Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' April 2022 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Korea ta' Fuq, inkluża l-persekuzzjoni tal-minoranzi reliġjużi (2022/2620(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-25 ta' Marzu 2022 tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-G7 u tar-Rappreżentant Għoli tal-UE dwar l-illanċjar ta' missila ballistika interkontinentali mir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tal-1 ta' April 2022 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Josep Borrell, tal-25 ta' Marzu 2022 dwar l-illanċjar ta' missila ballistika interkontinentali (ICBM),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kelliem għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna tal-11 ta' Jannar 2022 dwar l-illanċjar ta' missili mir-RDPK,
– wara li kkunsidra s-sanzjonijiet l-aktar riċenti tat-22 ta' Marzu 2021 imposti mill-UE minħabba l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-1 ta' April 2022 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2356 (2017), 2270 (2016), 2371 (2017), 2375 (2017) u 2397 (2017), li jipprojbixxu b'mod espliċitu t-testijiet nukleari mir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-16 ta' Diċembru 2021 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Intolleranza u Diskriminazzjoni abbażi ta' Reliġjon jew Twemmin tal-1981,
– wara li kkunsidra r-rapport tas-7 ta' Frar 2014 tal-Kummissjoni ta' Inkjesta tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra tal-1984,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-RDPK għadha wieħed mill-pajjiżi l-aktar ripressivi fid-dinja; billi fir-RDPK, l-istat jeżerċita kontroll assolut fuq kull aspett ta' ħajjet iċ-ċittadini tiegħu, iżomm monopolju assolut fuq l-informazzjoni, u jikkontrolla l-moviment ġewwa u barra l-pajjiż kif ukoll il-ħajja soċjali taċ-ċittadini tiegħu, filwaqt li jżomm l-ubbidjenza billi jinstiga l-biża' fil-popolazzjoni permezz ta' theddid ta' eżekuzzjoni, priġunerija, għajbien furzat u xogħol iebes furzat fil-kampijiet ta' detenzjoni u ta' priġunerija;
B. billi r-RDPK għandha sistema tas-sigurtà estensiva u strutturata tajjeb li tissorvelja mill-qrib il-ħajja ta' kważi kull ċittadin u ma tippermetti l-ebda tip ta' libertà bażika fil-pajjiż;
C. billi l-Kummissjoni ta' Inkjesta investigat "il-ksur sistematiku, mifrux u serju tad-drittijiet tal-bniedem" fir-RDPK u ħarġet rapport fis-7 ta' Frar 2014; billi l-Kummissjoni ta' Inkjesta kkonkludiet fir-rapport tagħha li l-gravità, l-iskala u n-natura tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem ta' Pyongyang ''jiżvelaw Stat li ma għandu l-ebda parallel fid-dinja kontemporanja'';
D. billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK ma tjibitx minn meta nħareġ ir-rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta fl-2014; billi l-eżekuzzjoni ekstraġudizzjarja, it-tortura, il-vjolenza sesswali, l-iskjavitù u d-detenzjonijiet arbitrarji mwettqa mir-reġim tar-RDPK, inkluża l-persekuzzjoni għal raġunijiet ta' twemmin reliġjuż, għadhom għaddejjin u huma sistematiċi; billi skont is-sistema ta' songbun tagħha, il-prattikanti reliġjużi jappartjenu għall-klassi ''ostili'' u jitqiesu bħala għedewwa tal-istat, li jistħoqqilhom ''diskriminazzjoni, pieni, iżolament, u saħansitra eżekuzzjoni''; billi d-dokumentazzjoni minn organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) turi li s-segwaċi tax-xamaniżmu u tal-Kristjaneżmu huma partikolarment vulnerabbli għall-persekuzzjoni;
