Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' April 2022 dwar l-estimi tad-dħul u tan-nefqa tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2023 (2021/2227(BUI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(1) (ir-“Regolament Finanzjarju”),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027(2),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda(3),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea(4),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Bureau tal-Parlament Ewropew fl-4 ta' Ottubru 2021 u fit-22 ta' Novembru 2021;
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill tal-10 ta' Diċembru 2021 dwar sforzi komplementari għat-Tisħiħ tar-Reżiljenza u l-Ġlieda kontra t-Theddid Ibridu;
– wara li kkunsidra t-Tbassir Ekonomiku tax-Xitwa 2022 tal-Kummissjoni ppubblikat fl-10 ta' Frar 2022;
— wara li kkunsidra l-ittra mibgħuta fis-7 ta' Lulju 2020 li fiha l-Membri tal-PE ħeġġew lill-President Sassoli u lis-Segretarju Ġenerali Welle biex itejbu l-mobilità attiva sostenibbli u sikura fil-Parlament Ewropew;
— wara li kkunsidra l-Istrateġija ta' Nofs it-Terminu 2024 tal-EMAS adottata mill-Kumitat ta' Tmexxija għall-Ġestjoni Ambjentali fi Brussell fil-15 ta' Diċembru 2020,
— wara li kkunsidra r-rekwiżiti tal-addizzjonalità fid-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli), b'mod partikolari l-Premessa 90 u l-Artikolu 27 tagħha,
— wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti – inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur (COM(2020)0789), b'mod partikolari l-paragrafu 9 dwar l-ivvjaġġar kollettiv,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2021 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2022(5),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Ottubru 2021 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2022(6),
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2022(7) u d-dikjarazzjonijiet komuni maqbula bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni li huma annessi miegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali lill-Bureau bl-għan li jitħejja l-abbozz preliminari tal-estimi tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2023,
– wara li kkunsidra l-abbozz preliminari tal-estimi mħejji mill-Bureau fis-7 ta' Marzu 2022 skont l-Artikolu 25(7) u l-Artikolu 102(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament,
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-estimi mħejji mill-Kumitat għall-Baġits skont l-Artikolu 102(2) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 102 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0087/2022),
A. billi l-baġit propost fl-14 ta' Frar 2022 mis-Segretarju Ġenerali għall-abbozz preliminari tal-estimi tal-Parlament għall-2023 jirrappreżenta żieda ta' 4,9 %;
B. billi l-Kummissjoni kkalkulat, fit-Tbassir Ekonomiku tax-Xitwa 2022 tagħha, li r-rata ta' inflazzjoni tal-UE kienet 4,9 % fl-aħħar trimestru tal-2021 u 2,9 % għas-sena kollha; billi l-Kummissjoni tistma li wara l-ogħla livell fi tmiem l-2021 u l-bidu tal-2022, l-inflazzjoni se tistabbilizza għal 3,9 % fl-2022 u 1,9 % fl-2023; billi l-livell ta' inflazzjoni għall-2023 bħalissa huwa volatili ħafna u estremament imprevedibbli; billi l-Kumitat għall-Baġits se jimmonitorja l-evoluzzjoni tiegħu, u jirreaġixxi kif xieraq jekk ikun meħtieġ;
C. billi l-kredibbiltà tal-Parlament u tal-Membri tiegħu f'għajnejn iċ-ċittadini Ewropej tiddependi fuq il-kapaċità proprja tal-Parlament li jiżgura l-kwalità tal-ħidma leġiżlattiva u ta' skrutinju u li jikkomunika r-riżultati tagħha; billi l-Parlament jeħtieġlu wkoll jagħti eżempju fil-konfront tal-istituzzjonijiet l-oħra u għalhekk jippjana u jeżegwixxi wkoll in-nefqa tiegħu bi prudenza u b'effiċjenza u b'mod li jirrifletti r-realtajiet ekonomiċi prevalenti;
D. billi l-baġit tal-Parlament għandu jiġi stabbilit fuq bażi realistika u għandu jkun konformi mal-prinċipji ta' dixxiplina baġitarja u ġestjoni finanzjarja tajba;
E. billi huwa ta' importanza kruċjali li jiġi protett il-leħen demokratiku tal-Parlament, b'mod partikolari minħabba s-sitwazzjoni ġeopolitika attwali, speċifikament l-attakk militari illeġittimu tar-Russja fuq l-Ukrajna u l-elezzjonijiet għall-Parlament li ġejjin; billi t-theddid ċibernetiku kontra l-Parlament, inkluż minn gruppi sostnuti mill-istat, qiegħed jiżdied b'mod esponenzjali kemm fin-numru kif ukoll fis-sofistikazzjoni tagħhom; billi l-istandard tal-industrija jirrikjedi li 10 % tal-baġit sħiħ għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) għandu jintnefaq fuq iċ-ċibersigurtà; billi l-Bureau, fil-laqgħa tiegħu tal-4 ta' Ottubru 2021, approva l-ħolqien ta' direttorat ġdid għaċ-ċibersigurtà, u b'mod partikolari l-Unità għat-theddid għaċ-ċibersigurtà, il-monitoraġġ tar-riskju u l-konformità tal-protezzjoni tad-data tar-rappurtar, fi ħdan id-Direttorat Ġenerali għall-Innovazzjoni u s-Sostenn Teknoloġiku (DĠ ITEC) u l-allokazzjoni tar-riżorsi neċessarji;
