Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2022/2581(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0141/2022

Dibattiti :

PV 10/03/2022 - 7.2
CRE 10/03/2022 - 7.2

Votazzjonijiet :

PV 10/03/2022 - 9
PV 10/03/2022 - 16
CRE 10/03/2022 - 9
CRE 10/03/2022 - 16

Testi adottati :

P9_TA(2022)0079

Testi adottati
PDF 153kWORD 58k
Il-Ħamis, 10 ta' Marzu 2022 - Strasburgu
Myanmar, sena wara l-kolp ta' stat
P9_TA(2022)0079RC-B9-0141/2022

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2022 dwar il-Myanmar, sena wara l-kolp ta' stat (2022/2581(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Myanmar, jiġifieri r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-7 ta' Lulju 2016(1), tal-15 ta' Diċembru 2016(2), u tal-14 ta' Settembru 2017 dwar il-Myanmar(3), b'mod partikolari s-sitwazzjoni tar-rifuġjati Rohingya, tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar is-sitwazzjoni tar-rifuġjati Rohingya, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tat-tfal(4), tat-13 ta' Settembru 2018 dwar il-Myanmar, b'mod partikolari l-każ tal-ġurnalisti Wa Lone u Kyaw Soe Oo(5), tad-19 ta' Settembru 2019 dwar il-Myanmar, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tar-Rohingya(6), tal-11 ta' Frar 2021 dwar is-sitwazzjoni fil-Myanmar(7), u tas-7 ta' Ottubru 2021 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, inkluża s-sitwazzjoni tal-gruppi reliġjużi u etniċi(8),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/238 tal-21 ta' Frar 2022 li jikkonċerna l-miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Myanmar(9),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Frar 2021 dwar il-Myanmar,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/711 tad-29 ta' April 2021 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Myanmar/Burma(10),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-1 ta' Frar 2022 tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Albanija, l-Awstralja, il-Kanada, New Zealand, in-Norveġja, ir-Repubblika tal-Korea, l-Iżvizzera, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti dwar is-sena anniversarju tal-kolp ta' stat militari fil-Myanmar,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli f'isem l-UE tal-31 ta' Jannar 2022 dwar l-eskalazzjoni kontinwa tal-vjolenza fil-Myanmar, tat-8 ta' Novembru u tat-6 ta' Diċembru 2021 dwar is-sitwazzjoni fil-Myanmar, tat-13 ta' Ottubru 2021 biex tiġi appoġġjata l-ħidma tal-mibgħut speċjali tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), u tat-30 ta' April 2021 dwar l-eżitu tal-Laqgħa tal-Mexxejja tal-ASEAN,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-11 ta' Jannar 2022 tal-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar l-aħħar kundanna tal-Kunsillier tal-Istat Daw Aung San Suu Kyi,

–  wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin,

–  wara li kkunsidra l-Kunsens ta' Ħames Punti tal-ASEAN tal-24 ta' April 2021,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-ASEAN tat-2 ta' Frar 2022 dwar is-sitwazzjoni fil-Myanmar,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet dwar il-Myanmar tat-23 ta' Settembru 2021 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u tat-22 ta' Settembru 2021 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-16 ta' Settembru 2021 tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-29 ta' Diċembru 2021 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-sitwazzjoni fil-Myanmar,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-2 ta' Frar 2022 dwar is-sitwazzjoni fil-Myanmar,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-30 ta' Jannar 2022 attribwita lill-kelliem tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar is-sitwazzjoni fil-Myanmar,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-28 ta' Jannar 2022 mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni fil-Myanmar,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-Sitwazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Myanmar, b'mod partikolari r-rapport tat-22 ta' Frar 2022 bit-titolu "Enabling Atrocities: UN Member States' Arms Transfers to the Myanmar Military (Permess għall-Atroċitajiet: Trasferimenti tal-Armi tal-Istati Membri tan-NU lejn il-Militari tal-Myanmar),

