Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2022/2535(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0134/2022

Testi mressqa :

B9-0134/2022

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 09/03/2022 - 13
CRE 09/03/2022 - 13
PV 10/03/2022 - 2
CRE 10/03/2022 - 2

Testi adottati :

P9_TA(2022)0074

Testi adottati
PDF 142kWORD 50k
Il-Ħamis, 10 ta' Marzu 2022 - Strasburgu
L-istat tad-dritt u l-konsegwenzi tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
P9_TA(2022)0074B9-0134/2022

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2022 dwar l-istat tad-dritt u l-konsegwenzi tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (2022/2535(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2, 3(1), 4(3), 6, 7, 13, 14(1), 16(1), 17(1), 17(3), 17(8), 19(1) it-tieni subparagrafu u l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), kif ukoll l-Artikoli 265, 310, 317 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni(1) (ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2021 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092, il-mekkaniżmu ta' kondizzjonalità marbut mal-istat tad-dritt(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea u l-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 dwar il-Kondizzjonalità (UE, Euratom)(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2021 dwar it-tfassil ta' linji gwida għall-applikazzjoni tar-reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni(4),

–  wara li kkunsidra r-rikors tiegħu ppreżentat fid-29 ta' Ottubru 2021, għan-nuqqas ta' azzjoni fil-Kawża C-657/21, Il-Parlament Ewropew vs Il-Kummissjoni Ewropea, li hija attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE),

–  wara li kkunsidra r-Rapporti tal-Kummissjoni dwar l-istat tad-dritt tat-30 ta' Settembru 2020 (COM(2020)0580), u tal-20 ta' Lulju 2021 COM(2021)0700,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew adottati fil-11 ta' Diċembru 2020,

–  wara li kkunsidra l-ġurisprudenza‑tal-QĠUE u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi tal-QĠUE tas-16 ta' Frar 2022 fil-kawżi C-156/21 u C-157/21(5),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-QĠUE tat-3 ta' Ġunju 2021 fil-Kawża C-650/18 li tiċħad ir-rikors tal-Ungerija kontra r-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-12 ta' Settembru 2018 li tiskatta l-proċedura għad-determinazzjoni tal-eżistenza ta' riskju ċar ta' ksur serju minn Stat Membru tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea(6),

–  wara li kkunsidra d-digriet tal-QĠUE tal-14 ta' Lulju 2021 u d-deċiżjoni tagħha tal-15 ta' Lulju 2021(7), li tistipula li s-sistema dixxiplinari għall-imħallfin fil-Polonja mhijiex kompatibbli mad-dritt tal-UE,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2018 dwar proposta li titlob lill-Kunsill jiddetermina, skont l-Artikolu 7(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-eżistenza ta' riskju ċar ta' ksur serju mill-Ungerija tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni(8),

–  wara li kkunsidra l-proposta motivata tal-Kummissjoni tal-20 ta' Diċembru 2017 skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE rigward l-istat tad-dritt fil-Polonja: proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar id-determinazzjoni ta' riskju ċar ta' ksur gravi tal-istat tad-dritt mir-Repubblika tal-Polonja (COM(2017)0835),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Marzu 2018 dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex jiġi attivat l-Artikolu 7(1) tat-TUE minħabba s-sitwazzjoni fil-Polonja(9),

–  wara li kkunsidra l-ittri tas-17 ta' Novembru 2021 mibgħuta mill-Kummissjoni lill-Polonja u lill-Ungerija skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi, kif minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE;

B.  billi f'konformità mar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt, l-istat tad-dritt irid jinftiehem fid-dawl tal-valuri u l-prinċipji minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE, b'mod partikolari d-drittijiet fundamentali u n-nondiskriminazzjoni; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tuża l-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħha, inkluż ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt, biex tindirizza l-ksur persistenti tad-demokrazija u tad-drittijiet fundamentali kullimkien fl-Unjoni, inklużi attakki kontra l-libertà tal-media u l-ġurnalisti, il-migranti, id-drittijiet tan-nisa, id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ, u l-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda; jistieden lill-Kummissjoni taġixxi u tqis dan fl-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt;

C.  billi kwalunkwe riskju ċar ta' ksur serju min-naħa ta' Stat Membru tal-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE ma jikkonċernax biss lill-Istat Membru individwali fejn jimmaterjalizza r-riskju, iżda għandu impatt ukoll fuq l-Istati Membri l-oħra, fuq il-fiduċja reċiproka ta' bejniethom, u fuq in-natura nnifsha tal-Unjoni u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tagħha skont id-dritt tal-Unjoni;