E. billi r-reġim qed jimmira b'mod sistematiku t-twemmin reliġjuż u l-minoranzi, inklużi x-xamaniżmu, il-Buddiżmu Korean, il-Kattoliċiżmu, iċ-Ċeondożmu u l-Protestantiżmu; billi eżempji ta' tali mmirar sistematiku jinkludu l-eżekuzzjoni ta' xi qassisin Kattoliċi u mexxejja Protestanti mhux barranin li ma rrinunzjawx għat-twemmin tagħhom u li ġew maqtula bħala ''spiji Amerikani'';
F. billi minbarra l-ksur imġarrab mill-popolazzjoni ġenerali, in-nisa u l-bniet fil-Korea ta' Fuq huma l-mira potenzjali ta' firxa ta' abbużi sesswali u abbażi tal-ġeneru, bl-uffiċjali tal-gvern kemm iwettqu kif ukoll jonqsu milli jirrispondu b'mod effettiv għall-ksur tad-drittijiet, inklużi d-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru mifruxa;
G. billi l-Gvern tar-RDPK ma jippermettix oppożizzjoni politika, elezzjonijiet ħielsa u ġusti, media ħielsa, libertà reliġjuża, libertà ta' assoċjazzjoni, negozjar kollettiv jew libertà ta' moviment u għalhekk ma jirrispettax il-prinċipju tal-istat tad-dritt; billi kien hemm rapporti ta' repressjoni severa ta' persuni involuti f'attivitajiet reliġjużi pubbliċi u privati, inklużi l-privazzjoni arbitrarja tal-libertà, it-tortura, ix-xogħol furzat u l-eżekuzzjoni; billi l-kwanliso (kampijiet ta' priġunerija politiċi) għadhom operattivi u huma fundamentali għall-kontroll u r-repressjoni tal-popolazzjoni, skont ir-Rapporteur Speċjali tan-NU; billi skont ir-Rapporteur Speċjali, "Ħafna minn dan il-ksur jinvolvi delitti kontra l-umanità li qed jitwettqu fir-RDPK. Proċessi konkreti ta' obbligu ta' rendikont huma meħtieġa b'mod urġenti, jew fil-livell nazzjonali jew f'dak internazzjonali'';
H. billi l-awtoritajiet statali tar-RDPK sistematikament jiċħdu d-drittijiet bażiċi tal-priġunieri u jwettqu eżekuzzjonijiet ekstraġudizzjarji, detenzjoni arbitrarja u għajbien furzat, inkluż fil-forma ta' ħtif ta' ċittadini barranin, filwaqt li internaw dak li huwa stmat minn xi sorsi bħala aktar minn 100 000 persuna f'sistema penali estensiva ta' ċentri ta' priġunerija u detenzjoni, kampijiet ta' taħriġ tax-xogħol, kampijiet ta' priġunerija politiċi u kampijiet ta' riedukazzjoni, fost faċilitajiet oħra; billi r-reġim tar-RDPK b'mod regolari u sistematiku jirrikjedi xogħol furzat minn ħafna mill-popolazzjoni tiegħu biex isostni l-ekonomija tiegħu, b'mod partikolari l-persuni miżmuma fil-kwanliso;
I. billi r-reġim tar-RDPK irrifjuta r-riżoluzzjonijiet kollha tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, tal-Assemblea Ġenerali u tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU rigward is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-territorju tiegħu;
J. billi l-pandemija tal-COVID-19 intużat mir-RDPK biex tkompli tiżola l-pajjiż mid-dinja ta' barra, u dan irriżulta fi u kompla jikkonsolida l-ksur aggravat tad-drittijiet tal-bniedem u wassal għal impatt negattiv fuq is-saħħa tal-poplu tiegħu; billi l-organizzazzjonijiet umanitarji għadhom ma jistgħux jirritornaw lejn ir-RDPK; billi l-preżenza internazzjonali limitata fil-pajjiż u t-tnaqqis sinifikanti fl-għadd ta' persuni li ħarbu li jaslu fir-Repubblika tal-Korea jagħmlu d-dokumentazzjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem aktar diffiċli minn qatt qabel; billi r-RDPK għalqet il-fruntieri tagħha għall-qsim estern kollu biex tevita t-tixrid tal-COVID-19 u ma qassmet l-ebda vaċċin kontra l-COVID-19 lill-poplu tagħha, filwaqt li sostniet li l-virus ma jeżistix fil-pajjiż; billi, sa mill-bidu tal-pandemija, il-Korea ta' Fuq saret saħansitra aktar iżolata mill-bqija tad-dinja minħabba li l-infrastruttura tas-saħħa tagħha tibqa' magħrufa li hija dgħajfa u minħabba n-nuqqas ta' tilqim tal-popolazzjoni tagħha; billi skont l-aħħar rapport tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU ppubblikat f'Marzu 2022, il-Korea ta' Fuq hija aktar iżolata minn qatt qabel minħabba l-għeluq fit-tul tal-fruntieri fuq skala kbira u r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar bejn il-bliet u r-reġjuni imposti f'Jannar 2020; billi l-kontroll oppressiv tal-popolazzjoni kompla jissaħħaħ;