–  wara li kkunsidra l-konklużjoni tat-28 ta' Frar 2022 tas-seduti ta' smigħ pubbliċi dwar l-oġġezzjonijiet preliminari mqajma mill-Myanmar fil-każ li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju (Il-Gambja vs il-Myanmar),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 75/287 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-18 ta' Ġunju 2021 dwar is-sitwazzjoni fil-Myanmar,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Diċembru 2021 tal-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji bit-titolu "Humanitarian Needs Overview – Myanmar" (Ħarsa ġenerali lejn il-ħtiġijiet umanitarji – il-Myanmar),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-27 ta' Diċembru 2021 tal-mibgħut speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Myanmar,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Myanmar, is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-Musulmani Rohingya u minoranzi oħrajn fil-Myanmar,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2021 tal-Mekkaniżmu Investigattiv Indipendenti għall-Myanmar tan-NU,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Missjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta tan-NU dwar il-Myanmar tat-22 ta' Awwissu 2019 rigward il-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru fil-Myanmar u l-impatt tal-kunflitti etniċi tal-pajjiż fuq il-ġeneri,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Mekkaniżmu Superviżorju tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-Myanmar,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokolli addizzjonali tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 25 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, fl-1 ta' Frar 2021, il-militar tal-Myanmar, magħruf bħala t-Tatmadaw, bi ksur ċar tal-kostituzzjoni tal-Myanmar u tar-riżultati elettorali ta' Novembru 2020, arresta lill-President Win Myint, lill-Kunsillier tal-Istat Aung San Suu Kyi u membri ewlenin tal-gvern, ħataf is-setgħa fuq il-fergħat leġiżlattivi, ġudizzjarji u eżekuttivi tal-gvern permezz ta' kolp ta' stat, u ddikjara stat ta' emerġenza ta' sena; billi f'Awwissu 2021, il-kap kmandant tal-ġunta militari, Min Aung Hlaing, ħabbar li kien qed jaħtar lilu nnifsu bħala Prim Ministru u li l-istat ta' emerġenza kien se jiġi estiż sa Awwissu 2023; billi Win Myint biss, bħala l-President tal-Myanmar, huwa awtorizzat skont il-kostituzzjoni li jiddikjara stat ta' emerġenza;

B.  billi b'reazzjoni għall-kolp ta' stat militari, faqqgħu protesti paċifiċi u dimostrazzjonijiet f'diversi bliet fil-Myanmar li talbu ritorn għad-demokrazija; billi ħadu sehem diversi gruppi, inkluż il-Moviment ta' Diżubbidjenza Ċivili; billi l-forzi tas-sigurtà użaw forza eċċessiva u letali kontra d-dimostranti; billi r-reżistenza popolari kompliet u l-vjolenza użata b'reazzjoni mit-Tatmadaw żdiedet kuljum;

C.  billi l-Kumitat li jirrappreżenta lill-Pyidaungsu Hluttaw u l-Gvern ta' Unità Nazzjonali ġew stabbiliti biex jirrappreżentaw ix-xewqat demokratiċi tal-poplu tal-Myanmar;

D.  billi fl-24 ta' April 2021, il-mexxejja tal-ASEAN iltaqgħu ma' Min Aung Hlaing, kap kmandant tal-ġunta militari, f'Jakarta u laħqu kunsens ta' ħames punti; billi, mil-lum, il-ġunta militari ma ħadet l-ebda azzjoni biex timplimenta dan il-kunsens ta' ħames punti; billi mill-adozzjoni tal-kunsens ta' ħames punti 'l hawn, il-vjolenza fil-fatt eskalat u żdiedet b'mod drammatiku;

E.  billi f'Mejju 2021, il-ġunta militari ħadet il-passi inizjali biex ixxolji l-partit politiku ta' Aung San Suu Kyi, li kien fil-gvern sal-kolp ta' stat ta' Frar 2021; billi l-Kunsillier tal-Istat Aung San Suu Kyi u l-President Win Myint għadhom il-ħabs u rċevew l-ewwel sentenzi tagħhom minn firxa ta' akkużi miġjuba kontrihom; billi Aung San Suu Kyi inizjalment ġiet ikkundannata għal erba' snin ħabs, li aktar tard ġew imnaqqsa għal sentejn, iżda qed tiffaċċja mill-inqas tnax-il akkuża b'kollox;

F.  billi l-ġunta wettqet qtil, għajbien sfurzat, tortura u stupru u reati oħra ta' vjolenza sesswali; billi mill-1 ta' Frar 2021, politiċi, uffiċjali tal-gvern, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, atturi reliġjużi, dimostranti paċifiċi u kittieba ġew arrestati illegalment jew inżammu f'detenzjoni domiċiljari; billi l-aħħar stqarrija għall-istampa tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tat-28 ta' Jannar 2022 tiddikjara li mill-kolp ta' stat, mill-inqas 1 500 persuna nqatlu u mill-inqas 11 787 persuna ġew arrestati arbitrarjament mill-awtoritajiet militari; billi mill-21 ta' Jannar 2022, il-ġunta kienet bagħtet il-ħabs lil 649 membru tal-oppożizzjoni tal-Lega Nazzjonali għad-Demokrazija u 14 kienu mietu matul id-detenzjoni jew ftit wara; billi mill-4 ta' Marzu 2022, il-qrati militari kienu kkundannaw 84 persuna għall-mewt; billi kien hemm mill-inqas 4 924 ġlieda u 1 724 attakk fuq persuni ċivili bejn Frar 2021 u Jannar 2022;

