Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2220(INL)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0083/2022

Testi mressqa :

A9-0083/2022

Dibattiti :

PV 02/05/2022 - 13
CRE 02/05/2022 - 13

Votazzjonijiet :

PV 03/05/2022 - 8.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2022)0129

Testi adottati
PDF 263kWORD 92k
It-Tlieta, 3 ta' Mejju 2022 - Strasburgu
L-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'vot universali dirett
P9_TA(2022)0129A9-0083/2022
Riżoluzzjoni
 Anness
 Anness
 Anness
 Anness

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Mejju 2022 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'vot universali dirett, li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill (76/787/KEFA, KEE, Euratom) u l-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'vot dirett universali anness ma' dik id-Deċiżjoni (2020/2220(INL)) – 2022/0902(APP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tad-9 ta' Mejju 1950 li pproponiet li l-ħolqien tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA) bħala l-ewwel pass fil-federazzjoni tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b'vot universali dirett ("l-Att Elettorali"), anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom tal-20 ta' Settembru 1976, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom, tal-25 ta' Ġunju u tat-23 ta' Settembru 2002(1), u bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2018/994 tat-13 ta' Lulju 2018(2),

–  wara li kkunsidra t-Trattati u b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3, 9, 10, 14 u 17(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 8, 20, 22, 223(1) u 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u l-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 93/109/KE tas-6 ta' Diċembru 1993 dwar arranġamenti dettaljati sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini tal-Unjoni li joqogħdu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-proċedura elettorali tal-Parlament Ewropew, u b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Lulju 1998 dwar abbozz ta' proċedura elettorali li jinkorpora prinċipji komuni għall-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew(4), ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2012 dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2014(5), ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2013 dwar it-titjib tal-modalitajiet prattiċi ta' organizzazzjoni tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2014(6), u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Novembru 2015 dwar ir-riforma tal-liġi elettorali tal-UE(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-13 ta' Marzu 2013(8) u tas-7 ta' Frar 2018(9) dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2020 dwar analiżi tal-elezzjonijiet Ewropej(10),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej(11), u b'mod partikolari l-Artikoli 13, 21 u 31 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta’ informazzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar id-drittijiet reali tal-persuni b'diżabilità li jivvutaw fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, adottat fis-sessjoni plenarja tiegħu tal-20 ta' Marzu 2019(12), u l-opinjoni addizzjonali tiegħu dwar il-ħtieġa li jiġu ggarantiti drittijiet reali għall-persuni b'diżabilità li jivvutaw fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, adottata fit-2 ta' Diċembru 2020(13),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (UNCRPD), ratifikata mill-UE fl-2010, kif ukoll mill-Istati Membri kollha, u l-Artikolu 29 tagħha dwar il-parteċipazzjoni fil-ħajja politika u pubblika,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2021 bit-titolu "Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità 2021-2030" (COM(2021)0101),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Diċembru 2020 dwar il-pjan ta' azzjoni Ewropew għad-demokrazija (COM(2020)0790),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta), u b'mod partikolari l-Artikoli 11, 21, 23 u 39 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u b'mod partikolari l-prinċipju 1 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u b'mod partikolari l-Artikolu 25 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-ħidma tal-Unjoni Interparlamentari (IPU) dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, b'mod partikolari l-pjan ta' azzjoni tagħha għal parlamenti sensittivi għall-ġeneru,

–  wara li kkunsidra d-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni fl-2021 li fih Ursula von der Leyen ħabbret li s-sena 2022 se tkun is-sena taż-żgħażagħ,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 46 u 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A9-0083/2022),

A.  billi mill-1976, meta l-Att Elettorali witta t-triq għall-elezzjoni tar-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew b'vot universali dirett għall-ewwel darba, il-Parlament Ewropew kontinwament talab ir-riforma tal-liġi elettorali Ewropea u l-mixja lejn proċedura elettorali aktar ġenwina, uniformi u Ewropea;

B.  billi t-Trattat ta' Liżbona offra pass pożittiv 'il quddiem billi kkonferma d-dritt tal-Parlament Ewropew li jibda proposta dwar l-Att Elettorali kif ukoll dwar il-kompożizzjoni tiegħu;

C.  billi bidliet importanti oħra fit-Trattat ta' Liżbona kienu jikkonċernaw b'mod partikolari l-formulazzjoni tal-Artikolu 14 tat-TUE, li jiddikjara li l-Parlament għandu jkun magħmul minn rappreżentanti taċ-ċittadini tal-Unjoni u mhux minn popli tal-Istati Membri, kif ukoll ir-referenza għar-rwol tal-Parlament fl-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni, li għandu jiġi elett b'kunsiderazzjoni tar-riżultati tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew;

D.  billi l-proċedura għall-elezzjonijiet tal-2014 stabbiliet preċedent għar-rwol tal-Parlament fl-għażla tal-President tal-Kummissjoni; billi ma kienx possibbli li dik il-proċedura ssir parti minn riforma ġenerali tal-liġi elettorali Ewropea, li kkontribwiet għall-ħolqien tal-isfond politiku għan-nuqqas ta' applikazzjoni mhux mistenni tal-prinċipju tal-kandidati prinċipali wara l-elezzjonijiet Ewropej tal-2019; billi l-kandidat prinċipali li l-entità politika Ewropea tiegħu rċeviet l-ogħla numru globali ta' siġġijiet għandu jingħata l-kompitu li l-ewwel jifforma koalizzjoni ta' maġġoranza fil-Parlament li jkun għadu kif ġie elett fir-rigward tan-nomina ta' kandidat għal President tal-Kummissjoni; billi, f'każ li ma tkunx tista' tinkiseb koalizzjoni ta' maġġoranza, il-kompitu għandu jiġi assenjat lill-kandidat prinċipali ta' warajh; billi jistenna li l-President tal-Kunsill Ewropew jikkonsulta lill-imsemmija mexxejja tal-entitajiet politiċi u tal-gruppi parlamentari Ewropej sabiex jinforma l-proċess tan-nomina, u jqis li dan il-proċess tal-kandidati prinċipali jista' jiġi formalizzat bi ftehim politiku bejn l-entitajiet politiċi Ewropej u bi Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament u l-Kunsill Ewropew;

E.  billi xi dispożizzjonijiet komuni eżistenti fl-Att Elettorali Ewropew attwali juru t-triq lejn it-titjib meħtieġ, inkluż dak li jipprevedi li l-kandidati jiġu eletti b'rappreżentanza proporzjonali bl-użu ta' sistema ta' lista jew sistema ta' vot wieħed trasferibbli; għal-libertà li jiġu stabbiliti kostitwenzi fil-livell nazzjonali; għall-introduzzjoni ta' limitu massimu elettorali ta' 5 % fil-kostitwenzi nazzjonali bħala mezz li jiggarantixxi li l-Parlament ikun jista' jiffunzjona; u għall-projbizzjoni li l-MEPs ikollhom mandat doppju fil-parlament nazzjonali u fil-Parlament Ewropew;

F.  billi, minkejja xi passi 'l quddiem fid-definizzjoni ta' standards komuni ta' proċeduri elettorali għall-Parlament Ewropew, illum l-elezzjonijiet Ewropej għadhom fil-biċċa l-kbira rregolati mil-liġijiet nazzjonali u għalhekk hemm bżonn ta' aktar titjib biex tiġi stabbilita proċedura ġenwinament uniformi għall-elezzjonijiet Ewropej;

G.  billi l-parteċipazzjoni rreġistrata fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2019 kienet l-ogħla waħda minn kwalunkwe elezzjoni għall-Parlament Ewropew fl-aħħar 20 sena; billi r-rata ta' parteċipazzjoni taħbi differenzi kbar bejn l-Istati Membri; billi żieda fil-parteċipazzjoni hija sinjal pożittiv u turi li ċ-ċittadini, u b'mod partikolari l-ġenerazzjonijiet żgħażagħ tal-Unjoni, qed jieħdu interess dejjem akbar fl-iżvilupp tal-integrazzjoni Ewropea, kif indikat ukoll mir-riżultati tal-Ewrobarometru speċjali tad-9 ta' Marzu 2021; billi din ir-rata għadha tfisser li nofs iċ-ċittadini tal-Unjoni biss ħadu sehem; billi interess akbar fl-elezzjonijiet Ewropej jindika li ċ-ċittadini tal-Unjoni jridu azzjoni rapida mill-Unjoni fil-qasam tat-tibdil fil-klima, l-irkupru ekonomiku, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, il-migrazzjoni, u r-rwol tal-Unjoni Ewropea fir-relazzjonijiet internazzjonali; billi jridu jsiru sforzi ta' komunikazzjoni biex jiżdied l-interess taċ-ċittadini fi kwistjonijiet Ewropej u r-rwol tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej f'dak ir-rigward;

H.  billi x-xejra ta' żieda fl-għadd ta' persuni li vvutaw tista' tittejjeb jekk jissaħħu l-konnessjoni u l-obbligu ta' rendikont bejn il-votanti u l-kandidati u titrawwem id-dimensjoni madwar l-Unjoni kollha;

I.  billi sistema elettorali li tiffunzjona tibni l-fiduċja u l-appoġġ fost il-popolazzjoni u żżid il-fiduċja taċ-ċittadini tal-Unjoni fil-kapaċità tagħhom li jibdlu s-soċjetà b'mod demokratiku permezz tal-votazzjoni;

J.  billi l-approvazzjoni mill-Istati Membri tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2018/994 tat-13 ta' Lulju 2018 għadha pendenti iżda ma tipprekludix il-bidliet meħtieġa fis-sistemi elettorali tal-Unjoni;

K.  billi l-momentum politiku dejjem jikber fl-Ewropa kollha jista' joffri l-possibbiltà li jiġu introdotti elementi u dispożizzjonijiet li jsaħħu d-dimensjoni Ewropea tal-elezzjonijiet;

L.  billi approċċ xieraq għar-riforma tal-liġi elettorali Ewropea għandu jkun ibbażat fuq ir-rispett għall-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità u l-introduzzjoni ta' standards minimi komuni;

M.  billi r-riforma tal-proċedura elettorali tal-Parlament Ewropew għandu jkollha l-għan li ttejjeb id-dibattitu pubbliku u d-dimensjoni demokratika u transnazzjonali tal-elezzjonijiet Ewropej u l-leġittimità demokratika tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni, issaħħaħ iċ-ċittadinanza fl-Unjoni, ittejjeb il-funzjonament tal-Parlament Ewropew u l-governanza tal-Unjoni, tagħmel ix-xogħol tal-Parlament Ewropew aktar leġittimu u leġiżlattiv billi tagħtih dritt ta' inizjattiva ġenwin, issaħħaħ il-prinċipji ta' ugwaljanza elettorali u opportunitajiet indaqs, speċjalment bejn in-nisa u l-irġiel, issaħħaħ l-effettività tas-sistema għall-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet Ewropej, u ġġib il-Membri tal-Parlament Ewropew eqreb lejn il-votanti tagħhom, b'mod partikolari l-iżgħar fosthom;

N.  billi r-Rakkomandazzjoni 16 tal-Panel taċ-Ċittadini Ewropej 2 "Demokrazija / Valuri Ewropej, drittijiet, stat tad-dritt, sigurtà" tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa titlob liġi elettorali għall-Parlament Ewropew li tarmonizza l-kundizzjonijiet elettorali (l-età tal-votazzjoni, id-data tal-elezzjonijiet, ir-rekwiżiti għad-distretti elettorali, il-kandidati, il-partiti politiċi u l-finanzjament tagħhom), u li ċ-ċittadini Ewropej ikollhom id-dritt jivvutaw għal partiti differenti fil-livell tal-Unjoni Ewropea li kull wieħed minnhom jikkonsisti minn kandidati minn diversi Stati Membri, u li matul perjodu ta' tranżizzjoni suffiċjenti, iċ-ċittadini xorta jistgħu jivvutaw kemm għall-partiti nazzjonali kif ukoll għal dawk transnazzjonali;

O.  billi r-Rapport dwar l-Ideat taż-Żgħażagħ maħruġ bħala l-eżitu tal-Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ (EYE) mit-22 sat-23 ta' Ottubru 2021 jissuġġerixxi l-użu ta' listi transnazzjonali, fejn il-votanti jingħataw lista ta' kandidati nazzjonali, u lista addizzjonali bil-kandidati mill-Istati Membri kollha; billi dak ir-rapport jappoġġja wkoll l-infurzar tal-proċess tal-kandidati prinċipali;

P.  billi t-tielet rapport interim tal-pjattaforma diġitali multilingwi tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, qies li waħda mill-aktar proposti diskussi, u idea approvata b'mod wiesa', tikkonċerna l-ħolqien ta' listi elettorali transnazzjonali fl-UE kollha;

Q.  billi l-ftehim politiku ta' nofs it-terminu dwar "Il-prijoritajiet tagħna għall-Ewropej", approvat fis-17 ta' Jannar 2022 mill-mexxejja tal-Gruppi PPE, S&D u Renew, talab li "jiġi stabbilit proċess tal-kandidati prinċipali flimkien ma' listi transnazzjonali b'għadd suffiċjenti ta' siġġijiet għall-elezzjonijiet Ewropej li jmiss";

R.  billi l-prinċipji tal-proporzjonalità u l-opportunitajiet indaqs iridu jiġu kkunsidrati fir-rigward tal-minoranzi, li huma sottorappreżentati fil-Parlament Ewropew; billi madwar 20 MEP minn 705 jiddikjaraw li jappartjenu għal minoranza (= 2,8 %)(14); billi l-Kummissjoni ta' Venezja tirrikonoxxi r-rwol ta' siġġijiet riżervati garantiti għall-membri ta' minoranzi nazzjonali, limiti elettorali aktar baxxi f'sistemi elettorali proporzjonali għal partiti li jirrappreżentaw minoranzi nazzjonali jew id-deżinjazzjoni ta' distretti elettorali bl-għan li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-minoranzi fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet(15);

S.  billi l-possibbiltà li tiġi żviluppata proċedura elettorali uniformi bbażata fuq vot universali dirett ilha minquxa fit-Trattati mill-1957;

T.  billi d-dritt taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jipparteċipaw, fuq bażi ugwali, fil-ħajja demokratika tal-Unjoni jiġi promoss permezz ta' żieda fl-armonizzazzjoni tal-proċedura għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istati Membri kollha, li jsaħħaħ ukoll id-dimensjoni politika tal-integrazzjoni Ewropea;

U.  billi l-partiti politiċi Ewropej jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-għarfien politiku Ewropew u għaldaqstant għandu jkollhom rwol aktar b'saħħtu fil-kampanji għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew sabiex itejbu l-viżibbiltà tagħhom u juru b'mod ċar ir-rabta bejn vot għal partit nazzjonali partikolari u l-impatt li dan għandu fuq id-daqs ta' grupp politiku Ewropew fil-Parlament Ewropew u fuq in-nomina tal-President tal-Kummissjoni;

V.  billi assoċjazzjonijiet ta' votanti jew entitajiet elettorali li ma jappartjenux għal partit politiku Ewropew huma mitluba jkollhom rwol fil-kampanji għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew sabiex jiżdied l-involviment taċ-ċittadini fil-proċess elettorali;

W.  billi l-proċedura għan-nomina tal-kandidati għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew tvarja b'mod konsiderevoli minn Stat Membru għal ieħor u minn partit għal ieħor, b'mod partikolari fir-rigward ta' standards tat-trasparenza, standards demokratiċi u standards li jirrigwardaw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; billi, madankollu, proċeduri miftuħa, trasparenti u demokratiċi li jirrispettaw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għall-għażla tal-kandidati huma essenzjali għall-bini tal-fiduċja fis-sistema politika;

X.  billi l-iskadenzi għall-finalizzazzjoni tal-listi elettorali qabel l-elezzjonijiet Ewropej ivarjaw ħafna fost l-Istati Membri, li bħalissa jvarjaw minn 17-il jum sa 83 jum; billi dan iqiegħed lill-kandidati u lill-votanti madwar l-Unjoni f'pożizzjoni mhux ugwali fir-rigward taż-żmien li jkollhom biex jagħmlu kampanja jew biex jirriflettu fuq l-għażla tal-vot tagħhom;

Y.  billi l-iskadenzi għall-finalizzazzjoni tar-reġistru elettorali qabel l-elezzjonijiet Ewropej ivarjaw ħafna bejn l-Istati Membri u jistgħu jagħmlu l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar il-votanti (li għandu l-għan li jevita l-votazzjoni doppja) diffiċli, jekk mhux impossibbli;

Z.  billi l-istabbiliment ta' kostitwenza madwar l-Unjoni kollha li fil-listi tagħha l-ewwel jitniżżel il-kandidat ta' kull familja politika għall-kariga ta' President tal-Kummissjoni jsaħħaħ id-demokrazija Ewropea u jkompli jilleġittimizza l-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni u l-obbligu ta' rendikont tiegħu/tagħha; billi dan jista' jikkontribwixxi għall-bini ta' spazju politiku Ewropew u biex l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew ikunu verament ibbażati fuq kwistjonijiet Ewropej u mhux fuq kwistjonijiet ta' interess esklużivament nazzjonali;

AA.  billi, fil-laqgħa informali tagħhom tat-23 ta' Frar 2018, il-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern iddeċidew li jkomplu r-riflessjonijiet tagħhom, kif ukoll il-ħidma teknika, legali u politika, dwar il-kwistjoni tal-listi transnazzjonali li qed jiġu stabbiliti għall-elezzjonijiet tal-2024;

AB.  billi mhux l-Istati Membri kollha jikkonċedu liċ-ċittadini tagħhom il-possibbiltà li jivvutaw minn barra l-pajjiż, u fost dawk li jagħmlu dan, il-kundizzjonijiet biex jingħataw id-dritt tal-vot tagħhom ivarjaw ħafna; billi l-għoti liċ-ċittadini tal-Unjoni kollha li jirrisjedu barra mill-Unjoni tad-dritt li jipparteċipaw fl-elezzjonijiet jista' jikkontribwixxi għal ugwaljanza elettorali; billi, madankollu, jeħtieġ li l-Istati Membri jikkoordinaw aħjar is-sistemi amministrattivi tagħhom sabiex jipprevjenu lill-votanti milli jivvutaw f'żewġ Stati Membri differenti;

AC.  billi ħafna persuni b'diżabilità jixtiequ jivvutaw f'post tal-votazzjoni; billi fi 12-il Stat Membru, ir-regoli nazzjonali ma jippermettux bidla mill-post tal-votazzjoni assenjat abbażi tal-post ta' residenza għal ieħor li jkun aktar xieraq fid-dawl tad-diżabilità ta' votant; billi l-Artikolu 29 tal-UNCRPD jistipula b'mod espliċitu li l-Istati Partijiet jimpenjaw ruħhom li jiżguraw li l-persuni b'diżabilità jkunu jistgħu jipparteċipaw b'mod effettiv u sħiħ fil-ħajja politika u pubblika fuq bażi ugwali ma' ħaddieħor; billi kwalunkwe ostaklu għad-dritt tal-vot u tal-kandidatura għall-persuni b'diżabilità, speċjalment l-ostakli legali għall-adulti b'diżabilità ddikjarati legalment inkapaċitati, għandu jitneħħa, filwaqt li tiġi ggarantita l-aċċessibbiltà tul il-proċess elettorali kollu, inkluż billi jiġu pprovduti sistemi ta' parteċipazzjoni addizzjonali biex jiġi eżerċitat id-dritt tal-vot, b'mod partikolari permezz tal-votazzjoni bil-posta;

AD.  billi awtorità elettorali li taġixxi bħala korp indipendenti u tiżgura l-implimentazzjoni korretta tal-liġi elettorali Ewropea għandha tiġi stabbilita fil-livell tal-Unjoni bħala network ta' awtoritajiet ta' kuntatt uniku tal-Istati Membri, peress li din tkun tista' tiffaċilita l-aċċess għal informazzjoni dwar ir-regoli li jirregolaw l-elezzjonijiet Ewropej, kif ukoll tissimplifika l-proċess, tiġġestixxi b'mod partikolari l-kostitwenza madwar l-Unjoni kollha u ssaħħaħ in-natura Ewropea ta' dawk l-elezzjonijiet;

AE.  billi l-votazzjoni bil-posta tista' twassal għall-parteċipazzjoni ta' aktar votanti u tista' trendi t-twettiq tal-elezzjonijiet Ewropej aktar effiċjenti u aktar attraenti għall-votanti, filwaqt li tiżgura l-ogħla standards possibbli ta' protezzjoni tad-data u filwaqt li votazzjoni fil-postijiet tal-votazzjoni tibqa' n-norma; billi l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għodod ta' votazzjoni komplementari biex isaħħu l-parteċipazzjoni bħall-votazzjoni bi prokura, il-votazzjoni elettronika jew online, skont it-tradizzjonijiet nazzjonali tagħhom; billi ħafna korpi nazzjonali għall-protezzjoni tal-libertajiet diġitali esprimew riżervi dwar il-votazzjoni online; billi l-votazzjoni online ġġib magħha aktar diffikultajiet fir-rigward tal-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-operazzjonijiet elettorali (is-segretezza tal-vot, in-natura personali u ħielsa tal-votazzjoni, is-sinċerità tal-operazzjonijiet elettorali, il-monitoraġġ effettiv tal-votazzjoni u l-kontroll a posteriori mill-imħallef elettorali); billi dawk id-diffikultajiet jistgħu jingħelbu permezz ta' qafas regolatorju u proċedura komuni li fihom jiġu ggarantiti l-ogħla standards ta' protezzjoni tad-data, integrità elettorali, trasparenza, affidabbiltà u segretezza tal-vot;

AF.  billi l-Artikolu 7(1) tal-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b'vot universali dirett tal-20 ta' Settembru 1976 jistabbilixxi li "l-kariga ta' membru tal-Parlament Ewropew għandha tkun inkompatibbli ma' dik ta' membru tal-Kummissjoni";

1.  Jissuġġerixxi r-riforma tal-proċedura elettorali tiegħu bl-għan li tissawwar, b'mod konkret, sfera pubblika Ewropea, billi jiġu ssuġġeriti standards minimi komuni u bidliet leġiżlattivi qabel l-elezzjonijiet Ewropej tal-2024;

2.  Iqis li huwa essenzjali li jittejbu t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont demokratiku tal-Parlament, billi tissaħħaħ id-dimensjoni Ewropea tal-elezzjonijiet, b'mod partikolari billi l-elezzjonijiet Ewropej jiġu ttrasformati f'elezzjoni Ewropea unika, speċjalment permezz tal-istabbiliment ta' kostitwenza madwar l-Unjoni kollha, għall-kuntrarju tal-ġabra ta' 27 elezzjoni nazzjonali separata, li huwa l-mod kif l-elezzjonijiet Ewropej jiġu organizzati llum;

3.  Jemmen li l-partiti politiċi Ewropej, l-assoċjazzjonijiet tal-votanti u entitajiet elettorali Ewropej oħra għandu jkollhom rwol aktar ċentrali fil-proċess tal-elezzjonijiet Ewropej, għandhom isiru viżibbli b'mod ċar għall-votanti, u għandhom jingħataw appoġġ u finanzjament adegwati li jippermettulhom iwettqu r-rwol tagħhom;

4.  Ifakkar li kulturi elettorali diverġenti rriżultaw f'firxa ta' sistemi elettorali differenti u fi drittijiet tal-vot differenti fl-Unjoni kollha; iqis li standards demokratiċi minimi komuni fil-liġi elettorali Ewropea jistgħu jippromwovu dibattitu Ewropew pubbliku ġenwin u jiżguraw l-ugwaljanza taċ-ċittadini tal-Unjoni, inkluż fir-rigward ta': id-dritt tal-vot, id-dritt li wieħed jirreġistra partit, l-assoċjazzjoni ta' votanti jew entitajiet elettorali oħra u li joħorġu għall-elezzjonijiet; l-aċċess għall-votazzjoni; tal-kandidati li jistgħu joħorġu, inkluża l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; l-aċċessibbiltà tal-votazzjoni għaċ-ċittadini kollha, speċjalment għall-persuni b'diżabilità; jew x'jiġri fil-jum tal-elezzjonijiet;

5.  Jitlob l-istabbiliment ta' qafas komuni, b'parametri referenzjarji u standards minimi għar-regoli elettorali madwar l-Unjoni, u jissuġġerixxi li ssir enfasi fuq koordinazzjoni b'saħħitha mal-miżuri nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-qalba tal-proposti tagħha;

6.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jqisu l-prijoritajiet identifikati miċ-ċittadini tal-Unjoni fil-kuntest tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa;

7.  Jinnota r-rwol tal-Kummissjoni bħala faċilitatur fit-taħditiet istituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar ir-riforma tal-liġi elettorali Ewropea; iqis li huwa essenzjali li jkun hemm involviment fi djalogu kostruttiv mal-Kummissjoni, fost l-oħrajn, sabiex jiġu evalwati r-riżultati tan-Network Ewropew ta' Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet, u tittieħed ispirazzjoni minnhom, kif stabbilit fl-2019;

8.  Jenfasizza r-rabtiet bejn il-miżuri ssuġġeriti għar-rieżami tal-Att Elettorali, u r-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 u l-Pjan ta' Azzjoni għad-Demokrazija tal-Kummissjoni Ewropea ta' Diċembru 2020, b'mod partikolari dwar elementi bħal:

   il-mod li bih l-elezzjonijiet huma rregolati, jiġifieri minn regoli applikabbli biss f'ġuriżdizzjoni partikolari jew li setgħu ma ġewx ifformulati b'kunsiderazzjoni tal-ispazju online mingħajr fruntieri,
   il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri, li jeħtieġ li tissaħħaħ,
   it-trasparenza fir-reklamar politiku u l-komunikazzjoni politika, li għandha tiġi riflessa wkoll fid-dispożizzjonijiet tal-Liġi Elettorali;

9.  Iqis l-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala element essenzjali għat-titjib tar-rappreżentanza fl-elezzjonijiet; jilqa' t-titjib ġenerali fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-aħħar elezzjonijiet, iżda jisħaq li hemm differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri, fejn uħud minnhom ma eleġġewx mara waħda fil-Parlament; jitlob l-introduzzjoni ta' miżuri li jiżguraw opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel biex jiġu eletti mingħajr ma jinkisru d-drittijiet ta' persuni mhux binarji, bl-użu ta' listi jew kwoti "zipped".

10.  Jiddispjaċih li l-biċċa l-kbira tal-minoranzi nazzjonali u lingwistiċi normalment mhumiex rappreżentati fil-Parlament Ewropew; jirrimarka, f'dan ir-rigward, l-ostaklu effettiv li l-limiti elettorali jirrappreżentaw għall-partiti li jirrappreżentaw komunitajiet ta' minoranza li joħorġu f'kostitwenzi nazzjonali uniċi jew f'kostitwenzi kbar b'densità għolja ta' popolazzjoni; iqis, għalhekk, li l-liġi elettorali Ewropea għandha tipprevedi l-possibbiltà ta' eżenzjonijiet mil-limiti pprovduti fil-livell nazzjonali għal entitajiet li jirrappreżentaw minoranzi nazzjonali u lingwistiċi rikonoxxuti;

11.  Iqis li huwa essenzjali li kemm il-partiti u l-assoċjazzjonijiet politiċi Ewropej u nazzjonali kif ukoll entitajiet elettorali Ewropej oħra jadottaw proċeduri demokratiċi, infurmati u trasparenti għall-għażla tal-kandidati għall-Parlament Ewropew, inkluż il-kandidat prinċipali, li jiżguraw l-involviment dirett ta' ċittadini individwali li jkunu membri tal-partit, inkluża, iżda mhux limitata għal, l-elezzjoni tad-delegati; iqis li tali għażla demokratika għandha tkun akkumpanjata mill-informazzjoni meħtieġa fir-rigward tal-kapaċitajiet u l-prestazzjoni tal-kandidati aspiranti;

12.  Jemmen li l-votanti Ewropej kollha għandhom jitħallew jivvutaw għall-kandidat preferut tagħhom għall-President tal-Kummissjoni, u li l-kandidati prinċipali għandhom ikunu jistgħu joħorġu fl-Istati Membri kollha f'listi għall-Unjoni kollha, innominati minn partit politiku Ewropew, minn assoċjazzjoni Ewropea ta' votanti jew minn entità elettorali Ewropea oħra, li jippreżentaw programm elettorali komuni;

13.  Jistieden lill-partiti politiċi Ewropej, lill-assoċjazzjonijiet Ewropej tal-votanti u lill-entitajiet elettorali Ewropej jinnominaw il-kandidati tagħhom għall-kariga ta' President tal-Kummissjoni mill-inqas 12-il ġimgħa qabel il-jum tal-elezzjoni; iqis li għandhom jiġu żgurati proċeduri demokratiċi vinkolanti u trasparenza fl-għażla; jistenna li l-kandidati jitqiegħdu fl-ewwel pożizzjoni tal-lista korrispondenti tal-kostitwenza madwar l-Unjoni kollha;

14.  Jitlob li tissaħħaħ il-viżibbiltà tal-partiti politiċi Ewropej, tal-assoċjazzjonijiet Ewropej tal-votanti u ta' entitajiet elettorali Ewropej oħra permezz ta' kampanji tal-media u fuq il-poloz tal-votazzjoni u l-materjali elettorali kollha; jiddetermina li l-partiti nazzjonali u l-assoċjazzjonijiet tal-votanti għandhom jindikaw, meta applikabbli, l-affiljazzjoni tagħhom mal-partiti politiċi Ewropej, jew ma' entitajiet elettorali Ewropej oħra, u mal-kandidat prinċipali korrispondenti matul il-kampanja elettorali;

15.  Jinnota li strateġija koordinata tal-media fil-livell Ewropew biex jiġu żgurati l-kopertura u l-monitoraġġ tal-elezzjonijiet Ewropej tgħin biex jiżdied l-interess taċ-ċittadini fihom;

16.  Jistenna li l-mexxejja tal-partiti politiċi u tal-gruppi parlamentari Ewropej jaqblu dwar indikazzjoni komuni għall-Kunsill Ewropew abbażi tal-eżitu tal-elezzjonijiet Ewropej kif ukoll dwar maġġoranza fil-Parlament li jkun għadu kif ġie elett fir-rigward tan-nomina ta' kandidat għal President tal-Kummissjoni; jistenna li l-President tal-Kunsill Ewropew jikkonsulta lill-mexxejja msemmija tal-entitajiet politiċi u l-gruppi parlamentari Ewropej sabiex jinforma l-proċess tan-nomina; iqis li dan il-proċess tal-kandidati prinċipali jista' jiġi fformalizzat permezz ta' ftehim politiku bejn l-entitajiet politiċi Ewropej u permezz ta' Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament u l-Kunsill Ewropew;

17.  Jipproponi li tiġi stabbilita l-prattika li l-gruppi parlamentari interessati jikkonkludu "ftehim dwar il-leġiżlatura" sabiex jiġi żgurat segwitu politiku għall-elezzjonijiet Ewropej u bħala mod kif tiġi żgurata maġġoranza fil-Parlament qabel il-ħatra tal-Kummissjoni;

18.  Iqis li l-introduzzjoni ta' kostitwenza madwar l-Unjoni kollha, li minnha għandhom jiġu eletti tmienja u għoxrin Membru tal-Parlament Ewropew, mingħajr ma jiġi affettwat in-numru ta' rappreżentanti fil-Parlament Ewropew eletti f'kull Stat Membru u li fil-listi tagħha l-ewwel jitniżżel il-kandidat ta' kull familja politika għall-kariga ta' President tal-Kummissjoni, toffri opportunità biex tissaħħaħ id-dimensjoni demokratika u transnazzjonali tal-elezzjonijiet Ewropej; jemmen li l-għan li tiġi stabbilita kostitwenza madwar l-Unjoni kollha jista' jintlaħaq jekk jiġu żgurati l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-bilanċ ġeografiku, billi jiġi ggarantit li Stati Membri iżgħar ma jitqegħdux fi żvantaġġ kompetittiv meta mqabbla mal-Istati Membri l-kbar; jissuġġerixxi, f'dan ir-rigward, l-introduzzjoni ta' rappreżentanza ġeografika vinkolanti fil-listi għall-kostitwenza madwar l-Unjoni kollha, u jħeġġeġ lill-partiti politiċi Ewropej, lill-assoċjazzjonijiet Ewropej tal-votanti u lil entitajiet elettorali Ewropej oħra jaħtru kandidati fil-listi għall-Unjoni kollha li jkunu ġejjin mill-Istati Membri kollha;

19.  Jenfasizza li l-istabbiliment ta' kostitwenza madwar l-Unjoni kollha li minnha l-Membri jiġu eletti abbażi ta' listi transnazzjonali huwa kompatibbli mat-Trattati, u b'mod partikolari mal-Artikolu 14(2) tat-TUE; iqis li l-appoġġ għal liġi elettorali Ewropea uniformi b'listi għall-Unjoni kollha u sistema vinkolanti ta' kandidati prinċipali qed jikseb momentum politiku;

20.  Jemmen li l-listi għall-Unjoni kollha huma mezz li jista' jintuża biex jinkisbu r-rappreżentanza u l-formazzjoni ta' partiti politiċi u assoċjazzjonijiet tal-votanti Ewropej;

21.  Jissuġġerixxi li jiġu inklużi dispożizzjonijiet komuni li jirregolaw in-nefqa marbuta mal-kampanja elettorali Ewropea għal kull entità ammessa għall-fini tat-tressiq ta' lista ta' kandidati għall-Membri tal-Parlament Ewropew fil-kostitwenza madwar l-Unjoni kollha; jitlob koordinazzjoni b'saħħitha mar-reviżjoni li jmiss tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 dwar din il-kwistjoni;

22.  Iqis li l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u ta' entitajiet elettorali Ewropej oħra mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea jew minn kwalunkwe sors ieħor jista' jintuża biex jiffinanzja kampanji mwettqa mill-entitajiet elettorali Ewropej fil-kuntest tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fil-kostitwenza madwar l-Unjoni kollha, li fihom huma, jew il-membri tagħhom, jipparteċipaw; iqis li l-finanzjament u l-limitazzjoni tal-ispejjeż elettorali fil-kostitwenzi nazzjonali għandhom ikunu rregolati f'kull Stat Membru permezz tad-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu;

23.  Ifakkar li l-età minima għall-eliġibbiltà biex wieħed joħroġ bħala kandidat fis-27 Stat Membru tvarja bejn 18-il sena u 25 sena u l-età minima biex wieħed ikun eliġibbli li jivvota tvarja bejn 16-il sena u 18-il sena; jitlob l-introduzzjoni ta' età unika u armonizzata għal, rispettivament, id-drittijiet tal-vot passivi u attivi fl-Istati Membri kollha u jirrakkomanda li jintroduċu l-età minima ta' 16-il sena biex wieħed ikun jista’ jivvota, mingħajr preġudizzju għall-ordnijiet kostituzzjonali eżistenti li jistabbilixxu età minima ta' 18 jew 17-il sena biex wieħed ikun jista’ jivvota; huwa tal-fehma li l-għoti tad-dritt tal-vot fl-età ta' 16-il sena jirrifletti d-drittijiet u d-dmirijiet attwali li ż-żgħażagħ Ewropej diġà għandhom f'xi Stati Membri;

24.  Jipproponi l-introduzzjoni tal-possibbiltà ta' sostituzzjoni temporanja tal-Membri bil-liv tal-maternità, tal-paternità, tal-ġenituri u tal-mard fit-tul;

25.  Iqis li t-trasparenza tal-proċess elettorali u l-aċċess għal informazzjoni affidabbli huma elementi essenzjali biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni politika Ewropea u biex tiġi żgurata parteċipazzjoni elettorali li tkun għolja biżżejjed biex tikkostitwixxi mandat mill-elettorat; jenfasizza li ċ-ċittadini għandhom jiġu informati ferm minn qabel - b'mod partikolari 12-il ġimgħa qabel l-elezzjonijiet - dwar il-kandidati li joħorġu fl-elezzjonijiet Ewropej u dwar l-affiljazzjoni tal-partiti politiċi nazzjonali jew tal-assoċjazzjonijiet elettorali ma' partit politiku Ewropew jew assoċjazzjoni elettorali Ewropea;

26.  Jissuġġerixxi li jittieħdu miżuri u jiġu stabbiliti salvagwardji biex jiġi evitat indħil barrani fil-proċess elettorali;

27.  Jenfasizza li l-iskadenzi għall-finalizzazzjoni tar-reġistru elettorali qabel l-elezzjonijiet Ewropej ivarjaw ħafna fost l-Istati Membri; jissuġġerixxi li jiġi stabbilit reġistru elettorali Ewropew u li jiġi stabbilit standard komuni għall-istabbiliment u l-finalizzazzjoni tar-reġistru elettorali nazzjonali mhux aktar tard minn erbatax-il ġimgħa qabel jum l-elezzjoni, sabiex l-informazzjoni dwar il-votanti ssir aktar preċiża u biex l-iskambju tagħha bejn l-Istati Membri jsir aktar faċli, kif ukoll biex tiġi ffaċilitata l-prevenzjoni tal-votazzjoni doppja, filwaqt li jiġi żgurat li tali votazzjoni doppja, kemm jekk tkun ir-riżultat ta' żball amministrattiv jew ta’ ksur tal-liġi elettorali, tkun soġġetta għal penali effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-livell nazzjonali, u tirriżulta f'miżuri korrettivi mill-Istati Membri;

28.  Jipproponi l-istabbiliment ta' Awtorità Elettorali Ewropea inkarigata mill-koordinazzjoni tal-informazzjoni dwar l-elezzjonijiet Ewropej, mill-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta', u s-soluzzjoni tat-tilwim dwar, l-istandards komuni tal-liġi elettorali Ewropea, mill-ġestjoni tar-reġistru elettorali Ewropew, mit-tħabbir tar-riżultati elettorali, u mis-superviżjoni tal-iskambju ta' informazzjoni dwar il-votazzjoni minn ċittadini tal-Unjoni barra minn pajjiżhom; iqis li tali korp jista' jiffaċilita skambju effiċjenti ta' informazzjoni, u b'mod partikolari l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, bejn il-korpi nazzjonali; jissuġġerixxi li kompitu essenzjali tal-Awtorità Elettorali Ewropea jkun il-ġestjoni tar-reġistru tal-listi elettorali għall-kostitwenza madwar l-Unjoni kollha; jistieden lill-awtoritajiet baġitarji jiżguraw li l-Awtorità Elettorali Ewropea jkollha biżżejjed riżorsi biex twettaq il-kompiti tagħha;

29.  Jissuġġerixxi li għandhom jiġu definiti standards minimi komuni biex jiġu introdotti rekwiżiti uniformi għall-istabbiliment ta' listi elettorali;

30.  Iqis li huwa essenzjali li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-votazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej u li jiġi ggarantit li dawk kollha li għandhom id-dritt tal-vot, inklużi ċ-ċittadini tal-Unjoni li jgħixu barra mill-pajjiż ta' oriġini tagħhom, dawk mingħajr residenza permanenti, dawk li jgħixu fi stabbilimenti residenzjali magħluqa, il-persuni mingħajr dar u l-priġunieri, ikunu jistgħu jeżerċitaw dak id-dritt; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-aċċess għall-informazzjoni u l-votazzjoni fuq bażi ugwali għaċ-ċittadini kollha, inkluż għall-persuni b'diżabilità, billi jippermettu, pereżempju, il-kiri ta' bini adattat meta l-istrutturi pubbliċi ma jkunux adattati;

31.  Jistieden lill-Istati Membri jintroduċu miżuri biex jimmassimizzaw l-aċċessibbiltà tal-elezzjonijiet għaċ-ċittadini b'diżabilità li jkopru, fost l-oħrajn u fejn xieraq, l-informazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-votazzjoni, il-postijiet tal-votazzjoni, il-kabini u l-apparat tal-votazzjoni u l-poloz tal-votazzjoni; jirrakkomanda li jiġu implimentati arranġamenti xierqa mfassla għall-proċeduri ta' votazzjoni nazzjonali biex jiffaċilitaw il-vot taċ-ċittadini b'diżabilità bħall-possibbiltà li jagħżlu post tal-votazzjoni, postijiet tal-votazzjoni magħluqa f'postijiet ewlenin, u l-użu ta' teknoloġiji, formati u tekniki ta' assistenza bħall-Braille, tipa kbira, informazzjoni bbażata fuq l-awdjo, stensils tattili, informazzjoni faċli biex tinqara u komunikazzjoni bil-lingwa tas-sinjali; jistieden lill-Istati Membri jippermettu li l-persuni b'diżabilità jingħataw assistenza waqt il-votazzjoni permezz ta' persuna tal-għażla tagħhom stess, fejn meħtieġ u fuq talba tagħhom;

32.  Jistieden lill-Istati Membri jintroduċu rekwiżiti komuni li jippermettu liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jgħixu jew jaħdmu f'pajjiż terz biex jingħataw id-dritt li jivvutaw fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew;

33.  Jemmen li l-introduzzjoni tal-votazzjoni bil-posta hija meħtieġa għall-votanti li ma jkunux jistgħu jmorru fil-postijiet tal-votazzjoni f'jum l-Elezzjoni, u li dan jista' jagħmel it-twettiq tal-elezzjonijiet Ewropej aktar effiċjenti u aktar attraenti għal votanti f'ċirkostanzi speċifiċi jew eċċezzjonali; jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw l-introduzzjoni possibbli ta' għodod komplementari ta' titjib bħall-votazzjoni fiżika avvanzata u l-votazzjoni bi prokura, kif ukoll il-votazzjoni elettronika u online, f'konformità mat-tradizzjonijiet nazzjonali tagħhom stess, filwaqt li jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa f'dawk l-oqsma u b'salvagwardji xierqa biex jiġu żgurati l-affidabbiltà, l-integrità, is-segretezza tal-vot, l-aċċessibbiltà għall-persuni b'diżabilità, it-trasparenza fid-diżinn u l-użu ta' sistemi elettroniċi u online, il-possibbiltà ta' għadd mill-ġdid manwali jew elettroniku mingħajr ma tiġi kompromessa s-segretezza tal-vot, u l-protezzjoni tad-data personali f'konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni;

34.  Jemmen li l-istabbiliment ta' jum komuni Ewropew tal-votazzjoni joħloq elezzjoni pan-Ewropea aktar koerenti u għalhekk jissuġġerixxi li d-9 ta' Mejju jiġi stabbilit bħala l-jum Ewropew tal-Elezzjoni, irrispettivament mill-jum tal-ġimgħa li jaqa' fih, bil-possibbiltà li dak il-jum isir btala pubblika; iqis li huwa importanti li l-ewwel projezzjonijiet uffiċjali tar-riżultati elettorali jitħabbru simultanjament fl-Istati Membri kollha f'jum l-elezzjoni fid-21:00 CET;

35.  Iqis li huwa importanti li jiġi żgurat li, wara kull elezzjoni, jitfassal rapport ta' implimentazzjoni bl-għan li jiġi evalwat il-funzjonament tal-elezzjonijiet Ewropej kif ukoll li jiġi ssuġġerit titjib, jekk ikun meħtieġ;

36.  Jissuġġerixxi li ssir riforma tat-Trattati biex il-kariga ta' membru tal-Kummissjoni Ewropea ssir kompatibbli mal-kariga ta' Membru tal-Parlament Ewropew fil-perjodu bejn il-kostituzzjoni tal-Parlament u l-elezzjoni tal-Kummissjoni;

37.  Jitlob riforma tat-Trattati, u b'mod partikolari tal-Artikolu 223 tat-TFUE dwar id-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'vot dirett universali biex issir bidla mill-unanimità tal-Kunsill u r-ratifiki nazzjonali għat-teħid ta' deċiżjonijiet b'maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill;

38.  Jadotta l-proposta annessa u jippreżentaha lill-Kunsill;

39.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva kif ukoll il-proposta annessa lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 283, 21.10.2002, p. 1.
(2) ĠU L 178, 16.7.2018, p. 1.
(3) ĠU L 329, 30.12.1993, p. 34.
(4) ĠU C 292, 21.9.1998, p. 66.
(5) ĠU C 419, 16.12.2015, p. 185.
(6) ĠU C 75, 26.2.2016, p. 109.
(7) ĠU C 366, 27.10.2017, p. 7.
(8) ĠU C 36, 29.1.2016, p. 56.
(9) ĠU C 463, 21.12.2018, p. 83.
(10) ĠU C 425, 20.10.2021, p. 98.
(11) ĠU L 317, 4.11.2014, p. 1.
(12) https://www.eesc.europa.eu/en/our-work/opinions-information-reports/information-reports/real- right-persons-disabilities-vote-european-parliament-elections-information-report.
(13) https://www.eesc.europa.eu/en/our-work/opinions-information-reports/opinions/need-guarantee-real-rights-persons-disabilities-vote-european-parliament-elections-additional-opinion.
(14) Abbażi ta' data mill-Intergrupp tal-Parlament Ewropew għall-Minoranzi Tradizzjonali, il-Komunitajiet Nazzjonali u l-Lingwi.
(15) Kumpilazzjoni tal-Opinjonijiet u r-Rapporti tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar is-Sistemi Elettorali u l-Minoranzi Nazzjonali CDL-PI(2019)004, b'mod partikolari r-Rapport tagħha dwar il-Liġi Elettorali u l-Minoranzi Nazzjonali CDL-INF (2000).


ANNESS GĦAL RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

Proposta għal

Regolament tal-Kunsill

dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'vot universali dirett, li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom u l-Att dwar l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b'vot universali dirett anness ma' dik id-Deċiżjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 223(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Parlament Ewropew,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew,

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)  L-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b'vot universali dirett(1) ("l-Att Elettorali"), anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom(2), daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1978 u sussegwentement ġie emendat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom(3) u bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2018/994(4).

(2)  Skont l-Artikolu 223(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), id-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'vot universali dirett huma stabbiliti mill-Kunsill li jaġixxi b'mod unanimu f'konformità ma' proċedura leġiżlattiva speċjali u wara li jikseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew fuq proposta mfassla mill-Parlament Ewropew.

(3)  L-Artikolu 8 tat-TFUE jistabbilixxi l-prinċipju tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri li permezz tiegħu l-Unjoni jenħtieġ li jkollha l-għan li telimina l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri u li tippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-attivitajiet kollha tagħha.

(4)  It-Trattat ta' Liżbona mhux biss ta lill-Parlament Ewropew is-setgħa ta' inizjattiva rigward id-dispożizzjonijiet dwar l-elezzjoni tal-Membri tiegħu, iżda biddel ukoll in-natura tal-mandat tal-Membri tal-Parlament Ewropew, u b'hekk jagħmilhom rappreżentanti diretti taċ-ċittadini tal-Unjoni. Dawn jikkostitwixxu bidliet fundamentali li jenħtieġ li jiġu riflessi f'liġi elettorali Ewropea modernizzata billi jiddaħħlu elementi ġodda li jkollhom l-għan li jsaħħu l-leġittimità demokratika u li jirriflettu b'mod aktar preċiż il-firxa tar-rwol u l-kompetenzi tal-Parlament Ewropew.

(5)  Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Att Elettorali, l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew huma fil-biċċa l-kbira organizzati f'konformità mar-regoli nazzjonali, li jvarjaw b'mod konsiderevoli fl-Istati Membri, u dan jirriżulta f'firxa ta' sistemi elettorali differenti. L-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew isiru f'jiem differenti, u l-voti jingħataw għall-partiti nazzjonali b'kandidati nazzjonali abbażi ta' programmi nazzjonali. L-approssimazzjoni ta' dawk is-sistemi elettorali differenti permezz tal-adozzjoni ta' liġi elettorali Ewropea aktar magħquda bbażata fuq prinċipji u regoli komuni ċari tiżgura l-ugwaljanza għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni, u ssaħħaħ l-isfera pubblika Ewropea.

(6)  Il-limiti elettorali huma parti mis-sistema politika f'ħafna Stati Membri u jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' dinamika stabbli tal-gvern u tal-oppożizzjoni fi ħdan il-Parlamenti. Sabiex tiġi salvagwardjata l-kompetizzjoni politika ġusta, tali limiti jenħtieġ li ma jaqbżux il-5 %.

(7)  Il-limiti elettorali jenħtieġ li ma jaffettwawx il-possibbiltajiet ta' minoranzi nazzjonali u lingwistiċi rikonoxxuti li jipparteċipaw fil-ħajja politika tal-Unjoni u li jkunu rappreżentati fil-Parlament Ewropew. Minoranzi nazzjonali jew lingwistiċi rikonoxxuti jenħtieġ li jibbenefikaw minn eżenzjonijiet minn kwalunkwe limitu li huwa previst fil-livell nazzjonali. Eżenzjonijiet mil-limiti nazzjonali jenħtieġ li japplikaw ukoll għal partiti politiċi jew assoċjazzjonijiet tal-votanti li jieħdu sehem f'elezzjonijiet Ewropej fi kwart tal-Istati Membri li jinkludu fil-poloz tal-votazzjoni tagħhom l-ismijiet u l-logos tal-entitajiet Ewropej li jkunu affiljati magħhom.

(8)  Skont l-Artikolu 17(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), il-kandidat għal President tal-Kummissjoni jeħtieġ li jiġi propost mill-Kunsill Ewropew, filwaqt li jitqiesu l-elezzjonijiet Ewropej, u mbagħad jeħtieġ li jiġi elett mill-Parlament Ewropew. Sabiex dak id-dritt jingħata l-espressjoni xierqa tiegħu, l-isfera pubblika Ewropea jenħtieġ li tiġi żviluppata b'tali mod li l-votanti Ewropej kollha jitħallew jindikaw il-kandidat ippreferut tagħhom għall-President tal-Kummissjoni. Biex dan iseħħ, il-kandidati prinċipali innominati minn partiti politiċi Ewropej, minn assoċjazzjonijiet Ewropej jew minn entitajiet elettorali Ewropej oħra, jeħtieġ li jkunu jistgħu jappoġġjaw programm elettorali komuni fl-Istati Membri kollha. Bl-għan li jassiguraw maġġoranza fil-Parlament qabel il-ħatra tal-Kummissjoni, il-gruppi parlamentari interessati jenħtieġ li jistabbilixxu prattika li jikkonkludu "ftehimiet dwar il-leġiżlatura" li jiżguraw segwitu politiku tal-elezzjonijiet Ewropej. Permezz ta' proċess li jenħtieġ li jiġi formalizzat abbażi ta' ftehim politiku bejn l-entitajiet politiċi Ewropej, il-kandidat prinċipali li l-entità politika Ewropea tiegħu rċeviet l-ogħla numru globali ta' siġġijiet jenħtieġ li jingħata l-kompitu li l-ewwel jifforma maġġoranza għal koalizzjoni fil-Parlament li jkun għadu kif ġie elett fir-rigward tan-nomina ta' kandidat għal President tal-Kummissjoni. F'każ li ma tkunx tista' tinkiseb maġġoranza għal koalizzjoni, il-kompitu jenħtieġ li jiġi assenjat lill-kandidat prinċipali ta' warajh. Sabiex jinforma l-proċess tan-nomina, il-President tal-Kunsill Ewropew jenħtieġ li jikkonsulta lill-mexxejja msemmija tal-entitajiet politiċi u l-gruppi parlamentari Ewropej. Il-proċess tal-kandidati prinċipali jista' jiġi fformalizzat permezz ta' ftehim politiku bejn l-entitajiet politiċi Ewropej u permezz ta' Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament u l-Kunsill Ewropew.

(9)  Jenħtieġ li, minbarra l-kostitwenzi nazzjonali, tinħoloq kostitwenza madwar l-Unjoni kollha, li fil-listi tagħha l-ewwel jitniżżel il-kandidat ta' kull familja politika għall-President tal-Kummissjoni, sabiex tissaħħaħ id-dimensjoni demokratika u pan-Ewropea tal-elezzjonijiet Ewropej. Dik il-kostitwenza madwar l-Unjoni kollha jenħtieġ li tkun soġġetta għal regoli dettaljati u ċari li jiżguraw li l-lista ta' kandidati tirrispetta l-prinċipji tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tal-proporzjonalità ġeografika u tar-rappreżentanza, u b'mod partikolari li jitqiesu bis-sħiħ l-interessi tal-Istati Membri żgħar u medji.

(10)  Il-partiti politiċi Ewropej, l-assoċjazzjonijiet Ewropej tal-votanti u entitajiet elettorali Ewropej oħra għandhom rwol fundamentali fit-trawwim ta' dibattitu politiku verament Ewropew. Skont l-Artikolu 10(4) tat-TUE, "Il-partiti politiċi fil-livell Ewropew jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-għarfien politiku Ewropew u għall-espressjoni tar-rieda taċ-ċittadini tal-Unjoni". Il-partiti politiċi Ewropej, l-assoċjazzjonijiet Ewropej tal-votanti u entitajiet elettorali Ewropej oħra jenħtieġ li jkollhom rwol aktar ċentrali fil-proċess tal-elezzjonijiet Ewropej. Għalhekk jenħtieġ li jingħataw il-possibbiltà li jipparteċipaw bis-sħiħ fil-kampanji elettorali Ewropej, u li jressqu listi għall-Unjoni kollha, sabiex isiru magħrufa mill-eletturi u jsiru aktar viżibbli għalihom, kemm fuq il-poloz tal-votazzjoni kif ukoll fil-materjali u l-pubblikazzjonijiet tal-kampanja.

(11)  Il-kundizzjonijiet għall-għażla tal-kandidati u għall-preżentazzjoni tal-kandidaturi jenħtieġ li jkunu raġonevoli, ġusti, demokratiċi u proporzjonati u jenħtieġ li jirrispettaw il-prinċipji stabbiliti mill-Kodiċi ta' Prattika Tajba fi Kwistjonijiet Elettorali tal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt tal-Kunsill tal-Ewropa (il-Kummissjoni ta' Venezja). Barra minn hekk, fil-pjan ta' azzjoni Ewropew għad-demokrazija(5), il-Kummissjoni impenjat ruħha li tippromwovi l-aċċess għall-parteċipazzjoni demokratika, li tinvolvi l-inklużività u l-ugwaljanza fil-parteċipazzjoni demokratika, kif ukoll il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-politika u fit-teħid ta' deċiżjonijiet. Fl-istrateġija tagħha tal-2020-2025 dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri(6), il-Kummissjoni ddikjarat li "l-opportunità ugwali fil-parteċipazzjoni hija essenzjali għad-demokrazija rappreżentattiva fil-livelli kollha". L-ugwaljanza bejn il-ġeneri, kif ukoll il-proċeduri demokratiċi u trasparenti u d-deċiżjonijiet infurmati għall-għażla tal-kandidati għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, inkluż il-kandidat prinċipali, huma elementi fundamentali biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-entitajiet elettorali Ewropej kollha u biex jissaħħu r-rappreżentattività u d-demokrazija. Għal raġunijiet ta' ugwaljanza, dawk il-prinċipji jenħtieġ li japplikaw għal-listi kollha ta' kandidati fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew kemm fil-kostitwenzi nazzjonali kif ukoll fil-kostitwenza madwar l-Unjoni kollha.

(12)  It-trasparenza tal-proċess elettorali u l-aċċess għal informazzjoni affidabbli u f'waqtha dwar il-votanti u dwar il-kandidati huma importanti biex tiġi żgurata l-affidabbiltà tal-proċess elettorali, biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni politika Ewropea u biex tiġi żgurata parteċipazzjoni elettorali qawwija. Huwa importanti li jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar il-votanti sabiex tiġi evitata votazzjoni doppja. Barra minn hekk, iċ-ċittadini tal-Unjoni jenħtieġ li jiġu infurmati dwar il-kandidati li joħorġu għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, u fejn applikabbli dwar l-affiljazzjoni tal-partiti politiċi nazzjonali ma' partit politiku Ewropew, ferm qabel dawk l-elezzjonijiet. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi stabbilit reġistru elettorali Ewropew u limiti ta' żmien obbligatorji għall-istabbiliment tar-reġistru elettorali fil-livell Ewropew u nazzjonali u tal-listi ta' kandidati.

(13)  Awtorità Elettorali Ewropea li teżerċita mandat indipendenti u magħmula minn membri bl-għarfien espert u l-esperjenza meħtieġa hija essenzjali sabiex tiġi ġestita l-kostitwenza madwar l-Unjoni kollha. Il-kompiti ewlenin tal-Awtorità Elettorali Ewropea jenħtieġ li jinkludu l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u r-riżoluzzjoni tat-tilwim fir-rigward tal-istandards komuni tal-liġi elettorali Ewropea; il-ġestjoni tar-reġistru elettorali Ewropew; it-tħabbir tar-riżultati elettorali; u l-iżgurar ta' skambju effiċjenti ta' informazzjoni u tal-aħjar prattiki bejn il-korpi nazzjonali.

(14)  Sabiex jiġi żgurat li l-entitajiet elettorali Ewropej ikollhom biżżejjed fondi biex iwasslu l-messaġġi tagħhom u l-programmi politiċi tagħhom liċ-ċittadini tal-Unjoni, il-kampanja elettorali fil-kostitwenza madwar l-Unjoni kollha jenħtieġ li tingħata finanzjament adegwat.

(15)  Sabiex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-votant fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprevedu l-votazzjoni bil-posta u jistgħu jippermettu wkoll il-votazzjoni fiżika bil-quddiem u bi prokura. Filwaqt li jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill f'dak ir-rigward, u sabiex jittieħed vantaġġ sħiħ mill-possibbiltajiet offruti mill-iżviluppi teknoloġiċi, l-Istati Membri jistgħu jippermettu wkoll l-votazzjoni elettronika u online, filwaqt li jiżguraw l-aċċessibbiltà tas-sistemi elettroniċi u online, l-affidabbiltà tar-riżultati permezz ta' possibbiltà ta' għadd mill-ġdid, is-segretezza tal-vot, il-protezzjoni tad-data personali, f'konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni, u trasparenza sħiħa fit-tfassil u l-użu tas-sistemi elettroniċi u online; kif ukoll jiżguraw l-aċċessibbiltà għall-persuni b'diżabilità u għaċ-ċittadini kollha.

(16)  Iċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom id-dritt li jipparteċipaw fil-ħajja demokratika tagħha, b'mod partikolari, billi jivvutaw jew joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Id-dritt tal-vot u tal-kandidatura, u l-aċċess għall-informazzjoni u l-votazzjoni jenħtieġ li jiġu żgurati wkoll fuq bażi ugwali għaċ-ċittadini kollha, inkluż għall-persuni b'diżabilità. L-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni jeżerċitaw id-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, inklużi dawk li qed jgħixu jew jaħdmu f'pajjiżi barra mill-Unjoni, li huma mingħajr residenza permanenti, il-persuni mingħajr dar, li qed jiskontaw sentenza ta' ħabs fl-Unjoni jew dawk li qed jgħixu fi stabbilimenti residenzjali magħluqa bħal sptarijiet, istituzzjonijiet psikjatriċi u stabbilimenti oħra tal-kura tas-saħħa, djar għal min ikun irtirat u djar tal-kura għall-anzjani jew stabbilimenti residenzjali għall-persuni b'diżabilità. B'mod partikolari, l-Istati Membri jenħtieġ li jintroduċu miżuri xierqa, sabiex il-persuni li jgħixu fi stabbilimenti residenzjali magħluqa jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tal-vot tagħhom. Il-ħtiġijiet speċjali tal-persuni b'diżabilità jenħtieġ li jitqiesu meta jiġi żgurat l-aċċess għall-informazzjoni, għall-materjali tal-votazzjoni u għall-faċilitajiet tal-votazzjoni.

(17)  L-età minima għall-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tad-dritt li wieħed joħroġ bħala kandidat tvarja bejn is-27 Stat Membru minn 16-il sena għal 18-il sena. Jenħtieġ li tiġi introdotta età armonizzata unika għall-votazzjoni u biex wieħed joħroġ bħala kandidat fl-Unjoni kollha sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza u tiġi evitata d-diskriminazzjoni fl-aċċess għad-drittijiet ċiviċi u politiċi l-aktar fundamentali. Mingħajr preġudizzju għall-ordnijiet kostituzzjonali eżistenti li jistabbilixxu l-età minima ta' 18 jew 17-il sena biex wieħed ikun jista' jivvota, l-età minima biex wieħed ikun jista' jivvota jenħtieġ li tkun ta' 16-il sena. L-età minima biex wieħed joħroġ bħala kandidat jenħtieġ li tkun ta' 18-il sena. Irrispettivament mill-kapaċità ġuridika tagħhom, il-persuni kollha b'diżabilità, jenħtieġ li jgawdu drittijiet politiċi fuq bażi ugwali ma' ħaddieħor.

(18)  L-iskadenzi għat-tressiq tal-listi ta' kandidati għall-elezzjoniijiet għall-Parlament Ewropew u għall-istabbiliment tar-reġistri elettorali qabel l-elezzjonijiet Ewropej ivarjaw wisq minn Stat Membru għall-ieħor. Sabiex jiġi żgurat li l-kandidati u l-votanti madwar l-Unjoni jkollhom l-istess żmien disponibbli għall-kampanji jew għar-riflessjoni, u biex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar il-votanti, l-iskadenzi għat-tressiq tal-listi tal-kandidati u għall-istabbiliment tar-reġistri elettorali jenħtieġ li jkunu l-istess fl-Unjoni kollha.

(19)  Sabiex jiġi żgurat li l-partiti politiċi Ewropej, l-assoċjazzjonijiet Ewropej tal-votanti u entitajiet elettorali Ewropej oħra jkunu jidhru biżżejjed, huma meħtieġa regoli ċari u trasparenti dwar il-kampanji u dwar il-materjali elettorali uffiċjali. Tali regoli għandhom jippermettu lill-partiti politiċi Ewropej, lill-assoċjazzjonijiet Ewropej tal-votanti u lil entitajiet elettorali Ewropej oħra jużaw kwalunkwe forma ta' komunikazzjoni pubblika u materjal tal-kampanja elettorali. Tali regoli għandhom jippermettu lill-partiti politiċi Ewropej, lill-assoċjazzjonijiet Ewropej tal-votanti u lil entitajiet elettorali Ewropej oħra jindikaw l-affiljazzjonijiet tagħhom bi kwalunkwe forma ta' komunikazzjoni pubblika, materjal tal-kampanja elettorali u materjal elettorali uffiċjali bħall-poloz tal-votazzjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partiti politiċi Ewropej, l-assoċjazzjoni Ewropea tal-votanti u entitajiet elettorali Ewropej oħra jingħataw trattament u opportunitajiet indaqs fir-rigward tal-kampanja elettorali relatata mal-kostitwenza madwar l-Unjoni kollha.

(20)  L-Att Elettorali tal-1976 stabbilixxa perjodu elettorali komuni, li jagħti lill-Istati Membri s-setgħa li jistabbilixxu d-data eżatta u ż-żmien għall-elezzjonijiet f'dak il-perjodu. Elezzjoni verament pan-Ewropea tirrikjedi jum komuni Ewropew tal-votazzjoni. L-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għandhom isiru fid-9 ta' Mejju, Jum l-Ewropa, li jimmarka l-anniversarju tad-Dikjarazzjoni ta' Schuman tad-9 ta' Mejju 1950. Ir-riżultati tal-elezzjoni għandhom jiġu pproklamati mill-Awtorità Elettorali Ewropea u ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(21)  Fil-każ li Membru tal-Parlament Ewropew elett mill-kostitwenzi nazzjonali, jirriżenja, imut, jew ikollu l-mandat tiegħu rtirat, il-post vakanti li jirriżulta għandu jimtela skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Is-siġġijiet vakanti ta' Membri tal-Parlament Ewropew eletti fil-kostitwenza madwar l-Unjoni kollha għandhom jimtlew mill-kandidat li jmiss fil-listi rilevanti. Jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li jsiru sostituzzjonijiet temporanji f'każijiet ta' liv tal-maternità, tal-paternità jew tal-ġenituri u f'każ ta' mard serju tal-membri tal-Parlament Ewropew.

(22)  Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandhom jingħataw setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward tar-rekwiżiti tekniċi, inklużi l-format u d-data li għandha tingħata, għall-istabbiliment tar-reġistru elettorali Ewropew. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7).

(23)  Minħabba li l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'vot universali dirett f'konformità ma' proċedura elettorali uniformi fir-rigward tal-kostitwenza madwar l-Unjoni kollha u ma' prinċipji komuni għall-Istati Membri kollha, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista', minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b'vot universali dirett f'konformità ma' proċedura elettorali uniformi fir-rigward tal-kostitwenza madwar l-Unjoni kollha msemmija fl-Artikolu 15 u ma' prinċipji komuni għall-Istati Membri kollha.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)  "partit politiku" tfisser assoċjazzjoni ta' ċittadini li ssegwi objettivi politiċi u li tkun jew rikonoxxuta minn, jew stabbilita skont, l-ordni ġuridiku ta' mill-inqas Stat Membru wieħed f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(8); u inklużi dawk li beħsiebhom jiffurmaw jew jingħaqdu ma' koalizzjoni Ewropea ta' partiti politiċi nazzjonali u/jew assoċjazzjonijiet nazzjonali ta' votanti sabiex iressqu lista ta' kandidati għall-kostitwenza madwar l-Unjoni kollha u jagħmlu kampanja fiha;

(2)  "assoċjazzjoni ta' votanti" tfisser assoċjazzjoni ta' ċittadini li ssegwi objettivi politiċi li, minflok ma tiġi stabbilita bħala partit politiku, tkun irreġistrata bħala assoċjazzjoni ta' ċittadini f'konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, inklużi dawk li jkollhom il-ħsieb li jifformaw jew li jingħaqdu ma' koalizzjoni Ewropea ta' partiti politiċi nazzjonali u/jew assoċjazzjonijiet ta' votanti sabiex iressqu lista ta' kandidati għall-kostitwenza madwar l-Unjoni kollha u jagħmlu kampanji fiha;

(3)  "koalizzjoni Ewropea ta' partiti politiċi nazzjonali u/jew assoċjazzjonijiet nazzjonali ta' votanti" tfisser alleanza elettorali ta' partiti politiċi nazzjonali u/jew assoċjazzjonijiet nazzjonali ta' votanti, li jkunu rreġistrati f'mill-inqas kwart tal-Istati Membri, fejn meħtieġ aġġustati 'l fuq għall-eqreb numru sħiħ, li tressaq lista ta' kandidati lill-kostitwenza madwar l-Unjoni kollha u tagħmel kampanji f’tali kostitwenza;

(4)  "partit politiku Ewropew" tfisser alleanza politika ta' partiti politiċi nazzjonali li ssegwi objettivi politiċi u li tkun irreġistrata mal-Awtorità għall-Partiti Politiċi Ewropej u l-Fondazzjonijiet Politiċi Ewropej f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 għall-finijiet li tressaq lista ta' kandidati għall-kostitwenza madwar l-Unjoni kollha u tagħmel kampanji fiha;

(5)  "assoċjazzjoni Ewropea ta' votanti" tfisser assoċjazzjoni transnazzjonali ta' ċittadini rreġistrati f'mill-inqas kwart tal-Istati Membri, li tirrappreżenta mill-inqas numru ugwali għal 0.02 % tal-popolazzjoni bid-dritt tal-vot fl-Istati Membri rilevanti, li ssegwi objettivi politiċi, iżda li mhijiex stabbilita bħala partit politiku Ewropew, u li hija rikonoxxuta għall-finijiet li tressaq lista ta' kandidati għall-kostitwenza madwar l-Unjoni kollha u tagħmel kampanji fiha;

(6)  "koalizzjoni elettorali Ewropea" tfisser alleanza elettorali ta' żewġ partiti politiċi Ewropej u/jew assoċjazzjonijiet Ewropej ta' votanti, jew aktar, li tressaq lista ta' kandidati għall-kostitwenza madwar l-Unjoni kollha u tagħmel kampanja fiha, li magħha jistgħu jingħaqdu partiti politiċi nazzjonali u/jew assoċjazzjonijiet nazzjonali ta' votanti, dment li ma jkunux affiljati ma' xi partit politiku Ewropew;

(7)  "alleanza politika" tfisser kooperazzjoni strutturata bejn partiti politiċi u/jew ċittadini f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014;

(8)  "entità elettorali Ewropea" tfisser koalizzjoni Ewropea ta' partiti politiċi nazzjonali u/jew assoċjazzjonijiet nazzjonali ta' votanti, partit politiku Ewropew, assoċjazzjoni Ewropea ta' votanti, koalizzjoni elettorali Ewropea jew alleanza politika;

(9)  "lista għall-Unjoni kollha" tfisser il-lista tal-kandidati mressqa fil-kostitwenza madwar l-Unjoni kollha minn entità elettorali Ewropea.

Artikolu 3

Dispożizzjonijiet nazzjonali

Il-proċedura elettorali għall-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew għandha tkun irregolata b'dan ir-Regolament. Il-kwistjonijiet li mhumiex koperti minn dan ir-Regolament għandhom ikunu rregolati f'kull Stat Membru bid-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu.

Dawk id-dispożizzjonijiet nazzjonali m'għandhomx jaffettwaw in-natura proporzjonali tas-sistema tal-votazzjoni.

Fi kwalunkwe każ huma għandhom jiżguraw ir-rispett għall-istandards demokratiċi, li jwasslu għal rekwiżiti demokratiċi u proporzjonati għar-reġistrazzjoni ta' partit politiku jew assoċjazzjoni ta' votanti u għat-tressiq ta' lista ta' kandidati għall-kostitwenzi nazzjonali u għall-kostitwenza madwar l-Unjoni kollha.

Artikolu 4

Id-dritt tal-vot

1.  Kull ċittadin tal-Unjoni mill-età ta' 16-il sena, inklużi l-persuni b'diżabilità irrispettivament mill-kapaċità ġuridika tagħhom, għandu jkollu d-dritt li jivvota fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew mingħajr preġudizzju għall-ordnijiet kostituzzjonali eżistenti li jistabbilixxu età minima tal-vot ta' 18-il sena jew 17-il sena.

2.  L-ebda ċittadin tal-Unjoni li għandu l-jedd li jivvota ma jista' jivvota iktar minn darba fi kwalunkwe elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew fil-kostitwenzi nazzjonali jew fil-kostitwenza madwar l-Unjoni kollha.

3.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-votazzjoni doppja f'elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew tkun soġġetta għal pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 5

Id-dritt li toħroġ bħala kandidat

1.  Kull ċittadin tal-Unjoni mill-età ta' 18-il sena għandu jkollu d-dritt li joħroġ bħala kandidat għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew jew f'kostitwenza nazzjonali jew fil-kostitwenza madwar l-Unjoni kollha, jew fit-tnejn li huma.

2.  L-ebda ċittadin tal-Unjoni li għandu l-jedd li joħroġ bħala kandidat ma għandu joħroġ bħala kandidat f'aktar minn kostitwenza nazzjonali waħda u lanqas ma għandu jidher f'aktar minn lista għal kostitwenza nazzjonali waħda jew f'aktar minn lista għall-Unjoni kollha waħda fi kwalunkwe elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

Artikolu 6

Eżerċitar tad-dritt tal-vot

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni, inklużi dawk li jgħixu jew jaħdmu f'pajjiż terz, dawk mingħajr residenza permanenti, dawk li jgħixu f'ambjenti residenzjali magħluqa, dawk li qed jesperjenzaw il-kundizzjoni ta' persuni mingħajr dar jew dawk li qed jiskontaw sentenza ta' ħabs fl-Unjoni, ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew.

2.  Fir-rigward ta' dawk iċ-ċittadini li qed jiskontaw sentenza ta' ħabs fl-Unjoni, il- paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali jew għad-deċiżjonijiet tal-qorti mogħtija skont il-liġi nazzjonali.

Artikolu 7

Aċċessibbiltà

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-ċittadini kollha, inklużi l-persuni b'diżabilità, ikollhom aċċess ugwali għall-materjali rilevanti, għall-faċilitajiet tal-votazzjoni u għall-postijiet tal-votazzjoni.

2.  Abbażi tas-sistemi ta' votazzjoni nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu arranġamenti xierqa bil-għan li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-dritt tal-vot mill-persuni b'diżabilità, b'mod indipendenti u sigriet.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni b'diżabilità jirċievu, fuq talba tagħhom, assistenza fil-votazzjoni minn persuna tal-għażla tagħhom.

Artikolu 8

Vot bil-posta

1.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu l-vot bil-posta fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, inkluż għaċ-ċittadini li jgħixu f'pajjiż terz, u għandhom jadottaw miżuri li jiżguraw li l-vot bil-posta jkun aċċessibbli, b'mod partikolari għal persuni b'diżabilità. L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw l-affidabbiltà u s-segretezza tal-vot, u l-protezzjoni tad-data personali f'konformità mad-dritt tal-Unjoni applikabbli.

2.  L-Istati Membri jistgħu jipprovdu possibbiltajiet addizzjonali ta' votazzjoni permezz ta' votazzjoni fiżika minn qabel, votazzjoni bi prokura u votazzjoni b'sistemi elettroniċi u online.

Fil-każ ta' votazzjoni elettronika, online u bi prokura, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw l-affidabbiltà, l-integrità, is-segretezza tal-vot, it-trasparenza fit-tfassil u l-użu ta' sistemi elettroniċi u tal-internet, il-possibbiltà li jsir għadd mill-ġdid b'mod manwali jew elettroniku mingħajr ma jiġu kompromessi s-segretezza tal-vot u l-protezzjoni tad-data personali f'konformità mad-dritt applikabbli tal-Unjoni;

Artikolu 9

Stabbiliment tar-reġistri elettorali nazzjonali u tar-reġistru elettorali Ewropew

1.  Għall-fini li jinqabad u jiġi evitat l-ivvutar doppju fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, l-iskadenza għall-istabbiliment tar-reġistru elettorali f'kull Stat Membru għandha tkun ta' mhux aktar tard minn erbatax-il ġimgħa qabel Jum l-elezzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 19(1). L-iżbalji fir-reġistru elettorali jistgħu jiġu kkoreġuti sa Jum l-elezzjoni.

2.  Għall-fini tal-istabbiliment tar-reġistru elettorali Ewropew, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jipprovdu lill-Awtorità Elettorali Ewropea d-data kollha meħtieġa f'konformità mal-Artikolu 18. Il-kriterji li għandhom jiġu rreġistrati fir-reġistru elettorali nazzjonali għandhom ikunu rregolati b'dispożizzjonijiet nazzjonali.

3.  Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu r-rekwiżiti tekniċi, inklużi l-format u d-data li għandha tingħata għall-istabbiliment tar-reġistru elettorali Ewropew għall-implimentazzjoni tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 29.

Artikolu 10

Prinċipji tal-għażla tal-kandidati

1.  Il-partiti politiċi, l-assoċjazzjonijiet tal-votanti, l-alleanzi elettorali u l-entitajiet elettorali Ewropej kollha li jipparteċipaw fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għandhom josservaw proċeduri demokratiċi, it-trasparenza u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, permezz ta' miżuri li għandhom l-għan li jiżguraw li l-persuni eliġibbli kollha jkollhom opportunità indaqs li jiġu eletti, u kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew li tirrifletti d-diversità tal-Unjoni Ewropea, meta jagħżlu l-kandidati tagħhom biex joħorġu għall-elezzjoni għall-Parlament Ewropew. L-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandha tintlaħaq skont is-sistemi elettorali tal-Istati Membri u fi kwalunkwe każ fil-kostitwenza madwar l-Unjoni kollha bl-użu ta' listi jew kwoti "zipped", mingħajr ma jinkisru d-drittijiet tal-persuni mhux binarji.

2.  Membru ta' partit politiku, assoċjazzjoni ta' votanti jew entità elettorali Ewropea jista' jressaq ilment motivat ta' nuqqas ta' konformità mal-kriterji tal-proċeduri demokratiċi, tat-trasparenza u tal-ugwaljanza bejn is-sessi stabbiliti f'dan l-Artikolu mal-awtorità nazzjonali responsabbli jew l-Awtorità Elettorali Ewropea.

Artikolu 11

Tressiq tal-listi tal-kandidati

1.  L-iskadenza għat-tressiq tal-listi ta' kandidati għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għandha tkun ta' tnax-il ġimgħa qabel Jum l-elezzjoni msemmi fl-Artikolu 19(1).

2.  Mhux aktar tard minn 12-il ġimgħa qabel Jum l-elezzjoni, l-entitajiet elettorali Ewropej għandhom jipprovdu lill-Awtorità Elettorali Ewropea dokument li jistabbilixxi li l-kandidati kollha jagħtu l-kunsens tagħhom li jkunu inklużi fil-lista għall-Unjoni kollha. Dak id-dokument għandu jinkludi l-isem sħiħ tal-kandidati u n-numru tal-karta tal-identità jew tal-passaport tagħhom. Għandu jiġi ffirmat mill-kandidati u għandu jindika d-data u l-post tal-firma.

Artikolu 12

Sistema elettorali

1.  L-elezzjonijiet għandhom isiru b'vot universali dirett u għandhom ikunu ugwali, ħielsa u sigrieti. Kull votant għandu jkollu żewġ voti, wieħed biex jeleġġi l-Membri tal-Parlament Ewropew fil-kostitwenzi nazzjonali u wieħed biex jeleġġi Membri tal-Parlament Ewropew fil-kostitwenza madwar l-Unjoni kollha.

2.  Il-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom jiġu eletti bħala rappreżentanti taċ-ċittadini tal-Unjoni fuq il-bażi ta' rappreżentanza proporzjonali, fil-kostitwenzi nazzjonali u fil-kostitwenza madwar l-Unjoni kollha.

3.  Fil-kostitwenzi nazzjonali, il-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom jiġu eletti permezz ta' kwalunkwe sistema nazzjonali ta' rappreżentanza proporzjonali li s-soltu tintuża mill-Istati Membri.

4.  Fil-kostitwenza madwar l-Unjoni kollha, il-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom jiġu eletti permezz tas-sistema ta' lista magħluqa.

Artikolu 13

Limitu elettorali

1.  L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limitu minimu għall-allokazzjoni ta' siġġijiet. Fil-livell nazzjonali, dan il-limitu ma għandux jeċċedi l-5 % tal-voti validi mitfugħa.

2.  Għall-kostitwenzi nazzjonali, li jkunu magħmula minn aktar minn 60 siġġu, għandu jiġi stabbilit limitu u dan ma għandux ikun ta' inqas minn 3.5 % tal-voti validi mitfugħa fil-kostitwenza kkonċernata.

3.  Il-limiti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżenzjonijiet magħmula fil-liġi nazzjonali għall-partiti politiċi jew l-assoċjazzjonijiet ta' votanti li jirrappreżentaw minoranzi nazzjonali jew lingwistiċi rikonoxxuti.

4.  Għandha ssir eżenzjoni mil-limiti nazzjonali stabbiliti fil-paragrafu 2 għall-partiti politiċi jew l-assoċjazzjonijiet ta' votanti, irreġistrati fi kwart tal-Istati Membri u li jiksbu mill-inqas miljun vot madwar l-Unjoni, li fil-polza tal-votazzjoni nazzjonali tagħhom jinkludu l-isem uniku u l-logo tal-entità elettorali Ewropea li huma affiljati magħha, u fejn xieraq, ikunu adattaw għal-lingwi tal-Istati Membri kkonċernati.

5.  Ma għandu jkun hemm l-ebda limitu minimu għall-allokazzjoni ta' siġġijiet fil-kostitwenza madwar l-Unjoni kollha msemmija fl-Artikolu 15.

Artikolu 14

Kostitwenzi nazzjonali

F'konformità mas-sistwazzjoni nazzjonali speċifika tiegħu u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 15, kull Stat Membru jista' jistabbilixxi kostitwenti uniċi għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew jew jissuddividi ż-żona elettorali tiegħu b'mod differenti, mingħajr ma jaffettwa n-natura proporzjonali tas-sistema tal-votazzjoni b'mod ġenerali.

L-Istati Membri jistgħu jiffurmaw kostitwenzi b'membru wieħed li jirrappreżentaw minoranzi lingwistiċi jew etniċi, ċittadini extra-Ewropej, reġjuni ultraperiferiċi jew territorji extra-Ewropej f'konformità mar-regolamenti nazzjonali, mingħajr ma jaffettwaw in-natura proporzjonali tas-sistema tal-votazzjoni.

Artikolu 15

Kostitwenza madwar l-Unjoni kollha

1.  Għandu jkun hemm kostitwenza waħda ffurmata mit-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea li minnha għandhom jiġu eletti 28 Membru tal-Parlament Ewropew fl-ewwel elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Għall-elezzjonijiet tal-Membri tal-Parlament Ewropew minn hemm 'il quddiem, id-daqs tal-kostitwenza madwar l-Unjoni kollha għandu jiġi determinat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew.

2.  L-elezzjoni fir-rigward tal-kostitwenza madwar l-Unjoni kollha għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-membri tal-Parlament Ewropew eletti f'kull Stat Membru.

3.  L-entitajiet elettorali Ewropej kollha f'konformità mal-Artikolu 2 jistgħu jressqu lill-Awtorità Elettorali Ewropea listi għall-Unjoni kollha.

4.  L-ebda entità elettorali Ewropea ma tista' tressaq aktar minn lista għall-Unjoni kollha waħda. Il-partiti nazzjonali u l-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-votanti jistgħu jappoġġjaw biss lista għall-Unjoni kollha waħda.

5.  Il-poloz tal-votazzjoni li jkun fihom il-listi għall-Unjoni kollha għandu jkollhom l-isem u l-logo tal-entità elettorali Ewropea rispettiva.

6.  Għall-kandidati li jgħixu f'pajjiż terz, il-post ta' residenza tal-kandidat għall-finijiet tat-tfassil tal-lista tal-Unjoni kollha għandu jkun dak fejn kienu qabel ma telqu mill-Unjoni Ewropea. Għall-kandidati li twieldu u huma residenti f'pajjiż terz, il-post ta' residenza għall-finijiet tat-tfassil tal-lista tal-Unjoni kollha għandu jikkorrispondi ma' dak tal-Istat Membru tan-nazzjonalità tal-kandidat.

7.  Il-listi tal-Unjoni kollha għandhom jinkludu għadd ta' kandidati daqs in-numru ta' mandati msemmija fil-paragrafu 1.

8.  Il-listi għall-Unjoni kollha għandhom jitfasslu mill-entitajiet elettorali Ewropej f'konformità mal-prinċipji kif stabbiliti fl-Artikolu 10(1).

9.  Sabiex jiġi żgurat bilanċ ġeografiku, il-listi tal-Unjoni kollha huma maqsuma f'taqsimiet ta' tliet slots. Kull wieħed minn dawn it-tliet slots għandu jimtela b'kandidat wieħed ġej minn kull wieħed mit-tliet gruppi ta' Stati Membri kif definit fl-Anness I u kif muri b'eżempju fl-Anness II.

10.  L-ordni ta' kandidati residenti fi kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri f'kull wieħed mit-tliet gruppi ta' Stati Membri inklużi fl-Anness I għandha tvarja f'kull taqsima tal-lista ta' tliet slots sal-islot tal-lista li jikkorrispondi għan-numru li jirriżulta mid-diviżjoni tal-għadd totali ta' siġġijiet bi tnejn, fejn meħtieġ b'aġġustament 'il fuq san-numru sħiħ li jmiss.

11.  Il-popolazzjoni totali tal-Istati Membri għandha tiġi kkalkolata mill-Kummissjoni (Eurostat) abbażi tad-data l-aktar reċenti pprovduta mill-Istati Membri, f'konformità ma' metodu stabbilit permezz tar-Regolament (UE) Nru 1260/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(9).

12.  It-tqassim tas-siġġijiet għal-listi tal-Unjoni kollha abbażi tar-riżultati aggregati fil-kostitwenza madwar l-Unjoni kollha għandu jsir f'konformità mas-sistema D'Hondt, kif ġej:

(a)  l--għadd ta' voti miksuba mill-kandidati jiġu ordnati mill-ogħla sal-anqas, f'kolonna;

(b)  l-għadd ta' voti miksuba minn kull kandidatura jiġi diviż b'1,2,3, eċċ., sa numru ugwali għan-numru ta' siġġijiet li jikkorrispondu għall-kostitwenza, li jiffurmaw tabella simili għal dik li tidher fl-Anness III. Is-siġġijiet jiġu attribwiti lill-kandidati li jiksbu l-ogħla proporzjonijiet fit-tabella, li jidhru f'ordni dixxendenti;

(c)  meta żewġ siġġijiet li jikkorrispondu għal kandidaturi differenti jikkoinċidu fil-lista ta' kwozjenti, is-siġġu jiġi allokat lil-lista bl-ogħla għadd totali ta' voti miksuba. Jekk ikun hemm żewġ kandidati bl-istess għadd ta' voti, l-ewwel okkażjoni fejn il-kandidati jġibu l-istess voti tiġi solvuta minn lotterija u dawk suċċessivi b'mod alternattiv.

13.  Ix-xandara pubbliċi Ewropej u nazzjonali għandhom jagħtu ħin tax-xandir bi proporzjon mar-riżultati tal-elezzjoni preċedenti lill-kostitwenza madwar l-Unjoni kollha, filwaqt li jiżguraw ħin minimu ta' xandir għal kull lista ta' madwar l-Unjoni kollha.

Artikolu 16

Finanzjament tal-kampanji elettorali tal-entitajiet elettorali Ewropej

Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli IV u V tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-finanzjament tal-kampanji elettorali tal-entitajiet elettorali Ewropej.

Artikolu 17

Dispożizzjonijiet komuni relatati mal-kampanji elettorali

1.  Il-kampanji elettorali ma għandhomx jibdew qabel tmien ġimgħat qabel Jum l-elezzjoni.

2.  Il-kampanji elettorali jikkonsistu f'li l votanti jintalbu l-vot tagħhom f'elezzjoni għall-Parlament Ewropew permezz ta' materjal stampat jew diġitali u formati oħra ta' komunikazzjoni pubblika, reklamar fuq il-media, u avvenimenti pubbliċi. Il-materjali tal-kampanji elettorali għandhom jinkludu l-logo u referenza għall-manifest jew il-programm tal-entità elettorali Ewropea li huwa affiljat magħha l-partit nazzjonali.

3.  Il-materjali tal-kampanji elettorali għandhom ikunu aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità.

4.  Fil-kostitwenzi nazzjonali, il-poloz tal-votazzjoni użati fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għandhom ikunu uniformi, jagħtu viżibbiltà indaqs lill-ismijiet, l-akronimi, is-simboli u l-logos, jekk ikun hemm, tal-partiti politiċi nazzjonali u/jew l-assoċjazzjonijiet nazzjonali ta' votanti, u lil dawk tal-entitajiet elettorali Ewropej meta jkunu affiljati ma' kwalunkwe wieħed minnhom, u għandu jkun fihom il-lista tal-ismijiet tal-kandidati u, fejn xieraq, tas-sostituti, fl-ordni li fiha jidhru fil-listi elettorali rilevanti.

5.  Ir-regoli dwar l-impustar ta' materjali elettorali lill-votanti fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għandhom ikunu l-istess bħal dawk applikati għall-elezzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Istat Membru kkonċernat.

6.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet elettorali Ewropej jingħataw trattament u opportunitajiet indaqs bħala partiti politiċi nazzjonali u assoċjazzjonijiet nazzjonali ta' votanti fir-rigward tal-kampanja elettorali relatata mal-kostitwenza madwar l-Unjoni kollha.

7.  L-Istati Membri għandhom jimplimentaw perijodu ta' riżerva elettorali Ewropea ta' 48 siegħa qabel Jum l-elezzjoni, li matulu ma għandux ikun permess li l-eletturi jiġu mistoqsija dwar l-intenzjonijiet tal-vot tagħhom.

Artikolu 18

L-awtoritajiet ta' kuntatt

1.  Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità ta' kuntatt responsabbli għall-iskambju, mal-kontropartijiet tagħha fl-Istati Membri l-oħra u mal-Awtorità Elettorali Ewropea stabbilita f'konformità mal-Artikolu 28, tad-data dwar il-votanti meħtieġa għall-istabbiliment tar-reġistru elettorali Ewropew f'konformità mal-Artikolu 9(2), u dwar il-kandidati.

2.  L-awtorità ta' kuntatt imsemmija fil-paragrafu 1 għandha, f'konformità mad-dritt tal-Unjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data personali, tibda tibgħat lil dawk il-kontropartijiet u lill-Awtorità Elettorali Ewropea, mhux aktar tard minn sitt ġimgħat qabel Jum l-elezzjoni, id-data indikata fl-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/109/KE(10) dwar iċ-ċittadini tal-Unjoni li, fi Stat Membru li ma jkunux ċittadini tiegħu, ikunu ddaħħlu fir-reġistru elettorali nazzjonali u fir-reġistru elettorali Ewropew jew ikunu ħerġin bħala kandidati.

Artikolu 19

Jum l-elezzjoni

1.  L-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għandhom isiru fid-9 ta' Mejju tal-aħħar sena ta' leġiżlatura, kif imsemmi fl-Artikolu 20 ("Jum l-elezzjoni").

2.  Matul il-ħinijiet tal-ftuħ tal-postijiet tal-votazzjoni u minn nofs siegħa qabel il-ftuħ tal-postijiet tal-votazzjoni, kwalunkwe attività politika fil-postijiet tal-votazzjoni jew fil-viċinanzi tagħhom għandha tiġi pprojbita, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe attività organizzata biex tiċċelebra Jum l-Ewropa fl-Istati Membri.

3.  L-elezzjonijiet għandhom jintemmu fl-Istati Membri kollha sad-21:00 ħin lokali f'Jum l-Elezzjoni. Biex titqies id-differenza fil-ħin, l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew jistgħu jsiru fit-8 ta' Mejju tal-aħħar sena ta' leġiżlatura fil-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej tal-Unjoni.

4.  L-Istati Membri ma għandhomx jippubblikaw ir-riżultati tal-għadd tal-voti tagħhom uffiċjalment jew fuq bażi proviżorja qabel ma tkun għalqet il-votazzjoni, f'konformità mal-paragrafu 3, fl-Istat Membru li l-eletturi tiegħu jkunu l-aħħar li jivvutaw.

5.  L-Istati Membri jistgħu jiddikjaraw Jum l-elezzjoni btala nazzjonali.

Artikolu 20

Determinazzjoni u pubblikazzjoni tar-riżultati tal-elezzjoni

1.  Ir-riżultati tal-elezzjoni fil-kostitwenza fl-Unjoni kollha u fil-kostitwenzi nazzjonali għandhom jiġu pproklamati, f'dik l-ordni, mill-Awtorità Elettorali Ewropea, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet ta' kuntatt.

2.  Ir-riżultati uffiċjali tal-elezzjonijiet għandhom jiġu ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 21

Leġiżlatura u mandat

1.  Il-mandat ta' ħames snin li għalih il-Membri tal-Parlament Ewropew jiġu eletti għandu jibda mal-ftuħ tal-ewwel seduta ta' wara kull elezzjoni (il-"leġiżlatura").

2.  Il-mandat ta' kull Membru tal-Parlament Ewropew għandu jibda u jintemm f'konformità mal-leġiżlatura (il-"mandat").

Artikolu 22

Tlaqqigħ tal-Parlament

Minbarra l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 229 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew għandu jiltaqa', mingħajr il-bżonn li jiġi msejjaħ, nhar l-ewwel Tlieta wara li jkun għadda intervall ta' xahar minn Jum l-elezzjoni.

Artikolu 23

Verifika ta' kredenzjali

Il-Parlament Ewropew għandu jivverifika l-kredenzjali tal-Membri tal-Parlament Ewropew.

Għal dan il-għan, għandu jieħu nota tar-riżultati ddikjarati uffiċjalment mill-Istati Membri u pproklamati mill-Awtorità Elettorali Ewropea.

Artikolu 24

Inkompatibilitajiet

1.  Il-kariga ta' Membru tal-Parlament Ewropew għandha tkun inkompattibli mal-karigi li ġejjin:

–  membru tal-gvern ta' Stat Membru,

–  membru ta' parlament nazzjonali jew reġjonali jew assemblea b'setgħat leġiżlattivi,

–  membru tal-Kummissjoni Ewropea,

–  Imħallef, Avukat Ġenerali jew Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,

–  membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew,

–  membru tal-Qorti tal-Awdituri,

–  Ombudsman Ewropew,

–  membru tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali,

–  membru tal-Kumitat tar-Reġjuni,

–  membru ta' kumitati jew korpi oħra mwaqqfa skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jew it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għall-finijiet ta' mmaniġġjar tal-fondi tal-Unjoni jew għat-twettiq ta' ħidma amministrattiva diretta permanenti,

–  membru tal-Bord tad-Diretturi, il-Kumitat ta' Tmexxija jew il-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment,

–  uffiċjal jew impjegat attiv tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jew tal-korpi speċjalizzati marbuta magħhom jew tal-Bank Ċentrali Ewropew.

2.   Kull Stat Membru jista' jadotta regoli nazzjonali addizzjonali dwar l-inkompatibbiltà mal-kariga ta' Membru tal-Parlament Ewropew.

3.  Il-Membri tal-Parlament Ewropew li għalihom jibdew japplikaw il-paragrafi 1 u 2 matul il-leġiżlatura, għandhom jiġu sostitwiti f'konformità mal-Artikolu 27.

Artikolu 25

Attivitajiet parlamentari esterni

Mal-elezzjoni, il-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom jaħtru l-muniċipalità u, fejn applikabbli, ir-reġjun, fl-Istat Membru ta' residenza tagħhom, li minnu se jwettqu attivitajiet parlamentari esterni.

Artikolu 26

Vot personali u indipendenti

1.  Il-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom jivvutaw fuq bażi individwali u personali. Ma għandhomx jiġu mxekkla minn xi istruzzjonijiet u ma għandhomx jirċievu mandat li jorbothom.

2.  Il-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom igawdu mill-privileġġi u l-immunitajiet applikabbli għalihom bis-saħħa tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, mill-mument meta jiġi ddikjarat uffiċjalment li jkunu ġew eletti għall-Parlament Ewropew.

Artikolu 27

Karigi vakanti

1.  Siġġu għandu jkun vakanti meta l-mandat ta' Membru tal-Parlament Ewropew jintemm b'riżultat tar-riżenja jew mewt tal-Membru, jew minħabba l-irtirar tal-mandat tiegħu.

2.  F'każ ta' mewt, riżenja, jew irtirar tal-mandat ta' Membru tal-Parlament Ewropew elett fil-kostitwenza madwar l-Unjoni kollha, il-President tal-Parlament Ewropew għandu jinforma minnufih lill-Awtorità Elettorali Ewropea.

Il-post vakanti għandu jimtela mill-kandidat li jmiss fil-lista ta' kandidati li fiha l-Membru li miet, irriżenja jew ġie rtirat kien ġie elett oriġinarjament.

3.  Soġġett għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta' dan ir-Regolament, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi l-proċeduri xierqa għall-mili ta' kwalunkwe siġġu li jispiċċa vakanti matul il-leġiżlatura, għall-bqija ta' dak il-perjodu.

4.  Meta l-liġi ta' Stat Membru tagħmel dispożizzjoni espliċita għat-tneħħija tal-mandat ta' Membru tal-Parlament Ewropew, dak il-mandat għandu jispiċċa permezz ta' dawk id-dispożizzjonijiet legali. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jinfurmaw lill-Parlament Ewropew b'dan.

5.  Meta siġġu jispiċċa vakanti b'riżultat ta' riżenja jew mewt, il-President tal-Parlament Ewropew għandu jinforma b'dan minnufih lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat u lill-Awtorità Elettorali Ewropea.

6.  Meta l-Parlament jiddikjara post vakanti ta' siġġu ta' membru elett mill-kostitwenza madwar l-Unjoni kollha, il-President għandu jinforma lill-Awtorità Elettorali Ewropea b'dan u jistedinha timla s-siġġu għall-bqija tal-mandat mingħajr dewmien.

Is-siġġijiet vakanti ta' membri tal-Parlament Ewropew eletti mill-kostitwenza madwar l-Unjoni kollha għandhom jimtlew mill-kandidat li jmiss fil-lista rilevanti, skont l-ordni ta' preċedenza.

7.  Il-Parlament jista', fuq talba tal-Membru kkonċernat, u bil-qbil tal-Istat Membru kkonċernat jew tal-Awtorità Elettorali Ewropea, jipproponi sostituzzjoni temporanja tal-Membru kkonċernat f'każ ta' liv tal-maternità, tal-paternità jew tal-ġenituri jew fil-każ ta' liv minħabba mard serju.

Meta siġġu jsir temporanjament vakanti għal kwalunkwe waħda mir-raġunijiet spjegati fl-ewwel subparagrafu, il-Membru kkonċernat għandu jiġi sostitwit temporanjament għal perijodu ta' sittax-il ġimgħa mill-kandidat li jmiss fuq il-lista rilevanti, li jista' jiddeċiedi jekk jimliex is-siġġu vakanti jew le. Rifjut li jimliex is-siġġu vakanti ma jwassalx għat-telf tal-pożizzjoni fil-lista rilevanti għal postijiet vakanti futuri. Il-perjodu ta' sittax-il ġimgħat jista' jiġġedded.

Artikolu 28

Awtorità Elettorali Ewropea

1.  Awtorità Elettorali Ewropea (l-"Awtorità Elettorali Ewropea") hija b'dan stabbilita għall-fini ta':

(a)  l-iżgurar tal-implimentazzjoni korretta ta' dan ir-Regolament kif ukoll it-twettiq u l-monitoraġġ tal-proċess elettorali tal-kostitwenza madwar l-Unjoni kollha;

(b)  id-definizzjoni tal-proċedura applikabbli għall-ilmenti skont l-Artikolu 10(2) fir-rigward tal-kostitwenza madwar l-Unjoni kollha;

(c)  l-eżerċitar tal-funzjonijiet kollha relatati mal-proċess elettorali tal-kostitwenza madwar l-Unjoni kollha u l-koordinament mal-awtoritajiet ta' kuntatt imsemmija fl-Artikolu 18;

(d)  il-verifika li l-entitajiet elettorali Ewropej jissodisfaw il-kondizzjonijiet għat-tressiq ta' listi għall-Unjoni kollha skont l-Artikolu 15;

(e)  il-ġestjoni tar-reġistru elettorali Ewropew stabbilit fl-Artikolu 9;

(f)  il-proklamazzjoni tar-riżultati elettorali f'konformità mal-Artikolu 20;

(g)  id-deċiżjoni dwar kwalunkwe tilwim li jista' jinqala' abbażi tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għajr dawk li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li għalihom jirreferi dan ir-Regolament.

L-Awtorità Elettorali Ewropea tista' wkoll tipprovdi assistenza f'każ ta' diffikultajiet relatati mal-interpretazzjoni tal-listi mressqa mill-awtoritajiet nazzjonali.

2.  L-Awtorità Elettorali Ewropea għandha tkun indipendenti u għandha teżerċita l-funzjonijiet tagħha f'konformità sħiħa ma' dan ir-Regolament.

3.  L-Awtorità Elettorali Ewropea għandha tipproklama l-listi għall-Unjoni kollha ħdax-il ġimgħa qabel Jum l-elezzjoni.

Hija għandha tistabbilixxi u timmaniġġja Reġistru tal-listi għall-Unjoni kollha differenti mressqa mill-entitajiet elettorali Ewropej. L-informazzjoni fir-reġistru għandha tkun pubblika.

Fid-deċiżjonijiet tagħha, l-Awtorità Elettorali Ewropea għandha tqis bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali għall-vot u għall-ħruġ bħala kandidat.

4.  Kull Stat Membru għandu jaħtar membru wieħed tal-Awtorità Elettorali Ewropea, magħżul minn fost professuri tal-liġi jew tax-xjenza politika u esperti oħra fis-sistemi elettorali abbażi tal-kwalitajiet professjonali tagħhom u b'rispett għall-bilanċ bejn il-ġeneri. Il-membri tal-Awtorità Elettorali Ewropea għandhom jeleġġu l-president, il-viċi president u s-segretarju tagħha b'maġġoranza sempliċi, f'votazzjoni separata. L-Awtorità Elettorali Ewropea għandha tagħmel ħilitha biex tieħu deċiżjonijiet b'kunsens. Jekk ma jkunx possibbli li tieħu deċiżjoni b'kunsens, l-Awtorità Elettorali Ewropea għandha tiddeċiedi b'votazzjoni b'maġġoranza sempliċi.

Il-membri kollha tal-Awtorità Elettorali Ewropea għandhom ikunu indipendenti fil-qadi ta' dmirijiethom. Huma la għandhom ifittxu u l-anqas jieħdu struzzjonijiet mill-ebda istituzzjoni jew gvern u mill-ebda korp, uffiċċju jew aġenzija oħra. Huma ma għandhomx ikunu Membri jew ex Membri tal-Parlament Ewropew, tal-parlamenti nazzjonali jew tal-gvernijiet nazzjonali. Barra minn hekk, huma ma għandhomx ikollhom xi mandat elettorali, jew ikunu uffiċjali jew aġenti oħra ta' xi istituzzjoni tal-Unjoni jew ta' xi partit politiku Ewropew jew assoċjazzjoni Ewropea ta' votanti, jew ta' xi fondazzjoni politika Ewropea.

Il-membri tal-Awtorità Elettorali Ewropea għandhom jinħatru għal mandat ta' ħames snin li jiġġedded darba.

5.  L-Awtorità Elettorali Ewropea għandha tkun irrappreżentata mill-president tagħha li għandu jiżgura l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet kollha tal-Awtorità Elettorali Ewropea f'isimha.

Il-president tal-Awtorità Elettorali Ewropea għandu jżomm lura minn kwalunkwe att li huwa inkompatibbli man-natura tad-dmirijiet tiegħu jew tagħha.

Jekk membru tal-Awtorità Elettorali Ewropea, inkluż il-president, ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għat-twettiq ta' dmirijietu, huwa jista' jitkeċċa permezz ta' votazzjoni appoġġjata minn mill-inqas tlieta minn kull ħames membri tal-Awtorità Elettorali Ewropea abbażi ta' rapport li jagħti proposta motivata ta' tkeċċija.

Il-mandat ta' ħames snin tal-Awtorità Elettorali Ewropea għandu jibda sentejn u nofs wara l-bidu tal-leġiżlatura. L-ewwel mandat tal-Awtorità Elettorali Ewropea għandu jibda mill-aktar fis possibbli wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Post vakanti fl-Awtorità Elettorali Ewropea kkawżat minn riżenja, irtirar, tkeċċija jew mewt għandu jimtela f'konformità mal-istess proċedura bħal dik applikabbli għall-ħatra inizjali.

6.  L-Awtorità Elettorali Ewropea għandha tgawdi personalità ġuridika u għandu jkollha l-uffiċċji, il-persunal, is-servizzi u l-faċilitajiet ta' appoġġ amministrattiv meħtieġa biex twettaq il-funzjonijiet tagħha.

7.  L-Awtorità Elettorali Ewropea għandha tressaq rapport lill-Parlament Ewropew dwar l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet Ewropej u dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u l-kisba tal-għanijiet tiegħu, fi żmien disa' xhur wara l-elezzjonijiet Ewropej.

8.  L-ispejjeż tal-Awtorità Elettorali Ewropea, inkluża r-remunerazzjoni tal-membri tagħha, għandhom jiġu ffinanzjati minn approprjazzjonijiet mill-baġit ġenerali tal-Unjoni.

L-approprjazzjonijiet tal-baġit għandhom ikunu biżżejjed biex tiġi żgurata l-operazzjoni sħiħa u indipendenti tal-Awtorità Elettorali Ewropea. Il-president tal-Awtorità Elettorali Ewropea għandu jressaq lill-Parlament Ewropew abbozz ta' pjan baġitarju, u dan għandu jsir pubbliku. Il-Parlament Ewropew għandu jiddelega d-dmirijiet ta' Uffiċjal Awtorizzanti fir-rigward ta' dawk l-approprjazzjonijiet lill-president tal-Awtorità Elettorali Ewropea.

Artikolu 29

Proċedura ta' kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 30

Tħassir

1.  L-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b'vot universali dirett, kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom li tistabbilixxi dak l-Att, huwa mħassar.

2.  Ir-referenzi għall-Att imħassar għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 31

Klawżola ta' Rieżami

Mhux aktar tard minn sena wara kull elezzjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew għandu, wara konsultazzjoni mal-Awtorità Elettorali Ewropea, iressaq rapport dwar il-funzjonament ġenerali ta' dan ir-Regolament akkumpanjat, jekk ikun xieraq, minn proposta leġiżlattiva biex jiġi emendat dan ir-Regolament.

Artikolu 32

Dħul fis-seħħ

1.  Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara dak tal-approvazzjoni tiegħu mill-Istati Membri, f'konformità mar-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

2.  L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bit-twettiq tal-proċeduri nazzjonali tagħhom.

(1) ĠU L 278, 8.10.1976, p. 5.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom tal-20 ta' Settembru 1976 (ĠU L 278, 8.10.1976, p. 1).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom tal-25 ta' Ġunju u tat-23 ta' Settembru 2002 li temenda l-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rappreżentanti għall-Parlament Ewropew b'vot dirett universali, anness mad-Deċiżjoni 76/787/KEFA, KEE, Euratom (ĠU L 283, 21.10.2002, p. 1).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2018/994 tat-13 ta' Lulju 2018 li temenda l-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b'vot universali dirett, anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom tal-20 ta' Settembru 1976 (ĠU L 178, 16.7.2018, p. 1), li mhijiex fis-seħħ.
(5) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-pjan ta' azzjoni Ewropew għad-Demokrazija (COM(2020)0790).
(6) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni "Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija ta' Ugwaljanza Bejn il-Ġeneri għall-2020-2025" (COM(2020)0152).
(7) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(8) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (ĠU L 317, 4.11.2014, p. 1).
(9) Ir-Regolament (UE) Nru 1260/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar statistika demografika Ewropea (ĠU L 330, 10.12.2013, p. 39).
(10) Id-Direttiva tal-Kunsill 93/109/KE tas-6 ta' Diċembru 1993 dwar arranġamenti dettaljati sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għal-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini tal-Unjoni li joqgħodu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini, (ĠU L 329, 30.12.1993, p. 34).


ANNESS I.

TABELLA - 27 STAT MEMBRU TAL-UE SKONT IL-KATEGORIJI TAL-POPOLAZZJONI

Kategoriji

Stat Membru

Popolazzjoni totali

Grupp A (37,9 miljun – 83.,1 miljun)

il-Ġermanja

83 166 711

Franza

67 320 216

l-Italja

59 641 488

Spanja

47 332 614

il-Polonja

37 958 138

Grupp B (6,9 miljun – 19,3 miljun)

ir-Rumanija

19 328 838

in-Netherlands

17 407 585

il-Belġju

11 522 440

il-Greċja

10 718 565

ir-Repubblika Ċeka

10 693 939

l-Isvezja

10 327 589

il-Portugall

10 295 909

l-Ungerija

9 769 526

l-Awstrija

8 901 064

il-Bulgarija

6 951 482

Grupp Ċ (0,5 miljun – 5,8 miljun)

id-Danimarka

5 822 763

il-Finlandja

5 525 292

is-Slovakkja

5 457 873

l-Irlanda

4 964 440

il-Kroazja

4 058 165

il-Litwanja

2 794 090

is-Slovenja

2 095 861

il-Latvja

1 907 675

l-Estonja

1 328 976

Ċipru

888 005

il-Lussemburgu

626 108

Malta

514 564

Sors: https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/tps00001/default/table?lang=en


ANNESS II

Eżempju prattiku ta' lista tal-Unjoni kollha bl-użu tal-grupp tat-tliet kategoriji bi 28 siġġu.

A1, A2, A3, A4, A5, B1, B2, B3, B4, B5, B7, B8, B9, B10, C1, C2, C3, C4, C5, C6, C7, C8, C9, C10, C11, C12 huma eżempji ta' kandidati mill-Istati Membri skont il-kategorija tal-popolazzjoni

Eżempju ta' Lista tal-Unjoni kollha

Taqsimiet

Numru tas-slott

Kandidati minn

Taqsima 1

1

A1

2

B7

3

C7

Taqsima 2

4

B10

5

C5

6

A3

Taqsima 3

7

A2

8

C3

9

B7

Taqsima 4

10

B5

11

C3

12

A4

Taqsima 5

13

A5

14

C12

15

B9

Taqsima 6

16

A4

17

A2

18

B2

Taqsima 7

19

B3

20

A1

21

B8

Taqsima 8

22

C1

23

C2

24

B4

Taqsima 9

25

A5

26

C8

27

B1

Taqsima 10

28

B7


ANNESS III

Eżempju prattiku - Il-Metodu D'Hondt

Eżempju prattiku: 1 000 000 vot validu mitfugħa f'kostitwenza li teleġġi 5 Membri.

A (350.000 vot), B (300 000 vot), C (150 000 vot), D (100 000 vot), E (70 000 vot), F (30 000 vot)

Diviżjoni 1 2 3 4 5

A 350 000 175 000 116 666 87 500 70 000

B 300 000 150 000 100 000 75 000 60 000

C 150 000 75 000 50 000 37 500 30 000

D 100 000 50 000 33 333 25 000 20 000

E 70 000 35 000 23 333 17 500 14 000

F 30 000 15 000 10 000 7 500 6 000

B'konsegwenza ta' dan, A jikseb 2 siġġijiet, B jikseb 2 siġġijiet u C jikseb siġġu 1.

Aġġornata l-aħħar: 21 ta' Awwissu 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza