Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2021/2099(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0019/2022

Testi mressqa :

A9-0019/2022

Dibattiti :

PV 09/03/2022 - 20
CRE 09/03/2022 - 20

Votazzjonijiet :

PV 10/03/2022 - 9
PV 10/03/2022 - 16
CRE 10/03/2022 - 9
CRE 10/03/2022 - 16

Testi adottati :

P9_TA(2022)0081

Testi adottati
PDF 165kWORD 58k
Il-Ħamis, 10 ta' Marzu 2022 - Strasburgu
Ir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE tal-2020
P9_TA(2022)0081A9-0019/2022

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2022 dwar ir-Rapport 2020 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE: it-tisħiħ tal-pożizzjoni taċ-ċittadini u l-protezzjoni ta' drittijiethom (2021/2099(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 6 u 9 sa 12 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 18 sa 25 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 21 u l-Artikoli 39 sa 46 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”),

–  wara li kkunsidra d-dritt ta' petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew, minqux fl-Artikoli 24(2) u 227 tat-TFUE u fl-Artikolu 44 tal-Karta,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqalqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri(1) (id-Direttiva dwar il-Moviment Liberu),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 94/80/KE tad-19 ta' Diċembru 1994 li tistipula arranġamenti dettaljati għall-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura f'elezzjonijiet muniċipali minn ċittadini tal-Unjoni li jgħixu fi Stat Membru li tiegħu mhumiex ċittadini(2), u d-Direttiva tal-Kunsill 93/109/KE tas-6 ta' Diċembru 1993 dwar arranġamenti dettaljati sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini tal-Unjoni li joqogħdu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi)(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri(5),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta' Novembru 2003 dwar l-istatus ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul(6),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-15 ta' Diċembru 2020 bit-titolu "Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE tal-2020: Responsabbilizzazzjoni taċ-ċittadini u protezzjoni tad-drittijiet tagħhom" (COM(2020)0730),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-15 ta' Diċembru 2020 skont l-Artikolu 25 tat-TFUE bit-titolu "Dwar il-progress lejn ċittadinanza tal-UE effettiva 2016-2020" (COM(2020)0731),

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni tal-2020 dwar id-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-UE, u r-riżultati tal-istħarriġ tal-Ewrobarometru Flash 485 dwar iċ-Ċittadinanza u d-Demokrazija tal-Unjoni Ewropea ppubblikat f'Lulju 2020, li juru li matul il-pandemija tal-COVID-19, ħafna ċittadini tal-UE ltaqgħu ma' diffikultajiet biex jaċċessaw l-appoġġ għall-kura tas-saħħa, l-appoġġ għall-kura tat-tfal, l-informazzjoni dwar ir-restrizzjonijiet fil-fruntiera, eċċ.,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar ir-"Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE 2017: Insaħħu d-Drittijiet taċ-Ċittadini f'Unjoni ta' Tibdil Demokratiku"(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2019 dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat relatati maċ-ċittadinanza tal-UE(8),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ġunju 2020 dwar l-impatt tat-tibdil demografiku,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku(9),

–  wara li kkunsidra l-istrateġija tal-Kummissjoni dwar id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità 2021-2030,

–  wara li kkunsidra l-Green Paper dwar it-tixjiħ, tas-27 ta' Jannar 2021, bit-titolu "Inrawmu solidarjetà u responsabbiltà bejn il-ġenerazzjonijiet" (COM(2021)0050),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' informazzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-20 ta' Marzu 2019 dwar id-drittijiet reali tal-persuni b'diżabilità li jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-24 ta' Novembru 2020 dwar is-sistema Schengen u l-miżuri meħuda matul il-kriżi tal-COVID-19(10) u tas-17 ta' Settembru 2020 bit-titolu "COVID-19: koordinazzjoni tal-valutazzjonijiet tas-saħħa u tal-klassifikazzjoni tar-riskji fl-UE u l-konsegwenzi għaż-żona Schengen u s-suq uniku"(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-protezzjoni Ewropea tal-ħaddiema transfruntiera u staġjonali fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2020 dwar id-drittijiet tal-persuni u l-familji tagħhom b'diżabilità intellettwali fil-kriżi tal-COVID-19(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Novembru 2020 dwar l-indirizzar tar-rati ta' persuni mingħajr dar fl-Unjoni Ewropea(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2020 bit-titolu "L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej "Minority SafePack – miljun firma għad-diversità fl-Ewropa""(15) u tas-7 ta' Frar 2018 dwar il-protezzjoni u n-nondiskriminazzjoni fir-rigward tal-minoranzi fl-Istati Membri tal-UE(16),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2021 dwar id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ fl-UE(17),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2021 bit-titolu "Il-protezzjoni tal-persuni b'diżabilità permezz tal-petizzjonijiet: it-tagħlimiet meħuda"(18),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2021 dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew – rapport annwali 2019(19) u tas-16 ta' Jannar 2020 bit-titolu "Attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew – rapport annwali 2018(20),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar ir-riżultat tad-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet matul is-sena 2019(21),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2021 dwar l-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-2020(22),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (PETI) tal-Parlament bit-titolu "Ninteraġixxu maċ-ċittadini: id-dritt li titressaq petizzjoni, id-dritt li jitressaq rikors quddiem l-Ombudsman Ewropew u l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej" (A9-0018/2022),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat PETI dwar ir-rapport annwali rigward l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fis-sena 2020 (A9-0342/2021),