F. billi l-attakki ċibernetiċi huma theddid mhux biss diretti lejn il-Parlament iżda wkoll lejn l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni Ewropea; billi l-kooperazzjoni interistituzzjonali hija essenzjali għall-prevenzjoni, id-detezzjoni, il-monitoraġġ ta' u r-rispons xierqa għal tali theddid; billi d-Direttur Ġenerali tad-DĠ ITEC huwa l-President tal-Iskwadra ta' Rispons f'Emerġenza relatata mal-Kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji Ewropej (CERT-EU), korp interistituzzjonali fil-qasam taċ-ċibersigurtà; billi l-Parlament huwa impenjat bis-sħiħ li jfittex sinerġiji u kooperazzjoni addizzjonali ma' istituzzjonijiet oħra, billi, fost oħrajn, jibni l-ħiliet ta' CERT-EU bit-trasferiment ta' żewġ impjegati tal-Parlament, kif maqbul mill-Bureau, fil-laqgħa tiegħu tal-4 ta' Ottubru 2021;
G. billi l-attakki ċibernetiċi huma biss tip wieħed ta' theddid ċibernetiku; billi t-theddid ibridu issa huwa t-thedded ewlieni għall-Parlament Ewropew u l-istituzzjonijiet l-oħrajn tal-Unjoni; billi theddid ibridu jirreferi għal attakki ċibernetiċi, spjunaġġ, interferenza fl-elezzjonijiet u kampanji ta' diżinformazzjoni, inkluż fuq il-midja soċjali; billi l-Kunsill, fil-konklużjonijiet tal-laqgħa tiegħu tal-10 ta' Diċembru 2021 dwar sforzi komplementari għat-Tisħiħ tar-Reżiljenza u l-Ġlieda kontra t-Theddid Ibridu stieden lill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni, appoġġati mill-Istati Membri, biex jiżguraw il-kapaċità tal-Unjoni li tipproteġi l-integrità tagħha u ssaħħaħ is-sigurtà tan-networks tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u l-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni minn kull tip ta' attività malizzjuża, abbażi ta' valutazzjoni komprensiva tat-theddid; billi l-Bureau, fil-laqgħa tiegħu tat-22 ta' Novembru 2021, approva r-riorganizzazzjoni tad-Direttorat Ġenerali Direttorat Ġenerali għas-Sigurtà u l-Protezzjoni (DĠ SAFE), li jinvolvi l-ħolqien ta' direttorat ġdid għas-Sigurtà tat-Teknoloġija u l-Informazzjoni li jinkludi u jikkoordina l-kollegament operazzjonali u l-iskambju tal-informazzjoni mas-servizzi tas-sigurtà ta' istituzzjonijiet, korpi u aġenziji oħra tal-Unjoni, kif ukoll mal-pulizija u mas-servizzi tas-sigurtà tal-pajjiżi ospitanti u Stati Membri oħra, li jikkomplementa l-attivitajiet ta' difiża tad-DĠ ITEC fiċ-ċibersigurtà;
H. billi r-rata ta' parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew tal-2019 żdiedet bi tmien punti perċentwali meta mqabbla mal-elezzjonijiet tal-2014; billi l-2023 hija sena importanti għat-tħejjija tal-elezzjonijiet tal-2024;
I. billi "L-Istrateġija tal-Bini wara l-2019" tiffoka fuq il-bżonnijiet li għadhom ma ġewx indirizzati biżżejjed, bħall-adattament tal-faċilitajiet għall-modernizzazzjoni tal-mudelli tal-laqgħat parlamentari, il-prossimità b'mod partikolari grazzi għall-integrazzjoni ta' "Europa Experience" fl-Uffiċċji ta' Kollegament; it-titjib kontinwu tas-sigurtà tal-bini tal-Parlament u l-interkonnessjoni tal-bini ċentrali u l-bżonn għall-manutenzjoni tal-bini sabiex jintlaħqu l-istandards attwali tas-sikurezza u l-bżonnijiet reali tal-utenti tagħhom;
Qafas ġenerali
1. Ifakkar li l-akbar sehem tal-baġit tal-Parlament huwa stabbilit permezz ta' obbligi statutarji jew kuntrattwali; jinnota li 65 % tal-baġit huwa soġġett għal indiċjar annwali, li jfisser żieda ta' EUR 67 miljun fl-2023 fl-abbozz preliminari tal-estimi propost mis-Segretarju Ġenerali fl-14 ta' Frar 2022; ifakkar li l-previżjonijiet attwali dwar l-indiċjar tas-salarji mill-Kummissjoni, f'konformità mar-Regolamenti tal-Persunal u l-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew, għal Lulju 2022, April 2023 u Lulju 2023 jammontaw għal 4,3 %, 1,1 % u 2,6 % rispettivament; jinnota li, minħabba l-perspettiva ekonomika attwali, l-Parlament jipprevedi indiċjar tas-salarji ta’ 6 % minn Lulju 2022; ifakkar li, bi qbil mal-previżjonijiet tal-Kummissjoni, il-baġit tal-2022 inkluda indiċjar tas-salarju ta' 2,5 % biss għall-2022;
2. Japprova l-ftehim milħuq fil-Konċiljazzjoni bejn il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits fit-30 ta' Marzu 2022 biex iż-żieda fuq il-baġit 2022 tiġi stabbilita għal 6,24 %, li tikkorrispondi għal livell ġenerali ta' estimi ta' EUR 2 244 696 416 għall-2023, biex jitnaqqas il-livell tan-nefqa tal-abbozz preliminari tal-estimi approvat mill-Bureau fis-7 ta' Marzu 2022 bi EUR 33,96 miljun, biex jiġu previsti 60 post tax-xogħol ġdid fir-rigward taċ-ċibersigurtà u s-sigurtà iżda jitlob biss 52 post tax-xogħol fit-tabella tal-persunal għall-2023 minħabba li 8 postijiet tax-xogħol ġew rilokati minn servizzi amministrattivi oħra u biex jitnaqqsu kif xieraq l-approprjazzjonijiet proposti fil-linji baġitarji li ġejjin:
