Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2021/2006(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0034/2022

Testi mressqa :

A9-0034/2022

Dibattiti :

PV 09/03/2022 - 4
CRE 09/03/2022 - 4

Votazzjonijiet :

PV 10/03/2022 - 2
PV 10/03/2022 - 9
CRE 10/03/2022 - 2
CRE 10/03/2022 - 9

Testi adottati :

P9_TA(2022)0076

Testi adottati
PDF 161kWORD 54k
Il-Ħamis, 10 ta' Marzu 2022 - Strasburgu
Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: stħarriġ annwali dwar it-tkabbir sostenibbli 2022
P9_TA(2022)0076A9-0034/2022

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2022 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: stħarriġ annwali dwar it-tkabbir sostenibbli 2022 (2022/2006(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 136 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 tat-Trattati dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 tat-Trattati dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta' Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1177/2011 tat-8 ta' Novembru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1174/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar miżuri ta' infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1175/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet tal-budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom(7),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro(8),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni(9) (ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza(10) (ir-Regolament dwar l-RRF),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2020 bit-titolu "Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss" (COM(2020)0456),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2021 bit-titolu "Il-Koordinazzjoni tal-Politika Ekonomika fl-2021: biex tingħeleb il-COVID-19, ikun appoġġat l-irkupru u tkun modernizzata l-ekonomija tagħna" (COM(2021)0500),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Marzu 2021 bit-titolu "Il-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali" (COM(2021)0102),

–  wara li kkunsidra l-Impenn Soċjali ta' Porto tas-7 ta' Mejju 2021 tal-Kunsill, il-Kummissjoni, il-Parlament u s-sħab soċjali,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Novembru 2021 bit-titolu "Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2022" (COM(2021)0740),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-24 ta' Novembru 2021 bit-titolu "Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2022" (COM(2021)0741) u r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Novembru 2021 għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (COM(2021)0742),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tas-16 ta' Frar 2021 bit-titolu "Financial Stability implications of support measures to protect the real economy from the COVID-19 pandemic",

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2020 bit-titolu "Identifying Europe's recovery needs",

–  wara li kkunsidra t-tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2021 tal-11 ta' Novembru 2021,

–  wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-Bord Fiskali Ewropew tas-16 ta' Ġunju 2021 dwar il-pożizzjoni fiskali xierqa għaż-żona tal-euro fl-2022,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Ġunju 2021 bit-titolu "L-iskrutinju tal-Parlament dwar il-valutazzjoni li qed issir mill-Kummissjoni u mill-Kunsill tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2020 dwar il-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli - Kif niffinanzjaw il-Patt Ekoloġiku,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Bord Fiskali Ewropew tal-10 ta' Novembru 2021,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2021 dwar ir-rieżami tal-qafas leġiżlattiv makroekonomiku għal impatt aħjar fuq l-ekonomija reali tal-Ewropa u trasparenza aħjar tat-teħid ta' deċiżjonijiet u tal-akkontabbiltà demokratika(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Marzu 2022 dwar l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna(12),

–  wara li kkunsidra r-Regola 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0034/2022),

A.  billi s-Semestru Ewropew għandu rwol importanti fil-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u baġitarji fl-Istati Membri, u b'hekk jissalvagwardja l-istabbiltà makroekonomika tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja; billi dan il-proċess ma għandux jinjora l-objettivi tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u tal-Patt Ekoloġiku Ewropew kif ukoll kwistjonijiet oħra relatati mas-settur finanzjarju u mat-tassazzjoni; billi l-integrazzjoni ta' dawn il-kwistjonijiet ma għandhiex tnaqqas min-natura prinċipalment ekonomika u fiskali tas-Semestru Ewropew;

B.  billi jfakkar li skont it-tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni tax-xitwa, ir-rata ta' tkabbir tal-PDG għall-2022 hija mistennija li tkun 4,0 % tal-PDG kemm għaż-żona tal-euro kif ukoll għall-EU-27, iżda hija mistennija li tonqos għal 2,7 % għaż-żona tal-euro u 2,8 % għall-EU-27 rispettivament fl-2023;

