Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2275(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0018/2022

Testi mressqa :

A9-0018/2022

Dibattiti :

PV 07/03/2022 - 19
CRE 07/03/2022 - 19

Votazzjonijiet :

PV 08/03/2022 - 11
CRE 08/03/2022 - 11
PV 09/03/2022 - 13
CRE 09/03/2022 - 13

Testi adottati :

P9_TA(2022)0066

Testi adottati
PDF 197kWORD 65k
L-Erbgħa, 9 ta' Marzu 2022 - Strasburgu
L-involviment maċ-ċittadini: id-dritt ta' petizzjoni u referenza għall-Ombudsman Ewropew, l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej
P9_TA(2022)0066A9-0018/2022

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 2022 dwar l-involviment maċ-ċittadini: id-dritt ta' petizzjoni, id-dritt ta' referenza għall-Ombudsman Ewropew u l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (2020/2275(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 10 u 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 24 u 227 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jirriflettu l-importanza li t-Trattat jattribwixxi lid-dritt taċ-ċittadini u r-residenti tal-UE li jiġbdu l-attenzjoni tal-Parlament għall-preokkupazzjonijiet tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 228 tat-TFUE dwar ir-rwol u l-funzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-miżura tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Qafas fil-livell tal-UE Rivedut Mitlub mill-Artikolu 33.2 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 11, 41, 42, 43 u 44 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”) dwar id-dritt ta' petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tat-TFUE fir-rigward tal-proċedura ta' ksur u, b'mod partikolari, l-Artikoli 258 u 260 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar ir-riżultat tad-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 222, 230 u 216 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 10(3) tat-TUE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 20 tat-TFUE dwar id-dritt li ċ-ċittadini jressqu petizzjoni lill-Parlament Ewropew, id-dritt li jirrikorru għand l-Ombudsman Ewropew, kif ukoll id-dritt li jindirizzaw lill-istituzzjonijiet u l-korpi konsultattivi tal-Unjoni bi kwalunkwe lingwa tat-Trattat u d-dritt li jirċievu tweġiba bl-istess lingwa,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2020/1042 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2020 li jistabbilixxi miżuri temporanji dwar il-limiti ta' żmien għall-istadji tal-ġbir, tal-verifika u tal-eżami previsti fir-Regolament (UE) 2019/788 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A9-0018/2022),

A.  billi l-Artikolu 10(3) tat-TUE jgħid li "[k]ull ċittadin għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni" u "[d]-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b'mod kemm jista' jkun miftuħ u qrib iċ-ċittadin";

B.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet għandu "rwol ta' protezzjoni" sabiex jiżgura l-konformità tal-UE mas-CRPD fit-tfassil tal-politika u fl-azzjonijiet leġiżlattivi fil-livell tal-UE; billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament ġie identifikat biex jifforma l-Qafas tal-UE flimkien mal-Ombudsman Ewropew, l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali u l-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità fil-Qafas fil-livell tal-UE Rivedut kif adottat mill-Kunsill fit-3 513-il laqgħa tiegħu li saret fis-16 ta' Jannar 2017;

C.  billi t-titjib tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u t-trasparenza fil-livell tal-UE huwa kruċjali biex jingħalaq id-distakk perċepit bejn l-UE u ċ-ċittadini tagħha, kif ukoll bejnha u bejn l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi;

D.  billi d-dritt ta' petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew huwa wieħed mid-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE, minqux fl-Artikolu 44 tal-Karta;

E.  billi l-għadd ta' petizzjonijiet baqa' modest meta mqabbel mal-popolazzjoni totali tal-UE u dan jikkonferma l-bżonn ta' sforzi kbar u miżuri mfassla apposta biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u jinkiseb titjib sinifikanti fir-rigward tal-eżerċizzju tad-dritt ta' petizzjoni; billi bħala medja jitressqu madwar 1 200 petizzjoni fis-sena quddiem il-Parlament Ewropew;

F.  billi, filwaqt li l-għadd ta' petizzjonijiet imressqa quddiem il-Parlament Ewropew laħaq l-ogħla livell tiegħu fl-2013, qed jiġi osservat tnaqqis; billi ħafna ċittadini Ewropej għadhom ma jafux bid-dritt ta' petizzjoni;

G.  billi l-kriterji għall-eliġibilità tal-petizzjonijiet huma stabbiliti fl-Artikolu 227 tat-TFUE u fl-Artikolu 226 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament, li jirrikjedu li l-petizzjonijiet iridu jitressqu minn ċittadini jew residenti tal-UE affettwati direttament minn kwistjonijiet li jaqgħu fl-oqsma ta' attività tal-UE;

H.  billi l-Parlament għandu l-aktar proċedura ta' petizzjonijiet miftuħa u trasparenti fl-UE, u jippermetti lill-petizzjonanti jipparteċipaw fl-attivitajiet tiegħu, inklużi d-dibattiti fil-kumitati u s-seduti ta' smigħ;

I.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet tiegħu jeżamina u jipproċessa kull petizzjoni u huwa l-uniku kumitat li jżomm djalogu ta' kuljum maċ-ċittadini;

J.  billi d-dritt ta' petizzjoni spiss jiġi eżerċitat minn individwi;

K.  billi t-tisħiħ tad-dritt ta' petizzjoni jista' jinkiseb biss billi tittejjeb il-kapaċità tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri li jaslu għal soluzzjonijiet effettivi u f'waqthom għall-kwistjonijiet imqajma mill-petizzjonanti, filwaqt li jiżguraw il-ħarsien sħiħ tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini;

L.  billi xi petizzjonijiet jiġu ddikjarati inammissibbli minħabba nuqqas ta' informazzjoni jew minħabba konfużjoni fost iċ-ċittadini dwar il-kompetenzi tal-Unjoni Ewropea;

M.  billi l-Kummissjoni xorta naqset milli tipprovdi informazzjoni komprensiva dwar l-għadd ta' petizzjonijiet li wasslu għall-bidu ta' proċedura ta' ksur jew għal kwalunkwe azzjoni leġiżlattiva jew mhux leġiżlattiva oħra;

N.  billi r-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament hemm bżonn li jiġu riveduti biex isir titjib fir-regoli rilevanti dwar il-proċess tal-petizzjonijiet bil-ħsieb li jissaħħu l-viżibilità u s-segwitu tal-petizzjonijiet, inkluż fl-attivitajiet plenarji tal-Parlament, sabiex il-kwistjonijiet imqajma permezz ta' petizzjonijiet jiġu integrati b'mod aktar effettiv fil-prijoritajiet tal-aġenda politika tal-UE;

O.  billi l-Kummissjoni bbażat l-istrateġija tagħha għat-trattament tal-petizzjonijiet fuq il-komunikazzjoni tagħha tal-2016 bit-titolu "Id-dritt tal-UE: Riżultati aħjar permezz ta' applikazzjoni aħjar", li ma fiha l-ebda dispożizzjoni li tistabbilixxi proċeduri jew prattiki amministrattivi dwar il-petizzjonijiet;

P.  billi t-TFUE jsaħħaħ iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jqawwi aktar il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni billi jipprevedi, fost l-oħrajn, li kull ċittadin ikollu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni permezz ta' inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (IĊE);

Q.  billi għandha tiġi sottolinjata l-importanza tal-IĊE fit-tfassil tal-inizjattivi u l-iżviluppi tal-politika tal-UE;

R.  billi ċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom id-dritt li javviċinaw lill-Kummissjoni b'talba diretta biex din tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati;

S.  billi l-UE jeħtiġilha tiggarantixxi liċ-ċittadini, b'mod partikolari fir-rigward tal-ħtiġijiet speċjali ta' persuni b'diżabilità, d-dritt li jipparteċipaw attivament fl-attivitajiet demokratiċi tal-Unjoni Ewropea bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-UE sabiex jiġi evitat kwalunkwe tip ta' diskriminazzjoni u jiġi promoss il-multilingwiżmu;