–  wara li kkunsidra s-seduti pubbliċi dwar kwistjonijiet relatati maċ-ċittadinanza tal-UE organizzati mill-Kumitat PETI mill-2018, b'mod partikolari s-seduta tas-26 ta' Mejju 2021 bit-titolu "Inter-institutional relations in the treatment of petitions: the role of the Commission" (Ir-relazzjonijiet interistituzzjonali fit-trattament tal-petizzjonijiet: ir-rwol tal-Kummissjoni"; dik tad-29 ta' Ottubru 2020 bit-titolu "Union citizenship: empowerment, inclusion, participation" (Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni: tisħiħ tal-pożizzjoni, inklużjoni, parteċipazzjoni), li saret b'mod konġunt mal-Kumitat għall-Affarijiet Legali, il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE); dik tal-1 ta' Frar 2018 dwar "Citizens’ rights after Brexit" (Id-drittijiet taċ-ċittadini wara l-Brexit) li saret b'mod konġunt mal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-Kumitat LIBE; u dik tal-21 ta' Frar 2018 dwar "European Citizens’ Initiative: assessing the Commission proposal for a new ECI regulation" (L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej: valutazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni għal regolament ġdid dwar l-IĊE) li saret b'mod konġunt mal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali,

–  wara li kkunsidra s-seduta pubblika tal-15 ta' Ottubru 2020 bit-titolu "Minority SafePack – one million signatures for diversity in Europe" (Minority SafePack – miljun firma għad-diversità fl-Ewropa) organizzata mill-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-Kumitat LIBE flimkien mal-Kumitat PETI,

–  wara li kkunsidra l-laqgħa tal-kumitat interparlamentari tas-27 ta' Novembru 2018 organizzata b'mod konġunt mill-Kumitat PETI u l-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar "Empowering parliaments and enforcing citizens’ rights in the implementation and application of Union law" (It-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-parlamenti u l-infurzar tad-drittijiet taċ-ċittadini fl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni),

–  wara li kkunsidra l-istudji kkummissjonati fl-2019, l-2020 u l-2021 mid-Dipartiment Tematiku tiegħu għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali fuq talba mill-Kumitat PETI bit-titolu "Strengthening the role and impact of petitions as an instrument of participative democracy" (It-tisħiħ tar-rwol u l-impatt tal-petizzjonijiet bħala strument ta' demokrazija parteċipattiva) (29 ta' Ottubru 2021), "Obstacles to the Free Movement of Rainbow Families in the EU" (Ostakli għall-Moviment Liberu tal-Familji Qawsalla fl-UE) (8 ta' Marzu 2021), "Obstacles to participation in local and European elections, inside the EU" (Ostakli għall-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet lokali u Ewropej, ġewwa l-UE) (15 ta' Settembru 2020) u "Achievements of the Committee on Petitions during the 2014-2019 parliamentary term and challenges for the future" (Kisbiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet matul il-leġiżlatura 2014-2019 u sfidi għall-futur) (3 ta' Lulju 2019),

–  wara li kkunsidra l-workshops dwar id-drittijiet tal-LGBTI+ fl-UE u dwar id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità organizzati fit-22 ta' Marzu 2021 u fit-28 ta' Ottubru 2020 rispettivament mid-Dipartiment Tematiku għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali għall-Kumitat PETI,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika(23) (il-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A9-0019/2022),

A.  billi ċ-ċittadinanza tal-UE hija waħda mill-aktar kisbiet tanġibbli tal-UE u tagħti liċ-ċittadini tal-UE sett ta' drittijiet fundamentali, inklużi l-moviment liberu fl-UE, id-dritt li jipparteċipaw fil-ħajja demokratika tal-UE u d-dritt li jiġu protetti mid-diskriminazzjoni, filwaqt li tiżgura opportunitajiet indaqs;

B.  billi l-Brexit enfasizza l-importanza tad-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-UE u r-rwol kruċjali tagħhom fil-ħajja ta' kuljum ta' miljuni ta' ċittadini tal-UE, u qajjem kuxjenza fl-UE dwar it-telf potenzjali ta' dawk id-drittijiet u l-konsegwenzi tiegħu, kif żvelat mill-għadd kbir ta' petizzjonijiet imressqa minn ċittadini tal-UE li jgħixu fir-Renju Unit u minn ċittadini tar-Renju Unit li jirrisjedu f'pajjiż tal-UE dwar il-konsegwenzi tal-Brexit fuq l-istatus tagħhom ta' ċittadini tal-UE;

C.  billi l-istat tad-dritt huwa wieħed mill-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, u billi l-protezzjoni tiegħu tiżgura r-rispett għad-drittijiet fundamentali u d-demokrazija;

D.  billi l-moviment liberu, li jippermetti lil kwalunkwe ċittadin tal-UE jgħix, jaħdem jew jistudja u jkollu aċċess għall-kura tas-saħħa fi kwalunkwe Stat Membru, huwa wieħed mill-pedamenti tal-UE;