C.  billi t-tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni tax-xitwa juri differenza sinifikanti fir-ritmu tal-irkupru bejn l-Istati Membri fl-2021, b'disparità fit-tkabbir tal-PDG li tvarja minn 2,8 % sa 13,7 %;

D.  billi l-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal żieda fl-inugwaljanzi soċjali, territorjali, interġenerazzjonali, ekonomiċi u abbażi tal-ġeneru;

E.  billi skont it-tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni tax-xitwa, ir-rata medja tal-qgħad naqset għal 7,0 % fiż-żona tal-euro u għal 6,4 % fl-EU-27 fl-2021; ;

F.  billi r-reċessjoni ekonomika bla preċedent fl-2020 u l-miżuri meħuda b'reazzjoni għall-pandemija żiedu l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern fl-2021 għal 100 % fiż-żona tal-euro u għal 92,1 % fl-EU-27;

G.  billi t-tisħiħ tal-produttività u l-kompetittività globali tal-UE jirrikjedi riformi strutturali, soċjalment ibbilanċjati, li jsaħħu t-tkabbir u sostenibbli kif ukoll livell adegwat ta' investiment;

H.  billi l-irkupru ekonomiku ta' wara l-pandemija jirrikjedi l-implimentazzjoni rapida u effiċjenti tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF); billi l-pjanijiet kollha għall-irkupru u r-reżiljenza għandhom jindirizzaw kull wieħed mis-sitt pilastri kif ukoll l-objettivi ġenerali u speċifiċi tar-Regolament dwar l-RRF u jirrispettaw il-prinċipji orizzontali tiegħu;

I.  billi l-isfidi relatati mal-istat tad-dritt ġew identifikati matul il-proċess tas-Semestru Ewropew;

J.  billi l-aspetti relatati mal-futur possibbli tal-qafas fiskali tal-UE ġew indirizzati f'rapport fuq inizjattiva proprja tal-Parlament Ewropew speċifiku għal dan il-għan;

K.  billi l-aspetti soċjali u tal-impjiegi tal-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir sostenibbli ġew indirizzati mir-rapport doppju tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tal-Parlament bit-titolu "Is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: aspetti soċjali u tal-impjiegi fl-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir sostenibbli 2022";

L.  billi l-aspetti relatati mal-implimentazzjoni tal-RRF se jiġu indirizzati f'rapport fuq inizjattiva proprja tal-Parlament Ewropew speċifiku għal dan il-għan;

Prospetti ekonomiċi għall-UE

1.  Jinnota li l-ekonomija Ewropea qed tirkupra aktar malajr milli mistenni mill-impatt devastanti tal-pandemija globali tal-COVID-19; jissottolinja l-importanza kruċjali li kellhom u se jibqa' jkollhom l-interventi ta' politiki innovattivi u f'waqthom biex itaffu l-impatt tal-pandemija fuq l-ekonomija Ewropea;

2.  Jisħaq li l-kunflitt fl-Ukrajna u s-sanzjonijiet severi kontra l-Federazzjoni Russa inevitabbilment se jinvolvu effetti negattivi fuq l-ekonomija tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika u tiffaċilita mezzi u modi biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tas-sanzjonijiet;

3.  Jinsab imħasseb dwar varjanti emerġenti ġodda, lockdowns lokalizzati minħabba l-pandemija, żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija, pressjoni inflazzjonarja, interruzzjonijiet min-naħa tal-provvista u nuqqas emerġenti ta' ħaddiema; jinnota li dawn ir-riskji joħolqu ammont sinifikanti ta' inċertezza u jistgħu jfixklu l-prospetti ta' tkabbir ekonomiku fix-xhur li ġejjin u jdewmu t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli, diġitali, kompetittiva u valida fil-futur;

4.  Jinnota li l-Istati Membri kollha huma mistennija jilħqu l-livell ta' produzzjoni tagħhom ta' qabel il-pandemija sa tmiem l-2022; huwa mwissi bil-fatt li r-ritmu tal-irkupru kien varjat fost l-Istati Membri u r-reġjuni, b'differenzi sinifikanti u b'disparità fost l-Istati Membri fl-2021; jinnota, madankollu, li l-irkupru mistenni jkun aktar uniformi fl-2022 u fl-2023; jissottolinja l-fatt li r-rati ta' tkabbir imbassra għall-UE fl-2022 u fl-2023 huma aktar baxxi mit-tkabbir ekonomiku globali previst fil-PDG;

