Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2022/2585(RSO)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0140/2022

Testi mressqa :

B9-0140/2022

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 09/03/2022 - 13
CRE 09/03/2022 - 13
PV 10/03/2022 - 2
CRE 10/03/2022 - 2

Testi adottati :

P9_TA(2022)0070

Testi adottati
PDF 135kWORD 47k
Il-Ħamis, 10 ta' Marzu 2022 - Strasburgu
Twaqqif ta' kumitat speċjali dwar l-interferenza barranija fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni
P9_TA(2022)0070B9-0140/2022

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2022 dwar it-twaqqif ta' kumitat speċjali dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni (INGE 2), u d-definizzjoni tar-responsabbiltajiet, il-kompożizzjoni numerika u t-tul tal-mandat tiegħu (2022/2585(RSO))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Konferenza tal-Presidenti,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-pjan ta' azzjoni Ewropew għad-Demokrazija (COM(2020)0790),

–  wara li kkunsidra l-pakkett tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali, inkluża l-proposta għal regolament dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (COM(2020)0825), u l-proposta għal regolament dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali (l-Att dwar is-Swieq Diġitali) (COM(2020)0842),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2021 dwar il-Media tal-Ewropa fid-Deċennju Diġitali: Pjan ta' Azzjoni b'Appoġġ għall-Irkupru u t-Trasformazzjoni(1),

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Prattika dwar id-Diżinformazzjoni tal-2018 u l-Gwida għat-Tisħiħ tal-Kodiċi ta' Prattika dwar id-Diżinformazzjoni tal-2021 (COM(2021)0262), u r-Rakkomandazzjonijiet għall-Kodiċi ta' Prattika dwar id-Diżinformazzjoni l-Ġdid maħruġa mill-Grupp ta' Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva f'Ottubru 2021,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2020 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi (COM(2020)0829),

–  wara li kkunsidra s-sett ta' għodod tal-UE ta' miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskji dwar iċ-ċibersigurtà tan-networks tal-5G,

–  wara li kkunsidra r-Rapporti Speċjali 09/2021 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar "Id-diżinformazzjoni taffettwa lill-UE: qed tiġi indirizzata iżda mhux mitigata",

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-10 ta' Ġunju 2020 bit-titlu "Nindirizzaw id-diżinformazzjoni dwar il-COVID-19 - X'inhuma l-fatti" (JOIN(2020)0008),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat Speċjali dwar l-Indħil Barrani fil-Proċessi Demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-Diżinformazzjoni (A9-0022/2022),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 207 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-indħil barrani jikkostitwixxi ksur serju tal-valuri u l-prinċipji universali li fuqhom hija bbażata l-UE, bħad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, l-ugwaljanza, is-solidarjetà, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt; billi l-evidenza turi li atturi statali jew mhux statali barranin malizzjużi u awtoritarji, qed jużaw il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u tattiki oħra biex jindaħlu fil-proċessi demokratiċi tal-UE; billi dawn l-attakki, jiżgwidaw u jqarrqu liċ-ċittadini u jaffettwaw l-imġiba tagħhom waqt il-votazzjonijiet, jamplifikaw id-dibattiti diviżivi, jifirdu, jippolarizzaw u jisfruttaw il-vulnerabbiltajiet tas-soċjetajiet, jippromwovu d-diskors ta' mibegħda, jaggravaw is-sitwazzjoni ta' gruppi vulnerabbli li għandhom probabbiltà akbar li jsiru vittmi ta' diżinformazzjoni, jgħawwġu l-integrità tal-elezzjonijiet u r-referendi demokratiċi, joħolqu nuqqas ta' fiduċja fil-gvernijiet nazzjonali, fl-awtoritajiet pubbliċi u fl-ordni demokratiku liberali u għandhom l-għan li jiddestabbilizzaw id-demokrazija Ewropea;

B.  billi r-Russja nediet kampanja ta' diżinformazzjoni malizzjuża u fuq skala kbira mingħajr preċedent bl-għan li tqarraq kemm liċ-ċittadini domestiċi kif ukoll lill-komunità internazzjonali tal-Istati kollha kemm hi, sa minn qabel il-bidu u matul il-gwerra ta' aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna fl-24 ta' Frar 2022;

C.  billi t-tentattivi minn atturi statali minn pajjiżi terzi u minn atturi mhux statali biex jindaħlu fil-funzjonament tad-demokrazija fl-UE u fl-Istati Membri tagħha, u biex jagħmlu pressjoni fuq il-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea permezz ta' ndħil malizzjuż, huma parti minn tendenza usa' esperjenzata mid-demokraziji madwar id-dinja;

D.  billi atturi malizzjużi jfittxu li jkomplu jindaħlu fil-proċessi elettorali u jisfruttaw il-ftuħ u l-pluraliżmu tas-soċjetajiet tagħna biex jattakkaw il-proċessi demokratiċi u r-reżiljenza tal-UE u tal-Istati Membri tagħha;

E.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha bħalissa ma għandhomx reġim speċifiku ta' sanzjonijiet rigward l-indħil barrani u l-kampanji tad-diżinformazzjoni orkestrati minn atturi statali barranin, li jfisser li dawn l-atturi jinsabu f'pożizzjoni li jserrħu moħħhom milli jġarrbu kwalunkwe konsegwenza b'reazzjoni għall-kampanji ta' destabbilizzazzjoni tagħhom kontra l-UE;

F.  billi hemm nuqqas ta' definizzjoni u fehim komuni ta' dan il-fenomenu u għad fadal bosta lakuni fil-leġiżlazzjoni u l-politiki attwali fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali, biex jidentifikaw, jipprevjenu u jiġġieldu l-indħil barrani;

G.  billi huwa mistenni li l-indħil barrani, id-diżinformazzjoni, u l-bosta attakki u theddid kontra d-demokrazija se jkomplu jiżdiedu u se jużaw modi aktar sofistikati fil-perjodu ta' tħejjija għall-elezzjonijiet lokali, reġjonali u nazzjonali u għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2024;

H.  billi r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-Parlament biex jiġu miġġielda l-operazzjonijiet ta' indħil barrani malizzjuż fil-proċessi demokratiċi tal-UE kkontribwew għal fehim ġenerali tal-UE u għal sensibilizzazzjoni akbar dwar il-kwistjoni;

I.  billi s-seduti ta' smigħ u l-ħidma tal-Kumitat Speċjali INGE kkontribwew biex dawn il-kwistjonijiet jiġu rikonoxxuti pubblikament u kkuntestwalizzati u sawru b'suċċess id-dibattitu Ewropew dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi u d-diżinformazzjoni;

J.  billi jeħtieġ li dawn ir-rakkomandazzjonijiet ikomplu jiġu mmonitorjati;

K.  billi jeħtieġ li jkun hemm kooperazzjoni globali u multilaterali u appoġġ fost is-sħab tal-istess fehma, inkluż bejn il-parlamentari, bil-għan li jiġu indirizzati l-indħil barrani malizzjuż u d-diżinformazzjoni; billi d-demokraziji żviluppaw ħiliet avvanzati u kontrostrateġiji biex jindirizzaw dak it-theddid;

1.  Jiddeċiedi li jwaqqaf kumitat speċjali dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni (INGE 2), li jingħata r-responsabbiltajiet li ġejjin:

   (a) li jiskrutinizza, f'kooperazzjoni u f'konsultazzjoni mal-kumitati permanenti rigward kwistjonijiet marbuta mas-setgħat u r-responsabbiltajiet tagħhom skont l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura, il-leġiżlazzjoni u l-politiki eżistenti u ppjanati biex jiġu identifikati lakuni, diskrepanzi u duplikazzjonijiet possibbli li jistgħu jiġu sfruttati għal indħil malizzjuż fil-proċessi demokratiċi, inkluż fir-rigward tal-kwistjonijiet li ġejjin:
   (i) il-politiki li jikkontribwixxu għall-proċessi demokratiċi tal-UE, għar-reżiljenza permezz ta' għarfien tas-sitwazzjoni, għal-litteriżmu tal-media u ta' informazzjoni, għall-pluraliżmu tal-media, il-ġurnaliżmu indipendenti u l-edukazzjoni,
   (ii) l-indħil bl-użu ta' pjattaformi online, b'mod partikolari fl-evalwazzjoni approfondita tar-responsabbiltà u l-effetti li l-pjattaformi online kbar ħafna għandhom fuq id-demokrazija u l-proċessi demokratiċi fl-UE,
   (iii) l-infrastruttura kritika u s-setturi strateġiċi,
   (iv) l-indħil matul il-proċessi elettorali,
   (v) il-finanzjament bil-moħbi ta' attivitajiet politiċi minn atturi u donaturi barranin,
   (vi) iċ-ċibersigurtà u r-reżiljenza fir-rigward ta' attakki ċibernetiċi, b'rabta mal-proċessi demokratiċi,
   (vii) ir-rwol tal-atturi mhux statali,
   (viii) l-impatt tal-indħil fuq id-drittijiet tal-minoranzi u ta' gruppi diskriminati oħra,
   (ix) l-indħil minn atturi globali permezz tal-ħtif tar-riżorsi mill-elit, tad-dijaspori nazzjonali, tal-universitajiet u tal-avvenimenti kulturali,
   (x) id-deterrenza, l-imputazzjoni u l-kontromiżuri kollettivi, inklużi sanzjonijiet,
   (xi) il-viċinat u l-kooperazzjoni globali u l-multilateraliżmu,
   (xii) l-indħil minn atturi bbażati fl-UE f'pajjiżi tal-UE u f'pajjiżi terzi,
   (b) li jiżviluppa, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-kumitati permanenti skont il-prattiki ta' ħidma tal-kumitat speċjali INGE 1, suġġerimenti dwar kif jistgħu jiġu rimedjati dawn il-lakuni sabiex titrawwem ir-reżiljenza legali tal-UE u dwar kif jista' jittejjeb il-qafas istituzzjonali tal-UE;
   (c) li jaħdem mill-qrib ma' istituzzjonijiet oħra tal-UE, mal-awtoritajiet tal-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, is-soċjetà ċivili, kif ukoll mas-sħab statali u mhux statali f'pajjiżi terzi sabiex tissaħħaħ l-azzjoni tal-UE kontra t-theddid ibridu u d-diżinformazzjoni filwaqt li l-attivitajiet pubbliċi kollha tal-kumitat speċjali INGE 2 jirrispettaw il-prijoritajiet stabbiliti f'din id-deċiżjoni;
   (d) li jagħti segwitu dettaljat u rigoruż tal-implimentazzjoni tar-rapport tal-kumitat speċjali INGE 1 b'evalwazzjoni tal-passi meħuda mill-istituzzjonijiet tal-UE;
   (e) li jikkontribwixxi għar-reżiljenza istituzzjonali ġenerali kontra l-indħil barrani, it-theddid ibridu u d-diżinformazzjoni fit-tħejjija għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2024;

2.  Jiddeċiedi li, kull meta l-ħidma tal-kumitat speċjali tinkludi s-smigħ ta' evidenza ta' natura kunfidenzjali, xhieda li tinvolvi data personali jew skambji ta' fehmiet jew seduti ta' smigħ ma' awtoritajiet u korpi dwar informazzjoni kunfidenzjali, inklużi studji xjentifiċi jew partijiet minnhom mogħtija status ta' kunfidenzjalità skont l-Artikolu 63 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(2), il-laqgħat għandhom isiru bil-magħluq; jiddeċiedi, barra minn hekk, li x-xhieda u l-esperti għandu jkollhom id-dritt li jagħmlu dikjarazzjoni jew jixhdu bil-magħluq;

3.  Jiddeċiedi li l-lista tal-persuni mistiedna għal-laqgħat pubbliċi, il-lista ta' dawk li jattendu dawk il-laqgħat u l-minuti tagħhom għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku;

4.  Jiddeċiedi li d-dokumenti kunfidenzjali li l-kumitat speċjali jkun irċieva għandhom jiġu vvalutati skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 221 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu; jiddeċiedi, barra minn hekk, li tali informazzjoni għandha tintuża esklussivament għall-finijiet tat-tfassil tar-rapport finali tal-kumitat speċjali;

5.  Jiddeċiedi li l-kumitat speċjali se jkun magħmul minn 33 membru;

6.  Jiddeċiedi li l-mandat tal-kumitat speċjali għandu jkun ta' 12-il xahar u li dan il-mandat għandu jibda mid-data tal-laqgħa kostituttiva tiegħu;

7.  Jiddeċiedi li l-kumitat speċjali għandu, wara li jkun skrutinizza l-implimentazzjoni tar-rapport tal-kumitat speċjali INGE 1 u l-leġiżlazzjoni eżistenti u wara li jkun identifika lakuni, diskrepanzi u duplikazzjonijiet, jidentifika l-bażi legali xierqa għal kwalunkwe att legali meħtieġ u jħejji raġunijiet għal soluzzjonijiet istituzzjonali permanenti tal-UE biex jiġu indirizzati l-indħil malizzjuż u d-diżinformazzjoni barranin u, jekk ikun meħtieġ, jitlob li jittieħdu passi istituzzjonali speċifiċi mill-Kummissjoni, billi jabbozza, skont l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura, rapport fuq inizjattiva proprja li jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposta xierqa f'dan ir-rigward.

(1) Testi adottati, P9_TA(2021)0428.
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1)

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Ġunju 2022Avviż legali - Politika tal-privatezza