Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2022/2593(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0160/2022

Dibattiti :

PV 23/03/2022 - 18
PV 23/03/2022 - 19
CRE 23/03/2022 - 18
CRE 23/03/2022 - 19

Votazzjonijiet :

PV 24/03/2022 - 9.19
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2022)0099

Testi adottati
PDF 193kWORD 70k
Il-Ħamis, 24 ta' Marzu 2022 - Brussell
Il-ħtieġa ta' pjan ta' azzjoni urġenti tal-UE biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel kemm fl-UE kif ukoll barra l-UE fid-dawl tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna
P9_TA(2022)0099RC-B9-0160/2022

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Marzu 2022 dwar il-ħtieġa ta' pjan ta' azzjoni urġenti tal-UE biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel kemm fl-UE kif ukoll barra l-UE fid-dawl tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna (2022/2593(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja u l-Ukrajna,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet dwar l-Ukrajna tal-mexxejja tal-Parlament Ewropew tas-16 u l-24 ta' Frar 2022,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli f'isem l-UE tal-24 ta' Frar 2022 dwar l-invażjoni tal-Ukrajna mill-forzi armati tal-Federazzjoni Russa,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Kunsill Ewropew u tal-President tal-Kummissjoni tal-24 ta' Frar 2022 dwar l-aggressjoni militari bla preċedent u mhux provokata tar-Russja kontra l-Ukrajna,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet reċenti tal-President tal-Ukrajna u tal-President tal-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-G7 tal-24 ta' Frar 2022,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 ta' Frar 2022,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 39 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Marzu 2022 dwar l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kapijiet ta' Stat jew ta' gvern tal-Kunsill Ewropew tal-10 ta' Marzu 2022 dwar l-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Laqgħa tal-Ministri għall-Agrikoltura tal-G7 tal-11 ta' Marzu 2022 dwar l-invażjoni tal-Ukrajna mill-forzi armati tal-Federazzjoni Russa,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Versailles li nħarġet mill-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-UE matul il-laqgħa informali li saret fl-10 u l-11 ta' Marzu 2022,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Novembru 2021 dwar il-pjan ta' kontinġenza biex jiġu żgurati l-provvista tal-ikel u s-sigurtà alimentari fi żminijiet ta' kriżi (COM(2021)0689),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, f'konformità mal-Karta tan-NU u l-prinċipji tal-liġi internazzjonali, l-Istati kollha jgawdu minn sovranità ugwali u fir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom jeħtiġilhom iżommu lura milli jirrikorru għat-theddid jew għall-użu tal-forza kontra l-integrità territorjali jew l-indipendenza politika ta' kwalunkwe Stat;

B.  billi l-Federazzjoni Russa bdiet invażjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Ukrajna fl-24 ta' Frar 2022;

C.  billi l-produzzjoni tal-ikel u l-aċċess għall-ikel ma għandhomx jintużaw bħala arma ġeopolitika;

D.  billi l-Kunsill adotta sensiela inizjali ta' sanzjonijiet kontra r-Russja, inklużi sanzjonijiet individwali mmirati, sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji u restrizzjonijiet kummerċjali, u qed ikompli jħejji aktar sanzjonijiet f'koordinazzjoni mill-qrib mal-alleati transatlantiċi u ma' sħab internazzjonali oħra tal-istess fehma;

E.  billi din is-sitwazzjoni u s-sanzjonijiet leġittimi imposti fuq ir-Russja se jwasslu għal tfixkil kumulattiv sinifikanti fis-swieq globali tal-agrikoltura, tas-sajd u tal-akkwakultura, minbarra l-kriżi tal-COVID-19 u ż-żidiet sinifikanti reċenti fl-ispejjeż tal-inputs, b'mod partikolari b'rabta mas-swieq tal-ħbub u taż-żejt veġetali peress li l-Ukrajna u r-r-Russja jirrappreżentaw bejn wieħed u ieħor 30 % mill-kummerċ dinji fil-qamħ, 32 % mix-xgħir, 17 % mill-qamħirrum u aktar minn 50 % miż-żejt taż-żerriegħa tal-ġirasol u 20 % miż-żrieragħ tal-ġirasol, u f'termini tal-aċċess għall-fertilizzanti u għall-inputs meħtieġa għall-produzzjoni tal-fertilizzanti;

F.  billi l-portijiet tal-Baħar l-Iswed huma fost l-infrastrutturi ċivili li ġarrbu ħsara, u dan irriżulta f'imblokk totali tal-kummerċ bil-baħar u qed jimpedixxxi l-esportazzjonijiet ta' prodotti agrikoli vitali lejn reġjuni differenti, inkluża l-UE;

G.  billi wara l-annessjoni tal-Krimea mir-Russja u s-sanzjonijiet sussegwenti, il-Kummissjoni u l-Istati Membri ħadu bosta miżuri biex ipattu għall-effetti negattivi fuq is-swieq tal-agrikoltura, tas-sajd u tal-akkwakultura tal-UE;

H.  billi l-gwerra fuq il-post fl-Ukrajna qed tipprevjeni l-moviment intern tal-prodotti, b'mod partikolari l-ikel, l-għalf u prodotti agrikoli oħra, u wasslet ukoll għas-sospensjoni tal-operazzjonijiet tat-tgħaffiġ taż-żrieragħ żejtnija u l-introduzzjoni ta' rekwiżiti ta' liċenzjar tal-esportazzjoni għal xi għelejjel, u dan jirriżulta fi skarsezza serja tal-ikel fl-Ukrajna, nuqqas ta' stokkijiet disponibbli għat-trasport bil-baħar lejn pajjiżi oħra u r-riskju konsegwenti u imminenti ta' instabilità ġeopolitika;

I.  billi l-kunflitt involva attakki diretti lejn l-infrastruttura agrikola kritika, anki dik għat-trasport u l-ħżin, u dan qed ikollu impatti reġjonali sinifikanti; billi l-bumbardament u l-bombi dispersivi f'sitwazzjonijiet ta' gwerra jagħmlu ħsara lill-art agrikola u jkorru lil dawk li jkollhom il-ħsieb imorru lura biex jaħdmu l-art, u b'hekk irenduha inutilizzabbli għas-snin li ġejjin li fihom tkun qed titwettaq it-tneħħija tal-mini u jkunu qed jiġu skoperti u diżarmati jew meqruda l-isplussivi;

J.  billi l-ħsad tal-2022 fl-Ukrajna ma jistax isir peress li l-bdiewa u l-ħaddiema agrikoli ħarbu biex isalvaw ħajjithom jew qed jiddefendu lil pajjiżhom, u l-azjendi agrikoli ġarrbu wisq ħsara biex il-produzzjoni ta' din is-sena ssir bħas-soltu;

K.  billi l-Ukrajna tammonta għal 11 % tas-suq tal-qamħ tad-dinja, 16 % tax-xgħir tagħha, 15 % tal-qamħirrum tagħha, 16 % tal-lift tagħha, 50 % taż-żejt taż-żerriegħa tal-ġirasol tagħha, 9 % tal-kummerċ fiż-żrieragħ tal-ġirasol u 61 % tal-pasta tal-ġirasol tagħha; billi għar-Russja, dawn il-figuri huma 20 % (qamħ), 16 % (xgħir), 2 % (qamħirrum), 3 % (lift) u 20 % (pasta tal-ġirasol);

L.  billi l-Ukrajna saret fornitur importanti għall-UE, peress li hija l-fornitur primarju tal-qamħirrum (medja ta' 9.2 megatunnellati – 57 % tal-provvisti), il-lift (2 megatunnellati – 42 % tal-importazzjonijiet Ewropej skont il-volum), iż-żrieragħ tal-ġirasol (0.1 megatunnellati – 15 %) u l-pasta tal-ġirasol (1.3 megatunnellata – 47 % tal-importazzjonijiet), u f'livell aktar baxx il-qamħ (1 megatunnellata – 30 % tal-importazzjonijiet); billi r-Russja hija wkoll, iżda f'livell aktar baxx, fornitur importanti għall-UE tal-qamħ (0.5 megatunnellati – 11 %), iżda l-aktar tal-pasta tal-lift (0.2 megatunnellati – 50 %), il-pasta tal-ġirasol (0.9 megatunnellati – 34 %) u ż-żrieragħ tal-ġirasol (0.3 megatunnellati – 35 %);

M.  billi anki qabel l-invażjoni Russa tal-Ukrajna, is-swieq agrikoli globali esperjenzaw żieda fil-prezzijiet, parzjalment minħabba l-effetti tal-klima u l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19; billi ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija fl-Ewropa qed ikollha impatt sinifikanti fuq is-setturi tal-agrikoltura, tas-sajd u l-akkwakultura, b'żieda fil-prezzijiet tal-fertilizzanti u spejjeż tal-enerġija ogħla għall-bdiewa;

N.  billi sa mill-bidu tal-kunflitt, kien hemm żieda qawwija fil-prezzijiet madwar id-dinja għall-prodotti agrikoli (bejn + 5 % u + 10 % skont il-prodott), u qed joqorbu lejn il-prezzijiet tas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 2007-2008;

O.  billi l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FOA) tistma li d-diskrepanza globali fil-provvista li tirriżulta minn tnaqqis f'daqqa u qawwi fl-esportazzjoni ta' ħbub u ta' żrieragħ tal-ġirasol miż-żewġ pajjiżi tista' tikkawża żieda fil-prezzijiet internazzjonali tal-ikel u tal-għalf li tkun ferm akbar mil-livelli diġà għoljin tagħhom;

P.  billi l-UE ma timportahx biss il-qamħ, iżda tesportah ukoll, speċjalment lejn il-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq, li lejnhom jiġu esportati madwar 6 miljun tunnellata qamħ kull sena; billi dawn il-pajjiżi jiddependu, l-ewwel nett, fuq ir-Russja u l-Ukrajna, u mbagħad fuq l-UE;

Q.  billi l-objettivi tal-politika komuni tas-sajd u tal-politika agrikola komuni (PAK) jinkludu, fost oħrajn, il-forniment tas-suq tal-UE b'ikel ta' valur nutrizzjonali għoli, it-tnaqqis tad-dipendenza tas-suq tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-ikel, u l-iżgurar li l-ikel jasal għand il-konsumaturi bi prezzijiet raġonevoli; billi l-pandemija tal-COVID-19 u issa l-invażjoni Russa tal-Ukrajna għamluha saħansitra aktar evidenti li l-UE għandha bżonn issaħħaħ is-sigurtà tal-ikel tagħha u tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq inputs importati mingħand fornitur wieħed jew ftit wisq fornituri minn barra mill-UE;

R.  billi fid-9 ta' Marzu 2022, il-Kummissjoni ospitat l-ewwel laqgħa tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' tħejjija u rispons għall-Kriżijiet tas-Sigurtà tal-Ikel, li għadu kemm ġie stabbilit, biex tiddiskuti s-sigurtà tal-ikel, l-impatt taż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-inputs u l-impatt tal-gwerra fl-Ukrajna; billi dan il-mekkaniżmu għandu l-għan li jsaħħaħ it-tħejjija għall-kriżijiet billi jtejjeb il-koordinazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki;

S.  billi l-UE tiddependi ħafna fuq il-fjuwils fossili Russi; billi madwar 90 % tal-gass użat fl-UE huwa importat, u r-Russja pprovdiet 45 % ta' dawk l-importazzjonijiet f'diversi livelli lejn l-Istati Membri tal-UE fl-2021; billi r-Russja kienet ukoll l-akbar fornitur taż-żejt tal-Ewropa b'27 %, aktar minn tliet darbiet tal-akbar wieħed li jmiss (in-Norveġja); billi din id-dipendenza esterna fuq l-enerġija taffettwa direttament il-produzzjoni agrikola;

T.  billi l-prezzijiet tal-enerġija, tal-input u tal-ikel qegħdin kollha jiżdiedu minħabba l-kunflitt, u dan ifisser li aktar u aktar nies se jkunu f'riskju ta' faqar (b'żieda mas-97 miljun f'riskju bħalissa); billi għalhekk huma meħtieġa miżuri soċjali biex jgħinu lill-produtturi u lill-konsumaturi jindirizzaw dawn l-effetti;

U.  billi s-sigurtà tal-ikel ma tfissirx biss id-disponibbiltà ta' provvisti tal-ikel, iżda, skont l-FAO, tinkludi wkoll id-dritt għall-ikel u l-aċċessibbiltà għal nutriment tajjeb għas-saħħa għal kulħadd;

V.  billi l-impatti fuq is-sigurtà tal-ikel tal-gwerra ta' aggressjoni Russa mhux provokata u mhux ġustifikata aggravaw is-sitwazzjoni diġà severa kkawżata mill-COVID-19, in-nixfiet eċċezzjonali fin-Nofsinhar tal-UE, it-tibdil fil-klima u t-telfien tal-bijodiversità; billi din il-kriżi għandha effetti kemm diretti kif ukoll indiretti fuq is-setturi agroalimentari u tal-ikel akkwatiku;

W.  billi l-UE jeħtiġilha li ssir mhux biss aktar indipendenti f'oqsma strateġiċi bħad-difiża jew il-provvista tal-enerġija, iżda jeħtiġilha tkun tista' wkoll tiżgura is-sigurtà tal-ikel fi kwalunkwe ħin billi żżid ir-reżiljenza f'setturi l-UE hija dipendenti ħafna fuq l-importazzjonijiet; billi din il-kriżi tal-Ukrajna turi għal darb'oħra li s-sigurtà tal-ikel ma tistax titqies bħala skontata; billi l-produzzjoni Ewropea tal-ikel għandha titqies bħala settur strateġiku;

X.  billi l-UE hija msejsa fuq il-prinċipji tas-solidarjetà u jekk l-UE ma tieħux azzjoni issa, huma dawk l-aktar vulnerabbli li se jbatu l-akbar konsegwenzi;

Y.  billi din il-kriżi għandha effetti kemm diretti kif ukoll indiretti fuq is-setturi agroalimentari u tal-ikel akkwatiku, u l-effetti diretti tagħha huma marbuta mal-interruzzjoni tal-iskambji kummerċjali mar-Russja u mal-Ukrajna, u l-effetti indiretti tagħha huma marbuta mal-volatilità tal-prezzijiet u tal-ispejjeż tal-produzzjoni;

Z.  billi ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, tal-fjuwil, tal-fertilizzanti, tal-materja prima u tal-prodotti agrikoli qed ikollha impatt kbir fuq is-setturi agroalimentari u tal-ikel akkwatiku, u dan qed jikkawża żieda gravi fl-ispejjeż tal-produzzjoni li qed tipperikola l-kontinwità tal-produzzjoni u tista' twassal għal interruzzjonijiet fil-ktajjen tal-provvista;

AA.  billi r-Russja hija s-sitt l-akbar sieħeb kummerċjali tal-Ewropa f'termini ta' valur tal-esportazzjoni agroalimentari mill-UE(2); billi l-interruzzjonijiet fil-kummerċ u s-sanzjonijiet imposti se jeħtieġu miżuri ta' mitigazzjoni, inkluż l-istabbiliment ta' swieq alternattivi għall-prodotti agrikoli tal-UE;

AB.  billi l-kriżijiet tal-ikel jistgħu jiġu pprovokati mill-ispekulazzjoni fuq il-prodotti bażiċi tal-ikel;

AC.  billi r-Russja hija esportatur ewlieni ta' fertilizzanti tan-nitroġenu sintetiċi u l-komponenti tagħhom, u l-Belarussja hija esportatur sinifikanti ta' fertilizzanti bbażat fuq il-potassiku; billi l-prezzijiet tal-fertilizzanti tan-nitroġenu huma dipendenti ħafna fuq il-prezzijiet tal-gass naturali, prodott li għalih ir-Russja għandha pożizzjonijiet ewlenin fis-suq; billi r-Russja ħabbret is-sospensjoni tal-esportazzjoni ta' fertilizzanti minerali fl-4 ta' Marzu 2022 minħabba l-invażjoni tagħha tal-Ukrajna;

AD.  billi minbarra d-dipendenza qawwija tal-UE fuq l-importazzjonijiet ta' fertilizzant mir-Russja, id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet ta' enerġiji mill-fjuwils fossili biex jiġi prodott il-fertilizzant kif ukoll fuq il-karbonat tal-potassju mill-Belarussja se twassal għal interruzzjonijiet sinifikanti fil-provvista, fi żmien meta l-prezzijiet tal-fertilizzanti żdiedu b'142 % matul din l-aħħar sena u l-enerġija u l-fertilizzanti jirrappreżentaw 20 % mill-ispejjeż tal-produzzjoni tal-bdiewa(3); billi l-gass jirrappreżenta bejn 60 % u 80 % mill-ispejjeż tal-produzzjoni tal-fertilizzanti nitroġenużi ewlenin(4); billi l-prezzijiet għoljin tal-gass diġà wasslu għall-għeluq temporanju ta' xi faċilitajiet tal-industrija tal-fertilizzanti; billi diġà jeżistu każijiet fejn il-kumpaniji tal-fertilizzanti rrifjutaw ordnijiet mill-bdiewa minħabba n-nuqqas ta' materja prima;

AE.  billi jeżistu ħafna prodotti fertilizzanti li huma dderivati minn sorsi organiċi ta' nutrijenti u dawn il-prodotti bħalissa mhumiex qed jintużaw bħala alternattiva għall-fertilizzanti kimiċi; billi żieda fl-użu minnhom tista' tkun soluzzjoni biex titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq il-fertilizzanti kimiċi b'mod konformi mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku; billi l-użu tad-demel ipproċessat, il-bijofaħam u l-frass b'mod partikolari, jista' jnaqqas l-ispejjeż tal-bdiewa fuq il-fertilizzanti;