G.  billi l-ġunta mmirat lejn in-nisa permezz ta' qtil ekstraġudizzjarju, detenzjoni arbitrarja mifruxa, attakki sesswali u vjolenza abbażi tal-ġeneru; billi aktar minn 2 000 minn dawk detenuti mill-1 ta' Frar 2021 huma nisa; billi minn Diċembru 2021, il-forzi tas-sigurtà tal-ġunta qatlu 94 mara waqt offensivi, interrogazzjonijiet u manifestazzjonijiet kontra l-ġunta;

H.  billi l-ksur tal-libertà ta' reliġjon jew twemmin u ta' drittijiet tal-bniedem oħrajn qiegħed jitwettaq fil-konfront tal-minoranzi reliġjużi u etniċi fil-Myanmar; billi sa mill-bidu tal-kolp ta' stat, kien hemm aktar minn 35 rapport dokumentat ta' attakki fuq knejjes u postijiet oħra ta' qima u persuni ta' twemmin, inklużi Nsara u Musulmani;

I.  billi l-militar, b'mod parallel, kien qed iżid ir-repressjoni tiegħu fuq il-media fil-Myanmar, b'għadd dejjem jikber ta' ġurnalisti li ġew arrestati, detenuti u akkużati b'mod arbitrarju sabiex isikktu lill-media u jeqirdu l-libertà ta' espressjoni; billi l-ġunta qed tagħmel użu dejjem akbar minn għodod ta' sorveljanza u ta' ċensura permezz ta' restrizzjonijiet fuq it-telekomunikazzjonijiet u l-internet; billi mill-21 ta' Jannar 2022, il-ġunta bagħtet il-ħabs 120 ġurnalist u qatlet tlieta, u b'hekk il-Myanmar sar it-tieni l-ogħla ħabs ta' ġurnalisti fid-dinja; billi l-militar akkuża lil 12-il istabbiliment tal-aħbarijiet b'reati u/jew irrevoka l-liċenzji tagħhom;

J.  billi mill-kolp ta' stat inqatlu mill-inqas 27 attivist tal-unions u 116-il ħaddiem u trejdjunjonista ġew arrestati; billi 16-il organizzazzjoni tad-drittijiet tax-xogħol ġew iddikjarati organizzazzjonijiet illegali u ħafna minnhom ġew imġiegħla jinħbew biex jipproteġu lilhom infushom; billi ġimagħtejn wara l-kolp ta' stat, il-militar introduċa bidliet sinifikanti fil-Kodiċi Penali u fil-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali, li saru d-dispożizzjonijiet legali primarji użati biex jiġu akkużati dawk li jopponu r-reġim militari, inklużi l-mexxejja tat-trade unions u d-difensuri tad-drittijiet tax-xogħol;

K.  billi l-ġunta hija magħmula mill-istess forzi li nedew l-attakki ġenoċidali fl-2017 u li qed ikomplu jipprattikaw politiki ta' ġenoċidju u segregazzjoni fuq ir-Rohingya; billi s-600 000 Rohingya, bejn wieħed u ieħor, li fadal fl-Istat ta' Rakhine huma suġġetti għal politiki u prattiki diskriminatorji persistenti, ksur sistematiku tad-drittijiet fundamentali tagħhom, arresti arbitrarji, iżolament f'kampijiet iffullati żżejjed għal persuni spostati internament u aċċess limitat b'mod gravi għall-edukazzjoni u għall-assistenza tas-saħħa; billi l-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza tal-Myanmar tiddikjara lir-Rohingya bħala ċittadini barranin jew residenti barranin u għaldaqstant iċċaħħadhom miċ-ċittadinanza, u dan ikompli jaggrava s-sitwazzjoni prekarja tagħhom; billi l-persekuzzjoni tal-minoranza Rohingya ma waqfitx, minkejja l-bosta appelli tal-komunità internazzjonali;

L.  billi l-ġunta fil-Myanmar irrifjutat li tinvestiga serjament il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem kontra r-Rohingya u li żżomm l-awturi ta' reati responsabbli għal għemilhom; billi l-awtoritajiet jirrifjutaw li jikkooperaw mal-mekkaniżmi tan-NU; billi dan wassal biex il-Qorti Kriminali Internazzjonali tiftaħ investigazzjoni speċifika dwar is-sitwazzjoni tal-minoranza Rohingya;