T.  billi l-IĊE tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-funzjonament demokratiku tal-Unjoni permezz tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika u politika tagħha; billi l-IĊE għandha tiġi kkunsidrata bħala wieħed mill-mezzi, li fosthom hemm b'mod partikolari d-djalogu mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u s-soċjetà ċivili, il-konsultazzjoni tal-partijiet interessati, id-dritt ta' petizzjoni u d-dritt ta' tressiq ta' ilment quddiem l-Ombudsman Ewropew, li jippermettu li ċ-ċittadini jġibu ċerti kwistjonijiet għall-attenzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE u jirrikorru għandhom biex jilleġiżlaw dwar il-kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-UE u li jaffettwaw liċ-ċittadini;

U.  billi r-Regolament (UE) 2019/788, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2020, għamel l-IĊE aktar aċċessibbli u aktar faċli biex tiġi implimentata għall-organizzaturi, partikolarment permezz tat-traduzzjoni tal-inizjattivi bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE;

V.  billi l-Kummissjoni elenkat għadd ta' diffikultajiet marbuta mal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 211/2011(4) u billi r-Regolament (UE) 2019/788 il-ġdid għandu l-għan li jindirizza dawk il-kwistjonijiet fid-dettall fejn tidħol l-effettività tal-istrument tal-IĊE u jtejjeb il-funzjonament tiegħu; billi l-implimentazzjoni tiegħu jeħtieġ tiġi vvalutata b'mod effettiv u f'waqtu; billi, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport formali mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2024, u kull erba' snin minn hemm 'il quddiem;

W.  billi, sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet u jitwettaq il-potenzjal sħiħ tal-IĊE, il-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-IĊE għandhom jiżguraw li l-inizjattivi li huma validi fis-sens tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) 2019/788 jingħataw kunsiderazzjoni u rispons xierqa mill-Kummissjoni; billi l-Kummissjoni hija legalment obbligata tindika l-azzjoni li biħsiebha tieħu fir-rigward ta' IĊE valida, jekk tieħu azzjoni, u tindika b'mod ċar, komprensibbli u dettaljat ir-raġunijiet il-għala tkun ħadet jew ma ħaditx azzjoni; billi huma meħtieġa mill-inqas miljun firma minn kwart tal-Istati Membri biex IĊE tkun valida u titressaq quddiem il-Kummissjoni; billi r-Regolament (UE) 2020/1042 renda l-iskadenzi għall-istadji tal-ġbir, il-verifika u l-eżami aktar flessibbli minħabba l-pandemija globali relatata mal-COVID-19 bl-introduzzjoni ta' miżuri temporanji; billi l-applikazzjoni ta' dawk il-miżuri ġiet estiża permezz ta' atti ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni; billi dan ir-regolament huwa biss ta' natura temporanja u japplika biss sa tmiem l-2022, li hija wkoll id-data sa meta s-sistemi individwali ta' ġbir online previsti fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2019/788 se jkunu tneħħew gradwalment;

X.  billi l-organizzazzjoni ta' IĊE u l-espressjoni ta' appoġġ għaliha jikkostitwixxu dritt politiku għaċ-ċittadini tal-Unjoni, kif ukoll strument uniku biex jiġu ddefiniti l-prijoritajiet fir-rigward tad-demokrazija parteċipattiva fl-UE, biex iċ-ċittadini jkun jista' jkollhom sehem attiv fil-proġetti u l-proċessi li jaffettwawhom; billi s'issa kien hemm sitt IĊE validi, li lkoll irċevew tweġiba mill-Kummissjoni, l-aktar reċenti l-inizjattivi Minority SafePack u End the Cage Age; billi dawn l-inizjattivi kienu l-ewwel IĊE li ġew diskussi fil-Parlament wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2019/788 il-ġdid u b'mod konformi mal-Artikolu 222(8) li għadu kif ġie introdott fir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament; billi r-riżoluzzjonijiet sussegwenti ġew adottati mill-Parlament f'Diċembru 2020 u f'Ġunju 2021 rispettivament, b'maġġoranzi kbar ħafna ta' 76 % u 82 % tal-voti mitfugħa;

Y.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet irċieva 107 talba għall-varar ta' IĊE, li minnhom 83 kienu meqjusa eliġibbli u kkwalifikaw għar-reġistrazzjoni, u sitta minn dawn kienu ta' suċċess;

Z.  billi wieħed mill-objettivi prijoritarji tal-UE jrid ikun li ssaħħaħ il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tagħha u li tiżgura t-trasparenza sħiħa tal-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, kif ukoll li tipproteġi b'mod effettiv id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini u ssaħħaħ l-involviment taċ-ċittadini fit-tfassil tal-aġenda politika tal-UE permezz ta' strumenti ta' parteċipazzjoni taċ-ċittadini li huma msaħħa u aktar effettivi u trasparenti;

AA.  billi l-Artikoli 20, 24 u 228 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 43 tal-Karta jagħtu s-setgħa lill-Ombudsman Ewropew li tilqa' lmenti li jikkonċernaw każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha;

AB.  billi l-investigazzjonijiet tal-Ombudsman jiffukaw l-aktar fuq it-trasparenza u r-responsabbiltà, il-kultura ta' servizz, l-eżerċitar xieraq ta' setgħat diskrezzjonali u r-rispett għad-drittijiet proċedurali;

AC.  billi fl-2020 ġie ċċelebrat il-25 anniversarju mill-ħolqien tal-Ombudsman Ewropew; billi minn mindu nfetaħ, l-uffiċċju tal-Ombudsman ittratta 57 000 ilment, li wasslu għal aktar minn 7 600 inkjesta;

AD.  billi d-dritt ta' petizzjoni, id-dritt ta' referenza għall-Ombudsman Ewropew, u l-IĊE huma għodod parteċipattivi, li jħeġġu t-trasparenza, id-demokrazija parteċipattiva u ċ-ċittadinanza attiva Ewropea;

Id-dritt ta' petizzjoni

1.  Ifakkar li d-dritt ta' petizzjoni huwa l-eqdem strument tal-parteċipazzjoni diretta taċ-ċittadini fil-livell tal-UE u li huwa l-aktar mod sempliċi u dirett biex iċ-ċittadini jikkuntattjaw lill-istituzzjonijiet tal-UE, jesprimu l-perspettiva tagħhom fuq il-leġiżlazzjoni adottata u l-għażliet ta' politika magħmula fil-livell tal-UE, kif ukoll iressqu lmenti dwar lakuni u implimentazzjoni fqira; ifakkar li l-għadd ta' petizzjonijiet imressqa meta mqabbel mal-popolazzjoni tal-UE għadu modest u li jeżistu differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-lingwi f'dak li għandu x'jaqsam mal-eżerċizzju tad-dritt ta' petizzjoni; jemmen li kampanji ta' informazzjoni mmirati u edukazzjoni ċivika dwar id-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-UE jistgħu jilħqu popolazzjoni usa' u jwasslu għal riżultati tanġibbli fis-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet taċ-ċittadini fil-livell tal-UE; jissottolinja li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet għandu firxa wiesgħa ta' strumenti għad-dispożizzjoni tiegħu, jiġifieri l-abbozzar ta' rapporti u riżoluzzjonijiet, seduti ta' smigħ pubbliċi, sessjonijiet ta' ħidma tematiċi u missjonijiet ta' ġbir ta' informazzjoni, li bihom jista' jwieġeb għat-tħassib taċ-ċittadini u jħeġġeġ lill-Parlament Ewropew, lill-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra u lill-awtoritajiet nazzjonali jieħdu azzjoni; jistieden lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet iżid il-kollaborazzjoni tiegħu mal-parlamenti nazzjonali u joħloq sħubija li tippermetti l-iskambju tal-aħjar prattiki;

2.  Ifakkar li l-mod li bih jiġu ttrattati l-kwistjonijiet imqajma fil-petizzjonijiet għandu impatt deċiżiv fuq iċ-ċittadini fir-rigward tar-rispett effettiv għad-dritt ta' petizzjoni minqux fit-Trattati tal-UE, kif ukoll fuq l-opinjoni taċ-ċittadini dwar l-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

