Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2022 dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Messiku (2022/2580(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Messiku,
– wara li kkunsidra l-Ftehim dwar Sħubija Ekonomika, Koordinazzjoni Politika u Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Istati Uniti Messikani, min-naħa l-oħra(1) (il-Ftehim Globali UE-Messiku), li ilu fis-seħħ mill-2000, u l-ftehim modernizzat,
– wara li kkunsidra d-Djalogi ta' Livell Għoli UE-Messiku dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Djalogu ta' Livell Għoli dwar Kwistjonijiet Multilaterali,
– wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u dwar il-Libertà tal-Espressjoni Online u Offline,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali tal-Unjoni Ewropea, in-Norveġja u l-Iżvizzera tal-15 ta' Frar 2022 dwar il-qtil tal-ġurnalist Heber López Vásquez,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, ir-Rapporteur Speċjali tagħha għal-Libertà tal-Espressjoni u l-Uffiċċju tal-Messiku tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tat-28 ta' Jannar 2022 li tikkundanna l-qtil ta' María de Lourdes Maldonado López,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tad-19 ta' Ottubru 2020 bit-titolu "Espert tan-NU jħeġġeġ lill-Messiku jżid il-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem",
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tan-NU dwar is-Sikurezza tal-Ġurnalisti u l-Kwistjoni tal-Impunità tal-2012,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-vjolenza, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-attakki kontra l-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-difensuri ambjentali u l-popli u l-komunitajiet indiġeni, u d-difensuri tad-drittijiet tan-nisa qed jiżdiedu b'mod drammatiku fil-Messiku; billi l-vjolenza mifruxa fil-Messiku qed tkompli tiżdied, kif ġie kkonstatat matul l-elezzjonijiet lokali u reġjonali ta' Ġunju 2021, u billi s-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt qed tiddeterjora serjament; billi għadd preokkupanti u drammatiku ta' ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari dawk li jinvestigaw il-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali pubbliċi jew li jesponu l-ħidma ta' kartelli kriminali tad-droga, speċjalment f'livell lokali, huma vittmi ta' twissijiet, fastidju, theddid, stupri, attakki, għajbien furzat u saħansitra qtil, u jiġu ssorveljati jew mill-awtoritajiet tal-gvern jew minn gruppi kriminali; billi fis-27 ta' Frar 2022 seħħ qtil tal-massa li fih inqatlu 17-il ruħ;
B. billi l-Messiku ilu għal ħafna żmien l-aktar post perikoluż u fatali għall-ġurnalisti barra żona uffiċjali tal-gwerra skont diversi organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u organizzazzjonijiet internazzjonali; billi skont Reporters Without Borders, għat-tielet sena konsekuttiva fl-2021, il-Messiku kien l-aktar pajjiż perikoluż fid-dinja għall-ġurnalisti u ġie kklassifikat fil-143 post minn 180 pajjiż fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-2021;
C. billi l-ewwel xhur tal-2022 huma l-aktar xhur li fihom inqatlu ġurnalisti fil-Messiku, fejn mill-inqas sitt ġurnalisti ġew assassinati; billi l-każijiet ta' qtil ta' María de Lourdes Maldonado López, Margarito Martínez, José Luis Gamboa, Heber López Vásquez u Roberto Toledo huma biss ftit eżempji drammatiċi ta' attakki kontra ġurnalisti u ħaddiema tal-midja; billi l-ġurnalisti qed ikollhom iġarrbu kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena u ħafna minnhom m'għandhomx aċċess għas-servizzi tas-saħħa u tal-kura mentali; billi s-sitwazzjoni marret għall-agħar mill-aħħar elezzjonijiet presidenzjali f'Lulju 2018, u mill-inqas 47 ġurnalist ġew assassinati skont sorsi uffiċjali;