M.  billi minn Diċembru 2021, il-ġunta militari żiedet l-għadd ta' attakki mill-ajru kontra rħula fl-Istati ta' minoranza etnika, li jinvolvu traġikament mill-inqas 200 000 persuna ċivili; billi skont in-NU, f'Diċembru 2021 diversi persuni mhux armati nqatlu mill-militar, inklużi ħames minorenni li nħarqu ħajjin;

N.  billi s-Segretarju Ġenerali tan-NU wissa li r-riskju ta' kunflitt armat fuq skala kbira jirrikjedi approċċ kollettiv għall-prevenzjoni ta' katastrofi multidimensjonali fil-qalba tax-Xlokk tal-Asja u lil hinn;

O.  billi aktar minn 453 000 persuna spostata reċentement, li l-biċċa l-kbira minnhom huma nisa u tfal, għadhom maqbuda fiż-żoni ta' kunflitt, barra minn 370 400 persuna oħra li diġà kienu qed jgħixu fi spostament fit-tul qabel Frar 2021 u kważi miljun rifuġjat tal-Myanmar li jinsabu f'pajjiżi ġirien; billi n-NU stmat li hemm 14,4 miljun persuna madwar il-Myanmar li jeħtieġu assistenza umanitarja, li minnhom 5 miljuni huma tfal u 13,3 miljun huma persuni f'riskju ta' insigurtà tal-ikel u ġuħ, żieda minn 2,8 miljun qabel il-kolp ta' stat militari; billi f'Diċembru 2021, l-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji ħareġ il-pjan ta' rispons umanitarju tal-2022, li jiddikjara li huma meħtieġa USD 826 miljun biex jintlaħqu s-6,2 miljun persuna fil-bżonn ta' appoġġ umanitarju li jsalva l-ħajja;

P.  billi l-aċċess u d-distribuzzjoni tal-għajnuna umanitarja ġew ristretti ħafna u mxekkla intenzjonalment mir-reġim, li qered l-infrastruttura f'żoni fil-bżonn, arresta ħaddiema tal-kura tas-saħħa, ċaħħad lil persuni minn mediċini u ossiġnu u arresta u qatel mexxejja tal-knisja u voluntiera lokali li jipprovdu appoġġ umanitarju;

Q.  billi s-sitwazzjoni umanitarja fil-Myanmar marret għall-agħar ukoll minħabba t-trattament negliġenti tal-kriżi tal-COVID-19 mill-ġunta; billi l-forzi militari użaw il-miżuri kontra l-COVID-19 għal finijiet ta' repressjoni tal-attivisti favur id-demokrazija, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ġurnalisti; billi l-ġunta għalqet l-isptarijiet u żammet lill-professjonisti tas-settur mediku taħt il-mira tagħha, u dan wassal għall-kollass tas-sistema tas-saħħa hekk kif il-każijiet ta' COVID-19 qegħdin jiżdiedu fil-pajjiż kollu; billi t-truppi qerdu t-tagħmir u l-provvisti mediċi u okkupaw għexieren ta' strutturi mediċi, u dan ġiegħel lill-poplu tal-Myanmar ma jersaqx lejn strutturi mediċi minħabba biża' li jinżammu f'detenzjoni jew jisfaw vittmi ta' tiri; billi l-ħabsijiet iffullati u n-negliġenza ġenerali tas-saħħa tal-priġunieri kkontribwew għal żieda fl-għadd ta' infezzjonijiet tal-COVID-19;

R.  billi t-Tatmadaw u l-ġenerali tagħha qegħdin jiżguraw illegalment fondi permezz tal-bejgħ illegali ta' injam, ħaġar prezzjuż, gass u żejt u huma akkużati b'allegazzjonijiet ta' korruzzjoni mifruxa; billi miżuri adegwati ta' diliġenza dovuta għadhom mhumiex fis-seħħ biex jiddeterminaw is-sorsi tal-ħaġar prezzjuż li jixtru n-negozji u l-konsumaturi Ewropej; billi d-dħul mill-gass huwa l-akbar sors ta' introjtu minn muniti barranin tal-militar, li jammonta għal madwar USD 1 biljun fis-sena f'dazji, taxxi, royalties, miżati, tariffi, u profitti oħra; billi 19-il bank li joperaw internazzjonalment investew aktar minn USD 65 biljun f'18-il kumpanija li għandhom rabtiet kummerċjali diretti u fit-tul mal-militar tal-Myanmar jew ma' entitajiet statali li l-militar qed jipprova jikkontrolla bħala riżultat tal-kolp ta' stat;