3.  Jiddispjaċih li r-rifjut tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni dwar kwistjonijiet imqajma f'petizzjonijiet individwali jikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjonijiet attwali tat-Trattati tal-UE dwar id-dritt ta' petizzjoni, peress li mhuwiex limitat għal kwistjonijiet ta' importanza strateġika jew li jirriflettu problemi strutturali;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi b'mod tempestiv l-approċċ strateġiku attwali tagħha għat-trattament tal-petizzjonijiet, peress li dan qed iwassal biex ma jiġux ittrattati, fost l-oħrajn, kwistjonijiet li jikkonċernaw ksur serju tad-dritt tal-UE li huma ta' detriment għall-ħarsien tad-drittijiet taċ-ċittadini;

5.  Iħeġġeġ lill-Parlament u lill-Kummissjoni jadottaw ftehim interistituzzjonali vinkolanti dwar it-trattament tal-petizzjonijiet sabiex jiġi żgurat qafas legali ċar, prevedibbli u trasparenti mmirat lejn l-implimentazzjoni konsistenti tad-dritt ta' petizzjoni stabbilit fit-Trattati tal-UE u l-ħarsien effettiv tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini;

6.  Jissottolinja li d-dritt ta' petizzjoni huwa element kruċjali tad-demokrazija parteċipattiva; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jrrikonoxxu d-dritt ta' petizzjoni bħala għodda ta' komunikazzjoni fundamentali bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet tal-UE, kif ukoll bħala element essenzjali ta' governanza demokratika u trasparenti fil-livell tal-UE;

7.  Ifakkar li ħafna ċittadini Ewropej qed jiġu mċaħħda mid-dritt tagħhom li jressqu petizzjoni, peress li l-pjattaformi għad-dispożizzjoni tagħhom mhumiex konformi mal-istandards ta' aċċessibbiltà u r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 33.2 tal-UNCRPD;

8.  Jinnota li hemm il-ħtieġa li jsir titjib kbir, fil-limiti stabbiliti mit-Trattati tal-UE, biex jiġu ssodisfati l-aspettattivi taċ-ċittadini meta jeżerċitaw id-dritt li jressqu petizzjoni sabiex isolvu problemi individwali, b'tali mod li jiġu pprevenuti sitwazzjonijiet li fihom il-pubbliku jħossu diżappuntat bl-istituzzjonijiet tal-UE; jitlob li tingħata aktar informazzjoni liċ-ċittadini dwar id-dritt ta' petizzjoni u li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jitħarsu bis-sħiħ id-drittijiet taċ-ċittadini li jirriżultaw mid-dritt tal-UE; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jagħtu informazzjoni ċara dwar id-dritt ta' petizzjoni u jinkoraġġixxu sistematikament ir-rikors għal dan l-istrument;

9.  Huwa tal-fehma li hu importanti li jiġu diversifikati l-mezzi ta' komunikazzjoni u li tiżdied is-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-assoċjazzjonijiet nazzjonali u lokali, permezz ta' kampanji ta' informazzjoni u dibattitu pubbliku kontinwu dwar l-oqsma ta' politika tal-Unjoni; jemmen li għandhom jiġu żviluppati fora interattivi online fejn iċ-ċittadini jkunu jistgħu jiksbu informazzjoni, jaqsmu fehmiet u jesprimu ruħhom liberament, partikolarment bil-ħsieb li jintlaħqu ż-żgħażagħ;

10.  Jirrimarka li l-frustrazzjoni tal-petizzjonanti dwar in-nuqqas ta' soluzzjonijiet reali għall-problemi tagħhom tista' tirriżulta f'sens ta' distakk mill-istituzzjonijiet tal-UE, kif ukoll f'sensazzjoni ta' Ewroxettiċiżmu minħabba n-nuqqas ta' tweġibiet;

11.  Jitlob kriterji komuni fit-trattament tal-petizzjonijiet differenti sabiex jiġi ggarantit trattament standardizzat u koerenti tal-petizzjonijiet u jiġi evitat l-użu arbitrarju jew partiġġjan tat-talbiet taċ-ċittadini; jenfasizza li n-nuqqas ta' omoġeneità fit-trattament tal-petizzjonijiet jista' jikkawża konfużjoni fost il-petizzjonanti u jirriżulta f'li ċ-ċittadini b'mod aktar ġenerali ftit ikollhom volontà li jeżerċitaw id-dritt li jressqu petizzjoni;

12.  Ifakkar, f'dan il-kuntest, li interpretazzjoni wisq ristretta u inkoerenti tal-Artikolu 51 tal-Karta tbiegħed liċ-ċittadini mill-UE; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta miżuri li jiżguraw l-applikazzjoni koerenti u komprensiva tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 51 u jistieden lill-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa tistudja din il-mistoqsija;

13.  Ifakkar fil-possibbiltajiet offruti mid-dritt ta' petizzjoni fir-rigward tat-twissija tal-istituzzjonijiet tal-UE dwar il-possibbiltà ta' nuqqasijiet, ksur jew implimentazzjoni ħażina tad-dritt tal-Unjoni, kemm f'każijiet konkreti kif ukoll f'livell sistemiku; jinsisti fuq il-potenzjal tal-petizzjonijiet individwali bħala għodda għall-applikazzjoni u t-titjib tad-dritt tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni, bħala l-gwardjana tat-Trattati, tagħti aktar attenzjoni lill-kwistjonijiet imqajma fil-petizzjonijiet, inklużi dawk individwali, u tiżgura li dawn jiġu investigati kif suppost sabiex ikun jista' jsir titjib ġenwin fl-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-UE fl-Unjoni kollha; jissottolinja li, f'każijiet fejn ma jkollhiex poteri leġiżlattivi, il-Kummissjoni għandha tuża b'mod effettiv il-possibbiltà li taġixxi billi tforni koordinazzjoni jew appoġġ sabiex toffri risposta diliġenti għall-problemi u l-bżonnijiet tal-petizzjonanti;

14.  Josserva li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet ittratta ħafna petizzjonijiet dwar il-COVID-19, prinċipalment bi proċedura urġenti; jifraħ lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet għall-mod rapidu u effettiv li bih ittratta l-petizzjonijiet fi żminijiet ta' kriżi kbira, li huwa prerekwiżit għall-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tal-UE;

15.  Ifakkar li d-dritt ta' petizzjoni huwa element essenzjali taċ-ċittadinanza tal-Unjoni; jesprimi dispjaċir kbir li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Rapport tal-2020 dwar iċ-Ċittadinanza tal-Unjoni u l-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Demokrazija ma jsemmux id-dritt ta' petizzjoni; jemmen li din kienet opportunità mitlufa biex tiżdied il-viżibbiltà ta' wieħed mill-aspetti taċ-ċittadinanza Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi d-dritt ta' petizzjoni fid-dokumenti strateġiċi tagħha;

16.  Jitlob l-implimentazzjoni ta' analiżi dettaljata li tiżvela r-raġunijiet għaliex l-għadd ta' petizzjonijiet irreġistrati f'dawn l-aħħar snin naqas; jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet biex isir studju sabiex jiġu identifikati l-ostakli ewlenin iffaċċjati fl-eżerċizzju tad-dritt ta' petizzjoni, kif ukoll kwalunkwe problema ta' komunikazzjoni li jista' jkun hemm; jitlob li jiġu implimentati l-mekkaniżmi neċessarji sabiex jiġu solvuti n-nuqqasijiet u l-problemi potenzjali li jinkixfu minn dan l-istudju;