D. billi skont il-Ministeru tal-Intern, minn Diċembru 2018 'l hawn inqatlu mill-inqas 68 difensur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Messiku; billi l-livell ta' vjolenza kontra n-nisa u l-għadd ta' femminiċidji huma għoljin u minkejja li ttieħdu xi passi istituzzjonali, l-għadd ta' persuni li għebu huwa estremament allarmanti;
E. billi l-President López Obrador spiss uża r-retorika populista fil-laqgħat għall-istampa ta' kuljum biex jiddenigra u jintimida ġurnalisti, sidien tal-midja u attivisti indipendenti; billi r-retorika ta' abbuż u stigmatizzazzjoni toħloq atmosfera ta' preokkupazzjoni kontinwa għall-ġurnalisti indipendenti; billi bl-iskuża tal-ġlieda kontra l-aħbarijiet foloz, il-Gvern Messikan ħoloq pjattaforma tal-istat biex jiddenunzja, jistigmatizza u jattakka l-istampa kritika; billi fi Frar 2022 il-ġurnalisti organizzaw protesti fi 13 mit-32 stat Messikan, fejn talbu aktar sigurtà u investigazzjonijiet dwar l-attakki kontra l-ġurnalisti;
F. billi minn Jannar 2022, il-Mekkaniżmu Federali ta' Protezzjoni għad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ġurnalisti kellu fis-seħħ miżuri ta' protezzjoni għal 1 518-il persuna – 1 023 difensur tad-drittijiet tal-bniedem u 495 ġurnalist; billi l-mekkaniżmu huwa mxekkel minn nuqqasijiet serji f'termini tal-ammont ta' finanzjament u tal-għadd ta' persunal disponibbli, nuqqas ta' akkumpanjament adegwat, nuqqas ta' koordinazzjoni mal-gvernijiet tal-istati u dewmien fit-twettiq tal-miżuri ta' protezzjoni, li spiss jiswew il-ħajjiet; billi mill-inqas disa' benefiċjarji fil-programm ta' protezzjoni nqatlu;
G. billi l-Istat Messikan qed jaħdem fuq il-ħolqien ta' sistema nazzjonali ta' prevenzjoni u protezzjoni għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti li se tkun ibbażata fuq Att Ġenerali ta' Prevenzjoni u Protezzjoni kontra l-Attakki fuq id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ġurnalisti u se tinkludi l-adozzjoni ta' mudell nazzjonali ta' prevenzjoni, il-ħolqien ta' rekords nazzjonali dwar l-attakki, u l-implimentazzjoni ta' protokoll nazzjonali ta' protezzjoni;
H. billi l-korruzzjoni istituzzjonalizzata u mifruxa, imħeġġa minn sistema ġudizzjarja inadegwata, qed tikkawża problema endemika ta' impunità, u 95 % tal-każijiet ta' qtil ta' ġurnalisti ma jiġux ikkastigati; billi, kif indika l-Uffiċċju tar-Rapporteur Speċjali għal-Libertà tal-Espressjoni tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, din l-impunità twassal messaġġ li l-vjolenza hija permissibbli, filwaqt li tinkoraġġixxi t-twettiq ta' reati ġodda u tiġġenera effett ta' awtoċensura; billi l-Gvern Messikan ma wettaqx kif xieraq ir-riformi meħtieġa biex jitnaqqsu l-vjolenza u l-impunità, inkluż għal reati kontra ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;
I. billi hemm indikazzjonijiet qawwija li l-Istat Messikan uża għodod ta' hacking tat-telefons maħsuba biex jikkumbattu t-terroriżmu u l-kartelli, inkluż is-software ta' spjunaġġ Pegasus, kontra ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;
J. billi f'Novembru 2020, il-Messiku rratifika l-Ftehim ta' Escazú, li jinkludi miżuri msaħħa ta' protezzjoni għad-difensuri ambjentali; billi l-Messiku għandu jipprijoritizza l-implimentazzjoni tiegħu;
K. billi reċentement il-Kungress irċieva proposta leġiżlattiva inkwetanti li tfittex li twaqqaf lil kwalunkwe NGO li tirċievi finanzjament barrani milli tipprova tinfluwenza l-leġiżlazzjoni jew tipparteċipa f'litigazzjoni strateġika;
L. billi diversi riformi kostituzzjonali tas-sistemi elettorali u ġudizzjarji – mibdija mill-amministrazzjoni ta' López Obrador – iqajmu dubji dwar l-istabbiltà tal-istat tad-dritt u ċ-ċertezza tad-dritt;