S.  billi fit-21 ta' Frar 2022, l-UE ħabbret l-adozzjoni ta' sanzjonijiet addizzjonali kontra individwi u entitajiet għall-involviment tagħhom fi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar; billi l-Myanmar Oil and Gas Enterprise (MOGE), waħda mill-entitajiet inklużi fil-lista, hija intrapriża tal-istat li waqgħet taħt il-kontroll tal-ġunta militari mill-kolp ta' stat tas-sena li għaddiet; billi deroga mir-reġim ta' sanzjonijiet tippermetti b'mod espliċitu lill-operaturi taż-żejt u tal-gass tal-UE li jibqgħu fil-Myanmar biex iwettqu tranżazzjonijiet finanzjarji mal-MOGE;

T.  billi l-ġunta militari qed tirċievi ajruplani tal-gwerra u vetturi blindati miċ-Ċina u mir-Russja; billi dawn intużaw kontra l-popolazzjoni ċivili sa mill-kolp ta' stat tas-sena li għaddiet; billi s-Serbja awtorizzat rokits u artillerija għall-esportazzjoni lejn il-militar tal-Myanmar; billi ċ-Ċina u r-Russja għamlu ħafna sforzi politiċi, militari u ekonomiċi bil-għan li jilleġittimizzaw il-ġunta; billi t-tnejn li huma għandhom rabtiet mal-forzi armati tal-Myanmar, bħala l-akbar fornituri tal-armi lill-pajjiż; billi ż-żewġ pajjiżi ripetutament waqqfu l-attentati tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jaqblu fuq dikjarazzjonijiet dwar is-sitwazzjoni fil-Myanmar;

U.  billi l-ġunta tal-Myanmar esprimiet l-appoġġ tagħha għall-gwerra ta' Putin kontra l-Ukrajna;

V.  billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar indika f'dikjarazzjoni formali li l-attakki sistematiċi u mifruxa tal-militar kontra l-poplu tal-Myanmar x'aktarx jirrappreżentaw delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra skont id-dritt internazzjonali; billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU ddikjara b'mod espliċitu li l-arkitetti u l-awturi tal-kolp ta' stat u l-ksur għandhom jinżammu responsabbli;

W.  billi, sal-lum, il-Kummissjoni għadha ma bdietx investigazzjoni skont l-Artikolu 19(1)(a) tar-Regolament SĠP(11) bil-ħsieb li tissospendi l-preferenzi kummerċjali li minnhom jibbenefika l-Myanmar, kif mitlub formalment mill-Parlament, b'maġġoranza kbira ħafna, f'Ġunju 2018, f'Settembru 2018, f'Settembru 2019, fi Frar 2021 u f'Ottubru 2021;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-kolp ta' stat tal-1 ta' Frar 2021, li ġie eżegwit mit-Tatmadaw taħt it-tmexxija tal-Kap Kmandant Min Aung Hlaing, u l-atroċitajiet ħorox li rriżultaw, il-qtil tal-massa u l-ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-popolazzjoni tal-Myanmar;

2.  Jistieden lit-Tatmadaw jirrispetta bis-sħiħ l-eżitu tal-elezzjonijiet demokratiċi ta' Novembru 2020, idaħħal lura lill-gvern ċivili u jtemm l-istat ta' emerġenza; jappoġġja lill-Pyidaungsu Hluttaw, il-Gvern ta' Unità Nazzjonali u l-Kunsill Konsultattiv għall-Unità Nazzjonali bħala l-uniċi rappreżentanti leġittimi tax-xewqat demokratiċi tal-poplu tal-Myanmar;

3.  Jistieden lill-militar tal-Myanmar iwaqqaf immedjatament il-vjolenza u l-attakki kollha kontra l-poplu tal-Myanmar fil-partijiet kollha tal-pajjiż, jeħles lil Aung San Suu Kyi u lill-priġunieri politiċi l-oħra kollha, inklużi l-mexxejja reliġjużi, immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet, u jieħu passi biex jistabbilixxi triq lejn id-djalogu u r-rikonċiljazzjoni mal-partijiet kollha kkonċernati, inklużi l-Gvern ta' Unità Nazzjonali, il-Pyidaungsu Hluttaw u r-rappreżentanti tal-gruppi etniċi kollha involuti, filwaqt li jiżgura li l-libertajiet fundamentali tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda paċifika, kif ukoll tar-reliġjon jew tat-twemmin, jiġu rispettati bis-sħiħ;