1 0 0 4 - Spejjeż għall-vjaġġi regolari, 1 2 0 0 — Remunerazzjoni u allowances, 1 4 0 5 — Nefqa fuq l-interpretazzjoni, 1 4 2 — Servizzi esterni tat-traduzzjoni, 2 0 0 7 — Kostruzzjoni ta' bini u sistemazzjoni fil-binjiet, 2 1 0 2 — L-informatika u t-telekomunikazzjonijiet — Attivitajiet rikorrenti tal-funzjonament — Sostenn ġenerali lill-utenti, 2 1 0 3 — Informatika u telekomunikazzjonijiet — Attivitajiet rikorrenti tal-funzjonament — Applikazzjonijiet ICT, 2 1 0 4 — Informatika u telekomunikazzjonijiet — Investimenti fl-infrastrutturi, 2 1 0 5 — Informatika u telekomunikazzjonijiet — Investimenti fil-proġetti, 2 1 2 — Għamara, 2 1 4 — Materjal u installazzjonijiet tekniċi, 2 1 6 — Trasport ta' Membri, persuni oħra u ta' beni, 2 3 7 — Rilokazzjonijiet, 2 3 8 — Nefqiet amministrattivi oħra, 3 0 0 — Nefqiet għall-missjonijiet tal-istaff u vjaġġar fuq xogħol bejn it-tliet postijiet ta' xogħol, 3 2 0 — Akkwist tal-opinjoni tal-esperti, 3 2 1 — Nefqa għas-Servizzi ta' Riċerka Parlamentari, inklużi l-bibljoteka, l-arkivji storiċi, il-valutazzjoni tal-għażliet xjentifiċi u teknoloġiċi (STOA) u ċ-Ċentru Ewropew tal-Midja Xjentifika (STOA), 3 2 4 1 — Pubblikazzjonijiet diġitali u tradizzjonali, 3 2 4 2 — Nefqiet għall-pubblikazzjoni, it-tagħrif u l-parteċipazzjoni f'manifestazzjonijiet pubbliċi, 3 2 4 3 — Ċentri għall-Viżitaturi tal-Parlament Ewropew, 3 2 4 4 — L-Organizzazzjoni u l-ospitalità ta' gruppi ta' viżitaturi, il-programm Euroscola u stediniet għall-multiplikaturi tal-opinjoni minn pajjiżi terzi, 3 2 4 8 — In-nefqa għall-informazzjoni awdjoviżiva, 4 0 0 — Nefqa amministrattiva kurrenti u nefqa marbuta mal-attivitajiet politiċi ta' informazzjoni tal-gruppi politiċi u tal-Membri mhux affiljati
Barra minn hekk, minħabba l-effetti straordinarji tal-kriżi internazzjonali fuq l-inflazzjoni, l-ispejjeż statutorji u l-ħtieġa li tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-Parlament, b'mod partikolari billi jsir investiment fis-sigurtà u ċ-ċibersigurtà, billi jiżdied b'EUR 62 miljun il-livell tan-nefqa tal-abbozz preliminari tal-estimi approvat mill-Bureau fis-7 ta' Marzu 2022 u billi jiżdiedu kif xieraq l-approprjazzjonijiet proposti fil-linji baġitarji li ġejjin:
3. Iqis li ż-żieda ġenerali ta' 6,24 % meta mqabbla mal-2022 għandha titqies bħala żieda ta' 2,46 % għall-parti f'kundizzjonijiet normali u, minħabba ż-żmien eċċezzjonali attwali, żieda ta' EUR 79,8 miljun li tikkorrispondi għall-parti mill-kriżi biex tkopri l-inflazzjoni eċċezzjonali, iż-żieda li tirriżulta fl-ispejjeż statutorji u l-investimenti fis-sigurtà u ċ-ċibersigurtà.
4. Jissottolinja li, matul dawn l-aħħar snin, ir-rata ta' żieda tal-baġit tal-Parlament kienet inqas mir-rata ta' żieda tal-Intestatura 7; jinnota li l-Parlament ma għamilx użu tal-20 % tal-Intestatura 7 li huwa intitolat għalih;
5. Jissottolinja li l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni jeħtieġu li jikkonformaw mad-dixxiplina baġitarja meta jistabbilixxu l-ħtiġijiet finanzjarji tagħhom għas-sena sussegwenti;
Sigurtà kontra theddid ibridu li qiegħed dejjem jikber
6. Jissottolinja li ċ-ċibersigurtà tal-Parlament hija prijorità ewlenija, speċjalment fid-dawl tat-tensjonijiet ġeopolitiċi attwali; jiddeċiedi għaldaqstant li jappoġġja l-proposta tas-Segretarju Ġenerali li jsaħħaħ b'40 post tax-xogħol lil DĠ ITEC biex jiżdiedu l-ħiliet ta' difiża ċibernetika tal-Parlament u jintlaħaq livell adegwat ta' kapaċità interna; ifakkar it-tnaqqis globali b'6 % tal-persunal tal-Parlament matul il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020, li kien sostnut primarjament mill-amministrazzjoni tiegħu; jemmen li huwa neċessarju li jiżdiedu r-riżorsi tal-Parlament fis-sigurtà sabiex tiġi protetta l-integrità tas-sistemi tal-ICT tiegħu; jinnota li l-impatt tal-40 post tax-xogħol għall-2023 se jkun ta' EUR 4,3 miljun u li l-investimenti ta' EUR 5 miljun fl-operazzjonijiet ta' u l-investimenti fiċ-ċibersigurtà huma fil-baġit għall-2023;
7. F'dan il-kuntest, itenni t-talba tiegħu lis-servizzi rilevanti biex jintegraw u jużaw soluzzjonijiet għal messaġġeriji istantanji u laqgħat virtwali li jkunu bbażati fuq sors miftuħ, ospitati fis-servers tal-Parlament u li jippermettu komunikazzjoni sigura, bħal Matrix u Jitsi, sabiex tiżdied b'mod sinifikanti l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet interni;
8. Iqis li l-kooperazzjoni interistituzzjonali hija essenzjali biex jiżdiedu s-sinerġiji fost l-amministrazzjonijiet u jiġu protetti l-istituzzjonijiet tal-Unjoni mit-theddid ċibernetiku b'mod adegwat; jappoġġja bil-qawwa li jiġu trasferiti temporanjament 2 postijiet tax-xogħol AD (minn 40 post tax-xogħol addizzjonali fiċ-ċibersigurtà) għal CERT-EU flimkien ma' baġit annwali addizzjonali ta' EUR 1,564 miljun; iqis li ż-żieda fil-kapaċità tal-Parlament fiċ-ċibersigurtà se tkun ta' benefiċċju għall-istituzzjonijiet kollha billi tipprevjeni, tidentifika, tikkondividi u tipproteġi aħjar l-interessi tal-Unjoni kontra t-theddid ċibernetiku, inkluża l-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri għal livell għoli komuni ta' ċibersigurtà fl-istituzzjonijiet, fil-korpi, fl-uffiċċji u fl-aġenziji tal-Unjoni;
9. Ifakkar li t-theddid qiegħed jevolvi f'theddid ibridu; jappoġġja bil-qawwa l-20 post tax-xogħol addizzjonali għad-DĠ SAFE sabiex jissaħħu l-kapaċità u l-ħila tal-Parlament li jsib, jipprevjeni u jirreaġixxi għal dan it-theddid ġdid ta' natura ibrida u jimmodernizza u jiddiġitalizza l-proċessi ta' sigurtà; jieħu nota tat-Task Force Interistituzzjonali għall-Counter-Intelligence Umana, Diġitali u Ibrida li għandha l-għan li ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-koordinazzjoni mas-servizzi tal-intelligence u s-sigurtà tal-Istati Membri;