M. billi s-sħubija strateġika bejn l-UE u l-Messiku ppermettiet li jkun hemm kooperazzjoni iktar mill-qrib bejn l-UE u l-Messiku dwar kwistjonijiet ta' importanza globali, u b'mod partikolari djalogu msaħħaħ, koordinazzjoni u skambji f'oqsma bħalma huma s-sigurtà, id-drittijiet tal-bniedem, ir-riforma elettorali, l-iżvilupp reġjonali u l-politiki regolatorji u dawk kummerċjali; billi l-Messiku u l-Unjoni Ewropea jikkondividu valuri komuni;
N. billi l-Ftehim Globali bejn l-UE u l-Messiku jinkludi klawżoli dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, speċjalment fl-Artikoli 1 u 39; billi d-Djalogu ta' Livell Għoli bejn l-UE u l-Messiku dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li sar fl-2020 irriżulta fi ftehim dwar ħidma konġunta fil-Messiku biex tiżdied il-protezzjoni għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;
1. Jikkundanna t-theddid, il-fastidju u l-qtil ta' ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Messiku, inklużi d-difensuri ambjentali u l-popli u l-komunitajiet indiġeni; jistieden lill-awtoritajiet jinvestigaw il-każijiet ta' qtil fil-pront, bir-reqqa u b'mod indipendenti u imparzjali u, fil-każ tal-ġurnalisti u l-ħaddiema tal-midja, bi qbil mal-protokoll approvat għall-investigazzjoni ta' reati kontra l-libertà tal-espressjoni;
2. Jesprimi s-simpatija, is-solidarjetà u l-kondoljanzi l-aktar profondi tiegħu lill-vittmi u l-familji tagħhom kollha; itenni t-tħassib tiegħu dwar il-klima ta' insigurtà u ostilità li jiffaċċjaw id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti u jappoġġjahom b'sens ta' solidarjetà;
3. Jenfasizza li sabiex demokrazija b'saħħitha tiffunzjona, il-libertà tal-kelma online u offline, il-libertà tal-istampa u l-libertà tal-għaqda huma mekkaniżmi fundamentali; jistieden lill-awtoritajiet Messikani jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw il-protezzjoni u l-ħolqien ta' ambjent sikur għall-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem f'konformità mal-istandards internazzjonali stabbiliti, inkluż billi jindirizzaw kemm fil-livell statali kif ukoll f'dak federali l-kwistjoni tal-korruzzjoni mifruxa, it-taħriġ u r-riżorsi inadegwati, il-kompliċità ta' xi uffiċjali u sistemi ġudizzjarji mhux adegwati, li jwasslu għal rati tant għoljin ta' impunità;
4. Jinnota bi tħassib il-kritika sistematika u iebsa użata mill-ogħla awtoritajiet tal-Gvern Messikan kontra l-ġurnalisti u x-xogħol tagħhom u jikkundanna l-attakki frekwenti fuq il-libertà tal-midja u b'mod partikolari fuq il-ġurnalisti u l-ħaddiema tal-midja; itenni li l-ġurnaliżmu jista' jitwettaq biss f'ambjent ħieles minn theddid, aggressjoni fiżika, psikoloġika jew morali, jew atti oħra ta' intimidazzjoni u fastidju, u jistieden lill-awtoritajiet Messikani jiddefendu u jissalvagwardjaw l-ogħla standards għall-protezzjoni tal-libertà tal-kelma, il-libertà tal-għaqda u l-libertà tal-għażla;
5. Jistieden lill-awtoritajiet, u b'mod partikolari l-ogħla awtoritajiet, joqogħdu lura milli joħorġu kwalunkwe komunikazzjoni li tista' tistigmatizza d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u l-ħaddiema tal-midja, taggrava l-atmosfera kontrihom jew tgħawweġ il-linji ta' investigazzjoni tagħhom; jistieden lil dawk l-awtoritajiet jenfasizzaw pubblikament ir-rwol ċentrali li għandhom id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti fis-soċjetajiet demokratiċi;
6. Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Messiku jieħu miżuri konkreti, fil-pront u effettivi biex isaħħaħ l-istituzzjonijiet nazzjonali, statali u lokali u jimplimenta sett ta' strateġiji urġenti, komprensivi u koerenti għall-prevenzjoni, il-protezzjoni, ir-riparazzjonijiet u l-obbligu ta' rendikont sabiex jiżgura li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti jkunu jistgħu jkomplu l-attivitajiet tagħhom mingħajr biża' ta' rappreżalji u mingħajr restrizzjonijiet, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jirrakkomanda li l-Messiku jintegra perspettiva tal-ġeneru meta jindirizza s-sikurezza tal-ġurnalisti u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;
7. Iħeġġeġ lill-Mekkaniżmu Federali ta' Protezzjoni għad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ġurnalisti jwettaq il-wegħda tiegħu li jżid il-finanzjament u r-riżorsi tiegħu u jistabbilixxi proċessi aktar rapidi biex jinkludi d-difensuri u l-ġurnalisti bħala benefiċjarji bil-għan li jiġu salvati l-ħajjiet u tiġi garantita s-sikurezza tal-persuni mhedda, inkluż jingħataw miżuri ta' sigurtà lill-familji, lill-kollegi u lill-avukati tagħhom; jissottolinja li l-politiki ta' protezzjoni pubblika għandhom jinvolvu b'mod effettiv il-korpi governattivi u l-istituzzjonijiet ta' kull stat u l-livell lokali;
8. Iħeġġeġ lill-Gvern Messikan jieħu azzjoni biex isaħħaħ l-istituzzjonijiet tal-istat u jikkonsolida l-istat tad-dritt bil-għan li jiġu indirizzati wħud mill-problemi strutturali li huma l-kawża tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u jitlob li l-organizzazzjonijiet ċivili li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem ikunu involuti f'dan il-proċess; jilqa' l-ħolqien tal-Kummissjoni Nazzjonali tat-Tiftix (KNT) bil-għan li tfittex oqbra tal-massa madwar il-pajjiż u tieħu passi biex tiddetermina u tippubblika l-għadd veru ta' persuni li għebu;
9. Jistieden lill-Gvern Messikan jikkoopera bis-sħiħ mal-korpi tan-NU u jagħmel stedina permanenti għaż-żjara tal-proċeduri speċjali kollha tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, b'mod partikolari r-Rapporteur Speċjali tan-NU għal-Libertà tal-Opinjoni u l-Espressjoni, u jikkoopera magħhom b'mod proattiv;
10. Jilqa' ż-żjara reċenti tal-Kumitat tan-NU dwar l-Għajbien Furzat fil-Messiku u l-fatt li l-gvern irrikonoxxa l-ġuriżdizzjoni tal-kumitat biex jikkunsidra każijiet mill-Messiku, li jippermetti lill-familji tal-vittmi jressqu każijiet quddiem il-kumitat ladarba jkunu eżawrew ir-rikors legali tagħhom domestikament;
11. Jistieden lill-Istati Membri kollha, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lid-Delegazzjoni tal-UE fil-Messiku jqajmu tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-kontropartijiet Messikani tagħhom u jqiegħdu l-protezzjoni tal-ġurnalisti u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-ċentru tad-djalogi bejn l-UE u l-Messiku; iħeġġeġ lid-Delegazzjoni tal-UE u lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ il-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u dwar il-Libertà tal-Espressjoni Online u Offline sabiex jipprovdu l-appoġġ xieraq kollu għall-ħidma tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti;
12. Jissottolinja l-importanza tal-Messiku bħala sieħeb strateġiku; ifakkar fl-importanza ta' relazzjoni b'saħħitha u qawwija bejn l-UE u l-Messiku u jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jrawwem ir-relazzjonijiet permezz tal-Ftehim Globali mmodernizzat bejn l-UE u l-Messiku, li jkompli jsaħħaħ id-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u jippermetti lill-UE u lill-Messiku jiddiskutu firxa ta' kwistjonijiet bħad-drittijiet tal-bniedem mas-soċjetà ċivili, inklużi l-ġurnalisti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u oħrajn f'livell multilaterali;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Istati Membri, lill-Presidenza pro tempore tal-Komunità ta' Stati tal-Amerika Latina u tal-Karibew, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, u lill-President, il-Gvern u l-Kungress tal-Messiku.