E.  billi ċ-ċittadinanza attiva hija żgurata aħjar jekk jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet fundamentali taċ-ċittadini; billi l-protezzjoni pprovduta mill-pagi minimi għalhekk hija ta' importanza kbira u hija prerekwiżit biex jintlaħaq l-għan tal-UE li ħadd ma jitħalla jibqa' lura;

F.  billi l-persuni li jħabbtu wiċċhom ma' kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien prekarji spiss iħossuhom marġinalizzati u jipparteċipaw inqas jew saħansitra ma jipparteċipaw xejn fil-ħajja soċjali, fis-soċjetà ċivili u fl-elezzjonijiet;

G.  billi l-persuni mingħajr dar mhux biss jiffaċċjaw kundizzjonijiet ta' għajxien prekarji iżda spiss ikollhom ftit jew l-ebda aċċess għall-informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom u l-għodod biex jiddefenduhom;

H.  billi d-definizzjonijiet ta' gruppi vulnerabbli, żvantaġġati jew sottorappreżentati tvarja ħafna bejn l-Istati Membri u tista' wkoll tiddependi mis-sitwazzjoni politika u soċjali fi Stat Membru f'mument partikolari;

I.  billi bosta ħaddiema transfruntiera u staġjonali jiffaċċjaw kundizzjonijiet tax-xogħol diffiċli, mhux tajbin għas-saħħa u mhux sikuri, ftit jew l-ebda sigurtà tal-impjieg, u kopertura tas-sigurtà soċjali u aċċess għall-benefiċċji soċjali insuffiċjenti jew ineżistenti; billi ħafna ħaddiema transfruntiera u staġjonali jiġu minn gruppi soċjali u reġjuni vulnerabbli; billi l-kriżi tal-COVID-19 aggravat is-sitwazzjonijiet prekarji eżistenti ta' għadd kbir ta' ħaddiema transfruntiera u staġjonali, u dan ħoloq lakuni fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti għall-protezzjoni tagħhom;

J.  billi t-tifqigħa tal-COVID-19 ippreżentat għadd ta' sfidi bla preċedent għall-moviment liberu fl-UE kollha, hekk kif ħafna Stati Membri imponew restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u kontrolli fil-fruntieri interni bħala miżuri ta' emerġenza; billi ċ-ċittadini tal-UE ppreżentaw għadd sinifikanti ta' petizzjonijiet li jqajmu tħassib serju dwar l-impatt tal-miżuri nazzjonali ta' emerġenza fuq il-libertà tagħhom li jivvjaġġaw, jaħdmu u jistudjaw barra minn pajjiżhom, u l-kapaċità tagħhom li jibnu u jżommu rabtiet familjari transfruntiera;

K.  billi l-pandemija qed ikollha impatt partikolarment negattiv fuq is-sitwazzjoni tal-persuni b'diżabilità u fuq l-anzjani, u dan inaqqas b'mod sinifikanti l-kapaċità li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom;

L.  billi l-Kumitat PETI rċieva għadd konsiderevoli ta' petizzjonijiet li jqajmu tħassib dwar id-diskriminazzjoni esperjenzata minn persuni LGBTIQ fl-UE, u l-familji qawsalla (jiġifieri familji fejn mill-inqas membru wieħed ikun LGBTIQ) b'mod partikolari, meta jeżerċitaw il-libertà tal-moviment tagħhom fl-UE, u dan jirriżulta f'konsegwenzi negattivi għad-drittijiet u l-interessi ta' wliedhom;

M.  billi l-Artikolu 21 tal-Karta jipprojbixxi b'mod espliċitu "[k]ull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali", bħala l-espressjoni primarja taċ-ċittadinanza tal-UE; billi dan fl-istess ħin jikkostitwixxi element kruċjali tal-eżerċitar b'suċċess tal-libertà tal-moviment, kif muri fil-petizzjonijiet imsemmija hawn fuq;

N.  billi madwar 50 miljun persuna jappartjenu għal minoranza nazzjonali jew għal komunità lingwistika minoritarja fl-UE; billi l-Kummissjoni ma ħadet l-ebda pass leġiżlattiv bi tweġiba għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej "Minority SafePack – miljun firma għad-diversità fl-Ewropa", minkejja l-fatt li kellha l-appoġġ ta' maġġoranza kbira tal-Membri tal-PE;

O.  billi l-għoti u t-tneħħija taċ-ċittadinanza għadhom kompetenza tal-Istati Membri;

P.  billi l-petizzjonijiet urew li r-residenti u ċ-ċittadini mobbli tal-UE għadhom jiltaqgħu ma' diffikultajiet meta jeżerċitaw id-drittijiet elettorali tagħhom, minħabba piżijiet amministrattivi, burokrazija u ostakli lingwistiċi f'xi Stati Membri, u miżinformazzjoni jew nuqqas ta' kooperazzjoni minn xi awtoritajiet tal-Istati Membri;