10. Jistieden lis-Segretarju Ġenerali jagħmel użu mis-sinerġiji possibbli sabiex tiżdied l-effiċjenza fi ħdan l-amministrazzjoni, u sabiex janalizza kif id-diġitalizzazzjoni u metodi ġodda ta' ħidma jgħinu biex jiġu ssimplifikati d-direttorati u jippermettu t-trasferiment ta' postijiet tax-xogħol lejn oqsma ta' prijorità; f'dan il-kuntest, jilqa' t-test pilota tal-pjattaforma "EU Voice", pjattaforma ta' mikroblogging interkonnessa b'sors miftuħ u li ġiet stabbilita mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data biex din tikkontribwixxi għall-privatezza tal-utent, is-sigurtà u r-reżiljenza tal-IT, is-sovranità teknoloġika tal-Unjoni, l-interoperabilità, il-kompetizzjoni u l-għażla tal-utenti;
Strateġija ta' komunikazzjoni maċ-ċittadini
11. Jaċċentwa r-rwol tal-Parlament fil-bini ta' kuxjenza politika Ewropea u fil-promozzjoni tal-valuri tal-Unjoni;
12. Jissottolinja li l-komunikazzjoni mill-partiti politiċi u l-Membri nfushom huwa wieħed mill-fatturi ewlenin għal rata ta' parteċipazzjoni għolja u għall-involviment u l-interess taċ-ċittadini tal-Unjoni fl-elezzjonijiet Ewropej; jitlob li jkun hemm koordinazzjoni bejn id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni (DĠ COMM) u s-servizzi tal-istampa tal-gruppi politiċi, bl-appoġġ tal-kontenut mid-Direttorat Ġenerali għas-Servizzi ta' Riċerka Parlamentari (DĠ EPRS) u bl-appoġġ tekniku mid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni (DĠ TRAD), biex jiġi żgurat li l-messaġġ ikun ikkoordinat, adegwat u ċar għaċ-ċittadini;
13. Jieħu nota tar-riżorsi addizzjonali (EUR 27,5 miljun) allokati lid-DĠ COMM għall-istrateġija ta' komunikazzjoni relatata mal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew tal-2024 sabiex jispjega r-rwol u l-funzjonijiet tal-Unjoni u b'mod partikolari tal-Parlament, l-impatt konkret fuq il-ħajja taċ-ċittadini u għaliex il-votazzjoni fl-elezzjonijiet tista' tagħmel differenza u sabiex jiżgura li l-istrutturi, l-għodod u l-pjattaformi kollha jkunu implimentati u lesti fl-2024;
14. Jitlob li jkun hemm kawtela fil-mument meta l-livell tal-ispejjeż ta' komunikazzjoni jiġi marbut mal-parteċipazzjoni fl-elezzjoni Ewropea, jew li dan jintrabat b'mod koerenti, inkluż fil-każ ta' tnaqqis fir-rata ta' varjazzjoni fil-parteċipazzjoni;
15. Iqis tal-ikbar importanza li l-Parlament ikun ippreparat sew għad-diżinformazzjoni; jitlob kooperazzjoni mtejba bejn id-DĠ ITEC, id-DĠ SAFE u d-DĠ COMM biex jidentifikaw, jimmonitorjaw u jirreaġixxu kif xieraq, fil-pront u biċ-ċar għall-kampanji ta' diżinformazzjoni, b'mod partikolari fuq il-midja soċjali; jitlob kooperazzjoni kontinwa mal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna rigward id-diżinformazzjoni;
16. Jappoġġja l-istabbiliment ta' Europa Experiences fl-Istati Membri kollha sal-2024; jappoġġja l-amministrazzjoni fil-politika tagħha maħsuba biex timmassimizza s-sinerġiji; jistenna li l-impatt baġitarju fit-tul tal-Europa Experiences f'termini ta' spejjeż operattivi jiġi ppreżentat lill-Kumitat għall-Baġits kemm jista' jkun malajr; ifakkar li l-Europa Experiences għandhom jippermettu liċ-ċittadini kollha jifhmu aħjar il-funzjonament tal-istituzzjonijiet Ewropej u għalhekk huma parti integrali mill-pjan ta' komunikazzjoni għall-kampanja elettorali; ifakkar li huwa tal-akbar importanza li l-Parlament kontinwament jinvolvi ruħu maċ-ċittadini tal-Unjoni permezz ta' mezzi varji ta' komunikazzjoni, fl-ispirtu ta' djalogu politiku b'diversi aspetti, mhux biss matul is-sena tal-elezzjonijiet iżda matul il-leġiżlatura kollha kemm hi; jemmen li l-posponiment ta' kwalunkwe proġett għandu jiġi deċiż abbażi ta' kriterji stabbiliti li fosthom il-bilanċ ġeografiku fost l-Istati Membri għandu jkun ta' importanza kbira; itenni l-ħtieġa li l-Parlament, f'kollaborazzjoni mal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, ikun preżenti b'kampanji ta' informazzjoni attiva fil-pajjiżi li applikaw formalment biex jissieħbu fl-Unjoni, jiġifieri r-Repubblika tal-Moldova, l-Ukrajna u l-Ġeorġia;
17. Jistieden lis-Segretarju Ġenerali jagħti l-informazzjoni kollha kif jirrikjedi l-Artikolu 266(6) tar-Regolament Finanzjarju b'relazzjoni mas-self ta' EUR 37,9 miljun propost biex jiffinanzja x-xiri tal-bini tal-Europa Experience f'Dublin kemm jista' jkun malajr;
18. Iqis li l-Uffiċċji ta' Kollegament tal-Parlament Ewropew (EPLOs) għandhom jinvolvu ruħhom aktar ma' ċittadini ta' kull età; jitlob lill-Parlament biex joħloq aktar laqgħat u avvenimenti bejn il-Membri u ċ-ċittadini fil-livell lokali permezz tal-EPLOs tiegħu; itenni l-ħtieġa li l-EPLOs jipprovdu lill-Membri b’appoġġ adegwat għall-istabbiliment ta' aġendi tal-laqgħat u avvenimenti;
19. Iqis li l-EPLOs għandhom jipprovdu wkoll informazzjoni f'lingwi barranin lill-komunitajiet Ewropej li jgħixu f'pajjiżi Ewropej oħra; jissottolinja l-ħtieġa li l-EPLOs jinvolvu ruħhom f'azzjonijiet ulterjuri rigward l-edukazzjoni ċivika u l-parteċipazzjoni fil-komunitajiet lokali, l-iskejjel jew l-universitajiet.