K. billi l-poplu tar-RDPK ġie espost għal għexieren ta' snin ta' sottożvilupp, b'kura tas-saħħa fqira u livelli għoljin ta' malnutrizzjoni materna u tat-tfal, f'kuntest ta' iżolament politiku u ekonomiku u nuqqasijiet ta' ikel u fjuwil; billi l-insigurtà kronika tal-ikel għadha mifruxa u x'aktarx marret għall-agħar bit-tnaqqis sinifikanti tal-kummerċ wara l-għeluq tal-fruntieri tal-pajjiż; billi partijiet tal-popolazzjoni, speċjalment popolazzjonijiet vulnerabbli, jistgħu jkunu qed jiffaċċjaw ġuħ u karestija;
L. billi l-UE hija difensur u promotur tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja; billi d-djalogi politiċi bejn l-UE u r-RDPK saru l-aħħar f'Ġunju 2015; billi l-Gvern Ċiniż iqis il-parti l-kbira tar-rifuġjati tal-Korea ta' Fuq bħala migranti ekonomiċi illegali u jirripatrija xi wħud minnhom jekk jiġu skoperti, mingħajr ma jqis ir-riskju tagħhom ta' persekuzzjoni malli jirritornaw; billi n-Nord Koreani fir-Russja qed jiffaċċjaw ripatrijazzjoni lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom, peress li l-pulizija Russa għandha storja ta' arrest ta' Nord Koreani fuq talba ta' Pyongyang; billi din il-prattika tikser direttament l-obbligi taċ-Ċina u tar-Russja skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar ir-Rifuġjati tal-1951 u l-Protokoll tagħha tal-1967; billi ħafna persuni li jaħarbu mill-Korea ta' Fuq jgħaddu minn diffikultajiet tremendi fiċ-Ċina u fil-pajjiżi ġirien tagħha, mingħajr identità uffiċjali jew status legali, u huma estremament vulnerabbli għat-traffikar ta' bnedmin, il-ħtif u l-isfruttament sesswali;
M. billi r-RDPK kompliet issegwi l-kapaċitajiet nukleari u l-programm tal-missili ballistiċi tagħha, kif intwera reċentement miż-żieda fl-ittestjar tal-missili fil-bidu tal-2022; billi l-UE imponiet sanzjonijiet fuq 57 individwu elenkat u disa' entitajiet elenkati talli kkontribwew għall-programmi tar-RDPK relatati ma' kapaċitajiet nukleari u ta' missili ballistiċi jew ma' armi oħra ta' qerda massiva, jew talli evitaw sanzjonijiet; billi l-proliferazzjoni tal-armi nukleari, kimiċi u bijoloġiċi u l-mezzi ta' twassil tagħhom jirrappreżentaw theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali; billi r-RDPK rtirat mit-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP) fl-2003, ilha tmexxi provi nukleari mill-2006 u uffiċjalment iddikjarat fl-2009 li kienet żviluppat arma nukleari, li jfisser li t-theddida tal-avvanz tal-kapaċitajiet nukleari tagħha ċarament amplifikat; billi fl-20 ta' April 2018, ir-RDPK ħabbret li kienet se tissospendi immedjatament l-ittestjar nukleari u tal-missili u tagħlaq is-sit ta' Punggye-ri li kien intuża għal sitt testijiet nukleari preċedenti; billi l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kkundanna l-illanċjar mir-RDPK ta' missila ballistika interkontinentali fl-24 ta' Marzu 2022 bħala ksur tas-sospensjoni tal-illanċjar ta' missili ballistiċi interkontinentali mwiegħda mir-RDPK u ksur tas-sanzjonijiet tan-NU; billi fit-22 ta' Marzu 2022, l-UE imponiet iffriżar tal-assi u projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar skont ir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem fuq żewġ individwi u entità waħda fir-RDPK;
N. billi l-President uxxenti tar-Repubblika tal-Korea Moon Jae-in ippropona dikjarazzjoni ta' "tmiem il-gwerra" lir-RDPK biex jiġi ddikjarat tmiem formali tal-Gwerra Koreana li ntemmet fl-1953 mingħajr trattat ta' paċi;
O. billi l-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-G7 u r-Rappreżentant Għoli tal-UE ddikjaraw b'mod konġunt li s-sitwazzjoni umanitarja mwiegħra fir-RDPK hija minħabba li r-RDPK tuża r-riżorsi tagħha għal armi ta' qerda massiva u għal programmi ta' missili ballistiċi aktar milli għall-benesseri tal-poplu tagħha;
1. Itenni l-kundanna qawwija tiegħu għar-ripressjoni statali li ilha għaddejja għal għexieren ta' snin u hija eżerċitata b'mod sistematiku mill-Mexxejja Supremi u mill-amministrazzjoni tar-RDPK, kemm dawk attwali kif ukoll dawk tal-passat; jistieden lil Kim Jong-un iwaqqaf il-politika ta' esterminazzjoni, qtil, skjavitù, tortura, priġunerija, stupru, aborti furzati u vjolenza sesswali oħra, persekuzzjoni għal raġunijiet politiċi, reliġjużi, razzjali u tal-ġeneru, it-trasferiment furzat tal-popolazzjonijiet, l-għajbien furzat ta' persuni, l-att inuman li konxjament jiġi kkawżat karestija fit-tul u l-impunità istituzzjonalizzata għall-awturi ta' dawn l-atti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-RDPK iwaqqfu d-delitti kontinwi tagħhom kontra l-umanità, inkluż permezz tas-sistema tal-kwanliso, u jwettqu proċess ta' riforma fejn id-drittijiet tal-bniedem kollha jiġu rispettati u protetti; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiżżarmaw il-kwanliso; jappella biex tiġi ppubblikata informazzjoni dettaljata dwar dawn il-kampijiet u li l-korpi ta' monitoraġġ internazzjonali indipendenti jingħataw l-opportunità li jżuruhom;
2. Jikkundanna bil-qawwa l-użu sistematiku u fuq skala kbira tal-piena kapitali fir-RDPK; jistieden lill-Gvern tar-RDPK jiddikjara moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet kollha, bil-għan li jabolixxi l-piena tal-mewt fil-ġejjieni qrib; jistieden lir-RDPK ttemm l-eżekuzzjonijiet ekstraġudizzjarja u l-għajbien furzat, teħles lill-priġunieri politiċi u tippermetti liċ-ċittadini tagħha jivvjaġġaw liberament, kemm fil-pajjiż kif ukoll barra minnu; jistieden lill-RDPK tippermetti l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa għall-media nazzjonali u internazzjonali, kif ukoll aċċess għall-internet mingħajr ċensura liċ-ċittadini kollha tagħha; jitlob lir-RDPK tieqaf takkuża bi "tradiment" lil dawk li jaħarbu min-nazzjon jew titlob li dawk li jaħarbu lejn iċ-Ċina jiġu rritornati lejn ir-RDPK;
3. Iħeġġeġ lill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, f'konformità mal-obbligi tagħhom bħala Stati partijiet għall-Konvenzjoni tan-NU dwar ir-Rifuġjati, biex ir-rifuġjati tal-Korea ta' Fuq li jaqsmu l-fruntiera lejn iċ-Ċina u r-Russja ma jiġux miċħuda d-dritt tagħhom li jfittxu ażil jew li jiġu rritornati bil-forza lejn il-Korea ta' Fuq, iżda biex jipproteġu d-drittijiet fundamentali tal-bniedem tagħhom; itenni t-talba tiegħu lill-pajjiżi li huma riċevituri ta' rifuġjati mir-RDPK biex jirrispettaw il-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 u l-Protokoll tagħha tal-1967 u biex b'mod imperattiv joqogħdu lura milli jikkooperaw fi kwalunkwe forma mal-amministrazzjoni tar-RDPK dwar l-estradizzjoni jew ir-ripatrijazzjoni taċ-ċittadini tal-Korea ta' Fuq;
4. Jikkundanna r-restrizzjonijiet ħarxa fuq il-libertà tal-moviment, tal-espressjoni, tal-informazzjoni, ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni, kif ukoll id-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sistema songbun li tikklassifika lin-nies abbażi ta' klassi soċjali u twelid assenjati mill-Istat, u tinkludi wkoll kunsiderazzjoni tal-opinjonijiet politiċi u tar-reliġjon; jinsab imħasseb ħafna dwar il-ksur sistematiku tal-libertà ta' reliġjon u twemmin li jaffettwa x-Xamaniżmu u l-Kristjaneżmu kif ukoll reliġjonijiet oħra fil-Korea ta' Fuq; jiddenunzja l-arresti arbitrarji, id-detenzjoni fit-tul, it-tortura, it-trattament ħażin, il-vjolenza sesswali u l-qtil ta' persuni reliġjużi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-RDPK iwaqqfu kull vjolenza kontra minoranzi reliġjużi u jagħtuhom id-dritt tal-libertà ta' reliġjon u twemmin, id-dritt ta' assoċjazzjoni u d-dritt tal-libertà ta' espressjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-awturi ta' dawn l-atti vjolenti jinżammu responsabbli, inklużi l-Ministeru għas-Sigurtà Soċjali tal-Poplu u l-Ministeru għas-Sigurtà tal-Istat li huma strumentali fil-persekuzzjoni tal-komunitajiet reliġjużi;
5. Iħeġġeġ lill-Gvern tar-RDPK iwaqqaf il-programm tiegħu ta' xogħol furzat sponsorjat mill-Istat li permezz tiegħu pajjiżi barranin ibbenefikaw minn għexieren ta' eluf ta' ħaddiema mill-Korea ta' Fuq f'kundizzjonijiet prekarji, u b'hekk iġġeneraw valuta fiżika bħala għajnuna biex jiġi sostnut ir-reġim; jissottolinja li, f'dan il-każ, ir-responsabiltà għall-ħarsien tad-drittijiet tax-xogħol testendi għall-istati ospitanti li għandhom jiżguraw il-ħarsien tal-istandards tax-xogħol u tad-drittijiet tal-bniedem;
6. Jesprimi t-tħassib partikolari tiegħu dwar il-kundizzjonijiet tad-detenzjoni fis-sistema penali kollha, inkluż iċ-ċaħda tal-kura tas-saħħa, it-tortura flimkien ma' trattament u pieni krudili, inumani u degradanti, il-privazzjoni arbitrarja tal-libertà, ix-xogħol furzat, l-istupru u forom oħra ta' vjolenza sesswali, iċ-ċaħda tad-dritt għall-ħajja u għal proċess ġust u l-ksur tad-drittijiet tad-detenuti vulnerabbli, inklużi nisa, persuni b'diżabilità u minorenni; jistieden lill-awtoritajiet tar-RDPK jiżguraw li l-osservaturi indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem ikollhom aċċess għas-sistema penali tagħha u jikkooperaw magħhom bil-għan li jaħdmu mal-atturi internazzjonali rilevanti biex jirriformaw is-sistemi penali u ġudizzjarji tagħha;
7. Jikkundanna l-istrumentalizzazzjoni tal-pandemija, li wasslet għall-impożizzjoni ta' restrizzjonijiet ulterjuri u għal miżuri severi, bla bżonn u estremi li l-Gvern tal-Korea ta' Fuq stabbilixxa apparentement biex jipproteġi kontra l-COVID-19, li jkomplu jirrestrinġu d-drittijiet intrinsikament soppressi għall-ikel u s-saħħa, u d-drittijiet għal-libertà ta' moviment u l-libertà ta' espressjoni u ta' informazzjoni; ifaħħar il-ħidma tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet 1718 li malajr approva t-talbiet kollha għal eżenzjoni mis-sanzjonijiet relatati mal-COVID-19 biex tingħata assistenza umanitarja lir-RDPK; jistieden lir-RDPK taħdem ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, inkluża l-inizjattiva dwar l-Aċċess Globali għall-Vaċċini (COVAX) għall-Coronavirus (COVID-19), biex tiżgura t-twassil u d-distribuzzjoni f'waqthom tal-vaċċini kontra l-COVID-19 lill-poplu tagħha;
8. Jesprimi t-tħassib partikolari tiegħu dwar il-gravità tas-sitwazzjoni tal-ikel li l-pajjiż qiegħed iħabbat wiċċu magħha u l-impatt tagħha fuq id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali tal-popolazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet tal-RDPK jiżguraw l-aċċess liċ-ċittadini kollha għall-ikel u l-għajnuna umanitarja abbażi tal-ħtieġa, skont il-prinċipji umanitarji;
9. Jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat l-obbligu ta' rendikont għad-delitti tal-passat u dawk li għadhom għaddejjin kontra l-umanità; iħeġġeġ bil-qawwa lir-RDPK tikkonforma bis-sħiħ mal-obbligi legali kollha li jirriżultaw mir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jappella lill-membri kollha tan-NU biex jieħdu azzjoni biex jimplimentaw bis-sħiħ is-sanzjonijiet eżistenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jappella biex isiru sforzi biex is-sitwazzjoni fir-RDPK tiġi riferuta lill-Qorti Kriminali Internazzjonali jew biex jinħoloq tribunal ad hoc, jew mekkaniżmu komparabbli, sabiex tiġi ddeterminata r-responsabbiltà kriminali tal-uffiċjali tal-gvern, inklużi l-ogħla awtoritajiet; jinsisti fuq il-ħtieġa li l-Kunsill jadotta sanzjonijiet severi addizzjonali relatati mad-drittijiet tal-bniedem fl-ambitu tar-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem, immirati lejn l-individwi identifikati bħala responsabbli għal dak il-ksur; jieħu nota tal-opinjoni tar-Rapporteur Speċjali tan-NU biex jiġi żgurat li s-sanzjonijiet kontra l-pajjiż ma jkollhomx impatt detrimentali fuq id-drittijiet għall-ikel, is-saħħa, l-ilma u s-sanità, l-akkomodazzjoni u l-iżvilupp, kif ukoll biex jiġi evitat kwalunkwe impatt negattiv fuq l-assistenza umanitarja, inkluż fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19;
10. Jikkundanna bil-qawwa li fl-24 ta' Marzu 2022 l-RDPK tella' ICBM bħala provokazzjoni bla bżonn u perikoluża, li hija ksur ta' diversi riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u theddida serja għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali u reġjonali; jistieden lir-RDPK tabbanduna l-armi ta' qerda massiva u l-programmi ta' missili ballistiċi tagħha b'mod sħiħ, verifikabbli u irriversibbli;
11. Jistieden lir-RDPK tkompli timpenja ruħha b'mod kostruttiv mal-interlokuturi internazzjonali bil-ħsieb li jiġu promossi titjibiet konkreti fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-prattika, inkluż permezz ta' djalogi, żjarat uffiċjali lejn il-pajjiż u aktar kuntatti bejn il-persuni;
12. Ikompli jappoġġja riżoluzzjoni paċifika għall-kunflitt fil-Peniżola Koreana, li għandha tinvolvi denuklearizzazzjoni flimkien ma' titjib fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Istati Membri tal-UE jappoġġjaw l-istrutturi tan-NU u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jiżguraw l-obbligu ta' rendikont għar-reati mwettqa permezz tal-ġbir kontinwu ta' evidenza u dokumentazzjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-passat u fil-preżent fil-pajjiż, bil-ħsieb li tintemm l-impunità għall-abbużi serji tar-RDPK;
13. Jilqa' t-tiġdid tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK; jiddispjaċih għall-fatt li l-uffiċċju fil-post ġewwa Seoul tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) għadu nieqes mill-persunal, u jħeġġeġ lill-membri tan-NU u tal-OHCHR jappoġġjaw il-mekkaniżmu u jiżguraw li dan jiġi pprovdut bil-persunal u r-riżorsi kollha meħtieġa;
14. Jirrakkomanda li jsir progress lejn ir-rikonċiljazzjoni u l-istabbiliment ta' proċess xieraq ta' rimedju; jistieden lill-istati affettwati joħorġu "Dikjarazzjoni ta' tmiem il-Gwerra" biex jintemm il-kunflitt militari mhux riżolt;
15. Jilqa' r-reġim ta' sanzjonijiet tal-UE, kif ukoll ir-rieda espressa tal-UE li tappoġġja kwalunkwe proċess diplomatiku sinifikanti; jinkoraġġixxi lill-UE u lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġija li tikkomplementa r-reġim ta' sanzjonijiet tal-UE, skont l-Istrateġija Globali tal-UE, u b'kont meħud tat-tkomplija tad-djalogu politiku mal-Korea ta' Fuq meta jkun wasal iż-żmien, bil-ħsieb li jiġu integrati d-drittijiet tal-bniedem, id-denuklearizzazzjoni u l-inizjattivi ta' paċi fl-impenn tagħha mar-RDPK;
16. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Korea, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Istati Uniti, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ġappun, lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU.