Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' April 2022 dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-drittijiet tan-nisa (2022/2571(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Afganistan,
– wara li kkunsidra t-tħabbira tat-Talibani dwar il-ħolqien tal-gvern interim tal-Afganistan tas-7 ta' Settembru 2021,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2626 (2022) tan-NU tas-17 ta' Marzu 2022 dwar l-estensjoni tal-mandat tal-Missjoni ta' Assistenza tan-NU fl-Afganistan,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni għall-istampa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tas-27 ta' Marzu 2022 dwar l-Afganistan,
– wara li kkunsidra l-lista tal-finalisti għall-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb tal-Parlament Ewropew għas-sena 2021,
– wara li kkunsidra l-Jiem tan-Nisa Afgani fil-Parlament Ewropew fl-1 u t-2 ta' Frar 2022,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-President tad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-Relazzjonijiet mal-Afganistan tat-23 ta' Marzu 2022 dwar it-tħabbira min-naħa tat-Talibani biex tiġi estiża l-projbizzjoni mill-edukazzjoni għal studenti bniet mis-sitt grad 'il fuq, u d-dikjarazzjoni relatata tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tat-23 ta' Marzu 2022,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-VP/RGħ f'isem l-Unjoni Ewropea tat-28 ta' Marzu 2022 li titlob il-ftuħ mill-ġdid immedjat tal-iskejjel sekondarji għall-bniet,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 dwar ir-Rifuġjati,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,
– wara li kkunsidra l-Patt Globali tan-NU għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari u l-Patt Globali tan-NU dwar ir-Rifuġjati, li segwew id-Dikjarazzjoni ta' New York għar-Rifuġjati u l-Migranti adottata unanimament mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-19 ta' Settembru 2016,
– wara li kkunsidra l-linji gwida tematiċi tal-UE dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, u dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontrihom,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Ministeru tal-Edukazzjoni tat-Talibani ħabbar f'dikjarazzjoni tal-21 ta' Marzu 2022 li "huwa impenjat lejn id-dritt għall-edukazzjoni taċ-ċittadini kollha tiegħu" u kien qed jaħdem biex "jelimina kull tip ta' diskriminazzjoni";
B. billi l-awtoritajiet de facto tal-Afganistan fil-15 ta' Jannar 2022 wiegħdu li se jippermettu lill-bniet jirritornaw l-iskola fil-livelli kollha wara l-bidu tas-sena skolastika l-ġdida fit-tieni nofs ta' Marzu 2022;
C. billi l-bniet fl-Afganistan kellhom jirritornaw l-iskola fit-23 ta' Marzu 2022; billi t-Talibani estendew b'mod indefinit il-projbizzjoni li l-istudenti nisa jitħallew jattendu s-seba' grad 'l fuq sakemm ikunu jistgħu jiddeċiedu liema uniformijiet huma l-iktar xierqa għall-bniet; billi dan iċaħħad lil iktar minn miljun tifla mill-edukazzjoni fil-livell sekondarju u huwa ksur tad-dritt fundamentali għall-edukazzjoni għat-tfal kollha, kif minqux fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;
D. billi l-Afganistan huwa kklassifikat fl-aħħar post fl-Indiċi Globali tan-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, u b'hekk huwa l-iktar pajjiż perikoluż għan-nisa; billi skont il-Proċeduri Speċjali tan-NU, il-mexxejja Talibani qed jippruvaw ineħħu n-nisa u l-bniet mill-ħajja pubblika permezz ta' diskriminazzjoni sistematika abbażi tal-ġeneru u vjolenza;
E. billi mindu ħadu f'idejhom il-pajjiż fil-15 ta' Awwissu 2021, it-Talibani għalqu l-Ministeru għall-Affarijiet tan-Nisa u stabbilew mill-ġdid lill-eks Ministeru dwar il-Vizzju u l-Virtù; billi t-Talibani abolixxew de facto l-liġijiet kollha infurzati preċedentement, inklużi dawk li jipproteġu lin-nisa, u imponew restrizzjonijiet ħorox fuq l-eżerċizzju, id-dritt għal għaqda paċifika, il-libertà ta' espressjoni u d-dritt tan-nisa għax-xogħol, l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa; billi l-Kummissjoni Indipendenti għad-Drittijiet tal-Bniedem fl-Afganistan (AIHRC) ilha magħluqa mit-teħid tal-poter mit-Talibani;
F. billi skont direttiva ġdida, in-nisa Afgani ma jistgħux jivvjaġġaw distanzi ta' iktar minn 45 mil (72 km) minn darhom mingħajr ma jkunu akkumpanjati minn qarib raġel; billi din id-direttiva ssegwi direttiva maħruġa f'Novembru 2021 li pprojbiet lill-istazzjonijiet televiżivi milli jxandru programmi b'atturi nisa;
G. billi l-protesti paċifiċi għad-drittijiet tan-nisa fl-Afganistan qed jitrażżnu bil-forza; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem inħatfu u ma ġiet kondiviża l-ebda informazzjoni dwar fejn jinsabu minkejja l-appelli ripetuti għar-rilaxx tagħhom; billi dawk li nħelsu mill-kustodja għadhom jibżgħu għal ħajjithom;
H. billi l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem qed jiġi rrappurtat kuljum, inklużi arresti, detenzjoni, ħtif, tortura, theddid, estorsjoni, qtil ekstraġudizzjarju, u attakki fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-membri tal-familja tagħhom; billi għad hemm nuqqas sħiħ ta' obbligu ta' rendikont għal tali ksur; billi d-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem ġew affettwati b'mod speċjali; billi l-gruppi ta' minoranza, bħall-komunità Hazara, ġew fil-mira b'mod speċifiku;
I. billi l-faqar wassal biex il-familji Afgani jorganizzaw żwiġijiet u jiġbru doti għal uliedhom u billi kien hemm żieda ta' 500 % fiż-żwiġijiet tat-tfal fl-Afganistan mill-implimentazzjoni tal-projbizzjoni skolastika għall-bniet; billi qabel it-teħid tal-poter mit-Talibani, 35 % tal-bniet kienu miżżewġin qabel l-età ta' 18-il sena, u 9 % qabel l-età ta' 15-il sena;
J. billi l-Afganistan għandu waħda mill-ogħla rati ta' mortalità tat-trabi fid-dinja, fejn eluf ta' nisa qed imutu kull sena minn kawżi relatati mat-tqala li faċilment jistgħu jiġu evitati; billi s-sitwazzjoni soċjoekonomika, li diġà kienet prekarja qabel it-teħid tal-poter mit-Talibani, iddeterjorat b'mod drammatiku taħt l-amministrazzjoni de facto u l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19, nixfiet severi u xitwa ħarxa;
K. billi l-kriżi umanitarja fl-Afganistan hija waħda mill-kriżijiet li qed jiddeterjoraw l-iktar malajr fid-dinja u qed taffettwa b'mod sproporzjonat lin-nisa u l-bniet; billi kważi 100 % tal-unitajiet domestiċi Afgani mmexxija min-nisa qed jiffaċċjaw nuqqas ta' sigurtà tal-ikel; billi l-politiki l-ġodda introdotti mill-gvern tat-Talibani affettwaw ħafna l-kapaċità tan-nisa li jaqilgħu l-għajxien tagħhom, u dan faqqarhom iktar, filwaqt li ħafna nisa kapijiet ta' unità domestika ntlaqtu b'mod partikolarment iebes;
L. billi skont ir-rapport ta' Marzu 2022 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, iktar minn 1,258 miljun Afgan ħarbu minn pajjiżhom fl-2021, id-doppju ta' dawk li ħarbu f'dawn l-aħħar snin; billi fl-istess ħin, in-numru ta' persuni spustati internament li rritornaw lejn darhom ittrippla, u fl-2021 laħaq rekord ta' 3,06 miljun ritorn; billi fir-reġjun kollu, kważi 5 miljun Afgan għadhom spustati barra mill-pajjiż, u 90 % minnhom huma ospitati fil-Pakistan u fl-Iran;
M. billi skont il-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati, 35 % tan-nisa u l-bniet irrappurtaw li ma jħossuhomx sikuri minħabba l-vjolenza abbażi tal-ġeneru meta jfittxu rifuġju fil-pajjiżi ġirien tal-Iran u l-Pakistan; billi 70 % biss tal-bniet huma rreġistrati fi skejjel hemmhekk, meta mqabbla ma' 92 % tas-subien;
N. billi l-UE żiedet l-appoġġ tagħha lill-popolazzjoni billi nediet proġetti li jiswew iktar minn EUR 268,3 miljun li jiffukaw fuq iż-żamma tal-edukazzjoni, is-sostenn tal-għajxien u l-protezzjoni tas-saħħa pubblika; billi dawn il-proġetti huma parti mill-pakkett globali ta' appoġġ tal-UE ta' EUR 1 biljun imħabbar mill-Kummissjoni f'Ottubru 2021, li jinkludi għajnuna għar-rifuġjati, il-migranti u l-persuni spustati internament u appoġġ lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;
O. billi skont Reporters Without Borders, 231 stabbiliment tal-midja ngħalqu fl-Afganistan, li jammonta għal 40 % tal-ħwienet totali fil-pajjiż; billi 80 % tas-6 400 ġurnalist li tilfu l-impjieg tagħhom huma nisa; billi ġew imposti restrizzjonijiet li jipprojbixxu l-midja lokali u internazzjonali, bħall-BBC, u l-ġurnalisti ġew arrestati, detenuti u msawta;
P. billi s-sanzjonijiet kontra entitajiet u individwi relatati mat-Talibani m'għandhomx jipprevjenu tranżazzjonijiet finanzjarji relatati mal-assistenza umanitarja u l-forniment ta' servizzi bażiċi minn organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs);
Q. billi sal-15 ta' Awwissu 2021, taħt dik li kienet ir-Repubblika tal-Afganistan, in-nisa avvanzaw f'pożizzjonijiet ta' livell għoli bħal Membri tal-Parlament, Ministri, imħallfin, gvernaturi, avukati u ambaxxaturi; billi l-forzi Talibani neħħew bil-forza uffiċjali leġittimi tal-gvern preċedenti u ma inkludewx lin-nisa fil-gvern de facto l-ġdid mhux rikonoxxut tagħhom; billi dawn l-awtoritajiet de facto m'għandhomx rappreżentanza inklużiva tas-soċjetà diversa tal-Afganistan;
R. billi l-aġenziji tal-intelligence wissew li l-Afganistan jeħtieġlu ma jsirx rifuġju sikur għall-gruppi terroristiċi;
1. Huwa mħasseb ħafna dwar il-kriżi umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem li ilha għaddejja fl-Afganistan mit-teħid tal-poter mit-Talibani; itenni s-solidarjetà soda tiegħu mal-poplu tal-Afganistan u l-impenn tiegħu fil-konfront tal-poplu Afgan; jisħaq li d-drittijiet u l-libertajiet bażiċi li l-poplu Afgan gawda matul dawn l-aħħar 20 sena għandhom jiġu rrispettati;
2. Jikkundanna l-fatt li s-sitwazzjoni tan-nisa u tal-bniet fl-Afganistan ilha tiddeterjora b'mod kostanti mit-teħid tal-poter mit-Talibani; jikkundanna l-enfasi persistenti tat-Talibani biex ineħħu lin-nisa u lill-bniet mill-ħajja pubblika u jċaħħduhom mill-iktar drittijiet fundamentali tagħhom inkluż d-dritt għall-edukazzjoni, ix-xogħol u l-kura tas-saħħa;
3. Jikkundanna, bl-aktar mod qawwi, id-deċiżjoni tat-Talibani li jipposponu r-ritorn lejn l-iskola tal-bniet 'l fuq mis-sitt grad b'mod indefinit, minkejja l-impenn preċedenti tagħhom li jippermettu lil kull ċittadin jaċċessa l-edukazzjoni; iħeġġeġ lit-Talibani jreġġgħu lura d-deċiżjonijiet u r-restrizzjonijiet tagħhom immirati speċifikament lejn in-nisa u l-bniet u jiftħu mill-ġdid il-Ministeru għall-Affarijiet tan-Nisa;
4. Jisħaq fuq il-fatt li l-aċċess għall-edukazzjoni għan-nisa u l-bniet jeħtieġ, min-naħa tal-UE u l-Istati Membri tagħha, jikkostitwixxi kundizzjoni essenzjali għal kwalunkwe impenn ulterjuri mal-awtoritajiet Afgani de facto;
5. Jistieden lit-Talibani jżommu l-impenn tagħhom li jiżguraw id-dritt għall-edukazzjoni għaċ-ċittadini Afgani kollha, inklużi n-nisa u l-bniet;
6. Jiddeplora r-repressjoni min-naħa tat-Talibani tal-protesti paċifiċi favur id-drittijiet tan-nisa fl-Afganistan; jitlob il-ħelsien immedjat tal-uffiċjal tal-pulizija mara Alia Azizi, li ġiet arrestata f'Herat f'Ottubru 2021, kif ukoll il-ħelsien ta' kwalunkwe attivisti oħra tad-drittijiet tan-nisa li jistgħu jiġu arrestati, u li l-intimidazzjoni u l-fastidju ta' dawn l-attivisti jitwaqqfu; jitlob li jintemmu l-fastidji, it-theddid u l-attakki kontra l-għalliema u l-istudenti;
7. Jappella lill-awtoritajiet de facto jiggarantixxu lin-nisa u lill-bniet kollha d-drittijiet sħaħ u l-aċċess għall-kura tas-saħħa riproduttiva madwar l-Afganistan;
8. Jesprimi tħassib serju li mindu t-Talibani ħadu il-poter f'idejhom, in-nisa u l-bniet ġew iffaċċjati b'riskju akbar ta' sfruttament, inkluż ir-riskju li jiġu ttraffikati għall-finijiet ta' żwieġ furzat, sfruttament sesswali u xogħol furzat; jikkundanna l-vjolenza u d-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru;
9. Jistieden lill-awtoritajiet Afgani de facto biex jiffurmaw gvern inklużiv li jinvolvi lin-nisa fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet fil-livelli kollha; jinsisti fuq il-ħtieġa li tiġi żviluppata strateġija ġdida tal-UE għall-Afganistan li tkun adattata għas-sitwazzjoni tan-nisa u tal-bniet fil-pajjiż sabiex jiġu promossi b'mod konkret id-drittijiet tan-nisa u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja pubblika;
10. Ifakkar li l-UE għandha pożizzjoni soda fir-rigward ta' kwalunkwe impenn politiku mat-Talibani, iggwidata minn parametri referenzjarji tematiċi għal involviment ibbażat fuq il-prinċipji ta' aderenza mad-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd u l-istat tad-dritt; huwa tal-fehma li, mill-15 ta' Awwissu 2021 'il hawn, kien hemm biss deterjorament f'dawn il-parametri referenzjarji, li ma jista' jiġġustifika ebda rikonoxximent de facto ta' gvern tat-Talibani;
11. Jilqa' r-Riżoluzzjoni 2626 (2022) tan-NU, li ġiet adottata fis-17 ta' Marzu 2022 u li estendiet il-mandat tal-Missjoni ta' Assistenza tan-NU fl-Afganistan; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, jappoġġjaw il-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għall-Afganistan, inkluż billi jiddjalogaw mal-atturi u l-partijiet ikkonċernati rilevanti Afgani kollha biex jiġi żgurat il-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel għall-istudenti bniet kollha mingħajr aktar dewmien;
12. Jieħu nota tat-taħditiet ta' Oslo ta' Jannar 2022 bejn l-uffiċjali Ewropej u dawk tal-Istati Uniti u delegazzjoni tat-Talibani, kif ukoll it-tħassir reċenti min-naħa tal-Istati Uniti tat-Taħditiet ta' Doha b'reazzjoni għad-deċiżjoni tat-Talibani li ma jerġgħux jiftħu l-iskejjel għall-bniet; jenfasizza li kwalunkwe taħditiet nazzjonali ulterjuri mat-Talibani għandhom jinkludu rappreżentanti nisa Afgani;
13. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw u jipproteġu lil dawk li qed jaħarbu mill-Afganistan; itenni l-ħtieġa li jiġi garantit l-istatus ta' avukati nisa Afgani, mexxejja tas-soċjetà ċivili, artisti, atleti u persuni vulnerabbli oħra, speċjalment dawk li ħajjithom tinsab f'riskju, bħall-persuni LGBTQI+; itenni t-talba tiegħu għal programm speċjali dwar il-viżi, skemi ta' risistemazzjoni msaħħa u protezzjoni garantita effettiva għar-rifuġjati Afgani;
14. Jisħaq fuq l-importanza li tiġi indirizzata l-problema tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru li jħabbtu wiċċhom magħha n-nisa u l-bniet Afgani fil-pajjiżi ospitanti, b'mod partikolari fl-Iran u fil-Pakistan, kif ukoll li jiġi żgurat li jattendu l-iskola, jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol u jkollhom aċċess għas-servizzi tas-saħħa, inklużi s-servizzi tas-saħħa mentali; ifakkar li r-rifuġjati u dawk fi tranżitu huma partikolarment esposti għar-riskju li jesperjenzaw vjolenza abbażi tal-ġeneru; jitlob għalhekk li jiġi allokat finanzjament akbar għall-organizzazzjonijiet u l-aġenziji umanitarji li jwettqu ħidma ta' protezzjoni;
15. Jappella lill-pajjiżi biex itemmu minnufih ir-ritorni ta' individwi lejn l-Afganistan jew lejn pajjiżi terzi fejn jaf ikunu f'riskju li jiġu ritornati lejn l-Afganistan; jitlob monitoraġġ mill-qrib taċ-ċittadini Afgani li diġà ġew ritornati, b'mod partikolari t-tfal;
16. Jikkundanna l-għadd dejjem jikber ta' rapporti ta' qtil, fastidju u intimidazzjoni ta' minoranzi etniċi u reliġjużi;
17. Jinsab imħasseb ħafna li t-Talibani għal darb' oħra qed jipprovdu rifuġju sikur lill-gruppi terroristiċi; jinsisti li t-Talibani u l-awtoritajiet de facto tal-Afganistan jeħtiġilhom jissodisfaw l-impenji tagħhom kontra t-terroriżmu;
18. Ifakkar fl-istruzzjoni tiegħu lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex iwassal il-messaġġ lit-tmexxija tal-Pakistan li ġġorr responsabbiltà għas-sigurtà u l-istabbiltà fl-Afganistan u li jeħtiġilha tuża l-influwenza tagħha fuq it-Talibani biex jintlaħqu dawk l-għanijiet, inkluż l-iżgurar tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem għan-nisa u l-bniet Afgani;
19. Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li l-UE ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali u tħeġġeġ ir-rwol prattiku kostruttiv tagħhom fis-sistemazzjoni tar-rifuġjati Afgani; jisħaq fuq il-fatt li din il-kooperazzjoni ma għandhiex iddgħajjef id-difiża tal-UE tal-valuri fundamentali u tal-istat tad-dritt;
20. Jenfasizza li l-ħelsien tan-nisa u tal-bniet se jibqa' ma jistax jintlaħaq sakemm tkompli l-katastrofi umanitarja; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jindirizzaw il-fatturi ewlenin tal-kriżi umanitarja li għaddejja billi jagħmlu kull sforz biex jespandu l-assistenza umanitarja, isegwu approċċ sensittiv għall-ġeneru, jerġgħu jistabbilixxu l-likwidità u jżommu servizzi soċjali bażiċi; jitlob it-tneħħija tal-iffriżar tal-assi Afgani u ż-żieda fl-appoġġ finanzjarju għal programmi bħall-assistenza mid-Direttorat Ġenerali għas-Sħubijiet Internazzjonali (DĠ INTPA), li tiffoka fuq il-ħtiġijiet bażiċi u l-għajxien u l-Fond Fiduċjarju tal-Bank Dinji għar-Rikostruzzjoni tal-Afganistan; jissottolinja li l-finanzjament umanitarju għandu jsir aċċessibbli b'mod flessibbli permezz ta' sistema bankarja li tiffunzjona u għandu jiġi pprovdut lil NGOs kredibbli u lil organizzazzjonijiet ibbażati fil-komunità li joperaw fl-Afganistan, inklużi organizzazzjonijiet lokali tan-nisa;
21. Jieħu nota tal-preżenza stabbilita mill-ġdid fuq il-post tad-Delegazzjoni tal-UE f'Kabul għall-fini tal-koordinazzjoni tal-għajnuna umanitarja u l-monitoraġġ tas-sitwazzjoni umanitarja; jissottolinja bil-qawwa li dan ma jikkostitwixxix rikonoxximent tar-reġim tat-Talibani mill-UE;
22. Jiddispjaċih għall-fatt li, fil-31 ta' Marzu 2022, id-donaturi internazzjonali, inklużi l-UE u l-Istati Membri tagħha, wiegħdu biss USD 2,44 biljun b'rispons għall-appell tan-NU ta' USD 4,4 biljun għall-Pjan ta' Rispons Umanitarju 2022 tagħha biex tingħata għajnuna umanitarja fl-Afganistan; iħeġġeġ lill-Kummissjoni talloka fondi adegwati u speċifiċi, u timplimenta, il-programmi u l-proġetti tad-drittijiet tan-nisa bħala parti minn impenn komprensiv u fit-tul għall-appoġġ tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tan-nisa fl-Afganistan;
23. Jinsisti fuq il-ħtieġa ta' aċċess umanitarju mingħajr xkiel biex jiġi żgurat li l-fondi impenjati jilħqu tassew lil dawk affettwati; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jirrevedu u jaġġustaw il-miżuri attwali kif xieraq; ifakkar li l-għajnuna umanitarja trid tkun newtrali, imparzjali, umana u indipendenti u qatt ma għandha tkun soġġetta għal ebda kundizzjonalità; jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE jwasslu b'mod konsistenti l-messaġġ li l-għoti ta' assistenza umanitarja mhuwiex kundizzjonali fuq il-ħames parametri referenzjarji tal-Kunsill għall-interazzjoni mat-Talibani;
24. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, fid-dawl tal-Avveniment ta' Livell Għoli b'Appell għal Wegħdiet ta' Donazzjonijiet tan-NU dwar l-Appoġġ għar-Rispons Umanitarju fl-Afganistan, li sar fil-31 ta' Marzu 2022, biex jieħdu passi ulterjuri bil-għan li l-għajnuna umanitarja ssir aktar trasparenti u effettiva; iqis, għalhekk, li huwa essenzjali li jiġi żgurat l-aċċess għall-finanzjament umanitarju permezz ta' sistema bankarja funzjonali sabiex jiġu pprovduti fondi lil NGOs affidabbli li jaħdmu fil-pajjiż;
25. Ifaħħar il-qlubija tal-bniet u n-nisa li jieħdu sehem fil-protesti; jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jiddjalogaw mal-awtoritajiet de facto tal-Afganistan biex jitolbu informazzjoni dwar l-attivisti tad-drittijiet tan-nisa li huma maħsuba li ġew detenuti u sparixxew, u jitolbu l-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tagħhom; jitlob li t-Talibani jwaqqfu minnufih dawn il-prattiki arbitrarji u extraġudizzjarji u jiżguraw il-libertà ta' għaqda paċifika u ta' espressjoni;
26. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-appoġġ tagħhom lill-attivisti tad-drittijiet tan-nisa fl-Afganistan u jimplimentaw bis-sħiħ il-Linji Gwida tal-UE dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż billi jiżguraw li tinżamm ir-responsabbiltà għall-ksur permezz ta' promozzjoni privata u pubblika dwar każijiet individwali;
27. Jitlob li r-Rapporteur Speċjali l-ġdid dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Afganistan jingħata biżżejjed fondi, għarfien espert u appoġġ diplomatiku biex iwettaq il-mandat tiegħu; jistieden lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU jistabbilixxi kummissjoni ta' inkjesta internazzjonali indipendenti b'mandat pluriennali u riżorsi adegwati biex tiddokumenta, tirrapporta u tiġbor evidenza ta' ksur, inkluż ksur tad-drittijiet tan-nisa;
28. Jilqa' t-tnedija tal-Forum tal-Mexxejja Nisa Afgani; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jiffaċilitaw l-organizzazzjoni tal-ewwel Konferenza Internazzjonali tan-Nisa Afgani sabiex isemmgħu leħinhom fl-Afganistan u internazzjonalment, jibnu mill-ġdid in-networks tan-nisa u jappoġġjaw il-ħidma tal-Forum tal-Mexxejja Nisa Afgani b'mod aktar inklużiv; jappoġġja l-istabbiliment tal-Università Online għall-Afgani f'Eżilju, b'appoġġ finanzjarju mill-UE;
29. Jistieden lill-membri parlamentari Afgani, lill-eks uffiċjali tal-gvern u lill-attivisti tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb għas-sena 2021, jinvolvu ruħhom b'mod attiv mad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-relazzjonijiet mal-Afganistan, il-kumitati rilevanti u korpi oħra fi sforz biex jiġi żgurat li l-politika tal-UE b'appoġġ għall-Afganistan twieġeb għall-ħtiġijiet tal-poplu Afgan;
30. Jappoġġja t-talbiet tas-soċjetà ċivili Afgana, b'mod partikolari dawk tal-parteċipanti fil-Jiem tan-Nisa Afgani fil-Parlament Ewropew, biex il-gvern de facto tat-Talibani jinżamm responsabbli għal reati preċedenti u biex l-atroċitajiet li wettaq ma jintesewx;
31. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Membri tal-Assemblea Nazzjonali Afgana, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-uffiċċju politiku tat-Talibani f'Doha.