibbli, filwaqt li jħejjuhom għal ekonomija Ewropea aktar ekoloġika u aktar diġitali;

C.  billi Spanja ressqet l-applikazzjoni EGF/2021/006 ES/Cataluña automotive għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara li 705 ħaddiema ġew issensjati fis-settur tal-ekonomija kklassifikat(4) taħt id-Diviżjoni 29 tan-NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers) fir-reġjun NUTS 2 tal-Katalonja (ES51) fi Spanja, f'perjodu ta' referenza għall-applikazzjoni mill-1 ta' Jannar 2021 sal-1 ta' Lulju 2021;

D.  billi l-applikazzjoni hija relatata ma' 346 ħaddiem issensjat li l-attività tagħhom waqfet matul il-perjodu ta' referenza fis-settur ekonomiku, filwaqt li 359 ħaddiem ġew issensjati qabel jew wara l-perjodu ta' referenza bħala konsegwenza tal-istess avvenimenti li wasslu għall-waqfien tal-attività tal-ħaddiema ssensjati matul il-perjodu ta' referenza u għalhekk se jitqiesu wkoll bħala benefiċjarji eliġibbli;

E.  billi l-applikazzjoni hija bbażata fuq il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi l-waqfien mill-attività ta' mill-anqas 200 ħaddiem issensjat fuq perjodu ta' referenza ta' sitt xhur f'intrapriżi li joperaw fl-istess settur ekonomiku definit fid-diviżjoni NACE Reviżjoni 2 u li jinsabu f'reġjun wieħed jew f'żewġ reġjuni kontigwi kif definit fil-livell NUTS 2 fi Stat Membru;

F.  billi fit-28 ta' Mejju 2020, Nissan ħabbret l-għeluq tal-impjant tagħha f'Barċellona, li rriżulta f'aktar minn 2 500 sensja diretta u t-telf ta' 8 000 impjieg fost il-fornituri tagħha; billi s-sensji msemmija f'din it-talba huma kkonċentrati f'erba' kontej fil-provinċja ta' Barċellona (Barcelonès, Alt Penedés, Baix Llobregat u Vallès Oriental), fejn jinsabu għadd kbir ta' kumpaniji fis-settur tal-karozzi; billi l-għadd ta' ħaddiema ssensjati bi proċedura ta' sensji kollettivi bejn Jannar u Ġunju 2021 fil-Katalonja (7 993 persuna), diġà qabeż l-għadd ta' ħaddiema ssensjati fl-2020 (7 936 persuna), u l-qerda tal-impjiegi fir-reġjun żdiedet matul il-perjodu 2018-2020;

G.  billi l-FEG ma għandux jaqbeż ammont massimu annwali ta' EUR 186 000 000 (bi prezzijiet tal-2018), kif stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament dwar il-QFP;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2)(b), tar-Regolament dwar il-FEG ġew issodisfati, u li Spanja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 2 795 156 fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, somma li tirrappreżenta 85 % tal-ispiża totali ta' EUR 3 288 419, u li tinkludi n-nefqa għal servizzi personalizzati ta' EUR 3 138 300 u n-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG ta' EUR 150 119(5);

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Spanjoli ppreżentaw l-applikazzjoni fit-23 ta' Settembru 2021, u li l-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fl-20 ta' Jannar 2022 u nnotifikat lill-Parlament biha fl-istess jum;

3.  Jinnota li l-applikazzjoni hija marbuta ma' 705 ħaddiema ssensjati b'kollox li l-attività tagħhom waqfet; jinnota wkoll li Spanja tistenna li 450 mill-benefiċjarji eliġibbli kollha se jipparteċipaw fil-miżuri (benefiċjarji fil-mira); jissottolinja l-ħtieġa ta' trasparenza f'kull stadju tal-proċedura u jitlob l-involviment tas-sħab soċjali fl-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-pakkett ta' servizzi;

4.  Ifakkar li l-impatti soċjali tas-sensji huma mistennija li jkunu importanti għall-Katalonja, fejn l-industrija tal-karozzi hija t-tielet settur l-aktar importanti (wara s-sustanzi kimiċi u l-ikel) kemm f'termini ta' fatturat kif ukoll ta' impjieg;

5.  Jirrimarka li 34,9 % tal-benefiċjarji fil-mira għandhom aktar minn 54 sena, 44,4 % huma nisa u 50,4 % għandhom edukazzjoni sekondarja tal-ewwel livell jew inqas; huwa tal-fehma li l-profil tal-età u l-livell ta' edukazzjoni tal-benefiċjarji fil-mira joħolqu sfidi speċifiċi għall-impjieg mill-ġdid u għalhekk jisħaq fuq l-importanza li jiġu żgurati l-ispeċifiċitajiet tal-età, il-livell ta' edukazzjoni u l-kombinament tagħhom meta jiġi implimentat il-pakkett ta' servizzi personalizzati;

6.  Jinnota li Spanja bdiet toffri servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fis-17 ta' Jannar 2022 u li għaldaqstant, il-perjodu ta' eliġibbiltà għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se jkun mis-17 ta' Jannar 2022 sa 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni ta' finanzjament;

7.  Ifakkar li servizzi personalizzati li jiġu pprovduti lill-ħaddiema ssensjati għal total ta' 37,8 % tal-appoġġ finanzjarju jikkonsistu mill-azzjonijiet li ġejjin: sessjonijiet ta' ħidma dwar metodoloġiji għat-tfittix ta' impjieg, gwida okkupazzjonali, taħriġ (kompetenzi orizzontali, taħriġ mill-ġdid, titjib tal-ħiliet u internships, kif ukoll taħriġ vokazzjonali), appoġġ għall-intraprenditorija, għotjiet għall-ħolqien ta' negozji, assistenza intensiva għat-tfittix ta' impjieg inkluż li jiġu identifikati l-perspettivi tal-impjieg lokali u reġjonali, tutoraġġ wara l-integrazzjoni mill-ġdid fix-xogħol u diversi inċentivi finanzjarji;

8.  Jilqa' l-fatt li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati kien ippjanat li jkun konformi mal-Istrateġija Spanjola dwar l-Ekonomija Ċirkolari(6), li trid tkun ibbażata fuq ċikli ta' materjal mhux tossiku, u l-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Katalonja(7) u li l-applikazzjoni tal-FEG kienet appoġġjata minn rappreżentanti ta' SOC(8), CIAC(9), u l-Agència per la Competitivitat de l'Empresa (ACCIÓ)(10), fi proċess li involva lis-sħab soċjali(11); jinnota li l-miżuri ta' taħriġ għandhom jindirizzaw ir-rekwiżit tat-tixrid tal-ħiliet meħtieġa fl-era industrijali diġitali u f'ekonomija ekoloġika u effiċjenti fir-riżorsi, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament dwar il-FEG;

9.  Jilqa' l-fatt li l-inċentivi jinkludu spejjeż ta' kontribuzzjoni għall-ħaddiema ssensjati b'responsabbiltajiet ta' kura sa EUR 20 kuljum jew għall-persuni li jirritornaw għax-xogħol bi EUR 350 fix-xahar, għal massimu ta' tliet xhur; jissottolinja li l-inċentiv huwa mfassal biex jinkoraġġixxi l-impjieg mill-ġdid rapidu u jħeġġeġ lil ħaddiema akbar fl-età jibqgħu fis-suq tax-xogħol;

10.  Jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet Spanjoli kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni;

11.  Itenni li l-għajnuna mill-FEG ma tridx tissostitwixxi azzjonijiet li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi, jew kwalunkwe allowance jew dritt tal-benefiċjarji mill-allokazzjoni tal-FEG biex tiġi żgurata l-addizzjonalità sħiħa tal-allokazzjoni;

12.  Ifakkar li d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport hija imminenti; jinnota li t-trasformazzjoni diġitali u ekoloġika se jkollha wkoll effett fuq is-suq tax-xogħol u hija mistennija li tagħti forma b'mod sinifikanti lis-settur tal-karozzi; itenni, f'dan il-kuntest, ir-rwol importanti li l-Unjoni għandu jkollha fl-għoti tal-kwalifiki meħtieġa għat-trasformazzjoni ġusta f'konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jappoġġja bil-qawwa l-fatt li mill-2021sal-2027 il-FEG se jkompli juri solidarjetà mal-persuni affettwati, u jżomm l-attenzjoni fuq l-impatt tar-ristrutturar fuq il-ħaddiema, u jitlob li l-applikazzjonijiet futuri jimmassimizzaw il-koerenza politika; iqis li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-edukazzjoni kwalifikata, inkluż it-taħriġ vokazzjonali u l-promozzjoni tal-hekk imsejħa sistema ta' apprendistat doppju, li wriet li hija effettiva f'diversi Stati Membri;

13.  Jinnota li r-rekwiżiti proċedurali kollha ġew issodisfati; jissottolinja l-ħtieġa ta' trasparenza f'kull stadju tal-proċedura; jilqa' l-involviment tas-sħab soċjali fil-grupp ta' ħidma stabbilit biex jiddefinixxi l-pakkett ta' miżuri li għalihom qed jintalab il-kofinanzjament mill-FEG u jitlob l-involviment tas-sħab soċjali fl-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-pakkett ta' servizzi;

14.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex tiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-Anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 153, 3.5.2021, p. 48.
(2) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11.
(3) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.
(4) L-intrapriżi kkonċernati: Aludyne Automotive Spain SLU, Bosch Sistemas de Frenado SLU, Continental Automotive Spain SA, Faurencia Interior Systems España SAU, Fico Transpar SA, Gruau Ibérica SLU, Magna Seating Spain SLU, Nobel Plastiques Iberia SA, Robert Bosch España (impjant ta' Castellet), U-Shin Spain SLU
(5) F'konformità mal-Artikolu 7(5) tar-Regolament dwar il-FEG.
(6) https://www.miteco.gob.es/es/calidad-y-evaluacion-ambiental/temas/economia-circular/estrategia/
(7) Estrategia para el desarrollo sostenible de Cataluña
(8) Servei Públic d'Ocupació de Catalunya
(9) Cluster tal-Industrija tal-Karozzi tal-Katalonja (CIAC)
(10) ACCIÓ hija l-aġenzija Katalana għall-kompetittività tan-negozju.
(11) Comisiones Obreras, UGT, Fomento del Trabajo Nacional (FOMENT) u PIMEC (assoċjazzjoni tal-SMEs tal-Katalonja).


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni minn Spanja (EGF/2021/006 ES/Cataluña automotive)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2022/458.)

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Ġunju 2022Avviż legali - Politika tal-privatezza