AF.  billi l-prezz tal-fjuwil żdied b'mod konsiderevoli fl-UE, u laħaq livelli bla preċedent f'ħafna Stati Membri; billi din it-trajettorja se twassal għal sitwazzjoni ekonomika insostenibbli għall-bdiewa u għas-sajjieda, bħal bastimenti tas-sajd li jsibuha impossibbli li joħorġu l-baħar u li jaqilgħu aktar mill-ispiża tal-operazzjonijiet tas-sajd;

AG.  billi s-setturi tas-sajd, tal-akkwakultura u tal-ipproċessar tal-UE jipprovdu prodotti tal-frott tal-baħar ta' kwalità għolja, u għandhom rwol importanti fl-iżgurar tas-sigurtà alimentari globali; billi s-settur tas-sajd ilu żmien twil jgħin biex jipprovdi lill-konsumaturi Ewropej bi prodotti ta' kwalità għolja li jissodisfaw standards għoljin ta' nutrizzjoni u sikurezza tal-ikel, u issa huwa fost il-mexxejja globali f'termini ta' sostenibbiltà;

AH.  billi l-funzjonament kif suppost tas-suq uniku Ewropew huwa prekondizzjoni biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel; billi l-Gvern Ungeriż dan l-aħħar iddeċieda li jipprojbixxi l-esportazzjonijiet kollha tal-ħbub b'konsegwenza tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna, bi ksur kemm tal-obbligi tiegħu skont it-Trattati kif ukoll tal-prinċipju ta' solidarjetà tal-UE;

AI.  billi l-impatt fuq il-prezzijiet tal-ikel għall-konsumatur irid jitqies fil-kuntest tal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19, li diġà kkontribwixxa għal żidiet fil-prezzijiet qabel ma bdiet il-gwerra; billi l-kost tal-ikel fl-UE kien 4,7 % ogħla f'Jannar 2022 milli kien fl-istess xahar tas-sena preċedenti(5); billi ħafna Stati Membri, u b'mod partikolari l-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, qed jiffaċċjaw żidiet saħansitra ogħla fil-prezzijiet tal-ikel;

AJ.  billi l-eżawriment tal-ħażniet tal-għalf se jkollu konsegwenzi gravi għal ħafna farms tat-tnissil; billi diversi Stati Membri indikaw li, bir-rati attwali, hemm riskju li jeżawrixxu l-ħażniet tal-għalf sal-Għid;

AK.  billi jeżistu sinerġiji importanti li jridu jinkisbu u jinżammu lil hinn mill-kriżi attwali, bħal prattiki agrikoli sostenibbli li jtejbu l-kwalità tal-ħamrija, u b'hekk itejbu l-produttività u funzjonijiet u servizzi oħra tal-ekosistema, bħas-sekwestru tal-karbonju u r-regolamentazzjoni tal-kwalità tal-ilma; billi l-mod kif l-UE tipproduċi u tikkonsma l-ikel, ix-xorb u prodotti agrikoli oħra għandu jkun konsistenti mal-politiki u l-impenji tal-UE, inklużi l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU u l-Ftehim ta' Pariġi, biex jiġi żgurat bilanċ sod bejn it-tliet pilastri tas-sostenibbiltà;

AL.  billi huwa essenzjali li tiġi indirizzata l-problema tal-ħela tal-ikel fl-istadji kollha tal-katina tal-provvista fi żmien qasir sabiex titnaqqas il-pressjoni fuq il-provvista tal-ikel fl-Ewropa, b'mod partikolari peress li fl-UE jinħlew 88 miljun tunnellata ta' ikel kull sena, u huwa stmat li l-kostijiet assoċjati jammontaw għal EUR 143 biljun; billi l-indirizzar tal-ħela tal-ikel permezz ta' miżuri biex tintlaħaq il-mira tal-UE ta' tnaqqis tal-ħela tal-ikel ta' 30 % sal-2025 u ta' 50 % sal-2030 meta mqabbel mal-linja bażi tal-2014, kif ukoll permezz ta' miżuri biex jitneħħew l-ostakli leġiżlattivi mhux meħtieġa biex l-iskart jiġi pproċessat mill-ġdid f'fertilizzanti organiċi, ikollu impatt pożittiv immedjat fuq is-sigurtà tal-ikel fl-UE;

1.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-aggressjoni militari illegali, mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna u l-invażjoni tagħha, kif ukoll l-involviment tal-Belarussja f'din l-aggressjoni; jeżiġi li l-Federazzjoni Russa ttemm minnufih l-attivitajiet militari kollha fl-Ukrajna, tirtira mingħajr kundizzjonijiet il-forzi militari u paramilitari kollha u t-tagħmir militari kollu mit-territorju rikonoxxut internazzjonalment tal-Ukrajna, ittemm l-imblukkar tal-kurituri umanitarji u tirrispetta bis-sħiħ l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment tagħha, sabiex jerġa' jkun hemm il-paċi u b'hekk jiġi żgurat li l-bini mill-ġdid tas-sistemi ekonomiċi, soċjali, tas-saħħa u tal-ikel, li huma ta' sostenn għall-ħajja, jista' jinbeda b'mod sikur;

2.  Jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-poplu tal-Ukrajna u n-niket inkonsolabbli tiegħu għat-telf traġiku ta' ħajjiet u għat-tbatija umana kkawżati mill-aggressjoni Russa u jisħaq li l-attakki kontra ċivili u infrastruttura ċivili, kif ukoll l-attakki indiskriminati, huma pprojbiti skont id-dritt umanitarju internazzjonali;

3.  Jilqa' l-adozzjoni rapida ta' sanzjonijiet mill-Kunsill bl-għan li jipperswadi lill-Federazzjoni Russa twaqqaf l-attakki tagħha kontra l-Ukrajna; jinsisti, madankollu, fid-dawl tal-aħħar attakki, inklużi dawk kontra żoni residenzjali u infrastruttura ċivili, fuq il-ħtieġa li jiġu adottati sanzjonijiet severi addizzjonali;

4.  Jeżiġi li l-Federazzjoni Russa twaqqaf minnufih il-bumbardamenti tal-isptarijiet, il-kindergartens, l-iskejjel, it-teatri, id-djar tal-anzjani u infrastruttura ċivili oħra; jikkundanna dan it-tip ta' azzjonijiet bl-iktar mod qawwi possibbli u jissottolinja li mingħajr waqfien għal dawn l-attakki indiskriminati mhux se tkun tista' terġa' tinbena l-ħajja normali u titkompla l-produzzjoni tal-ikel fl-Ukrajna u fiż-żoni agrikoli u tas-sajd tagħha, u tkun tista' terġa' lura n-normalità fil-fluss ta' ikel, prodotti, u inputs essenzjali għall-agrikoltura, is-sajd, l-akkwakultura u l-produzzjoni tal-ikel bejn il-fruntieri, biex b'hekk jingħelbu l-isfidi tat-trasport fl-esportazzjonijiet tal-ikel u fil-produzzjoni ta' prodotti bażiċi;

5.  Jissottolinja l-importanza li jerġa' jkun hemm l-istabbiltà fl-Ukrajna, sabiex is-settur agrikolu tagħha jkun jista' jirkupra u tkun tista' tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel tal-pajjiż; jitlob lill-UE tagħmel kull sforz, meta jkun possibbli, biex tappoġġa l-produzzjoni agrikola tal-Ukrajna permezz tal-forniment ta' żrieragħ, ta’ fjuwil u ta' fertilizzanti li jkunu skarsi;

6.  Jitlob li jsiru l-isforzi kollha biex l-istaġun taż-żrigħ u tal-produzzjoni li jmiss fl-Ukrajna jiġi ssalvagwardjat b'kull mod possibbli; jissottolinja li tinħtieġ għajnuna umanitarja biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet immedjati u ta' theddid għall-ħajja, bħal dawk li l-Ukrajna qed tiffaċċja issa;

7.  Ifakkar li ngħalqu diversi portijiet Ukreni fil-Baħar l-Iswed, fatt li kkawża tfixkil fil-kummerċ internazzjonali tal-ikel, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippermettu kurituri sikuri ta' trasport u tal-ikel lejn l-Ukrajna u minnha permezz ta' portijiet alternattivi, kif ukoll permezz tat-trasport ferrovjarju u bit-triq;

8.  Jissottolinja li l-pajjiżi li jinsabu qrib iż-żona tal-kunflitt, dawk b'ekonomiji fraġli li qed jiżviluppaw u dawk li qed jilqgħu l-maġġoranza tar-rifuġjati Ukreni se jintlaqtu l-aktar mill-gwerra fl-Ukrajna; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw lil dawn il-pajjiżi u jiżguraw li jkunu disponibbli biżżejjed provvisti tal-ikel;

9.  Jesprimi tħassib serju dwar l-impatt li t-tfixkil attwali fil-proċessi agrikoli, tas-sajd u tal-akkwakultura se jkollu fuq is-sigurtà tal-ikel għall-poplu tal-Ukrajna, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-komunità internazzjonali jikkoordinaw u jipprovdu programm robust ta' għajnuna umanitarja u alimentari fit-tul lir-reġjuni u lill-bliet kollha affettwati, permezz tal-fora kollha possibbli, bħall-Kumitat dwar is-Sigurtà Alimentari Dinjija, biex ipatti għan-nuqqas ta' produzzjoni tal-ikel fl-Ukrajna u għat-tfixkil tal-katina tal-ikel;

10.  Jappella għal rispons immedjat u kkoordinat u li jiġi attivat il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili biex jiġi massimizzat l-appoġġ lill-Ukrajna, speċjalment f'termini ta' għajnuna umanitarja u għajnuna alimentari, kif ukoll billi jiġu pprovduti kurituri umanitarji sikuri tal-UE u jiġu offruti ikel u kenn lill-persuni kollha li qed jaħarbu mill-pajjiż; jenfasizza li filwaqt li s'issa ġie stmat li l-appoġġ finanzjarju umanitarju tal-UE jammonta għal madwar EUR 500 miljun, jinħtieġ aktar appoġġ; jisħaq, b'mod partikolari, li l-UE għandha tipprovdi għajnuna umanitarja lill-poplu Ukren biex tiżgura s-sigurtà tal-ikel fuq perjodu qasir fl-Ukrajna, u lir-rifuġjati kollha fl-UE permezz tal-Azzjoni ta' Koeżjoni għar-Rifuġjati fl-Ewropa u l-programmi tal-inizjattiva ta' Assistenza fl-Irkupru għall-Koeżjoni u għat-Territorji tal-Ewropa, kif ukoll billi tikkontribwixxi għall-Pjan ta' Rispons Rapidu tal-FAO għall-Ukrajna, billi żżid l-għajnuna finanzjarja tagħha; jenfasizza li jrid jinstab finanzjament addizzjonali peress li l-fondi tal-Politika ta' Koeżjoni għandhom rwol ewlieni fl-iżgurar tal-iżvilupp armonizzat tal-Istati Membri tal-UE; jistieden lill-UE tikkoordina mal-aġenziji tan-NU u mas-sħab kollha fuq il-post biex tipprovdi assistenza urġenti fir-rigward tal-ikel u s-sussistenza lill-persuni milquta mill-gwerra fl-Ukrajna;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-Programm Dinji tal-Ikel billi jużaw ir-Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza prevista fil-qafas finanzjarju pluriennali; jinnota li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jikkontribwixxu EUR 465 miljun fis-sena u EUR 1,47 biljun fis-sena rispettivament għall-Programm Dinji tal-Ikel; jinnota, barra minn hekk, li r-Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza tammonta għal EUR 1,2 biljun, li minnhom sa 35 % (EUR 420 miljun) jistgħu jintużaw għal pajjiżi terzi; jissottolinja li l-ammont disponibbli fir-Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza jista' ma jkunx biżżejjed u li tista' tkun meħtieġa flessibilità baġitarja addizzjonali;

12.  Jissottolinja li l-kunflitt attwali fl-Ukrajna qed joħroġ fid-dieher il-vulnerabbiltajiet tas-sistema globali tal-ikel; għalhekk iħeġġeġ lill-UE tissalvagwardja d-drittijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għas-sigurtà tal-ikel, bħala mezz biex jinkisbu s-sigurtà nutrizzjonali, it-tnaqqis tal-faqar, ktajjen tal-provvista globali u swieq lokali u reġjonali inklużivi, sostenibbli u ġusti, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-operaturi tal-biedja mill-familja, bl-għan li tiġi żgurata l-provvista ta' ikel għall-but ta' kulħadd u aċċessibbli;

13.  Jemmen li l-UE, flimkien ma' korpi internazzjonali oħra, jeħtiġilhom ma jittollerawx inflazzjoni artifiċjali tal-prezzijiet u jeħtiġilhom jieħdu azzjoni biex jipprevjenu mġiba spekulattiva li tipperikola s-sigurtà tal-ikel jew l-aċċess għall-ikel mill-pajjiżi u l-popolazzjonijiet vulnerabbli, billi jimmonitorjaw is-swieq li jaffettwaw is-sistema tal-ikel, inklużi s-swieq futuri, biex tiġi żgurata trasparenza sħiħa, u billi jikkondividu data u informazzjoni affidabbli dwar l-iżviluppi tas-suq tal-ikel globali;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika u tiffaċilita mezzi biex tindirizza l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-invażjoni Russa, mhux l-inqas fl-oqsma tal-produzzjoni agrikola, tas-sajd u tal-akkwakultura, sabiex tissalvagwardja s-sigurtà tal-ikel, billi tieħu l-passi meħtieġa biex tipproteġi n-negozji agrikoli, tas-sajd u tal-akkwakultura tal-UE b'miżuri ta' appoġġ sabiex jinħolqu kemm ċertezza kif ukoll aktar garanziji biex tinżamm u, fejn meħtieġ, tiżdied il-produzzjoni tal-ikel mill-bdiewa u s-sajjieda Ewropej;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jikkollaboraw mas-sħab tal-UE fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq biex jindirizzaw is-sigurtà tal-ikel; jemmen li l-UE għandha tkun lesta li tassisti lil dawn is-sħab fl-organizzazzjoni ta' konferenza ta' emerġenza dwar is-sigurtà tal-ikel, li għandha titmexxa minnhom, biex jiġu indirizzati, fuq perjodu qasir ta' żmien, in-nuqqas fil-provvista tal-ikel u, fuq perjodu medju ta' żmien, il-kwistjoni tar-reżiljenza agrikola fir-reġjun;

16.  Jinnota li dawn l-attakki, flimkien mal-interruzzjoni tal-kummerċ minħabba l-gwerra, jipprevjenu li riżorsi essenzjali, mill-enerġija u l-fertilizzanti, għall-prodotti kimiċi u agrikoli essenzjali, jilħqu l-UE; jenfasizza li ċ-ċittadini, il-produtturi tal-ikel u l-konsumaturi Ewropej huma għalhekk lesti li jaqsmu l-piż tal-gwerra b'solidarjetà mal-poplu erojku tal-Ukrajna;

17.  Jisħaq li l-UE hija l-akbar importatur u esportatur ta' prodotti tal-ikel agrikoli u akkwatiċi fid-dinja; jindika li sabiex tiżdied ir-reżiljenza fit-tul tas-sistemi tal-prodotti tal-ikel agrikoli u akkwatiċi tal-UE, l-UE għandha tieħu passi biex tnaqqas id-dipendenza tagħha mill-importazzjonijiet ta' enerġija, ta' prodotti primarji, ta' sustanzi kimiċi u ta' prodotti kimiċi minn pajjiżi terzi, u għandha tappoġġa teknoloġiji prattiki li jiddependu inqas minn dawn l-inputs; jenfasizza li soluzzjonijiet fuq terminu qasir u medju biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel jinkludu d-diversifikazzjoni tal-provvista minn pajjiżi terzi, u jistieden lill-Kummissjoni teżamina sorsi ta' provvista possibbli li jissodisfaw l-istandards tas-sostenibbiltà internazzjonali tal-UE, u jew tidħol fi ftehimiet bilaterali jew inkella ssaħħaħ dawk eżistenti;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tantiċipa kontrosanzjonijiet Russi potenzjali li jistgħu jolqtu lis-setturi tal-prodotti tal-ikel agrikoli u akkwatiċi, bħal dawk imposti fl-2014, u tidentifika u tiftaħ swieq ġodda biex l-esportazzjoni ta' prodotti tal-ikel tibda ssir lejn bnadi oħra;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmonitorjaw mill-qrib is-swieq għall-prodotti tal-ikel agrikoli u akkwatiċi, b'attenzjoni partikolari għall-ispekulazzjonijiet fil-prezzijiet, filwaqt li jiżguraw l-integrità tas-suq uniku; jitlob, b'mod speċifiku, li jsiru analiżijiet tas-suq kull xahar tal-istat tas-swieq agrikoli, tas-sajd u tal-akkwakultura skont is-settur, li jkopru l-prezzijiet, il-kwantitajiet u l-ktajjen tal-provvista; jilqa' l-użu mill-Kummissjoni tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Tħejjija u Rispons għall-Kriżijiet tas-Sigurtà tal-Ikel li għadu kemm inħoloq, li jlaqqa' flimkien lill-esperti pubbliċi u privati f'dawn is-setturi; jistieden lill-Kummissjoni, madankollu, tikkomunika l-kontenut ta' dawn id-diskussjonijiet lill-Parlament, sabiex dan ikun jista' jibbenefika mill-informazzjoni kollha meħtieġa biex jimmaniġġja l-kriżi;

20.  Itenni l-appelli preċedenti tiegħu għat-tnaqqis sinifikanti tad-dipendenza enerġetika, b'mod partikolari fir-rigward tal-gass, iż-żejt u l-faħam Russu, billi, fost l-oħrajn, jiġu diversifikati s-sorsi tal-enerġija u jiżdiedu l-effiċjenza enerġetika u l-ħeffa tat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa; jissottolinja li s-sanzjonijiet jista' jkollhom impatt speċifiku fuq l-unitajiet domestiċi Ewropej f'termini ta' prezzijiet tal-ikel u spejjeż tal-enerġija, u li ma għandhomx jiġu mistennija jħallsu l-prezz ta' din il-kriżi mingħajr appoġġ; jistieden għalhekk lill-Istati Membri jħejju pjanijiet u appoġġ għall-unitajiet domestiċi biex jindirizzaw il-kriżi tal-għoli tal-ħajja;

21.  Ifakkar li ż-żieda drammatika fil-prezzijiet tal-fertilizzanti, li qed ikollha impatt kbir fuq is-settur agroalimentari kollu, tmur lura għal qabel ma bdiet l-invażjoni Russa tal-Ukrajna; jisħaq li dawn il-prezzijiet se jkomplu jiżdiedu, billi huma marbuta mal-prezzijiet tal-gass naturali; għalhekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibda tneħħi d-dazji anti-dumping fuq il-fertilizzanti prodotti f'pajjiżi terzi; jiddispjaċih, barra minn hekk, għall-fatt li l-Kummissjoni ma semmietx il-każ speċifiku tal-fertilizzanti fil-komunikazzjoni tagħha tat-8 ta' Marzu 2022 bit-titolu "REPowerEU: Azzjoni Ewropea Konġunta għal enerġija aktar affordabbli, sikura u sostenibbli"(6);

22.  Jeżiġi li l-UE tikkunsidra mill-ġdid b'mod fundamentali l-istrateġiji tagħha biex tiżgura indipendenza sħiħa mill-provvisti Russi fir-rigward tal-materja prima kritika tagħha u jenfasizza li ma jista' jkun hemm qatt ritorn għall-istatus quo; jitlob li jinbnew mill-ġdid il-ktajjen tal-provvista u li l-kummerċ jiġi segwit b'mod li jiżgura l-indipendenza mill-provvisti Russi;

23.  Jappella għall-promozzjoni u s-simplifikazzjoni tal-aċċess għal miżuri ta' effiċjenza enerġetika biex jitnaqqas il-piż tal-kostijiet fuq il-bdiewa u s-sajjieda f'termini ta' inputs tal-enerġija diretti; jinnota li filwaqt li hemm potenzjal enormi għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli mir-riħ u mix-xemx fil-farms, għad fadal ostakli u sfidi sostanzjali għas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira; jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali jindirizzaw l-ostakli ewlenin identifikati mill-bdiewa għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, jiġifieri proċeduri kumplessi ta' permessi u sussidji, kostijiet għoljin ta' investiment, żminijiet twal biex jirkupraw il-kostijiet u aċċess limitat għall-kreditu;

24.  Jenfasizza li parti integrali mill-pjan ta' azzjoni tal-UE biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel tal-UE trid tkun strateġija biex tiżdied l-indipendenza enerġetika tal-UE mill-provvisti Russi, inkluż l-abbandun totali tal-proġetti Nord Stream u Nord Stream 2, filwaqt li tinżamm is-sigurtà tal-enerġija tal-UE;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltà u l-fattibbiltà li timmobilizza appoġġ finanzjarju addizzjonali għas-setturi li ntlaqtu l-aktar u tieħu miżuri urġenti, immirati u temporanji biex tgħin lill-bdiewa jtaffu l-effett taż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-fertilizzanti;

26.  Jinnota li sabiex titnaqqas id-dipendenza mill-fertilizzanti kimiċi, għandhom jintużaw bl-akbar mod possibbli u mill-aktar fis possibbli sorsi organiċi alternattivi ta' nutrijenti u ċiklaġġ tan-nutrijenti; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-ostakli leġiżlattivi u prattiċi għat-twettiq ta' din is-soluzzjoni sabiex titnaqqas id-dipendenza mill-importazzjonijiet ta' fertilizzanti, l-ewwel permezz ta' bidla għall-użu ta' fertilizzanti organiċi u mbagħad permezz ta' aktar appoġġ għar-riċerka u għal innovazzjonijiet ġodda fil-livell tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni, b'mod partikolari, tieħu l-miżuri meħtieġa, inklużi dawk leġiżlattivi, biex issaħħaħ l-użu ta' prodotti fertilizzanti organiċi miksuba mill-ħama tad-dranaġġ, mid-demel ipproċessat, mill-bijofaħam u mill-frass sabiex tissostitwixxi l-fertilizzanti kimiċi, f'konformità mal-objettivi tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt;

27.  Jisħaq fuq l-interkonnessjonijiet bejn is-sostenibbiltà u aktar ċirkolarità fl-agrikoltura bil-bidla mid-dipendenza mill-fjuwils fossili, mill-enerġija importata u mill-fertilizzanti kimiċi għal alternattivi aktar ekoloġiċi u rinnovabbli;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni żżid il-limiti għall-użu tan-nitroġenu mid-demel tal-annimali, bħan-nitroġenu rkuprat mid-demel, jew RENURE, bħala alternattiva għall-użu tal-fertilizzant kimiku, f'konformità mal-limiti fir-rigward tal-fertilizzanti; jistieden lill-Kummissjoni tqis deroga temporanja biex il-kost tal-fertilizzanti jitnaqqas malajr u taħdem lejn qafas fit-tul sabiex issaħħaħ iċ-ċirkolarità fuq il-farms u tnaqqas id-dipendenza mir-riżorsi ta' pajjiżi terzi;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti lill-Istati Membri l-flessibbiltà li temporanjament jippermettu l-produzzjoni agrikola mill-bdiewa fiż-Żoni ta' Interess Ekoloġiku, fejn jużaw prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u fertilizzanti jekk meħtieġ;

30.  Jirrikonoxxi, fid-dawl taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, il-ħtieġa urġenti ta' miżuri temporanji u riversibbli biex tiżdied il-produzzjoni tal-UE għall-istaġun tal-ħsad fl-2022, sabiex dan jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-ikel tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li jingħeleb in-nuqqas immedjat ta' għelejjel li fihom il-proteini, taċċelera l-proċeduri amministrattivi biex, matul is-sena ta' tranżizzjoni tal-PAK, ikun possibbli li tintuża l-art mistrieħa għall-produzzjoni ta' dawn l-għelejjel għall-konsum mill-bniedem kif ukoll mill-annimali, mingħajr ma tiżdied id-dipendenza mill-inputs; jitlob, f'dan ir-rigward, li tingħata prijorità lill-għelejjel li fihom il-proteini; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa mill-ġdid is-sitwazzjoni fil-ħin u tipproponi aktar miżuri adegwati għall-2023, jekk ikun meħtieġ;

31.  Jikkunsidra li tibdil fir-reġimi tat-tħawwil biex jiġu pprovdut aktar ikel u għalf lokali matul l-istaġun tat-tkabbir 2022 fl-UE għandu jiġi vvalutat u żviluppat aktar biex jittejbu s-sistemi tal-produzzjoni u tkun tista' ssir evoluzzjoni lejn aktar awtonomija fuq perjodu ta' żmien medju u twil;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-art agrikola tintuża primarjament biss għall-finijiet tal-produzzjoni tal-ikel u tal-għalf biex tiżgura s-sigurtà tal-ikel mhux biss għaċ-ċittadini tal-UE, iżda anki għal miljuni ta' rifuġjati fl-UE;

33.  Jisħaq li settur agrikolu b'saħħtu u sostenibbli madwar l-UE u ambjent rurali sostenibbli u prosperu, appoġġat minn PAK b'saħħitha, huma komponenti vitali biex tintlaħaq l-isfida tas-sigurtà tal-ikel; jenfasizza li l-agrikoltura għandha valur importanti għall-UE u għall-iżvilupp politiku u ekonomiku tagħha u għandha impatt kbir fuq is-soċjetà permezz tal-produzzjoni tal-ikel, l-impjiegi rurali, il-vitalità ekonomika u l-kwalità tal-ħajja fiż-żoni rurali u l-iżvilupp rurali b'mod aktar ġenerali;

34.  Jappella għall-implimentazzjoni immedjata tal-miżuri kontra t-tfixkil fis-suq previsti fl-Artikolu 219 tar-Regolament dwar l-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq(7) sabiex jiġu appoġġati s-setturi l-aktar affettwati u, b'mod parallel, għall-mobilizzazzjoni tar-riżerva għall-kriżijiet għal dan l-għan; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tkun lesta tieħu aktar miżuri eċċezzjonali tas-suq skont ir-regolament, bħall-attivazzjoni tal-Artikolu 222;

35.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti ċarezza sħiħa lill-Istati Membri fir-rigward tal-klawżola ta' forza maġġuri fil-PAK, kif ukoll f'leġiżlazzjoni ulterjuri;

36.  Jikkunsidra li filwaqt li ż-żieda fis-sigurtà tal-ikel issa hija prijorità saħansitra aktar urġenti, għandhom jiġu vvalutati l-pjanijiet strateġiċi nazzjonali biex isiru l-adattamenti neċessarji għaċ-ċirkostanzi l-ġodda, inkluż l-użu ta' flessibbiltajiet rilevanti biex jiżdiedu ż-żoni ta' art għall-produzzjoni;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri meħtieġa kollha, b'mod partikolari fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat, biex ikun possibbli l-appoġġ meħtieġ għas-setturi li ntlaqtu l-aktar mill-kriżi;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-emenda tal-Qafas Temporanju għall-Għajnuna mill-Istat, adottat f'Marzu 2020, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw il-flessibbiltà sħiħa skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat biex jappoġġaw lill-ekonomija;

39.  Jisħaq li l-miżuri straordinarji tal-COVID-19 għall-iżvilupp rurali għandhom jiġu estiżi biex jindirizzaw il-problemi ta' likwidità attwali li jqiegħdu f'riskju l-fattibbiltà tal-attivitajiet agrikoli u jipperikolaw lin-negozji ż-żgħar attivi fl-ipproċessar, fil-kummerċjalizzazzjoni jew fl-iżvilupp ta' prodotti agrikoli;

40.  Jemmen li għandhom jiġu adottati miżuri biex jiggarantixxu aktar flessibbiltà għall-importazzjonijiet ta' prodotti bażiċi kruċjali (b'mod partikolari ċereali, fażola tas-sojja u fertilizzanti) minn pajjiżi mhux tal-UE, mingħajr ma jiddgħajfu l-istandards tal-UE;

41.  Itenni l-impenji tiegħu favur is-sostenibbiltà u s-sigurtà tal-ikel u jisħaq li l-ikel u l-għalf importati kollha jeħtieġ li jissodisfaw l-istandards tas-sostenibbiltà u tas-sikurezza tal-ikel tal-UE, inklużi l-livelli massimi ta' residwi tal-pestiċidi u l-antimikrobiċi; jiddenunzja l-proposti kollha għall-użu ħażin tal-kriżijiet attwali biex jiddgħajfu dawn ir-rekwiżiti u l-impenji;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni, b'mod partikolari, tappoġġa lill-organizzazzjonijiet settorjali sabiex jiġu akkwistati swieq ta' importazzjoni ġodda li jiggarantixxu l-provvista tal-ikel u l-fatturi ta' produzzjoni agrikoli, speċjalment għall-bhejjem, u b'hekk jiġi evitat ir-riskju għas-sigurtà tal-ikel fl-Ewropa;

43.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiżblukkaw ir-riżerva għall-kriżijiet ta' EUR 479 miljun biex is-settur agrikolu jingħata għajnuna biex jegħleb l-isfidi attwali għas-suq; jinnota, madankollu, li ladarba tiġi eżawrita din ir-riżerva għall-kriżijiet, din ma tistax tiġi rikostitwita b'finanzjamenti mill-PAK; jitlob, għalhekk, li minnufih jiġu żblukkati fondi addizzjonali li jkunu jistgħu jiġu mobilizzati immedjatament f'każ li tiġi eżawrita r-riżerva għall-kriżijiet;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni, invista tan-nuqqas tal-għelejjel li fihom il-proteini, tipproponi strateġija Ewropea komprensiva għall-proteini sabiex tiżdied il-produzzjoni Ewropea tal-proteini u titnaqqas id-dipendenza tal-UE minn pajjiżi terzi f'dan ir-rigward;

45.  Jisħaq li, fil-livell tal-produzzjoni, se jkunu meħtieġa miżuri u inċentivi msaħħa biex tiġi żviluppata r-reżiljenza, bħal awtosuffiċjenza u ċirkolarità miżjuda fl-inputs, filwaqt li ma jiġux imminati l-kapaċità produttiva u l-kompetittività tal-agrikoltura, is-sajd u l-akwakultura tal-UE, kif ukoll bidla favur biedja ta' preċiżjoni u l-iżvilupp u l-aċċelerazzjoni tal-aċċess għal swieq ta' proteini alternattivi, fertilizzanti organiċi, produzzjoni mikrobika tal-għelejjel u l-agroekoloġija f'konformità mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku, kif ukoll billi matul din is-sena ta' tranżizzjoni tal-PAK ikunu permessi flessibbiltajiet temporanji u fuq terminu qasir, b'kundizzjonalitajiet u b'derogi li għandhom jitqiesu u bl-aċċelerazzjoni tal-proċeduri amministrattivi biex jinkisbu dawn il-flessibbiltajiet, speċjalment fid-dawl tan-nuqqas ta' investimenti, likwidità mnaqqsa u inċertezza fis-suq minħabba ċ-ċirkostanzi attwali;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni turi flessibbiltà fir-rigward tal-pagamenti bil-quddiem lill-produtturi u jinnota l-ħtieġa li jiġu żgurati l-flussi tal-flus tal-bdiewa, u f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni żżid il-livelli ta' pagamenti bil-quddiem fuq pagamenti diretti u miżuri ta' żvilupp rurali relatati maż-żona u mal-annimali minn 50 % għal 70 % għal pagamenti ta' appoġġ għall-introjtu u minn 75 % għal 85 % għal ċerti pagamenti għall-iżvilupp rurali;

47.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri u jużaw l-għodod disponibbli biex isaħħu l-ktajjen tal-provvista tal-ikel tagħhom; jinsisti li l-miżuri li jittieħdu la jistgħu jikkompromettu l-integrità tas-suq uniku, u lanqas ma jistgħu jimminaw il-miżuri biex tiżdied ir-reżiljenza fil-katina tal-provvista tal-ikel fl-UE kollha, jew inkella jżidu d-dipendenza enerġetika mir-riżorsi Russi;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni tapplika miżuri eċċezzjonali għall-prodotti agrikoli li qed isibu quddiemhom problemi fis-suq, inkluża l-għajnuna għall-ħżin privat; jinnota l-intenzjoni tiegħu li jqiegħed din l-għajnuna għad-dispożizzjoni tas-settur tal-majjal; iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħloq mekkaniżmu li jippermetti li organizzazzjonijiet mhux governattivi u korpi oħra jaċċedu għal prodotti minn ħżin privat biex jgħinu jiżguraw is-sigurtà tal-ikel fl-Ukrajna; jemmen li dan il-mekkaniżmu jista' jintuża wkoll permezz tal-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn fl-Istati Membri li jospitaw lir-rifuġjati, sabiex tiġi indirizzata l-ħtieġa urġenti biex jiġi pprovdut aktar ikel; jemmen, barra minn hekk, li l-Fond jista' jiżgura li l-persuni vulnerabbli mhumiex se jbatu mill-kriżi b'mod sproporzjonat;

49.  Jissottolinja li għandhom jiġu adottati miżuri biex jiġu evitati l-ostakli għall-moviment liberu tal-merkanzija, b'mod partikolari fir-rigward tal-moviment liberu ta' prodotti bażiċi kruċjali bħaċ-ċereali; jinsisti li l-funzjonament kif suppost tas-suq uniku jrid jiġi garantit fir-rigward tal-prodotti agrikoli u li jridu jiġu evitati projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni lejn Stati Membri oħra; jitlob lill-Kummissjoni toqgħod partikolarment attenta f'dan ir-rigward u tieħu azzjoni immedjata kontra l-impożizzjoni min-naħa tal-Ungerija ta' projbizzjoni fuq l-esportazzjoni taċ-ċereali;

50.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu mmonitorjati u infurzati kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ġusta fis-suq uniku fir-rigward ta' żidiet inġustifikati fil-prezzijiet għal ċerti prodotti tal-ikel; jisħaq li hemm bżonn li jiġi intensifikat il-monitoraġġ ta' sitwazzjonijiet possibbli li fihom xi kumpaniji jistgħu joħolqu monopolju fis-suq uniku fis-settur agroalimentari u tal-ikel ta' oriġini akkwatika, u jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu miżuri biex minnufih jiġi miġġieled kull żvilupp bħal dan;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni tħejji pjan ta' azzjoni dettaljat mingħajr dewmien biex tiżgura l-funzjonament tajjeb tal-ktajjen tal-provvista tal-ikel tal-UE u tiżgura s-sigurtà tal-ikel fi ħdan l-UE għal żmien twil, filwaqt li tqis it-tagħlimiet meħuda mill-impatt tal-gwerra fl-Ukrajna u tfixkil possibbli ieħor u tiżviluppa dak li tgħallmet mill-pjan ta' kontinġenza ppreżentat f'Novembru 221, meta applikabbli; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza d-dgħufijiet li ġew esposti minn dipendenza eċċessiva mill-importazzjonijiet ta' enerġija, ta' għalf u ta' fertilizzanti mingħand fornitur wieħed jew ftit wisq fornituri, kif ukoll min-nuqqas ta' diversifikazzjoni tal-ktajjen tal-provvista;

52.  Jinnota li dan il-pjan ta' azzjoni jirrappreżenta opportunità biex jintlaħqu aktar malajr l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku, li jsaħħaħ ir-robustezza tal-ktajjen tal-provvista tal-ikel tal-UE f'ekonomija ċirkolari ekoloġika u joffri inċentivi lill-bdiewa, lis-sajjieda u lill-partijiet ikkonċernati tul il-katina tal-provvista tal-ikel biex jadottaw metodi u għodod ta' produzzjoni aktar sostenibbli, effiċjenti u awtosuffiċjenti, u dan billi jużaw aktar l-għodod u t-teknoloġiji ta' kultivazzjoni innovattivi kif ukoll proċessi u prattiki sostenibbli, li kollha kemm huma jgħinu biex inaqqsu d-dipendenza tal-UE mill-inputs importati, inkluż billi jintużaw investimenti fuq terminu qasir biex iżidu l-użu minn teknoloġiji u prattiki li għandhom l-għan li jissodisfaw l-objettivi tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt;

53.  Itenni li trid tissaħħaħ l-awtonomija strateġika Ewropea fl-ikel, fl-għalf u fis-settur agrikolu b'mod globali, f'konformità mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku, li huma maħsuba biex iħarsu l-ambjent tal-UE u s-settur agrikolu, tas-sajd u tal-akkwakultura tagħha;

54.  Isostni li l-objettivi stabbiliti fl-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt u fl-Istrateġija għall-Bijodiversità jridu jiġu analizzati abbażi ta' valutazzjoni komprensiva tal-impatt tas-sigurtà alimentari Ewropea u tas-sitwazzjoni fil-pajjiżi ġirien, u jinsisti li l-Kummissjoni tqis dawn il-valutazzjonijiet tal-impatt; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis il-valutazzjonijiet tal-impatt diġà ppubblikati minn istituti ta' riċerka rikonoxxuti fil-livell internazzjonali f'dan il-kuntest;

55.  Jinsisti wkoll li bħala l-ewwel prijorità jridu jsiru l-isforzi kollha biex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda skarsezza ta' ikel, b'mod partikolari f'reġjuni vulnerabbli, sabiex tiġi evitata instabbiltà ġeopolitika mifruxa, u jqis li l-kontribut għas-sigurtà globali tal-ikel f'dan iż-żmien huwa dmir morali u ma jridx jitqies bħala theddida għall-għanijiet u l-objettivi fit-tul tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt u tal-Patt Ekoloġiku usa' fl-azzjonijiet immedjati biex tiżdied ir-reżiljenza u biex tiġi żviluppata l-awtosuffiċjenza b'rabta mal-inputs; jenfasizza li l-miżuri biex jiżdiedu l-effiċjenza fl-użu mill-inputs u d-disponibbiltà ta' alternattivi u prattiki u miżuri aktar sostenibbli biex tiġi indirizzata l-ħela tal-ikel, kif stabbilit fl-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt u fil-Patt Ekoloġiku, li b'hekk inaqqas id-dipendenza minn inputs bħal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jagħmlu l-ħsara u mill-fertilizzanti kimiċi, huma l-elementi kostitwenti biex jiġu żgurati settur agrikolu, tas-sajd u tal-akkwakultura u katina tal-provvista tal-ikel tal-UE li jkunu robusti fuq terminu medju sa twil;

56.  Ifakkar, barra minn hekk, li l-proposti leġiżlattivi li ġejjin mill-għanijiet u mill-objettivi tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt l-ewwel iridu jkunu suġġetti għal valutazzjonijiet komprensiva tal-impatt, filwaqt li jitqiesu l-konsegwenzi tal-invazjoni Russa tal-Ukrajna għas-sigurtà tal-ikel Ewropea u globali u, filwaqt li jimplimentaw il-pjanijiet direzzjonali li jwasslu għall-objettivi tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt, li r-responsabbiltà tal-koleġiżlaturi se tkun li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet biex jiġi evitat kull tnaqqis fil-livelli ta' produzzjoni agrikola, tas-sajd jew tal-akkwakultura fl-Ewropa jew kull rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju; jenfasizza li, fid-dawl tal-gwerra fl-Ukrajna li għadha għaddejja u ta' aktar pressjoni fuq il-ktajjen tal-ikel agrikolu, tas-sajd u tal-akkwakultura, żdiedet l-urġenza li jiġu studjati dawn l-impatti kollha, l-impatti potenzjali fuq is-sigurtà tal-ikel iridu jiġu vvalutati bir-reqqa, u għandu jiġi kkummissjonat ukoll studju komprensiv dwar id-dipendenza tas-sistema tal-ikel tal-UE mill-inputs u mis-sorsi tagħhom;

57.  Iqis li, fid-dawl taċ-ċirkostanzi attwali tas-suq, l-ambizzjoni ta' tnaqqis ta' 10 % taż-żoni ta' produzzjoni ma tistax tiġi implimentata;

58.  Jirrikonoxxi li t-tfixkil fil-mudelli tal-kummerċ li kien jeżisti qabel l-invażjoni juri li l-UE jeħtiġilha tikkunsidra b'urġenza l-mod kif tiżviluppa sistemi agrikoli, tas-sajd u tal-akkwakultura li jipproduċu ikel u għalf għal żmien twil, tnaqqas id-dipendenza tal-UE mill-importazzjonijiet u żżid il-produzzjoni interna; jisħaq li dan huwa partikolarment urġenti għall-prodotti l-aktar f'riskju ta' nuqqasijiet minħabba s-sospensjoni tal-esportazzjonijiet Ukreni, bħaċ-ċereali, iż-żrieragħ żejtnin, l-għelejjel li fihom il-proteini u l-fertilizzanti;

59.  Jesprimi tħassib kbir dwar iż-żieda qawwija fl-ispejjeż operatorji mġarrba mis-settur tas-sajd; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ħafna bastimenti fl-UE kollha huma attwalment rmiġġati, billi l-prezzijiet tal-ewwel bejgħ tal-ħut ma jkoprux l-ispejjeż ogħla tal-produzzjoni;

60.  Iqis li s-settur tas-sajd Ewropew huwa kruċjali għas-sigurtà tal-ikel Ewropea u jiddispjaċih li s-sitwazzjoni tiegħu iddeterjorat sinifikattivament matul din il-kriżi minħabba prezzijiet globali li qed jiżdiedu rapidament fuq prodotti bażiċi importanti għas-settur u, b'mod partikolari, il-prezzijiet volatili tal-fjuwil, li eliminaw is-sostenibbiltà ekonomika tal-operazzjonijiet tas-sajd; jemmen li din is-sitwazzjoni teħtieġ assistenza urġenti, inkluż appoġġ dirett; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li din l-assistenza trid tiżgura l-kontinwità tal-operazzjonijiet tal-flotot tas-sajd tal-UE, u b'hekk il-kontinwità tal-operazzjonijiet tul il-katina tal-provvista tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu d-diffikultajiet li jħabbat wiċċu magħhom is-settur tas-sajd u jindirizzawhom kif xieraq fl-azzjonijiet li ġejjin; jinnota li bil-għan li tiġi indirizzata ż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil fit-tul, huwa importanti li jiġu stimolati l-iżvilupp u l-użu ta' innovazzjonijiet effiċjenti fil-konsum tal-enerġija;

61.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura l-ġdid jibda jopera mill-aktar fis possibbli, u jitlob lill-Kummissjoni tressaq b'urġenza proposta biex ikun possibbli li tingħata għajnuna f'emerġenza fl-ambitu tal-Fond fi żmien ta' kriżi wkoll, bħall-gwerra fl-Ukrajna; iħeġġeġ il-mobilizzazzjoni ta' kwalunke fondi li jifdal mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, u jħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaċċeleraw l-implimentazzjoni tar-Riżerva ta' Aġġustament għall-Brexit sabiex jiżguraw li l-appoġġ jasal aktar malajr fiż-żoni milquta mill-Brexit;

62.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi miżuri ta' emerġenza biex tagħti appoġġ lis-sajd, lill-akkwakultura u lill-katina tal-provvista kollha kemm hi (ipproċessar, bejgħ bl-imnut, eċċ.) fl-UE; jitlob, f'dan il-kuntest, li l-miżuri ta' emerġenza jkun fihom: kumpens għall-operaturi għat-telf tal-introjtu tagħhom u għall-ispejjeż addizzjonali li kellhom, appoġġ għall-waqfien temporanju tal-attivitajiet tas-sajd u appoġġ lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi u lill-katina tal-valur kollha tas-settur tal-prodotti tal-baħar għall-ħżin temporanju tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura permezz tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura, żieda fil-flessibbiltà annwali tal-kwota minn 10 % għal 25 %, żieda tal-limitu tal-għajnuna mill-Istat sa EUR 500 000 għal kull bastiment fl-ambitu tal-qafas de minimis u l-inklużjoni tas-sajd u tal-akkwakultura fil-Qafas temporanju għal miżuri ta' għajnuna mill-Istat; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu l-istrumenti kollha disponibbli tal-politika komuni tas-sajd bil-għan li jistabbilizzaw is-swieq;

63.  Jinnota li għandhom jitqiesu miżuri tul il-katina sħiħa tal-provvista tal-ikel biex jiġi żgurat li l-partijiet ikkonċernati kollha jkollhom rwol fit-tisħiħ tar-reżiljenza tas-settur agroalimentari u ta' dak tal-prodotti ta' oriġini akkwatika, kif ukoll li dawn il-miżuri jridu jikkontribwixxu għall-għanijiet u għall-objettivi tat-tranżizzjoni tal-UE lejn in-newtralità klimatika sal-2050; iqis li, f'konformità mal-implimentazzjoni rapida tad-Direttiva dwar prattiki kummerċjali inġusti(8), għandu jkun hemm enfasi partikolari fuq is-sostenibbiltà ekonomika tal-agrikoltura, tas-sajd u tal-akkwakultura, u fuq ir-rwol sinifikanti tal-bejjiegħa bl-imnut fid-determinazzjoni ta' redditi ġusti lill-produtturi, b'mod partikolari fid-dawl tal-pressjonijiet li jirriżultaw mill-ispiża akbar tal-inputs, iżda wkoll enfasi ugwali fuq ir-responsabbiltà tagħhom li jiżguraw li l-ikel jibqa' aċċessibbli, anki ekonomikament, għall-konsumaturi;

64.  Jistieden lill-Kummissjoni taġixxi biex jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet tal-għajnuna mill-Istat għall-agrikoltura, għas-sajd u għall-akkwakultura, inklużi d-dispożizzjonijiet de minimis, jippermettu lill-Istati Membri jagħtu appoġġ rapidu u flessibbli lill-operaturi biex jikkumpensaw għall-ispejjeż ogħla relatati mal-gwerra fl-Ukrajna; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li fi ħdan il-qafas nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri għandhom iqisu wkoll assistenza bħat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, is-sospensjoni jew it-tnaqqis ta' ċerti taxxi u l-estensjoni tas-self b'rabta mal-COVID-19; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-għajnuna mill-Istat ma twassalx għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u li jkunu garantiti kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fost l-Istati Membri;

65.  Jappella għal azzjoni msaħħa fil-livell internazzjonali biex jiġi żgurat li l-proċess deċiżjonali politiku jkollu s-sigurtà tal-ikel fil-qalba tiegħu, sabiex tiġi evitata skarsezza u tiġi żgurata s-sigurtà nutrizzjonali fl-aktar pajjiżi vulnerabbli, filwaqt li tingħata prijorità lill-użu tal-prodotti agrikoli għall-ikel u jiġu evitati ostakli lill-kummerċ internazzjonali tal-ikel;

66.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipproponu malajr laqgħa tal-Kumitat tal-FAO dwar is-Sigurtà Dinjija tal-Ikel, li għandha tkun il-forum ta' koordinament ippreferut dwar il-kwistjoni peress li tiżgura r-rappreżentanza inklużiva tal-Istati kollha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom f'dan il-forum biex jiżguraw il-koordinament internazzjonali, b'mod partikolari dwar l-ħażniet, il-bijofjuwils u l-appoġġ finanzjarju għall-pajjiżi importaturi;

67.  Jemmen li jistgħu jkunu meħtieġa wkoll ċaqliq sinifikanti fil-mudelli tas-suq u tal-esportazzjoni, kif ukoll ippjanar ta' kontinġenza serju, bħal awtonomija fil-produzzjoni tal-għalf tal-UE, żbokki alternattivi għall-esportazzjonijiet, kapaċità reattiva msaħħa, ħażniet strateġiċi ta' ikel, għalf u prodotti tal-ikel oħra ta' bażi, awtonomija fil-fertilizzanti u l-prodotti sostituttivi, u informazzjoni ċara dwar il-mudelli tat-trasport globali għall-prodotti agrikoli, tas-sajd u tal-akkwakultura;

68.  Jappella għat-tħaffif u għat-tisħiħ ta' azzjonijiet għat-tnaqqis tal-ħela tal-ikel biex jiġu massimizzati d-disponibbiltà tal-ikel u l-użu tar-riżorsi fi ħdan l-UE, bil-għan li titjieb l-awtonomija tal-ikel; jisħaq fuq il-bżonn li jiġi evitat it-telf ta' ikel matul il-ħżin u fil-fażijiet kollha tal-katina tal-provvista, li tiġi aġevolata d-donazzjoni tal-ikel permezz tal-implimentazzjoni koerenti tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà, jiġi inkoraġġut l-irkupru tal-iskart tal-ikel u li jiġu żviluppati għażliet alternattivi għall-bejjiegħa bl-imnut, fosthom promozzjonijiet bi prezz orħos u kollaborazzjonijiet mal-proġetti tal-komunitajiet lokali li jindirizzaw l-insigurtà u l-faqar tal-ikel lokali; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu u jimplimentaw programmi ta' prevenzjoni tal-ħela ta' ikel, u jikkunsidraw jadottaw leġiżlazzjoni dwar il-prattiki kummerċjali inġusti ulterjuri li joħolqu l-ħela tal-ikel flimkien ma' dawk li diġà huma koperti mid-Direttiva dwar prattiki kummerċjali inġusti; jitlob li l-inizjattivi dwar l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni jagħtu prijorità lit-tnaqqis tal-ħela tal-ikel; jitlob titjib fil-monitoraġġ tal-ħela tal-ikel fil-livelli kollha tal-UE; ifakkar li ktajjen tal-provvista qosra jbaxxu r-riskju ta' ġenerazzjonijiet ta' ħela ta' ikel;

69.  Jenfasizza l-importanza li tiġi indirizzata l-problema tal-ħela tal-ikel fil-fażijiet kollha tal-katina fuq terminu qasir, sabiex titnaqqas il-pressjoni fuq il-provvista tal-ikel fl-Ewropa bis-saħħa ta' miżuri maħsuba biex jintlaħaq l-objettiv tat-tnaqqis tal-ħela tal-ikel fl-UE ta' 30 % sal-2025 u ta' 50 % sal-2030 meta mqabbela mal-linja bażi tal-2014(9);

70.  Jistieden lill-Istati Membri kollha jimplimentaw programmi ta' prevenzjoni tal-ħela tal-ikel, u jenfasizza l-urġenza li titnaqqas il-ħela tal-ikel u jisħaq li l-enfasi għandha tkun fuq il-prevenzjoni tal-ħela tal-ikel u tat-telf tal-ikel, billi l-evitar tat-telf tal-ikel matul nuqqas ta' provvista tal-ikel jista' jikkontribwixxi biex tiġi kkonsolidata s-sigurtà tal-ikel;

71.  Jappella għal miżuri biex jiġi indirizzat il-faqar ikkawżat mill-prezzijiet tal-enerġija li qed jiżdiedu b'mod rapidu u l-impatt tal-kunflitt fuq il-prezzijiet tal-ikel, u jikkunsidra li l-miżuri soċjali jridu jifformaw parti mill-azzjonijiet neċessarji;

72.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P9_TA(2022)0052.
(2) Il-Kummissjoni Ewropea, "Agri-Food Trade Statistical Factsheet: European Union - Russia" (Skeda Informattiva ta' Statistika dwar il-Kummerċ Agroalimentari: L-Unjoni Ewropea - ir-Russja), 2021.
(3) L-indiċi tal-prezzijiet tal-Eurostat għall-mezzi ta' produzzjoni agrikola (minn Q3 2020 sa Q3 2021).
(4) Fertilizers Europe, "Policy Priorities – Industry competitiveness – Energy cost" (Prijoritajiet ta' Politika, Kompetittività tal-industrija, Spiża tal-enerġija), Fertilizers Europe, aċċessat fis-16 ta' Marzu 2022.
(5) Eurostat, Food price monitoring tool (Għodda għall-monitoraġġ tal-prezzijiet tal-ikel), 2022.
(6) COM(2022)0108.
(7) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
(8) ĠU L 111, 25.4.2019, p. 59.
(9) Testi adottati, P9_TA(2021)0425.

Aġġornata l-aħħar: 17 ta' Ġunju 2022Avviż legali - Politika tal-privatezza