17.  Jikkritika lill-Kummissjoni għall-fatt li m'għandhiex sistema xierqa biex tiġbor informazzjoni dwar il-petizzjonijiet u kif dawn jorbtu ma' proċeduri ta' ksur jew atti tal-UE, kif ikkonfermat anke min-nuqqasijiet fir-rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE, li jirreferu għall-petizzjonijiet b'mod ġenerali ħafna;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni biex kull sena tissorvelja, tanalizza u tħejji rapport dwar il-petizzjonijiet ittrattati u tiżgura li din l-analiżi tagħti kontribut għat-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi fil-livell tal-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni tnaqqas iż-żmien meħtieġ biex twieġeb għat-talbiet tal-Parlament rigward il-petizzjonijiet;

19.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri juru involviment attiv u jipparteċipaw fid-deliberazzjonijiet u d-dibattiti dwar il-petizzjonijiet u jirrispondu għall-kwistjonijiet imqajma mill-petizzjonanti fil-livell tal-UE, b'mod partikolari billi jindirizzaw il-petizzjonijiet lill-awtoritajiet responsabbli u kompetenti, billi jiżguraw segwitu adegwat u billi jipparteċipaw fid-dibattiti parlamentari;

20.  Jirrimarka li hemm bżonn jiġi żgurat segwitu adegwat għall-petizzjonijiet fil-ħidma parlamentari u leġiżlattiva; ifakkar li l-petizzjonijiet jistgħu jitqiesu bħala għodda strateġika biex jitrawwem id-dritt ta' inizjattiva leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew minqux fl-Artikolu 225 tat-TFUE, u b'hekk jiġu indirizzati l-lakuni u l-inkonsistenzi li joħorġu fid-dritt tal-UE permezz tal-petizzjonijiet sabiex jiġi żgurat il-ħarsien sħiħ tad-drittijiet taċ-ċittadini;

21.  Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-kumitati tal-Parlament, kif ukoll lill-Istati Membri, jikkooperaw aħjar mal-Kumitat PETI sabiex il-petizzjonanti jingħataw tweġiba b'mod effiċjenti u jiġu ssodisfati t-talbiet tagħhom; iqis li hu essenzjali li tiġi żgurata l-preżenza u l-involviment ta' rappreżentanti tal-Istati Membri meta l-petizzjonijiet ikunu qed jiġu diskussi fil-kumitat; iħeġġeġ, f'dan il-kuntest, lill-Kummissjoni tevita tweġibiet ġenerali u tipprovdi tweġibiet immirati u mfassla apposta għall-petizzjonanti u t-talbiet tagħhom;

22.  Jitlob lis-soċjetà ċivili kollha kemm hi tisfrutta l-potenzjal sħiħ tad-dritt ta' petizzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' bidliet strateġiċi u leġiżlattivi fil-livell tal-UE; jinkoraġġixxi lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jagħmlu użu aħjar mill-petizzjonijiet bħala strumenti ta' demokrazija diretta sabiex jikkomunikaw it-tħassib tagħhom, kif ukoll kwalunkwe nuqqas ta' konformità li jista' jkun hemm mad-dritt tal-Unjoni, lill-istituzzjonijiet Ewropej;

23.  Jitlob li l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa tirrifletti u tiddibatti fuq id-dritt ta' petizzjoni u, flimkien mal-membri tal-pubbliku, tistudja modi kif l-informazzjoni dwar id-dritt ta' petizzjoni u l-aċċess għal tali dritt jistgħu jittejbu, biex dan id-dritt isir strument aktar demokratiku u utli għaċ-ċittadini u għar-residenti fl-UE billi jpoġġihom f'kuntatt dirett mal-istituzzjonijiet tal-UE u jittrażmetti l-ilmenti tagħhom; jistieden lill-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa tipprovdi suġġerimenti biex tittejjeb l-implimentazzjoni tad-dritt ta' petizzjoni fil-livell tal-UE;

24.  Jitlob li tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fi ħdan il-Parlament u fir-relazzjonijiet interistituzzjonali tiegħu, peress li huwa l-uniku kumitat li jikkomunika direttament maċ-ċittadini; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jiġu ddedikati aktar persunal u riżorsi lill-Kumitat PETI, minħabba l-kobor tax-xogħol tiegħu;

25.  Jistieden lill-kumitati l-oħra jikkontribwixxu fi żmien xieraq għall-isforzi tal-Parlament li jirrispondi aktar malajr u b'mod aktar effettiv għall-preokkupazzjonijiet taċ-ċittadini u jqisu l-problemi kollha mqajma mill-petizzjonanti fil-ħidma leġiżlattiva kurrenti tagħhom; jistieden lill-kumitati l-oħra jagħtu attenzjoni lill-petizzjonijiet relatati mal-oqsma ta' kompetenza tagħhom fl-attivitajiet leġiżlattivi ta' kuljum tal-Parlament u jirrispondu b'mod formali u konkret għall-aspettattivi mqajma mill-petizzjonijiet taċ-ċittadini;

26.   Huwa tal-fehma li n-network tal-petizzjonijiet huwa għodda neċessarja biex jiġi ffaċilitat is-segwitu tal-petizzjonijiet bħala parti mill-ħidma parlamentari u leġiżlattiva, kif ukoll biex jiġi promoss l-iskambju ta' informazzjoni u tal-aħjar prattiki fost il-membri tiegħu, kemm fil-livell tekniku kif ukoll fil-livell politiku; jemmen li dan in-network għandu jtejjeb id-djalogu u l-kooperazzjoni mal-Kummissjoni u ma' istituzzjonijiet oħra tal-UE;

27.  Jitlob aġġornament tal-Linji Gwida biex il-Kumitat għall-Petizzjonijiet u kumitati oħra jingħataw l-awtorità meħtieġa biex iwettqu xogħolhom b'mod effettiv, minħabba l-fatt li, skont il-Linji Gwida(5), meta jintalab jagħti l-opinjoni tiegħu, kumitat għandu jiżen l-importanza tad-dritt ta' petizzjoni u l-volum ta' xogħol leġiżlattiv li jkollu quddiemu qabel ma jiddeċiedi jekk jagħtix opinjoni jew le, u li din ir-regola tippreċiedi t-Trattat ta' Liżbona u tirrifletti perċezzjoni antika dwar l-importanza tal-petizzjonijiet fil-ħidma parlamentari;

28.  Jitlob li jsir stħarriġ tal-Ewrobarometru dwar l-għarfien taċ-ċittadini tal-UE dwar id-dritt ta' petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew, sabiex tinġabar data li tagħmel possibbli kampanja ta' sensibilizzazzjoni b'saħħitha u aċċessibbli; huwa tal-fehma li stħarriġ regolari fil-livell tal-UE, ibbażat fuq sondaġġi transfruntiera, jgħin biex jiżdied l-għarfien tal-istituzzjonijiet Ewropej dwar it-tħassib taċ-ċittadini;

29.  Jitlob li tinħoloq bażi ta' data komuni bejn il-Parlament u l-Kummissjoni sabiex jikkondividu informazzjoni b'mod trasparenti u kooperattiv dwar kull azzjoni ta' segwitu li l-Kummissjoni tkun ħadet fir-rigward tal-petizzjonijiet, inklużi l-EU Pilots u l-proċeduri ta' ksur, il-proposti leġiżlattivi u kwalunkwe att ieħor tal-UE;

30.  Jitlob li d-dritt ta' petizzjoni u l-portal tal-petizzjonijiet tal-Parlament jiġu promossi b'mod aktar attiv permezz tal-midja soċjali, ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni, ta' taħriġ tal-ġurnalisti u tal-kollegament ta' dan il-portal ma' portals ta' petizzjonijiet popolari użati miċ-ċittadini biex jinkiseb appoġġ fil-livell Ewropew u dak nazzjonali;

31.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jikkollegaw is-siti web tagħhom u l-pjattaforma tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa mal-portal tal-petizzjonijiet u jippromwovu dak il-portal permezz tal-mezzi tagħhom, inklużi r-rappreżentazzjonijiet tal-Kummissjoni fl-Istati Membri, li għandhom jiġu mħeġġa jikkooperaw mal-uffiċċji ta' kollegament tal-Parlament Ewropew;

32.  Jitlob li jsir titjib fil-Portal tal-Petizzjonijiet biex ikun aktar viżibbli għall-pubbliku, aktar faċli għall-utent, aktar faċli biex wieħed jinnaviga fih u aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha, speċjalment għall-persuni b'diżabilità; jitlob li jkun hemm funzjoni mtejba ta' analiżi tad-data fil-bażi tad-data ePetition biex jiġi ffaċilitat it-tiftix ta' petizzjonijiet preċedenti dwar l-istess suġġett mill-ePetition; jitlob li jkun hemm proċess simplifikat biex iċ-ċittadini jappoġġjaw petizzjoni mressqa permezz tal-portal online u b'hekk tali proċess jippermetti użu aqwa tad-dritt tagħhom li jressqu petizzjoni;

33.  Josserva li l-petizzjonanti m'għandhomx aċċess f'ħin reali għal informazzjoni dwar l-istatus tal-petizzjonijiet tagħhom; jitlob, għalhekk, li ssir pubblika u tintwera fuq il-portal tal-petizzjonijiet aktar informazzjoni rigward, pereżempju, l-istatus tal-petizzjoni u l-investigazzjonijiet miftuħa ma' istituzzjonijiet oħra f'dan ir-rigward; jitlob sinerġija akbar bejn il-portal u l-bażi tad-data interna tal-Parlament sabiex tiġi promossa trasparenza akbar fit-trattament tal-petizzjonijiet;

34.  Jitlob li tinġabar aktar informazzjoni dwar il-profil tal-petizzjonanti, filwaqt li tiġi żgurata l-konformità sħiħa mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali, sabiex jiġu identifikati l-gruppi li mhumiex irrappreżentati biżżejjed fir-rigward tal-eżerċizzju tad-dritt ta' petizzjoni u biex jiġu mmirati b'kampanji ta' komunikazzjoni adattati;

Il-funzjoni tal-Ombudsman Ewropew

35.  Ifakkar fl-importanza tad-dritt ta' kull ċittadin u persuna fiżika jew ġuridika residenti fl-UE li jressqu lment quddiem l-Ombudsman Ewropew dwar każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni; iqis li l-ilmenti indirizzati miċ-ċittadini lill-Ombudsman jikkostitwixxu element essenzjali tad-demokrazija parteċipattiva u tal-leġittimità tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni; ifakkar li d-dritt li wieħed jirreferi kwistjoni lill-Ombudsman isaħħaħ l-involviment u l-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tal-UE peress li dan id-dritt jippromwovi t-trasparenza u l-amministrazzjoni tajba fl-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE;

36.  Jenfasizza l-mod kif qed jevolvi r-rwol tal-Ombudsman, li tista' taġixxi fuq inizjattiva proprja biex tappoġġja l-ġlieda kontra l-problemi sistemiċi fl-amministrazzjoni tal-UE u taħdem favur amministrazzjoni tajba, jiġifieri li l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni josservaw l-aktar standards stretti; f'dan il-kuntest, jemmen li r-rwol tal-Ombudsman huwa aktar importanti minn qatt qabel, fid-dawl tal-fatt li l-amministrazzjoni Ewropea, permezz tal-aġenziji tagħha, qed ikollha rwol dejjem aktar importanti fil-ħajja taċ-ċittadini f'oqsma bħall-ambjent, il-migrazzjoni u s-saħħa;

37.  Ifakkar li l-Ombudsman Ewropew għandha s-setgħa li tagħmel rakkomandazzjonijiet, proposti għal soluzzjonijiet u suġġerimenti għal titjib bil-ħsieb li ssolvi problema dwar każijiet varji ta' amministrazzjoni ħażina; josserva li meta lment jaqa' barra mill-ambitu tal-mandat tagħha, l-Ombudsman tista' tagħti parir lill-persuna li ressqet l-ilment tirreferi l-ilment lil awtorità oħra jew lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet; josserva li fl-2020, l-uffiċċju tal-Ombudsman irċeviet aktar minn 1 400 ilment li ma kinux jidħlu fl-ambitu tal-mandat tal-Ombudsman, prinċipalment għax ma kinux jikkonċernaw l-attivitajiet relatati mal-amministrazzjoni fil-livell tal-UE;

38.  Jistieden lill-Ombudsman tissorvelja aktar mill-qrib il-mod kif jintefqu l-fondi tal-UE u l-baġit tal-UE u tivverifika li l-interessi tal-UE mhumiex qed jiġu kompromessi minn ksur tal-istat tad-dritt, kwalunkwe ksur tal-prinċipji u l-valuri tal-UE, korruzzjoni jew kunflitti ta' interess, b'mod partikolari fil-qafas tal-pjan ta' rkupru Ewropew, Next Generation EU; jissottolinja li r-rispett għall-istat tad-dritt huwa kundizzjoni essenzjali għall-aċċess għall-fondi Ewropej; huwa tal-fehma li din il-kundizzjonalità dwar ir-rispett għall-istat tad-dritt u l-fatt li l-Unjoni Ewropea ma tikkompromettix il-valuri tagħha min-natura tagħhom isaħħu l-fiduċja taċ-ċittadini fl-Unjoni u juru l-impenn sod tal-UE favur il-kwalità demokratika fit-territorju tagħha kollu;

39.  Ifakkar li r-relazzjonijiet mal-Ombudsman huma fost ir-responsabbiltajiet li r-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament jagħtu lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet;

40.  Jilqa' l-bidliet li saru dan l-aħħar fl-Istatut tal-Ombudsman Ewropew, li jġibu l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-Ombudsman konformi mat-Trattat ta' Liżbona u jkomplu jsaħħu d-dritt taċ-ċittadini u r-residenti tal-UE li jilmentaw dwar amministrazzjoni ħażina, b'mod partikolari fl-oqsma tal-protezzjoni tal-informaturi, il-fastidju u l-kunflitti ta' interess fl-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE; ifakkar li l-Istatut il-ġdid tal-Ombudsman jiċċara wkoll il-kundizzjonijiet li bihom l-Ombudsman tista' twettaq inkjesti fuq inizjattiva proprja, li jtenni li l-Ombudsman tista' tikkoopera mal-awtoritajiet tal-Istati Membri u mal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE; f'dan il-kuntest, jemmen bis-sħiħ li l-Ombudsman għandha tiġi allokata baġit miżjud, li jipprovdilha r-riżorsi meħtieġa biex tittratta b'mod effettiv iż-żieda fl-ammont ta' xogħol u biex tkompli taħdem b'mod kompetenti għas-servizz taċ-ċittadini Ewropej; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji Ewropej isegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman fir-rigward tat-trasparenza u kwistjonijiet etiċi oħra;

41.  Ifakkar li ċ-ċittadini tal-UE għandhom id-dritt ta' aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-UE; jifraħ lill-Ombudsman tax-xogħol notevoli li wettqet fuq l-aċċessibbiltà tad-dokumenti tal-UE, b'mod partikolari dwar l-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa għat-trattament ta' dawn it-talbiet; jistieden lill-koleġiżlaturi jsegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman f'dak li jikkonċerna r-Regolament (KE) Nru 1049/2001(6) dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti u jinkoraġġixxu r-reviżjoni tiegħu; iqis li r-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 hija prijorità, sabiex jiġu żgurati trasparenza sħiħa u aċċess pubbliku sħiħ għad-dokumenti fil-pussess tal-istituzzjonijiet tal-UE; jenfasizza l-importanza tal-kompiti relatati mat-trasparenza tal-Ombudsman għad-demokrazija Ewropea, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw l-aċċessibbiltà tad-dokumenti għaċ-ċittadini Ewropej, sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw bis-sħiħ d-dritt tagħhom għal informazzjoni u tiżdied il-fiduċja taċ-ċittadini fil-proġett Ewropew; jistieden lill-Ombudsman tkompli bl-isforzi tagħha f'dan ir-rigward, peress li l-possibbiltà ta' aċċess f'waqtu għad-dokumenti bl-24 lingwa uffiċjali tal-UE hija essenzjali biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni adegwata taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

42.  Jifraħ lill-Ombudsman għall-ħidma imwettqa fil-qasam tal-promozzjoni tal-multilingwiżmu għaċ-ċittadini u talli ppubbikat sett ta' rakkomandazzjonijiet lill-amministrazzjoni tal-UE dwar l-użu tal-lingwi uffiċjali tal-UE meta tikkomunika mal-pubbliku, rakkomandazzjonijiet li jagħtu gwida dwar kif u meta tikkomunika b'liema lingwa sabiex tissalvagwardja d-diversità lingwistika tal-UE;

43.  Ifakkar li wieħed mill-modi kif intejbu l-perċezzjoni li ċ-ċittadini għandhom tal-UE huwa billi nrendu l-UE aktar komprensibbli u trasparenti għalihom; iqis li l-Kunsill għandu jkompli jaħdem fuq it-titjib tat-trasparenza tiegħu u jistiednu jimplimenta xi wħud mir-rakkomandazzjonijiet magħmula ripetutament mill-Parlament u mill-Ombudsman;

44.  Iqis li huwa importanti ħafna li tkompli tiġi pprovduta liċ-ċittadini tal-UE informazzjoni adegwata dwar ir-rwol u l-kamp ta' applikazzjoni tal-attivitajiet tal-Ombudsman u dwar l-influwenza tagħha fuq l-iżvilupp tal-istituzzjonijiet tal-UE; jistieden lill-Ombudsman tkompli xxerred informazzjoni dwar ir-riżultati ta' investigazzjonijiet li wasslu għal aktar trasparenza fin-negozjati kummerċjali tal-UE, tippubblika r-riżultati ta' provi kliniċi ta' mediċini vvalutati fl-UE, tistabbilixxi mekkaniżmi ta' lment għal dawk li jfittxu ażil u ttejjeb ir-regoli tal-etika applikabbli għall-Kummissarji Ewropej;

45.  Jistieden lill-Ombudsman tkompli tikkonsolida n-Network Ewropew tal-Ombudsmen sabiex tippromwovi d-dritt ta' rikors għal Ombudsman kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew u biex tibqa' konnessa mar-realtajiet nazzjonali taċ-ċittadini u attenta għalihom; jemmen li huwa neċessarju li jiżdiedu l-interazzjonijiet u l-iskambji tal-aħjar prattiki bejn l-ombudsman nazzjonali u reġjonali u l-Ombudsman Ewropew sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu informati aktar dwar id-drittijiet tagħhom u jkollhom gwida aqwa meta jressqu lmenti;

L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

46.  Jissottolinja li l-IĊE hija strument uniku ta' demokrazija parteċipattiva u għodda fundamentali; jenfasizza l-fatt li l-IĊE tirrappreżenta opportunità eċċezzjonali biex iċ-ċittadini tal-Unjoni jidentifikaw u jpoġġu l-kwistjonijiet jew il-materji li jikkonċernawhom fuq l-aġenda politika Ewropea, jartikolaw l-aspirazzjonijiet tagħhom u jitolbu lill-UE taġixxi u tilleġiżla, u li l-użu tal-IĊE jrid jiġi mħeġġeġ u appoġġjat bil-mezzi kollha disponibbli; ifakkar, b'rabta ma' dan, fl-obbligi li għandhom il-Kummissjoni u l-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) 2019/788, b'mod partikolari li jqajmu kuxjenza fost iċ-ċittadini tal-Unjoni dwar l-eżistenza, l-objettivi u l-funzjonament tal-IĊE, u jipprovdu assistenza u appoġġ prattiku lill-organizzaturi ta' IĊE; iqis, f'dan ir-rigward, li l-kontribut tal-Parlament għall-obbligi ta' komunikazzjoni tal-Kummissjoni għandu jiġi ċċarat;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni timpenja ruħha aħjar mal-IĊE validi, u tirrimedja n-nuqqas ta' segwitu leġiżlattiv, sabiex tilħaq l-għan li ssaħħaħ il-leġittimità demokratika tal-Unjoni permezz tal-parteċipazzjoni msaħħa taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika u politika tagħha; jemmen, għalhekk, li l-Kummissjoni għandha turi kunsiderazzjoni u impenn ġenwini biex tissodisfa l-aspettattivi taċ-ċittadini fir-rigward tal-IĊE validi;

48.  Ifakkar li kien ftit biss l-IĊE li kellhom suċċess li rċevew segwitu adegwat mill-Kummissjoni;

49.  Jikkunsidra li huwa essenzjali għad-demokrazija Ewropea li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jikkontribwixxu fl-eżerċizzju tal-prerogattivi leġiżlattivi tal-Unjoni u jkunu involuti b'mod dirett fit-tnedija tal-proposti leġiżlattivi; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, twettaq valutazzjoni bir-reqqa tal-proposti ta' kull IĊE valida, u tikkonforma bis-sħiħ mal-obbligu legali tagħha li tesponi b'mod ċar, komprensibbli u dettaljat ir-raġunijiet tagħha għat-teħid jew in-nuqqas ta' teħid ta' azzjoni; ifakkar fl-obbligu tal-Parlament li jivvaluta kull IĊE valida u l-miżuri meħuda mill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2019/788 u l-Artikolu 222(9) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament, b'mod partikolari meta l-Kummissjoni tonqos milli tressaq proposti bħal dawn jew tonqos milli timplimentahom;

50.  Jitlob li r-rwol tal-Parlament jissaħħaħ aktar u li jissaħħu r-rabtiet tiegħu mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fir-rigward tal-IĊE speċifiċi validi u l-implimentazzjoni tagħhom min-naħa tal-Kummissjoni; jemmen li fil-każijiet speċifiċi li fihom il-Kummissjoni tonqos milli tippubblika l-intenzjonijiet tagħha fi żmien l-iskadenza b'mod konformi mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2019/788, jew tindika f'komunikazzjoni li biħsiebha ma tiħux azzjoni fir-rigward ta' IĊE li tkun issodisfat ir-rekwiżiti proċedurali, jiġifieri li l-inizjattiva tirrispetta l-liġi primarja tal-UE u ma tmurx kontra l-valuri tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 2 tat-TUE u d-drittijiet minquxa fil-Karta, il-Parlament jista' jiddeċiedi li jagħti segwitu għall-IĊE permezz ta' rapport fuq inizjattiva proprja leġiżlattiv (INL) skont l-Artikolu 222 tar-Regoli ta' Proċedura; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timpenja ruħha li tippreżenta proposta leġiżlattiva wara l-adozzjoni mill-Parlament ta' tali INL; jemmen li, kieku kellu jseħħ każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni mill-ġdid approfondita tar-rispons inizjali tagħha, u b'hekk tirrispetta bis-sħiħ l-INL tal-Parlament; jitlob li r-Regolament (UE) 2019/788 jiġi emendat biex jinċentiva lill-Kummissjoni tressaq proposta għal att legali dment li s-sottomissjoni tal-IĊE tissodisfa r-rekwiżiti rilevanti;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni tinforma b'mod ċar liċ-ċittadini dwar id-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri sabiex tkun ċerta li l-IĊE jmissu suġġetti u kwistjonijiet li jaqgħu fl-ambitu tal-kompetenzi tal-Kummissjoni li tipproponi atti legali, kif ukoll tagħti pariri prattiċi u f'waqthom lill-organizzaturi dwar l-abbozzar tal-IĊE u tagħmel użu adegwat mill-possibbiltà li parzjalment tirreġistra IĊE; jenfasizza li IĊE reċenti talbu lill-UE taġixxi aktar, b'aktar ħeffa, partikolarment fl-oqsma tal-ħarsien tal-ambjent, is-saħħa, il-benesseri tal-annimali u d-drittijiet ċivili u politiċi, bħall-inizjattivi Minority SafePack u End the Cage Age li rċevew appoġġ kbir ħafna; itenni l-ħtieġa, għalhekk, li tiġi applikata l-aktar interpretazzjoni wiesgħa possibbli lill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tipproponi att legali;

52.  Ifaħħar lill-Kummissjoni talli organizzat seminars ta' informazzjoni u talli organizzat Ġimgħa ta' Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej fl-2020, li ġabret flimkien rappreżentanti tal-istituzzjonijiet, membri tas-soċjetà ċivili u organizzaturi ta' inizjattivi preċedenti u attwali, bl-għan li jirriflettu kif dan l-istrument jista' jittejjeb; iqis, madankollu, li l-IĊE xorta mhijiex magħrufa ħafna; jitlob lill-Kummissjoni, għalhekk, biex iżżid il-viżibbiltà mal-midja ta' din l-għodda parteċipattiva, b'mod konformi mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2019/788;

53.  Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta bis-sħiħ il-miżuri temporanji fir-Regolament (UE) 2020/1042, b'enfasi partikolari fuq l-estensjoni tal-perjodi ta' ġbir u l-impatt tagħha fuq il-kapaċità tal-organizzaturi li jimmobilizzaw l-appoġġ għall-IĊE tagħhom sabiex tinkiseb informazzjoni, fost l-oħrajn, li tkun utli fil-proċess ta' rieżami tar-Regolament (UE) 2019/788; iqis li jekk minn din l-evalwazzjoni jirriżulta dawn kienu pożittivi, tista' tiġi prevista estensjoni ta' dawn il-miżuri temporanji għal perjodu itwal;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb l-għodda tal-IĊE biex tagħmel il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini aktar aċċessibbli, peress li l-għadd ta' IĊE li fl-aħħar mill-aħħar irnexxielhom iwasslu għall-bidu ta' atti delegati huwa wieħed baxx; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-miżuri deskritti fir-Regolament (UE) 2019/788 biex jittejjeb il-mod li bih iċ-ċittadini tal-Unjoni jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jappoġġjaw IĊE, u jitlob li l-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri tiġi vvalutata; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni bir-reqqa tal-eżerċizzju ta' dan id-dritt fir-rapport tagħha li jmiss dwar iċ-ċittadinanza tal-UE u tiddeskrivi l-miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi li jistgħu jiġu introdotti biex ikompli jittejjeb l-eżerċizzju ta' dan id-dritt;

55.  Huwa tal-opinjoni li l-mod kif inhuma fformulati r-risposti uffiċjali mill-Kummissjoni lill-inizjattivi taċ-ċittadini li jirnexxu jista' jinfluwenza b'mod sinifikanti kif l-istrument jiġi evalwat miċ-ċittadini u li hemm bżonn ta' sforz akbar u eżami aktar prudenti fil-każ ta' kull inizjattiva li tirnexxi sabiex jiġi żgurat li l-Kummissjoni tqis b'mod adegwat il-proposti taċ-ċittadini;

56.  Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' mekkaniżmi parteċipattivi permanenti li jippermettu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE;

57.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' segwitu xieraq għal IĊE li ma jirnexxux ħalli l-kontribut taċ-ċittadini jiġi evalwat b'mod serju u effettiv, inkluż billi ċ-ċittadini jiġu diretti jirrikorru għand il-Kumitat għall-Petizzjonijiet, peress li n-nuqqas ta' impatt jista' jwassal għad-diżimpenn; jissottolinja r-rwol imsaħħaħ li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet jeħtieġlu jaqdi tul il-proċessi ta' smigħ kollha kemm huma; jistieden lill-Kummissjoni tikkollabora b'mod tempestiv mal-Parlament wara li IĊE titqies li tkun valida, sabiex il-Parlament ikun jista' juża bis-sħiħ il-perjodu ta' tliet xhur biex jorganizza s-seduta ta' smigħ mill-kumitati rilevanti, u jħejji d-dibattiti u r-riżoluzzjonijiet fil-plenarja dwar IĊE validi; jinsisti li l-objettiv tat-terminu itwal previst mir-Regolament (UE) 2019/788 li fih il-Kummissjoni tirrispondi għal IĊE validi huwa fundamentalment biex jippermetti lill-Kummissjoni tikkunsidra bis-sħiħ il-fehmiet u l-pożizzjonijiet dwar l-IĊE espressi matul il-fażi ta' eżami u tqis kif xieraq l-għażliet possibbli għall-proposti għal atti legali;

58.  Jilqa' bi pjaċir l-impenn tal-Kummissjoni li ttejjeb u ssaħħaħ il-Forum tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, li huwa wkoll obbligu legali li joħroġ mir-Regolament (UE) 2019/788; jinsisti li l-forum għandu jipprovdi gwida prattika u appoġġ legali lill-organizzaturi u jservi bħala għodda għall-bini tal-kapaċità għat-tnedija, l-appoġġ u s-sostenn tal-IĊE fil-fażi tal-ġbir u l-promozzjoni tal-IĊE bħala għodda għall-involviment taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika tal-Unjoni;

59.  Jistieden lill-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa biex tagħti vuċi diretta liċ-ċittadini tal-Unjoni biex jiddiskutu l-effettività tal-implimentazzjoni tal-IĊE u l-qafas legali attwali tagħha, u biex tippromwovi l-IĊE bħala għodda utli biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jipparteċipaw fl-implimentazzjoni tal-politiki pubbliċi tal-Unjoni.

60.  Jissottolinja li l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa toffri opportunità biex tinftiehem aħjar il-ħtieġa tal-parteċipazzjoni fil-programm tal-UE u għalhekk tista' tipprovdi opportunità ta' riflessjoni dwar il-mod kif jista' jittejjeb u jiġu applikat il-proċess ta' parteċipazzjoni taċ-ċittadini; jenfasizza li l-Konferenza se tagħti spinta ġdida lid-diskussjoni Ewropea dwar it-tisħiħ tad-demokrazija, b'mod partikolari l-IĊE; jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ liċ-ċittadini li l-proposti tagħhom magħmula fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa ma jkunux ġew ikkunsidrati fil-proposti tal-Kummissjoni biex jużaw l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħhom, inklużi l-IĊE;

Konklużjonijiet

61.  Jissottolinja r-rwol tat-tliet strumenti parteċipattivi, li hu li jiffaċilitaw u jinkoraġġixxu l-impenn taċ-ċittadini u r-residenti tal-UE, u b'hekk jiksbu impatt dirett u konkret fuq l-aġenda politika tal-UE; jitlob il-ħolqien u l-promozzjoni fuq skala kbira ta' sit web interistituzzjonali aċċessibbli b'punt uniku ta' kuntatt għaċ-ċittadini tal-UE (u applikazzjoni li tkun faċli biex tintuża) biex tingħata informazzjoni dwar id-drittijiet u l-istrumenti demokratiċi kollha li jippermettu lill-pubbliku jipparteċipa b'mod dirett fit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE u jinfluwenzah; huwa tal-fehma li tali pjattaforma b'punt uniku ta' kuntatt mhux biss tagħmel liċ-ċittadini aktar konxji mid-drittijiet tagħhom, iżda se tippromwovi wkoll il-komplementarjetà bejn l-istrumenti differenti;

62.  Jenfasizza li l-ġbir regolari ta' informazzjoni dwar suġġetti li huma ta' interess għaċ-ċittadini u kwistjonijiet rikorrenti li jitqajmu fil-petizzjonijiet, l-inkjesti tal-Ombudsman Ewropew u l-IĊE se jgħinu biex jinstabu soluzzjonijiet aktar malajr, filwaqt li jiżguraw il-koerenza tal-politiki tal-UE għaċ-ċittadini tagħha;

63.  Iqis li huwa essenzjali li ssir analiżi tal-problemi ta' komunikazzjoni bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u ċ-ċittadini li jirriżultaw fl-użu insuffiċjenti tal-mekkaniżmi ta' parteċipazzjoni taċ-ċittadini min-naħa tal-Ewropej; jitlob li jiġu allokati r-riżorsi neċessarji sabiex tinxtered informazzjoni dwar l-eżistenza u l-funzjonament ta' dawn l-għodod fost il-pubbliku ġenerali;

64.  Jitlob li l-pubbliku jiġu sensibilizzat dwar dawn it-tliet strumenti parteċipattivi, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ, sabiex jiġi żgurat li jsiru għodod effettivi u utli għall-parteċipazzjoni demokratika; jenfasizza li l-istituzzjonijiet Ewropej kollha għandhom iżidu kemm jista' jkun l-isforzi ta' komunikazzjoni tagħhom fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali biex jiżguraw li l-akbar numru possibbli ta' ċittadini jkunu jafu dwar it-tliet strumenti, jiġifieri l-IĊE, l-ilmenti lill-Ombudsman Ewropew u d-dritt ta' petizzjoni, u jiġu mħeġġa jipparteċipaw u jkunu involuti fihom; jenfasizza l-importanza li ċ-ċittadini jingħataw assistenza, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livell lokali, permezz taċ-Ċentri ta' Informazzjoni Europe Direct u d-Djar tal-Ewropa(7), fit-tressiq ta' petizzjonijiet, IĊE u lmenti lill-Ombudsman Ewropew;

65.  Jissottolinja r-rwol edukattiv u kruċjali li l-partijiet ikkonċernati akkademiċi jeħtiġilhom jaqdu fil-forniment tal-edukazzjoni ċivika Ewropea; iħeġġeġ lill-Istati Membri jgħallmu lill-istudenti fl-iskejjel primarji u sekondarji u fl-universitajiet dwar it-tliet strumenti parteċipattivi tal-UE sabiex ikunu konxji tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE u ta' kif jistgħu jipparteċipaw b'mod attiv; jitlob lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-miri tal-programm Erasmus+ dwar il-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika, b'mod partikolari permezz ta' attivitajiet ta' tagħlim biex jiżviluppaw il-ħiliet ċiviċi u fehim tal-politiċi Ewropej; ifakkar li l-impenn ċiviku taż-żgħażagħ huwa fundamentali għall-futur tad-demokraziji kollha;

66.  Jissottolinja l-importanza li jingħata aċċess sħiħ lill-persuni b'diżabilità għall-istrumenti differenti kollha li l-UE tipprovdi liċ-ċittadini, b'mod partikolari permezz tal-interpretazzjoni u t-traduzzjoni sistematiċi għal-lingwa tas-sinjali u għal lingwa faċli li tinqara;

67.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jindirizzaw l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-gruppi vulnerabbli ta' persuni li huma sottorappreżentati u li ma jistgħux jaslu biex il-kwistjonijiet tagħhom jiġu indirizzati, u jinvolvuhom fil-proċess deċiżjonali;

68.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi t-tliet strumenti parteċipattivi fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija għaż-Żgħażagħ 2019–2027 "L-Impenn, il-Konnessjoni u l-Għoti tas-Setgħa liż-żgħażagħ: Strateġija tal-UE ġdida dwar iż-Żgħażagħ", b'mod partikolari fl-ambitu tal-oqsma ta' azzjoni "L-Impenn" u "il-Konnessjoni";

69.  Ifakkar li l-politika ta' komunikazzjoni multilingwi tal-UE u l-pubblikazzjoni ta' informazzjoni u dokumenti bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE huma element kruċjali fil-komunikazzjoni maċ-ċittadini mill-Istati Membri kollha u fl-involviment tagħhom, ħaġa li trid tissaħħaħ; jenfasizza l-importanza tagħha fil-kanali kollha ta' komunikazzjoni, inkluża l-midja soċjali, sabiex issir konnessjoni aħjar maċ-ċittadini, b'kunsiderazzjoni partikolari tal-ħtiġijiet speċjali tal-persuni b'diżabilità; jilqa' l-linji gwida ppubblikati mill-Ombudsman li jagħtu struzzjonijiet lill-istituzzjonijiet dwar kif jiżviluppaw il-politika tal-lingwa tagħhom bl-aktar mod faċli għaċ-ċittadini;

70.  Jinsisti fuq il-bżonn li l-Parlament jiddiskuti r-rwol u d-daqs tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet; jirrimarka li huwa biss jekk korp kompetenti jieħu l-inkarigu li jagħti segwitu li jirnexxi l-għoti ta' aktar kunsiderazzjoni lit-talbiet taċ-ċittadini; jenfasizza li attwalment il-Kumitat għall-Petizzjonijiet la huwa kbir biżżejjed u lanqas m'għandu biżżejjed setgħat biex jissodisfa d-domanda fost iċ-ċittadini għall-assistenza tiegħu;

71.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tas-sistema ta' petizzjoni tal-UE, filwaqt li jitqiesu l-bżonnijiet speċjali tal-persuni b'diżabilità, sabiex jiġi żgurat il-potenzjal demokratiku sħiħ tagħha u r-rwol ta' stabbiliment tal-aġenda; jitlob li l-istituzzjonijiet tal-UE jużaw ir-riżorsi tagħhom biex iżidu l-attraenza ta' din l-għodda u jippromwovu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-tfassil tal-liġi tal-UE; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li jiġi allokat aktar finanzjament mill-UE għall-promozzjoni tal-mekkaniżmi parteċipattivi;

72.  Jissottolinja l-ħtieġa li ċ-ċittadini jingħataw gwida ċara meta jiġu biex jagħżlu l-aktar għodda parteċipattiva xierqa għall-indirizzar tat-tħassib tagħhom, u b'hekk titjieb il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini; jemmen li huwa meħtieġ li jinftehmu l-ostakli li jiltaqgħu magħhom iċ-ċittadini, b'mod partikolari l-Ewropej b'diżabilità, meta jressqu petizzjoni quddiem il-Parlament, ilment quddiem l-Ombudsman u inizjattiva lill-Kummissjoni, u li dawn l-ostakli jiġu rrimedjati;

73.  jenfasizza, barra minn hekk, li huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-IĊE u l-petizzjonijiet li jkollhom impatt, fost l-oħrajn permezz ta' rappurtaġġ estensiv fil-midja jew permezz ta' deliberazzjoni mill-Kummissjoni jew mill-Parlament, sabiex jiġu identifikati l-istrateġiji li jkunu rnexxew u l-prattiki tajba li jistgħu jintużaw bħala għodda ta' tagħlim għall-futur;

74.  Jissottolinja l-importanza tat-trasparenza fil-proċess tat-trattament tal-ilmenti u l-inizjattivi taċ-ċittadini; jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiżgura trasparenza sħiħa; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tal-Ombudsman Ewropew biex l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE jsiru ħafna aktar trasparenti u responsabbli fil-konfront taċ-ċittadini tal-UE;

75.  Jemmen bis-sħiħ li l-aċċess taċ-ċittadini għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet Ewropej huwa l-bażi tad-demokrazija parteċipattiva; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa ta' trasparenza u obbligu ta' rendikont min-naħa tal-istituzzjonijiet fil-konfront taċ-ċittadini;

76.  Jenfasizza li d-dibattitu dwar il-futur tal-UE għandu jirriżulta fit-titjib tal-istrumenti għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, li jagħmilha possibbli li l-Unjoni ssir aktar demokratika, trasparenti u miftuħa għaċ-ċittadini tagħha;

o
o   o

77.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Ombudsman tagħhom jew lil korpi kompetenti simili.

(1) ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15.
(2) ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55.
(3) ĠU L 213, 17.7.2020, p. 7.
(4) Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (ĠU L 65, 11.3.2011, p. 1).
(5) Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati tal-Parlament Ewropew, Linji Gwida dwar it-trattament tal-petizzjonijiet min-naħa tal-kumitati permanenti, 14 ta' Lulju 1998, PE225.233.
(6) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(7) "Maisons de l'Europe" bil-Franċiż, https://www.maisons-europe.eu/

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Ġunju 2022Avviż legali - Politika tal-privatezza