Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2022/2621(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0182/2022

Dibattiti :

PV 06/04/2022 - 15.2
CRE 06/04/2022 - 15.2

Votazzjonijiet :

PV 07/04/2022 - 6.9

Testi adottati :

P9_TA(2022)0124

Testi adottati
PDF 135kWORD 49k
Il-Ħamis, 7 ta' April 2022 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika tal-Gwatemala
P9_TA(2022)0124RC-B9-0182/2022

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' April 2022 dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika tal-Gwatemala (2022/2621(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Gwatemala, partikolarment dik tal-14 ta' Marzu 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Gwatemala(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fil-Gwatemala tal-11 ta' Frar 2022, u dwar id-deterjorament tal-istat tad-dritt fil-Gwatemala tat-23 ta' Marzu 2022,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Amerka Ċentrali, min-naħa l-oħra(2), u b'mod partikolari l-klawżola li fih dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tat-28 ta' Frar 2022 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Gwatemala,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni attribwibbli lill-kelliem għas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Gwatemala, tal-11 ta' Frar 2022,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR) tat-22 ta' Frar 2022 li tesprimi tħassib dwar ksur ġdid tal-indipendenza ġudizzjarja fil-Gwatemala, u dik tal-IACHR u tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-indipendenza tal-imħallfin u l-avukati tad-9 ta' Marzu 2022 li tħeġġeġ lill-Gwatemala tiggarantixxi l-indipendenza u l-imparzjalità fil-ħatra tal-avukat ġenerali l-ġdid tal-pajjiż,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protokolli fakultattivi tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Patt tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Gwatemala,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Gwatemala hija sieħeb importanti u tal-istess fehma tal-UE, kif muri mir-rwol ewlieni tal-pajjiż fl-integrazzjoni reġjonali fl-Amerka Ċentrali permezz tal-presidenza pro tempore tiegħu tas-Sistema ta' Integrazzjoni Reġjonali tal-Amerka Ċentrali, it-tkabbir tal-kooperazzjoni kummerċjali bejn l-UE u l-Gwatemala, is-solidarjetà tal-pajjiż mal-Ukrajna u l-Ewropa u l-kundanna qawwija tiegħu tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna, u r-rwol attiv tiegħu fil-fora internazzjonali, kif ukoll id-djalogu kostruttiv mal-Ambaxxata tal-Gwatemala fi Brussell fil-kuntest tad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali;

B.  billi fl-2019, il-gvern tar-Repubblika tal-Gwatemala ddeċieda unilateralment li jtemm il-mandat tal-Kummissjoni Internazzjonali Kontra l-Impunità fil-Gwatemala (CICIG), li kienet ilha topera għal 12 il-sena fil-pajjiż; billi matul il-perjodu meta l-awtoritajiet ikkollaboraw mas-CICIG, il-Gwatemala wriet progress kontinwu fil-prosekuzzjoni ta' każijiet tad-drittijiet tal-bniedem u tal-korruzzjoni;

C.  billi minn dak iż-żmien 'l hawn, il-Gwatemala sofriet proċess kontinwu ta' kooptazzjoni istituzzjonali u ż-żarmar tal-istat tad-dritt, l-ostruzzjoni u l-fastidju sistematiċi tal-ħidma leġittima tal-imħallfin u l-prosekuturi, kampanji ta' malafama, arresti u intimidazzjoni tal-operaturi tal-ġustizzja, b'mod partikolari dawk tas-CICIG, l-Uffiċċju tal-Prosekutur tad-Drittijiet tal-Bniedem, u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali kontra l-Impunità (FECI), u intensifikazzjoni u żieda tal-aggressjonijiet kontra l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-kriminalizzazzjoni tagħhom;

D.  billi l-prosekuturi tal-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata li jinvolvu uffiċjali għolja tal-istat u sidien ta' negozji ġew kriminalizzati f'bosta proċedimenti kriminali permezz ta' lmenti quddiem il-Bord Dixxiplinari Ġudizzjarju u proċessi preliminari promossi mill-Ministeru Pubbliku tal-Gwatemala sabiex jarrestawhom jew jirtirawlhom l-immunità ġudizzjarja tagħhom; billi l-proliferazzjoni ta' dawn il-proċedimenti legali kontra mħallfin, prosekuturi u avukati indipendenti u n-nuqqas ta' rispons fil-pront u effiċjenti u miżuri ta' protezzjoni huma allarmanti;

E.  billi t-theddid, il-fastidju u r-riskju ta' detenzjoni arbitrarja wasslu biex aktar minn 20 imħallef ħabbru l-eżilju tagħhom mill-Gwatemala biex jipproteġu s-sikurezza u l-integrità fiżika u psikoloġika tagħhom, u biex jevitaw rappreżalji mill-awtoritajiet tal-Istat tal-Gwatemala; billi l-każijiet tal-imħallef Erika Aifán, l-eks avukati ġenerali Claudia Paz u Thelma Aldana, u Juan Francisco Sandoval, li kien imexxi l-FECI, huma biss ftit eżempji ta' fastidju kontra operaturi ġudizzjarji fil-Gwatemala;

F.  billi l-Artikolu 203 tal-Kostituzzjoni tal-Gwatemala jenfasizza li l-funzjoni ġudizzjarja trid tiġi eżerċitata esklużivament mill-Qorti Suprema tal-Ġustizzja u tribunali oħra stipulati mil-liġi; billi hemm nuqqas ta' progress fl-elezzjoni ta' mħallfin għas-siġġijiet vakanti fil-Qorti Suprema u fil-Qorti tal-Appell; billi din is-sena, il-President u l-Kungress se jaħtru tliet karigi ewlenin: l-avukat ġenerali, l-ombudsperson tad-drittijiet tal-bniedem, u l-kontrollur ġenerali;

G.  billi f'Mejju 2022, se jiġi elett l-avukat ġenerali l-ġdid tar-Repubblika tal-Gwatemala; billi l-Kostituzzjoni tal-Gwatemala tistipula li l-ħatra tal-avukat ġenerali ssir permezz ta' kummissjoni nominanti li tkun magħmula mill-president tal-Qorti Suprema, dekani tal-iskejjel tal-liġi, membri tal-kamra tal-avukati, u membri tas-soċjetà ċivili; billi f'Settembru 2021, l-Avukat Ġenerali tar-Repubblika tal-Gwatemala u kandidat għall-elezzjoni mill-ġdid, María Consuelo Porras, kif ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, Angel Pineda, ġew inklużi mid-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti fuq il-Lista Engel bħala atturi korrotti u mhux demokratiċi li jostakolaw il-prosekuzzjoni kriminali ta' każijiet ta' korruzzjoni; billi l-avukat ġenerali għandu rwol fundamentali biex jiggarantixxi l-istat tad-dritt, il-protezzjoni u d-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-impunità;

H.  billi l-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-indipendenza tal-imħallfin u l-maġistrati għamlu diversi rakkomandazzjonijiet biex titwettaq riforma kostituzzjonali rigward il-proċeduri għall-elezzjoni tal-avukat ġenerali u l-imħallfin tal-qrati superjuri tal-pajjiż f'konformità mal-istandards internazzjonali ta' indipendenza u imparzjalità;

I.  billi l-Gvern tal-Gwatemala għamel sforzi biex jimplimenta politiki li jippromwovu t-trasparenza, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ġlieda kontra l-impunità permezz tal-ħolqien tal-Kumitat Presidenzjali kontra l-Korruzzjoni u l-Kumitat Presidenzjali għall-Paċi u d-Drittijiet tal-Bniedem, li għandhom joħorġu b'riżultati konkreti;

J.  billi skont Transparency International, il-Gwatemala waqgħet 59 pożizzjoni fl-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni matul l-aħħar 10 snin, mill-91 post (2010) għall-150 post minn 180 pajjiż;

K.  billi d-Digriet 4-202, magħruf bħala l-Liġi dwar l-NGOs, li daħal fis-seħħ fi Frar 2022, għandu l-għan li jirrestrinġi l-attivitajiet tal-NGOs, filwaqt li jissikka s-superviżjoni tal-gvern u jiftaħ il-bieb għall-abolizzjoni tal-NGOs li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti amministrattivi;

L.  billi l-vjolenza u l-estorsjoni minn organizzazzjonijiet kriminali b'saħħithom għadhom problemi serji fil-Gwatemala u billi l-vjolenza relatata mal-gangs hija fattur importanti li jwassal lin-nies jitilqu mill-pajjiż;

M.  billi fl-2021, l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) iddokumenta 103 attakki kontra difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u sitt każijiet ta' qtil, kif ukoll 33 attakk kontra ġurnalisti; billi d-difensuri tal-ambjent u tal-art, il-popli indiġeni u l-komunitajiet u d-difensuri tad-drittijiet tan-nisa qed jiffaċċjaw theddid serju; billi l-OHCHR qed jenfasizza ż-żieda fl-użu ħażin tal-liġi kriminali minn atturi statali u mhux statali kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti biex jippenalizzawhom jew jimpedixxu l-eżerċizzju leġittimu ta' xogħolhom;

N.  billi l-popli indiġeni għadhom jiffaċċjaw diversi forom ta' diskriminazzjoni u inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali; billi hemm bżonn li tissaħħaħ ir-relazzjoni ta' fiduċja bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi u l-popli indiġeni permezz tal-implimentazzjoni ta' miżuri għall-protezzjoni u t-twettiq tad-drittijiet tagħhom inkluż id-dritt għal kunsens liberu u infurmat minn qabel;

O.  billi l-vjolenza sessista u sesswali kontra n-nisa u l-bniet huma problemi mifruxa u b'għeruq profondi; billi fit-8 ta' Marzu 2022, il-Kungress tal-Gwatemala approva d-Digriet 18-2022, l-hekk imsejjaħ "Liġi għall-Protezzjoni tal-Ħajja u tal-Familja", li jikkriminalizza l-abort fiċ-ċirkostanzi kollha, b'sentenzi tal-ħabs ta' bejn 5 u 25 sena, u li jipprojbixxi d-diversità tal-ġeneru u l-edukazzjoni sesswali fl-iskejjel; billi wara diversi protesti fil-livell nazzjonali u internazzjonali, il-President esprima l-intenzjoni tiegħu li jeżerċita veto fuq id-digriet u fil-15 ta' Marzu 2022, il-Kungress tal-Gwatemala vvota biex jissospendi l-liġi kontroversjali;

P.  billi l-Gwatemala għandha waħda mill-ogħla rati ta' inugwaljanza u fost l-agħar faqar, malnutrizzjoni u rati ta' mortalità materna u tat-tfal fir-reġjun; billi l-Gwatemala tinsab fis-sitt post għall-malnutrizzjoni kronika fid-dinja;

Q.  billi l-UE għadha waħda mis-sħab ewlenin ta' kooperazzjoni tal-Gwatemala, u allokat EUR 152 miljun taħt il-perjodu ta' programmazzjoni tal-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (2014-2020) li jiffoka fuq is-sigurtà tal-ikel, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-paċi u s-sigurtà, u l-kompetittività;

R.  billi Aura Lolita Chávez, difensur ambjentali indiġena mill-Gwatemala u finalista tal-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew fl-2017, telqet minn pajjiżha wara attakki serji, theddid ta' qtil u malafama, u qed tiffaċċja diversi proċessi ġudizzjarji li kieku kellha tirritorna l-Gwatemala; billi s-sikurezza legali u fiżika tagħha għandha tiġi żgurata jekk tiddeċiedi li tirritorna;

1.  Jinsab imħasseb dwar id-deterjorament tal-istat tad-dritt fil-Gwatemala u l-azzjonijiet legali mibdija mill-Qorti Suprema tal-Ġustizzja u l-prosekutur ġenerali kontra mħallfin, avukati u prosekuturi indipendenti li jinvestigaw jew iressqu quddiem il-prosekuzzjoni strutturi kriminali b'rabtiet ma' uffiċjali għolja tal-istat u sidien ta' negozji;

2.  Jikkundanna l-kriminalizzazzjoni, id-detenzjoni u l-kampanji ta' diskreditazzjoni fuq il-media, it-theddid u l-atti ta' fastidju kontra l-operaturi ġudizzjarji involuti fil-prosekuzzjoni ta' każijiet ta' korruzzjoni u l-ġlieda kontra l-impunità, kif ukoll dawk kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Gwatemala jtemmu dawn l-azzjonijiet u jirrispettaw l-istat tad-dritt u r-rispett sħiħ għall-indipendenza tal-fergħat tal-poter bħala elementi ewlenin fil-ġlieda kontra l-impunità u l-korruzzjoni;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Gwatemala jwettqu investigazzjonijiet immedjati, bir-reqqa u imparzjali tat-theddid, l-atti ta' fastidju u l-kampanji ta' stigmatizzazzjoni kontra uffiċjali tal-ġustizzja u atturi tas-soċjetà ċivili, sabiex jidentifikaw lil dawk responsabbli u jressquhom quddiem tribunali kompetenti, indipendenti u imparzjali;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Gwatemala jieħdu l-miżuri meħtieġa b'mod urġenti biex jiżguraw is-sikurezza u l-integrità tal-imħallfin, il-prosekuturi, l-avukati – inklużi eks avukati tas-CICIG – u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u ta' dawk li qed jiġu detenuti, u jissalvagwardjaw id-dritt tagħhom għal proċess ġust; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jiżguraw ir-ritorn sikur ta' dawk li ġew imġiegħla jitilqu mill-pajjiż minħabba l-biża' għas-sikurezza tagħhom;

5.  Ifakkar fl-indispensabilità ta' kanali ta' djalogu mtejba u effettivi fil-qafas tal-istituzzjonijiet tal-Gwatemala sabiex jiġu promossi l-valuri demokratiċi, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

6.  Jafferma mill-ġdid li l-proċess tal-għażla u l-ħatra tal-imħallfin irid ikun trasparenti u parteċipattiv u li l-kandidati għandhom jintgħażlu abbażi tal-merti tagħhom u rekord ippruvat ta' rispett għad-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mal-istandards internazzjonali u l-Kostituzzjoni tal-Gwatemala; jistieden lill-awtoritajiet tal-Gwatemala, f'dan is-sens, jiggarantixxu l-elezzjoni ġusta tal-imħallfin, b'mod partikolari fir-rigward tal-elezzjoni tal-prosekutur ġenerali u l-ombudsperson tad-drittijiet tal-bniedem;

7.  Jenfasizza li l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni restrittiva bħal-Liġi dwar l-NGOs tista' tikkontribwixxi għaż-żarmar tas-sistema ta' protezzjoni għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li ssaħħaħ l-impunità; jitlob li dawn il-liġijiet jitħassru;

8.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Gwatemala jieħu l-miżuri meħtieġa biex isaħħaħ il-leġiżlazzjoni u l-politiki biex jipproteġi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-difensuri ambjentali u l-ġurnalisti, u jiżviluppa politika pubblika għall-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem f'konformità ma' deċiżjoni tal-2014 tal-Qorti Inter-Amerikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-impenn meħud mill-Gwatemala stess quddiem il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2018; jirrakkomanda li l-Gvern tal-Gwatemala jirratifika l-Ftehim ta' Escazú;

9.  Jilqa' l-ħolqien mill-awtoritajiet tal-Gwatemala tal-Kumitat Presidenzjali kontra l-Korruzzjoni u l-Kumitat Presidenzjali għall-Paċi u d-Drittijiet tal-Bniedem, bħala pilastri ewlenin tal-pjan nazzjonali tal-Gvern għall-innovazzjoni u l-iżvilupp, u bil-ħsieb li jiġu implimentati politiki li jippromwovu t-trasparenza, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ġlieda kontra l-impunità; iħeġġeġ lil dawn il-kumitati jagħtu riżultati konkreti;

10.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Gwatemala jikkoopera aktar mal-mekkaniżmi tan-NU u reġjonali kollha tad-drittijiet tal-bniedem sabiex imexxi 'l quddiem il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; jirrakkomanda li l-Gvern tal-Gwatemala jġedded il-mandat tal-OHCHR fil-Gwatemala għal perjodu ta' żmien raġonevoli;

11.  Jilqa' l-azzjoni meħuda mill-ambaxxati tal-Istati Membri tal-UE u d-Delegazzjoni tal-UE għall-Gwatemala fir-rigward tal-miżuri ta' protezzjoni għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni tespandi b'mod sostanzjali u timplimenta b'mod aktar attiv miżuri ta' protezzjoni, inkluż it-twessigħ tal-osservazzjoni tas-seduti ta' smigħ tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kriminalizzati, b'mod partikolari d-difensuri ambjentali u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem nisa billi, fost affarijiet oħra, iżżid l-appoġġ tagħha għall-organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili;

12.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jużaw il-mekkaniżmi stabbiliti fil-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni u Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni biex jinkoraġġixxu bil-qawwa lill-Gwatemala twettaq aġenda ambizzjuża dwar id-drittijiet tal-bniedem u tiġġieled l-impunità bil-għan li ttejjeb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Gwatemala, lis-Segretarjat tal-Amerka Ċentrali għall-Integrazzjoni Ekonomika u lill-Parlament tal-Amerka Ċentrali.

(1) ĠU C 23, 21.1.2021, p. 92.
(2) ĠU L 346, 15.12.2012, p. 3.

Aġġornata l-aħħar: 26 ta' Awwissu 2022Avviż legali - Politika tal-privatezza