Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2021/2003(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0025/2022

Testi mressqa :

A9-0025/2022

Dibattiti :

PV 08/03/2022 - 16
CRE 08/03/2022 - 16

Votazzjonijiet :

PV 09/03/2022 - 13
CRE 09/03/2022 - 13
PV 10/03/2022 - 2
CRE 10/03/2022 - 2

Testi adottati :

P9_TA(2022)0073

Testi adottati
PDF 235kWORD 77k
Il-Ħamis, 10 ta' Marzu 2022 - Strasburgu
Il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Ġeneru III
P9_TA(2022)0073A9-0025/2022

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Marzu 2022 dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Ġeneru III (2021/2003(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tat-18 ta' Diċembru 1979, u r-Rakkomandazzjoni ġenerali Nru 30 dwar in-nisa fil-prevenzjoni tal-kunflitti, f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt u ta' wara kunflitt tal-Kumitat tan-NU għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa tat-18 ta' Ottubru 2013,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing tal-1995 adottati fir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa, u l-eżiti tal-konferenzi ta' rieżami,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD) u d-dħul fis-seħħ tagħha fl-UE fil-21 ta' Jannar 2011 f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas-26 ta' Novembru 2009 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità(1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2021 bit-titolu "Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità 2021-2030" (COM(2021)0101),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli, adottata f'Settembru 2015, u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tagħha, b'mod partikolari l-għanijiet 1, 4, 5, 8, 10 u 17;

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Nru 100 tal-1951 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar ir-Remunerazzjoni Indaqs,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Nru 111 tal-1958 tal-ILO dwar id-Diskriminazzjoni (Impjiegi u Xogħol),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Nru 190 tal-2019 tal-ILO dwar il-Vjolenza u l-Fastidju,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni Nru 202 tal-2012 tal-ILO dwar il-Protezzjoni Soċjali Bażika,

–  wara li kkunsidra r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar il-protezzjoni ta' persuni pajżani fi żmien ta' gwerra tat-12 ta' Awwissu 1949,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 1325 (2000), 1820 (2008), 1888 (2009), 1889 (2009), 1960 (2010), 2106 (2013), 2122 (2013), 2242 (2015), 2467 (2019) u 2493 (2019) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza Fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul) tal-11 ta' Mejju 2011,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin tas-16 ta' Mejju 2005 u dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament u l-Abbuż Sesswali tal-25 ta' Ottubru 2007,

–  wara li kkunsidra l-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD) li saret fl-1994 fil-Kajr, il-programm ta' azzjoni tagħha u l-eżiti tal-konferenzi ta' rieżami tagħha, u s-Summit ta' Nairobi tal-2019 (ICPD+25) li ċċelebra l-25 anniversarju tal-Konferenza tal-Kajr,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa tat-Tielet Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp ta' Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Inizjattiva konġunta Spotlight tal-UE u n-NU li għandha l-għan li telimina kull forma ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 8, 153(1) u 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-25 ta' Novembru 2020 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Ġeneru (GAP) III – aġenda ambizzjuża għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-għoti tas-setgħa lin-nisa fl-azzjoni esterna tal-UE 2021-2025" (JOIN(2020)0017), u d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal li jakkumpanjaha bit-titolu "Objectives and Indicators to frame the implementation of the Gender Action Plan III (2021-25)" (Objettivi u Indikaturi biex titfassal l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Ġeneru III (2021-25) (SWD(2020)0284),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/522 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Marzu 2021 li jistabbilixxi Programm għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (il-"Programm l-UE għas-Saħħa") għall-perjodu 2021-2027, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 282/2014(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU bit-titolu "The Impact of COVID-19 on Women" (L-impatt tal-COVID-19 fuq in-Nisa) tad-9 ta' April 2020,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Fond tan-NU għall-Popolazzjoni (UNFPA) bit-titolu "Impact of the COVID-19 Pandemic on Family Planning and Ending Gender-based Violence, Female Genital Mutilation and Child Marriage" (L-impatt tal-Pandemija tal-COVID-19 fuq l-Ippjanar tal-Familja u t-Tmiem tal-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru, il-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili u ż-Żwieġ tat-Tfal), ippubblikat fis-27 ta' April 2020,

–  wara li kkunsidra l-istrateġija globali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) biex titħaffef l-eliminazzjoni tal-kanċer ċervikali bħala problema tas-saħħa pubblika, li ġiet varata f'Novembru 2020,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2020 bit-titolu "Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija ta' Ugwaljanza Bejn is-Sessi għall-2020-2025" (COM(2020)0152),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (WPS) 2019-2024 tal-5 ta' Lulju 2019,

–  wara li kkunsidra l-Forum Ġenerazzjoni Ugwaljanza li sar bejn id-29 u l-31 ta' Marzu 2021 fil-Belt tal-Messiku u bejn it-30 ta' Ġunju u t-2 ta' Lulju 2021 f'Pariġi, u l-impenji mħabbra biex jitħaffef il-progress fil-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri madwar id-dinja, kif ukoll il-"Pjan għall-Aċċelerazzjoni Globali għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri" u l-"Patt il-ġdid dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà u l-Azzjoni Umanitarja" varati b'riżultat tal-Forum,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE)  2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-31 ta' Mejju 2018 dwar l-implimentazzjoni tad-Dokument ta' Ħidma Konġunt tal-Persunal (SWD(2015)0182) – L-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa: Nittrasformaw il-Ħajjiet tal-Bniet u tan-Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE 2016-2020(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2020 dwar strateġija tal-UE biex tintemm il-mutilazzjoni ġenitali femminili fid-dinja kollha(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2020 dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-64 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2020 dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fil-politika estera u ta' sigurtà komuni tal-UE(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2021 dwar il-perspettiva tal-ġeneru fil-kriżi tal-COVID-19 u fil-perjodu ta' wara l-kriżi(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2021 dwar tnaqqis tad-disparità bejn il-ġeneri fil-qasam diġitali: il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-ekonomija diġitali(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ġunju 2021 dwar il-25 anniversarju tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD25) (is-Summit ta' Nairobi)(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ġunju 2021 dwar is-sitwazzjoni tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fl-UE, fil-kuntest tas-saħħa tan-nisa(11),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għall-Baġits,

–  wara li kkunsidra r-rapport konġunt tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A9-0025/2022),

A.  billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija valur tal-Unjoni Ewropea u dritt fundamentali u universali tal-bniedem;

B.  billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru fil-forom kollha tagħha, b'mod partikolari l-femminiċidju, hija l-aktar forma estrema ta' inugwaljanza bejn il-ġeneri; billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru għandha titqies bħala forma estrema ta' diskriminazzjoni u ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

C.  billi jeħtieġ li d-drittijiet tan-nisa jitħarsu u li jittieħdu passi biex jiġu miġġielda l-forom kollha ta' sfruttament, vjolenza, oppressjoni u inugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel; billi l-prevenzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru tirrikjedi li jiġu sfidati n-normi tal-ġeneru li jipperpetwaw l-inugwaljanzi u li dan jissarraf fl-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' miżuri u riformi leġiżlattivi effettivi, fost miżuri oħra;

D.  billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija kemm kawża kif ukoll konsegwenza tal-inugwaljanzi strutturali u n-nuqqas ta' distribuzzjoni ugwali tal-poter; billi l-ġlieda kontra l-vjolenza tirrikjedi fehim tal-kawżi tagħha u tal-fatturi li jikkontribwixxu għaliha; billi l-inugwaljanza bejn il-ġeneri hija stabbilita sew fil-valuri tas-soċjetà mibnija fuq stereotipi marbuta mal-ġeneru; billi l-involviment tal-irġiel u s-subien fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri huwa kemm għan kif ukoll prerekwiżit biex tinkiseb ugwaljanza sostenibbli u effettiva;

E.  billi l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet timmanifesta ruħha f'forom differenti u mhux reċiprokament esklużivi, inkluża l-vjolenza online; billi skont l-istimi, aktar minn nofs (58 %) ta' 14 000 mara u tifla f'31 pajjiż ġew iffastidjati u abbużati online;

F.  billi n-nisa b'identitajiet u vulnerabbiltajiet li jintersezzjonaw jiffaċċjaw riskju akbar ta' vjolenza u fastidju;

G.  billi l-UE u n-NU varaw l-Inizjattiva Spotlight bl-għan li jiġġieldu l-vjolenza, inkluża l-vjolenza sesswali, kontra n-nisa u l-bniet;

H.  billi l-isfruttament sesswali huwa forma serja ta' vjolenza li taffettwa l-aktar lin-nisa u lill-bniet; billi jeħtieġ li l-UE tappoġġa lill-pajjiżi sħab sabiex dawn iżidu l-finanzjament għall-appoġġ soċjali u l-aċċess għas-servizzi għall-vittmi tat-traffikar u l-isfruttament sesswali, b'appoġġ psikoloġiku u soċjali mill-ispeċjalisti, u li tintroduċi servizzi speċjalizzati ddedikati għall-inklużjoni soċjali u ekonomika sħiħa tan-nisa u l-bniet vulnerabbli biex jiġu liberati mill-isfruttament sesswali;

I.  billi fir-rigward tas-servizzi tal-kura tas-saħħa u s-servizzi relatati mas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati (SRHR), l-aċċess irid ikun universali; billi d-drittijiet tas-saħħa, b'mod partikolari d-drittijiet tas-saħħa sesswali u riproduttiva, huma drittijiet fundamentali tan-nisa li jenħtieġ li jissaħħu u ma jistgħu jiddgħajfu jew jiġu rtirati b'ebda mod; billi ċertu diskors li jhedded ir-rispett tad-drittijiet sesswali u riproduttivi kemm fl-UE kif ukoll barra l-UE qed jiżdied;

J.  billi n-nisa, fid-diversità kollha tagħhom, jiffaċċjaw diskriminazzjoni strutturali intersezzjonali abbażi tar-razza, l-etniċità, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, is-saħħa, l-isfond soċjoekonomiku, l-istatus tat-twelid, l-età, il-klassi, l-istatus ta' rifuġjat jew ta' migrazzjoni u l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru, li jeħtieġ li tiġi rikonoxxuta bħala ostaklu għat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet fundamentali;

K.  billi huwa essenzjali għall-għarfien u l-governanza globali li tinġabar data diżaggregata u kwantifikabbli dwar l-inugwaljanza bejn il-ġeneri, filwaqt li jitqiesu l-fatturi intersezzjonali;

L.  billi d-drittijiet tan-nisa u tal-bniet huma mhedda u l-ispazju għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ), speċjalment dawk li jiddefendu d-drittijiet tan-nisa, kif ukoll l-organizzazzjonijiet femministi u ta' bażi, qed jiċkien f'ħafna pajjiżi kemm fl-UE kif ukoll barra l-UE; billi qed tiġi osservata rigressjoni inkwetanti fid-dinja kollha fir-rigward tad-drittijiet tan-nisa u tal-persuni LGBTIQ+, li tinvolvi l-limitazzjoni tal-SRHR u l-projbizzjoni tal-edukazzjoni sesswali u l-istudji dwar il-ġeneri;

M.  billi t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-OSĊ u l-għoti ta' finanzjament adegwat lill-OSĊ li jiddefendu d-drittijiet tan-nisa u l-bniet fil-pajjiżi sħab huma essenzjali biex jiġu ġġenerati attitudnijiet soċjetali ġodda u kunsens li jiffaċilitaw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; billi l-involviment attiv ta' organizzazzjonijiet tan-nisa fil-prattika huwa essenzjali għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-GAP III;

N.  billi n-nisa u l-bniet huma affettwati b'mod sproporzjonat mill-għadd jiżdied ta' sitwazzjonijiet ta' emerġenza bħal dawk li jirriżultaw mill-kunflitti armati, id-diżastri naturali u t-tibdil fil-klima;

O.  billi l-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri sussegwenti ta' lockdown kellhom impatt gravi fuq in-nisa u l-bniet u aggravaw l-inugwaljanzi eżistenti bejn il-ġeneri, u kellhom impatt akbar fuq l-aċċess għall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa, speċjalment l-SRHR, kif ukoll fuq il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; billi dan qed jirriżulta f'żieda fil-vjolenza abbażi tal-ġeneru u fl-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi;

P.  billi l-pandemija kellha impatt sproporzjonat fuq in-nisa; billi madwar 70 % tal-ħaddiema soċjali u tas-saħħa li qed jiġġieldu l-COVID-19 fuq quddiem nett, kemm jekk infermiera, tobba jew ħaddiema li jnaddfu, huma nisa; billi n-nisa li qed jaħdmu mid-dar, li huma qiegħda jew li qed jaħdmu part-time huma taħt pressjoni saħansitra akbar, peress li komplew iwettqu l-maġġoranza tal-faċendi tad-dar u tad-dmirijiet ta' indukrar tal-familja; billi d-data disponibbli turi li l-għadd ta' nisa li sfaw vittmi ta' vjolenza u/jew fastidju żdied matul il-lockdown minħabba l-COVID-19;

Q.  billi hemm nuqqas ta' studenti nisa fl-oqsma ta' studju tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM);

R.  billi r-rappreżentanza, il-parteċipazzjoni u l-influwenza ndaqs tan-nisa u l-irġiel fil-ħajja politika huma prekundizzjoni għal soċjetà verament demokratika; billi l-parteċipazzjoni kostruttiva tan-nisa u l-bniet fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti u fir-rikostruzzjoni wara l-kunflitti żżid is-sostenibbiltà tal-paċi;

S.  billi l-miżuri għall-ġlieda kontra l-inugwaljanzi se tkun ta' importanza fundamentali għall-irkupru wara l-pandemija; billi l-parteċipazzjoni, ir-rappreżentanza u t-tmexxija tan-nisa u l-bniet għandhom ikunu prijorità fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta' tali miżuri;

T.  billi l-kisba tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għadha sfida; billi ebda pajjiż fid-dinja mhu se joqrob lejn il-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri qabel l-2030;

U.  billi l-GAP III jenħtieġ li jkun il-qafas għal kontribut attiv tal-azzjoni esterna tal-UE fil-ġlieda kontra l-inugwaljanza bejn il-ġeneri; billi l-GAP III jenħtieġ li jiġi implimentat bis-sħiħ bħala strument ewlieni biex jiskoraġġixxi d-diskriminazzjoni u l-emarġinazzjoni, u biex jiżgura d-dinjità tan-nisa u l-bniet, jippromwovi l-integrazzjoni tal-kwistjonijiet tal-ġeneru fil-programmi ta' kooperazzjoni internazzjonali kollha u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-pjanijiet u l-istrateġiji nazzjonali, b'kollaborazzjoni mas-sħab lokali u l-OSĊ;

V.  billi jenħtieġ li jkun hemm approċċ aktar strateġiku, koordinat u sistematiku għal kif l-UE u l-Istati Membri jaħdmu flimkien fuq kwistjonijiet ta' ġeneru fil-pajjiżi sħab; billi l-missjonijiet u d-delegazzjonijiet tal-UE jinsabu fuq quddiem nett fl-isforzi ta' implimentazzjoni tal-GAP III, u l-għarfien espert tal-persunal tad-delegazzjonijiet u l-missjonijiet huwa element fundamentali għall-implimentazzjoni b'suċċess tiegħu; billi l-Kummissjoni jenħtieġ li tagħti lid-delegazzjonijiet assistenza teknika biex jibdew il-pjanijiet ta' implimentazzjoni fil-livell tal-pajjiż (CLIPs);

1.  Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni l-ġdid tal-UE dwar il-Ġeneru III għall-2021-2025 u l-appell tiegħu għal dinja b'ugwaljanza bejn il-ġeneri, bħala kontinwazzjoni tal-ħidma, it-tagħlimiet meħuda u l-kisbiet tal-GAP II, u bħala pjan li jibni fuqhom; jilqa' t-titjib, l-impenji u l-objettivi komprensivi tal-GAP III, b'mod partikolari l-bidla tiegħu minn dokument ta' ħidma għal komunikazzjoni konġunta, kif mitlub mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2020 dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fil-politika estera u ta' sigurtà komuni tal-UE;

2.  Jilqa' n-natura inklużiva tal-proċess ta' konsultazzjoni mwettaq bħala bażi għall-abbozzar tal-GAP III u r-riflessjoni fih tar-rakkomandazzjonijiet ipprovduti mill-Parlament, l-Istati Membri, il-punti fokali tal-ġeneru tal-UE u, b'mod partikolari, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dwar id-drittijiet tan-nisa (WCSOs);

3.  Jiddeplora l-fatt li l-Kunsill naqas milli jikseb unanimità dwar il-konklużjonijiet, minħabba l-oġġezzjonijiet minn erba' Stati Membri għall-kelma "ġeneru", u b'hekk ostakola l-approvazzjoni formali tal-Pjan ta' Azzjoni, u jisħaq li dan juri sinjali ċari tar-rigressjoni fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa; itenni l-appell tiegħu għall-istabbiliment ta' konfigurazzjoni ġdida tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri li tlaqqa' lill-ministri u s-segretarji tal-Istat tal-UE responsabbli għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri sabiex tiffaċilita l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-politiki kollha tal-UE, inkluża l-politika estera u ta' sigurtà komuni u l-politika tal-iżvilupp; jitlob li jsiru sforzi favur pożizzjoni konġunta tal-UE u li tittieħed azzjoni b'saħħitha biex tiġi ddenunzjata b'mod inekwivokabbli r-rigressjoni fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

4.  Jirrimarka li l-UE għandha rwol importanti fil-kisba ta' dinja b'ugwaljanza bejn il-ġeneri billi tappoġġa lill-pajjiżi sħab biex jindirizzaw id-diskriminazzjoni bejn il-ġeneri; jitlob lill-UE tmexxi bl-eżempju u jħeġġeġ lis-sitt Stati Membri li għadhom ma rratifikawx u ma implimentawx il-Konvenzjoni ta' Istanbul biex jagħmlu dan fl-iqsar żmien possibbli; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jippromwovi r-ratifika tal-Konvenzjoni ta' Istanbul fi ħdan id-djalogu politiku tiegħu mal-pajjiżi sħab tal-Kunsill tal-Ewropa;

5.  Jikkundanna bil-qawwa l-irtirar tat-Turkija mill-Konvenzjoni ta' Istanbul; iqis li d-denunzja tal-Konvenzjoni ta' Istanbul hija pass ieħor li joħloq dubji dwar l-istatus tat-Turkija bħala kandidat għas-sħubija fl-UE;

Impenn aktar effettiv tal-UE u implimentazzjoni effiċjenti

6.  Jappella għall-implimentazzjoni u l-prijoritizzazzjoni sħaħ tal-GAP III f'kull aspett tal-azzjoni esterna tal-UE permezz ta' approċċ intersezzjonali u trasformattiv fir-rigward tal-ġeneru, kemm f'termini tal-kopertura ġeografika u tal-oqsma tal-azzjoni tal-GAP III, kif ukoll f'termini tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-oqsma kollha tal-azzjoni esterna, kemm jekk kummerċ, politika tal-iżvilupp, għajnuna umanitarja, sigurtà jew setturi bħall-enerġija u l-agrikoltura; itenni li l-azzjonijiet biex jiġi implimentat il-GAP III jridu jkunu ggwidati mill-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-inugwaljanzi bejn il-ġeneri, u jippermettu l-parteċipazzjoni u l-inklużjoni sinifikanti tal-irġiel, in-nisa u l-gruppi żvantaġġati, u li l-fondi limitati u n-nuqqas ta' persunal huma fost l-ostakli fundamentali għall-implimentazzjoni tal-objettivi tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri; itenni li kwalunkwe sforz biex jintlaħqu l-għanijiet tal-GAP III jrid iqis id-diversità tan-nisa; ifakkar li l-GAP III għandu jiżgura l-Koerenza Politika għall-Iżvilupp permezz ta' valutazzjonijiet sistematiċi tal-impatt fuq il-ġeneru sabiex jiġi evitat kwalunkwe impatt negattiv tal-politiki tal-UE fuq id-drittijiet tan-nisa u l-bniet u fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi l-għodod prattiċi u politiċi meħtieġa biex tiżgura li l-prinċipji tal-GAP III jissarrfu mingħajr xkiel f'azzjonijiet u fil-prattika; jitlob li l-UE tkun ambizzjuża fil-promozzjoni ta' għanijiet li jwasslu għall-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza reali bejn il-ġeneri fost is-sħab esterni li l-UE trid taħdem magħhom;

7.  Jitlob li jiġi stabbilit programm ta' taħriġ estensiv u komprensiv li jsostni l-implimentazzjoni tal-GAP III b'mod partikolari dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, l-ibbaġitjar skont il-ġeneru u l-valutazzjoni tal-impatt fir-rigward tal-ġeneri, kif ukoll dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru; jisħaq fuq il-ħtieġa li jsir investiment fl-għarfien, fir-riżorsi u fl-għarfien espert intern dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fid-delegazzjonijiet tal-UE sabiex ikunu jistgħu jimplimentaw il-GAP III b'mod adegwat; jitlob li dawn il-programmi ta' taħriġ jitfasslu kemm jista' jkun għall-kuntest lokali u nazzjonali li l-GAP III jkun qed jiġi implimentat fih; jitlob li dawn il-korsijiet ta' taħriġ u l-għodod relatati jkunu disponibbli liberament u faċilment għas-sħab lokali interessati;

8.  Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' valutazzjoni regolari, esterna u indipendenti tar-riżultati tal-GAP III, f'kull livell u f'kull stadju, meta mqabbla mal-objettivi speċifiċi u li jistgħu jitkejlu stabbiliti, u li l-kontribut tas-soċjetà ċivili, l-NGOs u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra fil-post jitqies b'mod trasparenti u inklużiv; jitlob l-implimentazzjoni sistematika ta' analiżi rigoruża tal-ġeneru u l-użu ta' indikaturi u statistika sensittivi għall-ġeneru u diżaggregata skont is-sessi; jinsisti li l-valutazzjoni tal-GAP III għandha tevalwa l-implimentazzjoni tal-politiki kollha tal-UE rilevanti għall-azzjoni esterna tal-UE; jitlob li l-GAP III jinkorpora għodod ċari biex iżomm rendikont tal-ammont totali ta' nfiq fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jivvaluta l-impatt kwalitattiv ta' dawn l-inizjattivi f'termini ta' promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jistenna li l-linji bażi, l-indikaturi, l-azzjonijiet u l-miri speċifiċi u li jistgħu jitkejlu nieqsa jiżdiedu mad-Dokument ta' Ħidma mingħajr aktar dewmien, flimkien mal-pjanijiet direzzjonali u l-iskedi ta' żmien rispettivi għall-objettivi kollha; jisħaq fuq l-importanza tal-eżerċizzju ta' programmazzjoni tal-istrument Ewropa Globali bħala opportunità unika biex l-objettivi tal-GAP III jiġu implimentati;

9.  Jistieden lill-missjonijiet u lid-delegazzjonijiet tal-UE, lill-Istati Membri, lill-pajjiżi sħab u lill-gvernijiet lokali u reġjonali jikkooperaw mill-qrib fl-implimentazzjoni tal-GAP III bl-użu tal-għodod diplomatiċi u programmatiċi kollha għad-dispożizzjoni tagħhom, permezz ta' gwida xierqa mfassla u kondiviża permezz tad-delegazzjonijiet; ifakkar fl-importanza kbira tal-punti fokali tal-ġeneru u jitlob li r-rwol u l-viżibbiltà tagħhom jissaħħu; jilqa' l-introduzzjoni tas-CLIPs u jinsisti li s-CLIPs kollha jsiru pubbliċi u jiġu tradotti sabiex tiġi żgurata l-aċċessibbiltà għas-soċjetà ċivili lokali u l-organizzazzjonijiet ta' bażi;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ is-sinerġiji man-NU, il-pajjiżi sħab u l-partijiet ikkonċernati internazzjonali, biex b'mod konġunt tmexxi 'l quddiem u tilħaq il-miri internazzjonali relatati mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-Aġenda 2030 u l-SDGs tagħha, fid-Dikjarazzjoni ta' Beijing u l-Pjattaforma ta' Azzjoni tagħha, u fil-Programm ta' Azzjoni tal-ICPD u l-konferenzi ta' rieżami tagħha;

11.  Jitlob li jiġu stabbiliti rabtiet mill-qrib mal-OSĊ lokali, speċjalment dawk li jaħdmu biex jiddefendu d-drittijiet tan-nisa u l-bniet, inklużi dawk minn komunitajiet vulnerabbli, u mal-ministeri, il-gvernijiet reġjonali u lokali fil-pajjiżi sħab sabiex jissaħħu l-effikaċja u s-sjieda nazzjonali tal-implimentazzjoni tal-GAP III u s-CLIPs tiegħu; jitlob, barra minn hekk, djalogu annwali politiku u dwar il-politika mal-Parlament Ewropew rigward l-implimentazzjoni tal-GAP III, li jinkludi l-partijiet ikkonċernati u, b'mod partikolari, l-awtoritajiet lokali, is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tan-nisa; itenni l-istedina tiegħu lill-missjonijiet u lid-delegazzjonijiet tal-UE biex jibdew djalogu sinifikanti mal-OSĊ u biex jagħtu u jiskambjaw informazzjoni dwar il-mod kif l-input tagħhom intuża u ssarraf f'politiki relatati mal-ġeneru;

12.  Jilqa' l-enfasi tal-GAP III fuq iż-żgħażagħ bħala xprunaturi tal-bidla; jitlob lill-UE tiżgura li n-nisa u l-bniet, kif ukoll l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa u ta' bażi, b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet immexxija mill-bniet u miż-żgħażagħ u l-persuni tal-ewwel rispons umanitarju tal-ewwel linja mmexxija min-nisa, jipparteċipaw b'mod sinifikanti u jkollhom rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-GAP III fil-pajjiżi tagħhom, permezz ta' finanzjament u taħriġ; itenni l-importanza u l-valur miżjud tal-għarfien espert tal-attivisti lokali, l-organizzazzjonijiet ta' bażi u/jew esperti u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, u l-involviment fit-tul magħhom, dwar kwistjonijiet relatati mal-ġeneru, sabiex il-proġetti relatati mal-ġeneru jiġu adattati għall-kuntest soċjoekonomiku u kulturali lokali;

13.  Jappella għal kollaborazzjoni aktar b'saħħitha u sistematika bejn il-partijiet ikkonċernati involuti fl-implimentazzjoni tal-GAP III, inkluż bejn id-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-UE jikkunsidraw lill-gvernijiet lokali u reġjonali bħala atturi ewlenin fil-politika tal-iżvilupp, peress li huma l-livell demokratiku l-aktar qrib iċ-ċittadini u huma fl-aħjar pożizzjoni biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-iżvilupp sostenibbli; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' ħidma mill-qrib mal-komunitajiet rurali u l-mexxejja tal-komunità biex titrawwem il-firxa ta' programmi ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri kullimkien;

14.  Jappella għall-inklużjoni ta' mira speċifika għall-finanzjament tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u s-soċjetà ċivili; jappella għal finanzjament pluriennali, flessibbli, dirett, adegwat u suffiċjenti għall-OSĊ u n-networks lokali fid-diversità kollha tagħhom, speċjalment dawk li jaħdmu biex jiddefendu d-drittijiet tan-nisa, tal-bniet u ta' komunitajiet vulnerabbli oħra, u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem li jaħdmu biex itejbu l-qafas legali tal-pajjiżi; jistieden lill-Kummissjoni tressaq mekkaniżmi u prattiki ta' finanzjament simplifikati biex l-organizzazzjonijiet iżgħar ta' bażi jkunu jistgħu jaċċessaw il-finanzjament tal-UE għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jikkundanna kull forma ta' ripressjoni ta' attivisti favur id-drittijiet tan-nisa, inklużi d-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem, u jħeġġeġ lill-gvernijiet kollha jipproteġu u jappoġġaw lis-soċjetà ċivili, u jikkooperaw magħha;

15.  Jisħaq li d-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem jinsabu f'pożizzjoni estremament vulnerabbli, speċjalment f'żoni ta' kunflitt u f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt u ta' wara kunflitt; jilqa' l-appell għal kollaborazzjoni mad-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem, u għal promozzjoni ta' ambjent sikur għalihom, u jistieden lill-Kummissjoni tipproteġihom permezz ta' azzjonijiet u mekkaniżmi adegwati, flimkien mal-allokazzjoni ta' riżorsi ddedikati lid-delegazzjonijiet tal-UE;

16.  Jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE jimplimentaw b'mod strett il-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward ta' attivisti li jiddefendu d-drittijiet tan-nisa, speċjalment rigward id-dmirijiet li jirrapportaw dwar korpi governattivi responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem u li jipprovdu perkorsi legali lill-attivisti meta u kif meħtieġ; jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) jirrapporta kull sena lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem;

17.  Jissottolinja li huwa meħtieġ finanzjament suffiċjenti permezz tal-proċess ta' programmazzjoni tal-UE għall-implimentazzjoni effettiva tal-GAP III; jappella bil-qawwa biex il-GAP III jkun koordinat iktar mill-qrib ma' inizjattivi oħra, bħall-Inizjattiva Spotlight, li l-baġit tagħha għandu jiżdied, filwaqt li l-effikaċja tiegħu jeħtieġ li tittejjeb f'konformità mal-valutazzjoni reċenti ta' nofs it-terminu tiegħu, u billi jittieħdu tagħlimiet mill-kuntest il-ġdid maħluq mill-pandemija tal-COVID-19; jilqa' l-Inizjattiva Spotlight u l-għan tagħha li telimina kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet; jitlob li l-fondi allokati għall-Inizjattiva Spotlight jiġġeddu wara li l-programm attwali jintemm fl-2022, u li l-programm jittawwal matul il-perjodu ta' finanzjament pluriennali kollu u fis-sottoreġjuni kollha;

18.  Jissottolinja li l-SDG 5 għandu jikseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jsaħħaħ il-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet kollha, u li dan l-għan irid jiġi integrat fid-diversi oqsma li fihom l-UE għandha s-setgħa li taġixxi; jiddeplora l-fatt li l-SDG 5 huwa wieħed mit-tliet SDGs bl-inqas finanzjament; jinnota b'apprezzament li l-GAP III jqis l-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala prijorità trażversali tal-azzjoni esterna tal-UE fil-ħidma tagħha ta' politika u programmazzjoni; itenni l-ħtieġa li l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri tiġi integrata b'mod xieraq fis-setturi kollha tal-azzjoni esterna tal-UE, u li l-prijoritajiet ta' Ewropa Globali fil-pajjiżi sħab, kif ukoll l-Inizjattivi ta' Tim Ewropa, għandhom ikunu trasformattivi fir-rigward tal-ġeneru, f'konformità mal-GAP III, u speċjalment fil-każ tal-għajnuna umanitarja;

19.  Jilqa' l-fatt li 85 % tal-azzjonijiet esterni ġodda kollha se jkunu obbligati jinkorporaw il-ġeneru bħala objettiv sinifikanti jew prinċipali; jilqa' l-għan tal-Kummissjoni li, għal 5 % tal-programmi ta' azzjoni esterna l-ġodda tagħha, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tkun l-objettiv ewlieni; jilqa' wkoll l-inklużjoni ta' mill-inqas inizjattiva waħda għal kull pajjiż li jkollha l-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala objettiv ewlieni tagħha; ifakkar li l-mira ta' 5 % diġà nkisbet fl-2019 u jitlob li fil-GAP III jiġu inklużi ambizzjoni akbar, appoġġ akbar u finanzjament allokat konkret għal inizjattivi relatati mal-ġeneru; jitlob li 20 % tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) f'kull pajjiż tiġi allokata għal programmi li jkollhom l-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala wieħed mill-objettivi prinċipali tagħhom; jitlob li tiġi stabbilita mira speċifika ta' 85 % tal-finanzjament tal-ODA tal-UE li tiġi ddedikata għal programmi li jkollhom l-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala objettiv prinċipali jew sinifikanti; jistenna, u għalhekk jitlob, li l-UE u l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom li ebda ODA ma tintefaq fuq proġetti li jistgħu jreġġgħu lura jew jagħmlu ħsara lill-kisbiet fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jisħaq li l-objettivi stabbiliti għandhom jiġu kkwantifikati wkoll f'termini ta' finanzjament dedikat u mhux biss bħala perċentwal tal-programmi globali;

20.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-SEAE jmexxu bl-eżempju u jiffukaw fuq l-istrutturi interni tagħhom stess; jisħaq fuq l-importanza ta' tmexxija reattiva għal kwistjonijiet ta' ġeneru fil-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-implimentazzjoni xierqa tal-GAP III; jilqa' l-impenn li tiġi żgurata ġestjoni bilanċjata bejn il-ġeneri fil-kwartieri ġenerali tas-SEAE u fis-servizzi esterni tal-Kummissjoni, fid-delegazzjonijiet tal-UE u fil-missjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK); jiddispjaċih għall-fatt, madankollu, li s-SEAE għadu 'l bogħod milli jilħaq il-mira li 50 % tal-persuni f'pożizzjonijiet maniġerjali jkunu nisa u jistieden lill-VP/RGħ attwali jimplimenta bis-sħiħ l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-livelli kollha, kif ippjanat; jilqa' l-impenn li jiġi introdott taħriġ dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-GAP III għall-maniġers kollha fil-kwartieri ġenerali u fid-delegazzjonijiet tal-UE, u jitlob li din il-miżura tkun obbligatorja u tiġi estiża għall-persunal kollu li jaħdem fl-azzjoni esterna tal-UE;

21.  Jinnota li s-SEAE għandu jkun minn ta' quddiem biex il-ġeneru jsir komponent ewlieni tal-azzjoni esterna, u li għandu jinċentiva u jappoġġa politikament lid-delegazzjonijiet tal-UE biex jagħmlu l-istess fil-livell tal-pajjiżi sħab; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-ittri ta' missjoni u d-deskrizzjonijiet tal-impjiegi tal-Kapijiet ta' Delegazzjoni jinkludu referenza speċifika għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-implimentazzjoni tal-GAP III, u l-importanza li d-delegazzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jaħdmu flimkien u jikkonsultaw lil xulxin b'mod sistematiku sabiex jiżguraw l-integrazzjoni sħiħa tal-GAP u l-approċċ trasformattiv fir-rigward tal-ġeneru, ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem u intersezzjonali tiegħu, fl-ippjanar tal-programmi indikattivi pluriennali; jilqa' l-impenn tal-GAP III li jiżgura li s-servizzi esterni kollha tad-delegazzjonijiet u l-kwartieri ġenerali tal-EU jkollhom Konsulenti dwar il-Ġeneru / Persuni/Punti Fokali dwar il-Ġeneru (GFP), iżda jisħaq fuq il-ħtieġa li dawn il-pożizzjonijiet ikunu fuq bażi full-time u jkollhom riżorsi suffiċjenti biex iwettqu l-kompiti tagħhom; jitlob għal darb'oħra li l-konsulenti dwar il-ġeneru jinħatru wkoll f'missjonijiet militari tal-PSDK;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jiġbru data rilevanti dwar ir-riżorsi umani, diżaggregata skont il-ġeneru, biex jivvalutaw in-numru ta' nomini, kandidati fil-lista qasira, selezzjonijiet, estensjonijiet ta' kuntratti u t-tul tal-istazzjonament, fost kriterji oħra, u jsegwu l-progress, kif ukoll iwettqu intervisti sistematiċi man-nisa u l-persuni li jappartjenu għal gruppi żvantaġġati dwar ir-raġunijiet tagħhom għat-tluq mill-karigi;

23.  Jiddispjaċih għall-fatt li l-kwistjoni importanti tad-diversità ġiet raggruppata fir-rwol tal-Konsulent tas-SEAE dwar il-Ġeneru u d-Diversità, u jistieden lis-SEAE jagħti l-importanza meħtieġa kemm lill-ugwaljanza bejn il-ġeneri kif ukoll lill-Aġenda WPS, kif ukoll lid-diversità u l-inklużjoni, u jistabbilixxi rwol wieħed għal kull waħda minn dawn il-kwistjonijiet, u jsaħħaħ dawn ir-rwoli, il-mandati, ir-riżorsi u s-setgħat tagħhom; jappella għall-ħatra ta' konsulent dedikat dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri f'kull direttorat tas-SEAE, li jirrapporta direttament lill-Konsulent tas-SEAE dwar il-Ġeneri u d-Diversità, u jħeġġeġ kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi;

24.  Jisħaq li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija dritt tal-bniedem, kruċjali għall-iżvilupp sostenibbli u l-ekonomiji intelliġenti, li minnhom jibbenefikaw kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel, fid-diversità kollha tagħhom, inkluża l-komunità LGBTIQ+; jinnota li l-inugwaljanza bejn il-ġeneri hija aggravata minn forom oħra ta' inugwaljanza; jisħaq li l-inugwaljanzi għandhom konsegwenzi soċjoekonomiċi estensivi għas-soċjetajiet kollha u li dan għandu jitqies mill-partijiet ikkonċernati reżistenti għall-bidla; jenfasizza li l-impenji kollha tal-UE jkunu aktar effettivi jekk l-azzjoni tal-UE tieħu approċċ intersezzjonali għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri; itenni l-appell biex l-azzjoni kollha tal-UE tqis l-identitajiet intersezzjonali u tirrikonoxxi li n-nisa u l-bniet fid-diversità kollha tagħhom mhumiex affettwati b'mod ugwali mill-inugwaljanzi bejn il-ġeneri;

25.  Jilqa' l-inklużjoni tal-intersezzjonalità bħala prinċipju ewlieni tal-GAP III, iżda jesprimi dispjaċir għan-nuqqas ta' miri, indikaturi u azzjonijiet speċifiċi sabiex tiġi implimentata; jenfasizza l-impenn tal-Kummissjoni u tas-SEAE li jipproteġu lill-persuni LGBTIQ+ u jippermettulhom jasserixxu d-drittijiet tagħhom madwar id-dinja;

26.  Jilqa' r-referenza li saret fil-GAP III għall-potenzjal tal-proċess ta' adeżjoni tal-UE għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-pajjiżi kandidati u f'pajjiżi kandidati potenzjali; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' djalogu politiku b'saħħtu u assistenza teknika biex l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tiddaħħal fil-politiki tat-tkabbir u tal-viċinat; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jagħmlu użu akbar min-negozjati tal-adeżjoni bħala lieva biex it-tkabbir ikun ta' suċċess għan-nisa;

27.  Jilqa' l-fatt li l-GAP III jindirizza l-vulnerabbiltà estrema tan-nisa u tal-bniet migranti; jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni tan-nisa u tal-bniet mobbli, fir-rotot migratorji jew fil-kampijiet, u jitlob speċifikament li jiġi ggarantit l-aċċess tagħhom għall-ilma, għas-sanità u għall-iġjene, għall-SRHR u għall-kura tas-saħħa materna;

Seba' oqsma ta' azzjoni

L-eliminazzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru

28.  Jilqa' l-fatt li l-ewwel qasam ta' impenn tal-GAP III jiffoka fuq l-eliminazzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru; jitlob li tiżdied l-azzjoni msaħħa, koordinata u olistika biex jiġu miġġielda l-femminiċidju u l-forom kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru online u offline, b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt u ta' emerġenza fejn in-nisa u l-bniet ikunu f'sitwazzjonijiet aktar vulnerabbli, u li ssir enfasi fuq in-nisa u l-bniet li huma aktar probabbli li jkunu vittmi ta' vjolenza bħan-nisa u l-bniet b'diżabilità; jisħaq fuq il-ħtieġa li ssir ħidma mal-pajjiżi sħab bl-għan li jiġu kriminalizzati l-forom kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru;

29.  Jitlob li ttieħed azzjoni urġenti biex jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, b'approċċ trasformattiv u intersezzjonali fir-rigward tal-ġeneru, speċjalment meta titqies iż-żieda sostanzjali fil-femminiċidju u f'forom oħra ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru fil-kuntest tal-pandemija; jilqa' l-enfasi tal-Kummissjoni fuq il-promozzjoni tal-prevenzjoni billi tisfida n-normi dannużi tal-ġeneru; jisħaq, f'dan ir-rigward, li huwa essenzjali li ssir ħidma mal-pajjiżi sħab u mal-OSĊ biex jiġu miġġielda l-istereotipi marbuta mal-ġeneru f'kull aspett tal-ħajja soċjali; jistieden lid-delegazzjonijiet u lill-Istati Membri tal-UE jużaw il-mezzi diplomatiċi kollha possibbli biex jippromwovu l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni li tipprevedi l-ugwaljanza strutturali bejn il-ġeneri f'kull aspett;

30.  Ifakkar li t-taħriġ obbligatorju għall-persunal kollu fis-SEAE, fil-Kummissjoni, fid-delegazzjonijiet tal-UE u fil-missjonijiet u fl-operazzjonijiet tal-PSDK għandu jinkludi programmi komprensivi għall-identifikazzjoni tal-vittmi ta' vjolenza sesswali u/jew abbażi tal-ġeneru relatata mal-kunflitti kif ukoll programmi ta' prevenzjoni, minbarra t-taħriġ għall-persunal kollu tal-UE, inkluż persunal militari u tal-pulizija; iħeġġeġ lill-UE teżerċita l-influwenza kollha possibbli biex tiżgura li l-awturi ta' stupri tal-massa fil-gwerra jiġu rrappurtati, identifikati, soġġetti għal proċeduri kriminali u kkastigati f'konformità mad-dritt kriminali internazzjonali; ifakkar li l-Istatut ta' Ruma jipprovdi qafas legali permanenti biex il-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru (SGBV) tiġi indirizzata b'mod estensiv bħala delitt kontra l-umanità u jistieden, għalhekk, lill-UE tappoġġa b'mod attiv l-attività indipendenti u essenzjali tal-Qorti Kriminali Internazzjonali kemm politikament kif ukoll finanzjarjament; jilqa' l-inklużjoni tal-SGBV fil-kriterji għall-impożizzjoni ta' sanzjonijiet fil-qafas tar-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu użu effettiv minnu;

31.  Jisħaq li ż-żwieġ furzat u tat-tfal huwa ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jagħmel lill-bniet partikolarment vulnerabbli għall-vjolenza u l-abbuż; jirrimarka li l-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF) hija rikonoxxuta fuq livell internazzjonali bħala ksur tad-drittijiet tal-bniedem, b'200 miljun vittma fid-dinja kollha u 500 000 vittma fl-UE biss, u mill-inqas tliet miljun tifla huma f'riskju li jkunu soġġetti għal mutilazzjoni ġenitali kull sena; jissottolinja li l-MĠF u ż-żwieġ furzat huma affront għad-dinjità tan-nisa bħala persuni; jitlob li tittieħed azzjoni integrata biex jiżdied l-għarfien dwar il-MĠF u ż-żwiġijiet furzati, u biex dawn jiġu evitati, b'mod partikolari f'kuntesti ta' kunflitt u ta' emerġenza; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura approċċ koerenti fit-tul biex il-MĠF titwaqqaf kemm fl-UE kif ukoll barra l-UE billi jittejbu s-sinerġiji bejn il-programmi interni u esterni tal-UE; itenni t-talba tiegħu li jiġu inkorporati miżuri ta' prevenzjoni tal-MĠF fl-oqsma kollha ta' politika fl-azzjoni esterna tagħha;

32.  Jirrimarka li n-nisa u l-bniet jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-vittmi tat-traffikar u l-isfruttament sesswali; jappella għal kapaċità ta' tmexxija u monitoraġġ akbar mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri, u għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali biex jintemmu l-prattiki dannużi msemmija hawn fuq li jwasslu għal tali forom ta' skjavitù; ifakkar li l-vulnerabbiltà tan-nisa għat-traffikar u l-isfruttament sesswali hija aggravata fi żminijiet ta' tbatija ekonomika, kunflitt armat u sitwazzjonijiet ta' emerġenza; jappella għal aktar integrazzjoni tal-ġlieda kontra t-traffikar tan-nisa u tal-bniet fl-objettivi tal-GAP III u għal sinerġiji akbar mal-Istrateġija tal-UE dwar il-Ġlieda Kontra t-Traffikar ta' Bnedmin (2021-2025);

L-iżgurar tal-aċċess tan-nisa għall-kura tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi

33.  Itenni li l-SRHR huma drittijiet tal-bniedem u jikkostitwixxu elementi fundamentali tad-dinjità tal-bniedem u tat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa; jesprimi tħassib dwar ir-rigressjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa, u ż-żieda tar-retorika konservattiva misoġinista u ta' gruppi organizzati reliġjużi u oħrajn, li taf tikkomprometti, fost affarijiet oħra, l-aċċess għall-SRHR kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll barra minnha; jisħaq li r-retroattività leġiżlattiva dwar l-abort timmina l-protezzjoni tas-saħħa, id-drittijiet u d-dinjità tan-nisa, u tpoġġi lin-nisa l-aktar soċjalment u ekonomikament vulnerabbli f'riskju akbar; jinnota li l-UE għandha tkun eżempju ewlieni fid-dinja f'termini ta' promozzjoni tal-SRHR, ħielsa mill-koerċizzjoni, il-vjolenza, id-diskriminazzjoni u l-abbuż; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri kollha jiżguraw aċċess universali għall-SRHR fit-territorji tagħhom;

34.  Jiddeplora l-fatt li, f'ħafna reġjuni fid-dinja, l-aċċess għas-saħħa sesswali u riproduttiva, inkluż għal abort sikur u legali, ġie limitat immens u spiss ġie kriminalizzat; jisħaq li n-nisa fqar, minn żoni rurali u li ġejjin minn minoranzi huma l-vittmi prinċipali; jissottolinja l-ħtieġa li ssir enfasi fuq il-gruppi kollha ta' età, inklużi l-bniet u n-nisa żgħażagħ, u li jiġu pprovduti informazzjoni, edukazzjoni u aċċess rilevanti għall-SRHR, inklużi l-kura ta' qabel it-twelid, l-abort sikur u legali u l-kontraċezzjoni; jisħaq fuq l-importanza li jibqgħu jiġu sfidati n-normi diskriminatorji li jagħmluha diffiċli għan-nisa, il-bniet u l-persuni LGBTIQ+ li jgawdu l-SRHR tagħhom, kif ukoll l-istereotipi li jwasslu għal diskriminazzjoni kontra nisa emarġinati waqt il-ħlas;

35.  Jisħaq fuq l-importanza li tittejjeb id-disponibbiltà ta' metodi ta' kontraċezzjoni fil-pajjiżi sħab, speċjalment għall-bniet adolexxenti; jafferma li n-nisa u l-bniet adolexxenti kollha għandhom id-dritt jagħmlu l-għażliet liberi u infurmati tagħhom fir-rigward tal-SRHR tagħhom; ifakkar li l-kwalità tal-kura tas-saħħa materna hija indikatur importanti tal-iżvilupp ta' pajjiż; jemmen li l-UE għandha tgħin lill-pajjiżi sħab jirrispettaw id-dritt għas-saħħa fil-kuntest tat-tqala u l-ħlas permezz tal-istabbiliment ta' servizzi tas-saħħa materna deċenti li jnaqqsu b'mod effettiv il-mortalità tat-trabi u l l-imwiet relatati ma' kumplikazzjonijiet waqt il-ħlas;

36.  Jitlob li l-GAP III jagħti prijorità għolja lill-ugwaljanza bejn il-ġeneri u lill-SRHR fir-rispons tal-għajnuna umanitarja tal-UE u tal-Istati Membri, kif ukoll obbligu ta' rendikont u aċċess għall-ġustizzja u rimedju għal ksur tad-drittijiet sesswali u riproduttivi u għal vjolenza abbażi tal-ġeneru, kemm f'termini ta' għoti ta' taħriġ lill-atturi umanitarji kif ukoll f'termini ta' finanzjament;

37.  Jitlob li l-GAP III jagħti importanza akbar lill-SRHR, minħabba r-riperkussjonijiet serji li l-pandemija kellha fuq in-nisa u l-bniet fil-pajjiżi sħab, u jikkoordina u jallokalhom finanzjament adegwat, flessibbli u kontinwu u mmirat meta jiġi pprogrammat l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali; jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jikkunsidraw l-SRHR bħala prijorità fil-proċess ta' programmazzjoni tal-azzjoni esterna tal-UE, inkluż fil-programmazzjoni konġunta; jissottolinja r-rwol kruċjali tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi bħala fornituri tas-servizzi, u jippromwovi l-SRHR;

38.  Jisħaq fuq l-importanza tal-SRHR fir-rigward tal-ġisem u l-awtonomija tan-nisa u l-bniet, u jinsisti li l-SRHR jiġu ttrattati bħala kwistjonijiet ta' saħħa pubblika aċċessibbli għal kulħadd mingħajr diskriminazzjoni; jappella għal aċċess universali għal edukazzjoni sesswali komprensiva (CSE) adatta għall-età, kontraċezzjoni effettiva, il-prevenzjoni tal-HIV u tal-infezzjonijiet trażmessi sesswalment, u l-abort sikur u legali; jitlob li l-programmi CSE jindirizzaw ir-relazzjonijiet interpersonali, l-orjentazzjoni sesswali, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, in-normi tal-ġeneru, il-prevenzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-kunsens, u jipprovdu informazzjoni dwar il-pubertà, iċ-ċiklu mestrwali, it-tqala u l-ħlas, il-kontraċezzjoni u l-prevenzjoni tal-mard trażmess sesswalment;

39.  Jaċċentwa l-ħtieġa li l-età titqies f'azzjonijiet relatati mal-SRHR, pereżempju billi jiġu żgurati informazzjoni u servizzi aċċessibbli u favur iż-żgħażagħ; jisħaq li l-UE għandha tħeġġeġ lill-pajjiżi sħab jinkludu dawn il-kwistjonijiet fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom għas-saħħa pubblika; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom favur l-objettivi tal-GAP III dwar l-SRHR u jħejju "pjanijiet ta' implimentazzjoni fil-livell tal-pajjiż" li jagħtu prijorità lill-SRHR;

40.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi promoss l-aċċess għall-edukazzjoni fil-livelli kollha u fil-kuntesti kollha sabiex jitnaqqsu ż-żwieġ bikri, it-tqala fost it-tfajliet adolexxenti u d-dipendenza ekonomika; jitlob li jissaħħu l-isforzi biex jiġi pprevenut l-assenteiżmu sabiex il-bniet li jsiru ommijiet ikunu jistgħu jerġgħu lura l-iskola u jlestu l-edukazzjoni tagħhom u jiġu inklużi fis-suq tax-xogħol;

41.  Jappella għal miżuri kontra l-assenteiżmu tal-bniet mill-iskola waqt il-mestrwazzjoni tagħhom billi jittejbu s-sanità tal-ilma, is-servizzi tal-iġjene u l-faċilitajiet tal-iġjene mestrwali fl-iskejjel, u billi jiġi indirizzat il-faqar mestrwali u tiġi miġġielda l-istigmatizzazzjoni f'dan il-qasam, inkluż il-ħidma ma' nisa, bniet u ma' rġiel u subien; jitlob sinerġiji akbar bejn il-programmi li jindirizzaw is-saħħa, l-SRHR u s-servizzi tal-ilma, is-sanità u l-iġjene fl-iskejjel u l-appoġġ personali għall-bniet;

42.  Jiġbed l-attenzjoni għall-inugwaljanzi u d-disparitajiet intersezzjonali bejn in-nisa u l-irġiel fl-aċċess għall-kura tas-saħħa u l-kwalità tal-kura tas-saħħa pprovduta, filwaqt li jitqies in-nuqqas ta' kura tas-saħħa u servizzi reattivi għal kwistjonijiet ta' ġeneru; jappella għal aċċess universali għal faċilitajiet għall-informazzjoni dwaril-mard tan-nisa, bħall-endometrijożi u l-kanċer ċervikali, u l-mard trażmess sesswalment, bħall-HIV, u l-prevenzjoni, id-dijanjożi, il-kura u t-trattament tiegħu,; jitlob lill-Unjoni Ewropea tappoġġja l-implimentazzjoni tal-istrateġija globali tal-WHO biex jingħeleb il-kanċer ċervikali;

43.  Jistieden lill-pajjiżi sħab jiffinanzjaw b'mod adegwat, isaħħu s-sistemi pubbliċi tagħhom u jwettqu riċerka dwar is-saħħa tan-nisa madwar id-dinja sabiex isir progress fl-għarfien ta' kwistjonijiet ta' ġeneru u sess fl-oqsma tal-prevenzjoni, id-dijanjożi, it-trattament u r-riċerka tal-mard; jitlob ukoll li titqajjem il-kuxjenza tal-pubbliku dwar kwistjonijiet ta' saħħa relatati mal-ġeneru;

44.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri jadottaw politika tas-saħħa pubblika li tqiegħed enfasi speċjali fuq il-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard billi tiggarantixxi kura tas-saħħa universali u ta' kwalità għolja u tiżgura d-disponibbiltà tar-riżorsi meħtieġa biex jiġu miġġielda l-problemi ewlenin tas-saħħa pubblika;

Il-promozzjoni tad-drittijiet u l-ugwaljanza ekonomiċi u soċjali u l-iżgurar tal-awtonomija tan-nisa u l-bniet

45.  Itenni li l-kriżi u l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali li jirriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19 qed iħallu impatt sproporzjonat fuq l-aċċess tan-nisa għas-suq tax-xogħol; jisħaq fuq l-importanza u l-ħtieġa li l-UE tappoġġja l-iżvilupp u l-inklużjoni ta' dimensjoni tal-ġeneru intersezzjonali fil-pjanijiet kollha ta' rkupru wara l-COVID-19 fil-pajjiżi sħab u fl-inizjattivi ta' Tim Ewropa; jenfasizza l-ħtieġa ta' rispons sensittiv għall-ġeneru għall-COVID-19 fl-implimentazzjoni tal-GAP III biex jitqiesu ċ-ċirkostanzi uniċi tan-nisa u tal-bniet u biex jiġu stimulati opportunitajiet ta' wara l-kriżi; jistieden lill-Kummissjoni tintegra d-dimensjoni tal-ġeneru u tinkludi azzjonijiet trasformattivi fir-rigward tal-ġeneru fil-miżuri kollha relatati mal-pandemija tal-COVID-19 fil-pajjiżi sħab, inkluż fil-pjanijiet u l-miżuri ta' rkupru, u tappoġġja proġetti, inklużi dawk finanzjarji, b'tali mod li jinkludu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jisħaq li forom ġodda ta' finanzjament bħal bonds tal-ġeneru jistgħu jagħtu spinta lil ekonomiji nazzjonali filwaqt li jippermettu t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa;

46.  Huwa tal-fehma li x-xogħol huwa ċentrali biex tiġi indirizzata l-inugwaljanza; jappoġġja n-negozjar kollettiv bħala mezz mhux biss biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol iżda wkoll biex tiġi indirizzata l-inugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa;

47.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tirrikjedi konformità mal-konvenzjonijiet rilevanti tal-ILO u tan-NU fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fir-rieżami li jmiss tagħha tar-Regolament dwar Skema Ġeneralizzata ta' Preferenzi; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi b'mod effettiv l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-kapitoli kollha dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli u tiżgura li l-kummerċ u l-investiment ma jżidux l-inugwaljanza bejn il-ġeneri; jisħaq li l-valutazzjonijiet kollha tal-impatt marbuta mal-kummerċ għandhom iqisu l-fehmiet tal-OSĊ;

48.  Jisħaq li l-appoġġ finanzjarju għan-nisa għandu jimxi id f'id mat-taħriġ, l-aċċess għall-informazzjoni, it-tisħiħ tal-ħiliet tagħhom u l-għarfien tad-drittijiet fundamentali tagħhom;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu mal-pajjiżi sħab biex jipprevjenu u jindirizzaw il-fastidju fuq in-nisa fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll biex jippromwovu r-ratifika tal-Konvenzjoni tal-ILO dwar il-Vjolenza u l-Fastidju (Nru 190);

50.  Jappella biex il-GAP III jippromwovi l-attivitajiet ekonomiċi tan-nisa u l-aċċess tagħhom għall-għodda ekonomiċi u soċjali meħtieġa, u għar-riżorsi u l-protezzjoni soċjali, speċjalment fil-kuntesti ta' emerġenza; jisħaq fuq l-importanza tal-parteċipazzjoni tan-nisa fl-ekonomija madwar id-dinja għall-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir ekonomiku inklużiv u sostnut, intrinsikament marbuta mal-għan globali tal-qerda tal-faqar kif deskritt fl-SDGs; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw u jippromwovu mekkaniżmi ta' protezzjoni soċjali reattivi għal kwistjonijiet ta' ġeneru, inklużi trasferimenti ta' flus, biex tittejjeb il-kapaċità tal-pajjiżi sħab fir-rispons għall-kriżijiet u x-xokkijiet esterni;

51.  Jistieden lill-UE u lill-pajjiżi sħab jadottaw miżuri li jgħinu biex in-nisa jsiru aktar impjegabbli u jipprovdulhom impjiegi deċenti, aċċess għal finanzjament u opportunitajiet ta' negozju, inkluż billi jappoġġjaw organizzazzjonijiet lokali mmexxija min-nisa, u jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tagħhom fit-trade unions u fil-union tax-xogħol; jenfasizza l-importanza li jissaħħaħ l-aċċess għal, pereżempju, il-mikrokreditu bil-għan li jiġu ffaċilitati u stimulati l-kreattività u l-intraprenditorja tan-nisa fuq skala iżgħar;

52.  Jenfasizza l-ħtieġa li titqies il-komplementarjetà ta' azzjonijiet oħra biex tiġi żgurata l-effettività tagħhom, bħan-nuqqas ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, l-aċċess għal xogħol deċenti u għall-indukrar tat-tfal u l-anzjani affordabbli; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsaħħu l-pożizzjoni tal-ommijiet u l-missirijiet madwar id-dinja, u jipproteġuhom, u jaħdmu ma' pajjiżi sħab biex jiggarantixxu liv xieraq tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri, u jadottaw miżuri prattiċi biex jiżguraw dik il-protezzjoni, flimkien mal-investiment fis-servizzi tal-indukrar tat-tfal u tal-edukazzjoni;

53.  Jisħaq li l-UE għandha tappoġġja l-ħolqien ta' Strument Vinkolanti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem fi ħdan il-qafas tan-NU sabiex tiggarantixxi bis-sħiħ it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet tan-nisa;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu ma' pajjiżi sħab biex jiffinanzjaw u jippromwovu miżuri li jindirizzaw il-piż sproporzjonat tax-xogħol mhux imħallas li n-nisa jridu jġorru, u jappoġġjaw azzjonijiet li jgħinu lill-ħaddiema nisa jgħaddu mill-ekonomija informali għall-ekonomija formali; jissottolinja li n-nisa u l-irġiel għandhom jikkondividu b'mod ugwali r-responsabbiltajiet domestiċi u ta' indukrar mhux imħallsa; jitlob li jsiru passi konkreti lejn ir-rikonoxximent, it-tnaqqis u r-ridistribuzzjoni tal-indukrar u tax-xogħol domestiku mhux imħallsin;

55.  Jitlob li jiġu promossi b'mod attiv ir-rwol tan-nisa fl-ekonomija u fis-soċjetà kif ukoll il-parteċipazzjoni tagħhom fihom, u r-rikonoxximent tad-drittijiet ċivili u legali tagħhom, inkluż id-dritt li jkollhom proprjetà, l-aċċess għall-kreditu bankarju u d-dritt li jipparteċipaw f'setturi ekonomiċi differenti u fil-ħajja politika, l-iktar permezz tal-promozzjoni ta' politiki makroekonomiċi reattivi għal kwistjonijiet ta' ġeneru; jiddispjaċih għall-fatt li d-dritt għal paga ugwali għal xogħol ugwali ta' valur ugwali mhuwiex awtomatiku f'ħafna ċirkostanzi, kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE, anke meta mnaqqax fil-liġi, u jisħaq li l-kawża ewlenija ta' din id-diskriminazzjoni jeħtieġ li tiġi indirizzata;

56.  Jissottolinja li huwa essenzjali li s-settur privat jiġi involut fil-kisba tal-objettivi stabbiliti fil-GAP III u jinżamm responsabbli fil-każ ta' ksur tad-drittijiet tan-nisa mwettqa matul attivitajiet korporattivi; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-perspettiva tal-ġeneru fil-proposta leġiżlattiva li jmiss tagħha dwar id-diliġenza dovuta korporattiva;

57.  Jisħaq li l-awtonomija ekonomika u soċjali tan-nisa hija kruċjali għal tkabbir sostenibbli u inklużiv; jappella għal sforz komprensiv biex jiġu pprovdut aċċess għall-edukazzjoni ta' kwalità għolja għall-bniet u għan-nisa u għal taħriġ ta' kwalità dwar il-ħiliet, u għodda effettivi li jikkontribwixxu għall-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol, b'mod partikolari f'ambjenti ta' emerġenza u ta' spostament; jirrakkomanda bil-qawwa li l-pajjiżi sħab jagħtu spinta lill-investiment fl-edukazzjoni ta' kwalità u inklużiva, b'appoġġ mill-baġit tal-UE; jissottolinja li l-appoġġ baġitarju tal-UE, li wera l-effiċjenza tiegħu fil-qasam tal-edukazzjoni, jibqa' l-mezz ppreferut biex ikun possibbli l-aċċess għal edukazzjoni inklużiva u ta' kwalità għal kulħadd fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jilqa' l-intenzjoni li jiżdied il-finanzjament ġenerali għall-edukazzjoni b'10 % tal-baġit għall-għajnuna umanitarja ddedikat għal finanzjament għall-edukazzjoni f'emerġenzi;

58.  Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' appoġġ għall-investiment sostanzjali fis-servizzi tas-saħħa u tal-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni affordabbli u trasport pubbliku sikur, affordabbli u aċċessibbli, kemm fiż-żoni rurali kif ukoll f'dawk urbani, bil-ħsieb li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet pubbliċi u jingħata kontribut għall-indipendenza, l-ugwaljanza u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa; ifakkar li trid tingħata attenzjoni speċjali lil dawn il-kwistjonijiet fi Stati fraġli u ta' wara l-kunflitt, fejn l-UE se timplimenta wkoll proġetti ta' żvilupp biex tgħin tindirizza n-nuqqas ta' drittijiet għal akkomodazzjoni, art u proprjetà għan-nisa;

59.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda fid-distakk diġitali bejn il-ġeneri f'ħafna pajjiżi, li timpedixxi l-aċċess ugwali għall-informazzjoni u s-servizzi diġitali; jisħaq fuq l-importanza tal-promozzjoni tal-litteriżmu diġitali, kif ukoll l-aċċess għall-għodod diġitali u l-affordabbiltà tagħhom u l-aċċess għas-suq tax-xogħol; jitlob żieda fil-finanzjament immirat u boroż ta' studju biex il-bniet u n-nisa jkunu jistgħu jaċċessaw l-edukazzjoni għolja u t-taħriġ vokazzjonali, b'mod partikolari bil-għan li tiġi promossa l-edukazzjoni diġitali u teknoloġika fost il-bniet, u l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-setturi STEM, u biex jiġu appoġġjati proġetti mmexxija min-nisa; jilqa' r-rieda tal-GAP II li jitnaqqas id-distakk diġitali bejn il-ġeneri bil-għan li titmexxa 'l quddiem trasformazzjoni diġitali tassew inklużiva;

60.  Ifakkar li n-nisa, speċifikament dawk li jiffaċċjaw diskriminazzjoni intersezzjonali, jistgħu jiffaċċjaw diffikultajiet biex jaċċessaw is-servizzi diġitali u l-infrastruttura relatata; jitlob li n-nisa u l-bniet, speċjalment dawk li jgħixu f'żoni rurali u remoti, jingħataw aċċess aħjar, universali, sikur u sigur għall-għodod diġitali u t-taħriġ fl-użu tagħhom;

61.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi appoġġjat l-għoti ta' servizzi pubbliċi u privati permezz ta' kanali, teknoloġiji u servizzi diġitali reattivi għal kwistjonijiet ta' ġeneru (pereżempju gvern elettroniku, servizzi finanzjarji diġitali) li se jsaħħu l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tan-nisa u tal-bniet fis-soċjetà; jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw l-esklużjoni diġitali tal-gruppi vulnerabbli kollha fis-soċjetà u jagħmlu l-edukazzjoni fit-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni aċċessibbli għalihom, filwaqt li jitqiesu d-diversi fatturi li jiddeterminaw l-aċċess tan-nisa għall-edukazzjoni, kif ukoll billi jinħolqu punti ta' aċċess diġitali mingħajr ħlas;

62.  Jitlob li l-modernizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni tal-pajjiżi sħab jiġu appoġġjati mill-UE, b'mod partikolari sabiex dawn il-pajjiżi kollha jkollhom reġistri ċivili affidabbli, li jirreġistraw kull twelid;

63.  Jirrikonoxxi li l-emerġenzi, bħal kunflitti armati u kriżijiet ekonomiċi, u ambjenti ta' spostament, ipoġġu l-edukazzjoni u t-taħriġ tan-nisa u l-bniet f'riskju; itenni li l-aċċess tan-nisa għall-għajxien u għall-opportunitajiet tax-xogħol huwa affettwat serjament matul l-emerġenzi u jisħaq, għalhekk, fuq l-importanza li jiġu allokati l-fondi meħtieġa f'każijiet bħal dawn, speċjalment għall-organizzazzjonijiet lokali mmexxija min-nisa u għall-istrutturi eżistenti, sabiex jittejbu l-istrutturi li jiżguraw l-iżvilupp tajjeb tal-edukazzjoni, il-ħiliet u l-aċċess għall-impjiegi tagħhom fit-tul;

64.  Jinnota li n-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel jaffettwa lin-nisa b'mod asimmetriku, u li b'mod sproporzjonat huma għandhom inqas art, bhejjem u assi oħra; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw l-għan li tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-settur tal-ikel u l-agrikoltura, l-opportunitajiet finanzjarji u l-aċċess għat-taħriġ sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni tan-nisa fl-agrikoltura; jinnota l-importanza li jiġu appoġġjati l-isforzi tal-pajjiżi sħab fir-riformi legali, ta' politika u istituzzjonali biex in-nisa jingħataw drittijiet ugwali għar-riżorsi ekonomiċi, b'mod partikolari l-aċċess għall-art u għal forom oħra ta' proprjetà, u kontroll tagħhom;

65.  Jistieden lill-UE tippromwovi politiki ekonomiċi u kummerċjali konsistenti mal-SDGs u l-objettivi tal-GAP III; ifakkar fil-pożizzjoni preċedenti tiegħu dwar il-kummerċ u l-ġeneru kif deskritt fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2018 dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE(12); jitlob lill-UE tkompli tappoġġja u tintroduċi politiki kummerċjali li jnaqqsu d-distakki soċjoekonomiċi u jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni u rispett għal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

66.  Jilqa' l-fatt li l-GAP III jappella għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri permezz tal-politika kummerċjali tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lis-SEAE jippromwovu u jappoġġjaw l-inklużjoni ta' kapitolu speċifiku dwar il-ġeneru fil-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment kollha tal-UE, inklużi l-impenji għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-impatt fuq il-ġeneru tal-politika u l-ftehimiet kummerċjali tal-UE fil-valutazzjonijiet tal-impatt ex ante u ex post;

67.  Jisħaq fuq il-pożizzjoni preċedenti tiegħu li tappella għal kapitolu speċifiku dwar il-kummerċ u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa fl-aġġornament li jmiss tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ċilì; josserva b'interess il-progress li sar fir-rigward ta' kapitolu dwar il-kummerċ u l-ġeneru fin-negozjati;

68.  Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-Ftehimiet ta' Kummerċ Internazzjonali(13),

69.  Jinnota li l-politika kummerċjali mhijiex newtrali għall-ġeneru u li ġbir aħjar ta' data diżaggregata skont il-ġeneru, flimkien ma' indikaturi ċari, huwa meħtieġ biex jiġu vvalutati b'mod adegwat l-impatti differenti tal-politika kummerċjali fuq in-nisa u l-irġiel; itenni t-talba tiegħu biex l-UE u l-Istati Membri tagħha jieħdu ispirazzjoni mis-sett ta' għodod żviluppati mill-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp u biex jinkludu fil-valutazzjonijiet tal-impatt ex ante u fl-evalwazzjonijiet ex post tagħhom l-impatt tal-politika u tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE fuq il-ġeneru skont il-pajjiż u skont is-settur; jistieden lill-Kummissjoni taħdem flimkien mas-sħab internazzjonali, bħad-WTO, u l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet lokali biex jiġbru data, janalizzaw l-impatt tal-kummerċ fuq in-nisa u jsarrfu d-data fi proposti konkreti biex jittejjeb ir-rwol tan-nisa fis-sistema kummerċjali internazzjonali u jkun promoss tkabbir ekonomiku inklużiv; jisħaq fuq il-fatt li kooperazzjoni intensifikata bejn organizzazzjonijiet internazzjonali bħad-WTO, iċ-Ċentru Internazzjonali għall-Kummerċ u n-NU, u l-ħolqien ta' networks li jinvolvu l-akkademja, l-OSĊ u l-parlamenti jistgħu jwasslu għal kondiviżjoni aħjar tal-aħjar prattiki u tal-metodi għall-ġbir tad-data, kif ukoll għall-inklużjoni ta' perspettiva tal-ġeneru fil-kummerċ; jinsisti li l-kwistjonijiet marbuta mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri m'għandhomx ikunu limitati għall-kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli;

70.  Jitlob lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha b'mod attiv fil-Grupp ta' Ħidma Informali tad-WTO dwar il-Kummerċ u l-Ġeneru stabbilit reċentement biex issir ħidma favur Dikjarazzjoni Ministerjali b'saħħitha fit-12-il Konferenza Ministerjali li tista' sservi bħala pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta' Buenos Aires tal-2017; jissottolinja li l-Grupp ta' Ħidma Informali dwar il-Kummerċ u l-Ġeneru huwa l-ewwel pass lejn pjattaforma aktar permanenti fid-WTO għad-diskussjoni ta' kwistjonijiet relatati mal-kummerċ u l-ġeneru; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tinvolvi ruħha b'mod proattiv ma' membri oħra tad-WTO biex tikkontribwixxi għall-attività tal-Grupp ta' Ħidma Informali, u tesplora l-possibbiltà li jiġi stabbilit grupp ta' ħidma permanenti;

71.  Ifakkar fl-appell tiegħu lill-Kummissjoni li l-kompożizzjoni tal-Gruppi Konsultattivi Nazzjonali tkun ibbilanċjata bejn il-ġeneri, li r-rwol ta' monitoraġġ tagħhom jiġi estiż aktar, u li jiġi stabbilit Kumitat għall-Kummerċ u l-Ġeneru fl-ambitu ta' kull Ftehim ta' Kummerċ Ħieles biex jiġu identifikati n-nuqqasijiet;

72.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa bir-reqqa l-impatt tal-ftehimiet kummerċjali fuq setturi b'perċentwal għoli ta' ħaddiema nisa, bħas-setturi tal-ħwejjeġ u tal-agrikoltura fuq skala żgħira; ifakkar li l-kriżi ekonomika kkawżata mill-COVID-19 affettwat b'mod qawwi lil dawn is-setturi u aggravat ir-riskju li jiżdiedu l-inugwaljanza, id-diskriminazzjoni kontra l-ħaddiema nisa u l-isfruttament tagħhom;

73.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm biżżejjed riżorsi disponibbli, u tiżvela r-riżorsi allokati, tippromwovi l-valur ewlieni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politiki kummerċjali u ta' investiment tagħha u tiżgura li s-segretarjati tal-istituzzjonijiet tal-UE responsabbli għall-politika kummerċjali u għan-negozjati kummerċjali jkollhom l-għarfien u l-kapaċità teknika biex jinkorporaw il-perspettiva tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-proċess kollu tan-negozjati kummerċjali u l-formulazzjoni tal-politika, billi jaħtru punti fokali tal-ġeneri fl-istituzzjonijiet u d-delegazzjonijiet tal-UE;

74.  Jitlob l-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet infurzabbli fil-kapitoli kollha dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli bbażati fuq ir-rispett tal-istandards fundamentali tax-xogħol tal-ILO u tal-konvenzjonijiet rilevanti, b'mod partikolari l-Konvenzjoni Nru 189 dwar il-Ħaddiema Domestiċi, il-Konvenzjoni Nru 156 dwar il-Ħaddiema b'Responsabbiltajiet tal-Familja, is-CEDAW, il-Konvenzjoni Nru 111 dwar id-Diskriminazzjoni (fl-Impjiegi u x-Xogħol), il-Konvenzjoni Nru 100 dwar ir-Remunerazzjoni Indaqs u l-Konvenzjoni Nru 190 dwar il-Vjolenza u l-Fastidju, u li dawn il-konvenzjonijiet jiġu inklużi fil-lista ta' konvenzjonijiet fir-rieżami tal-SĠP+;

75.  Jilqa' pożittivament il-Ftehim tal-Workshop Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO/IWA 34) dwar id-definizzjonijiet globali relatati mal-intraprenditorija fost in-nisa, li għandu l-għan li jiffaċilita t-tfassil tal-politika, il-ġbir tad-data u l-aċċess għall-bini tal-kapaċità, il-finanzjamenti u s-swieq għat-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa.

76.  Jilqa' pożittivament il-kisbiet li saru s'issa fir-rigward tal-ġeneru fil-politiki ta' self tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u jappella lill-BEI jżid l-isforzi tiegħu u b'mod partikolari jqis kemm jista' jkun l-għanijiet tal-politika tal-GAP III fil-mandat ta' self estern tiegħu;

77.  Jisħaq li l-BEI u istituzzjonijiet finanzjarji ta' żvilupp Ewropew rilevanti oħrajn għandhom ikunu allinjati bis-sħiħ mal-GAP III; jistieden lill-BEI jqis l-objettivi tal-GAP III meta jipprovdi appoġġ lill-impriżi f'pajjiżi sħab permezz ta' valutazzjonijiet tal-impatt li għandhom jitwettqu għal kull proġett iffinanzjat mill-BEI, u jitlob li l-operazzjonijiet fil-post jiġu mmonitorjati kontinwament;

Il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa, tal-bniet u tat-tfajliet u t-tmexxija minnhom

78.  Jisħaq fuq l-importanza tat-tmexxija u l-parteċipazzjoni tan-nisa u l-bniet fil-livelli kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet u li l-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa fil-ħajja pubblika u politika hija essenzjali għall-governanza tajba u t-tfassil tal-politika; jissottolinja l-importanza li n-nisa jkunu rappreżentati fuq iż-żewġ naħat tal-mejda tan-negozjati fil-livelli kollha tal-azzjoni esterna; itenni li meta n-nisa u l-bniet imexxu b'mod ugwali, komunitajiet sħaħ jibbenefikaw minn soluzzjonijiet aħjar u aktar dejjiema; jinnota li n-nisa mhumiex rappreżentati biżżejjed fil-livelli kollha tal-ħajja politika u pubblika u li l-progress isir bil-mod;

79.  Jappella għall-finanzjament ta' programmi biex jinkoraġġixxu t-taħriġ, l-impenn ċiviku u l-parteċipazzjoni tan-nisa, inkluż l-appoġġ għal approċċi parteċipattivi fil-livell komunitarju u attivitajiet edukattivi speċifiċi għall-bniet u għat-tfajliet, peress li huma fost l-iktar milquta mid-diskriminazzjoni; jitlob l-inklużjoni tan-nisa fil-livelli kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet, tal-gvern, tat-tmexxija u tal-pożizzjonijiet ta' poter, permezz ta' riformi, programmi u attivitajiet tal-amministrazzjoni pubblika bħan-networking, l-iskambji, il-mentoraġġ u l-isponsorizzazzjoni, u huwa favur l-inklużjoni ta' organizzazzjonijiet lokali tad-drittijiet tan-nisa u ta' rispons umanitarju tal-ewwel linja mmexxija min-nisa fl-istrutturi ta' koordinazzjoni umanitarja u ta' teħid tad-deċiżjonijiet;

L-involviment tan-nisa fl-inizjattivi ta' konsolidazzjoni tal-paċi u ta' sigurtà?

80.  Jisħaq fuq l-importanza tar-rwol tan-nisa u tas-soċjetà ċivili fil-promozzjoni tad-djalogu, l-iffurmar ta' koalizzjonijiet, il-medjazzjoni għall-paċi, u l-ħolqien ta' perspettivi differenti dwar il-paċi u s-sigurtà, b'mod partikolari fil-prevenzjoni, ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u fir-rikostruzzjoni ta' wara l-kunflitti; jappella lill-UE tippromwovi parteċipazzjoni akbar tan-nisa fil-proċessi taż-żamma u l-konsolidazzjoni tal-paċi, u tappoġġja u tirrikonoxxi lin-nisa, lit-tfajliet u lill-bniet u lid-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem bħala xprunaturi ewlenin tal-bidla, u biex tappoġġjahom u tipproteġihom; jisħaq li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u t-twettiq sħiħ tagħhom huma s-sisien ta' soċjetà demokratika u inklużiva;

81.  Jilqa' l-integrazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-WPS fil-GAP III u jitlob l-implimentazzjoni effettiva tiegħu; jenfasizza r-rwol importanti li għandhom l-inizjattivi lokali eżistenti u ta' suċċess għall-konsolidazzjoni tal-paċi mmexxija min-nisa u d-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem, u jistieden lill-UE tappoġġja, issaħħaħ u tinkludi sistematikament dawn l-inizjattivi fil-konsultazzjonijiet, il-koordinazzjoni u t-teħid ta' deċiżjonijiet tal-konsolidazzjoni tal-paċi;

82.  Jistieden lis-SEAE jwettaq analiżi sistematika tal-kunflitti b'perspettiva integrata tal-ġeneru bbażata fuq analiżi tal-ġeneru u analiżi tal-kunflitti inklużiva fir-rigward tal-ġeneru, b'mod partikolari fir-rigward tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK u l-attivitajiet fl-ambitu tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' riżorsi suffiċjenti biex jinbnew u jissaħħu l-għarfien espert u l-kapaċità tal-UE li twettaq analiżijiet tar-riskji u tal-kunflitti b'perspettiva integrata tal-ġeneru, u dan għandu jinvolvi l-għoti ta' attenzjoni speċifika lill-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-iżgurar tal-parteċipazzjoni sinifikanti tan-nisa u tal-gruppi żvantaġġati;

83.  Jindika l-importanza li l-kunċett tas-sigurtà tal-bniedem u l-approċċ tal-ġeneru jintrabtu flimkien; jappella lill-UE tuża l-kunċett tas-sigurtà tal-bniedem kif stabbilit fir-Riżoluzzjoni 66/290 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u fl-aġenda tagħha dwar id-WPS; jinsisti li s-sigurtà trid tiffoka fuq il-ħajjiet tal-bnedmin u l-protezzjoni tagħhom minn theddid bħall-vjolenza, in-nuqqas ta' edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-ikel jew l-indipendenza ekonomika; jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jiżviluppaw u jippromwovu l-aġenda tad-diżarm tan-NU; jinsisti li jkun hemm politika barranija femminista id-diżarm u n-nonproliferazzjoni;

84.  Jindika li n-nisa huma affettwati b'mod sproporzjonat mill-vjolenza sesswali b'rabta mal-kunflitti u minn ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq b'impunità, inkluż riskju akbar ta' traffikar ta' bnedmin; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li n-nisa u l-bniet li kienu vittmi ta' vjolenza sesswali f'żoni u f'pajjiżi ta' kunflitt, jingħataw kura u trattament xierqa u olistiċi, u kumpens effettiv u fil-pront; jinnota li din is-sistema diġà qed taħdem fejn hija applikata u li tippermetti wkoll li dawn il-vittmi jerġgħu jiġu integrati fis-soċjetà; ifakkar fl-importanza tal-ġlieda kontra l-istigmatizzazzjoni tal-vittmi; jappella għall-kontinwità tal-appoġġ għal miżuri li jipprovdu lin-nisa f'kuntesti ta' kunflitt u ta' emerġenza b'pakketti ta' assistenza fir-rigward tal-SRHR, billi jiġu ffinanzjati u appoġġjati organizzazzjonijiet tal-ewwel linja u organizzazzjonijiet immexxija min-nisa;

85.  Ifakkar li n-nisa u l-bniet huma affettwati b'mod sproporzjonat minn kunflitti armati; jiddeplora l-użu tal-vjolenza sesswali bħala arma tal-gwerra u jinsisti fil-ħtieġa urġenti li din tiġi miġġielda kif ukoll li tiġi miġġielda l-impunità, billi l-awturi jitressqu quddiem il-ġustizzja; jisħaq ukoll li n-nisa spiss huma l-ewwel vittmi tal-ispostament tal-popolazzjoni f'żoni ta' kunflitt, u spiss huma mċaħħda mill-awtonomija ekonomika tagħhom u mill-aċċess għall-edukazzjoni u għal servizzi ta' saħħa sesswali u riproduttiva affidabbli; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat aċċess għall-edukazzjoni u l-impjiegi għal popolazzjonijiet spostati minn kunflitti jew diżastri naturali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu mal-pajjiżi sħab u mal-forzi armati tagħhom biex jiżguraw l-infurzar xieraq tar-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar il-protezzjoni ta' persuni fi żmien ta' gwerra, b'enfasi speċifika fuq il-prevenzjoni u l-ikkastigar tal-vjolenza sesswali;

86.  Jesprimi dispjaċir għan-nuqqas ta' kunsiderazzjoni fil-GAP III tal-wirt kulturali bejn il-pajjiżi u r-rwol tan-nisa fil-protezzjoni u l-iżvilupp tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jiżviluppaw programmi li għandhom l-għan li jipproteġu u jirrikonoxxu l-wirt u t-tradizzjonijiet kulturali żviluppati min-nisa, li ta' spiss ma jiġux innutati, speċjalment matul iċ-ċiklu kollu tal-kunflitt;

L-iżgurar ta' azzjoni umanitarja reattiva għal kwistjonijiet ta' ġeneru

87.  Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni dwar l-azzjoni umanitarja tal-UE: sfidi ġodda, l-istess prinċipji (COM(2021)0110), ma tindirizzax biżżejjed il-perspettiva tal-ġeneru f'kuntesti umanitarji; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi proposti aktar konkreti dwar nefqa, programmi, traċċar u valutazzjoni speċifiċi ta' attivitajiet relatati mal-ġeneru f'kuntesti umanitarji, u telabora miżuri biex tkompli tiżviluppa azzjoni umanitarja tal-UE adattata u effiċjenti u reattiva għal kwistjonijiet ta' ġeneru, fid-dawl tal-opportunità ppreżentata mill-approċċ tar-rabta tripla bejn l-aspett umanitarju, l-iżvilupp u l-paċi biex jiġu protetti d-drittijiet tan-nisa u tal-bniet u tiġi promossa l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-kuntesti kollha;

Il-bini ta' soċjetà ekoloġika u diġitali

88.  Jilqa' l-inklużjoni fil-GAP III tal-qasam ta' prijorità dwar it-tibdil fil-klima, peress li t-tibdil fil-klima mhuwiex newtrali fir-rigward tal-ġeneru, minħabba li jaġixxi bħala amplifikatur tal-inugwaljanzi eżistenti bejn il-ġeneri, speċjalment għall-foqra, iż-żgħażagħ u l-popli indiġeni, u speċjalment f'ambjenti fraġli; japprezza d-determinazzjoni tal-UE li tindirizza kwistjonijiet tal-ġeneru fil-kuntest tat-tranżizzjoni ekoloġika, minħabba l-impatt intersezzjonali u sproporzjonat tat-tibdil fil-klima fuq in-nisa u l-bniet, b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jisħaq fuq il-ħtieġa li n-nisa u l-bniet jiġu inklużi, jinstemgħu u tissaħħaħ il-pożizzjoni tagħhom fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' approċċi effettivi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u għall-adattament għalih fil-pajjiżi sħab, biex b'hekk tiġi żgurata azzjoni klimatika effettiva u trasformattiva fir-rigward tal-ġeneru; jistieden lill-UE tmexxi bl-eżempju billi tinkludi, mingħajr dewmien, perspettiva tal-ġeneru u miri dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u f'inizjattivi relatati;

89.  Itenni li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija prerekwiżit għall-iżvilupp sostenibbli u biex tinkiseb tranżizzjoni ekwa u ġusta li ma tħalli lil ħadd jibqa' lura; itenni, għalhekk, it-talba tiegħu li l-Patt Ekoloġiku Ewropew jiġi segwit malajr minn "Diplomazija dwar il-Patt Ekoloġiku" li b'mod sistematiku tinkludi perspettiva intersezzjonali u tal-ġeneru, u tinvolvi lin-nisa u l-bniet, inklużi n-nisa tal-popli indiġeni, fit-teħid ta' deċiżjonijiet strateġiċi dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima;

90.  Jindika li n-nisa u l-organizzazzjonijiet tan-nisa jinsabu fuq quddiem nett fis-soluzzjonijiet u fl-għoti ta' għarfien espert fl-oqsma tal-agrikoltura, il-klima, l-enerġija u l-konservazzjoni tal-bijodiversità, u jinsabu fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jappella biex jingħataw appoġġ permezz ta' finanzjament adegwat u flessibbli, dispożizzjonijiet għal oqfsa leġiżlattivi u aċċess għall-art u għar-riżorsi, u kooperazzjoni mas-setturi privati u finanzjarji; itenni r-rwol tal-adattament reattiv għal kwistjonijiet ta' ġeneru, inklużi l-agrikoltura intelliġenti fil-livell klimatiku, it-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri, l-ekonomija ċirkolari u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali;

91.  Jappella għall-promozzjoni tal-aċċess tan-nisa u l-bniet għall-għodod diġitali u għal taħriġ dwarhom, u għall-promozzjoni tan-nisa fil-professjonijiet STEM;

92.  Jisħaq li n-networks soċjali huma sors ta' diskriminazzjoni u ta' fastidju abbażi tal-ġeneru; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-gvernijiet isaħħu l-isforzi biex jirregolaw aħjar dawn in-networks, flimkien ma' pjattaformi diġitali sabiex tiġi miġġielda l-vjolenza u l-bullying abbażi tal-ġeneru online; jirrikonoxxi li dan huwa ostaklu kbir għall-aċċess tan-nisa u tal-bniet għall-ispazji diġitali u l-parteċipazzjoni tagħhom online u jfixkel b'mod sever il-parteċipazzjoni politika, speċjalment għan-nisa u l-bniet b'identitajiet intersezzjonali, li jirrappurtaw rati ogħla ta' fastidju online; jitlob li jkun hemm mekkaniżmi ta' protezzjoni mmirati għan-nisa online u għal involviment ikbar tan-nisa fid-disinn, il-manifattura u l-iżvilupp tal-applikazzjonijiet tal-intelliġenza artifiċjali biex jiġu miġġielda l-perpetwazzjoni tal-istereotipi u l-preġudizzji tal-ġeneri; jitlob li jiġu infurzati d-dispożizzjonijiet xierqa tal-liġi kriminali għall-ġlieda kontra l-abbuż online, il-messaġġi ta' theddid, il-fastidju sesswali u l-kondiviżjoni ta' stampi privati mingħajr kunsens;

93.  Jinnota li l-kummerċ elettroniku għandu l-potenzjal li jgħaqqad aktar imprendituri nisa mas-swieq internazzjonali; jitlob, madankollu, lill-Kummissjoni tappoġġja lin-nisa fl-adozzjoni ta' teknoloġiji ġodda bħall-blockchain li, minħabba n-natura "peer-to-peer", l-anonimità u l-effiċjenza tagħha, jistgħu jgħinu lil ċerti nisa jegħlbu xi ostakli legali u kulturali ta' natura diskriminatorja għall-kummerċ, itejbu l-aċċess tagħhom għall-finanzjament u jgħinuhom jintegraw fil-ktajjen ta' valur globali;

Il-ħolqien ta' Ġenerazzjoni Ugwaljanza reali

94.  Itenni r-rwol ewlieni li jrid ikollha l-UE fil-livell multilaterali favur id-diplomazija tan-nisa sabiex jiġu implimentati ftehimiet internazzjonali rigward id-drittijiet u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet; jitlob lill-UE, lill-Istati Membri tagħha, lill-Kummissjoni u lis-SEAE jimpenjaw ruħhom li javvanzaw lejn politika estera, ta' sigurtà u ta' żvilupp femminista li tinvolvi viżjoni trasformattiva fir-rigward tal-ġeneru u li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri ssir parti ewlenija mill-azzjonijiet u l-prijoritajiet esterni tagħhom;

95.  Jilqa' l-fatt li ġew imwiegħda EUR 33 biljun mill-gvernijiet madwar id-dinja, is-settur privat u s-soċjetà ċivili fil-Forum Ġenerazzjoni Ugwaljanza f'Pariġi; jappella għal sistema kontabilistika internazzjonali u effiċjenti, u jappella lill-Kummissjoni biex tissorvelja l-impenji deċiżi tagħha u l-implimentazzjoni korretta tagħhom kull sena;

96.  Ifakkar fl-impenn tal-Kummissjoni li tiddedika EUR 4 biljun mill-baġit estern għan-nisa u l-bniet u li żżid il-finanzjament tal-organizzazzjonijiet tan-nisa; jitlob li dawn l-impenji jiġu ċċarati, immonitorjati b'mod adegwat u tradotti fil-prattika, u li jiġu stabbiliti linja bażi u miri ċari;

97.  Jindika darb'oħra li d-djalogu interġenerazzjonali u l-inklużjoni kif ukoll l-impenn tal-irġiel u s-subien biex javvanzaw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri huma kruċjali biex iġibu bidla fis-soċjetà u tinħoloq Ġenerazzjoni Ugwaljanza reali;

98.  Jilqa' r-rikonoxximent mill-GAP III tal-importanza li l-irġiel u s-subien jiġu involuti b'mod attiv biex jippromwovu l-bidla fl-attitudnijiet soċjali u, b'riżultat ta' dan, bidla strutturali usa'; jenfasizza l-importanza li jinħolqu modi prattiċi biex l-irġiel u s-subien jiġu involuti bħala aġenti tal-bidla permezz tat-twaqqif ta' indikaturi u miri addizzjonali relatati mal-involviment tal-irġiel u tas-subien u l-iżgurar li l-GAP III jagħti riżultati pożittivi għalihom ukoll;

o
o   o

99.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.

(1) ĠU L 23, 27.1.2010, p. 35.
(2) ĠU L 107, 26.3.2021, p. 1.
(3) ĠU L 209, 14.6.2021, p. 1.
(4) ĠU C 76, 9.3.2020, p. 168.
(5) ĠU C 294, 23.7.2021, p. 8.
(6) ĠU C 294, 23.7.2021, p. 58.
(7) ĠU C 404, 6.10.2021, p. 202.
(8) ĠU C 456, 10.11.2021, p. 191.
(9) ĠU C 456, 10.11.2021, p. 232.
(10) ĠU C 81, 18.2.2022, p. 63.
(11) ĠU C 81, 18.2.2022, p. 43.
(12) ĠU C 162, 10.5.2019, p. 9.
(13) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 31.

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Ġunju 2022Avviż legali - Politika tal-privatezza