D.  billi l-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 tat-TUE jiddefinixxu l-identità nnifisha tal-Unjoni Ewropea bħala ordinament ġuridiku komuni u għalhekk l-Unjoni Ewropea jeħtiġilha tkun tista' tiddefendi dawn il-valuri, fil-limiti tas-setgħat tagħha kif mogħtija mit-Trattati;

E.  billi r-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2021 u ilu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha minn dik id-data;

F.  billi l-applikabbiltà, l-għan u l-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt huma definiti b'mod ċar fih; billi, skont l-Artikolu 17(1) tat-TUE, il-Kummissjoni "għandha tiżgura l-applikazzjoni tat-Trattati, u tal-miżuri adottati fl-ambitu tagħhom mill-istituzzjonijiet";

G.  billi n-nuqqas tal-President tal-Kummissjoni mid-dibattitu fil-plenarja tas-16 ta' Frar 2022 juri nuqqas ta' rispett għall-obbligu tal-Kummissjoni li tagħti prijorità lill-preżenza tagħha, jekk mitluba, fis-seduti plenarji tal-Parlament, f'avvenimenti jew stediniet oħra li jseħħu fl-istess ħin, kif minqux fil-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea(10);

H.  billi fid-dikjarazzjoni tagħha għall-istampa tas-16 ta' Frar 2022, il-President von der Leyen ħabbret li filwaqt li tqis is-sentenzi tal-QĠUE, il-Kummissjoni "se tadotta fil-ġimgħat li ġejjin linji gwida li jipprovdu aktar ċarezza dwar kif napplikaw il-mekkaniżmu fil-prattika";

I.  billi l-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt mhijiex soġġetta għall-adozzjoni ta' linji gwida, li mhumiex parti mir-regolament, u billi kwalunkwe linja gwida ma tridx iddgħajjef l-intenzjoni tal-koleġiżlaturi, jew tbiddel, tespandi jew tnaqqas il-kamp ta' applikazzjoni tat-test tar-regolament;

J.  billi r-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt huwa maħsub biex jipproteġi l-baġit tal-Unjoni u l-interessi finanzjarji tal-Unjoni minn effetti li jirriżultaw mill-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt;

K.  billi huwa inaċċettabbli li minn Diċembru 2021, il-Kummissjoni u l-Kunsill irrifjutaw li jidħlu f'negozjati dwar ftehim interistituzzjonali dwar mekkaniżmu uniku, ibbażat fuq l-evidenza u mifrux mal-UE kollha dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, kif mitlub mill-Parlament fl-inizjattiva leġiżlattiva tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2020(11);

L.   billi t-tliet kundizzjonijiet biex jiġu żburżati l-fondi tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza lill-Polonja msemmija mill-President tal-Kummissjoni fid-19 ta' Ottubru 2021 għadhom ma ġewx issodisfati;

M.  billi skont l-Artikolu 319 tat-TFUE, "il-Parlament Ewropew, li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill, għandu jagħti kwittanza lill-Kummissjoni rigward l-implementazzjoni tal-baġit";

N.  billi l-gwerra li qed tiżviluppa fl-Ukrajna tfakkarna fid-dmir komuni tagħna li nipproteġu b'mod effettiv id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-valuri tagħna kif minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE bil-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħna;

O.  billi, skont l-Artikolu 234 tat-TFUE, il-Parlament Ewropew għandu d-dritt li jivvota dwar mozzjoni ta' ċensura tal-Kummissjoni;

P.  billi l-Kummissjoni sfortunatament iddeċidiet li tirrispetta l-konklużjonijiet mhux vinkolanti tal-Kunsill Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2020, minkejja li "għandha twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha b'indipendenza totali" u l-membri tagħha "la għandhom ifittxu u lanqas għandhom jaċċettaw istruzzjonijiet minn xi gvern, xi istituzzjoni, korp jew organu" (l-Artikolu 17(3) tat-TUE, l-Artikolu 245 tat-TFUE) u barra minn hekk "għandha tkun responsabbli quddiem il-Parlament Ewropew" (l-Artikolu 17(8) tat-TUE) u "għandha tissorvelja l-applikazzjoni tat-Trattati kif ukoll tal-miżuri adottati mill-Istituzzjonijiet skond dawn it-Trattati" (l-Artikolu 17(1) tat-TUE);