5.  Jirrikonoxxi li l-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 kienet partikolarment severa għall-intrapriżi, l-aktar għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), fit-turiżmu, fl-ospitalità u fil-kultura; jisħaq li l-Istati Membri li kienu aktar dipendenti fuq dawn is-servizzi sofrew l-agħar impatt ekonomiku;

6.  Jirrikonoxxi l-kunċett ta' solidarjetà Ewropea li tirfed l-istabbiliment tal-RRF; jirrimarka li l-implimentazzjoni trasparenti u b'suċċess tal-RRF se tgħin biex l-ekonomiji u s-soċjetajiet tal-UE jsiru aktar għonja, sostenibbli, inklużivi, kompetittivi, reżiljenti u mħejjija aħjar għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, u se tgħin biex trawwem koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

Politiki fiskali responsabbli u sostenibbli

7.  Jinnota li l-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir se tibqa' tiġi applikata fl-2022 u mistennija tiġi diżattivata mill-2023, dment li tintemm il-ġustifikazzjoni li abbażi tagħha ġiet attivata;

8.  Jemmen li r-rieżami tal-qafas ta' governanza ekonomika tal-UE huwa neċessarju; jaqbel mal-Bord Fiskali Ewropew dwar l-importanza li jkun hemm perkors ċar lejn qafas fiskali rieżaminat, preferibbilment qabel id-diżattivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali;

9.  Jieħu nota tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi gwida dwar il-politiki fiskali għall-perjodu li jwassal għad-diżattivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali, li tirrifletti sew is-sitwazzjoni ekonomika speċifika ta' kull Stat Membru u sew id-diskussjonijiet dwar il-qafas ta' governanza ekonomika; ifakkar, f'dan ir-rigward, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2021 dwar ir-rieżami tal-qafas leġiżlattiv makroekonomiku;

10.  Huwa konvint li l-koordinazzjoni tal-politiki fiskali nazzjonali tibqa' kruċjali biex tirfed l-irkupru; jinnota li l-pożizzjoni fiskali kumplessiva, filwaqt li jitqiesu l-baġits nazzjonali u l-RRF, hija mistennija li tibqa' ta' appoġġ fl-2022 biex issostni l-irkupru u tiżgura bidla gradwali fil-politika fiskali; jaqbel mal-Kummissjoni li l-Istati Membri b'livelli baxxi jew medji ta' dejn għandhom isegwu jew iżommu pożizzjoni fiskali ta' appoġġ, u li l-Istati Membri b'livelli għolja ta' dejn għandhom jużaw l-RRF biex jiffinanzjaw investiment addizzjonali biex jappoġġaw l-irkupru, filwaqt li jsegwu politika fiskali prudenti li, madankollu, ma tkunx ta' impediment għall-investiment pubbliku meħtieġ biex jiġu ffinanzjati setturi ta' importanza strateġika għall-irkupru u r-reżiljenza tal-ekonomiji u s-soċjetajiet Ewropej; jaqbel mal-Kummissjoni li l-Istati Membri kollha għandhom jippreservaw jew jippreservaw b'mod wiesa' l-investiment nazzjonali tagħhom iffinanzjat fil-livell nazzjonali;

11.  Jisħaq li sew id-dħul pubbliku u sew l-infiq pubbliku huma essenzjali biex tiġi garantita s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi; jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni biex jindirizzaw il-frodi tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus, u jsegwu riformi sostenibbli, soċjalment ibbilanċjati u li jsaħħu t-tkabbir;

Riformi strutturali u investiment li jsaħħu t-tkabbir, ibbilanċjati, inklużivi u sostenibbli

12.  Iqis li huwa kruċjali li jiġu kkoordinati l-isforzi nazzjonali ta' riforma u ta' investiment kif ukoll l-iskambju tal-aħjar prattiki sabiex jiżdiedu l-konverġenza u r-reżiljenza tal-ekonomiji tagħna, jiġi promoss tkabbir sostenibbli u inklużiv, u jittejbu l-oqfsa istituzzjonali biex jiżdiedu s-sjieda u l-akkontabbiltà fil-livell nazzjonali;

13.  Jenfasizza li l-RRF tippreżenta opportunità unika u bla preċedent għall-Istati Membri kollha biex jindirizzaw l-isfidi strutturali ewlenin u l-ħtiġijiet ta' investiment, inklużi t-tranżizzjoni ġusta, dik ekoloġika u dik diġitali; jinsisti li l-pjanijiet kollha għall-irkupru u r-reżiljenza jindirizzaw ir-rekwiżiti kollha tar-Regolament dwar l-RRF, b'mod partikolari s-sitt pilastri; jenfasizza l-interazzjoni bejn is-Semestru Ewropew u l-RRF; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu l-aħjar użu minn din l-opportunità u jużawha biex jittrasformaw l-ekonomiji tagħhom u jagħmluhom sostenibbli, aktar kompetittivi u aktar reżiljenti għal xokkijiet futuri; jenfasizza r-rwol tal-Parlament Ewropew fl-implimentazzjoni tal-RRF, kif minqux fir-Regolament dwar l-RRF;

14.  Ifakkar li l-RRF u kull wieħed mill-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza għandhom jirrispettaw bis-sħiħ ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt u li l-miżuri stabbiliti f'dawk il-pjanijiet ma għandhomx imorru kontra l-valuri tal-UE minquxa fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; jinsisti li għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tiżgura li ebda proġett jew miżura ma jmorru kontra dawn il-valuri sew matul il-fażijiet ta' valutazzjoni u sew matul dawk ta' implimentazzjoni u jitlob li tieħu azzjoni xierqa għal rieżami;

15.  Jenfasizza li l-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt sinifikanti fuq in-nisa; jenfasizza l-importanza li tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-ekonomija, inkluża l-parteċipazzjoni inklużiva fl-ekonomija u t-trasformazzjoni diġitali, u li jiġi żgurat tkabbir aktar inklużiv bħala parti mis-soluzzjoni għall-irkupru ta' wara l-pandemija, li se jikkontribwixxu għaż-żieda tal-impjiegi, il-prosperità ekonomika u l-kompetittività madwar l-UE;

16.  Jinnota li ħafna Stati Membri qed ikollhom jiffaċċjaw sew livell subottimali ta' investiment privat u pubbliku u sew sfidi strutturali antiki u ġodda li qed ixekklu l-potenzjal tat-tkabbir tagħhom; jenfasizza, għalhekk, li l-indirizzar tal-isfidi strutturali u żieda fl-investiment privat u pubbliku huma kruċjali għal irkupru sostenibbli u tkabbir kontinwu; huwa tal-fehma li l-implimentazzjoni ta' riformi biex jiġu indirizzati vulnerabbiltajiet strutturali antiki u ġodda hija kruċjali mhux biss biex titjieb il-kapaċità li wieħed jiflaħ għall-isfidi eżistenti u jlaħħaq magħhom, iżda wkoll biex it-tranżizzjoni doppja titwettaq b'mod sostenibbli, ġust u inklużiv u biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi soċjali; jindika n-nuqqas ta' sjieda nazzjonali bħala waħda mid-dgħufijiet ewlenin fil-promulgazzjoni tar-riformi mmirati biex jindirizzaw in-nuqqasijiet strutturali;

17.  Jinsab imħasseb li l-Kummissjoni identifikat vulnerabbiltajiet makroekonomiċi relatati ma' żbilanċi u żbilanċi eċċessivi fi 12-il Stat Membru; jinsab imħasseb li n-natura u s-sors tal-iżbilanċi tal-Istati Membri jibqgħu fil-biċċa l-kbira l-istess bħal qabel il-pandemija u li jista' jkun ukoll li l-pandemija qed tiggrava l-iżbilanċi u d-diverġenzi ekonomiċi; jistieden lill-Istati Membri jieħdu vantaġġ mill-opportunità bla preċedent provduta mill-RRF biex inaqqsu b'mod sinifikanti l-iżbilanċi makroekonomiċi eżistenti, b'mod partikolari billi jinkludu miżuri ta' riforma ambizzjużi fil-pjanijiet nazzjonali tal-Istati Membri kollha; jisħaq li eżekuzzjoni tajba hija essenzjali biex isir użu sħiħ minn din l-opportunità;