Q.  billi l-persuni b'diżabilità għadhom jiffaċċjaw ostakli legali, prattiċi u fiżiċi biex jeżerċitaw b'mod effettiv id-dritt tagħhom li jivvotaw u li jiġu eletti, u d-dritt tagħhom li jaċċessaw l-informazzjoni dwar ir-regolamenti, il-proċeduri, il-programmi elettorali u d-dibattiti f'formati adattati għall-ħtiġijiet ta' persuni b'diversi tipi ta' diżabilitajiet, u għalhekk għadhom sottorappreżentati fl-elezzjonijiet; billi d-data dwar il-parteċipazzjoni elettorali ta' gruppi sottorappreżentati għadha limitata;

R.  billi d-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jipparteċipaw fil-ħajja demokratika tal-UE jmur lil hinn mill-votazzjoni jew il-kandidatura fl-elezzjonijiet Ewropej; billi t-Trattati jipprovdu għadd ta' għodod parteċipattivi li għandhom l-għan li jinkoraġġixxu l-involviment dirett taċ-ċittadini fl-UE, inklużi d-dritt ta' petizzjoni, id-dritt li jiġi indirizzat l-Ombudsman Ewropew u d-dritt li tiġi sottomessa Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej;

S.  billi f'xi Stati Membri tal-UE, il-persuni apolidi li għandhom status ta' resident għal żmien twil mhumiex involuti bis-sħiħ fil-parteċipazzjoni demokratika u, b'mod partikolari, huma mċaħħda mid-dritt li jipparteċipaw fl-elezzjonijiet muniċipali u/jew Ewropej; billi l-Kummissjoni ma ħarġitx bir-rakkomandazzjoni dwar l-approssimazzjoni tal-ugwaljanza għall-minoranzi apolidi, bħar-Rom: kienet fil-fatt proposta fl-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej "Minority SafePack – miljun firma għad-diversità fl-Ewropa";

T.  billi l-UE trid tipproteġi liċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fir-Renju Unit, f'konformità mal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit;

U.  billi l-anzjani huma grupp ta' ċittadini impenjati li jagħtu kontribut siewi u importanti lis-soċjetà billi jipparteċipaw f'attivitajiet volontarji u inizjattivi soċjali, u billi jappoġġaw lil persuni dipendenti u jieħdu ħsiebhom;

V.  billi l-aċċess għall-prodotti u s-servizzi, inklużi s-servizzi pubbliċi, jirrikjedi dejjem aktar ħiliet diġitali;

W.  billi t-trasformazzjoni diġitali ġġib magħha opportunitajiet u theddid għall-ġenerazzjonijiet kollha, speċjalment l-anzjani. billi l-bidliet teknoloġiċi jista' jkollhom impatt negattiv fuq l-anzjani li m'għandhomx għarfien, ħiliet u aċċess adegwati għat-teknoloġija diġitali; billi l-anzjani spiss jisfaw vittmi ta' diskriminazzjoni, vjolenza, iżolament u solitudni, esklużjoni u limitazzjonijiet fuq l-awtonomija tagħhom, b'mod partikolari b'riżultat tal-introduzzjoni ta' soluzzjonijiet diġitali li ma jqisux il-ħtiġijiet tagħhom;

1.  Jieħu nota tar-rapport tal-Kummissjoni bit-titolu "Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE tal-2020 – Responsabbilizzazzjoni taċ-ċittadini u protezzjoni tad-drittijiet tagħhom" u jilqa' l-impenn kontinwu tagħha li tirrispetta d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE, inkluż permezz tal-valutazzjonijiet regolari tal-opportunitajiet u l-ostakli fl-eżerċitar tad-drittijiet ċivili minn persuni minn gruppi żvantaġġati, inklużi l-persuni b'diżabilità u l-anzjani; jesprimi dispjaċir għall-fatt li żewġ azzjonijiet biss mit-18 proposti mill-Kummissjoni huma ta' natura leġiżlattiva; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' valutazzjoni komprensiva tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE u ta' impenji, azzjonijiet u inizjattivi leġiżlattivi definiti sew u konkreti għat-tliet snin li ġejjin; jissottolinja l-fatt li l-objettiv finali tar-rappurtar dwar iċ-ċittadinanza tal-UE, skont il-proċedura tal-Artikolu 25 tat-TFUE, ikun li jittieħdu inizjattivi konkreti bil-għan li jiġu kkonsolidati drittijiet u libertajiet speċifiċi għaċ-ċittadini fl-ambitu ta' statut taċ-ċittadinanza tal-UE, simili għall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, inklużi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali stabbiliti fil-Karta, id-drittijiet soċjali stabbiliti fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TUE bħala elementi li jiddefinixxu l-"ispazju pubbliku" Ewropew, inklużi, fost l-oħrajn, il-mudell ta' governanza rilevanti għal dak l-ispazju pubbliku, id-dinjità, il-libertà, l-istat tad-dritt, id-demokrazija, il-pluraliżmu, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà, l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, li jiġu kkunsidrati f'riforma futura tat-Trattati;

2.  Jilqa' l-enfasi mġedda tal-Kummissjoni fuq ir-rispett għall-istat tad-dritt fl-Istati Membri;

3.  Jenfasizza li l-indipendenza tal-ġudikatura, l-aċċess għall-ġustizzja, il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-aċċess għall-informazzjoni u r-riċeviment u t-tixrid tagħha, u l-pluraliżmu tal-midja huma komponenti essenzjali tal-istat tad-dritt; jistieden lill-Kummissjoni tippreserva dawn il-valuri fundamentali tal-UE f'każ ta' ksur mill-Istati Membri;