1.  Jilqa' s-sentenzi tal-QĠUE tas-16 ta' Frar 2022(12) u l-konklużjonijiet tagħha li l-Mekkaniżmu ta' Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt huwa konformi mad-dritt tal-UE, li jikkonferma l-adegwatezza tal-bażi ġuridika, il-kompatibbiltà tar-reġim mal-Artikolu 7 tat-TUE u l-prinċipju taċ-ċertezza tad-dritt, kif ukoll il-kompetenzi tal-UE rigward l-istat tad-dritt fl-Istati Membri, u l-konklużjoni li r-rikorsi mressqa mill-Ungerija u l-Polonja kontra r-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt għandhom jiġu miċħuda;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni urġenti u tapplika immedjatament il-Mekkaniżmu ta' Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt billi tibgħat notifika bil-miktub skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt, filwaqt li tinforma direttament lill-Parlament minn hemm 'il quddiem, u jistenna li l-okkorrenzi kollha li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-regolament fl-14-il xahar mid-dħul fis-seħħ tiegħu f'Jannar 2021 iridu jiffurmaw parti min-notifika; jissottolinja li wasal iż-żmien li l-Kummissjoni tissodisfa d-dmirijiet tagħha bħala l-gwardjan tat-Trattati u tirreaġixxi minnufih għall-ksur serju li għaddej tal-prinċipji tal-istat tad-dritt f'xi Stati Membri, li jirrappreżenta periklu serju għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni rigward id-distribuzzjoni ġusta, legali u imparzjali tal-fondi tal-UE, b'mod partikolari dawk taħt ġestjoni kondiviża; iwissi li kwalunkwe dewmien ulterjuri jista' jkollu konsegwenzi serji;

3.  Jisħaq li n-nuqqas ta' azzjoni u l-approċċ laxk lejn strutturi oligarkiċi u l-ksur sistemiku tal-istat tad-dritt jdgħajfu l-Unjoni Ewropea kollha u idgħajfu l-fiduċja taċ-ċittadini tagħha; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-flus il-kontribwenti qatt ma jispiċċaw fil-bwiet ta' dawk li jdgħajfu l-valuri komuni tal-UE;

4.  Jiddispjaċih dwar ir-rispons inadegwat tal-Kummissjoni għad-deċiżjonijiet tal-QĠUE tas-16 ta' Frar 2022, minkejja l-impenn tagħha li tiffinalizza l-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-Mekkaniżmu tal-Istat tad-Dritt; itenni, madankollu, li t-test tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt huwa ċar u ma jeħtieġx interpretazzjoni addizzjonali sabiex jiġi applikat u li l-koleġiżlaturi ma ddelegawx lill-Kummissjoni kwalunkwe setgħa għal dan l-għan; jissottolinja li l-QĠUE rrikonoxxiet, b'mod partikolari, li l-Istati Membri ma jistgħux isostnu li mhumiex f'pożizzjoni li jiddeterminaw bi preċiżjoni suffiċjenti l-kontenut essenzjali u r-rekwiżiti li jirriżultaw mir-regolament; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li l-proċess li jiġu żviluppati linji gwida, li mhumiex legalment vinkolanti u li mhumiex parti mir-regolament, ma jrid fl-ebda każ jikkawża aktar dewmien fl-applikazzjoni tar-regolament, u jirrimarka b'mod partikolari li l-Kummissjoni għandha d-dmir li timplimenta l-leġiżlazzjoni tal-UE irrispettivament mill-iskedi elettorali fl-Istati Membri;

5.  Jinnota li f'Ottubru 2021, skont l-Artikolu 265 tat-TFUE, il-Parlament nieda azzjoni kontra l-Kummissjoni quddiem il-QĠUE minħabba n-nuqqas tagħha li tieħu azzjoni u tapplika r-regolament, li fl-2021 kienet ġiet mitluba f'żewġ riżoluzzjonijiet u li kienu segwitu tat-tweġibiet mhux sodisfaċenti mill-Kummissjoni u t-tentattiv tagħha biex tikseb iktar ħin; ifakkar li dan il-każ(13) bħalissa jinsab fil-fażi bil-miktub tal-proċedura, fejn il-partijiet involuti – il-Kummissjoni u l-Parlament – jippreżentaw l-argumenti tagħhom bil-miktub; jiddispjaċih għall-fatt li l-Kummissjoni għadha ma weġbitx għas-sejħa tal-Parlament biex jiġi attivat l-Artikolu 6(1) tar-Regolament u ma bagħtitx notifiki bil-miktub lill-Istati Membri kkonċernati, iżda bagħtet biss talbiet għal informazzjoni lill-Ungerija u lill-Polonja f'Novembru 2021;