18.  Jinnota li livelli għoljin ta' dejn pubbliku jistgħu jsiru element ta' instabbiltà makroekonomika, speċjalment jekk il-politika monetarja tal-Bank Ċentrali Ewropew kellha ssir inqas akkomodanti; jenfasizza l-importanza ta' qafas regolatorju u strateġiji ta' politika xierqa li jistgħu jikkombinaw tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn għall-PDG ma' livell adegwat ta' investiment privat u pubbliku li jkun kapaċi jiżgura tkabbir ekonomiku sostnut, kompetittività għolja u koeżjoni soċjali;

19.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-proċedura ta' żbilanċ makroekonomiku fl-identifikazzjoni, il-prevenzjoni u l-indirizzar tal-iżbilanċi makroekonomiċi fl-UE; jenfasizza li se jkunu meħtieġa monitoraġġ u viġilanza kontinwi u li l-Istati Membri għandhom jindirizzaw l-iżbilanċi emerġenti permezz ta' riformi li jsaħħu r-reżiljenza ekonomika u soċjali u jippromwovu t-trasformazzjoni diġitali, it-tranżizzjoni ekoloġika u t-tranżizzjoni ġusta; jisħaq li l-Kummissjoni għandha rwol importanti biex il-gvernijiet jinżammu responsabbli f'dan ir-rigward;

20.  Ifakkar li ċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew huwa qafas stabbilit sew għall-Istati Membri tal-UE biex jikkoordinaw il-politiki tagħhom fl-oqsma fiskali, ekonomiċi, soċjali, ekonomiċi u tal-impjiegi; jisħaq li mingħajr sforzi kkoordinati biex jiġu implimentati t-tranżizzjonijiet diġitali u ambjentali u biex jiġu indirizzati ċerti kwistjonijiet relatati mas-settur finanzjarju, l-ekonomiji Ewropej jistgħu jsofru ħsara fit-tul, u b'hekk jikkompromettu kwalunkwe tentattiv biex jiġu promossi politiki fiskali sostenibbli u kredibbli; Jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tikkunsidra b'mod adegwat dawn l-elementi kollha fil-proċessi futuri tas-Semestru Ewropew, mingħajr ma tikkomprometti l-approċċ attwali bbażat fuq politiki fiskali u baġitarji;

Semestru Ewropew aktar demokratiku

21.  Jenfasizza l-importanza tal-involviment f'dibattitu sħiħ u li sew il-parlamenti nazzjonali u sew il-Parlament Ewropew jiġu involuti b'mod xieraq fil-proċess tas-Semestru Ewropew; itenni t-talba tiegħu biex jissaħħaħ ir-rwol demokratiku tal-Parlament fil-qafas tal-governanza ekonomika u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jqisu kif xieraq ir-riżoluzzjonijiet tiegħu;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni żżomm sew lill-Parlament u sew lill-Kunsill, bħala koleġiżlaturi, infurmati tajjeb u bl-istess mod dwar l-aspetti kollha relatati mal-applikazzjoni tal-qafas ta' governanza ekonomika tal-UE, inkluż dwar l-istadji preparatorji;

23.  Jinnota li l-Kummissjoni, il-Kunsill u l-President tal-Grupp tal-Euro għandhom jidhru regolarment quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament biex jipprovdu informazzjoni u jiskambjaw fehmiet dwar l-aħħar eventi ekonomiċi u politiċi;

24.  Jappella għal koordinazzjoni impenjata mas-sħab soċjali u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħra sew fil-livell nazzjonali u sew f'dak Ewropew sabiex jissaħħu l-akkontabbiltà demokratika u t-trasparenza;

o
o   o

25.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41.
(2) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 33.
(3) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 1.
(4) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 8.
(5) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 12.
(6) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(7) ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1.
(8) ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11.
(9) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 1.
(10) ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17.
(11) ĠU C 99, 1.2.2022, p. 191.
(12) Testi adottati, P9_TA(2022)0052.

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Ġunju 2022Avviż legali - Politika tal-privatezza