4.  Jirrimarka li kwalunkwe strument li jinterferixxi mad-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali mhux biss irid ikollu bażi ġuridika, iżda jrid ikun ukoll neċessarju u proporzjonat, kif meħtieġ mir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u mill-Karta;

5.  Ifakkar li, filwaqt li tinsab fil-qalba tal-proġett tal-UE, il-libertà tal-moviment ġiet affettwata b'mod sever mill-kriżi tas-saħħa bla preċedent li rriżultat mit-tifqigħa tal-COVID-19 u mill-miżuri nazzjonali ta' emerġenza relatati, inklużi r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-introduzzjonijiet mill-ġdid temporanji tal-kontrolli fil-fruntieri interni; itenni li dawn il-miżuri kellhom impatt negattiv sinifikanti fuq il-ħajja privata, fuq ix-xogħol, fuq il-familji u fuq il-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali, kif muri f'għadd kbir ta' petizzjonijiet; jisħaq li l-miżuri nazzjonali kollha ta' emerġenza għandhom ikunu proporzjonati mal-għan inizjali tagħhom li jikkontrollaw it-tifqigħa tal-COVID-19; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tkompli timmonitorja l-miżuri tal-COVID-19 u l-effett tagħhom fuq id-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri jneħħu gradwalment il-miżuri nazzjonali ta' emerġenza malli ma jibqgħux meħtieġa; jenfasizza li l-pandemija tal-COVID-19 għandha impatt negattiv fuq il-benesseri u s-saħħa mentali taċ-ċittadini, speċjalment iż-żgħażagħ u tal-anzjani;

6.  Ifakkar li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE affettwa l-aktar liċ-ċittadini tal-UE li jirrisjedu fir-Renju Unit u liċ-ċittadini tar-Renju Unit li jirrisjedu f'wieħed mis-27 Stat Membru tal-UE fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni korretta tat-Tieni Parti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit dwar id-drittijiet taċ-ċittadini sabiex tissalvagwardja b'mod sħiħ u effettiv id-drittijiet taċ-ċittadini li eżerċitaw il-libertà tal-moviment tagħhom qabel tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni;

7.  Huwa mħasseb bil-ħafna ostakli li l-familji qawsalla għadhom jiffaċċjaw meta jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jiċċaqalqu lejn Stat Membru ieħor li jirriżultaw minn differenzi fil-liġijiet nazzjonali dwar ir-rikonoxximent ta' koppji tal-istess sess u tar-relazzjoni tagħhom bejn il-ġenituri u t-tfal; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fir-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ fl-UE, inkluż l-appell tiegħu biex il-Kummissjoni teżamina jekk l-Istati Membri kollha jikkonformawx mas-sentenza tal-5 ta' Ġunju 2018 fil-Kawża C-673/16, Relu Adrian Coman et al. vs Inspectoratul General pentru Imigrări u Ministerul Afacerilor Interne(24), u jinkludu din is-sentenza fir-reviżjoni li ġejja tal-linji gwida tal-2009 dwar il-moviment liberu;

8.  Jiddispjaċih li l-ġenituri u t-tfal ma għandhomx l-istess possibbiltajiet ta' rimedju f'kull Stat Membru f'każ ta' separazzjoni jew divorzju, u b'hekk mijiet ta' ġenituri fl-UE kkuntattjaw lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet biex jiġu appoġġati fit-tilwim transfruntier tal-familja tagħhom u l-każijiet ta' ħtif tat-tfal mill-ġenituri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu sistemi għall-monitoraġġ ta' każijiet li jikkonċernaw tfal involuti f'kustodja transfruntiera, li jkunu nondiskriminatorji u li jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali tat-tfal;

9.  Ifakkar fil-fatt li l-libertà tal-moviment mhijiex biss ikkontestata minn avvenimenti globali ewlenin; jinnota b'dispjaċir li, kif żvelat mill-ħafna petizzjonijiet li waslu dwar dan is-suġġett, iċ-ċittadini tal-UE, ir-residenti fit-tul li huma ċittadini ta' Stat Membru ieħor u l-membri familjari taċ-ċittadini ta' pajjiż mhux fl-UE li huma ċittadini ta' pajjiżi terzi għadhom jiltaqgħu ma' ostakli legali, amministrattivi jew prattiċi meta jiċċaqalqu lejn Stat Membru ieħor, b'mod partikolari fir-rigward tal-proċeduri dwar ir-residenza, kwistjonijiet ċivili jew soċjali bħal-liġi tal-familja jew il-pensjonijiet, il-koordinazzjoni bejn l-iskemi tas-sigurtà soċjali, l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa, l-assigurazzjoni tas-saħħa, l-edukazzjoni u r-reġimi tat-taxxa, u r-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali; jenfasizza li dawn l-ostakli spiss jinkludu rekwiżiti amministrattivi diskriminatorji jew rekwiżiti arbitrarji għal dokumenti li normalment ma jinħarġux fi Stati Membri oħra; jenfasizza li dawn l-ostakli spiss jirriżultaw min-nuqqas ta' definizzjoni ċara ta' ċerti kunċetti fid-Direttiva dwar il-Moviment Liberu, bħal "assigurazzjoni tal-mard komprensiva" u "riżorsi suffiċjenti"; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi prattiki amministrattivi diskriminatorji fl-Istati Membri, b'mod partikolari fil-livell lokali, fil-monitoraġġ tagħha tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Moviment Liberu, tieħu l-azzjonijiet ta' infurzar meħtieġa kontra prattiki bħal dawn u tipprovdi kjarifiki tal-kunċetti li mhumiex definiti b'mod ċar fid-Direttiva dwar il-Moviment Liberu fil-linji gwida riveduti tagħha; jitlob barra minn hekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu aktar kooperazzjoni f'sitwazzjonijiet fejn il-ħaddiema jirċievu l-benefiċċji u jħallsu kontribuzzjonijiet fi Stati Membri differenti tal-UE, billi jsaħħu l-iskambju transfruntier tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet differenti tas-sigurtà soċjali, b'tali mod li l-kontribuzzjonijiet kollha jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati debitament fil-kalkolu tad-drittijiet tal-pensjoni;

10.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu miżuri ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni biex jindirizzaw b'mod effikaċi l-kwistjonijiet tat-taxxa doppja tar-reġistrazzjonijiet tal-karozzi, it-taxxi diskriminatorji u t-taxxa doppja fi kwalunkwe kuntest transfruntier u jqisu aħjar ir-realtajiet tal-mobilità transfruntiera tal-ħaddiema; iqis li l-kwistjonijiet tat-taxxa doppja mhumiex qed jiġu indirizzati biżżejjed permezz tal-konvenzjonijiet bilaterali eżistenti tat-taxxa jew permezz ta' azzjoni unilaterali mill-Istati Membri, u dan jeħtieġ azzjoni miftiehma u f'waqtha fil-livell tal-UE;

11.  Jilqa' t-tħabbira tal-Kummissjoni li tirrieżamina r-regoli dwar il-protezzjoni konsulari; jistieden lill-Kummissjoni biex f'dan ir-rieżami tinkludi valutazzjoni tal-aċċessibilità tal-protezzjoni konsulari għal persuni b'diversi tipi ta' diżabilitajiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura l-assistenza għaċ-ċittadini tal-UE ta' Stati Membri mhux rappreżentati; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu d-dritt għall-protezzjoni konsulari għal persuni li jinħarġilhom dokument tal-ivvjaġġar minn Stat Membru anke jekk ma jkunux ċittadini ta' dak l-Istat;

12.  Ifakkar li l-pagi minimi għandhom rwol importanti x'jaqdu biex jiżguraw li l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jiġi implimentat u li ħadd ma jitħalla jibqa' lura; jenfasizza l-kondizzjonijiet prekarji li jħabbtu wiċċhom magħhom il-ħaddiema transfruntiera u staġjonali, speċjalment mill-kriżi tal-COVID-19; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istat Membri jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet li jiffaċċjaw il-ħaddiema migranti transfruntiera u staġjonali fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19 u jiżguraw li l-ħaddiema kollha fl-UE jingħataw livelli għoljin ta' protezzjoni soċjali u impjiegi ekwi u mħallsa kif xieraq, inkluż billi jiżguraw l-applikazzjoni u l-infurzar effettivi tad-dritt tal-Unjoni relatat mal-mobilità tal-forza tax-xogħol u d-dritt għal paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali; iqis li dan l-approċċ huwa vitali sabiex tiġi evitata l-marġinalizzazzjoni taċ-ċittadini tal-UE, jingħataw is-setgħa li jipparteċipaw bis-sħiħ u b'mod attiv fid-demokraziji tagħna u jiġu protetti d-drittijiet tagħhom li jirriżultaw miċ-ċittadinanza tal-UE;

13.  Jinnota li n-nuqqas ta' mekkaniżmu ta' rikonoxximent reċiproku għall-istatus ta' persuna b'diżabilità huwa waħda mir-raġunijiet għad-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-persuni b'diżabilità biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom għall-moviment liberu, l-aċċess għall-edukazzjoni, l-impjiegi u l-beni kulturali; jappoġġa l-iżvilupp ta' karta tad-diżabilità tal-UE rikonoxxuta b'mod reċiproku biex jiġi żgurat aċċess ugwali fl-UE għal ċerti benefiċċji; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu karta tad-diżabilità tal-UE sabiex jiggarantixxu l-libertà tal-moviment għall-persuni b'diżabilità;

14.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jirratifikaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità u jiffirmaw il-Protokoll; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fil-kuntest tar-ratifika ta' din il-konvenzjoni, tieħu l-miżuri xierqa sabiex tippermetti lill-persuni b'diżabilità jeżerċitaw id-drittijiet sħaħ tagħhom bħala ċittadini tal-UE, mingħajr ebda forma ta' diskriminazzjoni;

15.  Jinsab imħasseb dwar il-marġinalizzazzjoni tal-persuni mingħajr dar minħabba l-kundizzjonijiet diffiċli tal-għajxien u n-nuqqas ta' informazzjoni li jħabbtu wiċċhom magħhom; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jipproteġu l-persuni mingħajr dar u d-drittijiet tagħhom, u biex jilħquhom b'kampanji ta' informazzjoni dwar dawn il-miżuri u, b'hekk, jiffaċilitaw l-inklużjoni tagħhom fil-ħajja soċjali u politika u fis-soċjetà ċivili;

16.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni, imħabbra fir-Rapport tagħha dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE tal-2020, li taġġorna d-direttivi dwar id-drittijiet tal-vot taċ-ċittadini mobbli tal-UE fl-elezzjonijiet muniċipali u Ewropej (id-Direttivi tal-Kunsill 94/80/KE u 93/109/KE); jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-urġenza li jitneħħew l-ostakli u d-diffikultajiet kollha li jxekklu l-eżerċitar tad-drittijiet tal-vot min-naħa ta' ċittadini mobbli tal-UE, inkluż minn persuni b'diżabilità, li jiżdied u jiġi ffaċilitat l-għoti ta' informazzjoni dwar l-elezzjonijiet u l-proċeduri tal-votazzjoni muniċipali u Ewropej (possibbilment permezz ta' pjattaforma unika ta' informazzjoni, kompletament aċċessibbli madwar l-UE), li l-Istati Membri jitħeġġu, b'mod partikolari fil-livell lokali, jiffaċilitaw l-eżerċitar tad-drittijiet tal-vot ta' ċittadini mobbli tal-UE, u li jiġu esplorati u implimentati għażliet ta' votazzjoni remota, inkluża l-votazzjoni elettronika, sabiex tiżdied u tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni demokratika; jissottolinja li għall-fini tal-votazzjoni remota, l-Istati Membri għandhom jiżguraw it-trasparenza fit-tfassil u l-użu ta' sistemi elettroniċi u tal-internet, il-possibbiltà li jsir għadd mill-ġdid manwali jew elettroniku mingħajr ma jiġu kompromessi s-segretezza tal-vot u l-protezzjoni tad-data personali f'konformità mad-dritt applikabbli tal-Unjoni; ifakkar li f'xi Stati Membri, persuni b'diżabilità li jkunu taħt miżuri protettivi, bħat-tutela, huma awtomatikament esklużi mill-parteċipazzjoni politika u b'hekk jiġu mċaħħda mid-dritt li jivvutaw; jenfasizza l-ħtieġa li wieħed jitbiegħed minn din is-soluzzjoni drastika favur l-appoġġ ta' persuni b'diżabilità f'oqsma partikolari tal-ħajja; jilqa' f'dan ir-rigward id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni biex taħdem mal-Istati Membri u l-Parlament biex tiggarantixxi d-drittijiet politiċi tal-persuni b'diżabilità fuq bażi ugwali ma' ħaddieħor u, b'mod partikolari, biex tiżgura li dan id-dritt jitgawda fl-elezzjonijiet tal-Parlament li jmiss;

17.  jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, fi ħdan in-Network Ewropew ta' Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet, jiskambjaw u jippromwovu l-aħjar prattiki dwar kif jiġu indirizzati l-ħtiġijiet elettorali speċifiċi ta' gruppi żvantaġġati ta' ċittadini sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tagħhom fl-elezzjonijiet u jiġi żgurat li dawn jingħataw is-setgħa li jeżerċitaw b'mod effettiv id-drittijiet tal-vot tagħhom fl-elezzjonijiet Ewropej li jmiss; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' data komprensiva dwar il-kategoriji ta' votanti sottorappreżentati u l-ħtieġa li jaqblu dwar sett bażiku ta' definizzjonijiet komuni ta' gruppi żvantaġġati, li jistgħu jinkludu gruppi bħal persuni LGBTIQ, migranti u rifuġjati, nies minn familji bi dħul baxx, minoranzi razzjali, etniċi jew lingwistiċi, u persuni b'diżabilità;

18.  Ifakkar ukoll fil-fatt li d-drittijiet elettorali taċ-ċittadini tal-UE li jgħixu barra mill-pajjiż ta' spiss huma s-suġġett ta' petizzjonijiet; jinnota li diversi Stati Membri jċaħħdu liċ-ċittadini tagħhom mid-dritt tagħhom li jivvutaw fl-elezzjonijiet parlamentari nazzjonali ladarba jiċċaqalqu lejn pajjiż ieħor tal-UE; jemmen li t-tneħħija tad-dritt tal-vot taċ-ċittadini tal-UE abbażi tar-residenza tagħhom barra mill-pajjiż, flimkien man-nuqqas ta' rikonoxximent tad-dritt tagħhom li jivvutaw fl-elezzjonijiet nazzjonali fil-pajjiż ta' residenza, jistgħu jfixklu l-libertà tal-moviment u jistgħu jirriżultaw fiċ-ċaħda tad-dritt fundamentali għall-parteċipazzjoni politika; jenfasizza li diversi Stati Membri ċaħdu mill-vot fl-elezzjonijiet lokali u Ewropej lil residenti fit-tul li huma residenti ta' Stat Membru ieħor tal-UE;