6.  Jiddispjaċih dwar l-inabbiltà tal-Kunsill li jwettaq progress sinifikanti fl-infurzar tal-valuri tal-Unjoni fil-proċeduri tal-Artikolu 7 li għaddejjin bħalissa b'rispons għat-theddid għall-valuri komuni Ewropej fil-Polonja u fl-Ungerija; jirrimarka li dan in-nuqqas min-naħa tal-Kunsill li jagħmel użu effettiv mill-Artikolu 7 tat-TUE qed ikompli jdgħajjef l-integrità tal-valuri komuni Ewropej, il-fiduċja reċiproka u l-kredibbiltà tal-Unjoni kollha kemm hi; iħeġġeġ lill-Presidenza Franċiża u lis-suċċessuri tagħha jorganizzaw seduti ta' smigħ fuq bażi regolari; jilqa', f'dan ir-rigward, l-ewwel seduta ta' smigħ imsejħa mill-Presidenza Franċiża fit-22 ta' Frar 2022 u t-tieni waħda, li ġiet ippjanata għat-30 ta' Mejju 2022; jirrakkomanda lill-Kunsill jindirizza rakkomandazzjonijiet konkreti lill-Istati Membri inkwistjoni, kif previst fl-Artikolu 7(1) tat-TUE, bħala segwitu għas-seduti ta' smigħ, u li jindika l-iskadenzi għall-implimentazzjoni ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet;

7.  Jistieden, għalhekk, lill-Presidenza Franċiża tissodisfa l-impenn tagħha għal "Ewropa aktar umana" u tikkontribwixxi b'mod riżolut għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt u għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, kif minquxa fil-programm tagħha tal-presidenza tal-UE, fejn l-istat tad-dritt huwa deskritt bħala "prerekwiżit essenzjali għall-funzjonament tajjeb tal-Unjoni"; iħeġġeġ lill-Presidenza Franċiża tappoġġja l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni rapidi u tajbin tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt;

8.  Jissottolinja li s-sitwazzjoni li qed tiddeterjora rigward l-istat tad-dritt f'xi Stati Membri teħtieġ djalogu kostruttiv dwar l-evoluzzjoni ulterjuri tas-sett ta' għodod tal-UE dwar l-istat tad-dritt;

9.  Jisħaq li fit-teħid ta' kwalunkwe azzjoni skont ir-regolament, il-Kummissjoni għandha tiżgura trasparenza sħiħa u tinforma lill-Parlament b'mod sħiħ u f'waqtu, għall-kuntrarju tal-approċċ meħud mill-Kummissjoni meta tibgħat ittri li jitolbu informazzjoni skont ir-regolament f'Novembru 2021;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-riċevituri jew il-benefiċjarji finali tal-fondi tal-UE ma jiġux miċħuda l-benefiċċji tal-fondi tal-UE fil-każ li jiġu applikati sanzjonijiet skont il-Mekkaniżmu ta' Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt, kif stabbilit fl-Artikolu 5, subparagrafi (4) u (5), tar-regolament;

11.  Jisħaq li l-Mekkaniżmu ta' Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt għandu jiġi applikat kemm għall-baġit tal-Unjoni kif ukoll għan-Next Generation EU; jisħaq wkoll li l-approvazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali skont il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza għandha tiddependi fuq it-twettiq tal-11-il kriterju kollha stabbiliti fl-Artikolu 19 fl-Anness V tar-regolament dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza; jistenna li l-Kummissjoni teskludi r-riskji kollha tal-programmi taħt il-politika ta' koeżjoni li jikkontribwixxu għall-użu ħażin tal-fondi tal-UE jew għall-ksur tal-istat tad-dritt qabel ma tapprova l-ftehimiet ta' sħubija u l-programmi tal-politika ta' koeżjoni; jistieden lill-Kummissjoni tapplika r-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni u r-Regolament Finanzjarju b'mod aktar strett sabiex tindirizza l-użu diskriminatorju tal-fondi tal-UE b'mod partikolari kwalunkwe użu ta' natura politikament motivata;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri.

(1) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 1.
(2) ĠU C 494, 8.12.2021, p. 61.
(3) ĠU C 67, 8.2.2022, p. 86.
(4) ĠU C 99, 1.3.2022, p. 146.
(5) Is-sentenza tas-16 ta' Frar 2022, L-Ungerija vs Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, C-156/21, ECLI:EU:C:2022:97 u s-sentenza tas-16 ta' Frar 2022, Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, C-157/21, ECLI:EU:C:2022:98.
(6) Is-sentenza tat-3 ta' Ġunju 2021, L-Ungerija vs Il-Parlament, C-650/18, ECLI:EU:C:2021:426.
(7) Id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Lulju 2021, Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja, C-204/21 R, ECLI:EU:C:2021:593 u s-sentenza tal-15 ta' Lulju 2021, Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja, C-791/19, ECLI:EU:C:2021:596
(8) ĠU C 433, 23.12.2019, p. 66.
(9) ĠU C 129, 5.4.2019, p. 13.
(10) ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.
(11) ĠU C 395, 29.9.2021, p. 2.
(12) Fil-kawżi C-156/21 u C-157/21, kif imsemmi hawn fuq.
(13) C-657/21.

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Ġunju 2022Avviż legali - Politika tal-privatezza