20. Jitlob biex ikun hemm servizz iddedikat għall-anzjani li jenfasizza l-programmi u l-politiki tal-Unjoni li jkun ta' benefiċċju għat-tixjiħ attiv;
L-ekoloġizzazzjoni u l-indipendenza enerġetika
21. Itenni l-konvinzjoni tiegħu li l-Parlament jeħtieġ li jkun minn ta' quddiem nett fl-adozzjoni ta' metodi ta' ħidma u prattiki ta' laqgħat aktar diġitali, flessibbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, billi jittieħdu t-tagħlimiet mill-esperjenzi tal-pandemija tal-COVID-19 u jiġu kapitalizzati l-investimenti teknoloġiċi li diġà ġew implimentati; jitlob għal valutazzjoni strateġika tal-kost tal-politika immobiljari, b'mod partikolari billi jitqiesu l-modi ġodda ta' ħidma, bħat-telexogħol, li kienu konsegwenza tal-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li jkun rikonoxxut li l-preżenza fiżika għal negozjati politiċi, dibattiti jew skambju ta' fehmiet għadha aktar effiċjenti għat-tfassil tal-politika pubblika; jesprimi tħassib dwar il-kwalità mhux uniformi tal-faċilitajiet ta' interpretazzjoni u l-problemi tekniċi bl-Interactio; jappella biex isir investiment urġenti u mmirati biex jiġi żgurat l-ogħla livell possibbli ta' multilingwiżmu; jenfasizza li wara l-kriżijiet politiċi, tas-saħħa u ekonomiċi, l-ispejjeż tal-enerġija żdiedu drastikament u b'konsegwenzi fit-tul; jitlob li jitqies l-impatt finanzjarju fuq il-bini tal-Parlament; jirrakkomanda li l-ippjanar tal-baġit annwali jqis ir-rinnovazzjoni regolari tal-bini kollu; jirrimarka li tali allokazzjoni tifforma parti minn politika immobiljari proattiva, li trid tiffoka fuq ir-rinnovazzjoni ekoloġika tal-istokk tal-bini u tiggarantixxi li l-Parlament jistinka biex jimmassimizza l-effiċjenza enerġetika, biex b'hekk inaqqas il-konsum tal-enerġija u l-ispiża tal-faċilitajiet tal-Parlament; f'dak ir-rigward, jissottolinja l-ħtieġa li l-bini Trèves I jiġi aġġornat għall-aħħar normi enerġetiċi u ambjentali; ifakkar fl-importanza ta' proċess deċiżjonali trasparenti u ġust fil-qasam tal-politika immobiljari, b'kunsiderazzjoni dovuta għall-Artikolu 266 tar-Regolament Finanzjarju rigward il-politika immobiljari tal-Parlament; ifakkar fid-deċiżjoni tal-Bureau tat-2 ta' Lulju 2018 dwar ir-riabilitazzjoni tal-bini Paul-Henri Spaak; jitlob lill-Bureau jgħarraf id-deċiżjoni tiegħu dwar dak il-bini b'mod f'waqtu;
22. Ifakkar li, fil-laqgħa tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2019, il-Bureau approva l-miri aġġornati tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni ambjentali tal-EMAS bid-data ta' mira unifikata tal-2024, inkluż tnaqqis, mil-livelli tal-2006, ta' 40 % tal-emissjonijiet totali tal-karbonju; ifakkar li l-istrateġija ta' nofs it-terminu tal-EMAS tinkludi klawżola ta' rieżami biex tiżdied l-ambizzjoni ambjentali abbażi tal-prestazzjoni osservata; jitlob reviżjoni 'l fuq tal-miri tal-EMAS għall-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni peress li ħafna mill-miri stabbiliti fl-2019 diġà ntlaħqu, kif ukoll fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19 u l-ħtieġa li jitħaffu l-miżuri tal-effiċjenza enerġetika u li titnaqqas id-dipendenza tagħna fuq il-gass; itenni t-talba tiegħu biex jiġi emendat il-pjan attwali tiegħu għat-tnaqqis tas-CO2 biex tintlaħaq in-newtralità karbonika bl-użu ta' metodu rikonoxxut internazzjonalment meta jkun ġie vvalidat bħala, pereżempju, mekkaniżmu ta' Pprezzar Intern tal-Karbonju li permezz tiegħu l-kumpaniji volontarjament jipprezzaw l-impronta tal-karbonju tagħhom u b'hekk jagħtu valur lill-emissjonijiet tagħhom ta' gassijiet serra;
23. Ifakkar li kważi żewġ terzi tal-impronta tal-karbonju tal-Parlament joriġinaw mit-trasport ta' persuni u oġġetti; jappella għall-promozzjoni ta' modi ta' trasport b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju għall-missjonijiet; itenni t-twemmin tiegħu li d-deċiżjonijiet dwar l-ivvjaġġar iridu jqisu l-importanza tal-preżenza parlamentari, it-tħassib dwar is-saħħa, il-prezz u l-ħin meħtieġ; jissottolinja li l-ivvjaġġar ta' ħafna Membri mill-kostitwenzi tagħhom lejn il-postijiet tax-xogħol tal-Parlament jirrikjedi vjaġġi twal u jista' jsir biss bl-ajruplan; ifakkar ukoll fl-għan tal-Parlament li jkompli jnaqqas l-emissjonijiet tiegħu u jissottolinja li t-titjiriet diretti u biljetti flessibbli tal-ajru huma l-għażla li tippermetti l-mod tal-ivvjaġġar bl-ajru meħtieġ li jniġġes l-inqas;
24. Jistieden lill-Amministrazzjoni tkompli tistudja l-iffrankar tal-ispejjeż u l-effiċjenzi tal-konsum; jappella għal pjan direzzjonali għat-tneħħija gradwali tal-fjuwils fossili; jistieden lill-Parlament ikompli jżid is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fit-taħlita enerġetika tiegħu u b'mod partikolari l-produzzjoni tal-enerġija u jistenna l-installazzjoni ta' pannelli fotovoltajċi tal-ogħla livell fuq il-bjut biex jinkiseb l-ogħla potenzjal possibbli; jilqa' l-investiment li qed isir bħalissa; itenni l-istedina tiegħu lis-servizzi tal-Parlament biex ikomplu jnaqqsu l-konsum tal-karti billi jersqu lejn ambjent mingħajr karti, kollettiv u online għal-laqgħat kollha, kif ukoll billi jimplimentaw aktar arranġamenti għall-firma elettronika, u jiffukaw biex iżommu t-tnaqqis fin-"normalità ġdida"; itenni t-talba tiegħu biex titwettaq analiżi ta' soluzzjonijiet alternattivi għall-bagolli f'konformità mal-objettiv tal-EMAS għal Parlament "mingħajr karti" kemm jista' jkun malajr; jistenna li l-prinċipji tal-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel u tal-Ekonomija Ċirkolari jiġu applikati għall-investimenti kollha, inklużi dawk diġitali, u għad-deċiżjonijiet ta' ġestjoni; jitlob sforzi msaħħa biex tiġi implimentata bis-sħiħ l-istrateġija tal-immaniġġjar tal-iskart tal-Parlament f'konformità mal-prinċipji tal-ġerarkija tal-iskart; iqis li s-sensibilizzazzjoni internament, anke permezz ta' taħriġ speċifiku, hija essenzjali biex jinkisbu riżultati sodisfaċenti u tippermetti l-aġġornament tal-miri tal-EMAS f'dak il-qasam; jitlob l-implimentazzjoni sħiħa ta' miżuri biex il-Parlament ikun ħieles mill-plastik li jintuża darba biss hekk kif aktar nies qed jirritornaw għax-xogħol u jużaw is-servizzi tal-forniment tal-ikel fil-Parlament;
25. Jilqa' t-titjib fl-infrastruttura tar-roti fil-bini tal-Parlament; iħeġġeġ lis-servizzi jkomplu jtejbu dik l-infrastruttura billi jimmodernizzaw il-faċilitajiet tal-parkeġġ tar-roti inkluż għar-roti tal-merkanzija fil-bini kollu, u billi joħolqu inċentivi addizzjonali għall-ivvjaġġar bir-roti; jilqa' l-isforzi tal-Parlament biex jippromwovi t-trasport pubbliku permezz tal-politika l-ġdida tiegħu dwar il-parking, billi jżid l-għotjiet għall-abbonamenti tat-trasport pubbliku u jippromwovi l-użu tal-vetturi elettriċi permezz tal-installazzjoni ta' stazzjonijiet tal-iċċarġjar elettriku; jitlob, f'dak il-kuntest, żieda xierqa fl-għadd ta' ċarġers tal-vetturi elettriċi f'konformità mad-domanda preżenti u futura fi Brussell, fi Strasburgu u fil-Lussemburgu; jinnota li l-politika attwali dwar il-parkeġġ ma tipprovdix inċentivi finanzjarji għal mobilità attiva; jistieden lis-servizzi jevalwaw is-suċċess tal-politika l-ġdida dwar il-parkeġġ u jintroduċu aktar inċentivi mmirati fejn meħtieġ;
26. Itenni t-talba tiegħu lill-Parlament, bħala impjegatur ewlieni, biex ikollu rwol attiv fid-dibattiti u l-konsultazzjonijiet dwar l-ippjanar urban b'enfasi speċjali fuq il-promozzjoni tal-mobilità attiva permezz ta' infrastruttura sikura, komda u kontinwa, it-titjib tal-benesseri permezz ta' spazju pubbliku ta' kwalità, u l-adattament għat-tibdil fil-klima bl-evitar ta' heat islands; jenfasizza l-opportunitajiet għal djalogu offruti fil-kuntest tal-pjan ta' Brussell GoodMove u l-pjan li jsegwi l-Plan d'Aménagement Directeur Loi, iżda wkoll fir-rigward tal-iżvilupp ulterjuri tal-hekk imsejjaħ Archipel fil-viċinat ta' Wacken ġewwa Strasburgu, u r-relazzjonijiet li għaddejjin mal-Fonds Kirchberg ġewwa l-Lussemburgu;
Kwistjonijiet oħrajn
27. Jinnota li fuq l-inizjattiva tal-ex President Sassoli, gruppi ta' riflessjoni dwar "Rivalutazzjoni tad-Demokrazija Parlamentari - Parlament Ewropew aktar b'saħħtu wara l-COVID-19" iddiskutew il-futur tal-ħidma fi ħdan il-Parlament bejn April u Lulju 2021 relatata ma' kull wieħed mill-oqsma ta' azzjoni tagħhom: il-plenarja, il-prerogattivi parlamentari, il-komunikazzjoni, id-diplomazija esterna u l-organizzazzjoni interna; jilqa' l-fatt li l-gruppi ta' riflessjoni ppreżentaw rapport finali li jinkludi rakkomandazzjonijiet, li l-implimentazzjoni tagħhom se tiġi diskussa mill-Bureau filwaqt li tingħata l-attenzjoni dovuta għall-ispiża tagħha, jekk ikun meħtieġ jiġi involut il-Kumitat dwar il-Baġits fil-valutazzjoni minn qabel tiegħu;
28. Ifakkar fl-appoġġ tal-maġġoranza tal-Membri għal sede waħda; ifakkar fil-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet sabiex jiġu ottimizzati l-ħidma istituzzjonali, l-ispejjeż finanzjarji u l-impronta tal-karbonju tal-Parlament; ifakkar li skont it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew għandu jkollu s-sede tiegħu fi Strasburgu; jinnota li bidliet permanenti jkunu jeħtieġu bidla fit-Trattat;
29. Itenni t-talba tiegħu lill-Bureau, adottata fil-livell tal-Plenarja f'diversi okkażjonijiet, biex tinbeda l-ħidma fuq ir-reviżjoni tar-Regoli ta' Proċedura li tippermetti lill-Membri jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw b'mod remot, waqt li jkunu qed jibbenefikaw mil-liv tal-maternità jew tal-paternità, waqt mard fit-tul jew f'każijiet ta' force majeure; jieħu nota tal-bidliet fir-Regoli ta' Proċedura tal-20 ta' Diċembru 2020 li jippermettu l-votazzjoni remota; jesprimi dispjaċir li l-votazzjoni remota fil-kumitat bħalissa mhijiex prevista skont ir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament sakemm il-President ma jistabbilix l-eżistenza ta' ċirkostanzi straordinarji;
30. Itenni t-talba tiegħu lis-Segretarju Ġenerali biex jinsisti dwar l-importanza li kull reklutaġġ ikun ibbażat fuq il-kompetenza, filwaqt li jirrispetta l-ħtieġa ta' bilanċ ġeografiku bejn l-Istati Membri kollha fil-livelli kollha tal-persunal; jinsab imħasseb dwar id-diffikultajiet li nqalgħu biex jiġu rreklutati ċerti nazzjonalitajiet u biex jitressqu ċerti profili ta' xogħol internament; jitlob aktar sforzi biex jiġi żgurat li l-impjieg fil-Parlament ikun attraenti ndaqs għan-nazzjonalitajiet kollha tal-Unjoni filwaqt li jibqa' bbażat fuq proċessi objettivi; jistieden lill-Parlament jibni l-ħila tiegħu li jilħaq in-nies, bl-għan li jiġbed lejn il-kompetizzjonijiet il-kandidati ta' kwalità meħtieġa mill-Parlament, f'termini ta' profil, età, ġeneru u nazzjonalità, u speċjalment minn pajjiżi sottorappreżentati; fir-rigward tar-reklutaġġ ta' persunal ġdid, jitlob lis-Segretarju Ġenerali jissimplifika l-passi amministrattivi u jqassar il-proċess;
31. Jistieden lill-Parlament iwettaq valutazzjonijiet regolari tal-ħtiġijiet tal-organizzazzjoni u tal-persunal tas-Segretarjat tiegħu, jalloka mill-ġdid il-postijiet tax-xogħol battala bejn id-direttorati sabiex iwettaq kompiti ġodda f'livelli kostanti ta' persunal;
32. Jistieden lis-Segretarju Ġenerali jivvaluta r-riskji relatati mal-impjieg ta' għadd dejjem jikber ta' aġenti kuntrattwali, inkluż il-periklu li tinħoloq struttura tal-persunal b'żewġ livelli fi ħdan il-Parlament;
33. Jilqa' l-miżuri meħuda mid-DĠ INLO matul il-pandemija tal-COVID-19, immirati lejn il-mitigazzjoni tar-riskji ta' kontaġju fil-bini tal-Parlament u l-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-miżuri konkreti ta' solidarjetà deċiżi mill-Bureau;
34. Itenni li madwar 50 miljun persuna jappartjenu għal diversi minoranzi lingwistiċi u komunitajiet fl-Unjoni; ifakkar li l-Parlament iħeġġeġ l-involviment u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, inklużi l-minoranzi nazzjonali, reġjonali u lingwistiċi, fl-Unjoni; ifakkar li l-Parlament jappoġġja bil-qawwa l-multilingwiżmu u jippromwovi d-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali, reġjonali u lingwistiċi; iqis li l-Parlament jista' jikkontribwixxi b'mod attiv għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni billi jipprovdi informazzjoni wkoll fil-lingwi tal-minoranzi u tal-komunitajiet lingwistiċi, fejn xieraq; iħeġġeġ lill-Bureau jikkunsidra li jappoġġja attivitajiet ta' komunikazzjoni li jkunu konformi mal-ħtiġijiet tal-minoranzi nazzjonali, reġjonali u lingwistiċi fl-Istati Membri;
35. Jistieden lis-Segretarju Ġenerali janalizza l-fattibbiltà tal-introduzzjoni tal-interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali internazzjonali għad-dibattiti plenarji kollha, f'konformità mat-talbiet adottati mill-Plenarja, u jimplimenta din id-deċiżjoni fid-dawltal-prinċipju ta' aċċess ugwali għaċ-ċittadini kollha;
36. Jinsab imħasseb dwar il-kwalità tar-Reġistru tat-Trasparenza tal-UE; ifakkar li, skont ir-Rapporti Annwali tar-Reġistru ta' Trasparenza, madwar nofs l-entrati kollha fir-Reġistru huma żbaljati; jitlob lill-Parlament jieħu miżuri biex iżid l-eżattezza tar-Reġistru kif ukoll biex jimmonitorjah b'mod regolari fir-rigward tal-entitajiet li jirrappreżentaw l-interessi ta' persuni u entitajiet sanzjonati u jipproċedi għat-tneħħija immedjata tagħhom sabiex ikun jista' jissodisfa l-iskop tiegħu li jipprovdi aktar trasparenza tal-attivitajiet tar-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess; itenni t-talba tiegħu li l-Parlament jabbozza rapport annwali dettaljat dwar ir-rappreżentanti ta' interess u organizzazzjonijiet oħra li jkunu ngħataw aċċess għall-bini tal-Parlament, u jippubblikah f'konformità mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data(8);