19.  Jenfasizza li aktar minn 60 % ta' dawk li wieġbu li pparteċipaw fil-konsultazzjoni pubblika dwar ir-Rapport tal-2020 dwar iċ-Ċittadinanza Ewropea ħasbu li mhux qed isir biżżejjed biex iċ-ċittadini jiġu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinfurmaw aħjar liċ-ċittadini tal-UE dwar id-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom, f'formati aċċessibbli għal persuni b'tipi differenti ta' diżabilità, u jiżguraw li l-eżerċitar ta' dawk id-drittijiet jiġi rispettat b'mod ugwali fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom u fi kwalunkwe Stat Membru ieħor; jenfasizza l-importanza li jkun hemm siti web fil-livell tal-pajjiżi li jispjegaw id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE u kif jistgħu jikkuntattjaw lill-Membri tal-PE u jimmonitorjaw il-voti u d-deċiżjonijiet tagħhom;

20.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu aktar spazju għall-edukazzjoni politika dwar kwistjonijiet tal-UE, fost l-oħrajn dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE, fil-kurrikulu tal-iskejjel tagħhom u jadattaw it-taħriġ tal-għalliema kif xieraq; jikkunsidra li l-Istati Membri għandhom jippromwovu ż-żjarat tal-iskejjel fl-istituzzjonijiet tal-UE permezz tas-sistemi edukattivi tagħhom; jenfasizza li edukazzjoni aċċessibbli għandha rwol vitali li tinforma liċ-ċittadini futuri;

21.  Jirrikonoxxi li l-istabbiliment attwali tal-qafas parteċipattiv tal-UE jista' jħalli lin-nies dubjużi dwar liema mezz huwa aktar adatt għall-ħtiġijiet tagħhom u b'hekk jiskoraġġihom milli jużaw l-għodod disponibbli biex jikkomunikaw mal-istituzzjonijiet tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu l-istrumenti xierqa biex jiżguraw li ċ-ċittadini u r-residenti tal-UE jkunu infurmati bis-sħiħ dwar id-dritt tagħhom li jressqu petizzjonijiet lill-Parlament u d-dritt tagħhom li jirrikorru għand l-Ombudsman Ewropew bħala mezz biex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u jirrappurtaw kwalunkwe ksur, skont l-Artikolu 44 tal-Karta u l-Artikolu 227 tat-TFUE;

22.  Jitlob li jiġi stabbilit punt uniku ta' servizz online li jiċċentralizza l-istrumenti parteċipattivi kollha tal-UE u jipprovdi informazzjoni, pariri u appoġġ dwar l-involviment mal-UE fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, u f'formati aċċessibbli għal persuni b'tipi differenti ta' diżabilità, u b'hekk jgħin lill-utenti jidentifikaw u jużaw l-aktar mezz xieraq, sabiex iqarrbu liċ-ċittadini lejn l-UE u jsaħħu l-parteċipazzjoni demokratika tagħhom; għandu fiduċja li tali punt uniku ta' servizz jissimplifika l-użu tal-istrumenti parteċipattivi differenti filwaqt li jisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal tagħhom;

23.  Ifakkar fl-appoġġ tiegħu għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa; jemmen bis-sħiħ li l-konferenza hija opportunità ta' parteċipazzjoni minn isfel għal fuq fil-proċess demokratiku tal-UE; itenni t-talba tiegħu biex il-konferenza tipproduċi rakkomandazzjonijiet konkreti li jridu jiġu indirizzati mill-istituzzjonijiet u jinbidlu f'azzjonijiet; jistieden lill-parteċipanti kollha fil-konferenza jiżguraw segwitu ġenwin tal-eżitu tagħha;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-kumitati għall-petizzjonijiet tagħhom u lill-ombudsmen nazzjonali tagħhom jew lil korpi simili kompetenti.

(1) ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77.
(2) ĠU L 368, 31.12.1994, p. 38.
(3) ĠU L 329, 30.12.1993, p. 34.
(4) ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1.
(5) ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1.
(6) ĠU L 16, 23.1.2004, p. 44.
(7) ĠU C 369, 11.10.2018, p. 11.
(8) ĠU C 449, 23.12.2020, p. 6.
(9) ĠU L 327, 2.12.2016, p. 1.
(10) ĠU C 425, 20.10.2021, p. 7.
(11) ĠU C 385, 22.9.2021, p. 159.
(12) ĠU C 362, 8.9.2021, p. 82.
(13) ĠU C 371, 15.9.2021, p. 6.
(14) ĠU C 425, 20.10.2021, p. 2.
(15) ĠU C 445, 29.10.2021, p. 70.
(16) ĠU C 463, 21.12.2018, p. 21.
(17) Testi adottati, P9_TA(2021)0366.
(18) Testi adottati, P9_TA(2021)0414.
(19) ĠU C 474, 24.11.2021, p. 82.
(20) ĠU C 270, 7.7.2021, p. 105.
(21) ĠU C 445, 29.10.2021, p. 168.
(22) Testi adottati, P9_TA(2021)0507.
(23) ĠU C 384 I, 12.11.2019, p. 1.
(24) Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-5 ta' Ġunju 2018, Relu Adrian Coman et al. vs Inspectoratul General pentru Imigrări u Ministerul Afacerilor Interne, C-673/16, EU:C:2018:385.

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Ġunju 2022Avviż legali - Politika tal-privatezza