Il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (EGF/2022/000 TA 2022 - Assistenza teknika fuq inizjattiva tal-Kummissjoni)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Marzu 2022 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (EGF/2022/000 TA 2022 - Assistenza teknika fuq inizjattiva tal-Kummissjoni) (COM(2022)0025 – C9-0025/2022 – 2022/0015(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2022)0025 – C9‑0025/2022),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013(1) ("ir-Regolament dwar il-FEG"),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda(3), (il-"Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020"), u b'mod partikolari l-punt 9 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0037/2022),
A. billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li qed ibatu mill-konsegwenzi tal-globalizzazzjoni u tal-bidliet teknoloġiċi u ambjentali, bħall-bidliet fix-xejriet tal-kummerċ dinji, it-tilwim kummerċjali, bidliet sinifikanti fir-relazzjonijiet kummerċjali tal-Unjoni jew fil-kompożizzjoni tas-suq intern u kriżijiet finanzjarji jew ekonomiċi, kif ukoll it-tranżizzjoni għal ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, jew bħala konsegwenza tad-diġitalizzazzjoni jew tal-awtomatizzazzjoni;
B. billi l-assistenza tal-Unjoni lill-ħaddiema ssensjati għandha tkun dinamika u disponibbli kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, filwaqt li jitqies kif dovut il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 rigward l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG);
C. billi l-Unjoni l-ewwel estendiet il-kamp ta' applikazzjoni tal-FEG biex tipprovdi appoġġ finanzjarju fil-każ ta' kwalunkwe avveniment ta' ristrutturar kbir, u b'hekk tkopri l-effetti ekonomiċi tal-kriżi tal-COVID-19;
D. billi l-adozzjoni tar-Regolament il-ġdid dwar il-FEG fl-2021 kompliet twessa' l-kamp ta' applikazzjoni tal-FEG għal avvenimenti ta' ristrutturar kbar ikkawżati mit-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju jew bħala konsegwenza tad-diġitalizzazzjoni jew l-awtomatizzazzjoni, filwaqt li naqqset ukoll il-limitu meħtieġ għall-attivazzjoni tal-FEG minn 500 ħaddiem li ngħataw is-sensja għal 200;
E. billi l-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 jistabbilixxi l-ammont annwali massimu għall-FEG għal EUR 186 miljun (fi prezzijiet tal-2018) u billi l-Artikolu 11(1) tar-Regolament dwar il-FEG jipprevedi li sa 0,5 % ta' dak l-ammont jista' jsir disponibbli għal assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni;
F. billi fl-2021, il-Kummissjoni ma talbet l-ebda appoġġ ta' assistenza teknika minħabba l-inċertezza, ikkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, rigward l-operazzjonijiet ġenerali, b'mod partikolari avvenimenti li jirrikjedu preżenza fiżika;
G. billi l-assistenza teknika tista' tikkonsisti minn nefqa teknika u amministrattiva biex jiġi implimentat il-FEG, bħal attivitajiet preparatorji, ta' monitoraġġ, ta' kontroll, ta' awditjar u ta' evalwazzjoni, kif ukoll il-ġbir ta' data, inklużi rigward sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni korporattiva, attivitajiet ta' komunikazzjoni u dawk li jsaħħu l-viżibbiltà tal-FEG bħala fond jew rigward proġetti speċifiċi u miżuri oħra ta' assistenza teknika;
H. billi l-ammont propost ta' EUR 290 000 jikkorrispondi għal madwar 0,14 % tal-baġit annwali massimu disponibbli għall-FEG fl-2022;
1. Jaqbel mal-miżuri proposti mill-Kummissjoni li jridu jiġu ffinanzjati bħala għajnuna teknika skont l-Artikolu 11(1) u (4), kif ukoll skont l-Artikolu 12(2), (3) u (4) tar-Regolament dwar il-FEG;
2. Jilqa' l-ħolqien ta' sit web iddedikat għall-FEG u jistieden lill-Kummissjoni taġġornah u tespandih b'mod regolari, sabiex iżżid il-viżibbiltà tas-solidarjetà Ewropea murija mill-FEG lill-pubbliku ġenerali u żżid it-trasparenza tal-azzjoni tal-Unjoni;
3. Jilqa' l-ħidma kontinwa fuq il-proċeduri standardizzati għall-applikazzjonijiet tal-FEG u l-ġestjoni li jużaw il-funzjonalitajiet tas-sistema ta' skambju elettroniku ta' data (Sistema Komuni ta' Ġestjoni Kondiviża tal-Fondi - SFC), li tippermetti s-simplifikazzjoni u l-ipproċessar aktar mgħaġġel tal-applikazzjonijiet kif ukoll rappurtar aħjar;
4. Jieħu nota li l-Kummissjoni se tuża l-baġit disponibbli tal-appoġġ amministrattiv għall-organizzazzjoni ta' laqgħat tal-Grupp ta' Esperti tal-Persuni ta' Kuntatt tal-FEG, li jinkludi żewġ membri minn kull Stat Membru, u ta' seminar bil-parteċipazzjoni tal-korpi ta' implimentazzjoni tal-FEG u s-sħab soċjali sabiex jiġi promoss in-networking fost l-Istati Membri;
5. Jappella lill-Kummissjoni tkompli tistieden b'mod sistematiku lill-Parlament għal dawn il-laqgħat u s-seminars skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament u l-Kummissjoni;
6. Jappella lill-Kummissjoni tadatta l-aħjar prattiki li ġew żviluppati matul iż-żminijiet tal-pandemija tal-COVID-19, meta jkun xieraq u meħtieġ, u ma teliminahomx għalkollox meta ċ-ċirkostanzi tal-pandemija jippermettu, iżda tużahom bħala bażi għal metodi ta' ħidma u skambji aħjar;
7. Jissottolinja l-ħtieġa li s-sensibilizzazzjoni ġenerali u l-viżibbiltà tal-FEG ikomplu jissaħħu; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li tali għan jista' jintlaħaq billi l-FEG ikun inkluż f'diversi pubblikazzjonijiet u attivitajiet awdjoviżivi tal-Kummissjoni kif previst fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament dwar il-FEG.
8. Ifakkar lill-Istati Membri applikanti dwar ir-rwol ewlieni tagħhom li jippubbliċizzaw b'mod wiesa' l-azzjonijiet iffinanzjati mill-FEG lill-benefiċjarji, lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, lis-sħab soċjali, lill-midja u lill-pubbliku ġenerali fil-mira, kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament dwar il-FEG;
9. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex tiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (EGF/2022/000 TA 2022 - Assistenza teknika fuq inizjattiva tal-Kummissjoni)
(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2022/457.)