4.  Huwa xxukkjat bid-delitti kommessi mit-Tatmadaw kontra l-gruppi etniċi u reliġjużi fil-Myanmar; jikkundanna bil-qawwa l-attakki min-naħa tat-Tatmadaw fl-istati ta' Kayin, Kayah, Kachin, Shan u Chin, u r-reġjuni ta' Magwe u Sagaing, li rriżultaw fi spostamenti fuq skala kbira, fil-mewt ta' persuni ċivili, fosthom tfal, fil-qerda ta' binjiet reliġjużi, u ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju;

5.  Itenni l-kundanna tiegħu tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-attakki sistematiċi u mifruxin kontra l-popolazzjoni Rohingya; jissottolinja li l-UE se tkompli timmonitorja mill-qrib l-azzjonijiet tat-tmexxija militari fil-konfront tal-minoranzi tal-pajjiż, inkluża l-popolazzjoni Rohingya;

6.  Jikkundanna l-persekuzzjoni tal-Insara fil-pajjiż; iħeġġeġ lit-Tatmadaw jieqaf joqtol u jarresta lill-Insara u jwaqqaf il-bombardamenti u s-sakkeġġi tal-knejjes; jenfasizza li l-komunità internazzjonali esprimiet it-tħassib kbir tagħha għall-attakki vjolenti kontra l-komuntajiet Insara tal-Myanmar;

7.  Jikkundanna kwalunkwe użu tal-vjolenza mill-ġunta kontra ċ-ċittadini tagħha kif ukoll forom oħrajn ta' fastidju, b'mod partikolari fil-konfront tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-attivisti tas-soċjetà ċivili u tal-ġurnalisti; jiddeplora r-restrizzjonijiet fuq id-dritt għal-libertà tal-espressjoni u drittijiet oħra tal-bniedem; iħeġġeġ lill-ġunta tneħħi kwalunkwe restrizzjoni tat-telekomunikazzjonijiet u tal-internet, inklużi s-siti web tal-media indipendenti u l-pjattaformi tal-media soċjali;

8.  Jikkundanna u jiċħad bil-qawwa kull vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru mwettqa mill-militar bħala parti minn strateġija intenzjonata biex tintimida, titterrorizza u tikkastiga lill-popolazzjoni ċivili, inklużi l-minoranzi etniċi; jikkundanna l-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa, li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dinjità tan-nisa u l-bniet;

9.  Jikkundanna ż-żieda fil-ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema, b'mod partikolari fis-setturi tal-ħwejjeġ, u l-attakki kontra t-trade unions u d-difensuri tad-drittijiet tal-ħaddiema u l-abbuż tagħhom; Jitlob li tintemm il-vjolenza fil-konfront tal-ħaddiema u tat-trade unions u li d-drittijiet tat-trade unions u tal-membri tagħhom jiġu mħarsa, inkluż id-dritt li joperaw liberament;

10.  Jikkundanna l-attakki min-naħa tal-awtoritajiet militari għad-dannu tal-professjonijiet u l-faċilitajiet tas-settur mediku, kif ukoll ir-risposta ta' dawn l-awtoritajiet għall-pandemija tal-COVID-19; iħeġġeġ lill-ġunta tistabbilixxi mill-ġdid strateġija ta' konteniment u sistema ta' traċċar tal-kuntatti, kif ukoll tiżgura li l-popolazzjoni jkollha aċċess għas-servizzi tas-saħħa u għall-vaċċini; jitlob lill-Kummissjoni żżid l-appoġġ tagħha f'dan ir-rigward, inkluż billi tipprovdi dożi ta' vaċċini kontra l-COVID-19, u tiggarantixxi li dawn jaslu għand iċ-ċittadini tal-Myanmar;

11.  Jiddispjaċih li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU naqas milli jiddiskuti abbozz ta' riżoluzzjoni dwar il-Myanmar u jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jżidu l-pressjoni fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU bil-ħsieb li tinkiseb unità fl-adozzjoni ta' sanzjonijiet immirati, inklużi projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar globali u ffriżar tal-assi fuq it-tmexxija tal-ġunta u tal-konglomerati b'sidien militari, u fl-impożizzjoni ta' embargo globali komprensiv fuq l-armi fuq il-Myanmar u fis-sospensjoni tal-provvista diretta u indiretta kollha, il-bejgħ jew it-trasferiment ta' armi u prodotti b'użu doppju, munizzjon u tagħmir militari u ta' sigurtà ieħor, kif ukoll l-għoti ta' taħriġ jew assistenza militari u ta' sigurtà oħra; jistieden lill-Istati Membri u lill-pajjiżi assoċjati jżommu l-embargo li jissospendi l-provvista, il-bejgħ u t-trasferiment diretti jew indiretti, inklużi t-tranżitu, l-ispedizzjoni u l-intermedjazjoni, tal-armi, tal-munizzjon u tat-tagħmir u tas-sistemi militari, ta' sigurtà u ta' sorveljanza kollha, kif ukoll il-forniment ta' taħriġ, il-manutenzjoni jew il-forom l-oħra ta' assistenza militari u ta' sigurtà; jisħaq fuq il-bżonn li l-Qorti Kriminali Internazzjonali twettaq investigazzjoni ulterjuri tas-sitwazzjoni;

12.  Jikkundanna bil-qawwa l-provvista ta' armi u tagħmir militari lit-Tatmadaw miċ-Ċina, ir-Russja u s-Serbja; jisħaq li dawk il-pajjiżi li, bħaċ-Ċina, ir-Russja u s-Serbja, qed jipprovdu armi lill-ġunta tal-Myanmar, huma direttament responsabbli għall-atroċitajiet imwettqa b'dawk l-armi;

13.  Jikkundanna bil-qawwa l-appoġġ tal-ġunta tal-Myanmar għall-gwerra illegali li r-Russja qed tagħmel fl-Ukrajna;

14.  Huwa tal-fehma li l-kunsens tal-ħames punti tal-ASEAN għadu ma wassal għall-ebda riżultat; jitlob lill-ASEAN, lill-membri tagħha u b'mod partikolari lill-Mibgħut Speċjali tagħha għall-Myanmar jagħmlu użu aktar proattiv tar-rwol speċjali tagħhom fil-pajjiż, jikkooperaw mal-Mibgħut Speċjali tan-NU u jibdew djalogu mal-partijiet involuti kollha, primarjament mal-Gvern ta' Unità Nazzjonali u mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari n-nisa u l-gruppi etniċi, bil-għan li jippromwovu, bħala minimu, l-implimentazzjoni effettiva u sinifikanti tal-kunsens tal-ħames punti biex tintlaħaq riżoluzzjoni sostenibbli u demokratika tal-kriżi attwali fil-futur qrib; jiddeplora ż-żjara tal-Prim Ministru tal-Kambodja Hun Sen lill-Kmandant militari tal-Myanmar Min Aung Hlaing fis-7 ta' Jannar 2022, billi, peress li kienet l-ewwel żjara minn kap tal-gvern lill-ġunta sa mill-kolp ta' stat, ta leġittimità lill-ġunta;

15.  Iħeġġeġ lill-partijiet kollha għall-kriżi fil-Myanmar jiffaċilitaw l-aċċess sikur u mingħajr xkiel għall-assistenza umanitarja u jagħtu aċċess lill-ħaddiema umanitarji; jistieden lill-Kummissjoni tiddiżimpenja ruħha mir-relazzjonijiet ta' ħidma mal-ġunta fl-għoti ta' assistenza umanitarja, u b'hekk tipprevjeniha milli tuża l-għajnuna umanitarja bħala arma; jistieden lill-Kummissjoni torjenta mill-ġdid u tintensifika l-għajnuna umanitarja, inkluż l-appoġġ sanitarju, permezz ta' kanali transfruntieri, networks umanitarji lokali, fornituri ta' servizzi etniċi kif ukoll organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u dawk li joperaw fil-livell tal-komunitajiet; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-aħjar mod kif twettaq proġetti ta' żvilupp ma' dawn il-gruppi u torjenta l-għajnuna għall-iżvilupp skont dan;

16.  Jikkundanna l-pushbacks ta' rifuġjati mill-pajjiżi ġirien lura lejn il-Myanmar, li jiksru l-prinċipju ta' non-refoulement; jistieden lill-pajjiżi ġirien, speċjalment it-Tajlandja, l-Indja u ċ-Ċina, jiżguraw aċċess għar-rifuġjati li jaqsmu l-fruntiera; jistieden lil dawn il-gvernijiet jiżguraw li l-organizzazzjonijiet tal-għajnuna u tas-soċjetà ċivili jitħallew jaċċedu għaż-żoni li fihom jinsabu l-persuni spostati internament tul il-konfini tagħhom mal-Myanmar;

17.  Jistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali jonoraw b'urġenza l-obbligi finanzjarji tagħhom fir-rigward tal-Pjan ta' Risposta Umanitarja tan-NU għall-Myanmar tal-2021;

18.  Jilqa' l-erba' sensiliet ta' sanzjonijiet tal-UE fuq il-kolp ta' stat militari u r-ripressjoni sussegwenti; iħeġġeġ lill-Kunsill jinkludi lill-Kunsill ta' Amministrazzjoni tal-Istat bħala entità, minflok il-membri individwali tiegħu, fil-lista tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, tal-entitajiet u tal-organi suġġetti għal miżuri restrittivi; jilqa' d-deċiżjoni tal-UE li żżid lill-MOGE mal-lista ta' entitajiet sanzjonati; jistieden lill-Kunsill ireġġa' lura d-deroga li tippermetti b'mod espliċitu lill-operaturi taż-żejt u tal-gass tal-UE li jibqgħu fil-Myanmar biex iwettqu tranżazzjonijiet finanzjarji mal-MOGE u jħeġġeġ lill-Istati Membri joqogħdu lura milli jimplimentaw id-deroga; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE jiżguraw li l-irtirar ta' kumpaniji tal-UE li jikkonformaw mas-sanzjonijiet ma jibbenefikax lill-ġunta, f'konformità mal-Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, inkluż billi jiġi ċċarat li l-ishma tal-kumpaniji ma jistgħux jinbiegħu jew jiġu ttrasferiti lill-MOGE jew lil intrapriżi oħra taħt l-infurzar tas-sanzjonijiet; jenfasizza li aktar koordinazzjoni internazzjonali ma' ġurisdizzjonijiet tal-istess fehma hija essenzjali; jistieden lill-Kunsill jimmira wkoll lejn ir-riżervi tal-bank ċentrali f'ċiklu ulterjuri ta' sanzjonijiet; jenfasizza li dan ikun jeħtieġ l-impożizzjoni ta' ffriżar tal-assi u projbizzjonijiet fuq it-trasferimenti finanzjarji internazzjonali fuq iż-żewġ banek tal-Istat, il-Myanmar Foreign Trade Bank u l-Myanmar Investment u Commercial Bank;

19.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jesploraw il-modi kollha għall-ġustizzja u l-obbligu ta' rendikont għal delitti internazzjonali gravi mwettqa mill-forzi tas-sigurtà, inklużi delitti kontra l-umanità mwettqa wara l-kolp ta' stat, kif ukoll delitti kontra l-umanità, delitti tal-gwerra u atti ta' ġenoċidju mwettqa f'Rakhine u fi stati etniċi oħra fuq perjodu ta' deċennji, billi jappoġġjaw riferiment tas-sitwazzjoni mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU lill-QKI, jappoġġjaw formalment il-każ imressaq mill-Gambja kontra l-Myanmar quddiem il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar il-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju, u jkomplu jiżguraw li l-Mekkaniżmu ta' Investigazzjoni Indipendenti għall-Myanmar ikun iffinanzjat u appoġġjat bis-sħiħ;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib jekk jenħtieġx li titnieda investigazzjoni dwar l-irtirar tal-iskema "Kollox ħlief Armi", bil-ħsieb li jiġu sospiżi l-preferenzi kummerċjali li jibbenefikaw lill-Myanmar f'setturi speċifiċi, b'mod partikolari kumpaniji li jappartjenu għal membri tal-militar tal-Myanmar, u biex iżżomm lill-Parlament infurmat kif xieraq dwar il-passi li għandhom jittieħdu;

21.  Jenfasizza li n-negozji lokali u multinazzjonali li joperaw fil-Myanmar iridu jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u jieqfu jippermettu lill-awturi ta' abbużi; iħeġġeġ bil-qawwa lin-negozji bbażati fl-UE, f'dan l-ambitu, biex jiżguraw li ma għandhom l-ebda rabta mal-forzi tas-sigurtà tal-Myanmar, mal-membri individwali tagħhom, jew mal-entitajiet li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom, u li mhumiex qed jikkontribwixxu, direttament jew indirettament, għar-repressjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem mill-militar;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President leġittimu u lill-Gvern ta' Unità Nazzjonali tal-Myanmar, lill-Kumitat li jirrappreżenta lill-Pyidaungsu Hluttaw, lill-Kunsillier tal-Istat tal-Myanmar, lit-Tatmadaw, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Istati Membri tal-ASEAN, lis-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN, lill-Kummissjoni Intergovernattiva tal-ASEAN dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.

(1) ĠU C 101, 16.3.2018, p. 134.
(2) ĠU C 238, 6.7.2018, p. 112.
(3) ĠU C 337, 20.9.2018, p. 109.
(4) ĠU C 28, 27.1.2020, p. 80.
(5) ĠU C 433, 23.12.2019, p. 124.
(6) ĠU C 171, 6.5.2021, p. 12.
(7) ĠU C 465, 17.11.2021, p. 135.
(8) Testi adottati, P9_TA(2021)0417.
(9) ĠU L 40, 21.2.2022, p. 8.
(10) ĠU L 147, 30.4.2021, p. 17.
(11) Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati (ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1).

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Ġunju 2022Avviż legali - Politika tal-privatezza