37. Ifakkar li l-Parlament ivvota f'diversi okkażjonijiet biex jirriforma l-Allowance għall-Ispejjeż Ġenerali (GEA); jistieden lill-Bureau jevalwa d-deċiżjoni tiegħu tal-2019 dwar il-GEA abbażi tal-esperjenza miksuba matul id-9 leġiżlatura parlamentari u jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex iżid it-trasparenza u r-responsabbiltà; jilqa' t-tħabbira mill-President li twaqqaf Grupp ta' Ħidma ad hoc tal-Bureau dwar l-Allowance għall-Ispejjeż Ġenerali biex jaħdem fuq ir-reviżjoni tar-regoli preċedenti;
38. Itenni, fil-kuntest tal-proċedura ta' reviżjoni għaddejja bħalissa tad-Dispożizzjonijiet ġenerali ta' implimentazzjoni dwar ir-rimborż tal-ispejjeż tal-missjonijiet u tal-ivvjaġġar fuq xogħol u r-regoli interni li jirregolaw il-missjonijiet u l-ivvjaġġar fuq xogħol minn uffiċjali u aġenti oħra tal-Parlament Ewropew, ir-rieda tal-Plenarja espressa f'diversi okkażjonijiet dwar l-ammont tal-allowances imħallsa lill-assistenti akkreditati għall-missjonijiet li jwettqu bejn it-tliet postijiet tax-xogħol tal-Parlament bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-Bureau jallinjaha fil-livell tas-sistemi ta' allowances għall-impjegati taċ-ċivil u aġenti oħra;
39. Jistieden għal darb'oħra lill-Konferenza tal-Presidenti u lill-Bureau jirrevedu rispettivament id-Dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni li jirregolaw il-ħidma tad-delegazzjonijiet u l-missjonijiet barra l-Unjoni Ewropea u d-deċiżjoni "Missjonijiet tal-Kumitati barra t-tliet postijiet tax-xogħol"; jissottolinja li tali reviżjoni għandha tqis il-possibbiltà li l-assistenti akkreditati, soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet, jakkumpanjaw lill-Membri f'delegazzjonijiet u f'missjonijiet uffiċjali tal-Parlament;
40. Ifakkar fl-Artikolu 27(1) u (2) tal-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew(9) li jiddikjara li "l-fond għall-pensjoni volontarja mwaqqaf mill-Parlament Ewropew għandu jinżamm wara d-dħul fis-seħħ ta' dan l-Istatut għall-Membri jew ex Membri li diġà kisbu drittijiet jew jeddijiet futuri f'dak il-fond" u li "drittijiet miksuba u drittijiet futuri għandhom jinżammu fl-intier tagħhom"; jinnota li, skont is-Servizz Legali tal-Parlament, minn żewġ sentenzi jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma li d-drittijiet miksuba bħala tali, tal-Membri li diġà ssodisfaw il-kundizzjonijiet kollha meħtieġa biex jakkwistaw id-dritt għall-pensjoni volontarja addizzjonali, huma protetti bis-sħiħ skont il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni; jinnota, madankollu, li s-sentenzi jikkonfermaw ukoll li dan ma jżommx lill-Bureau milli jimmodifika l-kundizzjonijiet kif ukoll il-modalitajiet ta' dan il-grupp ta' Membri bil-kundizzjoni li l-prinċipju tal-proporzjonalità jiġi rrispettat kif xieraq, kif ukoll għal dawk il-Membri li għadhom ma ssodisfawx il-kundizzjonijiet kollha biex jakkwistaw id-drittijiet tal-pensjoni u li għalhekk għandhom biss intitolamenti futuri skont l-iskema tal-pensjoni; iħeġġeġ għalhekk lill-Bureau u lill-amministrazzjoni biex jipproponu b'mod urġenti soluzzjoni futura adattata li tqis is-sitwazzjoni tal-pensjoni u tal-għajxien tal-Membri u l-ex Membri intitolati kif ukoll il-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba u l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja; jistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha biex isibu minnufih soluzzjoni sostenibbli u fattibbli;
41. Jilqa' l-politika tal-Parlament li għandha l-għan li tiżgura l-użu kompletament indipendenti tal-bini tal-Parlament minn persuni b'diżabilità u jappoġġa aktar miżuri u adattamenti li se jkunu meħtieġa f'dan ir-rigward;
42. Jinnota li d-deċiżjoni li titwaqqaf id-distribuzzjoni ta' ilma sħun fl-uffiċċji tal-Membri fi Brussell u Strasburgu ttieħdet mill-Kwesturi fl-24 ta' Ottubru 2017 b'rabta mar-riskju għas-saħħa li tinħoloq il-preżenza ta' batterji tal-legionella li jagħmlu l-ħsara lis-sistemi idrawliċi tal-bini li qed jeqdiemu u jiddeterjoraw;
43. Jissottolinja li l-Parlament għandu jkun ta' eżempju dwar il-politiki li niddefendu u nippromwovu bħall-ambjent, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-trasparenza;
o o o
44. Jadotta l-estimi għas-sena finanzjarja 2023;
45. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni u l-estimi lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Settembru 2005 li tadotta l-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew (2005/684/KE, Euratom) (ĠU L 262, 7.10.2005, p. 1).